Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0543

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-2 ta’ Frar 2023.


    Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:62

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fit‑2 ta’ Frar 2023 ( 1 )

    Kawża C‑543/21

    Verband Sozialer Wettbewerb eV

    vs

    famila-Handelsmarkt Kiel GmbH & Co. KG

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

    “Talba għal deċiżjoni preliminari – Prezz tal-bejgħ – Xorb u jogurts mibjugħa f’kontenituri li jistgħu jiġu rritornati li fuqhom jiġi impost depożitu rimborsabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lin-negozjanti jindikaw l-ammont tad-depożitu separatament mill-prezz tal-prodott innifsu u li tipprojbixxi l-indikazzjoni tal-ammont totali”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Meta tixtri l-ilma tax-xorb, mibjugħ fi flixkun li jista’ jiġi rritornat bi prezz indikat bħal, pereżempju, “EUR 1 u depożitu ta’ EUR 0.25”, li jipprovdi li d-depożitu ta’ 25 ċenteżmu huwa rimborsabbli għar-restituzzjoni tal-flixkun, kemm verament jiswik dak l-ilma tax-xorb?

    2.

    Fil-qosor, din il-kwistjoni tinsab fil-qalba ta’ din il-kawża.

    3.

    Il-Verband Sozialer Wettbewerb eV. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) qieset li l-famila-Handelsmarkt Kiel GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) aġixxiet illegalment meta indikat, bħala prezz tax-xorb u tal-jogurts mibjugħa f’kontenituri li jistgħu jiġu rritornati, il-prezz li ma jinkludix id-depożitu (li l-ammont tiegħu kien ukoll indikat fir-reklamar, iżda separatament). Ir-rikorrenti għalhekk talbet, kontra l-konvenuta, mandat ta’ inibizzjoni u l-ħlas ta’ somma b’rata fissa bħala rimbors tal-ispejjeż relatati mal-avviż ta’ twissija.

    4.

    Dan ir-rikors intlaqa’ fl-ewwel istanza, iżda ġie miċħud fl-appell. Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), il-qorti tar-rinviju, adita b’appell fuq punt ta’ liġi, tistaqsi dwar il-mod kif għandha tinterpreta l-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6/KE ( 2 ) u, b’mod iktar speċifiku, dwar jekk dan il-kunċett għandux ikopri depożitu dovut għal fliexken jew vażetti li jistgħu jiġu rritornati li fihom jinbiegħu xorb jew jogurts. Fl-ipoteżi fejn l-ammont tad-depożitu għandu jitqies bħala li jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-indikazzjoni tal-ammont totali (kompost mill-prezz tal-prodott innifsu u tad-depożitu tal-kontenitur) hijiex dispożizzjoni iktar favorevoli għall-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-prezzijiet u l-kapaċità tagħhom li jqabbluhom, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6. Fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk tali dispożizzjoni twassalx sabiex iċċaħħad lill-konsumaturi minn informazzjoni importanti (dwar il-prezz totali) u għalhekk, fi kwalunkwe każ, hijiex eskluża mill-armonizzazzjoni kompleta mwettqa bid-Direttiva 2005/29/KE ( 3 ).

    II. Il-kuntest ġuridiku

    A. Id-dritt tal-Unjoni

    5.

    Id-Direttiva 98/6 għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, “li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet”.

    6.

    Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, “[i]l-prezz tal-bejgħ għandu jfisser il-prezz finali għal unità tal-prodott, jew kwantità mogħtija tal-prodott, li jinkludi l-VAT u t-taxxi l-oħra kollha”.

    7.

    Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva, “[i]l-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità għandhom ikunu indikati għall-prodotti kollha li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1, l-indikazzjoni tal-prezz ta’ unità tkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5 [li jipprovdi għal eċċezzjonijiet mill-obbligu li jiġi indikat il-prezz ta’ unità]. Il-prezz tal-unità m’għandux għalfejn ikun indikat jekk huwa identiku għall-prezz tal-bejgħ”.

    8.

    Skont l-Artikolu 3(4), “[k]ull riklam li jsemmi l-prezz tal-bejgħ ta’ prodotti li saret riferenza għalihom fl-Artikolu 1 għandhom jindikaw il-prezz ta’ unità soġġett għall-Artikolu 5”.

    9.

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 jipprovdi li din “[d]in id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw jew imantnu d-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli b’rigward l-informazzjoni u paragrun tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”.

    B. Id-dritt nazzjonali

    10.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-Preisangabenverordnung (ir-Regolament Ġermaniż dwar l-Indikazzjoni tal-Prezzijiet, iktar ’il quddiem il-“PAngV”) tipprevedi li kull persuna li, fuq bażi kummerċjali jew ta’ negozju jew regolarment b’xi mod ieħor, toffri prodotti jew servizzi lill-konsumaturi, jew li, bħala bejjiegħ, tpoġġi reklami b’indikazzjoni tal-prezzijiet, li huma diretti lejn il-konsumatur finali, għandha tindika l-prezz li għandu jitħallas, inkluża t-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ u kull komponent ieħor tal-prezz (prezz totali). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV jipprevedi li meta depożitu ta’ garanzija rimborsabbli huwa meħtieġ minbarra l-korrispettiv għal prodott, l-ammont ta’ dan id-depożitu ta’ garanzija għandu jiġi indikat flimkien mal-prezz tal-prodott u l-ammont totali m’għandux jiġi indikat.

    III. Il-fatti, il-proċedura nazzjonali u d-domandi magħmula

    11.

    Il-konvenuta tiddistribwixxi prodotti tal-ikel. F’fuljett, hija rreklamat xorb fi fliexken tal-ħġieġ u jogurt f’vażetti, peress li dawn il-fliexken u vażetti jistgħu jiġu rritornati fuq depożitu impost fuqhom waqt ix-xiri. Id-depożitu ma ġiex inkluż fil-prezzijiet indikati, iżda kien indikat permezz tat-termini addizzjonali “flimkien ma’ EUR […] depożitu”. Ir-rikorrenti, assoċjazzjoni li tikkontrolla l-interessi tal-membri tagħha billi tissorvelja l-osservanza tad-dritt tal-kompetizzjoni, tqis li dan huwa illegali minħabba n-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ prezz totali u ppreżentat rikors kontra l-konvenuta għal mandat ta’ inibizzjoni u l-ħlas ta’ somma b’rata fissa abbażi tar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mal-avviż ta’ twissija.

    12.

    Il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali, il-Ġermanja) ikkundannat lill-konvenuta. Madankollu, il-qorti tal-appell ċaħdet ir-rikors.

    13.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tat-tieni istanza kellha dubji dwar jekk l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-PAngV kellhiex tkompli tiġi interpretata fis-sens li depożitu għandu jiġi inkluż fil-prezz totali, filwaqt li żiedet li r-rikors tar-rikorrenti ma jistax, fi kwalunkwe każ, jintlaqa’, peress li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV jinkludi eċċezzjoni (mill-obbligu li jiġi indikat il-prezz totali) fil-każ li jiġi import depożitu rimborsabbli. Il-qorti tat-tieni istanza qieset ukoll li, minkejja li din id-dispożizzjoni tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, hija valida u għalhekk ikun inkompatibbli mal-prinċipji tal-istat tad-dritt li tikkundanna lill-konvenuta talli tkun ikkonformat ruħha magħha.

    14.

    Permezz tal-appell fuq punti ta’ liġi, ippreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb l-istabbiliment mill-ġdid tas-sentenza mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza.

    15.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-PAngV hija regola intiża sabiex tirregola l-aġir fis-suq fis-sens tal-Artikolu 3a tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Ġermaniża Kontra l-Kompetizzjoni Żleali, iktar ’il quddiem l-“UWG”). Sa fejn tobbliga lin-negozjanti jindikaw il-prezzijiet “totali” li jinkludu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), din id-dispożizzjoni hija bbażata, skont il-qorti tar-rinviju, fuq l-Artikolu 1, l-Artikolu 2(a), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 98/6. Għalhekk, il-kwistjoni dwar jekk il-konvenuta kisritx l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tal-PAngV tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk depożitu li għandu jitħallas waqt ix-xiri ta’ oġġett fi fliexken jew vażetti li jistgħu jiġu rritornati għandux jiġi inkluż fil-prezz tal-bejgħ fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

    16.

    Filwaqt li tosserva li risposta affermattiva għal din id-domanda tipprekludi, bħala prinċipju, ir-regola nazzjonali prevista fl-Artikolu 1(1) tal-PAngV, il-qorti tar-rinviju tirrileva li din tal-aħħar tista’ tibqa’ tapplika jekk wieħed iqis li din hija dispożizzjoni iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni u l-paragun tal-prezzijiet għall-konsumatur, li l-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tiddubita li r-regola nazzjonali hija, fi kwalunkwe każ, eskluża mid-Direttiva 2005/29, li wettqet armonizzazzjoni kompleta u tipprekludi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali anki meta din tkun iktar favorevoli għall-konsumaturi.

