This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CJ0208
Judgment of the Court (Ninth Chamber) of 2 February 2023.#K.D. v Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.#Request for a preliminary ruling from the Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie.#Reference for a preliminary ruling – Consumer protection – Directive 93/13/EEC – Unfair terms in consumer contracts – Article 5 – Obligation to draft contractual clauses in plain intelligible language – Directive 2005/29/EC – Unfair business-to-consumer commercial practices – Article 3 – Scope – Article 7 – Misleading omission – Article 13 – Penalties – ‘Unit-linked’ life assurance contracts linked to investment funds – Information on the nature and structure of the assurance product and the risks associated with that product – Misleading standard contracts – Entity that is responsible – Legal consequences.#Case C-208/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Frar 2023.
K.D. vs Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawies-.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 5 – Obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Ommissjoni qarrieqa – Artikolu 13 – Sanzjonijiet – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Informazzjoni dwar in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar ir-riskji marbuta ma’ dan il-prodott – Kuntratti standard qarrieqa – Entità responsabbli – Konsegwenzi legali.
Kawża C-208/21.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-2 ta’ Frar 2023.
K.D. vs Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawies-.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 5 – Obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Ommissjoni qarrieqa – Artikolu 13 – Sanzjonijiet – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Informazzjoni dwar in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar ir-riskji marbuta ma’ dan il-prodott – Kuntratti standard qarrieqa – Entità responsabbli – Konsegwenzi legali.
Kawża C-208/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:64
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)
2 ta’ Frar 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 5 – Obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Artikolu 3 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 7 – Ommissjoni qarrieqa – Artikolu 13 – Sanzjonijiet – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Informazzjoni dwar in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni, kif ukoll dwar ir-riskji marbuta ma’ dan il-prodott – Kuntratti standard qarrieqa – Entità responsabbli – Konsegwenzi legali”
Fil-Kawża C‑208/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Wola, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura
K. D.
vs
Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),
komposta minn L. S. Rossi (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u S. Rodin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Emiliou,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A., minn A. Ciechowicz-Jaworska u B. Ślażyński, radcy prawni, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn S. Šindelková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Rocchitta, avvocato dello stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u N. Ruiz García, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika ĠU 2023, L 17, p. 100), kif ukoll tal-Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn K. D. u Towarzystwo Ubezpieczeń Ż S.A. (iktar ’il quddiem “TUŻ”) dwar ir-rimbors ta’ premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa taħt kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kollettiv unit-linked”) li għalih K. D. kienet aderixxiet. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Id‑Direttiva 93/13
3 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi: “Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. […]” |
Id‑Direttiva 2002/83/KE
4 |
L-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), imħassra u ssostitwita, mill‑1 ta’ Jannar 2016, bid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, fil-ĠU 2019, L 316, p. 107 u fil-ĠU 2022, L 108, p. 69), kif emendata bid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 341, p. 1), kien jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza.” |
Id‑Direttiva 2005/29
5 |
Il-premessi 7 u 9 tad-Direttiva 2005/29 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
6 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […] ‘kummerċjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li, fi prattiċi kummerċjali koperti minn din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet marbuta mal-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni tagħha u kull minn jaġixxi f’isem jew fl-interessi ta’ kummerċjant;
‘prattiċi kummerċjali fin-negozju mal-konsumatur’ (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prattiċi kummerċjali’) tfisser kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi; […]” |
7 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi kontrattwali u, b’mod partikolari, għar-regoli dwar il-validità, it-tfassil u l-effetti ta’ kuntratt.” |
8 |
L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprevedi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. […] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
[…]” |
9 |
Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 2. Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. […] 5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.” |
10 |
L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jiddisponi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi li jikkumbattu l-prattiċi kummerċjali żleali sabiex tiġi nfurzata l-osservanza tad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fl-interess tal-konsumaturi.” |
11 |
L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
12 |
Skont l-Anness II tal-istess direttiva, fost l-informazzjoni meqjusa bħala importanti, fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha, hemm dik imsemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83. |
13 |
