EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0195

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-31 ta’ Marzu 2022.
LB vs Smetna palata na Republika Bulgaria.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Applikabbiltà għal sitwazzjoni purament interna – Artikolu 58(1) u (4) – Kriterji ta’ selezzjoni – Kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-offerenti – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 8(3) – Miżuri ta’ kontroll – Possibbiltà għal awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jevalwaw b’mod differenti proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.
Kawża C-195/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:239

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

31 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Applikabbiltà għal sitwazzjoni purament interna – Artikolu 58(1) u (4) – Kriterji ta’ selezzjoni – Kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-offerenti – Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 – Artikolu 8(3) – Miżuri ta’ kontroll – Possibbiltà għal awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li jevalwaw b’mod differenti proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku”

Fil-Kawża C‑195/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir‑Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distretwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

LB

vs

Smetna palata na Republika Bulgaria,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LB, minn A. S. Aslanyan, аdvokat,

għall-iSmetna palata na Republika Bulgaria, minn T. Tsvetkov u D. A. Dimitrova, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils, J. Baquero Cruz u P. Ondrůšek kif ukoll minn D. Drambozova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365, tat‑18 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 337, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/24”), tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn LB u s-Smetna palata na Republika Bulgaria (il-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Awdituri”) dwar sanzjoni amministrattiva li din tal-aħħar imponiet fuqu minħabba irregolaritajiet imwettqa matul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 2988/95

3

Ir-Regolament Nru 2988/95 jinkludi tliet titoli, it-Titolu I, intitolat “Il-prinċipji ġenerali” (Artikoli 1 sa 3), it-Titolu II, intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali” (Artikoli 4 sa 7), u t-Titolu III, intitolat “Il-verifiki” (Artikoli 8 sa 11).

4

L-Artikolu 8(2) u (3) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“2.   Il-miżuri li jipprovdu l-verfiki għandhom ikunu adattati għan-natura speċifika ta’ kull settur u fi proporzjon għall-għanijiet segwiti. Dawn għandhom iqisu l-prattika u ta’ l-istrutturi amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri u għandhom jiġu stabbiliti biex ma jkkawżawx xkiel ekonomiku jew spejjeż amministrattivi eċċessivi.

In-natura u l-frekwenza tal-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post li għandhom isiru mill-Istati Membri u l-proċedura biex dawn iwettquhom għandhom jiġu stabbiliti kif meħtieġ minn regoli settorjali b’tali mod li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi u effettiva tar-regoli relevanti u partikolarment sabiex jiġu evitati u innotati l-irregolaritajiet.

3.   Ir-regoli settorjali għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw verifiki ekwivalenti permezz ta’ l-approssimazzjoni tal-proċeduri u l-metodi tal-verifika.”

Ir‑Regolament (UE) Nru 1303/2013

5

Il-premessi 43 u 122 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140 u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6) jipprovdi:

“(43)

Fl-interess li jiġu żgurati arranġamenti ta’ kontroll proporzjonali u li jiġi ssalvagwardjat il-valur miżjud tal-istrumenti finanzjarji, ir-reċipjenti intiżi finali ma għandhomx jiġu skoraġġuti minħabba l-preżenza ta’ piżijiet amministrattivi eċċessivi. […]

[…]

(122)

[…] Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, għandhom jiddaħħlu regoli speċifiċi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trikkib bejn awditi tal-istess operazzjonijiet minn diversi istituzzjonijiet, partikolarment il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni u l-awtorità tal-awditjar.”

6

Intitolat “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

36)

‘irregolarità’ tfisser kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha, li jirriżulta minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku involut fl-implimentazzjoni tal-[‘Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi ESI)],li għandu, jew jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit tal-Unjoni billi jitlob pagament għal element mhux ġustifikat ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni.

[…]”

Id‑Direttiva 2014/24

7

Intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għallakkwist mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti flArtikolu 4.”

8

Intitolat “Prinċipji fuq l-għoti ta’ kuntratti”, l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għall-akkwisti li l-valur stmat tagħhom barra t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) huwa daqs jew aktar mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

a)

EUR 5548000 għall-kuntratti pubbliċi ta’ xogħlijiet;

[…]”

9

Intitolat “Prinċipji tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti]”, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

10

Intitolat “Kriterji ta’ għażla”, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdi:

“1.   Kriterji ta’ għażla jistgħu jirreferu għal:

a)

l-adattabilità għat-twettiq tal-attività professjonali;

b)

il-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja;

c)

il-kapaċità teknika u professjonali.

Bħala rekwiżiti għall-parteċipazzjoni, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu biss il-kriterji msemmijin fil-paragrafi 2, 3 u 4 dwar l-operaturi ekonomiċi. Huma għandhom jillimitaw kwalunkwe rekwiżit għal dawk li huma addati biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent għandu l-kapaċitajiet legali u finanzjarji u l-kapaċitajiet tekniċi u professjonali li jwettaq il-kuntratt li għandu jingħata. Ir-rekwiżiti kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonati mas-suġġett tal-kuntratt.

[…]

4.   Fir-rigward tal-abbiltà teknika u professjonali, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jimponu rekwiżiti li jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jkollhom ir-riżorsi umani u tekniċi u l-esperjenza meħtieġa sabiex iwettqu l-kuntratt bi standard adegwat ta’ kwalità.

