Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0758

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali L. Medina, ippreżentati fit-30 ta’ Marzu 2023.
    Ryanair DAC u Airport Marketing Services Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Appell – Għajnuna mill-Istat – Miżuri implimentati mir-Repubblika tal-Awstrija favur l-ajruport ta’ Klagenfurt, ta’ Ryanair u ta’ kumpanniji tal-ajru oħra li jużaw dan l-ajruport – Deċiżjoni li tiddikjara l-miżuri ta’ għajnuna parzjalment inkompatibbli mas-suq intern – Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub – Ammissibbiltà – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 17(1) u (2) – Setgħat tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam ta’ rkupru ta’ għajnuna – Terminu ta’ preskrizzjoni – Grad ta’ preċiżjoni tal-miżuri li jinterrompu dan it-terminu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żnaturament tal-provi – Data rilevanti għad-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata.
    Kawża C-758/21 P.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:274

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    MEDINA

    ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawża C‑758/21 P

    Ryanair DAC,

    Airport Marketing Services Ltd

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna implimentata mill-Awstrija favur l-ajruport ta’ Klagenfurt, Ryanair u kumpanniji tal-ajru oħra li jużaw dan l-ajruport – Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589 – Data rilevanti għall-kalkolu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata”

    1.

    Permezz tal-appell tagħhom, Ryanair DAC u l-Airport Marketing Services Ltd (“AMS” u, flimkien, l-“appellanti”) qegħdin jitlobu l-annullament tas-sentanza tal-Qorti Ġenerali tad‑29 ta’ Settembru 2021, Ryanair et vs Il‑Kummissjoni (T‑448/18, mhux ippublikata EU:T:2021:626) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) Din is-sentenza ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/628 ( 2 ), sa fejn din kienet tikkonċerna lil dawn l-appellanti.

    I. Il‑kuntest ġuridiku

    2.

    Il-kuntest tat-tilwima huwa deskritt fil-punti 1 sa 39 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet ta’ dan l-appell, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor kif ġej.

    3.

    Ryanair hija linja tal-ajru u AMS hija s-sussidjarja tagħha li tipprovdi soluzzjonijiet ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni, bil-parti l-kbira tal-attività tagħha tikkonsisti fil-bejgħ ta’ spazju għar-reklamar fuq is-sit internet ta’ Ryanair. L-ajruport ta’ Klagenfurt (l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“ajruport”) jinsab fil-periferija ta’ din il-belt, li hija l-kapitali tal-Provinċja ta’ Carinthia. Is-sid u l-operatur tal-ajruport huma Kärntner Flughafen Betriebsgesellschaft mbH (iktar ’il quddiem “KFBG”). Is-sidien finali tal-azzjonijiet ta’ KFBG dejjem kienu awtoritajiet jew entitajiet pubbliċi. KFBG hija sid assoluta tas-sussidjarja Destinations Management GmbH (iktar ’il quddiem “DMG”), li tipprovdi diversi servizzi lill-ajruport. B’mod partikolari, DMG aġixxiet bħala konsulent biex tattira linji tal-ajru lejn l-ajruport u kkonkludiet diversi ftehimiet li permezz tagħhom il-linji tal-ajru rċevew somom kunsiderevoli ta’ flus bi skambju għal servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni.

    4.

    Fit‑22 ta’ Jannar 2002, ġew konklużi erba’ ftehimiet. L-ewwel, KFBG u Ryanair ikkonkludew ftehim dwar is-servizzi tal-ajruport (iktar ’il quddiem l-“ASA tal-2002”). Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fis‑27 ta’ Ġunju 2002 għal perijodu ta’ ħames snin u kien jipprevedi tiġdid awtomatiku għal ħames snin oħra jekk Ryanair tosserva bis-sħiħ l-impenji tagħha skont dan il-ftehim. Skont dan il-ftehim, Ryanair impenjat ruħha li toffri servizz mill-inqas ta’ kuljum bejn l-ajruport u l-ajruport ta’ London Stansted mis‑27 ta’ Ġunju 2002 sas‑26 ta’ Ġunju 2007 b’tariffa fissa għal kull rotazzjoni. Barra minn hekk, Ryanair kellha timponi taxxa f’ammont fiss għal kull passiġġier li jitlaq bħala tariffa għas-servizzi tal-passiġġieri għall-ajruport flimkien ma’ ammont fiss għal kull passiġġier li jitlaq bħala tariffa ta’ sigurtà, u tħallas dawk it-tariffi lill-ajruport. L-ASA tal-2002 ta dettalji dwar id-diversi servizzi li l-ajruport kellu jipprovdi lil Ryanair u pprovda għal ċerti pagamenti oħra lill-ajruport.

    5.

    It-tieni, DMG u Leading Verge.com Limited (iktar ’il quddiem “LV”), li saret FR Financing (Malta) Ltd (iktar ’il quddiem “FR Financing”), sussidjarja ta’ Ryanair li minn dak iż-żmien ’l hawn ġiet stralċjata, ikkonkludew ftehim ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“MSA tal-2002 bejn DMG u LV”). Dan il-ftehim daħal fis-seħħ fl-istess jum u kellu jintemm fis‑26 ta’ Ġunju 2007, b’tiġdid awtomatiku għal ħames snin oħra sakemm LV tkun wettqet bis-sħiħ l-impenji tagħha skont il-ftehim. Skont dan il-ftehim, DMG ikkummissjonat lil LV sabiex tiġġenera pjan promozzjonali, tirranġa l-provvista ta’ links għall-paġna ewlenija ta’ DMG u twettaq attivitajiet promozzjonali oħra bi ħlas annwali fiss.

    6.

    It-tielet, DMG u AMS ikkonkludew ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni ieħor (iktar ’il quddiem l-“MSA tal-2002 bejn DMG u AMS”). Dan il-ftehim, li daħal fis-seħħ fl-istess jum għal terminu ta’ ħames snin, kien jipprevedi estensjoni possibbli għal ħames snin addizzjonali. Skont dan il-ftehim, DMG ħatret lil AMS sabiex tistabbilixxi u topera, sa mhux iktar tard mill‑1 ta’ Mejju 2002 u bi ħlas annwali, żewġ links fuq is-sit internet www.ryanair.com għal siti internet magħżula minn DMG sabiex tenfasizza l-attrazzjonijiet tal-Provinċja ta’ Carinthia. Dan il-ftehim stipula wkoll li l-AMS tista’ potenzjalment tipprovdi servizzi addizzjonali.

    7.

    Ir-raba, ittra ta’ akkumpanjament mal-MSA tal-2002 bejn DMG u LV (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ akkumpanjament tal-2002”) ġiet konkluża u daħlet fis-seħħ fl-istess jum. Ġie miftiehem li, fir-rigward tal-MSA tal-2002 bejn DMG u LV, ħlas ieħor għal miżuri ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali u intensifikati matul il-perijodu tal-ftehim bejn DMG u LV kien pagabbli minn DMG lil LV.

    8.

    L-ASA tal-2002, l-MSA tal-2002 bejn DMG u LV, kif emendat, u l-MSA tal-2002 bejn DMG u AMS (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“ftehimiet tal-2002”) intemmu fid‑29 ta’ Ottubru 2005 meta Ryanair waqqfet is-servizzi tagħha ta’ trasport bl-ajru tal-passiġġieri bejn l-ajruport u l-ajruport ta’ London Stansted.

    9.

    Fit‑23 ta’ Awwissu 2006, KFBG u Ryanair ikkonkludew ftehim ġdid dwar is-servizzi tal-ajruport (iktar ’il quddiem l-“ASA tal-2006”). Dan il-ftehim kien jikkonċerna servizz tliet darbiet fil-ġimgħa lejn l-ajruport ta’ London Stansted, li kellu jiġi operat mid‑19 ta’ Diċembru 2006 sal‑21 ta’ April 2007. Ryanair kienet obbligata tħallas it-tariffi uffiċjali tal-ajruport ta’ Klagenfurt. Minħabba skema ta’ inċentivi, Ryanair ibbenefikat minn inċentiv ta’ EUR 7.62 għal kull passiġġier li jitlaq fuq is-servizz skedat il-ġdid.

    10.

    Fil‑21 ta’ Diċembru 2006, DMG u AMS ikkonkludew ftehim ġdid ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni (iktar ’il quddiem l-“MSA tal-2006”), li daħal fis-seħħ fit‑28 ta’ Frar 2007. L-MSA tal-2006 kien marbut mal-impenn ta’ Ryanair li topera t-titjiriet previsti mill-ftehim imsemmi fil-punt hawn fuq. L-AMS kienet obbligata tipprovdi pakkett ta’ servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni kull sena li jfittex, b’mod partikolari, li jippromwovi d-destinazzjoni Klagenfurt/Carinthia.

    11.

    L-ASA tal-2006 u l-MSA tal-2006 (flimkien il-“ftehimiet tal-2006”) kienu applikabbli sal‑21 ta’ April 2007.

    12.

