Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0283

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-22 ta’ Frar 2024.
    VA vs Deutsche Rentenversicherung Bund.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni għal inkapaċità totali għax-xogħol – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor – Applikabbiltà – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini – Rabta suffiċjenti bejn dawn il-perijodi għat-trobbija u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni.
    Kawża C-283/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:144

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

    22 ta’ Frar 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni għal inkapaċità totali għax-xogħol – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor – Applikabbiltà – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini – Rabta suffiċjenti bejn dawn il-perijodi għat-trobbija u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni”

    Fil-Kawża C‑283/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein‑Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura

    VA

    vs

    Deutsche Rentenversicherung Bund,

    fil-preżenza ta’:

    RB,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, F. Biltgen (Relatur), J. Passer u M. L. Arastey Sahún, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: D. Dittert, kap ta’ diviżjoni,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Mejju 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

    għall-Gvern Ċek, minn J. Pavliš, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, J. M. Hoogveld u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart, B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Ottubru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VA, minn naħa, u d-Deutsche Rentenversicherung Bund (l-Organu Federali ta’ Assigurazzjoni għall-Irtirar, il-Ġermanja), min-naħa l-oħra, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni minn dan l-organu tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn VA fi Stat Membru ieħor għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol tagħha.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    Ir‑Regolament (KE) Nru 883/2004

    3

    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), li daħal fis-seħħ fl‑20 ta’ Mejju 2004, għandu l-għan li jikkoordina s-sistemi nazzjonali ta’ sigurtà soċjali. Skont l-Artikolu 91 tiegħu, huwa applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 987/2009, li, skont l-Artikolu 97 tiegħu, huwa l‑1 ta’ Mejju 2010.

    4

    Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 883/2004 tipprovdi:

    “Ir-regoli għall-kordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali jaqgħu taħt il-qafas tal-moviment liberu ta’ persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib tal-livell ta’ għajxien tagħhom u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg.”

    5

    L-Artikolu 1(t) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “perijodu ta’ assigurazzjoni” bħala l-perijodi ta’ kontribuzzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha kif iddefiniti jew irrikonoxxuti bħala perijodi ta’ assigurazzjoni mil-leġiżlazzjoni li taħthom ikunu twettqu jew meqjusin bħala li twettqu, kif ukoll il-perijodi kollha meqjusin bħala tali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tqishom bħala ekwivalenti għal perijodi ta’ assigurazzjoni.

    6

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Persuni koperti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

    7

    It-Titolu II tal-istess regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Regoli ġenerali”, li jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

    “1.   Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ dan it-Titolu, persuni li qegħdin jirċievu benefiċċji fi flus minħabba jew bħala konsegwenza ta’ l-attività tagħhom bħala persuni impjegati jew bħala persuni impjegati għal rashom, għandhom jitqiesu bħallikieku qegħdin iwettqu din l-attività. Dan ma japplikax għal pensjonijiet marbuta ma’ l-invalidità, pensjonijiet ta’ l-età, pensjonijiet tas-superstiti jew għal pensjonijiet marbutin ma inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew ma’ mard marbut max-xogħol jew għal benefiċċji fi flus marbutin ma’ mard li jkopru trattament għal perjodu mhux determinat.

    3.   Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

    a)

    persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    b)

    persuna impjegata maċ-ċivil għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-amministrazzjoni li timpjegah jew li timpjegaha;

    ċ)

    persuna li tirċievi benefiċċji minħabba li ma taħdimx skond l-Artikolu 65 taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    d)

    persuna msejħa jew imsejħa mill-ġdid biex isservi fil-forzi armati jew biex tagħmel servizz maċ-ċivil fi Stat Membru, għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

    e)

    kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

    8

    Skont l-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Disposizzjonijiet transitorji”:

    “1.   L-ebda dritt ma jista’ jinkiseb taħt dan ir-Regolament għall-perjodu ta’ qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni tiegħu.

    2.   Kull perjodu ta’ assigurazzjoni u, fejn jixraq, kull perjodu ta’ impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru qabel il-jum ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat għandhom jitqiesu għad-determinazzjoni tad-drittijiet miksuba taħt dan ir-Regolament.