    17.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

    “1)

    Il-kunċett ta’ prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jinkludi l-ammont tad-depożitu rimborsabbli mar-ritorn li għandu jitħallas mill-konsumatur meta jixtri prodotti fi fliexken jew f’kontenituri tal-ħġieġ li fuqhom jitħallas tali depożitu?

    Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    2)

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 jippermetti lill-Istati Membri jżommu dispożizzjoni differenti mill-Artikolu 3(1) u (4), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, bħalma huwa l-Artikolu 1(4) tal-[PAngV], li jipprovdi li, fil-każ li minbarra l-korrispettiv għal prodott tkun meħtieġa garanzija rimborsabbli, l-ammont tagħha għandu jiġi indikat ħdejn il-prezz tal-prodott mingħajr indikazzjoni tal-ammont totali, jew dan huwa prekluż mill-approċċ ta’ armonizzazzjoni sħiħa meħud fid-Direttiva 2005/29/KE […]?”

    18.

    Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, mill-konvenuta, mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ressqu wkoll sottomissjonijiet orali li nstemgħu fis-seduta li saret fid‑19 ta’ Ottubru 2022.

    IV. Analiżi

    19.

    Ser nibda l-analiżi tiegħi b’rimarki preliminari dwar l-għan u l-kuntest usa’ tas-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti (A). Imbagħad ser nesponi l-argumenti li, fil-fehma tiegħi, iwasslu għall-konklużjoni li l-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ”, fis-sens partikolari tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix depożitu rimborsabbli impost fuq il-konsumatur meta huwa jixtri oġġetti mibjugħa f’kontenituri li jistgħu jiġu rritornati (B). Din il-konklużjoni tirrendi t-tieni domanda preliminari mingħajr skop. Madankollu, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi dwar l-ewwel domanda, ser nesponi r-raġunijiet li jwassluni sabiex inqis li dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 1(4) tal-PAngV, għandha titqies bħala dispożizzjoni iktar favorevoli f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni tal-konsumaturi u l-paragun tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, li ż-żamma tagħha ma hijiex eskluża mill-armonizzazzjoni kompleta mwettqa mid-Direttiva 2005/29 (C).

    A. Osservazzjonijiet preliminari dwar is-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti

    20.

    Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li x-xorb u l-jogurts inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinbiegħu f’kontenituri tal-ħġieġ li jistgħu jiġu rritornati li fuqhom jiġi impost depożitu. Dan id-depożitu jista’ jiġi rrimborsat ladarba l-kontenituri jiġu rritornati lura.

    21.

    B’mod ġenerali, is-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti jikkostitwixxu għodda sabiex iħeġġu lill-konsumaturi jirritornaw il-kontenituri ladarba vojta, bil-ħsieb ta’ użu ulterjuri jew ta’ riċiklaġġ, pjuttost milli sempliċement jintramew ( 4 ).

    22.

    Ċertament, din l-għodda tal-ekonomija ċirkulari ma hijiex ġdida. Id-Database tal-Istrumenti ta’ Politika tal-Ambjent tal-OECD tiċċita, bħala l-eżempju l-iktar antik identifikat, l-iskema Irlandiża tal‑1799 li tiffavorixxi r-ritorn ta’ kontenituri tal-ilma bil-gass, u din id-database innifisha fiha, bħala l-iktar sistema antika rreġistrata, il-kont tal-flixkun Oregon sa mill‑1971 ( 5 ).

    23.

    Fil-kuntest ta’ din id-database, sistema ta’ rimbors tad-depożiti ġiet iddefinita bħala “żieda fil-prezz ta’ prodott li potenzjalment jniġġes” li jiġi rimborsat “meta t-tniġġis jiġi evitat, billi jiġu rritornati l-prodotti jew il-fdal tagħhom” ( 6 ).

    24.

    Għandu jiġi enfasizzat ukoll li bħala skart possibbli, il-kontenituri huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkostitwita, preċedentement, mid-Direttiva 85/339/KEE dwar il-kontenituri ta’ likwidi intiżi għall-konsum mill-bniedem ( 7 ) u, attwalment, mid-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ ( 8 ) jew mid-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss ( 9 ). Peress li dawn id-direttivi jirreferu għas-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti (jew ta’ għoti lura tad-depożiti) bħala għodda possibbli li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom iddefiniti f’dan il-kuntest, huma jirrikonoxxu impliċitament il-kapaċità ta’ dawn is-sistemi li jikkontribwixxu b’mod effettiv għat-tnaqqis tal-impatt tal-iskart fuq l-ambjent ( 10 ). L-istess ġie espressament ammess fil-premessa 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/157/KEE dwar batteriji u akkumulaturi li fihom ċerti sustanzi perikolużi ( 11 ).

    25.

    Madankollu, meta l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ rimbors tad-depożiti, huma għandhom jibqgħu attenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw, inter alia, mir-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija. F’dan il-kuntest, ċerti aspetti tal-iskemi Daniżi u Ġermaniżi ġew, fil-passat, meqjusa inkompatibbli magħhom ( 12 ).

    26.

    B’dawn l-elementi ta’ kuntest iktar wiesa’, mill-proċess jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġie introdott fl‑1997 sabiex tiġi inkoraġġita sistema ta’ kontenituri li jistgħu jerġgħu jintużaw u li huma riċiklabbli (u sabiex tiġi ggarantita paragunabbiltà aħjar tal-prezzijiet fil-kuntest fejn depożitu rimborsabbli huwa impost). Il-qorti tar-rinviju tispjega li dan seħħ b’risposta għas-sentenza tagħha “Flaschenpfand I” tal‑1993. Nifhem li, f’din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li r-reklamar ta’ xorb rinfreskanti fi flixkun li huwa suġġett għal depożitu, mingħajr ma jissemma d-depożitu u mingħajr indikazzjoni tal-prezz totali, kien inkompatibbli mal-PAngV ( 13 ).

    27.

    Infakkar li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV jimponi fuq in-negozjanti l-obbligu li jindikaw il-prezz tal-prodott innifsu u l-ammont tad-depożitu, meta jiġi impost depożitu, filwaqt li jipprojbixxi li jiġi indikat l-ammont totali.

    28.

    Għalhekk issa ser indur għall-ewwel domanda preliminari sabiex neżamina jekk, minbarra li jikkostitwixxi inċentiv għall-parteċipazzjoni fl-isforz ta’ riċiklaġġ u użu mill-ġdid, id-depożitu impost fuq il-kontenituri tax-xorb u tal-ikel għandux jitqies li jifforma parti mill-“prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6. Jekk dan ikun il-każ, l-ammont tad-depożitu jkollu jiġi inkorporat fil-“prezz tal-bejgħ” li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/6, għandu jiġi indikat, flimkien mal-“prezz unitarju”, għall-prodotti mibjugħa lill-konsumaturi. Tali konklużjoni hija rilevanti wkoll għal kull reklamar li jsemmi l-“prezz tal-bejgħ”, suġġett li huwa sottopost għall-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva.

    B. Depożitu impost fuq il-kontenituri għax-xorb u għall-jogurts li jistgħu jiġu rritornati jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ”?

    29.

    Skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, “[i]l-prezz tal-bejgħ għandu jfisser il-prezz finali għal unità tal-prodott, jew kwantità mogħtija tal-prodott, li jinkludi l-VAT u t-taxxi l-oħra kollha”. L-eżami tal-formulazzjoni ta’ dawn il-kliem (1), moqri fid-dawl tal-għanijiet speċifiċi tad-Direttiva 98/6 (2) kif ukoll tal-għanijiet ambjentali segwiti minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni (3), iwassalni sabiex nikkonkludi li l-ammont tad-depożitu ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

    1.   Il-formulazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6

    30.

    Ser nispjega iktar ’il quddiem li depożitu impost fuq ċerti kontenituri li għandu jiġi rrimborsat lill-klijent fil-mument meta jiġi rritornat il-kontenitur ma jikkostitwixxix “taxxa” (a). Sussegwentement, ser nindirizza l-preċiżazzjonijiet ulterjuri li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lill-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” meta ddeskriviet l-elementi li jaqgħu taħt dan il-kunċett bħala, bħala prinċipju, elementi inevitabbli li jikkostitwixxu l-korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat (b).

    a)   Id-depożitu inkwistjoni ma huwiex “taxxa”.

    31.

    L-ewwel, nirrileva li d-depożitu inkwistjoni ma jistax jitqies bħala “taxxa”, li huwa element espressament imsemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 bħala komponent li għandu jiġi inkluż fil-“prezz tal-bejgħ”.

    32.