    Fil‑11 ta’ Ottubru 2007, wara lment imressaq minn kompetitur ta’ Ryanair fis-settur Ewropew tat-trasport tal-passiġġieri bl-ajru li jallega li Ryanair kienet ingħatat għajnuna mill-Istat illegali minn, b’mod partikolari, il-Provinċja ta’ Carinthia, il-Belt ta’ Klagenfurt, Kärnten Werbung Marketing & Innovations management GmbH u l-ajruport ta’ Klagenfurt, permezz ta’ KFBG, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment lir-Repubblika tal-Awstrija u talbet iktar informazzjoni. Permezz ta’ ittri tal‑15 ta’ Novembru 2010 u tal‑24 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni fittxet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Awstrija. Fit‑8 ta’ April 2011, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand Ryanair, li mbagħad intbagħtet lill-Awstrija, li sussegwentement ipprovdiet il-kummenti tagħha.

    13.

    Fit‑22 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni infurmat lill-Awstrija bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE, b’mod partikulari fir-rigward tal-ftehimiet tal-2002 u tal-2006 ma’ Ryanair ( 3 ).

    14.

    Permezz ta’ ittri tad‑29 ta’ Mejju u tal‑20 ta’ Lulju 2012, il-konsulent legali ta’ Ryanair talab, b’mod partikulari, aċċess għall-file amministrattiv li l-Kummissjoni ċaħdet.

    15.

    Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni talbet lill-Awstrija iktar informazzjoni dwar ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn l-ajruport u Ryanair fit‑22 ta’ Jannar 2002, li l-Awstrija wieġbet fil‑11 ta’ Ġunju 2014.

    16.

    Fit‑23 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni.

    17.

    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li, permezz tal-ftehimiet tal-2002 u tal-2006, ir-Repubblika tal-Awstrija tat għajnuna illegali lil Ryanair li kienet inkompatibbli mas-suq intern. Hija ddeterminat l-ammonti ta’ għajnuna li jistgħu jiġu rkuprati fuq il-bażi tal-parti negattiva tal-fluss inkrementali annwali previst fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet inkwistjoni, għal kull sena li dawn il-ftehimiet kienu applikabbli. Hija kkonstatat li l-appellanti kienu responsabbli in solidum għall-ħlas lura sħiħ tal-għajnuna li rċevew permezz tal-ftehimiet inkwistjoni, b’ammont prinċipali indikattiv rispettivament ta’ EUR 1827267 u EUR 141326 u ordnat l-irkupru ta’ din l-għajnuna.

    II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

    18.

    Fl-ewwel istanza, Ryanair, AMS u FR Financing qajmu sitt motivi insostenn tar-rikors tagħhom u, fl‑24 ta’ Awwissu 2018, huma ressqu talba għal miżuri istruttorji, li permezz tagħha talbu lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti. Fil‑25 ta’ Settembru 2020, dawn il-partijiet ippreżentaw żewġ dokumenti bħala provi addizzjonali (jiġifieri, wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura). Dawn iż-żewġ dokumenti kienu t-tabella tal-estimi tad-dħul mhux aeronawtiku tal-ajruport għal kull passiġġier li jitlaq għall-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajruport u l-ftehimiet dwar is-servizzi tal-kummerċjalizzazzjoni (l-Anness E.1) u verżjoni mhux redatta tad-data dwar l-ispejjeż f’rapport mill-konsulent ekonomiku ta’ Ryanair, Oxera, tat‑3 ta’ Novembru 2014 (Anness E.2).

    19.

    Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn il-provi kienu inammissibbli, peress li r-rikorrenti fl-ewwel istanza naqsu milli jiġġustifikaw il-preżentazzjoni tardiva tal-provi addizzjonali skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Din il-qorti ċaħdet ukoll il-motivi kollha mqajma bħala infondati u għalhekk ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

    III. Evalwazzjoni

    20.

    L-appellanti resqu erba’ aggravji.

    A.   Fuq l‑ewwel aggravju, dwar l‑ammissibbiltà ta’ provi addizzjonali prodotti mill‑appellanti quddiem il‑Qorti Ġenerali

    21.

    L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet bħala inammissibbli, u għalhekk irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni għal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, provi ewlenin li ġew ippreżentati minnhom qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura. B’mod partikolari, huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball, minn naħa, meta injorat, jew naqset milli tikkunsidra kif xieraq, il-prinċipji legali li fuqhom huma bbażati r-regoli tal-Artikolu 85(1) sa (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, billi injorat il-ġurisprudenza li tapplika dawn id-dispożizzjonijiet.

    22.

    L-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprevedi stadji differenti li fihom jistgħu jiġu prodotti jew proposti l-provi. L-Artikolu 85(1) jipprovdi: “Il-provi għandhom jiġu prodotti jew proposti fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti” (ir-regola ġenerali). L-Artikolu 85(2) jipprovdi: “Il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda insostenn tal-argumenti tagħhom anki fir-replika u fil-kontroreplika, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard” (id-deroga). L-Artikolu 85(3) jipprovdi: “F’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard” (l-eċċezzjoni).

    23.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġa’ ddeċidiet li dawk ir-regoli jqisu l-prinċipji tal-proċedimenti kontradittorji u l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet kif ukoll id-dritt għal proċess ġust fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 4 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li “il-qrati [tal-Unjoni] […] għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu l-merti tar-raġunijiet għad-dewmien fis-sottomissjoni jew il-proposta ta’ dik l-evidenza u, skont il-każ, il-kontenut ta’ din il-prova kif ukoll, jekk il-produzzjoni tardiva tagħha ma tkunx iġġustifikata sal-grad rikjest mil-liġi jew sostanzjata, ġurisdizzjoni biex tirrifjutaha ( 5 )”.

    24.

    Din is-silta kienet tikkonċerna l-Artikolu 85(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u l-ġurisprudenza, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita fiha, kienet tirrigwarda d-dispożizzjoni ekwivalenti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali preċedenti ( 6 ).

    25.

    Mis-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja ( 7 ), kif ukoll mis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA ( 8 ), jirriżulta li r-raġunament imsemmi iktar ’il fuq huwa applikabbli wkoll għall-Artikolu 85(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, filwaqt li, peress li l-Artikolu 85(2) huwa deroga u l-Artikolu 85(3) eċċezzjoni – dan tal-aħħar standard huwa iktar strett u huwa applikabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss (ara l-punt 31 ta’dawn il-konklużjonijiet).

    26.

    L-ewwel nett, l-argument primarju tal-appellanti huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet iż-żewġ provi bħala inammissibbli, filwaqt li tali provi għandhom dejjem jiġu aċċettati mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha “sakemm ma jkunx hemm raġunijiet imperattivi għall-kuntrarju”.

    27.

    Dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, dan iwassal sabiex tinqaleb il-loġika li tħaddem ir-regoli dwar il-ġbir ta’ provi quddiem il-Qorti Ġenerali.

    28.

    Mill-ġurisprudenza tas-sentenza Gaki-Kakouri jirriżulta li l-aċċettazzjoni ta’ provi mressqa tardivament tikkostitwixxi eċċezzjoni. Barra minn hekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali stess jirriżulta li huma l-partijiet li jipproduċu tali provi li għandhom jiġġustifikaw b’mod suffiċjenti d-dewmien fis-sottomissjoni.

    29.

    Għalhekk, kuntrarjament għall-argument tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma hijiex obbligata li dejjem taċċetta l-provi mressqa tardivament sakemm ma tistabbilixxix li ċ-ċaħda ta’ dawn il-provi hija neċessarja għal “raġunijiet imperattivi” (jiġifieri, minħabba l-prinċipju kontradittorju jew il-kunċett ta’ proċedura ġusta quddiem il-Qorti Ġenerali).

    30.

    Pjuttost, l-oneru huwa fuq il-partijiet infushom li jiġġustifikaw dak id-dewmien.

    31.

    Kif ġustament iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza TestBioTech et vs Il‑Kummissjoni ( 9 ), “il-preżentazzjoni tal-provi qabel ma tingħalaq il-fażi orali tal-proċedura hija suġġetta għar-rekwiżit doppju li [(i)] id-dewmien fil-preżentazzjoni tal-provi huwa ġġustifikat u [(ii)] li l-preżentazzjoni tardiva tal-provi hija ġġustifikata permezz ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali. Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni ta’ ammissibbiltà [(ii)] […] għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, in-natura eċċezzjonali ta’ tali sottomissjoni timplika li kien impossibbli għar-rikorrent li jipproduċi d-dokumenti inkwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qabel is-seduta jew li sottomissjoni preċedenti ma setgħetx raġonevolment tkun meħtieġa mir-rikorrent. Hija l-parti li tixtieq tippreżenta d-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprova li dik il-kundizzjoni hija sodisfatta fil-mument meta jitressqu l-provi l-ġodda” (enfasi miżjuda minni).

    32.

    Inqis li l-approċċ ta’ hawn fuq tal-Qorti Ġenerali (fejn, f’ċerti sitwazzjonijiet, teħtieġ prova evidenzjarja biex issostni l-ġustifikazzjoni għal sottomissjoni tardiva tal-provi) jista’ jsib sostenn fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja BP vs FRA ( 10 ), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-obbligu li jitressqu tali provi biex tiġi sostnuta l-ġustifikazzjoni.

    33.

