EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0575

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-24 ta’ Novembru 2022.


Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:930

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑24 ta’ Novembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑575/21

WertInvest Hotelbetriebs GmbH

vs

Magistrat der Stadt Wien,

parti magħquda:

Verein Alliance for Nature

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija))

(Talba għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati – Determinazzjoni tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq il-bażi ta’ limiti minimi jew kriterji stabbiliti minn Stat Membru – Proġett ta’ żvilupp urban f’żona kklassifikata mill-UNESCO bħala sit ta’ patrimonju dinji – Dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kemm għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ art kif ukoll għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art)

I. Introduzzjoni

1.

Vjenna hija belt ta’ patrimonju rikk storiku, kulturali u arkitettoniku. Dik li bdiet bħala l-insedjament Ċeltika saret il-belt strateġika tal-forzi armati Rumana ta’ Vindobona. Fl‑1857, il-fortizzi u difiżi oħrajn li kienu nbnew madwar il-belt fis-seklu 13 inkisru u ġew sostitwiti mir-Ringstraße, li fetħet fl‑1865 u matulha twaqqfu ħafna binjiet pubbliċi kbar bi stil eklektiku storiku importanti, xi drabi msejjaħ Ringstraßenstil, billi ntużaw elementi arkitettoniċi tal-Klassiku, tal-Gotiku, tar-Rinaxximentali u tal-Barokk. Il-UNESCO kklassifikat iċ-ċentru storiku ta’ Vjenna, inkluża r-Ringstraße, bħala sit ta’ patrimonju dinji.

2.

Madwar 250m kumpannija privata qiegħda titlob li twettaq l-“ICV Heumarkt Neu – Neubau Hotel InterContinental, Wiener Eislaufverein WEV” (il-Haymarket Ġdid tal-ICV – il-bini mill-ġdid tal-lukanda InterContinental, il-Klabb tal-Isports tas-Silġ ta’ Vjenna; iktar ’il quddiem “il-proġett ta’ Haymarket Ġdid”) ċirka 250 m minn dik il-parti tar-Ringstraße msejħa Schubertring ( 2 ). Il-proġett ta’ Haymarket Ġdid jinvolvi t-twaqqigħ tal-lukanda eżistenti InterContinental u s-sostituzzjoni tagħha b’diversi strutturi ġodda, inkluż bini ta’ torri ta’ dsatax-il sular, għal użu ta’ lukanda, ta’ kummerċ, ta’ konferenzi, ta’ residenzi u ta’ uffiċċji li għandu post taħt l-art għall-iskejzjar fuq is-silġ, sala tal-isports, pixxina u postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi b’275 postijiet għall-ipparkjar. Huwa antiċipat li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ser jokkupa madwar 1.55 ettaru b’superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ madwar 89000 m2.

3.

Il-proġett wassal għal xi kontroversja minħabba l-viċinanza tiegħu maċ-ċentru ta’ Vjenna, sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO, u l-impatt allegat tat-tul tal-bini tat-torri propost fuq l-orizzont tal-belt. Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna, l-Awstrija) essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru li jagħżel li jiddetermina li proġetti għandhom jiġu ssuġġettati għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent permezz ta’ riferiment għal limiti minimi jew kriterji li huwa adotta jistax ikun meħtieġ li jagħmel din id-determinazzjoni permezz ta’ eżami individwali ta’ proġett li ma jilħaqx dawn il-limiti minimi jew kriterji preskritti iżda li huwa probabbli li jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

II. Dispożizzjonijiet ġuridiċi rilevanti

A.   Id‑dritt tal‑Unjoni Ewropea

4.

Il-preambolu tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent ( 3 ), kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 ( 4 ), jistabbilixxi, inter alia, il-prinċipji li ġejjin:

“(7)

Kunsens għall-iżvilupp għal proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq l-ambjent għandu jingħata biss wara li tkun saret stima minn qabel tal-effetti ambjentali sinifikanti probabbli ta’ dawk il-proġetti. Dik l-istima għandha titmexxa fuq il-bażi tal-informazzjoni xierqa mogħtija mill-iżviluppatur, li tista’ tkun supplementata mill-awtoritajiet u mill-pubbliku li x’aktarx ikun ikkonċernat bil-proġett inkwistjoni.

(8)

Proġetti li jappartienu lil ċerti tipi għandhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent u dawk il-proġetti għandhom, bħala regola, jkunu suġġetti għal stima sistematika.

(9)

Proġetti ta’ tipi oħra jista’ ma jkollomx effetti sinifikanti fuq l-ambjent f’kull każ u dawk il-proġetti għandhom ikunu stmati fejn l-Istati Membri jaħsbu li x’aktarx li jkollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

(10)

L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu livelli jew kriterji bil-għan li jistabbilixxu liema minn dawn il-proġetti għandhom jiġu soġġetti għal stima fuq il-bażi tal-importanza tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu meħtieġa li jeżaminaw proġetti li jaqgħu taħt dawk il-livelli jew ’il barra minn dawk il-kriterji fuq il-bażi ta’ każ b’każ.

(11)

Huma u jistabbilixxu tali livelli jew kriterji jew jeżaminaw il-proġetti fuq il-bażi ta’ każ b’każ, bil-għan li jistabbilixxu liema proġetti għandhom ikunu soġġetti għal stima fuq il-bażi tal-effetti sinifikanti tagħhom fuq l-ambjent, l-Istati Membri għandhom iqisu l-kriterji rilevanti tal-għażla stabbiliti f’din id-Direttiva. B’mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma fl-aħjar pożizzjoni biex japplikaw dawk il-kriterji f’okkażjonijiet speċifiċi.”

5.

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi li din għandha tapplika għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġetti pubbliċi u privati ( 5 ) li huma probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

6.

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li, qabel ma jingħata l-kunsens għall-iżvilupp, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikattiv fuq l-ambjent minħabba, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit li jkun hemm kunsens għall-iżvilupp u valutazzjoni rigward l-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Dawk il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

7.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2011/92 jipprevedi li:

“Il-valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’mod xieraq, fid-dawl ta’ kull każ individwali, l-effetti sinifikattivi, diretti u indiretti, ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

(a)

il-popolazzjoni u s-saħħa tal-bniedem;

(b)

il-bijodiversità, b’attenzjoni partikolari għal speċijiet u ambjenti protetti skont id-Direttiva [tal-Kunsill] 92/43/KEE (tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, vol. 2, p. 102)) u d-Direttiva 2009/147/KE (tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7);

(c)

l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima;

(d)

l-assi materjali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġ;

(e)

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fil punti (a) sa (d).”

8.

Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/92:

“[…]

(2)   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

(3)   Fejn issir analiżi każ b’każ jew jiġu stabbiliti parametri jew kriterji għall-fini tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti ddikjarati fl-Anness III. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu livelli massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx hemm bżonn li proġetti jgħaddu jew mid-determinazzjoni taħt il-paragrafi 4 u 5 jew minn valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, u/jew limiti massimi jew kriterji biex jiddeterminaw meta proġetti jkunu f’kull każ suġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent mingħajr ma jgħaddu minn determinazzjoni kif stabbilit fil-paragrafi 4 u 5.

[…]”

9.

L-Anness II tad-Direttiva 2011/92 huwa intitolat “Il-Proġetti Msemmija Fl-Artikolu 4(2)”. Il-Punt 10 tiegħu jipprevedi li “Proġetti ta’ Infrastruttura” jinkludu “proġetti ta’ żvilupp urban, inkluż il-kostruzzjoni ta’ ċentri kummerċjali u ta’ parkeġġi għall-karozzi”.

10.

