Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0778

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati l-21 ta’ Marzu 2024.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:258

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    ĆAPETA

    ippreżentati fil‑21 ta’ Marzu 2024 (1)

    Kawżi magħquda C778/21 P u C798/21 P

    IlKummissjoni Ewropea

    vs

    Front populaire pour la libération de la saguia el-hamra et du rio de oro (Front Polisario),

    IlKunsill tal-Unjoni Ewropea (C778/21 P)

    u

    IlKunsill tal-Unjoni Ewropea

    vs

    Front populaire pour la libération de la saguia el-hamra et du rio de oro (Front Polisario) (C798/21 P)

    “Appell – Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Unjoni-Marokk – Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli – Kamp ta’ applikazzjoni – Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118) – ‘Kunsens’ tal-poplu tas-Saħara tal-Punent – Prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati – Dritt ta’ awtodeterminazzjoni”






    I.      Introduzzjoni

    1.        Tista’ l-Unjoni Ewropea tikkonkludi, mar-Renju tal-Marokk, ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd li jkopri wkoll l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent? Jekk iva, x’obbligi għandha l-Unjoni fir-rigward tal-poplu ta’ dan it-territorju?

    2.        Dawn id-domandi joriġinaw fil-kuntest tal-appelli ppreżentati mis-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑344/19 u T‑356/19, EU:T:2021:640) (2), li fiha l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Unjoni ma kinitx osservat ir-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, kienet interpretat bħala li jorbtu lill-Unjoni (3). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali annullat (4) id-Deċiżjoni (UE) 2019/441 (5), li approvat il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (6), il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (7) tiegħu u l-Iskambju ta’ Ittri (8). Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea issa qegħdin jappellaw minn din is-sentenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    3.        Dawn l-appelli għandhom jinqraw fid-dawl ta’ sensiela ta’ appelli paralleli li jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova emendi għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (9) bl-għan li jiġu estiżi l-preferenzi tariffarji għall-merkanzija li toriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent kif ukoll fid-dawl ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari intiż sabiex tinkiseb gwida dwar l-ittikkettjar korrett tal-pajjiż ta’ oriġini tal-prodotti li joriġinaw mit-territorju tas-Saħara tal-Punent. Nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi f’dawn il-kawżi kollha llum (10).

    4.        Kif spjegajt ukoll fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi tal-lum f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-ġlieda kontinwa għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent tikkostitwixxi nuqqas manifest tal-proċess politiku mmexxi min-NU li għalih huma meħtieġa soluzzjonijiet prattiċi b’mod urġenti.

    II.    Il-fatti li wasslu għal din il-kawża

    A.      Storja qasira tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent

    5.        Fil-punti 8 sa 28 tal-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, nispjega f’iktar dettall il-kuntest storiku tal-kwistjoni tas-Saħara tal-Punent u d-diffikultajiet li ltaqa’ magħhom il-poplu ta’ dan it-territorju sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni.

    6.        Dak li għandu jiġi rrepetut jew miżjud għall-finijiet ta’ din il-proċedura huwa s-segwenti.

    7.        Is-Saħara tal-Punent ġiet ikkolonizzata mir-Renju ta’ Spanja fis-seklu 19.

    8.        Fil-kuntest tal-proċess ta’ dekolonizzazzjoni, fl‑1963, dan it-territorju ġie miżjud min-Nazzjonijiet Uniti mal-lista ta’ territorji mhux awtonomi (iktar ’il quddiem “TMA”) (11).

    9.        Fl‑1966, l-Assemblea Ġenerali tan-NU kkonfermat id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għall-awtodeterminazzjoni u stiednet lil Spanja tippermetti u torganizza l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (12), li Spanja ddeċidiet li twettaq permezz ta’ referendum. Dan ir-referendum qatt ma seħħ.

    10.      Fl‑1969, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat ir-Riżoluzzjoni 2554 (XXIV) (13). Din ir-riżoluzzjoni “tafferma mill-ġdid id-dritt inaljenabbli tal-popli tat-Territorji dipendenti għall-awtodeterminazzjoni u għall-indipendenza u għar-riżorsi naturali tat-Territorji tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom li jiddisponu minn dawn ir-riżorsi fl-aqwa interess tagħhom fid-dawl tat-tmien paragrafu tal-preambolu tar-riżoluzzjoni 1514 (XV) tal-Assemblea Ġenerali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “titlob lill-awtoritajiet u lill-Istati amministranti kkonċernati li l-kumpanniji u ċ-ċittadini tagħhom iwettqu tali attivitajiet sabiex jieħdu immedjatament miżuri sabiex itemmu l-prattiki kollha li jisfruttaw it-Territorji u l-popli taħt it-tmexxija kolonjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    11.      L-istatus tas-Saħara tal-Punent bħala TMA u d-dritt tal-poplu tagħha għall-awtodeterminazzjoni ġew ikkonfermati mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (iktar ’il quddiem il-“QIĠ”) fl-Opinjoni Konsultattiva tagħha dwar is-Saħara tal-Punent (14).

    12.      Ir-Renju tal-Marokk iqis li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jagħmel parti mit-territorju sovran tiegħu, inklużi l-ibħra li jmissu miegħu.

    13.      Fl‑1975, Spanja, ir-Renju tal-Marokk u r-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja ffirmaw id-Dikjarazzjoni ta’ Prinċipji dwar is-Saħara tal-Punent (magħrufa wkoll bħala l-“Ftehimiet ta’ Madrid”) (15), li permezz tagħha t-territorju tas-Saħara tal-Punent ġie maqsum bejn dawn l-aħħar żewġ Stati. (16)      Ftit wara, f’Jannar 1976, l-armata Marokkina daħlet fit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    14.      Skont messaġġ diplomatiku Amerikan tal‑1975 mis-Segretarju tal-Istat H. Kissinger, fil-kuntest tan-negozjati rigward il-Ftehimiet ta’ Madrid, inkambju għall-irtirar tagħha minn dan it-territorju, Spanja kellha tiġi żgurata “d-drittijiet tas-sajd fl-ilmijiet tas-Saħara tal-Punent u 35 % tal-ishma Spanjoli fil-minjieri tal‑fosfat” (17).

    15.      Fis‑26 ta’ Frar 1976, Spanja informat lis-Segretarju Ġenerali tan-NU li hija kienet temmet il-preżenza tagħha fis-Saħara tal-Punent u rrinunzjat għall-pożizzjoni tagħha bħala awtorità amministranti skont l-Artikolu 73 tal-Karta tan-NU (18).

    16.      Fl‑1985, il-Komunità Ekonomika Ewropea ntrabtet li tassumi r-responsabbiltà tal-ftehimiet tas-sajd eżistenti konklużi minn Spanja u l-Portugall mar-Renju tal-Marokk, wara l-adeżjoni tagħhom mal-Komunità (dak iż-żmien) (19).

    17.      Fl‑1988, fl‑1992 u fl‑2006, il-Komunità (Ekonomika) Ewropea kkonkludiet mar-Renju tal-Marokk il-ftehim tagħha stess fis-settur tas-sajd (20).

    18.      Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet kien ikopri t-“territorju tal-Marokk u l-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni Marokkina” (21) [traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ma jiċċara speċifikament il-fruntiera taż-żoni marittimi koperti.

    19.      Element ewlieni ta’ dawn il-ftehimiet kollha kien il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji lir-Renju tal-Marokk, parzjalment inkambju għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet tal-aħħar ta’ liċenzji lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni (22).

    20.      Protokolli separati, li huma validi rispettivament għal perijodu ta’ erba’ snin u li jifformaw parti integrali minn dawn il-ftehimiet, stabbilixxew ukoll l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, it-tul ta’ żmien tagħhom u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom (23).

    21.      L-aħħar protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji (jiġifieri, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013) (24), li kien jakkumpanja l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006, skada fl‑14 ta’ Lulju 2018 (25).

    22.      L-applikabbiltà għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 ġiet imfixkla mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Western Sahara Campaign UK.

    B.      Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli

    1.      Il-kuntest proċedurali

    23.      Fl‑2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 la kien ikopri t-territorju tas-Saħara tal-Punent u lanqas l-ibħra li jmissu miegħu, peress li l-kliem “territorju tar-Renju tal-Marokk” u “ibħra rilevanti [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk” ma setgħux jikkonċernaw it-TMA tas-Saħara tal-Punent (26). Bl-istess mod, fir-rigward tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li t-terminu “żoni tas-sajd Marokkini” ma kienx jinkludi l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (27).

    24.      F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja allinjat l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini ma’ dik tat-termini simili inkwistjoni fis-sentenza tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkonkludiet li l-kunċett tat-“territorju tar-Renju tal-Marokk” ma setax jiġi interpretat bħala li jestendi għat-territorju tas-Saħara tal-Punent (28).

    25.      Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Western Sahara Campaign UK, permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ April 2018 (29), “il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-ħsieb li jiġi emendat il-Ftehim u li jintlaħaq qbil dwar Protokoll ta’ Implimentazzjoni ġdid” (30).

    26.      Fl‑14 ta’ Jannar 2019, l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk iffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u l-Iskambju ta’ Ittri li jakkumpanja l-Ftehim (31).

    27.      L-Iskambju ta’ Ittri jirrileva, fil-parti rilevanti tiegħu, li l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk “itennu l-appoġġ tagħhom għall-proċess tan-Nazzjonijiet Uniti u l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali biex tinkiseb soluzzjoni politika definittiva, skont il-prinċipji u l-għanijiet tal-Karta tan-[NU] u abbażi tar-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà”.

    28.      L-Iskambju ta’ Ittri jistabbilixxi wkoll li “[l]-Ftehim dwar is-Sajd huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi”, li, għall-Unjoni, ifisser li “fir-rigward tal-istatut tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, fejn l-ilmijiet tal-madwar huma koperti miż-żona tas-sajd kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sajd u d-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, kull referenza fil-Ftehim dwar is-Sajd għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Marokk ma tippreġudikax il-pożizzjoni tagħha” u, għar-Renju tal-Marokk, ifisser li “ir-reġjun tas-Saħara huwa parti integrali tat-territorju nazzjonali li fuqu jeżerċita sovranità sħiħa bħal fuq il-bqija tat-territorju nazzjonali.”

    29.      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża tal‑4 ta’ Marzu 2019, il-Kunsill approva, f’isem l-Unjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u l-Iskambju ta’ Ittri. Il-premessi 3, 5 u 7 sa 11 ta’ dik id-deċiżjoni jaqraw kif ġej:

    “(3)      Fis-sentenza tagħha fil-kawża C‑266/16 b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu, il-Qorti ddeċidiet li la l-Ftehim u lanqas il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu ma japplikaw għall-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    [...]

