EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0472

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2022.
Monz Handelsgesellschaft lnternational mbH & Co. KG vs Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesgerichtshof.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinn – Direttiva 98/71/KE – Artikolu 3(3) u (4) – Kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless – Kunċetti ta’ ‘viżibbiltà’ u ta’ ‘użu normali’ – Viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott mill-utent finali.
Kawża C-472/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:656

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑472/21

Monz Handelsgesellschaft International mbH & Co. KG

vs

Büchel GmbH & Co. Fahrzeugtechnik KG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Disinn irreġistrat – Direttiva 98/71/KE – Artikolu 3(3) u (4) – Kundizzjonijiet għall-protezzjoni ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless – Kunċetti ta’ ‘viżibilità’ u ta’ ‘użu normali’ – Novità u karattru individwali – Viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott”

Introduzzjoni

1.

Il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-protezzjoni ta’ disinn fid-dritt tal-Unjoni Ewropea huma n-novità u l-karattru individwali tad-disinn. Madankollu, is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha meta l-prodott li għalih jiġi applikat id-disinn inkwistjoni jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless. F’każ bħal dan, il-protezzjoni tingħata biss bil-kundizzjoni, minn naħa, li din il-parti komponenti, ladarba mwaħħla, tibqa’ viżibbli waqt l-użu tal-prodott kumpless li tifforma parti minnu u, min-naħa l-oħra, li l-partijiet viżibbli ta’ tali parti komponenti, jkollhom il-karatteristiċi meħtieġa ta’ novità u ta’ karattru individwali. Dawn il-kundizzjonijiet addizzjonali ġew stabbiliti sabiex jiġi evitat il-monopolju, permezz tad-dritt tad-disinni, tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-partijiet li jinqalgħu tal-prodotti kumplessi, b’mod partikolari fis-settur tal-vetturi bil-mutur ( 2 ).

2.

Xorta jibqa’ l-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tinkiseb il-protezzjoni tad-disinni applikati għal partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi jikkonċernaw is-setturi kollha, u fil-prattika, spiss jirriżulta diffiċli li jiġu interpretati korrettament il-kunċetti ta’ “viżibilità” u ta’ “użu normali” tal-prodott. Din l-interpretazzjoni tikkostitwixxi s-suġġett ta’ din il-kawża.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji ( 3 ):

“Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘disinn’ tfisser id-dehra tal-prodott kollu jew parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi, b’mod partikolari, ta’ linji, kontorni, kuluri, għamla, nisġa u/jew materjali tal-prodott innifsu u/jew it-tiżjin tiegħu;

(b)

‘prodott’ tfisser kull oġġett industrijali jew artiġjanat, magħduda, fost l-oħrajn, partijiet maħsuba biex jifformaw prodott kumpless, ippakkjar, preżentazzjoni, simboli grafiċi u karattri tipografiċi, iżda mhux magħduda programmi għal kompjuter;

ċ)

‘prodott kumpless’ tfisser prodott li jkun magħmul minn diversi komponenti li jkunu jistgħu jinbidlu jekk il-prodott ikun jista’ jiżżarma u jintrama mill-ġdid.”

4.

Skont l-Artikolu 3(3) u (4) ta’ din id-direttiva:

“3.   Disinn applikat lil jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jitqies biss li hu ġdid u li għandu karattru individwali:

(a)

jekk il-parti komponenti, ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u

(b)

sakemm dawk il-karatteristiċi li jkunu jidhru tal-parti komponenti jissodisfaw fihom infushom il-ħtiġijiet dwar novità u karattru individwali.

4.   ‘Użu normali’ skond it-tifsira tal-paragrafu (3)(a) tfisser użu min minn jagħmel użu finali, mhux magħdudin il-manutenzjoni, servis jew tiswija.”

Id‑dritt Ġermaniż

5.

Il-punt (4) tal-Artikolu 1, u l-Artikolu 4 tal-Gesetz über den rechtlichen Schutz von Design (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Disinni), tal‑24 ta’ Frar 2014 ( 4 ), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“DesignG”), essenzjalment jittrasponu letteralment l-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71. Madankollu, il-kliem “bestimmungsgemäße Verwendung”, użat sabiex jindika l-“użu normali”, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża ta’ din id-direttiva u, għalhekk, fid-DesignG, jidher li jwassal għal interpretazzjoni iktar restrittiva minn dik proposta minn verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva.