Id-Direttiva 2005/29 ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 (ĠU 2019, L 328, p. 7). Din l-aħħar direttiva, li t-terminu għat-traspożizzjoni tagħha kien jiskadi fit‑28 ta’ Novembru 2021, konformement mal-Artikolu 7(1) tagħha, daħħlet l-Artikolu 11a fid-Direttiva 2005/29, li huwa fformulat kif ġej: “1. Il-konsumaturi li jsofru dannu minħabba prattiċi kummerċjali żleali għandu jkollhom aċċess għal rimedji proporzjonati u effettivi, inkluż kumpens għad-dannu mġarrab mill-konsumatur u, fejn rilevanti, tnaqqis fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-effetti ta’ dawk ir-rimedji. L-Istat Membri jistgħu jqisu, fejn xieraq, il-gravità u n-natura tal-prattika kummerċjali żleali, id-dannu mġarrab mill-konsumatur u ċirkostanzi rilevanti oħra. 2. Dawk ir-rimedji għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ rimedji oħra disponibbli għall-konsumaturi taħt id-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali.” |
Id‑dritt Pollakk
14 |
Id-Direttiva 2005/29 ġiet trasposta fid-dritt Pollakk permezz tal-ustawa o przeciwdziałaniu nieuczciwym praktykom rynkowym (il-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Prattiki Kummerċjali Żleali) tat‑23 ta’ Awwissu 2007 (Dz. U. Nru 171, pożizzjoni 1206). L-Artikolu 12(1) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jiddisponi: “Fil-każ ta’ prattika kummerċjali żleali, il-konsumatur li l-interess tiegħu jkun ġie mhedded jew miksur jista’ jitlob: […] 4) il-kumpens għad-danni kkawżati abbażi tal-prinċipji ġenerali, b’mod partikolari billi jeżiġi x-xoljiment tal-kuntratt bl-obbligu ta’ restituzzjoni reċiproka tal-prestazzjonijiet u r-rimbors mill-kummerċjant tal-ispejjeż marbuta max-xiri tal-prodott; […]” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
15 |
Permezz ta’ dikjarazzjoni li daħlet fis-seħħ mill‑10 ta’ Jannar 2012, K. D. aderixxiet, fil-kwalità ta’ assigurata, għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, għall-kuntratt kollettiv unit-linked konkluż bejn TUŻ, impriża tal-assigurazzjoni, u Y, bank li jaġixxi fil-kwalità ta’ detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni. |
16 |
Dan il-kuntratt kellu bħala għan il-ġbir u l-investiment ta’ premiums tal-assigurazzjoni mħallsa kull xahar mill-persuni assigurati, permezz ta’ fond ta’ kapital li l-kapital tiegħu kien stabbilit abbażi ta’ dawn il-premiums. Wara li ġie kkonvertit f’ishma tal-fond ta’ kapital, l-ammont li jikkorrispondi għall-imsemmija premiums ġie investit f’ċertifikati maħruġa minn impriża ta’ investiment (iktar ’il quddiem l-“attivi bażi tal-kuntratt kollettiv unit-linked”), li l-valur tagħhom kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ indiċi. |
17 |
Bħala korrispettiv, TUŻ impenjat ruħha li tħallas benefiċċji f’każ ta’ mewt jew ta’ sopravivenza tal-assigurat, fi tmiem il-perijodu ta’ assigurazzjoni. L-ammont ta’ dawn il-benefiċċji ma kellux ikun inqas mill-valur nominali tal-premiums imħallsa mill-assigurat, miżjud bi kwalunkwe varjazzjoni pożittiva tal-valur tal-ishma tal-fond ta’ kapital. Mill-banda l-oħra, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ validità tiegħu, TUŻ impenjat ruħha li tirrimborsa lill-assigurat ammont ugwali għall-valur aġġornat tal-ishma tiegħu tal-fond ta’ kapital, wara li tnaqqas kummissjoni tal-likwidazzjoni. |
18 |
Il-kuntratt kollettiv unit-linked kien irregolat mill-kundizzjonijiet ġenerali ta’ assigurazzjoni, tabella tal-ispejjeż u limiti tal-premiums u regolament tal-fond ta’ kapital, li jikkostitwixxu klawżoli kuntrattwali standard imfassla minn TUŻ. Dawn id-dokumenti la kienu jippreċiżaw ir-regoli li jirregolaw il-konverżjoni tal-premiums ta’ kull xahar f’ishma tal-fond ta’ kapital u l-evalwazzjoni ta’ dawn l-ishma, l-evalwazzjoni tal-attivi netti ta’ dan il-fond kollu u l-evalwazzjoni taċ-ċertifikati li fihom kienet tinsab d-disponibbiltà tal-imsemmi fond, u lanqas il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-indiċi li fuqu kien ibbażat il-ħlas ta’ dawn iċ-ċertifikati. Madankollu, ir-regolament tal-fond ta’ kapital kien jindika li l-investiment kien espost b’mod partikolari għar-riskju ta’ kreditu tal-emittent tal-imsemmija ċertifikati kif ukoll għar-riskju ta’ telf ta’ parti mill-premiums imħallsa, fil-każ ta’ xoljiment antiċipat tal-imsemmi kuntratt. |
19 |
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-kuntratt kollettiv unit-linked mal-konsumaturi saret u ġiet amministrata mill-bank Y, li kien jirċievi kummissjoni mingħand TUŻ għall-intervent tiegħu. Minkejja li ma pparteċipax fid-disinn tal-prodott ta’ assigurazzjoni, li kien kompletament imfassal minn TUŻ, Y ħarreġ lill-impjegati tiegħu inkarigati milli jipproponu dan il-prodott u fassal materjal ta’ taħriġ għal dan l-għan, ivvalidat minn TUŻ. |
20 |
F’dan il-każ, l-adeżjoni ta’ K. D. għall-kuntratt kollettiv unit-linked twettqet permezz ta’ impjegat ta’ Y, li, skont K. D., ippreżentalha l-prodott ta’ assigurazzjoni inkwistjoni bħala prodott ta’ investiment li joffri kapital iggarantit fi tmiem il-perijodu ta’ validità ta’ dan il-kuntratt. L-offerta ta’ adeżjoni kienet ibbażata fuq il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ assigurazzjoni u fuq ir-regolament tal-fond ta’ kapital ifformulati minn TUŻ, li ġew ippreżentati lil K. D. mill-impjegat ta’ Y. |
21 |
Wara li saret taf bil-fatt li l-valur tal-ishma tagħha fil-fond ta’ kapital kien nettament inqas mill-ammont tal-premiums ta’ assigurazzjoni li hija kienet ħallset, K. D., permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ April 2017, xoljiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni tagħha u talbet lil TUŻ tirrimborsaha dawn il-premiums ta’ assigurazzjoni kollha. Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ April 2017, TUŻ irrifjutat li tilqa’ din it-talba. |
22 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fl‑10 ta’ Jannar 2018 quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Wola, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, K. D. talbet li TUŻ tiġi kkundannata tħallasha ammont li jikkorrispondi, essenzjalment, għad-differenza bejn il-valur tax-xiri mill-ġdid tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni fil-jum tax-xoljiment tiegħu, li jammonta, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-likwidazzjoni, għal madwar terz tal-premiums ta’ assigurazzjoni li K. D. kienet ħallset, u t-totalità ta’ dawn il-premiums. |