    (5)      Jenħtieġ li jkun possibbli li l-flotot tal-Unjoni jkomplu bl-attivitajiet tas-sajd li ilhom iwettqu mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim jiġi ddefinit b’mod li jinkludi l-ilmijiet li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Barra minn hekk, il-kontinwazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd hija essenzjali sabiex dak it-territorju jkun jista’ jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il-Ftehim, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali, inkluż id-drittijiet tal-bniedem, u għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata.

    […]

    (7)      L-objettiv tal-Ftehim dwar is-Sajd huwa li jippermetti lill-Unjoni u lir-Renju tal-Marokk jaħdmu flimkien aktar mill-qrib rigward il-promozzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli u l-isfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd definita fil-Ftehim dwar is-Sajd u li jiġu appoġġati l-isforzi tar-Renju tal-Marokk biex jiżviluppa s-settur tas-sajd u l-ekonomija blu. B’dan il-mod il-Ftehim jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (8)      Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt potenzjali tal-Ftehim dwar is-Sajd fuq l-iżvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċċji għall-popolazzjoni kkonċernata u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati.

    (9)      Konformement ma’ dik l-evalwazzjoni, jidher li l-Ftehim dwar is-Sajd ikun ta’ benefiċċju kbir għall-popolazzjoni kkonċernata minħabba l-impatt soċjoekonomiku pożittiv għal dik il-popolazzjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ impjiegi u ta’ investiment, u f’termini tal-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp tas-settur tas-sajd u s-settur tal-ipproċessar tal-ħut.

    […]

    (11)      Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ifformulati fis-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna [(SEAE)], ħadet il-miżuri raġonevoli u possibbli kollha fil-kuntest attwali biex il-popolazzjoni kkonċernata tiġi involuta b’mod xieraq sabiex jiġi determinat il-kunsens tagħhom. Saru konsultazzjonijiet estensivi fis-Saħara tal-Punent u fir-Renju tal-Marokk, u l-atturi soċjoekonomiċi u politiċi li ħadu sehem fil-konsultazzjonijiet kienu b’mod ċar favur il-konklużjoni tal-Ftehim dwar is-Sajd. Madankollu, il-Front Polisario u xi partijiet oħra ma aċċettawx li jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni.”

    2.      Kamp ta’ applikazzjoni

    30.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tiegħu. Skont din id-dispożizzjoni “[d]an il-Ftehim għandu japplika għat-territorji fejn japplikaw, minn naħa t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u min-naħa l-oħra il-liġijiet u r-regolamenti msemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan il-Ftehim”.

    31.      L-Artikolu 6(1) tal-istess ftehim imbagħad jispjega li “il-bastimenti tal-Unjoni li joperaw fiż-żona tas-sajd għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u mar-regolamenti tal-Marokk li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd f’dik iż-żona, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan il-Ftehim” (32).

    32.      Iż-“żona tas-sajd” hija ddefinita fl-Artikolu 1(h) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bħala: “l-ilmijiet tal-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant li jinsabu bejn il-paralleli 35° 47’ 18” fit-Tramuntana u 20° 46’ 13” fit-Tramuntana, inkluż l-ilmijiet tal-madwar tas-Saħara tal-Punent[ (33)] li jkopru ż-żoni kollha ta’ ġestjoni; din id-definizzjoni ma għandhiex taffettwa n-negozjati possibbli dwar id-demarkazzjoni taż-żoni marittimi tal-Istati kostali li jikkonfinaw maż-żona tas-sajd u, b’mod ġenerali, id-drittijiet ta’ Stati terzi”.

    33.      Skont il-Qorti Ġenerali, il-fruntiera bejn is-Saħara tal-Punent u r-Renju tal-Marokk tinsab fil-parallel 27° 42’N (Pointe Stafford) (34).

    34.      Konsegwentement, “[il]-koordinati ġeografiċi [imsemmija inter alia fl-Artikolu 1(h) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli] jkopru kemm l-ibħra li jaqgħu fis-sovranità jew fil‑ġurisdizzjoni tar‑Renju tal-Marokk kif ukoll l-ibħra li jmissu mas‑Saħara tal-Punent” (35).

    3.      Kumpens finanzjarju

    35.      Skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, l-Unjoni taċċetta li tħallas kontribuzzjoni finanzjarja lir-Renju tal-Marokk.

    36.      Il-valur totali ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet jidher li jammonta għal EUR 208 700 000 għall-perijodu ta’ validità tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (36), jiġifieri mit‑18 ta’ Lulju 2019 sas‑17 ta’ Lulju 2023 (37).

    37.      Din il-kontribuzzjoni hija magħmula minn “(a) kumpens finanzjarju mogħti mill-Unjoni għall-aċċess mill-bastimenti tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd; (b) l-imposti li għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni; (c) appoġġ settorjali mogħti mill-Unjoni għall-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli u governanza tal-oċeani, soġġett għall-programmazzjoni annwali u pluriennali” (38).

    38.      Min-naħa tiegħu, ir-Renju tal-Marokk jissuġġetta l-kontribuzzjoni finanzjarja u t-tariffi tas-sid tal-bastiment “għal allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-benefiċċji soċjoekonomiċi sabiex jiġi żgurat li l-kumpens ikun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali kkonċernati” (39).

    39.      L-appoġġ settorjali rċevut mill-Unjoni ma jidhirx li huwa suġġett għal dan l-obbligu ta’ distribuzzjoni, iżda “se jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika settorjali fil-qafas tal-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd”(40).

    40.      Għal dan l-għan, ir-Renju tal-Marokk għandu jippreżenta lill-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (41), u kompost minn rappreżentanti tar-Renju tal-Marokk u tal-Unjoni (42), “metodu li jwassal għall-allokazzjoni ġeografika u soċjali [ta’ dawn il-fondi] [...] kif ukoll kriterju tal-allokazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu allokati” (43).

    41.      Il-komponenti differenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas lill-awtoritajiet Marokkini jiġu allokati taħt il-kontroll tal-Kumitat Konġunt (44).

    42.      Fl-aħħar nett, jeżisti obbligu ta’ rapportar għar-Renju tal-Marokk, li l-awtoritajiet tiegħu għandhom joħorġu rapport annwali, kif ukoll rapport finali qabel l-iskadenza tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (45).

    4.      Opportunitajiet tas-sajd u l-ġestjoni tagħhom

    43.      L-opportunitajiet tas-sajd huma rregolati mill-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li jiġġedded kull erba’ snin.

    44.      Kif spjegajt, il-Protokoll iffirmat fl-okkażjoni tal-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli skada fis‑17 ta’ Lulju 2023 (46).

    45.      Mid-data tar-redazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, ebda protokoll ġdid ma ġie nnegozjat bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk.

    46.      Sabiex iwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona koperta mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, il-bastimenti tal-Unjoni l-ewwel iridu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd (47).

    47.      Din l-awtorizzazzjoni tinkiseb inkambju għall-ħlas tat-tariffi annwali tas-sidien tal-bastimenti deskritti fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    48.      Dawn l-awtorizzazzjonijiet jinħarġu mid-Dipartiment tas-Sajd Marittimu tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sajd Marittimu, għall-Iżvilupp Rurali, għall-Ilma u għall-Foresti tar-Renju tal-Marokk (48).

    49.      Skont il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, bastimenti tal-Unjoni li joperaw fiż-“żona tas-sajd” jistgħu “jistadu biss għall-eċċess tal-qabda permissibbli kif imsemmi fl-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS [...] kif stabbilit [...] abbażi tal-opinjonijiet xjentifiċi disponibbli u tal-informazzjoni rilevanti [...] dwar l-isforz totali tas-sajd tal-flotot kollha eżerċitat fuq l-istokkijiet ikkonċernati mill-flotot kollha li joperaw fiż-żona tas-sajd” (49).

    50.      Waqt is-seduta, il-Kunsill u l-Kummissjoni spjegaw li, fil-prattika, dan il-limitu huwa ddeterminat mir-Renju tal-Marokk wara li jevalwa l-kapaċità tas-sajd totali tal-istokkijiet lokali tal-ħut, l-isforzi tas-sajd nazzjonali tiegħu u l-proporzjon li jifdal li jista’ jinqabad b’mod sostenibbli (50).

    51.      Ir-Rapport Annwali tal-Kumitat Konġunt tal‑2021 (51) u l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023 (52) jispjegaw li t-tipi kollha ta’ stokkijiet bl-eċċezzjoni ta’ żewġ tipi fiż-“żona tas-sajd” ġew sfruttati kompletament jew sfruttati żżejjed (53). L-istokkijiet tad-denċi tal-għajn (Dentex macrophtalmus) u s-sardin (S. pilchardus) biss tqiesu bħala “mhux sfruttati kompletament” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (54).

    C.      Is-sentenza appellata

    52.      Fl‑10 u fit‑12 ta’ Ġunju 2019, il-Front Polisario ppreżenta rikorsi li bihom inter alia talab l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

    53.      Fid‑29 ta’ Settembru 2021, il-Qorti Ġenerali tat is-sentenza appellata, li permezz tagħha annullat id-deċiżjoni kontenzjuża (55).

    54.      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet iż-żewġ eċċezzjonijiet prinċipali ta’ inammissibbiltà tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar il-locus standi tal-Front Polisario u l-locus standi tiegħu fir-rigward tad-deċiżjoni kontenzjuża (56).

    55.      F’dak li jirrigwarda l-mertu tar-rikors, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motiv għal annullament tal-Front Polisario dwar l-allegata assenza ta’ kapaċità tal-Kunsill li jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża (57).

    56.      Għall-kuntrarju, hija laqgħet it-tielet motiv għal annullament tal-Front Polisario dwar l-obbligu tal-Kunsill li josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza dwar id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (58). Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx il-motivi l-oħra ta’ annullament imqajma mill-Front Polisario.

    D.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

    57.      Permezz tal-appelli ppreżentati fl‑14 ta’ Diċembru 2021 u fis‑16 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu rispettivament lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha, tiddeċiedi hija stess fuq il-kwistjonijiet imqajma, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u tikkundanna lill-Front Polisario għall-ispejjeż. Sussidjarjament, dawn l-istituzzjonijiet jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perijodu ta’ tnax-il xahar mid-data tal-għoti tas-sentenza tagħha.

    58.      Din is-soluzzjoni hija appoġġata mix-Chambre des pêches maritimes de la Méditerranée et kif ukoll mill-Gvern Belġjan, Spanjol, Franċiż, Ungeriż, Portugiż u Slovakk.

    59.      Inżammet seduta fit‑23 u fl‑24 ta’ Ottubru 2023 li matulha l-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Front Polisario, ix-Chambre des pêches maritimes de la Méditerranée et kif ukoll il-Gvern Belġjan, Franċiż, Spanjol u Ungeriż ressqu argumenti orali.