L-Anness III tad-Direttiva 2011/92 huwa intitolat “Il-Kriterji tal-Għażla Msemmija fl-Artikolu 4(3) (Kriterji li Jiddeterminaw Jekk il-Proġetti Elenkati fl-Anness II Ġħandhomx Ikunu Soġġetti għal Valutazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent)”. Il-punt 1 tiegħu jistabbilixxi li l-karatteristiċi ta’ proġetti għandhom jitqiesu, b’mod partikolari fir-rigward ta’: (a) id-daqs u d-disinn tal-proġett kollu; (b) il-kumulazzjoni ma’ proġetti eżistenti u/jew approvati oħra; (c) l-użu ta’ riżorsi naturali, partikolarment l-art, il-ħamrija, l-ilma u l-bijodiversità; (d) il-produzzjoni tal-iskart; (e) it-tniġġis u l-elementi ta’ fastidju; (f) ir-riskju ta’ inċidenti kbar u/jew diżastri li huma rilevanti għall-proġett ikkonċernat, inklużi dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, abbażi tal-għarfien xjentifiku; (g) ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem (pereżempju dawk minn kontaminazzjoni tal-ilma jew tniġġis tal-arja).

11.

Sa fejn jidher li huwa rilevanti għall-kwistjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-domandi preliminari, il-punt 2 tal-Annex III tad-Direttiva 2011/92, intitolat “il-post fejn jinsabu l-proġetti”, jipprevedi s-sensittività ambjentali ta’ żoni ġeografiċi li huma probabbli li jiġu affettwati mill-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward ta’: (a) l-użu eżistenti u approvat tal-art; (b) l-abbundanza relattiva, id-disponibbiltà, il-kwalità u l-kapaċità ta’ riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali (inkluża l-ħamrija, l-art, l-ilma u l-bijodiversità) fiż-żona u taħt l-art tagħha; u (c) il-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil, inter alia, żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni u pajsaġġi u siti ta’ sinjifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku.

12.

Fil-punt 3 tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92, intitolat “[I]t-tip u l-karatteristiċi tal-impatt potenzjali”, l-effetti sinjifikattivi li l-proġetti x’aktarx li jkollhom fuq l-ambjent għandhom jitqiesu f’rabta mal-kriterji stabbiliti fil-punti 1 u 2 tal-Anness III, fir-rigward tal-impatt tal-proġett fuq fatturi speċifikati fl-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, filwaqt li jitqiesu: (a) id-daqs u l-ambitu spazjali tal-impatt (pereżempju, iż-żona ġeografika u d-daqs tal-popolazzjoni li x’aktarx tkun affettwata); (b) in-natura tal-impatt; (c) in-natura transkonfinali tal-impatt; (d) l-intensità u kumplessità tal-impatt; (e) il-probabbiltà tal-impatt; (f) meta se jitfaċċa l-impatt, kemm se jdum fis-seħħ l-impatt, il-frekwenza u r-riversibbiltà tal-impatt; (g) il-kumulazzjoni tal-impatt mal-impatt ta’ proġetti oħra eżistenti u/jew approvati; u (h) il-possibbiltà li jitnaqqas l-impatt b’mod effikaċi.

B.   Id‑dritt Awstrijak

13.

Il-paragrafu 1 tal-Bundesgesetz über die Prüfung der Umweltverträglichkeit (Umweltverträglichkeitsprüfungsgesetz) (Att Federali dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent iktar ’il quddiem l-“EIAA”), tal‑14 ta’ Ottubru 1993 ( 6 ), huwa intitolat “L-għan tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent u l-parteċipazzjoni pubblika”, fil-verżjoni applikabbli għall-kawża prinċipali ( 7 ), u jiddikjara li:

“(1)   L-għan tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent (EIA) għandu jkun, bil-parteċipazzjoni pubblika u fuq bażi tal-esperti,

1)

sabiex jiġu identifikati, deskritti u evalwati l-effetti diretti u indiretti li proġett ser ikollu jew jista’ jkollu

a)

fuq persuni u diversità bijoloġika, inkluż l-annimali, il-pjanti u l-postijiet ta’ abitazzjoni tagħhom,

b)

fuq l-art u l-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-klima,

c)

fuq il-pajsaġġi, u

d)

fuq assi materjali u l-patrimonju kulturali,

inkluż kwalunkwe interazzjonijiet bejn effetti diversi

[…]”

14.

Permezz tal-Paragrafu 3 tal-EIAA, intitolat “L-oġġett tal-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq l-Ambjent”:

“(1)   Proġetti elenkati fl-Anness 1 u modifiki lil tali proġetti għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin. Proġetti elenkati fil-Kolonni 2 u 3 tal- Anness 1 għandhom ikunu evalwati mill-proċedura ssimplifikata […]

(2)   Fil-każ ta’ proġetti fl-Anness 1, li ma jilħqux il-limiti minimi jew jilħqu l-kriterji stabbiliti f’dan l-anness iżda li, meta magħqudin ma’ proġetti oħrajn, jilħqu l-limitu minimu jew jissodisfaw il-kriterju inkwistjoni, l-awtorità għandha tiddikjara, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk l-effetti kumulattivi probabbilment jirriżultaw f’effetti ta’ ħsara, mhux mixtieqa, jew ħżiena sinjifikattivi fuq l-ambjent u jekk evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandhiex għalhekk titwettaq għall-proġett propost. Għal akkumulazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni proġetti simili u ġeografikament relatati, li diġà jeżistu jew li kisbu l-kunsens, jew proġetti li kienu sottomessi preċedentement lil awtorità pubblika b’applikazzjoni sħiħa għal kunsens jew għal liema kunsens kien ġie applikat preċedentement skont il-Paragrafi 4 jew 5. Eżami każ b’każ ma għandux jitwettaq jekk il-proġett propost għandu kapaċità ta’ inqas minn 25 % tal-limitu minimu. Meta jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 5 u l-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu applikati. L-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha titwettaq permezz tal-proċedura ssimplifikata. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

[…]

(4)   fil-każ ta’ proġetti li għalihom valur ta’ limitu minimu huwa mfisser għal ċerti żoni protetti fil-Kolonna 3 tal-Anness 1, fejn dan il-kriterju huwa ssodisfat, l-awtorità għandha tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-ambitu u l-effetti fit-tul tal-impatt fuq l-ambjent, jekk effetti ħżiena sinjifikattivi għandhom ikunu mistennija għall-post tal-abitazzjoni protett (Kategorija B tal-Anness 2) jew għall-għan ta’ protezzjoni li għalih iż-żona protetta ġiet stabbilita (Kategoriji A, Ċ, D u E tal-Anness 2). Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, żoni protetti ta’ Kategoriji A, Ċ, D jew E tal-Anness 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk, fil-ġurnata ta’ meta tingħata bidu l-proċedura, kienu diġà stabbiliti jew inklużi fil-lista ta’ siti ta’ importanza fil-Komunità (Kategorija A tal-Anness 2). Jekk effetti ħżiena sinjifikattivi huma mistennija, għandha titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Meta jiġi deċiż fuq bażi ta’ każ b’każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 5 u l-paragrafi 7 u 8 għandhom jiġu applikati. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

(4a)   Fil-każ ta’ proġetti li għalihom kundizzjonijiet speċjali oħrajn minbarra dawk identifikati fil-paragrafu 4 huma stabbiliti fil-Kolonna 3 tal-Anness 1 u jekk dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, l-awtorità għandha tiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ, bl-applikazzjoni ta’ paragrafu 7, jekk effetti sinjifikattivi ta’ ħsara jew ħżiena fuq l-ambjent għandhomx ikunu mistennija, kif imfisser fis-subparagrafu 1 tal-Paragrafu 1(1). Jekk l-awtorità tikkonstata li tali effetti għandhom ikunu mistennija, l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandha titwettaq permezz ta’ proċedura ssimplifikata. Eżami każ b’każ ma huwiex meħtieġ jekk l-applikant tal-proġett japplika sabiex titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent.

(5)   Meta tieħu d-deċiżjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin, fejn ikunu rilevanti:

1.

Karatteristiċi tal-proġett (id-daqs tal-proġett, l-użu ta’ riżorsi naturali, produzzjoni ta’ skart, tniġġis u fastidju tal-ambjent, vulnerabbiltà tal-proġett għar-riskji ta’ inċidenti kbar u/jew diżastri naturali, inkluż dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima, skont l-għarfien xjentifiku, ir-riskji għas-saħħa umana);

2.

