Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0234

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta’ Marzu 2024.
    Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL et vs Conseil des ministres.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Belġju).
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 91/477/KEE – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Armi tan-nar ipprojbiti jew suġġetti għal awtorizzazzjoni – Armi tan-nar semiawtomatiċi – Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 – Artikolu 7(4a) – Possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet – Allegata impossibbiltà li din il-possibbiltà tiġi eżerċitata fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank jew f’armi akustiċi u tas-salut – Validità – Artikolu 17(1) u Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.
    Kawża C-234/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:200

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    5 ta’ Marzu 2024 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 91/477/KEE – Kontroll tal-akkwist u tal-pussess ta’ armi tan-nar – Armi tan-nar ipprojbiti jew suġġetti għal awtorizzazzjoni – Armi tan-nar semiawtomatiċi – Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 – Artikolu 7(4a) – Possibbiltà għall-Istati Membri li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu l-awtorizzazzjonijiet – Allegata impossibbiltà li din il-possibbiltà tiġi eżerċitata fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank jew f’armi akustiċi u tas-salut – Validità – Artikolu 17(1) u Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

    Fil-Kawża C‑234/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ April 2021, fil-proċedura

    Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL,

    NG,

    WL

    vs

    Conseil des ministres,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), K. Jürimäe, C. Lycourgos, T. von Danwitz, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, A. Kumin, I. Ziemele, D. Gratsias, M. L. Arastey Sahún u M. Gavalec, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

    Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi, sussegwentement I. Illéssy, Amministratur,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal Défense Active des Amateurs d’Armes ASBL, NG u WL, minn F. Judo, advocaat,

    għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn S. Ronse u G. Vyncke, advocaten,

    għall-Parlament Ewropew, minn J. Étienne, M. Menegatti u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Lotarski, K. Pleśniak u L. Vétillard, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Tricot u C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2022,

    wara li rat id-digriet tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali tat‑28 ta’ Frar 2023 u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2023,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, bħala aġent, assistita minn S. Ronse u G. Vyncke, advocaten,

    għall-Parlament Ewropew, minn M. Menegatti u R. van de Westelaken, bħala aġenti,

    għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn K. Pleśniak u L. Vétillard, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Tricot u C. Valero, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Settembru 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991, dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 3, rettifika fil-ĠU 2020, L 191, p. 5), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 (ĠU 2017, L 137, p. 22).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, id-Difiża Active des Amateurs d’Armes ASBL, NG u WL (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “DAAA et”) u, min-naħa l-oħra, il-Conseil des ministres (il-Kunsill tal-Ministri, il-Belġju) dwar, b’mod partikolari, il-validità ta’ dispożizzjoni ta’ liġi Belġjana li ma tipprevedix il-possibbiltà, bħala miżura tranżitorja, li wieħed ikompli jippossjedi armi tan-nar semiawtomatiċi li jkunu ġew ikkonvertiti jew għall-isparar inbjank, jew f’armi akustiċi u tas-salut u li jkunu ġew legalment akkwistati kif ukoll irreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, iżda li tipprevedi tali possibbiltà meta tali armi tan-nar semiawtomatiċi ma jkunux ġew ikkonvertiti b’dan il-mod.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 91/477:

    “[b]illi l-kunfidenza reċiproka fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni li dawn ir-regoli għandhom ikattru bejn l-Istati Membri tkun akbar jekk ir-regoli jkunu bbażati fuq liġijiet parzjalment armonizzati; billi għaldaqstant ikun utli li wieħed jiddetermina l-kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn persuni privati huwa pprojbit, jew suġġett għall-awtorizzazzjoni jew għal dikjarazzjoni”.

    4

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2008 (ĠU 2008, L 179, p. 5) kien ifformulat kif ġej:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-taqsima III ta’ l-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-taqsima II ta’ l-Anness I.

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili permezz ta’ l-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:

    ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar, u

    bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi faċilment konvertit hekk.”

    5

    Skont il-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, jaqgħu b’mod partikolari taħt il-“Kategorija B” – armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni”:

    “1.

    Armi tan-nar semi-awtomatiċi jew qosra li jirrepetu.

    […]

    4.

    Armi tan-nar semi-awtomatiċi li l-kompartiment għall-iskrataċ u r-rukkell tagħhom flimkien jieħdu aktar minn tlett tiri.

    5.

    Armi tan-nar twal u semi-awtomatiċi li l-magazin u chamber tagħhom flimkien ma jeħdux aktar minn tliet tiri, fejn il-mezz sabiex l-arma tiġi kkargata jista’ jitneħħa jew fejn mhux żgur jekk l-arma tistax tinbidel jew le b’għodda normali f’arma li l-magazin u chamber tagħha flimkien jieħdu aktar minn tliet tiri.

    6.

    Armi tan-nar twal li jirrepetu t-tiri u li huma semi-awtomatiċi b’ kanen lixxi li ma jaqbżux is-60cm tul.

    7.

    Armi tan-nar semi-awtomatiċi għall-użu minn ċittadini li jixbħu lill-armi b’mekkaniżmi semi-awtomatiċi.”

