EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0568

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati fid-9 ta’ Marzu 2023.
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid vs E. et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State.
Talba għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Responsabbiltà tal-Istat Membru li jkun ħareġ dokument ta’ residenza lill-applikant – Artikolu 2(l) – Tifsira ta’ ‘dokument ta’ residenza’ – Karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi.
Kawża C-568/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:189

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fid‑9 ta’ Marzu 2023 ( 1 )

Kawża C‑568/21

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

intervenjenti fil-kawża:

E.,

S.,

u l-ulied minuri tagħhom

(talba għal deċiżjoni preliminari mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi)

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 2(l) – Tifsira ta’ ‘dokument ta’ residenza’ – Karta tal-identità diplomatika maħruġa minn Stat Membru – Kriterji u mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali – Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi – Privileġġi u immunitajiet – Dritt li toqgħod fit-territorju tal-Istat Membru li qed jirċievi”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn il-konklużjonijiet jikkunsidraw jekk il-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa minn Stat Membru taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi konkluż fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna” ( 2 )), lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma persunal ta’ missjoni diplomatika f’dak l-Istat humiex dokumenti ta’ residenza għall-finijiet tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (iktar ’il quddiem “ir-Regolament Dublin III” ( 3 )), bil-konsegwenza li dak l-Istat Membru huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mid-detenturi ta’ dawn id-dokumenti.

II. Ir‑Regolament Dublin III

2.

Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III jipprovdu li:

“(4)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Asil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)

Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.”

3.

L-Artikolu 1 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Suġġett”, jistipula li “[d]an ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (‘l-Istat Membru Responsabbli’)”.

4.

Għall-finijiet tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 2(l) jiddefinixxi “dokument ta’ residenza” bħala “[…] kull awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jawtorizza ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida biex joqgħod fit-territorju tiegħu, inklużi d-dokumenti li jissostanzjaw l-awtorizzazzjoni biex jibqgħu fit-territorju taħt arranġamenti ta’ protezzjoni temporanja jew sakemm iċ-ċirkostanzi li jimpedixxu ordni ta’ tneħħija milli tkun eżegwita ma japplikawx aktar, ħlief viżas u awtorizzazzjonijiet maħruġa matul il-perijodu rekwiżit biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli kif stabbilit f’dan ir-Regolament jew matul l-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza”.

5.

Permezz tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Dublin III, “[i]l-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu”.

6.

L-Artikolu 12(1) u l-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxu l-kriterji rilevanti. Skont l-Artikolu 12(1) tiegħu, intitolat “Ħruġ ta’ dokumenti ta’ residenza jew viża”, “[f]ejn applikant ikun fil-pussess ta’ dokument ta’ residenza validu, l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”. L-Artikolu 14 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Dħul b’rinuzja għall-viża”, jipprovdi li:

“1.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li fih il-ħtieġa li jkollu viża tkun irrinunzjata, dak l-Istat Membru għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu.

2.   Il-prinċipju stipulat fil-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida jiddepożita l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor, li fih il-ħtieġa li jkollu viża għad-dħul fit-territorju tkun ukoll irrinunzjata. F’dak il-każ, dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.”

7.

Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III:

“It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit […] l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]”

III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali, id‑domanda preliminari u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

8.

L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) huma familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Ir-raġel ħadem fl-ambaxxata tal-Istat ta’ oriġini tiegħu fl-Istat Membru X. Ir-raġel, il-mara u ż-żewġt itfal gawdew minn privileġġi u immunitajiet taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna u rċevew karti tal-identità diplomatiċi mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ dak l-Istat. Xi snin wara l-familja telqet mill-Istat Membru X u applikat għall-protezzjoni internazzjonali fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ( 4 ).

9.

Fil‑31 ta’ Lulju 2019, il-Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (“is-Segretarju tal-Istat”) informa lir-rikorrenti li kien iqis li l-Istat Membru X kien responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom jew skont l-Artikolu 12(1) jew l-Artikolu 12(3) tar-Regolament Dublin III.

10.

