This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0515
Opinion of Advocate General Ćapeta delivered on 27 October 2022.#LU and PH.#Requests for a preliminary ruling from the Court of Appeal.#Reference for a preliminary ruling – Police and judicial cooperation in criminal matters – European arrest warrant – Framework Decision 2002/584/JHA – Surrender procedure between the Member States – Conditions for execution – Grounds for optional non-execution – Article 4a(1) – Warrant issued for the purpose of executing a custodial sentence – Concept of ‘trial resulting in the decision’ – Scope – First conviction, with a suspension – Second conviction – Absence of the person concerned at the trial – Revocation of the suspension – Rights of the defence – Convention for the Protection of Human Rights and Fundamental Freedoms – Article 6 – Charter of Fundamental Rights of the European Union – Articles 47 and 48 – Infringement – Consequences.#Joined Cases C-514/21 and C-515/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2022.
LU vs Minister for Justice and Equality.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – L-ewwel kundanna sospiża – It-tieni kundanna – Assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża – Revoka tas-sospensjoni – Drittijiet tad-difiża – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Ksur – Konsegwenzi.
Kawża C-514/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-27 ta’ Ottubru 2022.
LU vs Minister for Justice and Equality.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċedura ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) – Mandat maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Portata – L-ewwel kundanna sospiża – It-tieni kundanna – Assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża – Revoka tas-sospensjoni – Drittijiet tad-difiża – Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Artikolu 6 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 47 u 48 – Ksur – Konsegwenzi.
Kawża C-514/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:848
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fis‑27 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑514/21 u C‑515/21
LU (C‑514/21)
PH (C‑515/21)
vs
Minister for Justice and Equality
(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ bl-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 – ‘Proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Revoka tal-probation – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 6 KEDB – Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”
I. Introduzzjoni
1. |
Persuna wettqet reat u nstabet ħatja wara smigħ xieraq. Din id-dikjarazzjoni ta’ ħtija rriżultat fl-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija sospiża. Sussegwentement, din l-istess persuna ġiet akkużata b’tieni reat imwettaq matul il-perijodu ta’ probation għall-ewwel reat. It-tieni proċess seħħ f’kontumaċja u wassal għal dikjarazzjoni ta’ ħtija u għall-impożizzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Konsegwentement, is-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija għall-ewwel reat ġiet irrevokata. Peress li l-persuna kkonċernata kienet barra mill-pajjiż, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija għall-ewwel reat. |
2. |
L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta l-konsenja wara MAE għall-eżekuzzjoni tal-piena relatata mal-ewwel reat minħabba li t-tieni proċess inżamm f’kontumaċja? It-tweġiba għal din il-mistoqsija teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI ( 2 ) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas MAE”). B’mod iktar preċiż, teħtieġ li tingħata tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” użata f’din id-dispożizzjoni, tinkludix ukoll dan it-tieni proċess. |
3. |
Minbarra l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, dawn ir-rinviji jinvolvu sfida iktar profonda għas-sistema MAE. Dawn iqajmu l-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandhiex tiġi awtorizzata (jew saħansitra obbligata), minbarra s-sitwazzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas MAE, li tirrifjuta l-konsenja jekk hija tikkonstata li dritt fundamentali (jew, tal-inqas, il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt) tal-persuna li għandha tiġi kkonsenjata ser jinkiser mill-Istat emittenti. |
4. |
Id-Deċiżjoni Qafas MAE telenka b’mod eżawrjenti s-sitwazzjonijiet li jobbligaw jew jippermettu lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ MAE ( 3 ). Barra minn dawn is-sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat possibbiltà addizzjonali fid-Deċiżjoni Qafas MAE. Fuq il-bażi ta’ din il-ġurisprudenza, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-konsenja jekk ikunu jeżistu, fl-Istat emittenti, nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jolqtu ċertu grupp ta’ persuni jew ta’ postijiet ta’ detenzjoni ( 4 ), jew inkella nuqqasijiet ġenerali jew sistemiċi tal-Istat tad-dritt ( 5 ). Qabel ma tiddeċiedi li ma tikkonsenjax meta jkunu jeżistu tali kwistjonijiet sistemiċi, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha barra minn hekk tistabbilixxi jekk l-individwu li għandu jiġi kkonsenjat jaffaċċjax riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tiegħu jew tagħha fl-Istat emittenti ( 6 ). |
5. |
Madankollu, fil-kawża ineżami – u l-istess japplika f’diversi kawżi oħra pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-mument meta jinħarġu dawn il-konklużjonijiet ( 7 ) – in-nuqqasijiet sistemiċi tal-Istat emittenti ma humiex invokati. Dan iqajjem kwistjoni ġdida: il-possibbiltà ta’ ksur uniku potenzjali tad-drittijiet fundamentali ta’ persuna li għandha tiġi kkonsenjata hija suffiċjenti sabiex tippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni milli tirrifjuta l-konsenja? Dan, ukoll, iqajjem (mill-ġdid) il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hijiex b’xi mod awtorizzata tivverifika jekk id-drittijiet fundamentali tal-persuna li għandha tiġi kkonsenjata humiex ser jiġu rrispettati mill-Istat emittenti. Dawn il-kawżi kollha, inklużi dawn ir-rinviji, jenfasizzaw il-problemi li jaffaċċjaw l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni meta jaċċettaw rikonoxximent reċiproku awtomatiku, il-prinċipju nnifsu li fuqu hija bbażata s-sistema tal-MAE. ( 8 ) |
6. |
Dawn ir-rinviji jistgħu jingħataw risposta b’mod li jkun ta’ għajnuna għall-qorti tar-rinviju mingħajr ma tittieħed pożizzjoni ġenerali dwar il-possibbiltajiet addizzjonali għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta’ MAE. Dan huwa l-każ, kif ser jintwera, għaliex id-domandi ġew magħmula f’kuntest fejn il-possibbiltà ta’ ksur ta’ dritt fundamentali tirriżulta minn proċess f’kontumaċja. Għal din is-sitwazzjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea adotta interpretazzjoni komuni dwar meta l-qrati nazzjonali kollha għandhom jirrikonoxxu deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija f’kontumaċja ( 9 ). Madankollu, ser noffri xi argumenti dwar għaliex raġunijiet addizzjonali ta’ rifjut tal-konsenja għandhom jitnaqqsu għall-minimu ( 10 ). |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑Deċiżjoni Qafas MAE
7. |
L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jipprevedi: “Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
8. |
L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jipprevedi l-possibbiltà fakultattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-MAE fil-kundizzjonijiet li ġejjin: “1. L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:
[…]”. |
B. Id‑Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI
9. |
L-Artikolu 4a ġie introdott fid-Deċiżjoni Qafas MAE bħala raġuni addizzjonali fakultattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299. F’dan il-kuntest, il-premessi segwenti tal-imsemmija deċiżjoni qafas huma rilevanti:
[…]
|
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
10. |
Il-kontenut essenzjalment komuni taż-żewġ kawżi magħquda ġie miġbur fil-qosor fil-punti tal-ftuħ ta’ dawn il-konklużjonijiet. Qabel kollox, ser nippreżenta f’iktar dettall il-fatti taż-żewġ kawżi magħquda. |
A. LU (C‑514/21)
11. |
Awtorità ġudizzjarja Ungeriża qiegħda titlob il-konsenja ta’ LU, l-appellant fil-kawża prinċipali, għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u ħarġet MAE b’dan il-għan. Il-qorti tar-rinviju, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’dan il-kuntest ( 11 ). |
12. |
Fil-ġbir tal-informazzjoni rilevanti, il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li ddeċidiet fl-ewwel istanza dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE, ressqet lill-awtorità ġudizzjarja emittenti total ta’ seba’ talbiet għal informazzjoni addizzjonali, skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
13. |
LU wettaq diversi reati kriminali f’Awwissu 2005, speċifikament, vjolenza domestika kontra l-ex konjuġi tiegħu, il-wild tagħhom, u l-kunjata tiegħu, inkluż aggressjoni fuq l-ex konjuġi tiegħu u sekwestru tal-konjuġi tiegħu u tal-wild tagħhom. Jiena ser nirreferi għal dawn ir-reati bħala l-“Ewwel Reati”. |
14. |
LU ġie kkundannat għall-Ewwel Reati f’Ottubru 2006 u dik il-kundanna ġiet ikkonfermata fl-appell f’April 2007. Skont il-qorti tar-rinviju, l-awtorità ġudizzjarja emittenti kkonfermat li LU kien preżenti jew irrappreżentat mill-avukat tad-difiża magħżul minnu matul dawn iż-żewġ proċessi. Għalhekk, LU ġie kkundannat għal sena priġunerija għall-Ewwel Reati, sospiża għal perijodu ta’ sentejn probation ( 12 ). |
15. |
F’Diċembru 2010, LU ġie kkundannat fl-ewwel istanza għal reat ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment għall-ulied, li ser nirreferi għalih bħala r-“Reat tal-Iskattar”. Huwa kien preżenti għal żewġ seduti, iżda mhux għall-għoti tad-deċiżjoni. Konsegwentement, il-qorti tal-ewwel istanza imponiet multa, iżda ma ddeċidietx dwar il-piena ta’ probation għall-Ewwel Reati ( 13 ). |
16. |
Din il-kundanna ġiet appellata, minkejja li l-proċess ma jagħti ebda informazzjoni dwar min ippreżenta dan l-appell ( 14 ). LU ġie mħarrek biex jattendi s-seduta, iżda t-taħrika ma nġabritx, fejn dan jitqies bħala servizz regolari skont id-dritt Ungeriż. Peress li LU ma kienx preżenti għal din is-seduta, il-qorti tal-appell ħatritlu avukat tad-difiża li rrappreżentah fil-proċess. |
17. |
F’Ġunju 2012, il-qorti tal-appell bidlet il-piena oriġinali (il-multa), li kkundannat lil LU għal ħames xhur priġunerija u għal sena projbizzjoni minn affarijiet pubbliċi. Fl-istess ħin, il-qorti tal-appell ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena imposta għall-Ewwel Reati, billi rrevokat il-probation ( 15 ). |
18. |
