Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0571

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati fit-13 ta’ Ottubru 2022.


    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:780

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RANTOS

    ippreżentati fit‑13 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑571/21

    RWE Power Aktiengesellschaft

    vs

    Hauptzollamt Duisburg

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku – Artikolu 14 – Eżenzjoni favur l-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku u sabiex tinżamm il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku – Minjieri miftuħa”

    I. Introduzzjoni

    1.

    X’tip ta’ konsum tal-elettriku huwa eżentat mit-taxxa fuq l-elettriku meta dan il-konsum huwa intiż għall-produzzjoni tal-elettriku? Din hija l-mistoqsija li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa, essenzjalment, issolvi permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE ( 2 ).

    2.

    Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn RWE Power AG u l-Hauptzollamt Duisburg (l-Uffiċċju Prinċipali Dogonali ta’ Duisburg, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta l-elettriku li RWE Power użat, matul is-snin 2003 u 2004, fl-operat tagħha ta’ minjieri miftuħa u fl-impjanti tal-enerġija tagħha fil-kuntest tal-attività tagħha tal-produzzjoni ta’ elettriku.

    3.

    Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tistieden, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-portata tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li tipprovdi, b’mod partikolari, li “[l-]elettriku uża[t] biex jipproduċu elettriku u […] biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku” huwa eżentat mit-taxxa fuq l-elettriku (iktar ’il quddiem l-“eżenzjoni kontenzjuża”). B’mod iktar partikolari, għandu jiġi ddeterminat jekk u taħt liema kundizzjonijiet, fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ elettriku mil-linjite provenjenti minn minjieri miftuħa, l-użu tal-elettriku għal proċessi li jirrigwardaw il-produzzjoni tal-elettriku upstream u downstream – miftiehem, fis-sens tekniku tat-terminu, bħala l-proċess ta’ trasformazzjoni ta’ prodott enerġetiku f’enerġija elettrika – jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża.

    4.

    F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta kemm l-Artikolu 14(1) ( 3 ), kif ukoll l-Artikolu 21(3) ( 4 ), tad-Direttiva 2003/96, fejn din l-aħħar dispożizzjoni hija meqjusa mill-qorti tar-rinviju bħala rilevanti wkoll. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 kienet tirrigwarda “prodotti ta’ enerġija” li kienu mingħajr ebda dubju użati għall-produzzjoni tal-elettriku, fosthom sitwazzjonijiet differenti minn dak ta’ din il-kawża, fejn il-kwistjoni li tqum tirrigwarda preċiżament id-determinazzjoni ta’ proċessi differenti li jikkostitwixxu tali “produzzjoni”. Għalhekk, din il-kawża ser twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkjarifika iktar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    5.

    L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti enerġetiċi u tal-elettriku b’konformità ma’ din id-direttiva.

    6.

    L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li għall-finijiet tagħha, “prodotti ta’ enerġija” għandhom jinkludu, b’mod partikolari, il-prodotti li jagħtu taħt il-Kodiċi NC 2702.

    7.

    Skont l-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva:

    “1.   […] Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

    (a)

    prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku. Madankollu, Stati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ politika dwar l-ambjent, jissotomettu dawn il-prodotti għall-tassazzjoni mingħajr ma joqgħodu jirrispettaw il-livelli minimi ta’ tassazzjoni kif imniżżla f’din id-Direttiva. […]”

    8.

    Skont l-Artikolu 21(3) tal-istess direttiva:

    “3.   Il-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija f’żona tmiss ma stabilliment li jipproduċi prodotti ta’ enerġija ma għandux jiġi kknsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas li jagħti lok għall-tassazzjoni, jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti ta’enerġija magħmula fiż-żona ta’ l-isatbbiliment. Stati membri jistgħu jikkonsidraw ukoll il-konsum ta’ l-elettriku u prodotti oħra ta’ enerġija li ma jiġux magħmula fiż-żona ta’ stabbiliment bħal dan u l-konsum ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku fiż-żona tmiss ma stabbbiliment fejn issir produzzjoni ta’ karburanti biex jintużaw għall-ġenerazzjoni ta’ elettriku li ma jagħtux lok għal l-att li jwassal għal ħlas. Fejn il-konsum isir għall-skopijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produzzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija u b’mod partikolari għall-propulsjoni ta’ vetturi, dan għandu jiġi kkonsidrat bħala l-att li jwassal għal ħlas, li jagħti lok għall-tassazzjoni.”

    B.   Id‑dritt Ġermaniż

    9.

    It-taxxa fuq l-elettriku hija rregolata, b’mod partikolari, mill-iStromsteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Elettriku) tal‑24 ta’ Marzu 1999 ( 5 ) (iktar ’il quddiem l-“iStromStG”). Sa mill-adozzjoni tagħha, din il-liġi ġiet emendata diversi drabi. Peress li l-kawża prinċipali tirrigwarda s-snin fiskali tal‑2003 u l‑2004, il-verżjonijiet tal-iStromStG applikabbli għall-kawża prinċipali huma dawk li joħorġu, rispettivament, mil-Liġi tat‑30 ta’ Diċembru 2002 u mil-Liġi tad‑29 ta’ Diċembru 2003 ( 6 ).

    10.

    Il-punt 2 tal-Artikolu 9(1) tal-iStromStG jipprovdi, fil-verżjonijiet tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, li l-elettriku meħud għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku huwa eżenti mit-taxxa.

    11.

    L-Artikolu 11 tal-iStromStG jawtorizza lill-Bundesministerium der Finanzen (il-Ministeru Federali għall-Finanzi, il-Ġermanja) jadotta permezz ta’ digriet, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw il-vantaġġi fiskali previsti fl-Artikolu 9 ta’ din il-liġi.

    12.

    Id-digriet rilevanti ta’ dan il-ministeru – jiġifieri l-Verordnung zur Durchführung des Stromsteuergesetzes (id-Digriet li Jimplimenta l-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Elettriku) tal‑31 ta’ Mejju 2000 ( 7 ) (iktar ’il quddiem l-“iStromStV”) – jipprovdi fil-punt 1 tal-Artikolu 12(1) tiegħu, li l-kunċett ta’ “elettriku meħud għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ elettriku” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 9(1) tal-iStromStG ikopri l-elettriku kkonsmat teknikament fl-installazzjonijiet annessi u awżiljarji ta’ installazzjoni ta’ produzzjoni elettrika għall-produzzjoni ta’ elettriku, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ trattament ta’ ilma, ta’ provvista ta’ ilma għall-produzzjoni tal-fwar, ta’ ventilazzjoni, ta’ provvista ta’ kombustibbli u ta’ tindif ta’ gass ta’ kombustjoni.

    III. Il‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    13.

    RWE Power kienet topera, fiż-żona tal-minjiera tar-Rhein, tliet minjieri miftuħa ta’ linjite fuq siti distinti, li minnhom hija kienet tiġbor il-linjite intiż prinċipalment għall-produzzjoni ta’ elettriku fl-impjanti tal-enerġija tagħha u 10 % għall-produzzjoni ta’ blokok u trab ta’ linjite fil-fabbriki tagħha ( 8 ).

    14.