    3.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 1, dritt għandu jinkiseb taħt dan ir-Regolament anki jekk dan jitratta kontinġenza li tqum qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru konċernat.

    […]”

    Ir‑Regolament Nru 987/2009

    9

    Ir-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi l-proċedura ta’ implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, skont l-Artikolu 89 ta’ dan tal-aħħar.

    10

    L-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament Nru 987/2009 huwa fformulat kif ġej:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    c) għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament [Nru 883/2004].”

    11

    L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Kunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal”, jipprovdi:

    “1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tat-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.

    2.   Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], ma jittieħed kont ta’ ebda “perijodu għat-trobbija tat-tfal”, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-Regolament [Nru 883/2004], kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-“perijodu għat-trobbija tat-tfal” għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.

    3.   Il-paragrafu 2 m’għandux japplika jekk il-persuna kkonċernata hija, jew issir, suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minħabba attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.”

    12

    L-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 987/2009, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji”, huwa fformulat kif ġej:

    “L-Artikolu 87 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandu japplika għas-sitwazzjonijiet koperti [mir-Regolament Nru 987/2009].”

    Id‑dritt Ġermaniż

    13

    L-Artikolu 56 tas-Sozialgesetzbuch, Sechstes Buch (VI) – Gesetzliche Rentenversicherung (is-Sitt Ktieb tal-Kodiċi Soċjali: Skema Statutorja tal-Assigurazzjoni għal Pensjoni, iktar ’il quddiem is-“SGB VI”), kif emendat bil-liġi tat‑28 ta’ Novembru 2018 (BGBl. I, p. 2016) (iktar ’il quddiem is-“SGB VI emendat fl‑2018”), huwa fformulat kif ġej:

    “(1)   ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ huwa perijodu ddedikat għat-trobbija tat-tfal matul l-ewwel tliet snin tal-ħajja tat-tarbija. Perijodu ta’ trobbija tat-tfal huwa kkreditat għal wieħed mill-ġenituri tal-minuri […] jekk:

    1. il-perijodu għat-trobbija tat-tfal għandu jiġi attribwit lil dak il-ġenitur,

    2. it-trobbija tat-tfal tkun saret fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew tista’ tiġi ttrattata bħala li saret hemmhekk; u

    3. dak il-ġenitur ma jkunx ipprojbit milli jiġi kkreditat b’dak il-perijodu.

    […]

    (3)   Trobbija tkun saret fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jekk il-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild. Ikun hemm assimilazzjoni ma’ trobbija fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta l-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild tiegħu barra mill-pajjiż u, ikun kiseb perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja matul il-perijodu għat-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tal-wild minħabba l-attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa hemmhekk. Fil-każ ta’ residenza komuni ta’ konjuġi jew sħab barra mill-pajjiż, dan japplika wkoll fil-każ meta dan il-konjuġi jew sieħeb tal-ġenitur responsabbli għat-trobbija tal-wild kien kiseb tali perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja jew inkella ma kisibhomx għas-sempliċi raġuni li kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (4), jew kien eżenti mill-assigurazzjoni obbligatorja.

    […]

    (5)   Il-perijodu tat-trobbija tat-tfal għandu jibda fl-aħħar tax-xahar li matulu twieled il-wild u għandu jintemm wara 36 xahar kalendarju […]”

    14

    L-Artikolu 57 tas-SGB VI, kif emendat bil-Liġi tal‑21 ta’ Marzu 2001 (BGBl. I, p. 403), jipprevedi:

    “Il-perijodu għat-trobbija ta’ wild sakemm dan jagħlaq għaxar snin jikkostitwixxi għal wieħed mill-ġenituri perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm matul dan il-perijodu jiġu ssodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet tal-ikkreditar ta’ perijodu għat-trobbija ta’ wild. Dan japplika wkoll għall-perijodi ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha li ma kinux biss negliġibbli, sa fejn dawn il-perijodi huma wkoll perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja.”

