Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0163

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Novembru 2022.
    AD et vs PACCAR Inc et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Juzgado Mercantil de Barcelona.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Direttiva 2014/104/UE – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 22(2) – Applikabbiltà ratione temporis – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Artikolu 5(2) – Produzzjoni ta’ ċerti provi jew kategoriji rilevanti ta’ provi abbażi ta’ informazzjoni fattwali raġonevolment disponibbli – Artikolu 5(3) – Eżami tal-proporzjonalità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi – Ibbilanċjar tal-interessi leġittimi tal-partijiet u ta’ terzi – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.
    Kawża C-163/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:863

     SENTENZA TAL‑QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

    10 ta’ Novembru 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Kumpens għad-dannu kkawżat minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE – Ftehimiet kollużivi dwar l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tat-trakkijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) – Direttiva 2014/104/UE – Regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni fid-dritt nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 22(2) – Applikabbiltà ratione temporis – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) – Kunċett ta’ provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz – Artikolu 5(2) – Produzzjoni ta’ ċerti provi jew kategoriji rilevanti ta’ provi abbażi ta’ informazzjoni fattwali raġonevolment disponibbli – Artikolu 5(3) – Eżami tal-proporzjonalità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi – Ibbilanċjar tal-interessi leġittimi tal-partijiet u ta’ terzi – Portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet”

    Fil-Kawża C‑163/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Mercantil no 7 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 7 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2021, fil-proċedura

    AD et.

    vs

    PACCAR Inc,

    DAF TRUCKS NV,

    DAF Trucks Deutschland GmbH

    IL-QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

    komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

    Reġistratur: A. Calot Escobar,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal AD et., minn J. A. Roger Gámir, abogado, u F. Bertrán Santamaría, procurador,

    għal PACCAR Inc, DAF TRUCKS NV u DAF Trucks Deutschland GmbH, minn C. Gual Grau, abogado, M. de Monchy u J. K. de Pree, advocaten, D. Sarmiento Ramírez-Escudero u P. Vidal Martínez, abogados,

    għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Baches Opi, A. Carrillo Parra u F. Jimeno Fernández, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, AD u l‑44 rikorrent l-ieħor fil-kawża prinċipali u min-naħa l-oħra, PACCAR Inc, DAF Trucks NV u DAF Trucks Deutschland GmbH, dwar il-kumpens għal dannu allegat minħabba l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-kumpanniji fi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ikkonstatat u ssanzjonat mill-Kummissjoni Ewropea.

    Il‑kuntest ġuridiku

    Id‑dritt tal‑Unjoni

    3

    Il-premessa 6 tad-Direttiva 2014/104 tistipula:

    “Sabiex jiġu żgurati azzjonijiet ta’ infurzar privat skont il-liġi ċivili u infurzar pubbliku effettiv mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, huwa meħtieġ li ż-żewġ għodod jinteraġixxu biex tiġi żgurata l-effettività massima tar-regoli dwar il-kompetizzjoni. Huwa meħtieġ li tiġi rregolata l-koordinazzjoni ta’ dawk iż-żewġ forom ta’ infurzar, b’mod koerenti, pereżempju fir-rigward tal-arranġamenti għall-aċċess għad-dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni. […]”.

    4

    Skont il-premessa 14 ta’ din id-direttiva:

    “Azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni [Ewropea] jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni tipikament jirrikjedu analiżi fattwali u ekonomika kumplessa. L-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rekwiżiti legali stretti biex l-atturi jiddikjaraw fid-dettal il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn qabel elementi ta’ evidenza ta’ sostenn speċifikati b’mod preċiż jistgħu jimpedixxu indebitament l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għall-kumpens iggarantit mit-TFUE”.

    5

    Il-premessa 15 tal-imsemmija direttiva tipprovdi:

    “L-evidenza hija element importanti biex jitressqu azzjonijiet għad-danni għal ksur tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Madankollu, billi l-litigazzjoni rigward il-liġi tal-kompetizzjoni hija kkaratterizzata minn asimmetrija tal-informazzjoni, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-atturi jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza. Sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-mezzi, dawn tal-aħħar għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk l-atturi. Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu wkoll jordnaw li l-evidenza tingħata minn partijiet terzi, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi. Meta l-qorti nazzjonali tkun tixtieq tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza mill-Kummissjoni, japplika l-prinċipju fl-Artikolu 4(3) TUE ta’ kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u l-Artikolu 15(1) tar-Regolament [Nru 1/2003] fir-rigward tat-talbiet għall-informazzjoni. […]”.