    Fil-punt 47 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva wkoll li l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali għandu jiġi interpretat b’mod pjuttost strett (“huwa biss eċċezzjonalment li l-partijiet jistgħu jipproduċu jew joffru provi ulterjuri. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li kwalunkwe dewmien fil-preżentazzjoni ta’ tali provi għandu jkun iġġustifikat”) (enfasi miżjuda minni).

    34.

    Fil-proċedura fl-ewwel istanza, l-appellanti sostnew, essenzjalment, fir-rigward tat-tabella tad-dħul mhux aeronawtiku miksuba mill-ajruport, li l-Kummissjoni rreferiet għal din it-tabella fil-kontroreplika tagħha. B’riferiment għat-talba tagħhom għal miżura ta’ organizzazzjoni, huma jispjegaw li kien diffiċli u ħadu żmien sinjifikattiv biex jiksbu informazzjoni mill-ajruport, minħabba li l-informazzjoni kienet antika, il-persunal fl-ajruport kien inbidel, u l-kriżi tal-COVID‑19 affettwat kemm lill-persunal tal-ajruport kif ukoll lill-applikanti u lill-konsulenti tagħhom. Skont l-appellanti, huma rċevew biss l-informazzjoni “f’dawn l-aħħar jiem”.

    35.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar – kif jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq – li l-appellanti kellhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovdu provi li huma ppruvaw jiksbu t-tabella mingħand l-ajruport minn kmieni u li baqgħu jibagħtu tfakkir lill-ajruport f’dan ir-rigward; b’mod partikolari wara li rċevew l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-provi l-ġodda (tal-14 ta’ Ottubru 2020), fejn il-Kummissjoni argumentat, b’mod partikolari, li d-dewmien ma kienx iġġustifikat minħabba li l-ispjegazzjonijiet ma kinux verifikabbli. Peress li kien għadda perijodu daqshekk sinjifikattiv bejn il-kontroreplika tal-Kummissjoni (25 ta’ Frar 2019) u s-seduta orali (29 ta’ Settembru 2020), l-appellanti kellhom jippreżentaw xi provi tat-tip li semmejt hawn fuq, sabiex juru li jistgħu jissostanzjaw il-ġustifikazzjoni tagħhom, skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    36.

    Għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti ma ressqu tali provi lanqas fl-istadju tal-appell.

    37.

    L-eċċezzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett u għalhekk il-Qorti Ġenerali, f’każijiet bħal dan, fejn ikollha dubji dwar il-ġustifikazzjoni pprovduta mill-parti għas-sottomissjoni tardiva, għandha tkun tista’ twettaq mill-inqas verifika rudimentali u tista’, konsegwentement, titlob lil dik il-parti ssostni t-talba tagħha bi prova evidenzjarja.

    38.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’sitwazzjoni simili, fejn il-parti kienet qiegħda targumenta li d-dewmien fis-sottomissjoni tal-provi fl-ewwel istanza kien minħabba s-saħħa ħażina tiegħu jew tagħha, li l-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ċaħdet dan l-argument, peress li l-parti ma kinitx kapaċi tipprovdi xi ċertifikat mediku f’dan is-sens ( 11 ).

    39.

    Sussegwentement, waqt is-seduta, l-appellanti fittxew li jinvokaw is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Ġunju 2022, Qualcomm vs Il‑Kummissjoni (Qualcomm – Ħlasijiet għal esklużività) (T‑235/18, EU:T:2022:358), fejn il-provi prodotti tardivament minn Qualcomm ġew aċċettati bħala ammissibbli minn din il-qorti.

    40.

    Huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li dan il-każ ma huwiex oġġettivament komparabbli, fl-aspetti materjali, ma’ dak il-każ f’mill-inqas erba’ aspetti: (i) il-ġustifikazzjoni għas-sottomissjoni tardiva hija differenti; ii) in-natura tad-dokumenti inkwistjoni hija differenti; (iii) il-proċeduri huma differenti, u (iv) l-istatus tar-rikorrent huwa differenti. Fir-rigward ta’ (i), Qualcomm invokat mhux biss l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, iżda sostniet ukoll li, f’dan il-każ, l-Artikolu 85(3) għandu jiġi interpretat “fid-dawl tal-Artikolu 92(7) ta’ dawn ir-regoli” (il-provi jistgħu jiġu ppreżentati b’konfutazzjoni u provi preċedenti jistgħu jiġu amplifikati). Filwaqt li nikkonstata li l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fi Qualcomm huwa konvinċenti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-appellanti ma resqu l-ebda argument bħal dan (la fl-ewwel istanza u lanqas fl-istadju tal-appell) u lanqas ma qajmu tali argumentazzjoni espressament jew impliċitament – minkejja l-fatt li l-Kummissjoni stess indirizzat b’mod espliċitu l-Artikolu 92(7) u argumentat li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli. Fir-rigward ta’ (ii), minn din is-sentenza jirriżulta li Qualcomm kellha raġunijiet oġġettivi għaliex hija ma setgħetx tikseb id-dokumenti inkwistjoni u l-Qorti Ġenerali tispjega fid-dettall f’din is-sentenza (punti 134 sa 153) li l-produzzjoni, fl-intier tagħha, tal-provi ulterjuri wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub kienet “iġġustifikata minn ċirkustanzi eċċezzjonali” u għalhekk kienet ammissibbli. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ (iii), il-kawża Qualcomm tirrigwarda l-liġi tal-kompetizzjoni filwaqt li l-każ preżenti jikkonċerna għajnuna mill-Istat (ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fir-rigward ta’ (iv), il-benefiċjarju f’kawża ta’ għajnuna mill-Istat ma huwiex il-konvenut quddiem il-Qorti Ġenerali.

    41.

    Fl-aħħar nett, l-appellanti jfittxu wkoll li jinvokaw, b’mod partikolari, is-sentenzi Crocs vs EUIPO – Gifi Diffusion (Footwear ( 12 ) u Schmid vs EUIPO – Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark (Steirisches Kürbiskernö) ( 13 ). Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat din il-ġurisprudenza, ibbażata fuq il-fatt li sottomissjoni tardiva tal-prova tista’ tiġi ġġustifikata meta l-parti ma setax ikollha din il-prova qabel u meta, fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tas-sottomissjoni tardiva hijiex iġġustifikata, għandu jiġi vverifikat jekk il-prova inkwistjoni kinitx diġà tinsab fil-fajl amministrattiv li fuqu kienet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata. Jekk dan ikun il-każ, ma jkunx iġġustifikat li din il-prova tiġi miċħuda, peress li l-konvenut kien diġà ħa inkunsiderazzjoni l-provi qabel ma adotta d-deċiżjoni tiegħu.

    42.

    Huwa importanti li jingħad li din il-ġurisprudenza ma għandhiex il-portata li l-appellanti jattribwixxulha. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx eżattament bħal hawn fuq f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni hawnhekk. Huwa importanti li jiġi enfasizzat li din il-ġurisprudenza toriġina minn tilwimiet dwar it-trademarks tal-Unjoni u tista’ tiġi spjegata minn ċerti speċifiċitajiet tat-tilwimiet f’dak il-qasam partikolari tad-dritt tal-Unjoni.

    43.

    Din il-konklużjoni tirriżulta mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tat‑13 ta’ Settembru 2011, Wilfer vs UASI ( 14 ).

    44.

    Essenzjalment, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Qorti Ġenerali ġustament irrilevat li, skont l-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ( 15 ), hija ma tistax tevalwa mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fattwali fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. L-għan tar-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali huwa li tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li l-legalità għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-informazzjoni li għandha fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet (punti 40 u 41 tad-digriet Wilfer vs UASI).

    45.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li huwa paċifiku li l-opinjoni esperta u r-rappreżentazzjonijiet tat-trade marks tal-Unjoni u tat-trade marks nazzjonali invokati mir-rikorrenti bħala prova ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali u ma kinux ġew ippreżentati quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha raġun tiċħadhom bħala inammissibbli. Għaldaqstant, din iċ-ċaħda ma kisritx id-dritt għas-smigħ tar-rikorrenti (punt 42 tad-digriet Wilfer vs UASI).

    46.

    Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li la mir-rikors promotur quddiem il-Qorti Ġenerali u lanqas mis-sentenza appellata ma jirriżulta li l-appellanti kienu sostnew, quddiem dik il-qorti, li l-Bord tal-Appell kiser il-prinċipju li huwa kellu jeżamina ex officio, sabiex jistabbilixxi l-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi (punt 43 tad-digriet Wilfer vs UASI).

    47.

    Konsegwentement, il-ġurisprudenza invokata mill-appellanti fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma tapplikax f’dan il-każ u l-argumenti tagħhom għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

    48.

    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    B.   Fuq it‑tieni aggravju, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 u fuq applikazzjoni żbaljata tal‑Artikolu 296 TFUE

    1. Fuq l‑ewwel parti tat‑tieni aggravju

    49.

    L-appellanti jsostnu li, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 16 ), il-miżura tal-Kummissjoni, jiġifieri t-talba għal informazzjoni (iktar ’il quddiem it-“TI”), għandha tirrigwarda suġġett speċifiku tal-investigazzjoni. Il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ġurisprudenza stabbilita, li skontha TI għandha tindirizza miżura speċifika sabiex it-terminu ta’ preskrizzjoni jiġi interrott skont din id-dispożizzjoni. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipji ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali.

