EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0112

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tat-2 ta’ Ġunju 2022.
X BV vs Classic Coach Company vof et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5 – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Artikolu 6(2) – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark – Impossibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark li jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, dritt preċedenti ta’ portata lokali – Kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘dritt preċedenti’ – Isem kummerċjali – Proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti li għandu dritt saħansitra iktar preċedenti – Rilevanza.
Kawża C-112/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:428

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Lulju 2022]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 5 – Drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark – Artikolu 6(2) – Limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark – Impossibbiltà għall-proprjetarju ta’ trade mark li jipprojbixxi lil terz milli juża, fil-kummerċ, dritt preċedenti ta’ portata lokali – Kundizzjonijiet – Kunċett ta’ ‘dritt preċedenti’ – Isem kummerċjali – Proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti li għandu dritt saħansitra iktar preċedenti – Rilevanza”

Fil-Kawża C‑112/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Frar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Frar 2021, fil-proċedura

X BV

vs

Classic Coach Company vof,

Y,

Z,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X BV, minn F. I. van Dorsser, advocaat,

[skont rettifika li saret permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Lulju 2022] għal Classic Coach Company vof, Y u Z, minn M. G. Jansen, advocaat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn É. Gippini Fournier u P.‑J. Loewenthal, sussegwentement minn P.‑J. Loewenthal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn X BV, impriża ta’ trasport ta’ persuni bil-kowċ, u Classic Coach Company vof, ukoll impriża ta’ trasport ta’ persuni bil-kowċ (iktar ’il quddiem “Classic Coach”), kif ukoll żewġ persuni fiżiċi, Y u Z, dwar allegat ksur minn dawn tal-aħħar tat-trade mark tal-Benelux li X hija l-proprjetarja tagħha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni ta’ Pariġi

3

L-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi fl‑20 ta’ Marzu 1883, irreveduta l-aħħar fi Stokkolma fl‑14 ta’ Lulju 1967 u emendata fit‑28 ta’ Settembru 1979 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 828, Nru 11851, p. 305, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), jistabbilixxi li:

“Il-protezzjoni tal-proprjetà industrijali għandha bħala suġġett il-privattivi għall-invenzjonijiet, il-mudelli ta’ utilità, id-disinni jew il-mudelli industrijali, it-trade marks ta’ ditta jew ta’ negozju, it-trade marks għal servizzi, l-isem kummerċjali u l-indikazzjonijiet tal-provenjenza jew denominazzjonijiet ta’ oriġini, kif ukoll ir-repressjoni tal-kompetizzjoni żleali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jipprevedi li:

“L-isem kummerċjali għandu jkun protett fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni mingħajr l-obbligu ta’ preżentazzjoni jew ta’ reġistrazzjoni, irrispettivament minn jekk jagħmilx parti jew le minn trade mark.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Ftehim TRIPs

5

Il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali Relatati mal-Kummerċ (iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”) jinsab fl-Anness 1C tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil‑15 ta’ April 1994, u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).

6

L-Artikolu 1 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “In-natura u l-għan ta’ l-obbligi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Għal dan il-Ftehim, it-termini ‘Proprjetà Intellettwali’ jirreferi għal kategoriji kollha tal-proprjetà intellettwali li huma soġġetti għat-taqsima 1 sa 7 ta’ parti II.”

7

L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Konvenzjonijiet dwar Proprjetà Intellettwali”, jgħid, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Dwar il-partijiet II, III u IV ta’ dan il-Ftehim, il-Membri għandhom iħarsu l-Artikolu 1 sa 12, u l-Artikolu 19, tal-[Konvenzjoni ta’ Pariġi].”

8

L-Artikolu 16(1) tal-imsemmi ftehim, intitolat “Drittijiet mogħtija”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Is-sid ta’ trademark reġistrata għandu jkollu d-dritt esklussiv li jippreveni l-partijiet terzi kollha li ma għandhomx il-kunsens tas-sid li jużaw sinjali identiċi jew simili waqt il-kummerċ f’oġġetti jew f’servizzi li huma identiċi jew simili għal dawk li għandhom trademark reġistrata fejn dan l-użu jista’ jirriżulta f’konfużjoni. F’każ li jintuża sinjal identiku għall-oġġetti jew servizzi identiċi, il-probabbilità ta’ konfużjoni hija preżunta. Id-drittijiet deskritti hawn fuq ma għandhomx ikunu ta’ preġudizzju għad-drittijiet li kienu jeżistu qabel, u l-anqas ma għandhom jaffetwaw il-possibbiltà tal-Membri li jagħmlu d-drittijiet fuq il-bażi ta’ l-użu.”