Fit‑30 ta’ Awwissu 2019, l-Istat Membru X ċaħad it-talbiet tas-Segretarju tal-Istat biex jittieħed inkarigu, u sostna li huwa la kien ħareġ dokumenti ta’ residenza u lanqas viżi lir-rikorrenti peress li dawn kienu residenti f’dak l-Istat Membru biss b’riferiment għall-istatus diplomatiku tagħhom. Ir-rikorrenti kienu daħlu fl-Istat Membru X u fil-Pajjiżi l-Baxxi permezz ta’ passaporti diplomatiċi maħruġa mill-Istat ta’ oriġini tagħhom, u għalhekk ma kellhomx bżonn viża. Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Dublin III, il-Pajjiżi l-Baxxi kienu għalhekk responsabbli li jeżaminaw l-applikazzjonijiet tagħhom.

11.

Fil‑11 ta’ Settembru 2019, is-Segretarju tal-Istat talab lill-Istat Membru X biex jerġa’ jikkunsidra t-talbiet biex jittieħed inkarigu. Is-Segretarju tal-Istat, abbażi tal-manwal tal-Istat Membru X dwar il-privileġġi u l-immunitajiet diplomatiċi, qies li l-karti tal-identità diplomatiċi li l-Istat Membru X kien ħareġ kienu dokumenti ta’ residenza. Skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjonijiet kienet tal-Istat Membru X.

12.

Fil‑25 ta’ Settembru 2019, l-Istat Membru X aċċetta t-talbiet biex jittieħed inkarigu.

13.

B’deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2020, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li ma jeżaminax l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

14.

Ir-rikorrenti ppreżentaw appell minn dawn id-deċiżjonijiet. Huma argumentaw quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, The Hague, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) li l-Istat Membru X ma kienx responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom minħabba li d-dritt tagħhom ta’ residenza f’dak l-Istat Membru kien jirriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Il-karti tal-identità diplomatiċi li l-Istat Membru X ħareġ huma dikjaratorji u għalhekk jikkonfermaw dan.

15.

Ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali, The Hague) iddikjarat li dan l-appell kien fondat. Hija annullat id-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat, billi ddeċidiet li l-karti tal-identità diplomatiċi ma setgħux jitqiesu bħala awtorizzazzjoni biex joqgħodu fl-Istat Membru X, peress li r-rikorrenti diġà kellhom id-dritt li joqogħdu f’dan l-Istat Membru taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Il-karti kienu dikjaratorji, pjuttost milli kostituttivi, ta’ dan id-dritt. Is-Segretarju tal-Istat għalhekk intalab jeżamina l-applikazzjonijiet tagħhom.

16.

Is-Segretarju tal-Istat ippreżenta appell minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi).

17.

Il-qorti tar-rinviju tqis li la t-test u lanqas il-kuntest tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III ma jagħti definizzjoni ċara biżżejjed tat-terminu dokument ta’ residenza. Dan ir-regolament ma jindikax espressament li għandu jkun dokument maħruġ taħt id-dritt nazzjonali. Għalkemm għandu jkun hemm awtorizzazzjoni biex persuna tibqa’ fit-territorju ta’ Stat Membru maħruġa mill-awtoritajiet tal-Istat Membru, dan ma jispeċifikax x’għandha tinvolvi din l-awtorizzazzjoni. Lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tixħet dawl fuq il-kwistjoni. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tobbliga lill-Istati Kontraenti li jippermettu lill-persunal diplomatiku u lill-familji tagħhom joqgħodu fit-territorji tagħhom. L-Istat riċeventi ma għandux is-setgħa li jagħti jew li jirrifjuta permess lil diplomatiċi biex joqogħdu fit-territorju tiegħu ( 5 ).

18.

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt (l) tal-Artikolu 2 tar-[Regolament Dubilin III] għandu jiġi interpretat fis-sens li karta diplomatika maħruġa minn Stat Membru taħt il-[Konvenzjoni ta’ Vjenna] tikkostitwixxi permess ta’ residenza fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

19.

Ir-rikorrenti, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV. Eżami tad‑domanda preliminari

A.   Ammissibbiltà

20.

Il-Gvern Awstrijak isostni li, abbażi tal-informazzjoni li għandu, ir-rinviju jista’ jkun inammissibbli. Għalkemm l-Istat Membru X aċċetta t-talbiet biex jittieħed inkarigu fil‑25 ta’ Settembru 2019, it-trasferiment tar-rikorrenti ma seħħx fi żmien sitt xhur minn dan. Skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa għalhekk responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet, l-appell tas-Segretarju tal-Istat huwa ineffettiv, u ma fadalx il-ħtieġa li tingħata risposta għad-domanda preliminari ( 6 ).

