This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0255
Judgment of the Court (Third Chamber) of 30 January 2024.#Reti Televisive Italiane SpA (RTI) v Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni.#Reference for a preliminary ruling – Directive 2010/13/EU – Audiovisual media services – Article 23(1) and (2) – Limits on the hourly broadcasting time for television advertising – Exceptions – Concept of ‘announcements made by the broadcaster in connection with its own programmes’ – Announcements made by such an organisation in order to promote broadcasts of a radio station belonging to the same broadcasting group as that broadcaster.#Case C-255/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Jannar 2024.
Reti Televisive Italiane SpA (RTI) vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Artikolu 23(1) u (2) – Limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess’ – Avviżi magħmula minn tali xandar sabiex jippromwovi x-xandiriet ta’ stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ stazzjonijiet bħal dan ix-xandar.
Kawża C-255/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-30 ta’ Jannar 2024.
Reti Televisive Italiane SpA (RTI) vs Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Artikolu 23(1) u (2) – Limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess’ – Avviżi magħmula minn tali xandar sabiex jippromwovi x-xandiriet ta’ stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ stazzjonijiet bħal dan ix-xandar.
Kawża C-255/21.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:98
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
30 ta’ Jannar 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/13/UE – Servizzi tal-media awdjoviżiva – Artikolu 23(1) u (2) – Limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv – Eċċezzjonijiet – Kunċett ta’ ‘avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess’ – Avviżi magħmula minn tali xandar sabiex jippromwovi x-xandiriet ta’ stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ stazzjonijiet bħal dan ix-xandar”
Fil-Kawża C‑255/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ April 2021, fil-proċedura
Reti Televisive Italiane SpA (RTI)
vs
Autorità per le Garanzie nelle Comunicazioni (AGCOM),
fil-preżenza ta’:
Elemedia SpA,
Radio Dimensione Suono SpA,
RTL 102,500 Hit Radio Srl,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), M. Safjan, N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Reti Televisive Italiane SpA (RTI), minn F. Lepri, M. Molino u G. Rossi, avvocati, |
– |
għal Elemedia SpA, Radio Dimensione Suono SpA u RTL 102,500 Hit Radio Srl, minn F. Di Ciommo, avvocato, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn R. Guizzi, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u L. Malferrari, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Lulju2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) u (2)(a) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU 2010, L 95, p. 1, rettifika fil-ĠU 2010, L 263, p. 15), kif ukoll tal-premessa 43 tad-Direttiva(UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 (ĠU 2018, L 303, p. 69), li emendat l-ewwel direttiva iżda li ma hijiex applikabbli ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Reti Televisive Italiane SpA (RTI) u l-Autorità per le garanzie nelle comunicazioni (AGCOM) (l-Awtorità Superviżorja Awdjoviżiva, l-Italja), dwar il-legalità ta’ tliet deċiżjonijiet ta’ din l-awtorità li jimponu sanzjonijiet fuq RTI għal ksur, mill-istazzjonijiet televiżivi Canale 5, Italia 1 u Rete 4, tal-leġiżlazzjoni Taljana dwar il-limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 2010/13
3 |
Il-premessi 23, 25, 87, 96 u 97 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin: “[…]
[…]
[…]” |
5 |
L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 jipprovdi: “1. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ teleshopping televiżiv f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %. 2. Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess u ma’ prodotti anċillari li joħorġu direttament minn dawk il-programmi, avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u tqegħid ta’ prodotti.” |
