Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0128

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Jannar 2024.
    Lietuvos notarų rūmai et vs Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi’ – Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili ta’ Stat Membru li jistabbilixxu l-metodi ta’ kalkolu tal-onorarji – Restrizzjoni ‘minħabba l-għan’ – Projbizzjoni – Assenza ta’ ġustifikazzjoni – Multa – Impożizzjoni fuq l-assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-membri tagħha – Awtur tal-ksur.
    Kawża C-128/21.

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:49

    Edizzjoni Provviżorja

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

    18 ta’ Jannar 2024 (*)

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Kunċetti ta’ ‘impriża’ u ta’ ‘deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi’ – Deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili ta’ Stat Membru li jistabbilixxu l-metodi ta’ kalkolu tal-onorarji – Restrizzjoni ‘minħabba l-għan’ – Projbizzjoni – Assenza ta’ ġustifikazzjoni – Multa – Impożizzjoni fuq l-assoċjazzjoni ta’ impriżi u l-membri tagħha – Awtur tal-ksur”

    Fil-Kawża C‑128/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

    Lietuvos notarų rūmai,

    M. S.,

    S. Š,

    D. V.,

    V. P.,

    J. P.,

    D. L.-B.,

    D. P.,

    R. O. I.

    vs

    Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba,

    fil-preżenza ta’:

    Lietuvos Respublikos teisingumo ministerija,

    Lietuvos Respublikos finansų ministerija,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

    komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, Z. Csehi, President tat-Tieni Awla, P. G. Xuereb, u A. Kumin, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

    Reġistratur: C. Strömholm, Amministratriċi,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    –        għal-Lietuvos notarų rūmai, M. S., S. Š, D. V., V. P., J. P., D. L.‑B, D. P. u R. O. I., minn L. Butkevičius u V. Vadapalas, advokatai,

    –        għal-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba, minn M. Dumbrytė-Ožiūnienė u Š. Keserauskas, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u R. Dzikovič, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

    –        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Jimeno Fernández, I. Rogalski u A. Steiblytė, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Jannar 2023,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE.

    2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Lietuvos notarų rūmai (il-Kunsill Nutarili tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kunsill Nutarili”) kif ukoll M. S., S. Š, D. V., V. P., J. P., D. L.‑B., D. P. u R. O. I., persuni fiżiċi li jeżerċitaw il-professjoni ta’ nutar fil-Litwanja, u l-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, iktar ’il quddiem il-“Kunsill tal-Kompetizzjoni”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi multi fuq il-Kunsill Nutarili u fuq in-Nutara li jagħmlu parti minnu għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni Litwan u tal-Unjoni.

     Ilkuntest ġuridiku

     Iddritt talUnjoni

    3        L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl‑Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdi li:

    “L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101] u [102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

    […]

    –        jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

    […]”

    4        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament jipprevedi fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

    “2.      Il‑Kummissjoni [Ewropea] tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

    (a)      jiksru l-Artikolu [101] jew l-Artikolu [102 TFUE], jew

    […]

    Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l‑10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

    Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelata mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l‑10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.

    […]

    4.      Meta l-multa imposta fuq l-assoċjazzjoni tal-impriża tieħu kont tal-valur ta’ bejgħ [fatturat] tal-membri tagħha u l-assoċjazzjoni mhiex solventi, l-assoċjazzjoni hi obligata li tgħajjat għal kontribuzzjoni mill-membri tagħha biex jkopru l-ammont immultat.

    Fejn dawn il-kontribuzzjonijiet ma sarux lill-assoċjazzjoni fi ħdan il-limitu ta’ ħin stipulat mIl‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni tista’ tirrikjedi pagamenti tal-multa direttament min kwalunkwe persuna fl-impriża fejn il-membri huma rappreżentanti mil-korpi deċiżjonali konċernati ta’ l-assoċjazzjoni.

    Wara li l-Kummissjoni rikjesti pagamenti taħt it-tieni, fejn hu neċessarju biex tiżgura li l-pagament tal-multa ssir bis-sħieħ, Il‑Kummissjoni tista’ tirrikjedi l-pagament tal-bilanċ min kwalunkwe membru ta’ l-assoċjazzjoni li kienu attivi fis-suq li fih sar il-ksur.

    Madankollu, Il‑Kummissjoni mhux ser tirrikjedi pagamenti taħt it-tieni u t-tielet subparagrafu mil-impriżi li juru li ma mplimentawx id-deċiżjoni ta’ ksur ta’ l-assoċjazzjoni u sew jekk ma humiex konxji ta’ l-eżistenza jew li ddistanzjaw ruħhom attivament minnhu qabel ma Il‑Kummissjoni ma bdiet tinvestiga l-każ.

    Il-liabiltà finanzjarja ta’ kull impriża b’rispett tal-pagamenti tal-multi ma teċċedix l‑10 % tal-valur tal-bejgħ totali tas-sena kummerċali preċedenti.”

     Iddritt Litwan

     IlLiġi talKompetizzjoni

    5        L-Artikolu 5(1) tal-Lietuvos Respublikos konkurencijos įstatymas (il-Liġi tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja) tat‑23 ta’ Marzu 1999 (Žin., 1999, Nru 30‑856), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Kompetizzjoni”), jipprevedi:

    “1.      Il-ftehimiet kollha maħsuba biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew li jirrestrinġu jew li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni huma pprojbiti u huma nulli mill-mument tal-konklużjoni tagħhom, inklużi:

    1)      dawk li jikkonsistu fl-istabbiliment (iffissar) direttament jew indirettament tal-prezz ta’ oġġetti determinati jew kundizzjonijiet oħra ta’ xiri jew bejgħ;

    […]”

     IlLiġi Nutarili

    6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tal-Lietuvos Respublikos notariato įstatymas (il-Liġi dwar il-Professjoni Nutarili tar-Repubblika tal-Litwanja) tal‑15 ta’ Settembru 1992 (Žin., 1992, Nru I-2882), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nutarili”), jipprovdi:

    “Nutar huwa persuna awtorizzata mill-Istat biex twettaq il-funzjonijiet previsti minn din il-liġi preżenti u tiċċertifika l-legalità tat-tranżazzjonijiet u dokumenti fil-kuntest ta’ relazzjonijiet legali ċivili. Nutar jista’ wkoll jaġixxi bħala medjatur f’tilwim ċivili biex isolvihom.”

    7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 6 tal-istess liġi jipprevedi:

    “In-numru ta’ nutara, is-sede tagħhom u l-ġurisdizzjoni territorjali tagħhom huma stabbiliti mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja skont il-metodoloġija stabbilita minnu għall-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-servizzi legali pprovduti min-nutara lir-residenti.”

    8        Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi:

    “In-Nutara tar-Repubblika tal-Litwanja jiltaqgħu fil-Kunsill Nutarili […]

    Kull nutar huwa membru tal-Kunsill Nutarili.

    Il-Kunsill Nutarili huwa persuna ġuridika.

    L-Istatut tal-Kunsill Nutarili huwa adottat mill-Assemblea tal-Kunsill Nutarili u huwa approvat mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja.”

