Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0680

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2023.
    UL u SA Royal Antwerp Football Club vs Union royale belge des sociétés de football association ASBL (URBSFA).
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Suq intern – Regoli stabbiliti minn assoċjazzjonijiet sportivi internazzjonali u nazzjonali – Futbol professjonali – Entitajiet irregolati mid-dritt privat b’setgħat regolatorji, ta’ kontroll u ta’ sanzjoni – Regoli li jobbligaw lill-klabbs tal-futbol professjonali jirrikorru għal numru minimu ta’ plejers ‘imrawma lokalment’ – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li tippreġudika l-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittiv – Eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE – Kundizzjonijiet – Artikolu 45 TFUE – Diskriminazzjoni indiretta minħabba n-nazzjonalità – Ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet – Oneru tal-prova.
    Kawża C-680/21.

    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:188

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fid‑9 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

    Kawża C‑680/21

    UL,

    SA Royal Antwerp Football Club

    vs

    Union royale belge des sociétés de football association ASBL,

    parti intervenjenti:

    Union des associations européennes de football (UEFA)

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il‑Belġju))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 45 TFUE – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 165 TFUE – Sport – Regolamenti tal-UEFA u l-federazzjonijiet nazzjonali tal-futbol assoċjati – Plejers imrawma lokalment”

    I. Introduzzjoni

    1.

    It-talba għal deċiżjoni preliminari ineżami, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE, tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri bejn, minn naħa, UL, plejer tal-futbol, u Royal Antwerp Football Club (iktar ’il quddiem “Royal Antwerp”) u, min-naħa l-oħra, l-Union royale belge des sociétés de football association ASBL (l-Assoċjazzjoni Rjali Belġjana tal-Futbol; iktar ’il quddiem l-“URBSFA”) u l-Union des associations européennes de football (l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol; iktar ’il quddiem l-“UEFA”) għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ li ċaħdet rikors għal annullament u għal kumpens ippreżentat minn UL u Royal Antwerp kontra ġabra ta’ regoli adottati mill-URBSFA, mill-UEFA u mill-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol l-oħra li huma membri ta’ din tal-aħħar.

    2.

    Konformement mat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet huma limitati għall-aspett tal-kawża li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema, taħt l-Artikolu 45 TFUE. Ir-regoli inkwistjoni jikkonċernaw dawk li huma magħrufa bħala “plejers imrawma lokalment” (iktar ’il quddiem “PIL”), jiġifieri plejers imħarrġa minn klabb jew fl-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol li minnha jagħmel parti dan il-klabb. Essenzjalment, il-kwistjoni hija jekk l-inklużjoni mandatorja ta’ numru partikolari ta’ PIL fuq lista rilevanti tikkostitwixxix restrizzjoni mhux iġġustifikata għall-moviment liberu tal-ħaddiema skont l-Artikolu 45 TFUE.

    3.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser insostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati huma preklużi (biss) mill-Artikolu 45 TFUE sa fejn dawn japplikaw għal plejers li ma joriġinawx mill-klabb speċifiku inkwistjoni. Ħadd ma jixtieq futbol li ma jagħtix gost ( 2 ) – li hija raġuni għalfejn ċerti restrizzjonijiet għal din id-dispożizzjoni fundamentali jistgħu, fil-fehma tiegħi, jiġu aċċettati.

    II. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

    A. Il‑partijiet fit‑tilwima

    4.

    UL huwa plejer tal-futbol, imwieled fl‑1986, li għandu n-nazzjonalità ta’ pajjiż terz kif ukoll dik Belġjana. Huwa ilu attiv b’mod professjonali fil-Belġju għal diversi snin. Huwa lagħab għal Royal Antwerp, klabb tal-futbol professjonali bbażat fil-Belġju, għal diversi snin u issa qiegħed jilgħab għal klabb ieħor tal-futbol professjonali fil-Belġju.

    5.

    L-UEFA hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Svizzeru li hija bbażata f’Nyon (l-Isvizzera). Hija ġiet stabbilita fl‑1954 bl-għan, inter alia, li tittratta l-kwistjonijiet kollha dwar il-futbol, li twettaq superviżjoni u kontroll tal-iżvilupp tal-futbol taħt kull forma tiegħu kif ukoll li tipprepara u torganizza kompetizzjonijiet u tornej internazzjonali tal-futbol fuq livell Ewropew. Is-sħubija tagħha tikkonsisti minn 55 assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol, fosthom klabbs tal-futbol professjonali. L-organu suprem tagħha huwa l-Kungress, li jiġbor fi ħdanu l-membri kollha tagħha. L-organu eżekuttiv tagħha huwa l-Kumitat Eżekuttiv, li l-membri tiegħu jiġu eletti mill-Kungress, mill-Kampjonati Ewropej (EL), li min-naħa tagħha hija assoċjazzjoni bbażata fl-Isvizzera li tirrappreżenta 37 kampjonat nazzjonali minn 30 Stat differenti, u mill-Association européenne des clubs (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Klabbs (ECA)), li hija korp li jirrappreżenta lill-klabbs tal-futbol.

    6.

    L-URBSFA hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ lukru taħt id-dritt Belġjan li hija rrikonoxxuta mill-Fédération Internationale de football association (il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol ta’ Assoċjazzjoni (FIFA)), mill-UEFA, li hija membru tagħha, u mill-Comité Olympique et Interfédéral Belge (il-Kumitat Olimpiku u Interfederali Belġjan (COIB)). L-għan tagħha huwa li tiżgura l-organizzazzjoni sportiva u amministrattiva tal-futbol professjonali u tad-dilettanti fil-Belġju kif ukoll il-promozzjoni tiegħu.

    B. Id‑dispożizzjonijiet ikkontestati

    1.   UEFA

    7.

    Fit‑2 ta’ Frar 2005, il-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA adotta regoli li jimponu fuq il-klabbs tal-futbol professjonali li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet ta’ bejn il-klabbs tal-UEFA sabiex idaħħlu numru massimu ta’ 25 plejer fil-lista ta’ limitu tad-daqs tal-iskwadra, li min-naħa tagħhom iridu jinkludu numru minimu ta’ PIL. Dawn il-plejers huma ddefiniti mill-UEFA bħala plejers li, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ikunu ġew imħarrġa mill-klabb tagħhom jew minn klabb ieħor tal-istess assoċjazzjoni nazzjonali għal mill-inqas tliet snin bejn l-etajiet ta’ 15 u 21 sena. Fil‑21 ta’ April 2005, ir-regola dwar il-PIL ġiet approvata mit‑52 assoċjazzjoni membru tal-UEFA, inkluża l-URBSFA, fil-Kungress ta’ Tallinn. Mill-istaġun 2008/2009, ir-regolament tal-UEFA impona fuq il-klabbs irreġistrati għal waħda mill-kompetizzjonijiet tagħha biex jinkludu minimu ta’ 8 plejers imrawma lokalment f’lista tal-iskwadra ta’ massimu ta’ 25 plejer. Minn dawn it-tmien plejers, mill-inqas erba’ plejers kellhom jiġu mħarrġa mill-klabb inkwistjoni.

    2.   URBSFA

    8.

    Ir-regoli rilevanti tar-Regolamenti Federali tal-URBSFA jipprevedu li l-klabbs tal-futbol li jipparteċipaw fid-diviżjonijiet tal-futbol professjonali 1A u 1B għandhom jippreżentaw listi li jinkludu lista tal-iskwadra ta’ massimu ta’ 25 plejer, li għandhom jinkludu mill-inqas 8 mħarrġa minn klabbs Belġjani (jiġifieri plejers li kienu affiljati ma’ klabb Belġjan għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ qabel ma jagħlqu 23 sena). Barra minn hekk, mill-inqas tlieta minn dawn it-tmien plejers għandhom ikunu affiljati ma’ klabb Belġjan għal mill-inqas tliet staġuni qabel ma jagħlqu 21 sena ( 3 ).

