Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0019

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-1 ta’ Awwissu 2022.
    I u S vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 8(2) u Artikolu 27(1) – Minuri mhux akkumpanjat li qarib tiegħu ikun jinsab legalment fi Stat Membru ieħor – Ċaħda minn dan l-Istat Membru tal-applikazzjoni għal teħid inkarigu ta’ dan il-minuri – Dritt għal rimedju effettiv tal-imsemmi minuri jew ta’ dan il-qarib kontra d-deċiżjoni ta’ caħda – Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Interessi superjuri tal-wild.
    Kawża C-19/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:605

     SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

    1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 8(2) u Artikolu 27(1) – Minuri mhux akkumpanjat li qarib tiegħu ikun jinsab legalment fi Stat Membru ieħor – Ċaħda minn dan l-Istat Membru tal-applikazzjoni għal teħid inkarigu ta’ dan il-minuri – Dritt għal rimedju effettiv tal-imsemmi minuri jew ta’ dan il-qarib kontra d-deċiżjoni ta’ caħda – Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Interessi superjuri tal-wild”

    Fil-Kawża C‑19/21,

    li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

    I,

    S

    vs

    Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

    komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot (Relatur), M. Safjan, A. Kumin, M. L. Arastey Sahún, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

    Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,

    wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2022,

    wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

    għal I u S, minn N. C. Blomjous u A. Hoftijzer, advocaten,

    għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman, H. S. Gijzen u P. Huurnink, bħala aġenti,

    għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

    għall-Gvern Elleniku, minn M. Michelogiannaki, bħala aġent,

    għall-Gvern Franċiż, minn A.‑L. Desjonquères u D. Dubois, bħala aġenti,

    għall-Gvern Svizzeru, minn S. Lauper, bħala aġent,

    għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azema, C. Cattabriga u G. Wils, bħala aġenti,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ April 2022,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1

    It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

    2

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, I u S, ċittadini Eġizzjani, u, min-naħa l-oħra, l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jilqa’ talba mill-awtoritajiet Griegi għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ta’ I.

    Il‑kuntest ġuridiku

    3

    Il-premessi 4, 5, 9, 13, 14, 16, 19 u 39 tar-Regolament Dublin III jgħidu li:

    “(4)

    Il-konklużjonijiet [tal-laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew f’Tampere fil‑15 u fis‑16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA)] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

    (5)

    Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

    […]

    (9)

    Fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjonijiet magħmula tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ewwel fażi, huwa xieraq, f’dan l-istadju, li jkunu kkonfermati l-prinċipji sottostanti għar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Stat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109)], waqt li jsir it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, għall-effettività tas-sistema ta’ Dublin u l-protezzjoni mogħtija lill-applikanti skont dik is-sistema. […]

    […]

    (13)

    F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal‑1989 u mal-[Karta], l-aħjar interess tat-tifel/tifla għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru meta japplikaw dan ir-Regolament. […]

    (14)

    F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali u mal-[Karta], ir-rispett lejn il-ħajja tal-familja għandha tkun konsiderazzjoni prinċipali tal-Istati Membru fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    […]

    (16)

    Sabiex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-unità tal-familja u għall-aħjar interess tat-tifel/tifla, l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejn applikant u t-tifel/tifla, aħwa jew ġenitur tiegħu/tagħha minħabba tqala jew maternità, l-istat tas-saħħa jew ix-xjuħija tal-applikant, għandha ssir kriterju ta’ responsabbiltà li jorbot. Meta l-applikant huwa minorenni mhux akkompanjat, il-preżenza ta’ membru tal-familja jew qarib f’territorju ta’ Stat Membru ieħor li jista’ jieħu ħsiebu jew ħsiebha għandha wkoll issir kriterju ta’ responsabbiltà li jorbot.

    […]

    (19)

    Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-[Karta]. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.