    Matul is-sena 2004, RWE Power ħadet elettriku fil-minjieri miftuħa, li hija essenzjalment użat: i) għall-funzjonament ta’ pompi idrawliċi intiżi sabiex jitnaqqas il-livell tal-ilma, ii) għall-funzjonament ta’ makkinarji kbar bħal skavaturi tal-barmil, li jħaffru l-linjite u l-mollijiet, u f’makkinarji tal-irdim li kienu jordmu parti oħra tal-minjiera miftuħa, iii) sabiex tiddawwal il-minjiera miftuħa, u iv) sabiex il-linjite titwassal fl-impjanti tal-enerġija b’ferroviji tal-merkanzija li jaħdmu bl-elettriku fuq trakki apposta u fuq ċineg trasportaturi li jaħdmu bl-elettriku li jittrasportaw kemm il-linjite kif ukoll it-terrapien.

    15.

    Il-funzjonament tal-impjanti tal-enerġija ta’ RWE Power kien ibbażat fuq produzzjoni mhux interrotta ta’ elettriku. Sabiex tiżgura din il-produzzjoni mhux interrotta, RWE Power kienet iżżomm ħażniet ta’ linjite, li minnhom il-linjite kien eventwalment jitwassal lejn il-bojlers fl-impjanti tal-enerġija. Il-linjite kien l-ewwel jinħażen f’kull minjiera miftuħa f’maħżen tal-minjiera, imbagħad, kien jiġi ttrasportat fl-imħażen tal-impjanti tal-enerġija permezz ta’ ċinga trasportatriċi jew permezz tal-ferrovija elettrika tal-impriża stess, li kien jiżgura kapaċità korrispondenti għal ġurnata jew tnejn ta’ funzjonament tal-impjant tal-enerġija. Minn hemm, loaders elettriċi kienu jgħabbu l-linjite fuq ċinga trasportatriċi tal-ħażna, li permezz tagħha l-linjite kien jasal fl-imtieħen. Il-linjite mitħun kien imbagħad jiġi maħżun fit-tank tal-bojler.

    16.

    Matul is-sena 2004, il-Hauptzollamt ordna kontroll fiskali għand RWE Power li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, it-taxxa fuq l-elettriku għas-snin 2003 u 2004. Fil-kuntest ta’ dan il-kontroll ġie konkluż, f’rapport bid-data tal‑20 ta’ Mejju 2009, li l-preparazzjoni tal-linjite għandha tiġi kklassifikata bħala “manifattura ta’ kombustibbli”, u għalhekk, hija suġġetta għat-taxxa. Din l-istess konklużjoni kienet tapplika wkoll għall-elettriku kollu meħud għall-estrazzjoni u t-trasport tal-linjite, b’tali mod li t-taxxa kienet ukoll dovuta għall-elettriku użat għal-loaders tal-faħam, ċineg trasportaturi u mtieħen tat-tħabbit.

    17.

    Fid-data tat‑8 ta’ Ottubru 2009, il-Hauptzollamt ħareġ avviż ta’ tassazzjoni abbażi tar-rapport tal‑20 ta’ Mejju 2009, u skont il-konklużjonijiet tal-kontrollaturi, talab, b’mod partikolari, il-ħlas tat-taxxa fuq l-elettriku li huwa qies li kienet ġiet inkorsa.

    18.

    Peress li l-ilment introdott minn RWE Power kontra dan l-avviż ta’ tassazzjoni kien ġie miċħud, din adixxiet lill-qorti tar-rinviju.

    19.

    Quddiem il-qorti tar-rinviju, RWE Power argumentat li, skont id-Direttiva 2003/96, l-elettriku kollu neċessarju għall-operazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku għandu jkun kopert mill-eżenzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, skont din id-direttiva u skont l-Artikolu 12(1)(1) tal-iStromStV, l-installazzjonijiet kollha annessi jew awżiljarji li mingħajrhom installazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku ma tistax taħdem, għandhom, bħala prinċipju, ikunu koperti mill-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku. Għalhekk, it-teħid ta’ elettriku intiż għall-produzzjoni tal-elettriku permezz tal-linjite, jiġifieri kważi 90 % tal-elettriku użat, kellu jkun eżentat mit-taxxa fuq l-elettriku, skont l-Artikolu 9(1)(2) tal-iStromStG, peress li dan serva għall-produzzjoni tal-elettriku ( 9 ). Għalhekk, il-linjite għandu jiġi kkunsidrat bħala kombustibbli b’tali mod li l-elettriku meħud għall-estrazzjoni u t-trasport tiegħu fil-minjiera miftuħa għandu jiġi wkoll eżentat mit-taxxa. RWE Power indikat li l-funzjonament ta’ impjant tal-enerġija bil-linjite huwa proċess unitarju li jibda mill-estrazzjoni tal-faħam sar-rimi tal-iskart iġġenerat. Il-minjiera miftuħa u l-impjant tal-enerġija bil-linjite jikkostitwixxu għalhekk unità ekonomika u teknika ta’ produzzjoni ta’ elettriku li ma tistax tiġi maqsuma artifiċjalment f’attivitajiet awtonomi differenti, peress li l-konsum ta’ elettriku kontenzjuż kien neċessarju sabiex tiġi żgurata produzzjoni mhux interrotta ta’ elettriku.

    20.

    Min-naħa tiegħu, il-Hauptzollamt jikkunsidra, essenzjalment, li skont l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, l-elettriku meħud għall-produzzjoni tal-elettriku huwa eżentat mit-taxxa fuq l-elettriku jekk dan jiġi kkonsmat fl-installazzjonijiet annessi jew awżiljarji ta’ unità ta’ produzzjoni ta’ elettriku għall-produzzjoni, fis-sens tekniku tal-kelma, tal-elettriku. Issa, skont il-Hauptzollamt, huwa biss l-elettriku li huwa direttament marbut ma’, u neċessarju, għall-produzzjoni tal-elettriku – bħal dak użat għall-provvista ta’ kombustibbli fil-berner tal-bojler mill-mitħna tat-tħabbit –, li huwa eżenti. Mill-banda l-oħra, l-elettriku li huwa użat biss indirettament f’ċerti installazzjonijiet ta’ pproċessar tal-linjite mhux ipproċessat għat-tkissir, tifrik u tnixxif, ma jibbenefikawx, fil-fehma tiegħu, minn dan il-vantaġġ.

    21.

    Billi esprimiet dubji dwar il-portata tal-eżenzjoni prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva [2003/96], sa fejn tipprovdi li l-elettriku li jintuża għall-produzzjoni tal-elettriku għandu jiġi eżentat mit-taxxi, ikkunsidrata fid-dawl tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-istess direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-eżenzjoni tkopri wkoll operazzjonijiet li fihom il-prodotti tal-enerġija jiġu ġġenerati f’minjieri miftuħa u jiġu ttrattati f’ċentrali tal-enerġija sabiex ikunu jistgħu jintużaw f’ċentrali tal-enerġija, bħalma huma operazzjonijiet li jinvolvu t-tkissir, is-separazzjoni ta’ elementi mhux meħtieġa u l-maċerazzjoni sa daqs li jippermetti l-użu f’bojler?