    9.

    Ulterjorment, fir-rigward tal-listi tal-plejers tal-logħba, il-klabbs għandhom jużaw il-plejers li jidhru fil-listi msemmija iktar ’il fuq u għandhom jinkludu mill-inqas sitt plejers li kienu affiljati għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ qabel ma jagħlqu 23 sena, tnejn minnhom qabel ma jagħlqu 21 sena ( 4 ).

    10.

    Fiż-żewġ każijiet, jekk il-limiti minimi ma jintlaħqux, dawn il-plejers ma jistgħux jiġu ssostitwiti bi plejers li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa.

    C. Il‑kawża prinċipali

    11.

    Fit‑13 ta’ Frar 2020, UL adixxa lill-Cour belge d’arbitrage pour le sport (il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport, il-Belġju) b’rikors intiż, inter alia, għal dikjarazzjoni li r-regoli tal-PIL stabbiliti mill-UEFA u mill-URBSFA kienu illegali minħabba li kisru l-Artikolu 45 TFUE ( 5 ) u għal kumpens relatat mad-dannu kkawżat lil UL. Sussegwentement, Royal Antwerp intervjeniet volontarjament fil-proċedura fejn talbet ukoll il-kumpens għad-dannu kkawżat minn dawn ir-regoli. L-UEFA ma kinitx parti fil-proċedura ta’ arbitraġġ.

    12.

    Permezz ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ mogħtija fl‑10 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport iddeċidiet li dawn it-talbiet kienu inammissibbli sa fejn dawn kienu jirrigwardaw ir-regoli dwar PIL stabbiliti mill-UEFA u ammissibbli iżda infondati sa fejn dawn kienu jirrigwardaw dawk stabbiliti mill-URBSFA.

    13.

    Fir-rigward tar-regoli stabbiliti mill-URBSFA, il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport qieset, essenzjalment, li dawn ma kinux jippreġudikaw il-moviment liberu tal-ħaddiema żgurat mill-Artikolu 45 TFUE minħabba li kienu applikabbli mingħajr distinzjoni, li ma kienu jwasslu għal ebda diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u li, fi kwalunkwe każ, kienu ġġustifikati minn għanijiet leġittimi u ma kinux sproporzjonati fir-rigward tagħhom ( 6 ).

    14.

    Konsegwentement, il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport ċaħdet it-talbiet għal kumpens ta’ UL u ta’ Royal Antwerp.

    15.

    Fl‑1 ta’ Settembru 2020, UL u Royal Antwerp adixxew lit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il‑Belġju) b’rikors għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ minħabba li kienet tmur kontra l-ordni pubbliku, konformement mal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan.

    16.

    Insostenn tal-pretensjonijiet tagħhom, huma jsostnu, essenzjalment, li r-regoli tal-UEFA u tal-URBSFA dwar il-PIL jiksru l-moviment liberu tal-ħaddiema taħt l-Artikolu 45 TFUE peress li dawn ir-regoli jillimitaw kemm il-possibbiltà għal klabb tal-futbol professjonali bħal Royal Antwerp li jirrekluta plejers li ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ għeruq lokali jew nazzjonali stabbiliti minnhom, u li jużahom f’logħba, kif ukoll il-possibbiltà għal plejer bħal UL li jiġi rreklutat u li jintuża f’logħba minn klabb li fir-rigward tiegħu ma jistax jistrieħ fuq tali għeruq.

    17.

    Fid‑9 ta’ Novembru 2021, l-UEFA ppreżentat rikors għal intervent volontarju fil-proċedura, li ġie ddikjarat ammissibbli permezz ta’ sentenza mogħtija fis‑26 ta’ Novembru 2021.

    18.

    Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tinnota, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li ntalbet tannulla kienet ibbażata (i) fuq l-inammissibbiltà parzjali tat-talbiet ta’ UL u ta’ Royal Antwerp u fuq iċ-ċaħda tal-kumplament ta’ dawn it-talbiet bħala infondati u (ii) fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 45 u 101 TFUE, li l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ osservanza tagħhom tista’, jekk ikun il-każ, tikkostitwixxi ksur tal-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 1717 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan, fid-dawl tan-natura tagħhom u tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    19.

    Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tkun tista’ tagħti sentenza, huwa neċessarju li tikseb kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 45 u 101 TFUE. Din il-qorti tistaqsi dwar l-effett restrittiv ta’ dawn ir-regoli fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u fuq il-kompetizzjoni, u jekk dawn humiex iġġustifikati, adegwati, neċessarji u proporzjonati mal-għanijiet imfittxija minnhom. F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tirreferi, inter alia, għal stqarrija għall-istampa ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea u għal studju mwettaq f’isem din l-istituzzjoni, li minnu jirriżulta (i) li dawn ir-regoli għandhom jew jista’ jkollhom effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u (ii) li l-kwistjoni dwar jekk dawn l-effetti humiex proporzjonati mal-benefiċċji limitati ħafna li jirriżultaw minnhom, fid-dawl tal-miżuri alternattivi inqas restrittivi li jidhru possibbli, hija s-suġġett ta’ eżami fid-dettall, b’mod partikolari fil-qafas ta’ proċeduri ta’ ksur imressqa minn din l-istituzzjoni ( 7 ).

    D. Fuq id‑domandi preliminari

    20.

    Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tal‑15 ta’ Ottubru 2021, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Novembru 2021, it-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-pjan dwar il-plejers imrawma lokalment adottat fit‑2 ta’ Frar 2005 mill-Kumitat Eżekuttiv tal-UEFA, approvat mit‑52 assoċjazzjoni membru tal-UEFA fil-Kungress ta’ Tallinn fil‑21 ta’ April 2005 u implimentat permezz ta’ regolamenti adottati kemm mill-UEFA kif ukoll mill-federazzjonijiet membri tagħha?

    (2)

    L-Artikoli 45 u 101 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ regoli dwar l-inklużjoni fil-manifest [skeda] tal-logħba u l-użu fil-logħba ta’ plejers imrawma lokalment, ifformalizzati mill-Artikoli P335.11 u P.1422 tar-Regolament Federali tal-URBSFA u riprodotti fl-Artikoli B4.1[12] tat-Titolu 4 u B6.109 tat-Titolu 6 tar-regolament il-ġdid tal-URBSFA?”

    21.

    Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn UL, Royal Antwerp, l-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Belġjan, Grieg, Pollakk, Portugiż, Rumen u Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni. UL, Royal Antwerp, l-URBSFA, l-UEFA, il-Gvern Pollakk, Rumen u Svediż kif ukoll il-Kummissjoni pparteċipaw fis-seduta, li nżammet fil‑15 ta’ Novembru 2022.

    III. Evalwazzjoni

    22.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà, mad-dritt tal-Unjoni, tar-regoli dwar il-PIL tal-UEFA (l-ewwel domanda) u tal-URBSFA (it-tieni domanda). B’mod kurjuż, b’kuntrast mat-tieni domanda, l-ewwel domanda ma tagħmilx riferiment għall-Artikolu 45 TFUE.

    23.

    Huma dawn il-konklużjonijiet li għandhom jeżaminaw jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli bħal dawk li jinsabu fir-regolament URBSFA inkwistjoni, dwar l-inklużjoni fil-lista tal-plejers tal-logħba u l-użu f’logħba ta’ plejers imrawma lokalment. Peress li l-imsemmi regolament URBSFA huwa bbażat fil-parti l-kbira tiegħu fuq ir-regoli tal-UEFA, ser neżamina wkoll dawn tal-aħħar f’dawn il-konklużjonijiet.

    24.

    Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regoli dwar PIL, kif adottati mill-UEFA u mill-URBSFA.

    A. Ammissibbiltà

    25.