Id‑Direttiva 2018/1808
6 |
Id-Direttiva 2018/1808 tipprovdi, fil-premessa 43 tagħha: “Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal avviżi magħmula mix-xandar b’rabta mal-programmi tiegħu stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi,, jew għal avviżi ta’ servizz pubbliku u appelli għall-karità mxandra mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż li saru mit-trażmissjoni ta’ tali appelli, jenħtieġ li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ. Barra minn hekk, bosta xandara huma parti minn gruppi akbar ta’ xandara u jagħmlu avviżi mhux biss b’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u prodotti anċillari derivati direttament minn dawk il-programmi, iżda wkoll b’rabta ma’ programmi u servizzi tal-media awdjoviżiva minn entitajiet oħra li jappartjenu għall-istess grupp ta’ xandara. Il-ħin ta’ trażmissjoni allokat għal tali avviżi jenħtieġ ukoll li ma jiġix inkluż fl-ammonti massimi ta’ ħin ta’ trażmissjoni li jistgħu jiġu allokati għar-reklamar televiżiv jew għat-telebejgħ.” |
7 |
Skont il-punt 21 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2010/13 huwa ssostitwit bit-test li ġej: “1. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑06.00 u s‑18.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu. Il-proporzjon ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u spots ta’ telebejgħ fil-perijodu bejn is‑18.00 u 24.00 ma għandux jaqbeż 20 % ta’ dak il-perijodu. 2. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal:
|
Id‑dritt Taljan
8 |
L-Artikolu 38(2) u (6) tad-decreto legislativo n. 177 – Testo unico dei servizi di media audiovisivi e radiofonici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 177, li Jistabbilixxi Test Uniku dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u tar-Radju), tal‑31 ta’ Lulju 2005 (GURI Nru 208, tas‑7 ta’ Settembru 2005, Suppliment Ordinarju Nru 150), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005”), jipprovdi: “2. Ix-xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv magħmul minn-xandara oħra li joffru servizz ta’ televiżjoni mingħajr ħlas, inklużi dawk analoġiċi, fuq livell nazzjonali, minbarra l-konċessjonarju tas-servizz pubbliku ġenerali ta’ xandir, ma jistax jeċċedi l‑15 % tal-ħin ta’ trażmissjoni ta’ kuljum u 18 % għal kull siegħa bl-arloġġ; kwalunkwe qabża possibbli, li fi kwalunkwe każ ma tistax taqbeż it‑2 % fis-siegħa, għandha tiġi paċuta fis-siegħa preċedenti jew sussegwenti. […] […] 6. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi (2) sa (5) ma għandhomx japplikaw għall-avviżi magħmula mix-xandara, inklużi dawk analoġiċi, f’konnessjoni mal-programmi tagħhom stess u mal-prodotti anċillari meħuda direttament minn dawn il-programmi, għall-avviżi ta’ sponsorizzazzjoni u għat-tqegħid ta’ prodotti.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
9 |
RTI hija kumpannija rregolata mid-dritt Taljan li tipprovdi servizzi tal-media awdjoviżiva b’kopertura nazzjonali permezz tal-istazzjonijiet televiżivi tagħha Canale 5, Italia 1, u Rete 4. Hija l-proprjetarja wkoll ta’ 80 % tal-ishma ta’ Monradio Srl, li topera l-istazzjon tar-radju R101, filwaqt li kumpannija oħra li, bħal RTI, tappartjeni għall-grupp Mediaset, hija l-proprjetarja tal‑20 % tal-kumplament tal-ishma. |
10 |
Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet tad‑19 ta’ Diċembru 2017, innotifikati fit‑8 ta’ Jannar 2018, dwar, rispettivament, Canale 5, Italia 1 u Rete 4, l-AGCOM imponiet sanzjonijiet fuq RTI għal ksur tal-Artikolu 38(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005. Sabiex tikkalkola l-ħin ta’ xandir fis-siegħa ddedikat għar-reklamar televiżiv suġġett għal-limiti previsti f’din id-dispożizzjoni, l-AGCOM ħadet inkunsiderazzjoni l-avviżi promozzjonali għall-istazzjon tar-radju R101 magħmula fuq l-istazzjonijiet televiżivi Canale 5, Italia 1 u Rete 4. |
