EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0618

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
AR et vs PK SA et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi – Artikolu 18 – Dritt ta’ azzjoni diretta – Portata – Determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens – Spejjeż ipotetiċi – Possibbiltà li l-ħlas tal-kumpens jiġi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet – Bejgħ tal-vettura.
Kawża C-618/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:1004

 KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑618/21

AR,

BF,

ZN,

NK Sp. Z o o, s.k.,

KP,

RD Sp. z o.o.,

vs

PK S.A.,

CR,

SI S.A.,

MB S.A.,

PK S.A.,

SI S.A.,

EZ S.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-vetturi bil-mutur – Direttiva 2009/103/KE – Artikolu 3 – Responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur – Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi – Artikolu 18 – Dritt ta’ azzjoni diretta – Portata – Determinazzjoni tal-ammont ta’ kumpens – Spejjeż ipotetiċi – Possibbiltà li l-ħlas tal-kumpens jiġi suġġett għal ċerti kundizzjonijiet – Bejgħ tal-vettura”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà ( 2 ), moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, sitt proprjetarji ta’ vetturi u, min-naħa l-oħra, l-assiguraturi għar-responsabbiltà ċivili tal-persuni responsabbli għad-danni kkawżati lill-vetturi tagħhom.

3.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża, għall-ewwel darba, liema hija l-portata tad-dritt ta’ azzjoni diretta, li għandha persuna leża li titlob il-kumpens għall-ħsara kollha kkawżata minn vettura bil-mutur, kontra impriża tal-assigurazzjoni.

4.

F’dawn il-konklużjonijiet, ser nesponi r-raġunijiet għalfejn jiena tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-benefiċċju dovut minn impriża tal-assigurazzjoni jkun esklużivament pekunjarju u li tiġi ppreġudikata l-effettività tad-Direttiva 2009/103 jekk id-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża kellu jkun limitat jew eskluż minħabba l-assenza ta’ tiswija effettiva tal-vettura bil-ħsara.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A.   Id‑Direttiva 2009/103

5.

Il-premessa 30 tad-Direttiva 2009/103 tiddikjara:

“(30)

Id-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni hija ta’ importanza kbira għall-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti ta’ vetturi bil-mutur. Sabiex jiġi faċilitat ħlas ta’ pretensjonijiet effiċjenti u malajr u sabiex jiġu evitati safejn hu possibbli proċeduri legali għaljin, għandha jkun stabbilit dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-intrapriza ta’ assigurazzjoni li tkun tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili għal vittmi ta’ kull inċident b’vettura bil-mutur.”

6.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 5, jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri wkoll:

(a)

skont il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew korriment ikkawżat fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

(b)

kull telf jew korriment soffert minn ċittadini ta’ Stati Membri tul vjaġġ dirett bejn żewġ territorji li fihom it-Trattat ikun fis-seħħ, jekk ma jkun hemm l-ebda uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi responsabbli għat-territorju li jkun qed jinqasam; f’dak il-każ, it-telf jew korriment għandu jkun kopert skont il-liġijiet nazzjonali dwar l-assigurazzjoni obbligatorja fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l- vettura tkun normalment ibbażata.

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

7.

Skont l-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ azzjoni diretta”:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jkunu sofrew ħsara f’inċidenti kkawżati minn vettura koperta mill-assigurazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 3 għandhom dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra responsabbiltà ċivili.”

B.   Id‑dritt Pollakk

8.

L-Artikolu 363(1) tal-kodeks cywilny (il-Liġi dwar il-Kodiċi Ċivili) jipprovdi:

“Il-ħsara għandha tiġi kkumpensata, skont l-għażla tal-parti leża, jew billi jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat preċedenti tal-affarijiet, jew billi titħallas somma ta’ flus xierqa. Madankollu, jekk l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat preċedenti jkun impossibbli jew jekk iwassal għal diffikultajiet jew spejjeż eċċessivi għall-parti obbligata, id-dritt tal-parti leża huwa limitat għal kumpens fi flus.”

9.

L-Artikolu 822(1) u (4), tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“1.   Permezz tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, l-assiguratur jintrabat li jħallas il-kumpens previst fil-kuntratt għall-ħsara kkawżata lit-terzi li fir-rigward tagħhom hija stabbilita r-responsabbiltà tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jew tal-assigurat.

[…]

4.   Il-persuna li għandha dritt għal kumpens fir-rigward ta’ avveniment kopert minn kuntratt ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili tista’ tinvoka d-dritt tagħha direttament kontra l-assiguratur.”

III. Il‑fatti tal‑kawżi prinċipali u d‑domandi preliminari

10.

Sitt tilwimiet huma pendenti quddiem is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja). Ħamsa minnhom jirrigwardaw ir-rifjut tal-impriżi tal-assigurazzjoni, konvenuti fil-kawża prinċipali, li jkopru r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal inċident tat-traffiku li kkawża ħsara lil vetturi, li jħallsu lill-persuni leżi, rikorrenti fil-kawża prinċipali, li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni diretta previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, spejjeż għat-tiswija ta’ dawn il-vetturi li huma ma sostnewx. Dawn l-ispejjeż huma msejħa “spejjeż għat-tiswija ipotetiċi” mill-qorti tar-rinviju.