Żona tal-proġett (sensittività tal-ambjent bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-użu tal-art eżistenti jew approvat, abbundanza, kwalità u kapaċità ta’ riġenerazzjoni tar-riżorsi naturali fiż-żona u taħt l-art tagħha, il-kapaċità tal-assorbiment tal-ambjent naturali, fejn huwa xieraq meħudin inkunsiderazzjoni ż-żoni stabbiliti fl-Anness 2);

3.

Karatteristiċi tal-impatt potenzjali tal-proġett fuq l-ambjent (it-tip, id-daqs u l-ambitu spazjali tal-impatt), in-natura transkonfinali tal-impatt, l-intensità u l-kumplessità tal-impatt, il-bidu mistenni, il-probabbiltà tal-impatt, kemm se jdum fis-seħħ l-impatt, il-frekwenza u r-riversibbiltà tal-impatt; il-possibbiltà li effettivament jiġi evitat jew imnaqqas l-impatt) kif ukoll il-bidla fl-impatt fuq l-ambjent li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-proġett kif ipparagunata mas-sitwazzjoni mingħajr l-implimentazzjoni tal-proġett.

Fil-każ ta’ proġetti elenkati fil-Kolonna 3 tal-Anness 1, il-varjazzjoni tal-impatt għandha tkun evalwata fir-rigward taż-żona protetta. […]

(6)   Kunsens għal proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni skont il-paragrafi 1, 2 jew 4 ma għandux jinħareġ qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent jew l-eżami każ b’każ. Kwalunkwe notifika mogħtija ma għandu jkollha l-ebda effett legali qabel l-ikkompletar tal-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Kunsens maħruġ bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jiġi ddikkjarat null u bla effett fi żmien tliet snin mill-awtorità kompetenti skont il-Paragrafu 39(3).

(7)   Fuq it-talba mill-applikant tal-proġett, minn awtorità li qiegħda tikkoopera jew mill-ombudsman tal-ambjent, l-awtorità għandha tiddikjara jekk l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent għandhiex titwettaq għal proġett skont dan l-Att u liema kriterji jissodisfa dan il-proġett minn dawk stabbiliti fl-Anness I jew fil-Paragrafu 3a(1) sa (3). Din id-dikjarazzjoni tista’ ssir ukoll mill-awtorità ex officio. […]

[…]

(9)   jekk l-awtorità tiddeċiedi skont il-paragrafu 7 li proġett ma għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent, organizzazzjoni tal-ambjent irrikonoxxuta skont il-Paragrafu 19(7) jew ġar skont il-punt 1 tal-Paragrafu 19(1) għandu jkollhom id-dritt li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti Amministrattiva Federali. Mill-ġurnata tal-pubblikazzjoni fuq l-internet, tali organizzazzjoni tal-ambjent jew tali ġar għandhom jingħataw aċċess għall-fajl amministrattiv. Għall-finijiet tal-locus standi tal-organizzazzjoni tal-ambjent, iż-żona ġeografika ta’ attività ddikjarata fid-digriet amministrattiv ta’ rikonoxximent skont l-Paragrafu 19(7) għandha tkun deċiżiva.

[…]”

15.

L-Anness 1 tal-EIAA jistabbilixxi fid-dettall il-proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Kolonna 1 telenka l-proġetti suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent regolari. Kolonna 2 fiha proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent issimplifikata; u Kolonna 3 fiha dawk il-proġetti li fir-rigward tagħhom in-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent issimplifikata għandha tkun eżaminata fuq bażi ta’ każ b’każ. Proġetti ta’ żvilupp urban ( 8 ) b’okkupazjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150,000 m2 jidhru fil-Kolonna 2 ta’ dak l-Anness ( 9 ). Kolonna 3 tal-Anness 1 tal-EIAA tipprevedi li l-“Paragrafu 3(2) tagħha għandha tapplika għal [proġetti ta’ żvilupp urban], biż-żieda li s-somma tal-kapaċitajiet li kisbu kunsens fl-aħħar 5 snin, inkluż il-kapaċità jew espansjoni tal-kapaċità applikata għalihom, għandha tittieħed inkonsiderazzjoni.”

16.

L-Anness 2 tal-EIAA jiddefinixxi l-kategoriji ta’ żoni protetti li għalihom tirreferi wkoll il-Kolonna 3. Siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO elenkati skont l-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Patrimonju Dinji Kulturali u Naturali ( 10 ) huma “żoni ta’ protezzjoni speċjali” għall-finijiet ta’ Kategorija A ta’ dawk iż-żoni protetti.

III. It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u t‑talba għal deċiżjoni preliminari

17.

Fis‑17 ta’ Ottubru 2017, WertInvest Hotelbetriebs GmbH ressqet applikazzjoni quddiem il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Provinċja ta’ Vjenna, l-Awstrija) għal dikjarazzjoni li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx meħtieġa għall-proġett ta’ Haymarket Ġdid.

18.

Fis‑16 ta’ Ottubru 2018, il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Provinċja ta’ Vjenna) iddeċieda li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Huwa adotta l-fehma li dan il-proġett ma kienx jeċċedi l-limiti minimi deskritti fil-punt 18(b) tal-Anness 1 tal-EIAA u li d-dispożizzjoni tal-akkumulazzjoni fil-Paragrafu 3(2) tal-EIAA ma kinitx tapplika għaliex il-proġett kellu kapaċità ta’ inqas minn 25 % tal-limitu minimu applikabbli.

19.

Fit‑30 ta’ Novembru 2018, WertInvest Hotelbetriebs ressqet applikazzjoni quddiem il-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna, Austria) għal permess tal-bini għal proġett ta’ Haymarket Ġdid.

20.

Bosta ġirien kif ukoll organizzazzjoni tal-ambjent bdew proċeduri sabiex jikkuntestaw id-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ottubru 2018 quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija). Matul dawn il-proċedimenti, WertInvest Hotelbetrieb irtirat l-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni li l-proġett ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Minkejja dan l-irtirar, fid‑9 ta’ April 2019 il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet ex officio li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent issimplifikata. Hija adottat il-fehma li l-leġiżlatura Awstrijaka kienet naqset milli tqis b’mod suffiċjenti n-neċessità li tipproteġi ż-żoni protetti inklużi fil-Kategorija A tal-Anness 2 tal-EIAA fil-proċedura li twassal għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti ta’ żvilupp urban ( 11 ). Hija żiedet li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid wera li proġetti li ma laħqux il-limiti minimi stabbiliti fil-Kolonna 2 tal-Anness 1 tal-EIAA jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq sit ta’ patrimonju dinji protett tal-UNESCO. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) kkonkludiet li d-Direttiva 2011/92 kienet ġiet trasposta b’mod żbaljat fid-dritt Awstrijak u li kien għalhekk neċessarju li tiġi eżaminata n-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent permezz ta’ riferiment għall-proġett ta’ Haymarket Ġdid innifsu.

21.

WertInvest Hotelbetriebs u l-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Provinċja ta’ Vjenna) appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il- Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema, l-Awstrija). Fil‑25 ta’ Ġunju 2021, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva Suprema) annullat is-sentenza tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali), billi ddeċidiet li, minħabba li WertInvest Hotelbetriebs kienet irtirat l-applikazzjoni tagħha għal dikjarazzjoni li l-proġett ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ma kellha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni. Fil‑15 ta’ Lulju 2021, il- Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali) ddeċidiet li, fid-dawl tal-irtirar tal-imsemmija applikazzjoni għal dikjarazzjoni, id-deċiżjoni tal-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Provinċja ta’ Vjenna) tas‑16 ta’ Ottubru 2018 kienet nulla u bla effett.

22.

Matul dawn il-proċeduri legali, l-applikazzjoni ta’ WertInvest Hotelbetrieb’s għal permess ta’ bini kienet pendenti quddiem il-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna). Minħabba li din l-Amministrazzjoni ma kinitx ħadet deċiżjoni fir-rigward ta’ din l-applikazzjoni fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni tagħha, fit‑12 ta’ Marzu 2021 WertInvest Hotelbetriebs ippreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) sabiex titlob lil Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna) sabiex toħroġ dan il-permess tal- bini, minħabba li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx meħtieġa sabiex tieħu din id-deċiżjoni.

