Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0711

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fit-2 ta’ Marzu 2023.
    XXX u XXX vs État belge, représenté par le Secrétaire d’État à l’Asile et la Migration.
    Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Conseil d'État.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Ammissibbiltà – Sussistenza ta’ interess ġuridiku fil-kawża prinċipali – Obbligu ta’ verifika mill-qorti tar-rinviju.
    Kawżi magħquda C-711/21 u C-712/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:155

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    COLLINS

    ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawżi magħquda C‑711/21 u C‑712/21

    XXX (C‑711/21)

    XXX (C‑712/21)

    vs

    État belge, irrappreżentat mis-Secrétaire d’État à l’Asile et la Migration

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika ta’ immigrazzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 4, 7 u 47 – Direttiva 2008/115/KE – Ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment – Deċiżjoni ta’ ritorn – Bidla fiċ-ċirkustanzi relatati mal-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz wara adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn – Invokazzjoni ta’ bidla fiċ-ċirkustanzi wara għeluq il-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali – L-aħħar mument biex tiġi invokata bidla fiċ-ċirkustanzi – Artikolu 267 TFUE – Persistenza tat-tilwima fil-proċeduri prinċipali – Obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari)

    I. Introduzzjoni

    1.

    Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw żewġ deċiżjonijiet ta’ ritorn li l-awtoritajiet Belġjani adottaw fir-rigward tal-appellanti fil-proċeduri prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), wara ċ-ċaħda tat-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) ( 2 ) jistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kumpatibbiltà tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn mal-Artikoli 4, 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment ( 3 ) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ta’ Ritorn”). F’dak il-kuntest, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ifittex li jaċċerta jekk qorti li tkun qiegħda tistħarreġ il-legalità ta’ dawk id-deċiżjonijiet ta’ ritorn tistax tieħu konjizzjoni ta’ bidliet fil-ħajja tal-familja tar-rikorrenti u/jew l-istat ta’ saħħa li jkunu seħħew wara l-validità tad-deċiżjonijiet biex it-talbiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali jiġu miċħuda jkunu ġew ikkonfermati.

    II. It‑tilwima fil‑proċeduri prinċipali

    A.   Il‑Kawża C‑711/21

    2.

    XXX, ċittadin ta’ pajjiż terz, jidher li wasal il-Belġju fis‑16 ta’ Marzu 2017. Huwa applika lill-awtorità Belġjana rilevanti fl‑24 ta’ Marzu 2017 għal rikonoxximent bħala refuġjat. Fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Persuni Apolidi, il-Belġju) (iktar ’il quddiem iċ-“CGRA”) ċaħad l-applikazzjoni ta’ XXX u rrifjuta wkoll li tingħatalu protezzjoni sussidjarja. Abbażi ta’ dak ir-rifjut, fis‑26 ta’ Lulju 2017, l-awtorità rilevanti ordnat lil XXX biex jitlaq mit-territorju Belġjan.

    3.

    Fil‑21 ta’ Awwissu 2017, XXX appella d-deċiżjoni ta’ CGRA tal‑20 ta’ Lulju 2017 li rrifjutat li tingħatalu protezzjoni internazzjonali quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) (iktar ’il quddiem iċ-“CCE”). Iċ-CCE ċaħad dak l-appell fil‑11 ta’ Jannar 2018.

    4.

    Fl‑24 ta’ Awwissu 2017, XXX appella mid-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2017 li tordnalu jitlaq mill-Belġju quddiem iċ-CCE. Waqt seduta, XXX issottometta dokumenti li jipprovaw bidliet fil-ħajja tal-familja tiegħu u fl-istat ta’ saħħa tiegħu. Permezz ta’ sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2019, iċ-CCE ċaħad l-appell tiegħu. Iċ-CCE ddeċieda li XXX ma setax iktar jikkontesta d-deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2017 li tordnalu jitlaq mill-Belġju peress li s-sentenza tal‑11 ta’ Jannar 2018 li tiċħad l-appell tiegħu mir-rifjut taċ-CGRA li tingħatalu protezzjoni internazzjonali kienet iddeċidiet il-kwistjoni b’mod definittiv. Huwa ħa l-fehma li, meta evalwa l-legalità ta’ ordni li jitlaq mit-territorju Belġjan, huwa ma setax jieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi wara li kienet ingħatat dik l-ordni ( 4 ). Iċ-CCE ddeċieda wkoll li XXX ma setax ikollu suċċess bl-argument tiegħu li l-awtoritajiet ma setgħux jadottaw ordni li teħtieġ li huwa jitlaq mit-territorju waqt li l-appell tiegħu mid-deċiżjoni taċ-CGRA li ma tingħatalux protezzjoni internazzjonali kien għadu pendenti peress li l-appell tiegħu minn dik id-deċiżjoni kien ġie deċiż fil‑11 ta’ Jannar 2018.