    9        L-Artikolu 9 tal-istess liġi huwa fformulat kif ġej:

    “Il-missjonijiet prinċipali tal-Kunsill Nutarili huma dawn li ġejjin:

    1)      li jikkoordina l-attivitajiet tan-nutara;

    2)      jipprovdi għal titjib tal-kwalifiki tan-nutara;

    3)      jipproteġi u jirrappreżenta l-interessi tan-nutara quddiem awtoritajiet pubbliċi u amministrattivi;

    4)      ifassal abbozz ta’ atti legali regolatorji dwar kwistjonijiet relatati mal-professjoni nutarili u jippreżentahom lill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja;

    5)      jistandardizza l-prattika nutarili;

    6)      jikkontrolla l-mod kif in-nutara jwettqu dmirijiethom u josservaw ir-rekwiżiti tal-etika professjonali;

    7)      jiżgura l-konservazzjoni u l-użu ta’ dokumenti mħejjija min-nutara fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom;

    8)      jipprovdi għat-twettiq ta’ apprendistati professjonali għan-nutara;

    9)      iwettaq il-kompiti l-oħra stabbiliti minn liġijiet oħra u mill-Istatut tal-Kunsill Nutarili.”

    10      Il-punt 7 tal-Artikolu 10 tal-Liġi Nutarili jipprovdi li, fil-qadi ta’ dmirijietu, il-Kunsill Nutarili għandu jieħu miżuri li jippermettu li tiġi garantita l-istandardizzazzjoni tal-prattika nutarili.

    11      It-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 11 ta’ din il-liġi jipprevedi:

    “Il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja għandu japprova l-atti regolatorji previsti f’din il-liġi, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-parir tal-Presidju tal-Kunsill Nutarili.

    Jekk il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jikkunsidra li r-riżoluzzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, huwa jista’ jressaq rikors quddiem il-Vilniaus apygardos teismas [(il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja)] għall-annullament ta’ tali riżoluzzjonijiet jew deċiżjonijiet. Ir-rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien xahar mid-data tal-irċevuta tar-riżoluzzjoni jew deċiżjoni li huma s-suġġett tar-rikors.”

    12      Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi, in-nutara jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom minkejja l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-awtoritajiet baġitarji, u għandhom josservaw biss il-liġijiet.

    13      Skont l-Artikolu 13 tal-istess liġi, in-nutara għandhom jirrispettaw id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom.

    14      L-Artikolu 19 tal-Liġi Nutarili jipprevedi:

    “Nutar jiffattura onorarju għall-abbozzar ta’ atti nutarili, it-tfassil ta’ abbozzi ta’ tranzazzjonijiet u l-provvista ta’ servizzi konsultattivi u tekniċi, li l-ammonti tagħhom (it-tarifikazzjoni) huma stabbiliti mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja, meħud kont tal-kriterji ta’ determinazzjoni tal-ammonti (it-tarifikazzjoni) tal-onorarju tan-nutara msemmija fl-Artikolu 191 ta’ din il-liġi u b’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja u l-Kunsill Nutarili. L-ammont tal-onorarju għandu jiggarantixxi lin-nutar dħul li jippermettilu li jkun ekonomikament indipendenti, li jiggarantixxi lill-klijenti kundizzjonijiet tajbin ta’ servizz, li jimpjega ħaddiema bil-kwalifiki meħtieġa u li jkollu uffiċċju attrezzat tajjeb teknikament. […]

    Skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-klijent tiegħu, in-nutar jista’ jeżentah għalkollox jew parzjalment milli jħallas l-onorarji.

    […]”

    15      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ din il-liġi jipprovdi li n-nutara għandhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom b’mod awtonomu u huma ekonomikament indipendenti.

    16      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 tal-imsemmija liġi:

    “L-atti nutarili jistgħu jsiru minn kull nutar, ħlief f’materji ta’ suċċessjoni. Il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jiddetermina l-kompetenza territorjali tan-nutara f’każijiet bħal dawn.”

     LIstatut talKunsill Nutarili

    17      L-Artikolu 8(1) tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili tal-Litwanja, approvat mil-Lietuvos Respublikos teisingumo ministro įsakymas Nr. 1R — 3 (id-Digriet Nru 1R‑3 tal-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja), tat‑3 ta’ Jannar 2008 (Žin., 2008, Nru 6–222) (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Kunsill Nutarili”), jipprovdi:

    “Il-Kunsill Nutarili, meta jaqdi l-funzjonijiet tiegħu, jaqdi l-funzjonijiet li ġejjin:

    […]

    6)      jadotta miżuri biex jistandardizza l-prattika nutarili;

    7)      jiġbor fil-qosor il-prattika nutarili u jipprovdi pariri lin-nutara;

    […]”

    18      Il-punt 4 tal-Artikolu 10 ta’ dan l-Istatut jipprevedi li l-membri tal-Kunsill Nutarili għandhom jeżegwixxu, fost oħrajn, id-deċiżjonijiet tal-Presidju ta’ dan il-kunsill.

    19      Skont l-Artikolu 18(1) tal-imsemmi statut:

    “Il-Presidju huwa korp ta’ tmexxija kolleġġjali tal-Kunsill Nutarili. Il-Presidju huwa magħmul minn tmien membri, li l-assemblea tan-nutara tinnomina (tagħżel) għal tliet snin.”

    20      L-Artikolu 19 tal-Istatut jipprevedi:

    “1.      [….] l-assemblej tan-nutara tal-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati jeleġġu kandidat intiż sabiex isir membru tal-Presidju. [...]

    2.      L-elezzjonijiet tal-kandidati li għandhom l-għan li jsiru membri tal-Presidju għandhom isiru fil-ġurisdizzjonijiet permezz ta’ votazzjoni pubblika jew sigrieta. […]

    […]

    4.      Kull membru tal-Presidju għandu jirrapporta quddiem l-assemblea tan-nutara tal-ġurisdizzjoni territorjali li tkun ġiet miftehma li jkun ippropona l-kandidatura tiegħu.

    […]

    6.      Il-President u l-Viċi President għandhom ikunu membri tal-Presidju. Il-President għandu jmexxi l-Presidju.”

    21      Skont l-Artikolu 20(1) tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili, il-Presidju għandu jiżgura l-eżekuzzjoni tajba tal-funzjonijiet ta’ dan il-kunsill.

    22      L-Artikolu 23(1) ta’ dan l-istatut jipprevedi li d-deċiżjonijiet tal-Presidju għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi permezz ta’ vot pubbliku.

    23      Skont l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 28(3) tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili, il-President u l-Viċi President ta’ dan il-Kunsill għandhom jiġu eletti mill-assemblea tiegħu.

     Liskala provviżorja

    24      Il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja approva, permezz tal-įsakymas Nr. 57 (id-Digriet Nru 57), tat‑12 ta’ Settembru 1996 (Žin., 1996, Nru 87–2075), l-iskala provviżorja tal-onorarji tan-nutara għat-twettiq ta’ atti nutarili, tal-preparazzjoni ta abbozzi ta’ kuntratti, ta’ konsultazzjonijiet u ta’ servizzi tekniċi (iktar ’il quddiem l-“iskala provviżorja”). Din l-iskala tipprevedi, b’mod partikolari, firxiet li fihom in-nutara jistgħu jiffissaw l-onorarji tagħhom abbażi tal-attivitajiet ta’ awtentikazzjoni ta’ ipoteka ta’ proprjetà immobbli, ta’ awtentikazzjoni ta’ garanziji oħra, ta’ awtentikazzjoni ta’ servitudni, ta’ użufrutt, ta’ dritt għall-bini u ta’ kuntratt li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ użu ta’ ċerti beni kif ukoll ta’ awtentikazzjoni ta’ kuntratt ta’ skambju ta’ proprjetà immobbli.

     Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    25      Permezz tad-Deċiżjoni Nru 2S-2 (2018), tas‑26 ta’ April 2018, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonstata li l-Kunsill Nutarili kif ukoll in-nutara membri tal-Presidju ta’ dan il-kunsill kienu kisru l-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi tal-Kompetizzjoni, kif ukoll l-Artikolu 101(1)(a) TFUE u imponilhom multi.

    26      F’din id-deċiżjoni, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni rrileva li, permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑30 ta’ Awwissu 2012, tat‑23 ta’ April 2015, tas‑26 ta’ Mejju 2016 u tas‑26 ta’ Jannar 2017, il-Presidju tal-Kunsill Nutarili kien adotta regoli intiżi sabiex jiċċaraw il-metodi ta’ kalkolu tal-onorarji dovuti lin-nutara skont:

    –        l-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ipotekarji u l-inklużjoni ta’ klawżoli eżekuttivi, f’sitwazzjonijiet fejn il-partijiet fit-tranżazzjoni ma jindikawx il-valur tal-proprjetà ipotekata u f’dawk fejn diversi proprjetajiet immobbli huma suġġetti għal ipoteka permezz ta’ tranżazzjoni ipotekarja waħda;

    –        it-twettiq tal-atti nutarili, tat-tfassil tal-abbozzi ta’ tranżazzjonijiet, tal-konsultazzjonijiet u tas-servizzi tekniċi, fis-sitwazzjonijiet fejn servitù huwa stabbilit permezz ta’ kuntratt wieħed għal diversi proprjetajiet immobbli, u

    –        il-validazzjoni ta’ kuntratt ta’ skambju, f’sitwazzjonijiet fejn partijiet minn diversi beni jiġu skambjati b’kuntratt.

    27      Dawn id-deċiżjonijiet (iktar ’il quddiem il-“Kjarifiki”) ġew adottati b’unanimità tal-membri tal-Presidju li pparteċipaw fil-laqgħat u ġew ippubblikati fis-sit intern tal-Kunsill Nutarili.

    28      Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni qies li, billi adottaw il-Kjarifiki, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu, fir-realtà, stabbilixxew mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-ammont tal-onorarji ffatturati min-nutara għall-attivitajiet imsemmija minn dawn il-Kjarifiki, li kien jiffissa, fil-każijiet kollha, l-ammont ta’ dawn l-onorarji fl-ogħla ammont awtorizzat mill-iskala provviżorja. Issa, skont il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, qabel l-adozzjoni tal-Kjarifiki, in-nutara kellhom marġni ta’ diskrezzjoni għall-kalkolu ta’ dawn l-onorarji u setgħu, f’ċerti każijiet, jiddefinixxu ammonti ta’ onorarji inferjuri għal dawk iffissati mill-Kjarifiki.

    29      Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kkonkluda li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu indirettament iffissaw l-ammonti tal-imsemmija onorarji. Huwa qies li, bl-adozzjoni tal-Kjarifiki, il-Kunsill Nutarili, li jaġixxi permezz tal-korp ta’ tmexxija tiegħu, jiġifieri l-Presidju, flimkien mal-membri tiegħu kienu kkonkludew ftehim li jillimita l-kompetizzjoni bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi tal-Kompetizzjoni u tal-Artikolu 101(1)(a) TFUE. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni qies li l-Kunsill Nutarili kien jikkostitwixxi assoċjazzjoni li tiġbor flimkien operaturi ekonomiċi, jiġifieri n-nutara, u li l-Kjarifiki kellhom jiġu kklassifikati bħala deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, li fl-adozzjoni tagħha pparteċipaw it-tmien nutara membri tal-Presidju ta’ dan il-kunsill.

    30      Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni kklassifika wkoll il-Kjarifiki bħala ftehim li għandu l-għan li jillimita l-kompetizzjoni bejn in-nutara, iddefinixxa s-suq ikkonċernat bħala dak tal-atti nutarili fil-Litwanja u qies li l-ksur kien dam mit‑30 ta’ Awwissu 2012 mill-inqas sas‑16 ta’ Novembru 2017. Barra minn hekk, huwa qies li l-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja kien ittollera l-azzjonijiet inkwistjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kien jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti u, konsegwentement, naqqas l-ammont tal-multi b’5 %.

    31      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni msemmija fil-punt 25 tas-sentenza preżenti quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Permezz ta’ sentenza tad‑19 ta’ Frar 2019, din il-qorti laqgħet l-imsemmi rikors u annullat parzjalment l-imsemmija deċiżjoni.

    32      Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni appella minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju.

    33      Insostenn tal-appell tiegħu, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni jsostni li n-nutara huma operaturi ekonomiċi u jistgħu jikkompetu permezz tal-prezz, jiġifieri bl-ammont tal-onorarji, fil-limiti ffissati fl-iskala provviżorja. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandhomx id-dritt li jarmonizzaw il-prattika nutarili b’mod li jmur kontra d-dritt tal-kompetizzjoni u ma teżistix lakuna fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont il-Kunsill tal-Kompetizzjoni, l-Artikolu 101 TFUE huwa applikabbli fil-kawża prinċipali, peress li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili japplikaw fit-territorju Litwan kollu, li l-onorarji tan-nutara japplikaw kemm għall-utenti Litwani kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jużaw is-servizzi tan-nutara fil-Litwanja, u li jistgħu jsiru atti minn nutar stabbilit fil-Litwanja fil-kuntest ta’ relazzjonijiet transkonfinali bejn operaturi ekonomiċi.

    34      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li nutar huwa essenzjalment operatur ta’ funzjonijiet pubbliċi, aġent jew rappreżentant pubbliku. In-nutara jikkompetu permezz tal-kwalità tas-servizzi u mhux permezz tal-prezz. Il-Kjarifiki huma intiżi sabiex jimplimentaw il-kompetenzi li għandu l-Kunsill Nutarili sabiex jistandardizza l-prattika nutarili u li jagħti opinjonijiet lin-nutara, previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 9 tal-Liġi Nutarili u fil-punti 6 u 7 tal-Artikolu 8(1) tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili. Dawn huma intiżi wkoll sabiex jimlew lakuna fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, sabiex iħarsu l-interessi tal-konsumaturi, sabiex jiggarantixxu l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità kif ukoll sabiex jipproteġu lin-nutara minn responsabbiltà ċivili mhux iġġustifikata. Il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja kien jaf bil-Kjarifiki, iżda ma adixxiex lill-qrati sabiex jikseb l-annullament tagħhom u lanqas ma ħa l-inizjattiva sabiex jemenda l-iskala provviżorja. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu wkoll li t-Trattat FUE ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, minħabba li ma jeżistix suq komuni tas-servizzi nutarili fl-Unjoni Ewropea.

    35      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar jekk funzjonijiet nutarili bħal dawk mogħtija lin-nutara Litwani jikkostitwixxux attività ekonomika, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u jekk dawn in-nutara jikkostitwixxux impriżi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    36      Din il-qorti tistaqsi jekk il-kompetenza mogħtija lill-Kunsill Nutarili li jistandardizza l-prattika nutarili tissodisfax il-kriterju, iddefinit fil-punt 68 tas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002,Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), li jgħid li “Stat Membru joqgħod attent li [...] jirriżerva […] id-dritt tiegħu li jadotta deċiżjonijiet bħala l-aħħar rimedju”, jew il-kriterju, imsemmi fil-punt 46 tas-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017,CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890), li jipprovdi li “l-kontroll effettiv u s-setgħa deċiżjonali finali tal-Istat huma meħtieġa”.