23.

Sabiex tiddeċiedi dwar jekk il-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna) naqsitx milli taġixxi, il- Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva, Vjenna) tikkunsidra neċessarju li tistabbilixxi jekk il-proġett ta’ Haymarket Ġdid kienx jeħtieġ li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tirreferi għal proġett bħala wieħed mill-iktar proġetti ta’ żvilupp urban sinjifikattivi li għandu jitwettaq fi Vjenna minn meta spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. Hija osservat ulterjorment li, fl‑10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni Ewropea bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Gvern Awstrijak ( 12 ) li qajmet numru ta’ kwistjonijiet dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/92 fid-dritt Awstrijak ( 13 ), b’mod notevoli li tistabbilixxi limiti minimi li ma humiex xierqa li fil-prattika jeskludu n-neċessità li jitwettqu evalwazzjonijiet tal-effetti fuq l-ambjent għal proġetti kollha sinjifikattivi ta’ żvilupp urban (pereżempju, il-proġett ta’ Haymarket Ġdid).

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Id-[Direttiva 2011/92], tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ “proġetti ta’ żvilupp urban” kemm għall-osservanza ta’ limiti minimi għall-okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2 u kif ukoll għall-fatt li l-proġett tal-iżvilupp ikun żvilupp kompletament multifunzjonali li f’kull każ jinkludi bini residenzjali u kummerċjali, inklużi toroq ta’ aċċess u utilitajiet intiżi għal dan il-bini, u b’żona ta’ attrazzjoni li testendi lil hinn miż-żona tal-proġett? F’dan ir-rigward, huwa rilevanti l-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi fattispeċi speċifiċi b’riferiment għal:

żoni ta’ rikreazzjoni jew ta’ divertiment, stejdjums jew korsi tal-golf (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

żoni industrijali u kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat),

ċentri kummerċjali (’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat jew ’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi),

stabbilimenti għall-akkomodazzjoni bħal lukandi jew villaġġi tal-vaganzi, inklużi l-installazzjonijiet annessi (’il fuq minn ċertu numru ta’ sodod jew ’il fuq minn ċertu superfiċi okkupat, biss fiż-żoni li jinsabu lil hinn mill-agglomerazzjonijiet magħluqa); u

postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi jew garaxxijiet aċċessibbli għall-pubbliku (’il fuq minn ċertu numru ta’ postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi)?

(2)

Fid-dawl b’mod partikolari tal-punt 2(c)(viii) tal-Anness III [ta’ din id-direttiva] li jeżiġi li, sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandha wkoll tingħata attenzjoni partikolari għall-“pajsaġġi ta’ sinifikat storiku, kulturali jew arkeoloġiku”, id-[Direttiva 2011/92] teżiġi, għal żoni partikolarment importanti mill-perspettiva storika, kulturali, urbanistika jew arkitettonika, bħas-siti tal-patrimonju dinji tal-UNESCO, li jiġu stabbiliti limiti minimi iktar baxxi jew kriterji iktar stretti (minn dawk indikati fl-ewwel domanda)?

(3)

Id-[Direttiva 2011/92] tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li, għall-evalwazzjoni ta’ ‘proġetti ta’ żvilupp urban’ fis-sens tal-ewwel domanda, tillimita l-aggregazzjoni (akkumulazzjoni) ma’ proġetti oħra simili u viċini billi tieħu inkunsiderazzjoni biss il-kapaċitajiet awtorizzati matul l-aħħar ħames snin, inklużi l-kapaċità jew l-estensjoni tal-kapaċità mitluba, filwaqt li l-proġetti ta’ żvilupp urban jew il-partijiet ta’ dawn il-proġetti ma għandhomx jibqgħu jitqiesu kunċettwalment bħala tali wara li dawn jitwettqu u filwaqt li, meta l-proġett previst jinvolvi kapaċità li tkun inqas minn 25 % tal-limitu minimu, ma jiġix iddeterminat fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk, minħabba l-akkumulazzjoni tal-effetti, humiex mistennija effetti ta’ dannu, ta’ ħsara jew ta’ tniġġis sinjifikattivi fuq l-ambjent u għalhekk hemmx lok li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent tal-proġett previst?

(4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda:

L-eżami każ b’każ sabiex jiġi stabbilit jekk il-proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u għandux għalhekk ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, meħtieġ fil-każ fejn l-awtoritajiet nazzjonali jaqbżu l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati membri (skont id-dispożizzjonijiet, f’dan il-każ direttament applikabbli, tal-Artikolu 2(1) kif ukoll tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92), jista’ jkun limitat għal ċerti aspetti tal-protezzjoni, bħall-għan tal-protezzjoni ta’ żona partikolari, jew għandhom, f’dan il-każ, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji u l-aspetti kollha msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92?

(5)

Id-[Direttiva 2011/92] tippermetti, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ protezzjoni ġudizzjarja stipulati fl-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva, li l-eżami deskritt fir-raba’ domanda jitwettaq għall-ewwel darba mill-qorti tar-rinviju (fil-kuntest ta’ proċedura għall-ħruġ ta’ permess tal-bini u tal-eżami tal-kompetenza tagħha stess) li fil-proċeduri quddiemha, skont id-dritt nazzjonali, il-‘pubbliku’ jgawdi l-kwalità ta’ parti biss f’kuntest estremament limitat, u li kontra d-deċiżjoni tagħha l-‘pubbliku kkonċernat’ fis-sens tal-Artikolu 1(2)(d) u (e) tad-[Direttiva 2011/92] għandu biss rimedji estremament limitati? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, skont id-dritt nazzjonali, lil hinn mill-possibbiltà ta’ determinazzjoni ex officio, huma biss il-persuna responsabbli għall-proġett, awtorità involuta jew l-Umweltanwalt (medjatur għall-ambjent) li jistgħu jitolbu dikjarazzjoni distinta tal-kwistjoni dwar jekk il-proġett huwiex suġġett għall-obbligu li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent?

(6)

Fil-każ ta’ ‘proġetti ta’ żvilupp urban’ fis-sens tal-punt 10(b) tal-Anness II ta’ [dik] id-direttiva, id-[Direttiva 2011/92] tippermetti, qabel jew matul it-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent meħtieġa jew qabel it-tmiem ta’ eżami każ b’każ tal-effetti fuq l-ambjent intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja, li jingħataw permessi tal-bini għal xogħlijiet individwali li jikkostitwixxu parti mill-proġetti ta’ żvilupp urban fit-totalità tagħhom, meta, fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti tal-permess tal-bini, ma ssir ebda evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-[Direttiva 2011/92] u l-pubbliku għandu biss b’mod limitat il-kwalità ta’ parti?”

25.

WertInvest Hotelbetrieb, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022, dawn il-partijiet, flimkien mal-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna) u l-Verein Alliance for Nature (l-Għaqda tal-Alleanza tan-Natura), ippreżentaw argument orali u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Skont it-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-konklużjonijiet tiegħi jeżaminaw l-ewwel erba’ domandi preliminari mqajma mill-qorti tar-rinviju.

IV. Evalwazzjoni

A.   Ammissibbiltà

27.

WertInvest Hotelbetrieb tissottometti li din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ma huwiex proġett ta’ żvilupp urban għall-finijiet tad-Direttiva 2011/92. Hija ssostni li, bl-eċċezzjoni tal-bini tat-torri, il-bini l-ieħor kollu fuq is-sit diġà jeżisti u ser ikun biss rikondizzjonat. B’mod ulterjuri, jew fl-alternattiva, it-tielet domanda preliminari hija purament ipotetika. Id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax il-preżenza ta’ xi proġetti simili fiż-żona tal-proġett ta’ Haymarket Ġdid, u minħabba din ir-raġuni, din id-domanda hija inammissibbli.

