EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0018

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-15 ta’ Settembru 2022.
Uniqa Versicherungen AG vs VU.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberster Gerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament Nru 1896/2006 – Artikolu 16(2) – Terminu ta’ tletin jum għat-tressiq ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea – Artikolu 20 – Proċedura ta’ reviżjoni – Artikolu 26 – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għall-kwistjonijiet proċedurali mhux espressament irregolati minn dan ir-regolament – Pandemija tal-COVID‑19 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li pprevediet interruzzjoni ta’ ftit ġimgħat tat-termini proċedurali fil-qasam ċivili.
Kawża C-18/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:682

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament Nru 1896/2006 – Artikolu 16(2) – Terminu ta’ tletin jum għat-tressiq ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea – Artikolu 20 – Proċedura ta’ reviżjoni – Artikolu 26 – Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali għall-kwistjonijiet proċedurali mhux espressament irregolati minn dan ir-regolament – Pandemija tal-COVID‑19 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li pprevediet interruzzjoni ta’ ftit ġimgħat tat-termini proċedurali fil-qasam ċivili”

Fil-Kawża C‑18/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

Uniqa Versicherungen AG

vs

VU,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, N. Jääskinen, M. Safjan u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Uniqa Versicherungen AG, minn S. Holter, Rechtsanwalt, u S. Pechlof, Prozessbevollmächtigter,

għal VU, minn M. Brandt, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, E. Samoilova, U. Scheuer u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, V. Karra u A. Magrippi, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑31 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 26, moqrija flimkien mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1896/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Uniqa Versicherungen AG, kumpannija tal-assigurazzjoni Awstrijaka, u VU, ċittadin Ġermaniż, dwar l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea li ġiet innotifikata lil dan tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 8, 9, 18 u 24 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma fformulati kif ġej:

“(8)

L-impedimenti li jirriżultaw għal aċċess għal ġustizzja effiċjenti f’każijiet transkonfini u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżata min-nuqqas ta’ ekwilibriju fir-rigward tat-tħaddim tal-mezzi proċedurali mogħtija lill-kredituri fi Stati Membri differenti jfissru l-ħtieġa ta’ leġislazzjoni Komunitarja li tiggarantixxi parità għall-kredituri u d-debituri fl-Unjoni Ewropea kollha.

(9)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, u li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunx hemm il-ħtieġa li jitressqu proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.

[…]

(18)

L-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinforma lill-konvenut dwar l-għażliet tiegħu li jħallas l-ammont mogħti lil l-pretendent jew li jibgħat dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’limitu ta’ żmien ta’ 30 jum jekk jixtieq jikkontesta t-talba. Minbarra li tingħatalu l-informazzjoni kollha dwar it-talba kif tkun mogħtija mill-pretendent, il-konvenut għandu jingħata parir dwar is-sinifikat legali ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea u b’mod partikolari tal-konsegwenzi f’każ li ma jikkontestax it-talba.

[…]

(24)

Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni mressqa fil-limitu ta’ żmien għandha ttemm il-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea u għandha twassal għal trasferiment awtomatiku tal-każ għal proċedimenti ċivili ordinarji sakemm il-pretendent ma jitlobx b’mod espliċitu li jtemm il-proċedimenti f’dak il-każ. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament il-kunċett ta’ proċedimenti ċivili ordinarji m’għandux bilfors jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

(a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

u

(b)

li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.

2.   Dan ir-Regolament m’għandux iżomm pretendent milli jsegwi talba fis-sens ta’ l-Artikolu 4 billi jagħmel użu minn proċedura oħra disponibbli taħt il-liġi ta’ Stat Membru jew taħt il-liġi Komunitarja.”

5

L-Artikolu 12(3) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

(a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

(b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.”

6

L-Artikolu 16, intitolat “Oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”, jipprevedi fil-paragrafi (1) u (3) tiegħu li:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

7

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Effetti tal-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni”, jistabbilixxi li:

“1.   Jekk tiddaħħal dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini sakemm ir-rikorrent ma jkunx talab b’mod espliċitu li jintemmu l-proċedimenti ta’ dak il-każ. Il-proċedimenti għandhom ikomplu skont ir-regoli ta’:

(a)

il-proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU 2007, L 199, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 141, p. 118)], jekk applikabbli; jew

(b)

kwalunkwe proċedura ċivili nazzjonali xierqa.

