EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0007

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tas-7 ta’ Lulju 2022.
LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG vs CB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv.
Kawża C-7/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:527

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv”

Fil-Kawża C‑7/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Jannar 2021, fil-proċedura

LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG

vs

CB,

DF,

GH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG, CB, DF u GH, minn M. Erman, R. Grilc, S. Grilc, J. J. Janezic, M. Ranc, G. Schmidt, M. Škof u R. Vouk, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Sloven, minn A. Vran, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u S. Noë, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91), kif ukoll tal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mal-Artikolu 4(3) TUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, LKW Walter Internationale Transportorganisation AG u, min-naħa l-oħra, CB, DF u GH dwar talba għad-danni fir-rigward tar-responsabbiltà tagħhom bħala avukati għan-nuqqas ta’ preżentazzjoni, fit-terminu stabbilit, ta’ oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti minn qorti Slovena.

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 2, 10 u 12 tar-Regolament Nru 1393/2007 kienu jipprovdu:

“(2)

Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għan-notifika bejn l-Istati Membri.

[…]

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ notifika ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

[…]

(12)

L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għan-notifika sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal notifika minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, notifika permezz ta’ servizzi postali, u notifika diretta. Għandu jkun stabbilit li n-notifika tad-dokument irrifjutat tista’ tkun rrimedjata permezz tan-notifika lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Traduzzjoni ta’ dokumenti”, kien jipprevedi:

“1.   L-aġenzija mittenti għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.

2.   L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.”

5

Intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument”, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, li jaqa’ taħt it-Taqsima 1 tal-Kapitolu II tiegħu, kien jiddisponi:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

jew

(b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.   Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti […] u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista’ tkun rimedjata permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u n-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), […] l-awtorità jew il-persuna, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 14, [għandha tinforma] lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura […] lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.”

6

L-Artikolu 14 tal-istess regolament, li jaqa’ taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu u intitolat “Notifika bis-servizzi postali”, kien jipprevedi:

“Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq in-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla tal-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.”

7

Il-formola standard, intitolata “Informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt li jirrifjuta li jaċċetta dokument”, li kienet tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, kienet tinkludi b’mod partikolari d-dikjarazzjoni li ġejja għall-attenzjoni tad-destinatarju tal-att:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibgħatu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

8

Din il-formula standard kienet tinkludi wkoll parti intitolata “Dikjarazzjoni tad-destinatarju” li dan tal-aħħar, fl-ipoteżi fejn dan jirrifjuta li jaċċetta l-att ikkonċernat, huwa mistieden jiffirma u jikkompleta billi jimmarka l-kaxxa li tikkorrispondi għal-lingwa jew għal-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li huwa jifhem. Din il-parti kienet ifformulata kif ġej:

“Jien nirrifjuta li naċċetta d-dokument mehmuż għaliex mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li nifhem jien jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika.

Jien nifhem bil-lingwa/lingwi li ġejja/ġejjin:

[…]”

9

Ir-Regolament Nru 1393/2007 tħassar bir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40), applikabbli mill‑1 ta’ Lulju 2022. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 1393/2007.

Id‑dritt nazzjonali

Id‑dritt Awstrijak

10

L-Artikolu 1295 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna għandha dritt titlob kumpens għal danni mingħand dak li jkun ikkawżalha tali dannu bi ħtija tiegħu; id-dannu jista’ jiġi kkawżat minn ksur ta’ obbligu kuntrattwali jew jista’ ma jkollux rabta ma’ kuntratt.”

11

Skont l-Artikolu 1299 tal-ABGB:

“Kull min jeżerċita pubblikament funzjoni, arti, professjoni jew sengħa, jew kull min jieħu ħsieb xogħol li jeżiġi għarfien artistiku jew diliġenza speċjali, ikun qiegħed juri li huwa jqis ruħu kapaċi li jaħdem bid-diliġenza neċessarja u bl-għarfien meħtieġ; għaldaqstant, huwa għandu jwieġeb għan-nuqqas ta’ tali għarfien u diliġenza. Madankollu, jekk il-persuna li tkun fdatlu x-xogħol kienet taf bin-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu jew setgħet, b’attenzjoni normali, tkun taf b’tali nuqqas, hija jkollha ħtija wkoll.”

