This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0262
Judgment of the Court (First Chamber) of 2 August 2021.#A v B.#Request for a preliminary ruling from the Korkein oikeus.#Reference for a preliminary ruling – Area of freedom, security and justice – Jurisdiction, recognition and enforcement of decisions in matrimonial matters and the matters of parental responsibility – Regulation (EC) No 2201/2003 – Scope – Article 2(11) – Definition of ‘wrongful removal or retention of a child’ – Hague Convention of 25 October 1980 – Application for return of a child of a young age whose parents have joint custody – Third-country nationals – Transfer of the child and his mother to the Member State responsible for examining an application for international protection under Regulation (EU) No 604/2013 (Dublin III).#Case C-262/21 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Awwissu 2021.
A vs B.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 11 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Talba għar-ritorn ta’ wild ta’ età żgħira li tiegħu l-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta – Ċittadini ta’ pajjiż terz – Trasferiment tal-wild u ta’ ommu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III).
Kawża C-262/21 PPU.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Awwissu 2021.
A vs B.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Korkein oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 11 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Talba għar-ritorn ta’ wild ta’ età żgħira li tiegħu l-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta – Ċittadini ta’ pajjiż terz – Trasferiment tal-wild u ta’ ommu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III).
Kawża C-262/21 PPU.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2021:640
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
2 ta’ Awwissu 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Kamp ta’ applikazzjoni – Punt 11 tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild’ – Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-25 ta’ Ottubru 1980 – Talba għar-ritorn ta’ wild ta’ età żgħira li tiegħu l-ġenituri għandhom il-kustodja konġunta – Ċittadini ta’ pajjiż terz – Trasferiment tal-wild u ta’ ommu lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (Dublin III)”
Fil-Kawża C‑262/21 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il‑Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit-23 ta’ April 2021, fil-proċedura
A
vs
B
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal A, minn J. Kuusivaara, asianajaja, |
– |
għal B, minn E. Wehka-aho u A. Saarikoski, luvan saaneet oikeudenkäyntiavustajat, |
– |
għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn O. Simonsson u J. Lundberg kif ukoll C. Meyer‑Seitz, A. M. Runeskjöld, M. Salborn Hodgson, H. Shev, H. Eklinder u R. Shahsavan Eriksson, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u W. Wils kif ukoll minn A. Azema, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali waqt is-seduta tal-14 ta’ Lulju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 11 tal‑Artikolu 2 tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas-27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal‑ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, u rettifika ĠU 2013, L 82, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell IIa”), tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13, u tal-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta’ Minuri, konkluża f’Den Haag fil-25 ta’ Ottubru 1980 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), kif ukoll l-Artikolu 24 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u B, ċittadini ta’ pajjiż terz, missier u omm ta’ wild minuri, rispettivament, dwar talba ppreżentata mill-missier abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag bil-għan li jinkiseb ir-ritorn tal-wild fl‑Isvezja, wara t-trasferiment tiegħu u ta’ ommu fil-Finlandja b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni meħuda abbażi tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l‑mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, u rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir‑“Regolament Dublin III”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jipprevedi: “L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa: (a) li jiġi żgurat ir-ritorn immedjat tal-ulied mneħħija jew miżmuma illegalment fi kwalunkwe Stat Kontraenti; (b) li tiżgura li d-drittijiet ta’ kustodja jew ta’ aċċess eżistenti fi Stat Kontraenti jiġu rrispettati effettivament fl-Istati Kontraenti l-oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