11.

Is-sitt tilwima hija differenti minn dawk preċedenti biss sa fejn il-ħsara tirriżulta mill-waqgħa ta’ bieb ta’ garaxx li qered il-vettura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

12.

Dan it-tilwim jirriżulta mill-fatt li l-persuni leżi qed jitolbu l-kumpens pekunjarju għall-ħsara sostnuta mill-vetturi tagħhom abbażi ta’ stima għolja tal-ispejjeż għat-tiswija (spare parts u xogħol tal-idejn) u mhux abbażi ta’ dokumenti ta’ sostenn tal-ispejjeż għat-tiswija sostnuti minnhom, fi kliem ieħor tal-ispejjeż realment sostnuti. Issa, l-impriżi tal-assigurazzjoni jsostnu li dan il-kumpens ma jistax jeċċedi l-ammont ta’ ħsara realment imġarrba, ikkalkolat skont il-metodu msejjaħ “differenzjali”. Dan għandu jikkorrispondi għad-differenza bejn il-valur li kien ikollha l-vettura bil-ħsara li kieku l-inċident ma seħħx u l-valur attwali ta’ din il-vettura, kemm jekk tkun fi stat ta’ ħsara jew imsewwija, anki jekk parzjalment.

13.

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, fid-dritt nazzjonali, il-kumpens għall-ħsara huwa intiż li jagħti lura lill-beni tal-parti leża l-valur li kien ikollhom li kieku l-ħsara ma seħħitx, filwaqt li ma jippermettix lil din il-parti tarrikkixxi ruħha.

14.

Madankollu, skont il-ġurisprudenza Pollakka, il-qrati jagħtu kumpens għall-ħsara kkawżata lil vetturi fl-ammont tal-ispejjeż għat-tiswija ipotetiċi, liema ammont jaqbeż sew dak tal-ħsara kkawżata lill-beni tal-parti leża kkalkolata bil-metodu differenzjali. L-istess japplika fil-każ ta’ bejgħ tal-vettura bil-ħsara li l-persuni leżi qatt ma jkunu jistgħu jsewwu fil-futur.

15.

Skont il-qorti tar-rinviju, din il-ġurisprudenza, dubjuża sa fejn tippermetti lill-parti leża tarrikkixxi ruħha f’ċerti każijiet, tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-protezzjoni speċjali tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku li tirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, hija tqis neċessarju li tiġi ċċarata l-portata tad-drittijiet tal-persuna leża li jirriżultaw mid-dritt ta’ azzjoni diretta li hija tista’ teżerċita kontra l-impriża tal-assigurazzjoni.

16.

Il-qorti tar-rinviju tesponi, f’dan ir-rigward, li jeżisti kunflitt bejn, minn naħa, dan id-dritt ta’ azzjoni diretta, flimkien mal-fatt li, skont id-dritt Pollakk, il-persuna leża tista’ tressaq żewġ azzjonijiet differenti kontra l-awtur tal-inċident, jiġifieri azzjoni għall-ħlas ta’ kumpens u azzjoni in natura, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid l-istat tal-affarijiet qabel ma seħħet il-ħsara, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju, li jirriżulta mid-dritt Pollakk tal-obbligi, li jipprovdi li s-servizz li jingħata minn assiguratur għar-responsabbiltà ċivili huwa “ħlas”, jiġifieri benefiċċju pekunjarju.

17.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li għandhom l-effett li jċaħħdu lill-persuna leża, li tixtieq tressaq azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni, minn wieħed mill-mezzi disponibbli għall-kumpens tal-ħsara previst mid-dritt nazzjonali, li jkun, b’mod ġenerali, ta’ natura dissważiva.

18.

Din il-qorti tistaqsi wkoll jekk, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tat-talba tal-persuna leża skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, din tal-aħħar għandhiex ikollha azzjoni kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident għall-finijiet tal-ħlas ta’ kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-ispejjeż neċessarji sabiex hija ssewwi l-vettura li tkun ġarrbet ħsara, meta hija ma jkollhiex il-fondi biex tagħmel dan. B’hekk, il-kumpens jista’ jkun ibbażat fuq tiswijiet reali.

19.

L-aħħar domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha l-vettura bil-ħsara ma tkunx għadha tista’ tissewwa minħabba, pereżempju, li tkun inbiegħet. Il-qorti tar-rinviju hija inklinata li tikkunsidra li l-kumpens tal-persuna leża għandu jikkorrispondi biss għad-differenza bejn il-prezz li hija rċeviet għall-vettura bil-ħsara u l-prezz li kienet tirċievi li kieku biegħet il-vettura mingħajr ħsara.

