EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0158

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Jannar 2023.
Proċeduri kriminali kontra Lluís Puig Gordi et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Possibbiltà li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid intiż għall-istess persuna.
Kawża C-158/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:57

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ aċċess għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Possibbiltà li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid intiż għall-istess persuna”

Fil-Kawża C‑158/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Marzu 2021, fil-proċeduri kriminali kontra

Lluís Puig Gordi,

Carles Puigdemont Casamajó,

Antoni Comín Oliveres,

Clara Ponsatí Obiols,

Meritxell Serret Aleu,

Marta Rovira Vergés,

Anna Gabriel Sabaté,

fil-preżenza ta’:

Ministerio Fiscal,

Abogacía del Estado,

Partido político VOX

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, M. L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President, C. Lycourgos, E. Regan, P. G. Xuereb u L.S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.-C. Bonichot, N. Piçarra, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑5 ta’ April 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Puig Gordi, minn S. Bekaert, advocaat, u G. Boyé Tuset, abogado,

għal C. Puigdemont Casamajó, minn G. Boyé Tuset, abogado,

għal A. Comín Oliveres, minn G. Boyé Tuset, J. Costa Rosselló u I. Elbal, abogados,

għal C. Ponsatí Obiols, minn G. Boyé Tuset u I. Elbal Sánchez, abogados,

għal M. Rovira Vergés, minn A. Van den Eynde Adroer, abogado,

għal A. Gabriel Sabaté, minn B. Salellas Vilar, abogado,

għall-Ministerio Fiscal, minn F. A. Cadena Serrano, C. Madrigal Martínez-Pereda, J. Moreno Verdejo u J. A. Zaragoza Aguado, fiscales,

għall-Partido político VOX, minn M. Castro Fuertes, abogada, u M. P. Hidalgo López, procuradora,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, A. Gavela Llopis u J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, C. Pochet u M. Van Regemorter, bħala aġenti, assistiti minn F. Matthis u B. Renson, avocats,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, u rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra Lluís Puig Gordi, Carles Puigdemont Casamajó, Antoni Comín Oliveres, Clara Ponsatí Obiols, Meritxell Serret Aleu, Marta Rovira Vergés u Anna Gabriel Sabaté.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 6, 8 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma’ bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

[…]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

5

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistabbilixxu l-motivi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi:

“L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat.”

7

L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jispjega li l-informazzjoni li għandha tinkludi l-mandat ta’ arrest Ewropew u jippreċiża li dan għandu jiġi tradott fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

8

L-Artikolu 15(2) sa (3) tal-istess deċiżjoni qafas jipprevedi:

“2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa […] tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza […]

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

Id‑dritt Belġjan

9

L-Artikolu 4 tal-loi du 19 décembre 2003 relative au mandat d’arrêt européen (il-Liġi tad‑19 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew) (Moniteur belge tat‑22 ta’ Diċembru 2003, p. 60075), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija rrifjutata fil-każijiet segwenti:

[…]

jekk ikunu jeżistu raġunijiet serji sabiex jitqies li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tipproduċi l-effett ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

Fil-kuntest tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, inħarġu mandati ta’ arrest Ewropej mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), il-qorti tar-rinviju, fl‑14 ta’ Ottubru 2019, kontra C. Puigdemont Casamajó u, fl‑4 ta’ Novembru 2019, kontra A. Comín Oliveres, L. Puig Gordi u C. Ponsatí Obiols.

11

Ir-Renju tal-Belġju fetaħ proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra C. Puigdemont Casamajó, A. Comín Oliveres u L. Puig Gordi.

12

Dawn il-proċeduri ġew sospiżi, sa fejn dawn jikkonċernaw lil C. Puigdemont Casamajó u lil A. Comín Oliveres, wara li dawn kisbu l-istatus ta’ membru tal-Parlament Ewropew.

13

Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Awwissu 2020, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża (il-Belġju)) irrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi.

14

Il-qorti tar-rinviju tesponi li din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni li tgħid li hija ma kellhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri kriminali kontra L. Puig Gordi u, għaldaqstant, sabiex toħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan ir-rigward, filwaqt li rreferiet għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-premessi 8 u 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas, għas-sentenza tal-Qorti EDB tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Claes et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2005:0602JUD004682599), u għal-leġiżlazzjoni Belġjana, in-Nederlandstalige rechtbank van eerste aanleg Brussel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Olandiża) qieset li hija setgħet tiddeċiedi dwar il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, jiġifieri l-qorti tar-rinviju, għal tali għanijiet. Hija kkonkludiet li din tal-aħħar ma għandhiex kompetenza billi semmiet opinjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja (iktar ’il quddiem il-“GĦDA”) tal‑25 ta’ April u tat‑13 ta’ Ġunju 2019, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2000:0622JUD003249296), u tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Claes et vs Il‑Belġju (CE:ECHR:2005:0602JUD004682599), il-premessa 12 tal-imsemmija deċiżjoni qafas kif ukoll dispożizzjonijiet tad-dritt Belġjan u tad-dritt Spanjol.

15

Il-Prosekutur Pubbliku Belġjan appella mid-digriet tas‑7 ta’ Awwissu 2020, imsemmi fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, quddiem il-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li ċaħdet dan l-appell permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2021.

16

Din l-aħħar sentenza tirreferi għal rapport tal-GĦDA tas‑27 ta’ Mejju 2019, għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitati fil-punt 14 ta’ din is-sentenza kif ukoll għal dokument dwar il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju pprovdut, fuq talba tal-uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Belġjan, minn imħallef tal-Awla Kriminali ta’ din l-aħħar qorti. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), iddeċidiet li l-kompetenza tal-qorti tar-rinviju sabiex tiġġudika lil L. Puig Gordi ma kinitx ibbażata fuq bażi legali espressa u minn dan iddeduċiet li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra tiegħu tipperikola d-drittijiet fundamentali tiegħu. Barra minn hekk, hija qieset li kellha tieħu inkunsiderazzjoni riskju estremament gravi ta’ ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

17

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tindika li hija għandha, b’mod partikolari, tiddetermina jekk hija tistax toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra L. Puig Gordi wara li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti tkun ġiet irrifjutata u jekk għandhiex iżżomm jew tirtira l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra akkużati oħra fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

18

F’dan ir-rigward, hija tqis, fl-ewwel lok, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex, skont id-dritt tal-Unjoni, is-setgħa li tistħarreġ il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti. Fil-fatt, eventwali nuqqas ta’ kompetenza ma jikkostitwixxix raġuni għal rifjut prevista mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u għandha tiġi distinta min-nuqqas ta’ kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens ta’ din id-deċiżjoni qafas. Issa, ir-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax ikun ibbażat fuq raġuni għal rifjut prevista biss mid-dritt nazzjonali.

