EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0718

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-2 ta’ Marzu 2023.
L.G. vs Krajowa Rada Sądownictwa.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ qorti – Kriterji – Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas‑Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Rinviju għal deċiżjoni preliminari minn kulleġġ ġudikanti li ma huwiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilit minn qabel bil-liġi – Inammissibbiltà.
Kawża C-718/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:150

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑718/21

L.G.

vs

Krajowa Rada Sądownictwa

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura – Possibbiltà għal membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara l-età tal-irtirar – Effetti tad-dikjarazzjoni tar-rieda ta’ membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara din l-età issuġġettata għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità oħra – Effetti tal-qbiż tat-terminu għall-preżentata ta’ tali dikjarazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi, iktar ’il quddiem l-“Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju”) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat minn L.G. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), membru tal-ġudikatura assenjat fis-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K., il-Polonja), kontra r-riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”) li ma jilqax fir-rigward tiegħu l-proċedura ta’ awtorizzazzjoni sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura wara li laħaq l-età tal-irtirar, minħabba l-qbiż tat-terminu għall-preżentata tad-dikjarazzjoni tar-rieda f’dan is-sens.

2.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem, qabel xejn, il-kwistjoni delikata dwar jekk l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju għandhiex in-natura ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-mertu, l-imsemmija talba għal deċiżjoni preliminari essenzjalment tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ rremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li, minn naħa, tissuġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-KRS l-effett tad-dikjarazzjoni tar-rieda ta’ membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara li jkun laħaq l-età tal-irtirar u, min-naħa l-oħra, tipprovdi, għal din id-dikjarazzjoni, terminu assolut ta’ dekadenza.

3.

Il-kawża odjerna taqa’ fl-isfond tal-kuntest tar-riformi riċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka ( 2 ) u tal-ġurisprudenza abbundanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija marbuta magħhom, b’mod partikolari wara rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea ( 3 ) jew wara rinviji għal deċiżjoni preliminari ppreżentati minn qrati Pollakki ( 4 ).

II. Il‑kuntest ġuridiku: id‑dritt Pollakk

A.   Il‑Liġi dwar il‑Qorti Suprema

4.

L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ( 5 ), li, b’mod partikolari, stabbilixxiet l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, tipprovdi fl-Artikolu 26(1) tagħha:

“Jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-[Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju] r-rikorsi straordinarji, it-tilwim fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referenda, il-kwistjonijiet l-oħrajn tad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji [(il-President tal-Kunsill Nazzjonali għar-Radju u t-Televiżjoni, il-Polonja)] jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militarji kif ukoll quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]”.

B.   Il‑Liġi dwar l‑Organizzazzjoni tal‑Qrati Ordinarji

5.

L-Artikolu 69(1) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001, kif emendata, ( 6 ) jipprovdi:

“1.   Il-membri tal-ġudikatura għandhom jirtiraw fil-jum li fih jilħqu l-età ta’ 65 sena, kemm il-darba ma jippreżentawx quddiem il-[KRS], mhux iktar tard minn sitt xhur u mhux qabel tnax-il xahar qabel ma jilħqu l-età ċċitata iktar ’il fuq, dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jippreżentaw ċertifikat, stabbilit fil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati għal membri ordinarji tal-ġudikatura, li jikkonferma li l-istat ta’ saħħithom jippermettilhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom.

[…]

1b.   Il-[KRS] jista’ jawtorizza membru tal-ġudikatura jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, jekk iż-żamma tiegħu f’din il-kariga tkun taqdi interess leġittimu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew interess soċjali importanti, b’kunsiderazzjoni tal-imperattivi tal-użu razzjonali tal-membri tal-persunal tal-qrati ordinarji u tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-volum tax-xogħol tal-qrati differenti. Ir-riżoluzzjoni tal-[KRS] hija definittiva. Meta membru tal-ġudikatura jilħaq l-età prevista fil-paragrafu 1 qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, huwa jibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura.

[…]”

C.   Il‑Liġi dwar il‑KRS

6.

Skont l-Artikolu 42 tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-KRS) tat‑12 ta’ Mejju 2011, kif emendata ( 7 ):

“1.   Ir-riżoluzzjonijiet mogħtija mill-Kunsill f’każijiet individwali għandhom ikunu motivati.

2.   Il-motivazzjoni tar-riżoluzzjoni għandha tiġi stabbilita f’terminu ta’ xahar mill-adozzjoni ta’ din tal-aħħar.

3.   Ir-riżoluzzjonijiet mogħtija f’każijiet individwali għandhom jiġu nnotifikati lill-parteċipanti fil-proċedura, akkumpanjati mill-motivazzjoni tagħhom u minn struzzjonijiet dwar il-modalitajiet għall-kontestazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Suprema.”

7.

L-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS jistabbilixxi:

“Parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li fih jinvoka l-illegalità tar-riżoluzzjoni [tal-KRS], kemm il-darba r-regoli partikolari ma jipprovdux mod ieħor. […]”

III. Il‑tilwima fil‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

8.

Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent ikkomunika lill-KRS id-dikjarazzjoni tar-rieda tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar stabbilita għal 65 sena, li huwa għalaq fit‑12 ta’ Ġunju 2021, konformement mal-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ( 8 ). Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent ippreżenta wkoll, quddiem il-KRS, talba għal dispensa mid-dekadenza billi kien qabeż it-terminu ta’ sitt xhur qabel l-età tal-irtirar għall-preżentata ta’ din id-dikjarazzjoni, prevista f’din id-dispożizzjoni ( 9 ).

9.

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Frar 2022, il-KRS iddikjara l-imsemmija dikjarazzjoni inammissibbli peress li kienet ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur qabel l-età tal-irtirar previst mill-imsemmija dispożizzjoni u adotta riżoluzzjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, li biha għalaq il-proċedura marbuta mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura ( 10 ).

10.

Adita mir-rikorrent b’rikors kontra din ir-riżoluzzjoni ( 11 ), is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), imlaqqa’ bħala awla ta’ stħarriġ straordinarju, li tikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju, tistaqsi jekk l-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jiksirx il-prinċipju ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura, stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn, minn naħa, din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-eżerċizzju tal-kariga ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar għal awtorizzazzjoni min-naħa ta’ awtorità oħra, fatt li jista’ jinfluwenza l-kontenut tas-sentenzi mogħtija mill-membru tal-ġudikatura inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi għad-dekadenza tat-talba għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar f’każ li jinqabeż it-terminu għall-preżentata tagħha, indipendentement mill-effetti tal-irtirar fiċ-ċirkustanzi konkreti, b’mod partikolari fir-rigward tal-interessi tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew l-eżistenza possibbli ta’ interess soċjali importanti.

11.

Kien proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħall-ewwel sentenza tal-Artikolu 69(1b) tal-[Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], li tissuġġetta l-effettività tad-dikjarazzjoni ta’ mħallef dwar ir-rieda li jkompli jokkupa l-kariga ta’ mħallef wara li jilħaq l-età ta’ irtirar għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità oħra?

2)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li skontha dikjarazzjoni tardiva ta’ mħallef dwar ir-rieda li jkompli jokkupa l-kariga ta’ mħallef wara li jilħaq l-età ta’ irtirar hija mingħajr effett irrispettivament miċ-ċirkustanzi ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-terminu u tal-importanza ta’ dan in-nuqqas ta’ osservanza għall-proċeduri li jirrigwardaw l-għoti ta’ awtorizzazzjoni għat-tkomplija fil-kariga ta’ mħallef?”

12.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-KRS, mill-Gvern Pollakk, Daniż u dak Olandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-KRS, il-Gvern Pollakk, Belġjan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali waqt is-seduta għat-trattazzjoni li ġiet organizzata fit‑8 ta’ Novembru 2022. Ir-rikorrent, il-KRS, il-Gvern Belġjan u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-digriet tal-qorti tar-rinviju tat‑3 ta’ Novembru 2022, li permezz tiegħu din tal-aħħar ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet addizzjonali għat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li tikkonċerna b’mod partikolari l-kwalità tagħha ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

IV. Analiżi

A.   Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

1. Fuq id‑dubji mqajma dwar il‑kwalità ta’ “qorti”, fis‑sens tal-Artikolu 267 TFUE, tal‑qorti tar-rinviju

13.

Il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Belġjan u dak Olandiż iqajmu dubji dwar il-klassifikazzjoni tal-qorti tar-rinviju bħala “qorti” fis-sens tal‑Artikolu 267 TFUE.

14.

Fil-fatt, il-membri tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, stabbilita bil-Liġi dwar il-Qorti Suprema, ġew maħtura fil-kariga ta’ membri tal-ġudikatura fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fuq proposta tal-KRS, bir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 tat‑28 ta’ Awwissu 2018 (iktar ’il quddiem ir-“Riżoluzzjoni Nru 331/2018”), fiċ-ċirkustanzi li ġejjin:

din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata mill-KRS f’kompożizzjoni li l-indipendenza tagħha tpoġġiet f’dubju f’diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 );

l-imsemmija riżoluzzjoni kienet is-suġġett ta’ rikors quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) u din tal-aħħar adottat, fis‑27 ta’ Settembru 2018, digriet kawtelatorju li jissospendi l-eżekuzzjoni tagħha;

il-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) stabbilixxiet, essenzjalment, li żewġ kulleġġi ġudikanti tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju komposti minn tliet imħallfin maħtura abbażi tal-istess riżoluzzjoni ma kinux jikkostitwixxu “qrati stabbiliti bil-liġi” fis-sens tal‑Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) ( 13 );

wara l-ħatra tal-membri tal-ġudikatura abbażi tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, din ġiet finalment annullata min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) fil‑21 ta’ Settembru 2021 ( 14 ).

15.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li jkun għaqli, qabel ma nagħti risposta għad-domandi preliminari, li nivverifika jekk l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, sedenti bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, tikkostitwixxix “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex il-ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari tagħha.