    6

    Il-Parti III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, kienet tipprevedi:

    “Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, oġġetti li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ ‘arma tan-nar’ m’għandhomx jiġu inklużi f’dik id-definizzjoni jekk:

    (a)

    ikunu saru definittivament mhux tajba għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni li tiżgura li l-partijiet kollha essenzjali ta’ l-arma tan-nar ikunu saru għal kollox mhux utilizzabbli u li ma jkunux jistgħu jiġu maqlugħa, sostitwiti jew mibdula bil-għan ta’ kwalunkwe riattivazzjoni;

    […]”

    7

    L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, kien jinkludi, fil-punti 1 u 3 sa 5 tiegħu, id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “(1)

    ‘arma tan-nar’ tfisser kwalunkwe arma bil-kanna li tista’ tinġarr, li tispara, li hija mfassla biex tispara jew li tista’ tiġi konvertita biex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, sakemm ma tkunx eskluża minn dik id-definizzjoni minħabba waħda mir-raġunijiet elenkati fit-Taqsima III tal-Anness I. L-armi tan-nar huma kklassifikati fit-Taqsima II tal-Anness I.

    Oġġett għandu jitqies bħala kapaċi li jiġi konvertit biex jispara tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli jekk:

    (a)

    ikollu l-apparenza ta’ arma tan-nar; u

    (b)

    bħala riżultat tal-kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li jkun magħmul minnu jkun jista’ jiġi faċilment konvertit hekk;

    […]

    (3)

    ‘munizzjon’ tfisser ir-round sħiħ jew il-komponenti tiegħu, inklużi l-kaxxi tal-iskrataċ, il-kaps, il-porvli tal-propellant, il-balal jew il-projettili, li jintużaw f’arma tan-nar, sakemm dawk il-komponenti stess ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat;

    (4)

    ‘armi tal-allarm u tas-sinjal’ tfisser apparati b’ħowlder tal-iskrataċ li jkunu ġew imfassla biex jisparaw biss in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew tiri pirotekniċi li jisparaw tiri, u li ma jkunux kapaċi li jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili bl-azzjoni ta’ propellant kombustibbli;

    (5)

    ‘armi akustiċi u tas-salut’ tfisser l-armi tan-nar ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar in bjank, f’attivitajiet bħal spettakli teatrali, sessjonijiet fotografiċi, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u dawk televiżivi, rappreżentazzjonijiet teatrali ta’ avvenimenti storiċi, parati, avvenimenti sportivi u taħriġ”.

    8

    L-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853 kien jipprovdi li,

    “L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta’ arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-Direttiva. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li tali armi tan-nar jiġu akkwistati minn persuni awtorizzati oħra mill-Istati Membri skont din id-Direttiva […]”

    9

    Skont il-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, jaqgħu taħt il-“Kategorija A” – Armi tan-nar ipprojbiti”:

    “1.

    Missili splossivi militari u launchers.

    2.

    Armi tan-nar awtomatiċi.

    3.

    Armi tan-nar moħbija bħala oġġetti oħra.

    4.

    Munizzjon bi projettili li jippenetraw, jisplodu jew iqabbdu, u l-projettili għal dan il-munizzjon.

    5.

    Munizzjon għall-pistoli u revolvers bi projettili li jespandu u l-projettili għal dan il-munizzjon, ħlief f’ każ ta’ armi għall-kaċċa jew għall-isparar fuq bersalji, għall-persuni li għandhom id-dritt jużawhom.

    6.

    Armi tan-nar awtomatiċi li ġew ikkonvertiti f’armi tan-nar semiawtomatiċi, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(4a).

    7.

    Kwalunkwe arma tan-nar semiawtomatika centre-fire fost dawn li ġejjin:

    (a)

    armi tan-nar qosra li jippermettu l-isparar ta’ aktar minn 21 dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

    (i)

    apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż 20 dawra jkun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

    (ii)

    apparat tal-ikkargar li jiżżarma b’kapaċità li taqbeż 20 dawra jiddaħħal fiha;

    (b)

    armi tan-nar twal li jippermettu l-isparar ta’ aktar minn 11-il dawra mingħajr ikkargar mill-ġdid, jekk:

    (i)

    apparat tal-ikkargar b’kapaċità li taqbeż 10 dawriet ikun parti minn dik l-arma tan-nar; jew

    (ii)

    apparat tal-ikkargar li jiżżarma b’kapaċità li taqbeż 10 dawriet tiddaħħal fiha.

    8.

    Armi tan-nar twal semiawtomatiċi (jiġifieri armi tan-nar li huma oriġinarjament maħsuba biex jiġu sparati minn fuq l-ispalla) li jistgħu jitqassru għal tul ta’ inqas minn 60 cm mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta’ ċipp li tintlewa jew li tingħalaq jew permezz ta’ ċipp li tista’ titneħħa mingħajr l-użu ta’ għodda.

    9.

    Kwalunkwe arma tan-nar f’din il-kategorija li tkun ġiet konvertita f’arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f’arma tas-salut jew akustika.”

    10

    Il-premessi 20 u 31 tad-Direttiva 2017/853 kienu jipprevedu:

    “(20)

    Ir-riskju li armi akustiċi u tipi oħra ta’ armi tal-isparar in bjank jiġu konvertiti f’armi tan-nar proprja huwa għoli. Għaldaqstant huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema ta’ tali armi tan-nar konvertiti li jintużaw fit-twettieq ta’ reati kriminali, partikolarment billi dawn jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [91/477]. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-armi tal-allarm u tas-sinjal jiġu mmanifatturati b’tali mod li jistgħu jiġu konvertiti biex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, jenħtieġ li l-Kummissjoni tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi biex jiġi żgurat li dawn ma jkunux jistgħu jiġu hekk ikkonvertiti.