23 |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, K. D. tinvoka diversi motivi, ibbażati b’mod partikolari fuq in-nullità tad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni tagħha għall-kuntratt kollettiv unit-linked kif ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ prattika kummerċjali żleali minn TUŻ, li tikkonsisti fil-bejgħ ta’ prodotti mhux adattati għall-bżonnijiet tal-konsumatur u fl-għoti ta’ informazzjoni qarrieqa lilu waqt l-adeżjoni għal dan il-kuntratt. Insostenn ta’ dawn il-motivi, K. D. essenzjalment issostni li l-klawżoli kuntrattwali standard tal-imsemmi kuntratt fihom dispożizzjonijiet li ma humiex ċari, li huma impreċiżi u għalhekk qarrieqa, li ma jippermettux lill-konsumatur jiddetermina n-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu. |
24 |
TUŻ issostni li l-prattiki allegatament żleali allegati minn K. D. jirrigwardaw il-proċess ta’ bejgħ tal-prodott ta’ assigurazzjoni, li twettaq minn Y, fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu, f’ismu u għan-nom tiegħu stess. Barra minn hekk, TUŻ tafferma li hija ssodisfat l-obbligi ta’ informazzjoni imposti fuqha, peress li l-informazzjoni kollha dwar l-imsemmi prodott ta’ assigurazzjoni kienet tinsab fid-dokumenti rċevuti minn K. D. waqt l-adeżjoni tagħha għall-kuntratt kollettiv unit-linked. |
25 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 u tad-Direttiva 93/13 sabiex issolvi t-tilwima pendenti quddiemha. Hija tirrileva, l-ewwel, li, skont interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, moqri fid-dawl tal-premessa 7 tagħha, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ikopri biss iċ-ċirkustanzi relatati mal-konklużjoni tal-ftehim u mal-preżentazzjoni tal-prodott lill-konsumatur, u mhux il-fażi preċedenti dwar id-disinn ta’ dan il-prodott u dwar l-istabbiliment tal-kontenut tal-kuntratt standard ta’ assigurazzjoni. |
26 |
Skont il-qorti tar-rinviju, għandhom madankollu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-partikolaritajiet ta’ relazzjoni legali bejn tliet partijiet, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. F’tali relazzjoni, l-offerta tal-prodott ta’ assigurazzjoni mfassal mill-impriża ta’ assigurazzjoni u ddistribwit mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni hija bbażata fuq kuntratt standard ta’ assigurazzjoni stabbilit minn din l-impriża ta’ assigurazzjoni, li jiddetermina l-portata tal-obbligi rispettivi tagħha u tal-konsumatur. |
27 |
Għalhekk, meta tali kuntratt standard ma jkunx imfassal b’mod li jinftiehem, sa fejn ma jippermettix lill-konsumatur medju li jiddetermina l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost, il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali żleali” jista’ wkoll jiġi interpretat li jirreferi għall-aġir ta’ kummerċjant li, minkejja li ma jkunx involut fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan il-prodott, ikun fassal kuntratt standard ta’ assigurazzjoni qarrieqi li jservi ta’ bażi għal offerta kummerċjali ppreparata u proposta lill-konsumaturi minn kummerċjant ieħor. |
28 |
It-tieni, jekk dan kien il-każ, tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-kummerċjant responsabbli minn din il-prattika kummerċjali żleali huwiex dak li fassal il-kuntratt standard ta’ assigurazzjoni qarrieqi jew dak li jkun ippreżenta l-prodott ibbażat fuq dan il-kuntratt standard lill-konsumatur u li huwa direttament responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tiegħu, jew jekk għandhomx jinżammu ż-żewġ kummerċjanti responsabbli għal tali prattika. |
29 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li, peress li d-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni huwa inkarigat li jipproponi l-adeżjoni għall-kuntratt kollettiv unit-linked u jirċievi f’dan ir-rigward kummissjoni tal-impriża ta’ assigurazzjoni, u peress li l-kunċett ta’ “kummerċjant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, jindika wkoll kull persuna li taġixxi f’isem u għan-nom ta’ kummerċjant, iż-żewġ operaturi jistgħu jinżammu responsabbli. |
30 |
It-tielet, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Prattiki Kummerċjali Żleali mad-Direttiva 2005/29. Din id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-qrati Pollakki, fil-fatt tippermetti li jintalab l-annullament ta’ kuntratt konkluż minħabba prattika kummerċjali żleali. |
31 |
Issa, mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali ma taffettwax direttament il-validità tal-kuntratt. Barra minn hekk, mill-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jirriżulta li s-sanzjonijiet previsti mill-Istati Membri għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jittrasponuha għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn is-sanzjonijiet għandhom għalhekk jiġu ffissati billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola ta’ delimitazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva. |
32 |
Skont il-qorti tar-rinviju, id-Direttiva 2005/29 ma tistax isservi bħala bażi għall-konstatazzjoni tal-invalidità ta’ kuntratt. Minn dan isegwi li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tittrasponi din id-direttiva u li tipprevedi l-annullament ta’ kuntratt konkluż minħabba prattika kummerċjali żleali tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata. Huwa biss permezz tad-Direttiva 2019/2161 li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda, b’mod eċċezzjonali, il-possibbiltà li jintalab ix-xoljiment ta’ kuntratt konkluż b’dan il-mod, billi daħħal artikolu ġdid, l-Artikolu 11a, fid-Direttiva 2005/29, wara d-dħul fis-seħħ tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar il-Ġlieda kontra l-Prattiki Kummerċjali Żleali. |
33 |
Ir-raba’, fil-każ li d-Direttiva 2005/29 tipprekludi li prattika kummerċjali żleali tiġi ssanzjonata bl-annullament tal-imsemmi kuntratt, kif inhu l-każ fid-dritt Pollakk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 jikkostitwixxix bażi legali xierqa sabiex jintalab tali annullament. |