    III. Analiżi

    A.      Fuq l-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali

    60.      L-appelli ineżami jikkontestaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Unjoni li tikkonkludi ftehim internazzjonali fid-dawl tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni, b’mod iktar preċiż fid-dawl ta’ żewġ prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju – id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (59).

    61.      Meta mqabbel mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew mal-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri tagħha, id-dritt internazzjonali huwa sistema inqas kumpatta u, f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-uniformità tat-tifsira tar-regoli ta’ din is-sistema, huwa sistema ħafna iktar deċentralizzata.

    62.      Għalkemm id-dritt internazzjonali għandu s-sistema tiegħu stess ta’ sorsi legali (60), u ċerti regoli interpretattivi ġeneralment aċċettati (61), hemm assenza ta’ interpretu finali li l-interpretazzjonijiet tiegħu jorbtu lill-parteċipanti kollha fis-sistema (62).

    63.      F’dan ir-rigward, fl-interpretazzjoni tal-kontenut tar-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, inklużi l-qrati tal-Unjoni, ma humiex limitati mill-interpretazzjonijiet differenti tal-istess regola minn suġġetti oħra tad-dritt internazzjonali (63).

    64.      Madankollu, fl-interpretazzjoni tas-sens tad-dritt internazzjonali għall-finijiet tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk intlaħaqx ċertu livell ta’ kunsens dwar it-tifsira ta’ regola partikolari fil-livell tad-dritt internazzjonali. Dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, mill-impenn tal-Unjoni li tikkontribwixxi għall-osservanza stretta u għall-iżvilupp tad-dritt internazzjonali, kif previst fl-Artikolu 3(5) TUE.

    65.      Bħalma l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma humiex marbuta bl-interpretazzjonijiet tad-dritt internazzjonali minn suġġetti oħra ta’ dan l-ordinament ġuridiku, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt internazzjonali hija vinkolanti biss fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, meta tattribwixxi s-sens lil regola tad-dritt internazzjonali, huwa importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ konxja tal-fatt li l-interpretazzjoni tagħha għandha effetti fuq il-livell tad-dritt internazzjonali u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ konswetudni u għall-kostruzzjoni tas-sens tagħha (64).

    66.      L-interpretazzjoni tad-dritt internazzjonali fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tqajjem ukoll il-kwistjoni tar-relazzjoni bejn il-qrati tal-Unjoni u l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ liema obbligi huma imposti fuq l-Unjoni mid-dritt internazzjonali.

    67.      Fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni, l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa (65). Deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim internazzjonali ma’ Stat ieħor, inkluża d-deċiżjoni li potenzjalment tiġi estiża l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għal territorju terz, tagħmel parti minn dan il-marġni ta’ diskrezzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tikkontesta din l-għażla.

    68.      Madankollu, meta tittieħed deċiżjoni ta’ politika dwar l-interazzjoni ma’ Stat terz jew ma’ territorju terz, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biss is-setgħa li tistħarreġ il-konformità tal-interazzjoni esterna tal-Unjoni mar-rekwiżiti kostituzzjonali imposti mit-Trattati UE u FUE, iżda hija saħansitra obbligata tagħmel dan (66).

    69.      Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Air Transport Association of America et, “hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) TUE, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-osservanza stretta tal-iżvilupp tad-dritt internazzjonali”. Konsegwentement, meta hija tadotta att, hija marbuta li tosserva d-dritt internazzjonali kollu kemm hu, inkluż id-dritt internazzjonali konswetudinarju li jorbot l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (67)”.

    70.      Fil-missjoni kostituzzjonali tagħha li tiżgura l-Istat tad-dritt fl-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk meħtieġa tevalwa jekk, bil-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni kisrux id-drittijiet li r-regoli tad-dritt internazzjonali konswetudinarju jagħtu lis-suġġetti tiegħu.

    71.      Dan jeħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-kontenut tar-regoli tad-dritt konswetudinarju rilevanti. F’sitwazzjoni fejn teżisti opinio juris uniformi dwar l-eżistenza ta’ obbligu legali (bħall-obbligu li jiġi rrikonoxxut id-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta’ TMA), iżda mhux dwar il-kontenut preċiż tiegħu, is-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni fir-relazzjonijiet esterni teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tbaxxi rasha għall-interpretazzjoni magħżula minn dawn l-istituzzjonijiet.

    72.      Il-karatteristiċi tad-dritt internazzjonali preċedenti ser jiggwidaw l-analiżi tiegħi fil-kuntest tal-appelli ineżami.

    B.      Ammissibbiltà

    1.      Interess

    73.      Kif spjegat fil-punti 36 u 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li jirregola l-kundizzjonijiet għal aċċess għaż-żoni tas-sajd li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, skada fis‑17 ta’ Lulju 2023 (68).

    74.      Mingħajr protokoll validu, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ma jippermettix lill-bastimenti tal-Unjoni jaċċessaw iż-“żona tas-sajd”.

    75.      Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni waqt is-seduta.

    76.      Dan ifisser li l-Front Polisario tilef l-interess tiegħu li jkompli din il-proċedura (69)?

    77.      Fil-fehma tiegħi, le.

    78.      Il-Front Polisario qiegħed jinvoka allegata invalidità tal-aġir tal-Unjoni li tirriżulta mill-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli mar-Renju tal-Marokk.

    79.      Minħabba l-kontestazzjoni tiegħu tad-deċiżjoni kontenzjuża, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tiegħu testendi għall-“pakkett” kollu miftiehem mar-Renju tal-Marokk – il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, u l-Iskambju ta’ Ittri – u mhux biss għall-effetti prattiċi tiegħu.

    80.      Għaldaqstant, l-appelli ineżami jistgħu jwasslu għall-obbligu, għall-Unjoni, li tinnegozja mill-ġdid ċerti partijiet ta’ dan il-“pakkett”, inklużi d-drittijiet ta’ aċċess għas-sajd tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, li l-Front Polisario jikkontrolla, u jsostni li jirrappreżenta, parti minnhom.

    81.      L-iskadenza tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni għalhekk ma taffettwax l-interess persistenti tal-Front Polisario fil-kawża ineżami.

    82.      Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li, minn perspettiva kostituzzjonali, l-azzjonijiet diretti sottostanti jistgħu jirrikonoxxu illegalità tal-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali (70), u li jipprekluduha milli tirrepeti ruħha fil-futur (71).

    2.      Fuq il-locus standi u l-possibbiltà li jiġi invokat id-dritt internazzjonali konswetudinarju quddiem il-qrati tal-Unjoni

    83.      Kif nikkonkludi fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, jiena ġeneralment naqbel mal-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Front Polisario għandu l-kapaċità ġuridika u l-locus standi kontra d-deċiżjoni kontenzjuża (72).

    84.      L-istess argument jista’ japplika għal dawn l-appelli. Għalhekk nirreferi għall-argumenti tiegħi ppreżentati f’dawk il-konklużjonijiet u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tindirizza l-mertu tal-appelli ineżami.

    85.      Barra minn hekk, bl-istess mod bħal fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi, jiena tal-fehma li l-Front Polisario jista’, bħala prinċipju, jinvoka r-regoli tad-dritt konswetudinarju internazzjonali quddiem il-qrati tal-Unjoni. Meta l-kundizzjonijiet ta’ locus standi jkunu ssodisfatti, ir-rikorrenti li jippreżentaw rikorsi għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jistgħu jinvokaw dawn ir-regoli tad-dritt internazzjonali li huma suffiċjentement ċari sabiex jippermettu lill-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-validità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Għaldaqstant, fil-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali ma hijiex prekluża milli teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fir-rigward tal-kompatibbiltà tad-deċiżjoni kontenzjuża mal-prinċipji tad-dritt internazzjonali konswetudinarju invokati, sa fejn hija tista’ tinterpreta l-kontenut tagħhom b’ċarezza suffiċjenti.

    C.      Fuq il-mertu

    86.      Kif spjegajt ukoll fil-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, ippreżentati wkoll illum (73), huwa importanti li nibda l-analiżi tiegħi ta’ dawn ir-rikorsi diretti billi nenfasizza l-portata limitata ta’ dawn l-appelli.

    87.      Dan huwa għaliex, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat biss l-ewwel u t-tielet motiv imqajma mill-Front Polisario, billi ċaħdet l-ewwel motiv u billi kkunsidrat it-tielet motiv bħala fondat.

    88.      Għaldaqstant, anki jekk jista’ jkun hemm kwistjonijiet oħra relatati mad-dritt għall-awtodeterminazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata fil-ġurisdizzjoni tagħha li tindirizza biss dawk il-kwistjonijiet li kienu s-suġġett tas-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK (74).

    89.      Għal din ir-raġuni, jeħtieġ, l-ewwel, li niddixxerni liema kontenut ġie attribwit mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawk is-sentenzi, għad-dritt għall-awtodeterminazzjoni u għall-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (Taqsima C.1). It-tieni, għalkemm ir-raġunament tas-sentenza appellata huwa materjalment identiku għal dak inkwistjoni fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), inqis li r-regoli tad-dritt internazzjonali applikabbli f’dawn l-appelli huma differenti minn dawk inkwistjoni fis-sensiela ta’ appelli paralleli, b’mod partikolari fir-rigward tal-istruttura tal-ftehimiet rispettivi inkwistjoni (Taqsima C.2). It-tielet, għal din ir-raġuni, ser nikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta annullat il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli fuq il-bażi tal-istess raġunament bħal dak li fuqu huma bbażati l-appelli fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P) (Taqsima C.3). Ir-raba’, u minkejja din il-konklużjoni, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma s-sentenza appellata u, għaldaqstant, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, iżda għal raġunament differenti (Taqsima C.4). Finalment, ser nispjega li, għalkemm lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-appelli, il-fatt li t-territorju tas-Saħara tal-Punent u tal-ibħra li jmissu miegħu ma jiġux ittrattati b’mod separat u distint mit-territorju tar-Renju tal-Marokk għandu wkoll konsegwenzi fuq id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li jibbenefika mir-riżorsi naturali tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (Taqsima C.5).

    1.      Interpretazzjoni tas-sentenzi IlKunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK

    90.      Fil-punti 96 sa 115 tal-konklużjonijiet paralleli tiegħi f’Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, ser nanalizza fid-dettall is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kunsill vs Front Polisario.

    91.      Il-konstatazzjonijiet prinċipali tiegħi li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni huma s-segwenti.

    92.      Is-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario toriġina minn rikors dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni tal-Ftehim tal‑2012 dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Kummerċ (75), ftehim li jagħti trattament tariffarju preferenzjali għall-merkanzija li toriġina mit-“territorju tal-Marokk”.