    Dan huwa sempliċement għaliex id-dħul minn taxxa normalment jikkostitwixxi sors ta’ dħul pubbliku mingħajr ma jkun hemm xi provvista pprovduta bħala korrispettiv. Issa, ebda wieħed minn dawn l-elementi ma huwa preżenti fir-rigward ta’ depożitu bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

    33.

    Bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li d-dħul mill-ġbir tad-depożiti inkwistjoni fil-kawża prinċipali qatt ma jasal għand it-Teżor Pubbliku. Barra minn hekk, kif ser jiġi espost f’iktar dettall iktar ’il quddiem, id-depożitu jista’ jiġi pperċepit bħala l-korrispettiv għall-kontenitur, bil-ftehim li dan ser jiġi rrimborsat wara r-ritorn tiegħu.

    34.

    B’mod iktar preċiż, jidher li min-natura intrinsika tas-sistema ta’ depożitu inkwistjoni fil-kawża prinċipali (kif ukoll b’mod iktar ġenerali ta’ depożiti simili) jirriżulta li, fil-mument stess meta dan jiġi impost, il-bejjiegħ (jew anki kategorija usa’ ta’ negozjanti) jimpenja ruħu li jaċċetta r-ritorn tal-kontenitur li fuqu jkun ġie impost id-depożitu u jirrimborsa l-ammont tad-depożitu lill-klijent (jew, fil-fatt, lil kull min jirritorna l-kontenitur). F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż spjega li l-obbligu għan-negozjanti li jaċċettaw il-kontenitur lura u li jirrimborsaw d-depożitu ma huwiex limitat ratione temporis.

    35.

    Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-fehma li d-depożitu inkwistjoni ma jistax jitqies bħala “taxxa”.

    36.

    Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, ser neżamina l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 li diġà semmejt iktar ’il fuq u li huma intiżi sabiex jiddeterminaw jekk element partikolari tal-prezz jistax jiġi kklassifikat bħala “finali”.

    b)   Id-depożitu inkwistjoni jikkostitwixxi element finali tal-prezz?

    37.

    Lil hinn mill-inklużjoni espressa tat-taxxi fil-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ”, kif jidher fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, din id-direttiva ma tinkludi ebda indikazzjoni addizzjonali dwar il-portata eżatta ta’ dan it-terminu, minbarra l-fatt li l-prezz tal-bejgħ huwa l-“prezz finali”.

    38.

    Fl-interpretazzjoni ta’ dawn il-kliem fis-sentenza Citroën Commerce ( 14 ), kawża li ssemmiet ħafna mill-partijiet f’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li “[b]ħala prezz finali, il-prezz tal-bejgħ għandu neċessarjament jinkludi l-elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezzijiet, l-elementi li huma neċessarjament imħallsa mill-konsumatur u li jikkostitwixxu l-korrispettiv finanzjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat”.

    39.

    F’dik il-kawża, ix-xerrej kellu jħallas l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ vettura mixtrija mill-manifattur lill-bejjiegħ flimkien mal-prezz tax-xiri indikat f’reklamar. Dan ir-reklamar kien isemmi wkoll l-ispejjeż tat-trasferiment, iżda, bħal fil-kawża prinċipali, dawn l-ispejjeż issemmew separatament. F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-konsumatur kien fil-fatt obbligat iħallas dawn l-ispejjeż li kienu, b’differenza, b’mod partikolari, spejjeż eventwali ta’ kunsinna tal-vettura sal-post fejn jagħżel, inevitabbli u prevedibbli ( 15 ). Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li dawn kellhom jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ tal-vettura u mhux separatament ( 16 ).

    40.

    Sabiex jiġi evalwat jekk l-istess konklużjoni tistax tiġi milħuqa fir-rigward ta’ depożitu rimborsabbli, ser napplika l-kriterju li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-punt 37 tas-sentenza Citroën Commerce, imfakkar fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jidher, b’ħarsa mill-qrib, li jiġbor żewġ kriterji prinċipali li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk spiża partikolari għandhiex titqies bħala li tifforma parti mill-prezz “finali”, u għalhekk “ta’ bejgħ”: hija għandha (i) tikkostitwixxi korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat u, (ii) tkun inevitabbli, peress li hija neċessarjament u b’mod prevedibbli mħallsa mill-konsumatur.

    i) Id-depożitu inkwistjoni jikkostitwixxi korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat?

    41.

    L-ewwel, ma naħsibx li jeżisti dubju dwar in-natura pekunjarja tad-depożitu bħal dak inkwistjoni.

    42.

    It-tieni, bla ħsara għad-dritt nazzjonali rispettiv, jidher li, bejn ix-xiri tal-prodott u r-ritorn tal-kontenitur, il-konsumatur jakkwista mhux biss il-proprjetà tal-prodott, iżda wkoll il-proprjetà tal-kontenitur u jista’, bħala prinċipju, jiddisponi minnu liberament. F’dan ir-rigward, għalkemm naqbel mal-opinjoni tal-konvenuta u tal-Gvern Ġermaniż li l-akkwist tal-kontenitur ma huwiex l-għan ewlieni tax-xiri u li l-konsumatur ma għandux interess speċifiku fih, jiena nqis li dan l-akkwist inċidentali ma jistax jiġi evitat peress li l-kontenitur u l-prodott mibjugħ fih jiffurmaw ħaġa waħda, kif isostnu essenzjalment ir-rikorrenti u l-Kummissjoni.

    43.

    B’dan premess, jidher li, bla ħsara għad-dritt nazzjonali rispettiv, meta l-konsumatur “jirritorna” l-kontenitur u n-negozjant “jirrimborsa” d-depożitu, dak li jseħħ legalment huwa li n-negozjant jixtri (mill-ġdid) il-kontenitur, kif huwa obbligat jagħmel b’mod inkundizzjonat. Barra minn hekk, dan l-obbligu ma jistax jiġi limitat għall-kontenituri tal-prodotti mixtrija minn dan in-negozjant speċifiku. L-obbligu ta’ “rimbors” tad-depożitu jidher għalhekk li huwa obbligu ta’ xiri tal-kontenituri ppreżentati lin-negozjant għall-prezz previst mil-liġi jew b’mod ieħor.

    44.

    Għalhekk jista’ jiġi sostnut li, kuntrarjament għal dak li jiġri fl-imballaġġi fejn ma hemmx depożitu, l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti tittrasforma l-imballaġġ f’prodotti fihom infushom, bil-valur ekonomiku awtonomu tagħhom li huwa differenti mill-valur ekonomiku tal-kontenut tagħhom.

    45.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jqajmu l-argument li jgħid li l-kontenituri ma jikkostitwixxux “prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi”, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6, li magħhom huwa marbut il-“prezz tal-bejgħ” previst fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva ( 17 ). Għalhekk, dan iwassal għall-konklużjoni li d-depożitu ma jistax jitqies bħala element tal-“prezz tal-bejgħ” fis-sens ta’ din id-direttiva, peress li dan ma jikkostitwixxix il-korrispettiv għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat, iżda pjuttost il-korrispettiv għall-akkwist anċillari tal-kontenitur.

    46.

    Madankollu, minbarra li hija kemxejn tqila, din il-kostruzzjoni ma tistax tiġi konfuża mas-sempliċi fatt, diġà msemmi, li l-akkwist tal-kontenituri u tal-oġġetti fihom ma jistax jiġi sseparat, la minħabba raġunijiet prattiċi evidenti, u lanqas, bla ħsara għal xi dritt nazzjonali speċifiku, mill-perspettiva ġuridika. Għal dawn ir-raġunijiet, jiena tal-opinjoni li depożitu għandu jitqies li jikkostitwixxi parti mill-korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-oġġetti li huma offruti minn negozjanti lill-konsumaturi fis-sens tad-Direttiva 98/6.

    47.

    Madankollu għad irid jiġi ddeterminat jekk l-ispejjeż marbuta ma’ depożitu għandhomx jitqiesu bħala “inevitabbli”.

    ii) Id-depożitu inkwistjoni jikkostitwixxi komponent inevitabbli tal-prezz?

    48.

    Il-partijiet f’din il-proċedura ddiskutew ħafna dwar jekk depożitu jistax jitqies bħala parti inevitabbli tal-prezz. Din id-diskussjoni, essenzjalment, kienet tirrigwarda l-problema mqajma minħabba n-natura elużiva tad-depożitu li, fil-mument tax-xiri, jista’ biss jitħallas mill-konsumatur, anki jekk dan jista’ jiġi rrimborsat sussegwentement mar-ritorn tal-kontenitur.

    49.

    Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jsostnu li l-mument rilevanti għandu jkun il-mument tax-xiri, peress li huwa f’dak il-mument li l-konsumatur ikollu jħallas is-somma totali sabiex jixtri l-prodott inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni rreferiet għal diversi ipoteżijiet fejn il-kontenitur ma jiġix irritornat, li jfisser li l-ammont tad-depożitu ma jintalabx lura. B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal sitwazzjoni fejn turist jista’ jixtri tali prodott u sussegwentement jitlaq mit-territorju nazzjonali, u għalhekk ikun ċeda l-possibilità li jitlob id-depożitu lura. Hija żiedet li l-kontenitur jista’ jintilef jew jinkiser, jew anki l-fatt li l-konsumatur jista’ sempliċement jiddeċiedi li jżommu u jużah għal finijiet oħra, bħall-ħżin ta’ ġamm magħmul id-dar.