20.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-persuna leża li tressaq, kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident, azzjoni diretta għad-danni għall-ħsara kkawżata lill-vettura bil-mutur tagħha, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, tkun tista’ tikseb biss mill-impriża tal-assigurazzjoni kumpens għat-telf reali u effettiv subit mill-beni tagħha, jiġifieri d-differenza bejn [il-valur] tal-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident u [l-valur] tal-vettura bil-mutur bil-ħsara, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati effettivament sostnuti għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u kull spiża ġġustifikata oħra effettivament sostnuta b’konsegwenza tal-inċident, filwaqt li, kieku hija kellha titlob kumpens direttament lill-awtur tal-inċident, hija tkun tista’ tagħżel li titolbu jirrestitwixxi l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident (li t-tiswija titwettaq mill-awtur tal-inċident stess jew minn garaxx imħallas minnu) minflok li titolbu kumpens?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti, l-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-persuna leża li tressaq, kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident, azzjoni diretta għad-danni għall-ħsara kkawżata lill-vettura bil-mutur tagħha, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, tkun tista’ tikseb biss mill-impriża tal-assigurazzjoni, minflok kumpens għat-telf reali u effettiv subit mill-beni tagħha, jiġifieri d-differenza bejn [il-valur] tal-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident u [l-valur] tal-vettura bil-mutur bil-ħsara, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati effettivament sostnuti għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u kull spiża ġġustifikata oħra effettivament sostnuta b’konsegwenza tal-inċident, l-ammont ekwivalenti għall-ispiża tar-restawrazzjoni fl-istat ta’ kif kienet qabel l-inċident, filwaqt li, kieku kellha titlob direttament lill-awtur tal-inċident isewwi l-ħsara, hija tkun tista’ tagħżel li titolbu jirrestitwixxi l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident (u mhux biss jagħtiha l-fondi intiżi għal dan l-iskop)?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda [1] u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda [2], l-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Artikolu 3, tad-[Direttiva 2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-impriża tal-assigurazzjoni li mingħandha l-proprjetarju ta’ vettura bil-mutur li tkun sofriet ħsara, li tirriżulta miċ-ċirkulazzjoni tal-vetturi bil-mutur, jitlob ir-rimbors tal-ispejjeż ipotetiċi li ma jkunx sostna, imma li kien ikollu jsostni kieku kien ikollu jiddeċiedi li jirrestawra l-vettura bil-mutur fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident, tkun tista’:

a)

tissuġġetta dan il-ħlas għall-kundizzjoni li l-persuna leża turi li hija jkollha effettivament l-intenzjoni li ssewwi l-vettura bil-mutur, b’mod konkret, għand mekkaniku speċifiku, għal prezz preċiż għall-partijiet u għax-xogħol tal-idejn – u tittrasferixxi dawn il-fondi għal din it-tiswija direttament lil dan il-mekkaniku (jew, jekk ikun il-każ, lill-bejjiegħ tal-partijiet neċessarji għat-tiswija) bla ħsara għal rimbors jekk l-għan li għalih dawn il-fondi jkunu tħallsu ma kellux jintlaħaq, jew, fin-nuqqas:

b)

tissuġġetta dan il-ħlas għat-teħid ta’ responsabbiltà mill-konsumatur tal-impenn li juri f’terminu miftiehem li huwa jkun ħallas il-fondi għat-tiswija tal-vettura bil-mutur, jew li jirrestitwihom lill-impriża tal-assigurazzjoni, jew, fin-nuqqas:

c)

wara li tkun ħallset dawn il-fondi bl-indikazzjoni tal-għan tal-ħlas (il-mod ta’ kif jintużaw) u wara l-iskadenza tat-terminu neċessarju li matulu l-persuna leża tkun setgħet issewwi l-vettura bil-mutur, titlobha turi l-prova li hija tkun ħallset dawn il-fondi għal din it-tiswija jew ir-restituzzjoni tagħhom

sabiex tiġi evitata l-possibbiltà li l-parti leża tarrikkixxi lilha nnifisha permezz tal-ħsara?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda [1] u ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda [2], l-Artikolu 18, moqri flimkien mal-Artikolu 3, tad-[Direttiva 2009/103] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha persuna leża, li ma tkunx baqgħet proprjetarja tal-vettura bil-mutur bil-ħsara għaliex tkun biegħitha u tkun irċeviet flus bi skambju, b’tali mod li ma tkunx għadha tista’ ssewwi l-vettura bil-mutur, u għaldaqstant ma tkunx tista’ titlob mingħand l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-awtur tal-inċident il-ħlas tal-ispiża għat-tiswijiet neċessarji għar-restawrazzjoni tal-vettura bil-mutur li tkun ġarrbet il-ħsara fl-istat li fih kienet tinsab qabel l-inċident, peress li r-rikors [tal-persuna leża] sempliċement jitlob lill-impriża tal-assigurazzjoni kumpens ekwivalenti għat-telf reali u effettiv subiti mill-beni tiegħu, jiġifieri d-differenza bejn il-valur tal-vettura bil-mutur fl-istat li kienet tinsab qabel l-inċident u r-riżultat tal-bejgħ tal-vettura bil-mutur, miżjuda bl-ispejjeż iġġustifikati sostnuti effettivament għat-tiswija tal-vettura bil-mutur u ta’ kull spiża ġġustifikata oħra sostnuta effettivament b’konsegwenza tal-inċident?”