    6

    Il-premessa 16 tal-istess direttiva hija fformulata kif ġej:

    “Il-Qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu, taħt il-kontroll strett tagħhom, speċjalment rigward in-neċessità u l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ divulgazzjoni, jordnaw divulgazzjoni ta’ partijiet speċifiċi ta’ evidenza jew kategoriji ta’ evidenza fuq talba ta’ parti. Mir-rekwiżit tal-proporzjonalità jirriżulta li jista’ jkun hemm ordni għad-divulgazzjoni biss ladarba attur jistabbilixxi b’mod kredibbli, fuq il-bażi ta’ fatti li huma disponibbli għal dak l-attur b’mod raġonevoli, li l-attur ikun ġarrab ħsara li ġiet ikkawżata mill-konvenut. Meta talba għad-divulgazzjoni għandha l-għan li tikseb kategorija ta’ evidenza, dik il-kategorija għandha tiġi identifikata b’referenza għal karatteristiċi komuni tal-elementi kostituttivi tagħha bħan-natura, is-suġġett jew il-kontenut tad-dokumenti li ntalbet id-divulgazzjoni tagħhom, iż-żmien li matulu tfasslu, jew kriterji oħra, dment li l-evidenza li taqa’ f’din il-kategorija hija rilevanti skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. Tali kategoriji għandhom jiġu definiti b’mod kemm jista’ jkun preċiż u strett abbażi ta’ fatti raġonevolment disponibbli”.

    7

    Il-premessa 28 tad-Direttiva 2014/104 hija fformulata kif ġej:

    “Il-qrati nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw fi kwalunkwe ħin, fil-kuntest ta’ azzjoni għal danni, id-divulgazzjoni ta’ evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni (‘informazzjoni preeżistenti’)”.

    8

    Skont il-premessa 39 ta’ din id-direttiva:

    “[…] Huwa xieraq li jiġi previst li l-kontraventur, sakemm jinvoka d-difiża bbażata fuq it-trasferiment, jrid jagħti prova tal-eżistenza u l-limitu tat-trasferiment tal-ispejjeż żejda. Dan l-obbligu tal-prova ma għandux jaffettwa l-possibbiltà għall-kontraventur li juża evidenza minbarra dik li mhix fil-pussess tiegħu, bħall-evidenza diġà akkwistati fil-proċedimenti jew l-evidenza miżmuma minn partijiet oħra jew partijiet terzi”.

    9

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

    “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    […]

    (13)

    ‘evidenza’ tfisser kull tip ta’ mezz ta’ prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali invokata, partikolarment dokumenti u l-oġġetti l-oħra kollha li jkun jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna;

    […]

    (17)

    ‘informazzjoni preeżistenti’ tfisser evidenza li teżisti irrispettivament mill-proċedimenti ta’ awtorità kompetenti, kemm jekk tali informazzjoni tinsabx jew le fil-fajl ta’ awtorità tal-kompetizzjoni;

    […]”.

    10

    L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Divulgazzjoni tal-evidenza”, jipprovdi:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi proċedimenti relatati ma’ azzjoni għal danni fl-Unjoni fuq talba ta’ attur li jkun ippreżenta ġustifikazzjoni raġunata li tkun tinkludi fatti u evidenza disponibbli b’mod raġonevoli suffiċjenti biex isostnu l-plawsibbiltà tal-pretensjoni tiegħu għad-danni, il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw lill-konvenut jew lil parti terza biex jiddivulgaw evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom], soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-Kapitolu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu, fuq talba tal-konvenut, jordnaw lill-attur jew lil parti terza biex jiddivulgaw l-evidenza rilevanti.

    Dan il-paragrafu huwa bla preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-qrati nazzjonali skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 [tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat‑28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta’ l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121)].

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jordnaw id-divulgazzjoni ta’ elementi speċifiċi ta’ evidenza jew ta’ kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta’ fatti disponibbli b’mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jillimitaw id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat. Fid-determinazzjoni ta’ jekk kwalunkwe divulgazzjoni mitluba minn parti hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom iqisu l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati. Partikolarment għandhom jikkunsidraw:

    (a)

    safejn il-pretensjoni jew id-difiża hija appoġġata mill-fatti u l-evidenza disponibbli li jiġġustifikaw it-talba għad-divulgazzjoni tal-evidenza;

    (b)

    l-ambitu u l-ispiża biex issir id-divulgazzjoni, speċjalment għal kwalunkwe part terza kkonċernata, inkluż l-evitar ta’ tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x’aktarx ma tkunx ta’ rilevanza għall-partijiet fil-proċedura;

    (c)

    jekk l-evidenza li qed tintalab id-divulgazzjoni tagħha fihiex informazzjoni kunfidenzjali, speċjalment li tikkonċerna xi parti terza, u x’arranġamenti huma fis-seħħ għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni kunfidenzjali.

    […]”.

    11

    L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

    “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji


    biex jaderixxu ma’ din id-Direttiva sas‑27 ta’ Diċembru 2016. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    […]”.

    12

    L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jistipula:

    “1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-Direttiva ma japplikawx retroattivament.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, ma japplikawx għal azzjonijiet għal danni mressqa quddiem qorti qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014.

    Id‑dritt Spanjol

    13

    Id-Direttiva 2014/104 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol permezz tar-Real Decreto-ley 9/2017, por el que se transponen directivas de la Unión Europea en los ámbitos financiero, mercantil y sanitario, y sobre el desplazamiento de trabajadores (id-Digriet-Liġi Irjali 9/2017, li Jittrasponi d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea fil-Qasam Finanzjarju, Dak tal-Kummerċ u Dak tas-Saħħa kif ukoll dwar iċ-Ċaqliq tal-Ħaddiema), tas‑26 ta’ Mejju 2017 (BOE Nru 126, tas‑27 ta’ Mejju 2017, p. 42820).