12

Skont l-Artikolu 1300 tal-ABGB:

“Espert huwa wkoll responsabbli meta jagħti, bi żball u bi ħlas, parir detrimentali fl-oqsma tal-arti tiegħu jew tax-xjenza tiegħu. Ħlief f’dan il-każ, konsulent huwa responsabbli biss għad-danni li jkun ikkawża intenzjonalment lil ħaddieħor bil-parir tiegħu.”

Id‑dritt Sloven

13

L-Artikolu 9 taż-zakon o izvršbi in zavarovanju (il-Liġi dwar il-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni, Uradni list RS, Nru 3/07), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZIZ”) huwa intitolat “Rimedji ġudizzjarji u l-kompetenza territorjali tal-qorti tal-appell fil-qasam ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“Digriet tal-ewwel istanza jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

Ir-rikors disponibbli lid-debitur kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata li jilqa’ t-talba huwa meqjus bħala oppożizzjoni.

Ir-rikors u l-oppożizzjoni għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 8 ijiem min-notifika tad-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

Ir-rikors li huwa ppreżentat fi żmien xieraq u li huwa ammissibbli, għandu jiġi nnotifikat lill-parti avversarja għal risposta jekk din tal-aħħar tkun irċeviet ukoll notifika jew komunikazzjoni tad-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza li kontrih huwa ppreżentat ir-rikors.

Id-digriet maħruġ dwar l-oppożizzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors.

Ir-rikors u l-oppożizzjoni ma għandhomx effett sospensiv, ħlief jekk il-liġi tipprovdi mod ieħor.

Id-deċiżjoni dwar ir-rikors għandha tkun finali.

[…]”

14

L-Artikolu 53 taż-ZIZ, intitolat “L-oppożizzjoni bħala l-uniku rimedju ġudizzjarju tad-debitur”, jipprevedi:

“Id-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata wara t-talba għal eżekuzzjoni forzata jista’ jkun is-suġġett ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur, sakemm ma jikkontestax biss id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

L-oppożizzjoni għandha tkun motivata. Fl-oppożizzjoni, id-debitur għandu jindika l-fatti li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tiegħu u għandu jipproduċi l-provi, u fin-nuqqas ta’ dan, l-oppożizzjoni titqies li ma hijiex motivata.”

15

Taħt it-titolu “Oppożizzjoni kontra d-digriet mogħti fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku”, l-Artikolu 61 taż-ZIZ jiddisponi:

“L-oppożizzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħtija abbażi ta’ dokument awtentiku hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 53 u 54 ta’ din il-liġi […]

Jekk l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha l-għan li tikkontesta l-parti tad-digriet ta’ eżekuzzjoni li tordna lid-debitur iħallas id-dejn, din l-oppożizzjoni titqies li hija motivata fuq dan il-punt jekk id-debitur jesponi l-fatti li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tiegħu u jipproduċi provi li jistabbilixxu l-fatti li huwa jsemmi fl-oppożizzjoni.

[…]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija kumpannija rreġistrata fir-reġistru tal-kumpanniji Awstrijaċi u hija attiva fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

17

Fit‑30 ta’ Ottubru 2019, l-Okrajno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana, is-Slovenja) innotifikat lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, bil-posta, b’digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, mogħti fuq talba ta’ Transport Gaj d.o.o., li jordna s-sekwestru ta’ 25 debiti li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kellha fuq diversi kumpanniji Sloveni għall-irkupru ta’ somma ta’ EUR 17610 (iktar ’il quddiem id-“digriet inkwistjoni”). Dan id-digriet ingħata f’kontumaċja, abbażi ta’ dokumenti awtentiċi, jiġifieri fatturi, mingħajr ma nġabru minn qabel l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

18

Kien biss fl‑4 ta’ Novembru 2019 li l-imsemmi digriet wasal għand id-dipartiment legali tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, permezz tas-sistema postali interna tagħha. Fil‑5 ta’ Novembru 2019, wara skambju ta’ informazzjoni bejn din ir-rikorrenti u l-konvenuti fil-kawża prinċipali, li huma s-soċji ta’ azjenda ta’ avukati li għandha s-sede tagħha fi Klagenfurt (l-Awstrija), dwar in-natura u l-konsegwenzi tad-digriet inkwistjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet lil dawn tal-aħħar sabiex iressqu oppożizzjoni kontra dan id-digriet. Fost id-dokumenti li hija kienet bagħtet lill-konvenuti fil-kawża prinċipali kien hemm il-kopja tal-envelop li turi li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet effettivament irċeviet l-imsemmi digriet fit‑30 ta’ Ottubru 2019.