4 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 13 tal-imsemmija konvenzjoni jistipula li: “Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-artikolu ta’ qabel, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva tal-Istat rikjest ma hijiex marbuta li tordna r-ritorn tal-wild jekk il‑persuna, l-istituzzjoni jew l-entità l-oħra li topponi r-ritorn iġġib prova li: (a) il-persuna, l-istituzzjoni jew l-entità oħra li jkunu vestiti bil-kura tal-persuna tal-wild ma kinux attwalment qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tal-kustodja fiż‑żmien meta jkun tneħħa jew inżamm il-wild jew li taw il-kunsens tagħhom jew sussegwentement baqgħu siekta għat-tneħħija jew iż-żamma tal-wild; jew (b) ikun hemm riskju kbir li r-ritorn tal-wild se jesponih għal dannu fiżiku jew psikoloġiku jew inkella jqiegħed lill-wild f’sitwazzjoni intollerabbli.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
L-Artikolu 20 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi: “Ir-ritorn tal-wild skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 jista’ jiġi rrifjutat meta ma jkunx permess mill-prinċipji fundamentali tal-Istat rikjest dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Id-dritt tal-Unjoni
Ir-Regolament Brussell IIa
6 |
Il-premessi 5, 17, u 33 tar-Regolament Brussell IIa jipprovdu:
[…]
[…]
|
7 |
L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu li: “1. Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar: […]
[…] 2. Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:
|
8 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]
|
9 |
Skont l‑Artikolu 11(1) u (4) tal-istess regolament: “1. Fejn persuna, istituzzjoni jew xi korp ieħor li għandhom id-drittijiet ta’ kustodja japplika ma’ l-awtoritajiet kompetenti fi Stat Membru biex joħroġu sentenza dwar il-bażi ta’ l-Konvenzjoni ta’ [Den Haag], ħalli tikseb ir-ritorn ta’ l‑minuri li ġew inġustament imneħħija jew miżmuma fi Stat Membru barra dak li huwa l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta, għandhom japplikaw paragrafi 2 sa 8. […] 4. Qorti ma tistax tirrifjuta milli tirritorna minuri a bażi ta’ l-Artikolu 13b ta’ l‑Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-1980 jekk jiġi stabbilit li saru l-arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ l-minuri wara r-ritorn tiegħu jew tagħha.” |
Ir-Regolament Dublin III
10 |
Skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III: “L-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir‑Regolament.” |
11 |
Skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Dublin III: “Fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ aktar minn dokument wieħed ta’ residenza validu jew viża maħruġin minn Stati Membri differenti, ir-responsabbiltà biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jassumuha l‑Istati Membri fl-ordni li ġejja:
[…]” |
12 |
Skont l-Artikolu 29(1) sa (3) ta’ dan ir-regolament: “1. It-trasferiment tal-applikant jew persuna oħra kif imsemmi fil-punti (c) jew (d) tal-Artikolu 18(1) mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat‑talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 3. Jekk persuna ġiet ittrasferita bi żball jew deċiżjoni ta’ trasferiment ġiet mibdula fl-appell jew fir-reviżjoni wara li twettaq it-trasferiment, l-Istat Membru li wettaq it-trasferiment għandu jaċċetta dik il-persuna lura minnufih.” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
13 |
Fix-xahar ta’ Mejju 2019, A u B, ċittadini ta’ pajjiż terz li sa dak iż-żmien kienu jirrisjedu fil-Finlandja sa mis-sena 2016, marru jgħixu fl-Iżvezja. Fil-5 ta’ Settembru 2019, twieled wild mill-unjoni tagħhom. Il-wild kellu għaldaqstant ir‑residenza abitwali tiegħu fl-Isvezja u ż-żewġ ġenituri tiegħu kienu jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ kustodja konġunta fir-rigward tiegħu. |