    14

    Id-Digriet-Liġi Irjali 9/2017 żied l-Artikolu 283a(a) mal-Ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi Nru 1/2000 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑7 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 7, tat‑8 ta’ Jannar 2000, p. 575, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), dwar il-produzzjoni ta’ provi fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji relatati ma’ rikorsi għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kontenut tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni huwa identiku għal dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104.

    15

    Barra minn hekk, l-Artikolu 328 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprovdi, essenzjalment, li kull parti tista’ titlob mingħand il-partijiet l-oħra l-produzzjoni ta’ dokumenti, billi ma’ din it-talba tehmeż kopja sempliċi ta’ dawn jew, jekk din il-kopja ma teżistix jew ma tkunx għad-dispożizzjoni tagħha, tindika fl-iktar termini eżatti il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti.

    16

    Fl-aħħar, l-Artikolu 330 ta’ dan il-kodiċi jindika, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, li huwa possibbli li terzi fil-kawża jintalbu jipproduċu id-dokumenti fil-propjetà tagħhom jekk il-qorti adita tikkonstata li tali dokumenti huma essenzjali għas-soluzzjoni ta’ din il-kawża.

    Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

    17

    Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Il-Każ AT.39824 – Trakkijiet), li sommarju tagħha ġie ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ April 2017 (ĠU 2017, C 108, p. 6). Il-konvenuti fil-kawża prinċipali huma fost id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni.

    18

    F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li ħmistax-il manifatturi ta’ trakkijiet, fosthom il-konvenuti fil-kawża prinċipali, kienu pparteċipaw f’akkordju fil-forma ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat‑2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), dwar ftehimiet kollużivi rigward l-iffissar tal-prezzijiet u ż-żieda tal-prezzijiet gross tal-vetturi trakkijiet medji u tat-trakkijiet tqal fiż-ŻEE.

    19

    Fir-rigward tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, dan il-ksur ġie stabbilit għall-perijodu ta’ bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

    20

    Fil‑25 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li xtraw trakkijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur li kien is-suġġett tad-deċiżjoni C(2016) 4673 final, talbu lill-Juzgado de lo Mercantil no 7 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 7 ta’ Barcelona, Spanja), il-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 283a(a) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-aċċess għall-provi miżmuma mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, huma sostnew il-bżonn li jiksbu ċerti mezzi ta’ provi sabiex jikkwantifikaw iż-żieda artifiċjali fil-prezzijiet, b’mod partikolari sabiex iwettqu l-paragun tal-prezzijiet irrakkomandati qabel, matul u wara l-perijodu tal-akkordju kkonċernat.

    21

    Waqt is-seduta quddiem il-qorti tar-rinviju tas‑7 ta’ Ottubru 2019 u fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eventwali tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, il-konvenuti fil-kawża prinċipali, min-naħa tagħhom, invokaw, fost argumenti oħra, il-fatt li wħud mid-dokumenti mitluba kienu jeħtieġu elaborazzjoni ad hoc u li tali obbligu jinvolvi fil-konfront tagħhom oneru eċċessiv, li jmur lil hinn minn sempliċi “ordni li tipproduċi” provi, li, b’mod partikolari, tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    22

    Skont il-qorti tar-rinviju, kemm mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104 kif ukoll mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, kif emendat mid-Digriet-Liġi Irjali 9/2017, li jirregolaw il-produzzjoni tal-provi rilevanti, jirriżulta li hija tista’, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tordna lir-rikorrent, lill-konvenut jew lil terz sabiex “jiddivulgaw evidenza rilevanti li tinsab fil-pussess tagħhom”.

    23

    F’dan il-każ, it-talba għall-produzzjoni ta’ provi tirrigwarda dokumenti li, kif mitluba, jistgħu ma jkunux jeżistu qabel din it-talba, li għalhekk jeħtieġ li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jwettqu xogħol ta’ elaborazzjoni, li jikkonsisti fil-kompilazzjoni u fil-klassifikazzjoni ta’ data skont il-parametri ddefiniti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dan il-kompitu jeċċedi s-sempliċi tfittxija u s-selezzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti jew is-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tad-data kollha kkonċernata, permezz tat-trattament kunfidenzjali tagħha, peress li dan jinvolvi l-ġbir f’dokument ġdid, fuq mezz diġitali jew mezz ieħor, tal-informazzjoni, l-għarfien jew id-data li tinsab fil-pussess tal-parti li lilha tkun indirizzata t-talba għall-produzzjoni ta’ provi.