F’dan l-istadju, f’Settembru 2012, l-awtorità ġudizzjarja Ungeriża ħarġet MAE sabiex tiġi skontata l-piena imposta kemm għall-Ewwel Reati kif ukoll għar-Reati tal-Iskattar. LU oppona din il-konsenja quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li rrifjutat li tordna l-konsenja tiegħu. |
19. |
Finalment, LU ppreżenta proċedura għal proċess ġdid fir-rigward tal-Ewwel Reati, li ġiet miċħuda fl-ewwel istanza f’Ottubru 2016, u dan ġie kkonfermat fl-appell f’Marzu 2017. F’dawn iż-żewġ istanzi, LU ma deherx personalment, iżda kien irrappreżentat minn avukat tad-difiża maħtur minnu. Bħala riżultat ta’ dik iċ-ċaħda finali ta’ proċedura għal proċess ġdid, il-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reati kienet infurzabbli mill-ġdid skont id-dritt Ungeriż. Għalhekk, awtorità ġudizzjarja Ungeriża ħarġet it-tieni MAE f’Lulju 2017, fir-rigward tal-piena għall-Ewwel Reati biss ( 16 ). Huwa dak it-tieni MAE li attwalment jinsab quddiem il-qorti tar-rinviju bħala l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni. |
20. |
Il-qorti tar-rinviju provviżorjament tqis li l-proċess għar-Reat tal-Iskattar ma kienx konformi mal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Konsegwentement, jekk dan il-proċess kellu jitqies bħala l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, ikun possibbli li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-MAE skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
21. |
LU sostna li l-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reati hija infurzabbli biss minħabba l-proċess tar-Reat tal-Iskattar. Minn dan isegwi li l-proċess tar-Reat tal-Iskattar għandu jitqies bħala l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Peress li twettaq f’kontumaċja, dan il-proċess ma jissodisfa ebda waħda mill-kundizzjonijiet fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE li tippermetti l-konsenja. LU żied li ma teżisti ebda possibbiltà ta’ proċess ġdid fir-rigward tar-Reat tal-Iskattar u għaldaqstant il-konsenja tiegħu tkun tikkostitwixxi “ksur flagranti” tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tal-KEDB kif ukoll l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
22. |
Min-naħa l-oħra, il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza), il-konvenut fil-kawża prinċipali, sostna li l-proċess għar-Reat tal-Iskattar jirrappreżenta sempliċi “metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena”, u għalhekk, fuq il-bażi ta’ ġurisprudenza eżistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, jinsab lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Għalhekk, skont il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-MAE għandu jiġi eżegwit u kull ksur allegat tal-Artikolu 6 tal-KEDB jaqa’, taħt il-qrati tal-Istat Membru emittenti. |
23. |
Il-qorti tar-rinviju tiddubita dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistax tiġi applikata b’mod sempliċi għall-kawża ineżami. |
24. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
B. PH (Kawża C‑515/21)
25. |
Awtorità ġudizzjarja Pollakka qiegħda titlob il-konsenja ta’ PH, l-appellant fil-kawża prinċipali, għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija u ħarġet MAE għal dan il-għan. Il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), li qiegħda tiddeċiedi l-appell mid-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti l-Għolja), hija l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’dan il-kuntest. |
26. |
PH ġie kkundannat f’Mejju 2015 talli wettaq, f’Jannar tal-istess sena, ir-reat ta’ attakk ta’ denial of service ( 17 ) kontra impriża kummerċjali flimkien ma’ theddid li jkompli l-attakk sakemm ma jsirlux ħlas fi flus. Ser nirreferi għal dan ir-reat bħala “l-Ewwel Reat”. |
27. |
PH ġie debitament innotifikat b’din il-proċedura u kien preżenti għall-proċess tiegħu. Huwa ġie kkundannat għal sena priġunerija, sospiża għal perijodu ta’ ħames snin probation. Huwa ma appellax il-kundanna u l-piena. |
28. |
Fi Frar 2017, ingħatat il-kundanna għal dak li jiena għal darba oħra ser nirreferi għalih bħala r-“Reat tal-Iskattar”. B’mod partikolari, PH instab ħati tar-reat ta’ żgass ta’ karavan u ta’ serq ta’ oġġetti minnu, u ġie kkundannat għal 14‑il xahar priġunerija. Huwa ma kienx jaf bis-seduta u għalhekk ma deherx għaliha, la personalment u lanqas permezz ta’ rappreżentant legali. |
29. |
F’Mejju 2017, meħud inkunsiderazzjoni l-fatt li r-Reat tal-Iskattar kien fil-perijodu ta’ probation tal-Ewwel Reat, il-qorti li tat il-kundanna għal dan tal-aħħar ordnat l-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija tiegħu ( 18 ). PH ma kienx jaf b’din il-proċedura u għalhekk ma deherx personalment u lanqas permezz ta’ rappreżentant legali waqt is-seduta li wasslet għad-digriet ta’ eżekuzzjoni tal-piena għall-Ewwel Reat. |
30. |
Fi Frar 2019, inħareġ MAE bl-għan tal-konsenja ta’ PH fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reat biss. L-ebda MAE ma nħareġ fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija li tirriżulta mill-kundanna għar-Reat tal-Iskattar. |
31. |
L-awtorità ġudizzjarja Pollakka, fuq talba tal-High Court (il-Qorti Għolja) (l-Awtorità Ġudizzjarja ta’ Eżekuzzjoni tal-Ewwel Istanza), spjegat ukoll li t-terminu għall-appell mill-kundanna għar-Reat tal-Iskattar kien skada. Din l-istess awtorità emittenti żiedet li, fid-dritt Pollakk, kull parti tista’ “tippreżenta rimedju ġudizzjarju straordinarju (inverżjoni, mozzjoni għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura)”. Madankollu, hija ma pprovdietx informazzjoni addizzjonali dwar din il-proċedura. |
32. |
PH oppona din il-konsenja quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) mingħajr suċċess. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tiddeċiedi dwar l-appell mid-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja) li teżegwixxi l-MAE. |
33. |
Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
34. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawżi prinċipali taż-żewġ kawżi, mill-Irlanda u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fit‑13 ta’ Lulju 2022, fejn LU, PH, l-Irlanda u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali. |
V. Analiżi
35. |
Il-kawżi magħquda ineżami jikkonċernaw diversi proċeduri li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. L-ewwel proċedura rriżultat fil-piena ta’ priġunerija sospiża għall-Ewwel Reat(i): il-persuni li l-konsenja tagħhom hija inkwistjoni kienu preżenti għal dawn il-proċeduri. It-tieni proċedura wasslet għall-kundanna tar-Reat tal-Iskattar; il-persuni li l-konsenja tagħhom hija inkwistjoni ma kinux preżenti għal dawn il-proċeduri. Finalment, it-tielet sett ta’ proċeduri huwa dak li fih ġie deċiż li s-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija fir-rigward tal-Ewwel Reat(i) tiġi rrevokata. Fil-Kawża C‑514/21, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tas-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija ġiet adottata mill-istess qorti u fl-istess proċess li rriżulta fid-dikjarazzjoni ta’ ħtija u fid-determinazzjoni tal-piena tar-Reat tal-Iskattar. Fil-Kawża C‑515/21, madankollu, id-deċiżjoni ta’ tneħħija tas-sospensjoni ġiet adottata minn qorti differenti fi proċeduri li kienu differenti mill-proċess tar-Reat tal-Iskattar. |
36. |
Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li huwa ovvju li l-assenza tal-persuni li l-konsenja tagħhom hija mitluba waqt il-proċess rispettiv tagħhom tar-Reat tal-Iskattar irriżultat fi ksur tad-dritt tagħhom għal smigħ xieraq. Għalhekk, hija tistaqsi, essenzjalment, jekk tistax tirrifjuta li teżegwixxi l-MAE inkwistjoni, jew fuq il-bażi tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE (l-ewwel domanda), jew fuq il-bażi tal-Artikolu 6 KEDB u tal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (it-tieni u t-tielet domanda). |
37. |
Sabiex nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-risposta għad-domandi preliminari, ser nipproċedi kif ġej. Fit-Taqsima A, ser nispjega għaliex l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi t-tip ta’ proċessi inkwistjoni għar-Reati tal-Iskattar fiż-żewġ kawżi ineżami. Dan ifisser li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE japplika għas-sitwazzjonijiet fiż-żewġ kawżi, u li l-qorti tar-rinviju, bil-kundizzjoni li ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tagħha ma tkun issodisfatta, għandha l-għażla li ma tikkonsenjax lill-appellanti, rispettivament, lill-Polonja jew lill-Ungerija. Peress li ħafna mid-diskussjonijiet fl-osservazzjonijiet bil-miktub, kif ukoll fis-seduta, kienu ffukati fuq tliet kawżi preċedenti rilevanti – Tupikas ( 19 ), Zdziaszek ( 20 ) u Ardic ( 21 ) – ser noffri l-perspettiva tiegħi dwar ir-rilevanza tagħhom għall-kawżi ineżami. |
38. |
Fit-Taqsima B, ser nikkonċentra b’mod konġunt fuq it-tieni u t-tielet domanda fiż-żewġ kawżi, li jqajmu, fil-fehma tiegħi, kwistjonijiet li huma importanti għas-sistema kollha tal-MAE kif maħsuba mil-leġiżlatur tal-Unjoni u interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-qorti tar-rinviju ma fformulatx dawn id-domandi bħala dipendenti fuq ir-risposta affermattiva jew negattiva għall-ewwel domanda. Fid-dawl ta’ dan, ser nipprovdi r-risposta tiegħi għat-tieni u għat-tielet domanda fiż-żewġ xenarji: fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kawżi magħquda jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, kif nipproponi li għandhom ikunu, u anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. |
A. Fuq l‑ewwel domanda
39. |
Id-Deċiżjoni Qafas MAE tistabbilixxi b’mod eżawrjenti r-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) ta’ MAE. L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas MAE, li hija mitluba l-interpretazzjoni tiegħu, huwa applikabbli biss jekk il-persuna li għandha tiġi kkonsenjata ma kinitx preżenti għall-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li l-konsenja qiegħda tintalab għall-eżekuzzjoni tiegħu. |
40. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tas-sentenza introduttorja tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett, u jekk ikoprix il-proċessi tar-Reati tal-Iskattar. Huwa wkoll rilevanti li jiġi ddeterminat jekk il-proċeduri separati ta’ tneħħija tas-sospensjoni u eżekuzzjoni tal-pieni ta’ priġunerija għall-Ewwel Reati jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. |
41. |
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal dawn id-domandi, is-sitwazzjonijiet fiż-żewġ kawżi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tiddetermina, għalhekk, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex il-possibbiltà li ma teżegwixxix l-MAE inkwistjoni fil-każ li hija tikkonstata li ma tapplika ebda waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) ta’ din id-deċiżjoni qafas. |