28.

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni li għaliha jipprevedi l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq tilwima, u li ser ikollha tieħu r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi preliminari li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi preliminari magħmula minn qorti nazzjonali jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun marbuta, bħala prinċipju, sabiex tagħti deċiżjoni ( 14 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss fejn ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi preliminari magħmula ( 15 ).

29.

WertInvest Hotelbetrieb issostni li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ma huwiex proġett ta’ żvilupp urban fis-sens tad-Direttiva 2011/92. Minħabba li l-argument imressaq minn WertInvest Hotelbetriebs hija bbażata fuq l-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, ma huwiex sorprendenti li l-qorti tar-rinviju ssib lilha nnifisha f’pożizzjoni fejn titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-assistenza sabiex tirrispondi għaliha. Għalhekk jidher li ma hemm l-ebda dubju li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

30.

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-tielet domanda preliminari, filwaqt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tidentifikax proġetti simili oħrajn li huma ppjanati jew imwettqa fl-istess żona, minħabba ż-żona tal-proġett ta’ Haymarket Ġdid u l-akkumulazzjoni tiegħu ma’ proġetti eżistenti u/jew approvati oħra fis-sens tal-punti 1(b) u 3(g) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92, din id-domanda preliminari ma tistax titqies bħala waħda purament ipotetika fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

31.

Jiena għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi l-ewwel erba’ domandi fid-deċiżjoni tar-rinviju.

B.   Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda preliminari

32.

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari tagħha, li jistgħu jingħataw risposta flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92, moqrija flimkien mal-punt 10(b) tal-Anness II u punt 2(c)(viii) tal-Anness III tagħha, jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ta’ żvilupp urban biss meta huma jokkupaw ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għandhom superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150,000 m2, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żona ta’ tali proġetti fuq siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali jew arkeoloġiku, bħal siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

33.

WertInvest Hotelbetrieb tfakkar li d-Direttiva 2011/92 tagħti lill-Istati Membri marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jistabbilixxu l-limiti minimi jew kriterji li jiskattaw l-obbligu li jissuġġettaw proġetti ta’ żvilupp urban għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-limiti minimi rilevanti fl-EIAA ma jeċċedux il-limiti ta’ din id-diskrezzjoni. Skont il-WertInvest Hotelbetrieb, proġetti ta’ żvilupp urban li ma jilħqux il-limiti minimi bħal dawk deskritti fl-EIAA ma huwiex probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. B’mod partikolari, tali proġetti ma jeħtiġux eżami fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex meħtieġa, anki fejn huma jinstabu f’sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

34.

Minħabba l-proċedura ta’ ksur indikata fil-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Gvern Awstrijak ma ssottometta l-ebda osservazzjoni dwar l-ewwel u t-tieni domanda preliminari.

35.

Fis-seduta, il-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni tal-belt ta’ Vjenna) ssottomettiet li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ma setax jitqies bħala proġett ta’ żvilupp urban fis-sens tad-Direttiva 2011/92 kif trasposta mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka. Madankollu, hija ammettiet li anki proġett fuq skala żgħira jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, b’mod partikolari meta jkun jinstab fuq sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO. Għalkemm hija sostniet li l-proġett ta’ Haymarket Ġdid ma kienx ser ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, bi tweġiba għall-mistoqsijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, hija ammettiet li, fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, il-possibbiltà ta’ effetti fuq l-ambjent ma tistax tiġi eskluża.

36.

Il-Kummissjoni tosserva li d-Direttiva 2011/92 ma tiddefinix il-frażi “proġetti ta’ żvilupp urban”. Madankollu, il-punt 10(b) tagħha jagħti l-kostruzzjoni ta’ ċentri kummerċjali u postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi bħala eżempji ta’ tali proġetti. Meħud inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva, il-frażi “proġetti ta’ żvilupp urban” għalhekk tirreferi għal bini u spazji pubbliċi li, minħabba n-natura, id-daqs jew iż-żona tagħhom, għandhom effetti fuq l-ambjent ipparagunat ma’ dawk ta’ ċentri kummerċjali jew postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi. Hija tagħmel żewġ punti li jsostnu din is-sottomissjoni.

37.

L-ewwel, filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li d-Direttiva 2011/92 tagħti lill-Istati Membri, marġini wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeterminaw il-kategoriji ta’ proġetti ta’ żvilupp urban suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-Artikolu 2(1) tagħha jeħtieġ li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li proġetti li huma probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew iż-żona tagħhom jkunu suġġetti għal tali evalwazzjoni. Stat Membru li jistabbilixxi limiti minimi mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni n-natura, id-daqs jew iż-żona ta’ proġetti ta’ żvilupp urban li għandhom il-kapaċità li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jeċċedi l-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu.

38.

Il-Kummissjoni tissottometti li, permezz ta’ riferiment għal fatturi bħal fauna u flora, il-ħamrija, l-ilma, il-klima jew patrimonju kulturali, anki proġett fuq skala żgħira jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent meta jkun jinstab f’żona sensittiva. F’dan il-kuntest, hija tirreferi għall-Anness III ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna l-kriterji tal-għażla sabiex jiġi ddeterminat jekk proġetti għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikolu 4(3) tagħha. Il-Punt 2(c)(viii) tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92, li jikkonċerna l-“post fejn jinsabu l-proġetti”, jistabbilixxi li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sensittività tal-ambjent ta’ żoni ġeografiċi li huma probabbli li jkunu affettwati mill-proġetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità ta’ assorbiment tal-ambjent naturali, tal-ambjent naturali, inkluż pajsaġġi u siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali jew arkeoloġiku. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li proġett li jikkonsisti fil-kostruzzjoni ta’ bini għoli f’sit ta’ valur storiku jista’ jkollu impatt serju fuq l-ambjent, anki jekk dan il-proġett jokkupa żona relattivament modesta.

39.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li, safejn l-EIAA ma tiħux inkunsiderazzjoni ż-żona tal-proġetti ta’ żvilupp urban, b’mod partikolari fuq is-siti ta’ sinjifikattiv storiku jew kulturali, bħall-proġett inkwistjoni tal-kawża prinċipali, hija tkun inkonsistenti mad-Direttiva 2011/92.

40.

It-tieni, il-Kummissjoni tissottometti li l-limiti minimi stabbiliti mid-dispożizzjoni nazzjonali ma jistgħux, fil-prattika, jeskludu l-obbligu li jitwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ proġetti, kif jidher li huwa l-każ mal-EIAA. Il-Kummissjoni tiddikjara li, skont din il-leġiżlazzjoni, l-awtoritajiet Awstrijaki indikaw li, bejn l‑2005 u l‑2019, 53 minn 59 proġett ta’ żvilupp urban ma kienx jeħtieġ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

41.

Fil-fehma tiegħi, l-ewwel u t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju jqajmu żewġ kwistjonijiet prinċipali: is-sens tal-frażi “proġett ta’ żvilupp urban” f’kuntest fejn ċertu bini li jagħmel parti minn dan il-proġett huwa in situ qabel ma jinbeda. u jekk hijiex id-dispożizzjoni nazzjonali li tagħmilha bżonn li tissuġġetta proġett għat-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għall-osservanza ta’ ċerti limiti minimi b’riferiment għal okkupazzjoni ta’ art u superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art huwa konsistenti mad-Direttiva 2011/92.

42.

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kwistjonijiet, l-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92 ifisser “proġett” bħala l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra. Filwaqt li din id-direttiva ma tiddefinix “proġett ta’ żvilupp urban” bħala tali, il-punt 10(b) tal-Anness II tagħha jipprevedi, f’lista li ma hijiex eżawrijenti, żewġ eżempji ta’ proġetti ta’ żvilupp urban, jiġifieri l-kostruzzjoni ta’ ċentri kummerċjali u postijiet għall-ipparkjar ta’ vetturi. Skont dokument tal-Kummissjoni dwar l-interpretazzjoni tad-definizzjonijiet ta’ kategoriji ta’ proġetti tal-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 ( 16 ), il-kategorija ta’ proġetti ta’ żvilupp urban għandha tkun interpretata b’mod mifrux sabiex tinkludi proġetti bħal garaxxijiet tax-xarabank jew stazzjon ferrovjarju, żviluppi tad-djar, sptarijiet, universitajiet, stejdjums tal-isports, teatri taċ-ċinema, teatri, swali tal-kunċerti u ċentri kulturali oħrajn ( 17 ). Sabiex jinżamm dan l-approċċ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-bini ta’ ċentru ta’ rekreazzjoni li jinkludi kumpless taċ-ċinema huwa proġett ta’ żvilupp urban ( 18 ).

