This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0237
Judgment of the Court (Grand Chamber) of 22 December 2022.#Generalstaatsanwaltschaft München v S.M.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht München.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Articles 18 and 21 TFEU – Request sent to a Member State by a third State for the extradition of a Union citizen who is a national of another Member State and who has exercised his right to free movement in the first of those Member States – Request made for the purpose of enforcing a custodial sentence – Prohibition on extradition applied solely to own nationals – Restriction of freedom of movement – Justification based on the prevention of impunity – Proportionality.#Case C-237/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
Generalstaatsanwaltschaft München vs S.M.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri – Talba mressqa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
Kawża C-237/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Diċembru 2022.
Generalstaatsanwaltschaft München vs S.M.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri – Talba mressqa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
Kawża C-237/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1017
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
22 ta’ Diċembru 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri – Talba mressqa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑237/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ April 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ April 2021, fil-proċeduri dwar l-estradizzjoni ta’
S.M.
fil-preżenza ta’:
Generalstaatsanwaltschaft München
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe (Relatriċi), E. Regan, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ April 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal la Generalstaatsanwaltschaft München, minn J. Ettenhofer, u F. Halabi, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn A. Edelmannová, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Baumgart, S. Grünheid u H. Leupold, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE. |
2 |
Hija tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata mill-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina lill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta’ S.M., li għandu n-nazzjonalità Kroata, tal-Bosnja-Ħerzegovina u dik Serba, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. |
Il‑kuntest ġuridiku
Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑Estradizzjoni
3 |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”), jistipula: “Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
4 |
L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Estradizzjoni ta’ ċittadini”, jipprevedi: “1.
2. Jekk il-parti rikjesta ma testradixxix liċ-ċittadin tagħha, hija għandha, fuq talba tal-parti rikjedenti, tissottometti l-każ lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jekk ikun hemm lok ikunu jistgħu jiġu eżerċitati proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-proċessi, informazzjoni u oġġetti relatati mar-reat jintbagħtu gratwitament skont kif previst fl-Artikolu 12(1). Il-parti rikjedenti għandha tiġi informata bl-eżitu li jkun ingħata lit-talba tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
5 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, waqt il-preżentata tal-istrument ta’ ratifikazzjoni, it‑2 ta’ Ottubru 1976, bil-kliem li ġej: “L-estradizzjoni ta’ ċittadini Ġermaniżi, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn pajjiż barrani, hija prekluża mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(2) [tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), tat‑23 ta’ Mejju 1949 (BGBl. 1949 I, p. 1)] u għalhekk għandha tkun irrifjutata fil-każijiet kollha. It-terminu ‘ċittadini’, fis-sens tal-Artikolu 6(1)[(b)] tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, jinkludi l-Ġermaniżi kollha fis-sens tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundmentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
Il‑Konvenzjoni dwar it‑Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati
6 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tal‑21 ta’ Marzu 1983 dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati”), il-persuni kkundannati fit-territorju ta’ Stat firmatarju ta’ din il-konvenzjoni (l-Istat ta’ kundanna) jistgħu jiġu ttrasferiti lejn it-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom (l-Istat ta’ eżekuzzjoni) sabiex hemmhekk jiskontaw il-piena li ġiet imposta fuqhom. B’dan il-mod, skont l-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija konvenzjoni, tista’ tiġi ssostitwita s-sanzjoni imposta fl-Istat ta’ kundanna b’sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ eżekuzzjoni għall-istess reat. |