21.

KP u RD Sp. z o.o., tnejn mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, SI SA, waħda mill-konvenuti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk, Ċek u Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Analiżi

A.   Fuq l‑ammissibbiltà

22.

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija bbażata fuq il-konstatazzjoni tal-qorti tar-rinviju li d-“dritt nazzjonali dwar il-kumpens […] jobbliga lill-impriżi tal-assigurazzjoni jħallsu lill-persuni leżi l-ispejjeż hekk imsejħa ipotetiċi għat-tiswija tal-vettura bil-ħsara mingħajr ebda rabta mat-twettiq tagħhom (fil-futur), sabiex b’hekk jippermetti lill-persuni leżi li ma jixtiqux isewwu l-vettura tagħhom iżidu, minħabba l-ħsara subita, il-valur tal-beni tagħhom bid-differenza bejn l-ispejjeż għat-tiswija tal-vettura bil-ħsara u t-telf fil-valur tal-vettura bħala riżultat tal-ħsara li tkun sostniet – għad-detriment tal-impriżi tal-assigurazzjoni u, barra minn hekk, għad-detriment tas-sidien kollha tal-vetturi li jħallsu l-primjums tal-assigurazzjoni obbligatorja.”

23.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex soluzzjoni li tippermettilha tasal għal kumpens ta’ ammont qrib kemm jista’ jkun għall-ispejjeż reali li għandhom jiġu sostnuti mill-persuni leżi. Għalhekk, din il-qorti tirrileva li tali persuni leżi ma jistgħux iressqu quddiem l-assiguratur talba speċifika għal kumpens in natura tal-vettura kif huma jistgħu jagħmlu quddiem l-awtur tal-ħsara.

24.

Din il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza, fid-dritt Pollakk, ta’ skemi differenti għal dawn iż-żewġ azzjonijiet li huma għad-dispożizzjoni tal-persuni li għandhom dritt għal kumpens għal ħsara mġarrba minn vettura, wasslet lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-iskop u l-portata tad-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

25.

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra mill-qorti tar-rinviju, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tirrigwarda l-portata tal-kumpens għall-ħsara, li hija essenzjalment irregolata mid-dritt nazzjonali ( 3 ).

26.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-kliem stess tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li d-deċiżjoni preliminari mitluba għandha tkun “meħtieġa” sabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ “tagħti s-sentenza” fil-kawża mressqa quddiemha ( 4 ).

27.

F’dan il-każ, fost is-sitt kawżi li tressqu quddiem il-qorti tar-rinviju, waħda minnhom għandha bħala għan il-kumpens għall-ħsara kkawżata lil vettura minn bieb ta’ garaxx.

28.

Issa, huwa ċar li d-Direttiva 2009/103, ma għandhiex l-għan li tiggarantixxi r-responsabbiltà ċivili meta l-ħsara ma tkunx ikkawżata minn vettura ( 5 ). Din hija intiża, fil-fatt, sabiex tistabbilixxi protezzjoni partikolari lill-vittmi minħabba l-gravità tad-dannu materjali jew korporali li huma jistgħu jsofru minħabba l-periklu inerenti fid-disinn u l-funzjoni ta’ vettura bil-mutur.

29.

Barra minn hekk, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 jipprevedi li kull Stat Membru għandu, bla ħsara għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jassigura r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu tkun koperta minn assigurazzjoni.

30.

Huwa minnu li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, li huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kuntest ta’ dan l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ( 6 ), b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-għan li jiġu protetti l-vittmi ta’ inċidenti kkawżati minn dawn il-vetturi ġie segwit u msaħħaħ b’mod kostanti mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ( 7 ).

31.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” li jinsab fih ma huwiex limitat għas-sitwazzjonijiet ta’ użu ta’ vetturi fit-triq, jiġifieri l-użu fit-toroq pubbliċi, u li dan il-kunċett ikopri kull użu ta’ vettura li huwa konformi mal-funzjoni normali tagħha bħala mezz ta’ trasport ( 8 ).

32.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li vettura tintuża konformement mal-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport meta tiċċaqlaq, iżda, fil-prinċipju, anki meta tkun ipparkjata bejn ċaqliq u ieħor ( 9 ).

33.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li taqa’, taħt il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, sitwazzjoni li fiha vettura pparkjata ġewwa garaxx privat ta’ bini li tintuża konformement mal-funzjoni tagħha ta’ mezz ta’ trasport tkun ħadet in-nar, u b’hekk ikkawżat inċendju, li joriġina miċ-ċirkwit elettriku ta’ dik il-vettura ( 10 ). L-istess japplika meta l-inċident jirriżulta minn telf ta’ żejt ikkawżat mill-istat mekkaniku tal-vettura pparkjata inkwistjoni ( 11 ).

34.

Konsegwentement, huma esklużi b’mod ċar mill-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, is-sitwazzjonijiet li fihom l-inċident ma joriġinax mill-aġir jew minn difett tekniku tal-vettura.