19

Il-qorti tar-rinviju tirrileva, fit-tieni lok, li l-qrati Belġjani ma għandhomx ġurisdizzjoni sabiex jinterpretaw id-dritt Spanjol. F’dan il-każ, dawn il-qrati tal-aħħar, barra minn hekk, interpretaw dan id-dritt b’mod żbaljat, billi bbażaw ruħhom b’mod partikolari fuq opinjonijiet tal-GĦDA, li ma nħoloqx abbażi tad-dritt internazzjonali u li l-opinjonijiet tagħhom ma jesprimux il-pożizzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. L-imsemmija qrati, min-naħa l-oħra, naqsu milli jieħdu inkunsiderazzjoni diversi deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju dwar il-kompetenza tagħha stess u l-konferma ta’ din il-kompetenza permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) tas‑17 ta’ Frar 2021

20

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-qrati Belġjani kellhom, qabel ma jiddeċiedu dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi, jitolbu informazzjoni komplementari, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

21

Fir-raba’ lok, l-eżistenza ta’ riskju gravi ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tikkostitwixxix raġuni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni stabbilita f’din id-deċiżjoni qafas. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat tali raġuni għal rifjut, abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas, biss bil-kundizzjoni li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti.

22

F’dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […] abbażi ta’ raġunijiet għal rifjut previsti fid-dritt nazzjonali tagħha, iżda mhux previsti bħala tali fid-Deċiżjoni Qafas?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fl-affermattiv, u sabiex tiġi żgurata l-vijabilità tal-[mandat ta’ arrest Ewropew] u sabiex isir użu xieraq mir-rimedju offrut fl-Artiklu 15(3) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]:

L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tinvestiga u teżamina d-dritt tadpdiversi Stati [Membri] sabiex tieħu inkonsiderazzjoni r-raġunijiet possibbli ta’ ċaħda ta’ [mandat ta’ arrest Ewropew] li ma humiex previsti fid-[Deċiżjoni Qafas 2002/584]?

3)

Fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, u meta jittieħed inkonsiderazzjoni li, skont l-Artikolu 6(1) tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584], il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ [mandat ta’ arrest Ewropew] hija stabbilita skont il-liġi tal-Istat [Membru] emittenti:

Din i d-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha dubju dwar il-ġurisdizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha sabiex taġixxi fil-kawża kriminali inkwistjoni u tirrifjuta l-konsenja peress li ma għadhiex kompetenza sabiex toħroġ [mandat ta’ arrest Ewropew]?

4)

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta fl-Istat emittenti.

a)

Id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tagħmilha possibbli għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta minħabba li tqis li hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha fl-Istat Membru emittenti, ibbażat fuq ir-rapport ta’ Grupp ta’ Ħidma tagħmilha possibbli għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta minħabba li tqis li hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha fl-Istat Membru emittenti, ibbażat fuq ir-rapport ta’ Grupp ta’ Ħidma ippreżentat lill-awtorità nazzjonali ta’ eżekuzzjoni mill-persuna rikjesta?

b)

Għall-finijiet tad-domanda preċedenti, tali rapport jikkostitwixxi element oġġettiv, affidabbli, preċiż u debitament aġġornat sabiex jiġġustifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li l-persuna rikjesta tiġi kkonsenjata abbażi ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha?

c)

Jekk it-tweġiba għad-domanda preċedenti hija affermattiva, liema elementi jirrikjedi d-dritt tal-Unjoni sabiex Stat Membru jkun jista’ jikkonkludi li fl-Istat Membru emittenti hemm ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali allegat mill-persuna rikjesta u li jiġġustifika r-rifjut li jiġi eżegwit [il-mandat ta’ arrest Ewropew]?

5)

It-tweġibiet għad-domandi preċedenti huma affettwati mill-fatt li l-persuna li tintalab il-kunsinna tagħha kienet kapaċi tinvoka quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti, anke sat-tieni grad ta’ ġurisdizzjoni, argumenti dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-mandat ta’ arrest maħruġ kontriha u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali tagħha?

6)

Ir-risposti għad-domandi preċedenti huma affettwati mill-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi [mandat ta’ arrest Ewropew] għal raġunijiet mhux previsti espressament fid-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] msemmija iktar ’il fuq, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u r-riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat [Membru] emittenti, u tagħmel dan mingħajr ma titlob mill-awtorità ġudizzjarja emittenti l-informazzjoni supplimentari speċifika li fuqha hija bbażata dik id-deċiżjoni?

7)

Jekk mir-risposti għad-domandi preċedenti jidher li, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tipprekludi l-konsenja ta’ persuna abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet għar-rifjut:

Id-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] tipprekludi li din il-qorti tar-rinviju toħroġ [mandat ta’ arrest Ewropew] ġdid kontra l-istess persuna u quddiem l-istess Stat Membru?”

Fuq il‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Fuq it‑talba għal applikazzjoni tal-proċedura mgħaġġla għal deċiżjoni preliminari

23

Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mgħaġġla għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

24

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tirrileva li l-proċedura fil-kawża prinċipali hija ta’ natura kriminali, li din il-proċedura ġiet sospiża sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari u li l-persuni mfittxija ma huma s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ priġunerija.

25

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża tkun teżiġi li tiġi ttrattata f’qasir żmien, u wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mgħaġġla li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

26

Fil-każ ineżami, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fil‑31 ta’ Marzu 2021, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tintlaqa’ t-talba msemmija fil-punt 23 ta’ din is-sentenza.

27

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-applikazzjoni tal-proċedura mgħaġġla għal deċiżjoni preliminari tiddependi mhux min-natura tal-kawża prinċipali bħala tali, iżda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża kkonċernata, li għandhom jistabbilixxu l-urġenza straordinarja li tingħata deċiżjoni dwar dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Mejju 2018, KN, C‑191/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:383, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Issa, fir-rigward tal-kawża prinċipali, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi għal din il-kawża, tali li juru urġenza straordinarja.

29

B’hekk, minn naħa, peress li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari timplika s-sospensjoni tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju fl-istennija tar-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-effett sospensiv inerenti għall-mekkaniżmu għal deċiżjoni preliminari ma jistax jiġġustifika l-issuġġettar ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura mgħaġġla għal deċiżjoni preliminari (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Jannar 2014, Nguyen u Schönherr, C‑2/14, mhux ippubblikat, EU:C:2014:1999, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-persuni kkonċernati mill-proċedura kriminali fil-kawża prinċipali ma humiex attwalment f’detenzjoni jikkostitwixxi raġuni sabiex ma jinbdewx il-proċedura mgħaġġla għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Settembru 2018, Minister for Justice and Equality, C‑508/18 u C‑509/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:766, punt 13 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq it‑talba għal ftuħ mill‑ġdid tal‑fażi orali tal-proċedura

31

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Novembru 2022, C. Puigdemont Casamajó, A. Comín Oliveres u L. Puig Gordi kif ukoll C. Ponsatí Obiols talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

32

Insostenn ta’ din it-talba, huma jsostnu li fatti ġodda u argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet huma tali li li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

33

B’mod iktar preċiż, huma jirreferu għall-iffirmar tad-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑24 ta’ Mejju 2022, Puigdemont i Casamajó et vs Il‑Parlament u Spanja (C‑629/21 P(R), EU:C:2022:413), għal opinjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑30 ta’ Awwissu 2022, għal deċiżjonijiet mogħtija minn qrati Spanjoli, għall-fatt li diversi akkużati fil-proċedura kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu spijati mill-awtoritajiet Spanjoli, għal teħid ta’ pożizzjoni elettorali ta’ membri tal-Kummissjoni Ewropea u għal komunikazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali. Barra minn hekk, huma jifformulaw sensiela ta’ punti ta’ kritika kontra l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali f’din il-kawża.