    L-URBSFA ssostni li ż-żewġ domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li ma huma ta’ ebda interess għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u huma ta’ natura ipotetika. Barra minn hekk, hija ssostni li t-tilwima fil-kawża prinċipali għandha dimensjoni purament domestika fid-dawl tan-nazzjonalità ta’ UL, tal-post ta’ stabbiliment ta’ Royal Antwerp u tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-regoli inkwistjoni, peress li l-qorti tar-rinviju hija mitluba biss tagħti deċiżjoni inter partes.

    26.

    L-UEFA tqis li d-domandi preliminari għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli minħabba li l-qorti tar-rinviju ma esponietx b’mod iddettaljat biżżejjed il-kuntest fattwali u ġuridiku li fih hija għamlithom, b’mod partikolari l-identità tad-diversi assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-futbol li introduċew regoli dwar il-PIL u l-kontenut attwali ta’ dawn ir-regoli differenti. Barra minn hekk, din il-qorti ma stabbilixxietx li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija ta’ natura transnazzjonali. Ulterjorment, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ġiet adottata qabel ma nstemgħet il-UEFA, il-preżentazzjoni insuffiċjentement preċiża u ddettaljata tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża kienet ipprekludiet lill-UEFA milli tinvoka d-drittijiet tagħha.

    27.

    Bl-istess mod, il-Gvern Rumen u l-Kummissjoni jaqblu mal-URBSFA u l-UEFA li l-kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE kienet tqajmet fl-assenza ta’ kull element barrani, fis-sens ta’ estern, fil-kawża prinċipali, iżda wkoll ta’ kull indikazzjoni tal-qorti tar-rinviju li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn inerenti għas-soluzzjoni ta’ din il-proċedura minkejja n-natura purament domestika tal-kawża.

    28.

    Filwaqt li nifhem it-tħassib deskritt fil-punti preċedenti ( 8 ), inqis li d-domandi fil-kawża inkwistjoni huma ammissibbli.

    29.

    Il-punt tat-tluq sabiex tiġi evalwata eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ kawża minħabba allegata sitwazzjoni purament domestika huwa s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ullens de Schooten ( 9 ), fejn hija ġabret fil-qosor u kkwalifikat b’mod ċar l-erba’ sitwazzjonijiet li fihom kawżi li joriġinaw minn sitwazzjonijiet purament interni jkunu madankollu ammissibbli għall-għoti ta’ deċiżjoni preliminari. Waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet hija dik fejn ma setax jiġi eskluż li ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħrajn kienu jew setgħu jkunu interessati li jagħmlu użu mil-libertà inkwistjoni biex jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ippromulga l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, konsegwentement, li din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru u għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra tkun tista’ tipproduċi effetti li ma jkunux limitati għal dak l-Istat Membru ( 10 ). F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi eskluż li l-plejers tal-futbol stabbiliti fi Stati Membri oħra jiġu dissważi mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni milli jkollhom aċċess għas-suq Belġjan.

    30.

    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, in casu, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju hija limitata għad-determinazzjoni ta’ jekk l-ordni pubbliku nkisirx permezz tad-deċiżjoni ta’ arbitraġġ. Bħala regola, fl-evalwazzjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju għandha tmur lil hinn mill-fatti speċifiċi ta’ din il-kawża peress li kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku jmorru neċessarjament lil hinn minn każijiet individwali.

    31.

    Ulterjorment, għandu jiġi osservat li s-suġġett ta’ din il-kawża fuq livell nazzjonali ma huwiex tilwima bejn UL u Royal Antwerp, iżda d-dispożizzjonijiet ikkontestati tal-UEFA u tal-URBSFA. Ir-rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ arbitraġġ, pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, ma jikkostitwixxix sitwazzjoni ipotetika. Din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE ( 11 ) mill-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li hija obbligata tistħarreġ il-validità ta’ din l-interpretazzjoni u applikazzjoni sabiex tiddetermina jekk id-deċiżjoni hijiex kuntrarja għall-ordni pubbliku jew le. Għalhekk, l-Artikolu 45 TFUE ġie applikat mill-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport b’mod li jqajjem dubji f’moħħ il-qorti tar-rinviju. La l-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport u lanqas, b’estensjoni, il-qorti tar-rinviju, ma għandhom jevalwaw is-sitwazzjoni speċifika ta’ UL. Pjuttost, UL, sussegwentement appoġġjat minn Royal Antwerp, fittex dikjarazzjoni li r-regoli dwar il-PIL stabbiliti mill-UEFA u mill-URBSFA kienu illegali minħabba li jiksru d-dritt tal-Unjoni. Meta tkun qiegħda tikkunsidra jekk tannullax id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tikkonstata l-assenza ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha l-kompitu li teżamina d-dispożizzjonijiet ikkontestati fl-intier tagħhom u b’mod ġenerali.

    32.

    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-UEFA li hija ma nstemgħetx qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed li jingħad li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk id-deċiżjoni li biha hija ġiet adita tteħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni tal-qrati u ta’ proċedura ġudizzjarja ( 12 ).

    33.

    Konsegwentement, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

    B. Fuq il‑mertu

    34.

    Skont l-Artikolu 45 TFUE, il-moviment liberu tal-ħaddiema għandu jiġi żgurat fi ħdan l-Unjoni.

    35.

    L-attivitajiet sportivi li jifformaw parti mill-ħajja ekonomika jaqgħu taħt il-libertajiet fundamentali tat-Trattat ( 13 ), li jimplika li l-plejers professjonali tal-futbol li jeżerċitaw attività ekonomika għandhom jiġu kklassifikati bħala “ħaddiema” fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE ( 14 ).

    36.

    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ min hu marbut bl-Artikolu 45 TFUE, huwa paċifiku li din id-dispożizzjoni tapplika għal entitajiet privati bħall-UEFA u l-URBSFA li jirregolaw, b’mod kollettiv, l-impjieg ( 15 ).

    1.   Id‑dispożizzjonijiet ikkontestati

    37.

    F’dan l-istadju, inqis li huwa utli li nirrepeti malajr id-dispożizzjonijiet ikkontestati.

    38.

    Taħt ir-regolament tal-UEFA, il-PIL huma ddefiniti bħala plejers li, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, ikunu ġew imħarrġa mill-klabb tagħhom jew minn klabb ieħor tal-istess assoċjazzjoni nazzjonali għal mill-inqas tliet snin bejn l-etajiet ta’ 15 u 21 sena. Barra minn hekk, taħt ir-regolament tal-UEFA, klabbs irreġistrati għal waħda mill-kompetizzjoni tal-UEFA ( 16 ) huma obbligati jinkludu minimu ta’ 8 plejers imrawma lokalment f’lista tal-iskwadra ta’ massimu ta’ 25 plejer. Mill-inqas erbgħa minn dawn il-plejers kellhom jiġu mħarrġa mill-klabb inkwistjoni.

    39.

    Skont ir-regoli tal-URBSFA, il-klabbs irreġistrati għal kompetizzjoni li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-URBSFA għandhom jinkludu minimu ta’ 8 plejers li jkunu lagħbu għall-klabb jew klabb ieħor Belġjan għal mill-inqas tliet staġuni sakemm jagħlqu l-età ta’ 23 sena (3 minn dawn it‑8 sakemm jagħlqu l-età ta’ 21 sena), f’lista tal-iskwadra ta’ massimu ta’ 25 plejer. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-listi tal-plejers tal-logħba, il-klabbs għandhom jirrikorru għal plejers li jidhru fuq din il-lista u għandhom jinkludu mill-inqas sitt plejers li kienu affiljati għal mill-inqas tliet staġuni sħaħ qabel l-età ta’ 23 sena, li minnhom tnejn qabel jagħlqu l-età ta’ 21 sena.

    40.

    Fiż-żewġ każijiet (UEFA u URBSFA), jekk il-limiti minimi ma jintlaħqux, il-plejers ma jkunux jistgħu jiġu ssostitwiti minn plejers oħra li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rilevanti.

    2.   Restrizzjoni

    41.