    24

    Issa, in-neċessità li d-dokument, li l-produzzjoni tiegħu hija mitluba, jkun jeżisti qabel it-talba li tagħha huwa s-suġġett, tidher li tirriżulta mill-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) u mill-premessa 14 tad-Direttiva 2014/104, li jirreferu rispettivament għall-“evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom]” u għall-“evidenza […] esklużivament f’idejn il-kontroparti”, li, skont il-qorti tar-rinviju, tikkonferma l-idea li d-dokument mitlub għandu jkun jeżisti qabel it-talba, li huwa s-suġġett tagħha u li ma nħoloqx sussegwentement għaliha. Din l-idea ta’ preeżistenza tirriżulta wkoll mir-rekwiżit li t-talba kkonċernata tirrigwarda l-“kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta’ fatti disponibbli b’mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunata”, skont l-Artikolu 5(2) u l-premessa 16 ta’ din id-direttiva. L-esklużjoni ta’ dokumenti mfassla ex novo mid-dokumenti li jistgħu jintalbu skont l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva tista’ barra minn hekk tiġi dedotta mill-fatt li din tal-aħħar issemmi l-produzzjoni jew l-aċċess għal provi, f’dan il-każ provi dokumentali, iżda ma tagħmilx riferiment għall-produzzjoni jew għall-aċċess għal informazzjoni, għal għarfien jew għal data.

    25

    F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha, sa fejn ċerti argumenti invokati favur interpretazzjoni iktar wiesgħa jistgħu jkunu fondati. Għalhekk, jista’ jiġi kkunsidrat li interpretazzjoni restrittiva fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi tippreġudika d-dritt għall-kumpens sħiħ tad-dannu subit. Barra minn hekk, id-Direttiva 2014/104 issemmi l-ispejjeż u l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-provi bħala element tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-finijiet tal-aċċettazzjoni ta’ din il-produzzjoni, li jista’ jfisser li l-parti li lilha jkunu ntalbu l-provi għandha l-obbligu li twettaq xogħol li jista’ jwassal għal spejjeż u li jista’, għaldaqstant, imur lil hinn mis-sempliċi riċerka u mill-għotja ta’ dokumenti diġà eżistenti.

    26

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Mercantil no 7 de Barcelona (il-Qorti Kummerċjali Nru 7 ta’ Barcelona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva [2014/104], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-produzzjoni ta’ provi rilevanti tagħmel riferiment biss għad-dokumenti diġà eżistenti fil-pussess ta’ konvenut jew ta’ terz li jeżistu diġà jew jekk, għall-kuntrarju, l-Artikolu 5(1) jinkludi wkoll il-possibbiltà ta’ produzzjoni ta’ dokumenti li l-parti li lilha hija indirizzata t-talba għal [produzzjoni ta’ provi] jkollha toħloq ex novo, billi tgħaqqad jew tikklassifika informazzjoni, għarfien jew data li huma fil-pussess tagħha?”

    Fuq id‑domanda preliminari

    Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tas-subparagrafu 1 tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104

    27

    Qabel kollox għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2014/104, li din tal-aħħar tinkludi dispożizzjoni speċjali, li tistabbilixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet sostantivi u mhux sostantivi tagħha (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    28

    Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 21 tagħha sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva, ma japplikawx retroattivament.

    29

    Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104, l-Istati Membri kellhom jiżguraw li l-ebda dispożizzjoni nazzjonali minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva ma japplikaw għal rikorsi għad-danni mressqa quddiem qorti nazzjonali qabel is‑26 ta’ Diċembru 2014, data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva.

    30

    Għaldaqstant, sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/104, fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjoni kkonċernata tikkostitwixxix dispożizzjoni sostantiva jew le, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata, fl-assenza ta’ riferiment għad-dritt nazzjonali fl-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u mhux fid-dawl tad-dritt nazzjonali applikabbli (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 3839).

    31

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmija direttiva huwa intiż sabiex jagħti lill-qrati nazzjonali l-possibbiltà li jordnaw lill-konvenut jew lil terz, taħt ċerti kundizzjonijiet, jipproduċu provi rilevanti li jinsabu fil-pussess tagħhom.

    32

    Sa fejn tobbliga lill-Istati Membri jagħtu lil dawn il-qrati setgħat partikolari fil-kuntest tal-eżami tal-kawżi li jirrigwardaw ir-rikorsi għad-danni intiżi għall-kumpens tad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni li tikkaratterizza, bħala prinċipju, dawn il-kawżi għad-detriment tal-persuna leża, kif imfakkar fil-premessa 47 tad-Direttiva 2014/104, u li tirrendi iktar diffiċli għal din il-persuna l-kisba ta’ informazzjoni indispensabbli sabiex tippreżenta rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punti 5583).

    33

    It-tieni, peress li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu preċiżament l-għan li jippermetti lir-rikorrent f’tali kawżi jikkumpensa d-defiċit ta’ informazzjoni li huwa tiegħu, dan ċertament iwassal għat-tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ din il-parti, meta tindirizza għal dan il-għan lill-qorti nazzjonali, assi li huwa ma kellux. Xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għan ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) jirrigwarda biss il-miżuri proċedurali applikabbli quddiem il-qrati nazzjonali, li jagħtuhom setgħat partikolari sabiex jistabbilixxu l-fatti invokati mill-partijiet fil-kuntest tal-kawżi li jirrigwardaw ir-rikorsi għad-danni għal tali ksur u għalhekk ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali ta’ dawn il-partijiet, sa fejn din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali.

    34

    B’mod partikolari, ma jidhirx li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 jistabbilixxi obbligi sostantivi ġodda imposti fuq parti jew oħra f’dawn it-tip ta’ kawżi, li jippermetti li din id-dispożizzjoni titqies bħala sostantiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Volvo u DAF Trucks, C‑267/20, EU:C:2022:494, punt 83).