2.   Fejn ir-rikorrent ma jkunx indika liema mill-proċeduri elenkati fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 huwa jitlob li jiġu applikati għat-talba tiegħu fil-proċedimenti li jsegwu f’każ ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni jew fejn ir-rikorrent ikun talab li l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tiġi applikata għal talba li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, il-proċedimenti għandhom jiġu trasferiti għall-proċedura ċivili nazzjonali xierqa, sakemm ir-rikorrent ma jitlobx b’mod espliċitu li dan it-trasferiment m’għandux iseħħ.

3.   Fejn ir-rikorrent ikun ressaq it-talba tiegħu permezz tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, l-ebda dispożizzjoni taħt il-liġi nazzjonali ma tista’ tippreġudika l-pożizzjoni tiegħu fi proċedimenti ċivili sussegwenti.

4.   Ir-rinviju għal proċedimenti ċivili ordinarji skont it-tifsira tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 għandu jiġi regolat mil-liġi tal-Istat Membru ta’ oriġini.

5.   Ir-rikorrent għandu jiġi nfurmat dwar jekk il-konvenut ikunx ressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni u dwar kwalunkwe rinviju għal proċedimenti ċivili fit-tifsira tal-paragrafu 1.”

8

L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jgħid li:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

(a)

(i)

l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

u

(ii)

in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

(b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.   Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.”

9

Skont l-Artikolu 26 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali”:

“Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma ġewx ittrattati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi nazzjonali.”

Id‑dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 1(1) tal-COVID-19-Justiz-Begleitgesetz (il-Liġi Nazzjonali dwar Miżuri ta’ Akkumpanjament tal-COVID‑19 fil-Qasam Ġudizzjarju), tal‑21 ta’ Marzu 2020 (BGBl. I Nru 16/2020), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19”), ipprevediet li, fil-proċeduri ġudizzjarji fil-qasam ċivili, it-termini proċedurali kollha li bdew jiddekorru wara l‑21 ta’ Marzu 2020 jew li kienu għadhom ma skadewx f’din id-data ġew interrotti sat‑30 ta’ April 2020 u reġgħu bdew jiddekorru fl‑1 ta’ Mejju 2020.

Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

11

Fis‑6 ta’ Marzu 2020, il-Bezirksgericht für Handelssachen Wien (il-Qorti Distrettwali ta’ Vjenna għall-Kwistjonijiet Kummerċjali, l-Awstrija) ħarġet, fuq talba ta’ Uniqa Versicherungen, ordni ta’ ħlas Ewropea li ġiet ikkomunikata, fl‑4 ta’ April 2020, lil VU, persuna fiżika residenti fil-Ġermanja. Dan tal-aħħar ressaq oppożizzjoni għal din l-ordni ta’ ħlas permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Mejju 2020. Din il-qorti ċaħdet l-oppożizzjoni ta’ VU minħabba li din ma kinitx tressqet fit-terminu ta’ tletin jum stabbilit fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

12

Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), qorti tal-appell, annullat dan id-digriet abbażi tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19.

13

Uniqa Versicherungen ippreżentat appell għal “Reviżjoni” kontra d-deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju f’din il-kawża.

14

Din il-qorti tenfasizza li l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19 jikkostitwixxi risposta għal sitwazzjoni li fiha, minħabba mard kemm tal-persunal ġudizzjarju kif ukoll tal-professjonisti legali jew tal-partijiet, jew minħabba l-miżuri meħuda, l-osservanza tat-termini proċedurali ma kinitx dejjem possibbli.

15

Skont il-qorti tar-rinviju, ġew espressi opinjonijiet diverġenti mid-duttrina Awstrijaka dwar jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tistax tiġi applikata għat-terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, li huwa ffissat għal tletin jum mill-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, jew jekk l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jeskludix l-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali għat-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni.

16

Parti mid-duttrina Awstrijaka ssostni li l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament jipprevedi possibbiltà ta’ reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea li tista’ twassal għall-annullament ta’ din l-ordni, b’mod partikolari fil-każijiet ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi straordinarji, bħall-kriżi marbuta mal-COVID‑19. Skont din l-opinjoni, ma huwiex permess li jsir użu mid-dritt nazzjonali sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni tali każ, peress li dan tal-aħħar huwa rregolat b’mod eżawrjenti minn dan l-istess regolament.