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

6.

Monz Handelsgesellschaft lnternational mbH Co. KG (iktar ’il quddiem “Mons”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż, hija l-proprjetarja tad-disinn Nru 40 2011 004 383–0001, irreġistrat mad-Deutsches Patent- und Markenamt (l-Uffiċċju Ġermaniż tal-Privattivi u tat-Trade marks, iktar ’il quddiem id-“DPMA”), mit‑3 ta’ Novembru 2011, għall-prodotti “sruġ ta’ roti jew ta’ muturi”. Id-disinn huwa rreġistrat b’rappreżentazzjoni unika, li turi n-naħa ta’ taħt ta’ sarġ kif ġej:

Image

7.

Büchel GmbH Co. Fahrzeugtechnik KG (iktar ’il quddiem “Büchel”), kumpannija rregolata mid-dritt Ġermaniż ukoll, talbet fis‑27 ta’ Lulju 2016, quddiem id-DPMA, l-invalidità tad-disinn ikkontestat billi sostniet li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-protezzjoni, jiġifieri n-novità u l-karattru individwali. Hija sostniet li dan id-disinn ma setax jibbenefika mill-protezzjoni skont l-Artikolu 4 tad-DesignG minħabba li, bħala parti komponenti ta’ prodott kumpless bħal “rota” jew “mutur”, dan id-disinn ma kienx viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott.

8.

Permezz ta’ deċiżjoni fl‑10 ta’ Awwissu 2018, id-DPMA ċaħad it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità billi kkunsidra li ma kien hemm ebda raġuni għalfejn id-disinn ikkontestat għandu jiġi eskluż mill-protezzjoni skont l-Artikolu 4 tad-DesignG. Fil-fehma tad-DPMA, għalkemm id-disinn mitlub għal “sruġ ta’ roti [jew] ta’ muturi” huwa ċertament “parti komponenti ta’ prodott kumpless”, din il-parti tibqa’ madankollu viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless. Id-DPMA qies li l-użu normali jkopri wkoll “iż-żarmar u l-installazzjoni mill-ġdid tas-sarġ għal raġunijiet minbarra l-manutenzjoni, is-servis jew it-tiswija”, speċjalment peress li l-punt (4) tal-Artikolu 1 tad-DesignG jinkludi “lista eżawrjenti ta’ użu mhux normali fis-sens tal-Artikolu 4 tad-DesignG, maħsuba bħala eċċezzjoni u għalhekk interpretata b’mod strett” ( 5 ). Id-DPMA kkunsidra li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li “kwalunkwe użu mill-utent finali ħlief dak ta’ manutenzjoni, ta’ servis jew ta’ tiswija […] jikkostitwixxi għalhekk użu normali.”

9.

Wara lment imressaq minn Büchel kontra din id-deċiżjoni, il-Bundespatentgericht (il-Qorti Federali tal-Privattivi, il-Ġermanja) iddikjarat, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2020, l-invalidità tad-disinn ikkontestat għar-raġuni li ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ novità u ta’ karattru individwali. Skont din il-qorti, abbażi tal-Artikolu 4 tad-DesignG, huma biss il-partijiet komponenti li jibqgħu “viżibbli, bħala komponenti tal-prodott kumpless, wara li jiġu installati/inkorporati fih”, li jistgħu immedjatament jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-disinni. Għall-kuntrarju, li parti tidher biss minħabba jew meta l-parti komponenti tiġi sseparata minn prodott kumpless ma tistax isservi bħala bażi għal viżibbiltà li tipprekludi l-esklużjoni mill-protezzjoni skont l-Artikolu 4 tal-DesignG. L-imsemmija qorti kkunsidrat biss bħala użu normali, fis-sens tal-punt (4) tal-Artikolu 1 tad-DesignG, is-sewqan ta’ rota kif ukoll li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq rota. Skont din il-qorti, fil-kuntest ta’ dan l-użu, in-naħa ta’ taħt tas-sarġ la huwa viżibbli għall-utent finali u lanqas għal terzi. Monz ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

10.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Komponent li jinkludi disinn huwa parti li ‘tidher’ fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva 98/71] jekk ikun oġġettivament possibbli li d-disinn jiġi rrikonoxxut meta l-komponent ikun installat jew il-viżibbiltà għandha tiġi evalwata taħt kundizzjonijiet partikolari ta’ użu jew minn perspettiva partikolari ta’ osservatur?