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid tali li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li jkun għadu ma ġiex dibattut.

35

F’dan il-każ, hemm lok, minn naħa, li jiġi rrilevat li l-fatti ppreżentati bħala ġodda minn C. Puigdemont Casamajó, A. Comín Oliveres u L. Puig Gordi kif ukoll minn C. Ponsatí Obiols ma humiex ta’ natura li jeżerċitaw influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

36

Fil-fatt, dawn il-fatti jirrigwardaw kemm is-sitwazzjoni individwali tal-akkużati fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll in-nuqqasijiet allegati tas-sistema ġudizzjarja Spanjola. Issa, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, li għandha tevalwa din is-sitwazzjoni individwali jew li tiddetermina jekk in-nuqqasijiet allegati humiex stabbiliti, iżda biss li twettaq interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni.

37

Fir-rigward, minn naħa, tal-punti ta’ kritika li jirrigwardaw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, għandu jitfakkar li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 41).

38

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin), C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 42).

39

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex biżżejjed tagħrif.

40

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi, peress li l-argumenti mressqa kontra l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fit-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ġew b’mod partikolari diskussi b’mod wiesa’ bejn il-partijiet inkwistjoni u l-partijiet ikkonċernati.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, hemm lok li tintlaqa’ din it-talba.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ammissibbiltà tal‑ewwel sas‑sitt domanda preliminari

42

L. Puig Gordi, C. Puigdemont Casamajó, A. Comín Oliveres, oll C. Ponsatí Obiols, M. Rovira Vergés u A. Gabriel Sabaté jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ wħud mid-domandi magħmula.

43

Fl-ewwel lok, C. Ponsatí Obiols, L. Puig Gordi, C. Puigdemont Casamajó u A. Comín Oliveres isostnu li l-ewwel sas-sitt domanda huma, kollha kemm huma, manifestament inutli fid-dawl tat-tmexxija tal-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali.

44

Qabelxejn, dawn id-domandi jirrigwardaw ir-regoli dwar l-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej, b’tali mod li r-risposti għall-imsemmija domandi huma irrilevanti għall-qorti tar-rinviju, peress li din għandha, fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, il-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament aċċettat, fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602), li tingħata risposta għal domandi dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej magħmula minn awtorità ġudizzjarja emittenti, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali huma madankollu differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza. Fil-fatt, f’din l-aħħar kawża, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma ddeċidietx fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq kwistjoni sostantiva, dwar il-prinċipju ta’ ne bis in idem, li kien ta’ interess kemm għall-awtorità ġudizzjarja emittenti kif ukoll għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni.

45

Sussegwentement, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward ta’ L. Puig Gordi hija bbażata mhux biss fuq ksur tad-dritt għal smigħ xieraq, iżda wkoll fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Issa, l-ewwel sas-sitt domanda ma jirrigwardawx dan l-aħħar motiv, li jimplika li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, iwasslu sabiex jitqies li dan il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi eżegwit.

46

Fl-aħħar, tlieta mill-akkużati fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali jibbenefikaw minn immunità bħala membri tal-Parlament Ewropew, b’tali mod li dawn ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dan irendi ipotetiċi, fir-rigward tagħhom, l-ewwel sas-sitt domanda.

47

Fit-tieni lok, C. Ponsatí Obiols kif ukoll L. Puig Gordi, C. Puigdemont Casamajó u A. Comín Oliveres isostnu li l-ewwel domanda hija, fi kwalunkwe każ, inammissibbli għal motiv ieħor. Fil-fatt, din id-domanda hija intiża sabiex tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja elementi ta’ interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li jippermettu li tiġi evalwata l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva Belġjana ma’ din id-deċiżjoni qafas, filwaqt li din id-dispożizzjoni tibqa’ applikabbli fl-ordinament ġuridiku Belġjan indipendentement mir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-imsemmija deċiżjoni qafas ma għandhiex effett dirett.

48

Fit-tielet lok, skont M. Rovira Vergés u A. Gabriel Sabaté, il-ħames domanda ma għandhiex rabta mal-proċeduri fil-kawża prinċipali, sa fejn l-imputati ma kinux f’pożizzjoni li jikkontestaw il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju jew li jinvokaw id-drittijiet fundamentali tagħhom quddiem il-qrati Spanjoli.

49

Fir-raba’ lok, M. Rovira Vergés u A. Gabriel Sabaté jsostnu li s-sitt domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli billi ssostni, rispettivament, li, f’dan il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bbażat ruħha fuq informazzjoni addizzjonali pprovduta mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) u li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-opportunità, għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tifformula talba għal informazzjoni addizzjonali.

50

F’dawn l-aspetti differenti, għandu, preliminarjament, jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bil-proċeduri fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, The Department for Communities in Northern Ireland, C‑709/20, EU:C:2021:602, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegazzjoni li tgħid li l-ewwel sas-sitt domanda ma humiex utli sabiex jitmexxew il-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża b’mod partikolari sabiex hija tkun tista’ tiddetermina jekk hija tistax toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra L. Puig Gordi wara li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti maħruġ kontra dan tal-aħħar ġiet irrifjutata u jekk għandhiex iżżomm jew tirtira l-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa kontra akkużati oħrajn fil-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma tali li jiġġustifikaw li din il-qorti tista’, bħala awtorità ġudizzjarja emittenti, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

54

Fil-fatt, il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest ta’ proċeduri dwar mandat ta’ arrest Ewropew primarjament hija, primarjament, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru emittenti. Għaldaqstant, u peress li l-ħruġ ta’ tali mandat jista’ jkollu bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna li tkun is-suġġett tiegħu, awtorità ġudizzjarja emittenti għandha, għall-finijiet li tiżgura l-garanzija ta’ dawn id-drittijiet, ikollha l-possibbiltà li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddetermina jekk għandhiex iżżomm jew tirtira mandat ta’ arrest Ewropew jew jekk tistax toħroġ tali mandat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punti 28 u 29, kif ukoll tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Ittra tad-Drittijiet), C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 39).

55

L-argument ta’ C. Ponsatí Obiols li din il-fakultà ma tistax tiġi eżerċitata sabiex jiġi ddeterminat taħt liema kundizzjonijiet awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, sabiex tiżgura l-osservanza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jirnexxi, sa fejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha, sabiex tikkonforma ruħha mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali, tastjeni milli toħroġ jew iżżomm mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni għandha tiġi rrifjutata, b’mod partikolari sabiex jiġi evitat ksur ta’ dan l-Artikolu 47 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 60.