    […]

    (31)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [(iktar ’il quddiem il-‘Karta’].”

    11

    Id-Direttiva 91/477 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva (UE) 2021/555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Marzu 2021 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta’ armi (ĠU 2021, L 115, p. 1).

    Id‑dritt Belġjan

    12

    L-Artikoli 151 sa 163 tal-loi portant des dispositions diverses en matière pénale et en matière de cultes et modifiant la loi du 28 mai 2002 relative à l’euthanasie et le Code pénal social (il-Liġi li Tistabbilixxi Diversi Dispożizzjonijiet fil-Qasam Kriminali u fil-Qasam tal-Kulti u li temenda l-Liġi tat‑28 ta’ Mejju 2002 dwar l-Ewtantasja u l-Kodiċi Kriminali Soċjali), tal-5 ta’ Mejju 219 (Moniteur belge tal‑24 ta’ Mejju 2019, p. 50023), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑5 ta’ Mejju 2019”), emendaw diversi dispożizzjonijiet tal-loi réglant des activités économiques et individuelles avec des armes (l-Liġi li Tirregola l-Attivitajiet Ekonomiċi u Individwali bl-Armi), tat‑8 ta’ Ġunju 2006 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Ġunju 2006, p. 29840, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006”), bl-għan, b’mod partikolari, li jittrasponu parzjalment id-Direttiva 2017/853 fl-ordinament ġuridiku Belġjan.

    13

    Għaldaqstant, l-Artikolu 153(3) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019 ġie adottat sabiex jiġu trasposti f’dan l-ordinament ġuridiku l-punti 6 u 8 tal-kategorija A, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, billi l-Artikolu 3(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006 ġie emendat kif ġej:

    “Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala armi pprojbiti:

    […]

    19°

    armi tan-nar awtomatiċi kkonvertiti f’armi tan-nar semiawtomatiċi;

    20°

    armi tan-nar twal semiawtomatiċi li jistgħu jitqassru għal tul ta’ inqas minn 60 ċentimetru mingħajr ma jitilfu l-funzjonalità permezz ta’ ċipp li jista’ jiġi mitwi jew jingħalaq b’mod teleskopiku jew permezz ta’ ċipp li jista’ jiżżarma mingħajr l-użu ta’ għodda”.

    14

    L-Artikolu 153(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019 emenda dan l-Artikolu 3 billi introduċa fih il-paragrafu 4, li jipprovdi:

    “L-armi tan-nar li ġew ikkonvertiti għall-isparar inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjoni pirotekniċi, jew li ġew ikkonvertiti f’armi tas-salut u akustiċi, u l-armi tan-nar li ma ġewx ikkonvertiti għal dan il-għan, li l-uniku użu tagħhom huwa li jisparaw l-iskrataċ jew is-sustanzi msemmija iktar ’il fuq, jibqgħu inklużi fil-kategorija A li lilha ġew assenjati skont il-paragrafi 1 u 3”.

    15

    Din il-liġi emendat ukoll il-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006 billi introduċiet, fl-Artikolu 2 ta’ din tal-aħħar, il-punt 26/1 li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “armi akustiċi u tas-salut” bħala “l-armi tan-nar immanifatturati jew ikkonvertiti speċifikament biex jintużaw biss għall-isparar inbjank, f’attivitajiet bħal pereżempju spettakli teatrali, sessjonijiet fotografiċi, reġistrazzjonijiet ċinematografiċi u dawk televiżivi, rappreżentazzjonijiet teatrali ta’ avvenimenti storiċi, parati, avvenimenti sportivi u taħriġ”.

    16

    Permezz tal-Artikolu 163 tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019, il-leġiżlatur Belġjan għamel użu mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, billi fil-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006 daħħal l-Artikolu 45/2, li jipprovdi:

    “Dawk li akkwistaw b’mod legali u rreġistraw qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 arma tat-tip imsemmija fil-punti 19 u 20 tal-Artikolu 3(1), jew billi kisbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan, permezz ta’ reġistrazzjoni abbażi ta’ liċenzja tal-kaċċa, kemm permezz ta’ ċertifikat ta’ kustodja privata jew liċenzja ta’ tiratur sportiv, jew permezz ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ persuna awtorizzata, jistgħu jżommu din l-arma, sakemm ir-rekwiżiti legali l-oħra relatati mal-pussess tal-armi jkunu ssodisfatti. Din l-arma tista’ tiġi ttrasferita biss lit-tiraturi sportivi […] u lin-negozjanti tal-armi, kolletturi jew mużewijiet awtorizzati għal dan il-għan. L-arma tan-nar tista’ wkoll tiġi ddiżattivata […] jew tiġi ċeduta.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    17