    93.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat dan il-ftehim bħala li ma jestendix għat-territorju tas-Saħara tal-Punent, peress li t-termini “territorju tal-Marokk” ma setax jiġi interpretat bħala li jinkludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għal din il-konklużjoni billi interpretat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, li hija kkonstatat bħala vinkolanti għall-Unjoni meta hija tinteraġixxi mat-territorju tas-Saħara tal-Punent permezz tar-Renju tal-Marokk bħala intermedjarju.

    95.      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala li jinkludi l-obbligu tal-Unjoni li tittratta t-territorju tas-Saħara tal-Punent bħala “separat u distint” mit-territorju tar-Renju tal-Marokk. Dan ir-rekwiżit kien jirriżulta mill-fatt li, fid-dritt internazzjonali, is-Saħara tal-Punent huwa kkunsidrat bħala TMA.

    96.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex tinterpreta, u għalhekk ma interpretatx, obbligi eventwali oħra għall-Unjoni li jirriżultaw mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent (76).

    97.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet ukoll li l-istatus separat u distint tat-territorju tas-Saħara tal-Punent jiskatta l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati jekk l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk ikollhom l-intenzjoni li japplikaw ftehim konkluż bejniethom għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    98.      Skont l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati, meta terz ikun affettwat mill-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali konkluż bejn żewġ partijiet, dan it-terz għandu jagħti l-kunsens tiegħu għall-applikazzjoni tal-imsemmi ftehim, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-applikazzjoni li tirriżulta minnu tistax tippreġudika lil dan it-terz jew tibbenefikah.

    99.      Filwaqt li implikat li l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati jkun applikabbli wkoll meta t-terz ikun TMA u mhux Stat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma tax il-kunsens tiegħu għall-estensjoni tal-applikazzjoni tal-Ftehim tal‑2012 dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Kummerċ għat-territorju tiegħu.

    100. Fil-punt 114 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, nipproponi li r-rekwiżit tal-kunsens, kif jirriżulta mill-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario, ma għandux jinftiehem bħala struzzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk u kif ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk jista’ jinvolvi t-territorju tas-Saħara tal-Punent. Għall-kuntrarju, din l-affermazzjoni għandha tinftiehem biss bħala wieħed mill-argumenti għalfejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim inkwistjoni f’dik il-kawża ma setax jiġi interpretat li jinkludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent (77).

    101. Is-sentenza fil-kawża Western Sahara Campaign UK ingħatat iktar minn sena wara s-sentenza fil-kawża Il‑Kunsill vs Front Polisario. Dik il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013.

    102. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-espressjonijiet “territorju tal-Marokk u [l]-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni Marokkina”, “żoni tas-sajd Marokkini” u “ibħra [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk” (78) ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jinkludu l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (79).

    103. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, fis-sentenza Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iggwidata mis-sentenza preċedenti tagħha fil-kawża Il‑Kunsill vs Front Polisario.

    104. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd kien jagħmel parti mill-politika tal-Unjoni intiża sabiex tistabbilixxi relazzjonijiet iktar mill-qrib mar-Renju tal-Marokk taħt l-umbrella tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (80). L-espressjoni “territorju tar-Renju tal-Marokk” għandha għalhekk tinftiehem bl-istess mod fil-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd bħal kif ġiet interpretata fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario (81).

    105. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-parti tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario li fiha hija kkonstatat li l-interpretazzjoni tal-espressjoni “territorju tar-Renju tal-Marokk” li tinsab fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bħala li tinkludi t-territorju tas-Saħara tal-Punent tmur kontra “l-prinċipju ta’ awtodeterminazzjoni, imfakkar fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-[NU], u l-prinċipju ta’ effett relattiv tat-trattati, li l-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna [...] jikkostitwixxi espressjoni partikolari tiegħu” (82).

    106. Fuq din il-bażi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 ma setgħux jiġu interpretati bħala li jkopru t-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    107. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad indirizzat l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ibħra [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, kif deher kemm fil-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd kif ukoll fil-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013.

    108. Għall-finijiet ta’ dan l-eżerċizzju, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-UNCLOS billi kkunsidrat li din il-konvenzjoni “torbot lill-Unjoni u li għaliha jirreferi espressament [...] il-[Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd]” (83).

    109. Billi siltet inferenzi għall-interpretazzjoni tal-espressjoni “ibħra [li jaqgħu] taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk” mill-UNCLOS, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li din l-espressjoni ma setgħetx tiġi interpretata li tinkludi l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent: ir-Renju tal-Marokk jista’ jkollu sovranità jew ġurisdizzjoni biss fuq l-ibħra li jmissu mat-territorju tiegħu, u t-territorju tas-Saħara tal-Punent ma huwiex kopert mill-kunċett tat-“territorju tar-Renju tal-Marokk” (84).

    110. Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk hemmx lok li jiġi konkluż li l-intenzjoni tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk kienet li l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġu inklużi fl-espressjonijiet “ibħra [li jaqgħu] taħt is-sovranità [...] tar-Renju tal-Marokk” u “ibħra [li jaqgħu] taħt il-ġurisdizzjoni tar-Renju tal-Marokk”, kif jidhru fil-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd.

    111. Hija kkonkludiet li tali intenzjoni ma setgħetx tkun impliċita fl-eventwali trattament tar-Renju tal-Marokk bħala “‘awtorità amministrattiva de facto’ jew awtorità okkupanti tas-Saħara tal-Punent [...], peress li r-Renju tal-Marokk kategorikament eskluda li huwa awtorità okkupanti jew awtorità amministrattiva tat-territorju tas-Saħara tal-Punent” (85). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħetx tikkonstata l-eżistenza ta’ intenzjoni taċita tal-partijiet f’dan is-sens (86).

    112. Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk tkunx kompatibbli mar-regoli tad-dritt internazzjonali, li jorbtu lill-Unjoni, l-inklużjoni tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 jekk ir-Renju tal-Marokk jiġi kklassifikat bħala awtorità amministranti, jew bħala awtorità okkupanti, peress li dan il-ftehim u dan il-protokoll ma jistgħux jiġu interpretati, fi kwalunkwe każ, bħala li japplikaw għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (87).

    113. Fis-sentenza tagħha Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx iktar, u lanqas għamlet riferiment għall-ħtieġa tal-“kunsens” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent skont il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

    2.      Differenzi bejn l-applikazzjoni tal-qafas legali rilevanti għall-Ftehim dwar il-Preferenzi Kummerċjali u għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli

    114. Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jvarja fuq aspetti importanti mill-ftehim inkwistjoni fl-appelli paralleli fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P).

    115. Dawn l-appelli jikkonċernaw ftehim konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk intiż li jestendi l-preferenzi kummerċjali mogħtija lill-merkanzija li toriġina mir-Renju tal-Marokk ukoll għall-merkanzija li toriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent (88).

    116. Il-Ftehim dwar il-Preferenzi Kummerċjali inkwistjoni fl-appelli paralleli għalhekk jestendi b’mod ċar l-applikazzjoni ta’ ftehim bejn żewġ partijiet lil terz: huwa espressament jestendi t-trattament miftiehem skont il-Ftehim tal‑2012 dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Kummerċ bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk – li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ma kienx japplika għat-territorju tas-Saħara tal-Punent – għall-merkanzija li toriġina mit-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    117. Fiċ-ċirkustanzi madwar l-appelli fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), huma għalhekk ċari żewġ kwistjonijiet.

    118. L-ewwel, il-kuntest ġuridiku applikabbli huwa dak li jirregola l-effett relattiv tat-trattati.

    119. It-tieni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Ftehim dwar il-Preferenzi Kummerċjali jiddistingwi b’mod ċar bejn it-territorju tas-Saħara tal-Punent u t-territorji tar-Renju tal-Marokk u dak tal-Unjoni.

    120. B’kuntrast, dawn il-premessi ma humiex validi għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jew għall-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

    121. L-ewwel, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ma jestendix sistema miftiehma bħala applikabbli għat-territorju tar-Renju tal-Marokk għat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    122. Minflok, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu huma stabbiliti sabiex jikkostitwixxu qafas ġuridiku ġdid li jissostitwixxi kompletament il-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006 u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013, bl-għan li jiġu rregolati d-drittijiet tas-sajd fiż-“żona tas-sajd” koperta minn dan il-ftehim.

    123. Il-konsegwenza ta’ din id-differenza hija li l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati ma huwa applikabbli la għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u lanqas għall-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

    124. It-tieni, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma jagħmlux distinzjoni ċara bejn it-territorju tas-Saħara tal-Punent u t-territorju tar-Renju tal-Marokk.

    125. Kif spjegajt fil-punti 31 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni japplikaw għaż-“żona tas-sajd”, żona ddefinita mill-koordinati ġeografiċi tagħha u li tinkludi l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    126. Il-konsegwenza ta’ din id-differenza hija li l-appelli inkwistjoni fil-kawża ineżami jobbligaw lill-qrati tal-Unjoni jevalwaw jekk il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u l-Iskambju ta’ Ittri josservawx ir-rekwiżit, li jirriżulta mis-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK u li jirriżulta mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni, li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi ttrattat bħala separat u distint mit-territorju tar-Renju tal-Marokk.

    3.      Fuq l-applikazzjoni mill-Qorti Ġenerali tas-sentenzi IlKunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK

    127. Huwa ċar mis-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża billi bbażat ruħha fuq il-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario (89).

    128. Billi interpretat dan il-punt bħala li jobbliga lill-Kunsill jikseb il-“kunsens” tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ikkonkludiet li l-konsultazzjonijiet magħmula mill-Kunsill u mill-EEAS ma setgħux jitqiesu li jissodisfaw dan l-obbligu (90).

    129. Għaldaqstant, u, essenzjalment, fuq il-bażi tal-istess argument bħal dak żviluppat fis-sentenza appellata fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑779/21 P u C‑799/21 P), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

    130. Jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali wettqet żball f’din il-konklużjoni.

    131. Ir-rekwiżit tal-“kunsens”, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kien nieqes fil-kawża ineżami, ġie estrapolat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario bħala li jirriżulta mill-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati.

    132. Madankollu, kif nispjega fil-punt  123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, stħarriġ tal-validità tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli kontra s-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK ma jeżiġix l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati (91).

    133. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-partijiet ma pprovawx jestendu s-sistema miftiehma bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk għat-territorju ta’ terz.

    134. Minflok, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ġie konkluż sabiex tiġi ddeterminata direttament is-sistema tas-sajd f’żona ġeografika partikolari, iż-“żona tas-sajd”, li testendi għall-ibħra li jmissu mat-territorju ta’ terz, is-Saħara tal-Punent.