56

Bl-istess mod, il-fatt, invokat minn C. Ponsatí Obiols, li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni diġà rrifjutat li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi ma huwiex tali li jistabbilixxi li l-ewwel sas-sitt domanda ma għandhom ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, peress li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni ta’ rifjut kienet, għall-kuntrarju, tali li tiġġustifika li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk hija tistax, mingħajr ma tikser id-dritt tal-Unjoni, toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra L. Puig Gordi u jekk miżuri ġodda għandhomx jiġu adottati dwar l-akkużati l-oħra fil-proċeduri kriminali fil-kawża prinċipali.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li t-twettiq ta’ tali eżami għandu, fl-aħħar mill-aħħar, l-għan li jispeċifika s-setgħat u l-obbligi tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-motivi kollha adottati mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell) sabiex tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra L. Puig Gordi ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-ewwel sas-sitt domanda ma għandhom ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-proċeduri fil-kawża prinċipali.

58

Barra minn hekk, il-fatt li tlieta mill-akkużati fil-proċeduri fil-kawża prinċipali jibbenefikaw minn immunità fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-Parlament Ewropew ma huwiex, fi kwalunkwe każ, tali li jistabbilixxi li dawn id-domandi huma ta’ natura ipotetika, u akkużati oħra f’din il-proċedura, fosthom L. Puig Gordi, ma jibbenefikawx, fil-fatt, minn tali immunità.

59

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, l-allegata inammissibbiltà tal-ewwel domanda, huwa biżżejjed li jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, indipendentement mill-fatt jekk dawn għandhomx effett dirett jew le (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle, C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 89, kif ukoll tal‑15 ta’ Jannar 2013, Križan et, C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 56).

60

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegata inammissibbiltà tal-ħames domanda, għandu jiġi rrilevat li l-argument ta’ M. Rovira Vergés u A. Gabriel Sabaté f’dan ir-rigward jikkontradixxi l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-iżvolġiment, quddiem il-qrati Spanjoli, tal-proċeduri dwar il-persuni rikjesti.

61

Issa, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali kif ukoll sabiex tinterpreta u tapplika d-dritt nazzjonali (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, Volkswagen, C‑134/20, EU:C:2022:571, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

L-istess japplika, fir-raba’ lok, għall-argument imressaq minn M. Rovira Vergés li jgħid li s-sitt domanda għandha tiġi ddikjarata inammissibbli minħabba li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni bbażat ruħha f’dan il-każ fuq informazzjoni addizzjonali pprovduta mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), fil-kwalità tagħha ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti. Fil-fatt, din tal-aħħar espliċitament enfasizzat, fid-deċiżjoni tar-rinviju, li hija ma kinitx ipprovdiet tali informazzjoni lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, iżda li wieħed mill-membri tagħha kien wieġeb għal mistoqsijiet magħmula mill-Prosekutur Pubbliku Belġjan sabiex jipprepara l-argument tiegħu waqt seduta li nżammet matul il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

63

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni A. Gabriel Sabaté, permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà, għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tressaq talba għal informazzjoni addizzjonali, iżda dwar l-eżistenza ta’ obbligu, għal din l-awtorità ġudizzjarja, li tressaq tali talba qabel ma tkun tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tinvoka n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew u l-eżistenza ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti.

64

Issa, tali kwistjoni għandha titqies li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tiddeċiedi dwarha.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel sas-sitt domanda huma ammissibbli.

Fuq il‑mertu

Fuq l‑ewwel domanda

66

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li ma tirriżulta minn din id-deċiżjoni qafas, iżda li tirriżulta biss mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

67

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża, permezz tal-ħolqien ta’ sistema ssemplifikata u effikaċi ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, li tiffaċilita u tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, ta’ sigurtà u ta’ ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew) – Ne bis in idem, C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Għal dan il-għan, minn din id-deċiżjoni qafas u b’mod partikolari mill-Artikolu 1(2) tagħha, jirriżulta li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi ir-regola, filwaqt li r-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, X (Mandat ta’ arrest Ewropew - Ne bis in idem), C‑665/20 PPU, EU:C:2021:339, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippreżumi li huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha, u dan jirrikjedi li tali mandat, li huwa kklassifikat, f’din id-dispożizzjoni, bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-istess deċiżjoni qafas (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

70

Fit-tieni lok, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew li ma josservax ir-rekwiżiti minimi li fuqhom tiddependi l-validità tiegħu, li fosthom hemm dawk previsti fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 43, u tad‑9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Vjenna), C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 29).

71

Fit-tielet lok, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni għandhom jew jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew għar-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 4a ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Fir-raba’ lok, l-eżistenza ta’ riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 4 u 47 tal-Karta tista’ tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, eċċezzjonalment u wara eżami xieraq, milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, abbażi tal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 83, u tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilit bil-liġi fl-Istat Membru emittenti),C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li kull wieħed mill-motivi kkunsidrati fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jobbliga jew jawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex ma tagħtix segwitu lil mandat ta’ arrest Ewropew jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

74

Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn il-motivi għandhom portata strettament limitata u li għaldaqstant jippermettu li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew b’mod eċċezzjonali biss.

75

Issa, li jiġi aċċettat li kull Stat Membru jista’ jżid, mal-imsemmija motivi, motivi oħrajn li jippermettu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li ma ssegwix mandat ta’ arrest Ewropew ikun tali, minn naħa, li jippreġudika l-applikazzjoni uniformi tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi jissuġġetta l-applikazzjoni tagħha għal regoli tad-dritt nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, li jneħħi l-effettività tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest Ewropej stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, billi jippermetti, fil-prattika, lil kull Stat Membru sabiex jiddetermina liberament il-portata ta’ dan l-obbligu għall-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni tiegħu.

76

Tali interpretazzjoni tostakola l-funzjonament tajjeb tas-sistema ssemplifikata u effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali stabbilita mill-imsemmija deċiżjoni qafas u, għaldaqstant, tmur kontra l-għan imfittex minnha, imfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza.

77

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qrati Belġjani rrifjutaw li jeżegwixxu l-mandat ta’ arrest Ewropew kontra L. Puig Gordi billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 4(5) tal-Loi du 19 décembre 2003 relative au mandat d’arrêt européen (il-Liġi tad‑18 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew), li jipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkun irrifjutata jekk ikun hemm raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li din l-eżekuzzjoni jkollha bħala effett li tippreġudika d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata sanċiti fid-dritt tal-Unjoni.

78

Issa, tali dispożizzjoni, sa fejn hija interpretata bħala li għandha l-istess portata bħall-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tippermetti li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew biss fil-kuntest imsemmi fil-punt 72 ta’ din is-sentenza u għalhekk ma tistax titqies li tistabbilixxi motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li ma tirriżultax minn din id-deċiżjoni qafas.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex il-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li ma jirriżultax mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, iżda li tirriżulta biss mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità ġudizzjarja tista’ tapplika dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tiġi rrifjutata meta din l-eżekuzzjoni twassal għal ksur ta’ dritt fundamentali stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, sakemm il-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma teċċedix il-portata tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq it‑tieni domanda

80

Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq it‑tielet domanda

81

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tivverifika jekk mandat ta’ arrest Ewropew kienx inħareġ minn awtorità ġudizzjarja li kienet kompetenti għal dan il-għan u tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew biss meta hija tqis li dan ma huwiex il-każ.