Id‑dritt tal‑Unjoni

9

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2008/95 tippreċiża li:

“Id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi d-dritt ta’ l-Istati Membri li jkomplu jipproteġu t-trade marks miksuba permezz ta’ użu, iżda għandha tikkunsidrahom biss fir-rigward tar-relazzjoni bejniethom u t-trade marks miksuba mir-reġistrazzjoni.”

10

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal kull trade mark fir-rigward ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward taghħa saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni fi Stat Membru għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha bħala trade mark individwali, marka kollettiva jew garanzija jew marka ta’ ċertifikazzjoni, jew li fir-rigward tagħha saret reġistrazzjoni jew applikazzjoni għall-fini tar-reġistrazzjoni tagħha fl-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjeta’ Intelletwali jew reġistrazzjoni internazzjonali li jkollha effett fi Stat Membru.”

11

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Raġunijiet ulterjuri għar-rifjut jew nullità li jikkonċernaw konflitti ma’ drittijiet preċedenti”, jindika, fil-paragrafu 4 tiegħu, li:

“Kwalunkwe Stat Membru jista’, addizzjonalment, jistipula li trade mark m’għandhiex tiġi reġistrata jew li, jekk reġistrata, għandha tkun suxxettibbli għal-dikjarazzjoni ta’ nullità jekk, u sa fejn:

[…]

(b)

xi drittijiet għat-trade mark mhux reġistrata jew għal sinjal ieħor użat matul il-kummerċ ġew miksuba qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, jew id-data tal-prijorità pretiża għall-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti, u dik it-trade mark mhux reġistrata jew sinjal ieħor jagħtu lill-proprjetarju tagħhom id-dritt li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti;

(c)

l-użu tat-trade mark jista’ jkun projbit permezz ta’ dritt preċedenti divers mid-drittijiet li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 2 u fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu u b’mod partikolari:

(i)

xi dritt għal isem;

(ii)

xi dritt għal immaġini personali:

(iii)

xi dritt ta’ l-awtur;

(iv)

xi dritt ta’ proprjetà industrijali;

[…]”

12

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark” jgħid li:

“1.   It-trade mark reġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

kwalunkwe sinjal li jkun identiku għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata;

(b)

kwalunkwe sinjal fejn, minħabba l-identità, jew similarità, tiegħu għat-trade mark u l-identità jew similarità tal-merkanzija jew servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku; il-possibbiltà ta’ konfużjoni tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistipula li l-proprjetarju għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi lit-terzi persuni kollha li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fl-eżerċizzju tal-kummerċ kwalunkwe sinjal li jkun identiku, jew simili, għat-trade mark relattivament għall-merkanzija jew servizzi li ma jkunux simili għal dawk li għalihom it-trade mark tkun reġistrata, fejn ta’ l-aħħar ikollha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.

3.   Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt il-paragrafi 1 u 2:

(a)

li jitwaħħal is-sinjal mal-merkanzija jew ma’ l-imballaġġ ta’ dan;

(b)

li l-merkanzija tiġi offerta, jew li titqiegħed fis-suq jew li tinħażen għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew li jiġu offerti jew provduti servizzi taħtu;

(c)

l-importazzjoni jew esportazzjoni tal-merkanzija taħt is-sinjal;

(d)

l-użu tas-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 m’għandhomx jinċidu fuq id-dispożizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru relattivament għall-protezzjoni kontra l-użu ta’ sinjal ħlief milli sabiex issir distinzjoni tal-merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ żleali minn, jew jippreġudika, il-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

13

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark”, jistabbilixxi li:

“1.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża, fl-eżerċizzju tal-kummerċ:

(a)

l-isem jew l-indirizz tiegħu [tagħha] stess;

[…]

2.   It-trade mark m’għandhiex tagħti d-dritt lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil terza persuna milli tuża fl-eżerċizzju tal-kummerċ, dritt preċedenti li japplika biss f’lokalità partikolari jekk dak id-dritt ikun rikonoxxut mil-liġijiet ta’ l-Istat Membru in kwistjoni u fil-limiti tat-territorju li fih huwa jkun rikonoxxut.”