11 |
RTI ppreżentat tliet rikorsi quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio, l-Italja) kontra dawn id-deċiżjonijiet. Hija sostniet li l-avviżi promozzjonali għall-istazzjon tar-radju R101 kellhom jitqiesu bħala avviżi magħmula fir-rigward tal-“programmi stess” ta’ RTI, fis-sens tal-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, u, konsegwentement, bħala esklużi mill-kalkolu tal-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv. |
12 |
Permezz ta’ sentenzi tas‑16 ta’ April 2019, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio) ċaħdet dawn ir-rikorsi, minħabba li avviżi li jippromwovu l-programmi ta’ xandar tar-radju ma setgħux jitqiesu bħala avviżi magħmula fir-rigward tal-“programmi stess” ta’ xandar televiżiv, inkluż meta, bħal f’dan il-każ, iż-żewġ xandara kkonċernati jkunu jappartjenu għall-istess grupp ta’ impriżi. |
13 |
RTI appellat minn dawn is-sentenzi quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li huwa l-qorti tar-rinviju, fejn sostniet li, peress li hija tappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħall-istazzjon tar-radju R101, l-unità ekonomika fformata mill-grupp ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-pluralità tal-persuni ġuridiċi, sabiex jiġu kkalkolati l-limiti tas-siegħat tal-ispazju ta’ reklamar u, għaldaqstant, sabiex jiġi applikat l-Artikolu 38(6) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005. |
14 |
RTI żżid li din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-emenda magħmula lill-Artikolu 23(2)(a) tad-Direttiva 2020/13 permezz tad-Direttiva 2018/1808. Peress li din l-emenda tieħu konjizzjoni ta’ prattiki ta’ awtopromozzjoni inkroċjata bejn il-mezzi ta’ komunikazzjoni, li issa huma mifruxa sew, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi interpretat id-dritt fis-seħħ preċedentement, anki jekk id-Direttiva 2018/1808, li daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Diċembru 2018, ma hijiex applikabbli ratione temporis. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirrileva li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-legalità tal-promozzjoni, minn xandar televiżiv li huwa l-kumpannija omm, tal-programmi ta’ xandar tar-radju li huwa s-sussidjarja tagħha, u mhux l-eżerċizzju tal-kontroll fi ħdan il-grupp hekk ifformat, tenfasizza li l-fatti li wasslu għal din it-tilwima huma kollha preċedenti għall-emenda tad-Direttiva 2010/13 permezz tad-Direttiva 2018/1808. |
16 |
Dik il-qorti tqis, barra minn hekk, li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u, fuq kollox, ta’ dawk tad-dritt tal-Unjoni sostnuta minn RTI ma hijiex l-unika waħda possibbli. Fil-fehma tagħha, l-interpretazzjoni kuntrarja, adottata kemm mill-AGCOM kif ukoll mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali tal-Lazio), “ma tidhirx manifestament irraġonevoli”, peress li din torbot mal-formulazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 177/2005, li jirriproduċi d-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis tad-Direttiva 2010/13, u ma tinjorax l-aspett antikompetittiv li jista’ jirriżulta mill-interpretazzjoni sostnuta minn RTI fir-rigward tax-xandara tar-radju li ma humiex integrati f’xandara televiżivi jew f’media awdjoviżiva. |
17 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id‑domandi preliminari
18 |
Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar televiżiv f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ikopri l-avviżi promozzjonali magħmula minn tali xandar għal stazzjon tar-radju li jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar. |
19 |
Skont l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13, il-proporzjon ta’ xandir ta’ spots ta’ reklamar televiżiv u ta’ spots ta’ teleshopping f’siegħa speċifika tal-arloġġ m’għandux jeċċedi 20 %. Skont il-paragrafu (2) ta’ dan l-Artikolu 23, dan il-paragrafu (1) ma għandux japplika, b’mod partikolari, għall-“avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”. Għaldaqstant, dawn l-avviżi ma humiex suġġetti għal-limitu stabbilit mill-imsemmi Artikolu 23(1). |