2. Fuq il‑prinċipji marbuta mal‑kunċett ta’ “indipendenza” tal‑qorti tar‑rinviju fis‑sens tal‑Artikolu 267 TFUE

16.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tevalwa jekk l-organu ta’ rinviju inkwistjoni għandux in-natura ta’ “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha, bħal, fost l-oħrajn, l-oriġini legali ta’ dan l-organu, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura tiegħu, l-applikazzjoni, mill-organu inkwistjoni, ta’ liġijiet kif ukoll l-indipendenza tiegħu ( 15 ). F’dan il-każ, huwa biss dan l-aħħar imsemmi element, jiġifieri l-indipendenza tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, li qiegħed jitpoġġa f’dubju, billi qiegħed jiġi kkunsidrat bħala prima facie evidenti – u fi kwalunkwe każ bħala mhux ikkontestat – li dan l-organu jissodisfa l-kriterji l-oħrajn iċċitati iktar ’il fuq.

17.

Skont ġurisprudenza bl-istess mod stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit tal-indipendenza tal-qrati, li l-Istati Membri għandhom, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 16 ), jiżguraw l-osservanza tiegħu, fir-rigward tal-qrati nazzjonali li huma msejħa li jagħtu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet marbuta mal-interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jinvolvi żewġ aspetti: l-ewwel wieħed, ta’ natura esterna, li jikkonċerna l-awtonomija tal-istanza ( 17 ) u, t-tieni wieħed, ta’ natura interna, li jikkonċerna l-imparzjalità ( 18 ) tagħha. Dawn il-garanziji tal-awtonomija u tal-imparzjalità, li jikkostitwixxu ż-żewġ faċċati tal-kunċett ta’ “indipendenza”, jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija qorti fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni ( 19 ).

18.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tar-rekwiżit ta’ indipendenza inerenti għall-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fis-sentenza tagħha Getin Noble Bank, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment stabbilixxiet preżunzjoni li skontha qorti nazzjonali bħal, b’mod partikolari, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tissodisfa r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn organu sabiex jiġi kklassifikat bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta tiegħu ( 20 ), filwaqt li speċifikat li, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ma huwiex kompitu tagħha li tivverifika jekk id-deċiżjoni tar-rinviju ġietx adottata konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja ( 21 ). Fl-istess ħin, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din il-preżunzjoni tista’ tiġi kkonfutata, minn naħa, meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-qorti li tikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma għandhiex il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 22 ), jew, min-naħa l-oħra, meta elementi oħrajn, indipendenti mis-sitwazzjoni personali tal-membri tal-ġudikatura li jressqu formalment talba skont l-Artikolu 267 TFUE, jista’ jkollhom riperkussjonijiet fuq il-funzjonament tal-qorti tar-rinviju li fi ħdanha jservu dawn il-membri tal-ġudikatura u għalhekk jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreġudikati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti ( 23 ).

19.

Ġaladarba dan ġie speċifikat, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ indipendenza fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE titlob li jsir eżami differenti minn dak rikjest, rispettivament, fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-għanijiet u tal-funzjonijiet differenti ta’ dawn ir-regoli. Dan l-approċċ, li ġie żviluppat, essenzjalment, minn ċerti Avukati Ġenerali ( 24 ), ma ġiex, sa fejn naf jiena, ikkonfermat fl-intier tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fis-sentenzi tagħha li jikkonċernaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza inerenti għall-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, tkompli tagħmel riferiment għan-neċessità li l-qorti inkwistjoni jkollha l-karatteristiċi ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, “fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” ( 25 ).

20.

Essenzjalment, l-imsemmi approċċ jagħmel distinzjoni bejn il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tat-tliet dispożizzjonijiet inkwistjoni kif ġej:

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li jiżgura li s-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji stabbilita minn kull Stat Membru tiggarantixxi l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni ( 26 ). Għaldaqstant, dan jeħtieġ li jsir eżami ta’ natura “sistematika” tal-karatteristiċi ta’ sistema ġudizzjarja;

l-Artikolu 47 tal-Karta jistabbilixxi d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kull parti fil-kawża li tipprevalixxi ruħha, f’każ partikolari, minn dritt li hija tislet mid-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Għaldaqstant, dan jeħtieġ eżami ta’ natura “prattika” (fuq bażi ta’ każ b’każ) sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ rimedju effettiv fil-każ ineżami ( 28 );

l-Artikolu 267 TFUE jipprevedi kunċett ta’ “qorti” ta’ natura “funzjonali”, sa fejn dan jippermetti li jiġu identifikati l-organi nazzjonali li jistgħu jsiru l-interlokuturi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari ( 29 ). Skont dan il-kunċett ta’ “indipendenza funzjonali”, li jagħmel riferiment prinċipalment għall-assenza ta’ sottomissjoni ġerarkika għall-amministrazzjoni, hija l-funzjoni (u għalhekk l-organu) li għandha tkun indipendenti, irrispettivament mill-fatt li l-membri tal-ġudikatura (bħala persuni) jistgħu jkunu marbuta mas-setgħa eżekuttiva, b’mod partikolari permezz ta’ rabtiet ta’ rikonoxximent (meta jkunu ġew maħtura b’mod “ipprivileġġat”) jew ta’ lealtà (meta dawn jittamaw li jiksbu vantaġġi matul il-karriera tagħhom, bħal promozzjonijiet, prorogi, eċċ.) ( 30 ). Għaldaqstant, dan il-kunċett jirrikjedi eżami ta’ natura “formali”, imwettaq fil-livell tal-organu li għamel id-domanda, u mhux fil-livell tal-persuni li jippresjeduh ( 31 ).

21.

Barra minn hekk, ma huwiex mingħajr rilevanza li jiġi speċifikat li l-evalwazzjoni tal-kunċett, speċifiku ħafna, ta’ “indipendenza” fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE tikkostitwixxi l-aħħar wieħed minn serje ta’ elementi li ma humiex stricto sensu kumulattivi iżda jifformaw parti minn eżami globali u li, fl-intier tagħhom, iwasslu sabiex jiġi konkluż li hemm “qorti” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ( 32 ). Għaldaqstant, l-eżami tan-natura indipendenti tal-qorti jitwettaq fid-dawl ta’ elementi oħrajn, b’tali mod li, fl-opinjoni tiegħi, l-evalwazzjoni tiegħu hija iktar u iktar stretta meta l-preżenza ta’ ċerti elementi oħrajn tkun dubjuża, u vice versa ( 33 ). Barra minn hekk, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha t-tendenza li twettaq tali “eżami tal-indipendenza” l-iktar spiss fir-rigward ta’ korpi li joperaw lil hinn mis-sistema ġudizzjarja nazzjonali klassika – jew li ma humiex ikkunsidrati bħala “qorti” skont id-dritt nazzjonali ( 34 ), filwaqt li mhux dejjem uriet li kienet inklinata li tpoġġi f’dubju n-natura indipendenti ta’ korp li huwa formalment integrat fis-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru inkwistjoni ( 35 ), kif barra minn hekk tikkonferma l-preżunzjoni stabbilita fis-sentenza Getin Noble Bank ( 36 ).

22.

Din l-interpretazzjoni “minimalista” tal-kunċett ta’ “indipendenza” fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE tibbenefika, fl-opinjoni tiegħi, mill-vantaġġ li, minn naħa, ma tinterferixxix eċċessivament mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, fid-dawl tal-importanza ta’ dan il-mekkaniżmu sabiex tiġi ggarantita l-interpretazzjoni uniformi u koerenti tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ) u, min-naħa l-oħra, tippermetti li jinżamm ir-rwol kruċjali tat-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-partijiet fil-kawża. Fil-fatt, hija biss il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-domandi preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE li tippermetti lil dawn tal-aħħar, f’ċerti sitwazzjonijiet, li jipprevalixxu ruħhom mill-protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantita mid-dritt tal-Unjoni ( 38 ). Dan iktar u iktar fiċ-ċirkustanzi tal-każ, fid-dawl tal-inizjattivi numerużi implimentati mil-leġiżlatur Pollakk intiżi, b’mod partikolari, sabiex jipprekludu r-rinviji għal deċiżjoni preliminari ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jirrigwardaw il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati fil-Polonja ( 39 ).

23.

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-funzjoni speċifika tagħha, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ indipendenza ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE ma tippreġudikax l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta. Fi kliem ieħor, ma jistax jiġi eskluż li korp jista’ jikkostitwixxi, bħala prinċipju, “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, indipendentement mill-fatt li elementi tal-kawża, ta’ natura sistemika jew ad hoc, jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li din il-qorti ma tikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 40 ).

24.

Ċertament, jiena konxju mill-fatt li, bħala prinċipju, is-sistema fundamentali ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja ma għandhiex “livelli”, filwaqt li l-approċċ imsemmi iktar ’il fuq, li huwa bbażat fuq il-preżunzjoni stabbilita permezz tas-sentenza Getin Noble Bank, billi tispeċifika l-applikazzjoni, huwa intiż, permezz ta’ interpretazzjoni iktar flessibbli tal-kunċett ta’ “indipendenza” fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, li jippermetti lil qorti nazzjonali, anki fil-preżenza ta’ dubji fir-rigward tal-indipendenza tagħha, li tassumi l-funzjonijiet essenzjali tagħha, billi jiggarantilha l-possibbiltà, minn naħa, li teżamina, bl-għajnuna tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-indipendenza proprja tagħha u, min-naħa l-oħra, li tiżgura liċ-ċittadini tal-Unjoni d-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta jkun hemm ksur tad-drittijiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni.

25.

Issa, ma jkunx, għall-kuntrarju, iktar opportun li jiġi adottat approċċ differenti, li, f’dan il-każ, ikun jimponi limiti fuq l-użu ħażin tal-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv fuq il-ġudikatura fil-Polonja, sa issa ittollerati, u li b’hekk ikun jappoġġja lill-membri tal-ġudikatura Pollakki maħtura taħt is-sistema l-antika fil-mixja tagħhom intiża, f’isem il-prinċipju tal-indipendenza tal-ġudikatura, sabiex ineħħu mill-qrati tal-Unjoni l-“membri l-ġodda tal-ġudikatura” maħtura wara r-riformi riċenti bi ksur ta’ dan il-prinċipju? It-tweġiba ma hijiex faċli. Fi kwalunkwe każ, dan l-approċċ iktar strett ma huwiex mingħajr konsegwenzi: kif irriżulta mis-seduta, madwar wieħed minn kull erba’ membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji u amministrattivi fil-kariga fil-Polonja huwa issa maħtur skont is-sistema l-ġdida. L-imsemmi approċċ jagħlaq b’mod kunsiderevoli l-aċċess għall-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-maġġoranza tal-qrati pollakki, filwaqt li jħallih miftuħ biss għal dawk komposti esklużivament minn membri tal-ġudikatura maħtura taħt is-sistema l-antika. Dan jimplika li l-ġustizzja Pollakka tkun, de facto, imneħħija mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, riżultat li, fl-opinjoni tiegħi, iwassal għal riskju li saħansitra jkun hemm interferenza fuq il-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE ( 41 ).

