This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0772
Opinion of Advocate General Medina delivered on 15 December 2022.###
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1005
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑772/21
UAB “Brink’s Lithuania”
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja))
(Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni mill-iffalsifikar tal-euro – Regolament (KE) Nru 1338/2001 – Artikolu 6(1) – Fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li l-attività tagħhom hija l-immaniġġar u d-distribuzzjoni ta’ karti tal-flus lill-pubbliku – Interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 – Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li ma humiex adattati għaċ-ċirkulazzjoni – Verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus – Standards minimi ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE u emendati perjodikament – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae – Portata tal-obbligi tal-cash handlers – Saħħa vinkolanti – Prinċipju ta’ ċertezza legali)
I. Introduzzjoni
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ( 2 ), li tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri komuni dwar l-awtentiċità u l-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus f’euro skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 ( 3 ). |
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, UAB “Brink’s Lithuania” (iktar ’il quddiem “Brink’s Lithuania”) ( 4 ), u min-naħa l-oħra, il-Lietuvos bankas (il-Bank tal-Litwanja) dwar deċiżjoni ( 5 ) li permezz tagħha dan tal-aħħar ordna lil Brink’s Lithuania tiżgura li l-livell ta’ tolleranza tal-magni tagħha li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, użati għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro intiżi għar-riċirkulazzjoni, ma jaqbiżx il-5 %. |
3. |
F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddetermina jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u, b’mod partikolari, l-istandards minimi stabbiliti mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fid-dawl tal-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus f’euro, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, japplikawx għall-cash handlers. Jekk dan ma huwiex il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna sussegwentement teżamina jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tal-istess deċiżjoni, jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teżiġi li l-cash handlers josservaw dawn l-istandards minimi. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-istandards minimi tal-BĊE u tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 humiex validi u, għaldaqstant, ġuridikament vinkolanti fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-Artikolu 297(2) TFUE. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea
1. Ir‑Regolament Nru 1338/2001
4. |
Ir-Regolament Nru 1338/2001 jistabbilixxi miżuri neċessarji bil-għan li ċ-ċirkulazzjoni tal-karti ta’ flus u ta’ muniti f’euro jkun b’tali mod li jipproteġihom mill-iffalsifikar ( 6 ). |
5. |
L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1338/2001, intitolat “Obbligi relattivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu u, fil-limitu tal-attività ta’ pagament tagħhom, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ pagament, kif ukoll l-aġenti ekonomiċi l-oħra kollha li jieħdu sehem fit-trattament u l-kunsinna lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus u muniti, li jinkludu: […]
[…] għandu jkollhom l-obbligu li jiżguraw l-awtentiċità tal-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro li jirċievu u jkun bi ħsiebhom li jqiegħdu mill-ġdid fiċ-ċirkolazzjoni u li joqogħdu attenti biex jinstabu flus foloz. Għall-karti ta’ flus tal-euro, dan il-kontroll għandu jsir f’konformità mal-proċeduri ddefiniti mill-BĊE. L-istituzzjonijiet u l-aġenti ekonomiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom l-obbligu li jirtiraw miċ-ċirkolazzjoni l-karti ta’ flus u l-muniti tal-euro kollha li jkunu rċevew li jkunu jafu, jew li għandhom biżżejjed raġunijiet għalfejn jaħsbu li huma foloz. Huma għandhom jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. […] 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-istituzzjonijiet li jidhru fl-ewwel paragrafu li jonqsu milli iwettqu dmirijiethom skond l-imsemmi paragrafu huma suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u deterrenti.” |
2. Id‑Deċiżjoni BĊE/2010/14
6. |
Il-premessa 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tistabbilixxi: “Biex tiġi protetta l-integrità tal-karti tal-flus tal-euro u biex tkun possibbli l-identifikazzjoni xierqa ta’ flus foloz, il-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkulazzjoni għandhom jinżammu f’kundizzjoni tajba biex jiġi żgurat li l-awtentiċità tagħhom tkun tista’ tiġi vverifikata b’mod sempliċi u affidabbli, u għalhekk il-karti tal-flus tal-euro għandhom jiġu vverifikati għall-kundizzjoni. Barra minn dan, il-karti tal-flus tal-euro foloz għandhom jiġu skoperti malajr u jiġu mgħoddija lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.” |
7. |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, intitolat “Ambitu”, jipprovdi: “Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli u proċeduri komuni dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1338/2001.” |
8. |
L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni:
[…]
[…]” |
9. |
L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, intitolat “Prinċipji ġenerali”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 3 sa 5 tiegħu: “1. L-obbligu ta’ cash handlers biex jivverifikaw il-karti tal-flus tal-euro għall-awtentiċità u l-kundizzjoni għandu jiġi mwettaq skont il-proċeduri stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. […] 3. Il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni għandha ssir jew minn tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tkun ġiet ipprovata b’suċċess minn BĊN, jew manwalment minn membru tal-persunal imħarreġ. 4. Il-karti tal-flus tal-euro jistgħu jiġu rriċirkulati biss permezz ta magni mħaddmin mill-klijent jew magni li jagħtu l-flus kontanti jekk ikunu ġew ivverifikati għall-awtentiċità u l-kundizzjoni minn tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tkun ġiet ipprovata b’suċċess minn BĊN u kklassifikata bħala ġenwina u f’kundizzjoni tajba […]. 5. Magni mħaddmin mill-persunal, meta użati għall-finijiet ta’ verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni, u magni mħaddmin mill-klijenti jistgħu jitħaddmu minn kaxxiera biss jekk ikunu ġew ittestjati b’suċċess minn BĊN u elenkati fuq il-websajt tal-BĊE kif stabbilit fl-Artikolu 9(2). Il-magni għandhom jintużaw biss għad-denominazzjonijiet u s-serje ta’ karti tal-flus tal-euro elenkati fuq il-websajt tal-BĊE għall-magni korrispondenti, bl-issettjar standard tal-fabbrika, inkluż kwalunkwe aġġornamenti tagħhom, li jkunu ġew ittestjati b’suċċess sakemm ma jiġux miftehma programmazzjonijet aktar stretti bejn il-BĊN u l-kaxxier.” |
10. |
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, intitolat “Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu: “1. Verifika tal-kundizzjoni b’mod manwali għandha titwettaq skont l-istandards minimi stabbiliti f’Anness III. 2. Verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata għandha titwettaq minn magna li timmaniġġja l-karti tal-flus skont l-istandards minimi li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE u emendati minn żmien għal żmien. 3. BĊN jista’, wara li jkun informa l-BĊE, jistipula standards aktar stretti għal denominazzjoni jew serje ta’ karti tal-flus tal-euro waħda jew aktar jekk dan huwa ġġustifikat, pereżempju min deterjorazzjoni fil-kwalità tal-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkolazzjoni fl-Istat Membru tiegħu. Dawn l-istandards aktar stretti għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt ta’ dak il-BĊN.” |
11. |