14 |
L-omm kienet tibbenefika, fuq il-bażi tal-permess ta’ residenza mogħti lill-missier bħala impjegat, kemm minn permess ta’ residenza tal-familja fil-Finlandja, għall‑perijodu mit-28 ta’ Diċembru 2017 sas-27 ta’ Diċembru 2021, kif ukoll minn permess ta’ residenza tal-familja fl-Isvezja għall-perijodu mill-11 ta’ Marzu 2019 sas-16 ta’ Settembru 2020. |
15 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Novembru 2019, l-awtoritajiet Svediżi kompetenti ħadu r-responsabbiltà tal-wild u qegħduh flimkien ma’ ommu f’dar tal-kenn għal nisa f’diffikultà fl-Isvezja sat-trasferiment tagħhom fil-Finlandja fl-24 ta’ Novembru 2020. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ sentenza ta’ qorti amministrattiva tas-17 ta’ Jannar 2020, li invokat il-fatti ta’ vjolenza tal-missier fuq l-omm li tagħhom il-wild kien xhud, ir-riskju reali għall-iżvilupp u għas-saħħa tal-wild kif ukoll ir-riskju li dan jittieħed fil-pajjiż ta’ oriġini tal-ġenituri mill‑missier mingħajr il-kunsens tal-omm. |
16 |
Skont l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Gvern Svediż bi tweġiba għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-bidu tat-tqegħid tal-wild fl-imsemmija dar tal‑kenn, il-missier kien awtorizzat biss li jkollu aċċess għal ritratti u għal filmati tal-wild. Sussegwentement, ġew organizzati żjarat fil-preżenza ta’ ħaddiem soċjali, iżda kienu limitati għal kuntatti qosra ħafna minħabba l-età żgħira tal-wild u minħabba li l-missier ma kienx meqjus li kien persuna sigura għall-wild. |
17 |
Fil-21 ta’ Novembru 2019, il-missier talab permess ta’ residenza għall-wild fl‑Isvezja minħabba r-rabta familjari tiegħu ma’ dan tal-aħħar. Fl‑4 ta’ Diċembru 2019, l-omm talbet ukoll permess ta’ residenza għall-wild fl-Isvezja. |
18 |
Fis-7 ta’ Awwissu 2020, l-omm ippreżentat applikazzjoni għall-ażil fl-Isvezja għaliha nnifisha u għall-wild, billi bbażat ruħha fuq il-vjolenza domestika li hija kienet ġarrbet min-naħa tal-missier u fuq ir-riskju serju li tkun vittma, fil-każ ta’ ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, ta’ vjolenza min-naħa tal-familja tal-missier f’isem l-unur. |
19 |
Fis-27 ta’ Awwissu 2020, ir-Repubblika tal-Finlandja indikat li kienet responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-ażil tal-omm u tal-wild, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(3) tar-Regolament Dublin III, minħabba li l‑iskadenza tal-permess ta’ residenza li kien ingħatalha mir-Repubblika tal‑Finlandja (is-27 ta’ Diċembru 2021) kienet iktar imbiegħda minn dik tal-permess ta’ residenza maħruġ mir-Renju tal-Isvezja (is-16 ta’ Settembru 2020). |
20 |
Permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Ottubru 2020, l-awtoritajiet Svediżi għalqu t-talba għal permess ta’ residenza ppreżentat mill-missier għall-wild, ċaħdu bħala inammissibbli l-applikazzjoni għal ażil ippreżentata mill-omm, għaliha nnifisha u għall-wild, u ordnaw it-trasferiment tal-wild u ta’ ommu lejn il-Finlandja. Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li l-aħjar interess tal-wild ġie evalwat meta ġiet adottata konformement mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III. F’dan ir-rigward, intqies li l-missier kien jikkostitwixxi theddida għall-wild u li, fid-dawl tal-fatt li dan ma kellux kuntatt ma’ missieru, separazzjoni tal-missier u tal-wild għal ċertu żmien ma kinitx tmur kontra l-aħjar interess tal-wild. Barra minn hekk, peress li l‑missier għandu permess ta’ residenza fil-Finlandja, it-trasferiment tal-wild lejn dan l-Istat ma tqisx li kien ostakolu għall-eżerċizzju ta’ dritt ta’ aċċess min-naħa tal-missier. |
21 |
Fl-24 ta’ Novembru 2020, l-omm volontarjament ikkonformat ruħha mad‑deċiżjoni tat-trasferiment tagħha u tal-wild tagħha fil-Finlandja, meħuda mill-awtoritajiet Svediżi b’applikazzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III. |
22 |