    50.

    Id-deċiżjoni kkontestata tidentifika erba’ ftehimiet mill-2002 fir-rigward tal-għajnuna mogħtija lil Ryanair. Barra minn hekk, mis-sentenza appellata jirriżulta li kien paċifiku bejn il-partijiet li, fir-rigward tal-ftehimiet kollha tal-2002, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 beda jiddekorri mid‑9 ta’ Awwissu 2002. F’dan il-kuntest, l-appellanti kienu sostnew matul il-proċedura amministrattiva, u mbagħad quddiem il-Qorti Ġenerali, li t-terminu ta’ 10 snin kien skada sa meta l-Kummissjoni talbet informazzjoni mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi u mingħand Ryanair dwar il-ftehimiet tal-2002 (dawk it-talbiet kienu ġew magħmula biss fl‑2015 filwaqt li l-preskrizzjoni skadiet fit‑8 ta Awwissu 2012) (punt 66 tas-sentenza appellata). Skont l-appellanti, il-Kummissjoni saret taf bl-eżistenza tal-ftehimiet tal-2002 biss fil‑31 ta’ Awwissu 2012, permezz ta’ dokument mibgħut lilha minn Ryanair, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tagħha li testendi l-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Huma jargumentaw li l-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni bejn id‑9 ta’ Awwissu 2002 u t‑8 ta’ Awwissu 2012 li tista’ tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni. Huma jsostnu li, qabel il‑31 ta’ Awwissu 2012, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu azzjoni li tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni fir-rigward tal-ftehimiet tal-2002. Ir-raġuni għal dan hija li tali effett ta’ interruzzjoni kien jeħtieġ li l-“azzjoni meħuda”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, tirreferi relattivament b’mod preċiż għall-għajnuna inkwistjoni. Billi kkunsidrat li frażi ġenerali tipproduċi tali effett ta’ interruzzjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

    51.

    Fid-deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Frar 2012 li tibda l-proċedura, il-Kummissjoni indikat li, abbażi tal-informazzjoni li għandha, hija kienet iddeċidiet li teżamina, fir-rigward tal-kumpanniji inkwistjoni, “il-ftehimiet tal-2002 ma’ Ryanair” u “l-ftehimiet tal-2006 ma’ Ryanair”. Fir-rigward tal-ftehimiet tal-2002, jidher li kien hemm ftehim ta’ kooperazzjoni bejn KFBG u Ryanair tat-22 ta’ Jannar 2002 u ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn DMG u LV, ukoll tat-22 ta’ Jannar 2002. Fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha tat‑23 ta’ Lulju 2014, li permezz tagħha l-Kummissjoni estendiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minn din id-deċiżjoni jirriżulta li din l-estensjoni kienet tirrigwarda wkoll il-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn DMG u AMS tat‑22 ta’ Jannar 2002, u l-“ittra ta’ akkompanjament mehmuża mal-ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni bejn id-DMG u LV”, ukoll tal-istess data.

    52.

    Imbagħad, fis-sentenza appellata (punti 73 sa 77), il-Qorti Ġenerali analizzat id-diversi elementi u talbiet għal informazzjoni li kienu ntbagħtu lill-awtoritajiet Awstrijaċi u lil Ryanair qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali u minn dan iddeduċiet li t-talbiet kollha li analizzat kienu jkopru wkoll l-MSA tal-2002 bejn DMG u AMS u l-ittra ta’ akkompanjament tal-2002 bejn DMG u LV, b’konsegwenza li kienu miżuri li jistgħu jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fir-Regolament 2015/1589.

    53.

    Sussegwentement, fil-punti 77 sa 79 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li diversi elementi fid-deċiżjoni inkwistjoni jistabbilixxu li l-ASA tal-2002 u l-“ftehim ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi fl-2002” kienu marbuta b’mod indissolubbli u għalhekk it-terminu ta’ preskrizzjoni kien tabilħaqq ġie interrott mit-TI analizzata mill-Qorti Ġenerali.

    54.

    Fl-aħħar nett, fil-punti 80 sa 84 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li, kif l-awtoritajiet Awstrijaċi u Ryanair kienu jafu, fil-kwalità tagħhom ta’ destinatarji, il-kontenut tal-ittri li jitolbu informazzjoni addizzjonali mingħandhom, l-indikazzjoni tad-dati li fihom il-Kummissjoni kienet ħadet il-miżuri li jistgħu jinterrompu t-terminu ta’ preskrizzjoni kienet suffiċjenti sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

    55.

    Infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li t-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 17 jista’ jiġi interrott minn miżura li ma ġietx innotifikata lill-benefiċjarju tal-għajnuna ( 17 ).

    56.

    Hija ddeċidiet ukoll li l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tistabbilixxi limitu ta’ żmien fuq is-setgħa li għandha l-Kummissjoni li tirkupra l-għajnuna mill-Istat, u l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ma tistax għalhekk ikollha l-effett li tirregolarizza retroattivament l-għajnuna illegali mill-Istat unikament minħabba li ssir għajnuna eżistenti ( 18 ).

    57.

    Madankollu, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma pprovdiet l-ebda kjarifika espliċita dwar il-grad ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni li miżura, meħuda mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 17 (bħal TI), għandu jkun fiha sabiex tinterrompi dak il-perijodu.

    58.

    F’dan ir-rigward, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li “s-sempliċità tat-[TI] ma għandhiex il-konsegwenza li ċċaħħadha mill-effett legali bħala miżura li tista’ tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni previst f’[dak li issa huwa l-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589]” ( 19 ).

    59.

    Dan iqajjem il-kwistjoni dwar jekk, kif isostnu l-appellanti, il-Qorti Ġenerali adottatx interpretazzjoni wiesgħa żżejjed tal-kunċett ta’ “miżura” li tista’ tikkostitwixxi att li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589.

    60.

    L-ewwel, il-formulazzjoni tal-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 tipprovdi li “[k]ull azzjoni […] fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni”.

    61.

    Il-formulazzjoni tagħmilha ċara li l-miżura għandha tkun “fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi”.

    62.

    Dan ifisser li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jagħti lill-Kummissjoni carte blanche f’dan ir-rigward.

    63.

    It-tieni, it-terminu ta’ preskrizzjoni għandu l-għan li jiżgura ċ-ċertezza legali (ara l-premessa 26 tar-Regolament 2015/1589), mhux l-inqas f’dawk il-każijiet fejn l-għoti ta’għajnuna kontra l-liġi baqa’ ma nstabx għal perijodu twil ta’ żmien. Dan jista’ jiġri pereżempju f’każijiet fejn Stat Membru ma jkunx induna li ċerta miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat ( 20 ). Barra minn hekk, il-letteratura legali tirreferi għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni bħala skop ulterjuri tal-perijodu ta’ limitazzjoni ( 21 ).

    64.

    Min-naħa l-waħda, il-miżura għandha tkun speċifika biżżejjed sabiex tevita li tagħti lill-Kummissjoni dik il-carte blanche, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikun possibbli li jintbagħtu regolarment TI standardizzati lill-Istati Membri u lill-benefiċjarji, u b’hekk jiġi faċilment evitat il-perijodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin. Tali interpretazzjoni – kif ġustament jenfasizzaw l-appellanti – tikser il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali tal-benefiċjarju tal-għajnuna (u tal-Istat Membru) ( 22 ). Fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi kkunsidrat ukoll li għaxar snin diġà huwa perijodu ta’ żmien sinjifikattiv, għal kwalunkwe kumpannija (jew Stat Membru), li matulu jistgħu jkunu mistennija talbiet possibbli għall-irkupru tal-għajnuna. Din l-inċertezza tirrappreżenta wkoll piż ekonomiku għal kwalunkwe kumpannija.

    65.

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni teħtieġ perijodu ta’ żmien suffiċjenti sabiex tkun tista’ twettaq l-investigazzjonijiet tagħha. Ma tistax tkun meħtieġa speċifikazzjoni sħiħa tal-miżura li għandha tiġi eżaminata skont il-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan ikun ostaklu eċċessivament għoli għall-Kummissjoni. Kwalunkwe investigazzjoni hija inizjalment ikkaratterizzata minn diskrepanza fl-informazzjoni bejn l-Istat Membru jew il-benefiċjarju u l-Kummissjoni.

    66.

    It-tielet, fir-rigward tal-kontenut u l-livell ta’ preċiżjoni ta’ TI li tista’ tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, mir-Regolament 2015/1589 jirriżulta b’mod ċar li, meta l-Kummissjoni jkollha informazzjoni dwar allegata għajnuna kontra l-liġi jew użu ħażin ta’ għajnuna, hija għandha d-dritt li titlob informazzjoni, b’mod partikolari, mill-Istat Membru kkonċernat. L-Istat Membru huwa obbligat li jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja biex il-Kummissjoni tkun tista’ tieħu deċiżjoni skont il-proċedura ta’ eżami preliminari jew ta’ investigazzjoni formali ( 23 ).

    67.

    Fil-fatt, il-fatt li t-TI hija għodda li tippermetti lill-Kummissjoni tfittex l-informazzjoni neċessarja jirriżulta mill-premessi 9, 10, 24 u 36, kif ukoll mill-Artikoli 2(2), 5(1), 7(1), 12(2), 21(1) u 25(1) tar-Regolament 2015/1589.