    15

    L-Artikolu 249(1) tas-SGB VI, kif emendat bil-Liġi tat‑23 ta’ Ġunju 2014 (BGB1. I, p. 787), huwa fformulat kif ġej:

    “Għal minuri mwieled qabel l‑1 ta’ Jannar 1992, il-perijodu għat-trobbija jintemm 24 xahar wara t-tmiem tax-xahar li matulu jkun twieled il-minuri.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    16

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija ċittadina Ġermaniża, imwielda fl‑1958 f’Aachen (il-Ġermanja).

    17

    Mill‑1962 sal‑2010, hija għexet f’Vaals (il-Pajjiżi l-Baxxi), belt li tinsab madwar 5 kilometri ’l bogħod minn Aachen. Hija attendiet l-iskola f’din l-aħħar belt u, f’Awwissu 1975, bdiet hemmhekk titħarreġ bħala edukatur iċċertifikat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    18

    Fl‑1 ta’ Awwissu 1978, VA bdiet perijodu ta’ prova ta’ sena f’kindergarten li jinsab f’Aachen. Skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, din is-sena kellha titqies bħala perijodu ta’ impjieg fil-Ġermanja, suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja. Madankollu, peress li ma kienx hemm biżżejjed pożizzjonijiet bi ħlas disponibbli, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet dan il-perijodu ta’ prova tagħha mingħajr ħlas u, għalhekk, kienet eżentata minn tali assigurazzjoni. Għalhekk, hija ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja matul dan il-perijodu ta’ prova.

    19

    Meta ntemm il-perijodu ta’ prova tagħha, mill‑1 ta’ Awwissu 1979 ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali reġgħet bdiet it-taħriġ tagħha f’Aachen bħala edukatur iċċertifikat mill-Istat u lestiet il-Fachhochschulreife (il-baċellerat professjonali), filwaqt li kompliet tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi. Meta temmet it-taħriġ tagħha, f’Lulju tal‑1980, ma wettqet l-ebda attività professjonali fil-Ġermanja jew fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    20

    Fil‑15 ta’ Novembru 1986 u fit‑2 ta’ Ġunju 1989, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali welldet żewġ ulied, li trabbew fil-Pajjiżi l-Baxxi u marru l-iskola fil-Ġermanja. F’dak iż-żmien, hija ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

    21

    Bejn Settembru 1993 u Awwissu 1995, hija eżerċitat attività bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Ġermanja li fir-rigward tagħha hija ma ħallsitx kontribuzzjonijiet għal din l-iskema. Sussegwentement, bejn April 1999 u Ottubru 2012, hija okkupat fil-Ġermanja impjieg meqjus bħala “minuri” skont id-dritt Ġermaniż, li ma huwiex suġġett għall-assigurazzjoni obbligatorja.

    22

    Matul is-sena 2010, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali marret tgħix il-Ġermanja. Wara Ottubru 2012, hija bdiet teżerċita hemmhekk attività bħala persuna impjegata u, f’dan il-kuntest, ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

    23

    Minn Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali rċeviet mingħand l-organu ta’ assigurazzjoni għall-irtirar, il-konvenut fil-kawża prinċipali, pensjoni minħabba inkapaċità totali għax-xogħol. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ din il-pensjoni, il-konvenut fil-kawża prinċipali, qies li, minbarra l-perijodi li matulhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja Ġermaniża, jiġifieri mill‑2012, il-perijodi rilevanti kienu jinkludu dawk li matulhom hija kienet għaddejja minn taħriġ professjonali fil-Ġermanja (jiġifieri bejn Awwissu 1975 u Lulju 1978, u bejn Awwissu 1979 u Lulju 1980), kif ukoll il-perijodu bejn l‑1 ta’ April u l‑1 ta’ Ġunju 1999, li matulu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, filwaqt li rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi, kienet eżerċitat attività bħala persuna impjegata fil-Ġermanja mingħajr ma kienet suġġetta għal assigurazzjoni obbligatorja.