82

Kif tfakkar fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa minn awtorità ġudizzjarja, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li għandhom jiġu eżegwiti.

83

L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li l-awtorità ġudizzjarja emittenti bħala li hija l-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti li hija kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew skont id-dritt ta’ dan l-Istat.

84

Mill-ġurispdrudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarju” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrkjedi, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni b’mod awtonomu u uniformi fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 49) u li dan il-kunċett jimplika, b’mod partikolari, li l-awtorità kkonċernata taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fil-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-ħruġ tal-mandat), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 38).

85

Għalkemm, konsegwentement, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiżgura, qabel ma teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, li dan ikun inħareġ minn awtorità ġudizzjarja, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1), l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, min-naħa l-oħra, tivverifika, skont din id-dispożizzjoni, li l-awtorità ġudizzjarja emittenti hija, fid-dawl tar-regoli tad-dritt tal-Istat Membru emittenti, kompetenti sabiex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew.

86

Fil-fatt, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddedika kunċett awtonomu u uniformi ta’ “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, huwa madankollu ta lil kull Stat Membru l-ħatra, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu, tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C‑477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 31, kif ukoll tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Uffiċċji tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 48).

87

Peress li din il-ħatra tirriżulta b’hekk esklużivament, minħabba din l-għażla magħmula mil-leġiżlatur tal-Unjoni, mid-dritt ta’ kull Stat Membru, huma l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti li għandhom jevalwaw, fil-kuntest iddefinit fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, jekk ikun il-każ, taħt l-istħarriġ tal-qrati nazzjonali superjuri, il-kompetenza tagħhom, fid-dawl tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew.

88

Hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, li jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-kompetenza tagħha mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’, sussegwentement, tiġi mistħarrġa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jwassal sabiex din l-awtorità tal-aħħar tiġi fdata b’funzjoni ġenerali ta’ stħarriġ tad-deċiżjonijiet proċedurali stabbiliti fl-Istat Membru emittenti, li jmur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jikkostitwixxi, skont il-premessa 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-pedament tal-kooperazzjoni ġudizzjarja.

89

Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tivverifika jekk mandat ta’ arrest Ewropew kienx inħareġ minn awtorità ġudizzjarja li kienet kompetenti għal dan il-għan u tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew biss meta hija tqis li dan ma huwiex il-każ.

Fuq il‑punt (c) tar‑raba’ domanda, u fuq il‑ħames domanda

90

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-punt (c) tar-raba’ domanda jirrigwarda, b’mod ġenerali, l-elementi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha jkollha sabiex tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li din l-eżekuzzjoni twassal għal riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat Membru emittenti, u dan jiġġustifika li fl-ewwel lok tiġi ttrattata din id-domanda sussidjarja.

91

Min-naħa l-oħra, minkejja l-formulazzjoni ġenerali tal-imsemmija domanda sussidjarja, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi, b’mod iktar preċiż, dwar ir-rilevanza, għall-finijiet tal-imsemmija eżekuzzjoni, ta’ riskju allegat li l-persuna suġġetta għal dan il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun, wara l-konsenja tagħha lil dan l-Istat Membru, esposta għal ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn din il-persuna tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan.

92

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, permezz tal-punt (c) tar-raba’ domanda tagħha u l-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikkunsidrat mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tirrifjuta li teżegwixxi dan hija tqis li din il-persuna tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, fil-waqt li l-imsemmija persuna setgħat, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, tagħmel użu mid-drittijiet fundamentali tagħha sabiex tikkontesta l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

93

Għandu jitfakkar li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li huwa stess ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fuq kull wieħed minn dawn l-Istati sabiex iqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħrajn kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

94

B’hekk, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, dawn jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan id-dritt, li jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħra, b’tali mod li la jkunu jistgħu jeżiġu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

95

Madankollu, il-livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri li fuqu huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq il-premessa li l-qrati kriminali tal-Istat Membru emittenti li, wara l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ser ikollhom imexxu l-proċedura kriminali ta’ prosekuzzjoni jew ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura li ċċaħħad il-libertà kif ukoll il-proċedura kriminali fuq il-mertu, jissodisfaw ir-rekwiżiti inerenti tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Dan id-dritt fundamentali jkopri, fil-fatt, importanza kardinali peress li jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm kull Stat Membru għandu primarjament l-obbligu, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament ta’ dan il-mekkaniżmu, li jiżgura, taħt l-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħarsien tar-rekwiżiti inerenti ta’ dak id-dritt fundamentali, billi jastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudikaha, l-eżistenza ta’ riskju reali li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew iġġarrab, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ksur tal-istess dritt fundamentali tista’ tippermetti, kif tfakkar fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tastjeni, b’mod eċċezzjonali, milli tipproċedi fir-rigward ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jkollha provi li jindikaw l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, ikunux jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna tista’ ġġarrab tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 52, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 50).

98

Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ dan l-eżami f’żewġ stadji għar-raġuni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li huwa s-suġġett tal-punt (c) tar-raba’ domanda, għandu jitfakkar li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija b’mod partikolari obbligata twettaq tali eżami sabiex tevalwa jekk, fil-każ ta’ konsenja tal-persuna kkonċernata lill-Istat Membru emittenti, din tal-aħħar tkunx tinsab f’riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq quddiem qorti stabbilita minn qabel bil-liġi, sanċita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 66).

99

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-interpretazzjoni. tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2021, Openbaar Ministerie (Dritt ta’ smigħ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni), C‑428/21 PPU u C‑429/21 PPU, EU:C:2021:876, punt 64, li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża, skont ir-regoli nazzjonali rilevanti, hija parti mir-rekwiżit ta’ “qorti jew tribunal stabbilit bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 20 ta’ Lulju 2006, Sokurenko u Strygun vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2006:0720JUD002945804, punti 26 sa 29, kif ukoll QEDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmu Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 217 u 223).

100

B’mod partikolari, ma tistax titqies bħala qorti jew tribunal stabbiliti bil-liġi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(1), qorti suprema nazzjonali li tiddeċiedi fl-ewwel u l-aħħar istanza fuq kawża kriminali mingħajr ma jkollha bażi legali espressa li tagħtiha kompetenza sabiex tiddeċiedi l-akkużati kollha (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punti 107 sa 110, kif ukoll Qorti EDB 2 ta’ Ġunju 2005, Claes et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2005:0602JUD004682599, punti 41 sa 44).

101

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, kif jirriżulta mir-risposta għat-tielet domanda, tivverifika l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, min-naħa l-oħra, hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, peress li l-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li hija ser tkun, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, esposta għal ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija ser tiġi ġġudikata fih minn qorti li ma għadhiex kompetenza għal dan il-għan, li għandha tevalwa l-fondatezza ta’ din l-allegazzjoni fil-kuntest tal-eżami f’żewġ stadji msemmi fil-punt 97 ta’ din is-sentenza.