    35

    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 ma jinsabx fost id-dispożizzjonijiet sostantivi ta’ din id-direttiva, fis-sens tal-Artikolu 22(1) tagħha, u li huwa jagħmel parti, konsegwentement, minn dispożizzjonijiet oħra msemmija fl-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva, li hija, safejn hija kkonċernata, dispożizzjoni proċedurali.

    36

    It-tieni, peress li r-rikors fil-kawża prinċipali ġie, f’dan il-każ, ippreżentat fil‑25 ta’ Marzu 2019, jiġifieri wara s‑26 ta’ Diċembru 2014 u wara d-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2014/104 fl-ordinament ġuridiku Spanjol, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva huwa applikabbli ratione temporis għal tali rikors skont l-Artikolu 22(2) tal-imsemmija direttiva, b’tali mod li hemm lok li tingħata risposta fuq il-mertu lill-qorti tar-rinviju.

    Fuq il‑mertu

    37

    Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni li ssir għall-produzzjoni tal-provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz tirrigwarda biss id-dokumenti fil-pussess tagħhom li diġà jeżistu jew anki dawk li l-parti li lilha tkun indirizzata t-talba għall-produzzjoni tal-provi għandha toħloq ex novo, billi tgħaqqad jew tikklassifika informazzjoni, għarfien jew data fil-pussess tagħha.

    38

    F’dak li jirrigwarda l-portata tal-kliem “li […] jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess]” li jinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, huwa importanti, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha tiġi interpretata, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Nikopolis AD Istrum 2010 u Agro – eko 2013, C‑160/21 u C‑217/21, EU:C:2022:315, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    39

    Fl-ewwel lok, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex jiġi kkunsidrat li, kif tosserva l-qorti tar-rinviju u kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, din tikkonċerna biss, fir-rigward ta’ talba għall-produzzjoni ta’ provi mressqa mir-rikorrent quddiem il-qorti nazzjonali kkonċernata, il-provi li kienu jeżistu qabel.

    40

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, l-ewwel, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-definizzjoni tal-kelma “evidenza” li tinsab fil-punt 13 tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, il-portata ta’ din il-kelma tikkundizzjona dak li jinsab “fil-pussess” tal-konvenut jew ta’ terz, fis-sens tal-ewwel dispożizzjoni.

    41

    Issa, skont il-punt 13 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/104, l-imsemmija kelma tirreferi għal “kull tip ta’ mezz ta’ prova ammissibbli quddiem il-qorti nazzjonali invokata, partikolarment dokumenti u l-oġġetti l-oħra kollha li jkun jinkludi informazzjoni, irrispettivament mill-mezz fejn l-informazzjoni hija maħżuna”. Minbarra l-fatt li l-kelma “evidenza” hija fiha nnifisha kelma ġenerali, din id-definizzjoni ssostni, fir-rigward tan-natura tal-provi li l-produzzjoni tagħhom tista’ tiġi ordnata minn din il-qorti nazzjonali, it-tifsira wiesgħa ta’ din il-kelma “evidenza” li tirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, fl-imsemmija definizzjoni ma ssir ebda distinzjoni abbażi tan-natura preeżistenti jew le tal-provi li jintalbu l-produzzjoni tagħhom. Minn dan isegwi li l-provi msemmija f’din l-aħħar dispożizzjoni ma jikkorrispondux neċessarjament għal “dokumenti” eżistenti minn qabel, hekk kif il-qorti tar-rinviju tagħti x’tifhem fid-domanda preliminari tagħha.

    42

    Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-premessi 28 u 39 tad-Direttiva 2014/104, li jsemmu rispettivament “evidenza li teżisti indipendentement mill-proċedimenti ta’ awtorità ta’ kompetizzjoni” u “evidenza minbarra dik li mhix fil-pussess” tal-awtur tal-ksur, “bħall-evidenza diġà akkwistati fil-proċedimenti jew l-evidenza miżmuma minn partijiet oħra jew partijiet terz”, u b’hekk tfakkar id-diversità tal-provi kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tal-persuni li jżommuha.

    43

    It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 huwa kompost minn żewġ sentenzi. L-ewwel waħda tipprevedi li rikorrent, li jkun sostna l-plawżibbiltà tat-talba tiegħu għad-danni billi jippreżenta informazzjoni fattwali u “evidenza disponibbli b’mod raġonevoli” suffiċjenti, jista’ jikseb mingħand il-qorti nazzjonali li tkun adita li tordna lill-konvenut jew lil terz jipproduċu “evidenza rilevanti li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom]”, bla ħsara għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, intitolat “Divulgazzjoni tal-evidenza”. It-tieni waħda tistipula li l-konvenut għandu jkun jista’ jitlob lil din il-qorti tordna lir-rikorrent jew lil terz sabiex jipproduċi “evidenza rilevanti”. Għalhekk għandha tiġi rrilevata differenza fit-tfassil ta’ bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104, peress li hija biss l-ewwel sentenza li ssemmi l-kliem “li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom]”.