42. |
Sabiex nirrispondi għal din id-domanda, ser nipproċedi bil-mod segwenti. L-ewwel ser nipprovdi perspettiva tal-kawżi preċedenti li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-espressjoni ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Sussegwentement ser nipproponi interpretazzjoni ta’ din l-espressjoni ta’ applikazzjoni ġenerali, konformi mal-għan tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt proċess. Tali interpretazzjoni hija, kif ser nuri, konformi mal-ġurisprudenza preċedenti. Sabiex nindirizza d-domanda 1(b) magħmula fil-Kawża C‑514/21, ser nirrifletti wkoll fuq ir-rwol tad-diskrezzjoni li għandhom l-awtoritajiet fl-Istat emittenti meta joħorġu d-digriet ta’ eżekuzzjoni. Finalment, ser nindirizza ċertu tħassib addizzjonali mqajjem matul il-proċeduri, bħall-effikaċja tas-sistema tal-MAE, u l-perikolu ta’ impunità. |
1. Fuq il‑ġurisprudenza eżistenti li tinterpreta l‑espressjoni ta’ “proċess li rriżulta fid‑deċiżjoni” u l‑applikabbiltà tagħha għall‑kawżi ineżami
43. |
Billi kkunsidrat li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà, f’diversi okkażjonijiet – b’mod partikolari fil-kawżi Tupikas ( 22 ), Zdziazsek ( 23 ) u Ardic ( 24 ) – interpretat il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Il-qorti tar-rinviju qajmet il-kwistjoni tal-implikazzjonijiet li għandhom dawn is-sentenzi għall-kawżi ineżami u li ġew ukoll diskussi mill-partijiet f’dawn il-proċeduri. |
44. |
Kemm il-proċeduri ta’ appell (f’Tupikas) u l-proċeduri għal deċiżjoni dwar kumulu ta’ pieni ta’ priġunerija (f’Zdziaszek) ġew it-tnejn ikkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. Madankollu, fl-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan ma jkoprix il-proċeduri relatati mar-revoka ta’ deċiżjoni ta’ ħelsien antiċipat provviżorju mill-ħabs (f’Ardic). |
45. |
Is-sitwazzjoni fil-kawżi ineżami hija simili għat-tliet sentenzi msemmija iktar ’il fuq fis-sens li l-piena ta’ priġunerija oriġinali ġiet imposta għall-ewwel darba fil-proċess li jiddeċiedi dwar il-ħtija u ġiet immodifikata matul proċeduri sussegwenti li ma eżaminawx mill-ġdid il-konstatazzjoni ta’ ħtija, iżda biss it-tul taċ-ċaħda tal-libertà. Għaldaqstant, id-deċiżjoni finali dwar il-piena kienet, bħal fil-kawżi ineżami, ir-riżultat ta’ diversi proċeduri. |
46. |
Minkejja dawn is-similaritajiet, it-tliet sentenzi jiddistingwu ruħhom ukoll mis-sitwazzjoni li minnha oriġinaw dawn ir-rinviji. Fuq kollox, il-modifika tal-piena ta’ priġunerija inizjalment mogħtija, fl-ebda waħda mit-tliet kawżi ma kienet tiddependi fuq il-konstatazzjoni ta’ ħtija u mill-piena għal reat differenti. Barra minn hekk, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet biss fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tagħhom, u ma tatx kriterji ġenerali ċari jew iddettaljati fir-rigward ta’ dak li jikkostitwixxi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tad-Deċiżjoni Qafas MAE ( 25 ). Huwa għalhekk li l-konklużjonijiet f’dawn il-kawżi ma jistgħux jiġu ttrasferiti awtomatikament għall-kawżi ineżami. |
47. |
Sussegwentement, ser nipproponi interpretazzjoni tal-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” ta’ applikazzjoni ġenerali, imbagħad ser nuri li tali interpretazzjoni, anki jekk mhux riżultat dirett tal-kawżi preċedenti, ma tikkontradixxi ebda waħda minnhom. |
2. Fuq l‑interpretazzjoni proposta ta’ “proċess li rriżulta fid‑deċiżjoni”
48. |
Sabiex tiġi interpretata l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” kif tidher fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, nikkunsidra li huwa importanti li wieħed jiffoka fuq għaliex l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jipproteġi d-dritt ta’ persuna li tkun preżenti waqt proċess bħala dritt fundamentali. |
49. |
F’Tupikas, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li “l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà personali tagħha” ( 26 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet f’Zdziaszek li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha meta jkun hemm deċiżjonijiet li għandhom effett fuq il-quantum tal-piena, fid-dawl tal-konsegwenzi sinjifikattivi li jistgħu jirriżultaw minnha għall-persuna kkonċernata ( 27 ). |
50. |
Fil-fehma tiegħi, u l-ġurisprudenza ċċitata ssostni dan, il-possibbiltà li persuna tinfluwenza mħallef li għandu l-ġurisdizzjoni sabiex jistabbilixxi l-ħtija tagħha u li jimponilha piena hija l-qofol tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Għalhekk, speċjalment meta deċiżjoni tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna, din għandu jkollha l-opportunità li tinfluwenza din id-deċiżjoni finali personalment. Jekk id-deċiżjoni finali tirriżulta minn diversi proċeduri, din il-persuna għandu jkollha l-opportunità li tipparteċipa fihom kollha. |
51. |
L-għan tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE huwa li jiġi ssalvagwardjat dan id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konsenja għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Għaldaqstant, il-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għandu jinftiehem bħala li jinkludi kwalunkwe stadju tal-proċeduri li kkontribwixxa għad-deċiżjoni finali ta’ ċaħda tal-libertà fl-Istat emittenti. |
52. |
Id-deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni ta’ piena ta’ priġunerija oriġinarjament sospiża hija dik li ċċaħħad lill-persuna inkwistjoni mil-libertà. Fil-fehma tiegħi, huwa kruċjali li l-persuna kkonċernata tkun preżenti fl-istadji kollha li huma determinattivi sabiex tingħata din id-deċiżjoni. |
53. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, li tinsab fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, tiġi interpretata bħala kull stadju tal-proċeduri li għandu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni finali fuq iċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna. |
54. |
Dan ifisser li, kif tipproponi l-Kummissjoni, il-proċeduri kollha li jagħmlu parti minn dawn il-kawżi – jiġifieri l-proċessi li jimponu l-piena ta’ priġunerija oriġinali sospiża, il-proċessi li jimponu l-pieni fuq l-istess persuni għar-Reati tal-Iskattar, u l-proċeduri (jekk separati) li jemendaw il-piena ta’ priġunerija oriġinali sospiża – huma “proċessi li rriżultaw fid-deċiżjoni”. Huma kollha determinanti għaċ-ċaħda tal-libertà li għaliha ntalbet il-konsenja tal-persuni inkwistjoni. |
55. |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” tippermetti u anki tappoġġja dik l-interpretazzjoni proposta. |
3. Il‑ġurisprudenza eżistenti li tappoġġja l‑interpretazzjoni proposta
a) Il‑“proċess li rriżulta fid‑deċiżjoni” jista’ jkopri diversi proċeduri?
56. |
F’Tupikas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet is-segwenti: “[…] fil-każ fejn il-proċedura tinkludi diversi istanzi li jkunu wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, li mill-inqas waħda minnhom tkun ingħatat fl-assenza tal-persuna kkonċernata, l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, għandha tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-istanza li wasslet għall-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet […] ( 28 )” |
57. |
Din is-sentenza tista’ tissuġġerixxi li huma biss l-aħħar proċeduri li huma rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE japplikax. |
58. |
Madankollu, f’Zdziaszek, li ġiet deċiża fl-istess jum bħal Tupikas, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat kif ġej: “għandu jiġi kkunsidrat li, f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, wara istanza tal-appell li matulha l-kawża tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid tal-mertu, deċiżjoni tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun imponiet ukoll fuqha minħabba dan il-fatt piena li ċċaħħad il-libertà, li madankollu l-livell tagħha jkun inbidel permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-awtorità kompetenti wara li hija tkun eżerċitat s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam u li tkun stabbiliet b’mod finali l-piena, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għandhom, l-waħda u l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni l-Artikolu 4a(1) tad-[Deċiżjoni Qafas MAE] ( 29 ).” |
59. |
Dan jissuġġerixxi li l-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li diversi stadji tal-proċeduri huma kollha rilevanti sabiex tiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, jekk dawn ikunu determinanti għall-piena li ċċaħħad il-libertà ta’ persuna. Il-paragrafu kkwotat minn Tupikas għandu, għaldaqstant, jinftiehem fil-kuntest ta’ din il-kawża: il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qiegħda tirrispondi għad-domanda tal-qorti tar-rinviju dwar jekk proċeduri ta’ appell humiex “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” kieku l-persuna dehret fl-ewwel istanza, iżda mhux fl-istadju tal-appell. Din id-dikjarazzjoni ma tipprekludix l-interpretazzjoni proposta, li skontha l-proċeduri kollha li jikkontribwixxu għad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-libertà ( 30 ) huma koperti mill-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. |
60. |
Il-kawżi ineżami huma differenti minn dawk preċedenti peress li l-proċessi għar-Reati tal-Iskattar, li seħħew f’kontumaċja, ma twettqux fir-rigward tal-piena ta’ priġunerija sospiża li għaliha nħareġ il-MAE. L-effett ta’ dawn il-proċessi fuq id-deċiżjoni finali fuq il-piena għall-Ewwel Reat(i) kien biss inċidentali. Fl-istess ħin, kien ukoll determinanti. |
61. |
Mingħajr ma tiddeċiedi direttament dwar jekk tali proċess huwiex wieħed “li rriżulta fid-deċiżjoni”, il-ġurisprudenza preċedenti ma tipprekludix interpretazzjoni li tali proċess, jekk ikun deċiżiv għad-deċiżjoni finali dwar il-piena, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett. |
62. |
Id-deċiżjonijiet li jneħħu s-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reat(i) kienu jiddependu mid-dikjarazzjoni ta’ ħtija għar-Reati tal-Iskattar fit-tieni proċess, u fuq in-natura u t-tul tal-piena imposta għal dawn ir-reati. Peress li l-proċessi għar-Reati tal-Iskattar kienu l-parti determinattiva tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija tas-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reat(i), huma jagħmlu parti mill-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
b) Id‑deċiżjonijiet ta’ revoka tas‑sospensjoni tal‑piena ta’ priġunerija huma biss metodu ta’ eżekuzzjoni tal‑piena u għalhekk huma esklużi mill‑kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid‑deċiżjoni”?