21.

Mid-digriet tar-rinviju fhimt li meta s-Segretarju tal-Istat ippreżenta l-appell quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), huwa talab għal ordni preliminari biex jiġi sospiż it-terminu ta’ sitt xhur stabbilit fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III. Il-qorti tar-rinviju laqgħet din it-talba fl‑24 ta’ Marzu 2020. Minn dan isegwi li l-kwistjoni bejn il-partijiet quddiem il-qorti tar-rinviju għadha ħajja u li r-rinviju għalhekk huwa ammissibbli ( 7 ).

B.   Sustanza

1. Espożizzjoni sommarja tal‑osservazzjonijiet tal-partijiet

22.

Il-qorti tar-rinviju tasal għal żewġ interpretazzjonijiet potenzjali: A: karta diplomatika hija dokument ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III, u għalhekk l-Istat Membru X huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali; B: karta diplomatika ma tikkostitwixxix tali dokument ta’ residenza, u l-Pajjiżi l-Baxxi għalhekk huma responsabbli biex jeżaminaw l-applikazzjonijiet.

23.

Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jsostnu l-ewwel interpretazzjoni. Huma jsostnu li d-definizzjoni ta’ dokument ta’ residenza fir-Regolament Dublin III hija wiesgħa biżżejjed biex tinkludi karti tal-identità diplomatiċi. Huma jinvokaw l-interpretazzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikoli 12 sa 14 ta’ dan ir-regolament fis-sens li l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet għandha, bħala regola ġenerali, tippermetti t-tqassim tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz lejn l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri.

24.

Il-Kummissjoni ma hijiex konvinta li l-karti tal-identità diplomatiċi huma dikjaratorji pjuttost milli kostituttivi għaliex l-Istati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna għandhom grad ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-persuni li jaċċettaw fit-territorji tagħhom bħala persunal diplomatiku. Jistgħu, pereżempju, jiddikjaraw lil xi wieħed minnhom non grata jew inaċċettabbli. Fi kwalunkwe każ, ikun kuntrarju għall-għanijiet tar-Regolament Dublin III jekk Stat Membru li kien aċċetta ċittadin ta’ pajjiż terz bħala persunal diplomatiku ma jkollux l-obbligu li jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ta’ dik il-persuna.

25.

Il-Gvern Olandiż iqis li l-karti tal-identità diplomatiċi jiddikjaraw id-drittijiet fl-Artikolu 39 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, inkluż id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru X, iżda li dawn id-drittijiet fl-aħħar mill-aħħar joħorġu mid-deċiżjonijiet tal-Istat Membru X u tal-Istat ta’ oriġini tar-rikorrenti biex isiru partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna u biex jidħlu f’relazzjonijiet diplomatiċi. Huwa f’dan il-kuntest li l-Istat Membru X awtorizza lir-rikorrenti joqgħodu fit-territorju tiegħu, mingħajr preġudizzju għad-diskrezzjoni tiegħu li jiddikjara lil xi wieħed minnhom non grata jew inaċċettabbli. Dan juri l-importanza tar-rwol li kellu l-Istat Membru X biex ippermetta lir-rikorrenti joqgħodu fit-territorju tiegħu.

26.

Ir-rikorrenti u l-Gvern Awstrijak isostnu t-tieni interpretazzjoni, għalkemm permezz ta’ approċċi differenti. Ir-rikorrenti jinvokaw sentenza tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fis-sens li l-persunal diplomatiku u l-membri tal-familja tagħhom jiksbu l-istatus privileġġat tagħhom direttament mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna u li din ma tiddependix mill-pussess tagħhom ta’ dokument ( 8 ). Bl-istess mod, id-drittijiet tar-rikorrenti li joqogħdu fl-Istat Membru X jirriżultaw direttament mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna u karta tal-identità diplomatika hija biss prova ta’ dritt ta’ residenza eżistenti. Skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, l-Istat riċeventi ma jistax, suġġett għal eċċezzjonijiet limitati ħafna, jirtira d-dritt ta’ residenza ta’ diplomatiku. Minn dan isegwi li l-Istat riċeventi ma jistax jagħti dan id-dritt. Huma jirrimarkaw ukoll li d-diplomatiċi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 9 ).

27.