L-Artikolu 9 ta’ din l-istess deċiżjoni, intitolat “Proċeduri ta’ prova komuni tal-Eurosistema għall-magni għall-immaniġġjar tal-karti tal-flus”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 sa 3: “1. Tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-flus għandhom jiġu pprovati mill-BĊNi skont il-proċeduri ta’ prova komuni. 2. It-tipi kollha ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jkunu għaddew mill-prova għandhom jiġu elenkati fuq is-sit elettroniku tal-BĊE matul il-perijodi ta’ validità tar-riżutati tal-eżami, kif imsemmi fil-paragrafu 3. Tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li matul dan il-perijodu ma tkunx tista’ tidentifika l-karti tal-flus tal-euro foloz kollha magħrufin mill-Eurosistema għandha titneħħa mil-lista skont proċedura speċifikata mill-BĊE. 3. Fejn tip ta’ magna li timmaniġġa l-karti tal-flus hija ttestjata b’eżitu pożittiv, ir-riżultati tat-test għandhom ikunu validi maż-żona tal-euro kollha għal sena mill-aħħar tax-xahar li fih ikun twettaq it-test, sakemm hija tibqa’ kapaċi tagħraf il-karti tal-flus tal-euro foloz kollha magħrufin lill-Eurosistemas matul dan il-perjodu.” |
12. |
L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, intitolat “Attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-Eurosistema u miżuri korrettivi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu: “1. Bla ħsara għar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, BĊNi huma awtorizzati (i) biex jagħmlu spezzjonijiet fil-post, inklużi dawk mhux imħabbrin, fil-postijiet tal-cash handlers biex jimmonitorjaw il-magni li jimmaniġġjaw il-flus tagħhom, partikolarment il-kapaċità tal-magni biex jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni u biex jiġu rintraċċati karti tal-flus tal-euro suspettati li huma foloz u karti tal-flus tal-euro li mhumiex awtentikati b’mod ċar lid-detentur ta’ kont; u (ii) biex jivverifikaw il-proċeduri li jirregolaw l-operazzjoni u l-kontroll tal-magni li jimmaniġġjaw il-flus, it-trattament ta’ karti tal-flus tal-euro verifikati u kull verifika manwali tal-awtentiċità u l-kundizzjoni. […] 3. Fejn BĊN jagħraf non-konformità minn kaxxier mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni, huwa għandu jitlob l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi mill-kaxxier fi żmien speċifikat. Sakemm tiġi rrettifikata n-non-konformità, il-BĊN li jagħmel it-talba jista’, f’isem il-BĊE, jipprojbixxi lill-kaxxier milli jirriċirkola d-denominazzjoni(jiet) tal-karti tal-flus tal-eur tas-serje kkonċernata. Jekk in-non-konformità hija dovuta għal nuqqas tat-tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus, dan jista’ jwassal għat-tneħħija tagħha mil-lista li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 9(2).” |
3. Id‑Deċiżjoni BĊE/2012/19
13. |
Id-Deċiżjoni BĊE/2012/19 emendat id-Deċiżjoni BĊE/2010/14. B’mod partikolari, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tgħid: “L-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, kif stabbiliti f’Anness IIIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, jikkostitwixxu rekwiżiti li japplikaw għall-funzjonalitajiet tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Għalhekk huma ta’ interess biss għal manifatturi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhom ebda impatt fuq il-proċeduri tal-verifika tal-awtentitċità u l-kundizzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li magħha jridu jikkonformaw il-cash handlers. Billi jinsabu barra l-ambitu tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, l-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni għandhom jiġu integrati fir-regoli u l-proċeduri għall-ittestjar ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, għall-ġbir ta’ dejta u l-monitoraġġ.” |
4. Il‑Linji Gwida BĊE/2010/NP16 u l‑istandards minimi
14. |
Il-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri għat-testijiet mwettqa fuq il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, il-ġbir tad-data u s-sorveljanza ( 7 ). |
15. |
L-Artikolu 2 tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16, intitolat “Testijiet għal magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “1. Fuq talba tal-manifatturi, il-BĊN għandhom iwettqu testijiet ta’ verifika tat-tipi ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus qabel u wara l-installazzjoni tagħhom mill-cash handlers. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
16. |
L-Artikolu 2a tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16, intitolat “Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni”, jipprovdi: “L-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, imsemmija fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 huma ddefiniti mill-Eurosistema, jinsabu fl-Anness IV ta’ dawn il-Linji Gwida u huma ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
17. |
L-Anness IV tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 jipprovdi: “Dan l-anness jistabbilixxi standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Matul il-verifiki tal-kundizzjoni, ma humiex f’kundizzjoni tajba karti tal-flus tal-euro b’xi difett li fir-rigward tiegħu rekwiżit obbligatorju ġie ddefinit kif stabbilit hawn isfel. Il-livell ta’ tolleranza aċċettabbli għall-verifiki tal-kundizzjoni minn magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus huwa ta’ 5 %. Dan ifisser li massimu ta’ 5 % tal-karti tal-flus tal-euro li ma jissodisfawx il-kriterju ta’ kundizzjoni jistgħu jiġu kklassifikati ħażin mill-magni u mqiegħda fost il-karti tal-flus f’kundizzjoni tajba.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
18. |
Il-kontenut tal-Anness IV tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 ġie ppubblikat mill-BĊE fuq is-sit internet tiegħu taħt it-titolu “Standards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro bil-magni li jimmaniġġaw il-karti tal-flus” ( 8 ). |
B. Id‑dritt Litwan
19. |
L-Artikolu 6(3) tal-Lietuvos banko įstatymas (il-Liġi dwar il-Bank tal-Litwanja) ( 9 ) jipprovdi: “Il-Bank tal-Litwanja għandu jissorvelja kif il-cash handlers, jiġifieri l-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (Nru 1338/2001) (iktar ’il quddiem il-‘cash handlers’), josservaw ir-rekwiżiti previsti mir-Regolament (Nru 1210/2010) ( 10 ) u mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għall-attivitajiet ta’ mmaniġġar ta’ flus kontanti — l-awtentiċità u l-verifika tal-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro (iktar ’il quddiem l-‘attivitajiet ta’ cash handling’).” |
20. |
L-Artikolu 475(1) tal-istess liġi jipprevedi: “Il-Bank tal-Litwanja għandu jissorvelja l-attivitajiet ta’ mmaniġġar ta’ flus kontanti ta’ cash handlers u joħroġ istruzzjonijiet lill-cash handlers skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, tar-Regolament (Nru 1338/2001), tar-Regolament (Nru 1210/2010), tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u tal-atti legali tal-Bank tal-Litwanja dwar is-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ cash handlers. […]” |
21. |
L-Artikolu 476(1) ta’ din il-liġi jipprevedi: “Il-Bank tal-Litwanja għandu jorganizza u jwettaq kontrolli sabiex jiddetermina l-osservanza tar-rekwiżiti stabbiliti fl-atti legali msemmija fl-Artikolu 6(3) ta’ din il-liġi.” |
22. |
L-Artikolu 477(1)(2) tal-Liġi dwar il-Bank tal-Litwanja jipprovdi: “Meta huwa jikkonstata ksur, il-Bank tal-Litwanja għandu joħroġ istruzzjoni mandatorja waħda jew iktar lill-cash handler: […]
|
23. |
L-Artikolu 477(4) u (5) ta’ din il-liġi jipprovdi: “4. Il-Bank għandu jimponi fuq l-awtur tal-ksur waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin: (1) twissija dwar il-ksur; (2) il-multi previsti f’dan l-artikolu. 5. Il-miżuri jistgħu jiġu imposti għal raġuni waħda jew aktar li ġejjin: […]
[…]
|
24. |
Il-punt 16.3 tar-Riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Litwanja tal‑10 ta’ Settembru 2015 li jiddeskrivi l-proċedura għas-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ mmaniġġar tal-flus kontanti (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni dwar il-proċedura għas-sorveljanza tal-attivitajiet ta’ mmaniġġar tal-flus kontanti”) jipprevedi li, waqt spezzjoni, l-uffiċjali huma obbligati jivverifikaw il-kapaċità tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus użati mill-cash handler sabiex jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro. |