    37      Il-qorti tar-rinviju tosserva, f’dan ir-rigward, li l-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja għandu d-dritt jadixxi lill-qrati sabiex tiġi annullata deċiżjoni possibbilment illegali tal-Kunsill Nutarili u jista’ wkoll jikkompleta l-iskala provviżorja sabiex jindika kif għandha tiġi kkalkolata r-remunerazzjoni tan-nutara għall-attivitajiet koperti mill-Kjarifiki.

    38      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-Kjarifiki għandhomx jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-imsemmija Kjarifiki għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

    39      Sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-Kjarifiki għandhom diversi għanijiet li, fil-fehma tagħhom, jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punt 97 tas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98), dawn l-għanijiet jistgħux jitqiesu li huma leġittimi u, fl-affermattiv, jekk il-limitazzjonijiet previsti fil-Kjarifiki jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

    40      Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nutara li huma membri tal-Presidju jistgħu jitqiesu bħala l-membri tal-assoċjazzjoni li kisret l-Artikolu 101 TFUE u jekk jistgħux jiġu imposti multi minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur.

    41      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutara fir-Repubblika tal-Litwanja, meta jwettqu attività relatata mal-[Kjarifiki], jikkostitwixxu impriża fis-sens [ta’ din id-dispożizzjoni]?

    2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-[Kjarifiki] jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?

    3)      Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-għan jew effett ta’ dawn il-kjarifiki huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?

    4)      F’deċiżjoni dwar eventwali ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, dawn il-[Kjarifiki], għandhom jiġu evalwati bi qbil mal-kriterji stabbiliti fil-punt 97 tas-sentenza [tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98)]?

    5)      Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv, l-għanijiet imsemmija mir-[rikorrenti fil-kawża prinċipali], jiġifieri li l-prattika notarili ssir uniformi, il-mili ta’ lakuna regolatorja, il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, is-salvagwardja tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-konsumaturi u ta’ proporzjonalità, u l-protezzjoni tan-nutara kontra responsabbiltà ċivili mhux ġustifikata, jikkostitwixxu għanijiet leġittimi fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kjarifiki bi qbil mal-kriterji stabbiliti fil-punt 97 tas-sentenza [tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98)]?

    6)      Fil-każ li r-risposta għall-ħames domanda tkun fl-affermattiv, ir-restrizzjonijiet imposti f’dawk il-kjarifiki għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-għanijiet?

    7)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li nutara li kienu membri tal-presidium jistgħu jiġu kkunsidrati li kisru dan l-artikolu u jistgħu jiġu mmultati minħabba li pparteċipaw fl-adozzjoni tal-[Kjarifiki], filwaqt li kienu jaħdmu bħala nutara?”

     Fuq lammissibbiltà tattalba għal deċiżjoni preliminari

    42      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli minħabba li l-Artikolu 101 TFUE, li l-interpretazzjoni tiegħu hija prevista minn din it-talba, ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali u li, għaldaqstant, id-domandi magħmula jikkonċernaw biss l-applikazzjoni tad-dritt Litwan għal sitwazzjoni purament interna.

    43      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-problema tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għall-kawża prinċipali taqa’ taħt il-mertu tad-domandi preliminari magħmula u mhux taħt l-ammissibbiltà tagħhom, b’tali mod li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt preċedenti fil-kuntest tal-eżami tal-mertu ta’ dawn id-domandi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punt 30).

    44      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

     Fuq iddomandi preliminari

     Fuq lewwel domanda

    45      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li n-nutara stabbiliti fi Stat Membru għandhom jitqiesu bħala “impriżi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jeżerċitaw, f’ċerti sitwazzjonijiet, attivitajiet li jikkonsistu fl-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ipotekarji, l-inklużjoni ta’ klawżoli eżekuttivi, it-twettiq ta’ atti nutarili, it-tfassil ta’ abbozzi ta’ tranżazzjonijiet, konsultazzjonijiet, il-provvista ta’ servizzi tekniċi u l-validazzjoni ta’ kuntratti ta’ skambju.

    46      Skont l-Artikolu 101(1) TFUE, huma inkompatibbli mas-suq intern u pprojbiti l-ftehimiet kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li għandhom bħala għan jew riżultat il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

    47      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Litwan isostnu li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli għall-kawża prinċipali, peress li l-Kjarifiki ma jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, minħabba n-natura tal-atti nutarili u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, in-nutara ma jistgħux jirrediġu atti nutarili fit-territorju tal-Istati Membri minbarra dak li fih huma stabbiliti. Għalhekk ma jeżistix suq komuni tas-servizzi nutarili li jista’ jiġi affettwat mill-Kjarifiki.

    48      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex ikunu jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, deċiżjoni, akkordju jew prattika miftiehma għandhom, abbażi ta’ numru ta’ punti oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermettu li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, u dan b’mod li jagħti x’jifhmu li jistgħu jostakolaw it-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, jeħtieġ, li din l-influwenza ma tkunx mhux sinjifikattiva (sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑29 ta’ Ġunju 2023, Super Bock Bebidas, C‑211/22, EU:C:2023:529, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    49      Għaldaqstant, effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jirriżulta b’mod ġenerali mill-preżenza simultanja ta’ diversi fatturi li, meta kkunsidrati waħedhom, ma jkunux neċessarjament determinanti. Sabiex jiġi vverifikat jekk akkordju għandux effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwa meħtieġ li dan jiġi eżaminat fil-kuntest ekonomiku u legali tiegħu (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, EU:C:2009:576, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    50      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu stess, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat FUE (sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    51      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “kummerċ bejn l-Istati Membri”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma huwiex limitat għall-kummerċ transkonfinali ta’ prodotti u ta’ servizzi, iżda għandu portata iktar wiesgħa li tkopri kull attività ekonomika transkonfinali, inkluż l-istabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner, C‑475/99, EU:C:2001:577, punt 49).

    52      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-portata tal-Kjarifiki testendi għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Litwanja, sa fejn dawn huma, bħala deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili, obbligatorji għan-nutara kollha stabbiliti f’dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Nutarili u tal-punt 4 tal-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili.

    53      Minkejja li nutar ma jistax, bħala prinċipju, jipprovdi servizzi fi Stat Membru differenti minn dak li fih huwa jkun stabbilit, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, il-professjoni ta’ nutar hija, bħala prinċipju, suġġetta għal-libertà ta’ stabbiliment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja, C‑151/14, EU:C:2015:577, punt 48). Issa, regoli bħall-Kjarifiki, li jirrigwardaw aspett fundamentali tal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni fl-Istat Membru kkonċernat, jistgħu, bħala prinċipju, jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-għażla taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jistabbilixxu ruħhom f’dan l-ewwel Stat Membru sabiex jeżerċitaw l-imsemmija professjoni. Min-naħa l-oħra, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika tal-Litwanja jistgħu jirrikorru għas-servizzi tan-nutara stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru.

    54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kjarifiki, sa fejn dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala ftehimiet bejn impriżi jew bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    55      B’dan premess, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-kunċett ta’ “impriża”, imsemmi fl-imsemmija dispożizzjoni, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 35).

    56      Minn ġurisprudenza stabbilita wkoll jirriżulta li kull attività li tikkonsisti fl-offerta ta’ oġġetti jew ta’ servizzi f’suq partikolari tikkostitwixxi attività ekonomika (sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 36).

    57      Issa, għal dak li jirrigwarda n-nutara, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li jeżerċitaw professjoni libera li tinvolvi, bħala attività prinċipali, il-provvista ta’ diversi servizzi distinti bi ħlas, huma jeżerċitaw, bħala prinċipju, attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Marzu 1987, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, 235/85, EU:C:1987:161, punt 9, u tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑392/15, EU:C:2017:73, punti 98 sa 101).