7 |
Skont il-premessi tal-istess konvenzjoni, l-għan ta’ tali trasferiment huwa b’mod partikolari li jiffavorixxi l-integrazzjoni soċjali mill-ġdid tal-persuni kkundannati, billi jippermetti lill-barranin li jiċċaħħdu mil-libertà tagħhom wara reat li jiskontaw il-piena tagħhom fl-ambjent soċjali tal-oriġini tagħhom. |
8 |
Mill‑1 ta’ Novembru 1995, il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati torbot lill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Din il-konvenzjoni, li torbot ukoll il-Bosnja-Ħerzegovina, daħlet fis-seħħ fil-Ġermanja fl‑1 ta’ Frar 1992. |
Id‑dritt Ġermaniż
9 |
L-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprevedi: “Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit lejn pajjiż barrani. Regola derogatorja tista’ tiġi stabbilita b’liġi għall-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-[lUnjoni] jew lejn qorti internazzjonali sakemm il-prinċipji tal-Istat tad-dritt ikunu ggarantiti.” |
10 |
L-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistabbilixxi: “It-terminu ‘Ġermaniż’ fis-sens ta’ din il-liġi fundamentali, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni legali kuntrarja, ifisser kull min għandu ċittadinanza Ġermaniża jew li, bħala refuġjat jew persuna spostata li tappartjeni lill-poplu Ġermaniż jew bħala konjuġi jew dixxendent ta’ din tal-aħħar, ġiet aċċettata fit-territorju tal-Istat Ġermaniż skont il-fruntieri tiegħu tal‑31 ta’ Diċembru 1937.” |
11 |
L-Artikolu 48 tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi fuq l-Għajnuna Legali Internazzjonali fil-Qasam Kriminali), tat‑23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl.1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IRG”), jipprevedi: “L-assistenza ġudizzjarja tista’ tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ proċedura kriminali taħt il-forma tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ kwalunkwe sanzjoni oħra imposta f’pajjiż barrani permezz ta’ sentenza definittiva […]” |
12 |
Skont l-Artikoli 54 u 55 tal-IRG, sa fejn l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni barranija fil-Ġermanja hija awtorizzata, is-sanzjoni imposta tiġi kkonvertita fl-eqreb sanzjoni fid-dritt Ġermaniż u d-deċiżjoni barranija tiġi ddikjarata eżegwibbli. Skont l-Artikolu 57(1) tal-IRG, l-eżekuzzjoni tas-sanzjoni ssir mill-uffiċċju tal-prosekutur Ġermaniż “sakemm l-Istat barrani jagħti l-kunsens tiegħu għall-eżekuzzjoni”. |
Il‑kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 |
Fil‑5 ta’ Novembru 2020, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina talbu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja testradixxi lil S.M., li għandu nazzjonalità Kroata, tal-Bosnja-Ħerzegovina u dik Serba, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur imposta għal korruzzjoni minn sentenza tal-Qorti Muniċipali ta’ Bosanska Krupa (il-Bosnja-Ħerzegovina), tal‑24 ta’ Marzu 2017. S.M. ilu jgħix il-Ġermanja flimkien ma’ martu minn nofs l‑2017. Ilu jaħdem hemm sa mit‑22 ta’ Mejju 2020 u nħeles wara li kien tqiegħed temporanjament taħt arrest pendenti l-estradizzjoni. |
14 |
L-awtoritajiet Ġermaniżi informaw lill-awtoritajiet Kroati bit-talba għall-estradizzjoni fir-rigward ta’ S.M., mingħajr ebda reazzjoni min-naħa tagħhom. |
15 |
Il-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München, il-Ġermanja) talab, billi rrefera għas-sentenza Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, iktar ’il quddiem is-“sentenza Raugevicius”,), li l-estradizzjoni ta’ S.M. tiġi ddikjarata inammissibbli. |
16 |
Skont l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, il-fondatezza ta’ din it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni anki jekk, fid-dawl tat-trattati internazzjonali, l-Istat Membru rikjest għandux jestradih. |
17 |
Hija tqis li din il-kwistjoni ma ngħatatx risposta fis-sentenza Raugevicius peress li, fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Finlandja kienet, fid-dawl tat-trattati internazzjonali applikabbli, awtorizzata sabiex ma testradixxix liċ-ċittadin Litwan inkwistjoni lejn il-Federazzjoni Russa. |
18 |