    135. Għaldaqstant, il-Kunsill ma kienx obbligat jikseb il-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent (92).

    136. Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tagħha tal-punt 106 tas-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario peress li l-istħarriġ tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma kienx jeżiġi l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati u tar-rekwiżit tal-kunsens, li jirriżulta minn dan il-prinċipju.

    4.      Ir-rispett tad-dritt li ż-żewġ territorji jiġu ttrattati bħala distinti u separati

    137. Fid-deċiżjoni kontenzjuża (93), il-Kunsill jesprimi l-intenzjoni tiegħu li jittratta lir-Renju tal-Marokk mhux bħala sovran tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, iżda bħala l-awtorità amministranti ta’ dan it-territorju.

    138. L-istess jirriżulta mill-Iskambju ta’ Ittri (94), li fih l-Unjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha li s-Saħara tal-Punent huwa TMA u li l-poplu ta’ dan it-territorju jibbenefika mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni.

    139. Kif nispjega fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tistħarreġ id-deċiżjoni politika ta’ interazzjoni mat-territorju tas-Saħara tal-Punent permezz tal-amministratur tagħha, ir-Renju tal-Marokk.

    140. Madankollu, meta l-Unjoni tagħżel li tinteraġixxi b’dan il-mod mat-territorju tas-Saħara tal-Punent, l-obbligu ta’ stħarriġ kostituzzjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja jobbligaha tistħarreġ li din l-interazzjoni tosserva l-istatus ta’ dan it-territorju u d-drittijiet tal-poplu tiegħu.

    141. Għall-finijiet tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-appelli ineżami, dan ifisser li hija għandha tistħarreġ jekk il-mod li bih l-Unjoni għażlet li tinteraġixxi mat-territorju tas-Saħara tal-Punent permezz tar-Renju tal-Marokk jirrispettax id-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario u fis-sentenza Western Sahara Campaign UK.

    142. Kif spjegajt fil-punt  95 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fuq il-bażi tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat f’dawn is-sentenzi, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt jinkludi l-obbligu li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi ttrattat bħala “separat u distint” mit-territorju tar-Renju tal-Marokk.

    143. Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ma jissodisfax dan ir-rekwiżit.

    144. Fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli ma josservax b’mod suffiċjenti n-natura “separata u distinta” tat-territorju tas-Saħara tal-Punent u tal-ibħra li jmissu miegħu.

    145. Kif spjegajt fil-punti 31 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli huwa stabbilit b’riferiment għal “żona tas-sajd” waħda, iddefinita bħala li tkopri essenzjalment l-ibħra kollha li jmissu mar-Renju tal-Marokk u dawk tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    146. Huwa ċar mhux biss mid-definizzjoni ta’ din iż-żona u mid-deċiżjoni kontenzjuża (95) kif ukoll mill-Iskambju ta’ Ittri (96) li ż-żona koperta minnha tinkludi l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    147. Madankollu, id-definizzjoni taż-“żona tas-sajd” ma tagħmilx distinzjoni bejn l-ibħra li jmissu mat-territorju tar-Renju tal-Marokk u l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    148. Tali distinzjoni ma għandhiex neċessarjament issir f’żewġ ftehimiet separati. Hija setgħet, pereżempju, tintlaħaq permezz tad-delimitazzjoni tal-konfini territorjali ta’ dawn it-territorji b’riferiment għall-koordinati ġeografiċi rispettivi tagħhom.

    149. Madankollu, mill-ftehim konkluż mill-Unjoni mar-Renju tal-Marokk għandu tal-inqas jirriżulta b’mod ċar liema parti mid-drittijiet tas-sajd tal-Unjoni tikkonċerna l-ibħra li jmissu mar-Renju tal-Marokk u liema tikkonċerna l-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    150. Huwa biss f’din is-sitwazzjoni li jista’ jiġi vverifikat b’mod ċar li l-Unjoni kellha l-intenzjoni li tittratta lir-Renju tal-Marokk bħala s-sovran fir-rigward tat-territorju tiegħu stess u bħala l-awtorità amministranti (“de facto”) fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    151. Il-konklużjoni preċedenti ma hijiex affettwata mill-espressjoni tal-pożizzjoni politika tal-Unjoni, li tinsab fl-Iskambju ta’ Ittri, fir-rigward tat-trattament tat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    152. Ma neskludix li, f’ċerti ċirkustanzi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tip ta’ dikjarazzjoni jista’ “jxaqleb” il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja favur il-validità ta’ att marbut mal-interazzjoni tal-Unjoni ma’ Stat terz jew ma’ territorju terz (97).

    153. Madankollu, fiha nnifisha, espressjoni tal-pożizzjoni politika tal-Unjoni ma tistax “tikkura” l-falliment fit-trattament separat u distint tat-territorju tas-Saħara tal-Punent mit-territorju tar-Renju tal-Marokk fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u fil-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

    154. Għaldaqstant, billi approva l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni mar-Renju tal-Marokk, il-Kunsill ma rrispettax parti mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK.

    5.      Irrispett tad-dritt għat-tgawdija tar-riżorsi naturali

    155. L-assenza ta’ trattament separat u distint tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent minn dawk li jmissu mat-territorju tar-Renju tal-Marokk fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u fil-Protokoll ta’ Implimentazzjoni għandu wkoll konsegwenzi fuq id-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent li jibbenefika mir-riżorsi naturali tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent.

    156. Id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, li jorbot lill-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha mar-Renju tal-Marokk fir-rigward tat-territorju tas-Saħara tal-Punent, jimplika d-dritt tal-poplu tas-Saħara tal-Punent għat-tgawdija tiegħu tar-riżorsi naturali tat-TMA tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-ibħra li jmissu miegħu (98).

    157. Madankollu, fis-sentenzi tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx dan l-aspett tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni. Huwa għalhekk eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-appelli.

    158. Madankollu, l-obbligu tal-Unjoni li tiżgura li l-poplu tas-Saħara tal-Punent jibbenefika minn ftehim li jippermetti opportunitajiet ta’ sajd fl-ibħra li jmissu mat-territorju tat-TMA tas-Saħara tal-Punent jirriżulta indipendentement mill-isħubija tiegħu fl-UNCLOS (99).

    159. F’dan ir-rigward, nirrileva li l-punt 1(a) tar-Riżoluzzjoni III, li tinsab fl-Anness I tal-Att Finali tat-Tielet Konferenza tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar, u li għalhekk tagħmel parti integrali mill-UNCLOS, jistabbilixxi li “fil-każ ta’ territorju li l-poplu tiegħu ma jkunx kiseb indipendenza sħiħa jew status awtonomu ieħor irrikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, jew territorju taħt dominazzjoni kolonjali, id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet u l-interessi skont l-[UNCLOS] għandhom jiġu applikati għall-benefiċċju tal-poplu tat-territorju sabiex jippromwovu l-benesseri u l-iżvilupp tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    160. Konsegwentement, skont l-obbligi internazzjonali tal-Unjoni fir-rigward ta’ din il-konvenzjoni, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, sa fejn dawn l-atti tal-Unjoni jagħtu aċċess għal dawn l-ibħra, għandhom jiġu implimentati għall-benefiċċju tal-poplu tas-Saħara tal-Punent sabiex jiġu promossi l-benesseri u l-iżvilupp tiegħu (100).

    161. Fil-kawża ineżami, huwa minnu li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jipprevedu r-rekwiżit ta’ “allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta” tal-benefiċċji soċjoekonomiċi li jirriżultaw mill-kumpens finanzjarju mħallas mill-Unjoni lir-Renju tal-Marokk.

    162. Madankollu, kif tispjega essenzjalment il-Qorti Ġenerali fil-punt 316 tas-sentenza appellata, mingħajr ma din il-konstatazzjoni tkun ġiet ikkontestata fil-mertu, ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, mill-Protokoll ta’ Implimentazzjoni u lanqas mill-Iskambju ta’ Ittri kif “[il]‑prinċipju ta’ allokazzjoni ġeografika u soċjali ġusta tal-kontribuzzjoni finanzjarja huwa implimentat b’mod differenti fuq it‑territorju tas-Saħara tal-Punent u fuq it-territorju tal-Marokk”.

    163. Fil-fehma tiegħi, l-iżgurar li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma jiġix imċaħħad mid-drittijiet leġittimi fuq ir-riżorsi naturali tiegħu stess jeżiġi, inter alia, li l-popolazzjoni tat-territorju tas-Saħara tal-Punent biss tibbenefika mid-dħul li ġej mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu.

    164. Ma neskludix li l-inċertezza dwar is-sodisfazzjon mill-Unjoni ta’ dan ir-rekwiżit setgħet tiġi eliminata bil-preżentazzjoni, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tal-“metodu” u/jew tal-“kriterju tal-allokazzjoni” li r-Renju tal-Marokk kellu jippreżenta lill-Kumitat Konġunt, kif jeżiġi l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni (ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

    165. Madankollu, ma hemm l-ebda informazzjoni f’dan is-sens fil-proċess (101).

    166. Bl-istess mod, jista’ ċertament ikun possibbli, anki fl-assenza ta’ tali metodu u ta’ tali kriterju tal-allokazzjoni, li provi suffiċjenti ta’ sorveljanza stretta mill-Kumitat Konġunt (ara l-punt  ta’ dawn il-konklużjonijiet) dwar l-allokazzjoni tal-kumpens finanzjarju mħallas mill-Unjoni inkambju għall-aċċess u għall-isfruttament tal-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent jistgħu jissodisfaw l-obbligi tal-Unjoni li tosserva l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-ibħra li jmissu mas-Saħara tal-Punent (102).

    167. Madankollu, għal darba oħra, ma hemm l-ebda informazzjoni fil-proċess dwar jekk dan il-kumitat eżerċitax xi tip ta’ kontroll u, jekk ikun il-każ, kif huwa kkontrolla t-tqassim neċessarju tal-kumpens finanzjarju.

    168. Għar-raġunijiet preċedenti, jiena tal-fehma li l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni ma jissodisfawx ir-rekwiżit li t-territorju tas-Saħara tal-Punent jiġi ttrattat bħala “separat u distint” minn dak tar-Renju tal-Marokk.

    169. Peress li dan l-obbligu jirriżulta mis-sentenzi Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, għandu jintlaqa’ t-tielet aggravju tal-Front Polisario, ippreżentat fl-ewwel istanza, u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata għal din ir-raġuni.

    170. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-Kunsill u tal-Kummissjoni u tikkonferma s-sentenza appellata, għalkemm fuq il-bażi ta’ raġunament differenti.

    IV.    Konsegwenzi

    171. Kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, jekk tqis li huwa neċessarju, tiddikjara liema effetti konkreti tal-att inkwistjoni għandhom jitqiesu bħala definittivi.

    172. Peress li l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni skada f’Lulju 2023, attwalment ma tista’ titwettaq l-ebda attività tas-sajd minn bastimenti tal-Unjoni fl-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Dan ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta.