    24

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem qorti Ġermaniża tal-ewwel istanza, li fil-kuntest tiegħu hija sostniet li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni Ġermaniża tagħha għal inkapaċità totali għax-xogħol, il-konvenut fil-kawża prinċipali kien, b’mod żbaljat, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi rilevanti, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija kienet wettqet fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn il‑15 ta’ Novembru 1986 u l‑31 ta’ Marzu 1999 mingħajr ma eżerċitat attività professjonali (iktar ’il quddiem il-“perijodi kontenzjużi”). Dan ir-rikors ġie miċħud.

    25

    Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat mid-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors tagħha quddiem il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

    26

    Din il-qorti tosserva li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI emendat fl‑2018, il-perijodi kontenzjużi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali peress li ż-żewġ ulied tagħha ma trabbewx fil-Ġermanja matul dawn il-perijodi. L-imsemmija perijodi lanqas ma jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI emendat fl‑2018 peress li, sabiex dan ikun possibbli, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha tirrisjedi abitwalment barra l-pajjiż ma’ wliedha u, matul jew immedjatament qabel l-istess perijodi, kellha tkun ikkontribwixxiet fil-Ġermanja fuq il-bażi ta’ attività mwettqa barra mill-pajjiż bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma humiex issodisfatti f’dan il-każ peress li, fiż-żmien tat-twelid ta’ wliedha, li seħħ matul il-perijodi kontenzjużi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx teżerċita attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Ġermanja.

    27

    Madankollu, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), il-konvenut fil-kawża prinċipali għandux, fid-dawl ta’ ċerti elementi li jidhru li jindikaw l-eżistenza ta’ “rabta suffiċjentement stretta” bejn il-perijodi kontenzjużi u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fis-sistema tal-irtirar Ġermaniża, jieħu inkunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 21 TFUE dawn il-perijodi kontenzjużi għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni Ġermaniża minħabba inkapaċità totali għax-xogħol tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

    28

    F’dan ir-rigward, minn naħa, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475). Fil-fatt, qabel it-twelid ta’ wliedha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja fil-Ġermanja u ma kinitx ikkontribwixxiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja Ġermaniża. Barra minn hekk, f’dak iż-żmien hija kienet tirrisjedi b’mod permanenti fil-Pajjiżi l-Baxxi u ma kinitx sempliċement ittrasferiet ir-residenza tagħha hemmhekk b’mod temporanju bħal f’din l-aħħar kawża.

    29

    Min-naħa l-oħra, l-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-istorja kollha ta’ impjieg tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija marbuta mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija attendiet l-iskola esklużivament fil-Ġermanja, li hija għamlet hemmhekk perijodu ta’ prova ta’ sena li kien ikun suġġett għal assigurazzjoni obbligatorja li kieku ma kienx għall-fatt li kien hemm numru insuffiċjenti ta’ pożizzjonijiet bi ħlas li kienu disponibbli fiż-żmien rilevanti, u li s-snin l-oħra li matulhom hija wettqet taħriġ professjonali kienu rreġistrati bħala “perijodi rilevanti għall-pensjoni”. Barra minn hekk, uliedha attendew l-iskola fil-Ġermanja u hija u l-familja tagħha kienu stabbilixxew ir-residenza tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi, qrib ħafna tal-fruntiera mal-Ġermanja.

    30

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li d-dritt nazzjonali Ġermaniż ma jieħux inkunsiderazzjoni l-perijodi kontenzjużi huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

    31

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    Skont il-leġiżlazzjoni tar-[Renju tal-]Pajjiżi l-Baxxi, bħala l-Istat Membru responsabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament (KE) [Nru 883/2004], perijodu ta’ trobbija tat-tfal fis-sens tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) [Nru 987/2009], għandu jiġi kkunsidrat mill-fatt li l-perijodu tat-trobbija tat-tfal fil-Pajjiżi l-Baxxi, purament bħala perijodu ta’ residenza, jistabbilixxi drittijiet għall-pensjoni?