    50.

    Fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni hija korretta meta tissuġġerixxi li ċerti kontenituri suġġetti għad-depożitu jistgħu jsibu ħajja ġdida, biex ngħidu hekk, jew jistgħu b’mod ieħor jiddevjaw lil hinn mill-għan ta’ użu mill-ġdid (immedjat) jew ta’ riċiklaġġ li għalih kienu intiżi. Ċertament jista’ jiġri li wieħed jiddeċiedi li ma jirritornax ċerti kontenituri (u għalhekk jirrinunzja għall-possibbiltà li jitlob ir-rimbors tad-depożitu), kemm jekk huma vażetti tal-ħġieġ li wieħed ikollu l-intenzjoni li juża għall-ġamm tal-frawli magħmul id-dar jew kontenituri ta’ aluminju, inizjalment mimlija bil-birra, li wieħed jista’ jżomm bħala tifkira għażiża minn festa mużikali tas-sajf. Nistgħu wkoll nivvjaġġaw kultant barra mill-pajjiż, ninsew jew sempliċement ma għandniex il-ħin għar-ritorn ta’ kontenitur li fuqu japplika depożitu, jew inkella nistgħu inwaqqgħu jew inkissru bi żball flixkun tal-ħġieġ li seta’ jiġi rritornat u użat mill-ġdid, iżda li, sfortunatament, qatt ma ser iseħħ.

    51.

    B’dan premess, insostni li dawn ma humiex sitwazzjonijiet tipiċi li wieħed jassoċja mad-destin tal-kontenituri suġġetti għal depożitu ladarba żvojtati. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż spjega, waqt is-seduta, li, fl‑2019, 96 % tal-kontenituri tal-plastik li huma s-suġġett ta’ depożitu ġew irritornati ( 18 ), li juri, tal-inqas f’dak li jirrigwarda dan l-Istat Membru, tendenza qawwija minn naħa tal-konsumaturi li jipparteċipaw fl-isforz ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ (indipendentement minn dak li jistgħu jkunu l-alternattivi “kompetituri”, pereżempju, ir-rimi ta’ dawn il-kontenituri, iż-żamma tagħhom għal użu prattiku jew għal raġunijiet sentimentali, it-tkissir involontarju tagħhom, jew il-fatt li jintesew kompletament). Għalhekk jidher li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-ispejjeż marbuta ma’ depożitu huma, fl-aħħar mill-aħħar, evitati.

    52.

    Barra minn hekk, indipendentement mill-perċentwali eżatta ta’ ritorn tal-kontenituri, inqis li dak li huwa l-iktar importanti f’dan il-kuntest huwa li d-depożitu jista’, bħala prinċipju, jiġi rrimborsat u għandu jiġi rrimborsat.

    53.

    F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ depożitu rimborsabbli tiddistingwi ruħha fundamentalment minn sitwazzjoni ta’ spejjeż marbuta mat-trasferiment ta’ vettura bħal fis-sentenza Citroën Commerce, li fiha l-kriterju ta’ “inevitabbilità” donnu kellu rwol kruċjali.

    54.

    Huwa forsi għal din ir-raġuni li l-parti kbira mid-diskussjoni f’din il-kawża kienet tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-ispejjeż marbuta ma’ depożitu rimborsabbli jistgħux jiġu evitati jew le. Madankollu, fil-kuntest ta’ din il-kawża, id-diskussjoni dwar liema wieħed miż-żewġ mumenti possibbli (ix-xiri tal-prodott jew ir-ritorn tal-kontenitur) huwa l-iktar rilevanti għal tali evalwazzjoni taf ssir kemxejn ċirkulari. Il-kriterju ta’ “inevitabbilità” tal-ispiża kien utli fil-kuntest tas-sentenza Citroën Commerce, li ppermetta, fil-fehma tiegħi, lill-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-ispejjeż ta’ trasferiment inkwistjoni ma kinux jikkonċernaw servizz fakultattiv magħżul mill-konsumatur ( 19 ). Madankollu, dawn il-kliem huma inqas utli fiċ-ċirkustanzi attwali li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu evalwati b’mod effettiv permezz tat-terminu “finali”, li jikkaratterizza l-“prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 u li jidher direttament f’dik id-dispożizzjoni.

    55.

    Fil-fehma tiegħi, dak li jiddefinixxi s-sistema ta’ rimbors tad-depożiti huwa l-fatt li d-depożitu jikkostitwixxi parti mill-prezz li jista’ (u forsi tabilħaqq huwa mistenni li) jiġi rrimborsat lill-konsumatur. Dan ibiddel is-sitwazzjoni b’mod pjuttost radikali fejn tidħol il-kwistjoni dwar jekk il-prezz imħallas mill-konsumatur huwiex finali meta mqabbel mas-sitwazzjoni meta ma tapplika l-ebda sistema ta’ rimbors tad-depożiti. Fi kliem ieħor, u kif jargumentaw bħala prinċipju l-konvenuta u l-Gvern Ġermaniż, il-fatt li d-depożitu jista’ jkun element inevitabbli tal-prezz fil-mument tax-xiri ma għandux ifixkel in-natura intrinsika tiegħu bħala element rimborsabbli tal-prezz, li għalhekk ifisser li jista’ ma jkunx element tal-prezz li fl-aħħar mill-aħħar jinġarr mill-konsumatur.

    56.

    Għaldaqstant, dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluni sabiex nikkonkludi li depożitu rimborsabbli ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6. Din il-konstatazzjoni hija barra minn hekk ikkorroborata mill-għanijiet speċifiċi li din id-direttiva ssegwi u li ser nerġa’ nirreferi għalihom iktar ’il quddiem.

    2.   L-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 98/6

    57.

    Id-Direttiva 98/6 għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, “li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet”.

    58.

    Għalhekk, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li “[i]l-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità m’għandhomx ikunu ambigwi, għandhom ikunu identifikabbli faċilment u jinqraw b’mod ċar”.

    59.

    Jirriżulta b’mod iktar speċifiku mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/6 li n-negozjanti għandhom jindikaw il-prezz tal-bejgħ u l-prezz ta’ unità għall-prodotti kollha koperti mid-Direttiva 98/5 ( 20 ). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(4) tiegħu, kull reklam li jsemmi l-prezz tal-bejgħ għandu jindika wkoll il-prezz ta’ unità.

    60.

    Għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din id-direttiva huwa kontestabbilment pjuttost wiesa’ meta jirrigwarda l-prodotti li hija tkopri ( 21 ), dan għandu sinjifikat partikolari f’kuntest fejn il-konsumatur jiġi propost prodotti fi kwantitajiet u f’tipi ta’ imballaġġi varjabbli u għalhekk għandu interess li jkun jista’ jqabbel il-prezzijiet abbażi tal-istess unità ta’ kejl ( 22 ). Fil-fatt, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, mal-adozzjoni ta’ dan l-istrument, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-għan tal-“protezzjoni tal-konsumaturi […] fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet, b’mod ġenerali […], iżda fil-qasam tal-indikazzjoni tal-prezzijiet tal-prodotti b’riferiment għal diversi tipi ta’ unitajiet tal-kejl” ( 23 ).

    61.

    Madankollu, u kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, meta l-konsumatur jiġi ppreżentat bi prezz “totali tal-bejgħ”, huwa jkun informat sew x’ser jiswa konkretament dan l-akkwist.

    62.

    F’dan l-istadju, nixtieq nerġa’ nindirizza l-argument tar-rikorrenti, ikkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li fih konsumatur jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu euro wieħed biss. Fl-eżempju inizjali tar-rikorrent, dan il-konsumatur kien, b’mod iktar preċiż, wild li, jekk qiegħed nifhem sew, seta’ jitwassal, b’mod żbaljat, sabiex jemmen li seta’ jixtri x-xarba favorita tiegħu li tiswa 89 ċenteżmu, sabiex imbagħad jiskopri li dan ma huwiex il-każ, minħabba l-obbligu li jitħallas depożitu ta’ 25 ċenteżmu addizzjonali.

    63.

    Għandi ngħid li jiena għal kollox sensittiv għad-diżappunt li dan il-klijenti ċkejken jista’ jesperjenza meta jagħti x-xarba magħżula lill-kaxxier għall-ħlas, sabiex imbagħad jiskopri li “EUR 0.89 + EUR 0.25” ifisser li jkun jiswa iktar minn euro, li jfisser li sfortunatament huwa ma jkunx f’pożizzjoni li jixtriha.