    […]

    (39)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji li huma rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fil-[Karta]. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jfittex li jiżgura osservanza sħiħa tad-dritt tal-asil iggarantit bl-Artikolu 18 tal-Karta kif ukoll tad-drittijiet rikonoxxuti taħt l-Artikoli 1. 4. 7, 24 u 47 tiegħu. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun implimentat kif meħtieġ.”

    4

    L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Suġġett”, jipprevedi li:

    “Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’).”

    5

    L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jindika li:

    “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

    […]

    (b)

    ‘applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kif definit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)];

    […]

    (d)

    ‘eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali’ tfisser kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE u d-Direttiva 2013/32/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60),] ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament;

    […]

    (g)

    ‘mem[b]ri tal-familja’ tfisser, sakemm il-familja diġà kienet teżisti fil-pajjiż ta’ oriġini, dawn il-membri tal-familja tal-applikant li huma preżenti fit-territorju tal-Istati Membri:

    meta l-applikant ikun minorenni u mhux miżżewweġ, il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-applikant, kemm jekk bil-liġi kif ukoll jekk bil-prattika tal-Istat Membru fejn l-adult ikun preżenti;

    (h)

    ‘qarib’ ifisser iz-zija jew iz-ziju jew in-nannu/a tal-applikant li huwa preżenti fit-territorju ta’ Stati Membru, irrispettivament minn jekk l-applikant twilidx fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġiex adottat kif definit taħt id-dritt nazzjonali[;]

    (i)

    ‘minorenni’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida taħt l-età ta’ 18‑il sena;

    (j)

    ‘minorenni mhux akkumpanjat’ tfisser minorenni li jasal fit- it-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew għaliha, kemm jekk bil-liġi kif ukoll bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u għaż-żmien li huwa jew hija ma tkunx fil-kura ta’ tali adult; din tinkludi minorenni li j/titħalla mhux akkumpanjat/a wara li huwa jew hija jkunu daħlu fit-territorju tal-Istati Membri;

    […]”

    6

    Skont l-Artikolu 5 tal-istess regolament, intitolat “L-Intervista personali”:

    “1.   Biex jiffaċilita l-proċess biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli, l-Istat Membru determinanti għandu jagħmel intervista personali mal-applikant. L-intervista għandha tippermetti wkoll li tinftiehem tajjeb l-informazzjoni mogħtija lill-applikant skont l-Artikolu 4.

    […]

    6.   L-Istat Membru li jagħmel l-intervista personali għandu jagħmel taqsira bil-miktub tagħha li għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni prinċipali mogħtija mill-applikant fl-intervista. Din it-taqsira tista’ tkun f’għamla ta’ rapport jew għamla standard. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-applikant u/jew il-konsulent legali jew kunsillier ieħor li qed jirrappreżenta lill-applikant ikollu aċċess f’waqtu għat-taqsira.”

    7

    L-Artikolu 6 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Garanziji għall- minorenni”, jgħid li:

    “1.   L-aħjar interess tat-tifel jew tifla għandha tkun il-konsiderazzjoni prinċipali għall-Istati Membri fir-rigward tal-proċeduri kollha stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    […]

    3.   Fil-valutazzjoni tal-aħjar interess tat-tifel jew tifla, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw flimkien mill-viċin u, b’mod partikolari, għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni xierqa l-fatturi li ġejjin:

    (a)

    il-possibbiltajiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja;

    […]

    4.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8, l-Istat Membru fejn il-minorenni mhux akkumpanjat ikun iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandu, kemm jista’ jkun malajr, jieħu azzjoni adatta biex jidentifika l-membri tal-familja, aħwa jew qraba tal-minorenni mhux akkumpanjat fit- territorju tal-Istati Membri, filwaqt li jipproteġu l-aħjar interessi tat-tifel jew it-tifla.

    […]”

    8

    Il-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kriterji biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli”, jinkludi l-Artikoli 7 sa 15 tiegħu.