25. |
Il-punt 16.6 ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprevedi li, waqt spezzjoni, l-uffiċjali huma obbligati jevalwaw jekk il-cash handler josservax korrettament il-proċeduri previsti fil-punt 16.5 tal-istess riżoluzzjoni u rekwiżiti oħra għall-attivitajiet ta’ mmaniġġar ta’ flus kontanti previsti, b’mod partikolari, mir-Regolament Nru 1338/2001, mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u mir-riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank tal-Litwanja tas‑16 ta’ Settembru 2014 li jiddeskrivu l-proċedura ta’ verifika tal-awtentiċità u tal-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni ta’ karti ta’ flus u muniti euro (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni dwar il-proċedura ta’ verifika ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni”). |
26. |
Il-punt 12 tar-riżoluzzjoni dwar il-proċedura ta’ verifika ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni jipprovdi: “Il-cash handlers għandhom jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni ta’ karti ta’ flus tal-euro permezz ta’ sistemi awtomatizzati, b’osservanza tal-istandards minimi ppubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE […], bl-użu tal-elementi li ġejjin: 12.1. Il-magni għall-użu mill-pubbliku, li għalihom il-karti tal-flus għandhom jiġu kklassifikati u mmaniġġjati skont il-proċedura stabbilita fl-Anness IIa tad-Deċiżjoni (BĊE/2010/14); 12.2. Magni mħaddmin mill-persunal, li għalihom il-karti tal-flus għandhom jiġu kklassifikati u mmaniġġjati skont il-proċedura stabbilita fl-Anness IIb tad-Deċiżjoni (BĊE/2010/14).” |
III. Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
27. |
Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, uffiċjali tal-Bank tal-Litwanja wettqu spezzjoni fuq il-post fil-fergħa ta’ Brink’s Lithuania li tinsab f’Panevėžys (il-Litwanja). Waqt din l-ispezzjoni, l-uffiċjali vverifikaw jekk il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus użati f’din il-fergħa kinux josservaw ir-rekwiżiti li jirregolaw it-trattament tal-flus kontanti intiżi sabiex jiġu ċċirkulati mill-ġdid. B’mod partikolari, huma vverifikaw il-kapaċità ta’ dawn il-magni li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. |
28. |
It-test wera li waħda mill-magni li jimmaniġġjaw il-flus kienet ikklassifikat bħala f’kundizzjoni tajba sabiex jiċċirkulaw 18.26 % mill-karti tal-flus tal-euro mhux adattati sabiex jiċċirkulaw li kienu jinsabu fil-lott tat-test. Għat-tieni magna, din ir-rata kienet ta’ 13.91 %. Ir-riżultati tat-test tniżżlu f’rapport ta’ spezzjoni, li madankollu rrikonoxxa li l-magni inkwistjoni jappartjenu għal tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li kien diġà s-suġġett ta’ testijiet b’suċċess u kien imniżżel fuq is-sit internet tal-BĊE. |
29. |
Fit‑28 ta’ Frar 2019, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Flus Kontanti tal-Bank tal-Litwanja adotta d-deċiżjoni kkontestata. F’din id-deċiżjoni, huwa ddikjara li Brink’s Lithuania kienet kisret l-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li jeżiġi li l-livell ta’ tolleranza għall-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro ma jkunx ogħla minn 5 %. Huwa ordna wkoll lil Brink’s Lithuania tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tirrimedja l-ksur f’terminu ta’ ħamest ijiem. |
30. |
Essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata indikat li l-kapaċità tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro tiddependi mhux biss fuq il-manifatturi ta’ dawn il-magni, iżda wkoll fuq l-utenti tagħhom, jiġifieri l-cash handlers, b’mod partikolari meta ssir il-manutenzjoni teknika tagħhom. Barra minn hekk, hija enfasizzat li s-sempliċi fatt li jintużaw dawn il-magni bl-issettjar standard tal-fabbrika, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala prova tal-osservanza ta’ dawn l-obbligi. Fl-aħħar, id-deċiżjoni kkontestata ppreċiżat li huma biss l-ispezzjonijiet imwettqa fil-bini tal-cash handler li jistgħu jiġu ttestjati jiżvelaw jekk użu u manutenzjoni xierqa tal-magni li jimmaniġġjaw flus humiex żgurati, jekk ir-rekwiżiti applikabbli għall-immaniġġar ta’ flus kontanti ġewx debitament osservati u jekk humiex implimentati proċeduri xierqa sabiex dawn il-magni. |
31. |
Brink’s Lithuania ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel, quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnius, il-Litwanja) u, sussegwentement, quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża. Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li Brink’s Lithuania, bħala trasportatur tal-fondi, għandha tiġi kkunsidrata bħala cash handler fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, jiġifieri fir-rigward tal-punt dwar jekk l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni humiex vinkolanti għall-cash handlers. |
32. |
B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-formulazzjoni tal-verżjoni bil-lingwa Litwana ta’ din id-dispożizzjoni tissuġġerixxi li l-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro għandha titwettaq skont l-istandards minimi tal-BĊE. Dan jimplika li l-cash handlers li jwettqu l-verifika tal-kundizzjoni għandhom josservaw dawn l-istandards. Madankollu, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19 tindika, fl-istess ħin, li l-istandards minimi tal-BĊE huma biss ta’ interess għall-manifatturi tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhom ebda effett fuq il-proċeduri awtomatizzati ta’ verifika tal-kundizzjoni li jiġu eżegwiti mill-cash handlers. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, din id-dispożizzjoni timponix fuq il-cash handlers l-obbligu li jiżguraw l-osservanza tal-istandards minimi tal-BĊE. |
33. |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 kellu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-cash handlers l-obbligu li jittestjaw il-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus skont l-istandards minimi tal-BĊE, dan l-obbligu ma jkunx kompletament kompatibbli ma’ dak li jirriżulta mill-Artikolu 3(5) tal-istess deċiżjoni, peress li din l-aħħar dispożizzjoni timponi espressament fuq il-cash handlers l-obbligu li jużaw dawn il-magni bl-issettjar standard tal-fabbrika. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li huwa diffiċli li jiġi ddeterminat b’liema mod il-cash handlers ghandhom iwettqu dan it-test, fid-dawl tal-fatt li ebda indikazzjoni ma hija pprovduta mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 fuq dan il-punt. Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk l-obbligu li jiġu osservati l-istandards minimi previst fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ma jkunx applikabbli għall-cash handlers, l-użu biss tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus bl-issettjar standard tal-fabbrika jista’ jikkomprometti l-għan li tiġi żgurata ż-żamma tal-karti tal-flus tal-euro fi stat tajjeb. |
34. |
Fl-aħħar, fil-każ li l-cash handlers ikunu marbuta bl-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar il-konformità ta’ dawn l-istandards mal-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont din l-istess dispożizzjoni, l-istandards minimi huma sempliċement ippubblikati fuq is-sit internet tal-BĊE u mhux fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar jekk l-istandards minimi jistgħux jitqiesu bħala vinkolanti u jistgħux jiġu invokati bħala bażi legali ta’ ordni indirizzata lil cash handler. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta wkoll dwar jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 hijiex kompatibbli mal-Artikolu 297(2) TFUE u għalhekk valida, sa fejn din tipprevedi li l-istandards minimi dwar il-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro għandhom jiġu ppubblikati b’dan il-mod. |
35. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
36. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Diċembru 2021. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-Repubblika tal-Litwanja, mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ċentrali Ewropew. Inżammet seduta fl‑20 ta’ Ottubru 2022. |
IV. Evalwazzjoni legali
37. |
Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jimponix fuq il-cash handlers kontanti l-osservanza tal-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni meta huma jwettqu l-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Jekk din id-domanda tingħata risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf ukoll jekk dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tistabbilixxi obbligu ta’ dan it-tip għall-cash handlers, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, meqjus flimkien mal-Artikolu 3(5) ta’ din. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li l-cash handlers huma obbligati josservaw l-istandards minimi msemmija f’din id-dispożizzjoni, is-sempliċi pubblikazzjoni ta’ dawn l-istandards fuq is-sit internet tal-BĊE, kif stabbilit fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, hijiex biżżejjed sabiex jitqiesu li huma konformi mal-prinċipju taċ-ċertezza legali u mal-Artikolu 297(2) TFUE u għalhekk sabiex jitqiesu vinkolanti. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-validità tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. |
A. Fuq l‑ewwel domanda
38. |
L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi imposti fuq il-cash handlers permezz tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 li jipproteġu l-euro kontra l-iffalsifikar. B’mod iktar preċiż, din id-domanda hija intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk l-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 japplikawx għall-cash handlers meta huma jeżegwixxu l-obbligu tagħhom li jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. |
39. |
Preliminarjament, għandi nfakkar li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1338/2001 jipprevedi miżuri neċessarji għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-istabbilimenti li jagħmlu l-għażla u d-distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ karti tal-flus bħala attività professjonali, inklużi l-cash handlers, sabiex jirtiraw miċ-ċirkulazzjoni l-karti tal-flus tal-euro kollha rċevuti minnhom, li jafu jew li għandhom raġunijiet suffiċjenti sabiex jaħsbu li dawn huma ffalsifikati, u li jgħadduhom immedjatament lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-cash handlers professjonali l-oħra li ma jwettqux l-obbligi msemmija iktar ’il fuq jiġu suġġetti għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi. |
40. |
Id-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tikkonkretizza jerġa’ iktar l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1338/2001 ( 11 ). B’mod partikolari, l-Artikolu 3(1) ta’ din id-deċiżjoni jimponi fuq il-cash handlers l-obbligu li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus skont il-proċeduri previsti f’din l-istess deċiżjoni. L-għan sottostanti huwa li tiġi ggarantita l-kundizzjoni tajba tal-karti tal-flus tal-euro, sabiex ikunu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ verifika faċli u affidabbli tal-awtentiċità tagħhom, li jippermetti li tiġi identifikata falsifikazzjoni ( 12 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jippreċiża li l-verifika tal-awtentiċità u tal-kundizzjoni għandha ssir jew minn tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus ittestjata b’suċċess minn bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema, jew manwalment minn membru tal-persunal imħarreġ. Fil-każ ta’ magni użati mill-persunal jew għall-użu mill-pubbliku ( 13 ), l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jippreċiża wkoll li dawn il-magni għandhom jintużaw biss għad-denominazzjonijiet u għas-serje tal-karti tal-flus tal-euro li jidhru fuq is-sit internet tal-BĊE għall-magni korrispondenti, bl-issettjar standard tal-fabbrika, inklużi l-aġġornamenti tagħhom. |
41. |
Fir-rigward tal-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni, li hija l-qofol ta’ din il-kawża, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, taħt it-titolu “Identifikazzjoni ta’ karti tal-flus tal-euro li mhumiex f’kundizzjoni tajba”, jippreċiża wkoll li din il-verifika għandha “titwettaq minn magna li timmaniġġja l-karti tal-flus skont l-istandards minimi li huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE u emendati minn żmien għal żmien”. Din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax jekk dawn l-istandards minimi japplikawx għall-cash handlers, u ma tipprevedix, b’mod partikolari, jekk il-cash handlers humiex obbligati jissorveljaw li l-magni li huma jużaw sabiex iwettqu l-verifika awtomatizzata tal-karti tal-flus tal-euro għar-riċirkulazzjoni tagħhom huma konformi ma’ dawn l-istandards. |
42. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 14 ). |
43. |
Fl-ewwel lok, nosserva li, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, minn perspettiva testwali, verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni għandha ssir fuq il-karti tal-flus tal-euro skont l-istandards minimi tal-BĊE. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-kliem “[a]utomated fitness checking shall be carried out” [“verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata għandha titwettaq”] u tal-frażi “according to the minimum standards” [“skont l-istandards minimi”]. Peress li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, il-cash handlers huma inkarigati bl-eżekuzzjoni ta’ dan il-kompitu, l-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni jwassal sabiex jitqies li l-imsemmija aġenti ekonomiċi għandhom l-obbligu li jiżguraw li jsiru verifiki awtomatizzati ta’ kundizzjoni fuq il-karti tal-flus tal-euro skont dawn l-istandards minimi. |
44. |
Madankollu, qari bir-reqqa tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 juri li l-frażi “according to the minimum standards published” [“skont l-istandards minimi li huma ppubblikati”] tidher immedjatament wara l-frażi “successfully tested banknotes handling machine” [“magna li timmaniġġja l-karti tal-flus”], u mhux wara l-frażi “[a]utomated fitness checking shall be carried out” [“verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata għandha titwettaq”]. Fid-dawl tal-istruttura tas-sentenza u tal-fatt li t-testijiet jitwettqu, mid-definizzjoni tagħhom stess, b’riferiment għall-istandards iddefiniti preċedentament, inkun għalhekk inklinat li naqra t-terminu “minimum standards” [“l-istandards minimi”] li jinsab f’din id-dispożizzjoni bħala riferiment għat-testijiet li l-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus għandhom jirnexxu sabiex jiġu installati u użati mill-cash handlers, u mhux bħala riferiment għall-proċedura li l-cash handlers għandhom isegwu sabiex iwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Fil-każ kuntrarju, il-frażi “automated fitness checking shall be carried out” [“Verifika tal-kundizzjoni awtomatizzata għandha titwettaq”] kienet tkun loġikament segwita mill-frażi “according to the minimum standards published” [“skont l-istandards minimi ppubblikati”], li jwassal ukoll għal sentenza koerenti u strutturata sew, iżda jimplika, f’dan il-każ, tifsira differenti. |
45. |