    64.

    Madankollu, infakkar, qabelxejn, li l-kriterju abitwali li jiggwida l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-konsumatur huwa dak ta’ konsumatur normalment informat u mhux dak ta’ konsumatur vulnerabbli bħal wild ( 24 ). It-tieni, nirrileva li l-benefiċċju ta’ informazzjoni diretta dwar il-prezz totali ta’ prodott partikolari għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi evalwat fid-dawl tal-iżvantaġġi għall-konsumatur u għall-kapaċità tiegħu li jqabbel faċilment il-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa fil-kuntest ta’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti u dawk li ma humiex, jew dawk li għalihom japplikaw depożiti ta’ ammont differenti. Fi kliem ieħor, il-mod kif il-prezz jiġi indikat għal kull prodott ikkunsidrat waħdu ma għandux ifixkel il-paragun tal-prezzijiet tal-prodotti kkunsidrati fit-totalità tagħhom.

    65.

    Fid-dawl ta’ dan il-kuntest iktar wiesa’, meta d-depożitu huwa inkluż fil-prezz tal-bejgħ, ikun hemm riskju li l-konsumaturi jagħmlu paraguni żbaljati tal-prezzijiet mitluba għal prodotti differenti, peress li xi wħud minnhom jistgħu jkunu suġġetti għal depożitu rimborsabbli, filwaqt li oħrajn jistgħu ma jkunux u peress li valuri ta’ depożitu differenti jistgħu japplikaw skont it-tip ta’ kontenitur jew ta’ prodott ( 25 ). Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li tali kunsiderazzjonijiet (flimkien ma’ dawk ambjentali) wasslu lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jadotta l-Artikolu 1(4) tal-PAngV – id-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali – peress li l-leġiżlatur qajjem tħassib dwar l-iżvantaġġ viżiv li jiffaċċjaw il-prodotti mibjugħa fil-kuntest ta’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti peress li dawn il-prodotti jidhru iktar għaljin.

    66.

    Barra minn hekk, infakkar li, bħala regola ġenerali, id-Direttiva 98/6 timponi l-obbligu li jiġi indikat mhux biss il-prezz tal-bejgħ, iżda wkoll il-prezz ta’ unità ta’ kejl. L-inkorporazzjoni tal-ammont tad-depożitu fil-prezz tal-bejgħ tista’, fil-fehma tiegħi, toħloq konfużjoni fir-rigward tal-mod kif tali prezz għal kull unità ta’ kejl ikun ġie stabbilit. Huwa iktar u iktar ta’ tħassib, fil-fehma tiegħi, li dan il-prezz jikkostitwixxi l-iktar għodda sempliċi għall-konsumatur sabiex iqabbel il-prezzijiet tal-prodotti mibjugħa fi kwantitajiet differenti.

    67.

    Dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 98/6 jikkonfermaw, fil-fehma tiegħi, il-konklużjoni preċedenti tiegħi li d-depożitu ma jistax jitqies bħala li jifforma parti mill-prezz tal-“bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

    68.

    Inqis li l-istess japplika fir-rigward tal-għanijiet ambjentali li magħhom huma primarjament marbuta s-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti, kif ser nispjega f’iktar dettall iktar ’il quddiem.

    3.   Il-kuntest ambjentali iktar wiesa’ tad-Direttiva 98/6

    69.

    Is-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti huma, fuq kollox, għodda tal-politika ambjentali sa fejn dawn huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-konsumaturi jipparteċipaw fl-użu mill-ġdid jew fir-riċiklaġġ sabiex inaqqsu l-impatt negattiv tal-iskart fuq l-ambjent. Dawn huma rrikonoxxuti, espliċitament jew impliċitament, f’din il-kwalità mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif diġà ġie kkonstatat fil-qosor fit-Taqsima A ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    70.

    Bħala tfakkira, rikonoxximent espress f’dan is-sens sar fil-premessa 13 tad-Direttiva dwar batteriji u akkumulaturi li fihom ċerti sustanzi perikolużi ( 26 ).

    71.

    Barra minn hekk, id-Direttiva 85/339 dwar kontenituri ta’ likwidi intiżi għall-konsum mill-bniedem ( 27 ) (issa mħassra) iddikjarat, fl-Artikolu 5(2) tagħha, li “fejn tintuża sistema ta’ depożitu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa sabiex jiżguraw li l-konsumatur ikun informat b’mod ċar dwar l-ammont tad-depożitu” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-proposta li wasslet għal din id-direttiva tagħmilha ċara li l-Kummissjoni eżaminat l-adegwatezza tal-introduzzjoni ta’ regoli komuni li jkunu iktar speċifiċi u restrittivi u jkunu relatati, inter alia, mal-iżvilupp tas-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti. Din il-proposta kienet saħansitra tissuġġerixxi s-simbolu “R” sabiex tiġi indikata fuq il-kontenituri kkonċernati, iżda dan is-suġġeriment ma ġiex inkluż fid-direttiva adottata ( 28 ), li ġiet sussegwentement imħassra mid-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif diġà ġie rrilevat ( 29 ).

    72.

    Il-proposta tal-Kummissjoni, li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, tirrikonoxxi l-isforzi ta’ ċerti Stati Membri sabiex jindirizzaw il-problema ambjentali kkawżata, b’mod partikolari, mill-użu ta’ kontenituri li jintużaw darba biss u tirreferi għal sistemi ta’ rimbors tad-depożiti introdotti, jew li għandhom jiġu introdotti, f’uħud mill-Istati Membri ( 30 ).

    73.

    Madankollu, il-verżjoni inizjali tad-direttiva inkwistjoni ma kienet tinkludi ebda riferiment għas-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti ( 31 ), li jidher li jirrifletti d-diffikultajiet li qamu minn uħud minn dawn is-sistemi fir-rigward tal-osservanza tar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija ( 32 ), aspett li diġà semmejt f’dawn il-konklużjonijiet ( 33 ).

    74.

    Madankollu, dan inbidel bl-emendi li saru għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva permezz tad-Direttiva 2018/852 ( 34 ). L-Artikolu 5(1)(a), kif emendat, jipprovdi attwalment li l-“iskemi ta’ imballaġġ ritornabbli” huma fost il-miżuri li l-Istat Membru jista’ jadotta sabiex jissodisfa l-obbligu tagħhom “biex jinkoraġġixxu żieda fis-sehem ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża li jitqiegħed fis-suq u ta’ sistemi għall-użu mill-ġdid tal-imballaġġ b’mod ambjentalment korrett u f’konformità mat-Trattat”.

    75.

    Barra minn hekk, sa mis-sena 2018, mill-punt 5 tal-Anness IVa tad-Direttiva dwar l-iskart ( 35 ), kif ukoll mill-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss, adottata fl‑2019 ( 36 ), jirriżulta li s-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti huma rrikonoxxuti bħala mezzi li l-Istat Membru jista’ juża sabiex, essenzjalment, inaqqas jew jipprevjeni l-produzzjoni ta’ skart.

    76.

    Dawn l-istrumenti ftit jew wisq reċenti tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-imballaġġ u tal-iskart juru għalhekk li s-sistema ta’ rimbors tad-depożiti ġiet ipperċepita mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala għodda li tista’ effettivament tikkontribwixxi għat-tnaqqis fit-tul tal-effetti negattivi fuq l-ambjent, fejn il-modalitajiet jitħallew, bla ħsara għall-osservanza tat-Trattat, għall-Istati Membri.

    77.

    Il-projbizzjoni li jiġi indikat l-ammont totali tal-prezz ta’ prodott mibjugħ fil-kuntest ta’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti, kif prevista fl-Artikolu 1(4) tal-PAngV, tista’ titqies bħala metodu li huwa intiż, kif essenzjalment issostni l-konvenuta u kif spjega l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, sabiex jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-fatt li l-kontenitur partikolari jista’ jiġi rriċiklat jew użat mill-ġdid. B’dan il-mod, il-konsumaturi jistgħu jiġu mħeġġa jagħżlu tali prodotti li huma meqjusa li jirrispettaw iktar l-ambjent. Madankollu, dan il-messaġġ jista’ jiddgħajjef jekk jiġi indikat il-prezz totali għaliex dan il-mod ta’ indikazzjoni tal-prezz jirriskja li jippreżenta b’mod mhux ċar l-informazzjoni li tgħid li tapplika sistema ta’ rimbors ta’ depożiti.

    78.

    Tali kunsiderazzjonijiet meħuda mill-kuntest estern (ambjentali) tad-Direttiva 98/6 jikkostitwixxu għalhekk element addizzjonali li, fil-fehma tiegħi, jikkonferma l-konklużjoni preċedenti tiegħi li l-ammont tad-depożitu ma jistax jitqies bħala li jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

    79.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda fis-sens li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” previst fih ma jinkludix depożitu rimborsabbli impost fuq kontenituri li jistgħu jiġu rritornati li fihom prodotti jiġu offruti lill-konsumaturi.