    2)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, sa fejn tipprovdi li l-elettriku użat sabiex tinżamm il-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku għandu jiġi eżentat mit-taxxi, ikkunsidrata fid-dawl tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-istess direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jiġi eżentat mit-taxxi wkoll l-elettriku użat għall-operat ta’ sistemi ta’ ħażna u ta’ mezzi tat-trasport li huma neċessarji għall-funzjonament kontinwu taċ-ċentrali tal-enerġija?”

    22.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn RWE Power, mill-Hauptzollamt kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

    IV. Analiżi

    23.

    Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika l-portata tal-eżenzjoni kontenzjuża u, b’mod partikolari, jekk u taħt liema kundizzjonijiet, fil-kuntest tal-produzzjoni ta’ elettriku mil-linjite provenjenti minn minjieri miftuħa, l-użu tal-elettriku għall-proċessi li jirrigwardaw il-produzzjoni tal-elettriku upstream u downstream jista’ jibbenefika minn din l-eżenzjoni.

    24.

    B’mod iktar preċiż, l-ewwel domanda tirrigwarda l-elettriku użat għal operazzjonijiet li jseħħu qabel ma l-linjite jinħażen fit-tank tal-boljer u jiġi ttrasformat f’elettriku, jiġifieri: i) l-estrazzjoni tal-linjite fil-minjieri miftuħa u ii) l-ipproċessar tiegħu fl-impjanti tal-enerġija (it-tkissir, is-separazzjoni ta’ elementi mhux meħtieġa u l-maċerazzjoni sad-daqs meħtieġ mill-bojler). Fir-rigward tat-tieni domanda, din tirrigwarda l-elettriku kkonsmat f’operazzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw produzzjoni kontinwa ta’ elettriku, u b’mod partikolari: i) it-twassil tal-linjite lejn l-impjanti tal-enerġija (b’ferroviji u ċineg trasportaturi li jaħdmu bl-elettriku) u ii) il-ħażna.

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    25.

    Preliminarjament, infakkar li d-Direttiva 2003/96 għandha l-għan li tistabbilixxi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata ta’ prodotti enerġetiċi u tal-elettriku, li fil-kuntest tagħha t-tassazzjoni minima hija r-regola, sabiex jiġi promoss il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ( 10 ).

    26.

    Għal dan il-għan, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-produzzjoni tal-elettriku, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel ( 11 ) li jimponi fuq l-Istati Membri t-tassazzjoni tal-elettriku mad-distribuzzjoni ( 12 ), iżda l-prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni ta’ dan tal-aħħar għandhom, b’mod korrelattiv, jiġu eżentati mit-taxxa, u dan bil-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-elettriku ( 13 ). Skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, sa mill‑1 ta’ Jannar 2004, ħlief fl-eċċezzjoni prevista ( 14 ), il-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-elettriku huma ta’ EUR 0.5 kull MW/h (għall-konsum professjonali) u EUR 1.0 kull MW/h (għall-konsum mhux professjonali) ( 15 ).

    27.

    F’dan ir-rigward, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi eċċezzjoni obbligatorja tas-sistema ta’ tassazzjoni, minn naħa, għall-“prodotti ta’ enerġija” użati għall-produzzjoni tal-elettriku, u min-naħa l-oħra, għall-“elettriku” użat għall-produzzjoni ta’ elettriku jew għaż-żamma tal-kapaċità ta’ din il-produzzjoni. Madankollu, skont it-tieni sentenza ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jintaxxaw dawn il-prodotti, lil hinn mill-livelli minimi ta’ tassazzjoni, għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent. F’dan il-każ, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma għamlitx użu minn din il-fakultà ( 16 ).

    28.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 f’żewġ okkażjonijiet. Permezz tas-sentenza tagħha Cristal Union, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjoni obbligatorja prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għall-prodotti ta’ enerġija, bħalma huwa l-gass naturali, li jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku meta dawn il-prodotti jintużaw għall-produzzjoni f’kombinazzjoni ta’ din u tas-sħana ( 17 ). Barra minn hekk, permezz tas-sentenza tagħha Turbogás, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li l-gass naturali u d-diżil użati għall-produzzjoni ta’ elettriku ta’ oriġini termika minn impjant b’ċiklu kkombinat huma eżentati mit-taxxa ( 18 ).

    29.

    Madankollu, il-kawżi li taw lok għal dawn iż-żewġ sentenzi msemmija hawn fuq huma differenti mill-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn dawk kienu jirrigwardaw l-applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża għal “prodotti ta’ enerġija” li l-użu tagħhom għall-produzzjoni ta’ elettriku ma kienx ikkontestat. Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, il-prodott li jista’ jiġi eżentat mit-taxxa ma huwiex il-“prodott ta’ enerġija”, iżda l-“elettriku”, u min-naħa l-oħra, il-punt ta’ kontestazzjoni huwa preċiżament il-kwistjoni dwar jekk dan l-elettriku għandux jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ elettriku, fis-sens tal-eżenzjoni kontenzjuża.

    B.   Fuq l‑ewwel domanda preliminari

    30.

    Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-“elettriku użat[…] biex jipproduċu elettriku” tkopri wkoll il-kwantitajiet ta’ elettriku użati fil-kuntest tal-estrazzjoni ta’ linjite f’minjiera miftuħa u tat-trasformazzjoni u tal-ipproċessar sussegwenti tal-linjite f’impjanti tal-elettriku (jiġifieri, it-tkissir, is-separazzjoni ta’ elementi mhux meħtieġa u t-tħin sad-daqs meħtieġ għall-funzjonament tal-bojler).

    31.

    Skont il-Hauptzollamt, l-ewwel domanda preliminari titlob risposta negattiva. Huwa jsostni, essenzjalment, li interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjoni msemmija hawn fuq, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, twassal sabiex teżenta biss il-konsum ta’ elettriku strettament marbut mal-produzzjoni ta’ elettriku, li jeskludi, fil-fatt, l-elettriku użat fil-kuntest tal-estrazzjoni u tat-trattament ta’ prodotti enerġetiċi.

    32.

    Għall-kuntrarju, RWE Power tqis li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun fl-affermattiv. Fil-fehma tagħha, l-elettriku użat kemm għall-finijiet tal-estrazzjoni tal-linjite, kif ukoll għall-finijiet tal-ipproċessar sussegwenti, jaqa’ taħt l-eżenzjoni kontenzjuża, peress li dawn l-operazzjonijiet huma kollha indispensabbli u jagħmlu parti mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ elettriku.

    33.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni taqbel, essenzjalment, mal-analiżi tal-Hauptzollamt fir-rigward tal-elettriku użat għall-estrazzjoni tal-linjite, iżda tqis li l-eżenzjoni kontenzjuża tista’ madankollu tapplika għall-ipproċessar tal-linjite, meta dawn l-operazzjonijiet ikunu neċessarji għall-użu ta’ bojlers ta’ impjanti tal-enerġija.

    34.

    Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni, għar-raġunijiet li ġejjin.

    35.

    Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżenzjonijiet previsti mid-Direttiva 2003/96 għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq il-formulazzjoni tagħhom kif ukoll fuq l-istruttura ta’ din id-direttiva u l-għanijiet imfittxija minnha ( 19 ). Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni awtonoma preliminari li ser jiġi eżaminat jekk l-estrazzjoni tal-linjite fil-minjieri miftuħa u l-ipproċessar sussegwenti tiegħu fl-impjanti tal-enerġija għandhomx ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni kontenzjuża.