    9

    L-Artikolu 8(1) sa (4) tal-imsemmi regolament, intitolat “Minorenni”, jipprevedi li:

    “1.   Fejn l-applikant ikun minorenni mhux akkumpanjat, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn membru tal-familja jew ħu jew oħt il-minorenni mhux akkumpanjat ikunu legalment preżenti, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni. Fejn l-applikant ikun minorenni miżżewweġ li l-konjuġi tiegħu ma jkunx legalment preżenti fit-territorju tal-Istati Membri, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun l-Istati Membru fejn il-missier, l-omm, jew adult ieħor responsabbli għall-minuri, kemm jekk permezz tal-liġi jew bil-prattika ta’ dak l-Istat Membru, jew ħu jew oħtu jkunu legalment preżenti[.]

    2.   Fejn l-applikant huwa minorenni mhux akkumpanjat li għandu qarib li huwa legalment preżenti fi Stat Membru ieħor u fejn ikun stabbilit, abbażi ta’ eżami individwali, li l-qarib jista’ jieħu ħsiebu jew ħsiebha, dak l-Istat Membru għandu jgħaqqad il-minorenni mal-qarib tiegħu jew tagħha u għandu jkun l-Istat Membru responsabbli, sakemm dan ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni.

    3.   Fejn membri tal-familja, aħwa jew qraba kif imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 joqogħdu f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istat Membru responsabbli għandu jiddeċiedi fuq il-bażi ta’ x’inhu l-aħjar interess tal-persuna minorenni mhux akkumpanjata.

    4.   Fl-assenza ta’ membru tal-familja, ħu jew oħt jew qarib kif imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru responsabbli għandu jkun dak fejn il-minorenni mhux akkumpanjat jkun iddepożita l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm dan ikun fl-aħjar interess tal-persuna minorenni.”

    10

    L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Membri tal-familja li huma benefiċarji tal-protezzjoni internazzjonali”, jistabbilixxi li:

    “Fejn l-applikant għandu membru tal-familja, bla ma jitqies jekk il-familja kenitx ifformata qabel fil-pajjiż ta’ oriġini jew le, li kien tħalla jirrisjedi bħala benefiċarju ta’ protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

    11

    L-Artikolu 10 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Membri tal-familja li huma applikanti għall-protezzjoni internazzjonali”, jindika li:

    “Jekk l-applikant għandu membru tal-familja fi Stat Membru li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu f’dak l-Istat Membru tkun għadha ma kenitx suġġetta għall-ewwel deċiżjoni fir-rigward tas-sustanza, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, sakemm il-persuni kkonċernati esprimew ix-xewqa tagħhom bil-miktub.”

    12

    L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Preżentazzjoni ta’ talba biex jittieħed inkarigu”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.

    […]

    Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.”

    13

    L-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament, intitolat “Rimedji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

    “L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.”

    Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    14

    Fit‑23 ta’ Diċembru 2019, I, ċittadin Eġizzjan, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Greċja meta kien għadu minuri. Waqt l-applikazzjoni tiegħu, huwa esprima x-xewqa li jingħaqad ma’ S, zijuh, li huwa wkoll ċittadin Eġizzjan, li kien jirrisjedi regolarment fil-Pajjiżi l-Baxxi u li kien ta l-kunsens tiegħu f’dan ir-rigward.

    15

    Fl‑10 ta’ Marzu 2020, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu ta’ I quddiem l-awtoritajiet Olandiżi, ibbażata fuq l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III, fid-dawl tal-fatt li qarib tal-persuna kkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ dan ir-regolament, kien jinsab legalment fil-Pajjiżi l-Baxxi u seta’ jieħu ħsiebu.

    16

    Fit‑8 ta’ Mejju 2020, is-Segretarju tal-Istat ċaħad din it-talba minħabba li l-identità ta’ I u, għaldaqstant, ir-rabta ta’ parentela allegata ma’ S ma setgħux jiġu stabbiliti.

