EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0199

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-13 ta’ Ottubru 2022.
DN vs Finanzamt Österreich.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesfinanzgericht.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 67 u 68 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-benefiċċji abbażi ta’ pensjoni – Persuna li tirċievi pensjonijiet imħallsa minn żewġ Stati Membri – Stat(i) Membru/i li fih/om il-persuna li tirċievi l-pensjoni għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja – Regolament (KE) Nru 987/2009 – It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lill-ġenitur li jkun laqa’ l-wild fid-dar tiegħu – Astensjoni ta’ dan il-ġenitur li jitlob l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji – Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-talba mressqa mill-ġenitur l-ieħor – Talba għal rimbors tal-benefiċċji tal-familja mħallsa lill-ġenitur l-ieħor – Ammissibbiltà.
Kawża C-199/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:789

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Artikoli 67 u 68 – Benefiċċji tal-familja – Dritt għall-benefiċċji abbażi ta’ pensjoni – Persuna li tirċievi pensjonijiet imħallsa minn żewġ Stati Membri – Stat(i) Membru/i li fih/om il-persuna li tirċievi l-pensjoni għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja – Regolament (KE) Nru 987/2009 – It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi l-għoti ta’ benefiċċji tal-familja lill-ġenitur li jkun laqa’ l-wild fid-dar tiegħu – Astensjoni ta’ dan il-ġenitur li jitlob l-għoti ta’ dawn il-benefiċċji – Obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tat-talba mressqa mill-ġenitur l-ieħor – Talba għal rimbors tal-benefiċċji tal-familja mħallsa lill-ġenitur l-ieħor – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑199/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

DN

vs

Finanzamt Österreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, F. Biltgen (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn J. Pavliš, M. Smolek, u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑2 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tal-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72), kif ukoll tal-Artikolu 60 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DN u l-Finanzamt Österreich (l-Amministrazzjoni Fiskali tal-Awstrija), li kienet il-Finanzamt Wien (l-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”), dwar l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja li huwa rċieva, fl-Awstrija, matul il-perijodu li jkopri x-xhur ta’ Jannar sa Awwissu 2013 relatat mal-piż finanzjarju marbut mal-manteniment ta’ bintu li tgħix mal-ex konjuġi tiegħu fil-Polonja.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 883/2004

3

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

i)

‘membru tal-familja’ tfisser

[…]

3)

Jekk, taħt il-leġislazzjoni applikabbli taħt is-subparagrafi 1 u 2, persuna titqies bħala membru tal-familja jew membru tad-dar biss jekk hija tgħix fl-istess dar mal-persuna assigurata jew mal-persuna pensjonanta, din il-kondizzjoni għandha titqies bħallikieku sodisfatta jekk il-persuna konċernata tiddependi primarjament fuq il-persuna assigurata jew fuq il-persuna pensjonanta;

[…]

q)

‘istituzzjoni kompetenti’ tfisser:

i)

l-istituzzjoni li l-persuna konċernat jkun assigurat magħha meta ssir l-applikazzjoni għal benefiċċju,

jew

ii)

l-istituzzjoni li minnha l-persuna konċernata hija jew tkun intitolata għal benefiċċji jekk hija jew membru jew membri tal-familja tagħha jkollha jew ikollhom ir-residenza fl-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni,

jew

iii)

l-istituzzjoni indikata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat,

jew

iv)

fil-każ ta’ skema marbuta ma’ l-obbligu ta’ min iħaddem fir-rigward tal-benefiċċji stabbiliti fl-Artikolu 3(1), jew il-persuna li tħaddem jew li tassigura konċernata jew, fin-nuqqas ta’ dawn, l-organu jew l-awtorità indikata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru konċernat;

[…]

s)

‘Stat Membru kompetenti’ tfisser l-Istat Membru fejn tinstab l-istituzzjoni kompetenti;

[…]

z)

‘benefiċċju marbut mal-familja’ tfisser il-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija u ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I.”

4

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

5

Skont l-Artikolu 3(1)(j) tal-imsemmi regolament, dan japplika għal-leġiżlazzjoni kollha li tikkonċerna l-friegħi segwenti tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw il-benefiċċji tal-familja.