    5.

    Fis‑6 ta’ Novembru 2019, ir-rikorrent appella mid-deċiżjoni taċ-CCE tat‑22 ta’ Ottubru 2019 quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jikkunsidra, l-ewwel, li fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan, iċ-CCE għandu, fil-prinċipju, jeżamina dik l-ordni ex tunc. It-tieni, huwa tal-fehma li s-sentenza Gnandi ma tidentifikax biċ-ċar il-mument li fih ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jinvoka bidla fiċ-ċirkustanzi għal dak il-għan u għalhekk ma tiddeċidix dwar jekk qorti tistax tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jseħħu wara deċiżjoni ta’ ritorn tkun ittieħdet ( 5 ). Dan l-approċċ jista’ jkollu implikazzjonijiet sinjifikattivi għall-applikazzjoni tad-Direttiva ta’ Ritorn, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha li jipprovdi li, meta tiġi implimentata dik id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kunsiderazzjoni xierqa, inter alia, tal-ħajja tal-familja u tal-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.

    B.   Il‑Kawża C‑712/21

    6.

    Fid‑29 ta’ Frar 2016, XXX applikat quddiem l-awtorità Belġjana rilevanti għal rikonoxximent bħala refuġjata. Iċ-CGRA ċaħad l-applikazzjoni tagħha fit‑30 ta’ Settembru 2016 u rrifjuta wkoll li jagħtiha protezzjoni sussidjarja. B’riferiment għad-deċiżjoni taċ-CGRA, fis‑6 ta’ Ottubru 2016, l-awtorità Belġjana rilevanti ordnat lil XXX biex titlaq mit-territorju Belġjan.

    7.

    Fit‑28 ta’ Ottubru 2016, XXX appellat mid-deċiżjoni taċ-CGRA tat‑30 ta’ Settembru 2016 quddiem iċ-CCE. Dak l-appell ġie miċħud fid‑19 ta’ Jannar 2017. Fis‑7 ta’ Novembru 2016, XXX appellat mill-ordni tas‑6 ta’ Ottubru 2016 biex titlaq mit-territorju quddiem iċ-CCE. Wara seduta li matulha XXX issottomettiet dokumenti relatati mal-ħajja privata tagħha, f’sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2019 iċ-CCE ċaħad l-appell tagħha mill-ordni għat-tluq mit-territorju. Dik il-qorti segwiet l-istess raġunament kif stabbilit fil-punt 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    8.

    XXX issottomettiet appell quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) mis-sentenza taċ-CCE tat‑22 ta’ Ottubru 2019. Għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li s-sentenza Gnandi ma tiddeterminax sa liema żmien korp li jikkunsidra l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jista’ jieħu inkunsiderazzjoni bidla fiċ-ċirkustanzi li jirrelataw mal-ħajja tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz.

    9.