    17

    Fit‑28 ta’ Mejju 2020, l-awtoritajiet Griegi ressqu talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 343/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200). Din it-talba ġiet miċħuda fil‑11 ta’ Ġunju 2020.

    18

    Min-naħa tagħhom, I u S ukoll ippreżentaw ilment quddiem is-Segretarju tal-Istat kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu.

    19

    Fis‑26 ta’ Ġunju 2020, is-Segretarju tal-Istat ċaħad dan l-ilment bħala manifestament inammissibbli għar-raġuni li r-Regolament Dublin III ma jipprevedix il-possibbiltà għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jikkontestaw deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu.

    20

    Fl-istess jum, I u S adixxew lir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni, li fil-kuntest tiegħu huma sostnew, essenzjalment, li kull wieħed minnhom kellu d-dritt jirrikorri għal tali rimedju ġudizzjarju, skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III.

    21

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Haarlem) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-Artikolu 27 tar-Regolament [Dublin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeżiġi li l-Istat Membru mitlub, [moqri] flimkien jew le mal-Artikolu 47 tal-[Karta], jagħti lill-applikant li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjedenti u li jixtieq jiġi ttrasferit skont l-Artikolu 8 (jew skont l-Artikolu 9 jew 10) tar-Regolament [Dublin III], jew inkella lill-membru tal-familja tal-applikant li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 8, 9 jew 10 tar-Regolament [Dublin III], rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu [teħid inkarigu]?

    2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u l-Artikolu 27 tar-Regolament [Dublin III] ma jistax iservi bħala bażi għal rimedju effettiv, l-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mad-dritt fundamentali għall-unità tal-familja u għall-interess tal-wild (kif stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 10 u fil-premessa 19 tar-Regolament [Dublin III]), għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li l-Istat Membru mitlub jagħti lill-applikant li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjedenti u li jixtieq jiġi ttrasferit skont l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament [Dublin III], jew inkella lill-membru tal-familja tal-applikant li hemm riferiment għalih fl-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament [Dublin III], rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem qorti kontra ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal teħid ta’ inkarigu?

    3)

    Jekk l-ewwel domanda jew it-tieni domanda (it-tieni parti) jingħataw risposta fl-affermattiv, b’liema mod u minn liema Stat Membru d-deċiżjoni ta’ rifjut tal-Istat mitlub u d-dritt li jiġi ppreżentat rikors kontra din għandhom jiġu mgħarrfa lill-applikant jew lill-membru tal-familja tal-applikant?”

    Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    22

    Il-qorti tar-rinviju talbet li din il-kawża tkun suġġetta għal proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 107 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fis‑27 ta’ Jannar 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba minħabba, b’mod partikolari, li I, li sar maġġorenni fil‑5 ta’ Novembru 2020, ma kienx imċaħħad mil-libertà.

    23

    Madankollu, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fid‑9 ta’ Settembru 2021, li jissuġġetta din il-kawża għal trattament prijoritarju, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    Fuq id‑domandi preliminari

    Osservazzjonijiet preliminari

    24

    Fl-ewwel u fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal applikant li jixtieq jiġi ttrasferit skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Dublin III jew skont l-Artikoli 9 u 10 tiegħu kif ukoll għal qarib, li hija tqis li huwa kopert minn dawn l-artikoli.

    25

    Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-applikazzjoni għal teħid inkarigu inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna applikant għal protezzjoni internazzjonali, ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjedenti u li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, kien minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Dublin III, fejn din id-data hija deċiżiva għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ applikant bħala “minuri” għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 64). Dan l-applikant jixtieq jerġa’ jingħaqad ma’ persuna, li jallega hija zijuh u li tirrisjedi fl-Istat Membru rikjest.