    2)

    [Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv, l]-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, insegwitu għas-sentenzi tat‑23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C‑135/99, EU:C:2000:647) u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li jfisser li l-Istat Membru responsabbli għandu jqis ukoll il-perijodu tat-trobbija tat-tfal jekk il-persuna li trabbi t-tfal, qabel u wara l-perijodu tat-trobbija tat-tfal, għandha perijodi ta’ drittijiet għall-pensjoni minħabba taħriġ jew impjieg biss taħt l-iskema ta’ dan l-Istat, iżda ma għamlitx kontribuzzjonijiet f’din l-iskema immedjatament qabel jew wara li rabbiet it-tfal?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel domanda

    32

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandux jiġi interpretat fis-sens li perijodu għat-trobbija tat-tfal, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitqies li ttieħed inkunsiderazzjoni meta, skont id-dritt tal-Istat Membru kompetenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, din tippermetti, bħala perijodu ta’ residenza, il-kisba ta’ drittijiet għal pensjoni f’dan l-Istat Membru.

    33

    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 4344, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    34

    Fil-kawża prinċipali, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex, konformement mal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-istituzzjoni ta’ Stat Membru, f’dan il-każ l-istituzzjoni Ġermaniża, tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ, il-Pajjiżi l-Baxxi, tliet kundizzjonijiet kumulattivi għandhom jiġu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel, li l-perijodi għat-trobbija tat-tfal ma jittiħdux inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat Membru, it-tieni, li l-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru kienet preċedentement applikabbli għall-persuna kkonċernata minħabba l-eżerċizzju, minn din tal-aħħar, ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha f’dan l-Istat Membru, u, it-tielet, li din il-persuna baqgħet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru minħabba l-eżerċizzju ta’ din l-attività fid-data li fiha, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, il-perijodu għat-trobbija tat-tfal beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat.

    35

    Din id-dispożizzjoni tippreċiża li din id-data hija ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-Istat Membru li jirregolaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal. Skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, id-dati rilevanti għal dan l-għan huma, f’dan il-każ, id-dati tat-twelid taż-żewġt itfal tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri l‑15 ta’ Novembru 1986 u t‑2 ta’ Ġunju 1989.

    36

    Issa, għalkemm, skont l-Artikolu 87(3) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Artikolu 93 tar-Regolament Nru 987/2009, dan l-aħħar regolament huwa applikabbli ratione temporis għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din madankollu ma tissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 peress li, la qabel u lanqas fid-data li fiha hija bdiet trabbi lil uliedha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitat attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fil-Ġermanja.

    37

    Għaldaqstant, għandu jitqies li din l-aħħar dispożizzjoni ma hijiex applikabbli f’dan il-każ u li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

    38

    Minn dan isegwi li l-ewwel domanda preliminari hija inammissibbli.

    Fuq it‑tieni domanda

    39

    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu t-tilwimiet li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi magħmula lilha minn dawn il-qrati (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, Staatsanwaltschaft Köln u Bundesamt für Güterverkehr, C‑937/19, EU:C:2021:555, punt 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    40

    F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-suġġett tal-kawża prinċipali jikkonċerna l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-konvenut fil-kawża prinċipali, għall-finijiet tal-għoti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ pensjoni minħabba inkapaċità totali għax-xogħol, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minnha fil-Pajjiżi l-Baxxi. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tindika li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma jidhrux li huma ssodisfatti fil-kawża prinċipali, tistaqsi madankollu jekk, fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE, il-konvenut fil-kawża prinċipali huwiex obbligat, konformement mal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert (C‑522/10, EU:C:2012:475), tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal u dan, minkejja l-fatt li, b’differenza mill-persuna kkonċernata mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma eżerċitatx attività li tagħti lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet lill-assigurazzjoni obbligatorja fil-Ġermanja qabel u immedjatament wara t-twettiq tal-perijodi għat-trobbija ta’ wliedha fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, Stat Membru li fih hija kienet tirrisjedi, mhux b’mod temporanju, iżda għal diversi snin.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda għandha tinftiehem bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 21 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stat Membru ieħor, iżda hija wettqet esklużivament, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, perijodi ta’ assigurazzjoni fl-ewwel Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara dawn il-perijodi għat-trobbija, dan l-Istat Membru huwiex obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar minkejja l-fatt li din il-persuna ma ħallsitx kontribuzzjonijiet fl-imsemmi Stat Membru qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.