    Fil-proċeduri prinċipali fil-Kawżi C‑711/21 u C‑712/21, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li l-Artikoli 4 ( 6 ), 7 u 47 tal-Karta u l-Artikolu 5, l-Artikolu 6(6) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva ta’ Ritorn jistgħu jirrikjedu lill-qorti li tkun qiegħda tistħarreġ il-legalità ta’ ordni tat-tluq mit-territorju, adottata wara ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, li tieħu inkunsiderazzjoni bidliet relatati mal-ħajja tal-familja jew l-istat ta’ saħħa ta’ applikant li jkunu ġraw qabel id-data li fiha jseħħ dak l-istħarriġ. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għalhekk issospenda l-proċeduri fiż-żewġ każijiet u għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikoli 4 [ ( 7 )], 7 u 47 tal-[Karta] u l-Artikoli 5, 6(6) u 13 tad-[Direttiva ta’ Ritorn], moqrija fid-dawl tas-sentenza [Gnadi], għandhom jiġu interpretati fis-sens li qorti adita bir-rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ ritorn adottata wara deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata protezzjoni internazzjonali tista’, fl-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni ta’ ritorn, tieħu inkunsiderazzjoni biss bidliet fiċ-ċirkustanzi, ta’ natura li jkollhom effett sinjifikattiv fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 5 [tad-Direttiva ta’ Ritorn] iċċitat iktar ’il fuq, li jkunu seħħew qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ protezzjoni internazzjonali [miċ-CCE]?

    (2)

    Iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva [ta’ Ritorn] iridu jkunu seħħew fiż-żmien meta l-barrani kien qiegħed jirrisjedi illegalment jew kien awtorizzat li jibqa’?”

    III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    10.

    B’deċiżjoni tal‑4 ta’ Jannar 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad il-Kawżi C‑711/21 u C‑712/21 għall-finijiet tal-proċedura orali u bil-miktub, u għas-sentenza.

    11.

    Ir-rikorrenti, il-Gvern Belġjan u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub.

    12.

    L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Belġjan tad‑29 ta’ Marzu 2022 allegaw li ż-żewġ każijiet kienu inammissibbli peress li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fittxet il-qorti tar-rinviju ma kinitx iktar meħtieġa sabiex tippermettilha tagħti sentenza. Fit‑30 ta’ Marzu 2020, l-awtorità rilevanti tat lir-rikorrent fil-Kawża C‑711/21 permess ta’ residenza ( 8 ). Fit‑8 ta’ Marzu 2021, l-awtorità rilevanti tat lir-rikorrent fil-Kawża C‑712/21 permess ta’ residenza validu sat‑18 ta’ Frar 2021, li mbagħad iġedded sat‑18 ta’ Frar 2023 ( 9 ). Il-Gvern Belġjan informa wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja li, fl‑24 ta’ Frar 2022, l-awtorità rilevanti Belġjana ( 10 ) kienet ikkomunikat dawk l-iżviluppi lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

    13.

    Fis‑17 ta’ Ġunju 2022, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja kiteb lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) biex jikkonferma jekk ir-rikorrenti kellhomx id-dritt jirrisjedu fil-Belġju u, jekk iva, jekk xtaqx iżomm it-talbiet għal-deċiżjoni preliminari. Fis‑27 ta’ Ġunju 2022, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkonferma, wara li semgħa l-avukat tar-rikorrenti, li kull wieħed minnhom kien ingħata dritt jirrisjedi l-Belġju. Huwa madankollu xtaq li jżomm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qal li, skont l-avukat tar-rikorrenti, id-dritt tagħhom li jibqgħu l-Belġju huwa temporanju u l-Gvern Belġjan ma rtirax id-deċiżjonijiet ta’ ritorn. L-avukat tar-rikorrenti ssottometta li jekk id-dritt tagħhom li jirrisjedu l-Belġju ma jiġix estiż, il-Gvern Belġjan jista’ jfittex li jerġa’ jattiva l-proċedura ta’ ritorn fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn meħuda fir-rigward tar-rikorrenti.

    14.

    Fid-dawl tar-risposta tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), fis‑6 ta’ Lulju 2022 l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali talbu ( 11 ) lill-Gvern Belġjan jinforma l-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istat kurrenti tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn meħuda fir-rigward tar-rikorrenti jew kwalunkwe deċiżjonijiet ta’ ritorn li setgħu ġew adottati fir-rigward tagħhom. Fil‑15 ta’ Lulju 2022, il-Gvern Belġjan irrisponda billi qal li “l-għoti ta’ permess ta’ residenza huwa inkompatibbli ma’ deċiżjoni ta’ ritorn. Deċiżjoni ta’ ritorn tiġi rtirata bl-applikazzjoni tal-liġi permezz tal-għoti ta’ permess ta’ residenza mingħajr l-ebda ħtieġa li l-awtorità kompetenti tadotta deċiżjoni ġdida ta’ ritorn.” Il-Gvern Belġjan ikkonkluda li, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fuq dak l-istess punt ( 12 ), ir-rikorrenti ma kienx għad fadlilhom interess li jkomplu l-proċeduri biex jannullaw id-deċiżjonijiet ta’ ritorn.