17

Skont opinjoni oħra difiża fid-duttrina, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19. Fil-fatt, l-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament jirregola biss it-tul tat-terminu ta’ oppożizzjoni, filwaqt li l-kwistjoni tal-interruzzjoni eventwali ta’ dan it-terminu ma ġietx irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi applikat l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament, li jirreferi għad-dritt nazzjonali għal kull kwistjoni proċedurali mhux espressament irregolata minn dan l-istess regolament. Minn din il-perspettiva, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu biss l-għan li jiggarantixxi l-ekwità f’każijiet partikolari u ma jinkludix dispożizzjonijiet ġenerali li jirregolaw sitwazzjoni eċċezzjonali bħall-kriżi tal-COVID‑19.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 20 u 26 tar-Regolament [Nru 1896/2006] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interruzzjoni tat-terminu ta’ 30 jum għall-preżentazzjoni ta’ oppożizzjoni għal talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilita fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, bħal dik prevista fl-Artikolu 1(1) tal-[Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19], li jipprovdi li t-termini proċedurali kollha fi proċeduri ċivili, li jkunu ġew skattati minn avveniment li seħħ wara l‑21 ta’ Marzu 2020 jew li jkunu għadhom ma skadewx f’din id-data, għandhom jiġu interrotti sat‑30 ta’ April 2020 u jibdew jiddekorru mill-ġdid fl‑1 ta’ Mejju 2020?”

Fuq id‑domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 16, 20 u 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata waqt is-seħħ tal-pandemija tal-COVID‑19 u li interrompiet għal madwar ħames ġimgħat it-termini proċedurali fil-qasam ċivili, għat-terminu ta’ tletin jum mogħti mill-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament lill-konvenut sabiex iressaq oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li mill-premessa 9 u mill-Artikolu 1(1)(a) tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar għandu b’mod partikolari l-għan li jissemplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni fil-kawżi transkonfinali li jikkonċernaw krediti pekunjarji mhux ikkontestati permezz tal-istabbiliment ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas.

21

Din il-proċedura ssemplifikata u uniformi ma hijiex kontradittorja. Il-konvenut ikun jaf bil-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea biss fil-mument meta din tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lilu. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 12(3) tar-Regolament Nru 1896/2006, huwa biss f’dan il-mument li huwa jiġi informat li għandu l-possibbiltà li jew iħallas l-ammont indikat fiha lir-rikorrent, jew li jopponi l-ordni quddiem il-qorti ta’ oriġini (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten, C‑144/12, EU:C:2013:393, punt 29).

22

L-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament jippreċiża f’dan ir-rigward li l-konvenut jista’ jressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti ta’ oriġini. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jżid li l-oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien tletin jum min-notifika jew mill-komunikazzjoni tal-ordni lill-konvenut.

23

Għalhekk, kif jindika l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 24 ta’ dan ir-regolament, il-konvenut jista’, billi jressaq oppożizzjoni fit-terminu mogħti, itemm il-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas u jwassal għat-trasferiment awtomatiku tat-tilwima għall-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar prevista mir-Regolament Nru 861/2007 jew għal kull proċedura ċivili nazzjonali xierqa, ħlief jekk ir-rikorrent ikun talab espressament li f’din l-eventwalità l-proċedura tintemm.

24

Din il-possibbiltà li jressaq oppożizzjoni hija intiża sabiex jiġi kkumpensat il-fatt li s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma tipprevedix il-parteċipazzjoni tal-konvenut fil-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, billi tippermettilu li jikkontesta l-kreditu wara l-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea (sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2013, Goldbet Sportwetten, C‑144/12, EU:C:2013:393, punt 30). Din il-fażi tal-proċedura hija għalhekk essenzjali sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, stabbiliti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

25

Il-proċedura ta’ oppożizzjoni hija kkompletata mid-dritt tal-konvenut li jitlob reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, ladarba jiskadi t-terminu għat-tressiq tal-oppożizzjoni. Madankollu, din ir-reviżjoni tista’ ssir biss, kif jindika t-titolu stess tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, f’“każijiet eċċezzjonali” (sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium, C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 29).

26

Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006, dan jipprevedi li tista’ ssir reviżjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea meta n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ oppożizzjoni ta’ tletin jum, previst fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta mill-eżistenza ta’ każ ta’ forza maġġuri jew ta’ ċirkustanzi straordinarji li jkunu pprekludew lill-konvenut milli jressaq oppożizzjoni f’dan it-terminu.

