Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0270

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tat-2 ta’ Marzu 2023.
    A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Rikonoxximent fi Stat Membru ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliema tal-kindergarten – Professjoni rregolata – Dritt ta’ aċċess għall-professjoni abbażi ta’ diploma maħruġa fl-Istat Membru ta’ oriġini – Kwalifika professjonali miksuba f’pajjiż terz.
    Kawża C-270/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:147

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

    2 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Rikonoxximent fi Stat Membru ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliema tal-kindergarten – Professjoni rregolata – Dritt ta’ aċċess għall-professjoni abbażi ta’ diploma maħruġa fl-Istat Membru ta’ oriġini – Kwalifika professjonali miksuba f’pajjiż terz”

    Fil-Kawża C‑270/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ April 2021, fil-proċedura

    A

    fil-preżenza ta’:

    Opetushallitus

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

    komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, L. S. Rossi, J.‑C. Bonichot (Relatur), S. Rodin u O. Spineanu‑-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

    għall-Gvern Estonjan,, minn M. Kriisa, bħala aġent,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u A. Hanje, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Huttunen, M. Mataija u I. Söderlund, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Settembru 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) u (3) kif ukoll l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115.), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn A dwar id-deċiżjoni tal-Opetushallitus (l-Aġenzija Nazzjonali Finlandiża għall-Edukazzjoni) li tiċħad l-applikazzjoni tiegħu għar-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali ta’ għalliem tal-kindergarten.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    “Il-premessi 1 u 14 tad-Direttiva 2005/36 huma fformulati kif ġej:

    (1)

    Skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tat-Trattat, l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri, ta’ ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi huwa wieħed mill-għanijiet tal-Komunità. Għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, din tinkludi, b’mod partikolari, id-dritt li wieħed jeżerċita professjoni, għal rasu jew bħala impjegat, fi Stat Membru li mhuwiex dak fejn ikun kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu. Barra minn hekk, l-Artikolu 47(1) tat-Trattat jistabbilixxi li għandhom jiġu ppubblikati direttivi għar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħra ta’ kwalifiki formali.

    […]

    (14)

    Il-mekkaniżmu għar-rikonoxximent stabbilit mid-Direttivi 89/48/KEE [Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol., p. 337)] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 47) ma jinbidilx. […]”

    4

    Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36:

    “Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta’ l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni.

    […]”

    5

    L-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

    “1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati.

    […]

    2.   Kull Stat Membru jista’ jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li għandhom prova ta’ kwalifiki professjonali mhux miksuba fi Stat Membru sabiex jeżerċitaw professjoni regolata skond id-definizzjoni ta’ l-Artikolu 3(1)(a) fit-territorju tiegħu, skond ir-regoli tiegħu. […]”

    6

    L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    ‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; […]

    b)

    ‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

    c)

    ‘prova ta’ kwalifiki formali’: diplomi, ċertifikati u provi oħra maħruġa minn awtorità fi Stat Membru nominata skond dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amminstrattivi ta’ dak l-Istat Membru u li jiċċertifikaw it-temma b’suċċess ta’ taħriġ professjonali miksub prinċiparjament fil-Komunità. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, prova ta’ kwalifiki formali msemmija fil-paragrafu 3 għandha tiġi ttrattata bħala prova ta’ kwalifiki formali;

    […]

    e)

    ‘edukazzjoni u taħriġ regolat’: kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali; jew bi prattika bi prova jew professjonali.

    L-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru konċernat jew evalwat jew approvat mill-awtorità maħtura għal dan l-iskop;

    f)

    ‘ esperjenza professjonali’: it-twettiq attwali u legali full-time jew part-time ekwivalenti tal-professjoni kkonċernata fi Stat Membru;

    […]

    3.   Prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-professjoni konċernata fit-territorju ta’ l-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta’ kwalifiki formali skond l-Artikolu 2(2), iċċertifikata minn dak l-Istat Membru.”

    7

    Skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva 2005/36:

    “1.   Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti lill-benefiċjarji sabiex, f’dak l-Istat Membru, jaċċedu għall-istess professjoni bħal dik li huma kkwalifikati għaliha fl-Istat Membru ta’ oriġini u sabiex jeżerċitaw din il-professjoni fl-Istat Membru ospitanti bl-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu.