    15.

    Fl‑20 ta’ Lulju 2022, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet ir-risposta tal-Gvern Belġjan tal‑15 ta’ Lulju 2022 lill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). Għal darba oħra staqsiet jekk xtaqx iżomm it-talbiet tiegħu għal deċiżjoni preliminari u, jekk iva, jindika r-raġunijiet tiegħu biex jagħmel dan.

    16.

    Fit‑3 ta’ Awwissu 2022, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qal li fid-dawl tal-pożizzjonijiet diverġenti tal-avukat tar-rikorrenti u l-Gvern Belġjan, ma setax jirtira t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mingħajr ma jisma’ lill-partijiet l-ewwel u jiddeċiedi fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrenti li jżommu l-azzjonijiet ta’ annullament tagħhom. Huwa kompla jindika li l-proċeduri quddiemu kienu sospiżi pendenti r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talbiet tiegħu għal deċiżjoni preliminari. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għalhekk qies li ma kienx f’pożizzjoni li jiddeċiedi dwar l-istat tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn u l-interess ġuridiku tar-rikorrenti fit-tkomplija tal-appelli tagħhom.

    IV. Il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal-Ġustizzja biex twieġeb għad‑domandi magħmula

    17.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali skont l-Artikolu 267 TFUE jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali li dik id-dispożizzjoni tagħmel mandatorja, huwa biss għall-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet tilwima, u li jkollha tassumi responabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, biex tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tippermettilha tagħti sentenza u r-rilevanza tad-domandi li hija tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, huwa ċar kemm mit-test kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE li qorti nazzjonali tista’ ma titlobx deċiżjoni preliminari sakemm ma jkollhiex każ pendenti quddiemha li fih hija tintalab tagħti deċiżjoni li tkun kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax toħroġ opinjonijiet konsultattivi dwar mistoqsijiet ġenerali jew ipotetiċi. Talba għal deċiżjoni preliminari għaldaqstant għandha tkun meħtieġa għar-riżoluzzjoni effettiva tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju ( 13 ).

    18.

    Isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja, fejn xieraq, tista’ teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom qorti nazzjonali tirreferilha każ sabiex tevalwa jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, b’mod partikolari, tiddetermina jekk l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li qiegħda tiġi mfittxija għandhiex xi relazzjoni mal-fatti tal-kawża prinċipali jew l-iskop tagħha sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex imwassla tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi ( 14 ). Jekk jidher li d-domanda mressqa hija manifestament irrilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni ta’ kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddikjara li ma hemm l-ebda ħtieġa li tipproċedi għal sentenza ( 15 ).

    19.

    Il-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li tistabbilixxi djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati u t-tribunal tal-Istati Membri, hija l-qafas tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati. Hija tfittex li tikseb uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’hekk taċċerta, inter alia, il-konsistenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu ( 16 ). L-Artikolu 267 TFUE u s-sistema tad-djalogu u kooperazzjoni ġudizzjarja li jistabbilixxi huwa lex specialis li jesprimi l-prinċipju bażiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE ( 17 ) li jipprovdi li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri huma marbuta li jikkooperaw b’mod leali fit-twettiq ta’ kompiti li jirriżultaw mit-Trattati ( 18 ). Qrati nazzjonali, bħala emanazzjonijiet tal-Istat, huma marbuta minn dak il-prinċipju fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni inkluż il-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). Id-dmir tal-kooperazzjoni leali għandu natura reċiproka kif jidher ċar mit-test tal-Artikolu 4(3) TUE li jirreferi għal “rispett reċiproku sħiħ” bejn l-Unjoni u l-Istati Membri ( 20 ). Fid-diviżjoni tal-funzjonijiet fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja bejn qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenzi preliminari mingħajr, fil-prinċipju, ma teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom il-qrati nazzjonali staqsew id-domandi u tipproponi li tiġi applikata d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni. Il-bqijja huwa biss f’każijiet fejn, jew jidher li l-proċedura skont l-Artikolu 267 TFUE kienet abbużata u kienet invokata sabiex tingħata sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ tilwima falza, jew ikun ovvju li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni sottomessi għall-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux japplikaw għas-soluzzjoni tal-proċeduri li minnhom ikun oriġina r-rinviju għal deċiżjoni preliminari ( 21 ).