B’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jesiġu li loperaturi ekonomiċi jkollhom livell ta’ esperjenza suffiċjenti verifikata permezz ta’ riferenzi adatti minn kuntratti mwettqa il-passat. Awtorità kontraenti tista’ tassumi li operatur ekonomiku ma għandux l-kapaċitajiet professjonali meħtieġa fejn lawtorità kontraenti tkun stabbiliet li l-operatur ekonomiku għandu interessi kunfliġġenti li jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv it-twettiq tal-kuntratt.

Fi proċeduri tal-akkwist għal provvisti li jirrikjedu xogħol ta’ tqegħid fil-post jew installazzjoni, servizzi jew xogħlijiet, il-kapaċità professjonali tal-operaturi ekonomiċi li jipprovdu s-servizz jew li jwettqu l-installazzjoni jew ix-xogħol tista’ tiġi evalwata fir-rigward tal-ħiliet, l-effiċjenza, l-esperjenza u l-affidabbiltà tagħhom.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kriterji għall-għoti tal-kuntratt”:

“1.   Mingħajr ħsara għal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jikkonċernaw il-prezz ta’ ċerti provvisti jew ir-remunerazzjoni ta’ ċerti servizzi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jibbażaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fuq l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża.

2.   Mill-perspettiva tal-awtorità kontraenti, l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġuża għandha tiġi identifikata abbażi tal-prezz jew l-ispiża, bl-użu ta’ approċċ kost-effettiv, bħallkalkolu tal-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja skont l-Artikolu 68, u tista’ tinkludi l-aħjar bilanċ bejn il-prezz u l-kwalità, li għandu jiġi vvalutat abbażi ta’ kriterji li jinkludu aspetti kwalitattivi, ambjentali u/jew soċjali marbutin mas-suġġett tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni. Dawn il-kriterji jistgħu jinkludu, pereżempju:

a)

il-kwalità, inklużi l-mertu tekniku, il-karatteristiċi estetiċi u funzjonali, l-aċċessibilità, id-disinjar għall-utenti kollha, ilkaratteristiċi soċjali, ambjentali u dawk innovattivi u lkummerċ u l-kondizzjonijiet tiegħu,

b)

l-organizzazzjoni, il-kwalifiki u l-esperjenza tal-persunal assenjat għat-twettiq tal-kuntratt, fejn il-kwalità tal-persunal assenjat tista’ tħalli impatt sinifikanti fuq il-livell tal-prestazzjoni tal-kuntratt; jew

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

Il‑Liġi dwar il‑Kuntratti Pubbliċi

12

L-Artikolu 1(1) taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, DV Nru 13, tas‑16 ta’ Frar 2016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprovdi:

“Din il-liġi tiddefinixxi l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti jew għal servizzi u għall-iżvolġiment ta’ kompetizzjonijiet organizzati minn awtoritajiet kontraenti bil-għan li tiġi żgurata l-allokazzjoni effikaċi ta’:

[…]

2, riżorsi mogħtija skont fondi u programmi Ewropej;

[…]”

13

L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1)   Il-kuntratti pubbliċi għandhom jingħataw konformement mal-prinċipji tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari mal-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija, ta’ libertà ta’ stabbiliment, ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi, u ta’ rikonoxximent reċiproku, kif ukoll mal-prinċipji li jirriżultaw minnhom:

1.

l-ugwaljanza u l-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni;

2.

il-kompetizzjoni ħielsa;

3.

il-proporzjonalità;

4.

ir-reklamar u t-trasparenza

(2)   Fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtoritajiet kontraenti ma humiex awtorizzati jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jinkludu kundizzjonijiet jew rekwiżiti li jagħtu vantaġġ inġust jew jirrestrinġu b’mod mhux dovut il-parteċipazzjoni ta’ operaturi ekonomiċi fil-kuntratti pubbliċi u li ma humiex proporzjonali mas-suġġett, mal-valur, mal-kumplessità, mal-kwantità jew mal-portata tal-kuntratt pubbliku.

[…]”

14

Skont l-Artikolu 59 tal-imsemmija liġi:

“(1)   L-awtorità kontraenti tista’ tistabbilixxi kriterji ta’ selezzjoni għall-kandidati jew offerenti fir-rigward ta’:

[…]

3. il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali.

(2)   L-awtoritajiet kontraenti jistgħu japplikaw biss, fir-rigward tal-kandidati jew tal-offerenti, il-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti f’din il-liġi li huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kapaċità tagħhom li jeżegwixxu l-kuntratt. Il-kriterji stabbiliti għandhom ikunu konformi mas-suġġett, mal-valur, mal-portata u mal-kumplessità tal-kuntratt. Meta l-kuntratt jinvolvi lottijiet, il-kriterji ta’ selezzjoni ta’ kull wieħed mil-lottijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-suġġett, il-valur, il-portata u l-kumplessità tal-lott ikkonċernat.

[…]”

15

L-Artikolu 247(1) tal-istess liġi jipprovdi:

“Awtorità kontraenti li tikser il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2), fl-Artikolu 11(5), fl-Artikolu 16, fl-Artikolu 21(14), (15) jew (17), fl-Artikolu 149(8) jew fl-Artikolu 150(4), hija suġġetta għal multa bir-rata ta’ 2 % tal-valur tal-kuntratt konkluż, VAT inkluża, iżda li ma teċċedix 10000 [leva Bulgari (BGN)] [(madwar EUR 5100)].

[…]”

16

Konformement mal-Artikolu 260(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi:

“(1)   L-atti ta’ konstatazzjoni tal-ksur skont din il-liġi, imwettqa minn awtoritajiet tal-Qorti tal-Awdituri, huma redatti minn awdituri awtorizzati f’terminu ta’ sitt xhur mill-jum meta jkun ġie skopert l-awtur, mingħajr ma dan it-terminu jkun jista’ jeċċedi tliet snin mid-data tat-twettiq tal-ksur.