6

Taħt il-Kapitolu 8 tat-Titolu III tal-istess regolament, li jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja, l-Artikolu 67 ta’ dan tal-aħħar, intitolat “Membri tal-familja li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor”, jipprovdi:

“Persuna għandha tkun intitolata għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti, inklużi l-membri tal-familja tagħha li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħallikieku dawn kellhom ir-residenza tagħhom fl-Istat Membru kompetenti. Madanakollu, pensjonant għandu jkun intitolat għal benefiċċji marbutin mal-familja skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tiegħu.”

7

L-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004, li wkoll jagħmel parti minn dan il-Kapitolu 8 u intitolat “Regoli dwar preċedenza fil-każ ta’ overlapping”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:

a)

fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta’ residenza;

b)

fil-każ ta’ benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta’ preċedenza għandha tkun stabbilita b’referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:

[…]

ii)

fil-każ ta’ drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet: il-post ta’ residenza tat-tfal, sakemm pensjoni hija pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta’ dan il-post, u b’mod addizzjonali, fejn jixraq, l-itwal perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza taħt il-leġislazzjonijiet differenti;

[…]

2.   Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa’ l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta’ tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta’ residenza biss.”

Ir‑Regolament Nru 987/2009

8

Skont l-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009:

“L-applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja għandha tiġi indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament [Nru 883/2004], għandha titqies is-sitwazzjoni tal-familja kollha jekk il-persuni kollha involuti kienu suġġetti għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u residenti hemmhekk, b’mod partikolari rigward id-dritt ta’ persuna li jintalbu benefiċċji bħal dawn. Fejn persuna hi intitolata li titlob il-benefiċċji ma teżerċitax id-dritt tagħha, applikazzjoni għall-benefiċċji marbutin mal-familja ppreżentata mill-ġenitur l-ieħor, persuna ttrattata bħala ġenitur, jew persuna jew istituzzjoni li tkun qed taġixxi bħala t-tutur tat-tifel/tifla jew tat-tfal għandha titqies mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hi applikabbli.”

9

L-Artikolu 60(2) sa (5) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, b’mod partikolari, mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ Stati Membri differenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004.

Id‑dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 2 tal-Bundesgesetz betreffend den Familienlastenausgleich durch Beihilfen (il-Liġi Federali dwar il-Kumpens għall-Ispejjeż tal-Familja Permezz ta’ Allowances), tal‑24 ta’ Ottubru 1967 (BGBl. 376/1967), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“FLAG”), jipprovdi:

“1.   Il-persuni li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fit-territorju federali għandhom dritt għal allowances tal-familja,

[…]

b)

għall-ulied maġġorenni li għadhom ma għalqux 24 sena u li jattendu taħriġ professjonali

[…]

2.   Hija l-persuna li l-familja tagħha tinkludi lill-wild imsemmi fil-paragrafu 1 li għandha d-dritt għall-allowances tal-familja. Persuna li l-familja tagħha ma tinkludix lill-wild, imma li fuqha jaqgħu b’mod prinċipali l-ispejjeż għall-manteniment ta’ dan tal-aħħar, għandha d-dritt għall-allowances tal-familja jekk ebda persuna oħra ma għandha dritt skont l-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu.

3.   Għall-finijiet ta’ din it-taqsima, ‘ulied ta’ persuna’ tfisser:

a)

id-dixxendenti tagħha;

[…]

5.   Il-wild jappartjeni lil dar ta’ persuna jekk, f’każ ta’ ġestjoni singola tal-familja, huwa jkun jaqsam ir-residenza ma’ din il-persuna. L-appartenenza għall-familja ma tispiċċax,

a)

meta l-wild jibqa’ joqgħod biss b’mod temporanju barra mir-residenza komuni.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 26(1) tal-FLAG:

“Kull min jirċievi l-allowances tal-familja mingħajr ma jkun intitolat għandu jirrimborsa l-ammonti inkwistjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Sa mill-2001, DN, ta’ oriġini Pollakka, huwa ċittadin Awstrijak u għandu l-post ta’ residenza tiegħu esklużivament fl-Awstrija.

13

Sad-divorzju tagħhom fl-2011, huwa kien miżżewweġ ċittadina Pollakka. Din tirrisjedi fil-Polonja mat-tifla li kellhom flimkien, imwielda fl-1991 u wkoll ċittadina Pollakka.