    44

    Il-premessa 14 tad-Direttiva 2014/104 hija partikolarment istruttiva fir-rigward tar-ratio legis ta’ dawn iż-żewġ sentenzi, peress li tistipula li, “[l]-evidenza meħtieġa biex tiġi ppruvata pretensjoni għad-danni hija ħafna drabi esklużivament f’idejn il-kontroparti jew il-partijiet terzi, u ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur jew ma tkunx aċċessibbli għalih”, raġuni għalfejn ma jistgħux jiġu imposti “rekwiżiti legali stretti biex l-atturi jiddikjaraw fid-dettal il-fatti kollha dwar il-każ sa mill-bidu tal-azzjoni u biex jipprovdu minn qabel elementi ta’ evidenza ta’ sostenn speċifikati b’mod preċiż” mingħajr ma jimpedixxi bla bżonn l-eżerċizzju effettiv tad-dritt għal kumpens garantit mit-Trattat FUE.

    45

    Konsegwentement, billi jirreferi għall-provi “fil-pussess” tal-konvenut jew ta’ terz, il-leġiżlatur tal-Unjoni jagħmel qabel kollox konstatazzjoni fattwali, li turi n-nuqqas ta’ simetrija fl-informazzjoni li huwa għandu l-intenzjoni li jirrimedja, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, u hija wkoll din il-konstatazzjoni li tispjega l-assenza ta’ repetizzjoni tal-kliem “li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom]” fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104. Fil-fatt, peress li din it-tieni sentenza tirrigwarda talba għall-produzzjoni ta’ provi ppreżentata din id-darba mill-konvenut u li, “[l]-evidenza meħtieġa […] ħafna drabi […] ma tkunx magħrufa biżżejjed mill-attur”, kien ikun kontradittorju li wieħed jassumi li dawn il-provi kienu “fil-pussess” ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, din hija r-raġuni għalfejn din id-dispożizzjoni sempliċement teżiġi mingħandu “evidenza disponibbli b’mod raġonevoli suffiċjenti”, fid-dawl ta’ ftit elementi li huwa għandu b’mod ġenerali meta jippreżenta rikors għad-danni.

    46

    F’dan l-aħħar rigward, il-premessa 15 tad-Direttiva 2014/104, filwaqt li tfakkar, għal darba oħra, li r-raġuni għall-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva hija li l-kawżi li jirrigwardaw id-dritt tal-kompetizzjoni huma kkaratterizzati minn nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati, tindika, minn naħa, li, sabiex tiġi solvuta tali diffikultà, “huwa xieraq li jiġi żgurat li l-atturi jkollhom id-dritt li jiksbu d-divulgazzjoni tal-evidenza li tirrigwarda l-pretensjoni tagħhom, mingħajr ma jkun meħtieġ li jispeċifikaw il-partijiet speċifiċi tal-evidenza” u, min-naħa l-oħra, “dawn [il-mezzi] għandhom ikunu wkoll disponibbli għall-konvenuti fl-azzjonijiet għad-danni, sabiex ikunu jistgħu jitolbu għad-divulgazzjoni tal-evidenza minn dawk l-atturi”.

    47

    B’hekk, minn din il-premessa jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni enfasizza, hekk kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, fuq ir-“relazzjoni bejn il-prova mitluba u t-talba għad-danni”, li huwa essenzjali għall-qorti nazzjonali kkonċernata sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli dwar it-talba għall-produzzjoni ta’ provi mressqa quddiemha, b’osservanza tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet fil-kawża li tressqet quddiemha.

    48

    Fl-istess sens, iżda b’mod iktar ċar, il-premessa 16 tad-Direttiva 2014/104 tesprimi n-neċessità, għall-qorti nazzjonali adita, li tordna “divulgazzjoni ta’ partijiet speċifiċi ta’ evidenza” jew ta’ “kategoriji ta’ evidenza”, li għandhom jiġu identifikati b’riferiment għal karatteristiċi komuni tal-elementi kostituttivi tagħhom, bħal, pereżempju, fir-rigward ta’ dokumenti, “iż-żmien li matulu tfasslu”.

    49

    B’hekk, il-qari ta’ dawn il-premessi jiċċara l-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 u jenfasizza li r-riferiment magħmul, għal din id-dispożizzjoni, għall-provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz huwa limitat sabiex jirrifletti, kif tfakkar fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-konstatazzjoni li dawn għandhom effettivament, “ħafna drabi”, tali provi, dawn tal-aħħar, mifhuma b’mod ġeneriku, li jistgħu jinġabru flimkien, hekk kif inhu mfakkar fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, f’“kategoriji ta’ evidenza” jew jirrelataw biss ma’ “partijiet speċifiċi ta’ evidenza”. Fi kliem ieħor, l-użu tal-kliem “li huma jkunu jikkontrollaw [li tinsab fil-pussess tagħhom]” huwa intiż sabiex jagħti rendikont ta’ sitwazzjoni fattwali li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-intenzjoni li jirrimedja.