26.

Bħala konklużjoni, għalkemm, bħala regola ġenerali, skont il-qawl famuż, “iċ-ċoqqa ma tagħmlekx patri”, jiena tal-opinjoni li, b’ċertu livell ta’ approssimazzjoni, fil-kuntest formali u limitat tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, “it-toga tagħmlek imħallef” ( 42 ).

3. Fuq l‑effett tar‑regoli fil‑qasam tal‑ħatra tal‑membri tal-ġudikatura fuq il‑kwalità ta’ “qorti indipendenti”

27.

Wara li ġie evokat u speċifikat il-kuntest ġurisprudenzjali marbut mal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “qorti indipendenti” fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, jeħtieġ jitfakkar li, f’dan il-każ, id-dubji dwar in-natura indipendenti tal-qorti tar-rinviju jaqgħu taħt ir-regoli li jikkonċernaw il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura li jikkomponuha. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġu applikati l-prinċipji stabbiliti fit-taqsima preċedenti fil-kuntest speċifiku tar-regoli marbuta mal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jikkonċernaw l-involviment tal-korpi esterni għall-ġudikatura fil-kuntest ta’ din il-ħatra, f’dan il-każ il-KRS.

28.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li ċ-ċirkustanza li l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom relatata mal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, jagħtu s-setgħa lil korp estern għall-ġudikatura, bħal organu amministrattiv, f’deċiżjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-ħatra jew maż-żamma fil-kariga ta’ membri tal-ġudikatura ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura hekk maħtura ( 43 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sempliċi fatt li l-poter leġiżlattiv jew il-poter eżekuttiv jintervjenu fil-proċess ta’ ħatra ta’ membru tal-ġudikatura ma huwiex tali li joħloq dipendenza ta’ dan tal-aħħar fuqhom u lanqas ma huwa tali li jnissel dubji rigward l-imparzjalità tiegħu, jekk, ladarba maħtura, il-persuna kkonċernata ma tkun suġġetta għal ebda pressjoni u ma tirċevix struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha ( 44 ).

29.

Fl-opinjoni tiegħi, minn dan isegwi li irregolaritajiet possibbli marbuta mal-ħatra tal-membri ta’ kulleġġ ġudikanti jistgħu jċaħħdu korp mill-kwalità ta’ “qorti indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE biss jekk dawn jikkompromettu l-kapaċità stess ta’ tali korp li jiddeċiedi b’mod indipendenti ( 45 ). Għaldaqstant, jekk il-membri ta’ kulleġġ ġudikanti, ġaladarba maħtura, ikollhom il-kompetenzi meħtieġa għall-funzjoni u jkunu mistennija (skont ir-regoli applikabbli) li jadottaw id-deċiżjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa, dan għandu jkun suffiċjenti sabiex tkun issodisfatta l-kwalità ta’ “qorti indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

4. Fuq il‑kwalità ta’ “qorti indipendenti” tal‑qorti tar-rinviju fis‑sens tal‑Artikolu 267 TFUE fiċ‑ċirkustanzi tal‑każ ineżami

30.

L-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju hija kulleġġ ġudikanti partikolari fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tal-aħħar kienet tissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 267 TFUE ( 46 ), il-kulleġġ ġudikanti tagħha bħala Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju inħoloq fil-kuntest tar-riformi riċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka u l-membri tal-ġudikatura assenjati f’dan tal-aħħar ġew maħtura fil-kariga ta’ membri tal-ġudikatura fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-kundizzjonijiet kontroversjali ħafna mfakkra fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

31.

Essenzjalment, id-dubji dwar il-kundizzjoni ta’ indipendenza tal-qorti tar-rinviju huma marbuta mal-involviment indirett tal-poter eżekuttiv fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura li jikkomponuha, li jimmaterjalizza ruħu permezz tal-intervent tal-KRS, li, wara r-riformi riċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, sar “istituzzjoni maħtufa”, ikkontrollata mill-poter eżekuttiv.

32.

Ċertament mhux għaliex nixtieq niġġustifika tali evoluzzjoni leġiżlattiva, li taqa’ fil-kuntest ta’ rigressjoni diżappuntanti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, infakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-involviment ta’ korp estern għall-ġudikatura fil-ħatra tal-membri tal-ġudikatura ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura. Barra minn hekk, ma jirriżulta minn ebda element tal-proċess tal-kawża li hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-membri tal-ġudikatura maħtura fi ħdan il-qorti tar-rinviju wara r-riforma ma humiex adatti sabiex jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom, u lanqas li l-kuntest ġuridiku applikabbli jew l-istatus tagħhom jipprekludihom milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti ( 47 ).

33.

Jeħtieġ ukoll jiġi rrilevat li, skont il-kriterji ta’ evalwazzjoni introdotti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Getin Noble Bank, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tgawdi minn “preżunzjoni ta’ indipendenza”, li tista’ tiġi kkonfutata jew permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata li l-qorti li tikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma għandhiex il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, jew inkella permezz ta’ elementi oħrajn li jippreġudikaw l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija qorti ( 48 ).

34.

Issa, mingħajr il-ħtieġa li nerġa’ lura għall-proposta tiegħi ta’ kwalifika ta’ dan il-prinċipju ( 49 ), jidhirli li, fil-kawża odjerna, qegħdin nittrattaw każ li jmur lil hinn minn każ bħal dan deskritt.

35.

Ċertament, permezz tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja ( 50 ), imsemmija diversi drabi matul il-kawża, il-Qorti EBD iddeċidiet li kulleġġ ġudikanti kompost minn membri tal-ġudikatura tal-istess Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju ( 51 ) ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Madankollu, jiena niddubita li jista’ jkun hemm deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonferma li l-qorti tar-rinviju essenzjalment ma għandhiex il-kwalità ta’ qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, fid-dawl tas-sentenza Getin Noble Bank ( 52 ). Jidhirli li din id-deċiżjoni pjuttost tikkonċerna l-eżami tar-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva li jaqa’ taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB u li, konsegwentement, jista’ jkollha rwol fl-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda mhux neċessarjament f’din tal-Artikolu 267 TFUE ( 53 ).

36.

Għaldaqstant, nikkunsidra li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-proċess, il-qorti tar-rinviju tista’ tiġi kklassifikata bħala “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, sa fejn, indipendentement mill-kontroversji marbuta mal-ħatra tal-membri tagħha, hija, bħala prinċipju, imsejħa li tiddeċiedi l-kawża prinċipali b’awtonomija sħiħa mill-poter eżekuttiv, involut (indirettament) f’din il-ħatra ( 54 ), u b’imparzjalità sħiħa fir-rigward tal-interessi tal-partijiet.

37.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-opinjoni li, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), sedenti f’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet membri tal-ġudikatura li jikkomponu l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, tista’ titqies bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u li, konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula minn dik il-qorti.

B.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

38.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li tissuġġetta għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità oħra, f’dan il-każ il-KRS, il-possibbiltà, għal membru tal-ġudikatura fil-kariga, li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara li jkun laħaq l-età tal-irtirar.

39.

Preliminarjament, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat il-pożizzjoni tagħha diversi drabi dwar l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali (b’mod partikolari dawk Pollakki) li jirregolaw is-sistema ġudizzjarja, inklużi regoli li jikkonċernaw it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-membri tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar ( 55 ).

40.

Fil-punti li ġejjin, sejjer neżamina, sa fejn dan huwa rilevanti għall-kawża odjerna, il-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (1) u l-ġurisprudenza preċedenti dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar (2), qabel ma nipproponi risposta għall-ewwel domanda preliminari (3).

1. Fuq il‑portata tat‑tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE

a) Fuq il‑prinċipju ta’ “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” fl‑oqsma koperti mid‑dritt tal-Unjoni

41.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rimedji ġudizzjarji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, huma l-Istati Membri li għandhom jipprovdu għal sistema ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri li jiżguraw stħarriġ ġudizzjarju effettiv fl-imsemmija oqsma ( 56 ). Barra minn hekk, sa fejn din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għar-rekwiżit ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni hijiex fiha nnifisha applikabbli għall-każ ineżami ( 57 ).

42.

Ġaladarba din id-dispożizzjoni tagħti lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja l-inkarigu li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt ( 58 ), isegwi li din tikkonċerna “[l]-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 59 ).

43.

Fil-kawża odjerna, ma jistax jiġi kkontestat li l-qrati ordinarji Pollakki jistgħu jintalbu jagħtu deċiżjonijiet fuq kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li b’hekk jaqgħu taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 60 ).

b) Fuq il‑prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali bħala korollarju tal‑prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

44.

Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-preżervazzjoni tal-indipendenza tal-istanza hija ta’ importanza kardinali, kif inhu kkonfermat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv ( 61 ).

45.

Kif tfakkar fil-punti 17 u 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali jinkludi l-ewwel aspett li huwa ta’ natura esterna, li jikkonċerna l-awtonomija tal-qorti, u t-tieni aspett li huwa ta’ natura interna, li jikkonċerna l-imparzjalità tagħha, u li tali garanziji ta’ awtonomija u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-qorti, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ tkeċċija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà u tan-newtralità tal-imsemmija qorti ( 62 ).

c) Fuq ir‑rekwiżit ta’ irremovabbiltà tal‑membri tal‑ġudikatura bħala inerenti għall‑prinċipju ta’ indipendenza tal‑qrati

46.