    58      Barra minn hekk, in-natura kumplessa u teknika tas-servizzi pprovduti u l-fatt li l-eżerċizzju tal-professjoni huwa rregolat ma jistgħux jikkontestaw din l-evalwazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 38).

    59      Fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li n-nutara stabbiliti fil-Litwanja jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-kuntest ta’ professjoni libera u mhux bħala uffiċjali pubbliċi. Fil-fatt, l-Artikolu 19 tal-Liġi Nutarili jipprevedi li n-nutar jiffattura onorarji għat-twettiq tal-atti nutarili, tat-tfassil tal-proġetti ta’ tranżazzjonijiet, tal-konsultazzjonijiet u tas-servizzi tekniċi. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 12 tal-imsemmija liġi jipprovdi li n-nutara jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom minkejja l-influwenza tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-awtoritajiet baġitarji, u għandhom josservaw biss il-liġijiet. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 21 tal-imsemmija liġi, in-nutar jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod awtonomu u huwa ekonomikament indipendenti.

    60      Madankollu, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Litwan isostnu, essenzjalment, li n-nutara Litwani ma jeżerċitawx attività ekonomika, peress li jipparteċipaw fl-eżekuzzjoni ta’ funzjonijiet ta’ natura pubblika.

    61      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma humiex ta’ natura ekonomika, li tiġġustifika l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni previsti mit-Trattat FUE (sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass‑Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Mejju 2021, Analisi G. Caracciolo, C‑142/20, EU:C:2021:368, punt 56).

    62      Madankollu, il-fatt li, għall-eżerċizzju ta’ parti mill-attivitajiet tagħha, entità għandha prerogattivi ta’ awtorità pubblika ma jipprekludix, fih innifsu, li tiġi kklassifikata bħala impriża, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, għall-attivitajiet tagħha li huma ta’ natura ekonomika, sa fejn dawn l-aħħar attivitajiet jistgħu jiġu sseparati mill-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C‑138/11, EU:C:2012:449, punti 37 u 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Marzu 2022, GVN vs Il‑Kummissjoni, C‑666/20 P, EU:C:2022:225, punt 71).

    63      Fil-każ ineżami, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, l-attivitajiet nutarili previsti mill-Kjarifiki, li jikkonsistu fl-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ipotekarji, l-inklużjoni ta’ klawżoli eżekuttivi, it-twettiq ta’ atti nutarili, it-tfassil ta’ proġetti ta’ tranżazzjonijiet, konsultazzjonijiet, il-provvista ta’ servizzi tekniċi u l-validazzjoni ta’ kuntratti ta’ skambju, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma jidhrux li huma marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

    64      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, essenzjalment, li l-attività nutarili ta’ awtentikazzjoni ta’ atti li jirriflettu impenji unilaterali jew il-ftehimiet li l-partijiet ikunu liberament ikkonkludew, ma jipparteċipawx direttament u speċifikament fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑392/15, EU:C:2017:73, punti 119 u 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), il-kostituzzjoni ta’ ipoteki (sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑50/08, EU:C:2011:335, punt 97), is-sempliċi inklużjoni ta’ formula eżekuttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija, C‑392/15, EU:C:2017:73, punti 125 sa 127), kif ukoll it-tfassil ta’ proġetti ta’ tranżazzjonijiet, il-konsultazzjonijiet u l-provvista min-nutara ta’ servizzi tekniċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑157/09, EU:C:2011:794, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    65      Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-attivitajiet nutarili koperti mill-Kjarifiki huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ attivitajiet oħra, li, min-naħa tagħhom, jinvolvu l-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

    66      Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, in-nutara stabbiliti fil-Litwanja jeżerċitaw, fil-limiti tal-kompetenzi territorjali rispettivi tagħhom, parti kbira mill-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, peress li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28 tal-Liġi Nutarili jipprovdi f’dan ir-rigward li l-atti nutarili jistgħu jsiru għand kull nutar, ħlief fil-qasam tas-suċċessjoni. Issa, dan il-fatt ma jistax jikkaratterizza l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Latvja, C‑151/14, EU:C:2015:577, punt 74).

    67      Minn dan isegwi li nutara stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitqiesu li huma “impriżi”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, meta jeżerċitaw attivitajiet bħal dawk imsemmija fil-Kjarifiki.

    68      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutara stabbiliti fi Stat Membru għandhom jitqiesu bħala “impriżi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jeżerċitaw, f’ċerti sitwazzjonijiet, attivitajiet li jikkonsistu fl-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ipotekarji, l-inklużjoni ta’ klawżoli eżekuttivi, it-twettiq ta’ atti nutarili, it-tfassil ta’ abbozzi ta’ tranżazzjonijiet, konsultazzjonijiet, il-provvista ta’ servizzi tekniċi u l-validazzjoni ta’ kuntratti ta’ skambju, sa fejn dawn l-attivitajiet ma jkunux marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

     Fuq ittieni domanda

    69      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li regoli li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara ta’ Stat Membru jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tagħhom, adottati minn organizzazzjoni ta’ professjonisti bħall-Kunsill Nutarili, għandhom jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk, meta tadotta regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, organizzazzjoni ta’ professjonisti għandhiex titqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi jew, għall-kuntrarju, bħala awtorità pubblika minħabba l-fatt li l-attività tagħha hija marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 56 u 57, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 42).

    71      Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li organizzazzjoni ta’ professjonisti li, filwaqt li jkollha setgħat regolatorji, ma teżerċitax prerogattivi tipiċi ta’ awtorità pubblika, iżda taġixxi bħala l-korp ta’ regolazzjoni ta’ professjoni li l-eżerċizzju tagħha jikkostitwixxi barra minn hekk attività ekonomika ma tistax taħrab mill-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 58 u 59, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 44).

    72      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li indizji oħra, relatati b’mod partikolari mal-kompożizzjoni tal-korpi ta’ tmexxija tal-organizzazzjoni ta’ professjonisti inkwistjoni, mal-mod ta’ funzjonament tagħha, mar-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll mar-regolamentazzjoni tas-setgħa regolatorja jew deċiżjonali tagħha, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk tali organizzazzjoni għandhiex titqies bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, jew bħala awtorità pubblika.

    73      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kklassifikat bħala “assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” organizzazzjonijiet ta’ professjonisti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-korpi ta’ tmexxija ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kienu esklużivament komposti minn membri tal-professjoni eletti minn professjonisti bħalhom, mingħajr ma l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jintervjenu f’din il-ħatra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 61, kif ukoll tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 43).

    74      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-Istat ma kienx jintervjeni b’mod deċiżiv fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ dawn il-korpi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 33 u 41).

    75      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li s-setgħa regolatorja jew deċiżjonali mogħtija lill-organizzazzjoni jew lill-entità kkonċernata ma kinitx suġġetta għal kundizzjonijiet jew għal kriterji ta’ interess pubbliku ġenerali li din kellha tosserva waqt l-adozzjoni tal-atti tagħha u li din l-organizzazzjoni jew entità ma kinitx taġixxi taħt il-kontroll effettiv u s-setgħa deċiżjonali finali tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punti 62 u 68; tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C‑1/12, EU:C:2013:127, punti 49, 54 u 55, kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punt 49).