Fis-7 ta’ Diċembru 2020, il-missier ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal‑awtoritajiet Svediżi li għalqet it-talba tiegħu għal permess ta’ residenza għall‑wild u għat-trasferiment tiegħu lejn il-Finlandja. |
23 |
Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2020, il-Migrationsdomstolen i Stockholm (il-Qorti tal-Immigrazzjoni sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja) annullat din id-deċiżjoni u bagħtet lura l-kawża quddiem l-Awtorità Svediża għall‑Immigrazzjoni fid-dawl tal-fatt li missier il-wild ma kienx instema’ matul il‑proċedura. |
24 |
Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità Svediża għall‑Immigrazzjoni għalqet il-kawżi mingħajr segwitu wara tluq il-wild lejn il‑Finlandja. Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-missier ippreżenta rikors kontra din id‑deċiżjoni quddiem il-Migrationsdomstolen i Stockholm (il-Qorti tal‑Immigrazzjoni sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), liema rikors ġie miċħud permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ April 2021. |
25 |
Fil-5 ta’ Jannar 2021, il-missier ippreżenta talba ġdida għal permess ta’ residenza għall-wild, għal raġuni familjari, quddiem l-awtoritajiet Svediżi. L-eżami ta’ din it-talba għal permess ta’ residenza fl-Isvezja għadu għaddej. |
26 |
Fil-11 ta’ Jannar 2021, l-omm ippreżentat applikazzjoni għal ażil għaliha nnifisha u għall-wild tagħha fil-Finlandja. Fis-26 ta’ Marzu 2021, l-awtoritajiet Finlandiżi rtiraw il-permess ta’ residenza li l-omm kienet tibbenefika minnu fil-Finlandja u li kellu, bħala prinċipju, jiskadi fis-27 ta’ Diċembru 2021. L-ipproċessar tal‑applikazzjonijiet għall-ażil fil-Finlandja għadu għaddej. |
27 |
Fir-rigward tad-dritt ta’ kustodja, fix-xahar ta’ Novembru 2020, jiġifieri ftit taż‑żmien qabel it-trasferiment tal-omm u tal-wild lejn il-Finlandja, il‑Västmanlands tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Västmanland, l-Isvezja) żammet il-kustodja konġunta tal-ġenituri fuq il-wild. Omm il-wild ikkontestat il‑ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti Svediża sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża wara t‑trasferiment tal-wild lejn il-Finlandja. Fid‑29 ta’ April 2021, l-imsemmija qorti ddikjarat id-divorzju tal-ġenituri, tat il-kustodja esklużiva tal-wild lill-omm u ċaħdet it-talba dwar id-dritt ta’ aċċess ta’ missier il-wild. Permezz ta’ sentenza tal‑iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), tat-23 u tal‑24 ta’ Ġunju 2021, it-talba tal-missier għall-finijiet tal-ammissjoni ta’ appell mid‑deċiżjoni tal-Qorti tal-Ewwel Istanza ġiet miċħuda. |
28 |
Fil-21 ta’ Diċembru 2020, il-missier ippreżenta rikors quddiem il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal-Appell ta’ Ħelsinki, il-Finlandja) intiż li jiġi ordnat ir‑ritorn immedjat tal-wild fl-Isvezja. F’nota tas-26 ta’ Jannar 2021 ikkomunikata lil din il-qorti mill-awtoritajiet Svediżi, dawn fakkru li l-wild u l-omm ma kellhomx permess ta’ residenza validu fl-Isvezja u li għalhekk huma ma kellhomx id-dritt jidħlu fl-Isvezja u lanqas li jirrisjedu hemmhekk. |
29 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2021, il-Helsingin hovioikeus (il-Qorti tal‑Appell ta’ Ħelsinki) ċaħdet ir-rikors, billi osservat, b’mod partikolari, li ma kienx hemm lok li jitqies li l-omm kienet illegalment neħħiet il-wild mill-pajjiż ta’ residenza tiegħu. Il-missier ippreżenta appell intiż għall-annullament ta’ din id‑deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
31 |
Fil-21 ta’ Mejju 2021, b’risposta għal talba għal informazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, b’mod partikolari, li t-talba tal-missier intiża li jinkiseb digriet għall-finijiet tar-ritorn tal-wild abbażi tar-Regolament Dublin III kienet ġiet miċħuda bħala inammissibbli. |
32 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat il-formulazzjoni tat-tieni domanda preliminari kif ġej: “Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, dwar iż-żamma inġusta, għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni fejn qorti tal-Istat ta’ residenza tal-minuri tkun annullat id-deċiżjoni meħuda minn awtorità sabiex tittrasferixxi l-eżami tal-każ, li ngħalaq mingħajr segwitu wara li l-wild u l-omm ikunu telqu mill-Istat ta’ residenza tagħhom, iżda fejn il-minuri li r-ritorn tiegħu jkun mitlub ma jkunx għad għandu dokument ta’ residenza attwali validu fl-Istat ta’ residenza tiegħu, jew id-dritt li jidħol jew li jirrisjedi f’dan l-Istat, għandha tiġi kklassifikata bħala żamma inġusta?” |