    68.

    Peress li l-qrati tal-Unjoni diġà ddeċidew dwar diversi elementi ewlenin tat-TI skont ir-Regolament 1/2003 ( 24 ) u, b’mod partikolari l-element ta’ “neċessità”, din il-ġurisprudenza hija applikabbli mutatis mutandis għall-interpretazzjoni tat-TI skont ir-Regolament 2015/1589. Fil-fatt, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Talba għall-informazzjoni”, jipprevedi eżattament l-istess għodda investigattiva disponibbli għall-Kummissjoni bħal dik li tuża fl-investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat.

    69.

    Minħabba r-rekwiżit ta’ “neċessità” ddikjarat fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament 1/2003, il-qrati tal-Unjoni ċċaraw li l-Kummissjoni hija intitolata biss li titlob l-iżvelar ta’ informazzjoni li tista’ tippermettilha tinvestiga ksur preżunt, li jiġġustifika t-twettiq tal-investigazzjoni u li huma stabbiliti fit-TI ( 25 ).

    70.

    Għandu jkun hemm korrelazzjoni bejn l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni u l-ksur li qiegħed jiġi investigat. Il-Kummissjoni għandha raġonevolment tissoponi li l-informazzjoni ser tgħinha tiddetermina jekk l-allegat ksur seħħx ( 26 ).

    71.

    Il-“ħtieġa” ta’ TI għandha tidher fir-raġunament tat-talba. Fir-rigward tal-għan tat-TI, il-Kummissjoni għandha tidentifika, f’termini ċari, preċiżi u mhux ambigwi, il-ksur issuspettat tar-regoli tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni biħsiebha tinvestiga ( 27 ).

    72.

    Minn dan isegwi li l-motivazzjoni ta’ TI la tista’ tkun vaga u lanqas ġenerika, speċjalment jekk l-investigazzjoni ma tkunx għadha fl-istadju bikri ħafna u fejn is-suspetti tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu involut għandhom jiġu ppreżentati bi preċiżjoni suffiċjenti ( 28 ).

    73.

    Fil-fatt, l-obbligu tal-Kummissjoni li tagħti raġunijiet speċifiċi huwa rekwiżit fundamentali, li juri mhux biss li t-TI hija ġġustifikata, iżda wkoll li tippermetti lill-impriżi jevalwaw il-portata tal-obbligu tagħhom li jikkooperaw filwaqt li fl-istess ħin jissalvagwardjaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom, u jiżguraw li l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju ( 29 ).

    74.

    Minn dan isegwi li l-informazzjoni mitluba mill-Kummissjoni għandha tiġi identifikata bl-iktar mod preċiż li jippermettu ċ-ċirkustanzi.

    75.

    B’mod importanti, fl-opinjoni tiegħi, peress li l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni prevista fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament 2015/1589 tikkostitwixxi eċċezzjoni għat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

    76.

    Sussegwentement, kif rajna iktar ’il fuq, l-Artikolu 17(2) jeżiġi li, sabiex jiġi interrott it-terminu ta’ preskrizzjoni skont dan ir-regolament, TI bil-miktub mill-Kummissjoni għandha tkun “fir-rigward tal-għajnuna kontra l-liġi” u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, li jista’ jiġi applikat b’analoġija, jeżiġi li t-TI tkun “neċessarja”.

    77.

    Kif rajna fil-ħarsa ġenerali tal-ġurisprudenza iktar ’il fuq, “[TI] hija ‘neċessarja’ fis-sens tal-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 17 ( 30 ) [id-dispożizzjoni li ppreċediet l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003] jekk tista’ leġittimament titqies li għandha rabta mal-allegat ksur” ( 31 ).

    78.

    Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-istess approċċ għandu japplika għat-TI fil-kuntest tal-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat. Għalhekk, it-TI hija “neċessarja” jekk tista’ leġittimament titqies li għandha konnessjoni mal-għajnuna mill-Istat allegatament illegali.

    79.

    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi interrott b’mod validu t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin stabbilit mill-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, TI għandha tkun neċessarja għall-investigazzjoni jew għall-proċedura preliminari u, fl-aħħar mill-aħħar, għandha tkun neċessarja għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat illegali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax, pereżempju, tagħmel TI li l-uniku għan tagħha huwa li ttawwal il-perijodu ta’ preskrizzjoni artifiċjalment sabiex tippreserva s-setgħa li tirkupra għajnuna mill-Istat illegali ( 32 ). It-TI għal dan il-għan biss ma jistgħux ikunu “neċessarji” għall-finijiet tal-“proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”.

    80.

    Barra minn hekk, kieku l-Kummissjoni setgħet tinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni billi tibgħat TI “ġenerika” li ma hijiex neċessarja għall-proċedura, hija tkun tista’ testendi sistematikament it-terminu ta’ preskrizzjoni lil hinn mil-limitu diġà pjuttost sinjifikattiv ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament 2015/1589, u b’hekk tnaqqas l-effettività tiegħu.

    81.

    Ta’ min jinnota li l-approċċ tiegħi ta’ hawn fuq diġà ġie segwit fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, li analizzat jekk it-TI tal-Kummissjoni skont it-Regolament 17 kinux kapaċi jinterrompu l-perijodu ta’ preskrizzjoni previst fir-Regolament (KEE) Nru 2988/74 ( 33 ).

    82.

    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-kliem tal-erba’ TI, tad-domandi magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll tar-risposti pprovduti minn Ryanair. Il-Qorti Ġenerali mbagħad stħarrġet il-kriterji li jikkostitwixxu speċifikazzjoni suffiċjenti tal-kuntratti individwali “fir-rigward” ta’ liema evalwazzjoni tista’ ssir fir-rigward tal-legalità tagħhom. Inqis li, f’dan il-każ, t-TI jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-interruzzjoni tal-perijodu ta’ limitazzjoni. Huma ma kinux vagi u kellhom l-għan li jiksbu informazzjoni neċessarja fir-rigward tal-għajnuna suspetta.

    83.

    Direttament relatata ma’ dan hemm il-kwistjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom il-kuntratti jistgħu jitqiesu li huma marbuta b’mod inseparabbli. Dan huwa rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk il-fatt li żewġ ftehimiet ġew speċifikament imsemmija, filwaqt li t-tnejn l-oħra ma kinux, għandux jitqies bħala nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti u għalhekk mhux relatat mal-ftehimiet mhux imsemmija.

    84.

    Skont il-Qorti Ġenerali, teżisti rabta inseparabbli bejn il-kuntratti li jirriżultaw mill-grad ta’ rabta ekonomika bejn il-partijiet kontraenti, fl-istess mument tal-konklużjoni tal-kuntratti, u r-rabta tal-kuntratti skont is-suġġett u l-kundizzjonijiet tagħhom (sentenza appellata, punti 77 et seq.).

    85.

    Fid-dawl ta’ din ir-rabta mill-qrib, qsim tal-kuntratti fir-rigward tal-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni jkun, fl-opinjoni tiegħi, arbitrarju. L-erba’ kuntratti jiffurmaw kostruzzjoni ekonomika, li kienet maqsuma biss f’erba’ kuntratti, b’mod partikolari, minħabba li l-kumpannija nnifisha hija maqsuma f’sussidjarji. Għalhekk, it-terminazzjoni ta’ din ir-rabta tinjora l-kuntest fattwali tal-każ.

    86.

    Minkejja li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx jekk it-TI inkwistjoni jissodisfawx il-kriterju ta’ “neċessità” (li spjegajt iktar ’il fuq), mill-atti tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dan il-każ, dawn it-TI kienu tabilħaqq neċessarja sa fejn dawn kellhom manifestament rabta mal-għajnuna mill-Istat allegatament illegali u kienu neċessarja għall-investigazzjoni preliminari u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat illegali.

    87.

    Jien inqis li s-soluzzjoni tiegħi proposta iktar ’il fuq tirriżulta mill-interpretazzjoni tar-Regolament 2015/1589 u ma timplikax carte blanche għall-Kummissjoni, u lanqas ma tistabbilixxi standards li ma jistgħux jintlaħqu għall-investigazzjonijiet ta’ dik l-istituzzjoni. Għalhekk hija toħloq bilanċ bejn il-protezzjoni taċ-ċertezza legali u l-istabbiliment mill-ġdid ta’ kompetizzjoni effettiva bħala żewġ prinċipji rivali stabbiliti f’dan ir-regolament (premessi 25 u 26)

    88.

    Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

    2. Fuq it‑tieni parti tat‑tieni aggravju

    89.

    L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 296 TFUE meta kkonstatat li r-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata kien suffiċjenti, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni ma spjegatx b’mod espliċitu r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni kienet ċaħdet l-argumenti li l-appellanti kienu għamlu matul il-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589 kien skada.

    90.

    Is-sentenza appellata tindika li huwa biżżejjed li jiġu stabbiliti l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tad-deċiżjoni ( 34 ). Barra minn hekk, “peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi u Ryanair kienu jafu […] bil-kontenut tal-ittri li jitolbu informazzjoni addizzjonali li kienu ntbagħtulhom mill-Kummissjoni, din tal-aħħar, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE, kellha tindika biss il-fatti ta’ importanza fundamentali fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata” ( 35 ).