35.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex vettura tiġi eskluża mill-obbligu ta’ assigurazzjoni previst f’din id-dispożizzjoni, huwa neċessarju li hija kienet is-suġġett ta’ rtirar uffiċjali mill-użu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ( 12 ).

36.

Għalhekk, ma hemmx dubju li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/103, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa limitat għall-obbligu ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-ħsara li tista’ tikkawża vettura.

37.

Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tal-qorti tar-rinviju li, essenzjalment, hija għandha tiżgura trattament ugwali fil-qasam tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili, li jkun jiġġustifika t-tressiq tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tat-tilwima dwar il-kumpens għall-ħsara kkawżata lil vettura minn bieb ta’ garaxx.

38.

Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, fuq dan il-punt, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli.

39.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-domandi magħmula, ma jidhirlix li huwa ġġustifikat li jiġi kkunsidrat, kif isostni l-Gvern Pollakk, li l-ewwel żewġ domandi preliminari, li fuqhom jiddependu t-tnejn l-oħra, huma ta’ natura ipotetika. Dan il-Gvern isostni li, fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti qed jitolbu biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju. Issa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi preċiżament dwar din il-limitazzjoni tal-metodi ta’ kumpens għall-ħsara kkawżata mill-inċidenti tat-traffiku. Minkejja li d-dritt tal-Unjoni ma jimponix din il-limitazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li hija fondata tiċħad it-talbiet magħmula abbażi tal-evalwazzjoni tal-ispejjeż.

40.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindirizza d-domandi preliminari kollha kemm huma billi tqis li l-qorti tar-rinviju qiegħda, essenzjalment, tistaqsiha jekk l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju lill-persuni leżi fil-każ li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal inċident ikkawżat minn vettura, bil-possibbiltà li ma jiġux issostanzjati l-ispejjeż reali għat-tiswija fil-każ ta’ ħsara kkawżata lil vettura oħra.

B.   Fuq il‑mertu

41.

It-talba għal deċiżjoni preliminari twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddefinixxi l-għan tal-azzjoni diretta prevista fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103.

42.

B’mod konkret, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-azzjoni diretta hijiex intiża sabiex l-assiguratur (pjuttost milli l-persuna responsabbli għall-ħsara) jiġi kkundannat jipprovdi lill-persuna leża, bħala kumpens għall-ħsara mġarrba, il-benefiċċju dovut mill-persuna responsabbli għal din il-ħsara, jew inkella sabiex l-assiguratur jiġi kkundannat jipprovdi direttament lill-persuna leża l-benefiċċju previst mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

43.

Fl-ewwel lok, jidhirli opportun li jitfakkar li d-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża ġie introdott permezz tad-Direttiva 2000/26/KE ( 13 ), li tagħmel parti mill-erba’ direttivi kkodifikati permezz tad-Direttiva 2009/103 ( 14 ).

44.

Dan id-dritt ġie inkluż fil-kuntest li ġej, imfakkar diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja:

l-Istati Membri huma obbligati li jistabbilixxu, fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, obbligu ġenerali ta’ assigurazzjoni għall-vetturi, u

kull Stat Membru għandu jiżgura li, bla ħsara għal ċerti derogi previsti mid-Direttiva 2009/103, kull vettura normalment ibbażata fit-territorju tiegħu tkun koperta minn kuntratt konkluż ma’ impriża tal-assigurazzjoni sabiex tiġi ggarantita, fil-limiti ddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, ir-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-imsemmija vettura ( 15 ).

45.

Huwa fil-kuntest ta’ protezzjoni dejjem ogħla tal-persuni leżi minn inċidenti tat-traffiku li d-Direttiva 2000/26 ipprevediet, għall-benefiċċju tagħhom, dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni tal-persuna responsabbli jew kontra r-rappreżentant tagħha fl-Istat ta’ residenza tal-persuna leża ( 16 ). L-għan kien li jittejbu d-drittijiet tal-vittmi ta’ inċident tat-traffiku barra mill-Istat ta’ residenza tagħhom ( 17 ) u li jiġu armonizzati d-drittijiet tal-Istati Membri, li xi wħud minnhom ma kinux jipprovdu d-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli ( 18 ).

46.

Id-Direttiva 2005/14/KE ( 19 ) estendiet dan id-dritt ta’ azzjoni diretta għall-vittmi kollha ta’ inċidenti li jinvolvu vetturi bil-mutur, u dan sabiex jiġi faċilitat ħlas ta’ pretensjonijiet effiċjenti u malajr u sabiex jiġu evitati sa fejn possibbli proċeduri legali għoljin ( 20 ).

47.

Dan l-għan issemma mill-ġdid fid-Direttiva 2009/103, li tfakkar l-importanza li l-vittmi tal-inċidenti bil-vetturi tal-mutur jiġu ggarantiti trattament paragunabbli, irrispettivament minn fejn fl-Unjoni seħħew l-inċidenti ( 21 ). Fil-premessa 30 ta’ din id-direttiva ġiet riprodotta d-definizzjoni tad-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal inċident li jinvolvi vettura bil-mutur, li kienet tinsab fil-premessa 21 tad-Direttiva 2005/14.