Bl-istess mod, skont il-qorti tar-rinviju, il-ftehimiet ta’ estradizzjoni speċifiċi jew il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630), tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222), kif ukoll tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (C‑398/19, EU:C:2020:1032), ħallew lill-Istat Membru rikjest l-għażla li jiddeċiedi lil liema Stati rikjedenti għandha tiġi estradita l-persuna akkużata. Konsenja lejn l-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali kienet possibbli fl-imsemmija każijiet mingħajr ma l-Istati Membri kkonċernati jiksru l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mit-trattati internazzjonali fir-rigward tal-pajjiżi terzi kkonċernati. |
19 |
Min-naħa l-oħra, f’din il-kawża, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija marbuta fir-rigward tal-Bosnja-Ħerzegovina li testradixxi S.M., skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. |
20 |
Skont din id-dispożizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u l-Bosnja-Ħerzegovina huma reċiprokament obbligati li jikkonsenjaw il-persuni rikjesti mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat rikjedenti għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, sakemm il-kundizzjonijiet previsti minn din il-konvenzjoni jkunu ssodisfatti u sakemm ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmija konvenzjoni ma tipprevedi eċċezzjoni. |
21 |
F’dan il-każ, il-kundizzjonijiet previsti mill-istess konvenzjoni għall-finijiet tal-estradizzjoni ta’ S.M. huma ssodisfatti u ma jeżistix ostakolu għal din l-estradizzjoni skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. B’mod partikolari, l-imsemmija estradizzjoni u l-atti li fuqha hija bbażata josservaw ir-regoli minimi tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ma jiksrux il-prinċipji kostituzzjonali imperattivi jew il-livell imperattiv ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
22 |
Għalhekk, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jeżistu dubji dwar jekk il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Raugevicius tapplikax għal każ bħal dak fil-kawża prinċipali. |
23 |
F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-assenza ta’ ugwaljanza fit-trattament li tirriżulta mill-fatt li ċittadin tal-Unjoni li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru rikjest jista’ jiġi estradit, kuntrarjament għal ċittadin tal-Istat Membru rikjest, jikkostitwixxi restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, previst fl-Artikolu 21 TFUE. |
24 |
Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata ħlief jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament segwit mill-Istat Membru rikjest. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li jkunu wettqu reat għandu jiġi kkunsidrat bħala għan leġittimu li jista’, bħala prinċipju, jiġġustifika miżura restrittiva bħall-estradizzjoni. |
25 |
Issa, il-kwistjoni dwar jekk il-ħtieġa li jiġu previsti miżuri inqas restrittivi mill-estradizzjoni tistax timplika li l-Istat Membru rikjest jikser l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali ma ġietx indirizzata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li eżekuzzjoni fil-Ġermanja tal-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Qorti Muniċipali ta’ Bosanska Krupa hija possibbli. Peress li S.M. diġà jinsab fit-territorju Ġermaniż, il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati, li kienet irratifikata kemm mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll mill-Bosnja-Ħerzegovina, ma hijiex rilevanti. L-eżekuzzjoni tal-piena hija b’hekk regolata mid-dritt Ġermaniż, li ma jirrikjedix li l-persuna akkużata jkollha n-nazzjonalità Ġermaniża u lanqas li tagħti l-kunsens tagħha. Madankollu, din l-eżekuzzjoni hija possibbli biss jekk u sa fejn l-Istat ta’ kundanna jagħti l-kunsens tiegħu. F’dan il-każ, dan ma huwiex il-każ, peress li l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina talbu l-estradizzjoni ta’ S.M. u mhux li responsabbiltà għall-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena tittieħed mill-awtoritajiet Ġermaniżi. |
27 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji stabbiliti fis-[sentenza Raugevicius] dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, jeżiġu li talba mressqa minn Stat terz għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, abbażi tal-[Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni], tiġi miċħuda anki fil-każ li l-Istat Membru rikjest ikun marbut jestradixxi ċ-ċittadin tal-Unjoni abbażi ta’ din il-konvenzjoni fid-dawl tat-trattati internazzjonali, peress li jkun iddefinixxa t-terminu ‘ċittadini’ fl-Artikolu 6(1)(b) tal-[imsemmija] Konvenzjoni fis-sens li jirreferi għaċ-ċittadini tiegħu u mhux ukoll għal ċittadini oħra tal-Unjoni?” |