    20.

    Fid-dawl tat-talba tal-inammissibbiltà li qajjem il-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u l-korrispondenza bejn il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) u l-Gvern Belġjan, tippersisti inċertezza kunsiderevoli dwar jekk il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandux jieħu r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari inkunsiderazzjoni meta jista’ jasal li jirriżolvi t-tilwim pendenti quddiemu. F’dak ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li l-Gvern Belġjan iċċita fir-risposta tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Lulju 2022 jindika biċ-ċar li sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa għar-riżoluzzjoni effettiva tal-appelli quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) peress li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, is-suġġett ta’ dawk l-appelli, jidhru li tneħħew mill-ordinament ġuridiku Belġjan ( 22 ).

    21.

    Filwaqt li fl-aħħar hija kwistjoni għall-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) biex jiddeċiedi, dik il-qorti, meta għal darba oħra ġiet mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Lulju 2022 biex tindika jekk tixtieqx iżżomm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari u, jekk iva, għala, ma indirizzatx ir-rilevanza tas-sentenza reċenti tagħha, u sempliċement ikkonfermat ix-xewqa tagħha li żżomm dawk it-talbiet mingħajr ma spjegat għala kellhom xi effett fuq ir-riżultat tat-tilwim quddiemha ( 23 ). Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) sempliċement jirreferi għall-ħtieġa li jisma’ l-partijiet qabel jiddeċiedi fuq il-kwistjoni fiċ-ċirkustanzi fejn il-proċeduri quddiemu jinsabu sospiżi.

    22.

    Fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ( 24 ), il-fatt li l-awtorità Belġjana rilevanti kienet informatu li kienet ħarġet permessi ta’ residenza lir-rikorrenti u li dik il-qorti kienet staqsiet lill-avukat tar-rikorrenti diversi drabi fuq il-kwistjoni ( 25 ), ma huwiex ċar għala l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jidher li ma jridx iwieġeb il-mistoqsija kompleta li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzatlu, u għalhekk jassisti lill-Qorti tal-Ġustizzja fit-twettiq tal-kompitu tagħha li taċċerta li, fl-interpretazzjoni tat-Trattati, il-liġi tiġi osservata ( 26 ).

    23.

    Fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Di Donna, l-Avukata Ġenerali Kokott osservat li l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li fih titwettaq il-proċedura tad-deċiżjoni preliminari jeħtieġ li l-qorti tar-rinviju tirrispetta l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja “li hija dik li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi” ( 27 ). Fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Pohotovosť, l-Avukat Ġenerali Wahl qal li “huwa meħtieġ li l-qrati nazzjonali jispjegaw, meta dan ma jirriżultax b’mod ċar mill-proċess, ir-raġunijiet li għalihom huma jqisu li risposta għad-domanda tagħhom tkun neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża. Id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tosserva r-responsabbiltajiet tal-qorti nazzjonali jimplika fl-istess ħin li l-qorti nazzjonali tosserva l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedura għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet reċentement li ma hemmx lok li hija tagħti deċiżjoni fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju, minkejja t-talba li saritilha, żammet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari waqt li naqset milli tieħu pożizzjoni fuq l-effett ta’ żvilupp jew avveniment li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja kellha konoxxenza għal dak li jirrigwarda kemm id-deċiżjoni li tintervjeni fil-kawża prinċipali kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi preliminari għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali” ( 28 ).

    24.