    36.

    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a), mill-kliem tagħha jirriżulta li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżentaw mit-taxxa tal-elettriku prevista minn din id-direttiva, b’mod partikolari, il-“prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku” (l-ewwel sitwazzjoni) u l-“elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku” (it-tieni sitwazzjoni).

    37.

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, fir-rigward tal-ewwel sitwazzjoni, li tirreferi għall-proċess tal-produzzjoni ta’ elettriku, li d-Direttiva 2003/96 tiddetermina b’mod ċar il-“prodotti ta’ enerġija” li jaqgħu taħt l-eżenzjoni, billi telenka b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, il-lista ta’ dawn il-prodotti b’riferiment għall-kodiċi tan-nomenklatura magħquda ( 20 ). Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tipprovdi ebda preċiżjoni dwar il-kunċett ta’ “użu għall-produzzjoni tal-elettriku”, peress li dan il-kunċett ma huwiex iddefinit fl-istess direttiva jew b’riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 21 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, jiġifieri l-elettriku użat għaż-żamma tal-kapaċità tal-produzzjoni tal-elettriku ( 22 ), dan lanqas ma huwa is-suġġett ta’ ebda preċiżjoni oħra fid-Direttiva 2003/96.

    38.

    Fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ “użu għall-produzzjoni tal-elettriku”, f’din id-direttiva ( 23 ), id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ dan il-kliem għandha tiġi stabbilita fis-sens abitwali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti, filwaqt li jitqies il-kuntest li fih huwa jintuża u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmel parti minnha ( 24 ).

    39.

    F’dan ir-rigward, nikkonstata, qabelxejn, li minn dan il-kliem jirriżulta b’mod ċar li l-elettriku li huwa eżentat għandu jinftiehem bħala dak meħud bil-għan li jiġi prodott l-elettriku. Minn dan isegwi li hemm lok, għalhekk, li jiġi eskluż mill-eżenzjoni kontenzjuża l-elettriku meħud sempliċement fl-okkażjoni tal-operazzjoni ta’ produzzjoni ta’ elettriku, mingħajr ma jippermetti jew jikkontribwixxi direttament f’din il-produzzjoni ( 25 ). Tali konsum ta’ elettriku jista’ jinkludi, pereżempju, il-konsum fil-binjiet amministrattivi ta’ impjant ta’ produzzjoni ta’ elettriku.

    40.

    Imbagħad, għandu jiġi osservat li d-distinzjoni magħmula bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet tal-eżenzjoni kontenzjuża – jiġifieri l-elettriku użat “għall-produzzjoni tal-elettriku”, minn naħa, u “biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku”, min-naħa l-oħra – tissuġġerixxi li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-produzzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet marbuta maż-żamma tal-kapaċità ta’ din il-produzzjoni ( 26 ).

    41.

    Fl-aħħar nett, sa fejn il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ma tippreċiżax it-tipi differenti ta’ konsum ta’ elettriku li jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni kontenzjuża, inqis li għandu jiġi evalwat il-kunċett ta’ “użu għall-produzzjoni tal-elettriku” billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. Tali approċċ jidhirli barra minn hekk raġonevoli, sa fejn in-natura ġenerika tal-kunċett ta’ “produzzjoni ta’ elettriku”, tippermetti d-distinzjoni tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni skont il-metodu ta’ produzzjoni tiegħu ( 27 ). Huwa f’dan id-dawl li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża l-prodotti tal-enerġija użati minn installazzjoni ta’ ko-ġenerazzjoni għall-finijiet ta’ produzzjoni kombinata ta’ elettriku u ta’ sħana ( 28 ).

    42.

    Madankollu, il-formulazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża ma tippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza jekk l-elettriku intiż li jintuża fil-proċessi li jseħħu upstream fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, u b’mod partikolari fl-estrazzjoni tal-linjite u fl-ipproċessar sussegwenti tiegħu fl-impjanti tal-enerġija, għandux jiġi eżentat bħala li jagħmel parti mill-proċess ta’ “produzzjoni ta’ elettriku”, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96.

    43.

    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-istruttura tad-Direttiva 2003/96, għandu jitfakkar li peress li t-tassazzjoni ta’ prodotti enerġetiċi u tal-elettriku hija r-regola ta’ prinċipju, din ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi eżenzjonijiet ta’ natura ġenerali. Għalhekk, peress li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 isemmi b’mod limitattiv l-eżenzjonijiet obbligatorji imposti fuq l-Istati Membri fil-kuntest tat-tassazzjoni ta’ prodotti enerġetiċi u tal-elettriku, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati b’mod estensiv, u dan sabiex ma jintilifx kull effett utli tat-tassazzjoni armonizzata ( 29 ).

    44.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li mill-istruttura tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta, li bl-esklużjoni ta’ dawn iż-żewġ każijiet speċifiċi – jiġifieri dawk previsti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-direttiva – l-eżenzjoni obbligatorja tal-prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni tal-elettriku prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tal-imsemmija direttiva, hija imposta fuq l-Istati Membri b’mod mhux inkundizzjonat ( 30 ). Dan jimplika li l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni ma tistax tiġi affettwata mid-dispożizzjonijiet tal-istess direttiva li huma ta’ natura fakultattiva, bħat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tal-istess direttiva.

    45.

    Għalhekk, minkejja li l-eżenzjoni kontenzjuża għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, ladarba l-elettriku jiġi kkonsmat għall-produzzjoni tal-elettriku jew sabiex tinżamm il-kapaċità ta’ tali produzzjoni, din l-eżenzjoni tapplika b’mod inkundizzjonat u għandha tiġi implimentata.

    46.

    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija permezz tad-Direttiva 2003/96, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li billi tipprevedi sistema ta’ tassazzjoni armonizzata ta’ prodotti enerġetiċi u tal-elettriku, din id-direttiva hija intiża sabiex tilħaq għan doppju, jiġifieri, minn naħa, li tippromwovi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern fis-settur tal-enerġija, billi jiġu evitati, b’mod partikolari, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni ( 31 ), u min-naħa l-oħra, li tinċentiva l-għanijiet tal-politika ambjentali ( 32 ).

    47.

    Minn naħa, fir-rigward tal-ewwel għan u, b’mod partikolari, dak li jiġu evitati d-distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni, nirrileva li jekk l-enerġija użata għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjant ma tkunx eżentata mit-tassazzjoni taħt l-eżenzjoni kontenzjuża, dan jagħti lok għal riskju ta’ tassazzjoni doppja, peress li l-elettriku prodott b’dan il-mod jiġi, skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intaxxat ukoll ( 33 ). Għaldaqstant dan l-għan jimplika li l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża tista’ twassal għal inugwaljaza fit-trattament bejn id-diversi entitajiet ta’ produzzjoni ta’ elettriku ( 34 ). Fil-fatt, eventwali twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq l-elettriku għal tip partikolari ta’ produzzjoni ta’ elettriku għandu mnejn iqiegħed fi żvantaġġ lill-produtturi ta’ elettriku minn forom oħra ta’ prodotti enerġetiċi li jkunu suġġetti għal eventwali tassazzjoni doppja. Bl-istess mod, jeżisti riskju ta’ diskriminazzjoni fost il-produtturi ta’ enerġija prodotta mill-istess prodott enerġetiku, minħabba tassazzjoni doppja, meta l-materji prima neċessarji għall-produzzjoni, li jeħtieġu pproċessar li jimplika konsum ta’ elettriku, jiġu importati minn parti waħda biss minn dawn il-produtturi.