    Permezz ta’ rikors tat‑22 ta’ Novembru 2019, DAAA et ippreżentaw quddiem il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) rikors għal annullament, b’mod partikolari, tal-Artikolu 153(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019. Fil-fehma tagħhom, din id-dispożizzjoni tikser, fost oħrajn, diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Belġjana, l-Artikolu 49 tal-Karta u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn essenzjalment tipprevedi li armi tan-nar li kienu jinbiegħu liberament fil-Belġju sat‑3 ta’ Ġunju 2019, jiġifieri armi li ġew ikkonvertiti sabiex jisparaw inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniċi, jew li ġew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut, u l-armi tan-nar mhux ikkonvertiti għal dan l-għan li jservu biss sabiex jisparaw skrataċ jew is-sustanzi msemmija iktar ’il fuq, huma, minn din id-data, suġġetti għal awtorizzazzjoni jew ipprojbiti, mingħajr ma jipprovdu dispożizzjoni tranżitorja għall-persuni li akkwistaw u rreġistraw legalment tali armi tan-nar qabel l-imsemmija data. B’effett mill-istess data, dawn il-persuni jirriskjaw għalhekk li jinbdew kontrihom proċeduri kriminali minħabba li jżommu tali armi tan-nar, minkejja li huma ma kellhomx l-okkażjoni jippreparaw ruħhom sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ dan l-Artikolu 153(5).

    18

    Barra minn hekk, skont DAAA et, l-imsemmi Artikolu 153(5) jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn id-detenturi ta’ tali armi tan-nar ikkonvertiti u d-detenturi tal-armi tan-nar l-oħra li jsiru wkoll armi pprojbiti wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019, iżda li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 163 ta’ din il-liġi. Issa, din id-differenza fit-trattament ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-għan li tiġi promossa ċ-ċertezza legali, u lanqas ma hija raġonevolment iġġustifikata, minħabba l-fatt li d-detenturi ta’ armi tan-nar ikkonvertiti ma għandhomx il-possibbiltà li jikkonformaw ruħhom mar-regoli l-ġodda u li jevitaw eventwali proċeduri kriminali.

    19

    Barra minn hekk, DAAA et iqisu li din id-dispożizzjoni twettaq esproprjazzjoni de facto, peress li għandha l-effett li d-detenturi ta’ arma tan-nar akkwistata legalment, f’daqqa waħda, ma jkunux jistgħu jżommuha iktar. Peress li tali preġudizzju għad-dritt għall-proprjetà ma huwiex akkumpanjat minn kumpens totali u preċedenti, l-imsemmija dispożizzjoni tikser dan id-dritt.

    20

    Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) tirrileva li l-Artikolu 153(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019, moqri flimkien mal-Artikolu 163 ta’ din il-liġi, ma jipprevedix sistema tranżitorja favur persuni li jkunu akkwistaw u rreġistraw legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017 arma tan-nar li tkun ġiet ikkonvertita sabiex tintuża biss għall-isparar inbjank. L-imsemmija liġi lanqas ma tirregola l-mod li bih il-persuni li jkunu kisbu legalment, qabel din id-data, tali arma jistgħu jikkonformaw ruħhom mal-istatus il-ġdid tagħha li jirriżulta mill-istess liġi, jiġifieri jew arma pprojbita jew arma suġġetta għal awtorizzazzjoni. Issa, meta l-leġiżlatur isaħħaħ sistema eżistenti, huwa għandu jiżgura li l-persuni li jkunu akkwistaw legalment tali arma taħt is-sistema l-antika jkollhom il-possibbiltà li jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni l-ġdida.

    21

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 153(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019, l-armi tan-nar ikkonvertiti sabiex jintużaw biss għall-isparar ta’ inbjank kienu jinbiegħu liberament fil-Belġju, indipendentement mill-kategorija li kienu jappartjenu għaliha fl-assenza ta’ tali konverżjoni. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, il-persuni li kienu akkwistaw u rreġistraw, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, tali arma tan-nar li taqa’, mingħajr din il-konverżjoni, taħt il-kategorija tal-armi pprojbiti, sabu ruħhom f’daqqa waħda fil-pussess ta’ arma pprojbita, li huma la setgħu, b’mod partikolari, iżommu u lanqas jittrasferixxu.

    22

    Bl-istess mod, wara d-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni, il-persuni li ma għandhomx l-awtorizzazzjoni meħtieġa għal arma tan-nar ikkonvertita biex tintuża biss għall-isparar inbjank u li kisbu u rreġistraw, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, tali arma tan-nar, li taqa’, mingħajr din il-konverżjoni, taħt il-kategorija tal-armi suġġetti għal awtorizzazzjoni, kellhom f’daqqa waħda fil-pussess tagħhom arma tan-nar li huma ma setgħux iżommu skont l-Artikolu 11(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006. Peress li din l-aħħar dispożizzjoni teżiġi li tali awtorizzazzjoni għandha tinkiseb “qabel” l-akkwist tal-arma inkwistjoni, il-persuni kkonċernati, barra minn hekk, allegatament ma għandhomx il-possibbiltà li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom.

    23

    Il-Cour constitutionnelle (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju) tqis li l-Artikolu 153(5) tal-Liġi tal-5 ta’ Mejju 2019, moqri flimkien mal-Artikolu 163 ta’ din il-liġi, jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn, minn naħa, il-persuni li, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, kienu akkwistaw u rreġistraw legalment arma semiawtomatika fis-sens tal-punti 19 u 20 tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi tat-8 ta’ Ġunju 2006 u, min-naħa l-oħra, dawk li, qabel din id-data, kienu akkwistaw u rreġistraw legalment arma tan-nar ikkonvertita sabiex tintuża biss għall-isparar inbjank fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din il-liġi tal-aħħar. Filwaqt li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ persuni akkwistaw u rreġistraw legalment l-arma tan-nar tagħhom meta huma ma kinux għadhom mistennija jkunu jafu li l-istatus tagħha kien ser jinbidel, huma biss il-persuni li jappartjenu għall-ewwel kategorija li jibbenefikaw minn sistema tranżitorja li tippermettilhom ikomplu jżommu l-arma tan-nar semiawtomatika tagħhom, attwalment ipprojbita, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet legali l-oħra fil-qasam tal-pussess tal-armi.