    C. Sussidjarjament: il-projbizzjoni li jiġi indikat prezz “totali” tikkostitwixxi dispożizzjoni iktar favorevoli li ttejjeb l-informazzjoni dwar il-prezzijiet u tiffaċilita l-paragun tagħhom

    80.

    Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix il-proposta ta’ risposta tiegħi għall-ewwel domanda u tikkonkludi li d-depożitu jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, dwar il-kwistjoni jekk il-paragrafu 1(4) tal-PAngV ikunx jista’ jinżamm bħala“dispożizzjoni iktar favorevoli” fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 (1) u, jekk dan ikun il-każ, jekk il-possibbiltà li din tinżamm tkunx madankollu eskluża permezz tal-armonizzazzjoni sħiħa miksuba mid-Direttiva 2005/29 (2).

    1.   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tikkostitwixxi “dispożizzjoni iktar favorevoli” fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6?

    81.

    Infakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 jippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali li huma “iktar favorevoli”“b’rigward l-informazzjoni u paragrun tal-prezz lill-konsumatur, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”. Għalhekk, jekk id-depożitu inkwistjoni kellu jitqies bħala li jagħmel parti mill-“prezz tal-bejgħ”, il-projbizzjoni li dan jiġi inkluż fil-prezz tal-bejgħ previst fl-Artikolu 1(4) tal-PAngV tista’ xorta waħda titqies li hija konformi mad-Direttiva 98/6 jekk hija tikkostitwixxi tali miżura “iktar favorevoli”.

    82.

    Il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex iktar favorevoli għall-konsumaturi, peress li din timponi fuqhom l-obbligu li jikkalkolaw huma stess il-prezz totali. Il-Kummissjoni taqbel ma’ din l-opinjoni.

    83.

    Ċertament naqbel li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tobbliga lill-konsumaturi jgħoddu ż-żewġ ċifri inkwistjoni flimkien sabiex jiddeterminaw l-ammont totali tal-prezz li għandu jitħallas. Madankollu, sistema ta’ depożitu tirrendi eżerċizzju aritmetiku inevitabbli fi kwalunkwe każ, kemm jekk d-depożitu jkun inkluż fil-prezz tal-bejgħ kif ukoll jekk ma jkunx. B’mod iktar importanti, il-fatt li wieħed iħares lejn il-ħtieġa li jingħaddu żewġ ċifri bħala li hija inqas favorevoli għall-konsumaturi jħaddan, fil-fehma tiegħi, premessa inkorretta fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 98/6. F’dan ir-rigward, u b’riferiment għall-osservazzjonijiet tiegħi magħmula fil-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minn din id-direttiva ma jirriżultax li l-leġiżlatur tal-Unjoni fittex li jipproteġi lill-konsumatur (normalment informat) mill-ħtieġa li jingħaddu żewġ ċifri meta dan ikun meħtieġ. Id-Direttiva 98/6 hija ibbażata pjuttost fuq l-idea li, għall-konsumaturi normalment informati, il-paragun tal-prezzijiet għandu jkun faċli. Dan l-għan għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni anki f’sitwazzjoni speċifika li fiha tapplika sistema ta’ rimbors tad-depożiti. Għar-raġunijiet li diġà esponejt iktar ’il fuq, regola bħal dik li tirriżulta mill-Artikolu 1(4) tal-PAngV tikkostitwixxi l-aħjar mod sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    84.

    F’dan ir-rigward, nirreferi għall-osservazzjonijiet magħmula fit-Taqsima B.2 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fihom spjegajt li l-aħjar mod sabiex jintlaħaq l-għan intiż li jsaħħaħ l-informazzjoni dwar il-prezzijiet għall-konsumaturi, kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jqabbluhom, huwa żgurat meta l-ammont totali tal-prezz li jinkludi d-depożitu ma jkunx indikat.

    85.

    Fil-fatt, l-indikazzjoni tal-ammont totali, inkluż id-depożitu, tista’ tirrendi l-affarijiet iktar ikkumplikati f’dak li jirrigwarda l-paragun tal-prezzijiet ta’ varji prodotti rispettivi u jista’, barra minn hekk, joħloq konfużjoni f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezz għal kull unità ta’ kejl. Għalhekk, fil-każ li d-depożitu kellu jitqies bħala li jagħmel parti mill-prezz tal-bejgħ, fil-fehma tiegħi l-istess argumenti japplikaw sabiex isostnu l-konklużjoni li n-nuqqas ta’ indikazzjoni tal-ammont totali huwa iktar favorevoli, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, milli kieku dan kellu jiġi indikat.

    86.

    B’dan premess, waqt l-adozzjoni ta’ “miżuri iktar favorevoli” fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 37 ). F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju esprimiet dubji dwar jekk id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, anki jekk titqies bħala “iktar favorevoli”, tistax tinżamm jew jekk dan huwiex ipprojbit mill-armonizzazzjoni kompleta mwettqa mid-Direttiva 2005/29. Iktar ’il quddiem ser nindirizza dan l-aħħar aspett ta’ din il-kawża.

    2.   Ir-regola nazzjonali inkwistjoni u d-Direttiva 2005/29

    87.

    Kif diġà ġie rrilevat, permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 1(1) tal-PAngV hijiex ipprojbita mill-armonizzazzjoni sħiħa li tirriżulta mid-Direttiva 2005/29. Minkejja li l-formulazzjoni ta’ din id-domanda ma turix raġuni iktar preċiża għad-dubju tal-qorti tar-rinviju, jiena nifhem, billi nibbaża ruħi fuq l-argumenti żviluppati fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-qorti tar-rinviju tqis possibbli li r-regola nazzjonali inkwistjoni twassal għal ommissjoni ta’ informazzjoni li għandha titqies bħala “importanti” fis-sens tad-Direttiva 2005/29, bi ksur tar-rekwiżiti previsti minn din id-direttiva fil-kuntest tar-reklamar.

    88.

    Għandu jiġi rrilevat ukoll li d-deċiżjoni tar-rinviju tiżviluppa l-elementi rilevanti tad-Direttiva 2005/29, li fil-fatt, wettqet armonizzazzjoni kompleta ( 38 ), u tinsisti wkoll fuq ir-relazzjoni bejn din id-direttiva u d-Direttiva 98/6. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-Direttiva 2005/29 ma tippermettix li jittieħdu miżuri nazzjonali derogatorji, anki meta jkunu adottati bħala “iktar favorevoli” abbażi tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6, ħlief meta jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mid-derogi espressi previsti mid-Direttiva 2005/29, li l-ebda waħda minnhom ma hija, skont il-qorti tar-rinviju, applikabbli f’dan il-każ.

    89.

    Filwaqt li nirrikonoxxi n-natura ddettaljata tal-analiżi tal-qorti tar-rinviju, ma nemminx li huwa neċessarju li din tiġi eżaminata b’mod eżawrjenti peress li l-utilità tagħha hija, jekk qiegħed nifhem sew id-dubji li għandha l-qorti tar-rinviju, ibbażata fuq il-premessa li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV jidderoga mir-rekwiżit stabbilit fid-Direttiva 2005/29 li l-konsumatur għandu jingħata informazzjoni “importanti” dwar il-prezz tal-prodotti offruti ( 39 ).

    90.

    Madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ma naħsibx li din il-premessa hija korretta.

    91.

    Il-qorti tar-rinviju tidher li tibbaża d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-projbizzjoni nazzjonali li jiġi indikat l-prezz totali b’mod partikolari fuq l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29. Din id-dispożizzjoni tikklassifika bħala informazzjoni “importanti” rekwiżiti li japplikaw fil-kuntest ta’ reklamar u li huma stabbiliti fi strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni li l-lista mhux eżawrjenti tagħhom tinsab fl-Anness II tad-Direttiva 2005/29 ( 40 ). Din il-lista tirreferi, fost oħrajn, għall-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/6, li jeħtieġ, bħala prinċipju, li l-prezz ta’ unità jiġi pprovdut f’kull reklam li jsemmi wkoll il-prezz tal-bejgħ. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-obbligu ta’ informazzjoni dwar il-prezz tal-bejgħ tal-prodotti offruti lill-konsumaturi previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 98/6, minkejja li ma huwiex strettament meħtieġ mill-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, għandu jitqies ukoll bħala importanti.

    92.

    Nifhem dan it-tħassib tal-qorti tar-rinviju fis-sens li jimplika li, fil-kuntest ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-prezz tal-bejgħ għandu jfisser il-“prezz totali” li jinkludi d-depożitu u għalhekk, sa fejn l-Artikolu 1(4) tal-PAngV jipprekludi li din l-informazzjoni speċifika tingħata bħala tali lill-konsumatur, din tista’ tmur kontra r-rekwiżit li jingħataw informazzjoni importanti (dwar il-prezz) kif meħtieġ fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.