Din il-konklużjoni, li tirriżulta mill-analiżi tal-verżjoni Ingliża tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, jidhirli li hija sostnuta wkoll mill-formulazzjoni ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni. Pereżempju, kif jirrileva l-BĊE, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tipprovdi li “le contrôle automatique est effectué avec un équipement de traitement des billets testé positivement conformément aux normes minimales qui sont publiées sur le site internet de la BCE et modifiées périodiquement”. Fl-aħħar nett, il-verżjoni Spanjola tipprevedi li “la comprobación automática de aptitud se efectuará mediante una máquina de tratamiento de billetes que haya superado una prueba de acuerdo con las normas mínimas que, junto con sus oportunas modificaciones, se publican en la dirección del ECB en Internet” ( 15 ). Skont l-istruttura ta’ din id-dispożizzjoni f’dawn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha, li tikkorrispondi wkoll għall-istruttura tagħha fil-verżjoni Litwana, applikabbli għall-kawża prinċipali, ir-riferiment għall-istandards minimi tal-BĊE għandu jitqies, fil-fehma tiegħi, li jirreferi għall-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li għandhom jiġu ttestjati b’suċċess b’applikazzjoni ta’ dawn l-istandards, u mhux għal kull obbligu li l-cash handlers huma meħtieġa li jeżegwixxu waqt il-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro qabel ir-riċirkulazzjoni tagħhom. |
46. |
Minn dan isegwi li interpretazzjoni testwali tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, ibbażata fuq analiżi komparattiva tal-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id-dispożizzjoni, tissuġġerixxi li l-istandards minimi ma japplikawx għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni mwettqa mill-cash handlers fil-kuntest tal-attività professjonali tagħhom. Hija lanqas ma tissuġġerixxi li l-imsemmija cash handlers huma meħtieġa jittestjaw il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus tagħhom skont dawn l-istandards waqt it-twettiq ta’ dawn il-kontrolli. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment għall-istandards minimi tal-BĊE li jinsab fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jimplika li l-cash handlers għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom permezz ta’ magni ttestjati minn qabel skont dawn l-istandards. |
47. |
Fi kwalunkwe każ, minkejja l-ambigwità relattiva tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, għandi nenfasizza li interpretazzjoni kuntestwali u sistematika ta’ din id-deċiżjoni issostni li jitqies li l-cash handlers ma humiex marbuta bl-istandards minimi tal-BĊE fir-rigward tal-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. |
48. |
Fl-ewwel lok, il-premessa 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19, jiġifieri l-att legali prinċipali adottat mill-BĊE sabiex jemenda d-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ( 16 ), tindika li l-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro huma rekwiżiti relatati mal-funzjonament tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Barra minn hekk, din l-istess premessa tindika b’mod ċar li “[l-istandards minimi] għalhekk huma ta’ interess biss għall-manifatturi tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u ma għandhom l-ebda effett fuq il-proċeduri ta’ verifika tal-awtentiċità u tal-kundizzjoni previsti fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 li għandhom jiġu osservati mill-cash handlers” ( 17 ). Għaldaqstant, ma għandu jibqa’ l-ebda dubju residwali dwar l-għan tal-emenda introdotta bid-Deċiżjoni BĊE/2012/19 f’dak li jirrigwarda l-portata tal-istandards minimi. |
49. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-verżjoni inizjali tiegħu, l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 kien jipprevedi li l-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro kellha titwettaq skont l-istandards minimi stabbiliti fl-Annessi IIIa u IIIb ta’ din id-deċiżjoni. B’mod partikolari, l-Anness IIIa tiegħu kien jistabbilixxi l-istandards minimi applikabbli għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni permezz ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, filwaqt li l-Anness IIIb kien jistabbilixxi l-istandards minimi għall-kontrolli manwali mwettqa minn membri tal-persunal imħarrġa. |
50. |
Madankollu, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19, l-Anness IIIa tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 tħassar bl-għan espliċitu, skont il-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, li l-istandards minimi għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni jitqiegħdu “barra mill-kamp ta’ applikazzjoni” ta’ din id-deċiżjoni ( 18 ). Fl-istess ħin, dawn l-istandards minimi ġew integrati fil-Linji Gwida BĊE/2010/NP16 ( 19 ), li jistabbilixxu r-regoli u l-proċeduri ta’ ttestjar tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus u li japplikaw, skont l-Artikolu 2 ta’ dawn il-Linji Gwida, għall-kontrolli mwettqa fuq dawn il-magni “fuq talba tal-manifatturi […] qabel u waqt l-installazzjoni tagħhom mill-cash handlers”. Standards minimi issa huma elenkati fl-Anness IV ta’ dawn il-linji gwida, bla ħsara għall-pubblikazzjoni li għandha ssir, skont l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, fuq is-sit internet tal-BĊE. Kurjożament, id-Deċiżjoni BĊE/2012/19 u l-emenda introdotta fil-Linji Gwida BĊE/2012/NP16 għandhom l-istess data ta’ adozzjoni. |
51. |
Id-Deċiżjoni BĊE/2012/19 turi għalhekk li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-istandards minimi ġie aġġustat sabiex dawn l-istandards japplikaw esklużivament għat-testijiet imwettqa mill-manifatturi fuq il-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus. Kif irrileva ġustament il-BĊE waqt is-seduta, din l-emenda hija bbażata fuq għażla deliberata ta’ politika min-naħa ta’ din l-istituzzjoni sabiex tiġi evitata kull interferenza fi jew manipulazzjoni ta’ dawn il-magni li jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, din l-għażla ta’ politika hija bbażata wkoll fuq l-obbligu addizzjonali impost fuq il-cash handlers li jużaw l-magni tagħhom biss fl-issettjar standard tal-fabbrika. |
52. |
Fit-tielet lok, jekk standards minimi kellhom jitqiesu bħala li japplikaw mhux biss għall-manifatturi tal-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, iżda wkoll għall-cash handlers, diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li huma intiżi sabiex jistabbilixxu sensiela sħiħa ta’ regoli u ta’ proċeduri ta’ verifika ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni, jisfgħu mingħajr skop jew, fi kwalunkwe każ, iwasslu għal riżultat superfluwu. |
53. |
Dan ikun il-każ, l-ewwel u qabel kollox, tal-obbligu tal-cash handlers li jużaw magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus bl-issettjar standard tal-fabbrika skont l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. Kif ġie kkonstatat, l-għan ta’ dan l-obbligu huwa li tiġi evitata sitwazzjoni fejn il-cash handlers jinterferixxu fl-issettjar standard tal-fabbrika stabbilit mill-manifatturi ta’ dawn il-magni, sabiex jiġu evitati diskrepanzi bejn ir-riżultati tal-verifika tal-awtentiċità u tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro madwar iż-żona tal-euro. Huwa ċar li, jekk il-cash handlers jivverifikaw il-magni tagħhom skont ir-rekwiżiti imposti mill-istandards minimi tal-BĊE, huma ma jkunux f’pożizzjoni li josservaw l-obbligu li jimponilhom li ma jimmodifikawx l-issettjar standard tal-fabbrika stabbilit mill-manifattur qabel il-kunsinna jew l-installazzjoni tagħhom. Konsegwentement, interpretazzjoni favorevoli għall-impożizzjoni ta’ standards minimi fuq il-cash handlers tkun tmur kontra d-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li mhux biss tippreġudika l-koerenza leġiżlattiva interna tagħha, iżda tikkomprometti wkoll l-għażla politika magħmula mill-BĊE fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2012/19. |
54. |
Barra minn hekk, fehim simili għandu japplika fir-rigward tal-obbligu tal-cash handlers li jużaw biss, għall-finijiet tal-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ittestjati b’suċċess mill-banek ċentrali nazzjonali, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tal-Deċiżjoni BĊE/2010/14. Għal darba oħra, li kieku il-cash handlers kienu obbligati jittestjaw il-magni tagħhom sabiex jiżguraw li jikkonformaw mal-istandards minimi tal-BĊE, dan iqiegħed f’dubju l-għan tar-regoli u l-proċeduri għall-ittestjar ta’ dawn il-magni, li fihom il-manifatturi u l-banek ċentrali nazzjonali għandhom rwol ċentrali, skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u regoli applikabbli oħra, jiġifieri l-Linji Gwida BĊE/2010/NP16. Barra minn hekk, għad hemm dubji dwar il-metodu u r-regolarità tat-testijiet imwettqa mill-cash handlers. Fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ kull indikazzjoni f’dan ir-rigward fid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 timmilita ċertament favur il-konklużjoni li l-cash handlers ma huma suġġetti għal ebda obbligu li jwettqu testijiet fuq il-magni tagħhom fid-dawl tal-istandards minimi tal-BĊE. |