14

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Limitazzjoni [Dekadenza] konsegwenti għal tolleranza”, jipprevedi li:

“1.   Fejn, fi Stat Membru, il-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti […] ittollera, għal perijodu ta’ ħames snin suċċessivi, l-użu ta’ trade mark sussegwenti reġistrata f’dak l-Istat Membru filwaqt li kien konxju ta’ tali użu, huwa m’għandux ikollu aktar id-dritt, abbażi tat-trade mark preċedenti, li japplika għal dikjarazzjoni ta’ nullità tat-trade mark sussegwenti jew li jopponi l-użu tat-trade mark sussegwenti fir-rigward tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ġiet użata t-trade mark sussegwenti, sakemm l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark sussegwenti ma saritx in mala fede.

2.   Kwalunkwe Stat Membru jista’ jistipula li l-paragrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis għall-proprjetarju […] ta’ dritt ieħor preċedenti li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(4)(b) jew (c).

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti reġistrata m’għandux ikollu d-dritt jopponi għall-użu tad-dritt preċedenti, anke jekk dak id-dritt ma jistax jiġi aktar invokat kontra t-trade mark sussegwenti.”

15

Id-Direttiva 2008/95 tħassret u ġiet issostitwita, b’effett mill‑15 ta’ Jannar 2019, bid-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5). Il-kontenut tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 issa jinsab, essenzjalment, flimkien ma’ emendi redazzjonali biss, fl-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2015/2436. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 2008/95.

Il‑Ftehim Benelux

16

L-Artikolu 2.20 tal-Konvenzjoni Benelux dwar il-Proprjetà Intellettwali (Trade Marks u Disinni), tal‑25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Benelux”), intitolat “Portata tal-protezzjoni”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“It-trade mark irreġistrata għandha tagħti lill-proprjetarju tagħha dritt esklużiv. Bla ħsara għall-applikazzjoni possibbli tal-liġi ordinarja fil-qasam tar-responsabbiltà ċivili, id-dritt esklużiv għat-trade mark jippermetti lill-proprjetarju li jipprojbixxi lil kull terz, mingħajr il-kunsens tiegħu, milli:

[…]

b.

jagħmel użu fil-kummerċ minn sinjal li fir-rigward tiegħu, minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark u minħabba l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade mark u mis-sinjal, tkun teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku, li tinkludi l-probabbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark;

[…]

d.

jagħmel użu minn sinjal għal finijiet oħra barra dawk li jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi, meta l-użu ta’ dan is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark jew jippreġudikahom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

L-Artikolu 2.23 tal-Konvenzjoni Benelux, intitolat “Restrizzjoni għad-dritt esklużiv”, jgħid, fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Id-dritt esklużiv għat-trade mark ma jimplikax id-dritt ta’ oppożizzjoni għall-użu, fil-kummerċ, ta’ sinjal simili li jislet il-protezzjoni tiegħu minn dritt preċedenti ta’ portata lokali, jekk dan id-dritt ikun irrikonoxxut skont id-dispożizzjonijiet legali ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Benelux u fil-limiti tat-territorju fejn huwa rrikonoxxut.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

18

Matul il-perijodu mis-sena 1968 sas-sena 1977, żewġ aħwa kienu membri ta’ soċjetà f’isem kollettiv, stabbilita f’Amersfoort (il-Pajjiżi l-Baxxi), li teżerċita attività ta’ trasport ta’ persuni bil-kowċ, taħt l-isem “Reis- en Touringcarbedrijf Amersfoort’s Bloei”. Sas-sena 1971, servizzi ta’ trasport okkażjonali ta’ persuni bil-kowċ kienu pprovduti minn missierhom, li kien jeżerċita l-istess attività sa mis-sena 1935.