34 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-użu ta’ kuntratt standard ta’ assigurazzjoni inkomprensibbli u mhux ċar, li ma jippermettix lill-konsumatur jifhem la l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkummerċjalizzat u lanqas it-tqassim u l-portata tar-riskju ta’ investiment li huwa jsostni jikser l-obbligu ta’ tfassil ċar u li jinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali stabbilit fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13. Tali konstatazzjoni tista’ tippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, lill-qrati nazzjonali li jinvalidaw uħud mill-klawżoli ta’ tali kuntratt standard minħabba n-natura inġusta tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva. |
35 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja – Wola, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
36 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Diċembru 2021, il-proċedura ġiet sospiża f’din il-kawża, skont l-Artikolu 55(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sal-għoti tas-sentenza fil-Kawżi magħquda C‑143/20 u C‑213/20, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni “unit-linked”). |
37 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2022, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked) (C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118), ġiet innotifikata lill-qorti tar-rinviju sabiex din tippreċiża jekk xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
38 |
Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas‑6 ta’ Mejju 2022, dik il-qorti informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li kienet ser iżżomm din it-talba. Konsegwentement ġiet deċiża t-tkomplija tal-proċedura f’din il-kawża. |
Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari
39 |
TUŻ tesprimi dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, billi ssostni li risposta għad-domandi magħmula ma hijiex neċessarja għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, minn naħa, TUŻ irrikonoxxiet u ħallset, fil‑25 ta’ Novembru 2020, fil-kont ta’ K. D., l-ammont tal-kreditu mitlub minnha, b’tali mod li l-kawża prinċipali ma għadx għandha skop. Min-naħa l-oħra, skont TUŻ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-qrati nazzjonali diġà tagħti risposta għall-imsemmija domandi. |
40 |
F’dak li jirrigwarda, minn naħa, il-fatt li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, huwa biżżejjed li jitfakkar li, minkejja l-fatt li tkun teżisti ġurisprudenza li ssolvi l-punt ta’ liġi inkwistjoni, il-qrati nazzjonali jibqgħu kompletament liberi li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk iqisu li dan ikun opportun, u l-fatt li d-dispożizzjonijiet li l-interpretazzjoni tagħhom tkun qiegħda tintalab ikunu diġà ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ma jxekkilx lil din tal-aħħar milli tiddeċiedi mill-ġdid u jwasslu għall-inammissibbiltà tad-domandi magħmula (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth, C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 21 u 22). |
41 |
Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-eżistenza ta’ kawża prinċipali, huwa ċertament minnu li, kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE, id-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun neċessarja sabiex tippermetti li l-qorti tar-rinviju tagħti s-sentenza tagħha fil-kawża li tkun adita biha. Għalhekk, il-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżumi, b’mod partikolari, li tilwima tkun effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha huma jintalbu jagħtu deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
42 |
Madankollu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tingħata li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni preliminari tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, TGSS (Qgħad tal-impjegati domestiċi),C‑389/20, EU:C:2022:120, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
F’dan il-każ, meta mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-kawża prinċipali kienet għadha pendenti, li t-talba tar-rikorrenti ma kinitx ġiet irtirata u li hija kienet tqis li ma kienx hemm lok li din il-kawża tingħalaq, inkwantu r-rikonoxximent tal-kreditu minn TUŻ kien intiż sabiex jikkawża l-għeluq tal-proċedura quddiemha u sabiex iwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi. |
45 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-indikazzjoni, mill-qorti tar-rinviju, li l-kawża prinċipali għadha pendenti torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja u ma tistax, bħala prinċipju, tiġi kkontestata mill-partijiet fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 30, u tat‑18 ta’ Novembru 2020, DelayFix, C‑519/19, EU:C:2020:933, punt 33). |
46 |
Barra minn hekk, peress li la mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mir-risposta tal-qorti tar-rinviju dwar iż-żamma tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari ma jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali rtirat ir-rikors tagħha jew li t-talbiet tagħha ġew kompletament issodisfatti, b’tali mod li l-kawża ma għadx għandha skop, ma jidhirx, b’mod manifest, li l-problema deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari saret ipotetika, b’tali mod li risposta għad-domandi magħmula tidher li għadha neċessarja sabiex issolvi l-imsemmija kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, Caisse régionale de Crédit mutuel de Loire-Atlantique et du Centre Ouest, C‑600/21, EU:C:2022:970, punt 25). |
47 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda
48 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’dan il-kuntest, jekk ikun il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu ġew sottomessi lilha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Ministrstvo za obrambo, C‑742/19, EU:C:2021:597, punt 31). |
49 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex il-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 116 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
50 |