    24

    Skont il-qorti tar-rinviju, din id-differenza fit-trattament toriġina mill-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu sistema tranżitorja favur persuni li jkunu akkwistaw u rreġistraw legalment, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, arma semiawtomatika fis-sens tal-punti 6 sa 8 tal-“Kategorija A”. – Armi tan-nar ipprojbiti”, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853 (iktar ’il quddiem il-“kategoriji A.6 sa A.8”), filwaqt li ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, ma tippermetti li tiġi prevista sistema tranżitorja favur persuni li jkunu akkwistaw u rreġistraw legalment, qabel din id-data, arma tan-nar ikkonvertita biex tintuża biss għall-isparar inbjank.

    25

    Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni dwar jekk dan l-Artikolu 7(4a) huwiex kompatibbli mal-Artikolu 17(1) u mal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll mal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn ma jawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar imsemmija fil-punt 9 tal-“Kategorija A” – Armi tan-nar ipprojbiti”, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853 (iktar ’il quddiem il-“Kategorija A.9”), li ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li jawtorizzahom jipprevedu sistema tranżitorja favur l-armi tan-nar imsemmija fil-Kategoriji A.6 sa A.8 li ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel din id-data.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Cour constitutionnelle (il-qorti kostituzzjonali, il-Belġju) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari li ġejja:

    “L-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva [91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853], moqri flimkien mal-[punti 6 sa 9 tal-‘Kategorija A – Armi tan-nar ipprojbiti’, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II ta’ din id-]direttiva, jikser l-Artikolu 17(1) [u] l-Artikoli 20 u 21 tal-[Karta] u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi inkwantu ma jawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar imsemmija fil-Kategorija A9 li ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, filwaqt li jawtorizzahom jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar imsemmija fil-Kategoriji A6 sa A8 li ġew akkwistati b’mod legali u rreġistrati qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017?”

    Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

    27

    Il-Kummissjoni tirrileva, minn naħa, li l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, jawtorizza biss lill-Istati Membri jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu awtorizzazzjonijiet eżistenti u, min-naħa l-oħra, li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fil-Belġju, l-armi tan-nar semiawtomatiċi kkonvertiti f’armi għall-isparar inbjank ma kinux, qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2017/853 fl-ordinament ġuridiku Belġjan, suġġetti għal awtorizzazzjoni, iżda kienu jinbiegħu liberament.

    28

    Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li dan l-Artikolu 7(4a) ikopri wkoll l-armi tan-nar tal-kategorija A.9, ir-Renju tal-Belġju ma kienx f’pożizzjoni li jimplimenta fir-rigward tagħhom il-possibbiltà offruta minn din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda preliminari ma taffettwax is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif deskritta fid-deċiżjoni tar-rinviju, u dan irendi din id-domanda ipotetika.

    29

    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li jibbenefikaw minnha d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni, għandu jitqies li meta, bħal fil-każ ineżami, ma jkunx jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq l-inapplikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kawża prinċipali ma tirrigwardax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domanda magħmula (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, BMW Bank et, C‑38/21, C‑47/21 u C‑232/21, EU:C:2023:1014, punt 114 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    30

    Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

    Fuq id‑domanda preliminari

    31

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853 moqri flimkien mal-punti 6 sa 9 tal-“Kategorija A – Armi tan-nar ipprojbiti”, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, huwiex validu fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    32

    Hekk kif jirriżulta kemm mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti kif ukoll mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda, din tal-aħħar hija bbażata fuq il-premessa li dan l-Artikolu 7(4a) jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A.8, li ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, iżda li ma tawtorizzahomx jagħmlu dan fir-rigward ta’ armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategorija A.9.

    33

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat qabel kollox jekk l-imsemmi Artikolu 7(4a) għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax lill-Istati Membri jipprevedu sistema tranżitorja għall-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategorija A.9, li ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017.

    34

    Sabiex jiġi ddeterminat jekk dan huwiex il-każ, jeħtieġ, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li minnu tifforma parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch,C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 115 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    35

    Barra minn hekk, skont il-prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun possibbli, b’mod li ma tiġix affettwata l-validità tiegħu u f’konformità mad-dritt primarju kollu tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għaldaqstant, meta dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni tkun tista’ tiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju tal-Unjoni iktar milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tal-inkompatibbiltà miegħu (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains,C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari, li “jiddeċiedu li jikkonfermaw, iġeddu jew itawwlu awtorizzazzjonijiet għal armi tan-nar semiawtomatiċi kklassifikati fil-punt 6, 7 jew 8 tal-kategorija A fir-rigward ta’ arma tan-nar li kienet ikklassifikata fil-kategorija B, u akkwistata legalment u rreġistrata, qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, soġġett għall-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’din id-Direttiva”.