    42

    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija l-uniku Stat Membru kompetenti għall-finijiet tal-għoti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ta’ pensjoni minħabba inkapaċità totali għax-xogħol, liema pensjoni hija unikament inkwistjoni fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż għalhekk indika li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellha ebda dritt għal pensjoni ta’ dan it-tip fil-Pajjiżi l-Baxxi, peress li hija qatt ma ħadmet hemmhekk. Għalhekk jidher li l-perijodi kontenzjużi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-finijiet tal-għoti ta’ tali pensjoni.

    43

    Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 21 TFUE, perijodi bħall-perijodi kontenzjużi għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni tal-Istat Membru debitur tal-pensjoni għal inkapaċità totali tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

    44

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009 ma jirregolax it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija ta’ tfal barra mill-pajjiż b’mod esklużiv u fejn l-għan li tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ moviment liberu kif stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE jipprevalixxi wkoll fil-kuntest tar-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009, it-tagħlim tas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert, (C‑522/10, EU:C:2012:475), jista’ jiġi traspost għal sitwazzjoni li fiha r-Regolament Nru 987/2009 huwa applikabbli ratione temporis, iżda fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività ta’ persuna impjegata jew ta’ persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament biex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, ta’ perijodi għat-trobbija ta’ tfal li wettqet fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi tat-trobbija tat-tfal mwettqa barra mill-pajjiż),C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 62).

    45

    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ma kinitx tissodisfa din il-kundizzjoni, iżda kienet esklużivament ħadmet u kkontribwixxiet fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha, kemm qabel kif ukoll wara ċ-ċaqliq tagħha fi Stati Membri oħra, li fihom hija kienet iddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha, kienet teżisti rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna barra mill-pajjiż u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tax-xjuħija tagħha. Għaldaqstant, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-Istat Membru huwa obbligat jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal skont l-Artikolu 21 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi tat-trobbija tat-tfal mwettqa barra mill-pajjiż),C‑576/20, EU:C:2022:525, punti 6566).

    46

    Għalhekk mill-ġurisprudenza ċċitata fiż-żewġ punti preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 21 TFUE jobbliga lill-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni inkwistjoni jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ din il-pensjoni, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor meta jiġi stabbilit li teżisti rabta suffiċjenti bejn l-imsemmija perijodi għat-trobbija tat-tfal u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa minn din il-persuna minħabba l-eżerċizzju ta’ attività professjonali fl-ewwel Stat Membru.

    47

    L-eżistenza ta’ tali “rabta suffiċjenti” għandha wkoll titqies li hija stabbilita meta l-persuna kkonċernata tkun wettqet esklużivament perijodi ta’ assigurazzjoni, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tagħha, kemm qabel kif ukoll wara t-twettiq tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha fi Stat Membru ieħor.

    48

    Għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li, skont l-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 883/2004, li huwa wkoll rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE, l-espressjoni “perijodi ta’ assigurazzjoni” tfisser il-perijodi ta’ kontribuzzjoni, ta’ impjieg jew ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha kif iddefiniti jew irrikonoxxuti bħala perijodi ta’ assigurazzjoni mil-leġiżlazzjoni li taħthom ikunu twettqu jew meqjusin bħala li twettqu, kif ukoll il-perijodi kollha meqjusin bħala tali, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tqishom bħala ekwivalenti għal perijodi ta’ assigurazzjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li ċerti perijodi tal-ħajja ta’ persuna, li matulhom hija ma tkunx eżerċitat attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja u għalhekk ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet, għandhom jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fl-Istat Membru kkonċernat.

    49

    F’każ bħal dan, il-fatt li l-persuna kkonċernata ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet f’dan l-Istat Membru matul il-perijodi hekk assimilati, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, ma’ tali perijodi ta’ assigurazzjoni ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa minn din il-persuna fi Stat Membru ieħor u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-ewwel Stat Membru.