Fuq id‑domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li Stat Membru, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tal-Istat Membru rikjest, li fid-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi biss l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu barra mill-Unjoni u jipprevedi l-possibbiltà li tali piena tiġi skontata fit-territorju tiegħu bil-kundizzjoni li l-Istat terz rikjedent jagħti l-kunsens tiegħu, jestradixxi ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, skont l-obbligi li huwa għandu skont konvenzjoni internazzjonali, ladarba ma jkunx jista’ jieħu responsabbiltà tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fl-assenza ta’ tali kunsens. |
29 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li s-sentenza Raugevicius kienet tikkonċerna, bħall-kawża prinċipali, talba għal estradizzjoni minn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim dwar l-estradizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Istati Membri lejn ir-Russja, l-Istati Membri jkollhom il-kompetenza sabiex jadottaw tali dispożizzjonijiet, dawn l-istess Stati Membri jkollhom obbligu jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fl-Artikolu 18 TFUE kif ukoll tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri ggarantita fl-Artikolu 21(1) TFUE. |
30 |
Issa, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadinanza tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi fi Stat Membru ieħor għandu d-dritt li jinvoka l-Artikolu 21(1) TFUE u jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
Il-fatt li tali ċittadin ta’ Stat Membru, li ma huwiex l-Istat Membru li quddiemu titressaq talba għal estradizzjoni, għandu wkoll in-nazzjonalità tal-pajjiż terz li għamel din it-talba ma jistax jipprekludi lil dan iċ-ċittadin milli jinvoka d-drittijiet u l-libertajiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk iggarantiti mill-Artikoli 18 u 21 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li n-nazzjonalità doppja ta’ Stat Membru u ta’ pajjiż terz ma tistax iċċaħħad lill-persuna kkonċernata minn dawn id-drittijiet u libertajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Raugevicius, punt 29, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 32). |
32 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S.M., li b’mod partikolari għandu n-nazzjonalità Kroata, eżerċita, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, id-dritt tiegħu, previst fl-Artikolu 21(1) TFUE, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, b’tali mod li s-sitwazzjoni tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, minkejja l-fatt li huwa wkoll ċittadin tal-pajjiż terz li għamel it-talba għal estradizzjoni tiegħu. |
33 |
Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli ta’ Stat Membru dwar l-estradizzjoni li jintroduċu, bħal fil-kawża prinċipali, differenza fit-trattament skont jekk il-persuna rikjesta tkunx ċittadin ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat rikjest il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni li minnha jgawdu ċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jistgħu jaffettwaw il-libertà taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Raugevicius, punt 28, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
Minn dan isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru rikjest, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE (sentenzi Raugevicius, punt 30, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
35 |
Tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali (sentenzi Raugevicius, punt 31, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat għandu jitqies li huwa leġittimu u jippermetti li tiġi ġġustifikata miżura restrittiva ta’ libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li tixtieq tiggarantixxi u biss sa fejn dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi (sentenzi Raugevicius, punt 32, u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), C‑398/19, EU:C:2020:1032, punt 42 u l- ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dan ir-rigward, għalkemm il-prinċipju ta’ ne bis in idem, hekk kif inhu ggarantit mid-dritt nazzjonali, jista’ jikkostitwixxi ostakolu għall-prosekuzzjoni, minn Stat Membru, tal-persuni kkonċernati minn talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, xorta jibqa’ l-fatt li, sabiex jiġi evitat ir-riskju li tali persuni jibqgħu impuniti, jeżistu mekkaniżmi fid-dritt nazzjonali u/jew fid-dritt internazzjonali li jippermettu li dawn il-persuni jiskontaw il-pieni tagħhom, b’mod partikolari, fl-Istat li tiegħu huma ċ-ċittadini u, b’dan il-mod, iżidu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ reintegrazzjoni soċjali wara li jiskontaw il-piena (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Raugevicius, punt 36). |