63. |
F’Zdziaszek ( 31 ), b’riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, id-deċiżjoni finali li tiddetermina n-natura u l-livell tal-piena imposta u, min-naħa l-oħra, il-mod ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta li ċċaħħad il-libertà. Hija kkonkludiet li l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” ikopri l-ewwel grupp ta’ proċeduri, iżda mhux it-tieni wieħed ( 33 ). |
64. |
Din id-determinazzjoni kellha rwol deċiżiv f’Ardic. Il-qorti tar-rinviju, bħall-parteċipanti kollha fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, iffokat prinċipalment fuq il-konsegwenzi ta’ din is-sentenza għas-soluzzjoni taż-żewġ kawżi magħquda inkwistjoni. |
65. |
Il-kwistjoni f’Ardic kienet ir-revoka tal-libertà provviżorja mill-ħabs qabel it-tmiem tal-piena ta’ priġunerija. S. Ardic, ċittadin Ġermaniż, ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija mogħtija fil-Ġermanja permezz ta’ żewġ sentenzi. Peress li skonta parti minn dik il-piena, huwa ngħata sospensjoni tal-eżekuzzjoni għall-kumplament tagħha. B’mod iktar preċiż, skont id-dritt Ġermaniż, wara li ċerta parti mill-piena li ċċaħħad il-libertà tiġi eżegwita, u li jiġu ssodisfatti kundizzjonijiet addizzjonali, il-kumplament tal-piena li ċċaħħad il-libertà tista’ tiġi sospiża kundizzjonalment u tkun tista’ tingħata libertà provviżorja ( 34 ). |
66. |
Madankollu, S. Ardic ma osservax il-kundizzjonijiet marbuta mal-libertà provviżorja. Konsegwentement, qorti Ġermaniża rrevokat il-libertà provviżorja fi proċeduri fejn S. Ardic ma kienx preżenti. Id-domanda li għandha tingħata risposta għaliha mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Ardic, li qamet quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) li kienet qiegħda tiddeċiedi fuq l-eżekuzzjoni tal-MAE, kienet jekk il-proċeduri għar-revoka tal-libertà provviżorja kinux jikkostitwixxu “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
67. |
F’Ardic, il-Qorti tal-Ġustizzja tassew irrepetiet li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà ma jaqgħux taħt l-Artikolu 6(1) tal-KEDB u għalhekk lanqas ma jaqgħu taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ( 35 ). Filwaqt li applikat dik il-loġika għas-sitwazzjoni ta’ S. Ardic, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni f’dik il-kawża ma taqax taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
68. |
Is-sentenza f’Ardic timmerita xi kritika. Pereżempju, xejn ma huwa evidenti għaliex il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB li tinterpreta l-espressjoni “akkużi kriminali” (rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-KEDB) għandha tiġi awtomatikament trasposta għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ( 36 ). L-invokazzjoni kważi esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kawża Boulois vs Il‑Lussemburgu ( 37 ), li kienet tikkonċerna ċ-ċaħda ta’ talba għall-ħelsien temporanju mill-ħabs għal ġurnata ( 38 ), sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni li deċiżjoni ta’ revoka tal-libertà provviżorja hija l-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena, tidher ukoll li hija diffiċili sabiex tiġi difiża. Madankollu, ma jkunx ġust mar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja jekk Ardic tingħata qari formalistiku, fejn id-deċiżjonijiet għandhom dejjem jitpoġġew jew fil-kaxxa “modalità ta’ eżekuzzjoni tal-piena”, jew fil-kaxxa “deċiżjoni dwar in-natura u l-quantum tal-piena”. |
69. |
L-iktar konstatazzjoni importanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ardic, fil-fehma tiegħi, hija s-segwenti: “Fid-dawl tal-premess, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-ħtiġijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-kunċett ta’ ‘deċiżjoni’ li jinsab fih ma jkoprix deċiżjoni relatata mal-eżekuzzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ppronunzjata qabel, ħlief meta din id-deċiżjoni jkollha l-għan jew l-effett li timmodifika n-natura jew il-quantum tal-imsemmija piena u l-awtorità li ppronunzjatha kellha, f’dan ir-rigward, marġni ta’ diskrezzjoni” ( 39 ). |
70. |
Id-distinzjoni formali bejn, minn naħa, id-deċiżjonijiet dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni u, min-naħa l-oħra, dawk dwar in-natura u l-quantum tal-piena ma jidhirx li għandha rwol deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kontenzjuża kinitx “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Dak li kien importanti huwa li deċiżjoni jkollha l-għan jew l-effett li timmodifika l-piena imposta preċedentement. Kien importanti wkoll li l-modifika tal-piena ma tkunx awtomatika, iżda tiddependi mid-diskrezzjoni tal-awtorità responsabbli għad-deċiżjoni, fatt li ser nerġa’ nirreferi għalih fit-taqsima li ġejja. |
71. |
Kemm jekk wieħed jaqbel jew le mal-applikazzjoni ta’ din l-interpretazzjoni għas-sitwazzjoni f’Ardic, jidher li, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet influwenzata mill-fatt li S. Ardic telaq mill-Ġermanja, u b’hekk kiser b’mod ċar il-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tiegħu ( 40 ). Għaldaqstant, ma kinitx deċiżjoni ta’ qorti li skattat ir-revoka tas-sospensjoni tal-libertà provviżorja, iżda l-fatt li S. Ardic kien manifestament kiser it-termini tal-libertà provviżorja tiegħu. |
72. |
Din il-konstatazzjoni, fiċ-ċirkustanzi ta’ Ardic, ma tfissirx li l-proċeduri fil-kawżi ineżami, kemm f’dak li jirrigwarda r-Reati tal-Iskattar kif ukoll ir-revoka tas-sospensjoni tal-pieni ta’ priġunerija wara l-kundanni mogħtija għal dawn ir-reati, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
73. |
L-effett tal-proċessi tar-Reati tal-Iskattar kien li l-modifika tal-pieni imposti fl-ewwel proċessi saret inevitabbli jew, tal-inqas, possibbli. Għaldaqstant, dawn il-persuni kkonċernati kien imisshom ingħataw l-opportunità li jiddefendu ruħhom waqt il-proċess tar-Reati tal-Iskattar ( 41 ). Il-preżenza għal dawn il-proċessi kienet, ovvjament, importanti għad-drittijiet tad-difiża tagħhom fir-rigward tar-Reati tal-Iskattar innifishom; madankollu, dan ma huwiex importanti mill-perspettiva tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Dak li huwa importanti huwa li d-difiża tagħhom waqt il-proċessi tar-Reati tal-Iskattar setgħet influwenzat il-modifika tas-sentenzi relatati mal-Ewwel Reati(i), li għalihom inħareġ il-MAE ( 42 ). |
74. |
Fir-rigward tal-proċeduri relatati mar-revoka tas-sospensjoni, jekk dawn jeżistu indipendentement mill-proċess tar-Reati tal-Iskattar, l-għan innifsu tagħhom huwa l-possibbiltà ta’ modifika tad-deċiżjoni preċedenti dwar il-piena. Għaldaqstant, jekk l-awtorità responsabbli għad-deċiżjoni għandha xi diskrezzjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni li tneħħi s-sospensjoni, dawn il-proċeduri jaqgħu taħt id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Ardic, kif riprodotta fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
75. |
Bħala konklużjoni, il-ġurisprudenza preċedenti ma tipprekludix, iżda tikkorrobora wkoll, il-konklużjoni li “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” huwa kull proċedura li għandha influwenza deċiżiva (minħabba l-effett jew l-għan tagħha) fuq id-deċiżjoni finali li timponi l-piena ta’ priġunerija li għaliha jinħareġ MAE. |
76. |
L-argumenti tal-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza u tal-Irlanda li rreferew għal Ardic sabiex jikkonkludu li l-kawżi magħquda ineżami jippreżentaw metodu sempliċi ta’ eżekuzzjoni u għalhekk jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma jistgħux, għaldaqstant, jintlaqgħu. |
77. |
Il-fatt li LU u PH jiġu mċaħħda milli jsostnu d-difiża tagħhom waqt il-proċessi tar-Reati tal-Iskattar jista’, għalhekk, ikun ir-raġuni tar-rifjut li jiġi eżegwit il-MAE jekk ebda waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas fuq il-MAE ma tkun issodisfatta. |
4. Id‑diskrezzjoni tal‑awtorità li tiddeċiedi dwar il‑modifika tal‑piena
78. |
Permezz tad-domanda 1(b) fil-Kawża C‑514/21, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina r-rilevanza tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ diskrezzjoni għall-qorti fl-Istat emittenti sabiex tiddeċiedi dwar ir-revoka tas-sospensjoni. |
79. |
Kif ġie spjegat preċedentement, fir-rigward tal-implikazzjonijiet ta’ Ardic għall-kawżi ineżami, id-diskrezzjoni tal-korp deċiżjonali għandha piż fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ deċiżjoni bħala waħda li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Madankollu, id-diskrezzjoni tal-awtorità li tiddeċiedi dwar ir-revoka tas-sospensjoni, kif jidher li huwa l-każ fil-Kawża C‑514/21, ma teskludix il-proċess tar-Reati tal-Iskattar mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
80. |
Ser niċċara. |
81. |
Deċiżjonijiet li jneħħu s-sospensjoni, awtomatiċi (bħal fil-Kawża C‑515/21) jew suġġetti għad-diskrezzjoni tal-korp deċiżjonali (bħal fil-Kawża C‑514/21), ma setgħux jiġu adottati fl-assenza tal-konstatazzjoni tal-ħtija u l-impożizzjoni tal-pieni ta’ priġunerija għar-Reati tal-Iskattar. Kieku l-persuni li ntalbet il-konsenja tagħhom kienu dehru għall-proċessi tar-Reati tal-Iskattar, huma setgħu jipproduċu provi kontra l-ħtija tagħhom jew jinfluwenzaw il-piena. Dan peress li l-qorti li tiddeċiedi dwar ir-Reati tal-Iskattar kellha ċerta diskrezzjoni fir-rigward tan-natura u tal-livell tal-piena ( 43 ). |
82. |
Li kieku ma ġietx stabbilita l-ħtija minħabba r-Reati tal-Iskattar jew kieku l-piena baqgħet biss pekunjarja, il-proċeduri ta’ revoka tas-sospensjoni lanqas biss kienu jseħħu. Il-proċessi għar-Reati tal-Iskattar (għalhekk jisimhom hekk) kienu dawk li skattaw il-modifika tal-pieni għall-Ewwel Reati. |
83. |
Dan huwa ovvjament il-każ f’sitwazzjoni fejn ir-revoka tas-sospensjoni hija awtomatika. Madankollu, l-istess japplika f’sitwazzjoni fejn l-awtorità deċiżjonali jkollha diskrezzjoni fir-rigward tat-tneħħija tas-sospensjoni. Din l-aħħar diskrezzjoni ma kinitx toriġina li kieku ma kienx għall-piena għar-Reati tal-Iskattar. Huwa għalhekk li, sabiex jiġu żgurati b’mod xieraq id-drittijiet tad-difiża tagħhom, il-persuni kkonċernati kellhom ikunu jistgħu jkunu preżenti kemm waqt il-proċess tar-Reati tal-Iskattar kif ukoll matul il-proċeduri separati li jimmodifikaw l-ewwel piena ta’ priġunerija, jekk l-awtoritajiet kellhom diskrezzjoni f’dawn il-proċeduri tal-aħħar. |
84. |
Id-diskrezzjoni tal-korp li jiddeċiedi dwar ir-revoka tas-sospensjoni għalhekk ma tinfluwenzax il-konstatazzjoni li l-proċessi tar-Reati tal-Iskattar jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Madankollu, din hija importanti biex jiġi ddeterminat jekk tali proċeduri, kieku jseħħu separatament, kif jidher li huwa l-każ fil-Kawża C‑515/21, humiex koperti wkoll mill-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” ( 44 ). |