33 |
Permezz ta’ nota tal-31 ta’ Mejju 2021, il-Gvern Svediż wieġeb għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja u pproduċa d-dokumenti mitluba minnha. |
Fuq il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari
34 |
Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Ġustizzja. |
35 |
Insostenn tat-talba tagħha, hija enfasizzat li r-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domandi preliminari ser ikunu determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża sa fejn huma ser iwassluha tordna r-ritorn tal-wild fl-Isvezja jew le. Il-qorti tar‑rinviju invokat b’mod partikolari l-premessa 17 tar-Regolament Brussell IIa li tipprovdi li, fil-każ ta’ tneħħija jew żamma inġusta ta’ wild, ir-ritorn tiegħu għandu jitwettaq mingħajr dewmien u ppreċiżat li, fid-dawl tal-età tal-wild, tat-tul tar-residenza tiegħu fil-Finlandja u tal-fatt li d-dewmien tal-proċedura tista’ tkun ta’ ħsara għall-iżvilupp ta’ relazzjoni bejn il-missier u l-wild tiegħu, l‑applikazzjoni tal-proċedura ta’ urġenza kienet tidrilha li hija assolutament indispensabbli. |
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Brussell IIa li ġie adottat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 61(ċ) KE, li sar l-Artikolu 67 TFUE, li jinsab fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Konsegwentement, huwa jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
37 |
Fit-tieni lok, l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata minn missier, li għal diversi xhur ilu sseparat mill-wild tiegħu li għandu inqas minn sentejn, bil-għan li jikseb ir-ritorn immedjat ta’ dan tal-aħħar fl-Isvezja abbażi tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag. |
38 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-6 ta’ Mejju 2021, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
39 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa għandux jiġi interpretat fis-sens li tista’ tikkostitwixxi tneħħija inġusta jew żamma inġusta fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ikollu jieħu lill-wild tiegħu mill-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-ewwel Stat Membru fuq il-bażi tar-Regolament Dublin III, u mbagħad ikollu jibqa’ f’dan it-tieni Stat Membru, wara li din id-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet annullata mingħajr ma l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru jkunu, madankollu, iddeċidew li jieħdu mill-ġdid taħt ir-responsabbiltà tagħhom lill-persuni ttrasferiti jew li jawtorizzawhom jirrisjedu hemmhekk. |
40 |
Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Brussell IIa, mill-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li dan japplika, tkun liema tkun in-natura tal-qorti, għall-materji ċivili relatati, b’mod partikolari, mal-attribuzzjoni, mal-eżerċizzju, mad-delegazzjoni u mar‑restrizzjoni jew mat-terminazzjoni totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal‑ġenituri. F’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “kwistjonijiet [materji] ċivili” ma għandux jinftiehem b’mod restrittiv iżda bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal‑Unjoni li jkopri, b’mod partikolari, it-talbiet, il-miżuri jew id-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tar-“responsabbiltà tal-ġenituri”, fis-sens tal-imsemmi regolament, konformement mal-għan imfakkar fil-premessa 5 tiegħu (sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “responsabbiltà tal-ġenituri” huwa suġġett, fil‑punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, għal definizzjoni wiesgħa, fis-sens li jinkludi d-drittijiet u l-obbligi kollha mogħtija lil persuna fiżika jew lil persuna ġuridika abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ta’ attribuzzjoni ipso jure jew ta’ ftehim fis-seħħ, fir-rigward tal-persuna jew tal-beni ta’ minuri. Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jelenka l-materji koperti mill‑imsemmi regolament taħt ir-“responsabbiltà tal-ġenituri”, din l‑enumerazzjoni ma hijiex eżawrjenti iżda sempliċement indikattiva, hekk kif jixhed l-użu tal-kelma “partikolarment” (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk talba tidħolx jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tar‑Regolament Brussell IIa, hemm lok li jiġi eżaminat l-għan tagħha (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 28 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li missier il-wild ressaq it-talba tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jikseb ir-ritorn immedjat tiegħu fl-Isvezja abbażi tal‑Konvenzjoni ta’ Den Haag. Għaldaqstant, peress li s-suġġett ta’ talba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirrigwarda r-responsabbiltà tal-ġenituri, ir‑Regolament Brussell IIa huwa applikabbli. |
44 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala inġusta tat-tneħħija jew taż‑żamma ta’ minuri, mill-kliem stess tal-punt (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa jirriżulta li għandha titqies bħala tali t-tneħħija jew iż-żamma ta’ minuri li tkun seħħet bi ksur ta’ dritt ta’ kustodja li jirriżulta minn sentenza ġudizzjarja, minn attribuzzjoni ipso iure jew minn ftehim fis-seħħ bis-saħħa tad‑dritt tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu immedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma tiegħu, bla ħsara għall-fatt li d‑dritt ta’ kustodja kien eżerċitat effettivament, individwalment jew b’mod konġunt, fil-mument tat-tneħħija jew taż-żamma, jew hekk kien ikun kienu tali avvenimenti ma seħħewx. |
45 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-klassifikazzjoni bħala inġusta tat-tneħħija jew taż-żamma ta’ minuri teħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri, minn naħa, tneħħija bi vjolenza ta’ dritt ta’ kustodja mogħti skont id-dritt tal-Istat Membru li fih il-minuri kellu r-residenza abitwali tiegħu, li jirrendi neċessarja l‑identifikazzjoni tar-residenza abbitwali tal-minuri qabel it-tneħħija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17 PPU, EU:C:2017:436, punt 53) u, min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ kustodja jew li kien ikun kieku t-tneħħija inġusta jew iż-żamma inġusta ma kinux seħħew. |
46 |
Dan huwa barra minn hekk ikkorraborat mill-għan imfittex mir-Regolament Brussell IIa. Fil-fatt, għalkemm dan ir-regolament huwa intiż, hekk kif jirriżulta mill-preambolu tiegħu, li joħloq spazju ġudizzjarju bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji permezz tal-istabbiliment ta’ regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, filwaqt li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag għandha l-għan, skont l-Artikolu 1(a) tagħha, li tiżgura r-ritorn immedjat tal-wild mneħħi jew miżmum b’mod inġust f’kull Stat Kontraenti, teżisti rabta mill-qrib bejn dawn iż-żewġ strumenti li essenzjalment għandhom bħala għan komuni, li jiddisswadu l-ħtif ta’ minuri bejn Stati u, fil-każ ta’ ħtif, li jinkiseb ir-ritorn immedjat tal-minuri lejn l-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, C. E. u N.E., C‑325/18 PPU u C‑375/18 PPU, EU:C:2018:739, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
47 |
Il-proċedura ta’ ritorn prevista mill-Konvenzjoni ta’ Den Haag u mir-Regolament Brussell IIa hija intiża wkoll li wieħed mill-ġenituri ma jkunx jista’ jsaħħaħ il‑pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-kustodja tal-minuri billi jevita, permezz ta’ aġir illegali, il-ġurisdizzjoni tal-qrati li bħala prinċipju jintagħżlu, konformement mar-regoli previsti b’mod partikolari minn dan ir-regolament, sabiex jagħtu deċiżjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri li tikkonċernah (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 49; tad-9 ta’ Ottubru 2014, C, C‑376/14 PPU, EU:C:2014:2268, punt 67, u tat-8 ta’ Ġunju 2017, OL, C‑111/17, EU:C:2017:436, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
48 |