    26

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li z-ziju ta’ applikant minuri, sakemm ma jkunx responsabbli ta’ dan tal-aħħar abbażi tad-dritt jew ta’ prassi tal-Istat Membru li fih jinsab dan iz-ziju, jagħmel parti mill-qraba ta’ dan l-applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tar-Regolament Dublin III, u mhux mill-membri tal-familja tiegħu, fis-sens tal-Artikolu 2(g) ta’ dan ir-regolament.

    27

    Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 8 tar-Regolament Dublin III, li jippreċiża l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għal dak li jirrigwarda l-applikant għal protezzjoni internazzjonali minuri mhux akkumpanjat, tali sitwazzjoni hija rregolata mill-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u huwa effettivament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni li l-awtoritajiet Griegi ressqu talba lill-awtoritajiet Olandiżi għat-teħid inkarigu ta’ I.

    28

    Barra minn hekk, l-Artikoli 9 jew 10 tar-Regolament Dublin III, li huma relatati, rispettivament, mal-preżenza fi Stat Membru ta’ membri tal-familja tal-applikant benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jew ta’ membri tal-familja li huma stess jkunu qegħdin jitolbu protezzjoni internazzjonali, ma jidhrux li huma rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali.

    29

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-ewwel u t-tieni domanda jiġu eżaminati b’mod li dan l-eżami jiġi limitat għas-sitwazzjoni fejn l-applikazzjoni għal teħid inkarigu kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III.

    Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

    30

    Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istat Membru li lilu tkun tressqet talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu, ibbażata direttament fuq l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu li jagħti dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu lill-minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament, li jkun qiegħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali, jew lill-qarib ta’ dan il-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-istess regolament, jew jekk, fin-nuqqas ta’ dan, tali dritt għal rimedju jingħatax direttament mill-Artikolu 47 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 7 u mal-Artikolu 24(2) tagħha.

    31

    Skont l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jew ta’ reviżjoni, fil-fatt u fid-dritt, ta’ din id-deċiżjoni, quddiem qorti.

    32

    Għalkemm huwa minnu li, abbażi ta’ interpretazzjoni letterali, din id-dispożizzjoni tidher li tagħti dritt għal rimedju lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali biss għall-finijiet li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ trasferiment, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma teskludix madankollu li dritt għal rimedju jingħata wkoll lill-applikant minuri mhux akkumpanjat sabiex jikkontesta deċiżjoni ta’ rifjut li tintlaqa’ applikazzjoni għal teħid inkarigu bbażata fuq l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III.

    33

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’rispett tad-drittijiet fundamentali (sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 60).

    34

    Għandu jiġi osservat ukoll li l-premessa 39 tar-Regolament Dublin III tenfasizza l-importanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni jagħti lir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta u tafferma li dan ir-regolament “għandu […] ikun implimentat kif meħtieġ”.

    35

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, iżda wkoll l-għanijiet tiegħu, l-istruttura ġenerali tiegħu u l-kuntest tiegħu, u b’mod partikolari l-evoluzzjoni li għadda minnha fis-sistema li minnha jagħmel parti, sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta, teħtieġx l-eżistenza ta’ rimedju kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut ta’ teħid inkarigu.

    36

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna, li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jiġu miksura, għandha dritt għal rimedju effettiv, taħt il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu. Ma’ dan id-dritt jikkorrispondi l-obbligu impost fuq l-Istati Membri, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni ġudizzjarja kontra talba għal informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47).

    37

    Għal dak li jirrigwarda s-sistema ta’ ażil, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tar-Regolament Dublin III, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma llimitax ruħu li jistabbilixxi regoli li jirregolaw biss ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, iżda ddeċieda li jinvolvi f’dan il-proċess l-applikanti għall-ażil, billi impona fuq l-Istati Membri l-obbligu li jinformawhom bil-kriterji ta’ responsabbiltà u li joffrulhom il-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta ta’ dawn il-kriterji, kif ukoll billi jiżgurawlhom dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment eventwalment meħuda mal-eżitu tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 51).