    76      Fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Nutarili, in-nutara kollha fil-Litwanja huma membri fil-Kunsill Nutarili. Il-kompiti prinċipali tal-imsemmi Kunsill, previsti fl-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, jinkludu, b’mod partikolari, il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tan-nutara, it-titjib tal-kwalifiki tagħhom, il-protezzjoni u r-rappreżentanza tal-interessi tagħhom quddiem l-awtoritajiet pubbliċi u amministrattivi, l-istandardizzazzjoni tal-prattika nutarili u s-sorveljanza tal-mod li bih in-nutara jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u josservaw ir-rekwiżiti tal-etika professjonali.

    77      Barra minn hekk, skont l-Artikoli 18 u 19 tal-Istatut tal-Kamra tan-Nutara, il-Presidju, li huwa l-korp kolleġġjali ta’ tmexxija ta’ dan il-kunsill, kompost minn tmien membri, maħtura mill-assemblea tal-imsemmi kunsill fost il-kandidati eletti mill-assemblej tan-nutara, u d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jittieħdu, skont l-Artikolu 23 ta’ dan l-istatut, b’maġġoranza sempliċi permezz ta’ vot pubbliku.

    78      Fl-aħħar nett, jekk il-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jqis li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili ma humiex konformi mal-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, huwa jista’, abbażi tal-Artikolu 11 tal-Liġi Nutarili, jitlob l-annullament tagħhom quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus).

    79      Għaldaqstant, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Kunsill Nutarili għandu l-karatteristiċi ta’ organizzazzjoni ta’ regolazzjoni tal-professjoni ta’ nutar fil-Litwanja u li l-korp ta’ tmexxija tiegħu, jiġifieri l-Presidju, huwa kompost esklużivament minn membri ta’ din il-professjoni li huma eletti biss mill-membri stess, peress li l-Istat Litwan ma jidhirx li jintervjeni fil-ħatra tal-imsemmija membri u lanqas fl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Presidju.

    80      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma semmiet ebda dispożizzjoni li tiddefinixxi b’mod suffiċjentement preċiż kundizzjonijiet jew kriterji li jiggarantixxu li l-Kunsill Nutarili u l-Presidju tiegħu joperaw effettivament b’osservanza tal-interess pubbliku ġenerali meta jeżerċitaw is-setgħa deċiżjonali tagħhom.

    81      Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-qrati Litwani jistgħu jistħarrġu l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili ma jimplikax li dan isir taħt il-kontroll effettiv tal-Istat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International, C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 48 u 49).

    82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, organizzazzjoni ta’ professjonisti bħall-Kunsill Nutarili għandha titqies li hija assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, u mhux bħala awtorità pubblika.

    83      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-Kjarifiki jikkostitwixxux deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn, li huma intiżi sabiex jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tagħhom, huma, hekk kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, obbligatorji għan-nutara, skont l-Artikolu 13 tal-Liġi Nutarili u l-punt 4 tal-Artikolu 10 tal-Istatut tal-Kamra tan-Nutara.

    84      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet li jirriflettu r-rieda ta’ rappreżentanti tal-membri ta’ professjoni intiżi sabiex dawn jadottaw aġir speċifiku fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom, jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 64).

    85      Mill-bqija, peress li ġie deċiż li rakkomandazzjoni ta’ prezz, ikun xi jkun l-istatus ġuridiku eżatt tagħha, tista’ titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni fid-dawl tal-Artikolu 101 TFUE (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-iffissar tal-prezz permezz ta’ att vinkolanti għandu a fortiori jitqies li jikkostitwixxi tali deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Consiglio Nazionale dei Geologi, C‑136/12, EU:C:2013:489, punt 47).

    86      Minn dan isegwi li regoli bħall-Kjarifiki għandhom jitqiesu bħala deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    87      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara ta’ Stat Membru jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tagħhom, adottati minn organizzazzjoni ta’ professjonisti bħall-Kunsill Nutarili ta’ dan l-Istat Membru, jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

     Fuq ittielet sassitt domanda

    88      Permezz tat-tielet sas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tagħhom jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni pprojbiti minn dan l-artikolu.

    89      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, fil-każ ineżami dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għaldaqstant, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa b’mod definittiv jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li minnu din tagħmel parti, il-ftehim inkwistjoni għandux l-għan u/jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    90      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun qiegħda tiddeċiedi dwar rinviju għal deċiżjoni preliminari tista’, abbażi tal-elementi tal-proċess li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, tagħmel preċiżazzjonijiet intiżi sabiex jiggwidaw lill-qorti tar-rinviju fl-interpretazzjoni tagħha sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 52).

    91      Qabelxejn għandu jitfakkar li, sabiex taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandu jkollha “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni b’mod sinjifikattiv tal-kompetizzjoni fis-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    92      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mis-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal qabelxejn għall-bżonn li jiġi kkunsidrat l-għan stess tad-deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    93      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jiġu kklassifikati bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”, b’mod li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju. Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    94      Għalhekk, huwa preżunt li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet, jista’ jitqies bħala li tant jista’ jkollu effetti negattivi fuq, b’mod partikolari, il-prezz, il-kwantità jew il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li jista’ jitqies inutli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, li jintwera li dan għandu effetti konkreti fis-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir iwassal għal tnaqqis tal-produzzjoni u għal żieda fil-prezzijiet, li tirriżulta fi tqassim ħażin tar-riżorsi għad-detriment, b’mod partikolari, tal-konsumaturi (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et, C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    95      Madankollu, fil-każ ineżami, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Kjarifiki jistabbilixxu mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-ammont tal-onorarji tan-nutara li jimponi fuq dawn tal-aħħar, għall-attivitajiet koperti minn dawn il-Kjarifiki, li jżommu l-ogħla prezz tal-firxa tal-prezzijiet prevista mil-lista provviżorja stabbilita mill-Ministru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja. Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, għandu jitqies, għaldaqstant, li dawn il-Kjarifiki jwasslu preċiżament għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet tas-servizzi kkonċernati.