    93.

    Sabiex tingħata risposta għad-dubji tal-qorti tar-rinviju, nirrileva, minn naħa, li mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li informazzjoni importanti hija, b’mod ġenerali, informazzjoni “li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u [li l-ommissjoni tagħha] għaldaqstant tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra”.

    94.

    It-tieni, nosserva li l-“prezz inklużi t-taxxi” huwa inkluż fl-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 ( 41 ) fost sitt tipi ta’ informazzjoni meqjusa bħala “importanti” fil-kuntest ta’ “stedina għax-xiri” ( 42 ).

    95.

    It-tielet, huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Deroo-Blanquart li “huwa meqjus bħala tagħrif importanti […] l-prezz globali ta’ prodott, u mhux il-prezz ta’ kull wieħed mill-elementi tiegħu”, u li l-Artikolu 7(4)(ċ) tad-Direttiva 2005/29 għalhekk “[j]obbliga lill-kummerċjant li jindika lill-konsumatur il-prezz globali tal-prodott ikkonċernat” ( 43 ). F’dik il-kawża, in-negozjant kien indika l-prezz globali ta’ kompjuter mgħammar b’softwer installat minn qabel, offrut lill-konsumaturi bħala pakkett, iżda ma ddikjarax il-komponenti rispettivi tal-prezz. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas li jindika separatament il-prezz tal-kompjuter u l-prezz tas-softwer ma tikkostitwixxix prattika kummerċjali qarrieqa fis-sens tad-Direttiva 2005/29.

    96.

    Nifhem li d-dictum tas-sentenza Deroo-Blanquart, li jgħid li l-prezz globali jikkostitwixxi informazzjoni importanti, qiegħed jirreferi impliċitament għal sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur jingħata biss l-elementi differenti tal-prezz li jagħmilha diffiċli għalih li jifhem il-prezz reali tal-prodott. Bħala tali, ma naħsibx li dan huwa kompletament trasponibbli għall-fatti ta’ din il-kawża, għaliex, għar-raġunijiet li esponejt fil-parti preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, peress li huwa rrimborsat, depożitu diffiċilment jista’ jiġi mqabbel ma’ prezz li għandu jitħallas għas-softwer installat f’kompjuter jew għal kull oġġett ieħor offrut fil-kuntest ta’ offerta konġunta.

    97.

    Barra minn hekk, jiena tal-fehma li l-mistoqsija rilevanti li għandha ssir f’dan il-kuntest ma hijiex dik dwar jekk il-projbizzjoni li jiġi indikat l-ammont totali tal-prezz twassalx għal ommissjoni ta’ “informazzjoni importanti”, iżda dik dwar jekk dan huwiex l-effett tal-Artikolu 1(4) tal-PAngV, ikkunsidrat fl-intier tiegħu. Infakkar li din id-dispożizzjoni, minbarra li tinkludi din il-projbizzjoni, tistabbilixxi l-obbligu li jiġi indikat il-prezz tal-prodott u l-ammont tad-depożitu.

    98.

    Infakkar ukoll li, kif enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Deroo-Blanquart ( 44 ), skont il-premessa 14 tad-Direttiva 2005/29, informazzjoni importanti tirreferi għal informazzjoni essenzjali li l-konsumatur għandu bżonn sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.

    99.

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena tal-fehma li l-indikazzjoni tal-prezz, ikkostitwit fil-forma ta’ żewġ elementi indikati (b’mod ċar) u konnessi bħal “EUR 0.89 + EUR 0.25 depożitu” tipprovdi lill-konsumatur mhux biss bl-informazzjoni dwar il-prezz totali li għandu jitħallas fil-mument tax-xiri, li tista’ tiġi faċilment stabbilita mill-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u prudenti ( 45 ), iżda wkoll l-informazzjoni daqstant importanti fuq il-prodott mibjugħ fil-kuntest ta’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti bl-implikazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali speċifiċi tiegħu kif deskritt iktar ’il fuq.

    100.

    Fl-aħħar nett, infakkar li, sabiex prattika tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala żleali fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/29, din għandha b’mod partikolari twassal għal distorsjoni sostanzjali tal-aġir ekonomiku tal-konsumaturi li, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/29, jinftiehem bħala tfixkil sinjifikattiv tal-kapaċità tal-konsumatur li jieħu deċiżjoni informata li twasslu sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.

    101.

    Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 1(4) tal-PAngV ġie adottat sabiex tiżdied il-kapaċità tal-konsumaturi li jieħdu deċiżjonijiet informati bbażati fuq paragun aħjar tal-prezzijiet. Mill-evalwazzjoni li saret fil-parti preċedenti tal-konklużjonijiet preżenti jirriżulta wkoll li l-indikazzjoni tad-depożitu separatament u mingħajr ma jiġi ddikjarat il-prezz totali tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 98/6 li tittejjeb l-informazzjoni tal-konsumaturi u li jiġi ffaċilitat il-paragun tal-prezzijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax kif id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’, fiha nnifisha, ikollha l-effett li tirrikjedi li n-negozjanti jadottaw aġir li jwassal sabiex tiġi mfixkla l-kapaċità tal-konsumaturi fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2005/29.

    102.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda preliminari fis-sens li d-Direttiva 2005/29 ma tipprekludix dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 1(4) tal-PAngV, li tipprovdi li, meta depożitu rimborsabbli jiżdied mal-korrispettiv għal prodott, l-ammont ta’ dan id-depożitu għandu jiġi indikat separatament mill-prezz tal-prodott, u ma għandux jiġi indikat ammont totali.

    V. Konklużjoni

    103.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

    L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi

    għandu jiġi interpretat fis-sens li

    il-kunċett ta’ “prezz tal-bejgħ” li jinsab fih ma jinkludix depożitu rimborsabbli impost fuq kontenitur li jista’ jiġi rritornat li fih prodotti huma offruti lill-konsumaturi.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 32).

    ( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86)

    ( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797, punt 76) kif ukoll il-premessa 4 tad-Direttiva (UE) 2018/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU 2018, L 150, p. 141) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2018/852”). Għal ħarsa ġenerali, ara A European Refunding Scheme for Drinks Containers, il-Parlament Ewropew, 2011, p. 12 et seq., u, iktar reċentement, u speċifikament relatat mal-plastik, Environment Ministers’ commitments on plastics. National-level visions, actions and plans announced at the 2022 OECD Council at Ministerial Level (MCM), Ġunju 2022, ENV/EPOC(2022)14.

    ( 5 ) Policy Instruments for Environment, OECD, Database, 2017, p. 8.

    ( 6 ) Ibid. Kif jindika dan is-sors, is-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti ma jikkonċernawx biss il-kontenituri għal xorb, iżda jistgħu jkopru wkoll oġġetti oħra bħall-batteriji taċ-ċomb u l-aċidu jew tajers skrappjati.

    ( 7 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Ġunju 1985 dwar il-kontenituri ta’ likwidi intiżi għall-konsum mill-bniedem (ĠU 1985, L 176, p. 18), imħassra mill-Parlament Ewropew u mid-Direttiva tal-Kunsill 94/62/KE tal‑20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 13, p. 349) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ”).

    ( 8 ) Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, kif emendata bid-Direttiva 2018/852 imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

    ( 9 ) Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU 2019, L 155, p.1).

    ( 10 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 7, 8 u 10, kif ukoll l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/339, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq, kif emendat, u l-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.

    ( 11 ) Direttiva tal-Kunsill tat‑18 ta’ Marzu 1991 dwar batteriji u akkumulaturi li fihom ċerti sustanzi perikolużi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 10, p. 240), imħassra bid-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (ĠU 2006, L 266, p. 1).

    ( 12 ) Sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, EU:C:1988:421); tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Radlberger Getränkegesellschaft u S. Spitz (C‑309/02, EU:C:2004:799); u tal‑14 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑463/01, EU:C:2004:797). Barra minn hekk, f’kuntest ta’ leġiżlazzjoni u prattika nazzjonali relatati ma’ sistema ta’ rimbors tad-depożiti, ara s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2021, Dansk Erhverv vs Il-Kummissjoni (T‑47/19, EU:T:2021:331) li tikkonċerna l-legalità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2018) 6315 final tal‑4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.44865 (2016/FC) – Il-Ġermanja – Allegata għajnuna mill-Istat lil ħwienet tax-xorb Ġermaniżi fil-fruntiera, u li hija suġġetta għal appell f’kawża pendenti C‑508/21 P.

    ( 13 ) BGH 14 ta’ Ottubru 1993, I ZR 218/91. Dik is-sentenza hija disponibbli fi https://research.wolterskluwer-online.de/document/bdbc1eba-d26c-4ffc-915c-2a5b764acf6b.