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-indipendenza “esterna” (l-awtonomija) tal-qrati, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-libertà tal-membri tal-ġudikatura fir-rigward ta’ kwalunkwe interventi jew pressjonijiet esterni tirrikjedi ċerti garanziji intiżi li jipproteġu lill-persuna ta’ min għandu l-kompitu li tiddeċiedi, fosthom l-irremovabbiltà ( 63 ).

47.

Il-prinċipju ta’ irremovabbiltà jirrikjedi, b’mod partikolari, li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jibqgħu fil-kariga sakemm jilħqu l-età obbligatorja tal-irtirar jew sa tmiem il-mandat tagħhom meta dan tal-aħħar ikun għal perijodu speċifiku. Minkejja li ma huwiex ta’ natura totalment assoluta, l-imsemmi prinċipju jista’ jiġi suġġett għal eċċezzjonijiet biss sakemm ikun hemm raġunijiet leġittimi u imperattivi li jiġġustifikawhom, u dan fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għalhekk huwa normalment aċċettat li l-membri tal-ġudikatura jkunu jistgħu jitkeċċew jekk ma jkunux jistgħu jkomplu jaqdu l-funzjonijiet tagħhom minħabba inkapaċità jew nuqqas serju, permezz tal-osservanza ta’ proċeduri xierqa ( 64 ).

48.

Dan jgħodd ukoll, fl-opinjoni tiegħi, fir-rigward tar-regoli marbuta mal-possibbiltà taż-żamma tal-membri tal-ġudikatura fil-kariga wara l-età tal-irtirar, li għalhekk huma suġġetti għar-rekwiżiti imposti mill-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura.

2. Fuq il‑ġurisprudenza preċedenti dwar iż‑żamma fil‑kariga tal‑membri tal‑ġudikatura wara l‑età tal‑irtirar

49.

Preliminarjament, infakkar li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Pollakki li jikkonċernaw iż-żamma fil-kariga ta’ membri tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar kienu s-suġġett ta’ żewġ sentenzi riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja:

is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, li tikkonċerna dispożizzjoni ( 65 ) li kienet tagħti lill-President tar-Repubblika l-poter li jawtorizza ż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara l-età tal-irtirar ( 66 );

is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, relatata ma’ verżjoni preċedenti tal-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ( 67 ), li kienet tipprovdi li l-Ministru għall-Ġustizzja seta’ jiddeċiedi li jawtorizza ż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji wara l-età tal-irtirar ( 68 ) u li tidher li hija partikolarment rilevanti għall-kawża odjerna.

50.

F’dawk is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li huwa l-kompitu tal-Istati Membri biss li jiddeċiedu jekk jippermettux jew le estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji lil hinn mill-età normali tal-irtirar u li ċ-ċirkustanza li korpi bħall-President tar-Repubblika (fil-każ tal-estensjoni tal-mandat tal-membri tal-ġudikatura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)) u l-Ministru għall-Ġustizzja (fil-każ tal-estensjoni tal-mandat tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji) għandhom is-setgħa li jiddeċiedu jekk jagħtux jew le tali estensjoni eventwali ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex jiġi konkluż li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ( 69 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-Istati Membri jagħżlu tali mekkaniżmi, huma obbligati li jiżguraw li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li għalihom tkun suġġetta tali estensjoni ma jkunux ta’ natura li jimminaw il-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ( 70 ).

51.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, ta’ dawn il-kundizzjonijiet sostantivi u ta’ dawn il-modalitajiet proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-setgħa li kellhom rispettivament il-President tar-Repubblika u l-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jawtorizzaw jew le t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura kienet ta’ natura li tqajjem dubji leġittimi, b’mod partikolari fil-moħħ tal-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħhom f’relazzjoni mal-interessi li jistgħu jiltaqgħu magħhom ( 71 ).

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment ibbażat din il-konklużjoni fuq iċ-ċirkustanza li d-deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew le t-tkomplija possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura kienu bbażati fuq kriterji vagi wisq u mhux verifikabbli, li barra minn hekk ma kinux motivati u ma setgħux ikunu iktar is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju ( 72 ), u kienu jikkonċernaw is-setgħa tal-Ministru għall-Ġustizzja li jiddeċiedi, mingħajr ma jkun suġġett għal ebda terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba għal estenzjoni ( 73 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-setgħa li kellu l-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jawtorizza jew le it-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji kienet tikser, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ irremovabbiltà, sa fejn kienet ingħatat fil-kuntest iktar ġenerali ta’ riforma li wasslet għal tnaqqis tal-età normali tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni ( 74 ).

53.

Evalwazzjoni kważi identika għal dik tas-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji hija neċessarja fil-kawża odjerna, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aspett li, wara dik is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji wara l-età tal-irtirar, partikolarment billi stabbilixxiet mill-ġdid l-età preċedentement fis-seħħ għall-membri tal-ġudikatura u billi tat lill-KRS, u mhux iktar lill-Ministru għall-Ġustizzja, is-setgħa li jawtorizza, taħt ċerti kundizzjonijiet, iż-żamma fil-kariga ta’ membru tal-ġudikatura wara dik l-età.

3. Fuq l‑evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami

54.

F’dan il-każ, infakkar li l-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprovdi, sa fejn huwa rilevanti għall-kawża ineżami, li l-KRS jista’ jawtorizza lil membru tal-ġudikatura li jkun jixtieq dan, li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara l-età tal-irtirar, jekk iż-żamma fil-funzjonijiet tiegħu tkun taqdi interess leġittimu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew interess soċjali importanti, b’kunsiderazzjoni tal-imperattivi tal-użu razzjonali tal-membri tal-persunal tal-qrati ordinarji u tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-volum tax-xogħol tal-qrati differenti ( 75 ).

55.

Fil-punti li ġejjin, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sejjer nipprovdi indikazzjonijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fiċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna, b’kunsiderazzjoni, minn naħa, tan-natura tal-KRS (a) u, min-naħa l-oħra, tal-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ dan tal-aħħar marbuta maż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura (b).

a) Fuq in‑natura tal‑KRS

56.

Fir-rigward tan-natura tal-KRS, infakkar, preliminarjament, li l-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, f’diversi okkażjonijiet, li, wara r-riformi riċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, dan il-korp ma huwiex indipendenti mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv ( 76 ).

57.

Din il-konklużjoni ġiet ikkonfermata wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB marbuta mal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja ( 77 ), il-Qorti EDB ikkonkludiet li l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju ma kinitx tikkostitwixxi “qorti stabbilita bil-liġi” u li r-Repubblika tal-Polonja kienet għaldaqstant aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, peress li l-membri ta’ dik l-awla kienu inħatru fuq proposta tal-KRS, li ma kienx indipendenti mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv ( 78 ).

58.

Barra minn hekk, l-imsemmija konklużjoni ġiet kondiviża, f’diversi okkażjonijiet, mill-ogħla qrati Pollakki. Fil-fatt, minn naħa, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema), b’sentenzi tas‑6 u tat‑13 ta’ Mejju 2021, ikkonstatat li l-KRS ma kienx joffri garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza u li l-livell tiegħu ta’ dipendenza fuq l-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi kien tant għoli li ma setgħax ikun irrilevanti fl-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-membri tal-ġudikatura magħżulin minnu kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti oġġettivi ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Artikolu 47 tal-Karta. Min-naħa l-oħra, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fir-riżoluzzjoni tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2020, irrilevat ukoll li l-KRS ma kienx korp indipendenti sa fejn huwa direttament issubordinat għall-awtoritajiet politiċi ( 79 ).

59.

Ġaladarba dan ġie speċifikat, jidhirli li, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanza, hi kemm hi diżappuntanti, li korp bħall-KRS jiġi fdat bis-setgħa li jiddeċiedi li jagħti jew li ma jagħtix estensjoni possibbli tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji wara l-età normali tal-irtirar ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura ( 80 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tirrikonoxxi l-kompetenza, bħala prinċipju, tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, taċċetta li dawn tal-aħħar, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jagħtu s-setgħa lil korp estern għall-ġudikatura (jew indipendenti, jew inkella suġġett għall-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv) sabiex jieħu deċiżjonijiet marbuta, b’mod partikolari, mal-ħatra jew maż-żamma fil-kariga ta’ membri tal-ġudikatura ( 81 ).

60.

Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet jkunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati fir-rigward ta’ fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kkonċernati ( 82 ), fatt li sejjer neżamina iktar ’il quddiem.

b) Fuq il‑kundizzjonijiet sostantivi u l‑modalitajiet proċedurali li jirregolaw l‑adozzjoni tad‑deċiżjonijiet ta’ żamma fil-kariga tal‑membri tal‑ġudikatura

61.

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet marbuta maż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar, infakkar li, skont il-verżjoni tal-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji li kienet is-suġġett tas-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji ( 83 ), il-Ministru għall-Ġustizzja seta’ jawtorizza membru tal-ġudikatura jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, “b’teħid inkunsiderazzjoni tal-użu razzjonali tal-persunal tal-qrati ordinarji u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ qrati individwali”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, iddeċidiet li dawn il-kriterji kienu wisq vagi u mhux verifikabbli, u kkritikat ukoll l-assenza ta’ obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ rimedju ġudizzjarju kontra tali deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, ikkritikat l-assenza ta’ terminu mogħti lill-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jieħu d-deċiżjoni tiegħu ( 84 ).

62.

Fl-ewwel lok, fuq il-kundizzjonijiet sostantivi, nirrileva li l-verżjoni tal-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, tipprovdi li l-KRS jista’ jawtorizza lil membru tal-ġudikatura jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, “jekk iż-żamma tiegħu f’din il-kariga tkun taqdi interess leġittimu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew interess soċjali importanti, b’kunsiderazzjoni tal-imperattivi tal-użu razzjonali tal-membri tal-persunal tal-qrati ordinarji u tal-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-volum tax-xogħol tal-qrati differenti”. Meta mqabbla mal-verżjoni preċedenti tagħha, id-dispożizzjoni inkwistjoni għaldaqstant iżżid il-kundizzjoni li ż-żamma fil-kariga tal-membru tal-ġudikatura għandha “taqdi interess leġittimu tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew interess soċjali importanti”.

63.