    48.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-għan li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ambjent, huwa stabbilit li l-produzzjoni ta’ elettriku mil-linjite tinvolvi bosta obbligi imposti mir-regoli ambjentali, intiżi sabiex isir l-użu l-iktar nadif possibbli tal-prodotti enerġetiċi. Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li l-eżenzjoni kontenzjuża tista’ taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dawn l-obbligi, meta dawn jinvolvu l-ipproċessar tal-prodott enerġetiku bl-użu tal-elettriku, sabiex jirrendu possibbli produzzjoni ta’ enerġija iktar ekoloġika.

    49.

    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali li għandu jiġi evalwat il-konsum kontenzjuż.

    50.

    Minn naħa, fir-rigward tal-elettriku kkonsmat għall-estrazzjoni ta’ linjite f’minjiera miftuħa, jiena nqis, qabelxejn, li minkejja li din l-operazzjoni titwettaq, ċertament, bil-għan (aħħari) li jiġi prodott l-elettriku, hija ma tistax madankollu, fid-dawl ukoll tal-lingwaġġ kurrenti tal-kliem “produzzjoni ta’ elettriku”, titqies li tagħmel parti mill-produzzjoni tal-elettriku, fis-sens tal-eżenzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, l-elettriku użat waqt l-estrazzjoni huwa intiż sabiex jipproduċi linjite mhux ipproċessat, li skont l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 jikkostitwixxi “prodott ta’ enerġija” ( 35 ). Madankollu, l-eżenzjoni kontenzjuża teżenta biss il-produzzjoni ta’ elettriku, u mhux il-“produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi” ( 36 ). Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jeżenta dan it-tip ta’ konsum taħt l-eżenzjoni kontenzjuża, huwa kien jindika dan b’mod iktar preċiż, billi jsemmi, pereżempju, “l-elettriku użat għall-produzzjoni ta’ prodott enerġetiku”, kif għamel, essenzjalment, fil-kuntest tal-eżenzjoni fakultattiva prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva. Din l-interpretazzjoni tkun koerenti wkoll mal-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata lill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża. Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan li ma jinħolqux distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, ikun preferibbli li l-proċessi ta’ estrazzjoni ta’ prodott enerġetiku jiġu distinti mill-produzzjoni ta’ elettriku. Inkella, jista’ jkun hemm inugwaljanza fit-trattament bejn l-impriżi li joperaw impjanti tal-elettriku u li jiġbru il-linjite għall-produzzjoni ta’ elettriku, u l-impriżi l-oħra li jixtru mingħand terzi l-linjite mhux ipproċessat, sabiex jipproduċu l-elettriku, minħabba piżijiet fiskali differenti ( 37 ).

    51.

    Abbażi ta’ dan ir-raġunament, il-produzzjoni tal-linjite mhux ipproċessat għandha tispiċċa mal-fażi tal-ħażna tiegħu fil-bunkers tal-minjiera miftuħa. Għalhekk, kull konsum ta’ elettriku qabel din il-fażi marbut mal-funzjonament ta’ pompi idrawliċi intiżi sabiex inaqqsu l-livell tal-ilma, għall-funzjonament ta’ makkinarji kbar bħal skavaturi tal-barmil, li jħaffru l-linjite u l-mollijiet, u f’makkinarji tal-irdim li jordmu parti tal-minjiera miftuħa, kif ukoll id-dawl għall-mijiera miftuħa, ma għandux jibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża.

    52.

    Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fattwali, magħmula minn RWE Power, intiżi sabiex juru l-unità indissoċjabbli bejn l-impjanti ta’ produzzjoni mil-linjite u l-minjieri miftuħa. Minkejja li huwa probabbli li impjant tal-linjite jista’ jiġi operat biss meta l-linjite jkun lest sabiex jintuża bħala sors ta’ enerġija, peress li l-kunsinna ta’ linjite ma ssirx fuq distanzi kbar u li l-linjite neċessarju għall-kombustjoni ma jistax jinxtara fis-suq ( 38 ), din il-konstatazzjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex l-estrazzjoni tal-linjite tiġi ttrattata bħala parti indissoċjabbli mill-operazzjoni tat-trasformazzjoni tal-linjite f’elettriku. Minkejja li tali dikjarazzjonijiet jistgħu effettivament jimmilitaw favur twessigħ tal-eżenzjoni kontenzjuża fir-rigward speċifikament tas-suq ta’ produzzjoni ta’ enerġija mil-linjite, dawn ma jistgħux isibu sostenn fit-test tad-Direttiva 2003/96 li huwa ta’ natura iktar ġenerali u li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-suq tal-enerġija tal-linjite.

    53.

    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-elettriku użat fl-ipproċessar ulterjuri tal-linjite f’impjanti tal-elettriku, inqis li mill-mument li fih il-linjite, fil-verżjoni tiegħu mhux ipproċessata, huwa kklassifikat bħala “prodott ta’ enerġija”, l-elettriku kkonsmat fil-kuntest ta’ kull operazzjoni li sseħħ fl-istess stabbiliment, jew tal-inqas, f’installazzjonijiet annessi u awżiljarji, li jirrigwardaw it-trasformazzjoni u l-ipproċessar ulterjuri tal-linjite f’impjanti tal-elettriku, għandu jagħti lok għal eżenzjoni mit-taxxa tal-elettriku, sa fejn dan l-ipproċessar jikkontribwixxi mhux għall-produzzjoni tal-“prodott ta’ enerġija”, iżda direttament għall-produzzjoni ta’ elettriku ( 39 ).

    54.

    Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-proċessi humiex effettivament neċessarji skont it-tip tal-impjant ta’ linjite ( 40 ). F’dan ir-rigward, RWE Power kienet topera tliet tipi ta’ impjanti tal-enerġija, li jaħarqu tipi differenti tal-linjite, jiġifieri, “bojlers tal-fuklar tal-gradilja”, “bojlers tas-sodda fluwidizzata”, u l-“fran tal-faħam pulverizzat li kienu jaħdmu bil-linjite”. Jidher li huwa stabbilit li, bl-eċċezzjoni tal-ewwel tip (il-fuklar tal-gradilja), li ma għadux jintuża, dan l-ipproċessar ulterjuri tal-linjite huwa indispensabbli sabiex jiġu ssodisfatti l-obbligi tal-leġiżlazzjonijiet industrijali u ambjentali, kemm għall-bojlers tas-sodda fluwidizzata kif ukoll għall-fran tal-faħam pulverizzat. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-ipproċessar imsemmi hawn fuq jikkorrispondix effettivament għar-rekwiżiti leġiżlattivi u għall-bojlers inkwistjoni. F’dan ir-rigward, l-eventwali diffikultajiet ta’ natura prattika li timplika n-neċessità li tiġi identifikata l-parti tal-elettriku li tintuża għall-ipproċessar tal-linjiet meta mqabbla mal-parti użata għal finijiet oħra, ma jistgħux, fl-ebda każ, jeħilsu lill-Istati Membri mill-obbligu tagħhom li jeżentaw b’mod inkundizzjonat l-enerġija użata għall-produzzjoni tal-elettriku, b’mod konformi mal-eżenzjoni kontenzjuża ( 41 ).