    Sussegwentement, ser neżamina jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkostitwixxux restrizzjoni għall-Artikolu 45 TFUE.

    42.

    UL u Royal Antwerp kif ukoll il-Kummissjoni ( 17 ) huma tal-fehma li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jaffettwawx biss il-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni, iżda jikkostitwixxu wkoll diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità. B’kuntrast ma’ dan, l-UEFA u l-URBSFA jsostnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati mhux biss japplikaw mingħajr distinzjoni għall-plejers kollha, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, iżda lanqas ma jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-plejers.

    43.

    Insostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jistgħu joħolqu diskriminazzjoni indiretta kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Huwa fatt tal-ħajja li iktar kemm plejer ikun għadu żagħżugħ, iktar huwa probabbli li dan il-plejer jirrisjedi fil-post ta’ oriġini tiegħu ( 18 ). Għaldaqstant, huma neċessarjament plejers minn Stati Membri oħra li ser jiġu affettwati negattivament mid-dispożizzjonijiet ikkontestati.

    44.

    Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu fil-fatt rekwiżit li jista’ jiġi ssodisfatt biss minn dawk li kienu preżenti f’post partikolari. F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li r-regoli nazzjonali li jgħidu li ssir distinzjoni fuq il-bażi tar-residenza x’aktarx joperaw prinċipalment għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, peress li l-persuni mhux residenti huma fil-parti l-kbira tal-każijiet barranin ( 19 ). Bl-istess mod, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li r-rekwiżiti ta’ kwalifika meħtieġa għall-ammissjoni għal ċerti okkupazzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni indirettament diskriminatorja għall-moviment liberu tal-ħaddiema ( 20 ). Ir-regoli dwar il-PIL x’aktarx jillimitaw il-possibbiltajiet għall-plejers li huma ċittadini tal-Unjoni li jitilqu liberament minn klabb fi Stat Membru għal klabb fi Stat Membru ieħor. Minkejja li huma newtrali fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jiffavorixxu l-plejers lokali meta mqabbla mal-plejers ta’ Stati Membri oħra ( 21 ).

    45.

    Fi kwalunkwe każ, anki jekk kellu jitqies li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex indirettament diskriminatorji, quod non, dawn ċertament jikkostitwixxu restrizzjoni (sempliċi) għall-moviment liberu tal-plejers tal-futbol. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regoli li jipprojbixxu lil klabb tal-basketball milli juża plejers minn Stati Membri oħra f’logħob tal-kampjonat nazzjonali, meta t-trasferiment ikun seħħ wara data speċifika, “jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-ħaddiema” ( 22 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

    46.

    Inċidentalment għandu jingħad li sabiex tiġi ddeterminata r-restrizzjoni, id-definizzjoni ta’ PIL adottata mill-UEFA u mill-URBFSA, li tgħid li l-PIL mhux biss huma plejers li ġejjin minn klabb speċifiku, iżda wkoll mill-kampjonat nazzjonali rilevanti, hija irrilevanti. Fiż-żewġ każijiet, 8 plejers ma jistgħux joħorġu minn klabb fi Stat Membru ieħor, filwaqt li 17 jistgħu. Madankollu, id-distinzjoni bejn plejers tal-klabb u plejers tal-istess kampjonat issir rilevanti għad-determinazzjoni tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

    3.   Ġustifikazzjoni

    47.

    Restrizzjoni għall-moviment liberu tal-ħaddiema tista’ tiġi ġġustifikata biss, fl-ewwel lok, jekk isservi waħda mir-raġunijiet ta’ ġustifikazzjoni elenkati fl-Artikolu 45(3) TFUE ( 23 ) jew raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ( 24 ) u, fit-tieni lok, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’tali mod li tkun xierqa sabiex tiżgura, b’mod koerenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 25 ).

    a)   Fuq l‑Artikolu 165 TFUE

    48.

    Fid-dawl tal-fatt li diversi partijiet fil-proċedura jinvokaw l-Artikolu 165 TFUE tul is-sottomissjonijiet tagħhom u b’mod ġeneruż, jixraq li jsiru ftit kummenti dwar din id-dispożizzjoni f’dan l-istadju tal-analiżi legali.

    49.

    L-Artikolu 165 TFUE, li sab ruħu fit-Trattati permezz tat-Trattat ta’ Lisbona ( 26 ), jittratta tliet kwistjonijiet distinti, li madankollu huma marbuta flimkien: l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u l-isport. Huwa strutturat f’erba’ paragrafi. Il-paragrafu 1 jispjega l-għan u l-ħsieb ġenerali tad-dispożizzjoni, jiġifieri li l-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ kwistjonijiet Ewropej tal-isport, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura speċifika tal-isport, tal-istrutturi tiegħu bbażati fuq il-volontarjat kif ukoll il-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu. Il-paragrafu 2 sussegwentement jispeċifika lejn xiex preċiżament hija mmirata l-azzjoni tal-Unjoni – li magħha huwa impossibbli li wieħed ma jaqbilx ( 27 ): l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport, billi tiġi promossa l-ekwità u l-inklużività fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għall-isport, kif ukoll billi tiġi protetta l-integrità fiżika u morali tal-isportivi, b’mod partikolari tal-iżgħar fosthom. Il-paragrafu 3 jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari mal-Kunsill tal-Ewropa ( 28 ). Fl-aħħar nett u b’mod kruċjali, il-paragrafu 4 jippermetti lill-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni ( 29 ), “li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja”, li “jadottaw inċentivi li ma jinkludux l-armonizzazzjoni” ( 30 ), u lill-Kunsill sabiex (waħdu), fuq proposta tal-Kummissjoni, jadotta rakkomandazzjonijiet.

    1) Interpretazzjoni letterali

    50.

    Dan li ġej huwa diġà direttament apparenti mill-formulazzjoni tal-Artikolu 165 TFUE.

    51.

    L-ewwel, din id-dispożizzjoni hija indirizzata lill-Unjoni u mhux lill-Istati Membri jew lil entitajiet pubbliċi oħra, u wisq inqas entitajiet privati. It-tieni, il-formulazzjoni li tintuża (“tikkontribwixxi”, “tinkoraġġixxi”, “tieħu inkunsiderazzjoni”, “l-iżvilupp”, “koperazzjoni”) hija dik li ġeneralment tinsab fid-dritt mhux vinkolanti. It-tielet, l-Artikolu 165 TFUE jkopri kemm l-isports professjonali kif ukoll l-isports għar-rikreazzjoni, kemm jekk jiġu pprattikati fi klabbs jew individwalment ( 31 ). Ir-raba’, anki jekk id-dispożizzjoni tirreferi għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, l-Artikolu 165(4) TFUE ma huwiex bażi legali li jippermetti lill-istituzzjonijiet politiċi jadottaw atti legalment vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE ( 32 ). Għalhekk, l-Artikolu 165(4) TFUE ma huwa xejn ħlief “bażi legali falza” u tipika għal suġġett inkluż fil-qasam tal-politika tal-Unjoni mingħajr ma l-Istati Membri, fil-kapaċità tagħhom ta’ awturi tat-Trattati, ikunu lesti li jagħtu lill-Unjoni kwalunkwe setgħat leġiżlattivi relatati. Inċidentalment, dan l-aspett huwa, diġà rifless fl-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 6(e) TFUE: fil-qasam tal-isport, il-“kompetenza” tal-Unjoni ma hijiex waħda leġiżlattiva iżda hija waħda limitata “li tieħu azzjonijiet sabiex tappoġġa, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjoni ta’ l-Istati Membri” ( 33 ).

    2) Interpretazzjoni sistemika u teleoloġika

    52.

    Fir-rigward tal-Artikolu 165 TFUE fi ħdan l-istruttura tat-Trattat FUE, għandu jiġi nnotat li, peress li jinsab fit-Titolu XII tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE ( 34 ), l-Artikolu 165 TFUE jinsab fost l-oqsma l-oħra kollha tal-politika tal-Unjoni.