    50

    It-tielet, din l-analiżi hija kkorroborata mill-qari tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 fid-dawl tal-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu, fejn dan il-paragrafu 2 jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ speċifiċità tat-talba għall-produzzjoni ta’ provi, filwaqt li l-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu jfakkar l-applikazzjoni fil-qasam tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    51

    Għalhekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/104 jeżiġi li l-qrati nazzjonali jillimitaw il-produzzjoni tal-provi għal “elementi speċifiċi ta’ evidenza jew […] kategoriji rilevanti ta’ evidenza ċċirkoskritta bl-aktar mod preċiż u bl-aktar mod ristrett possibbli abbażi ta’ fatti disponibbli b’mod raġonevoli fil-ġustifikazzjoni raġunat”.

    52

    L-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva jistipula, min-naħa tiegħu, li l-qrati nazzjonali aditi huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jillimitaw “id-divulgazzjoni tal-evidenza għal dak li huwa proporzjonat”, b’mod partikolari, “l-ambitu u l-ispiża biex issir id-divulgazzjoni, speċjalment għal kwalunkwe part terza kkonċernata, inkluż l-evitar ta’ tiftix mhux speċifiku għal informazzjoni li x’aktarx ma tkunx ta’ rilevanza għall-partijiet fil-proċedura”.

    53

    Issa, tali dispożizzjoni tippreżupponi, impliċitament, iżda neċessarjament, li l-ispiża tal-produzzjoni tal-provi tista’, jekk ikun il-każ, teċċedi b’mod sinjifikattiv dak li jikkorrispondi għas-sempliċi trażmissjoni ta’ mezzi fiżiċi, b’mod partikolari ta’ dokumenti, fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz.

    54

    Fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk din l-analiżi hijiex kompatibbli mal-għan tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104.

    55

    Għandu jitfakkar li l-leġiżlatur tal-Unjoni, meta adotta d-Direttiva 2014/104, telaq mill-konstatazzjoni li l-ġlieda kontra l-aġir antikompetittiv fuq l-inizjattiva tal-isfera pubblika, jiġifieri tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali, ma kinitx suffiċjenti sabiex tiżgura l-osservanza sħiħa tal-Artikoli 101 u 102 TFUE u li kien importanti li tiġi ffaċilitata l-possibbiltà, għall-isfera privata, li tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ dan l-għan, kif turi l-premessa 6 ta’ din id-direttiva.

    56

    Din il-parteċipazzjoni tal-isfera privata għas-sanzjoni pekunjarja, u, għalhekk, anki għall-prevenzjoni, ta’ aġir antikompetittiv hija iktar u iktar mixtieqa peress li hija ta’ natura mhux biss li tirrimedja d-dannu dirett li l-persuna kkonċernata tallega li ġarrbet, iżda wkoll id-danni indiretti relatati mal-istruttura u l-funzjonament tas-suq, li ma jkunx seta’ jkollu l-effettività ekonomika sħiħa tiegħu, b’mod partikolari għall-benefiċċju tal-konsumaturi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 36).

    57

    Sabiex tagħmel il-ħaġa possibbli u, fl-istess ħin, tevita l-użu abbużiv ta’ tali proċeduri, id-Direttiva 2014/104 tistabbilixxi bbilanċjar “[ta]l-interessi leġittimi tal-partijiet u l-partijiet terzi kollha kkonċernati”, skont l-Artikolu 5(3) ta’ din id-direttiva.

    58

    F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa ħsieb, b’mod partikolari fl-Artikolu 6(5) tal-imsemmija direttiva, li jippreżerva l-prerogattivi tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-obbligu li jipproduċu provi min-naħa tagħhom jew ta’ dik tal-impriżi koperti minn waħda mill-investigazzjonijiet tagħhom ma jiġix ppreġudikat.

    59

    Il-kisba tal-għan indikat fil-punt 55 ta’ din is-sentenza kienet tippresupponi l-implimentazzjoni ta’ għodod ta’ natura li jirrimedjaw in-nuqqas ta’ simetrija fl-informazzjoni bejn il-partijiet fil-kawża, peress li, bħala definizzjoni, l-awtur tal-ksur jaf x’għamel u dak li kien, jekk ikun il-każ, ġie akkużat bih u jaf bil-provi li setgħu, f’każ bħal dan, iservu lill-Kummissjoni jew lill-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali kkonċernata sabiex turi l-parteċipazzjoni tiegħu f’aġir antikompetittiv kuntrarju għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, filwaqt li l-vittma tal-preġudizzju kkawżat minn dan l-aġir ma jkollhiex dawn il-provi.

    60

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar l-għan tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata.

    61

    L-ewwel, għandu jiġi osservat, minn perspettiva prattika, li l-fatt li l-parti rikorrenti tirċievi biss dokumenti mhux ipproċessati minn qabel, possibbilment numerużi ħafna, jikkorrispondi biss b’mod imperfett għat-talba tagħha, filwaqt li, għall-kuntrarju, huwa neċessarju li din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’mod effikaċi sabiex tipprovdi lill-partijiet leżi bl-għodda ta’ natura li jikkumpensaw in-nuqqas ta’ simetrija tal-informazzjoni bejn il-partijiet fil-kawża.