    55.

    Minn dak li ntqal jirriżulta li l-eżenzjoni kontenzjuża tista’ tapplika għal proċessi bħat-tkissir, is-separazzjoni ta’ elementi mhux meħtieġa u għat-tħin, meta dawn l-operazzjonijiet ikunu indispensabbli għall-użu, u jkunu intiżi esklużivament għal dan l-użu tal-linjite fil-bojlers speċifiċi ta’ impjant tal-elettriku sabiex jiġi prodott l-elettriku.

    56.

    Fl-aħħar lok, għal finijiet ta’ kompletezza, nikkunsidra li din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dispożizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, li fid-dawl tagħhom il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-eżenzjoni kontenzjuża.

    57.

    Infakkar li skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, il-konsum ta’ prodotti enerġetiċi f’żona li tmiss ma’ stabbiliment li jipproduċi prodotti enerġetiċi ma huwiex ikkunsidrat bħala fatt li jwassal għat-tassazzjoni tal-prodotti enerġetiċi jekk il-konsum jikkonsisti fi prodotti enerġetiċi prodotti fiż-żona tal-istabbiliment. It-tieni sentenza ta’ dan l-istess paragrafu, li għaliha tirreferi speċifikament il-qorti tar-rinviju, tipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw il-konsum ta’ elettriku li ma jiġix prodott fiż-żona ta’ stabbiliment li jipproduċi prodotti enerġetiċi, u l-konsum ta’ elettriku fiż-żona ta’ stabbiliment li jipproduċi kombustibbli intiżi sabiex jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku, bħala li ma humiex fatti taxxabbli.

    58.

    Minn naħa, għandu jitfakkar qabelxejn li din id-dispożizzjoni tagħti possibbiltà lill-Istati Membri. Għaldaqstant, din hija eċċezzjoni fakultattiva għall-eżiġibbiltà tat-taxxa, li l-leġiżlatur Ġermaniż ma għamilx użu minnha. Għalhekk, sistema fakultattiva ma tistax tikkostitwixxi element determinanti għad-definizzjoni tal-portata ta’ eżenzjonijiet obbligatorji, bħalma hija l-eżenzjoni kontenzjuża. Fil-fatt, sa fejn din timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu inkundizzjonat li jeżentaw il-prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni ta’ elettriku, sistema fakultattiva, bħal dik prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, tista’ tkun biss ta’ natura residwa ( 42 ).

    59.

    Min-naħa l-oħra, jekk jingħad li l-attivitajiet differenti ta’ RWE Power jiżvolgu “fiż-żona ta’ stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/96, li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, inqis li t-teħid ta’ elettriku fis-sit tal-minjiera miftuħa għall-finijiet ta’ estrazzjoni ta’ linjite jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel parti tat-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw “il-konsum ta’ elettriku li ma huwiex magħmul fiż-żona ta’ stabbiliment li jipproduċi prodotti enerġetiċi” bħala mhux fatt taxxabbli. Din l-interpretazzjoni hija koerenti mal-approċċ irrakkomandat fir-rigward tal-estrazzjoni tal-linjite, peress li l-eżenzjoni fakultattiva prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96 tkun bla sens jew raġuni loġika, kieku din l-istess eżenzjoni kienet diġà obbligatorja skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ din id-direttiva.

    60.

    Għalhekk nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-eżenzjoni kontenzjuża, li tirrigwarda l-“elettriku użat biex jipproduċu elettriku”, għandha tiġi interpretata fis-sens li din l-eżenzjoni tkopri biss l-elettriku użat f’operazzjonijiet li huma indispensabbli u li jikkontribwixxu direttament għall-proċess tal-produzzjoni tal-elettriku, u teskludi għalhekk l-operazzjoni ta’ estrazzjoni ta’ prodotti enerġetiċi, iżda tinkludi l-operazzjonijiet li jseħħu fl-istess stabbiliment jew, mill-inqas, f’installazzjonijiet annessi u awżiljari, li huma intiżi esklużivament għat-trasformazzjoni u għall-ipproċessar ulterjuri tal-prodott enerġetiku għall-provvista ta’ impjanti tal-elettriku.

    C.   Fuq it‑tieni domanda preliminari

    61.

    Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, tistax, fid-dawl tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-direttiva, tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa tal-“elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku” tkopri wkoll l-elettriku intiż għall-funzjonament ta’ installazzjonijiet ta’ ħażna u ta’ mezzi ta’ trasport neċessarji għall-funzjonament kontinwu ta’ dawn l-impjanti.

    62.

    Skont il-Hauptzollamt, din it-tieni domanda preliminari titlob, hija wkoll, risposta negattiva, peress li l-użu tal-elettriku intiż għall-funzjonament ta’ installazzjonijiet ta’ ħażna u ta’ mezzi ta’ trasport ma jistax jiġi eżentat mit-taxxa, peress li l-eżenzjoni “biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku” hija biss estensjoni tal-eżenzjoni tal-“elettriku użat biex jipproduċu elettriku” u f’dan ir-rigward, tista’ tirrigwarda biss proċessi li għalihom l-użu ta’ elettriku jkun eżentat ukoll fir-rigward tal-użu tiegħu għall-produzzjoni tal-elettriku.

    63.

    Mill-banda l-oħra, RWE Power tqis li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv, b’mod partikolari għaliex ir-referenza għal “biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku” tindika li l-elettriku eżentat imur lil hinn mill-proċess ta’ trasformazzjoni enerġetika u jkopri l-elettriku użat upstream u downstream għal dan.

    64.

    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tikkunsidra li s-servizzi ta’ ħażna u ta’ trasport tal-linjite ma jagħmlux parti mill-proċess ta’ produzzjoni ta’ elettriku, fis-sens strett tal-kelma, u għalhekk għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni kontenzjuża.

    65.

    Għar-raġunijiet li ġejjin, ser nirrakkomanda approċċ sfumat li permezz tiegħu jkun possibbli li wieħed jaċċetta li l-elettriku intiż għat-twassil tal-linjite lejn l-impjanti tal-enerġija u l-ħażna f’dawn tal-aħħar jista’ jibbenefika mill-eżenzjoni kontenzjuża, jekk jintwera li dawn l-operazzjonijiet huma direttament marbuta u indispensabbli għaż-żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni fl-impjant tal-enerġija inkwistjoni.

    66.

    Qabelxejn, nirrileva li d-distinzjoni magħmula bejn iż-żewġ każijiet tal-eżenzjoni kontenzjuża – jiġifieri l-elettriku użat “biex jipproduċu elettriku”, minn naħa, u dak użat, “biex iżomm il-[kapaċità] ta’ produzzjoni ta’ l-elettriku”, min-naħa l-oħra – tissuġġerixxi li l-attivitajiet li jaqgħu taħt iż-żamma tal-kapaċità ma jikkoinċidux mal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-produzzjoni. Dan jimplika li, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta, essenzjalment, il-Hauptzollamt, l-elettriku eżentat taħt it-tieni sitwazzjoni ma għandux (neċessarjament) jidħol fil-proċess ta’ transformazzjoni enerġetika, b’tali mod li l-elettriku li jintuża upstream jew downstream fit-trasformazzjoni enerġetika jista’ wkoll jiġi eżentat mit-taxxa jekk huwa jservi sabiex tinżamm il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku.