85. |
Il-persuna li l-libertà tagħha hija inkwistjoni għandha tkun tista’ tidher personalment f’dawn il-proċeduri jekk l-awtorità deċiżjonali jkollha diskrezzjoni li ma tirrevokax jew li tirrevoka biss parzjalment is-sospensjoni tal-piena ta’ priġunerija wara d-dikjarazzjoni ta’ ħtija għar-Reat tal-Iskattar. Għaldaqstant, tali proċeduri, huma wkoll “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, flimkien mal-proċessi tar-Reati tal-Iskattar, u l-persuna li għandha tiġi kkonsenjata għandha tingħata opportunità li tkun preżenti f’dawn iż-żewġ proċeduri. |
86. |
Għall-kuntrarju, jekk id-deċiżjoni ta’ revoka tas-sospensjoni ta’ piena ta’ priġunerija tkun biss ta’ natura dikjaratorja u tirriżulta awtomatikament mid-dikjarazzjoni ta’ ħtija u d-dikjarazzjoni tal-piena għar-Reati tal-Iskattar, huwa biss dan l-aħħar proċess (u mhux il-proċeduri ta’ revoka, jekk separati) li huwa l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Dan jidher li huwa l-każ fil-Kawża C‑515/21. |
5. Fuq l‑effettività tal‑mekkaniżmu MAE
87. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja wissiet f’Ardic, li estensjoni żejda tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” tista’ tikkomprometti l-effettività tal-mekkaniżmu MAE ( 45 ). |
88. |
Jiena naqbel li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’, peress li jikkostitwixxi l-eċċezzjoni għar-regola ġenerali li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tafda lill-awtorità emittenti u teżegwixxi l-MAE awtomatikament ( 46 ). Madankollu, l-għan tal-inklużjoni tal-Artikolu 4a f’din id-deċiżjoni qafas ma kienx biss sabiex jagħmel il-mekkaniżmu MAE iktar effikaċi, iżda wkoll sabiex itejjeb il-livell ta’ protezzjoni tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ( 47 ). |
89. |
Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li l-Artikolu 4a(1) ma kienx jinsab fil-verżjoni oriġinali tad-Deċiżjoni Qafas MAE iżda ġie miżjud bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 li emendatha. L-għan ta’ din l-emenda tal‑2009 kien sabiex “jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment” ( 48 ), li japplika fid-diversi leġiżlazzjonijiet tal-Unjoni relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ( 49 ). |
90. |
L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, li rriżulta mill-emendi msemmija iktar ’il fuq, jarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE, fi kwalunkwe Stat Membru, hija awtorizzata li ma tirrikonoxxix deċiżjoni ta’ qorti tal-Istat emittenti adottata fi proċess f’kontumaċja. L-emenda tieħu inkunsiderazzjoni li d-dritt li wieħed jidher waqt il-proċess jagħmel parti mill-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti EDB, iżda wkoll li dan id-dritt ma huwiex assolut ( 50 ). |
91. |
B’mod konkret, l-akkużat jista’ jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jkun preżenti waqt il-proċess volontarjament, espressament jew b’mod taċitu, iżda b’mod inekwivoku ( 51 ). |
92. |
Sabiex jiġi stabbilit li dan huwa l-każ, l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jipprevedi sitwazzjonijiet li fihom l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonkludi li l-persuna li l-konsenja tagħha hija mitluba minn MAE tkun irrinunzjat id-dritt tagħha li tidher personalment għall-proċess (jew għal proċess ġdid) tagħha fl-Istat emittenti (Artikolu 4a(1)(a) sa (ċ) tad-Deċiżjoni Qafas MAE). Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun preżenti, jew jekk teżisti possibbiltà ta’ proċess ġdid fl-Istat emittenti wara l-konsenja (l-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas MAE), l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkonsenja lill-persuna mfittxija minn MAE ( 52 ). Dan huwa l-każ għaliex, jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi ssodisfatta, il-persuna tkun ingħatat (jew tkun ser tingħata) opportunità li tkun preżenti waqt il-proċess u li tinfluwenza d-deċiżjoni finali. Għall-kuntrarju, jekk ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tiġi ssodisfatta, u biss f’dan il-każ, id-Deċiżjoni Qafas MAE tawtorizza lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrifjuta l-konsenja. |
93. |
L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE għalhekk iwitti t-triq għal konsenja armonizzata u faċli, filwaqt li josserva l-livell għoli ta’ protezzjoni mogħtija lill-persuni akkużati b’reati, li jingħataw il-possibbiltà li jiddefendu ruħhom fil-proċess tagħhom. |
94. |
Għaldaqstant, l-effettività tal-mekkaniżmu MAE ma tistax tinkiseb għad-detriment tad-drittijiet fundamentali li minnhom jibbenefikaw l-individwi skont l-ordinament kostituzzjonali tal-Unjoni. |
95. |
L-interpretazzjoni mill-Unjoni tal-limiti aċċettabbli għad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess hija ppreżentata b’mod ċar fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Dawn il-limiti huma stabbiliti f’livell ta’ protezzjoni ogħla minn dak previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB ( 53 ). Din l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni ġiet ikkonfermata bid-Direttiva 2016/343 ( 54 ). |
96. |
Persuna li tista’ tiġi mċaħħda mil-libertà għandha tingħata opportunità vera sabiex tinfluwenza tali deċiżjoni. Biex dan iseħħ, kif spjegajt, huwa neċessarju li din il-persuna jkollha l-possibbiltà li tkun preżenti fl-istanzi kollha ta’ proċeduri li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv id-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda tal-libertà. |
97. |
Għalhekk, anki jekk wieħed jista’ jsostni li s-sistema MAE tkun iktar effiċjenti kieku l-proċessi tar-Reati tal-Iskattar ma kinux jagħmlu parti mill-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, tali interpretazzjoni tmur kontra l-livell ta’ protezzjoni tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kif armonizzat fil-livell tal-Unjoni. |
98. |
Il-livell ta’ protezzjoni magħżul mil-leġiżlatur tal-Unjoni u effettiv fl-Istati Membri kollha ma jistax jitnaqqas minħabba tħassib marbut mal-funzjonament effettiv tal-mekkaniżmu MAE. |
99. |
Għaldaqstant, ma jistax jintlaqa’ l-argument li skontu l-interpretazzjoni li tittratta kull istanza ta’ proċeduri li jista’ jkollha influwenza fuq id-deċiżjoni li ċċaħħad lill-persuna mil-libertà bħala l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” tqiegħed f’perikolu l-mekkaniżmu MAE. |
6. Fuq ir‑riskju ta’ impunità
100. |
X’inhi l-impunità? Huwa possibbli li LU u PH jevitaw piena ta’ priġunerija li huma kellhom jiskontaw fl-Istati Membri emittenti rispettivi tagħhom kieku l-proċessi tar-Reat tal-Iskattar kellhom jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”? Fil-fehma tiegħi, le. |
101. |
Il-piena imposta fuqhom wara l-proċessi għall-Ewwel Reat(i) tagħhom ma rriżultatx fiċ-ċaħda tal-libertà. Jekk proċeduri sussegwenti ta’ attivazzjoni taċ-ċaħda tal-libertà jsofru minn difetti, din iċ-ċaħda tal-libertà tkun ukoll difettuża fiha nnifisha. F’dan is-sens, il-Kummissjoni ġustament tenfasizza li ma kienx ikun possibbli li jinħareġ MAE fiż-żewġ każijiet mingħajr l-eżistenza tal-proċessi tar-Reat tal-Iskattar. L-esklużjoni tal-proċessi sussegwenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE għalhekk possibbilment twassal għal ċaħda illegali tal-libertà. |
7. Konklużjoni provviżorja
102. |
Għalhekk nikkunsidra li l-frażi “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” għandha tiġi interpretata bħala livell ieħor tal-proċeduri li għandu influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta’ persuna. Dan għaliex il-persuna inkwistjoni għandha tingħata l-opportunità li tinfluwenza d-deċiżjoni finali li tirrigwarda l-libertà tagħha. |
103. |
Konsegwentement, nikkonstata li ż-żewġ proċessi (tal-Ewwel Reat(i) u tar-Reat tal-Iskattar) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. |
B. Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
104. |
Permezz tat-tieni u t-tielet domanda tagħha fiż-żewġ kawżi, li ser neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi s-segwenti: hija intitolata (jew saħansitra obbligata) tistaqsi jekk il-proċeduri tar-Reati tal-Iskattar u d-digrieti ta’ eżekuzzjoni konsegwenti fl-Istat emittenti kisrux id-dritt għal smigħ xieraq żgurat mill-Artikolu 6 tal-KEDB? Jekk jiġi kkonstatat ksur ta’ dak l-artikolu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni hija intitolata jew saħansitra obbligata li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE jew li tippreżenta l-konsenja b’kundizzjonijiet għall-Istat emittenti? Tali investigazzjoni teħtieġ li jiġi evalwat il-ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali żgurat mill-Artikolu 6 tal-KEDB u liema huwa l-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt f’sitwazzjoni fejn proċeduri jkunu saru f’kontumaċja? |
105. |
Dawn id-domandi jistħoqqilhom analiżi differenti skont ir-risposta għall-ewwel domanda. Fi kliem ieħor, ir-risposti jiddependu mill-kwistjoni dwar jekk il-proċessi għal Reati tal-Iskattar u d-digrieti eżekuttivi li jirriżultaw minnhom jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Sabiex inkun ta’ għajnuna sħiħa għall-Qorti tal-Ġustizzja, ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi għaż-żewġ deċiżjonijiet alternattivi li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ finalment tiddeċiedi li taqbad. |
106. |
Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li dawn id-domandi jirriżultaw mill-kunflitt bejn, minn naħa, l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jivverifikaw u li jiżguraw ir-rispett tal-Artikolu 6 tal-KEDB u, min-naħa l-oħra, l-idea ta’ fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat il-mekkaniżmu MAE, li fuq il-bażi tiegħu l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, bħala prinċipju, awtomatikament teżegwixxi MAE mingħajr ma tikkontesta l-proċeduri fl-Istat emittenti. |
1. Għażla 1: Il‑proċessi għar‑Reati tal‑Iskattar jaqgħu fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas MAE
107. |
Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata, kif issuġġerejt, li l-proċessi tar-Reati tal-Iskattar huma t-tnejn li huma l-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, dan ikun ifisser li japplika l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. F’każ bħal dan, obbligu ta’ konsenja jew ta’ għażla li ma ssirx il-konsenja, jiddependu kompletament mill-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. |
108. |
Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tikkonstata li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija ssodisfatta, pereżempju li teżisti possibbiltà ta’ proċess mill-ġdid fl-Istat emittenti wara konsenja, kif previst skont l-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha teżegwixxi l-MAE ( 55 ). Jekk waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas MAE tkun issodisfatta, ma jkunx hemm ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB. Konsegwentement, ebda investigazzjoni addizzjonali dwar il-possibbiltà ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni ma tkun neċessarja. |