19

Fil‑11 ta’ Novembru 2019, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ressqu oppożizzjoni motivata kontra d-digriet inkwistjoni quddiem l-Okrajno sodišče v Ljubljani (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana). Huma ħallsu wkoll l-ispejjeż legali mitluba minn dik il-qorti, li jammontaw għal EUR 55.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019, l-imsemmija qorti ċaħdet din l-oppożizzjoni bħala tardiva, minħabba li din kienet tressqet iktar minn tmint ijiem wara l-komunikazzjoni tad-digriet inkwistjoni.

21

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, rikors kontra dik id-deċiżjoni quddiem il-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja). Insostenn tar-rikors tagħhom, huma eċċepixxew b’mod partikolari l-antikostituzzjonalità tat-terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni, minħabba li terminu daqshekk qasir ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Huma sostnew ukoll li d-digriet inkwistjoni ma kienx ġie kkomunikat skont ir-Regolament Nru 1393/2007, minħabba, b’mod partikolari, li dan ma kienx konformi mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament u li dan ma kienx sar permezz tal-aġenzija li tirċievi, fis-sens tal-Artikolu 2 tiegħu.

22

Peress li l-Višje sodišče v Mariboru (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor) ċaħdet ir-rikors tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, id-digriet inkwistjoni sar definittiv u eżegwibbli. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, abbażi ta’ dan id-digriet, ħallset is-somma kollha msemmija fih.

23

Wara dawn il-proċeduri, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet lill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju, b’azzjoni għad-danni kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali minħabba ċ-ċaħda għal raġuni ta’ tardività, mill-qrati Sloveni, tal-oppożizzjoni mressqa kontra d-digriet inkwistjoni, billi talbet, abbażi ta’ dan, il-kundanna tagħhom għall-ħlas ta’ somma ta’ EUR 22 168.09, li tikkorrispondi għall-ammont imħallas skont id-digriet inkwistjoni, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tal-proċedura.

24

Fl‑10 ta’ Lulju 2020, dik il-qorti ħarġet ordni ta’ ħlas kontra l-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-ammont mitlub.

25

Huma opponew din l-ordni quddiem l-istess qorti, billi sostnew, essenzjalment, li t-terminu ta’ tmint ijiem previst miż-ZIZ sabiex titressaq oppożizzjoni kontra att bħad-digriet inkwistjoni la huwa konformi mal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, la mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007, u lanqas mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, u mal-Artikolu 47 tal-Karta, u li, konsegwentement, li kieku l-qrati Sloveni kienu applikaw dawn id-dispożizzjonijiet b’mod korrett, l-oppożizzjoni mressqa kontra d-digriet inkwistjoni ma setgħetx tiġi miċħuda bħala tardiva.

26

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tal-oppożizzjoni li hija adita biha, hija obbligata teżamina jekk il-kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-konvenuti fil-kawża prinċipali skont l-Artikoli 1295 et seq. tal-ABGB humiex issodisfatti, b’mod partikolari jekk id-dannu mitlub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali joriġinax minn aġir illegali imputabbli lilhom. Skont dik il-qorti, tali eżami jeħtieġ, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni, minn naħa, ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1393/2007, sa fejn il-kawża prinċipali tikkonċerna l-komunikazzjoni jew in-notifika ta’ att ġudizzjarju, u, min-naħa l-oħra, tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li l-kwistjoni tar-rekwiżit tal-komunikazzjoni fi żmien xieraq ta’ att promotur hija wkoll fiċ-ċentru tad-dibattiti.

27

Il-qorti tar-rinviju tqis li t-terminu ta’ tmint ijiem previst miż-ZIZ sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti wara proċedura sommarja, imressqa b’mezz elettroniku, abbażi biss tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-eżistenza ta’ dokument awtentiku, pereżempju fattura, u mingħajr ma t-talba tkun ibbażata, barra minn hekk, fuq deċiżjoni definittiva u eżegwibbli jista’ jwassal għar-riskju li l-konvenut ma jkunx f’pożizzjoni li jressaq fi żmien xieraq oppożizzjoni motivata kontra tali digriet. Insostenn tal-opinjoni tagħha, l-imsemmija qorti tirreferi għall-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li terminu ta’ erbatax‑il jum ma kienx kompatibbli mad-dritt għal rimedju effettiv, sa fejn dan kien iwassal għar-riskju mhux negliġibbli li konsumatur ma jkunx jista’ jressaq oppożizzjoni, f’dan it-terminu, kontra ordni ta’ ħlas.