(2)   Id-deċiżjonijiet ta’ sanzjoni amministrattiva għandhom jiġu adottati mill-President tal-Qorti tal-Awdituri jew minn uffiċjali awtorizzati minnu.”

17

Il-paragrafu 3 tad-“dispożizzjonijiet addizzjonali” tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprevedi li din il-liġi tintroduċi r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2014/24.

Il‑Liġi dwar il‑Fondi Ewropej

18

L-Artikolu 49(2) taż-Zakon za upravlenie na sredstvata ot evropeyskite strukturni i investitonnes fondove (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tar-Riżorsi tal-Fondi Strutturali u tal-Investiment Ewropej, DV Nru 101, tat‑22 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Fondi Ewropej”), jipprovdi:

“Għall-għażla ta’ kuntrattur għall-attivitajiet relatati ma’ xogħlijiet, ma’ servizzi u/jew ma’ provvisti ta’ merkanzija li huma s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku fis-sens tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ir-regoli stabbiliti fi:

1.

il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi – meta l-benefiċjarju jkun awtorità kontraenti fis-sens tal-imsemmija liġi;

[…] japplikaw. […]”

Il‑Liġi dwar l‑Ippjanar tat‑Territorju

19

Skont l-Artikolu 137(1) taż-Zakon za ustroystvo na teritoriata (il-Liġi dwar l-Ippjanar tat-Territorju, DV Nru 1, tat‑2 ta’ Jannar 2001), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ippjanar tat-Territorju”):

“[…] Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni huma kklassifikati kif ġej skont il-karatteristiċi, l-importanza, il-kumplessità u r-riskji tal-operat:

1. l-ewwel kategorija:

[…]

g) tagħmir ta’ ġeoprotezzjoni u ta’ tisħiħ ta’ xtut ix-xmajjar u tal-linji tal-kosta;

[…]”

20

L-Artikolu 163bis ta’ din id-direttiva jistipula:

“(1)   […] Il-kostruttur tax-xogħol huwa obbligat li jimpjega permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol persuni teknikament kapaċi li jieħdu ħsieb it-tmexxija teknika tal-kostruzzjonijiet.

(2)   Huma teknikament kapaċi l-persuni li kisbu diplomi rrikonoxxuti ta’ edukazzjoni ogħla flimkien mal-kwalifika ta’ “inġinier ċivili”, “inġinier” jew “perit”, kif ukoll il-persuni li kisbu edukazzjoni sekondarja li għandhom taħriġ ta’ erba’ snin u kwalifika professjonali fl-oqsma tal-“arkitettura u l-kostruzzjoni” jew it-“teknika”.

[…]

(4)   […] Id-direttur tekniku huwa inġinier ċivili, perit jew tekniku fl-inġinerija ċivili, li jmexxi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u jiżgura l-implimentazzjoni tar-responsabbiltajiet skont il-punti 1 sa 5 tal-Artikolu 163(2) u għall-kostruzzjonijiet tal-ħames kategorija – ukoll responsabbiltajiet skont l-Artikolu 168(1) u skont l-Artikolu 169bis(1). Persuni oħra kapaċi teknikament fis-sens tal-paragrafu 2 jistgħu jiżguraw it-tmexxija teknika speċjalizzata tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni distinti konformement mal-ispeċjalità u mal-livell ta’ kwalifika professjonali li huma kienu kisbu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

Skont kuntratt amministrattiv konkluż fil‑21 ta’ Marzu 2018 bejn il-Ministru għall-Ambjent u għall-Kanali tal-Ilma (il-Bulgarija), fil-kwalità tiegħu ta’ Direttur tal-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Ambjent 2014-2020”, u l-Muniċipalità ta’ Lukovit (il-Bulgarija), sussidju kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni ngħata lil din il-belt sa ammont massimu ta’ BGN 649 732.14 (madwar EUR 331000). Dan is-sussidju kien intiż għall-finanzjament ta’ xogħlijiet ta’ stabbilizzazzjoni ta’ uqigħ tal-art fit-triq li twassal għal landfill reġjonali li jinsab fit-territorju tal-imsemmija belt.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2018, LB nieda, fil-kwalità tiegħu ta’ sindku ta’ Lukovit, proċedura ta’ “kompetizzjoni pubblika” għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku li kellu bħala għan it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet. Il-valur stmat ta’ dan il-kuntratt kien ta’ BGN 482668 mingħajr VAT (madwar EUR 247000).

23

Din id-deċiżjoni, ippubblikata, fl-istess jum, fir-reġistru tal-kuntratti pubbliċi tal-Aġenzija tal-Kuntratti Pubbliċi, kienet tapprova l-avviż ta’ kuntratt u d-dokumenti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

24

L-avviż ta’ kuntratt kien jindika li l-għan tal-proġett kien li tiġi mibnija mill-ġdid u mtejba s-sezzjoni tat-triq bħala mezz ta’ trasport u li l-kriterji ta’ għoti kienu l-“kwalità” u l-“prezz”, li kull wieħed minnhom kien jammonta sa 50 %.