20 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-avviżi promozzjonali ta’ stazzjon tar-radju magħmula minn xandar televiżiv li huwa l-proprjetarju maġġoritarju ta’ dan l-istazzjon tar-radju jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk għandhiex issir distinzjoni bejn, minn naħa, avviżi pubbliċitarji intiżi li jinkoraġġixxu x-xiri ta’ prodott jew ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, avviżi newtrali, bl-uniku għan li tingħata informazzjoni dwar programmi, li, għal din ir-raġuni, ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “reklamar televiżiv”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, u, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping. |
21 |
Il-kunċett ta’ “spots ta’ reklamar televiżiv”, li l-Artikolu 23(1) tad-Direttiva 2010/13 jinkludi fil-proporzjon ta’ xandir fis-siegħa kkonċernat, huwa ddefinit, hekk kif tiddikjara l-premessa 87 ta’ din id-direttiva, b’riferiment għall-kunċett ta’ “reklamar televiżiv”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tal-imsemmija direttiva. Skont din l-aħħar dispożizzjoni r-reklamar televiżiv ikopri kwalunkwe forma ta’ avviż imxandar, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk b’remunerazzjoni simili, jew ta’ xandir għal finijiet ta’ awtopromozzjoni minn impriża pubblika jew privata jew minn persuna fiżika fil-kuntest ta’ attività kummerċjali, industrijali jew artiġġjanali jew fil-kuntest ta’ professjoni bil-għan li tiġi promossa l-provvista, permezz ta’ ħlas, ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. |
22 |
F’dan ir-rigward, il-premessa 96 tad-Direttiva 2010/13 tippreċiża li l-attivitajiet ta’ awtopromozzjoni jikkostitwixxu forma speċifika ta’ reklamar li fiha x-xandar televiżiv jippromwovi, b’mod partikolari, il-programmi jew l-istazzjonijiet tiegħu stess. Konsegwentement, l-awtopromozzjoni hija rregolata mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar ir-reklamar televiżiv u t-teleshopping. |
23 |
Issa, skont l-Artikolu 1(1)(h) tal-istess direttiva, ir-reklamar televiżiv huwa wieħed mill-forom ta’ “komunikazzjoni kummerċjali awdjoviżiva” li tfisser “immaġini bil-ħoss jew mingħajru li huma mfasslin biex jippromwovu, direttament jew indirettament, il-prodotti, is-servizzi jew ix-xbieha ta’ entità fiżika jew ġuridika li tkun qed twettaq attività ekonomika” u li “jakkumpanjaw jew huma inklużi fi programm bi ħlas jew għal remunerazzjoni simili jew għal finijiet ta’ promozzjoni tagħhom infushom”. |
24 |
Minn qari flimkien ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, għalkemm id-Direttiva 2010/13 tiddefinixxi r-reklamar televiżiv b’riferiment għall-għan promozzjonali tal-immaġni jew tal-avviż televiżiv inkwistjoni, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tan-natura informattiva tal-immaġni jew tal-avviż ikkonċernat. |
25 |
Minn dan isegwi li l-avviżi magħmula, inkluż meta dawn ikunu newtrali u ta’ natura purament informattiva, li jirrigwardaw il-programmi jew ix-xandiriet ta’ xandar jikkostitwixxu “reklamar televiżiv”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(i) tad-Direttiva 2010/13, meta dawn ikunu intiżi li jwasslu lit-telespettaturi jaraw il-programmi kkonċernati u, għaldaqstant, li jippromwovu l-provvista ta’ servizzi bi ħlas. |
26 |
Għaldaqstant, dawn l-avviżi huma suġġetti għal-limiti imposti fuq il-ħin ta’ xandir fis-siegħa ta’ reklamar televiżiv, stabbiliti fl-Artikolu 23(1) ta’ din id-direttiva, sakemm dawn ma jkunux jistgħu jiġu kklassifikati bħala “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. |
27 |
Għall-finijiet ta’ tali klassifikazzjoni, għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk il-programmi ta’ stazzjon tar-radju li huma s-suġġett ta’ avviżi magħmula minn xandar televiżiv jikkostitwixxux “programmi”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13. |
28 |