19

Matul is-sena 1975, wieħed minn dawn l-aħwa (iktar ’il quddiem l-“ewwel wild”) ħoloq X, li għamlet użu, mis-sena 1975 jew mis-sena 1978, minn żewġ ismijiet kummerċjali, fejn wieħed minnhom kien jikkorrispondi, parzjalment, għall-kunjom tal-imsemmija aħwa.

20

Matul is-sena 1977, wara l-ħruġ tal-ewwel wild mis-soċjetà maħluqa matul is-sena 1968, il-wild l-ieħor (iktar ’il quddiem it-“tieni wild”) kompla l-attività ta’ din tal-aħħar ma’ martu bħala kosoċju, fil-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, filwaqt li żamm l-istess isem tal-kumpannija bħal dak tas-soċjetà maħluqa matul is-sena 1968.

21

Matul is-sena 1991, għal raġunijiet fiskali, it-tieni wild ħoloq ukoll, flimkien ma’ martu, soċjetà f’isem kollettiv. Iż-żewġ kumpanniji li kienu jappartjenu lit-tieni wild u lill-mara tiegħu eżistew flimkien u t-tnejn li huma użaw, fuq il-kowċis tagħhom, indikazzjonijiet li jinkludu isem li jikkorrispondi għall-isem tat-tieni wild.

22

Matul is-sena 1995, wara l-mewt tat-tieni wild, l-attività tiegħu tkompliet miż-żewġt itfal tiegħu, Y u Z, li ħolqu, għal dan il-għan, Classic Coach, stabbilita wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi. Matul dawn l-aħħar snin, il-kowċis ta’ Classic Coach għandhom indikazzjoni, li tidher fuq il-parti ta’ wara tagħhom, li tinkludi b’mod partikolari l-isem tat-tieni wild, jew, b’mod iktar preċiż, l-inizjali tal-isem tiegħu segwit minn kunjomu.

23

Barra minn hekk, X hija l-proprjetarja ta’ trade mark verbali tal-Benelux, li ġiet irreġistrata fil‑15 ta’ Jannar 2008 għal, b’mod partikolari, servizzi fil-klassi 39, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, inklużi servizzi pprovduti minn kumpannija ta’ kowċis. Din it-trade mark tikkorrispondi għall-kunjom komuni għall-ewwel u t-tieni wild.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, X ippreżentat rikors quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), fejn talbet, b’mod partikolari, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jiġu kkundannati jwaqqfu definittivament kull kontrafazzjoni tat-trade mark verbali tal-Benelux tagħha u tal-ismijiet kummerċjali tagħha.

25

X ibbażat ir-rikors tagħha fuq il-fatt li, bl-użu tal-indikazzjoni li tikkorrispondi għall-isem tat-tieni wild, il-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu kisru d-drittijiet tiegħu għat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 2.20(1)(b) u (d) tal-Konvenzjoni Benelux, u d-drittijiet tiegħu għall-isem kummerċjali, fis-sens tal-Artikolu 5 tal-Handelsnaamwet (il-Liġi dwar l-Isem Kummerċjali).

26

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali kkontestaw l-allegata kontrafazzjoni, billi invokaw, b’mod partikolari, l-Artikolu 2.23(2) tal-Konvenzjoni Benelux, li essenzjalment jittrasponi l-Artikolu 6(2) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95. Barra minn hekk, il-konvenuti fil-kawża prinċipali opponew l-allegat ksur tal-isem kummerċjali billi invokaw, b’mod partikolari, il-prinċipju tad-dekadenza.

27

Permezz ta’ sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) laqgħet ir-rikors ta’ X iżda, permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Frar 2019, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat din is-sentenza u ċaħdet ir-rikors tagħha.

28

Adita bl-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat minn X, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) indikat li għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ meta tista’ tiġi ammessa l-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95.

29

F’dan ir-rigward, huwa b’mod partikolari konċepibbli li, sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dritt preċedenti, huwa neċessarju li, abbażi ta’ dan id-dritt, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, l-użu li l-proprjetarju jagħmel mit-trade mark jista’ jiġi pprojbit. Fil-fatt, mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li formulazzjoni, li tinsab fil-proposta inizjali, u li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għad-drittijiet preċedenti ta’ portata lokali li ma jistgħux jiġu invokati iktar kontra t-trade mark irreġistrata sussegwentement, finalment ma ġietx adottata.