25

Skont il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni f’din il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, l-avviż ta’ kuntratt kien jippreċiża, qabelxejn, li kull parteċipant kellu jitniżżel fir-reġistru professjonali ċentrali tal-industrija tal-bini sabiex jiġu eżegwiti kostruzzjonijiet tal-kategorija I tal-grupp IV li jaqgħu taħt il-punt 1(g) tal-Artikolu 137(1) tal-Liġi dwar l-Ippjanar tat-Territorju, jew f’reġistru korrispondenti għall-parteċipanti stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

26

Barra minn hekk, fir-rigward tar-rekwiżiti dwar il-“kapaċitajiet tekniċi u professjonali”, l-avviż ta’ kuntratt kien jindika li l-kandidati kellhom jiġġustifikaw, b’mod partikolari, li eżerċitaw attivitajiet ta’ kostruzzjoni ta’ bini li għandhom suġġett identiku jew simili għal dak tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, matul il-ħames snin qabel il-preżentazzjoni tal-offerta. L-avviż ta’ kuntratt kien jippreċiża, f’dan ir-rigward, li, b’attività “simili”, kellhom jinftiehmu attivitajiet ta’ konsolidazzjoni ta’ uqigħ tal-art u/jew ta’ ġnub tal-għoljiet u/jew ta’ xtut u/jew ta’ fosos, jew ta’ kostruzzjoni li għadha qiegħda tinbena ekwivalenti.

27

Fl-aħħar, fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għall-persunal tekniku fl-inġinerija, l-avviż ta’ kuntratt kien jistipula li l-karatteristiċi speċifiċi tal-kuntratt kienu jirrikjedu b’mod partikolari l-preżenza ta’ direttur tekniku tal-kostruzzjoni li għandu l-kwalifika professjonali ta’ “disinjatur” jew “inġinier ċivili” jew speċjalità analoga, meta l-kwalifika tkun inkisbet fi Stat Membru li ma jkollux speċjalità korrispondenti. Barra minn hekk, id-direttur tekniku kellu jiġġustifika esperjenza minima ta’ tliet snin fl-ispeċjalizzazzjoni tiegħu.

28

Fit-terminu stabbilit ġew ippreżentati tliet offerti. Wara li ntalbu spjegazzjonijiet addizzjonali mingħand kull wieħed mit-tliet parteċipanti, is-sindku ta’ Lukovit, permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Lulju 2018, iddeċieda, minn naħa, li jeskludi tnejn minnhom minħabba li ma ssodisfawx il-kriterji ta’ selezzjoni u, min-naħa l-oħra, li jagħti l-kuntratt lit-tielet wieħed. Sussegwentement, fid‑29 ta’ Awwissu 2018, ġie konkluż kuntratt ta’ valur ta’ BGN 481 293.72 mingħajr VAT (madwar EUR 245500) bejn din il-belt u l-offerent rebbieħ.

29

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2018, abbażi ta’ kontroll ex post tal-legalità tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Ambjent 2014-2020” imponiet korrezzjoni finanzjarja ġenerali għal ammont ta’ 5 % tal-valur tal-ispejjeż ikkonċernati u rrikonoxxuti bħala ammissibbli skont il-kuntratt tad‑29 ta’ Awwissu 2018. Din l-awtorità akkużat lill-awtorità kontraenti, minn naħa, li evalwat offerta li ma kinitx tikkorrispondi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati u, min-naħa l-oħra, tat istruzzjonijiet mingħajr ċarezza u konfużi lil wieħed mill-parteċipanti, li kien iwassal għall-esklużjoni illegali tiegħu u pprekludietu milli jippreżenta offerta li l-prezz tagħha kien inqas minn dak propost mill-offerent magħżul.

30

Sabiex tiddetermina l-korrezzjoni li għandha tiġi applikata għal kull waħda minn dawn iż-żewġ irregolaritajiet, din l-awtorità ta’ ġestjoni ħadet inkunsiderazzjoni, bħala ċirkustanzi attenwanti, il-fatt, l-ewwel, li tliet offerti kienu ġew ippreżentati, li kien jindika livell sodisfaċenti ta’ kompetizzjoni, it-tieni, li l-valur stmat tal-kuntratt kien inqas mil-livelli ta’ reklamar obbligatorju f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b’tali mod li l-assenza ta’ effetti transkonfinali kienet wasslet għar-restrizzjoni taċ-ċirku ta’ persuni kkonċernati, it-tielet, li l-kriterju tal-għoti ta’ “l-aħjar relazzjoni bejn il-prezz u l-kwalità” ma kienx neċessarjament żgura l-klassifikazzjoni fl-ewwel post tal-offerta bil-prezz l-iktar baxx.

31

B’mod parallel mal-kontroll imwettaq mill-imsemmija awtorità ta’ ġestjoni, il-Viċi President tal-Qorti tal-Awdituri, permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Ottubru 2019, ordna awditu tal-konformità tal-ġestjoni tal-fondi pubbliċi u tal-attivitajiet tal-Muniċipalità ta’ Lukovit matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2018 sat‑30 ta’ Ġunju 2019.

32

Fit‑18 ta’ Ġunju 2020, awditur tal-Qorti tal-Awdituri ippreżenta att ta’ konstatazzjoni ta’ ksur amministrattiv, billi rrileva li s-sindku ta’ Lukovit, permezz tad-deċiżjoni tiegħu tal‑5 ta’ April 2018, kien kiser il-prinċipju ta’ kompetizzjoni ħielsa previst fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi. Fil-fatt, billi impona l-preżenza ta’ direttur tekniku tal-kostruzzjoni li għandu kwalifika professjonali ta’ “disinjatur” u/jew ta’ “inġinier ċivili”, b’esperjenza minima ta’ tliet snin fl-ispeċjalizzazzjoni tiegħu, l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien stabbilixxa rekwiżit ta’ kwalifika iktar iebes minn dak li jirriżulta mill-Artikolu 163bis(2) tal-Liġi dwar l-Ippjanar tat-Territorju.