55. |
Għalhekk, interpretazzjoni kuntestwali u sistematika tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ma teħtieġx eżami mill-ġdid tal-qari testwali ta’ din id-dispożizzjoni, kif ġie espost fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għall-kuntrarju, hija timmilita favur it-teżi li l-istandards minimi tal-BĊE ma jimponu fuq il-cash handlers ebda obbligu li jittestjaw il-magni tagħhom b’mod konformi ma’ dawn l-istandards. |
56. |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni, huwa importanti li jiġi osservat li wieħed mill-kompiti prinċipali sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-pubbliku fil-karti tal-flus tal-euro fiċ-ċirkulazzjoni hija li jinżammu fi stat tajjeb ( 20 ). Peress li l-karti tal-flus jiddeterjoraw inevitabbilment matul iċ-ċirkulazzjoni tagħhom, karti tal-flus immermra jew difettużi għandhom jitneħħew miċ-ċirkulazzjoni u jiġu ssostitwiti b’karti tal-flus ġodda jew xierqa għaċ-ċirkulazzjoni. L-għan prinċipali f’dan ir-rigward huwa li jiġi ggarantit mhux biss li l-karti tal-flus tal-euro jiġu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas, iżda wkoll li dawn jkunu jistgħu jiġu vverifikati faċilment u b’mod affidabbli għal awtentiċità u għalhekk li l-euro tiġi protetta mill-iffalsifikar. |
57. |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-iffissar ta’ żewġ livelli ta’ testijiet għall-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus fid-dawl tal-istandards minimi tal-BĊE, imwettqa, inizjalment, mill-manifatturi ta’ dawn il-magni u, sussegwentement, mill-cash handlers, jista’ jitqies bħala mezz sabiex titnaqqas il-probabbiltà ta’ riċirkulazzjoni lill-pubbliku ta’ karti ta’ flus mhux adattati. |
58. |
Madankollu, minbarra l-fatt li tali fehim imur kontra l-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u jikkomprometti l-koerenza interna tagħha, kif diġà sostnejt, ma huwiex ċert li dan l-għan jista’ jintlaħaq, u dan għal raġunijiet simili għal dawk esposti fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fatt, sabiex il-cash handlers iwettqu t-testijiet tagħhom stess ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, huwa neċessarju li jsiru aġġustamenti fl-issettjar standard tal-fabbrika ta’ dawn il-magni, li jkollu bħala effett li jżid ir-riskju li l-verifiki awtomatizzati tal-kundizzjoni jiġu pperturbati jew ma jaħdmux kif suppost u, għaldaqstant, iżid ir-riskju li dawn jipproduċu riżultat inqas effikaċi. Barra minn hekk, kif jirrileva l-BĊE waqt is-seduta, fid-dawl tan-numru limitat ta’ manifatturi ta’ dawn il-magni fiż-żona tal-euro, meta mqabbel man-numru ikbar ta’ cash handlers, testijiet iktar iffokati u iktar effiċjenti f’termini ta’ ispejjeż jistgħu jiġu eżegwiti meta l-portata tal-obbligu li jiġu osservati l-istandards minimi tkun limitata għall-manifatturi ta’ magni ta’ mmaniġġar ta’ karti tal-flus minflok ma tkun estiża għall-cash handlers. |
59. |
L-għanijiet imfittxija permezz tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, u l-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni, ma jidhirlix li jiġġustifikaw għalhekk li tiġi eskluża l-interpretazzjoni li l-cash handlers ma humiex obbligati li jivverifikaw u jittestjaw il-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus fid-dawl tal-istandards minimi adottati mill-BĊE. |
60. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ebda wieħed mill-prinċipji ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi identifikat is-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jippermetti li jiġu konkluż li l-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 japplikaw għall-cash handlers meta huma josservaw l-obbligu tagħhom li jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. |
61. |
Madankollu, kif il-Kummissjoni rrilevat fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, il-kwistjoni tibqa’ dwar jekk il-cash handler, li l-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus tiegħu ma josservawx il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 % previst mil-istandards minimi tal-BĊE, jistax jirrifjuta li jikkonforma ruħu ma’ ordni indirizzata lilu minn bank ċentrali nazzjonali wara spezzjoni fuq il-post fil-bini tiegħu, u li tordnalu jirrimedja din is-sitwazzjoni. Fil-każ inkwistjoni, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta din il-kwistjoni rilevanti li, kif jirriżulta mill-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, hija essenzjali sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi t-tilwima li biha hija adita ( 21 ) u, b’mod partikolari, li tiddeċiedi jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex fondata. |
62. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-qafas normattiv iddefinit mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u minn leġiżlazzjoni oħra applikabbli, jiġifieri l-Linji Gwida BĊE/2010/NP16, sabiex jiġi ggarantit li biss il-karti tal-flus tal-euro fi stat tajjeb jiġu ċċirkulati mill-ġdid lill-pubbliku, huwa bbażat, essenzjalment, fuq tliet pilastri prinċipali. Dawn huma (i) il-manifattura u l-issettjar ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus konformi mal-istandards minimi ta’ verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni, li, wara li jkunu ġew sottomessi għal test b’suċċess minn bank ċentrali nazzjonali fuq talba tal-manifattur, jiġu elenkati skont it-tip fuq is-sit internet tal-BĊE ( 22 ); (ii) l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ obbligi għall-cash handlers, b’mod partikolari fir-rigward ta’ verifiki awtomatizzati tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus; u (iii) ir-rikonoxximent lill-banek ċentrali nazzjonali ta’ setgħat ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet ikkonċernati jikkonformaw mal-obbligi tagħhom ( 23 ). |
63. |
Fir-rigward tal-obbligi imposti fuq il-cash handlers, diġà spjegajt li dawn jirriżultaw prinċipalment mill-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ( 24 ), li mhux biss jimponi, fil-paragrafu 1 tiegħu, obbligu ġenerali li jitwettqu kontrolli ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro skont il-proċeduri previsti fl-imsemmija deċiżjoni, iżda jistabbilixxi wkoll obbligi supplimentari, b’mod partikolari fil-paragrafi 3, 4 u 5. Dawn l-obbligi jimponu fuq il-cash handlers, l-ewwel, li jużaw tip ta’ magna li timmaniġġja l-karti tal-flus li tkun ġiet ittestjata b’suċċess minn bank ċentrali nazzjonali, skont l-istandards minimi ppubblikati mill-BĊE; it-tieni, li jintużaw il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus biss għad-denominazzjonijiet u s-serje ta’ karti tal-flus elenkati fuq is-sit internet tal-BĊE u, t-tielet, li dawn il-magni jintużaw bl-issettjar standard tal-fabbrika, inklużi l-aħħar aġġornamenti. |
64. |
Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 10(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jipprevedi li l-banek ċentrali nazzjonali huma awtorizzati jwettqu spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-cash handler, b’mod partikolari sabiex jissorveljaw il-kapaċità tal-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro, u li huma awtorizzati sabiex jivverifikaw il-modalitajiet tal-operat u ta’ kontroll ta’ dawn il-magni. L-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 iżid li, meta bank ċentrali nazzjonali jiskopri n-nuqqas ta’ osservanza minn cash handler tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, huwa għandu jeżiġi l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi f’terminu stabbilit. Dan ifisser li l-banek ċentrali nazzjonali jistgħu joħorġu ordnijiet lill-cash handlers meta huma jonqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom, u anki jimponu sanzjonijiet, bil-kundizzjoni li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi ( 25 ). |