    50

    F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, qabel u wara t-twettiq tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali wettqet esklużivament fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja perijodi ta’ assigurazzjoni. Fil-fatt, jidher li, qabel it-twelid ta’ wliedha, hija wettqet perijodi ta’ taħriġ professjonali fil-Ġermanja li, minkejja li ma tawx lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet, huma assimilati mid-dritt Ġermaniż ma’ perijodi ta’ assigurazzjoni. Barra minn hekk, bejn it-tmiem tal-perijodi għat-trobbija ta’ wliedha u Ottubru 2012, hija tidher li kellha impjieg minuri fil-Ġermanja li huwa wkoll simili, skont id-dritt Ġermaniż, għal perijodu ta’ assigurazzjoni minkejja li ma tax lok għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet. Fl-aħħar nett, minn Ottubru 2012 sa Marzu 2018, jidher li hija eżerċitat attività professjonali fil-Ġermanja suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja u għalhekk ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja statutorja ta’ dan l-Istat Membru.

    51

    Għaldaqstant, jidher, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li fil-kawża prinċipali teżisti rabta suffiċjenti bejn il-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-perijodi ta’ assigurazzjoni li hija wettqet esklużivament fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kemm qabel kif ukoll wara dawn il-perijodi għat-trobbija, u dan, minkejja l-fatt li din il-persuna ma ħallsitx kontribuzzjonijiet f’dan l-aħħar Stat Membru qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.

    52

    F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tul tal-perijodu ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru li fih hija ddedikat ruħha għat-trobbija ta’ wliedha huwa irrilevanti.

    53

    Konsegwentement, f’tali sitwazzjoni, l-Istat Membru debitur tal-pensjoni inkwistjoni ma jistax, mingħajr ma jiżvantaġġa ċ-ċittadini nazzjonali tiegħu li għamlu użu mil-libertà ta’ moviment tagħhom u mingħajr ma jikser l-Artikolu 21 TFUE, jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal għas-sempliċi raġuni li dawn twettqu fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2012, Reichel-Albert,C‑522/10, EU:C:2012:475, punti 414244, kif ukoll tas‑7 ta’ Lulju 2022, Pensionsversicherungsanstalt (Perijodi tat-trobbija tat-tfal mwettqa barra mill-pajjiż)C‑576/20, EU:C:2022:525, punt 64).

    54

    Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni fejn, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-persuna kkonċernata tkun wettqet esklużivament, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, perijodi ta’ assigurazzjoni fl-Istat Membru debitur tal-pensjoni tagħha għal inkapaċità totali tax-xogħol, kemm qabel kif ukoll wara t-twettiq ta’ perijodi għat-trobbija tat-tfal fi Stat Membru ieħor, l-ewwel Stat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 21 TFUE, jieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-għoti ta’ din il-pensjoni, dawn il-perijodi għat-trobbija minkejja l-fatt li din il-persuna ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet f’dan l-ewwel Stat Membru qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi ta’ trobbija.

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 sabiex tikseb, għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stat Membru ieħor, iżda hija tkun wettqet esklużivament, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, perijodi ta’ assigurazzjoni fl-ewwel Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara dawn il-perijodi għat-trobbija, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar, minkejja l-fatt li din il-persuna ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet fl-imsemmi Stat Membru qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.

    Fuq l‑ispejjeż

    56

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-persuna kkonċernata ma tkunx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha imposta mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali sabiex tikseb, għall-għoti ta’ pensjoni għall-inkapaċità totali għax-xogħol, it-teħid inkunsiderazzjoni, mill-Istat Membru debitur ta’ din il-pensjoni, tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal li hija tkun wettqet fi Stat Membru ieħor, iżda wettqet esklużivament, bħala perijodi ta’ taħriġ jew ta’ attività professjonali, perijodi ta’ assigurazzjoni fl-ewwel Stat Membru, kemm qabel kif ukoll wara dawn il-perijodi għat-trobbija, dan l-Istat Membru huwa obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar, minkejja l-fatt li din il-persuna ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet fl-imsemmi Stat Membru qabel u lanqas immedjatament wara l-imsemmija perijodi għat-trobbija.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Top