30

Barra minn hekk, huwa wkoll konċepibbli li, sabiex tiġi ammessa l-eżistenza ta’ dritt preċedenti ta’ terz, huwa importanti li jkun magħruf jekk il-proprjetarju tat-trade mark għandux dritt saħansitra iktar preċedenti, irrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark u jekk, fl-affermattiv, abbażi ta’ dan id-dritt iktar preċedenti, l-użu tal-allegat dritt preċedenti ta’ dan it-terz jistax jiġi pprojbit.

31

F’dan il-każ, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet li X, proprjetarja tat-trade mark tal-Benelux, kellha drittijiet għall-isem kummerċjali iktar preċedenti minn dawk tal-konvenuti fil-kawża prinċipali fir-rigward tas-sinjal li huwa rreġistrat bħala trade mark. Madankollu, skont din il-qorti, X tilfet, minħabba d-dekadenza minħabba tolleranza, id-dritt tagħha li tipprojbixxi, abbażi ta’ dawn id-drittijiet preċedenti għall-isem kummerċjali, l-użu mill-konvenuti fil-kawża prinċipali tal-isem kummerċjali li jikkorrispondi għall-isem tat-tieni wild. B’hekk, X tinsab f’sitwazzjoni fejn hija ma tistax tipprojbixxi l-użu mill-konvenuti fil-kawża prinċipali ta’ dan l-isem kummerċjali abbażi tad-drittijiet tagħha iktar preċedenti għall-isem kummerċjali.

32

L-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-appell ta’ kassazzjoni ppreżentat kontra din l-evalwazzjoni tal-imsemmija qorti tiddependi mill-portata tal-kunċett ta’ “dritt preċedenti” li jinsab fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95. F’dan ir-rigward, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) tippreċiża li wieħed għandu jitlaq mill-premessa li l-ismijiet kummerċjali kollha inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma drittijiet irrikonoxxuti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 6(2).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ ‘dritt preċedenti’ ta’ terz fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva [2008/95],

a)

huwa suffiċjenti li dan it-terz ikun għamel użu fil-kummerċ, qabel ir-reġistrazzjoni tat-trade mark, minn dritt irrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jew

b)

huwa neċessarju li dan it-terz ikun jista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, jipprojbixxi l-użu tat-trade mark mill-proprjetarju tat-trade mark abbażi ta’ dan id-dritt preċedenti?

2)

Hija rilevanti wkoll, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, il-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-trade mark għandux dritt jerġa’ iktar preċedenti (irrikonoxxut mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat) fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark u, fl-affermattiv, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-proprjetarju tat-trade mark jistax, abbażi ta’ dan id-dritt irrikonoxxut jerġa’ iktar preċedenti, jipprojbixxi l-użu mit-terz tal-allegat ‘dritt preċedenti’?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huwa meħtieġ li l-proprjetarju ta’ dan id-dritt ikun jista’ jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha.

35

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-kawża prinċipali tirrigwarda kunflitt bejn diversi ismijiet kummerċjali identiċi jew simili, kollha rrikonoxxuti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fejn wieħed minnhom ġie sussegwentement irreġistrat, mill-proprjetarju tagħha, bħala trade mark. Madankollu, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu f’din id-deċiżjoni, minħabba d-dekadenza minħabba tolleranza, il-proprjetarju tat-trade mark irreġistrata ma jistax iktar, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jopponi, abbażi tal-isem kummerċjali iktar preċedenti li huwa stess juża, għall-użu tal-isem kummerċjali identiku jew simili użat minn terz.

36

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunċetti ekwivalenti li jinsabu fit-testi tad-dritt internazzjonali, u b’tali mod li jibqa’ kompatibbli magħhom, billi jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest li fih tali kunċetti jaqgħu u l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet konvenzjonali rilevanti fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

37

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-isem kummerċjali jikkostitwixxi dritt li jaqa’ taħt l-espressjoni “proprjetà intellettwali” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tal-Ftehim TRIPS. Barra minn hekk, mill-Artikolu 2(1) ta’ dan il-ftehim jirriżulta li l-protezzjoni tal-ismijiet kummerċjali, stabbilita speċifikament fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, hija espressament inkorporata fl-imsemmi ftehim. Il-protezzjoni tal-ismijiet kummerċjali hija għalhekk imposta fuq il-membri tal-WTO skont il-Ftehim TRIPS (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 91).