F’dan il-każ, mill-espożizzjoni tal-fatti li tinsab fil-punt 23 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda b’mod partikolari l-eżistenza ta’ allegata prattika kummerċjali żleali li tikkonsisti fil-fatt li impriża ta’ assigurazzjoni tfassal kuntratt kollettiv standard unit-linked b’mod li ma huwiex ċar jew preċiż, b’tali mod li l-konsumatur li jkun aderixxa għal dan il-kuntratt kollettiv, fuq proposta ta’ impriża oħra, li tibbenefika mill-imsemmi kuntratt kollettiv, ma jkunx f’pożizzjoni li jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li t-tfassil, minn impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratt kollettiv standard unit-linked li ma jippermettix lill-konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt kollettiv fuq proposta ta’ impriża oħra, detentriċi tal-polza, li jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu, jikkostitwixxi “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-imsemmija qorti tistaqsi, barra minn hekk, jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni, l-impriża detentriċi tal-polza, jew dawn iż-żewġ kummerċjanti flimkien għandhomx jinżammu responsabbli għal din il-prattika kummerċjali żleali. |
52 |
Konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, dan japplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, kif stabbilit fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. Skont l-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva, huma żleali l-prattiki kummerċjali li huma qarrieqa, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tagħha, jew aggressivi, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 tagħha. |
53 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-klassifikazzjoni tat-tfassil, minn impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratt kollettiv standard unit-linked bħala “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, għandu, l-ewwel, jitfakkar li l-kunċett ta’ “prattiki kummerċjali” huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, b’mod partikolarment wiesa’, peress li l-prattiki hekk imsemmija għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn kummerċjanti, u, min-naħa l-oħra, relatati direttament mal-promozzjoni, mal-bejgħ u mal-provvista ta’ prodotti lill-konsumaturi. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat, minn naħa, li l-kliem “konnessi direttament mal-[…]bejgħ […] ta’ xi prodott” ikopru b’mod partikolari kull miżura meħuda fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratt, peress li, barra minn hekk, il-kunċett ta’ “prodott”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva, ikopri kwalunkwe oġġett jew servizz. Min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ “kummerċjant” ikopri “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika” li twettaq attività bi ħlas, sakemm il-prattika kummerċjali taqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet li hija twettaq b’mod professjonali, inkluż meta din il-prattika tintuża minn impriża oħra, li taġixxi f’isem u/jew għan-nom ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 129 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
54 |
It-tieni, fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ tali kunċett għall-aġir ta’ impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward tal-adeżjoni ta’ konsumaturi għal kuntratt kollettiv unit-linked, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, qabel kollox, li d-dikjarazzjoni li permezz tagħha konsumatur jaderixxi għal tali kuntratt kollettiv konkluż bejn impriża ta’ assigurazzjoni u impriża detentriċi tal-polza tagħti lok għal kuntratt ta’ assigurazzjoni individwali bejn din l-impriża ta’ assigurazzjoni u dan il-konsumatur. Billi tipproponi lill-imsemmi konsumatur li jaderixxi għall-imsemmi kuntratt kollettiv, l-impriża detentriċi tal-polza teżerċita, min-naħa tagħha, bi ħlas, attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punti 81, 87 u 88). |
55 |
Sussegwentement, dan jimplika li l-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal tali kuntratt kollettiv unit-linked għandu jirċievi l-informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha hija meħtieġa mill-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 favur id-detentur tal-polza qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni kuntrattwali”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 82). |
56 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, peress li, fil-każ ta’ kuntratt kollettiv unit-linked, il-prodott ta’ assigurazzjoni jinkludi element ta’ investiment, li huwa indissoċjabbli minn dan il-prodott, din l-informazzjoni kuntrattwali għandha b’mod partikolari tinkludi indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-attivi bażi tal-kuntratt kollettiv unit-linked. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom jinkludu deskrizzjoni ċara, preċiża u komprensibbli tan-natura ekonomika u legali ta’ dawn l-attivi bażi, inklużi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-rendiment tagħhom, kif ukoll informazzjoni ċara, preċiża u komprensibbli dwar ir-riskji strutturali marbuta mal-imsemmija attivi bażi, jiġifieri r-riskji inerenti għan-natura tagħhom u li jistgħu jaffettwaw direttament id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni, bħar-riskji marbuta mad-deprezzament tal-ishma tal-fond ta’ kapital li miegħu l-imsemmi kuntratt huwa marbut jew ir-riskju ta’ kreditu tal-emittent tal-istrumenti finanzjarji li jifformaw l-istess attivi bażi. Mill-banda l-oħra, l-imsemmija indikazzjonijiet ma għandhomx la neċessarjament jinkludu deskrizzjoni ddettaljata u eżawrjenti tan-natura u tal-portata tar-riskji kollha ta’ investiment marbuta mal-attivi bażi tal-kuntratt kollettiv unit-linked, bħal dawk li jirriżultaw mill-partikolaritajiet tal-istrumenti finanzjarji differenti li jifformawhom jew mill-modalitajiet tekniċi ta’ kalkolu tal-valur tal-indiċi li fuqu huwa bbażat il-ħlas ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji, u lanqas l-istess informazzjoni bħal dik li l-emittent tal-imsemmija strumenti finanzjarji huwa obbligat, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ investiment, li jikkomunika lill-klijenti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 97 kif ukoll 102 sa 105). |
57 |