109. |
Tali konklużjoni tirriżulta mill-għan tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Kif ġie spjegat fil-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex tarmonizza l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jiġi limitat id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Dawn il-kundizzjonijiet jissodisfaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB u l-interpretazzjoni tiegħu ( 56 ), jekk saħansitra ma jipprevedux livell ta’ protezzjoni ogħla ta’ dan id-dritt fundamentali meta mqabbel mal-KEDB ( 57 ). |
110. |
Għalhekk, fl-osservanza tal-obbligu ta’ konsenja skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni neċessarjament tissodisfa wkoll l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6 tal-KEDB. |
111. |
Għall-kuntrarju, jekk l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma tiġi ssodisfatta, ikun hemm possibbiltà għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li ma teżegwixxix MAE. Dan ifisser li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li teżegwixxi l-MAE jew le. |
112. |
Għaldaqstant, domanda addizzjonali tirrigwarda l-mod ta’ eżerċizzju ta’ tali diskrezzjoni mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Id-dritt tal-Unjoni, inkluża d-Deċiżjoni Qafas MAE nnifisha, jirregola l-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni? |
113. |
Fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-possibbiltà li ma ssirx il-konsenja, xejn iktar ma huwa neċessarju fid-dritt tal-Unjoni mill-konstatazzjoni li ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma hija ssodisfatta. |
114. |
Madankollu, il-livell ta’ protezzjoni offrut skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jista’, f’ċerti ċirkustanzi, ikun ogħla minn dak previst fl-Artikolu 6 tal-KEDB ( 58 ). Konsegwentement, teżisti possibbiltà li ma jkun seħħ ebda ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB, minkejja li jista’ jkun li d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kif interpretat fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ma kienx ġie rrispettat. L-awtorità ta’ eżekuzzjoni, f’każ bħal dan, għandha tkun issodisfatta li l-Artikolu 6 tal-KEDB ma nkisirx, qabel ma tiddeċiedi li tikkonsenja? Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda ma hijiex kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni. |
115. |
L-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ – iżda ma hijiex obbligata, anki wara li tikkonstata li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma kinux issodisfatti – tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jistgħu jiżgurawha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma tfissirx ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha skont l-Artikolu 6 tal-KEDB, u sussegwentement tikkonsenjaha ( 59 ). |
116. |
Mistoqsija iktar diffiċli hija: jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tistax tiddeċiedi li tikkonsenja persuna anki jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma jkunux issodisfatti u l-konsenja tista’, fl-istess ħin, twassal għall-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB? |
117. |
Fil-fehma tiegħi, f’tali każ, id-Deċiżjoni Qafas MAE xorta tagħti għażla lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni u ma tostakolax deċiżjoni ta’ konsenja. L-oġġezzjoni ovvja għal din il-konklużjoni hija li din tiftaħ il-possibbiltà ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-persuna inkwistjoni. Dan jista’ jiġi ammess skont il-Karta, jew saħansitra skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas MAE? Ovvjament li le. Madankollu, f’tali ipoteżi, ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tappartjeni lill-Istat emittenti (kif ser nispjega f’iktar dettall fl-analiżi tax-xenarju fejn l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE ma japplikax għall-kawżi ineżami). |
118. |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE huwa eżawrit sal-punt li joħloq l-għażla, għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni, li ma tikkonsenjax. |
119. |
Finalment, meta tagħżel li teżegwixxi MAE taħt id-diskrezzjoni mogħtija fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax, fil-fehma tiegħi, tqiegħed kundizzjonijiet fuq l-awtorità ġudizzjarja emittenti. Dan imur kontra l-funzjonament rapidu tas-sistema MAE, u saħansitra jqiegħed piż fuq il-fiduċja reċiproka bejn iż-żewġ awtoritajiet ġudizzjarji. L-għażla inkluża fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE hija għażla bejn eżekuzzjoni u nuqqas ta’ eżekuzzjoni, iżda ma tagħtix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni s-setgħa li toħloq distorsjoni bil-mod kif issir l-eżekuzzjoni ( 60 ). |
2. Konklużjoni provviżorja
120. |
Fejn sitwazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha bżonn teżamina biss jekk il-kundizzjonijiet stipulati f’dak l-artikolu humiex issodisfatti. Billi tagħmel hekk, hija bilfors qed tissodisfa l-obbligi tagħha li tosserva l-Artikolu 6 tal-KEDB. |
3. Għażla 2: Il‑proċessi tar‑Reati tal‑Iskattar jaqgħu barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 4a(1) tad‑Deċiżjoni Qafas MAE
121. |
It-tieni u t-tielet domanda fiż-żewġ kawżi jagħmlu iktar sens jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-proċessi tar-Reati tal-Iskattar (jew is-seduta ta’ eżekuzzjoni) ma jagħmlux parti mill-“proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”. F’dan ix-xenarju, ma tirriżulta ebda possibbiltà mid-Deċiżjoni Qafas MAE għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-MAE. |
122. |
Fid-dawl tal-interpretazzjoni attwali tad-Deċiżjoni Qafas MAE, ir-risposta dwar jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tistax tinvestiga l-possibbiltà ta’ ksur tal-Artikolu 6 tal-KEDB u, jekk hija tikkonstatah, jekk tistax tiddeċiedi li ma teżegwixxix il-MAE, tidher sempliċi: ma tistax. Id-Deċiżjoni Qafas MAE toffri lista eżawrjenti tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ MAE u l-Istati Membri ma jistgħux iżidu raġunijiet li ma humiex elenkati fiha ( 61 ). |
123. |
Madankollu, dan jidher li joħloq problema għal numru dejjem jikber ta’ qrati nazzjonali li jaffaċċjaw l-eżekuzzjoni ta’ MAE li, fl-istess ħin, isibu ruħhom fl-obbligu li josservaw l-Artikolu 6 tal-KEDB ( 62 ). Il-qorti tar-rinviju tidher li hija tal-fehma li l-konsenja fiż-żewġ kawżi inkwistjoni tkun tirriżulta f’“ċaħda flagranti tal-ġustizzja” ( 63 ) u b’hekk tqegħidha f’sitwazzjoni li tikser l-obbligi tagħha stess taħt il-KEDB. Dan it-tħassib tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ eżekuzzjoni ma għandux jiġi injorat. |
124. |
Għalhekk il-kwistjoni li dawn il-kawżi jqajmu impliċitament hija jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jippermettix li l-konsenja tiġi rrifjutata għal raġunijiet addizzjonali, speċjalment fil-każ fejn il-konsenja twassal għal “ċaħda flagranti tal-ġustizzja”, jew, kif ifformulat fid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għall-ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. |
125. |
L-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas MAE jiddikjara b’mod ċar li l-applikazzjoni ta’ dan l-att ma għandhiex twassal għal ksur tad-drittijiet u tal-prinċipji fundamentali rrikonoxxuti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, id-domanda tal-qorti tar-rinviju tista’ tinftiehem fis-sens li tistaqsi jekk hijiex intitolata, anki jekk ebda waħda mis-sitwazzjonijiet elenkati fid-Deċiżjoni Qafas MAE ma tapplika, li tirrifjuta l-konsenja jekk hija madankollu tkun ikkonstatat possibbiltà ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq wara l-konsenja fl-Istat emittenti. |
126. |
Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet tali possibbiltà fuq il-bażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas MAE f’żewġ sitwazzjonijiet. L-ewwel, f’Aranyosi u Căldăraru ( 64 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-riskju ta’ trattament inuman u degradanti, dritt fundamentali assolut ( 65 ), huwa raġuni għar-rifjut tal-konsenja. It-tieni, f’LM ( 66 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq jista’ wkoll jiġġustifika rifjut ta’ konsenja. ( 67 ) |
127. |
Madankollu, fiż-żewġ sitwazzjonijiet, id-dubju li dritt fundamentali tal-persuna li għandha tiġi kkonsenjata jista’ ma jiġix irrispettat ġie skattat mill-konstatazzjoni inizjali tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni li hemm problema ġeneralizzata jew sistemika bil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istat emittenti. F’Aranyosi u Căldăraru, il-possibbiltà ta’ awtorità ta’ eżekuzzjoni li tevalwa jekk il-persuna li l-konsenja tagħha tkun intalbet tkunx ser tiġi suġġetta għal trattament inuman jew degradanti kienet dipendenti fuq il-konstatazzjoni inizjali li jeżistu nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati li jaffettwaw ċerti gruppi ta’ persuni jew ċerti postijiet ta’ detenzjoni ( 68 ). F’LM ( 69 ) u kawżi sussegwenti ( 70 ), qabel ikkonkludiet li kien f’riskju d-dritt għal smigħ xieraq ta’ persuna li għandha tiġi kkonsenjata, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni kellha l-ewwel tivverifika li kien hemm nuqqas ta’ indipendenza sistemiku jew iġġeneralizzat tal-qrati tal-Istat Membru emittenti. |
128. |
Il-ġustifikazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sensiela deskritta ta’ kawżi hija li l-fiduċja reċiproka, li hija l-bażi tar-rikonoxximent reċiproku, hija assenti minħabba nuqqasijiet sistemiċi. L-għarfien ta’ dawn in-nuqqasijiet, għaldaqstant, jippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tqajjem dubji rigward il-proċeduri fl-Istat emittenti u li tivverifika jekk id-dritt ta’ persuna li għandha tiġi kkonsenjata huwiex f’riskju li jiġi miksur. |
129. |
Mingħajr tali nuqqasijiet sistemiċi jew iġġeneralizzati, madankollu, ma nara ebda raġuni għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tivverifika jekk id-dritt ta’ persuna li għandha tiġi kkonsenjata huwiex ser jiġi miksur mill-Istat emittenti barra mis-sitwazzjonijiet ikkontemplati fid-Deċiżjoni Qafas MAE. |
130. |
Għall-kuntrarju, l-awtorizzazzjoni ta’ tali verifiki tmur kontra l-idea ta’ fiduċja reċiproka li fuqha huwa bbażat il-mekkaniżmu tal-MAE. Dan il-mekkaniżmu huwa bbażat fuq l-idea li kull Stat Membru josserva valuri fundamentali komuni u jipprova jiżgura l-protezzjoni tagħhom ( 71 ). |
131. |