Il-Gvern Awstrijak isostni li karta tal-identità diplomatika turi l-privileġġi u l-immunitajiet li l-persunal diplomatiku għandu taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Dawn ma jinkludux dritt li tidħol, jew toqgħod, fl-Istat riċeventi. Il-karti tal-identità diplomatiċi maħruġa taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna għalhekk ma humiex dokumenti ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III. Huwa jirrimarka li ħafna Stati Membri, inkluża l-Awstrija, jobbligaw lill-persunal diplomatiku japplika għal viża ta’ dħul, li, jekk tinħareġ, hija effettivament awtorizzazzjoni biex jibqa’ f’dak l-Istat Membru.

2. Evalwazzjoni

28.

L-ewwel ser nikkunsidra l-kuntest legali li fih l-Istat Membru X ħareġ il-karti tal-identità diplomatiċi tar-rikorrenti. Sejjer imbagħad nindirizza s-sottomissjonijiet tal-partijiet li jikkonċernaw il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti dwar id-drittijiet ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Istati Membri u neżamina r-rilevanza tagħha fil-kuntest preżenti. Fl-aħħar nett, ser nevalwa t-test u l-kuntest tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Dublin III, li nikkonkludi billi nqis li huma jiddeterminaw ir-risposta għad-domanda magħmula.

a) Il‑karti tal‑identità diplomatiċi tar‑rikorrenti

29.

Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna hija ftehim ta’ dritt internazzjonali pubbliku ffirmat u ratifikat minn Stati Membri u Stati mhux Membri li jaġixxu fl-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet diplomatiċi. Din ma tikkonċernax ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea, li ma hijiex parti għal dan il-ftehim ( 10 ).

30.

L-Istati Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna jaqblu li jikkonferixxu lill-persunal ta’ missjonijiet diplomatiċi ċerti privileġġi u immunitajiet bil-għan li jiffaċilitaw “iż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali, u l-promozzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ ħbiberija fost in-nazzjonijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-“għan ta’ tali privileġġi u immunitajiet ma huwiex li jkunu ta’ benefiċċju għall-individwi iżda li jiżguraw it-twettiq effiċjenti tal-funzjonijiet tal-missjonijiet diplomatiċi bħala rappreżentanti tal-Istati” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 11 ).

31.

Kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, il-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma tagħtix espressament lill-persunal diplomatiku d-dritt li jidħol u joqgħod fit-territorju ta’ Stat riċeventi u l-Istati Kontraenti jistgħu jistabbilixxu proċedimenti sabiex jirregolaw tali kwistjonijiet. Madankollu huwa raġonevoli li wieħed jassumi li t-twettiq effiċjenti tal-funzjonijiet tal-missjonijiet diplomatiċi jeħtieġ li l-persunal ta’ missjoni jkun permess, mhux biss li jidħol, iżda wkoll li joqgħod fit-territorju tal-Istat riċeventi ( 12 ).

32.

Dan id-dritt ma huwiex assolut. Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tagħti lill-Istati Kontraenti grad sostanzjali ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-identità u n-numru ta’ persuni li jaċċettaw bħala persunal ta’ missjonijiet diplomatiċi u t-tul tal-preżenza tagħhom wara t-terminazzjoni tal-funzjonijiet tagħhom ( 13 ).

33.

L-Istat Membru X huwa firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li huwa rratifika fis-snin disgħin. Miċ-ċirkustanzi ta’ dan ir-rinviju jirriżulta li l-Istat Membru X u l-Istat ta’ oriġini tar-rikorrenti stabbilixxew relazzjonijiet diplomatiċi rregolati minn din il-konvenzjoni. L-Istat Membru X għalhekk qabel li jagħti l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna lill-persunal ta’ dik il-missjoni diplomatika għall-finijiet tat-twettiq effiċjenti tal-funzjonijiet ta’ dik il-missjoni, mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tiegħu kif deskritt fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet.

34.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li l-karti tal-identità diplomatiċi inkwistjoni jinkludu l-informazzjoni li ġejja: “karta tal-identità diplomatika, missjoni, kunjom, ismijiet, data tat-twelid, kodiċi personali, pożizzjoni, data tal-ħruġ, data tal-iskadenza u firma tad-detentur”. L-istatus huwa indikat ukoll. Il-proċess tal-qorti nazzjonali ma jinkludix kopja tal-karti maħruġa lir-rikorrenti.

35.