Madankollu, jiena niddubita kemm din l-ispeċifikazzjoni l-ġdida tipprovdi, lill-kriterji li fuqhom tkun ibbażata r-riżoluzzjoni tal-KRS, speċifikazzjonijiet ta’ natura li tillimita l-marġni ta’ diskrezzjoni li ġiet ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 85 ).

64.

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali, jidhirli, qabelxejn, li, bħal-leġiżlazzjoni preċedenti, ikkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ma tipprovdix għal terminu li fih il-KRS huwa obbligat li jadotta r-riżoluzzjoni tiegħu, u l-Gvern Pollakk sempliċement jispeċifika, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u waqt is-seduta, li, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, meta membru tal-ġudikatura jilħaq l-età tal-irtirar qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, huwa jibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura.

65.

Sussegwentement, jidhirli li, sa fejn l-Artikolu 42(1) u (2) tal-Liġi dwar il-KRS japplika għal tali riżoluzzjonijiet, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dawn tal-aħħar għandhom jiġu motivati f’terminu ta’ xahar mill-adozzjoni tagħhom, aspett li għandu jippermetti, bħala prinċipju, li tiġi indirizzata l-kritika espressa f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti.

66.

Fl-aħħar, kif turi l-kawża prinċipali, ir-riżoluzzjoni tal-KRS, għall-kuntrarju tal-leġiżlazzjoni preċedenti, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors quddiem l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju ( 86 ), li l-indipendenza tagħha madankollu ġiet ikkritikata diversi drabi ( 87 ).

67.

Sabiex nikkonkludi, mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju abbażi tal-indikazzjonijiet preċedenti, niddubita kemm il-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni mill-KRS taż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar joffri garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza mill-poter leġiżlattiv u minn dak eżekuttiv, b’kunsiderazzjoni tal-elementi rilevanti kollha kemm fattwali kif ukoll legali li huma marbuta kemm mal-kundizzjonijiet li fihom il-membri ta’ dan il-korp ġew maħtura kif ukoll mal-mod kif dan tal-aħħar jaqdi r-rwol tiegħu b’mod konkret.

68.

Għaldaqstant jiena nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-effettività tad-dikjarazzjoni tar-rieda ta’ membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità li ntweriet l-assenza ta’ indipendenza tagħha mill-poter leġiżlattiv jew minn dak eżekuttiv u li tagħti d-deċiżjonijiet tagħha abbażi ta’ kriterji vagi u diffiċilment verifikabbli.

C.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

69.

Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, interpretata fis-sens li din tipprovdi għad-dekadenza ta’ dikjarazzjoni tardiva tar-rieda tat-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar, indipendentement miċ-ċirkustanzi u l-effetti tal-inosservanza tat-terminu inkwistjoni.

70.

Infakkar li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn din għandha effett fuq it-tul tal-mandat tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura, li huwa inerenti għall-prinċipju tal-indipendenza tal-qorti fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 88 ).

71.

Barra minn hekk, fl-assenza ta’ regoli ddettaljati fil-livell tal-Unjoni, il-kompatibbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni mal-prinċipju ta’ indipendenza għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji ta’ awtonomija proċedurali u ta’ effettività ( 89 ).

72.

F’dan il-każ, nirrileva, preliminarjament, li dispożizzjoni analoga għal dik inkwistjoni ma ġietx ikkritikata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema ( 90 ) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji ( 91 ).

73.

Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, termini ċari u prevedibbli għad-dikjarazzjoni mill-membru tal-ġudikatura kkonċernat tar-rieda tiegħu li jkompli jokkupa l-pożizzjoni tiegħu wara l-età tal-irtirar jikkostitwixxu rekwiżiti proċedurali oġġettivi li jistgħu jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali u għall-oġġettività tal-proċedura kollha ta’ awtorizzazzjoni tat-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji. Fil-kawża odjerna, nirrileva li t-terminu inkwistjoni, li jibda jiddekorri mill-mument li fih il-membru tal-ġudikatura jilħaq l-età ta’ 64 sena u jiskadi sitt xhur qabel ma jilħaq l-età ta’ 65 sena, minn naħa, huwa stabbilit b’rabta ma’ avveniment perfettament magħruf mill-membru tal-ġudikatura kkonċernat, jiġifieri d-data ta’ meta jagħlaq 65 sena u, min-naħa l-oħra, huwa suffiċjentement twil sabiex jagħti lil dan il-membru tal-ġudikatura l-possibbiltà li jieħu deċiżjoni raġunata dwar l-opportunità li jimmanifesta r-rieda tiegħu li jkompli jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

74.

Għaldaqstant, minn naħa, jiena nqis li l-effett tad-dekadenza ta’ dan it-terminu huwa rekwiżit proċedurali ċar li jista’ jikkontribwixxi għall-oġġettività tal-proċedura u għaċ-ċertezza legali, għall-benefiċċju tal-organizzazzjoni tajba tas-sistema ġudizzjarja.

75.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-impossibbiltà ta’ dikjarazzjoni ta’ dekadenza ta’ dan it-terminu, li twassal għall-inammissibbiltà ta’ kull dikjarazzjoni mwettqa wara l-iskadenza tiegħu, jiena nirrileva li, bħala prinċipju, din tal-aħħar ma tissuġġetta lill-membri tal-ġudikatura għal ebda pressjoni jew influwenza esterna u barra minn hekk, iċċaħħad lill-KRS mill-possibbiltà li jeżerċita setgħa diskrezzjonali.

76.

L-unika dubju li, fl-opinjoni tiegħi, jista’ possibbilment jiġi fformulat fir-rigward tal-Artikolu 69 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jikkonċerna n-natura proporzjonata ta’ terminu ta’ dekadenza assolut li ma jiħux inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ neċessità jew ta’ forza maġġuri, kemm il-darba dan kollu jiġi kkonfermat mill-qorti tar-rinviju.

77.

Madankollu, jidhirli, minn naħa, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, din is-sitwazzjoni tibqa’ waħda ipotetika, sa fejn id-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħmel riferiment għal ebda każ ta’ forza maġġuri u lanqas għal xi element straordinarju li jista’ jipprekludi lill-membru tal-ġudikatura kkonċernat milli jippreżenta d-dikjarazzjoni tiegħu fil-ħin ( 92 ), u, min-naħa l-oħra, li l-okkorrenza possibbli ta’ sitwazzjoni indipendenti mill-volontà tal-membru tal-ġudikatura inkwistjoni li tipprekludih milli josserva t-terminu ta’ dekadenza għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi bbilanċjata mar-rekwiżiti tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja ( 93 ).

78.

Għaldaqstant, b’riżerva għall-verifiki msemmija iktar ’il fuq li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, ma jidhirlix li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża odjerna, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tippreġudika l-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura.

79.

Bħala konklużjoni, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali interpretata fis-sens li d-dikjarazzjoni tardiva minn membru tal-ġudikatura tar-rieda tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-ġudikatura wara li jkun laħaq l-età tal-irtirar ma tipproduċi l-ebda effett, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-inosservanza tat-terminu u tal-importanza li għandha din l-inosservanza għall-proċedura marbuta mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura, kemm il-darba din il-leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

V. Konklużjoni

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) kif ġej:

1) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-effettività tad-dikjarazzjoni tar-rieda ta’ membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-ġudikatura wara l-età tal-irtirar għall-awtorizzazzjoni ta’ awtorità li ntweriet l-assenza ta’ indipendenza tagħha mill-poter leġiżlattiv jew minn dak eżekuttiv u li tagħti d-deċiżjonijiet tagħha abbażi ta’ kriterji vagi u diffiċilment verifikabbli.

2) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali interpretata fis-sens li d-dikjarazzjoni tardiva minn membru tal-ġudikatura tar-rieda tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-ġudikatura wara li jkun laħaq l-età tal-irtirar ma tipproduċi l-ebda effett, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-inosservanza tat-terminu u tal-importanza li għandha din l-inosservanza għall-proċedura marbuta mal-għoti ta’ awtorizzazzjoni ta’ tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura, kemm il-darba din il-leġiżlazzjoni tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) B’mod partikolari, ir-riformi riċenti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fir-rigward tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, u tal-KRS.

( 3 ) Ara s-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal‑Qorti Suprema) (C‑619/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, EU:C:2019:531); tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qrati Ordinarji) (C‑192/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, EU:C:2019:924), u tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema Dixxiplinari tal-Membri tal-Ġudikatura) (C‑791/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza tas-Sistema Dixxiplinari tal-Membri tal-Ġudikatura, EU:C:2021:596). Ir-raba’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa attwalment pendenti (Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21) u huwa s-suġġett tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins tal‑15 ta’ Diċembru 2022 (EU:C:2022:991).

( 4 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.K., EU:C:2019:982); tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234); tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ Membri tal-Ġudikatura fil-Qorti Suprema – Azzjoni ġudizzjarja) (C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A.B., EU:C:2021:153); tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza W.Ż., EU:C:2021:798); tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931); tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201), kif ukoll tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Getin Noble Bank, EU:C:2022:235). Dawn ir-riformi huma wkoll is-suġġett ta’ diversi kawżi pendenti, fosthom il-kawżi magħquda YP et (Tneħħija tal-Immunità u Sospensjoni ta’ Membru tal-Ġudikatura) (C‑615/20 u C‑671/20) kif ukoll G. et (Ħatra ta’ Membri tal-Ġudikatura fil-Qrati Ordinarji fil-Polonja) (C‑181/21 u C‑269/21), li kienu s-suġġett tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins (EU:C:2022:986 u EU:C:2022:990 rispettivament).

( 5 ) Dz. U. tal‑2018, dispożizzjoni 5.

( 6 ) Test kkodifikat, Dz. U. tal‑2020, dispożizzjoni 2072.

( 7 ) Test ikkodifikat, Dz. U. tal‑2021, dispożizzjoni 269.

( 8 ) Id-dikjarazzjoni inkwistjoni, trażmessa mill-President tas-Sąd Okręgowy w K. (il-Qorti Reġjonali ta’ K.), kienet akkumpanjata minn ċertifikati mediċi, psikoloġiċi u ta’ adegwatezza, kif ukoll tal-kompetenzi psikoloġiċi, meħtieġa mil-leġiżlazzjoni rilevanti.