14

Sa mix-xahar ta’ Novembru 2011, DN jirċievi mill-istituzzjonijiet kompetenti Pollakki u Awstrijaċi pensjoni tal-irtirar antiċipat ikkalkolata fuq il-bażi tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa suċċessivament fil-Polonja u fl-Awstrija.

15

Il-kawża prinċipali tirrigwarda talba għall-irkupru tal-allowances tal-familja fil-forma ta’ allowances kumpensatorji kif ukoll ta’ krediti ta’ taxxa għall-ulied (iktar ’il quddiem il-“benefiċċji tal-familja inkwistjoni”) li l-Amministrazzjoni Fiskali kienet tat lil DN matul il-perijodu bejn Jannar sa Awwissu 2013 abbażi tal-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-bint li għandu mal-ex konjuġi tiegħu, li kienet qiegħda tkompli l-istudji tagħha fil-Polonja, u lilha DN għadda dawn il-benefiċċji.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ex konjuġi ta’ DN qatt ma ressqet talba fl-Awstrija sabiex tingħata l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni, peress li dawn tal-aħħar kienu dejjem ingħataw lil DN mingħajr ma kienet meħtieġa dikjarazzjoni ta’ rinunzja mingħand l-ex konjuġi tiegħu.

17

Barra minn hekk, matul dan il-perijodu, la DN u lanqas l-ex konjuġi tiegħu ma rċevew benefiċċji tal-familja fil-Polonja, peress li l-ammont tal-pensjoni rċevuta minn DN fl-Awstrija kien jaqbeż l-ammont massimu ta’ dħul li jagħti dritt għal tali benefiċċji.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Novembru 2014, l-Amministrazzjoni Fiskali ordnat l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja inkwistjoni minħabba li, fid-dawl tal-ġbir, minn DN, ta’ pensjoni Pollakka, ir-Repubblika tal-Awstrija ma kinitx kompetenti sabiex tagħti dawn il-benefiċċji. Barra minn hekk, din l-amministrazzjoni kkunsidrat li l-obbligu ta’ ħlas tas-suppliment kumpensatorju skont l-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 ma kienx japplika għall-Istat Membru kompetenti sussidjarjament f’każ ta’ ġbir ta’ pensjoni.

19

Fir-rikors tiegħu ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), kontra din id-deċiżjoni, DN isostni li l-kundizzjonijiet għall-ħlas mir-Repubblika tal-Awstrija tas-suppliment kumpensatorju skont l-imsemmi Artikolu 68(2), moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-FLAG, kienu ssodisfatti.

20

Filwaqt li tirreferi għall-eżistenza ta’ żewġ linji ġurisprudenzjali diverġenti fi ħdanha, il-qorti tar-rinviju tqis li, sa fejn DN eżerċita attività bħala persuna impjegata fl-Awstrija fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema u jirċievi hemmhekk pensjoni abbażi ta’ din l-attività, huwa dan l-Istat Membru li huwa uniku “kompetenti għall-pensjoni tiegħu”, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004. Għaldaqstant, skont l-imsemmija qorti, DN għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni u l-unika kwistjoni li tqum hija dwar jekk ir-Repubblika tal-Awstrija għandhiex tħallashom b’mod prijoritarju jew sussidjarjament. Il-ġurisdizzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-għoti tal-imsemmija benefiċċji lil wieħed minn dawn it-titoli tirriżulta wkoll mill-Artikolu 68(2) ta’ dan ir-regolament li l-għan tiegħu, minbarra l-prevenzjoni ta’ kumulu illegali ta’ drittijiet, huwa, skont il-mekkaniżmu tas-suppliment għad-differenza, li jiġi ggarantit kemm jista’ jkun l-ammont tal-benefiċċji tal-familja.

21

Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja fil-Polonja huwa suġġett biss, fid-dritt Pollakk, għall-fatt li jkunu residenti f’dan l-Istat Membru, filwaqt li, fl-Awstrija, huwa bbażat, skont id-dritt tal-Unjoni, fuq il-ġbir ta’ pensjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-imsemmija qorti tqis li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 68(1)(a) tar-Regolament Nru 883/2004, ir-Repubblika tal-Awstrija hija l-Istat Membru kompetenti b’mod prijoritarju u għalhekk għandha tħallas il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fl-intier tagħhom.