    38

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Dublin III, mill-premessa 9 tiegħu jirriżulta li dan ir-regolament, filwaqt li jikkonferma l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat ir-regolament preċedenti, jiġifieri r-Regolament Nru 343/2003, huwa intiż li jġib it-titjib neċessarju, fid-dawl tal-esperjenza, mhux biss għall-effikaċja tas-sistema ta’ Dublin, iżda wkoll għall-protezzjoni mogħtija lill-applikanti, fejn din hija b’mod partikolari żgurata mill-protezzjoni ġudizzjarja li jibbenefikaw minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 52).

    39

    Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li interpretazzjoni restrittiva tal-portata tar-rimedju previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III tista’ b’mod partikolari tfixkel it-twettiq ta’ dan l-għan billi ċċaħħad id-drittijiet l-oħra tal-applikant għall-ażil stabbiliti minn dan ir-regolament minn effett utli. Għalhekk, l-obbligi, stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li l-applikanti għall-ażil jiġu offerti l-possibbiltà li jipprovdu l-informazzjoni li tippermetti l-applikazzjoni korretta tal-kriterji ta’ responsabbiltà stabbiliti mill-istess regolament u li jiġi żgurat l-aċċess ta’ dawn l-applikanti għas-sunti tal-intervisti mwettqa għal dan il-għan jirriskjaw li jiġu miċħuda minn effett utli jekk jiġi eskluż li applikazzjoni żbaljata ta’ dawn il-kriterji, jekk ikun il-każ billi ma tittiħidx inkunsiderazzjoni informazzjoni pprovduta minn dawn l-applikanti, tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 53).

    40

    Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ikkonkludiet li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri fid-dawl tal-premessa 19 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rimedju eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, dwar il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punti 61 u d-dispożittiv).

    41

    Issa, il-protezzjoni ġudizzjarja ta’ applikant minuri mhux akkumpanjat ma tistax tvarja, fir-rigward tal-osservanza tal-kriterju obbligatorju ta’ responsabbiltà li jinsab fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III, skont jekk dan l-applikant huwiex is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, meħuda mill-Istat Membru rikjedenti, jew ta’ deċiżjoni li permezz tagħha l-Istat Membru rikjest jiċħad it-talba għall-finijiet tat-teħid inkarigu tal-imsemmi applikant.

    42

    Fil-fatt, bħal fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, tali deċiżjoni ta’ rifjut ta’ teħid inkarigu tista’ tippreġudika d-dritt li l-minuri mhux akkumpanjat jislet mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III li jingħaqad ma’ qarib li jista’ jieħu ħsiebu, għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, fiż-żewġ każijiet, il-minuri kkonċernat għandu jitħalla jirrikorri għal rimedju sabiex jinvoka l-ksur tal-imsemmi dritt, konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

    43

    B’hekk, huwa paċifiku li, f’dan il-każ, konformement mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, fil-każ li I, wara l-wasla tiegħu fil-Greċja, ikun mar il-Pajjiżi l-Baxxi u jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-aħħar Stat Membru, u mhux fil-Greċja, u fil-każ li l-awtoritajiet Griegi jkunu aċċettaw it-teħid inkarigu ta’ I bħala Stat Membru tal-ewwel wasla, il-persuna kkonċernata kien ikollha mingħajr dubju d-dritt li tirrikorri għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment adottata mill-awtoritajiet Olandiżi, abbażi tal-fatt li wieħed mill-qraba tiegħu kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi.

    44

    F’tali każ, din il-persuna kkonċernata tkun tista’ tinvoka b’mod utli l-ksur tad-dritt li hija tislet bħala minuri mhux akkumpanjat mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III filwaqt li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 u 87 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru ta’ dħul u li hemmhekk jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali jiġi mċaħħad minn tali possibbiltà peress li, f’din is-sitwazzjoni, ma tiġi adottata ebda deċiżjoni ta’ trasferiment.