    91.

    Fil-fehma tiegħi, dak li huwa deċiżiv huwa jekk is-suppożizzjoni li l-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u d-destinatarju għandha titqies fl-intier tagħha hijiex kompatibbli mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 296 TFUE.

    92.

    Kif ġustament enfasizzat fil-punt 80 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat b’mod ċar li “ma huwiex neċessarju li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu [296 TFUE] għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam inkwistjoni” ( 36 ).

    93.

    Peress li l-“kuntest” jinkludi wkoll il-korrispondenza kollha, l-argument tal-appellanti bbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 296 TFUE huwa infondat f’dan il-każ.

    94.

    Jeħtieġ li wieħed iżomm f’moħħu li l-proċedura għar-reviżjoni tal-għajnuna mill-Istat hija proċedura mibdija fir-rigward tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti tal-għajnuna u l-partijiet interessati (inkluż il-benefiċjarju) ma jistgħux ifittxu li jinvolvu ruħhom f’dibattitu kontradittorju mal-Kummissjoni bl-istess mod kif jiġi offrut lil dak l-Istat Membru ( 37 ).

    95.

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrispondi speċifikament għall-osservazzjonijiet tal-appellanti f’dan ir-rigward.

    96.

    Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    C.   It‑tielet aggravju, ibbażat fuq żnaturament tal‑provi meta ġie evalwat jekk il‑Kummissjoni applikatx legalment it‑test tal‑operatur tal‑ekonomija tas-suq

    97.

    L-appellanti, essenzjalment, isostnu, li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens ċar tal-provi prodotti quddiemha meta evalwat jekk il-Kummissjoni applikatx legalment l-hekk imsejjaħ “test tal-operatur tal-ekonomija tas-suq” (iktar ’il quddiem l-“test OES”) fid-determinazzjoni ta’ jekk l-appellanti rċevewx vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’mod partikolari, huma jargumentaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat provi relatati ma’: (i) it-tariffa tas-sigurtà stipulata fi ftehim dwar is-servizzi tal-ajruport bejn l-ajruport u Ryanair; (ii) l-istima tal-ispejjeż operattivi inkrementali li l-ajruport seta’ stenna (il-marġni ta’ sigurtà); u (iii) il-fattur tat-tagħbija invokat mill-Kummissjoni meta twettaq il-valutazzjoni tal-profittabbiltà ex ante tagħha.

    98.

    Għandu jiġi evalwat jekk l-elementi invokati mill-appellanti ġewx żnaturati jew le mill-Qorti Ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ) u, jekk iva, jekk dan l-iżnaturament huwiex tali li jivvizzja l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li, essenzjalment, il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ vantaġġ fuq informazzjoni u data suffiċjenti u kredibbli.

    99.

    Madankollu, ma huwiex biżżejjed li l-appellanti “speċifikaw il-postijiet rilevanti kollha fil-proċess li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li kien hemm żnaturament illegali”, peress li d-distorsjoni għandha tkun evidenti mill-atti tal-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma jkun hemm bżonn li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi ( 39 ).

    1. It‑tariffa tas‑sigurtà

    100.

    L-appellanti jirreferu għall-argumenti li huma għamlu fl-ewwel istanza (li t-tariffa tas-sigurtà kienet fatturata lil u mħallsa minn Ryanair) u jsostnu li l-provi fil-fajl juru li Ryanair kienet kuntrattwalment obbligata tħallas it-tariffa tas-sigurtà u, fil-fatt, ħallsitha skont dan l-obbligu. Huma jargumentaw li l-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra kif xieraq il-provi mressqa quddiemha.

    101.

    L-ewwel nett, fil-punti inkwistjoni fl-appell (punti 331 u 332 tas-sentenza appellata), il-Qorti Ġenerali ma indikatx li din it-tariffa ma ġietx mgħoddija lil Ryanair mill-ajruport. Minflok, hija sempliċement iddikjarat li din it-tariffa tħallset lura lil Ryanair.

    102.

    Madankollu, anki jekk irriżulta li mill-provi invokati minn Ryanair manifestament ħareġ li hija ħallset din it-tariffa ta’ sigurtà lill-ajruport (quod non) – li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx f’dawn il-punti – dan mhux neċessarjament jistabbilixxi li l-Qorti Ġenerali wettqet l-iżnaturament tal-provi invokati mill-appellanti f’dan ir-rigward u li waslet għall-konklużjoni żbaljata li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra – mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni – li din it-tariffa kienet tikkostitwixxi spiża inkrementali. għall-ajruport għall-finijiet ta’ analiżi tal-profitabbiltà tal-ftehimiet tal-2006.

    103.

    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-awtoritajiet Awstrijaċi kkonfermaw f’żewġ okkażjonijiet li t-tariffa tas-sigurtà finalment tħallset lura lil Ryanair.

    104.

    Fil-punt 332 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tenfasizzax f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni fittxet b’mod diliġenti, mill-Istat Membru kkonċernat, informazzjoni rilevanti, li ppermettiet lill-Qorti Ġenerali tiddetermina jekk it-tariffa tas-sigurtà kinitx, effettivament, tħallset lura lil Ryanair.

    105.

    Inqis li l-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali u li hija kellha tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Awstrija u tikkunsidra li t-tariffa tas-sigurtà kienet spiża inkrementali għall-ajruport għall-finijiet tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2006.

    106.

    Barra minn hekk, anki jekk wieħed jargumenta li, fin-nuqqas ta’ provi konkreti prodotti mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tattribwixxi tali piż lill-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (quod non), dan fi kwalunkwe każ ma jammontax għal żnaturament tal-provi fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 40 ).

    107.

    Fil-fatt, huwa biżżejjed li jingħad li ma kienx impossibbli għall-appellanti li jistabbilixxu li t-tariffa tas-sigurtà ma tħallsitx lura lil Ryanair, peress li huwa konċepibbli li analiżi tal-kontabbiltà ta’ Ryanair kienet tkun kapaċi turi dan.

    2. Il‑marġni ta’ sigurtà

    108.

    Fir-rigward tal-marġni ta’ sigurtà miżjud mill-awtoritajiet Awstrijaċi mal-valuri li ntużaw bħala bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż operattivi inkrementali rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tal-profittabbiltà tal-ftehimiet tal-2002, l-appellanti jsostnu li r-rapport tal-2018 minn Oxera, il-konsulent ekonomiku tagħhom, juri li l-istimi tal-Kummissjoni tal-ispejjeż inkrementali kienu għoljin b’mod inspjegabbli, u li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi injorat jew naqset milli tikkunsidra dan ir-rapport kif suppost (fil-punti 301 u 302 tas-sentenza appellata).

    109.

    Huwa minnu li l-punti 301 u 302 ikkontestati mill-appellanti, ma jsemmux ir-Rapport Oxera tal-2018.

    110.

    Madankollu, ma jirriżultax ipso facto li l-Qorti Ġenerali żnaturat dan id-dokument. Pjuttost, inqis li, bl-argument tagħhom, l-appellanti fil-fatt qegħdin ifittxu li jikkontestaw il-piż li din il-qorti attribwixxiet għall-argumenti tal-Kummissjoni għall-kuntrarju tal-argumenti tagħhom stess. Dan, madankollu, jammonta għall-appellanti li jitolbu evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi, li huwa inammissibbli fl-appell.

    111.

    Barra minn hekk, is-sottomissjoni tagħhom hija bbażata fuq qari parzjali tas-sentenza appellata. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-allegazzjoni usa’ tal-appellanti fl-ewwel istanza bbażata fuq stima eċċessiva tal-ispejjeż inkrementali relatati mal-ftehimiet tal-2002 (il-marġni ta’ sigurtà jagħmel parti minn dawn l-ispejjeż operattivi inkrementali) tidher fil-punti 288 et seq. tas-sentenza appellata. B’mod partikolari, fil-punti 289 u 296, il-Qorti Ġenerali tirreferi għar-Rapport Oxera tal-2018. Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti li jgħid li ma sar l-ebda riferiment għal dan ir-rapport fis-sentenza appellata huwa sempliċement żbaljat u l-allegazzjoni tagħhom li l-Qorti Ġenerali injorat dan ir-rapport hija infondata.

    112.

    Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni huma suffiċjenti sabiex tiġi miċħuda l-allegata dikjarazzjoni eċċessiva tal-ispejjeż operattivi inkrementali (inkluż il-marġni ta’ sigurtà), mingħajr ma jkun neċessarju għaliha li ssemmi b’mod espliċitu r-Rapport Oxera tal-2018 fir-rigward ta’ kull allegazzjoni magħmula mill-appellanti f’dan il-kuntest. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali.

    3. Il‑fattur tat‑tagħbija

    113.