    173. Madankollu, kif spjegat il-Qorti Ġenerali, “l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata b’effett immedjat jista’ jkollha konsegwenzi negattivi fuq l‑azzjoni esterna tal-Unjoni u tikkontesta ċ-ċertezza legali ta’ obbligi internazzjonali li għalihom tkun tat il-kunsens u li jorbtu lill‑istituzzjonijiet u lill-Istati Membri” (103).

    174. Barra minn hekk, jiena ma neskludix li annullament immedjat tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ jkollu riperkussjonijiet serji fuq numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi konklużi in bona fide.

    175. Jekk, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha ssegwi l-konklużjoni tiegħi, nipproponi li jinżamm l-effett tad-deċiżjoni kontenzjuża, għal perijodu raġonevoli, li ma jistax jaqbeż is-sentejn mid-data tal-għoti tas-sentenza fil-kawża ineżami, sabiex jiġu konklużi, mar-Renju tal-Marokk, l-emendi neċessarji għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.

    V.      Konklużjoni

    176. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.


    1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


    2      Sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2021, Front Polisario vs Il‑Kunsill (T‑344/19 u T‑356/19, EU:T:2021:640, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


    3      Jiġifieri fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kunsill vs Front Polisario (C‑104/16 P, EU:C:2016:973, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kunsill vs Front Polisario”), u tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK (C‑266/16, EU:C:2018:118, iktar ’il quddiem is-“sentenza Western Sahara Campaign UK”).


    4      Ara s-sentenza appellata, punti 364 u 365.


    5      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/441 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u tal-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 77, p. 4, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).


    6      Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 8, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli”).


    7      Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 18, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Implimentazzjoni”).


    8      Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li Jakkumpanja l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2019, L 77, p. 53, iktar ’il quddiem l-“Iskambju ta’ Ittri”).


    9      Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2).


    10      Ara l-konklużjonijiet tiegħi tal‑21 ta’ Marzu 2024 fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario (iktar ’il quddiem “Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario”), u l-konklużjonijiet tiegħi tal‑21 ta’ Marzu 2024 fil-Kawża C‑399/22, Confédération paysanne (Bettieħ u tadam tas-Saħara tal-Punent).


    11      In-Nazzjonijiet Uniti, Rapport tal-Kumitat ta’ Informazzjoni mit-Territorji Mhux Awtonomi, Suppliment Nru 14 (A/5514) (1963), Anness III “Lista ta’ Territorji Mhux Awtonomi skont il-Kapitolu XI tal-Karta fil‑31 ta’ Diċembru 1962 ikklassifikati skont ir-reġjun ġeografiku”.


    12      Riżoluzzjoni 2229 (XXI) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal‑20 ta’ Diċembru 1966, Kwistjoni tal-Ifni u tas-Saħara Spanjola.


    13      Riżoluzzjoni 2554 (XXIV) tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat‑12 ta’ Diċembru 1966, Attivitajiet ta’ interessi ekonomiċi barranin u interessi oħra li qegħdin ixekklu l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-Għoti tal-Indipendenza lill-Pajjiżi u l-Popli Kolonjali fir-Rodeżja t’Isfel u fin-Namibja t’Isfel u Territorji oħra taħt dominazzjoni Portugiża u fit-Territorji l-oħra kollha taħt dominazzjoni kolonjali u sforzi biex jiġu eliminati l-kolonjaliżmu, l-apartheid u d-diskriminazzjoni razzjali fin-Nofsinhar tal-Afrika.


    14      Opinjoni Konsultattiva dwar is-Saħara tal-Punent (Ġabra QIĠ 1975, p. 12).


    15      Ara Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 988, p. 259.


    16      Il-valur legali tal-Ftehimiet ta’ Madrid huwa kkontestat; ara, pereżempju, Simon, S., “Western Sahara”, f’Walter, C., von Ungern-Sternberg, A. u Abushov, K. (edituri)., Self-determination and secession in international law, Oxford University Press, Oxford, 2014, p. 260 (li jistaqsi jekk, minkejja r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trattat mas-segretarjat tan-NU, il-Ftehimiet ta’ Madrid setgħux espliċitament jittrasferixxu s-sovranità, “peress li Spanja ma kellha l-ebda dritt tittrasferixxi territorju li kien jappartjeni lill-poplu ta’ dan it-territorju” [traduzzjoni libera]). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Western Sahara Campaign (C‑266/16, EU:C:2018:1, punti 161 u 162) (li jispjegaw li l-assenza ta’ kunsens fil-livell tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-mod kif il-Ftehimiet ta’ Madrid kellhom jinftiehmu fissret l-adozzjoni ta’ żewġ riżoluzzjonijiet ta’ kontenut differenti, li waħda minnhom ma tagħmel l-ebda riferiment għal dan il-ftehim u tkompli tittratta lil Spanja bħala l-“awtorità amministranti” u waħda li ma tagħmilx riferiment għal awtorità amministranti, iżda għall-“amministrazzjoni temporanja”).


    17      Ara l-messaġġ 1975STATE276309 tal‑21 ta’ Novembru 1975 tas-Segretarju tal-Istat H. Kissinger lill-Missjoni Permanenti tal-Istati Uniti tal-Amerika fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, iċċitata mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Western Sahara Campaign (C‑266/16, EU:C:2018:1, nota ta’ qiegħ il-paġna 121). Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Wathelet spjega wkoll li “id-delegazzjonijiet ta’ Spanja, tal-Marokk u tal-Mawritanja qablu dwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet tas-sajd fl-ibħra li jmissu mas-Saħara tal‑Punent għall-benefiċċju ta’ 800 dgħajsa Spanjola għal perijodu ta’ 20 sena skont l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jeżistu fl‑14 ta’ Novembru 1975”. Ibid, nota ta’ qiegħ il-paġna 118.


    18      Din id-dispożizzjoni tagħmel parti mill-Kapitolu XI tal-Karta tan-NU, li jittratta territorji mhux awtonomi. Hija teżiġi li l-Membri tan-NU “li għandhom jew jassumu r-responsabbiltà li jamministraw territorji li l-popli tagħhom għadhom ma kisbux awtonomija sħiħa”, inter alia, “jiżviluppaw l-awtonomija [għal dawn il-popli], jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aspirazzjonijiet politiċi tal-popli u jgħinuhom fl-iżvilupp progressiv tal-istituzzjonijiet politiċi liberi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


    19      Deċiżjoni tal-Kunsill 87/442/KEE tat‑13 ta’ Awwissu 1987 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-arranġamenti tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, applikabbli b’mod preliminari mill‑1 ta’ Awwissu sal‑31 ta’ Diċembru 1987 (ĠU 1987, L 232, p. 18), u Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri dwar l-arranġamenti tas-sajd bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk, applikabbli b’mod preliminari mill‑1 ta’ Awwissu sal‑31 ta’ Diċembru 1987 (ĠU 1987, L 232, p. 19) (li jippreċiża li, fid-dawl tal-adeżjoni ta’ Spanja u tal-Portugall, u sakemm jiġi konkluż ftehim tas-sajd bejn il-Marokk u l-Komunità Ekonomika Ewropea “il-Marokk jipproponi lill-Komunità li l-opportunitajiet ta’ sajd mogħtija skont il-Ftehim Marokk-Spanja tal‑1 ta’ Awwissu 1983 jiġu estiżi sa tmiem ix-xahar ta’ Diċembru 1987” [traduzzjoni mhux uffiċjali]). Ara wkoll l-Artikoli 354 u 355 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23).


    20      Ara l-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd marittimu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 1988, L 99. P. 49, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1988”); il-Ftehim dwar ir-relazzjonijiet fil-qasam tas-sajd marittimu bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 1992, L 407, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim tal‑1992”); u l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 141, p. 4, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006”).


    21      Ara l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal‑1988; l-Artikolu 1 tal-Ftehim tal‑1992; u l-Artikolu 11 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006.


    22      Ara l-Artikoli 2(2) u 6 tal-Ftehim tal‑1988, l-Artikoli 2(2) u 7 tal-Ftehim tal‑1992 u l-Artikoli 6 u 7 tal-Ftehim dwar is-Sajd tal‑2006.


    23      L-Artikoli 5 u 7 tal-Ftehim tal‑1988 u l-Protokoll Nru 1 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija mill-Marokk u l-kumpens mogħti mill-Komunità għall-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 1988 sad‑29 ta’ Frar 1992 (ĠU 1988, L 99, p. 61); l-Artikoli 7 u 9 tal-Ftehim tal‑1992 u l-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kumpens finanzjarju u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mogħtija mill-Komunità (ĠU 1992, L 407, p. 15); u l-Artikoli 5 sa 7 tal-Ftehim tal‑2006 u l-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2006, L 141, p. 9).


    24      Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013”).


    25      Deċiżjoni kontenzjuża, premessa 2. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza appellata, punt 29.


    26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 62 sa 64, 69 u 73.


    27      Ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 79.


    28      Ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, punti 61 u 62.


    29      Ara d-dokument tal-Kunsill 9716/17 – Eżitu tal-laqgħa tal-Kunsill (it‑3544 laqgħa tal-Kunsill, il-Kompetittività (Suq Intern, Industrija, Riċerka u Spazju)), p. 22.


    30      Deċiżjoni kontenzjuża, premessa 6.


    31      Ara l-Artikolu 16 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.


    32      L-Artikolu 2 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni jgħaqqad ma’ dan il-kamp ta’ applikazzjoni billi jistabbilixxi li “[l]-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar is-Sajd, jistabbilixxi b’mod partikolari l-kundizzjonijiet tal-aċċess tal-bastimenti tal-Unjoni għaż-żona tas-sajd iddefinita fil-punt (h) tal-Artikolu 1 tiegħu u d-dispożizzjonijiet tal-implimentazzjoni [tal-Ftehim] tas-Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.”


    33      In-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 taqra kif ġej: “Ir-reġjun tas-Saħara, skont il-pożizzjoni tal-Marokk”.


    34      Sentenza appellata, punt 212.


    35      Sentenza appellata, punt 111.


    36      Ara l-Artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.


    37      Ara l-Artikolu 16 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, moqri flimkien mal-Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tas-Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 195, p. 1).


    38      Artikolu 12(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.


    39      Ara l-Artikolu 12(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar Sajd Sostenibbli u l-Artikolu 6(1) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 33.


    40      Ara l-Artikolu 7(1) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. B’kuntrast mal-premessa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tispjega li “il-kontinwazzjoni tas-sħubija dwar is-sajd hija essenzjali sabiex [it-territorju tas-Saħara tal-Punent] jkun jista’ jkompli jgawdi mill-appoġġ settorjali pprovdut taħt il-Ftehim [...] għall-benefiċċju tal-popolazzjoni kkonċernata”.