    45

    Minn dan isegwi li, sabiex ikun jista’ jinvoka ksur tad-dritt mogħti mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III u għalhekk sabiex jibbenefika mill-protezzjoni effikaċi tad-drittijiet tiegħu li dan ir-regolament, konformement mal-premessa 19 tiegħu, huwa intiż li jistabbilixxi, applikant minuri mhux akkumpanjat għandu jkun jista’ jirrikorri għal rimedju ġudizzjarju, skont l-Artikolu 27(1) tal-imsemmi regolament, mhux biss fil-każ fejn l-Istat Membru rikjedenti jadotta deċiżjoni ta’ trasferiment, iżda wkoll fil-każ fejn l-Istat Membru rikjest jirrifjuta t-teħid inkarigu tal-persuna kkonċernata.

    46

    Tali interpretazzjoni hija iktar u iktar neċessarja peress li, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 52 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III huwa intiż li jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tal-minuri mhux akkumpanjati, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 24 tal-Karta.

    47

    Ċertament, id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tal-Karta li jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, ma jistabbilixxix, b’mod ġenerali, dritt għall-unità tal-familja estiża. Madankollu, sa fejn dan l-Artikolu 7 għandu jinqara flimkien mal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-wild bħala kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha relatati mal-ulied, stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, État belge (Riunifikazzjoni tal-familja – Wild minuri), C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19, EU:C:2020:577, punt 34), kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Dublin III, l-interess li jista’ jkollu applikant minuri mhux akkumpanjat sabiex ikun qrib il-membri tal-familja estiża tiegħu għall-finijiet tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali għandu jitqies li huwa protett minn dawn id-dispożizzjonijiet. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li, kif tenfasizza l-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, il-minuri mhux akkumpanjati jeħtieġu, minħabba l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, garanziji proċedurali speċifiċi. Barra minn hekk, għalkemm, konformement mal-Artikolu 8(2) tal-imsemmi regolament, l-indikazzjoni tal-Istat Membru li fih jinsab il-qarib tal-applikant minuri mhux akkumpanjat bħala l-Istat Membru responsabbli hija suġġetta għall-kundizzjoni li din tkun “fl-aħjar interessi tal-minorenni”, minn din id-dispożizzjoni, mill-premessi 14 u 16, kif ukoll mill-Artikolu 6(3)(a) u (4) ta’ dan l-istess regolament, jirriżulta li r-rispett tal-ħajja tal-familja u, b’mod iktar partikolari, il-possibbiltà li minuri mhux akkumpanjat jerġa’ jingħaqad ma’ qarib li jkun jista’ jieħu ħsiebu waqt li l-applikazzjoni tiegħu tkun qiegħda tiġi pproċessata hija, bħala prinċipju, fl-interessi superjuri tal-wild (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, M.A. et, C‑661/17, EU:C:2019:53, punt 89).

    48

    Barra minn hekk, l-Artikolu 24(1) tal-Karta, li jiddikjara li l-ulied għandhom dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-benesseri tagħhom, jippreċiża li l-opinjoni tagħhom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għas-suġġetti li jikkonċernawhom, skont l-età tagħhom u l-maturità tagħhom.

    49

    Għaldaqstant, il-minuri mhux akkumpanjat li jitlob il-protezzjoni internazzjonali għandu jkun jista’ jinvoka quddiem qorti d-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 7 u mill-Artikolu 24(2) tal-Karta kif ukoll mill-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III sabiex jikkontesta, fid-dritt u fil-fatt, deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    50

    Għall-kuntrarju, għal dak li jirrigwarda l-qarib tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Dublin III, li jirrisjedi fl-Istat Membru rikjest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament ma jagħtihx dritt għal rimedju. Barra minn hekk, la l-Artikolu 7 u l-Artikolu 24(2) tal-Karta u lanqas l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III ma jagħtuh drittijiet li huwa jista’ jinvoka quddiem qorti kontra tali deċiżjoni ta’ ċaħda, b’tali mod li dan il-qarib lanqas ma jista’ jislet dritt għal rimedju legali kontra tali deċiżjoni abbażi biss tal-Artikolu 47 tal-Karta.