    53.

    Minn dan jistgħu jiġu dedotti l-elementi li ġejjin.

    54.

    L-ewwel, l-Artikolu 165 TFUE ma huwiex dispożizzjoni ta’ portata ġenerali fis-sens tat-Titolu II tal-Ewwel Parti tat-Trattat FUE ( 35 ). It-tieni, l-UEFA u l-URBSFA bħala entitajiet privati, sa fejn jirregolaw b’mod kollettiv l-impjieg bi ħlas, la jsegwu u lanqas jimplimentaw politika tal-Unjoni. Tali attività tappartjeni lil-leġiżlatur tal-Unjoni (u lil dawk li jittrasponu, japplikaw u jimplimentaw id-dritt sekondarju). Minflok, l-UEFA u l-URBSFA jippruvaw jinvokaw għan ta’ ordni pubbliku sabiex jiġġustifikaw restrizzjoni ta’ libertà fundamentali. Fir-rigward tal-kawża inkwistjoni, dawn huma funzjonalment paragunabbli mhux ma’ istituzzjoni tal-Unjoni li taġixxi ( 36 ) fuq il-bażi tal-Artikolu 165 TFUE, iżda ma’ Stat Membru li jkun qiegħed jipprova jiġġustifika restrizzjoni għal libertà fundamentali. Fi kliem ieħor, il-każ inkwistjoni huwa wieħed ta’ integrazzjoni negattiva fejn entità għandha l-intenzjoni li tirrestrinġi libertà fundamentali sabiex tippromwovi politika oħra li tqis li hija ta’ importanza superjuri. Din il-politika l-oħra tinzerta taqa’ fil-qasam tal-isport. It-tielet, la l-UEFA u lanqas l-URBSFA ma huma dawk li għandhom jimplimentaw azzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 165 TFUE. Dawn huma korpi privati li jeżerċitaw funzjonijiet ekonomiċi, minbarra funzjonijiet regolatorji. Ir-raba’, l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni huma evidentement liberi li jipproklamaw ( 37 ) – fl-għerf tagħhom – Mudell Sportiv Ewropew fuq il-bażi tal-Artikolu 165 TFUE jew xi mkien ieħor. Dan ma jfissirx, madankollu, li l-funzjonijiet li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jiġu esternalizzati b’mod jew ieħor lill-UEFA jew lill-URBSFA. Il-ħames, l-UEFA u l-URBSFA ma jistgħux jiksbu libertà sħiħa għall-finijiet ta’ restrizzjonijiet għal-libertà fundamentali tal-Artikolu 45 TFUE billi jsir riferiment għall-Artikolu 165 TFUE. Ir-restrizzjonijiet imposti fuq din il-libertà fundamentali minn entitajiet bħall-UEFA u l-URBSFA għandhom jiġu evalwati bħar-restrizzjonijiet l-oħra kollha, skont prinċipji standard.

    3) Effett fuq il‑kawża ineżami

    55.

    Dak kollu li ntqal iktar ’il fuq ma jfissirx li l-valur legali tal-Artikolu 165 TFUE huwa tant limitat ( 38 ) li huwa assolutament ma għandu ebda effett fuq il-kawża inkwistjoni. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija ta’ għajnuna minn żewġ aspetti: l-ewwel, l-identifikazzjoni ta’ raġuni ta’ ġustifikazzjoni għal restrizzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, imsejħa raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku, u, it-tieni, bħala indikazzjoni ta’ dak li huwa aċċettabbli fl-Unjoni kollha fir-rigward tat-twettiq tat-test ta’ proporzjonalità ( 39 ). Barra minn hekk, dan huwa eżattament dak li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-passat ( 40 ).

    b)   Identifikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku

    56.

    L-UEFA u l-URBSFA essenzjalment iressqu żewġ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku: l-inkoraġġiment tat-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ u t-titjib tal-bilanċ kompetittiv bejn timijiet f’kompetizzjonijiet tal-klabbs tal-UEFA u kompetizzjonijiet nazzjonali. Raġuni imperattiva oħra marbuta mal-interessi pubbliċi msemmija hija l-protezzjoni tal-plejers żgħażagħ, sa fejn l-ambjent soċjali u familjari tagħhom għandu jiġi ppreżervat u għandu jiġi evitat li l-edukazzjoni normali tagħhom tiġi sfrattata.

    57.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li tassumi li meta entitajiet bħall-UEFA u l-URBSFA li huma marbuta bl-Artikolu 45 TFUE, ikollhom l-intenzjoni li jinvokaw motivi li jiġġustifikaw restrizzjoni, in-natura pubblika jew privata tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma għandha ebda inċidenza fuq il-portata jew fuq il-kontenut tal-imsemmija ġustifikazzjonijiet ( 41 ).

    58.

    Nista’ naqbel ma’ din id-dikjarazzjoni u nifhem l-interess ġenerali li tinżamm sistema uniformi li tikkonċerna l-Artikolu 45 TFUE, irrispettivament minn jekk ir-restrizzjonijiet ikunux ġejjin minn korpi pubbliċi jew privati. Madankollu, għandu jitqies li – kuntrarjament għal Stat Membru bħala entità pubblika – entitajiet privati bħall-UEFA jew l-URBSFA, konformement mal-għanijiet rispettivi tagħhom, isegwu għanijiet ta’ natura ekonomika ( 42 ). Xi drabi, dawn l-għanijiet jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ għanijiet pubbliċi. Barra minn hekk, l-UEFA u l-URBSFA jeżerċitaw kemm funzjonijiet regolatorji kif ukoll ekonomiċi. Peress li dawn il-funzjonijiet ma humiex separati jistgħu jinqalgħu kunflitti ta’ interess. Fi kliem ieħor, l-UEFA u l-URBSFA ikunu qed jaġixxu b’mod irrazzjonali jekk jippruvaw jissodisfaw għanijiet pubbliċi li jmorru direttament kontra l-interessi kummerċjali tagħhom.

    59.

    Meta l-Istati Membri jippruvaw jiġġustifikaw restrizzjonijiet għal libertà fundamentali, teżisti preżunzjoni li huma jkollhom l-intenzjoni li jfittxu interess pubbliku differenti minn dak tas-suq intern. Dan ma huwiex il-każ għal entità privata u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi segwenti. Hija għal din ir-raġuni li nippreferi t-termini użati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha f’Angonese, fejn hija titkellem dwar “għan leġittimament imfittex” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 43 ), mingħajr ma tippreċiża li tali għan għandu neċessarjament ikun ta’ interess pubbliku. Huwa anki għalhekk li huwa ulterjorment importanti li jiġi eżaminat l-element ta’ interess pubbliku fir-raġunijiet imperattivi invokati mill-UEFA u mill-URBSFA.

    60.

    Fir-rigward tal-isport professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li, fid‑dawl tal‑importanza soċjali kunsiderevoli tal‑attività sportiva u, b’mod iktar partikolari, tal‑futbol, fl‑Unjoni, l‑għan li jiġu inkoraġġuti r‑reklutaġġ u t‑taħriġ ta’ plejers żgħażagħ għandu jiġi rrikonoxxut bħala leġittimu ( 44 ). L-istess jgħodd għall-għan li jinżamm bilanċ bejn il-klabbs billi jiġi ppreżervat ċertu livell ta’ ugwaljanza u ta’ inċertezza fir-rigward tar-riżultati ( 45 ).

    c)   Proporzjonalità

    61.

    Sussegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li għandhom ikunu xierqa sabiex jiżguraw, b’mod konsistenti u sistematiku, it-twettiq tal-għanijiet imfittxija u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li jkun neċessarju sabiex dawn jintlaħqu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova tal-proporzjonalità tar-regoli dwar il-PIL jaqa’ fuq l-UEFA u l-URBSFA.

    62.

    Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja u tas-sottomissjonijiet tad-diversi partijiet, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja hija suffiċjentement informata sabiex tiggwida lill-qorti tar-rinviju rigward l-eżami ta’ proporzjonalità.