Fl-aħħar nett, hija l-impriża ta’ assigurazzjoni li għandha tikkomunika l-informazzjoni kuntrattwali lill-impriża detentriċi tal-polza, billi tifformulaha b’mod ċar, preċiż u komprensibbli għall-konsumaturi, fid-dawl tat-trażmissjoni sussegwenti tagħha lilhom matul il-proċedura ta’ adeżjoni għal kuntratt kollettiv unit-linked. Din l-impriża detentriċi tal-polza, li taġixxi bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni, għandha, min-naħa tagħha, tittrażmetti din l-informazzjoni kuntrattwali lil kull konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu għal dan il-kuntratt, flimkien ma’ kull preċiżazzjoni oħra li tirriżulta neċessarja fid-dawl tar-rekwiżiti u tal-bżonnijiet ta’ dan il-konsumatur. Dawn id-dettalji għandhom jiġu aġġustati skont il-kumplessità tal-imsemmi kuntratt u fformulati b’ċarezza u b’eżattezza u b’mod li jinftiehem mill-imsemmi konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punti 89 sa 91). |
58 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni kuntrattwali lill-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal kuntratt kollettiv unit-linked tista’ ssir permezz ta’ kuntratt standard imfassal mill-impriża ta’ assigurazzjoni, sakemm dan jingħata lil dan il-konsumatur mill-impriża detentriċi tal-polza qabel l-adeżjoni tiegħu, f’ħin utli sabiex jippermettilu li jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 118). |
59 |
Huwa fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet miġbura fil-qosor fil-punti 53 sa 58 ta’ din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked) (C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 130), li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kuntrattwali qabel l-adeżjoni ta’ konsumatur għal kuntratt kollettiv unit-linked, minn naħa, toriġina mill-impriża ta’ assigurazzjoni u mill-impriża detentriċi tal-polza li taġixxi bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni u taqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet imwettqa minn dawn l-impriżi b’mod professjonali, u, min-naħa l-oħra, hija marbuta direttament mal-konklużjoni, minn dan il-konsumatur, ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/83, u għaldaqstant din il-komunikazzjoni tikkostitwixxi “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
60 |
Peress li, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija komunikazzjoni tieħu l-forma ta’ kuntratt standard, li jservi bħala bażi għall-offerta ta’ adeżjoni għall-kuntratt kollettiv unit-linked propost mill-impriża ta’ assigurazzjoni, it-tfassil, mill-impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ dan il-kuntratt standard jaqa’ wkoll taħt il-kunċett ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
61 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali li tikkonsisti fil-fatt li impriża ta’ assigurazzjoni tfassal kuntratt kollettiv standard unit-linked b’mod li ma huwiex ċar u impreċiż, li ma jippermettix lill-konsumatur li jaderixxi għalih, fuq proposta ta’ impriża li tibbenefika minn dan il-kuntratt kollettiv, li jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li prattika kummerċjali titqies bħala qarrieqa u għalhekk tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 5(4) tagħha, jekk, ikkunsidrata fil-kuntest fattwali tagħha u fid-dawl tal-karatteristiċi u taċ-ċirkustanzi kollha tagħha kif ukoll tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, din il-prattika għandha tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, fid-dawl tal-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija prattika kummerċjali għandha twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 131). |
62 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva, sakemm it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti tiġi ssodisfatta, prattika kummerċjali titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi tali tagħrif importanti jew jipprovdiha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtha (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 132). |
63 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ikkonstatat li l-informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza tikkostitwixxi informazzjoni importanti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 133). |
64 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza kardinali li għandha l-komunikazzjoni tal-informazzjoni kuntrattwali msemmija fl-imsemmi punt 56 sabiex il-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal kuntratt kollettiv unit-linked jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-ommissjoni li tiġi kkomunikata din l-informazzjoni, il-ħabi tagħha, jew il-komunikazzjoni tagħha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtha tidher bħala li tista’ twassal lill-imsemmi konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu altrimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 134). |
65 |
Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-ommissjoni li tikkomunika l-imsemmija informazzjoni kuntrattwali lill-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal kuntratt kollettiv unit-linked tista’ tikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2005/29, u, b’mod iktar partikolari, li tiġi kklassifikata bħala ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punt 135). |
66 |
Għalhekk, meta, minn naħa, l-informazzjoni kuntrattwali tiġi kkomunikata lill-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal dan il-kuntratt permezz ta’ kuntratt standard imfassal mill-impriża ta’ assigurazzjoni u meta, min-naħa l-oħra, dan il-kuntratt standard jommetti, jaħbi jew jikkomunika b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli jew ambigwu l-informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, b’tali mod li ma jippermettix lil dan il-konsumatur jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu, u b’hekk ikun jista’ jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata dwar il-prodott ta’ assigurazzjoni li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tiegħu, din il-prattika kummerċjali tista’ tiġi kklassifikata bħala ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 u tikkostitwixxi, għaldaqstant, bis-saħħa tal-Artikolu 5(4) ta’ din id-direttiva, prattika kummerċjali żleali. |
67 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qrati nazzjonali dwar jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti humiex issodisfatti, it-tfassil, minn impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratt kollettiv standard unit-linked li ma jippermettix lill-konsumatur jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu jista’ jikkostitwixxi “prattika kummerċjali żleali” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29. |