    62

    It-tieni, l-esklużjoni mill-ewwel tal-possibbiltà li tintalab il-produzzjoni ta’ dokumenti jew ta’ provi oħra li l-parti li lilha tkun indirizzata t-talba għandha toħloq ex novo twassal, f’ċerti każijiet, għall-ħolqien ta’ ostakoli li jirrendu iktar diffiċli l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni permezz tal-isfera privata, filwaqt li, kif jirriżulta mill-punt 55 ta’ din is-sentenza, il-faċilitazzjoni ta’ din l-implimentazzjoni tikkostitwixxi l-għan ewlieni tad-Direttiva 2014/104, muri mill-premessa 6 ta’ din tal-aħħar.

    63

    Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li tfixkel il-bilanċ bejn l-interess tar-rikorrent li jikseb l-informazzjoni rilevanti għall-kawża tiegħu u l-interess tal-persuna li tiġi ordnata tipproduċi din l-informazzjoni li tiġi ppreżervata minn “spedizzjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni”, kif deskritt fil-premessa 23 ta’ din id-direttiva, u ta’ oneru eċċessiv f’dan ir-rigward.

    64

    Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 5(2) u (3) tad-Direttiva 2014/104 li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa mekkaniżmu ta’ bbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, taħt l-istħarriġ strett tal-qrati nazzjonali aditi, li għandhom iwettqu, kif jirriżulta mill-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, eżami impenjattiv tat-talba sottomessa lilhom, f’dak li jirrigward ir-rilevanza tal-provi mitluba, ir-rabta bejn dawn il-provi u t-talba għad-danni mressqa, in-natura suffiċjenti tal-livell ta’ preċiżjoni tal-imsemmija provi u l-proporzjonalità tagħhom. Għaldaqstant, huma dawn il-qrati li għandhom jevalwaw jekk it-talba għall-produzzjoni ta’ provi mwettqa ex novo abbażi ta’ provi diġà eżistenti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz tirriskjax, fid-dawl, pereżempju, tan-natura eċċessiva jew wisq ġenerali tagħha, li timponi piż sproporzjonat fuq il-konvenut jew fuq it-terz ikkonċernat, kemm f’termini ta’ spiża jew il-piż tax-xogħol li din it-talba tikkawża.

    65

    F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-prerogattivi li għandhom il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ spezzjoni u ta’ komunikazzjoni ta’ dokumenti, ma jistax ikun hemm kwistjoni li jiġu trasposti l-prinċipji applikabbli għall-ġlieda kontra l-aġir antikompetittiv fuq l-inizjattiva tal-isfera pubblika għal din il-ġlieda meta din tal-aħħar tintervjeni fuq l-inizjattiva tal-isfera privata.

    66

    Madankollu, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, u li l-qrati nazzjonali aditi għandhom jiżguraw l-osservanza tagħhom, l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 ma tistax twassal sabiex il-konvenuti fil-kawża prinċipali jissostitwixxu ruħhom għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-kompitu tagħhom li juru l-eżistenza u l-portata tad-dannu subit. Dan ir-raġunament japplika, iktar u iktar, għall-proċeduri li fil-kuntest tagħhom ebda aġir li jikkostitwixxi ksur ma ġie, preċedentement, issanzjonat mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni.

    67

    Barra minn hekk, kif tfakkar fil-premessa 53 ta’ din id-direttiva, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jiġu implimentati b’rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    68

    Għalhekk, f’dan il-kuntest, il-qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, in-natura adegwata jew le tal-piż tax-xogħol u tal-ispiża kkawżata mill-kostituzzjoni ex novo ta’ mezzi fiżiċi, b’mod partikolari ta’ dokumenti, u jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża kkonċernata, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterji elenkati fl-Artikolu 5(3)(a) sa (c) tal-imsemmija direttiva, bħall-perijodu li għalih il-produzzjoni tal-provi hija mitluba.

    69

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjoni li ssir tal-provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz tirrigwarda wkoll dawk li l-parti li lilha ssir it-talba għal produzzjoni tal-provi għandha toħloq ex novo, billi tgħaqqad jew tikklassifika informazzjoni, għarfien jew data fil-pussess tagħha, bla ħsara għall-osservanza stretta tal-Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id-direttiva li jobbliga lill-qrati nazzjonali aditi li jillimitaw il-produzzjoni tal-provi għal dak li hu rilevanti, proporzjonat u neċessarju, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali ta’ dik il-parti.

    Fuq l‑ispejjeż

    70

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2014/104 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    l-indikazzjoni li ssir tal-provi rilevanti fil-pussess tal-konvenut jew ta’ terz tirrigwarda wkoll dawk li l-parti li lilha ssir it-talba għal produzzjoni tal-provi għandha toħloq ex novo, billi tgħaqqad jew tikklassifika informazzjoni, għarfien jew data fil-pussess tagħha, bla ħsara għall-osservanza stretta tal-Artikolu 5(2) u (3) ta’ din id-direttiva, li jobbliga lill-qrati nazzjonali aditi li jillimitaw il-produzzjoni tal-provi għal dak li hu rilevanti, proporzjonat u neċessarju, filwaqt li jitqiesu l-interessi leġittimi u d-drittijiet fundamentali ta’ dik il-parti.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

    Top