38

Barra minn hekk, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPs, dan għandu jkun dritt preċedenti eżistenti, peress li l-kelma “eżistenti” tfisser li d-dritt ikkonċernat għandu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Ftehim TRIPs u għandu jkun dejjem protett fil-mument meta dan id-dritt jiġi invokat mill-proprjetarju tiegħu sabiex jopponi l-pretensjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li magħha allegatament huwa ħoloq kunflitt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 94).

39

Barra minn hekk, anki jekk, skont l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-protezzjoni tal-isem kummerċjali għandha tiġi żgurata mingħajr ma tkun tista’ tiġi suġġetta għal xi kundizzjoni ta’ reġistrazzjoni, la l-Artikolu 16(1) tal-Ftehim TRIPS u lanqas l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi ma jostakolaw, bħala prinċipju, li, skont id-dritt nazzjonali, l-eżistenza tal-isem kummerċjali tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet relatati ma’ użu minimu jew ma’ għarfien minimu tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punti 9697).

40

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ preċedenza, dan ifisser li l-bażi tad-dritt ikkonċernat għandha tippreċedi fiż-żmien il-kisba tat-trade mark li magħha allegatament hemm kunflitt. Fil-fatt, din hija l-espressjoni tal-prinċipju tas-supremazija tat-titolu preċedenti ta’ esklużività, li jirrappreżenta wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tat-trade marks u, b’mod iktar ġenerali, tad-dritt kollu tal-proprjetà industrijali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser-Busch, C‑245/02, EU:C:2004:717, punt 98).

41

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(4)(c) tad-Direttiva 2008/95, il-kunċett ta’ “dritt preċedenti” jinkludi b’mod partikolari dritt ta’ proprjetà industrijali, peress li dan huwa biss tip ta’ proprjetà intellettwali. Issa, mill-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jirriżulta li l-isem kummerċjali jikkostitwixxi dritt ta’ proprjetà industrijali.

42

F’dan il-kuntest, għalkemm l-Artikolu 4(4)(c) tad-Direttiva 2008/95 iservi prinċipalment għal finijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, jiġifieri li jippermetti lill-proprjetarju ta’ dritt preċedenti li jopponi r-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew li jitlob li trade mark irreġistrata tiġi ddikjarata invalida, xorta jibqa’ l-fatt li l-kunċett ta’ “dritt preċedenti” użat f’dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandu jkollu l-istess tifsira, sa fejn, f’dan il-każ, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma esprimiex rieda differenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 188).

43

Konsegwentement, isem kummerċjali jista’ jikkostitwixxi dritt preċedenti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95.

44

Għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, għandu jitfakkar, qabelxejn, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl-Istati Membri, billi jitqiesu t-termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra, C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, għandu jiġi osservat li, minbarra l-kundizzjonijiet relatati, l-ewwel, mal-użu ta’ tali dritt fil-kummerċ, it-tieni, man-natura preċedenti ta’ dan id-dritt, it-tielet, mal-portata lokali tiegħu u, ir-raba’, mar-rikonoxximent tal-imsemmi dritt mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprevedi li, sabiex ikun jista’ jiġi invokat l-istess dritt kontra l-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti, it-terz għandu jkun jista’ jipprojbixxi l-użu tagħha.

46

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata kemm mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni kif ukoll mill-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2008/95. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(4)(b) u (c) ta’ din id-direttiva, Stat Membru jista’ jipprevedi li trade mark ma għandhiex tiġi rreġistrata jew, jekk hija rreġistrata, tista’ tiġi ddikjarata invalida, b’mod partikolari, minn naħa, meta u sa fejn id-drittijiet għal sinjal użat fil-kummerċ ikunu nkisbu qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti jew, jekk ikun il-każ, qabel id-data tal-prijorità invokata insostenn tal-applikazzjoni għat-trade mark sussegwenti, u meta dan is-sinjal jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark sussegwenti kif ukoll, min-naħa l-oħra, meta u sa fejn l-użu tat-trade mark jista’ jiġi pprojbit bis-saħħa ta’ dritt preċedenti, bħal dritt ta’ proprjetà industrijali.