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja frekwentement osservat li l-portata tad-Direttiva 2011/92 hija wiesgħa u li l-għan tagħha huwa kbir ħafna ( 19 ). Il-ġurisprudenza tagħha tindika li l-kelma “proġett” tinkludi xogħlijiet ta’ modifika fuq struttura eżistenti ( 20 ). Barra minn hekk, jidher kuntrarju għall-għanijiet ta’ din id-direttiva li l-kunċett ta’ proġett ikun limitat għall-kostruzzjoni ta’ infrastruttura, sabiex jiġu esklużi xogħlijiet ta’ titjib jew ta’ tkabbir ta’ strutturi eżistenti. Tali interpretazzjoni limitata jkollha l-konsegwenza li x-xogħlijiet kollha ta’ modifika fuq strutturi eżistenti, indipendentement mill-firxa tagħhom, jistgħu jitwettqu mingħajr kunsiderazzjoni tal-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2011/92, u għaldaqstant tneħħi kull skop tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha f’dawn iċ-ċirkustanzi ( 21 ).

44.

Isegwi minn dawn l-osservazzjonijiet li xogħlijiet ta’ demolizzjoni għandhom jitqiesu wkoll “proġetti” għall-finijiet tad-Direttiva 2011/92. Proġetti ta’ żvilupp urban ħafna drabi jinvolvu demolizzjoni ta’ strutturi eżistenti ta’ sinjifikattiv storiku jew kulturali. Sabiex jiġi evalwat l-impatt ta’ tali proġetti fuq, inter alia, il-patrimonju kulturali, ma jistgħux jaħarbu mill-applikazzjoni tal-proċess tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent li tistipula d-Direttiva 2011/92 ( 22 ). Proġett integrat ta’ żvilupp multifunzjonali li jikkonsisti f’bini residenzjali u kummerċjali, huwa għalhekk proġett ta’ żvilupp urban għall-finijiet ta’ din id-direttiva, inkluż fejn dan il-proġett jikkonsisti kemm fir-rikondizzjonar ta’ strutturi eżistenti kif ukoll fit-twaqqif ta’ bini ġdid.

45.

Fir-rigward tat-tieni kwistjoni li identifikajt, jiġifieri jekk dispożizzjoni nazzjonali tistax tissuġġetta proġett għat-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kemm għall-osservanza ta’ ċerti limiti minimi bbażati għall-okkupazzjoni tal-art kif ukoll għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 jistabbilixxi li, għal proġetti elenkati fl-Anness II tagħha, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk għandhomx ikunu suġġetti għal evalwazzjoni skont l-Artikoli 5 sa 10 tagħha. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu din id-determinazzjoni permezz ta’ eżami każ b’każ jew billi jelenkaw limiti minimi jew kriterji. Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, fejn jitwettaq eżami każ b’każ jew fejn huma stabbiliti limiti minimi jew kriterji għall-finijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-kriterji tal-għażla rilevanti fl-Anness III huma meħudin inkunsiderazzjoni ( 23 ).

46.

Skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 jagħti lill-Istati Membri miżura ta’ diskrezzjoni meta jidentifikaw it-tipi ta’ proġetti li għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni jew meta jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti minimi li japplikaw għal dan il-għan, din id-diskrezzjoni hija limitata permezz ta’ obbligu superjuri fl-Artikolu 2(1) tagħha li proġetti li huma probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent permezz tan-natura, tad-daqs jew taż-żona tagħhom, għandhom ikunu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ( 24 ).

47.

Billi jitqies il-prinċipju ta’ prekawzjoni, li huwa wieħed mill-fundamenti tal-livell għoli ta’ protezzjoni li l-Unjoni Ewropea tfittex li ssegwi fil-qasam tad-dritt tal-ambjent, u li permezz ta’ riferiment għalih id-Direttiva 2011/92 għandha tkun interpretata, riskju ta’ effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jirriżulta fejn ma jkunx jista’ jiġi eskluż, fuq il-bażi ta’ informazzjoni oġġettiva, li proġett huwa probabbli li jkollu effetti sinjifikattivi ( 25 ).

48.

Il-kriterji u l-limiti minimi fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92 huma maħsuba sabiex jiffaċilitaw l-eżami tal-karatteristiċi effettivi ta’ kwalunkwe proġett partikolari sabiex jiddeterminaw jekk huwiex suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ( 26 ). Stat Membru li jistabbilixxi kriterji u/jew limiti minimi fuq livell tali li, fil-prattika, il-proġetti kollha ta’ ċertu tip huma eżentati mir-rekwiżit ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent jeċċedi l-limiti tad-diskrezzjoni li jagħtu l-Artikoli 2(1) u 4(2) tad-Direttiva 2011/92, sakemm il-kategorija sħiħa tal-proġetti li huma esklużi tista’ titqies, fuq il-bażi ta’ informazzjoni oġġettiva, li hija probabbli li ma jkollhiex effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent ( 27 ).

49.

Skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri huma barra minn hekk obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Anness III tagħha meta huma jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti minimi li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(2) tagħha ( 28 ). Isegwi li Stat Membru, li jistabbilixxi kriterji u/jew limiti minimi li jieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs ta’ proġetti biss, mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll in-natura u ż-żona tagħhom, jeċċedi l-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu skont l-Artikoli 2(1) u 4(2) tad-Direttiva 2011/92 ( 29 ). Anki proġett fuq skala żgħira jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jekk jinstab f’żona fejn il-fatturi tal-ambjent stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jinkludi patrimonju kulturali, huma sensittivi anki għal bidla żgħira ( 30 ). B’mod simili, proġett li huwa probabbli li jkollu effetti sinjifikattivi fejn, minħabba n-natura tiegħu, hemm riskju li ser jikkawża bidla sostanzjali jew irriversibbli f’dawn il-fatturi tal-ambjent, indipendentement mid-daqs tiegħu ( 31 ). Fejn Stat Membru jirrikorri għal limiti minimi sabiex jevalwa n-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa wkoll neċessarju li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi bħan-natura jew iż-żona ta’ proġetti, pereżempju billi jistabbilixxi numru ta’ limiti minimi li jikkorrispondu għal daqsijiet varji tal-proġetti u japplikaw permezz ta’ riferiment għan-natura jew għaż-żona tal-proġett ( 32 ).

50.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tikkonferma dak li wieħed jista’ jaraha bħala dikjarazzjoni li ma hijiex kontroversjali li ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jassumi li effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ta’ żvilupp urban mwettqa f’żoni urbana huma baxxi jew ma jeżistux, b’mod partikolari fid-dawl tal-lista ta’ fatturi rilevanti għal tali evalwazzjoni ( 33 ).

51.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jidher li proġetti ta’ żvilupp urban, kif imfissra fl-EIAA, huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biss meta hemm okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għandhom superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2. Il-Punt 18(b) tal-Anness 1 tal-EIAA ma jistabbilixxix xi limiti minimi jew kriterji fil-Kolonna 2 li jirrigwardaw iż-żona jew in-natura ta’ proġetti ta’ żvilupp urban li jiskattaw obbligu li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

52.

Barra minn hekk, Kolonna 3 f’dak il-punt, li tikkonċerna l-eżami tan-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq bażi ta’ każ b’każ, ma ssemmix il-Kategorija A fl-Anness 2 tagħha, li tirrigwarda żoni ta’ protezzjoni speċjali bħas-siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO. L-EIAA ma tikkontemplax, għaldaqstant, eżami fuq bażi ta’ każ b’każ tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal proġett ta’ żvilupp urban f’żona elenkata bħala sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

53.