27

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 20(1)(b), sabiex il-konvenut ikun jista’ jitlob ir-reviżjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, il-preżenza ta’ ċirkustanzi straordinarji jew ta’ każ ta’ forza maġġuri li minħabba fihom jew fih il-konvenut ma setax jikkontesta l-kreditu fit-terminu previst għal dan il-għan, it-tieni, l-assenza ta’ ħtija min-naħa tal-konvenut u, it-tielet, il-kundizzjoni li dan tal-aħħar jaġixxi malajr kemm jista’ jkun (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑21 ta’ Marzu 2013, Novontech-Zala, C‑324/12, EU:C:2013:205, punt 24).

28

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-istruttura tar-Regolament Nru 1896/2006, mill-Artikolu 1(1)(b) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 9 tiegħu, jirriżulta li l-imsemmi regolament jikkorrispondi għal “standards minimi” stabbiliti sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-ordnijiet ta’ ħlas Ewropej. Għaldaqstant, dan l-istess regolament jistabbilixxi strument uniformi ta’ rkupru, li jiżgura kundizzjonijiet identiċi għall-kredituri u għad-debituri fl-Unjoni kollha, filwaqt li jipprevedi l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri għal kull kwistjoni ta’ proċedura mhux espressament irregolata minn dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, Flight Refund, C‑94/14, EU:C:2016:148, punt 53).

29

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

30

F’dan il-każ, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 jippermettix l-applikazzjoni, għat-terminu ta’ tletin jum previst fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament sabiex titressaq oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, interrompiet, għal perijodu ta’ madwar ħames ġimgħat, it-termini proċedurali fil-qasam ċivili jew jekk, għall-kuntrarju, l-Artikolu 20(1)(b) tal-imsemmi regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti d-drittijiet proċedurali tal-konvenut fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal dawk relatati mal-pandemija tal-COVID‑19, b’tali mod li l-Artikolu 26 tal-istess regolament ma jkunx applikabbli.

31

F’dan ir-rigward, huwa ċertament konċepibbli li konvenut fi proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas kien prekluż milli jressaq oppożizzjoni għal din l-ordni minħabba ċirkustanzi straordinarji marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19. F’dan il-każ, huwa għandu d-dritt, b’osservanza tal-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 u mfakkra fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jitlob reviżjoni tal-imsemmija ordni quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jillimita l-proċedura ta’ reviżjoni għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, din id-dispożizzjoni għandha neċessarjament tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium, C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 31). Kif jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-imsemmija dispożizzjoni, b’mod partikolari mill-kundizzjoni, stabbilita fiha, marbuta mal-assenza ta’ ħtija min-naħa tal-konvenut, iċ-ċirkustanzi straordinarji msemmija minn din l-istess dispożizzjoni jikkorrispondu għal ċirkustanzi partikolari għas-sitwazzjoni individwali tal-konvenut ikkonċernat. Fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19, dan huwa, pereżempju, il-każ ta’ mard jew ta’ kura fl-isptar ta’ dan tal-aħħar, marbuta ma’ dan il-coronavirus, li pprekludieh milli jeżerċita d-dritt ta’ oppożizzjoni tiegħu fit-terminu previst għal dan il-għan.

33

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Nru 1896/2006 ma huwiex intiż li japplika għal ċirkustanzi straordinarji ta’ natura sistemika, bħal dawk marbuta mas-seħħ tal-pandemija tal-COVID‑19, li affettwaw, b’mod ġenerali, il-funzjonament u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, li l-kollaborazzjoni tagħhom hija madankollu indispensabbli, skont l-Artikolu 12(3)(b) u l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament, sabiex il-konvenut ikun jista’ jeżerċita b’mod utli d-dritt tiegħu li jressaq oppożizzjoni, fit-terminu stabbilit, għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li tkun ġiet innotifikata jew ikkomunikata lilu.

34

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif ġie enfasizzat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1896/2006 ma jarmonizzax kompletament l-aspetti kollha tal-proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas. Fil-fatt, huwa jipprevedi, skont l-Artikolu 26 tiegħu, l-applikazzjoni tad-dritt proċedurali tal-Istati Membri għal kull kwistjoni ta’ proċedura mhux espressament irregolata mill-imsemmi regolament.