47

Issa, b’differenza mir-raġunijiet għal rifjut jew għal invalidità li jikkonċernaw il-kunflitti ma’ drittijiet preċedenti, previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2008/95, intiżi jew sabiex jipprekludu r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, jew sabiex jinkiseb l-annullament tagħha, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi biss limitazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark irreġistrata, kif previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva.

48

Barra minn hekk, id-“drittijiet preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, għandu jkollhom biss portata lokali, li jfisser li, mill-perspettiva ġeografika, huma ma jistgħux jirrigwardaw territorju daqstant wiesa’ bħal dak kopert minn trade mark irreġistrata, peress li din tkopri, normalment, it-territorju kollu li għalih hija ġiet irreġistrata.

49

Tali approċċ, li jipprevedi li l-limitazzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark irreġistrata hija suġġetta għal kundizzjonijiet iktar flessibbli minn dawk meħtieġa sabiex tiġi prekluża r-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew sabiex tiġi ddikjarata invalida, huwa wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/95, li hija intiża, b’mod ġenerali, sabiex tibbilanċja, minn naħa, l-interessi tal-proprjetarju ta’ trade mark li jissalvagwardja l-funzjoni essenzjali tagħha u, min-naħa l-oħra, l-interessi ta’ operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom sinjali li jistgħu jindikaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

L-imsemmija interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-oriġini ta’ att tal-Unjoni tista’ turi elementi rilevanti għall-interpretazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Il-Ġermanja et vs Il-Kummissjoni, C‑177/19 P sa C‑179/19 P, EU:C:2022:10, punt 82). F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, fl-adozzjoni tad-Direttiva 89/104, li sussegwentement ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2008/95, it-test tal-attwali Artikolu 6(2) tagħha, kif propost mid-delegazzjoni Taljana lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ma ġiex adottat integralment. Skont il-proposta ta’ din id-delega, il-limitazzjoni tal-effetti tat-trade mark tapplika “anki jekk dan id-dritt [preċedenti] ma jkunx jista’ jiġi invokat kontra t-trade mark irreġistrata sussegwentement” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

51

Madankollu, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 biss għad-drittijiet preċedenti li jippermettu lill-proprjetarju tagħhom li jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti. Fil-fatt, tali kundizzjoni ċċaħħad lil din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha, sa fejn din tassimila l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni mal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-raġunijiet addizzjonali ta’ rifjut jew ta’ invalidità, previsti fl-Artikolu 4(4)(b) u (c) ta’ din id-direttiva.

52

Konsegwentement, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, sabiex jiġi invokat fil-konfront tal-proprjetarju ta’ trade mark sussegwenti, huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li d-dritt preċedenti ta’ portata lokali, bħal isem kummerċjali, ikun irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u li jintuża fil-kummerċ.

53

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li huwa meħtieġ li d-dritt preċedenti jagħti lill-proprjetarju tiegħu d-dritt li jipprojbixxi l-użu lokali ta’ trade mark irreġistrata sussegwentement tmur lil hinn mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/95, peress li din id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikoli 5 u 7 ta’ din id-direttiva, twettaq armonizzazzjoni kompleta tar-regoli dwar id-drittijiet li jirriżultaw mit-trade mark u b’hekk tiddefinixxi d-drittijiet li minnhom igawdu l-proprjetarji ta’ trade marks fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għandu jitfakkar ukoll li l-użu onest simultanju u għal żmien twil ta’ żewġ sinjali identiċi li jindikaw prodotti identiċi ma jippreġudikax jew ma jistax jippreġudika l-funzjoni essenzjali tat-trade mark li hija li tiggarantixxi lill-konsumaturi l-oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi. Madankollu, fil-każ ta’ użu, fil-futur, ta’ kwalunkwe proċedura diżonesta fl-użu ta’ dawn is-sinjali, tali sitwazzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2011, Budějovický Budvar, C‑482/09, EU:C:2011:605, punti 8283).