    Jidhirli li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kooperazzjoni, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) seta’ jneħħi s-sospensjoni tal-proċeduri quddiemu, sema’ l-partijiet fuq il-kwistjoni u ddeċieda fuq l-eżistenza tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn magħmula fir-rigward tar-rikorrenti bħala kwistjoni tad-dritt Belġjan. F’dak il-kuntest, hija ġurisprudenza stabbilita li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevjeni l-operat tal-Artikolu 267 TFUE għandha titwarrab ( 29 ). Fuq il-bażi tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-proċeduri preliminari huma prima facie irrilevanti b’tali mod li r-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari jaf ma jkunux meħtieġa sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tirrisolvi t-tilwim quddiemha ( 30 ). Minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti minn meta saru t-talbiet għal deċiżjoni preliminari hemm ukoll riskju ċar li l-Qorti tal-Ġustizzja taħli riżorsi prezzjużi twieġeb dawk id-domandi. Dawn l-osservazzjonijiet huma magħmula mingħajr preġudizzju għad-dritt li għandu l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) li jissottometti talbiet ġodda għal deċiżjoni preliminari ladarba jkun ivverifika li r-risposti għalihom huma meħtieġa għar-riżoluzzjoni effettiva ta’ tilwima quddiemu ( 31 ).

    V. Konklużjoni

    25.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li ma għandhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 267 TFUE sabiex twieġeb id-domanda preliminari tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) imressqa fl‑4 ta’ Novembru 2021.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Datati l‑4 ta’ Novembru 2021.

    ( 3 ) ĠU 2008, L 348, p. 98.

    ( 4 ) B’riferiment għas-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi (C‑181/16, EU:C:2018:465) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Gnandi”).

    ( 5 ) L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ta’ Ritorn jgħid li “L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5”. L-Artikolu 6(6) tagħha jipprovdi li “din id-[d]irettiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta’ soġġorn legali flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f’deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta’ liġi Komunitarja u nazzjonali.”

    ( 6 ) L-Artikolu 4 tal-Karta ma huwiex rilevanti għall-Kawża C‑712/21 peress li r-rikorrenti ma argumentatx li dik id-dispożizzjoni ġiet miksura.

    ( 7 ) Id-domandi preliminari fil-Kawża C‑711/21 u l-Kawża C‑712/21 huma (essenzjalment) identiċi ħlief li fil-Kawża C‑712/21, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ikkunsidra li ma huwiex meħtieġ li ssir domanda preliminari fuq l-Artikolu 4 tal-Karta.

    ( 8 ) Il-permess ta’ residenza inkwistjoni huwa “Carte F”. Huwa validu għal ħames snin.

    ( 9 ) Il-permess ta’ residenza inkwistjoni huwa “Carte A”. Huwa validu għal sena u jista’ jiġġedded.

    ( 10 ) L-Office des étrangers (l-Uffiċċju ta’ Immigrazzjoni Belġjan).

    ( 11 ) Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 12 ) C.E., no254.100 tal‑24 ta’ Ġunju 2022. F’dik is-sentenza l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li peress li permess ta’ residenza kien ingħata lill-appellant, “tali deċiżjoni hija inkompatibbli mal-ordni tat-tluq mit-territorju” u “tikkostitwixxi att kuntrarju għal dan l-aħħar b’tali mod li neħħiet din id-deċiżjoni mill-ordinament ġuridiku. Peress li l-att amministrattiv ikkontestat […] għeb mill-ordinament ġuridiku, id-dispożittiv tas-sentenza appellata ma għadhiex f’pożizzjoni li tagħti lok għal ilment mill-appellant. L-appellant għalhekk ma għadx għandu l-interess ġuridiku meħtieġ f’din l-azzjoni.”

    ( 13 ) Ara s-sentenzi tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 24 sa 26 u l-ġurisprudenza ċċitata); tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 27 sa 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 14 ) Minkejja li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ma kienx konxju li r-rikorrenti kienu fil-pussess ta’ permess ta’ residenza fl‑4 ta’ Novembru 2021, huwa sussegwentement ma informax lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dawk l-iżviluppi minkejja li kien innotifikat bihom fl‑24 ta’ Frar 2022. F’dak il-kuntest, il-punt 26 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019 C 380 p. 1) jgħid, inter alia, li “[il-qorti tar-rinviju] għandha tinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar kull kwistjoni proċedurali li jista’ jkollha impatt fuq [id-deċiżjoni preliminari] […]”

    ( 15 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punt 38). Filwaqt li l-Gvern Belġjan qajjem il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari f’dawn il-proċeduri, huwa ċar mis-sentenza msemmija u mis-sentenza Gnandi (punt 31) li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqajjem il-kwistjoni ta’ ammissibbiltà ta’ tali talbiet ex officio. Skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-qorti tar-rinviju tissospendi l-proċedura quddiemha. Madankollu, l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jipprovdi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ titlob kjarifika mill-qorti tar-rinviju.