    37

    Minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-possibbiltà offruta lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni, jiġifieri dik li jikkonfermaw, iġeddu jew jestendu awtorizzazzjonijiet, tapplika biss għall-armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A.8 li kienu, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, ikklassifikati fil-“Kategorija B” – Armi tan-nar soġġetti għall-awtorizzazzjoni ” li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51 (iktar ’il quddiem il-“kategorija B”), u li kienu ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017. Barra minn hekk, mill-imsemmija formulazzjoni jirriżulta li din il-possibbiltà tingħata biss bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fid-Direttiva 91/477, kif emendata bid‑Direttiva 2017/853.

    38

    Fil-każ ineżami, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta qabelxejn li l-aspett tat-tilwima fil-kawża prinċipali li għaliha tirreferi d-domanda magħmula jikkonċerna armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-kategorija A.9 u li ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017.

    39

    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-fehmiet tal-partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaqblux dwar jekk l-armi tan-nar semiawtomatiċi kkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut kinux, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, ikklassifikati fil-kategorija B. B’mod partikolari, b’riferiment għal interpretazzjonijiet diverġenti tad-Direttiva 91/477 mill-Istati Membri, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsostni li, qabel iż-żieda tal-kategorija A.9 bid-Direttiva 2017/853, ma kienx ċar jekk dawn l-armi tan-nar kinux jaqgħu jew le fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kategorija B.

    40

    Min-naħa l-oħra u fl-aħħar nett, il-parteċipanti kollha fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2023 sostnew li l-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategorija A.9 li jissodisfaw kemm il-kriterji ta’ din il-kategorija kif ukoll dawk ta’ waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8 jistgħu wkoll jaqgħu taħt dawn l-aħħar kategoriji.

    41

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni, fit-tieni lok, tal-kuntest tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, għandu jiġi vverifikat jekk l-armi tan-nar ikkonċernati, minn naħa, kinux ikklassifikati, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, fil-kategorija B u, min-naħa l-oħra, jistgħux jaqgħu kemm taħt il-kategorija A.9 kif ukoll taħt waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8.

    42

    L-ewwel nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-armi tan-nar ikkonċernati kinux ikklassifikati, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, fil-kategorija B, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 52 sa 55 tal-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Novembru 2022, l-armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu taħt il-kategorija A.9, jiġifieri l-armi kkonvertiti għall-isparar inbajk, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjoni pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut, jissodisfaw, minkejja l-konverżjoni tagħhom, il-kriterji li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “arma tan-nar” previsti kemm fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, kif ukoll f’dan l-Artikolu 1(1), fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853.

    43

    Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ kull waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, bla ħsara għal ċerti eċċezzjonijiet, tikkostitwixxi b’mod partikolari arma tan-nar mhux biss kull arma bil-kanna li tista’ tinġarr li hija ddisinjata sabiex tispara tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, iżda wkoll kull arma bil-kanna li tinġarr li tista’ tiġi kkonvertita għal dan l-għan, bil-kundizzjoni li oġġett jitqies bħala li jista’ b’hekk jiġi kkonvertit jekk ikollu d-dehra ta’ arma tan-nar u, minħabba l-karatteristiċi ta’ kostruzzjoni tiegħu jew tal-materjal li fih ikun immanifatturat, dan jista’ b’hekk jiġi kkonvertit.

    44

    Issa, f’dan ir-rigward, il-premessa 20 tad-Direttiva 2017/853 tippreċiża li jeżisti riskju kbir li armi akustiċi u tas-salut u tipi oħra ta’ armi tal-isparar inbjank jiġu konvertiti f’armi tan-nar proprja. Barra minn hekk, fir-rigward tal-armi tan-nar semiawtomatiċi li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8, sa fejn dawn ġew iddisinjati sabiex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli, imbagħad ikkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut, u li għalhekk jaqgħu taħt il-kategorija A.9, huwa stabbilit li dawn jistgħu jsibu l-livell ta’ perikolu preċedenti tagħhom billi jerġgħu jiġu kkonvertiti sabiex jisparaw tir, balla jew projettili permezz tal-azzjoni ta’ propellant kombustibbli.

    45

    Tali evalwazzjoni hija kkorroborata mill-Parti III tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni hemmhekk eskluda espressament mid-definizzjoni ta’ arma tan-nar, b’mod partikolari, l-oġġetti li jirrendu definittivament mhux xierqa għall-użu permezz ta’ diżattivazzjoni li tiżgura li l-komponenti essenzjali kollha tagħhom ikunu saru definittivament mhux utilizzabbli u impossibbli li jitneħħew, jiġu ssostitwiti, jew immodifikati bil-ħsieb ta’ kwalunkwe riattivazzjoni. Madankollu, il-Parti III tal-imsemmi Anness ma jipprevedi ebda esklużjoni ta’ dan it-tip għal dak li jikkonċerna armi kkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut,

    46

    Ċertament, il-premessa 20 tad-Direttiva 2017/853 tippreċiża wkoll li huwa essenzjali li tiġi indirizzata l-problema maħluqa minn tali armi tan-nar ikkonvertiti billi dawn jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477. Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li dawn l-armi tan-nar ikkonvertiti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva biss sa minn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853. Fil-fatt, peress li l-imsemmija armi jissodisfaw id-definizzjoni ta’ arma tan-nar stabbilita fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2008/51, il-preċiżazzjoni li tinsab f’ din il-premessa tad-Direttiva 2017/853 għandha tinftiehem fis-sens li, fid-dawl tal-interpretazzjonijiet diverġenti msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, din hija intiża li tikkonferma li l-armi tan-nar ikkonvertiti jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853.