38 |
L-istess jgħodd, b’mod partikolari, għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati tal‑21 ta’ Marzu 1983 li għaliha huma parti l-Istati Membri kollha, kif ukoll il-Bosnja-Ħerzegovina. Fil-fatt, din il-konvenzjoni tippermetti lil persuna li tkun ġiet ikkundannata fit-territorju ta’ Stat firmatarju tal-imsemmija konvenzjoni, konformement mal-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, titlob li tiġi ttrasferita lejn it-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jirċievi l-kundanna li tkun ġiet imposta fuqu, fejn il-premessi tal-istess konvenzjoni jindikaw li l-għan ta’ tali trasferiment huwa b’mod partikolari li tiġi inċentivata r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati, fejn il-barranin fi priġunerija wara reat ikunu jistgħu jiskontaw il-piena tagħhom fl-ambjent soċjali ta’ oriġini (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Raugevicius, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Barra minn hekk, ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, jipprevedu l-possibbiltà li l-assistenza ġudizzjarja reċiproka fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali tingħata fil-forma tal-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija barra mill-pajjiż. |
40 |
Issa kif enfassiza l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, il-miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest, tikkonsisti preċiżament fil-possibbiltà, meta din teżisti fid-dritt tal-Istat Membru rikjest, li din il-piena tiġi eżegwita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. |
41 |
Barra minn hekk, meta teżisti din il-possibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li tiġi evitata l-impunità, iċ-ċittadini tal-Istat Membru rikjest, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru rikjest u li b’hekk juru livell ta’ integrazzjoni ċert fis-soċjetà tiegħu, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sens, is-sentenza Raugevicius, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikoli 18 u 21 TFUE jirrikjedu li ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest u li jkunu suġġetti għal talba għal estradizzjoni minn pajjiż terz, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, jistgħu jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dan l-aħħar Stat. |
43 |
F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li S.M, li jgħix fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja flimkien ma’ martu mill‑2017 u li ilu jaħdem hemmhekk sa mill‑2020, għandu jitqies li huwa ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti f’dan l-Istat Membru. |
44 |
Barra minn hekk, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, l-eżekuzzjoni fit-territorju Ġermaniż tal-piena mogħtija fil-Bosnja-Ħerzegovina fir-rigward ta’ S.M hija possibbli. Fil-fatt, skont l-Artikolu 48 u l-Artikolu 57(1) tal-IRG, l-eżekuzzjoni fit-territorju Ġermaniż ta’ piena mogħtija fi Stat terz hija permessa sakemm dan l-Istat terz jagħti l-kunsens tiegħu. |
45 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju ssostni li, f’dan il-każ, l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fit-territorju Ġermaniż twassal lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikser l-obbligu ta’ estradizzjoni impost fuq l-Istat Membru rikjest skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. |
46 |
F’dan ir-rigward, hija tindika li t-terminu “ċittadini”, fis-sens tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ikopri, fir-rigward tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, biss il-persuni li għandhom in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, skont id-dikjarazzjoni magħmula minn dan tal-aħħar, skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bid-differenza għall-kawża li tat lok għas-sentenza Raugevicius, rifjut eventwali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li testradixxi lil S.M. lejn il-Bosnja-Ħerzegovina jista’ jkun kuntrarju għall-obbligi li l-istess konvenzjoni timponi fuq dan l-Istat Membru. |
47 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi ppreċiżat, fit-tielet lok, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza Raugevicius ma stabbilixxietx dritt awtomatiku u assolut, għaċ-ċittadini tal-Unjoni, li ma jiġux estraditi barra mit-territorju tal-Unjoni. |