    41      Ara l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli. Kif jindika l-punt 1 tiegħu, dan il-kumitat huwa kompost minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju tal-Marokk. Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 215.


    42      Ara l-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u s-sentenza appellata, punt 314.


    43      Artikolu 6(2) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. Nista’ biss nassumi li l-“metodu li jwassal għall-allokazzjoni ġeografika u soċjali” kif ukoll il-“kriterju tal-allokazzjoni” stess ġew ippreżentati mir-Renju tal-Marokk lill-Kumitat Konġunt peress li l-ebda wieħed minn dawn l-elementi ma jifforma parti mill-proċess, la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell.


    44      Ara l-Artikoli 4(2) u 6 sa 8 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. Ara wkoll is-sentenza appellata, punt 314. La l-proċess tal-ewwel istanza u lanqas dak tal-appell ma fihom dokumenti relatati mal-kontroll jew mal-proċess deċiżjonali tal-Kumitat Konġunt. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li obbligu ta’ distribuzzjoni jfisser li “il-partijiet huma obbligati jiżguraw li l-popolazzjonijiet milqutin, inklużi dawk tas-Saħara tal‑Punent, igawdu minn dawn il-benefiċċji b’mod proporzjonali mal‑attivitajiet tas-sajd fiż-żona ddefinita minn dan il-ftehim, li jinkludu l-ibħra li jmissu ma’ dan it-territorju, mingħajr eċċezzjoni għal dan il‑prinċipju” (sentenza appellata, punt 213).


    45      Artikolu 6(4) u (5) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.


    46      Ara l-Artikolu 16 tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.


    47      Ara l-Artikolu 5(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-anness għall-Protokoll ta’ Implimentazzjoni. Ara wkoll il-punt 209 tas-sentenza appellata, li fih il-Qorti Ġenerali spjegat li “[r]-Renju tal-Marokk [għandu l-]kompitu li jistabbilixxi l‑koordinati eżatti ta’ dawn iż-żoni ta’ ġestjoni kif ukoll ta’ kull żona li jinsabu fihom fejn huwa pprojbit is-sajd, filwaqt li d-dokumenti tekniċi tas-sajd imsemmija iktar ’il fuq jistabbilixxu biss il-limiti massimi ta’ dawn iż-żoni ta’ ġestjoni”.


    48      Ara l-Artikolu 1(j) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli, aqra flimkien mal-Artikolu 1(6) u (9) tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.


    49      Ara l-Artikolu 3(4) tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.


    50      Dawn l-istituzzjonijiet spjegaw ukoll li madwar 20 % ta’ dan l-eċċess jiġi allokat lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.


    51      Rapport de la Réunion annuelle du Comité Scientifique Conjoint relatif à l’Accord de pêche signé entre le Royaume du Maroc et l’Union européenne 2021 (disponibbli fuq: https://oceans-and-fisheries.ec.europa.eu/system/files/2022-03/report-jsc-morocco-2021_fr.pdf (iktar ’il quddiem ir-“Rapport Annwali tal‑2021”)


    52      Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Defaux, V., Caillart, B., Guélé, M., Évaluation rétrospective et prospective du Protocole à l’accord de partenariat dans le domaine de la pêche durable entre l’Union européenne et le Royaume du Maroc – Rapport final (disponibbli fuq: https://data.europa.eu/doi/10.2771/785958 (iktar ’il quddiem l-“Evalwazzjoni Finali tal‑2023”).


    53      Ara r-Rapport Annwali tal‑2021, p. 15, 27 sa 28, 37, 67, 91 sa 93 u l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023, p. 26 sa 28 u 114 sa 116.


    54      Ara r-Rapport Annwali tal‑2021, p. 37, 86 u 90 u l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023, p. 26 sa 28 u 115 sa 116.


    55      Madankollu, dik il-qorti ddeċidiet ukoll li żżomm l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża għal perijodu li ma jeċċedix il-perijodu msemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, meta jkun ġie ppreżentat appell f’dan il-perijodu, sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sentenza appellata, punt 369.


    56      Sentenza appellata, punti 132 sa 159 u 171 sa 268.


    57      Sentenza appellata, punti 270 sa 274.


    58      Sentenza appellata, punti 276 sa 396.


    59      Fis-sentenzi tagħha Il‑Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat id-dritt għall-awtodeterminazzjoni bħala prinċipju konswetudinarju espress fl-Artikolu 1 tal-Karta tan-NU, u l-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati bħala prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali kkodifikat fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, konkluża fi Vjenna fit‑23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”), fejn dawn iż-żewġ regoli jorbtu lill-Unjoni. Ara, f’dan is-sens, Il‑Kunsill vs Front Polisario (punt 88) u Western Sahara Campaign UK (punt 63).


    60      Skont l-Artikolu 38(1) tal-Istatut tal-QIĠ, is-sorsi tad-dritt internazzjonali huma t-trattati u l-konvenzjonijiet, il-konswetudni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt, u d-deċiżjonijiet u d-duttrini tal-ġustizzja. Ara wkoll, b’mod ġenerali, Shaw, N., International Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2006, p. 69 et seq.


    61      Artikoli 31 sa 33 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna stabbilixxew regoli ta’ interpretazzjoni tat-trattati internazzjonali. Uħud minn dawn ir-regoli jistgħu jinftiehmu bħala l-kodifikazzjoni tad-dritt internazzjonali konswetudinarju. B’kuntrast ma’ dan, id-dritt internazzjonali konswetudinarju jobbliga lill-interpretu jistabbilixxi l-ewwel jekk ċerta regola tirrappreżentax konswetudni, imbagħad jinterpreta s-sens tagħha f’sitwazzjoni partikolari. Dan jeħtieġ li tiġi stabbilita l-prattika u l-opinio juris tal-Istati. Bis-saħħa ta’ dan l-eżerċizzju, il-konswetudni tista’ xorta takkwista tifsira differenti f’sistema li ma jkollhiex interpretu awtorevoli. Fuq id-differenza bejn il-fatt li jiġi deċiż li ċerta regola tikkostitwixxi regola tad-dritt internazzjonali konswetudinarju u l-interpretazzjoni sussegwenti tal-kontenut ta’ din ir-regola, ara, Merkouris, P., “Interpretation of Customary International Law: Delineating the States in Its Life Cycle’, f’Merkouris, P., Follesdal, A., Ulfstein, G., Westerman, P. (edituri), The interpretation of customary international law in international courts: Methods of interpretation, normative interactions and the role of coherence,  Cambridge University Press, Cambridge, 2023, p. 136.


    62      Skont l-Artikolu 38(1)(d) tal-Istatut tal-QIĠ, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, inklużi dawk ta’ dik il-qorti, huma biss mezz sussidjarju għad-determinazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali.


    63      Għal eżempji ta’ tipi ta’ differenzi bejn interpretazzjonijiet tad-dritt internazzjonali, ara Roberts, A., “Patterns of difference and dominance”, f’Roberts, A., Is international law international?,  Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 232 et seq.


    64      Ara, f’dan ir-rigward, Malenovský, J., “Le juge et la coutume internationale : perspectives de l’Union européenne et de la Cour de justice”, The Law and Practice of International Courts and Tribunals, Vol. 12, 2013, p. 218 u Odermatt, J., “The European Union’s role in the making and confirmation of customary international law”, f’Lusa Bordin, F., Müller, A. u Pascual-Vives, F. (edituri), The European Union and Customary International Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2023, p. 74 u 75.


    65      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Swiss International Air Lines (C‑272/15, EU:C:2016:993, punt 24), u tad‑9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques (C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 99) (li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fit-tmexxija tar-relazzjonijiet esterni, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’deċiżjonijiet politiċi, li neċessarjament jimplika għażliet politiċi).


    66      Għalhekk ikkunsidrajt li, anki fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, li fih il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata, il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tistħarreġ il-konformità tal-azzjoni tal-Unjoni mad-drittijiet fundamentali ma tistax tiġi eskluża. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda KS u KD vs Il‑Kunsill et u Il‑Kummissjoni vs KS u KD (C‑29/22 P u C‑44/22 P, EU:C:2023:901, punti 115 sa 120). Din il-kawża għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


    67      Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et (C‑366/10, EU:C:2011:864, punt 101).


    68      Jiġifieri erba’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni, li kienet it‑18 ta’ Lulju 2019; ara l-Informazzjoni dwar id-dħul fis-seħħ tas-Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk, il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu u l-iskambju ta’ ittri li jakkumpanja l-Ftehim (ĠU 2019, L 195, p. 1).


    69      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan ta’ rikors għandu jissussisti sakemm tingħata s-sentenza definittiva mill-Qorti tal-Ġustizzja, u fin-nuqqas ta’ dan ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, bil-preżunzjoni li rikors inkwistjoni jista’, jekk ikollu suċċess, jagħti vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentatu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    70      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2013, Abdulrahim vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑239/12 P, EU:C:2013:331, punti 78 u 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) (li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li hemm interess ġuridiku persistenti anki jekk att ma jkunx għadu jeżisti meta r-rikors jista’ jwassal għar-rikonoxximent ta’ allegat att illegali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni).


    71      Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il‑Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 32); tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni (53/85, EU:C:1986:256, punt 21); u tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni (C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 50).


    72      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 68 sa 91.


    73      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punt 64.


    74      Fl-ewwel istanza, il-Front Polisario invoka total ta’ 10 motivi insostenn tar-rikors tiegħu, bl‑1 u t‑3 motiv biss li jiffurmaw il-bażi tas-sentenza appellata. It‑8 motivi l-oħra jqajmu wkoll kwistjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali, bħar-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali (it‑2 motiv); id-dritt għall-awtodeterminazzjoni (it‑8 motiv); l-effett relattiv tat-trattati (id‑9 motiv); il-liġi dwar ir-responsabbiltà internazzjonali (l‑10 motiv) kif ukoll kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, bħall-aspettattivi leġittimi u l-proporzjonalità (ir‑4, il‑5, is‑6 u s‑7 motiv). Ara s-sentenza appellata, punt 269.


    75      Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jittratta miżuri reċiproċi ta’ liberalizzazzjoni fuq il-prodotti agrikoli, il-prodotti agrikoli pproċessati, il-ħut u l-prodotti tas-sajd, is-sostituzzjoni tal-Protokolli Nri 1, 2 u 3 u tal-annessi tagħhom u l-emendi għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2012, L 241, p. 4).