Skont l-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “programm” ifisser “sett ta’ immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru li jikkostitwixxi element individwali fi skeda jew katalogu stabbilit minn fornitur ta’ servizzi tal-media u li l-forma u l-kontenut tiegħu huma komparabbli mal-forma u l-kontenut tax-xandir televiżiv”. |
29 |
Il-kunċett ta’ “xandir televiżiv” jew ta’ “xandira televiżiva” huwa, minn naħa tiegħu, iddefinit fl-Artikolu 1(1)(e) tal-imsemmija direttiva bħala li jfisser “servizz tal-media awdjoviżiv ipprovdut minn fornitur ta’ servizzi tal-media għall-wiri simultanju ta’ programmi abbażi ta’ skeda ta’ programmi”, filwaqt li l-kunċett ta’ “servizz tal-media awdjoviżiva” jfisser, konformement mal-Artikolu 1(1)(a)(i), “servizz […] li l-fini prinċipali tiegħu huwa l-forniment ta’ programmi”. |
30 |
Mill-kliem “immaġini jiċċaqilqu bil-ħoss jew mingħajru”, “televiżiv”, “awdjoviżiva” u “wiri” użati f’dawn id-definizzjonijiet, moqrija fid-dawl, b’mod partikolari, tal-premessa 23 tad-Direttiva 2010/13, jirriżulta li din id-direttiva teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha s-servizzi ta’ xandir tar-radju, li jikkonsistu normalment f’xandiriet jew programmi ta’ kontenut akustiku u għalhekk mingħajr immaġni, inkluż meta dawn ix-xandiriet jew programmi jkollhom magħhom elementi awdjoviżivi anċillari li ma jistgħux jiġu sseparati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2015, New Media Online, C‑347/14, EU:C:2015:709, punti 34 u 37). |
31 |
Interpretazzjoni bħal dik sostnuta minn RTI, fis-sens li l-avviżi televiżivi relatati max-xandiriet jew mal-programmi ta’ stazzjon tar-radju normalment jaqgħu taħt l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, tkun twassal sabiex testendi, hekk kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva lil hinn minn dak li tippermetti l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tista’ twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni għad-detriment tal-operaturi tas-suq tas-servizzi tal-media tar-radju li ma jkunux integrati fi gruppi ta’ stazzjonijiet. |
32 |
Fit-tielet lok, fil-każ li l-avviżi magħmula jkunu programmi fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif issostni RTI, meta x-xandar televiżiv li jagħmilhom ikun jappartjeni, flimkien mal-istazzjon tar-radju, għall-istess grupp ta’ kumpanniji u jkun jifforma impriża bħala unità ekonomika, dawn l-avviżi jistgħux jiġu kklassifikati bħala “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess”, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13. |
33 |
Skont l-Artikolu 1(1)(f) tad-Direttiva 2010/13, ix-“xandar” huwa “fornitur ta’ servizz tal-media ta’ xandiriet bit-televiżjoni”. Il-“fornitur ta’ servizz tal-media” huwa ddefinit fl-Artikolu 1(1)(d) ta’ din id-direttiva bħala “il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha r-responsabbiltà editorjali għall-għażla tal-kontenut awdjoviżiv tas-servizz tal-media awdjoviżiv u li tiddetermina l-mod kif dan huwa organizzat”. |
34 |
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva, “servizz tal-media awdjoviżiva” huwa “servizz […] li huwa taħt ir-responsabbiltà editorjali ta’ fornitur ta’ servizzi tal-media”. Il-premessa 25 tal-istess direttiva tippreċiża li d-definizzjoni tar-responsabbiltà editorjali hija ta’ importanza essenzjali għad-determinazzjoni tar-rwol tal-fornitur tas-servizzi tal-media u, għaldaqstant, għad-definizzjoni tas-servizzi tal-media awdjoviżiva. |
35 |
Hekk kif l-Avukata Ġenerali enfasizzat fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tagħha, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex tinftiehem l-espressjoni “programmi tiegħu stess”, imsemmija fl-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal fid-dritt tal-kompetizzjoni jew f’dak tal-kuntratti pubbliċi, ir-rabtiet ġuridiċi u organizzattivi tal-impriżi li jiġġustifikaw il-mekkaniżmi ta’ imputazzjoni reċiproka tal-aġir u tal-kapaċitajiet fi ħdan l-entità ekonomika, iżda pjuttost għandha tittieħed inkunsiderazzjoni r-responsabbiltà editorjali għall-programmi kkonċernati. |
36 |