65. |
Waqt is-seduta, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-BĊE indikaw li qari flimkien, minn naħa, tal-obbligi imposti mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għall-cash handlers u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex tiġġustifika deċiżjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tordna lil cash handler jirrimedja sitwazzjoni li fiha l-magni tiegħu li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus jeċċedu l-livell ta’ tolleranza ta’ 5 % għall-verifika tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Skont dawn il-partijiet, dan il-qari kkombinat għandu jipprekludi lil cash handler milli jirrifjuta li jaġixxi konformement mal-ordni li ġiet indirizzata lilu mill-bank ċentrali nazzjonali. |
66. |
Nixtieq nenfasizza, qabelxejn, li l-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jipprevedi espressament li, sabiex bank ċentrali nazzjonali jadotta ordni, jew jimponi sanzjoni, huwa għandu jiskopri “non-konformità minn kaxxier mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni [BĊE/2010/14]”. Madankollu, jekk l-istandards minimi msemmija fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-deċiżjoni ma japplikawx għall-cash handlers, għandu jiġi ddeterminat liema dispożizzjoni effettivament inkisret minn tali cash handler meta l-magni tiegħu li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ma josservawx il-livell ta’ tolleranza previst minn dawn l-istandards għall-verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni. |
67. |
F’dan ir-rigward, naħseb li huwa suffiċjentement ċar li, sa fejn l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jimponi fuq il-cash handlers l-obbligu li jwettqu verifiki awtomatizzati tal-kundizzjoni, dawn il-cash handlers għandhom jużaw magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus li huma kapaċi jwettqu dawn il-verifiki u, b’mod partikolari, li jidentifikaw karti tal-flus tal-euro li ma humiex adattati għaċ-ċirkulazzjoni jew li huma ddeterjorati. Fil-każ kuntrarju, huma jkunu qegħdin jonqsu mill-osservanza tad-dmir fundamentali tagħhom li jirriżulta mid-Deċiżjoni BĊE/2010/14, li huwa, barra minn hekk, l-espressjoni tal-obbligu iktar ġenerali impost fuqhom mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001 ta’ parteċipazzjoni fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. F’dan il-kuntest, jekk bank ċentrali nazzjonali jikkonstata, wara spezzjoni fil-bini tal-cash handler, li l-magni tiegħu li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus mhux qed jaħdmu sew, dan il-cash handler għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex jiżgura t-tiswija ta’ dawn il-magni. Ċertament, kif issemma iktar ’il fuq, il-formulazzjoni attwali tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 hija bbażata fuq il-prinċipju li l-cash handlers ma għandhomx jinterferixxu fil-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, sabiex jiġi evitat it-tibdil tal-issettjar standard tal-fabbrika introdotti mill-manifattur ta’ dawn il-magni. Madankollu, dan bl-ebda mod ma għandu jiddisswadi lil cash handler milli jaġixxi, u, jekk ikun il-każ, milli jikkoopera mal-manifattur, sabiex jirrimedja din is-sitwazzjoni. |
68. |
Minn dan isegwi li cash handler ma jistax jirrifjuta li jikkonforma ma’ ordni indirizzata lilu minn bank ċentrali nazzjonali, wara spezzjoni fuq il-post fil-bini tiegħu, li teżiġi li l-cash handler jirrimedja din is-sitwazzjoni fejn il-magna ta’ mmaniġġar tiegħu ma tosservax il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 % previst mill-istandards minimi ta’ verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni. Wara li ġie ppreċiżat dan, din id-deċiżjoni tista’ tkun ibbażata biss, fil-fehma tiegħi, fuq l-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001. |
69. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istandards minimi tal-BĊE msemmija f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx għall-cash handlers meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Madankollu, l-Artikolu 3(1) ta’ din l-istess deċiżjoni, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1338/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-cash handlers għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw sitwazzjoni fejn spezzjoni ta’ bank ċentrali nazzjonali turi li l-magni tagħhom li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus ma jistgħux jidentifikaw l-istat mhux adattat għaċ-ċirkulazjoni ta’ karti tal-flus tal-euro taħt il-livell ta’ tolleranza ta’ 5 %. |
B. Fuq it‑tieni domanda
70. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li timponi fuq il-cash handlers l-obbligu li josservaw l-istandards minimi adottati mill-BĊE u ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu. |
71. |
Skont prinċipju stabbilit sew tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom il-kompetenza, skont il-prinċipju tal-awtonomija istituzzjonali, sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet u l-korpi pubbliċi tagħhom jistgħu jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Kif il-BĊE indika ġustament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu miżuri neċessarji għall-applikazzjoni u għall-infurzar effettivi tad-dritt tal-Unjoni ( 26 ). B’dan il-mod, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw, skont il-prinċipji ta’ effettività u ta’ kooperazzjoni leali, l-elementi leġiżlattivi kollha tad-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni implimentata. |
72. |
F’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-euro mill-iffalsifikar, nirrileva li r-Repubblika tal-Litwanja adottat dispożizzjonijiet intiżi li jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u, b’mod partikolari, l-obbligi ta’ din tal-aħħar li huma imposti fuq il-cash handlers skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(1), (3) sa (5). |
73. |
B’mod iktar speċifiku, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 47 tal-Liġi dwar il-Bank tal-Litwanja, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, il-Bank tal-Litwanja jissorvelja l-attivitajiet ta’ mmaniġġar ta’ flus kontanti u, konsegwentement, jista’ jimponi fuq il-cash handlers miżuri skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, jiġifieri d-Deċiżjoni BĊE/2010/14. B’mod simili, l-Artikolu 477 tal-Liġi dwar il-Bank tal-Litwanja jagħti lill-Bank tal-Litwanja s-setgħa li jadotta miżuri korrettivi, li tirriżulta direttament mill-Artikolu 10(3) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. |
74. |
Barra minn hekk, il-Bank tal-Litwanja approva r-riżoluzzjoni dwar il-proċedura ta’ sorveljanza tal-attivitajiet tal-immaniġġar ta’ flus kontanti. Dan l-att legali jagħti lill-Bank tal-Litwanja l-kompetenza li jivverifika, waqt spezzjoni, il-kapaċità tal-magni li jimmaniġġjaw flus kontanti użati minn cash handler savbiex jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus. Il-Bank tal-Litwanja adotta wkoll ir-riżoluzzjoni dwar il-proċedura ta’ verifika ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni, li, fil-punt 12 tagħha, timponi fuq il-cash handlers l-obbligu li jivverifikaw l-awtentiċità u l-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro “skont l-istandards minimi ppubblikati fis-sit internet tal-BĊE”. |
75. |
L-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda preliminari wasslitni sabiex nikkonkludi li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istandards minimi tal-BĊE msemmija f’din id-dispożizzjoni ma japplikawx għall-cash handlers meta jwettqu verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni tal-karti tal-flus tal-euro. Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, spjegajt ukoll li l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jimponi fuq il-cash handlers l-obbligu li jużaw il-magni tagħhom magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus bl-isettjar standard tal-fabbrika waqt il-verifika awtomatizzata tal-karti tal-flus tal-euro. Għal darb’oħra, l-idea f’dan ir-rigward hija li l-cash handlers ma għandhomx jibdlu l-issettjar standard tal-fabbrika ta’ dawn il-magni issettjati mill-manifatturi tagħhom, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ verifika awtomatizzata tal-kundizzjoni fiż-żona tal-euro li tkun inkonsistenti jew difettuża ( 27 ). |