    67.

    Imbagħad, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-oriġini tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, fil-proposta inizjali tagħha, il-Kummissjoni kienet pprevediet sempliċement eżenzjoni mit-taxxa għall-“prodotti enerġetiċi użati għall-produzzjoni tal-elettriku u s-sħana ġġenerata waqt din il-produzzjoni” ( 43 ), li jikkorrispondi, essenzjalment, għall-ewwel sitwazzjoni tal-eżenzjoni kontenzjuża. Madankollu, it-tieni sitwazzjoni ta’ din l-eżenzjoni ġiet inkluża fit-test ta’ din id-direttiva mill-Kunsill biss fi stadju sussegwenti tal-adozzjoni. Sabiex din iż-żieda jkollha sens u ma tkunx ikkunsidrata pleonastika, l-awturi tal-imsemmija direttiva riedu neċessarjament joħolqu kawża ġdida ta’ eżenzjoni li tmur lil hinn minn dik tal-proposta tal-Kummissjoni.

    68.

    Barra minn hekk, għandu jingħad mill-ġdid li, bħal fl-ewwel sitwazzjoni, l-eżenzjoni prevista mit-tieni sitwazzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. F’dan is-sens, huwa biss meta jintwera effettivament li hemm rabta diretta bejn il-kontinwazzjoni tal-produzzjoni u l-elettriku kkonsmat li għandha tiġi aċċettata l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

    69.

    F’dan il-każ, mid-deċiżjoni għar-rinviju jirriżulta li l-funzjonament tal-impjanti tal-enerġija ta’ RWE Power kien ibbażat fuq produzzjoni mhux interrotta ta’ elettriku. Fil-fatt, huwa stabbilit li, sabiex tiżgura produzzjoni mhux interrotta ta’ elettriku, RWE Power kienet ħasbet għal ħażniet ta’ tliet daqsijiet u funzjonijiet differenti, li minnhom il-linjite kien jitwassal gradwalment lejn il-bojlers fl-impjanti tal-enerġija. B’mod iktar preċiż, il-linjite kien l-ewwel jinħażen f’kull waħda mill-minjieri miftuħa f’ħażna ta’ kapaċità li tikkorrispondi għal sitt ijiem ta’ funzjonament tal-impjant tal-enerġija, u mbagħad, jitwassal lejn il-ħażniet tal-impjanti tal-enerġija li kellhom kapaċità korrispondenti għal jumejn ta’ funzjonament tal-impjant tal-enerġija. Abbażi ta’ din id-deskrizzjoni fattwali, li taqa’ biss taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, jidher li kemm l-operazzjonijiet ta’ ħażna kif ukoll dawk ta’ trasport kienu intiżi sabiex jiżguraw produzzjoni mhux interrotta tal-elettriku u ż-żamma ta’ din il-kapaċità. Għalhekk, sabiex l-espressjoni “elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku” ma titlifx is-sens tagħha, inqis li dawn l-operazzjonijiet għandhom effettivament jiġu koperti mill-eżenzjoni kontenzjuża.

    70.

    Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mid-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2003/96, li jipprovdu li meta l-konsum ta’ prodotti enerġetiċi huwa għal skopijiet mhux marbuta mal-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi, u b’mod partikolari għall-propulsjoni ta’ vetturi, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala fatt taxxabbli li jagħti lok għal tassazzjoni. Fil-fatt, qabelxejn, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-“konsum ta’ prodotti ta’ enerġija” għal skopijiet li ma humiex marbutin mal-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi, bħal, pereżempju, it-twassil tal-persunal fil-postijiet tax-xogħol fis-sit tal-impriża ta’ RWE Power. Madankollu, f’dan il-każ, il-konsum kollu inkwistjoni jirrigwarda l-konsum ta’ elettriku, u bl-eċċezzjoni tal-konsum marbut mal-estrazzjoni tal-linjite, ma jservix għall-produzzjoni ta’ prodotti enerġetiċi, iżda ta’ enerġija elettrika. Fi kwalunkwe każ, mill-pożizzjoni tagħha fl-istruttura tad-Direttiva 2003/96, jirriżulta li t-tielet sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni hija intiża biss sabiex tirrestrinġi l-eżenzjonijiet tal-ewwel u t-tieni sentenza tal-istess dispożizzjoni ( 44 ).

    71.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-eżenzjoni kontenzjuża, li tirrigwarda l-“elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku”, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tkopri biss l-elettriku użat f’operazzjonijiet li huma indispensabbli u li jikkontribwixxu direttament għall-proċess ta’ żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku, u dan jista’ jinkludi operazzjonijiet li permezz tagħhom prodotti enerġetiċi jinħażnu jew jitwasslu lejn l-impjanti tal-enerġija.

    V. Konklużjoni

    72.

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja):

    1)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, li tirrigwarda l-“elettriku użati biex jipproduċu elettriku”,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    din l-eżenzjoni tkopri biss l-elettriku użat f’operazzjonijiet li huma indispensabbli u li jikkontribwixxu direttament għall-proċess tal-produzzjoni tal-elettriku, u teskludi għalhekk l-operazzjoni ta’ estrazzjoni ta’ prodott enerġetiku, iżda tinkludi l-operazzjonijiet li jseħħu fl-istess stabbiliment jew, mill-inqas, f’installazzjonijiet annessi u awżiljari, li huma intiżi esklużivament għat-trasformazzjoni u għall-ipproċessar ulterjuri tal-prodott enerġetiku għall-provvista ta’ impjanti tal-elettriku.

    2)

    L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96, li tirrigwarda l-“elettriku użat biex iżomm il-[kapaċità ta’] produzzjoni ta’ l-elettriku”,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    din l-eżenzjoni tkopri biss l-elettriku użat f’operazzjonijiet li huma indispensabbli u li jikkontribwixxu direttament għall-proċess ta’ żamma tal-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku, u dan jista’ jinkludi operazzjonijiet li permezz tagħhom prodotti enerġetiċi jinħażnu jew jitwasslu lejn l-impjanti tal-enerġija.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

    ( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2007, Fendt Italiana (C‑145/06 u C‑146/06, EU:C:2007:411, punt 36), tas‑17 ta’ Lulju 2008, Flughafen Köln vs Bonn (C‑226/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza Flughafen Köln/Bonn, EU:C:2008:429), tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 40 sa 54), tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla (C‑151/16, EU:C:2017:537), tas‑7 ta’ Marzu 2018, Cristal Union (C‑31/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Cristal Union, EU:C:2018:168), tas‑27 ta’ Ġunju 2018, Turbogás (C‑90/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Turbogás, EU:C:2018:498), tas‑16 ta’ Ottubru 2019, UPM France (C‑270/18, EU:C:2019:862), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil (C‑68/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza Petrotel-Lukoil, EU:C:2019:933, punti 33, 4647).

    ( 4 ) Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395), Petrotel-Lukoil, u tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Repsol Petróleo (C‑44/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Repsol Petróleo, EU:C:2020:982).