    96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjonijiet bħall-Kjarifiki għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    97      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull ftehim bejn impriżi jew kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni bejn impriżi li jillimitaw il-libertà ta’ azzjoni tal-impriżi partijiet f’dan il-ftehim jew suġġetti għall-osservanza ta’ din id-deċiżjoni mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, l-eżami tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu wħud minn dawn il-ftehimiet u wħud minn dawn id-deċiżjonijiet jista’ jwassal sabiex jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li dawn huma ġġustifikati mit-tfittxija ta’ għan jew ta’ diversi għanijiet leġittimi ta’ interess ġenerali li, fihom innifishom, ma humiex ta’ natura antikompetittiva, it-tieni nett, li l-mezzi konkreti li jintużaw sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet huma verament neċessarji għal dan l-għan u, it-tielet nett, li, anki jekk jirriżulta li dawn il-mezzi għandhom l-effett inerenti li jirrestrinġu jew li joħolqu distorsjoni, tal-inqas potenzjalment, tal-kompetizzjoni, dan l-effett inerenti ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju, b’mod partikolari billi jelimina kull kompetizzjoni. Din il-ġurisprudenza tista’ tapplika, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ ftehimiet jew ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-forma ta’ regoli adottati minn assoċjazzjoni bħal assoċjazzjoni ta’ professjonisti jew assoċjazzjoni sportiva, sabiex jintlaħqu ċerti għanijiet ta’ natura etika jew deontoloġika u, b’mod iktar wiesa’, sabiex jiġi limitat l-eżerċizzju ta’ attività professjonali, jekk l-assoċjazzjoni kkonċernata turi li l-kundizzjonijiet li għadhom kif tfakkru huma ssodisfatti (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    98      L-imsemmija ġurisprudenza ma tistax, madankollu, tapplika meta jkun hemm aġir li, minflok ma sempliċement ikollu bħala “effett” inerenti li jirrestrinġi, tal-inqas potenzjalment, il-kompetizzjoni billi jillimita l-libertà ta’ azzjoni ta’ ċerti impriżi, jippreżenta, fir-rigward ta’ din il-kompetizzjoni, livell ta’ dannu li jiġġustifika li jitqies li dan għandu bħala “għan” stess il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tagħha. Għaldaqstant, huwa biss jekk jirriżulta, fi tmiem l-eżami tal-aġir li jkun inkwistjoni f’każ partikolari, li dan l-aġir ma jkollux bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, li għandu jiġi ddeterminat, sussegwentement, jekk dan jistax jaqa’ taħt din il-ġurisprudenza (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    99      Għal dak li jirrigwarda l-aġir li għandu bħala għan il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, huwa għalhekk biss skont l-Artikolu 101(3) TFUE u sakemm il-kundizzjonijiet kollha previsti minn din id-dispożizzjoni jiġu osservati li jista’ jingħata l-benefiċċju ta’ eżenzjoni mill-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2023, Royal Antwerp Football Club, C‑680/21, EU:C:2023:1010, punt 116 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    100    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-applikabbiltà tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE hija suġġetta għall-issodisfar ta’ erba’ kundizzjonijiet kumulattivi, stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonsistu, l-ewwel nett, f’li l-ftehim ikkonċernat jikkontribwixxi sabiex itejjeb il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, jew sabiex jippromwovi l-progress tekniku jew ekonomiku, it-tieni nett, f’li parti xierqa tal-profitt li jirriżulta tkun irriżervata għall-utenti, it-tielet nett, f’li ma jimponi l-ebda restrizzjoni li ma hijiex indispensabbli għall-impriżi parteċipanti, u, ir-raba’ nett, li ma jagħtihomx il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni għal parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni (sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche et, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 97).

    101    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Litwan isostnu, essenzjalment, li l-Kjarifiki jsegwu għanijiet leġittimi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 97 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, dawn huma intiżi sabiex jissalvagwardjaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità kif ukoll sabiex jipproteġu lin-nutara minn responsabbiltà ċivili mhux iġġustifikata, billi jistandardizzaw il-prattika nutarili u billi jimlew vojt regolamentari. Barra minn hekk, il-Kjarifiki huma intiżi sabiex jipproteġu l-interessi tal-persuni li jużaw is-servizzi nutarili, peress li l-fatturazzjoni tal-onorarji fl-ogħla ammont fost dawk awtorizzati mill-iskala provviżorja għall-istabbiliment ta’ garanziji fuq oġġetti ta’ valur mhux magħruf tikkontribwixxi sabiex tiddisswadi lill-persuni milli jirhnu beni li l-valur tiegħu ma jkunx stabbilit.

    102    Madankollu, deċiżjonijiet bħall-Kjarifiki li għandhom, kif jirriżulta mill-punt 96 ta’ din is-sentenza, jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jiġu ġġustifikati mill-għanijiet imsemmija fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti.

    103    Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu invokaw il-benefiċċju tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 101(3) TFUE.

    104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjonijiet bħall-Kjarifiki għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, ipprojbita mill-Artikolu 101(1) TFUE.

    105    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet sa s-sitt domanda għandha tkun li, l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ wħud mill-attivitajiet tagħhom jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ipprojbiti minn din id-dispożizzjoni.

     Fuq isseba’ domanda

    106    Permezz tas-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timponi multa għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni fuq l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li lilha hija imputabbli d-deċiżjoni ta’ ksur, kif ukoll multi individwali, għall-istess ksur, lill-impriżi membri tal-korp ta’ tmexxija ta’ din l-assoċjazzjoni li adotta l-imsemmija deċiżjoni.

    107    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni kompetenti sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE tista’ timponi multi, pagamenti ta’ penalità jew kwalunkwe sanzjoni oħra prevista mid-dritt nazzjonali tagħha.

    108    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ li l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE jiġi stabbilit, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom, bħala prinċipju, jimponu multa fuq l-awtur tiegħu. Fil-fatt, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta’ din id-dispożizzjoni fl-interess ġenerali, jeħtieġ li dawn l-awtoritajiet jipproċedu biss eċċezzjonalment għan-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multa meta impriża tkun kisret deliberatament jew b’mod negliġenti l-imsemmija dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker et, C‑151/20, EU:C:2022:203, punt 64).

    109    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-effettività tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 101(1) TFUE, timplika, b’mod partikolari, in-neċessità li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjonijiet imposti fil-qasam tal-ksur ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 98, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 149).

    110    Fil-fatt, il-multi imposti minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, huma intiżi sabiex jissanzjonaw l-atti illegali tal-impriżi kkonċernati kif ukoll sabiex jiddiswadu kemm l-impriżi inkwistjoni kif ukoll l-operaturi ekonomiċi oħrajn milli jiksru, fil-futur, ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, C‑413/08 P, EU:C:2010:346, punt 102; tas‑26 ta’ Settembru 2013, Alliance One International vs Il‑Kummissjoni, C‑668/11 P, EU:C:2013:614, punt 62, kif ukoll tal‑4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 84). Għaldaqstant, it-tfittxija tal-effett dissważiv ma tikkonċernax biss l-impriżi speċifikament previsti mid-deċiżjoni li timponi multi, peress li huwa importanti wkoll li l-impriżi ta’ daqs simili u li għandhom riżorsi analogi għandhom ukoll jiġu mħeġġa sabiex jastjenu milli jipparteċipaw fi ksur simili tar-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Caffaro vs Il‑Kummissjoni, C‑447/11 P, EU:C:2013:797, punt 37).

    111    Għandu jitfakkar, fit-tieni lok, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jiżguraw ruħhom ukoll li l-multi li huma jimponu minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jkunu proporzjonati man-natura tal-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ April 2019, Powszechny Zakład Ubezpieczeń na Życie, C‑617/17, EU:C:2019:283, punt 38).

    112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-każ li l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE tiġi stabbilita, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom, bħala prinċipju, jimponu multa fuq l-awtur tiegħu li tkun suffiċjentement dissważiva u proporzjonata.

    113    Għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-entità li għandha titqies bħala l-awtur ta’ ksur tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101 TFUE, mill-formulazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-awturi tat-Trattati għażlu li jużaw il-kunċett ta’ “impriża” u dak ta’ “assoċjazzjoni ta’ impriżi” sabiex jindikaw l-awtur ta’ ksur tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et, C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    114    Meta impriża tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il‑prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C‑280/06, EU:C:2007:775, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 106).

    115    Peress li l-Artikolu 101(1) TFUE jipprojbixxi, b’mod partikolari, id-“deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi” li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, għandu jitqies li assoċjazzjoni ta’ impriżi, bħall-Kunsill Nutarili, tista’ tikkostitwixxi, bħala tali, l-awtur ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni.

    116    Fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE kkonstatat mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni huwa kkostitwit mill-adozzjoni tal-Kjarifiki, li jikkostitwixxu deċiżjonijiet tal-Presidju tal-Kunsill Nutarili. Issa, mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari mill-preċiżazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-Gvern Litwan b’risposta għal domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Presidju, li jikkostitwixxi, konformement mal-Artikolu 18(1) tal-Istatut tal-Kunsill Nutarili, il-korp ta’ tmexxija tagħha, jorbtu lil dan il-kunsill, b’tali mod li dawn id-deċiżjonijiet għandhom jitqiesu li huma deċiżjonijiet tal-Kunsill Nutarili nnifsu.