68 |
Fir-rigward, fit-tielet u fl-aħħar lok, tal-attribuzzjoni tar-responsabbiltà għal tali prattika kummerċjali żleali lill-impriża ta’ assigurazzjoni, lill-impriża detentriċi tal-polza jew lil dawn iż-żewġ kummerċjanti, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kummerċjant”, li tinsab fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2005/29, imfakkra fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din id-direttiva tista’ tapplika f’sitwazzjoni fejn il-prattiki kummerċjali ta’ operatur huma użati minn impriża oħra li jaġixxu għan-nom u/jew għal dan l-operatur, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva jistgħu, f’ċerti sitwazzjonijiet, jorbtu kemm l-imsemmi operatur kif ukoll din l-impriża, meta dawn it-tnejn tal-aħħar jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “kummerċjant” (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 38). |
69 |
F’dan il-każ, b’mod partikolari mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 54, 57 u 59 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, fil-kuntest tal-proċess ta’ adeżjoni tal-konsumaturi għal kuntratt kollettiv unit-linked, kemm l-impriża ta’ assigurazzjoni kif ukoll l-impriża detentriċi tal-polza jissodisfaw id-definizzjoni ta’ kummerċjant fis-sens tad-Direttiva 2005/29. Min-naħa l-oħra, dawn il-kummerċjanti huma t-tnejn individwalment responsabbli għall-eżekuzzjoni tajba tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 favur il-konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt kollettiv unit-linked, għall-parti ta’ dan l-obbligu li huma għandhom iwettqu. |
70 |
B’hekk, meta l-prattika kummerċjali żleali tikkonsisti fil-fatt, għall-impriża ta’ assigurazzjoni, li tkun fasslet b’mod qarrieqi l-kuntratt kollettiv standard unit-linked, ikkomunikat lill-konsumatur fi żmien xieraq qabel l-adeżjoni tiegħu għal dan il-kuntratt kollettiv, din l-impriża għandha, bħala prinċipju, tinżamm responsabbli għal tali prattika. |
71 |
Dan huwa l-każ bla ħsara għar-responsabbiltà possibbli tal-impriża detentriċi tal-polza għal prattiki kummerċjali żleali oħra marbuta direttament mal-proċess ta’ adeżjoni tal-konsumatur għall-kuntratt kollettiv unit-linked, bħal dawk li jistgħu jikkonsistu fil-fatt li tkun naqset milli tipprovdi informazzjoni speċifika addizzjonali fis-sens tal-punt 57 ta’ din is-sentenza, li tikkonċerna b’mod partikolari l-aspetti finanzjarji tal-investiment fil-prodott ta’ assigurazzjoni u r-riskji marbuta miegħu, li din l-impriża, fil-kwalità tagħha ta’ intermedjarju tal-assigurazzjoni, fis-sens tad-Direttiva 2002/92, hija obbligata tittrażmetti lill-konsumatur, jew fil-fatt li ma tkunx osservat it-terminu għat-trażmissjoni tal-kuntratt kollettiv standard unit-linked lill-konsumatur fis-sens tal-punt 58 ta’ din is-sentenza. |
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tfassil, minn impriża ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratt kollettiv standard unit-linked li ma jippermettix lill-konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt kollettiv fuq proposta ta’ impriża oħra, detentriċi tal-polza, li jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni propost kif ukoll ir-riskji marbuta miegħu, jista’ jikkostitwixxi “prattika kummerċjali żleali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li din l-impriża ta’ assigurazzjoni għandha tinżamm responsabbli għal din il-prattika kummerċjali żleali. |
Fuq it‑tielet domanda
73 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 30 sa 32 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29, li minnu jirriżulta li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali ma taffettwax direttament il-validità tal-kuntratt, interpretazzjoni tad-dritt Pollakk li tagħti lill-konsumatur id-dritt li jitlob l-annullament ta’ kuntratt konkluż minħabba prattika kummerċjali żleali tistax titqies li hija sanzjoni proporzjonata fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. |
74 |
Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li, permezz ta’ din id-domanda, dik il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti lill-konsumatur li kkonkluda kuntratt minħabba prattika kummerċjali żleali ta’ kummerċjant id-dritt li jitlob l-annullament ta’ dan il-kuntratt. |
75 |
Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, għandu jiġi ddeterminat, l-ewwel, jekk l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jipprekludix li l-Istati Membri jagħtu lill-konsumaturi tali dritt bħala sanzjoni għall-eżistenza ta’ prattika kummerċjali żleali, u sussegwentement, jekk dan ma jkunx il-każ, li jiġi ddeterminat jekk l-annullament tal-kuntratt jistax jitqies li huwa miżura ta’ sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva fis-sens tal-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva. |
76 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tas‑26 ta’ April 2022, Landespolizeidirektion Steiermark (Tul massimu tal-kontroll fil-fruntieri interni),C‑368/20 u C‑369/20, EU:C:2022:298, punt 56). |
77 |
F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mill-kliem stess tagħha jirriżulta li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea tal-aspetti ġenerali tad-dritt tal-kuntratti, il-validità tal-kuntratti hija rregolata mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Stichting Waternet, C‑922/19, EU:C:2021:91, punti 42 u 45). |
78 |
It-tieni, fir-rigward tal-kuntest li fih tinsab l-imsemmija dispożizzjoni, minn naħa, il-premessa 9 tad-Direttiva 2005/29 tiddikjara b’mod ċar li din tapplika bla ħsara mhux biss għar-regoli nazzjonali dwar id-dritt tal-kuntratti, iżda wkoll għar-rikorsi individwali ppreżentati mill-persuni leżi minn prattika kummerċjali żleali. |