48.

B’hekk, fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li dan id-dritt huwa ddefinit, skont din il-premessa, bħala “[i]d-dritt li tinvoka kuntratt ta’ assigurazzjoni u li tagħmel pretensjoni direttament kontra l-intrapriża ta’ assigurazzjoni”.

49.

Konsegwentement, meta l-kopertura ta’ assigurazzjoni obbligatorja tiġi implimentata direttament mill-persuna leża li teżerċita d-dritt li hija tibbenefika minnu skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, l-impriża tal-assigurazzjoni tiggarantixxi r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli fil-limiti tal-kuntratt konkluż magħha ( 22 ). F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi pekunjarji tar-responsabbiltà ċivili huma koperti, anki jekk il-persuna assigurata tassumi r-responsabbiltà hija stess għall-kumpens, kif ukoll fil-każ ta’ ħsara fuq il-persuna ( 23 ).

50.

Peress li d-drittijiet tal-persuna leża jirriżultaw esklużivament mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ( 24 ) jew, fi kliem ieħor, huma bbażati fuq dak tal-persuna assigurata, huma jista’ jkollhom biss bħala konsegwenza li jagħtu lill-persuna leża kumpens, jiġifieri dak li l-assigurat kien ikollu d-dritt jitlob mingħand l-impriża tal-assigurazzjoni li kieku huwa stess kien il-vittma, fil-limiti tal-kuntratt li għandhom bejniethom. Dan ir-riżultat huwa konformi mal-attività tal-impriżi tal-assigurazzjoni, kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż.

51.

Diversi elementi oħra jikkorroboraw din l-interpretazzjoni. L-ewwel, id-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża jissodisfa l-għan li jitħallsu malajr il-pretensjonijiet u jaqa’ fil-qafas tal-assigurazzjoni għall-vetturi bil-mutur li huwa, kif enfasizza l-leġiżlatur, ta’ importanza partikolari għaċ-ċittadini Ewropej li jsuqu fl-Unjoni kif ukoll għall-impriżi tal-assigurazzjoni ( 25 ). Dan l-aspett tal-kwistjoni f’sitwazzjonijiet transkonfinali huwa, fil-fehma tiegħi, ġustament enfasizzat mill-Kummissjoni kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż u jsostni l-argument li forma ta’ kumpens in natura ma għandhiex tkun obbligatorja.

52.

It-tieni, il-prinċipju ta’ kumpens pekunjarju jirriżulta mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/103 intitolat “Proċedura għall-kumpens”, li jiddefinixxi l-obbligi tal-impriża tal-assigurazzjoni meta l-persuna leża tkun ressqet quddiemha talba għal kumpens. Dan il-prinċipju jista’ wkoll jiġi dedott mill-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa ammonti minimi tal-kopertura tal-assigurazzjoni ( 26 ) li jikkostitwixxu garanzija essenzjali għall-protezzjoni tal-vittmi ( 27 ).

53.

It-tielet, l-impriżi tal-assigurazzjoni huma obbligati jikkumpensaw lill-persuna leża sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt għall-kumpens għad-dannu u, għalhekk, jipproteġuha b’mod partikolari kontra r-riskju ta’ insolvenza tal-persuna responsabbli għall-ħsara ( 28 ).

54.

Ir-raba’, l-analiżi tal-obbligi tal-impriża tal-assigurazzjoni li kontriha l-persuna leża teżerċita d-dritt tagħha ta’ azzjoni diretta b’mod kontenzjuż għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ( 29 ) u l-liġi applikabbli ( 30 ) f’sitwazzjoni transkonfinali kif ukoll mas-sistema tar-rikors ta’ surroga li jista’ jiġi eżerċitat mill-assiguratur ( 31 ).

55.

Għalhekk, f’dan il-kuntest, ma jidhirlix li huwa konċepibbli li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103 jiġi interpretat fis-sens li l-kumpens in natura li l-persuna leża tista’ tikseb, skont id-dritt nazzjonali, mingħand l-awtur tal-inċident jista’ jintalab mill-assiguratur. Hawnhekk preċiżament ma għandhiex titfixkel ir-relazzjoni diretta bejn il-vittma u l-assiguratur ma’ dik eżistenti bejn il-vittma u l-persuna responabbli.

56.

Konsegwentement, jiena tal-fehma li dan l-Artikolu 18 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju lill-persuni leżi fejn huma jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal inċident ikkawżat minn vettura, u dan irrispettivament min-natura tal-ħsara li tista’ tiġi kkumpensata.

57.

Barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni punti oħra sabiex tingħata risposta kompleta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju li tixtieq tillimita l-kumpens tal-persuna leża, li eżerċitat id-dritt tagħha ta’ azzjoni diretta, għal ammont li huwa l-iktar qrib l-ispejjeż realment sostnuti ( 32 ).

58.

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-portata tal-kumpens għall-ħsara hija essenzjalment irregolata mid-dritt nazzjonali ( 33 ).

59.

Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet kompetenti li għandhom jiggarantixxu, fid-dritt nazzjonali, l-effettività tad-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża.

60.

F’dan ir-rigward, is-sistema deskritta fl-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ KP u SI, li tipprovdi li l-impriżi tal-assigurazzjoni jistgħu jimplimentaw sistema ta’ ħlas minn parti terza, fejn huma jħallsu lil garaxxijiet tat-tiswija ta’ vetturi l-kumpens dovut lill-persuna leża ( 34 ), tissodisfa, fil-fehma tiegħi, ir-rekwiżit ta’ protezzjoni tal-persuna leża li jirriżulta mid-Direttiva 2009/103, jekk tkun il-persuna leża li tagħżel l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema.

61.

Għaldaqstant, jidhirli li huwa inutli li titfittex, permezz ta’ interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, soluzzjoni għall-problemi ta’ ġestjoni tal-kontenzjuż esposti mill-qorti tar-rinviju ( 35 ), kif ukoll l-inġustizzja li dik il-qorti tinvoka minħabba l-arrikkiment tal-persuna leża ( 36 ).

62.

Madankollu, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex tneħħi l-effett utli tad-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża previst fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103 ( 37 ). Issa, fil-fehma tiegħi, dan ikun il-każ jekk il-kumpens tal-persuna leża li teżerċita d-dritt ta’ azzjoni diretta tagħha jkun jew eskluż, jew limitat minħabba l-assenza ta’ tiswija tal-vettura bil-ħsara jew il-bejgħ tagħha jew ukoll minħabba l-obbligu, impost fuq il-persuna leża mill-impriża tal-assigurazzjoni, li titlob mingħand l-assigurat it-tiswija tal-vettura.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) bil-mod segwenti:

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi biss il-ħlas ta’ kumpens pekunjarju lill-persuni leżi fil-każ li huma jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża tal-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal inċident ikkawżat minn vettura, u dan irrispettivament min-natura tal-ħsara li tista’ tiġi kkumpensata;

l-effett utli tad-dritt ta’ azzjoni diretta tal-persuna leża jkun ippreġudikat jekk tali dritt kellu jkun limitat jew eskluż minħabba l-assenza ta’ tiswija effettiva tal-vettura bil-ħsara.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2009, L 263, p. 11.

( 3 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punti 3638, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Għalhekk, għandu jeżisti bejn it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li l-interpretazzjoni tagħhom hija mitluba rabta b’tali mod li din l-interpretazzjoni tissodisfa bżonn oġġettiv għad-deċiżjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu. Ara d-digriet tal‑10 ta’ Diċembru 2020, OO (Sospensjoni tal-attività ġudizzjarja) (C‑220/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:1022, punt 26).

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Línea Directa Aseguradora (C‑100/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Línea Directa Aseguradora”EU:C:2019:517, punt 45).

( 6 ) Ara s-sentenza Línea Directa Aseguradora (punt 32).

( 7 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura ddanneġġjata) (C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara s-sentenza Línea Directa Aseguradora (punti 35 u 36). Ara, wkoll, il-formulazzjoni tal-Artikolu 1(1a) tad-Direttiva 2009/103, miżjud permezz tad-Direttiva (UE) 2021/2118 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2021, li temenda d-Direttiva 2009/103 (ĠU 2021, L 430, p. 1). Din id-direttiva għandha, skont l-Artikolu 2 tagħha, tiġi trasposta sa mhux iktar tard mit‑23 ta’ Diċembru 2023.

( 9 ) Ara s-sentenza Línea Directa Aseguradora (punt 42).

( 10 ) Ara s-sentenza Línea Directa Aseguradora (punt 48).

( 11 ) Ara d-digriet tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Bueno Ruiz u Zurich Insurance (C‑431/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:1082, punti 42 sa 45).

( 12 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 58).

( 13 ) Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331).

( 14 ) Ara l-premessa 1 ta’ din id-direttiva. Il-ġurisprudenza relatata ma’ dawn id-direttivi preċedenti tista’ għalhekk tiġi applikata għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-imsemmija direttiva. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 35).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punti 2526, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Ara, għall-istorja leġiżlattiva ta’ din id-direttiva, ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-test konġunt, approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni, għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi) [C5-0155/2000 –1997/0264(COD)] (Final A5-0130/2000), disponibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-5-2000-0130_EN.pdf, p. 6. Ara wkoll Pailler, P., Manuel de Droit Européen des Assurances, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2022, b’mod partikolari punt 263, p. 273.

( 17 ) Ara l-premessi 8 sa 14 tad-Direttiva 2000/26.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli fil-Qasam tal-Inċidenti tat-Traffiku, konkluża f’Den Haag fl‑4 ta’ Mejju 1971. Ara wkoll ir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ Eric W. Essén, disponibbli fuq l-inidrizz elettroniku li ġej: https://assets.hcch.net/docs/cef13270-0800-4ac5-b583-b8e4aa076a1c.pdf, b’mod partikolari p. 214.