    117    Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Litwan ippreċiżaw ukoll waqt is-seduta li la l-Presidju u lanqas il-membri tiegħu b’mod individwali ma jistgħu jinżammu responsabbli għall-imsemmija deċiżjonijiet, peress li dawn kienu imputabbli biss lill-Kunsill Nutarili.

    118    Minn dan isegwi li, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-Kunsill Nutarili għandu jitqies bħala l-awtur tal-ksur ikkonstatat mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni fil-kawża prinċipali.

    119    Għal dak li jikkonċerna n-nutara li jifformaw il-Presidju tal-Kunsill Nutarili, meta adottaw il-Kjarifiki, dawn jidhru li aġixxew biss fil-kwalità tagħhom ta’ membri tal-Presidju. B’mod partikolari, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn in-nutara allegatament ipparteċipaw b’mod ieħor fil-ksur hekk ikkonstatat.

    120    Barra minn hekk, waqt is-seduta, il-Kunsill tal-Kompetizzjoni essenzjalment ippreċiża li kien impona multi individwali fuq in-nutara membri tal-Presidju tal-Kunsill Nutarili mhux għaliex dawn kellhom il-kwalità ta’ impriżi koawturi tal-ksur iżda preċiżament minħabba l-kwalità tagħhom ta’ membri ta’ dan il-Presidju fid-dati tal-adozzjoni tal-Kjarifiki. Il-Kunsill tal-Kompetizzjoni spjega f’dan ir-rigward li dawn il-multi kienu ġew imposti bl-għan li jiġi żgurat l-effett dissważiv tas-sanzjonijiet imposti għall-imsemmi ksur, peress li d-dritt Litwan applikabbli fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali ma kienx jippermetti l-impożizzjoni fuq il-Kunsill Nutarili biss ta’ multa f’ammont suffiċjentement għoli sabiex jiġi prodott dan l-effett dissważiv, peress li ma kienx jipprevedi l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ din il-kamra għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa.

    121    Madankollu, il-prinċipju tar-responsabbiltà personali, li jeżiġi li tiġi ssanzjonata biss għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni l-entità li hija l-awtur tiegħu, jipprekludi tali approċċ, peress li n-nutara li kienu membri tal-Presidju tal-Kunsill Nutarili fil-mument tal-adozzjoni tal-Kjarifiki ma jistgħux jitqiesu li huma koawturi tal-ksur ikkonstatat mill-Kunsill tal-Kompetizzjoni fil-kawża prinċipali.

    122    Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kien imċaħħad mill-possibbiltà li jimponi fuq il-Kunsill Nutarili sanzjoni dissważiva minħabba dan il-ksur, u lanqas li l-imsemmija nutara kellhom neċessarjament jiġu eżentati minn kull responsabbiltà fir-rigward tal-istess ksur.

    123    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, meta r-regoli interni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jippermettulha torbot lill-membri tagħha, il-multa li għandha tiġi imposta fuq din l-assoċjazzjoni għandha, sabiex tiġi ddeterminata sanzjoni li tkun dissważiva, tiġi kkalkolata skont id-dħul mill-bejgħ miksub mill-impriżi kollha membri tal-imsemmija assoċjazzjoni, anki meta dawn tal-aħħar ma jkunux effettivament ipparteċipaw fil-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2000, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, C‑298/98 P, EU:C:2000:634, punt 66; digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑23 ta’ Marzu 2001, FEG vs Il‑Kummissjoni, C‑7/01 P(R), EU:C:2001:183, punt 11, kif ukoll is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 93).

    124    Barra minn hekk, tali teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturat imwettaq mill-impriżi membri tal-assoċjazzjoni huwa wkoll possibbli, b’mod partikolari fil-każ li l-ksur imwettaq minn din l-assoċjazzjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-membri tagħha u li l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni jitwettqu mill‑assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar u b’kooperazzjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni ma għandhiex interessi oġġettivi li għandhom natura awtonoma meta mqabbla mal-interessi oġġettivi tal-membri tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France bétail et viande et vs Il‑Kummissjoni, C‑101/07 P u C‑110/07 P, EU:C:2008:741, punt 97).

    125    Din il-ġurisprudenza hija essenzjalment ikkodifikata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 li jipprovdi li, meta l-ksur ta’ assoċjazzjoni jkun jirrigwarda l-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma tistax taqbeż l‑10 % tas-somma totali tal-fatturat ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur tal-assoċjazzjoni.

    126    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(4) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatturat tal-membri tagħha u meta l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, din għandha titlob lill-membri tagħha kontribuzzjonijiet sabiex ikopru l-ammont tal-multa u li l-Kummissjoni tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, teżiġi l-ħlas tal-multa direttament minn kull impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi deċiżjonali kkonċernati tal-assoċjazzjoni, imbagħad minn kull membru tal-assoċjazzjoni li kien attiv fis-suq li fih twettaq il-ksur.

    127    Ċertament, l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 jirreferi espressament biss għas-setgħat tal-Kummissjoni. Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu huwa rilevanti għad-determinazzjoni tas-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2013, Schenker & Co. et, C‑681/11, EU:C:2013:404, punti 48 sa 50).

    128    Għaldaqstant, il-fatt li d-dritt Litwan applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali ma kienx jipprevedi l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatturat tal-membri tal-Kunsill Nutarili għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa li l-Kunsill tal-Kompetizzjoni kellu jimponi fuqu għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li huwa kkonstata ma kienx jipprekludi lil din l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fatturat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 123 sa 125 tas-sentenza preżenti jkunu ssodisfatti.

    129    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timponi, għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni mwettaq minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, multi individwali fuq l-impriżi membri tal-korp ta’ tmexxija ta’ din l-assoċjazzjoni meta dawn l-impriżi ma jkunux il-koawturi ta’ dan il-ksur.

     Fuq lispejjeż

    130    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutara stabbiliti fi Stat Membru għandhom jitqiesu bħala “impriżi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta jeżerċitaw, f’ċerti sitwazzjonijiet, attivitajiet li jikkonsistu fl-approvazzjoni ta’ tranżazzjonijiet ipotekarji, l-inklużjoni ta’ klawżoli eżekuttivi, it-twettiq ta’ atti nutarili, it-tfassil ta’ abbozzi ta’ tranżazzjonijiet, konsultazzjonijiet, il-provvista ta’ servizzi tekniċi u l-validazzjoni ta’ kuntratti ta’ skambju, sa fejn dawn l-attivitajiet ma jkunux marbuta mal-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ awtorità pubblika.

    2)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li regoli li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara ta’ Stat Membru jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tagħhom, adottati minn organizzazzjoni ta’ professjonisti bħall-Kunsill Nutarili, jikkostitwixxu deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    3)      L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li jistandardizzaw il-mod li bih in-nutara jikkalkolaw l-ammont tal-onorarji ffatturati għat-twettiq ta’ wħud mill-attivitajiet tagħhom jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ipprojbiti minn din id-dispożizzjoni.

    4)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni timponi, għal ksur ta’ din id-dispożizzjoni mwettaq minn assoċjazzjoni ta’ impriżi, multi individwali fuq l-impriżi membri tal-korp ta’ tmexxija ta’ din l-assoċjazzjoni meta dawn l-impriżi ma jkunux il-koawturi ta’ dan il-ksur.

    Firem


    *      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

    Top