Fid-dawl ta’ dawn il-punti preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel u t-tieni domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92, moqrija flimkien mal-punt 10(b) tal-Anness II u l-punt 2(c)(viii) tal-Anness III tagħha, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti ta’ żvilupp urban għall-osservanza ta’ limiti minimi biss meta jkun hemm okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u għal superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni ż-żona tagħhom, konsegwentement teskludi eżami każ b’każ tan-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal proġetti ta’ żvilupp urban f’siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali jew arkeoloġiku, bħas-siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

C.   Fuq it‑tielet domanda preliminari

54.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Anness III tagħha, jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li skontha, meta ssir analiżi dwar jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja minħabba l-effetti akkumulati ta’ proġett ta’ żvilupp urban ma’ proġetti oħrajn, proġetti ta’ żvilupp urban simili biss għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sakemm huma ġew approvati fl-aħħar ħames snin iżda li għadhom ma twettqux u l-proġett ta’ żvilupp urban maħsub jinvolvi kapaċità li tilħaq tal-inqas 25 % tal-limitu minimu rilevanti.

55.

WertInvest Hotelbetrieb tikkunsidra li t-tielet domanda preliminari hija purament ipotetika u għalhekk ma għamlet l-ebda osservazzjoni fir-rigward tagħha.

56.

Il-Gvern Awstrijak jissottometti li l-EIAA timplimenta b’mod korrett l-obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-akkumulazzjoni tal-proġetti. L-ewwel, fil-marġini ta’ diskrezzjoni tagħha, il-leġiżlatura Awstrijaka stabbilixxiet li dawk il-proġetti biss li laħqu tal-inqas il-25 % tal-kapaċità tal-limiti minimi jistgħu jiskattaw in-neċessità li ssir eżami tal-effetti akkumulati tagħhom flimkien ma’ proġetti oħrajn. Din ir-regola hija intiża li teskludi proġetti fuq skala żgħira li jkollhom effetti fuq l-ambjent li ma humiex sinjifikattivi. It-tieni, il-Gvern Awstrijak jissuġġerixxi li huwa xieraq li tiġi applikata r-regola fuq l-akkumulazzjoni biss fuq proġetti li kienu approvati matul il-ħames snin preċedenti iżda li għadhom ma twettqux għaliex dawk li diġà twettqu huma parti mill-patrimonju arkitettoniku urban eżistenti minn qabel.

57.

Il-Kummissjoni ssostni li, meta jiġi ddeterminat jekk proġett għandux ikun suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, l-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt akkumulat ma huwiex limitat għal proġetti li huma tal-istess tip u li jappartjenu għall-istess kategorija. Dak li huwa rilevanti huwa jekk il-proġett inkwistjoni huwiex probabbli li jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent minħabba l-preżenza ta’ proġetti eżistenti jew approvati oħra. F’dan il-kuntest, dispożizzjoni nazzjonali ma tistax teskludi li tieħu inkunsiderazzjoni proġetti li twettqu jew li rċevew approvazzjoni iktar minn ħames snin qabel.

58.

L-Anness III tad-Direttiva 2011/92, intitolat “Il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3)”, fih il-kriterji li jiddeterminaw jekk il-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva humiex suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Il-punt 1 u 3(g) tal-Anness III tagħha jeħtieġu li akkumulazzjoni ma’ proġetti eżistenti u/jew approvati oħra jkunu eżaminati fir-rigward kemm tal-karatteristiċi ta’ proġetti kif ukoll tal-impatt tagħhom.

59.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja turi li jista’ jkun neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett ta’ akkumulazzjoni ta’ proġetti sabiex jiġi evitat li jitwarrab l-għan li jrid jintlaħaq mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinqasmu l-proġetti li, meta meħuda flimkien, huma probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 ( 34 ).

60.

Isegwi li, meta jiġi ddeterminat jekk proġett għandux ikun issuġġettat għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, awtorità nazzjonali għandha teżamina l-potenzjal tiegħu li joħloq effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent fil-kuntest ta’ proġetti oħrajn. Il-portata ta’ din l-evalwazzjoni ma hijiex limitata għal proġetti tal-istess tip, minħabba li tali effetti akkumulati jistgħu jirriżultaw minn proġetti li jappartjenu għall-istess kategorija kif ukoll minn proġetti ta’ natura differenti bħal proġett ta’ żvilupp urban u l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura ta’ trasport. L-awtoritajiet nazzjonali għalhekk għandhom jikkunsidraw jekk l-effetti fuq l-ambjent ta’ proġett li qiegħed jiġi kkunsidrat jistgħux ikunu ikbar minn dawk li kienu jirriżultaw fin-nuqqas tal-impatt ta’ proġetti oħrajn ( 35 ).

61.

Minkejja l-marġini ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri meta jittrasponew direttiva, u b’mod notevoli meta jistabbilixxu l-kriterji u l-limiti minimi li għalihom jirreferi l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, isegwi mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet li anki proġett fuq skala żgħira jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent. Id-Direttiva 2011/92 għalhekk tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li teskludi l-eżami tal-effetti akkumulati sakemm il-proġett maħsub jilħaq ċertu daqs, bħal ma huwa inkwistjoni preżentement, li jeħtieġ li huwa jkollu kapaċità li tilħaq minn tal-inqas 25 % tal-limiti minimi applikabbli.

62.

Isegwi wkoll mit-test tal-Anness III tad-Direttiva 2011/92 li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni effetti akkumulati ma’ “proġetti eżistenti u/jew approvati oħra”. L-Istati Membri jistgħu, madankollu, ma jagħtux każ ta’ proġetti li ma twettqux jew tal-inqas ma bdewx minkejja li ġew approvati snin qabel minħabba li, fin-nuqqas ta’ proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi, il-mogħdija sinjifikattiva ta’ perijodu ta’ żmien tista’ tissuġġerixxi li tali proġetti ma humiex probabbli li ser jiġu eżegwiti. B’kuntrast, id-Direttiva 2011/92 kjarament teħtieġ li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti akkumulati ta’ proġetti eżistenti oħra, indipendentement minn meta tlestew.

63.

Ghalhekk jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju fis-sens li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Anness III tagħha, jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li skontha, meta jiġi analizzat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja minħabba l-effetti akkumulati ta’ proġett ta’ żvilupp urban ma’ proġetti oħra, proġetti ta’ żvilupp urban simili biss għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni, li jeskludu proġetti eżistenti u sakemm il-proġett ta’ żvilupp urban maħsub għandu kapaċità li tilħaq tal-inqas 25 % tal-limitu minimu rilevanti. Fin-nuqqas ta’ proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi pendenti, id-Direttiva 2011/92 ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jeskludu minn dan l-eżami, proġetti li fir-rigward tagħhom ikunu għadhom ma bdewx ix-xogħlijiet u li ma humiex probabbli li ser jitwettqu minħabba l-mogħdija ta’ perijodu ta’ żmien li għaddiet mill-approvazzjoni finali tagħhom. Perijodu ta’ ħames snin huwa, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jiżgura li tali kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

D.   Fuq ir‑raba’ domanda preliminari

64.

Ir-raba’ domanda preliminari tistaqsi jekk, fiċ-ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jeċċedu d-diskrezzjoni li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 jagħtuhom, dawn l-awtoritajiet humiex meħtieġa li jeżaminaw in-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq bażi ta’ każ b’każ u, jekk fl-affermattiv, jekk dan l-eżami huwiex limitat għall-għanijiet ta’ protezzjoni applikabbli fiż-żona inkwistjoni jew għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92.

65.