    ( 16 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 90).

    ( 17 ) Ara Temple Lang, J., The Development by the Court of Justice of the Duties of Cooperation of National Authorities and Community Institutions Under Article 10 EC, Fordham International Law Journal, 2007, Vol 31, Ħarġa 5, p. 1517. Ara wkoll, Klamert, M., “Article 4 TEU” f’Kellerbauer, M., Klamert, M., u Tomkin, J., (eds), The EU Treaties and the Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Oxford University Press, New York (onlajn), 2019, p. 35‑60.

    ( 18 ) Stati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jaċċertaw sodisfazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattati jew jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huma għandhom jiffaċilitaw il-kisba tal-kompiti tal-Unjoni u joqogħdu lura minn kull miżura li tista’ tipperikola l-kisba tal-għanijiet tal-Unjoni.

    ( 19 ) Skont l-Artikolu 4(3) TUE, qrati ta’ Stati Membri huma obbligati li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-applikazzjoni u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Ara sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovenja (Arkivji tal-BĊE) (C‑316/19, EU:C:2020:1030, punti 119124).

    ( 20 ) Digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88-IMM, EU:C:1990:315, punt 17).

    ( 21 ) Sentenza tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:386, punt 23).

    ( 22 ) Ara C.E., no254.100 tal‑24 ta’ Ġunju 2022. Il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) għandu jivverifika r-rilevanza u l-kontenut ta’ dik il-ġurisprudenza nazzjonali fil-kuntest tat-tilwim fil-proċeduri prinċipali. Jidher li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, il-pożizzjoni tiegħu fuq il-kwistjoni nbidlet reċentement. Ara s-sentenza tal‑15 ta’ April 2021, État belge (Elementi sussegwenti għad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑194/19, EU:C:2021:270, punt 20), li ttrattat proċeduri simili ta’ appell quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat). F’dak il-każ, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) indika, wara talba għall-informazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-appell fil-proċeduri prinċipali jikkontestaw il-legalità ta’ deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni tal-appellant għall-ażil u tordnalu jitlaq mit-territorju Belġjan kellu skop peress li kien jikkonċerna deċiżjoni ġudizzjarja li ma setgħetx titneħħa mill-ordinament ġuridiku minn xi ċirkustanzi fattwali.

    ( 23 ) Ara, b’kuntrast, il-punti 32 u 33 tas-sentenza Gnandi fejn il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) spjega biċ-ċar għala r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet meħtieġa għalih biex jirriżolvi t-tilwima quddiemu u għala xtaq li jżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ara wkoll, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 3031), fejn it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), spjegat li, filwaqt li l-proċeduri quddiemha dwar ir-rifjut li jingħata permess ta’ residenza temporanju kienu ġew riżolti, risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari kienet utli sabiex jirriżolvi kwistjoni pendenti dwar il-kumpens dovut bħala konsegwenza ta’ dak ir-rifjut.

    ( 24 ) Ara C.E., no254.100 tal‑24 ta’ Ġunju 2022.

    ( 25 ) Jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li ma staqsietx l-awtorità Belġjana rilevanti fuq il-kwistjoni.

    ( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-Imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 107).

    ( 27 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:225, punt 22).

    ( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2013:844, punt 29).

    ( 29 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema - Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal domandi mressqa f’tali ċirkustanzi tista’ tirriżulta fil-provvista ta’ opinjoni konsultattiva dwar mistoqsijiet ipotetiċi b’nuqqas ta’ osservanza għall-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE.

    ( 31 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2016, Security Service et (C‑692/15 sa C‑694/15, EU:C:2016:344, punt 30).

    Top