Issa, il-fatt, għal ġenitur li jkollu d-dritt ta’ kustodja tal-wild tiegħu, li jiċċaqlaq ma’ dan il-wild fi Stat Membru differenti minn dak li fih il-wild kellu r-residenza abitwali tiegħu, sabiex jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ta’ trasferiment, li tikkonċerna kemm lil dan il-ġenitur kif ukoll lill-wild tiegħu, meħuda mill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont ir-Regolament Dublin III ma jistax jitqies li huwa aġir illegali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, li jista’ jikkaratterizza t-tneħħija inġusta fis-sens tal-punt 11 tal‑Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa, mingħajr ma jiġi vverifikat, minn qabel, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, u b’mod partikolari l-kundizzjonijiet dwar it-tneħħija bi vjolenza ta’ dritt ta’ kustodja eżerċitat effettivament, ikunux issodisfatti. |
49 |
Fil-fatt, l-osservanza ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment li tiġi imposta fuq il‑ġenitur u fuq il-wild inkwistjoni, peress li, fid-data tat-trasferiment, din kienet ta’ natura eżekuttiva, billi, f’dik id-data, hija la kienet sospiża u lanqas annullata, għandha titqies li hija sempliċi konsegwenza legali ta’ din id-deċiżjoni li għaliha ma jistax jiġi kkritikat dan il-ġenitur. |
50 |
Bl-istess mod, ma jistax jitqies li ż-żamma fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jikkostitwixxi aġir illegali, anki wara l-annullament tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, meta l-ġenitur u l-wild inkwistjoni ma kinux is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ teħid lura taħt ir-responsabbiltà, adottata mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li pproċedew bit‑trasferiment, abbażi tal-Artikolu 29(3) tar-Regolament Dublin III wara d-data tat-trasferiment u meta ma jkunux awtorizzati jirrisjedu f’dan l-aħħar Stat Membru. |
51 |
F’tali sitwazzjoni, in-nuqqas ta’ ritorn tal-wild jidher, fil-fatt, bħala sempliċi konsegwenza tas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu, kif iddeterminata minn deċiżjonijiet eżekuttivi tal-Istat Membru li fih huwa kellu r-residenza abitwali tiegħu. |
52 |
Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li interpretazzjoni li tgħid li applikant għal protezzjoni internazzjonali, bħall-omm fil-kawża prinċipali, għandu jastjeni milli jikkonforma ruħu ma’ deċiżjoni ta’ trasferiment minħabba li l-aġir tiegħu jista’ jitqies li jkun illegali skont ir-Regolament Brussell IIa jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u jippreġudika t-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Dublin III. |
53 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell IIa għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tistax tikkostitwixxi tneħħija inġusta jew żamma inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ikollu jieħu lill-wild tiegħu mill-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-ewwel Stat Membru fuq il-bażi tar-Regolament Dublin III, u mbagħad ikollu jibqa’ f’dan it-tieni Stat Membru, wara li din id-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet annullata mingħajr ma l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru jkunu, madankollu, iddeċidew li jieħdu mill-ġdid taħt ir-responsabbiltà tagħhom lill-persuni ttrasferiti jew li jawtorizzawhom jirrisjedu hemmhekk. |
Fuq it-tielet sal-ħames domanda
54 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda. |
Fuq l-ispejjeż
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l‑infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma tistax tikkostitwixxi tneħħija inġusta jew żamma inġusta, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, is-sitwazzjoni li fiha wieħed mill-ġenituri, mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor, ikollu jieħu lill‑wild tiegħu mill-Istat ta’ residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda mill-ewwel Stat Membru fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, u mbagħad ikollu jibqa’ f’dan it-tieni Stat Membru, wara li din id-deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ġiet annullata mingħajr ma l-awtoritajiet tal-ewwel Stat Membru jkunu, madankollu, iddeċidew li jieħdu mill-ġdid taħt ir‑responsabbiltà tagħhom lill-persuni ttrasferiti jew li jawtorizzawhom jirrisjedu hemmhekk. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.