33

Is-sindku ta’ Lukovit oppona dan l-att ta’ konstatazzjoni, billi ġġustifika r-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmi fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi marbuta ma’ operazzjoni ta’ stabbilizzazzjoni ta’ uqigħ tal-art u l-kumplessità tagħha fl-inġinerija. Huwa ppreċiża wkoll li dan ir-rekwiżit kien jirriżulta mill-programm operattiv li permezz tiegħu l-finanzjament tal-proġett kien ġie żgurat. Is-sindku ta’ Lukovit żied li, barra minn hekk, l-ebda ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ħielsa previsti fl-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi ma kien ġie kkonstatat matul il-kontroll ex post imwettaq mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Ambjent 2014–2020”.

34

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Diċembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Awdituri ċaħad l-oppożizzjoni u, abbażi tal-konstatazzjonijiet u tal-konklużjonijiet li jinsabu fl-imsemmi att ta’ konstatazzjoni, impona fuq is-sindku ta’ Lukovit, skont l-Artikolu 260(2) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, multa għal ammont ta’ BGN 10000 (madwar EUR 5100).

35

Is-sindku ta’ Lukovit ikkontesta din id-deċiżjoni billi ppreżenta rikors quddiem ir-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

36

Fl-ewwel lok, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24 jipprekludix lill-awtorità kontraenti milli tistabbilixxi rekwiżit ta’ kwalifika iktar strett minn dak stabbilit fl-Artikolu 163bis tal-Liġi dwar l-Ippjanar tat-Territorju jew jekk, għall-kuntrarju, billi din l-aħħar dispożizzjoni sempliċement tipprevedi rekwiżiti minimi validi għall-kategoriji ta’ kostruzzjoni kollha, din l-awtorità setgħetx legalment tistabbilixxi r-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li x-xogħlijiet ta’ stabbilizzazzjoni ta’ art huma inklużi fost attivitajiet ta’ kostruzzjoni li għandhom l-ogħla livell ta’ kumplessità.

37

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-mod li bih l-awtoritajiet nazzjonali differenti inkarigati li jiżguraw l-osservanza tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jew tal-Liġi dwar il-Fondi Ewropej għandhom jikkoordinaw il-kontrolli tagħhom u l-konklużjonijiet tagħhom fir-rigward tal-legalità tal-proċeduri ta’ kuntratt pubbliku. F’dan ir-rigward, diversi testi ta’ “soft law” isostnu, minn naħa, li l-Awtorità ta’ Ġestjoni u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jiġu pprojbiti milli jinterpretaw b’mod iktar strett ir-regoli ta’ selezzjoni tal-offerent rebbieħ u, min-naħa l-oħra, li jikkoordinaw l-avviżi tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni distinti sabiex tiġi evitata kull diverġenza fir-rigward tal-legalità tal-proċeduri u tal-ispejjeż imwettqa.

38

Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, kif enfasizzat il-Qorti tal-Awdituri, l-indipendenza u l-kumplimentarjetà tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni differenti. Għalhekk, fil-każ ta’ ksur stabbilit mil-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi li jikkostitwixxi irregolarità, l-Awtorità ta’ Ġestjoni timponi korrezzjonijiet finanzjarji esklużivament fuq il-persuni ġuridiċi benefiċjarji, filwaqt li l-Qorti tal-Awdituri tista’ timponi sanzjonijiet amministrattivi fuq il-persuni fiżiċi responsabbli. Fuq dan il-bażi, hija tista’ tikkontesta r-responsabbiltà amministrattiva ta’ natura kriminali tal-awtoritajiet kontraenti jew tal-persuni awtorizzati li huma ħatru.

39

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-miżuri u s-sanzjonijiet amministrattivi previsti fit-Titolu II tar-Regolament Nru 2988/95 għandhomx ivarjaw skont jekk hemmx jew le aġir żbaljat u skont il-grad ta’ perikolu soċjali. Peress li n-natura u l-gravità tal-ksur kif ukoll il-konsegwenzi finanzjarji tiegħu għall-baġit tal-Unjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji, mill-awtoritajiet inkarigati li jiżguraw l-osservanza tal-Liġi dwar il-Fondi Ewropej, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk dawn l-istess ċirkustanzi għandhomx ukoll jitqiesu fil-każ ta’ impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

40

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 247(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li abbażi tiegħu l-awtorità kontraenti tista’ tiġi imposta fuqha “multa bir-rata ta’ 2 % tal-valur tal-kuntratt konkluż, VAT inkluża, iżda li ma teċċedix BGN 10000”, li jikkorrispondi għal madwar 16-il darba s-salarju minimu, huwiex konformi mal-prinċipji ta’ legalità, ta’ effettività u ta’ proporzjonalità.