    ( 5 ) BGBl. 1999 I, p. 378, u BGBl. 2000 I, p. 147.

    ( 6 ) BGBl. 2002 I, p. 4602 u BGBl. 2003 I, p. 3076.

    ( 7 ) BGBl. 2000 I, p. 794.

    ( 8 ) Matul is-sena 2004, RWE Power ipproduċiet, fl-impjanti tal-enerġija assenjati għall-imsemmija minjieri miftuħa, kważi 10 % tal-elettriku kkonsmat fil-Ġermanja.

    ( 9 ) RWE Power ma titlob ebda eżenzjoni mit-taxxa għall-attivitajiet li hija tattribwixxi għall-manifattura ta’ blokok u trab ta’ linjite għal klijenti industrijali li jużawh fil-fabbriki tagħhom. Għalhekk din imliet b’riżerva d-dikjarazzjoni tagħha fir-rigward tat-taxxa fuq l-elettriku għal ammont ta’ EUR 31 526 540.15.

    ( 10 ) Ara l-Artikolu 1 u l-premessi 2 sa 5 u 24 tad-Direttiva 2003/96, kif ukoll, is-sentenzi Cristal Union (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata); u Repsol Petróleo (punt 21).

    ( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-paġna 5 tal-Proposta għad-Direttiva tal-Kunsill li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU 1997, C 139, p. 14, iktar ’il quddiem il-“Proposta tal-Kummissjoni”).

    ( 12 ) Sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2019, UPM France (C‑270/18, EU:C:2019:862, punt 39). F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta entità tipproduċi l-elettriku għall-użu proprju tagħha, dan l-elettriku ma huwiex is-suġġett ta’ distribuzzjoni u għaldaqstant ma jaqax taħt is-sistema ta’ tassazzjoni armonizzata stabbilita permezz tad-Direttiva 2003/96 (ara s-sentenzi Turbogás (punti 32 u 38) u UPM France (punt 33)).

    ( 13 ) Sentenzi Cristal Union (punt 30) u Turbogás (punt 35).

    ( 14 ) Skont l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96, dan ma japplikax jekk l-elettriku jintuża prinċipalment għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki u metallurġiki (it-tielet inċiż), jew meta dan iseħħ għal iktar minn 50 % tal-ispiża tal-prodott (ir-raba’ inċiż).

    ( 15 ) Ara l-livelli minimi ta’ tassazzjoni applikabbli għall-elettriku fit-Tabella Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 2003/96. Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, il-livell ta’ tassazzjoni jirrappreżenta l-ammont totali ta’ taxxi indiretti (bl-eċċezzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)), ikkalkolat direttament jew indirettament fuq l-elettriku fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tiegħu.

    ( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Flughafen Köln (punti 22 sa 25).

    ( 17 ) Sentenza Cristal Union (punti 38 u 46).

    ( 18 ) Sentenza Turbogás (punti 12 u 42).

    ( 19 ) Sentenza Cristal Union (punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Kull interpretazzjoni differenti fuq il-livell nazzjonali tal-obbligi ta’ eżenzjoni previsti mid-Direttiva 2003/96 tkun tmur kontra l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-unjoni u kontra ċ-ċertezza legali, u għandha mnejn tintroduċi inugwaljanzi fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi kkonċernati (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft (C‑250/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:862, punti 18 u 19)).

    ( 20 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Kernkraftwerke Lippe-Ems (C‑5/14, EU:C:2015:354, punti 4647). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, f’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ eżenzjoni huwa suffiċjentement preċiż u inkundizzjonat b’tali mod li jagħti lill-individwi d-dritt li jinvokawh quddiem il-qorti nazzjonali sabiex jopponi leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli miegħu (sentenza Flughafen Köln (punt 33)).

    ( 21 ) Tali riferiment huwa madankollu magħmul fir-rigward tal-kunċett ta’ “ġenerazzjoni ta’ sħana u kapaċità kkumbinati” li “ma jagħmlux ħsara lil ambjent”, previst fl-Artikolu 15(1)() tad-Direttiva 2003/96.

    ( 22 ) Korsiv miżjud minni.

    ( 23 ) Nosserva wkoll li d-Direttiva 2003/96 ma tirregolax il-kwistjoni dwar b’liema mod għandha tiġi prodotta l-prova tal-użu tal-prodotti tal-enerġija jew tal-elettriku sabiex jingħata d-dritt għal eżenzjoni. Bil-kontra, kif jirriżulta mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, hija tagħti lill-Istati Membri l-kompitu li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-eżenzjonijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u sabiex jiġu preklużi l-frodi, l-evażjoni jew l-abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim‑SS (C‑355/14, EU:C:2016:403, punt 57)).

    ( 24 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2018, Louboutin u Christian Louboutin (C‑163/16, EU:C:2018:423, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Vakarų Baltijos laivų statykla (punti 29 u 30), dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96, għall-operazzjonijiet ta’ navigazzjoni li ma jservux direttament għall-provvista ta’ servizz bi ħlas.

    ( 26 ) Ara analiżi fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 27 ) Bħala eżempju, jidher li huwa diffiċli li jiġi kkontestat li l-proċessi differenti ta’ produzzjoni ta’ elettriku f’impjant tar-riħ huma distinti minn dawk ta’ impjant nukleari jew, bħal f’dan il-każ, f’impjant bil-linjite.

    ( 28 ) Sentenza Cristal Union (punt 23).

    ( 29 ) Sentenza Cristal Union (punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 30 ) Ara s-sentenzi Cristal Union (punti 27 u 28) u UPM France (punt 53).

    ( 31 ) Sentenzi Cristal Union (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll Turbogás (punt 34).

    ( 32 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Koppers Denmark (C‑49/17, EU:C:2018:395, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-premessa 6 tad-Direttiva 2003/96.

    ( 33 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cristal Union (punti 31 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 34 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Turbogás (punti 35 u 42).

    ( 35 ) Ara l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, li jirreferi għall-Kodiċi NACE, 2702, li jikkorrispondi, b’mod partikolari, għal-“lignite, mgħaqqad jew le, ħlief ġett”, u n-Nota ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, C 76, p. 1), dwar l-intestatura 2702.

    ( 36 ) Il-kelma “produzzjoni” tista’ tinkludi wkoll, jekk ikun il-każ, l-“estrazzjoni” (ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2003/96). Ara, f’dan l-istess sens, il-premessa 25 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243).

    ( 37 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Turbogás (punt 42).

    ( 38 ) Din ir-rabta indissoċjabbli bejn l-estrazzjoni u l-produzzjoni ta’ elettriku tirriżulta mill-assenza ta’ suq Ġermaniż jew internazzjonali ta’ provvista ta’ linjite.

    ( 39 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Petrotel‑Lukoil (punt 34).

    ( 40 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Vakarų Baltijos laivų statykla (punti 35 u 36).

    ( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza Cristal Union (punt 45).

    ( 42 ) Ara b’analoġija, is-sentenza Cristal Union (punti 41 sa 43).

    ( 43 ) Ara l-Artikolu 13(1)(b) tal-Proposta tal-Kummissjoni (ĠU 1997, C 139, p. 14).

    ( 44 ) Ara f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Petrotel‑Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:422, punt 27).

    Top