102

Fir-rigward tal-kontenut ta’ dan l-eżami, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ewwel stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandha tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jindikaw l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, fl-Istat Membru emittenti, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’mod partikolari marbut mal-ksur tar-rekwiżit ta’ qorti jew tribunal stabbilit b’liġi, minħabba nuqqasijiet strutturali u fundamentali f’dan l-Istat Membru jew nuqqasijiet li jaffettwaw grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita b’liġi fI-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 67).

103

Fil-kuntest ta’ allegazzjonijiet dwar ir-riskju, għall-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, sabiex tiddetermina jekk tali nuqqasijiet humiex stabbiliti, twettaq evalwazzjoni globali tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti fid-dawl tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 77). Din l-awtorità ġudizzjarja għandha tikkunsidra li dawn in-nuqqasijiet huma stabbiliti jekk minn din l-evalwazzjoni globali jirriżulta li l-imputati huma, b’mod ġenerali, imċaħħda, f’dan l-Istat Membru, minn rimedju ġuridiku effettiv li jippermetti l-istħarriġ tal-kompetenza tal-qorti kriminali mitluba tiddeċiedi, fil-forma ta’ eżami tal-kompetenza tagħha minn din il-qorti jew ta’ rimedju disponibbli quddiem qorti oħra.

104

F’dan ir-rigward, sa fejn allegazzjonijiet dwar in-nuqqas ta’ kompetenza ta’ qorti tal-Istat Membru emittenti sabiex tiġġudika l-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew ma għandhomx jiġu konfużi ma’ kontestazzjoni tal-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti jew tal-kundizzjonijiet tal-ħruġ tal-mandat ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, il-fatt li din l-aħħar kompetenza jew li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu kkontestati, jew ġew effettivament ikkontestati fil-proċedura inkwistjoni, quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru ma jistax, bħala tali, jingħata natura deċiżiva għall-finijiet li tingħata deċiżjoni dwar l-imsemmi eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew.

105

Madankollu, l-iżvolġiment tal-proċeduri dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti għandu, sa fejn jagħti indikazzjonijiet dwar il-prattiki ta’ dawn il-qrati u dwar l-interpretazzjoni tagħhom tar-regoli nazzjonali rilevanti, jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni fl-evalwazzjoni globali tagħha tal-iżvolġiment prevedibbli tal-proċedura kriminali wara l-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C‑128/18, EU:C:2019:857, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn, skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru, l-istess qorti hija, bħala prinċipju, imsejħa sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità ġudizzjarja emittenti u ta’ qorti li tagħti sentenza.

106

Fil-kuntest tat-tieni stadju, l-awtorità ġudizzjarju ta’ eżekuzzjoni għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn id-difetti identifikati fl-ewwel stadju tal-eżami li sar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jista’ jkollhom effett fuq il-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-persuna li hija suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta f’każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 55, kif ukoll tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 53).

107

Meta dan ir-riskju jirriżulta, skont l-allegazzjonijiet tal-persuna kkonċernata, mill-fatt li, fil-każ ta’ konsenja, hija tista’ tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ tali riskju tista’ tiġi kkonstatata biss jekk, fid-dawl tar-regoli ta’ kompetenza u ta’ proċeduri ġudizzjarji applikabbli fl-Istat Membru emittenti, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti li probabbilment tintalab tieħu konjizzjoni tal-proċeduri li għaliha tkun suġġetta din il-persuna f’dan l-Istat Membru tkun manifesta.

108

Fil-fatt, filwaqt li tali nuqqas ta’ kompetenza jkun tali li jqajjem tħassib leġittimu b’mod partikolari fir-rigward tal-imparzjalità tal-qorti kkonċernata kif ukoll li jostakola l-konsenja tal-imsemmija persuna, diverġenza fir-rigward tal-portata preċiża ta’ dawn ir-regoli bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti u dawk tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tistax validament isservi ta’ bażi għal tali konstatazzjoni.

109

Fl-aħħar nett, peress li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tistaqsi b’mod partikolari dwar il-possibbiltà, għal awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew minħabba riskju ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma tikkonstata l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati fl-Istat Membru emittenti, għandu jitfakkar li ż-żewġ stadji tal-eżami msemmi fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jimplikaw analiżi tal-informazzjoni miksuba fuq il-bażi ta’ tali kriterji differenti, b’tali mod li dawn l-istadji huma sovraposti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti), C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 56).

110

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konstatazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-eżistenza ta’ elementi li juru nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti ma tistax tiġġustifika li din l-awtorità ġudizzjarja tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew mingħajr ma tkun wettqet tassew it-tieni stadju tal-eżami msemmi fil-punt 97 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 81).

111

Bl-istess mod, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li tkun esposta għal riskju ta’ ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba li din tiġi deċiża minn qorti tal-Istat Membru emittenti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, iżda l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-elementi li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha ma jikkostitwixxux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li jappartjeni għalih din il-persuna, din l-awtorità ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest għall-motiv allegat mill-imsemmija persuna.

112

Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, meta l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti jipprevedi rimedji ġuridiċi li jippermettu l-istħarriġ tal-kompetenza tal-qorti msejħa sabiex tiddeċiedi dwar persuna kkonsenjata b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fil-forma ta’ eżami tal-kompetenza tagħha minn din il-qorti jew ta’ rimedju disponibbli quddiem qorti oħra, ir-riskju, għal din il-persuna, li tiġi ġġudikata minn qorti ta’ dan l-Istat Membru li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan jista’, bħala prinċipju, jiġi miċħud permezz tal-eżerċizzju, mill-imsemmija persuna, ta’ dawn ir-rimedji ġuridiċi.

113

Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura tal-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta li tinvoka persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt (ċ) tar-raba’ domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-eżerċizzju ta’ tali rimedji ġuridiċi għandu jippermetti, sa fejn dawn ikunu effettivi, li tiġi evitata l-okkorrenza stess ta’ dan il-ksur jew, fi kwalunkwe każ, ta’ dannu irreparabbli li jirriżulta minn dan tal-aħħar.

114

Issa, fl-assenza ta’ elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati tali li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata, ma teżistix raġuni valida, għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, li tippreżumi li r-rimedji ġuridiċi msemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza huma neqsin jew li huma neqsin minn effettività, peress li din l-awtorità ġudizzjarja hija, għall-kuntrarju, marbuta, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 ta’ din is-sentenza, li tibbaża l-analiżi tagħha fuq l-eżistenza u l-effettività tal-imsemmija rimedji ġuridiċi, skont il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

115

Il-fiduċja li għandha b’hekk tingħata lill-qrati tal-Istat Membru emittenti tikkostitwixxi, barra minn hekk, il-korollarju tal-prinċipju, imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li jgħid li l-garanzija tar-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew taqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru.

116

Fin-nuqqas ta’ tali fiduċja, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun imġiegħla, hekk kif tiġi adita b’allegazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, twettaq stħarriġ tal-applikazzjoni, mill-qrati tal-Istat Membru emittenti, tar-regoli ta’ kompetenza u ta’ proċedura ġudizzjarji tagħha f’każ individwali, li, kif ġie rrilevat fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, imur kontra l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Issa, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li din id-deċiżjoni qafas, moqrija fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta, ma tistax tiġi interpretata b’mod li titqiegħed inkwistjoni l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 47).