41

Huwa f’dan il-kuntest li r-Rayonen sad Lukovit (il-Qorti Distrettwali ta’ Lukovit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 58(4) tad-Direttiva [2014/24] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżiti imposti fil-kriterji ta’ selezzjoni li jikkonċernaw il-kapaċità professjonali tal-persunal tal-operaturi ekonomiċi fil-kuntest ta’ għoti ta’ kuntratt f’settur tal-kostruzzjoni speċjalizzat jistgħu jkunu iktar stretti fir-rigward tar-rekwiżiti minimi ta’ taħriġ u ta’ kwalifiki professjonali previsti fil-lex specialis nazzjonali (f’dan il-każ l-Artikolu 163a(4) taż-Zakon za ustroystvo na teritoriyata (il-Liġi dwar l-Ippajanar tat-Territorju)), mingħajr ma jikkostitwixxu a priori restrizzjoni tal-kompetizzjoni, u b’mod iktar partikolari: ir-rekwiżit ta’ ‘proporzjonalità’ tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni imposti fid-dawl tas-suġġett tal-kuntratt (a) jirrikjedi evalwazzjoni min-naħa tal-qorti nazzjonali fuq il-bażi tal-provi prodotti u tal-parametri konkreti tal-kuntratt, anki fil-każijiet li fihom il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiddetermina sensiela ta’ operaturi speċjalizzati kkwalifikati, bħala prinċipju, sabiex iwettqu l-attività fil-kuntest tal-kuntratt, jew (b) jippermetti li l-istħarriġ ġudizzjarju jkun limitat għal verifika biss ta’ jekk il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni humiex severi żżejjed meta mqabbla ma’ dawk previsti fil-lex specialis nazzjonali?

2)

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II, intitolat ‘Il-miżuri amministrattivi u l-penali’, tar-Regolament Nru 2988/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istess ksur [tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi] li tittrasponi d-Direttiva [2014/24] (inkluż il-ksur imwettaq fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, li fir-rigward tiegħu r-rikorrent ġie ppenalizzat), jista’ jkollu konsegwenzi legali differenti skont jekk il-ksur ikunx twettaq bla ħtija jew b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza?

3)

Il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ effettività jippermettu, fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-premessi 43 u 122 tar- Regolament (UE) Nru 1303/2013 li d-diversi awtoritajiet nazzjonali li huma mistennija jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jevalwaw b’mod differenti l-istess fatti fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, u b’mod iktar partikolari jippermettu li l-awtorità amministrattiva tal-programm operazzjonali ma tikkonstata ebda ksur fid-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, filwaqt li l-iSmetna palata na Republika Bulgaria (il-Qorti tal-Awdituri tar-Repubblika tal-Bulgarija) tikkunsidra, fil-kuntest ta’ stħarriġ sussegwenti u mingħajr ma jkun hemm ċirkustanzi partikolari ġodda, li tali kriterji jillimitaw il-kompetizzjoni u għalhekk timponi sanzjoni amministrattiva fuq l-awtorità kontraenti?

4)

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma huwa l-Artikolu 247(1) tal-Liġi dwar l-Għoti ta’ Kuntratti Pubbliċi li jipprovdi li l-awtorità kontraenti li tikser formalment il-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(2) tal-istess liġi għandha tkun suġġetta għal multa ekwivalenti għal 2 % tal-valur tal-kuntratt, bil-VAT inkluża, li iżda ma tistax taqbeż l-10 000 lev Bulgaru (BGN), mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu evalwati l-gravità tal-ksur jew il-konsegwenzi effettivi jew potenzjali tiegħu fuq l-interessi tal-Unjoni?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

42

L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-valur stmat tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ ammont ta’ BGN 482668 mingħajr VAT (madwar EUR 247000), huwa inqas mil-limitu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24, stabbilit għal EUR 5548000 mill-Artikolu 4(a) tagħha, sa fejn jikkonċerna l-kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, b’tali mod li dan il-kuntratt ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

43

Madankollu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, b’mod dirett u inkundizzjonat, għas-soluzzjonijiet li hija tipprovdi għal sitwazzjonijiet mhux koperti minn att tad-dritt tal-Unjoni, ma’ dawk adottati minn dan l-att, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet riprodotti fl-imsemmi att jiġu interpretati b’mod uniformi. Fil-fatt dan jippermetti li jiġu evitati diverġenzi ta’ interpretazzjoni futuri u li jiġi żgurat trattament identiku għal dawn is-sitwazzjonijiet u għal dawk li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C‑297/88 u C‑197/89, EU:C:1990:360, punti 36 u 37; tal‑5 ta’ April 2017, Borta, C‑298/15, EU:C:2017:266, punti 3334, kif ukoll tal‑10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex, C‑367/19, EU:C:2020:685, punt 21).

44

F’dan il-każ, il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li ttrasponiet id-Direttiva 2014/24 fl-ordinament ġuridiku Bulgaru, tapplika iktar ġeneralment għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi kollha ssussidjati minn fondi Ewropej, indipendentement mill-valur tal-kuntratti, hekk kif jirriżulta kemm mill-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi kif ukoll mill-Artikolu 49(2) tal-Liġi dwar il-Fondi Ewropej.

45

Għalhekk, peress li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 saru applikabbli, b’mod dirett u inkundizzjonat, għal sitwazzjonijiet li, bħal dik tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, normalment ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, hemm lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari.

46

Permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 58(4) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti tista’ timponi, skont kriterji ta’ selezzjoni relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi, rekwiżiti iktar stretti mir-rekwiżiti minimi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan ir-rigward.

47

Għandu jiġi kkonstatat li r-risposta għal din id-domanda tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24.

48

Konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 58(1) ta’ din id-direttiva, awtorità kontraenti tista’ biss timponi bħala kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni lill-operaturi ekonomiċi l-kriterji msemmija fl-Artikolu 58(2), (3) u (4) tal-imsemmija direttiva, li jirrigwardaw rispettivament adattabbiltà għat-twettiq tal-attività professjonali, il-kapaċità ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kapaċitajiet tekniċi u professjonali. Barra minn hekk, l-imsemmija kundizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dawk li huma adatti biex jiġi żgurat li kandidat jew offerent ikollu l-kapaċità legali u finanzjarja kif ukoll kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt li għandu jingħata. Minbarra dan, il-kundizzjonijiet kollha għandhom ikunu relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt.