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-proprjetarju ta’ dan id-dritt ikun jista’ jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha.

Fuq it‑tieni domanda

56

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi rrikonoxxut lil terz f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jkollu dritt saħansitra iktar preċedenti, irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark u, skont il-każ, jekk il-fatt li, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, il-proprjetarju tat-trade mark u tad-dritt saħansitra iktar preċedenti ma jkunx iktar jista’ jipprojbixxi, abbażi ta’ dan tal-aħħar dritt, l-użu, mit-terz, tad-dritt iktar reċenti tiegħu jaffettwax l-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

57

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li d-Direttiva 2008/95 tirregola, bħala prinċipju, mhux ir-relazzjonijiet bejn id-diversi drittijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “drittijiet preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tagħha, iżda r-relazzjonijiet tagħhom mat-trade marks miksuba permezz tar-reġistrazzjoni.

58

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2008/95 tapplika, essenzjalment, għat-trade marks li kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni jew ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

59

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(4)(b) u (c) u l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva jirregolaw il-kunflitti ta’ trade marks irreġistrati jew ta’ applikazzjonijiet għal trade mark ma’ drittijiet preċedenti.

60

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata kemm mill-formulazzjoni tal-premessa 5 tad-Direttiva 2008/95, li tirrigwarda r-relazzjonijiet tat-trade marks miksuba permezz tal-użu mat-trade marks miksuba permezz tar-reġistrazzjoni, kif ukoll mill-Artikolu 9(3) ta’ din id-direttiva, minn fejn jirriżulta li, fir-rigward tad-dekadenza minħabba tolleranza, dan l-artikolu jirregola biss ir-relazzjonijiet ta’ drittijiet preċedenti mat-trade marks irreġistrati sussegwenti.

61

Konsegwentement, ir-relazzjonijiet bejn id-diversi drittijiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “drittijiet preċedenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95, huma prinċipalment irregolati mid-dritt intern tal-Istat Membru kkonċernat.

62

Għaldaqstant, dak li huwa importanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, huwa li d-dritt invokat mit-terz ikun irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u li dan id-dritt ikun għadu protett fil-mument meta jiġi invokat mill-proprjetarju tiegħu sabiex jopponi l-pretensjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li magħha allegatament hemm kunflitt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza.

63

F’dan il-kuntest, il-fatt li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti għandu dritt saħansitra iktar preċedenti, irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark, jista’ jkollu effett fuq l-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn, billi jibbaża ruħu fuq dan id-dritt iktar preċedenti, il-proprjetarju tat-trade mark jista’ effettivament jopponi l-pretensjoni ta’ dritt preċedenti jew jillimitah, liema fatt għandu, f’dan il-każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli.

64

Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn dritt invokat minn terz ma jibqax protett skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, ma jistax jitqies li dan id-dritt jikkostitwixxi “dritt preċedenti” rrikonoxxut mill-imsemmija liġi, fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi rrikonoxxut lil terz f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jkollu dritt saħansitra iktar preċedenti, irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark, sakemm, skont din il-liġi, il-proprjetarju tat-trade mark u tad-dritt iktar preċedenti ma jkunx iktar jista’ jipprojbixxi, abbażi tad-dritt iktar preċedenti tiegħu, l-użu, mit-terz, tad-dritt iktar reċenti.

Fuq l‑ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex meħtieġ li l-proprjetarju ta’ dan id-dritt ikun jista’ jipprojbixxi l-użu tat-trade mark sussegwenti mill-proprjetarju tagħha.

 

2)

L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li “dritt preċedenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jiġi rrikonoxxut lil terz f’sitwazzjoni fejn il-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jkollu dritt saħansitra iktar preċedenti, irrikonoxxut mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat, fuq is-sinjal irreġistrat bħala trade mark, sakemm, skont din il-liġi, il-proprjetarju tat-trade mark u tad-dritt iktar preċedenti ma jkunx iktar jista’ jipprojbixxi, abbażi tad-dritt iktar preċedenti tiegħu, l-użu, mit-terz, tad-dritt iktar reċenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top