117

L-interpretazzjoni preċedenti b’hekk tippermetti li jiġi żgurat li l-eżami, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, tal-osservanza tad-dritt previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-qrati tal-Istat Membru emittenti jista’, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi previst biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191).

118

Din l-interpretazzjoni hija wkoll tali li tiżgura li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minbarra l-garanziji li jirriżultaw, għall-persuna suġġetta għal mandat ta’ arrest Ewropew, mill-Artikolu 47 tal-Karta, interessi oħra, bħan-neċessità li jiġu osservati, jekk ikun il-każ, id-drittijiet fundamentali tal-vittmi tar-reati kkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 60 sa 63).

119

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (c) tar-raba’ domanda u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi lil dan tal-aħħar għall-motiv li din il-persuna tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti nieqsa minn kompetenza għal dan il-għan,

minn naħa, din l-awtorità ġudizzjarja għandha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, li jimplikaw li l-partijiet fil-kawża kkonċernati huma, b’mod ġenerali, imċaħħda, f’dan l-Istat Membru, minn rimedju ġuridiku effettiv li jippermetti li tiġi mistħarrġa l-kompetenza tal-qorti kriminali mitluba li tiġġudikahom, u

min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità ġudizzjarja tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi prodotti mill-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew dwar is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tar-reat li għaliha din hija akkużata, il-kuntest fattwali li fih l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew f’kull ċirkustanza oħra rilevanti, il-qorti probabbilment imsejħa sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura li għaliha ser tkun suġġetta din il-persuna fl-Istat Membru, hija manifestament nieqsa minn kompetenza għal dan il-għan.

120

Il-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet, quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti, tinvoka d-drittijiet fundamentali tagħha sabiex tikkontesta l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija suġġetta għalih ma huwiex ta’ importanza deċiżiva f’dan ir-rigward.

Fuq it‑tielet domanda, punti (a) u (b)

121

Permezz tal-punti (a) u (b) tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li hija tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ rapport tal-GĦDA tista’ tiġġustifika, waħedha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jew, fin-nuqqas ta’ dan, tista’ tiġi kkunsidrata minn din l-awtorità ġudizzjarja bil-ħsieb li jiġi deċiż jekk hemmx raġuni sabiex tirrifjuta li teżegwixxi l-imsemmi mandat ta’ arrest sentenza Ewropea għall-motiv allegat minn din il-persuna.

122

Mir-risposta mogħtija għall-punt (c) tar-raba’ domanda jirriżulta li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata għall-motiv li l-persuna kkonċernata minn dan tal-aħħar tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan biss jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tikkonkludi, minn naħa, l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur, f’dan l-Istat Membru emittenti, tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47, ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-imsemmi Stat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata, u, min-naħa l-oħra, għal nuqqas manifest ta’ kompetenza tal-qorti li x’aktarx tissejjaħ sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom dik il-persuna tkun suġġetta fl-istess Stat Membru.

123

Peress li tali konklużjoni għandha tkun ibbażata kemm fuq elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati relatati mal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti kif ukoll fuq analiżi konkreta u preċiża tas-sitwazzjoni individwali tal-persuna rikjesta, rapport tal-GĦDA li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ma jirrigwardax direttament din is-sitwazzjoni ma jistax ikun biżżejjed sabiex jiġġustifika r-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil din il-persuna.

124

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li fuqhom għandha tibbaża ruħha l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni sabiex twettaq sew l-ewwel stadju tal-eżami msemmi fil-punt 97 ta’ din is-sentenza jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji internazzjonali, bħalma huma s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Istat Membru emittenti kif ukoll minn deċiżjonijiet, minn rapporti u minn dokumenti oħra redatti mill-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa jew li jaqgħu taħt is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).

125

Għaldaqstant, peress li l-mandat tal-GĦDA jirriżulta mir-Riżoluzzjonijiet 15/18, 20/16 u 33/30 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, li min-naħa tiegħu nħoloq permezz tar-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, tal‑15 ta’ Marzu 2006, rapport redatt mill-GĦDA jista’ jagħmel parti mill-elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-ewwel stadju ta’ dan l-eżami, mingħajr madankollu ma l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun marbuta bil-konklużjonijiet li jinsabu f’dan ir-rapport.

126

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-punti (a) u (b) tar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li hija tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja li ma jirrigwardax direttament is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda tali rapport jista’, min-naħa l-oħra, jittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità ġudizzjarja, fost elementi oħrajn, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata.

Fuq is‑sitt domanda

127

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li s-sitt domanda tirrigwarda l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma għandhiex kompetenza sabiex toħroġ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, jew li l-persuna li hija s-suġġett ta’ dan tal-aħħar tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan.

128

Peress li mir-risposta mogħtija għat-tielet domanda jirriżulta li l-ewwel wieħed minn dawn iż-żewġ motivi ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġġustifika r-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew, hemm lok li s-sitt domanda tiġi eżaminata biss sa fejn din tirrigwarda t-tieni waħda mill-imsemmija motivi.

129

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni komplementari.

130

L-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti ma hijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieeġa tingħata malajr bħala kwistjoni ta’ urġenza.

131

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex b’mod partikolari jiġi żgurat li l-funzjonament tal-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiġix ipparalizzat, l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, għandu jipprevali fid-djalogu bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni u dawk ta’ emissjoni. Mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, b’mod partikolari, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li jirriżultaw mit-Trattati (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

132

F’dan il-perspettiva, l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti u ta’ eżekuzzjoni għandhom, sabiex jiżguraw kooperazzjoni effettiva fil-qasam kriminali, jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti previsti b’mod partikolari fl-Artikolu 8(1) u fl-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 b’mod li jiffavorixxu l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata din il-kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti), C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

133

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 107 ta’ din is-sentenza, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew minħabba li l-persuna kkonċernata minnu tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li din l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun ikkonstatat li, fid-dawl tar-regoli ta’ kompetenza u ta’ proċeduri ġudizzjarji applikabbli f’dan l-Istat Membru, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-qorti li x’aktarx għandha tieħu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom dik il-persuna tkun suġġetta f’dak l-Istat Membru hija manifesta.

134

Peress li tali konstatazzjoni hija bbażata neċessarjament fuq analiżi tad-dritt tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, twettaq din il-konstatazzjoni mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni dwar dawn ir-regoli.

135

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li mir-risposta mogħtija għall-punt (c) tar-raba’ domanda jirriżulta li tali talba ma hijiex iġġustifikata fil-każ fejn l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li ma għandhiex elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata. Fil-fatt, din l-awtorità ġudizzjarja ma tistax, f’każ bħal dan, tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq in-nuqqas manifest ta’ kompetenza tal-qorti li probabbilment tintalab tiġġudika din il-persuna.

136

Konsegwentement, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-motiv li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni komplementari.