    2.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-professjoni li l-applikant jixtieq li jeżerċita fl-Istat Membru ospitanti hija l-istess bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jekk l-attivitajiet koperti huma paragunabbli.

    […]”

    8

    L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kondizzjonijiet għar-rikonoxximent”, jistabbilixxi:

    1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    a)

    inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

    b)

    jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għall-eżerċitar tal-professjoni kkonċerata.

    Is-sena ta’ esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta’ kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati.

    […]”

    9

    L-Artikolu 59(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni [Ewropea] lista ta’ professjonijiet regolati eżistenti, u jispeċifikaw l-attivitajiet koperti minn kull professjoni, u lista ta’ edukazzjoni u taħriġ regolat, u taħriġ bi struttura speċjali, imsemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 11, fit-territorju tagħhom sat‑18 ta’ Jannar 2016. Kull bidla għal dawk il-listi għandha tiġi nnotifikata wkoll lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux xieraq. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ dejta pubblikament disponibbli ta’ professjonijiet regolati, inkluża deskrizzjoni ġenerali ta’ attivitajiet koperti minn kull professjoni.”

    Id‑dritt Finlandiż

    10

    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-laki ammattipätevyyden tunnustamisesta (1384/2015) (il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, Nru 1384/2015)); din il-liġi tirregola r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2005/36. L-Artikolu 6 ta’ dik il-liġi jispeċifika l-kundizzjonijiet għal tali rikonoxximent.

    Id‑dritt Estonjan

    11

    Ir-rekwiżiti ta’ kwalifiki tal-għalliema tal-kindergarten fl-Estonja huma stabbiliti mill-haridusministri 26. augusti 2002. aasta määrus “Koolieelse lasteasutuse pedagoogide kvalifikatsiooninõuded” (RTL 2002, 96, 1486; RT I, 03.09.2013, 36) (ir-Regolament tal-Ministru għall-Edukazzjoni dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten) tas‑26 ta’ Awwissu 2002 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten”).

    12

    Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Il-persuna li timpjega għandha tevalwa l-kompetenza tal-ħaddiem li jokkupa l-kariga kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalifika previsti f’dan ir-regolament. […]”

    13

    Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, il-kwalifiki rikjesti għal ħalliema ta’ skola tal-kindergarten huma diploma ta’ edukazzjoni superjuri u kompetenzi pedagoġiċi. L-Artikolu 37 tal-istess regolament jipprevedi li l-kwalifiki rikjesti rregolati minn dak l-istrument ma japplikawx għal persuni li ħadmu bħala għalliema ta’ skola tal-kindergarten qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 u li huma kkwalifikati jew meqjusa li għandhom il-kwalifiki xierqa għal kariga simili konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Settembru 2013.

    14

    Wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni Ewropea fl‑1 ta’ Mejju 2004, il-Vabariigi Valitsuse a määrus nr 120 “Eesti Vabariigi kvalifikatsioonide ja 20. augustit 1991. a antud endise NSV Liidu kvalifikatoonide vastavus” (RT I 2005, 32, 241; RT I, 28.07.2020, 6) (Regolament Nru 120 tal-Gvern dwar il-Korrispondenza bejn id-Diplomi tar-Repubblika tal-Estonja u d-Diplomi tal-ex-USSR”) kienu rrikonoxxuti qabel l-ex USSR maħruġa qabel l‑20 ta’ Awwissu 1991), tas-6 ta’ Ġunju 2005 jistabbilixxi l-korrispondenza bejn il-kwalifiki li kienu rrikonoxxuti mill-ex Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi u li ngħataw qabel l‑20 ta’ Awwissu 1991 u l-livelli ta’ edukazzjoni ġenerali u edukazzjoni ogħla tas-sistema edukattiva tar-Repubblika tal-Estonja.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    15