    63.

    Ser jintwera li ċerti restrizzjonijiet huma ġġustifikati.

    64.

    Fuq nota ġenerali, kif indikat fid-duttrina ġuridika; “Ir-regoli sportivi għandhom effett ekonomiku. Iżda mingħajr ċerti regoli fundamentali, ma jkunx hemm sport” ( 46 ). Is-swieq speċifiċi tal-isport kompetittiv jistrieħu fuq l-eżistenza ta’ kompetituri. L-assenza ta’ restrizzjonijiet tista’ potenzjalment twassal għal sitwazzjoni fejn klabb wieħed, li kapaċi jixtri l-plejers kollha, ikun f’qagħda fejn, de facto, ma jkunux jistgħu jirbħulu klabbs oħra. Tkun ħasra jekk, pereżempju, Wisła Kraków tkun f’pożizzjoni li tiddomina l-kampjonat Pollakk kollu. Il-“logħba sabiħa” titlef parti mill-attrazzjoni tagħha.

    1) Adegwatezza

    65.

    Id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom ikunu xierqa biex jissodisfaw l-allegati raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, jiġifieri li r-regoli tal-PIL għandhom ikunu xierqa għall-inkoraġġiment tat-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ u għat-titjib tal-bilanċ kompetittiv bejn it-timijiet tal-kompetizzjonijiet tal-klabbs tal-UEFA u l-kompetizzjonijiet nazzjonali.

    i) Taħriġ u reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ

    66.

    Id-dispożizzjonijiet ikkontestati huma, mid-definizzjoni tagħhom, xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ taħriġ u ta’ reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ, fatt li barra minn hekk huwa rrikonoxxut ukoll minn Royal Antwerp ( 47 ).

    67.

    Madankollu, għandi ċerti dubji dwar il-koerenza ġenerali tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ PIL. Jekk, bħalma huwa l-każ kemm fir-regoli tal-UEFA kif ukoll tal-URBSFA, PIL ma huwiex biss plejer imħarreġ mill-klabb innifsu, iżda wkoll plejer imħarreġ minn klabb ieħor tal-kampjonat nazzjonali, nistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex fir-realtà ta’ natura li jiffavorixxu l-kisba tal-għan ta’ taħriġ tal-plejers żgħażagħ mill-klabbs. F’dan ir-rigward, ninnota li, skont ir-regoli tal-UEFA, mill-inqas nofs (jiġifieri erbgħa) tal-PIL kellhom ikunu ġew imħarrġa mill-klabb inkwistjoni. Dan jimmitiga l-affarijiet iżda ma jindirizzax il-problema fl-għerq tagħha – li hija d-definizzjoni stess ta’ x’jikkostitwixxi PIL.

    68.

    Dawn id-dubji ovvjament jiżdiedu jekk il-kampjonat nazzjonali inkwistjoni jkun wieħed ewlieni, li hija r-raġuni, fil-fehma tiegħi, għalfejn ir-regoli tal-UEFA jidhirli li jqajmu iktar mistoqsijiet minn dawk tal-URBSFA, li huwa, meta tqabbel, wieħed mill-kampjonati iżgħar. Jekk klabb ta’ kampjonat nazzjonali ewlieni jista’ “jixtri” sa nofs il-PIL, l-għan li dan il-klabb jiġi inkoraġġut iħarreġ lil plejers żgħażagħ jiġi mxekkel.

    69.

    Konsegwentement, għalkemm jidhirli li r-rekwiżit għall-inklużjoni, fuq lista tal-iskwadra, ta’ numru definit minn qabel ta’ PIL, huwa ġġustifikat, ma narax ir-raġuni – minn perspettiva ta’ taħriġ – li tiġi estiża d-definizzjoni ta’ PIL għal plejers esterni għal klabb partikolari, iżda fi ħdan il-kampjonat nazzjonali rilevanti ( 48 ).

    ii) Titjib tal‑bilanċ kompetittiv tat‑timijiet

    70.

    L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-għan tat-titjib tal-bilanċ kompetittiv tat-timijiet. Jekk il-klabbs kollha jiġu obbligati, permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jħarrġu, mela l-bilanċ kompetittiv ġenerali tat-timijiet x’aktarx jiżdied. Għal darba oħra, dan l-għan jiġi mxekkel sa fejn il-klabbs ikunu jistgħu jirrikorru għal PIL minn klabbs oħra tal-istess kampjonat.

    iii) Konklużjoni

    71.

    Bħala konklużjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex koerenti u għalhekk ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ taħriġ tal-plejers żgħażagħ u ta’ titjib tal-bilanċ kompetittiv tat-timijiet sa fejn il-PIL li għandhom jidhru fuq lista tal-iskwadra jistgħu jinkludu plejers li ma joriġinawx mill-klabb inkwistjoni.

    72.

    Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tal-URBSFA ma humiex xierqa fl-intier tagħhom, filwaqt li dawk tal-UEFA huma biss parzjalment xierqa.

    2) Neċessità

    73.

    Sussegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ taħriġ u ta’ reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ.

    i) Fuq id‑diskrezzjoni tal‑UEFA u tal‑URBSFA

    74.

    L-UEFA, b’mod partikolari, issostni li teżisti ġurisprudenza stabbilita, li tgħid li r-“regolaturi professjonali” jgawdu minn “marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli” fl-għażla ta’ soluzzjoni speċifika għal problema partikolari.

    75.

    F’dan ir-rigward, ninnota li jsir riferiment biss għal sentenza waħda (seminali) tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 49 ) li fiha l-qorti nazzjonali kellha tevalwa l-miżuri meħuda mill-Kamra tal-Avukati tal-Olanda ( 50 ). Jidhirli li huwa diffiċli li mill-partikolaritajiet ta’ din il-kawża jiġi dedott prinċipju ġenerali, li jgħid li entitajiet privati marbuta bl-Artikolu 45 TFUE għandhom marġni ta’ diskrezzjoni ikbar minn dak tal-Istati Membri f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

    76.

    Insostni pjuttost li l-ġurisprudenza stabbilita tapplika fir-rigward tal-evalwazzjoni ġenerali ta’ dawk li għandhom l-intenzjoni li jiġġustifikaw restrizzjonijiet għall-Artikolu 45 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, tabilħaqq, dawk marbuta bl-Artikolu 45 TFUE għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fl-evalwazzjoni ta’ jekk l-investigazzjoni ta’ ċertu tħassib hijiex neċessarja u b’liema mezzi din għandha ssir. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta livelli ta’ diskrezzjoni usa’ u iktar ristretti, ibbażati mhux fuq l-awtur (Stat Membru jew “regolatur professjonali”), iżda fuq is-suġġett tal-għan imfittex permezz tal-motiv ta’ ġustifikazzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ħalliet setgħa diskrezzjonali pjuttost wiesgħa fi “kwistjonijiet sensittiv[i]” bħall-kollokament ta’ ħaddiema ( 51 ) jew kwistjonijiet ta’ “natura partikolari” bħalma huma l-lotteriji ( 52 ). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni klassika li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tħalli ċertu marġni ta’ manuvra tinsab fil-qasam tas-saħħa pubblika ( 53 ). Huwa ġust li jingħad li l-marġni ta’ diskrezzjoni jiżdied sa fejn is-suġġett imfittex imur lil hinn mill-politika ekonomika klassika ( 54 ).

    77.

    Madankollu dan ma huwiex il-każ hawnhekk. It-taħriġ u r-reklutaġġ ta’ plejers żgħażagħ għandhom komponent ekonomiku qawwi – bħalma għandu l-għan li jitjieb il-bilanċ kompetittiv tat-timijiet. Kif enfasizzat Royal Antwerp fl-osservazzjonijiet tagħha, il-plejers, inklużi dawk żgħażagħ, għandhom valur tas-suq li, minn kull aspett jaġixxi bħala lieva finanzjarja kemm għalihom kif ukoll għall-klabbs fil-każ tal-possibbiltà ta’ trasferimenti.