49

Awtorità kontraenti għandha wkoll tikkonforma ruħha, waqt id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, mal-prinċipji fundamentali tal-għoti ta’ kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk hija għandha, l-ewwel, tittratta lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni kif ukoll taġixxi b’mod trasparenti u proporzjonali u, it-tieni, tiżgura li ma tfassalx kuntratt bl-intenzjoni li jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew li tillimita artifiċjalment il-kompetizzjoni, billi tfasslu bl-intenzjoni li tiffavorixxi jew li tiżfavorixxi b’mod mhux dovut ċerti operaturi ekonomiċi.

50

Madankollu, peress li hija fl-aħjar pożizzjoni li tevalwa l-bżonnijiet tagħha stess, l-awtorità kontraenti ġiet irrikonoxxuta mil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali wiesgħa, waqt id-determinazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni, hekk kif jixhed b’mod partikolari l-użu repetittiv tal-verb “jista’” fl-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24. Għalhekk, tibbenefika, konformement mal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, minn ċerta diskrezzjoni sabiex tiddefinixxi l-kundizzjoniijet ta’ parteċipazzjoni għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt li hija tqis relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt u adatti sabiex jiżguraw li kandidat jew offerent ikollu l-kapaċità legali u finanzjarja, kif ukoll kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt li għandu jingħata. B’mod iktar partikolari, skont il-paragrafu 4 tal-imsemmi artikolu, l-awtorità kontraenti għandha tevalwa liberament il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni li hija tqis li huma xierqa, mill-perspettiva tagħha, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata l-eżekuzzjoni tal-kuntratt fuq livell ta’ kwalità li hija tqis xieraq.

51

Għaldaqstant, peress li rekwiżit ta’ kwalifika huwa ġġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, li jibqa’ proporzjonali miegħu u josserva wkoll il-kundizzjonijiet l-oħra mfakkra fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 ma jistax jipprekludi lill-awtorità kontraenti milli timponi dan ir-rekwiżit fl-avviż ta’ kuntratt għas-sempliċi raġuni li dan jeċċedi l-livell ta’ rekwiżit minimu impost minn leġiżlazzjoni nazzjonali. Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw, sa fejn huwa possibbli, id-dritt intern tagħhom b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski, C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 57, u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 70).

52

F’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali jidher iġġustifikat fir-rigward tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. L-ewwel, dan ir-rekwiżit jippreżenta mingħajr dubju rabta mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali. It-tieni, l-imsemmi rekwiżit ma jidhirx li eċċeda l-marġni ta’ diskrezzjoni li l-awtorità kontraenti għandha fl-istadju tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni u dan, iktar u iktar meta ġew ippreżentati tliet offerti minkejja li l-valur stmat ta’ dan il-kuntratt kien modest peress li lanqas laħaq 5 % tal-limitu minimu ta’ applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel domanda għandha tiġi risposta li l-Artikolu 58(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti tkun tista’ timponi, skont kriterji ta’ selezzjoni relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi, rekwiżiti iktar stretti mir-rekwiżiti minimi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tali rekwiżiti jkunu xierqa sabiex jiżguraw li kandidat jew offerent ikollu kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt li għandu jingħata, li jkunu relatati mas-suġġett tal-kuntratt u li jkunu proporzjonali miegħu.

Fuq it‑tieni u r‑raba’ domanda

54

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 2988/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-impożizzjoni minn awtorità kontraenti ta’ kriterji ta’ selezzjoni li jiksru l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24 tista’ jkollha konsegwenzi differenti skont jekk il-ksur ikunx twettaq bla ħtija jew b’mod intenzjonat jew minħabba negliġenza.

55

Fir-rigward tar-raba’ domanda, din hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li awtorità kontraenti li tikser regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi tista’ tiġi imposta fuqha multa li tirrappreżenta 2 % tal-valur tal-kuntratt konkluż, inkluża l-VAT, iżda limitata għal BGN 10000, jiġifieri madwar EUR 5100, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur u l-impatt finanzjarju reali jew potenzjali tiegħu fuq l-interessi tal-Unjoni.

56

Għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u r-raba’ domanda huma bbażati fuq il-premessa li r-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ġie stabbilit mill-awtorità kontraenti bi ksur tal-Artikolu 58 tad-Direttiva 2014/24.

57

Issa, sa fejn mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li tali rekwiżit jidher kompatibbli ma’ din id-dispożizzjoni, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-tieni u r-raba’ domanda.

Fuq it‑tielet domanda

58

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri flimkien mal-premessi 43 u 122 tar-Regolament Nru 1303/2013, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jevalwaw b’mod differenti l-istess ċirkustanzi fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku.

59

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2988/95, ir-regoli settorjali għandhom jinkludu d-dispożizzjonijiet neċessarji sabiex jiġi żgurat kontroll ekwivalenti permezz tal-approssimazzjoni tal-proċeduri u tal-metodi ta’ kontroll.