    A ressaq applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu bħala għalliem tal-kindergarden mal-Aġenzija Nazzjonali għall-Edukazzjoni abbażi tad-dokumenti li ġejjin:

    dikjarazzjoni dwar il-ksib tad-diploma “Koolieelsete lasteasutusvataja” (Edukazzjoni bikrija tat-tfal) fl‑1980 fir-Repubblika Soċjalista Soċjalista Sovjetika tal-Estonja;

    dikjarazzjoni dwar il-ksib tad-diploma “Rakenduskõrghariduse tasemele vastava hotellimajanduse eriala õppekava” (Kurrikulu Speċjalizzat għal Ġestjoni ta’ Lukanda li tikkorrispondi għal-livell ta’ edukazzjoni superjuri) fl‑2006;

    dikjarazzjoni dwar il-ksib tad-diploma “Ärijuhtimise magistri kraad – Turismiettevõtlus ja teeninduse juhtimine (Master fl-Amministrazzjoni tan-Negozju – Turiżmu u Ġestjoni tas-Servizz) fl‑2013, u

    dokument, intitolat “Kutsetunnistus ‘Õpetaja, tase 6’” (Ċertifikat Professjonali “Għalliem, livell 6”), maħruġ mill-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Għalliema fl‑2017.

    16

    Barra minn hekk, huma paċifiku li A eżerċita l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Estonja bejn l‑1980 u l‑1984, u wara mill-ġdid fi crèche privat fil-Finlandja matul l‑2016 u l‑2017.

    17

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2018, l-Aġenzija Nazzjonali Finlandiża għall-Edukazzjoni ċaħad l-applikazzjoni ta’ A.

    18

    Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ April 2019, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) ċaħdet l-appell ta’ A kontra d-deċiżjoni tal-Aġenzija Nazzjonali Finlandiża għall-Edukazzjoni. Dik il-qorti ddeċidiet li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali ta’ A ma ssodisfawx ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ kwalifika professjonali skont il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (1384/2015).

    19

    A ppreżenta quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), appell minn din is-sentenza.

    20

    Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-professjoni ta’ għalliema tal-kindergarten hijiex “professjoni regolata” fl-Estonja, fis-sens tad-Direttiva 2005/36.

    21

    Hija tirrileva li diversi elementi jidhru li jindikaw li din il-professjoni hija tassew professjoni rregolata fl-Estonja. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet ta’ kompetenza rikjesti fir-rigward ta’ għalliem fl-iskejjel tal-kindergarten, stabbiliti fir-Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten, huma l-kisba ta’ diploma ta’ edukazzjoni ogħla u l-pussess ta’ kompetenzi pedagoġiċi. Issa, dawn l-aħħar kompetenzi huma ddikjarati minn dokument maħruġ, fuq talba, mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Estonja fid-dawl tal-fajl tal-applikant u wara intervista.

    22

    Il-qorti tar-rinviju tinnota wkoll li r-Repubblika tal-Estonja kellha l-professjoni inkwistjoni mdaħħla fid-database tal-professjonijiet irregolati stabbilita mill-Kummissjoni.

    23

    Madankollu, elementi oħra jqajmu d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-fatt li l-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten hija professjoni rregolata fl-Estonja.

    24

    Hija tosserva li, kuntrarjament għad-dritt Finlandiż, il-leġiżlazzjoni Estonjana ma tirrikjedix li d-diploma ta’ edukazzjoni ogħla msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza taqa’ taħt il-qasam tat-tfal żgħar.

    25

    Barra minn hekk, hija tinnota li l-persuna li timpjega li tirrekluta tali għalliem għandha setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk il-kandidat għall-kariga ta’ għalliem tal-kindergarten jissodisfax il-kundizzjonijiet tar-Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten. B’mod partikolari, id-dikjarazzjoni dwar il-kompetenzi pedagoġiċi huwa fakultattiv u ma jorbotx lill-persuna li timpjega. Din tal-aħħar tevalwa b’mod awtonomu jekk il-kandidat għandux il-kompetenzi pedagoġiċi rikjesti.

    26

    Għaldaqstant, skont il-qorti tar-rinviju, żewġ persuni li jimpjegaw distinti jistgħu jevalwaw b’mod differenti l-kompetenzi pedagoġiċi tal-istess kandidat.

    27

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni tal-Estonja tirriżervax effettivament l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten għall-persuni li jissodisfaw kundizzjonijiet speċifiċi u tipprojbixxix l-aċċess għall-oħrajn.