Il-Gvern Olandiż jirreferi għall-manwal tal-Istat Membru X dwar il-privileġġi u l-immunitajiet diplomatiċi ( 14 ), li skontu karta tal-identità diplomatika tagħti l-privileġġi u l-immunitajiet deskritti fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna. Hija l-bażi legali għall-persunal diplomatiku u l-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu f’dak l-Istat Membru. Flimkien ma’ passaport, din tintitola lid-detentur li jidħol u jivvjaġġa fl-Istati Schengen ( 15 ).

36.

L-Istat Membru X ippubblika wkoll dokument li jinkludi eżempju tal-karti tal-identità diplomatiċi li joħroġ ( 16 ). Hija jkollha l-intestatura “karta tal-identità diplomatika” u għandha ritratt tad-detentur fuq in-naħa tax-xellug. In-naħa li fuqha jidher ir-ritratt tinkludi l-informazzjoni deskritta fil-punt 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet. It-test fuq in-naħa ta’ wara jiddikjara li din tintitola lid-detentur li jgħix fl-Istat Membru X sad-data li tiskadi l-karta u, meta tiġi ppreżentata flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, li jidħol fit-territorju tal-Istati Schengen. Id-dokument li jinkludi l-eżempju tal-karta jispjega li n-naħa ta’ wara tal-karta tinkludi informazzjoni dwar il-privileġġi tad-detentur.

37.

Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Awstrijak, jirriżulta minn dak li ntqal li l-karti tal-identità diplomatiċi tar-rikorrenti jikkonfermaw id-dritt tagħhom li joqogħdu fl-Istat Membru X għat-terminu speċifikat fuq il-karti, skont il-Konvenzjoni ta’ Vjenna ( 17 ).

b) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet ta’ residenza u l-permessi ta’ residenza

38.

Ir-rikorrenti jinvokaw, b’analoġija, il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u li jirrisjedu hemmhekk għall-finijiet maħsuba mit-Trattat, huwa dritt mogħti direttament mit-Trattat jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu. Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru għandu jitqies mhux bħala att li jikkostitwixxi drittijiet (dokument kostituttiv), iżda bħala att li jservi biex jipprova l-pożizzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (dokument dikjaratorju) ( 18 ). Huma jqisu li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għas-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna; li l-karti tal-identità diplomatiċi tar-rikorrenti sempliċement jiddikjaraw drittijiet li huma diġà jgawdu minnhom; u li l-awtoritajiet tal-Istat Membru X għalhekk ma ħarġilhomx dokumenti ta’ residenza għall-finijiet tar-Regolament Dublin III.

39.

F’dan il-kuntest, huwa istruttiv li tiġi kkunsidrata waħda mill-ewwel sentenzi li fiha din il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat is-sors tad-dritt ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, senjatament is-sentenza tagħha fil-kawża Royer ( 19 ).

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jirrisjedu hemmhekk għall-finijiet maħsuba mit-Trattat huwa mogħti direttament mit-Trattat, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implimentazzjoni tiegħu. Dan id-dritt għalhekk jinkiseb indipendentement mill-ħruġ ta’ permess ta’ residenza mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru. L-għoti ta’ dan il-permess ma għandux jitqies bħala miżura kostituttiva ta’ drittijiet, iżda bħala waħda li tipprova l-pożizzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad osservat li d-Direttiva Nru 68/360 ( 20 ) tobbliga lill-Istati Membri jagħtu d-dritt ta’ residenza fit-territorju tagħhom lil persuni li setgħu jipproduċu d-dokumenti elenkati f’din id-direttiva u li permess ta’ residenza kien jikkostitwixxi prova tad-dritt ta’ residenza. Id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-direttiva għalhekk kienu intiżi sabiex jiddeterminaw dettalji prattiċi li jirregolaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija direttament mit-Trattat. Minn dan isegwi li l-awtoritajiet tal-Istati Membri kellhom jagħtu d-dritt ta’ residenza lil kull persuna li waqgħet taħt il-kategoriji stabbiliti fid-direttiva u li setgħet tipprova, billi tipproduċi d-dokumenti speċifikati, li hija kienet taqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji. Peress li kienet tinvolvi l-eżerċizzju ta’ dritt miksub taħt it-Trattat, nuqqas ta’ twettiq ta’ formalitajiet legali ma setax jitqies li jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà pubblika li jista’ jiġġustifika t-teħid ta’ ordni ta’ tkeċċija ( 21 ).