2)

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fis-sens li l-viżibbiltà taħt kundizzjonijiet partikolari ta’ użu jew minn perspettiva partikolari ta’ osservatur hija l-kriterju deċiżiv:

a)

fl-evalwazzjoni tal-‘użu normali’ ta’ prodott kumpless mill-utent finali fis-sens tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-[Direttiva 98/71], huwa rilevanti l-użu intenzjonat mill-manifattur tal-komponent jew tal-prodott kumpless, jew huwa rilevanti l-użu abitwali tal-prodott kumpless magħmul mill-utent finali?

b)

liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu ta’ prodott kumpless minn utent finali huwiex użu ‘normali’ fis-sens tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-[Direttiva 98/71]?”

11.

It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Awwissu 2021. Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma nżammitx seduta.

Analiżi

12.

Infakkar li l-qorti tal-ewwel istanza waqt il-proċedura fil-kawża prinċipali ddikjarat l-invalidità tad-disinn inkwistjoni, billi kkunsidrat li l-użu normali ta’ rota jikkonsisti fis-sewqan tagħha, kif ukoll, b’mod sekondarju, mill-fatt li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq ir-rota, sitwazzjonijiet li fihom in-naħa ta’ taħt tas-sarġ ma huwiex normalment viżibbli, kuntrarjament għar-rekwiżit stabbilit fid-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jittrasponu l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71.

13.

Huwa fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni li dawn id-domandi preliminari għandhom jinftiehmu. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika, l-ewwel, jekk huwiex b’mod korrett li l-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li kien hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless waqt l-użu ta’ tali prodott (l-ewwel domanda) u, it-tieni, li kien rilevanti biss l-użu ta’ dan il-prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu, jiġifieri, f’dan il-każ, li wieħed jivvjaġġa waqt li jkun bilqiegħda fuq rota (it-tieni domanda).

Fuq l‑ewwel domanda preliminari

14.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni, huwa biżżejjed li dan il-komponent ikun viżibbli in abstracto, jew jekk l-imsemmija parti komponenti għandhiex tkun viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

15.

L-Artikolu 3(3)(b) tad-Direttiva 98/71 jeħtieġ ukoll li l-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jissodisfaw fihom infushom il-kundizzjonijiet ta’ novità u ta’ karattru individwali. Dan l-aspett, għalkemm ma huwiex imqajjem espressament mid-domandi preliminari, huwa madankollu mifhum. Fil-fatt huwa ċar, fil-kawża prinċipali, li l-kwistjoni hija dwar il-viżibbiltà tan-naħa ta’ taħt tas-sarġ, jiġifieri l-post fejn huwa applikat id-disinn inkwistjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, ma hemmx drittijiet għal disinni li d-dehra tagħhom hija meħtieġa biss minħabba l-funzjoni teknika. Madankollu, dan ma jidhirx li huwa l-każ hawnhekk. Fi kwalunkwe każ, tali oġġezzjoni ma tidhirx li tqajmet fir-rigward tad-disinn inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-qorti tar-rinviju, li l-qorti tal-ewwel istanza kklassifikat b’mod korrett is-sruġ ta’ roti u ta’ muturi bħala “partijiet komponenti ta’ prodott kumpless”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71.

17.

Barra minn hekk, din il-qorti, ġustament, ikkritikat id-deċiżjoni tad-DPMA, sa fejn dan tal-aħħar qies li kien suffiċjenti li n-naħa ta’ taħt ta’ sarġ tkun viżibbli waqt li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq rota. Fil-fatt, l-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 98/71 jindika b’mod ċar li l-parti komponenti għandha tibqa’ viżibbli “ladarba tkun ġiet inkorporata fil-prodott kumpless”. Dan jeskludi li tittieħed inkunsiderazzjoni l-viżibbiltà tal-parti komponenti waqt l-installazzjoni jew iż-żarmar ta’ tali parti, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-atti humiex normali fil-kuntest tal-użu ta’ prodott.

18.