    28

    Fit-tieni lok, billi tibbaża ruħha fuq l-ipoteżi fejn il-professjoni inkwistjoni titqies li hija rregolata fl-Estonja, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dikjarazzjoni maħruġa lil A mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Estonja fl‑2017, imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, tistax titqies bħala dikjarazzjoni ta’ ħiliet jew prova ta’ kwalifiki formali, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36, filwaqt li l-esperjenza professjonali li hija tirrikonoxxi nkisbet fi żmien meta l-Istat Membru ta’ oriġini kien ir-Repubblika Soċjalista Sovjetika.

    29

    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-diploma miksuba fl‑1980 minn A fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Estonja u tal-esperjenza li hija kisbet bejn l‑1980 u l‑1984, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dan id-diploma u din l-esperjenza għandhomx jitqiesu bħala li jiddikjaraw kwalifiki professjonali miksuba f’pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 u jekk, konsegwentement, dawn il-kwalifiki jistgħux jiġu rrikonoxxuti biss bil-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tiġġustifika, barra minn hekk, esperjenza professjonali ta’ tliet snin miksuba fl-Istat Membru ta’ oriġini, wara li sar indipendenti mill-ġdid.

    30

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu li liġi Estonjana tal‑2005 assimilat mad-diplomi miksuba fl-Estonja wara li saret indipendenti mill-ġdid d-diplomi miksuba fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Estonja.

    31

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)

    L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva [2005/36] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies bħala professjoni rregolata, professjoni li fir-rigward tagħha, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika huma ddefiniti f’regolament adottat mill-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ Stat Membru, il-kontenut ta’ kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa fir-rigward ta’ għalliem ta’ kindergarten huwa ddefinit f’liġi professjonali u dan l-Istat Membru inkluda l-professjoni ta’ għalliem ta’ kindergarten f’bażi ta’ data ta’ professjonijiet irregolati miżmuma mill-Kummissjoni, iżda li fir-rigward tagħha, min-naħa l-oħra, il-kliem tar-regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika meħtieġa għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni tagħti lill-persuna li timpjega setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar il-kompetenza pedagoġika, humiex issodisfatti, u l-modalitajiet li jippermettu li jiġi attestat il-pussess ta’ din il-kompetenza pedagoġika ma humiex irregolamentati f’dan ir-regolament u lanqas f’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi oħra?

    2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fl-affermattiv, attestazzjoni dwar il-kompetenza professjonali mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, li l-kisba tagħha hija suġġetta għal esperjenza professjonali fil-professjoni inkwistjoni, għandha titqies bħala attestazzjoni ta’ kompetenza jew bħala ċertifikat ta’ taħriġ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 meta l-esperjenza professjonali li fuq il-bażi tagħha huwa fondat l-għoti ta’ din l-attestazzjoni tkun ġiet akkwistata, minn naħa, fl-Istat Membru tal-oriġini f’perijodu li fih kienet Repubblika Soċjalista Sovjetika u, min-naħa l-oħra, fl-Istat Membru ospitanti, iżda mhux fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?

    3)

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li kwalifika professjonali bbażata fuq diploma li nkisbet fi stabbiliment ta’ tagħlim li jinsab fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru f’perijodu li fih dan l-Istat Membru ma kienx Stat indipendenti, iżda Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fuq esperjenza professjonali li nkisbet abbażi ta’ din id-diploma fl-imsemmija Repubblika Soċjalista Sovjetika qabel l-imsemmi Stat Membru sar indipendenti mill-ġdid, għandha titqies bħala kompetenza professjonali miksuba f’pajjiż terz, b’mod li, sabiex tiġi invokata din il-kwalifika professjonali, għandha barra minn hekk tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?”

    Fuq id‑domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    32

    Kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2005/36, l-għan li hija ssegwi huwa li tiffavorixxi r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali sabiex iċ-ċittadini tal-Istati Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw professjoni, bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, fi Stat Membru differenti minn dak fejn kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni.

    33

    Skont l-Artikoli 1 u 2 tagħha, din id-direttiva tapplika biss jekk il-professjoni inkwistjoni hija rregolata fl-Istat Membru ospitanti.

    34

    F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-professjoni ta’ għalliem fl-iskejjel tal-kindergarten hija, fil-Finlandja, professjoni rregolata. Konsegwentement, l-aċċess f’dan l-Istat Membru għal din il-professjoni u l-eżerċizzju tagħha miċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor huma rregolati mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/36.