    Il-fattur tat-tagħbija kien rilevanti għall-analiżi tal-profittabbiltà ex ante fir-rigward tal-ftehimiet tal-2002. Id-deċiżjoni kkontestata użat fattur ta’ tagħbija ta’ 70 %, li l-appellanti jqisu baxx wisq. Huma jsostnu li: (i) l-ASA tal-2002 stabbilixxiet fattur tat-tagħbija fil-mira ta’ 76 %; (ii) il-Kummissjoni użat fattur ta’ tagħbija ogħla ta’ 85 % fl-analiżi tagħha tal-ftehimiet tal-2006; (iii) id-deċiżjoni kkontestata wriet li l-ajruport kellu operazzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru ċivili ftit wara t-twaqqif tiegħu fl-1915 u għalhekk kien ġabar “ħafna għexieren ta’ snin ta’ esperjenza fl-avjazzjoni ċivili”; u (iv) ir-Rapport Oxera tal-2018 wera li l-fattur tat-tagħbija fil-mira ta’ 76 % kien qrib, għalkemm ftit inqas, il-fattur tat-tagħbija ta’ madwar 80 % miksub minn Ryanair fin-network tagħha. L-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali injorat, jew naqset milli tikkunsidra l-provi b’mod xieraq, u trattat l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni b’mod superfiċjali.

    114.

    Fil-fehma tiegħi, l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda għal raġunijiet analogi għal dawk li qajjimt fir-rigward tal-marġni ta’ sigurtà ta’ iktar ’il fuq.

    115.

    Il-Qorti Ġenerali tindika li l-ASA tal-2002 kellha fattur ta’ tagħbija fil-mira ta’ 76 % – l-istess kif isostnu l-appellanti f’dan l-aggravju – u li l-Kummissjoni użat 70 % fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-ajruport, f’dan l-istadju, ma kellu l-ebda esperjenza ma’ linji tal-ajru bi prezz baxx u li dawn il-linji tal-ajru kienu f’dak il-punt inqas stabbiliti sew milli huma issa.

    116.

    Il-fatt li l-ajruport kien ilu jopera mill-1915 u għalhekk akkwista “esperjenza fl-avjazzjoni ċivili” ma jistax jikkontesta l-fatt li ma kellu ebda esperjenza ma’ Ryanair jew ma’ linji tal-ajru low-cost oħra fiż-żmien meta daħal fil-ftehimiet tal-2002. Fil-fatt, l-appellanti ma jikkontestawx dan.

    117.

    Għaldaqstant, l-argument tal-appellanti li jgħid li l-Qorti Ġenerali injorat, jew ma kkunsidratx debitament il-provi mressqa quddiemha għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. L-appellanti jistgħu ma jaqblux mal-evalwazzjoni tal-provi tal-Qorti Ġenerali, iżda dan ma jfissirx li dik il-qorti żnaturat dawn il-provi.

    4. Konklużjoni dwar it‑tielet aggravju

    118.

    L-appellanti naqsu milli juru li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi, aħseb u ara li tali żnaturament huwa ovvju. Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

    D.   Fuq ir‑raba’ aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata

    119.

    L-appellanti jsostnu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li kemm l-eżistenza kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna għandhom jiġu evalwati biss fuq il-bażi ta’ provi ex ante. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tindirizza l-argumenti tagħhom li għandhom isiru korrezzjonijiet għad-data ex ante fir-rigward ta’ “fatturi direttament taħt il-kontroll tal-konċessjonant” iżda minflok irreferiet biss għall-iżviluppi “totalment fortuwiti”. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-ġurisprudenza (li ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tagħmel tali korrezzjonijiet). Huma jsostnu li l-iżball tal-Qorti Ġenerali jirriżulta minn konfużjoni bejn l-“għotja” u l-“ħlas” tal-għajnuna.

    120.

    Jidher li l-appellanti de facto qegħdin jiddubitaw il-bażi tat-test OES, jiġifieri l-kwistjoni dwar x’kien jagħmel investitur privat prudenti f’ekonomija tas-suq fil-mument tal-konklużjoni tal-ftehimiet.

    121.

    L-argument tal-appellanti jidher ineffettiv. Fil-fatt, il-Qorti ddeċidiet b’mod ċar li għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-test OES, “huma rilevanti biss, […] il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument li fih tkun ittieħdet id-deċiżjoni li tiġi adottata l-miżura inkwistjoni” ( 41 ).

    122.

    Għaldaqstant, “elementi sussegwenti għall-mument li fih il-miżura kkonċernata ġiet adottata ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni [tat-test OES]” ( 42 ).

    123.

    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza imsemmija iktar ’il fuq, argument li permezz tiegħu l-appellanti tikkontesta l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata huwa ineffettiv, sa fejn huwa bbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ avvenimenti sussegwenti għall-għoti ta’ miżuri inkwistjoni ( 43 ).

    124.

    F’dan ir-rigward, inqis ukoll li, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellanti, il-formulazzjoni tal-punt imsemmi iktar ’il fuq tas-sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni turi b’mod ċar li din tikkonċerna kemm l-eżistenza ta’ għajnuna kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

    125.

    Kif irrilevat il-Kummissjoni, l-argumenti tal-appellanti jċajpru ż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq u joħolqu ċerta konfużjoni fl-appell tagħhom. Fi kwalunkwe każ, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat b’mod korrett iż-żewġ sitwazzjonijiet li huma jirreferu għalihom (“tariffi ta’ kummerċjalizzazzjoni effettivament imħallsa lil Ryanair jew LV u l-AMS matul il-perijodu rilevanti” u “aġġustamenti bbażati fuq data oħra dwar id-dħul u l-ispejjeż ex post li wriet stima eċċessiva ċara tal-ispejjeż”).

    126.

    L-ewwel, il-Qorti Ġenerali tosserva l-prinċipji tat-test OES, u tispjega, b’mod partikolari fil-punt 419 tas-sentenza appellata, li kemm l-eżistenza kif ukoll l-ammont tal-għajnuna għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fil-mument tal-għoti tagħha. Filwaqt li rreferiet għal dan il-prinċipju, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tal-appellanti li l-Kummissjoni kellha “tikkoreġi” l-ispejjeż operattivi tal-ajruport b‘provi ex post fil-kalkolu tal-quantum tal-għajnuna, kif spjegat fil-punti 427 sa 429 tas-sentenza appellata.

    127.

    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali applikat korrettament is-sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni.

    128.

    Ir-riferiment tal-appellanti għal “żbalji” hija qarrieqa peress li jirreferu għal informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument tal-għoti tal-għajnuna (bil-għan li jiġu kkoreġuti l-ispejjeż operattivi tal-2002 fuq il-bażi ta’ data mis-sistema tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tal-2005, liema sistema lanqas biss kienet disponibbli għall-Ajruport qabel). Minn perspettiva ex ante, huwa kompletament żbaljat li wieħed jitkellem minn “żbalji” meta jsir riferiment għal informazzjoni ex post. Minn dan isegwi wkoll li l-allegazzjoni tal-appellanti li tali “korrezzjoni” għandha ssir jekk l-“iżball” ikun fid-data tal-konċessjonant tal-għajnuna hija irrilevanti u fi kwalunkwe każ ineffettiva.

    129.

    Naqbel mal-Kummissjoni li, kieku wieħed kellu jsegwi l-argumentazzjoni tal-appellanti, l-ammont ta’ għajnuna jista’ jiġi “kkoreġut” abbażi ta’ data ex post ukoll għad-detriment tal-benefiċjarju. F’dan is-sens, fil-punt 421 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ipprovdiet ċerti eżempji ta’ żviluppi fortuwiti li jistgħu jirriżultaw f’varjazzjoni tal-ammont tal-għajnuna, iżda ma introduċietx rekwiżit li tali żviluppi għandhom ikunu lil hinn mill-kontroll tal-konċessjonant tal-għajnuna.

    130.

    It-tieni, kuntrarjament għall-argumenti tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali indirizzat korrettament is-sitwazzjoni fejn l-Awstrija setgħet temenda l-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fir-rigward tal-ħlasijiet lill-benefiċjarju li fil-fatt ma kinux saru. Kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-punt 422 tas-sentenza appellata, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni, l-Awstrija kienet sostniet, li ċertu ftehim li jipprovdi għajnuna effettivament ma kienx daħal fis-seħħ peress li kien ġie ssostitwit bi ftehim ieħor. Madankollu, l-Awstrija ma pproduċiet l-ebda prova biex issostni din id-dikjarazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni inkludiet il-ftehim ikkontestat fil-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna iżda ppermettiet lill-Awstrija taġġusta l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata fi stadju iktar tard, suġġett għal prova li għandha tiġi pprovduta mill-Awstrija. Dan huwa spjegat fil-punti 422 u 426 tas-sentenza appellata. Huwa importanti li wieħed jinnota li kwalunkwe aġġustament bħal dan għandu jkun ibbażat fuq prova li kienet teżisti fiż-żmien meta ġew konklużi l-ftehimiet inkwistjoni.

    131.

    Importanti jiġi osservat illi l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-ebda dispożizzjoni tad-dritt [tal-Unjoni] ma tobbliga lill-Kummissjoni, meta tordna l-irkupru tal-għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, li tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi informazzjoni li tippermetti lill-benefiċjarju jasal hu stess, mingħajr diffikultà żejda, għal dak l-ammont” ( 44 ).

    132.

    Dan huwa l-prinċipju li fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 415 tas-sentenza appellata u applikat għal din il-kawża fil-punti 422 sa 426 tagħha.

    133.