    78.

    Konsegwentement, ma nara ebda raġuni għalfejn wieħed għandu jitbiegħed minn ġurisprudenza stabbilita u sabiex jingħata lill-UEFA u lill-URBSFA marġni ta’ diskrezzjoni usa’ minn dak li huwa normali għal Stat Membru biex jiġġustifika restrizzjoni għall-Artikolu 45 TFUE.

    ii) Miżuri inqas restrittivi

    79.

    Il-miżuri alternattivi invokati, b’mod partikolari minn UL u Royal Antwerp, huma kumpens dirett għat-taħriġ ta’ plejers żgħażagħ jew ridistribuzzjoni tad-dħul.

    80.

    Kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni, ma huwiex paċifiku li tali miżuri jkunu inqas restrittivi u jikkostitwixxu ostakolu inqas għall-moviment liberu taħt l-Artikolu 45 TFUE. Fil-fatt, skont il-kunċett speċifiku tagħhom, uħud minn dawn il-miżuri, bħal limitu massimu fil-pagi, jidhru li huma saħansitra iktar restrittivi fir-rigward tal-kapaċità tal-klabbs li jirreklutaw lil plejers, filwaqt li l-iskemi ta’ kumpens għall-investimenti marbuta mat-taħriġ jaffettwaw direttament l-opportunitajiet indaqs u jeħtieġu miżuri amministrattivi, spejjeż u monitoraġġ sostanzjali.

    81.

    Barra minn hekk, ma hemm ebda indikazzjoni li tali miżuri jkunu ugwalment effettivi sabiex jintlaħaq l-istess għan, jiġifieri t-taħriġ tal-plejers iż-żgħażagħ. B’mod partikolari, il-klabbs finanzjarjament b’saħħithom jistgħu “jiskansaw” il-ħtieġa li ma jħarrġux plejers żgħażagħ u jixtruhom mingħand klabbs oħra, li jxekkel kemm l-għan imfittex ta’ taħriġ ta’ plejers żgħażagħ kif ukoll l-għan globali ta’ titjib tal-bilanċ kompetittiv bejn it-timijiet ( 55 ).

    iii) Konklużjoni

    82.

    Bħala konklużjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati, sa fejn huma adegwati, jidhru li huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet li plejers żgħażagħ jiġu mħarrġa u li jiġi mtejjeb il-bilanċ kompetittiv tat-timijiet.

    IV. Konklużjoni

    83.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il‑Belġju) kif ġej:

    L-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-plejers imrawma lokalment, kif adottati mill-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) u l-Union royale belge des sociétés de football association (URBSFA), li permezz tagħhom, sabiex jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet rilevanti, il-klabbs għandhom l-obbligu li jinkludu, fuq lista tal-iskwadra, numru minimu ta’ 8 plejers imrawma lokalment minn numru massimu ta’ 25 plejer sa fejn tali plejers imrawma lokalment ikunu jistgħu joriġinaw minn klabb ieħor fl-assoċjazzjoni nazzjonali tal-futbol rilevanti.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Anki jekk l-appassjonati sal-mewt bħal Nick Hornby fir-rumanz tiegħu tal‑1992 Fever Pitch jistgħu jsostnu li “li tgerger kontra futbol li ma jagħtix gost huwa xi ftit bħal li tgerger kontra t-tmiem tad-dwejjaq tar-Re Lear: b’xi mod tkun inqast milli tifhem” [traduzzjoni libera], ara l-edizzjoni ta’ Pengiun Books, 2000, p. 127.

    ( 3 ) Dan jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli P335.11 u P1422 l-antiki u l-Artikoli B4.112 u B6.109 attwali tar-Regolament Federali tal-URBSFA.

    ( 4 ) Dan jirriżulta mill-Artikolu P1422 l-antik u mill-Artikolu B6.109 attwali tar-Regolament Federali tal-URBSFA.

    ( 5 ) U l-Artikolu 101 TFUE.

    ( 6 ) Barra minn hekk, il-Qorti Belġjana ta’ Arbitraġġ għall-Isport sabet li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

    ( 7 ) Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrifletti jekk ir-regoli dwar il-PIL jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu ftehim bejn impriżi, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) TFUE.

    ( 8 ) Wara kollox, UL u Royal Antwerp huma bbażati fil-Belġju u, f’dan ir-rigward, ma jeżisti ebda element transkonfinali.

    ( 9 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50).

    ( 11 ) Kif ukoll l-Artikolu 101 TFUE.

    ( 12 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 29).

    ( 13 ) Ara wkoll Forsthoff, U., Eisendle, D., in Grabitz, E., Hilf, M u Nettesheim, M. (edituri), Das Recht der Europäischen Union, 76. EL., aġġornat Mejju 2022, C.H. Beck, München, Art. 49 AEUV, punt 104.

    ( 14 ) Din hija ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1976, Donà (13/76, EU:C:1976:115, punt 13). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 73). B’mod ġenerali, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “ħaddiem” għandu portata awtonoma u ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv Għalhekk, għandha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita attivitajiet ġenwini u effettivi, bl-esklużjoni ta’ attivitajiet fuq skala tant żgħira li jistgħu jitqiesu purament marġinali u anċillari. Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2017, Abercrombie & Fitch Italia (C‑143/16, EU:C:2017:566, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 15 ) Din ilha ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch (36/74, EU:C:1974:140, punt 17). Ara wkoll is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 82); tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 35); u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 30).

    ( 16 ) Jiġifieri l-erba’ kompetizzjonijiet segwenti: UEFA Champions League, Europa League, Conference League u Super Cup.

    ( 17 ) Li, kif inhu deskritt iktar ’il fuq, madankollu tqis id-domanda bħala inammissibbli minħabba allegat nuqqas ta’ element transkonfinali.

    ( 18 ) Li ma jfissirx li ma hemmx plejers li jitilqu minn pajjiżhom ta’ età estremament żagħżugħa. Madankollu, din hija biss frazzjoni żgħira ta’ plejers u tikkostitwixxi l-eċċezzjoni, li għalhekk tipprova r-regola li iktar kemm plejer ikun għadu żagħżugħ, iktar huwa probabbli li jkun lokali.

    ( 19 ) Ara, bħala eżempju u fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1998, Clean Car Autoservice (C‑350/96, EU:C:1998:205, il-punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Zawidzka-Łojek, A., ‘Ochrona interesu ogólnego na rynku wewnętrznym - dopuszczalne wyjątki i ograniczenia swobód. Model ochrony’, f’System Prawa Unii Europejskiego, Vol. 7, Prawo rynku wewnętrznego, Varsavja, C.H. Beck, 2020, punt 197.

    ( 20 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 1987, Heylens et (222/86, EU:C:1987:442, punti 9 sa 11).

    ( 21 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Kliesch, J., Der Status des Profifußballers im Europäischen Recht, Nomos, Baden-Baden, 2017, p. 215 fir-rigward tar-regoli tal-UEFA.

    ( 22 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 49). Il-Qorti tal-Ġustizzja hawn tirreferi espliċitament għas-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 99100). Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ftehim kollettiv Franċiż li jipprovdi li “joueur espoir” (plejer ta’ bejn is‑16 u t‑22 sena), meta jtemm il‑perijodu ta’ taħriġ tiegħu huwa obbligat, suġġett għall-ħlas ta’ danni fil-każ li ma jikkonformax ruħu, jikkonkludi kuntratt bħala plejer professjonali mal‑klabb li jkun ħarrġu, jista’ jiddisswadi lil dan il‑plejer milli jeżerċita d‑dritt tiegħu għal moviment liberu.