    ( 14 ) Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Citroën Commerce (C‑476/14, EU:C:2016:527) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Citroën Commerce”).

    ( 15 ) B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament riedet tagħmel kuntrast bejn dawn l-ispejjeż inevitabbli u l-prezz ta’ servizzi fakultattivi eventwali. Tali servizzi fakultattivi kienu inkwistjoni fis-sentenza Vueling Airlines, li għaliha għamlet riferiment il-Qorti tal-Ġustizzja. Ara s-sentenzi Citroën Commerce (punti 38 sa 40), kif ukoll tat‑18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines (C-487/12, EU:C:2014:2232, punt 37) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Vueling Airlines”).

    ( 16 ) Sentenza Citroën Commerce, punt 41. Nifhem li, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tal-kawża, ma kienx meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-aħħar element tal-kriterju stabbilit fil-punt 37 tas-sentenza, kif imfakkar fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar il-kwistjoni jekk l-ispiża inkwistjoni tikkostitwixxix korrispettiv pekunjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat.

    ( 17 ) Infakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/6, “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistipula indikazzjoni tal-prezz tal-bejgħ u l-prezz għal kull unità ta’ kejl ta’ prodotti offruti mill-negozjanti lill-konsumaturi sabiex titjieb l-informazzjoni lill-konsumatur u tiffaċilita l-paragun tal-prezzijiet”. Enfasi miżjuda minni.

    ( 18 ) Nosserva li rata ta’ ritorn ta’ 98.5 % tal-fliexken li jistgħu jerġgħu jimtlew hija indikata f’Awareness and Exchange of Best Practices on the Implementation and Enforcement of the Essential Requirements for Packaging and Packaging Waste, Final Report (Għarfien u Skambju tal-Aħjar Prattiki dwar l-Implimentazzjoni u l-Infurzar tar-Rekwiżiti Essenzjali għall-Ippakkjar u għall-Iskart tal-Imballaġġ) Rapport Finali, Il-Kummissjoni Ewropea, DG ENV, 3 ta’ Awwissu 2011, p. 80, punt 5.1.2, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/environment/pdf/waste/packaging/packaging_final_report.pdf.

    ( 19 ) Ara l-punt 39 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li, fis-sentenza Citroen Commerce, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sentenza tagħha Vueling Airlines li fiha hija kienet iddistingwiet bejn, minn naħa, l-elementi inevitabbli u prevedibbli inklużi fil-prezz tas-servizz bl-ajru li għandhom jiġu ppreċiżati bħala elementi tal-prezz finali u, min-naħa l-oħra, is-supplimenti tal-prezz relatati ma’ servizzi li la huma obbligatorji u lanqas neċessarji għas-servizz tal-ajru nnifsu (bħat-trasport ta’ bagalji), fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

    ( 20 ) L-obbligu li jiġi indikat il-prezz ta’ unità huwa suġġett għal xi eċċezzjonijiet bħal, skont l-aħħar frażi tal-Artikolu 3(1), meta “huwa identiku għall-prezz tal-bejgħ”.

    ( 21 ) Dan jixhdu l-fatt li, fis-sentenza Citroën Commerce, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat id-Direttiva 98/6 għall-indikazzjoni tal-prezz f’reklamar relatat ma’ vettura. Il-pożizzjoni kuntrarja ġiet stabbilita fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Citroën Commerce (C‑476/14, EU:C:2015:814, iktar ’il quddiem, il-“konklużjonijiet fil-kawża Citroën Commerce”, punt 50).

    ( 22 ) Konklużjoni fil-kawża Citroën Commerce, punt 48. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑421/12, EU:C:2013:769, punt 63).

    ( 23 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 59).

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 18 tad-Direttiva 2005/29 u, pereżempju, is-sentenza tat‑3 ta’ Frar 2021, Stichting Waternet (C‑922/19, EU:C:2021:91, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 25 ) Il-Gvern Ġermaniż spjega li, f’dak li jirrigwarda l-prodotti nazzjonali, kwantitajiet ta’ depożitu differenti ta’ 2, 3, 8, 15 jew 25 ċenteżmu japplikaw skont it-tip ta’ kontenitur. Il-prezz totali ta’ dawn il-prodotti jista’ għalhekk ivarja anki meta jinbiegħu fl-istess kwantitajiet. Barra minn hekk, dan il-gvern żied li l-prodotti importati ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ depożitu jew li valur differenti minn dan id-depożitu jista’ japplika għal dawn il-prodotti.

    ( 26 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq. “Billi r-rikors għal strumenti ekonomiċi bħalma hu t-twaqqif ta’ sistema ta’ depożitu jista’ jinkoraġġixxi il-ġbir separat u r-riċiklaġġ tal-batteriji u l-akkumulaturi moħlija”. Dan l-istrument tħassar bid-Direttiva 2006/66/KE, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, li ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għas-sistemi ta’ rimbors tad-depożiti. Ara l-Artikolu 8 tagħha dwar “Skemi ta’ ġbir”.

    ( 27 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

    ( 28 ) Ara l-abbozz tal-Artikolu 7(2)(a) tal-Proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar kontenituri ta’ likwidi għall-konsum mill-bniedem, COM/81/187 final (ĠU 1981, C 204, p. 6) u l-punt 9 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni ta’ din il-proposta.

    ( 29 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.

    ( 30 ) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, COM/92/278 final, paragrafi 1.3, 1.6 u 3.2. Referenzi simili ġew inklużi wkoll fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni għall-proposta li wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 85/339, imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, p. 6 sa 7.

    ( 31 ) Ara l-Artikolu 7 tal-verżjoni inizjali ta’ dik id-direttiva dwar “Sistemi ta’ ritorn, ġbir u rkupru”.

    ( 32 ) Proposta COM/92/278 imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, p. 8, punt 4.1. Il-proposta ssemmi l-“kawża Daniża”, u għalhekk tirreferi b’mod dubjuż għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (302/86, EU:C:1988:421), imsemmija fil-p. 4, punt 1.6, tal-proposta.

    ( 33 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4 iktar ’il fuq.

    ( 35 ) Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, kif emendata (ĠU 2008, L 312, p. 3). Ara wkoll il-premessi 29 u 30 tad-Direttiva (UE) 2018/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart (ĠU 2018, L 150, p. 109), li introduċiet l-Anness IVa fid-Direttiva dwar l-iskart.

    ( 36 ) Imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq.

    ( 37 ) Infakkar li l-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/6 tuża t-termini “mingħajr preġudizzju għall-obbligi tagħhom fit-Trattat”.

    ( 38 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 39 ) Nirrileva li l-evalwazzjoni fid-dawl tad-Direttiva 2005/29 issir ġeneralment fir-rigward ta’ prattika kummerċjali speċifika adottata volontarjament minn negozjant, jew fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi, fiċ-ċirkustanzi kollha, aġir speċifiku, allegatament lil hinn minn dak li jippermettu r-regoli armonizzati tad-Direttiva 2005/29. Min-naħa l-oħra, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-kompatibbiltà, ma’ din id-direttiva, ta’ rekwiżit legali fis-sens li jista’, skont id-dubji ta’ din il-qorti, iwassal għal prattika kummerċjali żleali. Madankollu, inqis li tali evalwazzjoni hija ġġustifikata peress li, jekk l-Istati Membri jkunu awtorizzati jeżiġu li n-negozjanti jadottaw aġir li jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tad-Direttiva 2005/29, dan iċaħħad lil din id-direttiva mill-effett utli tagħha.

    ( 40 ) L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29 jippreċiża li “[i]r-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”

    ( 41 ) L-Artikolu 7(4)(ċ) jikklassifika bħala informazzjoni importanti “il-prezz inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-prodott tfisser li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz hu kalkolat, kif ukoll, fejn ikun xieraq, kull ammont ta’ ħlas addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ħlas ta’ kunsinna jew ħlas postali jew, fejn dawn l-ammonti ta’ ħlas ma jistgħux jiġu raġonevolment kalkolati minn qabel, il-fatt li tali ammonti ta’ ħlas addizzjonali jistgħu jkunu dovuti”.

    ( 42 ) L-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 2005/29 jiddefinixxi l-“istedina għax‑xiri” bħala “komunikazzjoni kummerċjali li tindika karatteristiċi tal-prodott u l-prezz f’mod adegwat għall-mezzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali li ntużaw u li għalhekk tippermetti l-konsumatur jagħmel xirja”. Ara dwar dan il-kunċett, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2011, Ving Sverige (C‑122/10, EU:C:2011:299, punt 28).

    ( 43 ) Sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2016, Deroo-Blanquart (C‑310/15, EU:C:2016:633, punt 46) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Deroo-Blanquart”).

    ( 44 ) Sentenza Deroo-Blanquart, punt 48.

    ( 45 ) Huwa l-punt ta’ riferiment użat mid-Direttiva 2005/29 konformement mal-premessa 18 tagħha.

    Top