( 19 ) Direttiva 2005/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/166/KEE, 84/5/KEE, 88/357/KEE u 90/232/KEE u d-Direttiva 2000/26 (ĠU 2005, L 149, p. 14). Din id-direttiva żiedet fid-Direttiva 2000/26 il-premessa 16a li fiha, fir-rigward tad-dritt tal-persuna leża li tressaq azzjoni ġudizzjarja kontra l-assiguratur quddiem il-qorti tal-post fejn hija ddomiċiljata, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment għall-Artikolu 9(1)(b) u għall-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 331). F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 29).

( 20 ) Ara l-premessa 21 ta’ din id-direttiva.

( 21 ) Ara l-premessa 20 ta’ din id-direttiva, kif ukoll is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2021, K.S. (Spejjeż ta’ rmonk ta’ vettura ddanneġġjata) (C‑707/19, EU:C:2021:405, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Għandu jiġi nnotat li dan l-obbligu jipproduċi l-effetti tiegħu indipendentement min-nullità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li tirriżulta minn dikjarazzjonijiet inizjali foloz tal-persuna assigurata. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑20 ta’ Lulju 2017, Fidelidade-Companhia de Seguros (C‑287/16, EU:C:2017:575, punt 27).

( 23 ) Ara l-aħħar paragrafu tal‑Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara s-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26, punti 33 sa 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward tal-liġi Pollakka, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Skarb Państwa (Kopertura ta’ assigurazzjoni għal vetturi bil-mutur) (C‑428/20, EU:C:2021:1043, punt 16.)

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punti 5458).

( 25 ) Ara l-premessa 2 tad-Direttiva 2009/103.

( 26 ) Ara l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/103 u s-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 41).

( 27 ) Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2009/103 u, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 39).

( 28 ) Ara, barra minn hekk, fil-każ fejn l-obbligu ta’ assigurazzjoni għall-vettura involuta fl-inċident ma jkunx ġie ssodisfatt, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny (C‑383/19, EU:C:2021:337, punt 56), bħala tfakkir tal-għan tal-protezzjoni tal-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku li huwa essenzjali għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/103.

( 29 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen (C‑463/06, EU:C:2007:792, punt 29), u, fir-rigward tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2022, Allianz Elementar Versicherung (C‑652/20, EU:C:2022:514, punti 30, 32, 45, 49, 50, 5354, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) La mill-kliem u lanqas mill-għanijiet tad-Direttiva 2009/103 ma jirriżulta li din hija intiża sabiex tistabbilixxi regoli ta’ kunflitti tal-liġijiet, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 40). Ara, wkoll, il-punti 47 sa 54 ta’ dik is-sentenza dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (KE) Nri 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), u 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40). Ara, barra minn hekk, fir-rigward tal-obbligu li tiġi applikata l-Konvenzjoni dwar il-Liġi Applikabbli fil-Qasam tal-Inċidenti tat-Traffiku, konkluża f’Den Haag fl‑4 ta’ Mejju 1971, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Haasová (C‑22/12, EU:C:2013:692, punt 36), kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl dwar id-diffikultajiet f’dan ir-rigward fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Lazar (C‑350/14, EU:C:2015:586, punt 36).

( 31 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 56).

( 32 ) Ara l-punti 18 u 19, kif ukoll 22 u 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara, ukoll, bħala eżempju, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 43).

( 34 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2021, T. B. u D. (Ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni) (C‑393/20, mhux ippubblikata, EU:C:2021:871, punti 1718).

( 35 ) Il-qorti tar-rinviju sostniet li l-ġurisprudenza Pollakka, imfakkra fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, twassal lill-assiguraturi sabiex jastjenu b’mod sistematiku milli jħallsu volontarjament il-kumpens b’mod konformi magħha sabiex jipperswadu lill-qrati jbiddlu l-linja ġurisprudenzjali billi jħallsu ċertament “kumpens għall-ispejjeż ipotetiċi”, iżda billi jikkalkolaw dawn l-ispejjeż b’mod arbitrarju, billi jassumu li f’dan il-każ huwa biżżejjed li jintużaw għall-kalkolu l-prezzijiet ta’ spare parts ta’ kwalità inferjuri, jew varji skontijiet, tnaqqis, “amortizzament”, eċċ, b’tali mod li l-maġġoranza tal-kawżi jitressqu quddiem il-qrati, li jżid l-ammont ta’ xogħol tagħhom.

( 36 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 37 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kumpens għall-ħsara li tirriżulta mill-użu ta’ vetturi ma jistgħux ikollhom il-konsegwenza li jeskludu ex officio jew li jillimitaw b’mod sproporzjonat id-dritt tal-persuna leża li tikseb kumpens mill-assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli għal din il-ħsara. Ara, sabiex jitfakkru dawn il-prinċipji, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Marques Almeida (C‑300/10, EU:C:2012:656, punti 3132); tat‑23 ta’ Jannar 2014, Petillo (C‑371/12, EU:C:2014:26, punt 41, kif ukoll, għal applikazzjoni għal din il-kawża, punti 44 u 45); u tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Van Ameyde España (C‑923/19, EU:C:2021:475, punt 44).

Top