Tali approċċ huwa kkorroborat mill-għan imfittex minn dan l-Artikolu 23, li huwa li t-telespettaturi, bħala konsumaturi, ikunu protetti minn reklamar eċċessiv. Fatt, ir-regoli dwar il-ħin ta’ xandir tar-reklamar stabbiliti mid-Direttiva 2010/13 huma intiżi li jirrikonċiljaw l-interessi finanzjarji tax-xandara televiżivi u ta’ dawk li jirreklamaw, minn naħa, u l-interessi tat-telespettaturi, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Sky Italia, C‑234/12, EU:C:2013:496, punti 17 u 18). |
37 |
Minn dan isegwi li r-regoli dwar il-ħin massimu ta’ xandir ta’ reklamar fis-siegħa bl-arloġġ stabbiliti minn din id-direttiva jaqgħu taħt kuntest ġuridiku speċifiku u jaqgħu taħt loġika u għanijiet distinti minn dawk segwiti mir-regoli tal-kompetizzjoni jew minn dawk applikabbli għall-kuntratti pubbliċi. |
38 |
Issa, il-kriterji applikabbli sabiex jiġu ddeterminati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jassumu r-responsabbiltà editorjali għal programm jirriżultaw mill-Artikolu 1(1)(c) tad-Direttiva 2010/13. Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-kunċett ta’ “responsabbiltà editorjali” bħala “l-eżerċizzju ta’ kontroll effettiv kemm fuq is-selezzjoni tal-programmi u fuq l-organizzazzjoni tagħhom jew fi skeda kronoloġika, fil-każ ta’ xandiriet bit-televiżjoni, jew f’katalogu, fil-każ ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva on-demand”. B’mod partikolari għandu jiġi vverifikat jekk il-persuna kkonċernata għandhiex is-setgħa tagħmel deċiżjoni finali fir-rigward tal-offerta awdjoviżiva fiha nnifisha, fatt li jimplika li hija għandha biżżejjed riżorsi materjali u umani għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tkun tista’ tassumi tali responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2019, Baltic Media Alliance, C‑622/17, EU:C:2019:566, punti 40 u 43). |
39 |
Minn dan isegwi li, sabiex il-programmi ta’ stazzjon tar-radju li jagħmel parti mill-istess grupp ta’ kumpanniji bħax-xandar televiżiv ikkonċernat ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala programmi “stess” ta’ dan ix-xandar, fis-sens tal-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13, l-imsemmi xandar għandu jassumi r-responsabbiltà editorjali għall-programmi inkwistjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, din ir-responsabbiltà ma tistax tkun ibbażata biss fuq ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jeżistu bejn xandar televiżiv u xandar tar-radju fi ħdan l-istess grupp ta’ kumpanniji. |
40 |
Fid-dawl tal-motivi kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma jkoprix l-avviżi promozzjonali magħmula minn xandar televiżiv għal stazzjon tar-radju li jkun jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar televiżiv, ħlief jekk, minn naħa, il-programmi li jkunu s-suġġett ta’ dawn l-avviżi promozzjonali jkunu “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu sseparati mill-attività prinċipali ta’ dan l-istazzjon tar-radju u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmi xandar televiżiv jassumi r-“responsabbiltà editorjali” għalihom, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l‑ispejjeż
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) |
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
il-kunċett ta’ “avviżi magħmula mix-xandar f’konnessjoni mal-programmi tiegħu stess” ma jkoprix l-avviżi promozzjonali magħmula minn xandar televiżiv għal stazzjon tar-radju li jkun jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji bħal dan ix-xandar televiżiv, ħlief jekk, minn naħa, il-programmi li jkunu s-suġġett ta’ dawn l-avviżi promozzjonali jkunu “servizz tal-media awdjoviżiva”, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva, fatt li jimplika li dawn ma jistgħux jiġu sseparati mill-attività prinċipali ta’ dan l-istazzjon tar-radju u jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmi xandar televiżiv jassumi r-“responsabbiltà editorjali” għalihom, fis-sens tal-Artikolu 1(1)(c) tal-imsemmija direttiva. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.