41.

Minn din il-ġurisprudenza joħorġu żewġ punti importanti.

42.

L-ewwel, peress li l-kuntesti huma legalment u materjalment differenti, ma huwiex possibbli li d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Membri kif jirriżultaw mit-Trattati fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jiġu awtomatikament applikati għall-operat tad-duttrina tal-effett dirett fuq il-privileġġi u l-immunitajiet li jibbenefikaw minnhom ċittadini ta’ pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna fi ħdan l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru partikolari.

43.

It-tieni, rinfaċċata b’sitwazzjoni li fiha ċerti Stati Membri kienu llimitaw indebitament id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-drittijiet jirriżultaw direttament mit-Trattati u jeżistu indipendentement mill-ħruġ ta’ permess ta’ residenza. Din ma hijiex is-sitwazzjoni fil-kawża preżenti. Ma huwiex jiġi ssuġġerit li teżisti xi diskrepanza bejn id-drittijiet tar-rikorrenti kif jirriżultaw, direttament jew indirettament, mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna u d-drittijiet li l-karti tal-identità diplomatiċi jikkonfermaw jew dawk li r-rikorrenti kienu jgawdu b’xi mod ieħor.

44.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li d-determinazzjoni ta’ jekk il-karti tal-identità diplomatiċi tar-rikorrenti humiex dikjarattivi jew kostituttivi fis-sens tas-sentenza f’Royer ma tgħinx biex tinstab riżoluzzjoni għat-tilwima quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri jekk dawn il-karti humiex dokumenti ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III. Barra minn hekk, l-analiżi testwali u kuntestwali li ġejja tindika li mhux meħtieġ li ssir tali determinazzjoni.

c) Analiżi testwali u kuntestwali tal-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III

45.

Skont it-test tal-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Dublin III, awtorità ta’ Stat Membru li tqis li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tkun intitolata li toqgħod fit-territorju tagħha toħroġ dokument ta’ awtorizzazzjoni għal dan il-għan. L-Istat Membru X għamel preċiżament dan meta ħareġ karti tal-identità diplomatiċi lir-rikorrenti ( 22 ).

46.

It-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma jindikax li l-awtorizzazzjonijiet maħruġa abbażi tal-fatt li dan l-Istat Membru jkun parti għal ftehim internazzjonali bħall-Konvenzjoni ta’ Vjenna, jew leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni rilevanti, huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “dokumenti ta’ residenza”. Bl-istess mod, u kuntrarjament għall-argumenti tar-rikorrenti, huwa irrilevanti li d-dokument jista’ jiġi deskritt bħala dikjaratorju jew kostituttiv u/jew li huwa differenti fil-forma jew fis-sustanza mill-permessi ta’ residenza maħruġa lil ħaddieħor, pereżempju liċ-ċittadini jew residenti permanenti tal-Istat Membru X. Ir-Regolament Dublin III ma jirreferix għal kunsiderazzjonijiet bħal dawn.

47.

Din l-interpretazzjoni tat-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija konsistenti mal-kuntest li jidhru fih. Ir-Regolament Dublin III għandu l-għan li jistabbilixxi metodu ċar u li jiffunzjona biex jidentifika l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ( 23 ). Huwa konsistenti ma’ dan l-għan li d-dokumenti kollha li l-Istati Membri joħorġu li jawtorizzaw lill-persuni joqogħdu fit-territorju tiegħu għandhom jitqiesu bħala dokumenti ta’ residenza għall-finijiet tal-Artikolu 2(l) tiegħu. Din l-interpretazzjoni hija għalhekk konformi wkoll mal-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-għanijiet segwiti mir-Regolament Dublin III ( 24 ).

48.

Il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni jirrilevaw ukoll li r-rikorrenti għandhom l-iktar rabta qawwija mal-Istat Membru X. Huma daħlu fit-territorju tal-Istati Membri bis-saħħa tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn l-Istat ta’ oriġini tagħhom u l-Istat Membru X, fejn huma ħadmu u għexu għal diversi snin.

49.