    ( 23 ) Ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

    ( 24 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja, matul is-snin, użat terminoloġija differenti sabiex tiddeskrivi raġunijiet ta’ natura mhux ekonomika bħala motivi ta’ ġustifikazzjoni, li ġew (u għadhom qegħdin jiġu) żviluppati mill-ġurisprudenza. Ara Martucci, F., Droit du marché intérieur de l’Union européenne, Presses Universitaires de France, Pariġi, 2021, punt 261. Għall-konvenjenza, ser nirreferi għall-frażi “raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku” f’dawn il-konklużjonijiet.

    ( 25 ) Ara f’dan is-sens, essenzjalment, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 104); tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 38); u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Krah (C‑703/17, EU:C:2019:850, punt 55).

    ( 26 ) Dwar l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2022:993, punt 29).

    ( 27 ) Mis-seba’ għanijiet ta’ dan il-paragrafu, sitta jikkonċernaw l-edukazzjoni filwaqt li wieħed biss jikkonċerna l-isport.

    ( 28 ) Sa fejn isir riferiment għall-Kunsill tal-Ewropa, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi emanazzjoni speċifika tal-obbligu ġenerali li għandha l-Unjoni taħt l-Artikolu 220(1) TFUE li tistabbilixxi kull forma ta’ kooperazzjoni xierqa mal-Kunsill tal-Ewropa. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’The English Bridge Union (C‑90/16, EU:C:2017:464, punt 33).

    ( 29 ) Għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istituzzjonijiet politiċi tal-Unjoni għandhom jinftiehmu li jinkludu l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament.

    ( 30 ) Ċertament, jeħtieġ ċertu żmien sabiex wieħed jifhem il-parti ta’ din id-dispożizzjoni li, b’mod Orwelljan, tippermetti lill-istituzzjonijiet politiċi jirrikorru għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja sabiex jadottaw...kwalunkwe ħaġa minbarra leġiżlazzjoni.

    ( 31 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Odendahl, K., f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U, (edituri), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band III, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Art. 165 AEUV, punt 9.

    ( 32 ) Jiġifieri: regolament, direttivi u deċiżjonijiet.

    ( 33 ) Ara l-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 6(e) TFUE. L-Artikolu 2(5) jippreċiża sussegwentement li dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux il-kompetenza tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma.

    ( 34 ) Jiġifieri, jinsab imrekken bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Kultura.

    ( 35 ) Dan il-privileġġ huwa rriżervat għal kwistjonijiet li huma evidentement meqjusa bħala iktar importanti mill-awturi tat-Trattati, bħal – sabiex jiġu ċċitati biss xi eżempji – in-nondiskriminazzjoni (Artikoli 8 u 10 TFUE), l-ambjent (Artikolu 11 TFUE), il-protezzjoni tal-konsumaturi (Artikolu 12 TFUE) jew il-protezzjoni tad-data (Artikolu 16 TFUE).

    ( 36 ) Nuża t-terminu “att” bil-galbu minħabba nuqqas ta’ terminu aħjar, peress li, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, l-Artikolu 165 TFUE ma jippermettix lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jilleġiżlaw fis-sens proprju tal-kelma.

    ( 37 ) Nixtieq ninnota inċidentalment li l-istituzzjonijiet politiċi ovvjament għażlu li ma jarmonizzawx jew jirregolaw il-kwistjonijiet sportivi marbuta mas-suq intern billi jirrikorru għall-Artikolu 114 TFUE.

    ( 38 ) Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 165 TFUE, interpretat flimkien mar-regoli tat-Trattat dwar iċ-ċittadinanza, l-Artikolu 18 u l-Artikolu 21 TFUE, kienu jipprekludu ċerti regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali li tirrestrinġi l-moviment liberu. Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2019, TopFit et (C‑22/18, EU:C:2019:497).

    ( 39 ) F’dan ir-rigward, nista’ naqbel bis-sħiħ mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Rantos f’European Superleague Company (C‑333/21, EU:C:2022:993, punt 42), li fihom huwa indika li “filwaqt li l-karatteristiċi partikolari tal-isport ma jistgħux jiġu invokati sabiex jeskludu l-attivitajiet sportivi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati UE u FUE, ir-riferimenti għall-karatteristiċi speċifiċi u għall-funzjoni soċjali u edukattiva tal-isport, li jinsabu fl-Artikolu 165 TFUE, jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-analiżi, fil-qasam sportiv, tal-eventwali ġustifikazzjoni oġġettiva għar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni jew tal-libertajiet fundamentali”.

    ( 40 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 39). Ara wkoll, fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment taħt l-Artikolu 49 TFUE, is-sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 59), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tirreferi mingħajr ma tidħol fid-dettall għall-Artikolu 165 TFUE qabel ma tħares lejn in-natura restrittiva ta’ miżura nazzjonali – li taqa’ manifestament taħt il-qasam kopert mill-Artikolu 165 TFUE.

    ( 41 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 86).

    ( 42 ) Ara wkoll Weatherill, S., European Sports Law, T.M.C. Asser, Den Haag, 2007, p. 60, li jinnota li għalkemm teżisti “ordni loġiku” fl-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja, “ma huwiex ċar kif il-kunċetti li jinsabu fl-[Artikolu 45(3) TFUE] jistgħu jiġu rriformati b’mod adegwat sabiex jissodisfaw is-settur privat” u li jindika r-riskju li jekk individwi jitħallew jinvokaw motivi ta’ ġustifikazzjoni pubbliċi “jista’ jwassal għal estensjoni eċċessiva tagħhom” [traduzzjoni libera].

    ( 43 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2000, (C‑281/98, EU:C:2000:296, punt 42). Ara wkoll, f’dan is-sens, Müller-Graff, P.-Chr., “Die horizontale Direktwirkung der Grundfreiheiten”, Europarecht, 2014, p. 3 sa 29, f’p. 12.

    ( 44 ) Ara s-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106), u tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 39).

    ( 45 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet ukoll ir-regolarità tal-kompetizzjonijiet sportivi bħala għan validu; ara s-sentenzi tal‑11 ta’ April 2000, Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 64), u tat‑13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine (C‑176/96, EU:C:2000:201, punt 53). Il-kawża ineżami, madankollu, ma tirrigwardax tali regolarità ta’ kompetizzjoni iżda pjuttost kundizzjonijiet li għandu jissodisfa klabb sabiex jipparteċipa f’kompetizzjoni.

    ( 46 ) Ara Weatherill, S., op. cit., p. 336.

    ( 47 ) Ara l-punt 38 tal-osservazzjonijiet ta’ Royal Antwerp.

    ( 48 ) Sa fejn huwa meqjus li l-klabbs għandhom ikollhom marġni ta’ manuvra meħtieġ sabiex jirrikorru mhux biss għall-plejers tagħhom stess, iżda wkoll għal dawk tal-istess kampjonat, insostni li tali marġni ta’ manuvra jiġi żgurat aħjar billi jitnaqqas in-numru ta’ PIL u, fl-istess ħin, billi d-definizzjoni tiġi ġenwinament limitata għall-plejers imrawma lokalment (jiġifieri fil-klabb).

    ( 49 ) Ara l-punti 50 u 80 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-UEFA, fejn isir riferiment għas-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 110).

    ( 50 ) Bl-istess mod, fis-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, EU:C:2013:127, punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja, b’riferiment għas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98) eżaminat jekk il-miżuri restrittivi ta’ ordni tal-accountants jistgħux “raġonevolment” jitqiesu bħala neċessarji sabiex tiġi żgurata l-kwalità tas-servizzi.

    ( 51 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Webb (279/80, EU:C:1981:314, punt 18) fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    ( 52 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C‑275/92, EU:C:1994:119, punt 59 et seq.) fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    ( 53 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Josemans (C‑137/09, EU:C:2010:774, punt 63 et seq.) fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

    ( 54 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Forsthoff, U., Eisendle, D., op. cit., punt 397.

    ( 55 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Kliesch, J., Der Status des Profifußballers im Europäischen Recht, Nomos, Baden-Baden, 2017, p. 232.

    Top