    35

    Fejn il-professjoni hija wkoll irregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36, l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni jew l-eżerċizzju tagħha, bl-istess kundizzjonijiet kif rikjest għaċ-ċittadini tiegħu, taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jippossjedu ċertifikat ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali rikjesta mill-Istat Membru ta’ oriġini.

    36

    B’kuntrast, fejn il-professjoni inkwistjoni ma hijiex irregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, isegwi mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 li l-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha għandu jingħataw fl-Istat Membru ospitanti jekk l-applikant ikun eżerċita l-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena waħda, jew part-time għal perijodu globali ekwivalenti, matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor, u jekk jippossjedi dikjarazzjoni waħda jew iktar ta’ kompetenzi jew provi ta’ kwalifiki formali maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi li r-rekwiżit relatat mal-esperjenza professjonali ma japplikax meta l-applikant jippossjedi prova ta’ kwalifiki formali li jiċċertifika kwalifiki formali rregolati.

    37

    Għaldaqstant, l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu bħala għalliem tal-iskola tal-kindergarten ppreżentata minn A fl-Istat Membru ospitanti, jiġifieri r-Repubblika tal-Finlandja, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 jekk din il-professjoni hija rregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini, jiġifieri r-Repubblika tal-Estonja u fid-dawl tal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jekk din ma hijiex hekk irregolata.

    Fuq l‑ewwel domanda

    38

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) (a) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li professjoni rregolata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, professjoni li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi kundizzjonijiet ta’ kompetenza sabiex taċċedi għaliha u teżerċitaha iżda tħalli lill-persuni li jimpjegaw setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

    39

    Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, “professjoni regolata” tfisser “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi”.

    40

    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li professjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala rregolata, fis-sens tad-Direttivi 89/94 u 92/51, meta l-aċċess għall-attività professjonali li tikkostitwixxi din il-professjoni jew l-eżerċizzju tagħha jkun irregolat minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew amministrattivi li jistabbilixxu sistema li bħala effett tillimita b’mod espliċitu din l-attività professjonali għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u tipprekludi l-aċċess għal dawk li ma jissodisfawhomx (sentenzi tal‑1 ta’ Frar 1996, Aranitis, C‑164/94, EU:C:1996:23, punt 19, u tat‑8 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑39/07, EU:C:2008:265, punt 33). Fid-dawl tad-definizzjonijiet li jinsabu fid-Direttivi 89/48 u 92/51, u fid-dawl tal-premessa 14 tad-Direttiva 2005/36, din il-ġurisprudenza hija applikabbli b’analoġija għall-kunċett ta’ “professjoni rregolata”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

    41

    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fl-Estonja, ir-Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten jipprevedi, fl-Artikolu 1(1) tiegħu, li “[i]l-persuna li timpjega għandha tevalwa l-kompetenza tal-ħaddiem li jokkupa l-kariga kif ukoll il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kwalifika previsti f’dan ir-regolament”.

    42

    Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju u mingħajr ma dan ġie miċħud mill-Gvern Estonjan, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jagħti lill-persuna li timpjega setgħa diskrezzjonali sabiex tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ kompetenza rikjesti għall-aċċess għall-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten, b’mod partikolari l-kundizzjoni marbuta mal-kompetenzi pedagoġiċi, humiex issodisfatti, b’tali mod li, skont l-imsemmija dispożizzjoni, żewġ persuni li jimpjegaw distinti jistgħu jevalwaw b’mod differenti l-kwistjoni dwar jekk l-istess applikant jissodisfax l-imsemmija kundizzjonijiet.

    43

    Ċertament, il-Gvern Estonjan spjega quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, meta ppreżentat dikjarazzjoni maħruġa mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Estonja, il-persuna li timpjega ma għandha l-ebda raġuni sabiex tiddubita l-kompetenzi pedagoġiċi tal-kandidat. Madankollu, kif fakkar l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan il-gvern indika li l-leġiżlazzjoni Estonjana ma tipprevedi ebda regola f’dan ir-rigward. Dan jikkonferma għalhekk il-qari li tagħmel il-qorti tar-rinviju tal-Artikolu 1(1) tar--“Regolament dwar il-Kwalifiki għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten, li jgħid li hija l-persuna li timpjega li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ kapaċità humiex issodisfatti.