    76      Għalhekk, fis-sentenzi tagħha Il-Kunsill vs Front Polisario u Western Sahara Campaign UK, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx b’mod eżawrjenti l-portata tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li dan id-dritt jista’ jwassal ukoll għal obbligi addizzjonali fuq il-Kunsill f’dak li jirrigwarda, pereżempju, l-eżawriment, mis-suġġetti tad-dritt tal-Unjoni, tar-riżorsi naturali ta’ dan it-territorju. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, Molnar, T., “The Court of Justice of the EU and the Interpretazzjoni of Customary International Law: Close Encounters of a Third Kind?”, f’Merkouris, P., Follesdal, A., Ulfstein, G., Westerman, P. (edituri), The interpretation of customary international law in international courts: Methods of interpretation, normative interactions and the role of coherence, Cambridge University Press, Cambridge, 2023, p. 14 u 15 (li jqis li “l-Qorti tal-Unjoni qagħdet lura milli tinterpreta b’mod ġenwin id-dritt għall-awtodeterminazzjoni” [traduzzjoni libera]).


    77      Fil-kuntest tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, nipproponi li ma jistax jingħata l-kunsens tal-poplu tas-Saħara tal-Punent, peress li dan il-“poplu” għadu ma eżerċitax id-dritt tiegħu għall-awtodeterminazzjoni, li jfisser ukoll li l-poplu tas-Saħara tal-Punent ma għandu l-ebda rappreżentant li jista’ jagħti l-kunsens f’ismu. Għalhekk, nikkonstata li, fil-każ ta’ TMA, il-kunsens jingħata mill-awtorità amministranti ta’ dan it-territorju. Fil-kawża ineżami, inqis li ma hemm xejn fid-dritt internazzjonali li jipprekludi l-interpretazzjoni proposta mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li r-Renju tal-Marokk għandu jiġi kkunsidrat, skont id-dritt tal-Unjoni, bħala l-amministratur (“de facto”) tat-territorju tas-Saħara tal-Punent (ara l-punt 137 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario).


    78      Dawn huma t-tliet modi kif jiġi ddefinit il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd. Ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, punt 57.


    79      Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet l-analiżi tagħha billi spjegat li l-kwistjoni tal-validità tal-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 ma kinitx tqum jekk il-ftehim inkwistjoni f’dik il-kawża ma kienx japplika għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent (ara Western Sahara Campaign UK, punti 54 u 55). Għalhekk, qabel kollox, hija interpretat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim tal‑2006 dwar is-Sajd u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tal‑2013 u kkonstatat li dawn l-atti ma kinux japplikaw għall-ibħra li jmissu mat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi affettwata l-validità tad-deċiżjoni tal-Kunsill li approvathom (ara s-sentenza Western Sahara Campaign UK, dispożittiv).


    80      Ara Western Sahara Campaign UK, punt 59.


    81      Ara Western Sahara Campaign UK,  punt 61.


    82      Ara Western Sahara Campaign UK, punt 63.


    83      Western Sahara Campaign UK, punt 58.


    84      Western Sahara Campaign UK, punti 67 sa 69.


    85      Western Sahara Campaign UK, punt 72.


    86      Western Sahara Campaign UK, punti 70 sa 72.


    87      Western Sahara Campaign UK, punt 72.


    88      Ara l-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk dwar emenda tal-Protokolli Nru 1 u Nru 4 tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2019, L 34, p. 4; iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Preferenzi Kummerċjali”).


    89      Sentenza appellata, punti 150, 201 sa 202, 237, 304, 311, 319, 322, 328, 342, 353, 363 u 364.


    90      Sentenza appellata, punt 364.


    91      Kif spjegajt ukoll fil-punt 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-prinċipju tal-effett relattiv tat-trattati huwa applikabbli għall-Ftehim dwar il-Preferenzi Kummerċjali minħabba l-fatt li dan il-ftehim huwa intiż li jestendi l-applikazzjoni ta’ ftehim eżistenti bejn l-Unjoni u r-Renju tal-Marokk għat-territorju tas-Saħara tal-Punent. Huwa għalhekk li nanalizza, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, il-mod kif il-Qorti Ġenerali applikat ir-rekwiżit tal-“kunsens”, u nikkonkludi li hija wettqet żball meta kkunsidrat li l-kunsens jista’ jingħata mill-“poplu” tas-Saħara tal-Punent. Sakemm il-“poplu” ma eżerċitax id-dritt għall-awtodeterminazzjoni, dan il-poplu ma għandux rappreżentant legali li jista’ jagħti l-kunsens f’ismu. Sakemm dan id-dritt jiġi eżerċitat, hija għalhekk l-awtorità amministranti li tista’ tagħti l-kunsens f’isem il-poplu ta’ TMA (ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 133 sa 134 u 169).


    92      Madankollu, ma neskludix li jista’ jirriżulta eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-popolazzjoni lokali mid-dritt għall-awtodeterminazzjoni u mid-dritt korrelattiv għat-tgawdija tar-riżorsi naturali ta’ TMA. Ara, pereżempju, Torres-Spelliscy, G., ‘National Resources in Non-Self-Governing Territories’, f’Boukhars, A. u Rousselier, J. (edituri), Perspective on Western Sahara: Myths, Nationalisms and Geopolitics,  Rowman & Littlefield, Lanham, 2013, p. 235. Ara wkoll Wrange, P., ‘Self-Determination, occupation and the authority to exploit natural resources: trajectories from four European judgments on Western Sahara’, Israel Law Review, Vol. 52(1), 2019, p. 3 sa 30. Skont iż-żewġ awturi, l-applikazzjoni tal-liġi dwar TMA u l-liġi li tirregola d-drittijiet u l-obbligi ta’ setgħat okkupanti jirriżervaw għall-popolazzjoni indiġena taż-żona inkwistjoni d-dritt li tgawdi mir-riżorsi naturali tagħha.


    93      Ara l-premessa 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


    94      Il-punt 2 tal-ittra tal-Unjoni inkluża fl-Iskambju ta’ Ittri bħala parti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jinkludi d-dikjarazzjoni li ġejja: “Il-[Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli] huwa konkluż mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet rispettivi: — għall-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-istatut tat-territorju mhux awtonomu tas-Saħara tal-Punent, fejn l-ilmijiet tal-madwar huma koperti miż-żona tas-sajd kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 1 tal-Ftehim dwar is-Sajd, u tad-dritt tagħha għall-awtodeterminazzjoni, kull referenza fil-[Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli] għal-liġijiet u r-regolamenti tal-Marokk ma tippreġudikax il-pożizzjoni tagħha”.


    95      Ara l-premessa 5 tad-deċiżjoni kontenzjuża.


    96      Ara l-punt 2 tal-ittra tal-Unjoni tal-Iskambju ta’ Ittri.


    97      Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2023, Spanja vs Il‑Kummissjoni (C‑632/20 P, EU:C:2023:28, punt 52), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja appoġġat ir-raġunament tagħha b’riferiment għal klawżola “mingħajr preġudizzju” simili fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fix-xogħol tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.


    98      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi magħquda C‑779/21 P u C‑799/21 P, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Front Polisario, punti 190 sa 192. Ara wkoll, b’mod ġenerali, Wrange, P. “Self-Determination, occupation and the authority to exploit natural resources: trajectories from four European judgments on Western Sahara”, Israel Law Review, Vol. 52(1), 2019, p. 3 u Kassoti, E., “The Empire Strikes Back: The Council Decision Amending Protocols 1 and 4 to the EU-Morocco Association Agreement’, European Papers, Vol. 4(1), 2019, p. 313 sa 316. B’mod simili, l-Assoċjazzjoni tal-Kamra tal-Avukati tal-Belt ta’ New York, “Report on legal issues involved in the Western Sahara dispute: use of natural resources”, il-Kumitat dwar in-Nazzjonijiet Uniti, 2011, p. 27 sa 30.


    99      L-Unjoni (dak iż-żmien, il-Komunità Ewropea) approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem l-“UNCLOS”) fl‑1998. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat‑23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal‑10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat‑28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam ma’ l-implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260, rettifika fil-ĠU 2014, L 316, p. 69).


    100      Ara, f’dan is-sens, anki l-Ittra datata d‑29 ta’ Jannar 2002 mill-Viċi Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Legali, Konsulent Legali, indirizzata lill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà (S/2002/161), punt 22. B’mod simili, Kenny, J. K., “Resolution III of the 1982 Convention on the Law of the Sea and the Timor Gap Treaty”, Washington International Law Review, Vol. 2(1), 1993, p. 147 (li jindika li d-dokumenti preparatorji għar-Riżoluzzjoni III “jeluċidaw il-prinċipji bażiċi li fuqhom hija bbażata r-riżoluzzjoni: popli mhux awtonomi għandhom jibbenefikaw mir-riżorsi tat-territorji tagħhom” [traduzzjoni libera]).


    101      Lanqas ma stajt nikseb din l-informazzjoni mir-reġistru tad-dokumenti tal-Kunsill. L-unika informazzjoni pubblikament aċċessibbli hija dik li tinsab fl-Evalwazzjoni Finali tal‑2023, rapport ikkummissjonat mill-Kummissjoni li ma jagħmilx parti mill-proċess tal-kawża, li jidher li jispjega li ġie ppreżentat kriterju tal-allokazzjoni lill-Kumitat Konġunt, u li d-distribuzzjoni li rriżultat minnu għamlet il-kumpens finanzjarju għall-aċċess mill-flotta tal-Unjoni dipendenti fuq l-“allokazzjoni ġeografika tal-qabda” [traduzzjoni libera] (ara l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023, p. 38). Insostenn ta’ din il-konstatazzjoni, l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023 tikkonkludi li 95 % tad-dħul ta’ aċċess u 99 % tat-tariffi ta’ aċċess tqassmu fit-territorju tas-Saħara tal-Punent (ara p. 38), fatt li “l-Kumitat Konġunt jikkunsidra ġust” [traduzzjoni libera](ara l-Evalwazzjoni Finali tal‑2023, p. v, punt 33). Ma neskludix li konstatazzjoni ta’ dawn iċ-ċifri mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni xxejjen id-dubji tiegħi dwar l-adegwatezza tal-kumpens li jirriżulta mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-poplu tas-Saħara tal-Punent; madankollu, fl-assenza ta’ informazzjoni u ta’ diskussjonijiet addizzjonali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, ma nistax nikkonkludi jekk il-konklużjoni tar-rapport tal-Evalwazzjoni Finali tal‑2023 hijiex iġġustifikata.


    102      Bħala tali, naqbel, bħala prinċipju, b’dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li formulazzjoni ta’ kompromess li twassal għall-istess riżultat meħtieġ mir-Riżoluzzjoni 2554 (XXIV) u mill-punt 1(a) tar-Riżoluzzjoni III tista’ tkun aċċettabbli mill-perspettiva tal-obbligi tal-Unjoni li jiġu rrispettati d-drittijiet leġittimi tal-poplu tas-Saħara tal-Punent fuq ir-riżorsi naturali tagħhom.


    103      Sentenza appellata, punt 368.

    Top