( 9 ) F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-inosservanza ta’ dan it-terminu kienet iġġustifikata mill-volum tax-xogħol marbut mal-attivitajiet ġudizzjarji pendenti tiegħu.

( 10 ) Din ir-riżoluzzjoni ġiet adottata wara proposta li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni mogħtija minn panel maħtur b’mod ad hoc mill-President tal-KRS, fl-assenza ta’ opinjoni mill-Ministru għall-Ġustizzja, li ġie informat b’din il-ħatra.

( 11 ) Ir-rikorrent ressaq ukoll talba għas-sospensjoni tal-effetti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, li ntlaqgħet b’digriet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tad‑29 ta’ April 2021.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi A.K. (punti 136 sa 145), A.B. (punti 130 u 131) u s-sentenza tas-Sistema Dixxiplinari tal-Membri tal-Ġudikatura (punti 100 sa 108). Din kienet il-kompożizzjoni li tirriżulta mil-Liġi dwar il-KRS, kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, dispożizzjoni 3).

( 13 ) Is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819). L-evalwazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 min-naħa tal-Qorti EDB kienet ukoll is-suġġett tas-sentenza W.Ż. (punti 134 sa 154).

( 14 ) Dawn iċ-ċirkustanzi huma kkontestati ħafna, tant li l-qorti tar-rinviju, fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha, esprimiet, bħall-KRS u l-Gvern Pollakk, diversi kritiki, b’mod partikolari dwar l-interpretazzjoni tad-digriet kawtelatorju u tas-sentenza tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva) mill-ġurisprudenza tal-Unjoni u tal-Qorti EDB.

( 15 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Getin Noble Bank (punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, diversi drabi, li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali li jikkonkretizza l-valur tal-istat tad-dritt, ikkonfermat fl-Artikolu 2 TUE, u tinterpreta b’mod regolari l-imsemmija dispożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) li, min-naħa tiegħu, jikkonferma dan il-prinċipju ġenerali, kif jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li huwa stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 3235, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 17 ) Dan l-aspett essenzjalment jirrikjedi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, b’tali mod li għalhekk tkun protetta mill-interventi jew mill-pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom (ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-membri tal-ġudikatura u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom ta’ membri tal-ġudikatura għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretti li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati, u għalhekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara s-sentenza W.Ż., punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 18 ) Dan l-aspett essenzjalment jikkonċerna d-distanza ugwali fil-konfront tal-partijiet fit-tilwima u tal-interessi rispettivi tagħhom fid-dawl tas-suġġett ta’ din tal-aħħar u jeżiġi l-osservanza tal-oġġettività u l-assenza ta’ kull interess fl-eżitu tat-tilwima għajr l-applikazzjoni stretta tad-dispożizzjoni legali (ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Ara s-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata), u W.Ż. (punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, dawn iż-żewġ rekwiżiti ta’ awtonomija u ta’ imparzjalità għandhom jiżguraw il-fiduċja li kull qorti għandha tispira lill-partijiet fil-kawża f’soċjetà demokratika, billi tibbaża ruħha (fuq kollox fir-rigward tal-imparzjalità) fuq it-“teorija tal-apparenza ta’ indipendenza” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A.K. (punti 127 sa 129)), kif ukoll, f’dawk li huma kummentarji, Krajewski, M., Ziółkowski, M., “EU judicial independence decentralized: A.K.”, Common market law review, 2020, Vol. 57, Nru 4, p. 1123, u Pappalardo, F., Renoud, E., “La théorie des apparences, les juges et l’État de droit en Pologne”, Revue des affaires européennes, 2021, Nru 3, p. 667.

( 20 ) Is-sentenza Getin Noble Bank (punt 69). Inkwistjoni kien hemm ukoll, f’dik il-kawża, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għalkemm f’formazzjoni ta’ membru tal-ġudikatura wieħed. F’dan il-każ, l-att tal-ħatra ta’ dan il-membru tal-ġudikatura, tal‑10 ta’ Ottubru 2018, kien ġie adottat f’ċirkustanzi identiċi għal dawk li kienu s-suġġett tas-sentenza W.Ż. Dan l-att kien ibbażat fuq ir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018, li l-eżekuzzjoni tagħha kienet ġiet sospiża b’digriet tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll is-sentenza W.Ż., punti 32 sa 34)).

( 21 ) Ara s-sentenza Getin Noble Bank (punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Getin Noble Bank (punti 68 sa 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Getin Noble Bank (punt 75). F’dak il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement rrilevat li, ġaladarba ma kellhiex konjizzjoni tal-fatt li l-qorti li tikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju kienet is-suġġett ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, l-eventwali difetti li setgħu vvizzjaw il-proċedura nazzjonali ta’ ħatra tiegħu ma setgħux iwasslu għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari (punt 73 ta’ dik is-sentenza). Fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Mejju 2022, W. J. (Bidla tar-residenza abitwali tal-kreditur ta’ manteniment) (C‑644/20, EU:C:2022:371, punt 52), il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, essenzjalment, li l-provi li jistgħu jikkonfutaw il-preżunzjoni inkwistjoni għandhom ikunu konkreti u preċiżi.

( 24 ) Skont l-Avukat Ġenerali Bobek, għalkemm jeżisti prinċipju wieħed biss ta’ indipendenza tal-ġudikatura fid-dritt tal-Unjoni, madankollu, sa fejn dawn it-tliet dispożizzjonijiet ivarjaw fir-rigward tal-funzjonijiet tagħhom u tal-għan tagħhom, it-tip ta’ eżami li għandu jitwettaq sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġudikatura jista’ jvarja, b’mod partikolari fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ tal-osservanza tal-imsemmi prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-limitu li jippermetti li jiġi nnotat ksur ta’ dan tal-aħħar (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 36). Preċedentement, l-Avukat Ġenerali Wahl essenzjalment kien iddefenda interpretazzjoni inqas stretta tal-kwalità ta’ korp indipendenti fil-kuntest tal-kunċett ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE minn dak tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punti 48 sa 51).

( 25 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Getin Noble Bank (punt 72). F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu speċifikat li l-preżunzjoni li skontha l-qorti nazzjonali li minnha titressaq talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa, b’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ indipendenza (ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet) tapplika “biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE” u li “ma jistax jiġi dedott li l-kundizzjonijiet għall-ħatra tal-imħallfin li jifformaw il-qorti tar-rinviju neċessarjament jippermettu li jiġu ssodisfatti l-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta” (sentenza Getin Noble Bank, punt 74; ara wkoll is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Perfumesco.pl, C‑355/21, EU:C:2022:791, punt 33).

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 52).

( 27 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 52). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll, f’dan ir-rigward, li għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi l-obbligu tal-Istati Membri stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jistabbilixxu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44). F’dawk li huma kummentarji, ara, b’mod partikolari, Wildemeersch, J., “L’avènement de l’article 47 de la Charte des droits fondamentaux et de l’article 19, paragraphe 1, second alinéa, TUE: un droit renouvelé à la protection juridictionnelle effective”, Cahiers de droit européen, 2021, Nru 3, p. 867.

( 28 ) Madankollu, dan ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tuża l-Artikolu 47 tal-Karta bħala parametru sabiex tevalwa l-indipendenza tal-qrati fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punt 54).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punti 48, 50 sa 5265). Dan l-Avukat Ġenerali speċifika li l-evalwazzjoni tal-indipendenza, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, teżiġi li l-kunċett ta’ “qorti” jiġi eżaminat fil-livell strutturali u istituzzjonali u li jkun ibbażat fuq analiżi tal-korp ġudizzjarju tar-rinviju bħala tali, b’kunsiderazzjoni wkoll għall-funzjoni li dan il-korp għandu jeżerċita fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et, C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 52, 56166, u fil-kawża Ministerstwo Sprawiedliwości, C‑55/20, EU:C:2021:500, punt 56).

( 30 ) Fi kliem ieħor, l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward ma għandhiex l-għan li tivverifika jekk il-persuni li jappartjenu għall-qorti u huma sedenti fil-kulleġġ ġudikanti li ressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari jissodisfawx, kull waħda minnhom, il-kriterji inkwistjoni, iżda hija bbażata fuq il-korp tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 47). Għaldaqstant, dak li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tivverifika jekk l-organu tar-rinviju huwiex strutturalment indipendenti mill-partijiet fit-tilwima (indipendenza “interna”) u ma jirċevix direttivi esterni minn setgħat pubbliċi oħrajn (indipendenza “esterna”) huwa l-kuntest ġuridiku formali (punt 63).

( 32 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Fil-kummentarji, ġie kkonstatat li l-ħtieġa li jkun hemm dawn l-elementi mhux dejjem titqies bħala indispensabbli (ara Pertek, J., “Notion de juridiction : le droit au renvoi préjudiciel des organes ordinaux des professions libérales”, Revue des affaires européennes, 2022, Nru 1, p. 127).

( 34 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C‑110/98 sa C‑147/98, EU:C:2000:145, punt 40), dwar korpi kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ lmenti ekonomiċi-amministrattivi, li l-membri tagħhom kienu maħtura minn fost l-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet u mneħħija b’deċiżjoni tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Finanzi; tad‑29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:651, punt 18), dwar korp mogħti s-setgħa li jittratta kawżi fiskali lokali fil-Belġju, li l-membri tiegħu kienu maħtura mill-kunsill tar-Reġjun ta’ Bruxelles-Capitale; tal‑21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C‑385/09, EU:C:2010:627, punti 34 sa 40), li tirrigwarda korp responsabbli sabiex jeżamina rikorsi ta’ persuni taxxabbli fil-qasam fiskali, marbuta mal-istruttura organizzazzjonali tal-Ministeru għall-Finanzi, li kellu jippreparalu rapporti annwali u li miegħu kellu l-obbligu li jikkoopera; tat‑22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management (C‑136/11, EU:C:2012:740, punt 28), dwar korp kompetenti sabiex jiddeċiedi tilwim marbut mas-swieq ferrovjarji fl-Awstrija, li l-maġġoranza tal-membri tiegħu kienu maħtura mill-Gvern, kif ukoll tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801, punt 18), marbuta ma’ korp kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza ta’ tilwim bejn operaturi ekonomiċi u awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tas-swieq pubbliċi. F’dawk li huma kummentarji, ara Krajewski, M., u Ziółkowski, M., “EU judicial independence decentralized: A.K.”, Common market law review, 2020, Vol. 57, Nru 4, p. 1118.