48 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 35 sa 42 ta’ din is-sentenza, fil-preżenza ta’ regola nazzjonali li tintroduċi, bħal fil-kawża prinċipali, differenza fit-trattament bejn iċ-ċittadini tal-Istat Membru rikjest u ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu hemmhekk b’mod permanenti billi tipprojbixxi biss l-estradizzjoni ta’ dawn tal-ewwel, huwa dan l-Istat Membru li għandu l-obbligu li jfittex b’mod attiv l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni, inqas ta’ preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet li tali ċittadini tal-Unjoni jisiltu mill-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE, meta ssir talba għall-estradizzjoni tagħhom minn Stat terz. |
49 |
B’hekk, meta l-applikazzjoni ta’ tali miżura alternattiva għall-estradizzjoni tkun tikkonsisti, bħal f’dan il-każ, f’li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirrisjedu b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest ikunu jistgħu jiskontaw il-piena tagħhom f’dan l-Istat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini tal-imsemmi Stat Membru, iżda li din l-applikazzjoni hija kkundizzjonata mill-kisba tal-kunsens tal-Istat terz li għamel it-talba għal estradizzjoni, l-Artikoli 18 u 21 TFUE jimponu fuq l-Istat Membru rikjest li jfittex b’mod attiv il-kunsens ta’ dan l-Istat terz. Għal dan il-għan, l-Istat Membru rikjest huwa obbligat juża l-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam kriminali li għandu fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ dan l-Istat terz. |
50 |
Jekk l-Istat terz li jkun ressaq it-talba għal estradizzjoni jagħti l-kunsens tiegħu sabiex il-piena ta’ priġunerija tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru rikjest, dan l-Istat Membru jkun f’pożizzjoni li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni li jkunu s-suġġett ta’ din it-talba u li jirrisjedu b’mod permanenti f’dan it-territorju jiskontaw il-piena tagħhom hemmhekk u b’hekk jiżguraw trattament identiku għal dak li jirriżerva għaċ-ċittadini tiegħu stess fil-qasam tal-estradizzjoni. |
51 |
F’każ bħal dan, mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ din il-miżura alternattiva għall-estradizzjoni tista’ wkoll tippermetti lill-Istat Membru rikjest jeżerċita l-kompetenzi tiegħu b’mod konformi mal-obbligi ta’ ftehim li jorbtu lill-Istat terz li għamel it-talba għal estradizzjoni. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-kunsens ta’ dan l-Istat terz għall-eżekuzzjoni tat-totalità tal-piena msemmija fit-talba għal estradizzjoni fit-territorju tal-Istat Membru rikjest huwa, bħala prinċipju, tali li jirrendi superfluwa l-eżekuzzjoni ta’ din it-talba. |
52 |
Għaldaqstant, fil-każ li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tasal sabiex tikseb il-kunsens tal-Bosnja-Ħerzegovina sabiex S.M. jiskonta l-piena li ngħatat f’dan l-Istat terz fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, l-applikazzjoni ta’ tali miżura alternattiva għall-estradizzjoni rikjesta mill-Artikoli 18 u 21 TFUE ma twassalx neċessarjament sabiex dan tal-aħħar jikser l-obbligi li l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni timponi fuqu fir-rigward tal-imsemmi Stat terz, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan. |
53 |
Jekk, min-naħa l-oħra, minkejja l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi msemmija fil-punt 49 ta’ din il-piena, dan l-Istat terz ma jagħtix il-kunsens tiegħu sabiex il-piena ta’ priġunerija inkwistjoni tiġi skontata fit-territorju tal-Istat Membru rikjest, il-miżura alternattiva għall-estradizzjoni meħtieġa mill-Artikoli 18 u 21 TFUE ma tkunx tista’ tiġi applikata. F’dan il-każ, dan l-Istat Membru jista’ jestradixxi l-persuna kkonċernata, konformement mal-obbligi imposti fuqu b’applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, peress li r-rifjut ta’ tali estradizzjoni ma jippermettix, f’dan il-każ, li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ din il-persuna. |
54 |
F’din l-istess ipoteżi, l-estradizzjoni tal-persuna kkonċernata tikkostitwixxi, fid-dawl ta’ dan l-għan, miżura neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, b’tali mod li r-restrizzjoni għad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE, li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija ġġustifikata, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza. |
55 |
Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istat Membru rikjest għandu madankollu jivverifika li din l-estradizzjoni ma hijiex ser tippreġudika d-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha (sentenza Raugevicius, punt 49; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
56 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq l‑ispejjeż
57 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li: |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.