    44

    Tali setgħa diskrezzjonali għandha tiġi distinta mis-setgħa tal-persuna li timpjega li tirrekluta jew le persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kompetenza sabiex taċċedi għall-professjoni inkwistjoni u li tagħżel bejn żewġ kandidati li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet.

    45

    Is-sitwazzjoni li tirriżulta minn tali setgħa diskrezzjonali hija tali li ċċajpar id-distinzjoni bejn il-persuni li għandhom il-kwalifiki professjonali rikjesti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-eżerċizzju tal-professjoni kkunsidrata u dawk li ma għandhomx dawn il-kwalifiki.

    46

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt Estonjan ma jiggarantixxix li l-aċċess u l-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni jkunu rriżervati għall-persuni li għandhom kwalifiki professjonali speċifiċi.

    47

    Għaldaqstant, il-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten, kif organizzata fl-Estonja, ma tidhirx li tista’ tiġi kklassifikata bħala “professjoni rregolata” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.

    48

    Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanzi li r-Repubblika tal-Estonja tikkunsidra l-professjoni ta’ għalliem fl-iskejjel tal-kindergarten bħala “irregolata”, li hija rreġistrat din il-professjoni fil-lista ta’ professjonijiet eżistenti rregolati kkomunikata lill-Kummissjoni u li l-imsemmija professjoni hija msemmija fid-database tal-professjonijiet irregolati li nżammu aġġornata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36.

    49

    Fil-fatt, minn naħa, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “professjoni rregolata”, li tinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, ma tirreferix għad-dritt tal-Istati Membri. Barra minn hekk, dan il-kunċett, fis-sens tad-direttiva, jaqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud, C‑125/16, EU:C:2017:707, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    50

    Konsegwentement, il-fatt li r-Repubblika tal-Estonja tikkunsidra l-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten bħala “irregolat” u li hija inkludietha fil-lista ta’ professjonijiet eżistenti rregolati li hija kkomunikat lill-Kummissjoni ma huwiex biżżejjed sabiex din il-professjoni tiġi kklassifikata bħala “professjoni rregolata”, fis-sens tad-Direttiva 2005/36.

    51

    Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 lanqas ma jirreferi għall-kontenut tad-database aġġornata mill-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha biss valur indikattiv.

    52

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma titqiesx bħala “professjoni rregolata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, professjoni li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi kundizzjonijiet ta’ kompetenza sabiex taċċedi għaliha u teżerċitaha iżda tħalli lill-persuni li jimpjegaw setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

    Fuq it‑tieni domanda

    53

    It-tieni domanda hija espressament magħmula fil-każ fejn il-professjoni inkwistjoni tkun irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, u fejn ir-risposta għall-ewwel domanda tkun, konsegwentement, fl-affermattiv. Peress li għall-ewwel domanda ngħatat risposta negattiva, ma hemmx għaldaqstant lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

    Fuq it‑tielet domanda

    54

    It-tielet domanda hija magħmula fil-każ fejn il-professjoni inkwistjoni ma tkunx irregolata fl-Istat Membru ta’ oriġini.

    55

    F’din l-ipoteżi kif tfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li l-aċċess għall-professjoni u l-eżerċizzju tagħha għandhom jiġu permessi mill-Istat Membru ospitanti jekk l-applikant ikun eżerċita l-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena waħda (jew part-time parzjali għal perijodu totali ekwivalenti), matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor, u jekk għandu dikjarazzjoni waħda jew iktar ta’ kompetenzi jew provi ta’ kwalifiki formali maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 jipprevedi li l-kundizzjoni dwar l-esperjenza professjonali ta’ sena fi Stat Membru ieħor matul l-aħħar għaxar snin ma hijiex rikjesta jekk il-prova ta’ kwalifiki formali li għandu l-applikant tiċċertifika kwalifiki formali irregolati.