22

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Amministrazzjoni Fiskali, li tgħid li, sa fejn kemm ir-Repubblika tal-Awstrija kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja huma debituri ta’ pensjoni fil-konfront ta’ DN, huwa biss l-Artikolu 68(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2004 li japplika, ma tiħux inkunsiderazzjoni l-Artikolu 67 tiegħu u għandha l-konsegwenza li r-Repubblika tal-Polonja hija l-Istat Membru kompetenti b’mod prijoritarju bħala Stat Membru ta’ residenza tal-bint li DN għandu mal-ex konjuġi tiegħu. Anki f’dan il-każ, sa fejn, minħabba li jinqabeż l-ammont massimu ta’ dħul li jagħti dritt għal benefiċċji tal-familja fil-Polonja, dawn ma kinux jitħallsu, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet tkun obbligata tħallas suppliment kumpensatorju skont l-Artikolu 68(2) tal-imsemmi regolament, sa ammont ekwivalenti għal dak li kien ikollha tħallas li kieku kienet l-Istat Membru kompetenti prijoritarju.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, sussidjarjament, l-Amministrazzjoni Fiskali timmotiva d-deċiżjoni tagħha ta’ rkupru tal-benefiċċji tal-familja inkwistjoni fid-dawl tal-fatt li, skont l-Artikolu 2(2) tal-FLAG, hija l-ex konjuġi ta’ DN, residenti mal-wild tagħhom fil-Polonja, li kellha dritt għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni, b’mod li għandhom jiġu rkuprati dawn tal-aħħar, irċevuti minn DN, minkejja li l-ex konjuġi tiegħu issa hija prekluża milli tressaq talba intiża sabiex dawn jitħallsu lilha. L-imsemmija qorti tistaqsi jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, li tipprevedi li, fl-assenza tal-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna li tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja, talba għall-għoti ta’ dawn tal-aħħar mill-ġenitur l-ieħor għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu hija applikabbli, tikkostitwixxi l-bażi ta’ dritt ta’ dan il-ġenitur l-ieħor għal tali benefiċċji u, f’dan ir-rigward, jekk huwiex rilevanti li dan tal-aħħar isostni prinċipalment l-ispiża tal-manteniment tal-wild, bħalma huwa l-każ hawnhekk.

24

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija applikabbli, rispettivament, prijoritarja u sussidjarja għall-finijiet tal-għoti ta’ benefiċċji tal-familja, kif previsti fl-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 987/2009, japplikawx ukoll f’dak li jirrigwarda l-irkupru ta’ dawn il-benefiċċji.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-frażi ‘l-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni’ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament [Nru 883/2004] għandha tiġi interpretata fis-sens li tirreferi għall-Istat Membru li kien preċedentement responsabbli għall-benefiċċji tal-familja bħala l-Istat tal-impjieg u li issa huwa obbligat iħallas pensjoni tax-xjuħija [tal-irtirar], li d-dritt għaliha huwa bbażat fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju tiegħu?

2)

Il-frażi ‘drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ riċeviment ta’ pensjonijiet’ fl-Artikolu 68(1)(b)(ii), tar-[Regolament Nru 883/2004] għandha tiġi interpretata fis-sens li jkun hemm lok għal dritt għall-benefiċċji tal-familja permezz ta’ [malli jkun hemm] riċezzjoni tal-pensjoni meta, l-ewwel, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jew tad-dritt nazzjonali dwar id-dritt għall-benefiċċji tal-familja jipprovdu r-riċezzjoni ta’ pensjonijiet bħala rekwiżit u, it-tieni, ir-rekwiżit ta’ riċezzjoni tal-pensjoni jiġi effettivament issodisfat, b’mod li ‘sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni’ ma taqax taħt l-Artikolu 68(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 883/2004 u l-Istat Membru kkonċernat ma għandux jitqies bħala “Stat tal-pensjoni” taħt id-dritt tal-Unjoni?