28

Għalkemm, b’differenza mill-kawża li wasslet għal dik is-sentenza, li kienet tirrigwarda proċedura bejn impriża u konsumatur dwar ordni għal ħlas maħruġa abbażi ta’ ċedola, din it-tilwima hija bejn żewġ impriżi, xorta jibqa’ l-fatt li r-riskju li jinqabeż it-terminu meħud inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza jkun iktar preżenti meta l-konvenut ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor, bħal f’dan il-każ. Il-qorti tar-rinviju tqis, għaldaqstant, li t-terminu ta’ tmint ijiem previst miż-ZIZ jista’ jmur kontra l-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

29

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ tmint ijiem previst miż-ZIZ sabiex titressaq oppożizzjoni kontra att innotifikat jew ikkomunikat b’lingwa differenti minn dik li suppost tinftiehem mid-destinatarju, li kien il-każ hawnhekk. F’dan ir-rigward, hija tqis li, sabiex jiġi stabbilit jekk id-dritt għal azzjoni legali kienx eżerċitat fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li tkun ħarġet l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, huwa meħtieġ li wieħed jistenna li jgħaddi t-terminu ta’ ġimgħa għall-eżerċizzju tad-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni ta’ dan l-att.

30

Dik il-qorti tiddubita wkoll il-kompatibbiltà, mal-Artikolu 18 TFUE, tad-dispożizzjonijiet taż-ŻIŻ li jirregolaw it-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, dejjem sakemm tali leġiżlazzjoni taffettwa iktar lil konvenuti stabbiliti fi Stati Membri oħra, li huma obbligati jieħdu passi addizzjonali marbuta mat-traduzzjoni tal-atti nnotifikati.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament [Nru 1215/2012], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-uniku rimedju kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti minn qorti mingħajr proċedura kontradittorja minn qabel u mingħajr titolu eżekuttiv, u biss fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-parti li qiegħda titlob l-eżekuzzjoni, huwa oppożizzjoni, li għandha ssir fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru fi żmien 8 ijiem, inkluż meta d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jiġi nnotifikat fi Stat Membru ieħor, f’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u, meta l-oppożizzjoni ssir fi żmien 12‑il jum, din tiġi miċħuda bħala tardiva?

2)

L-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 1393/2007], moqri flimkien mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li tipprevedi li n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II, li tinforma lid-destinatarju rigward id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi l-att fi żmien ġimgħa, tiskatta wkoll id-dekorrenza tat-terminu ta’ 8 ijiem għall-preżentata ta’ rikors kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata li huwa nnotifikat simultanjament?

3)

L-Artikolu 18(1) [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi bħala rimedju kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata l-oppożizzjoni, li għandha ssir u tiġi mmotivata fi żmien 8 ijiem, u li dan it-terminu japplika wkoll meta d-destinatarju tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-imsemmi digriet ma jkun redatt la fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih dan id-digriet jiġi nnotifikat, u lanqas f’lingwa li d-destinatarju tad-digriet jifhem?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tieni domanda

32

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li tkun ħarġet att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, li bis-saħħa tagħha l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa, imsemmi f’dan l-Artikolu 8(1), li fih id-destinatarju ta’ tali att jista’ jirrifjuta li jaċċetta li jirċevih għal waħda mir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmi att f’dan l-Istat Membru.

33

Għandu jitfakkar, f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li, skont ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li taħtu din taqa’ u l-għanijiet imfittxija mill-att li din tifforma parti minnu (sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, KRONE – Verlag, C‑65/20, EU:C:2021:471, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Kif jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà għad-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat li jirrifjuta li jaċċettah meta dan id-dokument ma jkunx miktub jew akkumpanjat bi traduzzjoni jew f’lingwa li jifhem, jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru mitlub jew, jekk ikun il-każ, f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni, lingwi li d-destinatarju huwa mistenni li jaf.