    47

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-armi tan-nar ikkonċernati għandhom jitqiesu li ġew ikklassifikati, qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, fil-kategorija B, li kienet tkopri, fil-punti 1 u 4 sa 7 tagħha, l-armi tan-nar semiawtomatiċi.

    48

    It-tieni nett, fir-rigward tal-punt dwar jekk l-armi tan-nar semiawtomatiċi li ġew ikkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut jistgħux jaqgħu kemm taħt il-kategorija A.9 kif ukoll taħt waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kategorija A.9, din tinkludi “kwalunkwe arma tan-nar f’din il-kategorija” li ġiet ikkonvertita f’arma li tispara in bjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f’arma tas-salut jew akustika.

    49

    Għaldaqstant, mill-formulazzjoni tal-kategorija A.9 jirriżulta li, sabiex arma tan-nar tkun tista’ taqa’ taħt din il-kategorija, tali arma għandha, minn naħa, tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punti 2, 3, 6, 7 jew 8 tal-“Kategorija A – Armi tan-nar ipprojbiti”, li jinsabu fil-punt A tal-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853 (iktar ’il quddiem il-“Kategoriji A.2, A.3, A.6, A.7 jew A.8”) u, min-naħa l-oħra, li jkunu ġew ikkonvertiti sabiex jisparaw inbjank, sustanzi irritanti, sustanzi attivi oħra jew munizzjon pirotekniku jew f’arma akustika u tas-salut.

    50

    Din il-formulazzjoni tindika għalhekk li l-fatt li tali konverżjoni tkun twettqet fuq arma, li tinvolvi l-inklużjoni tagħha fil-kategorija A.9, ma għandux l-effett li jeżentaha mill-klassifikazzjoni tagħha fil-kategoriji A.2, A.3, A.6, A.7 jew A.8. Fil-fatt, minn naħa, l-armi li jaqgħu taħt il-kategorija A.9 jissodisfaw, hekk kif ġie indikat fil-punt 42 tas-sentenza preżenti, il-kriterji li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “arma tan-nar” li jinsabu fil-punt 1 tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, u, min-naħa l-oħra, dawn il-kategoriji A.2, A.3, A.6, A.7 jew A.8 ma jagħmlu ebda distinzjoni skont jekk l-armi tan-nar li huma jsemmu ġewx ikkonvertiti jew le.

    51

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttivi 91/477 u 2017/853, l-ewwel nett, mill-premessa 20 ta’ din id-direttiva tal-aħħar u mill-elementi tal-proċedura leġiżlattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2017/853 li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ż-żieda, matul din il-proċedura leġiżlattiva, tal-kategorija A.9 kienet intiża sabiex tiċċara, fid-dawl ta’ sitwazzjoni differenti fl-Istati Membri, li l-armi tan-nar ikkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut kienu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 91/477.

    52

    Min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq, permezz ta’ din iż-żieda, ineħħi l-armi tan-nar li għaddew minn tali konverżjoni mill-kategoriji A.2, A.3, A.6, A.7, A.8 jew mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853. B’mod partikolari, minn ebda waħda mill-premessi tad-Direttiva 2017/853 ma jirriżulta li l-armi li jaqgħu taħt il-kategorija A.9 huma esklużi minn dawn il-kategoriji jew minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni.

    53

    It-tieni nett, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrileva, fil-premessa 31 tad-Direttiva 2017/853, li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, għandu jitqies li dan l-Artikolu 7(4a) huwa intiż li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet kweżiti u, b’mod partikolari, dak tad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, sa fejn dan jippermetti, essenzjalment, lill-Istati Membri jżommu l-awtorizzazzjonijiet diġà mogħtija għall-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A.8, li kienu kklassifikati, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, fil-kategorija B u li kienu ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017, b’tali mod li d-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, ma timponix l-esproprjazzjoni mingħand id-detenturi ta’ tali armi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 135).

    54

    Issa, fid-dawl ta’ dan l-għan li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet kweżiti għall-proprjetà, l-imsemmi Artikolu 7(4a), minkejja li jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-pussess tal-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A.8, ma jistax ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li jkollha l-effett li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu tali armi meta huma jissodisfaw ukoll il-kriterji supplimentari stabbiliti fil-kategorija A.9. Fil-fatt, hekk kif turi din it-talba għal deċiżjoni preliminari, tali interpretazzjoni tqajjem mistoqsijiet dwar il-konformità mal-Artikolu 17 tal-Karta ta’ dan l-Artikolu 7(4a), minkejja li din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża preċiżament li tiżgura r-rispett tad-dritt għall-proprjetà.

    55

    It-tielet nett, billi adotta d-Direttiva 2017/853, il-leġiżlatur tal-Unjoni kompla jsegwi, fil-kuntest tal-iżvilupp tar-riskji ta’ sigurtà, l-għan iddikjarat fil-ħames premessa tad-Direttiva 91/477 li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-protezzjoni tas-sigurtà tal-persuni billi, għal dan il-għan, jipprevedi kategoriji ta’ armi tan-nar li l-akkwist u l-pussess tagħhom minn individwi huma pprojbiti, suġġetti għal awtorizzazzjoni jew suġġetti għal dikjarazzjoni, rispettivament, għan li huwa nnifsu huwa intiż li jiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 54).