Id-deċiżjoni li l-Istat Membru X huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali hija konsistenti mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-Regolament Dublin III li għandu l-għan li jiżgura t-tliet riżultati li ġejjin. L-ewwel, li r-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjonijiet taqa’ fuq l-Istat Membru li minnu joriġina d-dħul jew is-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri. It-tieni, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni r-rwol li kellu l-Istat Membru X meta r-rikorrenti daħlu f’dan it-territorju. It-tielet, li, f’żona ta’ moviment liberu kull Stat Membru huwa responsabbli, fil-konfront tal-Istati Membri l-oħrajn kollha, għall-azzjonijiet tiegħu fir-rigward tad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Kull Stat Membru għandu għalhekk jassumi l-konsegwenzi tal-azzjonijiet tiegħu fi spirtu ta’solidarjetà u ta’ kooperazzjoni leali ( 25 ).

50.

Kif josservaw kemm il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Olandiż, interpretazzjoni differenti tkun tfisser li ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-pożizzjoni tar-rikorrenti, li jgawdu minn privileġġi u immunitajiet taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, għandhom għażla dwar l-Istat Membru fejn għandhom jippreżentaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li oħrajn, li d-dokumenti ta’ residenza tagħhom għandhom bażi legali differenti, ma għandhomx. Dan ma jkunx konformi mal-mekkaniżmi u l-kriterji uniformi intiżi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li r-Regolament Dublin III jipprova jikseb ( 26 ). Huwa immaterjali li huwa biss numru żgħir ta’ nies li jistgħu jsibu ruħhom fiċ-ċirkustanzi tar-rikorrenti.

51.

Fl-aħħar nett, m’iniex konvint li l-esklużjoni tad-diplomatiċi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/109 għandha xi effett fuq din il-konklużjoni. Din id-direttiva għandha l-għan li teskludi mill-kamp tagħha persuni, bħal dawk li jgawdu minn status legali taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, li ma għandhom l-ebda intenzjoni li jistabbilixxu ruħhom għat-tul fit-territorju tal-Istati Membri ( 27 ). Dan ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli joħorġulhom dokumenti ta’ residenza fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Dublin III.

V. Konklużjoni

52.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

L-Artikolu 2(l) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida

għandu jiġi interpretat fis-sens li

karta tal-identità diplomatika maħruġa taħt il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi konkluża fi Vjenna fit‑18 ta’ April 1961, hija dokument ta’ residenza fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 500, p. 95.

( 3 ) ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50.

( 4 ) Sabiex tiġi protetta l-identità tar-rikorrenti, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax in-nazzjonalità tagħhom jew l-Istat Membru tal-missjoni diplomatika tagħhom, li jissejjaħ l-Istat Membru X. Dawn il-konklużjonijiet isegwu dak l-approċċ.

( 5 ) Skont il-qorti tar-rinviju, id-dritt tal-persunal diplomatiku li joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi jirriżulta direttament mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna, mhux mid-dritt nazzjonali.

( 6 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti) (C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, A.S. (C‑490/16, EU:C:2017:585, punti 56 sa 60) u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 46). Ma jien ser nesprimi l-ebda opinjoni dwar il-legalità tas-sospensjoni taħt ir-Regolament Dublin III.

( 8 ) Sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2008 tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) (NL:RVS:2008:BC8570).

( 9 ) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272). Ara l-Artikolu 3(2)(f) ta’ din id-direttiva.

( 10 ) Sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑437/04, EU:C:2007:178, punt 33).

( 11 ) Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna, it-tieni u r-raba’ premessi.

( 12 ) Ara Denza, E., Diplomatic Law – Commentary on the Vienna Convention on Diplomatic Relations, ir-raba’ edizzjoni, Oxford University Press, 2016, p. 50: “Għalkemm id-dritt li jidħol u jibqa’ fit-territorju tal-Istat riċeventi ma huwiex espliċitament stabbilit bħala privileġġ fil-[Konvenzjoni ta’ Vjenna], fil-prattika dan jitqies li joħroġ mill-Artikolu 7 u jingħata effett fil-liġi domestika dwar l-immigrazzjoni sa fejn dan huwa meħtieġ f’xi Stati” (in-nota ta’ qiegħ il-paġna qiegħda titħalla barra). L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jipprovdi li, suġġett għal riżervi speċifikati, l-Istat akkreditanti jista’ jaħtar liberament il-membri tal-persunal tal-missjoni tiegħu.