35

Din il-possibbiltà li jirrifjuta li jaċċetta l-att innotifikat jew ikkomunikat tikkostitwixxi dritt tad-destinatarju ta’ dan l-att (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe, C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan id-destinatarju jista’ jeżerċita dan id-dritt jew fil-mument tan-notifika jew tal-komunikazzjoni tal-imsemmi att, jew f’terminu ta’ ġimgħa, sakemm huwa jirritorna, f’dan it-terminu, l-istess att.

36

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dan id-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jippermetti li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, b’osservanza tar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż, primarjament, għat-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajjef, b’xi mod jew ieħor, ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe, C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-kuntest, għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li l-imsemmi dritt tad-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat li jirrifjuta li jaċċettah jikkorrispondi għall-għażla informata tar-rikorrent li ma jwettaqx traduzzjoni minn qabel ta’ dan l-att.

38

Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, hija l-aġenzija li tibgħat li għandha tavża lir-rikorrent fuq ir-riskju li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-att jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament. Madankollu, huwa r-rikorrent li għandu jiddeċiedi jekk hemmx lok li jagħmel traduzzjoni tal-att inkwistjoni, li barra minn hekk għandu jbati l-ispejjeż tagħha, konformement mal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus, C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 35).

39

Għaldaqstant, għandu jiġi żgurat li d-destinatarju ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, miktub b’lingwa differenti minn dik li huwa mistenni li jifhem, ikun effettivament f’pożizzjoni li jeżerċita d-dritt li jirrifjuta r-riċezzjoni ta’ dan l-att, li jaqa’, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, taħt id-dritt fundamentali tiegħu għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

40

Fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, f’dan ir-rigward, lid-destinatarju waqt in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ att fis-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1393/2007, għandu jitfakkar li dan ir-regolament ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni għall-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tiegħu. In-natura obbligatorja u sistematika tal-użu ta’ din il-formola tapplika mhux biss għat-trażmissjoni ta’ atti permezz tal-aġenziji li jibagħtu u li jirċievu maħtura mill-Istati Membri, iżda wkoll, kif jirriżulta espliċitament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(4) tal-imsemmi regolament, għall-metodi ta’ notifika u ta’ komunikazzjoni msemmija fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-istess regolament, fosthom dak, imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan tal-aħħar, li jikkonsisti fin-notifika jew fil-komunikazzjoni ta’ att ġudizzjarju permezz tas-servizzi postali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson, C‑354/15, EU:C:2017:157, punti 55, 5961, kif ukoll id-digriet tal‑5 ta’ Mejju 2022, ING Luxembourg, C‑346/21, mhux ippubblikat, EU:C:2022:368, punti 3235). L-imsemmija formola tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 1393/2007, strument li permezz tiegħu d-destinatarju jkun informat bid-dritt li huwa għandu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

41

L-effett utli tad-dritt li tiġi rrifjutata r-riċezzjoni ta’ att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat jirrikjedi, minn naħa, li d-destinatarju jkun ġie informat bl-eżistenza ta’ dan id-dritt u, min-naħa l-oħra, li huwa jkollu t-terminu sħiħ ta’ ġimgħa sabiex jevalwa jekk għandux jaċċetta jew jirrifjuta r-riċezzjoni tal-att u, fil-każ ta’ rifjut, sabiex jirritorna dan tal-aħħar.

42

F’dan il-każ, it-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni kontra d-digriet inkwistjoni kien, konformement mal-Artikolu 9 taż-ZIZ, ta’ tmint ijiem min-notifika jew mill-komunikazzjoni tagħha. Issa, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni proċedurali Slovena, li l-portata tagħha ġiet ippreċiżata mill-Gvern Sloven bi tweġiba għal mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-terminu ġie kkalkolat mid-data mhux tal-iskadenza tat-terminu ta’ ġimgħa msemmi fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, iżda mill-konsenja ta’ dan id-digriet lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri t‑30 ta’ Ottubru 2019, b’tali mod li dawn iż-żewġ termini kienu jikkoinċidu kważi għalkollox. Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fil-fatt, ma setgħetx tuża t-terminu sħiħ ta’ ġimgħa, li kien mogħti lilha minn dan ir-regolament, sabiex teżamina jekk kienx xieraq li taċċetta jew li tirrifjuta r-riċezzjoni tal-att ġudizzjarju inkwistjoni, peress li, minħabba din il-leġiżlazzjoni, hija kellha wkoll, matul l-istess terminu, tressaq, jekk ikun meħtieġ, oppożizzjoni għal dan l-att ġudizzjarju, fil-każ li hija taċċettah.