35

Issa, għalkemm l-Artikoli 16 u 20 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu d-dritt tal-konvenut li jressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea li tkun ġiet innotifikata jew ikkomunikata lilu billi jarmonizza ċertu numru ta’ aspetti ta’ dan id-dritt, bħall-formalitajiet u t-terminu għall-eżerċizzju tal-imsemmi dritt, il-bidu tad-dekorrenza ta’ dan it-terminu kif ukoll il-każijiet eċċezzjonali li fihom, wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, il-konvenut jista’ jitlob ir-reviżjoni ta’ din l-ordni, la dawn l-artikoli u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tal-imsemmi regolament ma jirregolaw aspetti oħra bħalma huma l-kawżi ta’ interruzzjoni jew ta’ sospensjoni ta’ dan l-istess terminu waqt li jkun qiegħed jiddekorri. Għalhekk, u skont l-Artikolu 26 tal-istess regolament, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jirregolaw dawn l-aħħar aspetti u, b’hekk, jikkompletaw l-aspetti proċedurali li ma humiex irregolati mill-Artikoli 16 u 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

36

B’dan premess, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, dan japplika biss bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli proċedurali ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia, C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tal-Liġi Awstrijaka dwar il-COVID‑19 japplika mingħajr distinzjoni għat-termini proċedurali kollha fil-kawżi ċivili, u dan indipendentement mill-bażi legali tal-azzjoni inkwistjoni. Għaldaqstant, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, tali leġiżlazzjoni tidher li tiggarantixxi trattament ugwali tal-proċeduri għal ordni ta’ ħlas ibbażati fuq id-dritt nazzjonali u dawk, simili, ibbażati fuq ir-Regolament Nru 1896/2006.

38

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-prinċipju ta’ effettività, leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali għandha titqies li tkun konformi ma’ dan il-prinċipju jekk ma tippreġudikax il-bilanċ li r-Regolament Nru 1896/2006 stabbilixxa bejn id-drittijiet rispettivi tar-rikorrent u tal-konvenut fil-kuntest ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas. B’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tinterrompi t-terminu ta’ oppożizzjoni għal tali ordni, stabbilit fl-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament, tosserva dan il-prinċipju meta din tidher iġġustifikata mill-għan li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-konvenut mingħajr ma jirrendi, fil-prattika, eċċessivament diffiċli l-irkupru rapidu u effikaċi tal-krediti inkwistjoni. Għal dan il-għan, il-perijodu li matulu dan it-terminu jiġi interrott għandu jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju.

39

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma ppreġudikat l-aspetti, imfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, li kienu s-suġġett ta’ armonizzazzjoni mir-Regolament Nru 1896/2006. Hija pprevediet biss interruzzjoni ta’ tul limitat għal madwar ħames ġimgħat li kkorrispondiet, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Awstrijak, għall-perijodu li matulu, minħabba konfinament strett impost fit-territorju nazzjonali minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, l-attivitajiet ġudizzjarji kienu mfixkla ħafna. Kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din il-leġiżlazzjoni, barra minn hekk, ma wasslitx sabiex termini ta’ oppożizzjoni li kienu skadew qabel id-dħul fis-seħħ tagħha jerġgħu jibdew jiddekorru mill-ġdid.

40

Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher għalhekk li tali leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali ppermettiet li jiġi pospost biss bi ftit ġimgħat l-irkupru tal-krediti, filwaqt li ggarantixxiet iż-żamma effettiva tad-dritt ta’ oppożizzjoni, previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1896/2006, li huwa essenzjali għall-bilanċ imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda tal-qorti tar-rinviju hija li l-Artikoli 16, 20 u 26 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata waqt is-seħħ tal-pandemija tal-COVID‑19 u li interrompiet għal madwar ħames ġimgħat it-termini proċedurali fil-qasam ċivili, għat-terminu ta’ tletin jum mogħti mill-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament lill-konvenut sabiex iressaq oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

Fuq l‑ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 16, 20 u 26 tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, adottata waqt is-seħħ tal-pandemija tal-COVID‑19 u li interrompiet għal madwar ħames ġimgħat it-termini proċedurali fil-qasam ċivili, għat-terminu ta’ tletin jum mogħti mill-Artikolu 16(2) ta’ dan ir-regolament lill-konvenut sabiex iressaq oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top