WertInvest Hotelbetrieb, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jikkunsidraw li eżami każ b’każ tan-neċessità li titwettaq evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent huwa meħtieġ f’dawn iċ-ċirkustanzi. Filwaqt li WertInvest Hotelbetriebs tenfasizza li kwalunkwe tali eżami każ b’każ għandu jkun limitat għal studju tal-effetti tal-proġett fuq l-għanijiet ta’ protezzjoni rilevanti – f’dan il-każ preżentement dak tal-protezzjoni tas-siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali u arkeoloġiku - il-Gvern Awstrijak huwa tal-fehma li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-għażla kollha fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, għalkemm ikun xieraq li wieħed jiffoka fuq l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-sit rilevanti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-għażla kollha msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92 meta jwettqu eżami każ b’każ tan-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

66.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn Stati Membri jeċċedu d-diskrezzjoni li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Artikoli 2(1) u 4(3) tagħha, jagħtuh, minħabba li l-limiti minimi li huwa jistabbilixxi jikkostitwixxu traspożizzjoni żbaljata ta’ din id-direttiva, huwa f’idejn l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li proġetti huma eżaminati fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex jiddeterminaw jekk humiex probabbli li jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent u, jekk fl-affermattiv, sabiex jiżguraw li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti ( 36 ).

67.

Meta jitwettaq eżami każ b’każ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji tal-għażla fl-Anness III tad-Direttiva 2011/92, bla ħsara għall-fatt li wħud jistgħu jkunu iktar rilevanti minn oħrajn fil-kuntest ta’ każ individwali. Il-bżonn li jiġu protetti siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali jew arkeoloġiku jidher li huwa partikolarment rilevanti fil-kuntest ta’ proġett ta’ żvilupp urban maħsub għal sit ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

68.

Għalhekk jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi r-raba’ domanda preliminari tal-qorti tar-rinviju fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jeċċedu d-diskrezzjoni li l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 jagħtuhom, dawn l-awtoritajiet huma meħtieġa li jeżaminaw in-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq bażi ta’ każ b’każ, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.

V. Konklużjoni

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014, moqrija flimkien mal-punt 10(b) tal-Anness II u punt 2(c)(viii) tal-Anness III tagħha,

għandu jkun interpretat fis-sens li

huwa jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tissuġġetta t-twettiq ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent biss meta proġetti ta’ żvilupp urban ikollhom okkupazzjoni ta’ art ta’ mill-inqas 15-il ettaru u superfiċi gross ta’ qiegħa ta’ art ta’ iktar minn 150000 m2, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żona tagħhom, konsegwentement li jiġi eskluż eżami każ b’każ tan-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għal proġetti ta’ żvilupp urban fuq siti ta’ sinjifikattiv storiku, kulturali u arkeoloġiku, bħal siti ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO.

(2)

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2011/92, moqri flimkien mal-Anness III tagħha,

għandu jkun interpretat fis-sens li

jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li skontha, meta jiġi analizzat jekk evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent hijiex neċessarja minħabba l-effetti akkumulati ta’ proġett ta’ żvilupp urban ma’ proġetti oħra, proġetti ta’ żvilupp urban simili biss għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni, li jeskludu proġetti eżistenti u sakemm il-proġett ta’ żvilupp urban maħsub għandu kapaċità li tilħaq tal-inqas 25 % tal-limitu minimu rilevanti. Fin-nuqqas ta’ proċeduri amministrattivi jew ġuridiċi pendenti, id-Direttiva 2011/92 ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jeskludu minn dan l-eżami, il-proġetti li fir-rigward tagħhom għadhom ma bdewx ix-xogħlijiet u li ma humiex probabbli li ser jitwettqu minħabba l-mogħdija ta’ perijodu ta’ żmien li għaddiet mill-approvazzjoni finali tagħhom. Perijodu ta’ ħames snin huwa, bħala prinċipju, suffiċjenti sabiex jiżgura li tali kundizzjonijiet huma ssodisfatti.

(3)

L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92

għandhom ikunu interpretati fis-sens li

fiċ-ċirkustanzi fejn l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jeċċedu d-diskrezzjoni mogħtija lilhom minn dawn id-dispożizzjonijiet, dawn l-awtoritajiet huma meħtieġa li jeżaminaw in-neċessità li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent fuq bażi ta’ każ b’każ, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stabbiliti fl-Anness III ta’ din id-direttiva.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) It-triq Am Heumarkt tifforma l-bordura tax-Xlokk tas-sit; hija magħrufa bħala waħda mill-iktar toroq antiki fi Vjenna.

( 3 ) ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

( 4 ) ĠU 2014, L 124, p. 1.

( 5 ) L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “proġett” għall-finijiet tad-Direttiva 2011/92 bħala, inter alia, “l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ stallazzjonijiet jew skemi oħra”.

( 6 ) BGBl. Nru.697/1993.

( 7 ) BGBl. I Nru.80/2018.

( 8 ) In-nota ta’ qiegħ il-paġna 3a tal-Anness 1 tal-EIAA tiddefinixxi proġetti ta’ żvilupp urban bħala “proġetti integrat għal żvilupp multifunzjonali, b’tal-inqas bini residenzjali u kummerċjali, inkluż it-toroq ta’ aċċess u utilitajiet ipprovduti għal dan il-bini, u b’żona ta’ attrazzjoni li testendi lilhinn mis-sit tal-proġett. Mal-ikkompletar, proġetti ta’ żvilupp urban jew partijiet ta’ tali proġetti ma għandhomx jibqgħu jitqiesu bħala proġetti ta’ żvilupp urban fis-sens ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna”.

( 9 ) Punt 18(b) tal-Anness 1 tal-EIAA.

( 10 ) Adottata mill-Konferenza Ġenerali u ffirmata f’Pariġi fis‑17 ta’ Diċembru 1975,

( 11 ) Punt 18(b) tal-Anness 1 tal-EIAA.

( 12 ) C(2019) 6680 finali.

( 13 ) INFR(2019)2224.

( 14 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Regione Puglia (C‑110/20, EU:C:2022:5, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 15 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Regione Puglia (C‑110/20, EU:C:2022:5, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 16 ) Interpretazzjoni ta’ definizzjonijiet u kategoriji ta’ proġetti tal-Anness I u II tad-Direttiva EIA, bid-data ta’ 2015, pp. 49 u 50, disponibbli onlajn fuq https://ec.europa.eu/environment/eia/pdf/cover_2015_en.pdf.

( 17 ) Ibid. p. 51.

( 18 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑332/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:180, punti 83 sa 87).

( 19 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 32), u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C-526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 54).

( 20 ) Ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punti 2333), u tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 27).

( 21 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 32).

( 22 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑50/09, EU:C:2011:109, punti 97 sa 100).

( 23 ) Dettalji dwarhom huma mogħtija mill-ġdid fil-punti 10 sa 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs l‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 64); tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 37); tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑255/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:630, punt 32); tal‑11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 40); u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 60).

( 25 ) Sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 67).

( 26 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 30), u tal‑11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 41).

( 27 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 75); tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑255/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:630, punt 42); u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑526/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:356, punt 61).

( 28 ) Sentenzi tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑255/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:630, punt 33); tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 32); u tat‑28 ta’ Frar 2018, Comune di Castelbellino (C‑117/17, EU:C:2018:129, punt 38). Dawn il-kriterji huma stabbiliti fil-punti 10 sa 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 65); tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 38); u tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑255/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:630, punt 35). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 35).

( 30 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 66), u tas‑26 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑538/09, EU:C:2011:349, punt 55). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (C‑255/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:630, punt 30).

( 31 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 1999, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑392/96, EU:C:1999:431, punt 67).

( 32 ) Ibid., punt 70.

( 33 ) Sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑332/04, mhux ippubblikata, EU:C:2006:180, punt 80).

( 34 ) Sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2008, Abraham et (C‑2/07, EU:C:2008:133, punt 27); tas‑17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et (C‑275/09, EU:C:2011:154, punt 36); u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punt 37).

( 35 ) Sentenza tal‑11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 45).

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Salzburger Flughafen (C‑244/12, EU:C:2013:203, punti 41 sa 43). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et (C‑72/95, EU:C:1996:404, punti 5960), u tas‑16 ta’ Settembru 1999, WWF et (C‑435/97, EU:C:1999:418, punti 7071).

Top