3)

It-tielet domanda, li qiegħda ssir sussidjarjament għall-ewwel u għat-tieni domanda, jekk sempliċi riċezzjoni ta’ pensjoni hija biżżejjed għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ Stat tal-pensjoni:

Fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni tax-xjuħija, li d-dritt għaliha ġie kweżit b’applikazzjoni tar-regoli dwar ħaddiema migranti u preċedentement permezz tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali [jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament dwar il-ħaddiema transkonfinali u joħroġ mit-twettiq minn qabel ta’ mpjieg] fi Stat Membru matul perijodu li fih la l-Istat ta’ residenza waħdu u lanqas iż-żewġ Stati ma kienu pajjiżi membri tal-Unjoni [Ewropea] jew taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-frażi ‘għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ’ fit-tieni sentenza tal-Artikolu 68(2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandha, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ġunju 1980, Laterza (C‑733/79, EU:C:1980:156), tinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi benefiċċji tal-familja sa estent [ammont] massimu possibbli anki fil-każ ta’ riċezzjoni ta’ pensjoni?

4)

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-[Regolament Nru 987/2009], għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-Artikolu 2(5) tal-[FLAG 1967] li jipprovdi li, fil-każ ta’ divorzju, id-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied ikun tal-ġenitur li jieħu ħsieb id-dar sakemm il-wild maġġur li jistudja jkun jappartjeni għal tali dar, iżda li ma jkunx ressaq talba la fl-Istat ta’ residenza u lanqas fl-Istat tal-pensjoni, b’mod li l-ġenitur l-ieħor, li jgħix bħala pensjonant fl-Awstrija u li jsostni effettivament l-ispejjeż kollha għas-sostenn tal-wild, jista’ jinvoka d-dritt għall-benefiċċji tal-familja u għall-kreditu fiskali għall-ulied quddiem l-istituzzjoni responsabbli tal-Istat Membru fejn id-dispożizzjonijiet legali għandhom japplikaw bi preċedenza, direttament abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009?

5)

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata wkoll fis-sens li, sabiex il-ħaddiem tal-Unjoni jiġi stabbilit bħala parti fi proċeduri nazzjonali ta’ Stat Membru dwar benefiċċji tal-familja, huwa neċessarju li jsostni fil-biċċa l-kbira l-manteniment tal-wild fi-sens tal-Artikolu 1(i)(3) tar-Regoalment Nru 883/2004?

6)

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ djalogu prevista fl-Artikolu 60 tar-[Regolament Nru 987/2009] għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali proċedura għandha titmexxa mill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati mhux biss fil-każ ta’ għoti ta’ benefiċċji tal-familja, iżda wkoll fil-każ ta’ rkupru ta’ benefiċċji tal-familja?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda

26

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif it-tieni sentenza tal-Artikolu 67 u l-Artikolu 68(1) u (2) tar-Regolament Nru 883/2004 għandhom jiġu interpretati sabiex jiġi ddeterminat, meta persuna tirċievi pensjonijiet f’żewġ Stati Membri, skont il-leġiżlazzjoni ta’ liema wieħed minn dawn l-Istati Membri hija intitolata, jekk ikun il-każ b’mod prijoritarju, għall-benefiċċji tal-familja.

27

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li ħaddiem bħal DN jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tar-Regolament Nru 883/2004, li japplika, skont l-Artikolu 2(1) tiegħu, għaċ-ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri li jirrisjedu fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew iktar, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom.

28

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li l-benefiċċji tal-familja inkwistjoni jikkostitwixxu “benefiċċji tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004.

29

L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament jikkonċerna, kif jirriżulta mit-titolu tiegħu, il-ħlas ta’ benefiċċji tal-familja, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-“[m]embri tal-familja [jkunu] residenti fi Stat Membru ieħor”. It-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu tipprovdi f’dan ir-rigward għal regola speċjali li skontha, f’każ bħal dan, “persuna intitolata għal pensjoni għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni tagħha” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014 Würker, C‑32/13, EU:C:2014:107, punt 49).