Il-mekkaniżmu tal-MAE ġie introdott sabiex il-konsenja tkun tista’ sseħħ malajr, fuq il-bażi tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet ta’ Stati oħra. Li wieħed jippermetti verifiki tal-osservazzjoni tad-drittijiet fundamentali f’kull każ individwali jfisser il-qlib tal-mekkaniżmu MAE għal xi ħaġa iktar simili għall-proċeduri ta’ estradizzjoni li kienu jeżistu qabel. |
132. |
Jekk dan ikun neċessarju, jiena tal-fehma li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħmel tali bidla fil-mekkaniżmu tal-MAE kif introdott permezz tad-Deċiżjoni Qafas MAE, iżda l-leġiżlatur tal-Unjoni. |
133. |
Ma nistax neskludi li jistgħu joriġinaw sitwazzjonijiet fejn il-fatt li wieħed jippermetti l-verifika tal-possibbiltà ta’ ksur individwali tad-drittijiet fundamentali tal-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha jirriżulta bħala neċessarju, indipendentement mill-assenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-Istat emittenti. Madankollu, f’qasam fejn l-armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni tkun seħħet, bħalma huwa l-każ ta’ limitazzjonijiet aċċettabbli tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess ( 72 ), ma nara ebda raġuni għalfejn għandhom jiżdiedu eċċezzjonijiet għas-sistema tal-MAE kif maħsuba fid-Deċiżjoni Qafas MAE. |
134. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat li l-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha ma tistax tinvoka, sabiex topponi l-konsenja mill-Istat ta’ eżekuzzjoni, l-assenza ta’ traspożizzjoni mill-Istat emittenti tad-Direttiva 2016/343 li tarmonizza, fost affarijiet oħra, ċerti aspetti tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fi proċeduri kriminali. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li l-obbligu għall-Istat Membru emittenti li josserva, fl-ordinament ġuridiku tiegħu, id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni, inkluża d-Direttiva 2016/343, jibqa’ intatt ( 73 ). Huwa l-Istat emittenti li għandu jipprevedi rimedju, disponibbli fil-qrati tiegħu sabiex l-osservazzjoni ta’ din id-direttiva tiġi eżegwita. |
135. |
Għalhekk, il-fatt li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tiġi obbligata tikkonsenja persuna barra mis-sitwazzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas MAE ma għandux l-effett li jbiddel l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif stabbiliti fl-Artikolu 6 TUE ( 74 ). Wara l-konsenja, kif tosserva l-Irlanda, ir-responsabbiltà li jiġu żgurati d-drittijiet fundamentali tkun għadha teżisti għall-Istat Membru emittenti ( 75 ). |
136. |
Għalhekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-proċessi tar-Reati tal-Iskattar ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, jiena tal-fehma li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha l-obbligu li teżegwixxi l-MAE. Fl-assenza ta’ kwalunkwe tħassib dwar in-nuqqasijiet sistemiċi tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma għandhiex tkun awtorizzata tivverifika l-osservanza tal-Artikolu 6 tal-KEDB f’dan l-ewwel Stat fir-rigward tal-persuna li tintalab il-konsenja tagħha, iżda tkun obbligata teżegwixxi l-MAE. |
137. |
Finalment, fil-kuntest tad-domanda 3(b) fiż-żewġ kawżi ineżami, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk l-evalwazzjoni tal-possibbiltà ta’ ksur, li jippermetti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta l-konsenja, għandhiex tkun limitata għal ksur tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq. |
138. |
Fil-fehma tiegħi, minbarra s-sitwazzjonijiet previsti mid-Deċiżjoni Qafas MAE u fl-assenza ta’ nuqqasijiet sistemiċi tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, il-mekkaniżmu tal-MAE ma joħloqx spazju għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tivverifika jekk il-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-persuni rikjesti huwiex miksur jew huwiex ser jiġi miksur. |
4. Konklużjoni provviżorja
139. |
Meta sitwazzjoni ma taqax taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE u huma assenti nuqqasijiet sistematiċi tas-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tivverifika jekk id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq tal-persuni rikjesti huwiex jew huwiex ser jiġi miksur, iżda għandha teżegwixxi l-MAE. |
140. |
Wara l-eżekuzzjoni tal-MAE, l-Istat emittenti jżomm ir-responsabbiltà li jiżgura d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonsenjata. |
VI. Konklużjoni
141. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża (ĠU 2009, L 81, p. 24, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas MAE”).
( 3 ) Dawn huma stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas MAE.
( 4 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).
( 5 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61).
( 6 ) Fil-kawżi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 4 u 5 iktar ’il fuq u s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 51 u 52); ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 50, 52, 67 u 68).
( 7 ) Kawża Puig Gordi et (C‑158/21); E. D. L. (Raġuni ta’ rifjut ibbażat fuq il-mard) (C‑699/21) u GN (C‑261/22).
( 8 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 37 u 63); Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014 (EU:C:2014:2454, punt 191).
( 9 ) F’dan ir-rigward, ara d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299. Ara wkoll id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1); u s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Melloni (C‑399/11, EU:C:2013:107, punti 62 u 63).
( 10 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2022:573, punt 60). Fil-mument tal-ħruġ ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kawża għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 11 ) Għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tiddeċiedi dwar l-appell mid-deċiżjoni tal-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li kienet il-qorti tal-ewwel istanza adita bil-MAE inkwistjoni u ddeċidiet li għandu jiġi eżegwit.
( 12 ) Peress li l-appellant fil-kawża prinċipali qatta’ xahar f’detenzjoni matul il-proċess tal-ewwel istanza, huwa fadallu jqatta’ massimu ta’ 11‑il xahar.
( 13 ) Skont l-informazzjoni disponibbli, ir-Reat tal-Iskattar twettaq fl‑2008, u għalhekk matul il-perijodu ta’ probation għall-Ewwel Reati.
( 14 ) Il-partijiet fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħux jikkonfermaw min kien ippreżenta dan l-appell.
( 15 ) Mill-proċess ma huwiex possibbli li jiġi dedott jekk kienx hemm xi diskrezzjoni sabiex tiġi rrevokata din il-probation. Għalhekk, f’din il-kawża, b’differenza mill-Kawża C‑515/21, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar ir-rilevanza tal-possibbiltà tal-eżistenza ta’ diskrezzjoni sabiex tiġi rrevokata l-probation għall-Ewwel Reati.
( 16 ) Il-qorti tar-rinviju indikat li, minħabba t-termini, il-piena għar-Reat tal-Iskattar issa skadiet, u dan ġie kkonfermat ukoll waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
( 17 ) Attakk ta’ denial of service huwa attakk ċibernetiku fejn l-awtur jipprova jġib magna jew riżorsa fin-network indisponibbli għall-utenti intiżi tagħha billi, temporanjament jew indefinittivament, iħarbat is-servizzi ta’ host konness ma’ network. Dan ġeneralment jitwettaq billi l-magna jew ir-riżorsa fil-mira tiġi bbumbardjata b’talbiet superfluwi f’attentat biex is-sistemi jitgħabbew iżżejjed u t-talbiet leġittimi kollha jew uħud minnhom ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfatti.
( 18 ) Skont l-informazzjoni disponibbli dwar dak l-eżitu, l-awtorità ġudizzjarja emittenti rreferiet għad-digriet ta’ eżekuzzjoni bħala “obbligatorju”.
( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628).
( 20 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629).
( 21 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026).
( 22 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628).
( 23 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629).
( 24 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026).
( 25 ) Mitsilegas, V., “Autonomous concepts, diversity management and mutual trust in Europe’s area of criminal justice”, Common Market Law Review, 2020, vol. 57(1), p. 45 sa 78, p. 62.
( 26 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 84); enfasi miżjuda.
( 27 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punti 87 u 91).
( 28 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punt 81).
( 29 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 93).
( 30 ) Mill-ġurisprudenza preċedenti jirriżulta wkoll b’mod ċar li “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE tista’ tikkonċerna jew id-determinazzjoni finali tal-ħtija jew l-impożizzjoni finali ta’ piena, jew it-tnejn. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas (C‑270/17 PPU, EU:C:2017:628, punti 78 u 83) u tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 94). Fil-kawżi ineżami, id-domandi preliminari jirrigwardaw deċiżjonijiet dwar pieni ta’ priġunerija għall-Ewwel Reat(i), u mhux id-deċiżjonijiet dwar il-ħtija għal dak jew dawk ir-reati.
( 31 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punti 85 u 87).
( 32 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-kawżi tal-Qorti EDB li ġejjin: Qorti EDB, 21 ta’ Settembru 1993, Kremzow vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, punt 67), dwar l-assenza ta’ preżenza fis-seduta tal-appell li kkonċernat il-modifika ta’ piena ta’ priġunerija fit-tul għal priġunerija għall-ħajja kif ukoll li ddeċidiet jekk din is-sentenza għandhiex titqatta’ f’ħabs normali jew fi sptar psikjatriku, li l-Qorti EDB iddeċidiet li dan kien ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB; Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Boulois vs Il‑Lussemburgu, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 87) dwar iċ-ċaħda ta’ talba għal leave mill-ħabs għal ġurnata, li nstabet li ma kinitx tifforma parti mill-kap kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB); u Qorti EDB, 28 ta’ Novembru 2013, Dementyev vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, punt 23), dwar l-assenza ta’ preżenza fis-seduta li ddeterminat piena kumulattiva, li nstabet li tifforma parti mill-kap kriminali tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.
( 33 ) Sentenza tal‑10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek (C‑271/17 PPU, EU:C:2017:629, punt 85).
( 34 ) Għall-preżentazzjoni tal-kuntest ġuridiku rilevanti fil-kawża ta’ S. Ardic, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punti 19 sa 30) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punti 29 sa 33).
( 35 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 75).
( 36 ) F’dan ir-rigward nirreferi lill-qarrej għall-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 46).