43

Barra minn hekk, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali twassal, fil-fatt, sabiex id-destinatarju ta’ att li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1393/2007 jiġi mċaħħad mill-benefiċċju sħiħ tat-terminu previst mid-dritt nazzjonali għall-preżentata ta’ rikors, jiġifieri, f’dan il-każ, it-terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra l-att ġudizzjarju inkwistjoni. Issa, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, il-partijiet fil-kawża għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-termini sħaħ irrikonoxxuti mid-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru sabiex jeżerċitaw dritt proċedurali kontra att innotifikat jew ikkomunikat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Staatsanwaltschaft Offenburg, C‑615/18, EU:C:2020:376, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, il-bidu tad-dekorrenza tal-imsemmija termini jikkoinċidi u meta d-destinatarju ta’ att, miktub b’lingwa li ma huwiex mistenni li jifhem, għalhekk ma jibbenefikax, fil-fatt, u dan indipendentement mit-tul tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra dan l-att, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li ħarġitu, minn dan it-terminu sħiħ, dan id-destinatarju jsib ruħu f’sitwazzjoni żvantaġġuża meta mqabbel mad-destinatarji l-oħra li jifhmu l-lingwa li fiha jkun ġie miktub l-att indirizzat lilhom u għalhekk fil-fatt għandhom l-imsemmi terminu kollu sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom.

45

Issa, l-għan li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ destinatarji, segwit mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, jeżiġi li d-destinatarji li jirċievu l-att b’lingwa differenti minn dik imsemmija f’din id-dispożizzjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirrifjutaw ir-riċezzjoni ta’ dan l-att mingħajr ma jitqiegħdu fi żvantaġġ proċedurali minħabba s-sitwazzjoni transkonfinali tagħhom.

46

Minn dan isegwi li, meta l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat ma jkunx ġie miktub jew tradott f’waħda mil-lingwi msemmija f’din id-dispożizzjoni, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa li jipprevedi l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistax, taħt piena li jippreġudika l-effett utli tal-imsemmija dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu sabiex jiġi eżerċitat dritt għal azzjoni legali konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li ħarġet l-att, peress li dan l-aħħar terminu għandu bħala prinċipju jibda jiddekorri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ġimgħa msemmi f’dan l-Artikolu 8(1).

47

Din l-interpretazzjoni tissodisfa wkoll l-iskop tar-Regolament Nru 1393/2007. Fil-fatt, jekk id-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att li jaqa’ taħt l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament mid-data li fiha jibda jiddekorri t-terminu stabbilit minn din id-dispożizzjoni sabiex jiġi evalwat jekk għandhiex tiġi aċċettata jew irrifjutata r-riċezzjoni ta’ dan l-att, id-destinatarju tiegħu jirriskja li jiġi inċentivat, sabiex ma jitqegħidx fl-iżvantaġġ imsemmi fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, sabiex jagħżel l-għażla li tikkonsisti fir-rifjut tal-imsemmi att.

48

Tali inċentiv imur kontra l-għan tal-imsemmi regolament, li jikkonsisti, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 2 tiegħu, fit-trażmissjoni rapida tal-atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali għall-finijiet ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni, bla ħsara għar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti. Barra minn hekk, huwa b’dan il-mod li l-premessa 10 tal-istess regolament tenfasizza li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tiegħu, il-possibbiltà li tiġi rrifjutata n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti għandha tkun limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li tkun ħarġet att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, li bis-saħħa tagħha l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa msemmi f’dan l-Artikolu 8(1), li fih id-destinatarju ta’ tali att jista’ jirrifjuta li jaċċetta li jirċevih għal waħda mir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmi att f’dan l-Istat Membru.

Fuq l‑ewwel u t‑tielet domanda

50

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel u għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

 

jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li taħtu taqa’ l-awtorità li tkun ħarġet att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, li bis-saħħa tagħha l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ġimgħa msemmi f’dan l-Artikolu 8(1), li fih id-destinatarju ta’ tali att jista’ jirrifjuta li jaċċetta li jirċevih għal waħda mir-raġunijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, jikkoinċidi mal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-imsemmi att f’dan l-Istat Membru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top