79 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-direttiva sempliċement tipprevedi, fl-Artikolu 5(1) tagħha, li l-prattiki kummerċjali żleali “huma pprojbiti” u li, għalhekk, tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-għażla tal-miżuri nazzjonali intiżi sabiex jiġġieldu, konformement mal-Artikoli 11 u 13 tal-imsemmija direttiva, dawn il-prattiki, sakemm dawn ikunu adegwati u effettivi u s-sanzjonijiet hekk previsti jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bankia, C‑109/17, EU:C:2018:735, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
80 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm l-Artikolu 11 tal-istess direttiva sempliċement jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jiġġieldu l-imsemmija prattiki, tali mezzi jistgħu madankollu jikkonsistu f’azzjoni ġudizzjarja kontra tali prattiki, li jkollha l-iskop li twaqqafhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, Bankia, C‑109/17, EU:C:2018:735, punt 42). |
81 |
It-tielet, fir-rigward tal-iskop tad-Direttiva 2005/29, din għandha l-għan li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u, għal dan l-għan, li tiggarantixxi li l-prattiki żleali jiġu miġġielda b’mod effikaċi fl-interess tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punti 32 u 51). |
82 |
Għaldaqstant, minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li l-Istati Membri jagħtu lill-konsumatur li kkonkluda kuntratt minħabba prattika kummerċjali żleali d-dritt li jitlob l-annullament ta’ dan il-kuntratt, sakemm tali miżura ta’ sanzjoni tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. |
83 |
Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li d-Direttiva 2019/2161 daħħlet artikolu ġdid, l-Artikolu 11a, fid-Direttiva 2005/29, li jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-“konsumaturi li jsofru dannu minħabba prattiċi kummerċjali żleali għandu jkollhom aċċess għal rimedji proporzjonati u effettivi, inkluż kumpens għad-dannu mġarrab mill-konsumatur u, fejn rilevanti, […] it-terminazzjoni tal-kuntratt”, filwaqt li jippreċiża, fil-paragrafu 2 tiegħu, li huwa “mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ rimedji oħra disponibbli għall-konsumaturi taħt id-dritt […] nazzjonali”. |
84 |
Fil-fatt, minbarra l-fatt li t-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2019/2161 skada fit‑28 ta’ Novembru 2021, b’tali mod li dan l-Artikolu 11a huwa irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/29 f’din il-kawża, l-inklużjoni tiegħu fid-Direttiva 2005/29 fi kwalunkwe każ tikkonferma biss li kien u jibqa’ possibbli għall-Istati Membri li jipprevedu rimedji ġudizzjarji oħra favur konsumaturi leżi minn prattiki kummerċjali żleali, fosthom dawk li jipprevedu d-dritt tal-konsumatur li jitlob l-annullament ta’ kuntratt konkluż minħabba tali prattika. |
85 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva, fis-sens tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ta’ miżura ta’ sanzjoni li tikkonsisti fl-annullament tal-kuntratt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, minn naħa, li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, billi jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawżi mressqa quddiemhom, jekk is-sistema ta’ sanzjonijiet fir-rigward tal-kummerċjanti li jużaw prattiki kummerċjali żleali, prevista mill-Istati Membri konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva u, b’mod iktar partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ April 2015, UPC Magyarország, C‑388/13, EU:C:2015:225, punti 58 u 59, kif ukoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 27). |
86 |
Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, sabiex tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qrati nazzjonali f’tali evalwazzjoni, li s-sanzjoni tan-nullità tal-kuntratt tissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti ta’ effettività, ta’ proporzjonalità u ta’ dissważjoni imposti minn dispożizzjoni simili għall-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR-Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punti 25, 26, 29 u 30 kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata). |
87 |
F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-prattiki kummerċjali relatati mal-adeżjoni tal-konsumaturi għal kuntratti kollettivi unit-linked, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, għalkemm id-Direttiva 2002/83 ma teżiġix li jiġi kkunsidrat li l-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali li hija tipprevedi fl-Artikolu 36(1) tagħha twassal għan-nullità jew għall-invalidità ta’ kuntratt kollettiv unit-linked jew tad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni tiegħu, il-qrati nazzjonali huma madankollu obbligati li jevalwaw jekk, fid-dawl tal-importanza kardinali li l-informazzjoni kuntrattwali msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza għandha fil-formazzjoni tar-rieda tal-konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt, l-eżekuzzjoni żbaljata ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni tistax tivvizzja l-kunsens ta’ dan tal-aħħar li jkun marbut mill-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, A et (Kuntratti ta’ assigurazzjoni unit-linked),C‑143/20 u C‑213/20, EU:C:2022:118, punti 125 u 126). |
88 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dritt tal-konsumatur li jitlob l-annullament ta’ kuntratt konkluż minħabba prattika kummerċjali żleali, li jikkonsisti fit-tfassil ta’ kuntratt kollettiv standard unit-linked li ma jippermettix lil dan il-konsumatur jifhem in-natura u l-istrutturazzjoni tal-prodott ta’ assigurazzjoni u tar-riskji marbuta miegħu, kien jidher li huwa sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/29, ħaġa li fi kwalunkwe każ għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
89 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/29, moqri flimkien mal-Artikolu 13 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tagħti lill-konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt minħabba prattika kummerċjali żleali ta’ kummerċjant id-dritt li jitlob l-annullament ta’ dan il-kuntratt. |
Fuq ir‑raba’ domanda
90 |
Ir-raba’ domanda saret biss fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda. Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tielet domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din ir-raba’ domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
91 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Pollakk.