( 37 ) Qorti EDB, 3 ta’ April 2012, Bloulois vs Il‑Lussemburgu, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, punt 87). Tajjeb li jiġi nnotat li l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ma hijiex konklużiva fir-rigward tal-iffissar ta’ regola ċara dwar dak li tirrappreżenta deċiżjoni dwar in-natura jew il-quantum ta’ piena meta mqabbla ma’ waħda mill-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena.
( 38 ) Li bilkemm hija paragunabbli mas-sospensjoni tal-kumplament ta’ piena li ċċaħħad il-libertà, kif ġustament jenfasizza LU fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu.
( 39 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 77); enfasi miżjuda minni.
( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 80). Il-partijiet kollha waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qablu li l-fatti li taw lok għas-sentenza Ardic huma differenti miż-żewġ kawżi ineżami. Fil-fatt, ir-revoka tal-ħelsien provviżorju f’Ardic ma kinitx ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda pjuttost fuq il-konstatazzjoni li S. Ardic kien telaq mill-Ġermanja bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-libertà provviżorja tiegħu. Fiż-żewġ kawżi ineżami, ir-revoka hija l-konsegwenza ta’ proċedura kriminali li wasslet għal dikjarazzjoni ta’ ħtija, fejn iż-żewġ appellanti ma kinux preżenti għas-seduti.
( 41 ) Il-fatt li l-persuni li għandhom jiġu kkonsenjati kienu jafu li kundanna għal reat ġdid twassal jew tista’ twassal għar-revoka tas-sospensjoni tal-ewwel piena ta’ priġunerija ma jbiddilx din il-konklużjoni. Fil-punt 83 tas-sentenza Ardic, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, ikkunsidrat li l-għarfien ta’ S. Ardic tal-fatt li huwa ma setax jitlaq mill-pajjiż kien argument favur l-esklużjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka tad-deċiżjoni ta’ ħelsien mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Dan jista’ jiġi spjegat mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tali ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien wassal għar-revoka awtomatika tal-ħelsien kundizzjonali. Madankollu, fil-kawżi ineżami, ir-revoka tas-sospensjoni kienet tiddependi mill-konstatazzjoni, minn qorti, tal-ħtija għal reat li rriżulta f’piena ta’ priġunerija. Filwaqt li S. Ardic ma setax ibiddel il-fatt li huwa kien telaq mill-pajjiż, l-appellanti fil-kawżi ineżami setgħu jinfluwenzaw id-deċiżjoni ta’ ħtija u l-piena billi jkun preżenti għall-proċessi għar-Reati tal-Iskattar.
( 42 ) Iż-żewġ appellanti fil-kawża prinċipali sostnew li l-attivazzjoni tal-piena ta’ priġunerija għall-Ewwel Reat(i) tirriżulta direttament mit-tieni kundanna, u li t-tnejn huma għalhekk tant marbuta mill-qrib li t-tieni kundanna għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-MAE. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li teżisti rabta stretta bejn iż-żewġ proċessi li tista’ tiġġustifika li t-tieni wieħed jiġi kklassifikat bħala proċess li rriżulta fid-deċiżjoni. Jiena naqbel ma’ dawn l-argumenti.
( 43 ) Dan jidher b’mod ċar mis-sitwazzjoni fil-Kawża C‑514/21, li fiha l-qorti tal-ewwel istanza, wara li kkonstatat il-ħtija tar-Reati tal-Iskattar, imponiet biss multa bħala piena, filwaqt li l-qorti tal-appell bidlet din il-piena f’piena ta’ priġunerija.
( 44 ) Skont l-informazzjoni disponibbli, ir-revoka tal-proċeduri ta’ sospensjoni fil-Kawża C‑515/21 kienet separata, iżda ma ħalliet ebda diskrezzjoni lill-imħallef li jiddeċiedi.
( 45 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 87). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2022:573, punt 12).
( 46 ) Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas MAE.
( 47 ) Ara f’dan ir-rigward il-premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299, li tistabbilixxi, fost oħrajn li: “[d]in id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna.”
( 48 ) Premessa 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI.
( 49 ) Ara l-premessi 3 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI.
( 50 ) Ara l-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI.
( 51 ) Sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 42).
( 52 ) L-istess kundizzjonijiet jidhru li huma riprodotti fid-Direttiva 2016/343. Ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 8(2) u l-Artikolu 9 tagħha.
( 53 ) Pereżempju, fir-rigward tar-rekwiżit li l-persuna tkun attwalment irċeviet informazzjoni uffiċjali dwar il-proċess skedat skont l-Artikolu 4a(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas MAE (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 58 iktar ’il quddiem). Ara wkoll, Brodersen, K.,H., Glerum, V., u Klip, A., “The European arrest warrant and in absentia judgments: The cause of much trouble”, New Journal of European Criminal Law, Vol. 13(1), p. 7 sa 27, p. 12 u p. 21; Klip, A., Brodersen, K.,H. u Glerum, V., The European Arrest Warrant and In Absentia Judgments, Maastricht Law Series Nru 12, Eleven International Publishing, Den Haag, 2020, p. 110.
( 54 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punti 43 u 44); u tad‑19 ta’ Mejju 2022, Spetsializirana prokuratura (Proċess ta’ akkużat maħrub) (C‑569/20, EU:C:2022:401, punti 34, 35 u 37).
( 55 ) F’dan ir-rigward, il-kawżi ineżami, inċidentalment, iqajmu kwistjoni oħra: meta għandha l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tkun konvinta li waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas MAE hija ssodisfatta? Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet emittenti hija bbażata fuq il-formola annessa mad-Deċiżjoni Qafas MAE, li, peress li hija formola b’kaxxi maħsuba minn qabel sabiex jimtlew, ma tidhirx li hija għal kollox sodisfaċenti għal komunikazzjoni sinjifikattiva. Fil-kawżi ineżami, saru diversi skambji ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni u l-awtoritajiet emittenti fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas MAE. Madankollu, dan ma kienx jidher suffiċjenti, mill-perspettiva tal-qorti tar-rinviju, sabiex jiġi deċiż b’ċertezza jekk inkisirx id-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess. Pereżempju, fil-Kawża C‑515/21, l-awtorità emittenti spjegat li teżisti possibbiltà ta’ rimedju straordinarju sabiex jinfetħu mill-ġdid il-proċessi tar-Reat tal-Iskattar. Madankollu, ma jidhirx li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni kienet issodisfatta li r-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 4a(1)(d) tad-Deċiżjoni Qafas MAE kien ġie ssodisfatt.
( 56 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot f’Melloni (C‑399/11, EU:C:2012:600, punti 80 sa 82).
( 57 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 iktar ’il fuq.
( 58 ) Eżempju ta’ dan jinsab fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346). Il-Polonja ħarġet MAE għall-konsenja ta’ P. Dworzecki; minkejja li l-proċess inżamm f’kontumaċja, l-awtorità emittenti Pollakka ddikjarat li P. Dworzecki kien irċieva informazzjoni uffiċjali dwar il-proċess skedat, peress li din l-informazzjoni kienet ġiet ikkonsenjata lil persuna adulta residenti fid-dar tiegħu fl-indirizz li huwa kien ipprovda. Għalkemm in-notifika kienet meqjusa valida fid-dritt Pollakk, dan ma ssodisfax il-kundizzjoni skont l-Artikolu 4a(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas MAE, li teżiġi li t-taħrika tiġi rċevuta “personalment”. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni f’din il-kawża tista’ madankollu tipproċedi bil-konsenja billi tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jistgħu jikkonvinċu lil din l-awtorità ġudizzjarja dwar il-fatt li d-drittijiet tad-difiża ta’ P. Dworzecki ma kinux ser jiġu miksura. Ara l-punti 47 sa 52 ta’ din is-sentenza. L-intenzjoni li wieħed jaħrab minn proċess ġiet ikkonstatata mill-Qorti EDB bħala raġuni ġġustifikata sabiex ma jingħatax proċess mill-ġdid għal deċiżjoni mogħtija f’kontumaċja. Ara, pereżempju, Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2001, Medenica vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2001:0614JUD002049192, punti 55 u 56).
( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 50), u s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 51).
( 60 ) Ħlief fis-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas MAE, li l-ebda waħda minnhom ma tapplika għaż-żewġ kawżi ineżami (dawn ikunu, l-ewwel, is-sitwazzjoni ta’ reat punibbli b’piena ta’ priġunerija għall-għomor jew ordni ta’ detenzjoni għall-għomor, u t-tieni nett, meta l-MAE jinħareġ għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni).
( 61 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2017, Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 70).
( 62 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 iktar ’il fuq.
( 63 ) Din hija l-formulazzjoni tal-Qorti EDB. Ara pereżempju, il-Qorti EDB, 9 ta’ Lulju 2019, Kislov vs Ir‑Russja, (CE:ECHR:2019:0709JUD000359810, punti 107 u 115).
( 64 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 88).
( 65 ) Dan id-dritt huwa protett bħala assolut taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB u taħt l-Artikolu 4 tal-Karta.
( 66 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 61, 68, 76 u 78).
( 67 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punt 52) u s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 52).
( 68 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 89).
( 69 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 61 u 68).
( 70 ) Dan ġie kkonfermat ukoll fis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Openbaar Ministerie (Indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti) (C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU, EU:C:2020:1033, punti 54 u 66) u tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 50 u 52).
( 71 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar ’il fuq.
( 72 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u d-Direttiva 2016/343.
( 73 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Hamburg (C‑416/20 PPU, EU:C:2020:1042, punt 55). Għal fehma differenti ara Böse, M., “European Arrest Warrants and Minimum Standards for Trials in absentia – Blind Trust vs. Transnational Direct Effect?”, European Criminal Law Review, 2021, Vol. 11(3), p. 275 sa 287, p. 285 sa 286. Böse jissuġġerixxi li dan ir-rifjut huwa permess ukoll “f’każ ta’ assenza manifesta ta’ protezzjoni ġudizzjarja fl-Istat Membru emittenti li ċċaħħad lill-konvenut mid-dritt tiegħu għal rimedju ġudizzjarju effettiv” [traduzzjoni libera] u li l-persuna li hija s-suġġett tal-MAE għandha tkun tista’ tinvoka wkoll id-Direttiva 2016/343 waqt il-proċeduri tal-konsenja.
( 74 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’Ardic (C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1013, punt 78), li fihom spjega li d-Deċiżjoni Qafas MAE tirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-Istat Membru emittenti fir-rigward tas-salvagwardja tad-drittijiet tal-persuni akkużati.
( 75 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Richard de la Tour f’Puig Gordi et (C‑158/21, EU:C:2022:573, punti 85, 87 u 116).