30

Fir-rigward tal-Istat Membru kompetenti għall-pensjoni ta’ persuna, fis-sens tal-imsemmija sentenza, mill-Artikolu 1(s) tar-Regolament Nru 883/2004 jirriżulta li, għall-finijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “Stat Membru kompetenti” jindika l-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni kompetenti, fejn din tal-aħħar hija ddefinita fl-imsemmi Artikolu 1(q) bħala, b’mod partikolari, l-istituzzjoni li magħha l-persuna kkonċernata hija affiljata fil-mument tat-talba għal benefiċċji jew dik tal-parti li fiha l-persuna kkonċernata tkun intitolata jew ikollha dritt għal benefiċċji kieku huwa jew il-membri tal-familja tiegħu kienu residenti fl-Istat Membru fejn tinsab din l-istituzzjoni.

31

Għaldaqstant, l-imsemmi kunċett ta’ “Stat Membru kompetenti” ma jistax sempliċement jindika, għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004, l-Istat Membru obbligat iħallas pensjoni lill-persuna kkonċernata minħabba l-eżerċizzju passat, minn din il-persuna, tad-dritt tagħha għall-moviment liberu tal-ħaddiema fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

32

Fil-kawża prinċipali, DN jirċievi pensjonijiet kemm mir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll mir-Repubblika tal-Awstrija minħabba perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’dawn l-Istati Membri. Konsegwentement, kull wieħed minn dawn għandu jitqies li huwa “kompetenti għall-pensjoni tiegħu”, fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija fil-punt preċedenti, b’tali mod li huwa għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri.

33

Issa, meta diversi drittijiet huma dovuti taħt leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, għandhom japplikaw ir-regoli antikumulu previsti fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 40).

34

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex ikun jista’ jitqies li sitwazzjoni ta’ kumulu bħal din isseħħ f’każ partikolari, ma huwiex biżżejjed li benefiċċji tal-familja jkunu dovuti fi Stat Membru u jkunu, b’mod parallel, biss jistgħu jitħallsu fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex il-benefiċċji tal-familja jistgħu jitqiesu bħala li huma dovuti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-liġi ta’ dan l-Istat Membru għandha tirrikonoxxi d-dritt għall-ħlas ta’ benefiċċji favur il-membru tal-familja kkonċernat. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-persuna kkonċernata tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha, kemm formali kif ukoll ta’ sustanza, imposti mil-leġiżlazzjoni interna tal-imsemmi Stat sabiex tkun tista’ teżerċita dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer, C‑16/09, EU:C:2010:605, punt 53).

36

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li la DN u lanqas l-ex konjuġi tiegħu ma setgħu jirċievu benefiċċji tal-familja fil-Polonja abbażi tar-responsabbiltà għall-manteniment ta’ binthom residenti f’dan l-Istat Membru, peress li l-ammont tal-pensjoni rċevuta minn DN fl-Awstrija kien jaqbeż l-ammont massimu ta’ dħul li jagħti dritt għal tali benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni Pollakka.

37

Minn dan isegwi li, peress li la DN u lanqas l-ex konjuġi tiegħu ma jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-familja fil-Polonja, ir-regoli ta’ prijorità previsti fl-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 883/2004 ma japplikawx f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38

Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta persuna tirċievi pensjonijiet f’żewġ Stati Membri, din il-persuna għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Meta l-ġbir ta’ tali benefiċċji f’wieħed minn dawn l-Istati Membri huwa eskluż skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-regoli ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 68(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ma japplikawx.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda

39

Mill-formulazzjoni tar-raba’ u tal-ħames domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirriżulta li, permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dritt għall-benefiċċji tal-familja huwa rriżervat għall-ġenitur li jgħix mal-wild, b’tali mod li, anki fl-assenza ta’ talba għal tali benefiċċji minn dan il-ġenitur, il-ġenitur l-ieħor, li effettivament isostni waħdu l-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild, ma għandux dritt għalihom.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm ir-Regolamenti Nri 883/2004 u 987/2009 jistabbilixxu r-regoli li jippermettu li jiġu ddeterminati l-persuni li jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-familja, il-persuni li għandhom dritt għal dawn il-benefiċċji huma, kif jirriżulta mill-Artikolu 67 tal-ewwel regolament, iddeterminati konformement mad-dritt nazzjonali (ara, dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punti 4344).