( 35 ) Fir-rigward, pereżempju, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2021, FORMAT Urządzenia i Montaże Przemysłowe (C‑879/19, EU:C:2021:409); tat‑8 ta’ Lulju 2021, Koleje Mazowieckie (C‑120/20, EU:C:2021:553), W.Ż. (dwar l-Awla Ċivili); tal‑21 ta’ Ottubru 2021, Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie (C‑866/19, EU:C:2021:865), u tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201) (Awla tax-Xogħol u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja tat risposta lill-qorti tar-rinviju mingħajr ma stħarrġet dwar il-kwalità tagħha ta’ korp indipendenti.

( 36 ) Barra minn hekk, għalkemm il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħatra, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu fir-rigward tal-impermeabbiltà u n-newtralità ta’ din l-istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja, għal żmien twil, ikkunsidrat li ma kienx il-kompitu tagħha, fil-kuntest tal-eżami tal-kwalità ta’ “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, li tinferixxi li dawn ir-regoli jiġu applikati b’mod li jmur kontra l-prinċipji stabbiliti fl-ordinament ġuridiku nazzjonali jew dawk tal-Istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger, C‑103/97, EU:C:1999:52, punt 24, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Getin Noble Bank, C‑132/20, EU:C:2021:557, punt 62).

( 37 ) Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tippermetti lill-qorti tar-rinviju tissodisfa l-obbligu impost fuq kull qorti li tivverifika jekk, bil-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxix qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, meta jqum dubju serju dwar dan il-punt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Réexamen Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll id-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:593, punt 164).

( 38 ) Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Wahl, applikazzjoni stretta żżejjed tal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji skont l-Artikolu 267 TFUE toħloq ir-riskju li jkun hemm effett oppost għal dak li tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-individwi u li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali konformement mal-Artikolu 6 tal-KEDB u mal-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn l-individwi jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jkollhom l-“imħallef naturali” tagħhom (il-Qorti tal-Ġustizzja) li jisma’ t-talbiet tagħhom ibbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, bil-konsegwenza li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni fl-Unjoni Ewropea tiddgħajjef (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawżi magħquda Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punt 49). Kif ġie osservat fil-kummentarji, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, it-tħassib essenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja kien li tapplika mhux il-kriterji fuq il-mertu li jikkonċernaw l-indipendenza, iżda pjuttost il-kriterju funzjonali li jikkonsisti fit-twessiegħ tal-aċċess għall-proċedura għal deċiżjoni preliminari, bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-drittijiet tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tagħhom (ara Tridimas, Τ., “Knocking on Heaven’s Door: Fragmentation, Efficiency and Defiance in the Preliminary Reference Procedure”, Common market law review, 2003, Vol. 40, Nru 1, p. 28, kif ukoll Bonelli, M., Monica, C., “Judicial serendipity: How Portuguese judges came to the rescue of the Polish judiciary”, European constitutional law review, 2018, Vol. 14, Nru 3, p. 622).

( 39 ) Din il-konstatazzjoni twettqet b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha A.B. (punt 100).

( 40 ) Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, inqis li jeħtieġ li tiġi kkwalifikata l-espressjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Getin Noble Bank (punt 72), fil-formulazzjoni tal-ewwel ipoteżi li fiha l-preżunzjoni ta’ “qorti” tista’ tiġi kkonfutata. Fil-fatt, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għal “deċiżjoni ġudizzjarja definittiva […] [li] twassal sabiex jitqies li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta” (korsiv miżjud minni), jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li l-eżami tal-prinċipju ta’ indipendenza fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE ma jikkonċidix neċessarjament mal-istess eżami bħal dak imwettaq fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jew tal-Artikolu 47 tal-Karta.

( 41 ) Nosserva, barra minn hekk li, anki fil-kuntest tal-proċedura partikolari msemmija fl-Artikolu 7 TUE, meta l-Kunsill jiddeċiedi li jissospendi uħud mid-drittijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għall-Istat Membru kkonċernat, huwa jieħu inkunsiderazzjoni konsegwenzi li jista’ jkollha tali sospensjoni fuq id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

( 42 ) Il-kelma “toga” għandha tinftiehem, f’dan il-każ speċifiku, bħala l-funzjoni.

( 43 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 5556), li tikkonċerna l-involviment tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, kompost fil-maġġoranza tiegħu minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv, fil-proċess tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, kif ukoll is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punt 111) u s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 119), relatati mas-setgħat rispettivi tal-President tar-Repubblika li jiddeċiedi dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-Ministru għall-Ġustizzja li jiddeċiedi dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tad-dritt ordinarju. Sejjer neżamina dan l-aspett f’iktar dettall fir-rigward tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’mod partikolari, il-punti 56 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) B’mod simili għal dak li pproponejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2021:1019, punti 4647), jidhirli li huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn ir-regoli sostantivi marbuta mal-kapaċità u mal-kompetenzi mal-membri tal-ġudikatura li jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom u dawk marbuta ma’ aspetti purament formali ta’ dik il-ħatra (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232, punt 79).

( 46 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) CE:ECHR:2021:1108JUD004986819.

( 51 ) Il-KRS speċifika, waqt is-seduta, li membru tal-ġudikatura wieħed minn kull tlieta li jikkomponu l-qorti tar-rinviju kien sedenti f’kulleġġ ġudikanti li kien is-suġġett ta’ dik is-sentenza.

( 52 ) Ara l-punt 72 ta’ dik is-sentenza.

( 53 ) Ara l-punti 19 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 66 sa 69). Fil-kawża prinċipali, l-involviment tal-poter eżekuttiv huwa vverifikat mill-fatt li, wara r-riformi riċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, il-membri tal-KRS li adottaw ir-Riżoluzzjoni Nru 331/2018 huma, fil-maġġoranza tagħhom, viċin għall-poter eżekuttiv u dak leġiżlattiv Pollakk.

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, dwar iż-żamma fil-kariga tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji.

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, titlaq mill-premessa li skontha, sabiex jiġu ggarantiti l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, inkluż permezz tal-mekkaniżmu fundamentali tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, u b’kunsiderazzjoni tad-dritt tal-partijiet fil-kawża li jikkontestaw b’mod ġudizzjarju l-legalità ta’ kull att nazzjonali marbut mal-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ att tal-Unjoni, l-Artikolu 19 TUE, li jikkonkretizza l-valur tal-istat tad-dritt ikkonfermat fl-Artikolu 2 TUE, jafda lill-qrati nazzjonali u lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-inkarigu li jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja li l-partijiet fil-kawża jisiltu minn dan id-dritt (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punti 42 sa 47).

( 57 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tas-sentenzi ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 34 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont id-dispożizzjoni inkwistjoni, kull Stat Membru għandu b’mod partikolari jiżgura li l-istanzi li, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, fuq l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara s-sentenza W.Ż., punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza W.Ż. (punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għalkemm, kif isostni l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma obbligati li josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura (ara s-sentenza W.Ż., punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 104) u W.Ż. (punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 61 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 41) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-qosor, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati nazzjonali, li huwa inerenti għall-kompitu ta’ għoti ta’ deċiżjoni, jifforma parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li huma ta’ importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari tal-valur tal-istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll W.Ż., punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Skont it-teorija msejħa tal-“apparenza tal-indipendenza” (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 63 ) Ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 65 ) Din kienet l-Artikolu 37 tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, dispożizzjoni 5).

( 66 ) Jiġifieri, għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba, sa mill-età ta’ 65 sena. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet is-suġġett ta’ dik il-kawża kienet tipprovdi wkoll dispożizzjoni li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-età tal-irtirar (minn 70 għal 65 sena), li kienet is-suġġett ta’ oġġezzjoni separata tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ kundanna min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-perspettiva tal-ksur tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-membri tal-ġudikatura (ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punt 96).

( 67 ) Din kienet, skont is-sentenza inkwistjoni, il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni fis-seħħ wara emendi mwettqa mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tat‑12 ta’ Lulju 2017 (Dz. U. tal‑2017, dispożizzjoni 1452).

( 68 ) Jiġifieri, mill-età ta’ 60 sa 70 sena għan-nisa, u mill-età ta’ 65 sa 70 sena għall-irġiel. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija s-suġġett ta’ din il-kawża kienet tipprovdi wkoll dispożizzjoni li tikkonsisti fit-tnaqqis tal-età tal-irtirar (minn 67 għal 60 sena għan-nisa u għal 65 sena għall-irġiel), li, madankollu, ma kinitx is-suġġett ta’ ilment separat mill-Kummissjoni.

( 69 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punt 111) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 119).

( 70 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punti 110 u 111) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punti 118 u 119).

( 71 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punt 118) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 124).

( 72 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punt 114) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 122). Barra minn hekk, fl-ewwel kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm il-parteċipazzjoni tal-KRS fil-proċedura, sa fejn dan huwa mitlub jagħti opinjoni lill-President tar-Repubblika qabel ma dan jadotta d-deċiżjoni tiegħu, setgħet, bħala prinċipju, tkun ta’ natura li tikkontribwixxi għall-oġġettivazzjoni tal-proċess, dan ma kienx il-każ fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, billi l-KRS, b’mod ġenerali, sempliċement jagħti opinjonijiet mingħajr l-ebda motivazzjoni jew li jkunu akkumpanjati minn motivazzjoni purament formali (ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punti 115 sa 117).

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 123). Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ terminu li matulu l-Ministru għall-Ġustizzja kellu jieħu deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li d-dispożizzjoni inkwistjoni, ikkunsidrata flimkien ma’ dik li kienet tipprovdi li, meta membru tal-ġudikatura jilħaq l-età normali tal-irtirar qabel it-tmiem tal-proċedura intiża sabiex testendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha, il-persuna kkonċernata tibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura, kienet ta’ natura li ttawwal il-perijodu ta’ inċertezza li jkun jinsab fih l-membru tal-ġudikatura kkonċernat u kkonkludiet li t-tul tal-perijodu li matulu l-membri tal-ġudikatura b’hekk ikunu suxxettibbli li jibqgħu jistennew id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja ġaladarba tkun intalbet l-estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, jaqa’ huwa wkoll fid-diskrezzjoni ta’ dan tal-aħħar.