Fuq is‑seba’ domanda

137

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja risposta għas-seba’ domanda jekk mir-risposti għall-ewwel sas-sitt domanda jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprekludi r-rifjut tal-konsenja ta’ persuna abbażi tar-raġunijiet imsemmija f’dawn id-domandi.

138

Peress li l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Bouygues travaux publics et, C‑17/19, EU:C:2020:379, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok, għall-finijiet kollha, li għas-seba’ domanda tingħata risposta, bla ħsara għall-evalwazzjoni, mill-qrati kompetenti, tal-possibbiltà li jiġu eżegwiti l-mandati ta’ arrest Ewropew maħruġa mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

139

Permezz ta’ din is-seba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej suċċessivi kontra persuna rikjesta sabiex tikseb il-konsenja tagħha minn Stat Membru wara li l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil din il-persuna tkun ġiet irrifjutata minn dan l-Istat Membru.

140

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma teskludi l-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej suċċessivi kontra persuna, inkluż meta l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil din il-persuna tkun ġiet irrifjutata.

141

Barra minn hekk, tali ħruġ jista’ jirriżulta neċessarju, b’mod partikolari wara li l-elementi li pprekludew l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti jkunu ġew esklużi jew, meta d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, bil-għan li titmexxa l-proċedura ta’ konsenja ta’ persuna mfittxija fi tmiemha u b’hekk tiffavorixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 137 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-twettiq tal-għan tal-ġlieda kontra l-impunità mfittex minn din id-deċiżjoni qafas.

142

Għall-kuntrarju, minn naħa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni tiegħu twassal għal ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u għandu, fil-kundizzjonijiet esposti fil-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi rrifjutat mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma huwiex kompatibbli mal-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ kooperazzjoni leali (ara, b’analoġija is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 60).

143

Għaldaqstant, awtorità ġudizzjarja emittenti ma tistax, fl-assenza ta’ bdil fiċ-ċirkustanzi, toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid kontra persuna wara li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irrifjutat li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew preċedenti maħruġ kontra din il-persuna, konformement ma’ dak li jimponi fuqha l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

144

Min-naħa l-oħra, peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jkollu bħala konsegwenza l-arrest tal-persuna li hija s-suġġett tiegħu u, għaldaqstant, jista’ jippreġudika l-libertà individwali ta’ din tal-aħħar, hija l-awtorità ġudizzjarja li għandha l-intenzjoni li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew li għandha teżamina jekk, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ, dan il-ħruġ huwiex ta’ natura proporzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja), C‑509/18, EU:C:2019:457, punt 49, u tat‑13 ta’ Jannar 2021, MM, C‑414/20 PPU, EU:C:2021:4, punt 64).

145

Fil-kuntest ta’ tali eżami, hija b’mod partikolari din l-awtorità ġudizzjarja li għandha tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tar-reat li għalih il-persuna rikjesta hija akkużata, il-konsegwenzi fuq din il-persuna ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa preċedentement kontriha jew ukoll prospetti ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid eventwali.

146

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix il-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej suċċessivi kontra persuna mfittxija sabiex tikseb il-konsenja tagħha minn Stat Membru wara li l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil din il-persuna ġiet irrifjutata minn dan l-Istat Membru, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid ma twassalx għal ksur tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendat, u li l-ħruġ ta’ dan l-aħħar mandat ta’ arrest Ewropew huwa ta’ natura proporzjonata.

Fuq l-ispejjeż

147

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex il-possibbiltà li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew billi tibbaża ruħha fuq motiv għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li ma jirriżultax mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, iżda li tirriżulta biss mid-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Min-naħa l-oħra, din l-awtorità ġudizzjarja tista’ tapplika dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tiġi rrifjutata meta din l-eżekuzzjoni twassal għal ksur ta’ dritt fundamentali stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, sakemm il-portata ta’ din id-dispożizzjoni ma teċċedix il-portata tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

2)

L-Artikolu 1(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tivverifika jekk mandat ta’ arrest Ewropew kienx inħareġ minn awtorità ġudizzjarja li kienet kompetenti għal dan il-għan u tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew biss meta hija tqis li dan ma huwiex il-każ.

 

3)

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/299, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma tistax tirrifjuta li teżegwixxi lil dan tal-aħħar għall-motiv li din il-persuna tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti nieqsa minn kompetenza għal dan il-għan ħlief jekk,

minn naħa, din l-awtorità ġudizzjarja għandha elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li juru l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp oġġettivament identifikabbli ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita bil-liġi, li jimplikaw li l-partijiet fil-kawża kkonċernati huma, b’mod ġenerali, imċaħħda, f’dan l-Istat Membru, minn rimedju ġuridiku effettiv li jippermetti li tiġi mistħarrġa l-kompetenza tal-qorti kriminali mitluba li tiġġudikahom, u

min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità ġudizzjarja tikkonstata li jeżistu, fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża inkwistjoni, motivi serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-elementi prodotti mill-persuna li hija s-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew dwar is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tar-reat li għaliha din hija akkużata, il-kuntest fattwali li fih l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew jaqa’ jew f’kull ċirkustanza oħra rilevanti, il-qorti probabbilment imsejħa sabiex tieħu konjizzjoni tal-proċedura li għaliha ser tkun suġġetta din il-persuna fl-Istat Membru, hija manifestament nieqsa minn kompetenza għal dan il-għan.

Il-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet, quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti, tinvoka d-drittijiet fundamentali tagħha sabiex tikkontesta l-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija suġġetta għalih ma huwiex ta’ importanza deċiżiva f’dan ir-rigward.

 

4)

L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni 2009/299, ikkunsidrat flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’sitwazzjoni fejn persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tallega li hija tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja li ma jirrigwardax direttament is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tistax tiġġustifika, fiha nnifisha, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi dan il-mandat ta’ arrest Ewropew, iżda tali rapport jista’, min-naħa l-oħra, jittieħed inkunsiderazzjoni minn din l-awtorità ġudizzjarja, fost elementi oħrajn, sabiex tevalwa l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati tal-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ grupp identifikabbli oġġettivament ta’ persuni li tappartjeni għalih il-persuna kkonċernata.

 

5)

L-Artikolu 15 (2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

jipprekludi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għall-motiv li l-persuna li hija s-suġġett tiegħu tirriskja, wara l-konsenja tagħha lill-Istat Membru emittenti, li tiġi ġġudikata minn qorti li ma għandhiex kompetenza għal dan il-għan, mingħajr ma tkun talbet minn qabel lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni komplementari.

 

6)

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

ma tipprekludix il-ħruġ ta’ diversi mandati ta’ arrest Ewropej suċċessivi kontra persuna mfittxija sabiex tikseb il-konsenja tagħha minn Stat Membru wara li l-eżekuzzjoni tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew li jirrigwarda lil din il-persuna ġiet irrifjutata minn dan l-Istat Membru, sakemm l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid ma twassalx għal ksur tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, u li l-ħruġ ta’ dan l-aħħar mandat ta’ arrest Ewropew huwa ta’ natura proporzjonata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top