41

F’dan il-kuntest, it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 tipprevedi li, meta persuna li tkun intitolata titlob il-benefiċċji tal-familja ma teżerċitax id-dritt tagħha, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni t-talbiet għall-għoti ta’ tali benefiċċji mressqa mill-persuni jew mill-istituzzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, inkluż il-“ġenitur l-ieħor”.

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tenfasizza li, kif jirriżulta mill-kliem u mill-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni, għandha ssir distinzjoni bejn it-tressiq ta’ talba għal benefiċċji tal-familja u d-dritt li wieħed jirċievi tali benefiċċji. Fil-fatt, jekk, kif jirriżulta wkoll minn din il-formulazzjoni, huwa biżżejjed li waħda mill-persuni li jistgħu jitolbu l-benefiċċji tal-familja tressaq talba għall-għoti ta’ tali benefiċċji sabiex l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni din it-talba, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li tali istituzzjoni, meta tapplika d-dritt nazzjonali, tasal għall-konklużjoni li l-persuna li għandha d-dritt li tirċievi l-benefiċċji tal-familja fir-rigward ta’ wild hija persuna differenti minn dik li ressqet it-talba għall-għoti ta’ dawn il-benefiċċji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowsi, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punti 46 sa 48).

43

Minn dan isegwi li t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha d-dritt għall-benefiċċji tal-familja huwa rriżervat għall-ġenitur li jgħix mal-wild b’tali mod li, anki fl-assenza ta’ talba għal tali benefiċċji minn dan il-ġenitur, il-ġenitur l-ieħor, li fil-fatt isostni waħdu l-oneru finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild, ma għandux dritt għalihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 50).

44

Madankollu, fil-kawża prinċipali, filwaqt li l-ex konjuġi ta’ DN, li tgħix ma’ binthom, qatt ma ressqet talba għall-għoti ta’ allowances tal-familja u lanqas għal krediti ta’ taxxa Awstrijaċi, l-Amministrazzjoni Fiskali tat il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni lil DN, u dan mingħajr ma kienet meħtieġa dikjarazzjoni ta’ rinunzja mingħand l-ex konjuġi tiegħu. Issa, l-imsemmija amministrazzjoni tfittex, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 26(1) tal-FLAG, billi tibbaża ruħha, sussidjarjament, fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

45

Għaldaqstant, jidher li, f’dan il-każ, it-talba għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja mressqa minn DN ittieħdet inkunsiderazzjoni, skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, mill-Amministrazzjoni Fiskali li, inizjalment, iddeċidiet li tilqagħha, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

46

Minn dan jirriżulta li, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, hemm lok, b’mod partikolari, li jiġi eżaminat jekk, f’tali ċirkustanzi, l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja inkwistjoni mitlub, sussegwentement, mill-Amministrazzjoni Fiskali jmurx kontra din id-dispożizzjoni.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, din tal-aħħar għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha. Minn din il-perspettiva, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha sabiex tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk hija tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeduċi mill-elementi kollha prodotti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul judecătorilor din Româniaet, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ u l-ħames domanda għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja mogħtija, fl-assenza ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għalihom skont din il-leġiżlazzjoni, lill-ġenitur l-ieħor, li t-talba tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, u li fil-fatt isostni waħdu l-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild.

49

Kif jirriżulta mill-kliem tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009, għalkemm, fl-assenza ta’ tressiq ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tieħu inkunsiderazzjoni t-talba mressqa minn persuna oħra koperta minn din id-dispożizzjoni, iċ-ċaħda ta’ din l-aħħar talba minħabba li, skont l-imsemmija leġiżlazzjoni, din il-persuna ma hijiex dik li għandha d-dritt li tirċievi l-imsemmija benefiċċji hija fakultà rriżervata għal din l-istituzzjoni.

50

Issa, fil-kawża prinċipali, l-Amministrazzjoni Fiskali, sa fejn hija laqgħet it-talba għal benefiċċji tal-familja mressqa minn DN, ma eżerċitatx din il-fakultà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni ta’ din l-amministrazzjoni li tilqa’ l-imsemmija talba hija konformi mat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009.

51

Għandu jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni hija, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ukoll konformi mal-għan tal-Artikolu 60(1) ta’ dan ir-regolament li, minħabba r-riferiment għall-Artikoli 67 u 68 tar-Regolament Nru 883/2004 li huwa jagħmel, jikkorrispondi għal dak tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-artikoli tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Settembru 2019, Moser, C‑32/18, EU:C:2019:752, punt 34).