60

Il-premessa 43 tar-regolament settorjali applikabbli fil-kawża prinċipali, jiġifieri r-Regolament Nru 1303/2013, jistabbilixxi, b’mod partikolari, li, fl-interess li jiġu żgurati arranġamenti ta’ kontroll proporzjonali u li jiġi ssalvagwardjat il-valur miżjud tal-istrumenti finanzjarji, il-benefiċjarji intiżi finali ma għandhomx jiġu skoraġġuti minħabba l-preżenza ta’ piżijiet amministrattivi eċċessivi. Fir-rigward tal-premessa 122 tal-imsemmi regolament, din tippreċiża li, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji, għandhom jiddaħħlu regoli speċifiċi biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trikkib bejn l-awditi tal-istess operazzjonijiet imwettqa minn diversi istituzzjonijiet, jiġifieri l-Qorti tal-Awdituri Ewropea, il-Kummissjoni u l-awtorità tal-awditjar.

61

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li l-awditu tal-ġestjoni tal-Muniċipalità ta’ Lukovit kien twettaq mill-Qorti tal-Awdituri sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, u mhux l-osservanza tar-Regolament Nru 1303/2013, b’tali mod li dan l-awditu kif ukoll is-sanzjoni imposta fuq il-bażi tiegħu ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

62

Barra minn hekk, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-Regolament Nru 1303/2013 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jistabbilixxu korpi responsabbli mill-kontroll u mill-awditu tal-attività tal-organi pubbliċi jew privati, peress li l-kompetenza ta’ tali korpi ma hijiex irregolata minn dan ir-regolament.

63

Għaldaqstant, il-premessi 43 u 122 tal-imsemmi regolament ma għandhomx effett fuq ir-risposta għad-domanda preliminari.

64

Għalhekk jidher li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nri 2988/95 u 1303/2013 ma tipprekludi li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku tista’ tkun is-suġġett ta’ żewġ kontrolli eżerċitati, wieħed, mill-awtorità ta’ ġestjoni, l-ieħor, mill-awtorità tal-awditjar. Kemm l-indipendenza ta’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet kif ukoll l-iskopijiet differenti assenjati lilhom iwasslu sabiex jiġi aċċettat li dawn jistgħu jikkontrollaw suċċessivament l-istess proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

65

Barra minn hekk, il-fatt li, f’dan il-każ, l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Ambjent 2014–2020” qieset li r-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx kuntrarju għar-regoli ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma jista’ joħloq ebda aspettattivi leġittimi fi ħdan l-awtorità kontraenti. Fil-fatt, id-dritt li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi biss għal individwu li fir-rigward tiegħu awtorità amministrattiva nazzjonali tkun ħolqot tamiet ibbażati fuq garanziji preċiżi, inkundizzjonati u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li hija tkun ipprovdietlu. Madankollu, il-kunċett unitarju tal-Istat, li jipprevali kemm fid-dritt pubbliku internazzjonali kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni, jeskludi, bħala prinċipju, li awtorità nazzjonali tkun tista’ tinvoka l-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’tilwima li tqegħedha kontra komponent ieħor tal-Istat (sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, Riigi Tugiteenuste Keskus, C‑6/20, EU:C:2021:402, punti 6970).

66

Għalhekk, il-fatt li l-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-Programm Operattiv “Ambjent 2014–2020” diġà approvat, anki jekk impliċitament, ir-rekwiżit ta’ kwalifika inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi invokat mill-awtorità kontraenti sabiex il-Qorti tal-Awdituri tiġi prekluża milli teżamina l-kompatibbiltà tiegħu mad-dritt tal-Unjoni.

67

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li intervent konġunt ta’ awtorità ta’ ġestjoni u ta’ awtorità tal-awditjar għandha tirrispetta d-drittijiet u tosserva l-prinċipji ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 2988/95 jipprevedi barra minn hekk li l-miżuri li jipprovdu l-kontrolli għandhom jiġu ddeterminati b’mod li ma jikkawżawx restrizzjonijiet ekonomiċi u spejjeż amministrattivi eċċessivi.

68

F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki mill-qorti tar-rinviju, xejn ma jissuġġerixxi li l-benefiċjarji ta’ fondi Ewropej huma dissważi, fit-territorju tar-Repubblika tal-Bulgarija, milli jitolbu tali fondi minħabba l-eżistenza ta’ piżijiet amministrattivi eċċessivi.

69

Min-naħa l-oħra, il-kontrolli ex post imwettqa minn awtorità ta’ ġestjoni u minn awtorità tal-awditjar ma jistgħux jaffettwaw il-legalità ta’ deċiżjoni ta’ għoti li saret definittiva fir-rigward tal-parteċipanti fil-kuntratt u tal-awtorità kontraenti, peress li l-evalwazzjonijiet imwettqa f’dan ir-rigward mill-awtorità kontraenti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 89/65/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44).

70

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 2988/95, moqri flimkien mar-Regolament Nru 1303/2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jipprekludix li awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jevalwaw b’mod differenti l-istess ċirkustanzi fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

Fuq l‑ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 58(1) u (4) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2365 tat-18 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, awtorità kontraenti tkun tista’ timponi, skont kriterji ta’ selezzjoni relatati mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tal-operaturi ekonomiċi, rekwiżiti iktar stretti mir-rekwiżiti minimi imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sa fejn tali rekwiżiti jkunu xierqa sabiex jiżguraw li kandidat jew offerent ikollu kompetenzi tekniċi u professjonali neċessarji sabiex jeżegwixxi l-kuntratt li għandu jingħata, li jkunu relatati mas-suġġett tal-kuntratt u li jkunu proporzjonali miegħu.

 

2)

L‑Artikolu 8(3) tar‑Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat‑18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, moqri flimkien mar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jipprekludix li awtoritajiet nazzjonali li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea jevalwaw b’mod differenti l-istess ċirkustanzi fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top