    51

    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Gvern Franċiż li jgħid li l-qorti adita b’rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu għandha biss setgħat limitati ħafna għar-raġuni li hija tista’, kważi fil-każijiet kollha, tikkonstata biss l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III u hija obbligata, skont it-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu 1, tikkonferma t-trasferiment ipso jure tar-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil lill-Istat Membru li quddiemu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    52

    Fil-fatt, minn naħa, kuntrarjament għal dak li jsostni dan il-gvern, dan l-argument ma jsib ebda sostenn fis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss f’din is-sentenza dwar il-kwistjoni jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali jistax jinvoka l-ksur ta’ terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament.

    53

    Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn it-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu li tat lok għar-rifjut tkun tressqet fit-termini previsti fl-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III, ir-rekwiżit tan-natura effettiva tar-rimedji ġudizzjarji jipprekludi li ma jiġux misluta l-konsegwenzi kollha tan-natura eventwalment illegali tar-rifjut ta’ teħid inkarigu, b’mod partikolari għar-raġuni li rimedju kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut ikun jimplika qbiż ta’ dawn it-termini.

    54

    Barra minn hekk, għalkemm mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għall-minuri mhux akkumpanjati, ma għandhiex tiġi estiża iktar milli neċessarju l-proċedura għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, li jimplika li dawn ma jiġux, bħala prinċipju, ittrasferiti lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2013, M.A. et, C‑648/11, EU:C:2013:367, punti 5561), xorta jibqa’ l-fatt li l-Istati Membri huma obbligati li josservaw il-kriterji speċifiċi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ta’ minuri, bħal dawk previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III, li għandhom jiġu applikati fl-interessi superjuri tal-wild u li għandhom preċiżament l-għan li jiżguraw li dan ikun protett fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ried jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57). Din il-konstatazzjoni tapplika, b’mod partikolari, fil-każ li jiġu invokati l-garanziji ta’ proċeduri speċifiċi previsti għall-finijiet tal-protezzjoni tal-minuri mhux akkumpanjati.

    55

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-Istat Membru li lilu tkun tressqet talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu, ibbażata direttament fuq l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu li jagħti dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu lill-minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament, li jkun qiegħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali, iżda mhux lill-qarib ta’ dan il-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-istess regolament.

    Fuq it‑tielet domanda

    56

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li jiġi ppreċiżat b’liema mod u minn liema Stat Membru d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu indirizzata skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Dublin III u l-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal rimedju ġudizzjarju kontriha għandhom jinġiebu għall-attenzjoni tal-minuri mhux akkumpanjat jew tal-qarib tiegħu.

    57

    Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għal din id-domanda għal dak li jirrigwarda l-qarib tal-minuri mhux akkumpanjat.

    58

    Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-minuri mhux akkumpanjat, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet ikkomunikata lil I u li dan tal-aħħar ikkontestaha quddiem qorti.

    59

    Minn dan isegwi li r-risposta għat-tielet domanda ma hijiex neċessarja għall-finijiet tal-kawża prinċipali u li għalhekk ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

    Fuq l‑ispejjeż

    60

    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

     

    Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

     

    L-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikoli 7, 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

     

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

     

    jimponi fuq l-Istat Membru li lilu tkun tressqet talba għall-finijiet ta’ teħid inkarigu, ibbażata direttament fuq l-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, l-obbligu li jagħti dritt għal rimedju ġudizzjarju kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut tiegħu lill-minuri mhux akkumpanjat, fis-sens tal-Artikolu 2(j) tal-imsemmi regolament, li jkun qiegħed japplika għall-protezzjoni internazzjonali, iżda mhux lill-qarib ta’ dan il-minuri, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tal-istess regolament.

     

    Firem


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

    Top