( 13 ) Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna tipprovdi li l-Istat akkreditanti għandu jiżgura l-agrément tal-Istat riċeventi għall-persuna li l-Istat tal-ewwel jipproponi li jakkredita bħala kap tal-missjoni; l-agrément jista’ jiġi rrifjutat mingħajr raġuni (l-Artikolu 4). L-Istat riċeventi għandu diskrezzjoni dwar il-ħatra ta’ persunal diplomatiku li huwa ċittadin ta’ dak l-Istat (l-Artikolu 8(2)). Hija tippermetti lill-Istat riċeventi li jiddikjara persuna bħala non grata jew inaċċettabbli fi kwalunkwe ħin u mingħajr ma jkollu għalfejn jispjega d-deċiżjoni tiegħu (l-Artikolu 9). L-Istat riċeventi jista’ jillimita d-daqs tal-missjoni, u b’hekk jillimita n-numru ta’ persunal (l-Artikolu 11). L-Istat riċeventi għandu d-diskrezzjoni li jiddetermina l-perijodu ta’ żmien li jqis raġonevoli għal membru tal-persunal ta’ missjoni biex jitlaq mit-territorju tiegħu wara t-terminazzjoni tal-funzjonijiet ta’ dik il-persuna u fir-rigward tal-perijodu ta’ żmien li l-membri tal-familja jistgħu jibqgħu wara l-mewt ta’ membru tal-missjoni (l-Artikolu 39(2) u (3)). Avvenimenti reċenti juru b’mod wiesa’ l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni. Fis‑7 ta’ April 2022, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Awstrija ħabbar li ħassu kostrett li jirrevoka l-istatus diplomatiku ta’ tliet membri tal-Ambaxxata tal-Federazzjon Russa fi Vjenna u ta’ membru tal-Konsulat Ġenerali tal-Federazzjoni Russa f’Salzburg. Dawn l-individwi kienu wettqu atti inkompatibbli mal-istatus diplomatiku tagħhom u b’riżultat ta’ dan ġew iddikjarati personae non gratae skont l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna u ġew ordnati jitilqu mit-territorju Awstrijak sat‑12 ta’ April 2022.

( 14 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ma ngħatatx dan id-dokument; il-verżjoni attwali hija disponibbli fuq l-internet.

( 15 ) L-Artikolu 19(2) u l-punt 4.3 tal-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006, L 105, p. 1).

( 16 ) Dan il-mudell tal-karta ġie nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 34(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 34(2) tiegħu. Il-mudell preċedenti, x’aktarx il-verżjoni użata meta r-rikorrenti waslu fl-Istat Membru X, ġie ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tliet snin qabel. Għall-finijiet preżenti, ma hemm ebda differenza materjali bejn iż-żewġ verżjonijiet.

( 17 ) Jidher li skont il-leġiżlazzjoni primarja tal-Istat Membru X, mhux ipprovduta lil din il-Qorti iżda disponibbli fuq l-internet, trattati u strumenti tad-dritt internazzjonali jipprovdu l-bażi legali għas-soġġorn u r-residenza temporanja tal-persunal diplomatiku f’dak l-Istat. L-istess bħall-Pajjiżi l-Baxxi, l-Istat Membru X huwa komunement deskritt bħala monista, fis-sens li jaċċetta trattati internazzjonali li jkun irratifika bħala parti mid-dritt nazzjonali mingħajr il-ħtieġa li tiġi implimentata leġiżlazzjoni nazzjonali.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, (C‑408/03, EU:C:2006:192, punti 6263 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias (C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 54). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’I (C‑195/16, EU:C:2017:374, punti 3738 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Royer (48/75, EU:C:1976:57). Ara wkoll id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 20 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 68/360/KEE tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u residenza fi ħdan il-Komunità għal ħaddiema ta’ Stati Membri u l-familji tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 27).

( 21 ) Sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Royer (48/75, EU:C:1976:57, punti 18 sa 40).

( 22 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 58). Fil-kawża preżenti, l-Istat Membru X mhux sempliċement ittollera l-preżenza tar-rikorrenti fit-territorju tiegħu.

( 23 ) Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III.

( 24 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2021, BT (Azzjoni kontra l-persuna assigurata) (C‑708/20, EU:C:2021:986, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 25 ) Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 79); u tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari (C‑646/16, EU:C:2017:586, punti 86 sa 8891).

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2019, H. u R. (C‑582/17 u C‑583/17, EU:C:2019:280, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 27 ) Ara l-Artikolu 3(2)(f) ta’ din id-direttiva u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Singh (C‑502/10, EU:C:2012:294, punti 36 sa 39).

Top