    56

    Barra minn hekk, id-Direttiva 91/477 għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà pubblika taċ-ċittadini tal-Unjoni. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑482/17, EU:C:2019:1035, punt 126).

    57

    Issa, ebda wieħed minn dawn l-għanijiet ma jipprekludi li d-detenturi tal-armi tan-nar li jaqgħu kemm taħt waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8 kif ukoll taħt il-Kategorija A.9 jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema tranżitorja prevista fl-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853.

    58

    Fil-fatt, minn naħa, tali interpretazzjoni hija ta’ natura li tilħaq l-għan li jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-suq intern.

    59

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika taċ-ċittadini tal-Unjoni, qabelxejn, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu tal‑24 ta’ Novembru 2022, l-armi tan-nar li jissodisfaw il-kriterji tal-kategorija A.9 jidhru li jippreżentaw perikolu inqas immedjat minn dawk li jaqgħu esklużivament taħt il-kategoriji A.6 sa A.8, sa fejn dawn tal-aħħar jippermettu direttament li jiġi sparati balal jew projettili, filwaqt li tal-ewwel sempliċement jiddetonaw u jirrilaxxaw gassijiet, b’tali mod li wħud minnhom jikkostitwixxu perikolu attwali, filwaqt li l-oħrajn jippreżentaw biss perikolu potenzjali, f’każ li jerġgħu jiġu kkonvertiti.

    60

    Sussegwentement, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, jirriżulta li l-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika biss għal armi tan-nar li jkunu ġew akkwistati u rreġistrati legalment qabel it‑13 ta’ Ġunju 2017. Issa, dan jimplika b’mod partikolari li r-rekwiżiti, partikolarment dawk dwar is-sigurtà, previsti f’dan ir-rigward mid-Direttiva 91/477, fil-verżjoni tagħha applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2017/853, ġew osservati.

    61

    Fl-aħħar nett, din il-formulazzjoni timplika li, fil-mument meta Stat Membru jipprevedi, b’applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, li jikkonferma, iġedded jew jestendi awtorizzazzjoni għal arma tan-nar semiawtomatika li taqa’ taħt il-kategoriji A.6 sa A.8, il-kundizzjonijiet l-oħra, b’mod partikolari dawk relatati mas-sigurtà, stabbiliti fid-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, ikunu ssodisfatti.

    62

    Għaldaqstant, kif sostnew il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni waqt is-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2023, ma jidhirx li l-għan li tiġi żgurata s-sigurtà pubblika taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jiġi kompromess mill-fatt li d-detenturi tal-armi tan-nar li jaqgħu kemm taħt waħda mill-kategoriji A.6 sa A.8 kif ukoll taħt il-kategorija A.9 jistgħu jibbenefikaw miż-żamma, skont l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, tal-awtorizzazzjonijiet diġà mogħtija għal armi li jaqgħu taħt dawn il-kategoriji A.6 sa A.8.

    63

    Fir-raba’ lok, tali interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu 7(4a), li taqbel, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u mal-kuntest kif ukoll mal-istruttura u mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha, lanqas ma għandha l-konsegwenza li ċċaħħad lill-imsemmija dispożizzjoni minn kull effett utli u lanqas liż-żieda, mid-Direttiva 2017/853, tal-kategorija A.9.

    64

    Fil-fatt, minn naħa, kif ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 53 u 54 ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni tiżgura, għall-kuntrarju, l-effett utli tal-imsemmi Artikolu 7(4a), sa fejn huwa intiż li jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet kweżiti u, b’mod partikolari, dak tad-dritt għall-proprjetà ggarantit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta.

    65

    Min-naħa l-oħra, l-imsemmija interpretazzjoni bl-ebda mod ma taffettwa l-għan ta’ kjarifika, imsemmi fil-punt 51 tas-sentenza preżenti, li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jilħaq billi jżid il-kategorija A.9. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess ta’ din il-kategorija, din tinkludi mhux biss l-armi tan-nar li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A.8 li ġew ikkonvertiti għall-isparar inbjank, għall-isparar ta’ sustanzi irritanti, ta’ sustanzi attivi oħra jew ta’ munizzjon pirotekniċi, jew ikkonvertiti f’armi akustiċi u tas-salut, iżda wkoll dawk li jaqgħu taħt il-kategoriji A.2 u A.3 li għaddew minn tali konverżjoni, li min-naħa tagħhom ma kinux koperti mill-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853.

    66

    Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza lill-Istati Membri jeżerċitaw il-possibbiltà li huwa jipprevedi għall-armi tan-nar semiawtomatiċi kollha li jaqgħu taħt il-kategoriji A.6 sa A8, inkluż għal dawk li jaqgħu kemm taħt dawn il-kategoriji kif ukoll taħt il-kategorija A.9.

    67

    Minn dan jirriżulta li l-premessa li fuqha hija bbażata d-domanda, kif esposta fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, hija żbaljata.

    68

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva 91/477, kif emendata bid-Direttiva 2017/853, fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    Fuq l‑ispejjeż

    69

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-eżami tad-domanda preliminari ma żvela ebda element tali li jaffettwa l-validità tal-Artikolu 7(4a) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kontroll ta’ l-akkwist u l-pussess ta’ armi, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2017/853 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Mejju 2017 fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    Top