    L-appellanti jsostnu li kemm il-kawża Larko kif ukoll il-kawża Freistaat Thüringen ( 45 ), invokati mill-Qorti Ġenerali (u mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata), kienu jikkonċernaw garanziji u dawn is-sentenzi ma jinkludux il-prinċipju li mhux biss l-eżistenza ta’ għajnuna iżda l-ammont ta’ din l-għajnuna għandhom jiġu evalwati fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti fil-mument tal-għoti tagħha. Dan huwa allegatament konvenjenti għall-Kummissjoni peress li l-garanziji huma probabbilment l-uniku tip ta’ miżura ta’ għajnuna fejn id-distinzjoni bejn l-għotja u l-ħlas hija inqas ċara. Dan huwa dovut għall-fatt li l-ebda forniment attiv ta’ fondi jew servizzi ma huwa meħtieġ mill-garanti wara l-għoti ta’ garanzija u matul il-validità tal-garanzija.

    134.

    L-ewwel, l-allegazzjonijiet tal-appellanti huma żbaljati. Fil-fatt, mill-punt 113 tas-sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li din tikkonċerna kemm l-eżistenza ta’ għajnuna kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

    135.

    It-tieni, ma nqisx li ċ-ċirkustanza inkwistjoni fil-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet waħedhom huma biżżejjed sabiex din il-ġurisprudenza ma tiġix applikata f’dan il-każ ( 46 ).

    136.

    Fil-fatt, l-għajnuna f’dan il-każ ma kinitx tikkostitwixxi trasferimenti sempliċi “pur” ta’ somom ta’ flus, mingħajr kumpens mill-ġdid, li l-ammonti tagħhom setgħu jiġu ddeterminati direttament. Minflok, huma kienu jikkostitwixxu diversi arranġamenti kuntrattwali kumplessi li permezz tagħhom l-ajruport (u għalhekk l-awtoritajiet pubbliċi) aċċettaw in fine li jġarrbu spejjeż – li operatur f’ekonomija tas-suq ma kienx jaċċetta li jġarrab – sa fejn dawn “ħallsu żżejjed” għas-servizzi rċevuti jew irrinunzjaw għal ċerti imposti (jew tariffi) dovuti.

    137.

    Għalhekk, inqis li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li dawn l-ammonti kellhom jiġu kkalkolati, kif indikat fil-premessa 563 tad-deċiżjoni kkontestata, “bl-użu tal-parti negattiva tal-fluss inkrementali previst (dħul nieqes l-ispejjeż) fil-mument tal-konklużjoni tat-tranżazzjoni”.

    138.

    Fil-fatt, huwa preċiżament f’dak il-mument li l-impenn tar-riżorsi tal-Istat f’dan il-każ ikkristallizzat u li għandu, għalhekk, jintuża għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-vantaġġ li minnu bbenefikaw l-appellanti u in fine l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

    139.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

    140.

    Fl-aħħar nett, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix l-analiżi fil-konklużjonijiet tiegħi li dan l-aggravju huwa ineffettiv, inqis li dan l-aggravju għandu fi kwalunkwe każ jiġi miċħud bħala infondat.

    141.

    Fil-fatt, għalkemm il-vokabularju użat fil-punti kkontestati tas-sentenza appellata jista’ jitqies li xi kultant ivarja, jidhirli li mill-qari globali ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkontestatx il-fatt li l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mħallsa kontra l-liġi huwa intiż li jreġġa’ kollox lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tagħha, sabiex tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti mill-għajnuna illegali ( 47 ).

    142.

    Barra minn hekk, id-distinzjoni li l-appellanti jfittxu li jagħmlu bejn l-għoti tal-għajnuna u l-ħlas tagħha tidher li hija debboli meta dak li huwa inkwistjoni ma huwiex skema ta’ għajnuna iżda għajnuna individwali.

    143.

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, infondat.

    144.

    Peress li l-aggravji kollha huma infondati, jeħtieġ li l-appell jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

    IV. Konklużjoni

    145.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2016 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.24221(2011/C) (ex 2011/NN) implimentata mill-Awstrija għall-ajruport ta’ Klagenfurt, Ryanair u linji tal-ajru oħra li jużaw l-ajruport (ĠU 2018, L 107, p. 1; iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    ( 3 ) Ippublikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑3 ta’ Awwissu 2012 (ĠU 2012, C 233, p. 28).

    ( 4 ) Sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja (C‑243/04 P, mhux ippublikata, EU:C:2005:238, punt 30 (dwar id-dispożizzjonijiet ekwivalenti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali preċendenti).

    ( 5 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020, BP vs FRA (C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 41). Hawnhekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita s-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja (C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punti 32 u 33).

    ( 6 ) Jiġifieri l-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali preċedenti.

    ( 7 ) C‑243/04 P, mhux ippubblikata, EU:C:2005:238, punti 3233.

    ( 8 ) C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 47.

    ( 9 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2016, (T‑177/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:736, punt 251).

    ( 10 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2020 (C‑669/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:713, punt 44).

    ( 11 ) Sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2019, HX vs Il‑Kunsill (C‑540/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:707, punti 6568).

    ( 12 ) Sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018 (T-651/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:137).

    ( 13 ) Sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018 (T-72/17, EU:T:2018:335).

    ( 14 ) C‑546/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:574, punt 40 sa 43 (iktar ’il quddiem id-“digriet Wilfer vs UASI”).

    ( 15 ) Regolament tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

    ( 16 ) Regolament tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).

    ( 17 ) Ara, fir-rigward tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (li sar l-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589), is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005 Scott vs Il‑Kummissjoni (C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 36).

    ( 18 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punti 6162).

    ( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ April 2003, Département du Loiret vs Il‑Kummissjoni (T‑369/00, EU:T:2003:114, punt 82).

    ( 20 ) Ara, pereżempju, Säcker, F. J., u Montag, F. (eds.), European State Aid Law, Beck, 2016, p. 1613.

    ( 21 ) Ibid. Ara wkoll Lübbig, T. u Martin-Ehlers, A., Beihilfenrecht der EU: das Recht der Wettbewerbsaufsicht über staatliche Beihilfen in der Europäischen Union, 2009, p. 228.

    ( 22 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il‑Kummissjoni (C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 30).

    ( 23 ) Ara l-Artikoli 2(2), 5(1) u (2), li, skont l-Artikolu 12(2), japplikaw għall-informazzjoni mitluba skont dik id-dispożizzjoni.

    ( 24 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

    ( 25 ) Sentenzi tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 23) u tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 68). Din it-taqsima tirrigwarda, fost l-oħrajn, il-każijiet diskussi fil-letteratura legali. Ara Geulette, A., u Scholz, M., Article 18 Requests for Information, fi Prete, L., Laitenberger, J., Gauer, C., u Dekeyser, K. (eds.), Regulation 1/2003 and EU Antitrust Enforcement, Wolters Kluwer, 2022, p. 433 et seq., fejn tiġi kkwotata iktar ġurisprudenza.

    ( 26 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 27 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punti 20, 24 u 25).

    ( 28 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 39).

    ( 29 ) Sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni (C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 19).

    ( 30 ) Regolament tal-Kunsill tas‑6 ta’ Frar 1962 - L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3) li ppreċeda r-Regolament 1/2003.

    ( 31 ) Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1991, SEP vs Il‑Kummissjoni (T-39/90, EU:T:1991:71, punt 29) (appell miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja).

    ( 32 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑15 ta’ Frar 2001, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni (C‑99/98, EU:C:2001:94, punti 45 sa 67).

    ( 33 ) Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 1974 dwar il-perjodi ta’ limitazzjoni fil-proċedimenti u l-infurzar tas-sanzjonijiet taħt ir-regoli tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar it-trasport u l-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Vol. 1, p. 61). Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il‑Kummissjoni (T‑213/00, EU:T:2003:76, punti 484 sa 511) (appell miċħud mill-Qorti Ġenerali).

    ( 34 ) Sentenza appellata, punt 81 (u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 35 ) Sentenza appellata, punt 83.

    ( 36 ) Sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154 punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 37 ) Sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il‑Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo (C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punti 73 sa 75).

    ( 38 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni (C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punti 4344).

    ( 39 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑431/14 P, EU:C:2016:145, punt 32), u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja et (C‑425/19 P, EU:C:2021:154, punt 52).

    ( 40 ) Li huwa mfakkar fil-punt 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 41 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Larko vs Il‑Kummissjoni (C‑244/18 P, EU:C:2020:238, punt 31). Ara wkoll il-punti 28 sa 30) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni”).

    ( 42 ) Sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni, punt 32.

    ( 43 ) Sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni, punt 113.

    ( 44 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2014, Rousse Industry vs Il‑Kummissjoni (C‑271/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:175, punt 77). Ara wkoll, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑441/06, EU:C:2007:616, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 45 ) Sentenza appellata, punt 419 li tirreferi għas-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2005, Freistaat Thüringen vs Il‑Kummissjoni (T-318/00, EU:T:2005:363, punt 125), u s-sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni, punt 113.

    ( 46 ) Ara il-ġurisprudenza ċċitata fis-sentenza Larko vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 28 sa 32).

    ( 47 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2022, Fossil (Gibraltar) (C‑705/20, EU:C:2022:680, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar (C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 131 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    Top