    56

    F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li jirrikjedi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36, A ma eżerċitax il-professjoni ta’ għalliem tal-kindergarten fi Stat Membru ieħor li ma huwiex l-Istat Membru ospitanti matul l-għaxar snin li ppreċedew l-applikazzjoni tiegħu.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-diploma ta’ edukazzjoni tat-tfal żgħar miksuba minn A fl‑1980 fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Estonja tistax tiġi kkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali li tiċċertifika kwalifiki formali irregolati, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tal-istess direttiva.

    58

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 “[p]rova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-professjoni konċernata fit-territorju ta’ l-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta’ kwalifiki formali skond l-Artikolu 2(2), iċċertifikata minn dak l-Istat Membru.”

    59

    Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni hija applikabbli fil-każ fejn il-prova ta’ kwalifiki formali ppreżentata lill-Istat Membru ospitanti nkisbet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fi żmien meta dan l-Istat Membru kien jeżisti, mhux bħala Stat indipendenti, iżda bħala Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fejn din il-prova ta’ kwalifiki formali ġiet assimilata mill-imsemmi Stat Membru għal prova ta’ kwalifiki formali maħruġa f’dan tal-aħħar wara li sar indipendenti mill-ġdid.

    60

    Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tikkonċerna kull prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz u rrikonoxxuta minn Stat Membru skont l-Artikolu 2(2) tal-istess direttiva.

    61

    Issa, għandu jiġi rrilevat li d-diploma miksuba minn A fl‑1980 fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Estonja ma tistax titqies li ngħatat minn pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    62

    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, din id-diploma ġiet assimilata mir-Repubblika tal-Estonja, wara li saret indipendenti mill-ġdid u wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, skont ir-Regolament Nru 120 tal-Gvern, tas‑6 ta’ Ġunju 2005, dwar il-korrispondenza bejn id-diplomi tar-Repubblika tal-Estonja u d-Diplomi tal-ex USSR maħruġa qabel l‑20 ta’ Awwissu 1991, ma’ diploma miksuba fir-Repubblika tal-Estonja wara li dan l-Istat Membru sar indipendenti mill-ġdid.

    63

    Konsegwentement, din id-diploma għandha titqies li hija prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru u mhux minn pajjiż terz, kuntrarjament għall-previżjonijiet tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36.

    64

    Minn dan isegwi li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 ma huwiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fit-tilwima fil-kawża prinċipali.

    65

    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fil-każ fejn il-prova ta’ kwalifiki formali ppreżentata lill-Istat Membru ospitanti tkun inkisbet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fi żmien meta dan l-Istat Membru kien jeżisti, mhux bħala Stat indipendenti, iżda bħala r-Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fejn din il-prova ta’ kwalifiki formali ġiet assimilata mill-imsemmi Stat Membru għal prova ta’ kwalifiki formali mogħtija f’dan tal-aħħar wara li sar indipendenti mill-ġdid. Tali prova ta’ kwalifiki formali għandha titqies li nkisbet fi Stat Membru u mhux f’pajjiż terz.

    66

    Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tar-risposti mogħtija fil-punti 52 u 65 ta’ din is-sentenza, li minnhom jirriżulta li l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punti 90 sa 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, li għandhom jeżaminaw is-sitwazzjoni ta’ A fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 u 49 TFUE, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Kwalifika Universitarja tal-ewwel grad fil-mediċina), C‑634/20, EU:C:2022:149, punti 38 sa 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    Fuq l-ispejjeż

    67

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    1)

    L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013,

    għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:

    ma titqiesx bħala “professjoni rregolata”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, professjoni li għaliha l-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi kundizzjonijiet ta’ kompetenza sabiex taċċedi għaliha u teżerċitaha iżda tħalli lill-persuni li jimpjegaw setgħa diskrezzjonali sabiex jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

     

    2)

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE,

    għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:

    din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fil-każ fejn il-prova ta’ kwalifiki formali ppreżentata lill-Istat Membru ospitanti nkisbet fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fi żmien meta dan l-Istat Membru kien jeżisti, mhux bħala Stat indipendenti, iżda bħala Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fejn din il-prova ta’ kwalifiki formali ġiet assimilata mill-imsemmi Stat Membru għal prova ta’ kwalifiki formali maħruġa f’dan tal-aħħar wara li sar indipendenti mill-ġdid. Tali prova ta’ kwalifiki formali għandha titqies li nkisbet fi Stat Membru u mhux f’pajjiż terz.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

    Top