( 74 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punti 125 sa 130). Fil-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, kienet il-kombinazzjoni tal-miżura tat-tnaqqis tal-età normali tal-irtirar u tas-setgħa diskrezzjonali li f’dan il-każ kienet fdata f’idejn il-Ministru għall-Ġustizzja bl-għan li jawtorizza jew jirrifjuta t-tkomplija tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ membru tal-ġudikatura fil-qrati ordinarji li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kienet tikser il-prinċipju ta’ irremovabbiltà.

( 75 ) Skont l-Artikolu 69(1) ta’ din il-liġi, iż-żamma tal-membru tal-ġudikatura fil-funzjonijiet tiegħu hija wkoll suġġetta għall-produzzjoni ta’ ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati għall-membri ordinarji tal-ġudikatura, li jikkonferma li l-istat ta’ saħħtu jippermettilu li jippresjedi, kundizzjoni li, madankollu, bħala prinċipju, ma tqajjimx problemi fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn dan tal-aħħar huwa intiż biss li jiżgura li l-istat fiżiku u psikoloġiku tal-membri tal-ġudikatura jippermettilu jibqa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

( 76 ) Ara s-sentenza A.K. (punti 141 sa 152), is-sentenza A.B. (punti 130 sa 135), is-sentenza tas-Sistema Dixxiplinari tal-Membri tal-ġudikatura (punti 104 sa 110), u s-sentenza W.Ż. (punti 149 u 150). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li kważi l-membri kollha li jikkomponu l-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu ġew maħtura mill-poter eżekuttiv u minn dak leġiżlattiv jew huma membri ta’ dawn il-poteri, ċirkustanza li tagħti lok għal riskju msaħħaħ ta’ influwenza ta’ dan il-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv fuq il-KRS, u ta’ ksur tal-indipendenza ta’ dan il-korp (ara s-sentenza tas-Sistema Dixxiplinari tal-Membri tal-Ġudikatura, punt 104).

( 77 ) CE:ECHR:2021:1108JUD004986819 (punti 290, 320 u 353 sa 355). Fl-istess sens, ara l-Qorti EDB, tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 274 u 276).

( 78 ) Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Marzu 2022, Grzęda vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2022:0315JUD004357218, punt 348), il-Qorti EDB iddeċidiet li r-Repubblika tal-Polonja kienet kisret ukoll l-Artikolu 6(1) tal-KEDB billi temmet qabel iż-żmien il-mandat ta’ membru tal-ġudikatura tal-KRS meta dan tal-aħħar ma kellux aċċess għal stħarriġ ġudizzjarju tal-miżura. F’dan il-kuntest, il-Qorti EDB ikkonstatat li r-riformi Pollakki tas-sistema ġudizzjarja, b’mod partikolari l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-KRS, kienu intiżi li jdgħajfu l-indipendenza tal-ġudikatura u li, għaldaqstant, il-ġudikatura sabet ruħha esposta għal indħil mill-poter eżekuttiv u minn dak leġiżlattiv u, konsegwentement, iddgħajfet b’mod kunsiderevoli.

( 79 ) Kawża BSA I‑4110‑1/20. Permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, adottata fuq l-inizjattiva tal-ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara s-sentenza A.K., l-awli magħquda tad-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikkonkludew li, wara r-riforma tiegħu li saret matul is-sena 2017, il-KRS ma kienx indipendenti u li kulleġġ ġudikanti li kien jinkludi fih persuna maħtura bħala membru tal-ġudikatura fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ dan tal-aħħar kien imur kontra l-liġi. L-imsemmija riżoluzzjoni ttieħdet ukoll inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fis-sentenza tal-Qorti EBD tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punti 89 sa 106).

( 80 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li korp, bħal kunsill nazzjonali tal-ġudikatura, involut fil-proċess tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jkun, fil-maġġoranza tiegħu, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma tistax, waħedha, twassal għal dubju dwar l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura maħtura fi tmiem l-imsemmi proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen,C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 5556). Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija koerenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li stabbilixxiet li lanqas is-setgħat tal-President tar-Repubblika, minn naħa, li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-mandat tal-membri tal-ġudikatura tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-Ministru għall-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-mandat tal-membri tal-ġudikatura tal-qrati ordinarji (fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni preċedenti) ma kienu suffiċjenti, waħedhom, sabiex jiġi konkluż li jeżisti ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema, punti 108 u 110, u s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji, punt 119).

( 81 ) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward hija konformi ma’ dik tal-Qorti EDB, li skontha, essenzjalment, il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura minn awtoritajiet li jaqgħu taħt is-setgħa eżekuttiva ma tqajjimx dubji raġonevoli dwar l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar, kemm il-darba dawn tal-aħħar, ġaladarba maħtura, ikunu ħielsa minn influwenzi jew pressjonijiet meta jeżerċitaw ir-rwol deċiżjonali tagħhom (ara, b’mod partikolari, il-Qorti EDB, Henryk Urban u Ryszard Urban vs Il‑Polonja, 30 ta’ Novembru 2010, CE:ECHR:2010:1130JUD002361408, punt 49).

( 82 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Indipendenza tal-Qorti Suprema (punti 108 u 110) u tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punt 119).

( 83 ) Ara wkoll, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 84 ) Ara s-sentenza tal-Indipendenza tal-Qrati Ordinarji (punti 122 u 123).

( 85 ) Jeħtieġ, naturalment, li tiġi evalwata l-portata tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali b’kont meħud tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata), liema evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-eżistenza possibbli ta’ linja ta’ ġurisprudenza tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju, evokata mill-Gvern Pollakk, li allegatament tispjega l-applikazzjoni tal-imsemmija kriterji.

( 86 ) Kif ġie speċifikat mill-Gvern Pollakk waqt is-seduta u mingħajr preġudizzju għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, dan jirriżulta mill-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS, li skontu, essenzjalment, parteċipant fil-proċedura jista’ jippreżenta rikors quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra r-riżoluzzjoni tal-KRS, u mill-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju sabiex tisma’ dan it-tip ta’ rikors. Madankollu jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emendi magħmula għal din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, dispożizzjoni 190), li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. L-imsemmija dispożizzjoni, kif emendata, hija s-suġġett ta’ rikors tal-Kummissjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (Kawża C‑204/01), attwalment pendenti (ara d-digriet tal-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21 R, EU:C:2021:593, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Collins fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑204/21, EU:C:2022:991).

( 87 ) Nagħmel riferiment għall-kritiki dwar l-assenza ta’ indipendenza tal-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju imqajma minn ċerti intervenjenti fil-kuntest tad-diskussjoni dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE (ara, b’mod partikolari, il-punti 30 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet), filwaqt li nfakkar li l-evalwazzjoni tal-indipendenza ta’ qorti fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE tirrikjedi eżami differenti minn dak rikjest fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara l-punti 19 sa 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 88 ) Ara l-punti 44 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 89 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Randstad Italia (C‑497/20, EU:C:2021:1037, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li huma l-Istati Membri biss li għandhom jiddeċiedu jekk jawtorizzawx jew le estensjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji wara l-età normali tal-irtirar, minkejja li huma obbligati jiżguraw regoli li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li tkun suġġetta għalihom tali estensjoni ma jkunux ta’ natura li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 90 ) Ara l-punt 15 ta’ dik is-sentenza.

( 91 ) Ara l-punt 9 ta’ dik is-sentenza. Jeħtieġ li jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni fis-seħħ dak iż-żmien kienet tipprovdi li d-dikjarazzjoni tar-rieda tal-membru tal-ġudikatura li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tiegħu kellha tintbagħat mhux iktar tard minn sitt xhur qabel ma jilħaq l-età tal-irtirar.

( 92 ) Kif dan ġie rrilevat fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rikorrent isostni li l-inosservanza tat-terminu ta’ dekadenza kienet iġġustifikata, essenzjalment, mill-portata tal-volum ta’ xogħlu.

( 93 ) Infakkar, b’mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, minn naħa, li jista’ jkun hemm deroga mill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni marbuta mat-termini proċedurali biss f’ċirkustanzi assolutament eċċezzjonali, peress li l-applikazzjoni stretta ta’ dawn ir-regoli tissodisfa r-rekwiżit ta’ ċertezza legali u n-neċessità li tiġi evitata kull diskriminazzjoni jew kull trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 1985, Cockerill-Sambre vs Il‑Kummissjoni, 42/85, EU:C:1985:471, punt 10), u, min-naħa l-oħra, li l-kunċetti ta’ forza maġġuri jew ta’ każ fortuwitu jinkludu element oġġettiv, marbut ma’ ċirkustanzi anormali u esterni għall-parti rikorrenti, u element suġġettiv marbut mal-obbligu, ta’ din tal-aħħar, li tħares lilha nnifisha mill-konsegwenzi tal-avveniment anormali billi tadotta miżuri adatti mingħajr ma’ jkollha tidħol għal sagrifiċċji eċċessivi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti għandha tissorvelja sewwa l-iżvolġiment tal-proċedura mibdija u, b’mod partikolari, turi diliġenza sabiex tosserva t-termini previsti (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1994, Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑195/91 P, EU:C:1994:412, punt 32). Pereżempju, jidhirli li huwa evidenti li, f’xi mument, mhux ser ikun iktar possibbli għall-korpi inkarigati mill-amministrazzjoni tal-persunal tal-qrati ordinarji li jiffaċċjaw b’mod effettiv kemm iż-żamma fil-kariga tal-membru tal-ġudikatura, kif ukoll is-sostituzzjoni tiegħu, u li, għaldaqstant, lanqas il-prinċipju ta’ forza maġġuri, li ma huwiex barra minn hekk inkwistjoni fil-kawża odjerna, ma jista’ jiġġustifika l-estensjoni tat-terminu għall-preżentata tat-talba għal żamma fil-kariga sa data qrib wisq il-jum li fih il-persuna kkonċernata tilħaq l-età tal-irtirar.

Top