76. |
Il-BĊE jammetti li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Litwan ma humiex neċessarjament esklużi fil-kuntest ta’ tali interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14. Skont dik l-istituzzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati b’mod konsistenti mad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, sa fejn ir-riferiment għall-osservanza mill-cash handlers tal-istandards minimi tal-BĊE jinftiehem bħala obbligu li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 li huma direttament rilevanti għalihom, jiġifieri l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni. |
77. |
Madankollu, fil-fehma tiegħi, tali marġni ta’ interpretazzjoni ma jeżistix f’dan il-każ. L-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija f’kontradizzjoni diretta mal-formulazzjoni ċara tal-punt 12 tar-riżoluzzjoni dwar il-proċedura ta’ verifika ta’ awtentiċità u ta’ kundizzjoni adottata mill-Bank tal-Litwanja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex possibbli li din id-dispożizzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod li tkun konformi ma’ din id-deċiżjoni u ma ssirx inapplikabbli. |
78. |
Barra minn hekk, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjoni Litwana, skont il-formulazzjoni attwali tagħha, hija f’kontradizzjoni diretta mal-obbligu tal-cash handlers li jużaw magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus biss bl-issettjar standard tal-fabbrika. F’dan ir-rigward, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni mhux biss joħloq kuntest ta’ inċertezza legali, kif turi b’mod ċar il-kawża preżenti, iżda jista’ jwassal ukoll sabiex il-cash handlers jissorveljaw il-magni tagħhom u jieħdu azzjoni dwarhom meta dan ikun neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-osservanza tal-istandards minimi. Għal din ir-raġuni, din id-dispożizzjoni hija, fil-fehma tiegħi, eskluża mill-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 ( 28 ). |
79. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, moqri flimkien mal-Artikolu 3(5) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timponi fuq il-cash handlers l-obbligu li josservaw l-istandards minimi adottati mill-BĊE u ppubblikati fuq is-sit internet tiegħu. |
80. |
Fid-dawl tar-risposti li nipproponi li jingħataw għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari, ma hemmx lok li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
V. Konklużjoni
81. |
Abbażi tal-analiżi esposta hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel żewġ domandi magħmula mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2010/14) (2010/597/UE) tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar il-verifika tal-awtentiċità u l-kundizzjoni u r-riċirkulazzjoni tal-karti tal-flus tal-euro (ĠU 2010, L 267, p. 1), kif emendata permezz tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2012/19) (2012/507/UE) tas‑7 ta’ Settembru 2012 (ĠU 2012, L 253, p. 19) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni BĊE/2010/14”).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2001 tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li jistabilixxi miżuri neċessarji għall-protezzjoni mill-iffalsifikar ta’ l-euro (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 152), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2009, L 17, p. 1).
( 4 ) Brink’s Lithuania taġixxi fil-kawża prinċipali bħala s-suċċessur legali ta’ UAB “G4S Lietuva”.
( 5 ) Deċiżjoni Nru V2019/(30.90)‑394‑l tat‑28 ta’ Frar 2019, intitolata “Ordni indirizzata lil UAB ‘G4S Lietuva’” (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
( 6 ) Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1338/2001.
( 7 ) Linji Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ Settembru 2010 dwar ir-regoli u l-proċeduri għat-testijiet mwettqa fuq il-magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, il-ġbir tad-data u s-sorveljanza (BĊE/2010/NP16), kif emendata bil-Linji Gwida tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑7 ta’ Settembru 2012 (BĊE/2012/NP20) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida BĊE/2010/NP16”).
( 8 ) Ara https://www.ecb.europa.eu/euro/cashprof/cashhand/recycling/html/fitness.mt.html.
( 9 ) Il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Bank tal-Litwanja, fil-verżjoni tal-Liġi Nru XII-1304, tas‑27 ta’ Ġunju 2018.
( 10 ) Regolament (UE) Nru 1210/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtentikazzjoni tal-muniti tal-euro u t-trattament ta’ muniti tal-euro li mhumiex tajba għaċ-ċirkolazzjoni (ĠU 2010, L 339, p. 1).
( 11 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.
( 12 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.
( 13 ) Ara, għal kategorizzazzjoni ta’ magni li jimmaniġġjaw il-karti tal-flus, Anness I tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.
( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Hemming et (C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 15 ) Il-verżjoni Spanjola hija probabbilment il-verżjoni l-iktar rivelatriċi f’dan ir-rigward, sa fejn il-frażi “que haya superado una prueba de acuerdo con las normas mínimas” tintroduċi dikjarazzjoni relattiva li tista’ tirreferi biss għal “máquina de tratamiento de billetes”, jiġifieri għal “magna ttestjata li timmaniġġja l-karti tal-flus”. Il-verżjoni Portugiża hija simili għall-verżjoni Spanjola f’dan ir-rigward.
( 16 ) Ara wkoll id-Deċiżjoni (UE) 2019/2195 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (ĠU 2019, L 330, p. 91), li tintroduċi numru ta’ emendi tekniċi kif ukoll kjarifiki u titjib addizzjonali ta’ ċerti regoli, proċeduri u definizzjonijiet.
( 17 ) Enfasi miżjuda minni.
( 18 ) Min-naħa l-oħra, l-istandards minimi dwar il-kontroll manwali tal-kapaċità jibqgħu applikabbli għall-cash handlers skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14, fil-verżjoni emendata tagħha, kif tinsab fl-Anness III ta’ din id-deċiżjoni. Din id-differenza fit-trattament hija dovuta għall-fatt li l-cash handlers, meta jwettqu verifiki manwali ta’ kundizzjoni permezz tal-persunal tagħhom stess, jiġifieri, mingħajr ma jibbażaw ruħhom fuq magna kkonfigurata preċedentament minn manifattur, jibqgħu obbligati li jiżguraw l-osservanza ta’ dawn l-istandards.
( 19 ) Din l-integrazzjoni saret permezz tal-Linji Gwida BĊE/2012/NP20, iċċitati iktar ’il fuq.
( 20 ) Ara l-premessa 2 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14.
( 21 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2022, Iveco Orecchia (C‑68/21 u C‑84/21, EU:C:2022:835, punti 57 u 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u l-Artikolu 2(1) u (2) tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16.
( 23 ) Ara b’mod partikolari l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 u l-Artikolu 2(3) u (4) tal-Linji Gwida BĊE/2010/NP16.
( 24 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1338/2001.
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2008, Comisión del Mercado de las Telecomunicaciones (C‑82/07, EU:C:2008:143, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Inżid fil-qosor li, minkejja li huwa minnu li l-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni BĊE/2010/14 jipprevedi li bank ċentrali nazzjonali u cash handler jistgħu jiftiehmu fuq ssettjar iktar strett mill-issettjar standard tal-fabbrika, din il-possibbiltà ma tfissirx madankollu li hija tippermetti lill-Istati Membri jimponu fuq il-cash handlers l-obbligu li jittestjaw il-magni tagħhom skont l-istandards minimi tal-BĊE.