52

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 67 tar-Regolament Nru 883/2004 persuna tista’ titlob il-benefiċċji tal-familja inkluż għall-membri tal-familja tagħha li jirrisjedu fi Stat Membru differenti minn dak kompetenti għall-ħlas ta’ dawn il-benefiċċji, bħallikieku dawn jirrisjedu f’dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Trapkowski, C‑378/14, EU:C:2015:720, punt 35). Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-artikolu jimplika approċċ globali li fil-kuntest tiegħu l-istituzzjoni kompetenti hija obbligata teżamina s-sitwazzjoni tal-familja kollha kemm hi sabiex tiddetermina d-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja, peress li dawn tal-aħħar ma jistgħux, minħabba n-natura tagħhom stess, jitqiesu li huma dovuti lil individwu indipendentement mis-sitwazzjoni familjari tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier) (C‑802/18, EU:C:2020:269, punti 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għalhekk, skont l-Artikolu 1(z) tar-Regolament Nru 883/2004, it-termini “benefiċċji tal-familja” jirreferu għall-benefiċċji kollha in natura jew fi flus intiżi sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, bl-esklużjoni ta’ għotjiet ta’ manteniment u allowances speċjali ta’ twelid jew ta’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021 INPS (Allowances tat-twelid u ta’ maternità għal dawk li għandhom permess uniku) C‑350/20, EU:C:2021:659, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fid-dawl ta’ dan l-għan, għandu jiġi kkunsidrat, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, billi jipprovdi li, fin-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, it-talba mressqa, b’mod partikolari, mill-“ġenitur l-ieħor” għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, it-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 hija intiża sabiex tiżgura li, f’kull sitwazzjoni, l-imsemmija benefiċċji jikkontribwixxu, konformement mal-għan tagħhom, għall-baġit tal-familja u li jikkumpensaw effettivament il-piż tal-manteniment tal-wild.

55

Minn dan isegwi, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta l-għoti tal-benefiċċji tal-familja lill-“ġenitur l-ieħor”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kellu bħala effett li l-għan ta’ dawn il-benefiċċji ntlaħaq, talba għall-irkupru tagħhom tmur kontra dan l-għan.

56

Issa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fil-kawża prinċipali, DN, minkejja li ma kienx il-ġenitur li għandu dritt għall-benefiċċji tal-familja inkwistjoni skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, isostni prinċipalment il-piż tal-manteniment ta’ bintu u għadda lil din tal-aħħar il-benefiċċji tal-familja li huwa rċieva matul il-perijodu inkwistjoni f’din il-kawża.

57

Għandu jiġi kkunsidrat li, f’tali ċirkustanzi, il-benefiċċji tal-familja inkwistjoni effettivament laħqu l-għan tagħhom, b’tali mod li r-rimbors tagħhom imur kontra l-għan tat-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009.

58

Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda għandha tkun li t-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja mogħtija, fl-assenza ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għalihom skont din il-leġiżlazzjoni, lill-ġenitur l-ieħor, li t-talba tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, u li fil-fatt isostni waħdu l-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild.

Fuq is‑sitt domanda

59

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel sal-ħames domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għas-sitt domanda.

Dwar l‑ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

meta persuna tirċievi pensjonijiet f’żewġ Stati Membri, din il-persuna għandha dritt għall-benefiċċji tal-familja skont il-leġiżlazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri. Meta l-ġbir ta’ tali benefiċċji f’wieħed minn dawn l-Istati Membri huwa eskluż skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ir-regoli ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 68(1) u (2) ta’ dan ir-regolament ma japplikawx.

 

2)

It-tielet sentenza tal-Artikolu 60(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-irkupru tal-benefiċċji tal-familja mogħtija, fl-assenza ta’ talba mill-ġenitur li għandu dritt għalihom skont din il-leġiżlazzjoni, lill-ġenitur l-ieħor, li t-talba tiegħu ttieħdet inkunsiderazzjoni, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, mill-istituzzjoni kompetenti, u li fil-fatt isostni waħdu l-piż finanzjarju marbut mal-manteniment tal-wild.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top