F’dak li jirrigwarda issa d-domanda preliminari, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 98/71 ma hijiex daqshekk ċara daqs kemm tista’ tidher prima facie. Fil-fatt, kif tenfasizza Monz fl-osservazzjonijiet tagħha, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-parti komponenti, ladarba inkorporata fil-prodott kumpless, “tibqa’” ( 6 ) viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott. Din il-formulazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li huwa suffiċjenti li, wara l-installazzjoni tal-parti komponenti inkwistjoni fil-prodott kumpless, din il-parti komponenti ma tiġix kompletament mgħottija, b’tali mod li jkun possibbli li wieħed jaraha, anki jekk biss teoretikament u indipendentement mill-perspettiva, possibbilment mhux tas-soltu, li wieħed irid jaddotta għal dan il-għan. Għalhekk, huma esklużi biss mill-protezzjoni skont din id-direttiva, dawk id-disinni applikati lill-partijiet komponenti li, sabiex ikunu viżibbli, jeħtieġ li jittieħdu miżuri li ma jaqgħux taħt l-użu normali ta’ prodott, b’mod partikolari ż-żarmar tagħhom.

19.

Madankollu, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni tat-tieni parti tal-Artikolu 3(3)(a) tad-Direttiva 98/71, li tipprovdi li l-parti kkonċernata għandha tkun viżibbli “matul” ( 7 ) l-użu normali tal-prodott kumpless. Kif josservaw, fil-fehma tiegħi ġustament, kemm il-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Kummissjoni, din l-espressjoni teskludi l-każijiet li fihom il-parti komponenti tkun viżibbli biss f’sitwazzjonijiet li ma jifformawx parti mill-użu normali tal-prodott inkwistjoni.

20.

Barra minn hekk, kif tosserva, essenzjalment, il-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71, id-dehra ta’ prodott jew ta’ parti minn prodott hija s-suġġett tal-protezzjoni tad-disinni skont din id-direttiva. Jekk il-partijiet komponenti maħsuba sabiex jiġu inkorporati fi prodott kumpless jikkostitwixxu huma stess prodotti, skont l-Artikolu 1(b) ta’ din id-direttiva, huma jibbenefikaw mill-protezzjoni biss jekk ikunu viżibbli wara din l-inkorporazzjoni. Għaldaqstant, hija l-viżibbiltà tal-parti komponenti fil-prodott kumpless li hija s-suġġett tal-protezzjoni. Issa, fil-fehma tiegħi huwa diffiċli li wieħed jitkellem fuq il-viżibbiltà ta’ prodott jekk, ladarba inkorporat fi prodott kumpless, dan il-prodott, anki jekk ma jkunx kompletament mgħotti u moħbi, ikun jidher biss f’sitwazzjonijiet rari u mhux tas-soltu fid-dawl tal-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

21.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless ikun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni skont din id-direttiva, il-parti komponenti inkwistjoni għandha tkun viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

22.

Konsegwentement, l-element kruċjali f’din il-kawża jinsab fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, li hija s-suġġett tat-tieni domanda preliminari.

Fuq it‑tieni domanda preliminari

23.

Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “użu normali” jirreferi biss għall-użu tal-prodott kumpless fil-funzjoni prinċipali tiegħu ( 8 ), jew jekk ikoprix is-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu raġonevolment jirriżultaw waqt l-użu ta’ tali prodott mill-utent finali ( 9 ).

24.

Din il-mistoqsija tirrifletti l-konklużjonijiet tal-qorti tal-ewwel istanza, li kklassifikat bħala “użu normali” il-fatt li wieħed isuq rota, kif ukoll, b’mod sekondarju, li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq din ir-rota. Issa, skont din il-qorti, in-naħa ta’ taħt tas-sarġ tar-rota ma tidhirx f’dawn is-sitwazzjonijiet, b’tali mod li disinn applikat f’dan il-post ma huwiex viżibbli waqt l-użu normali fis-sens tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71.

25.

Huwa minnu li tali approċċ, u saħansitra approċċ iktar restrittiv, ġie adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha, għalkemm rari ħafna, dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 ( 10 ), li huwa ekwivalenti, fis-sistema tal-Unjoni tal-protezzjoni tad-disinni, għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless, huwa meħtieġ li tiġi adottata biss il-perspettiva tal-utent finali ta’ dan il-prodott kumpless waqt l-użu fil-funzjoni prinċipali tiegħu ( 11 ).

26.

Jekk wieħed japplika dan l-approċċ għas-sruġ ta’ roti, dan iwassal għar-riżultat mhux mixtieq li l-ebda disinn applikat għal sarġ ma jkun jista’ jibbenefika mill-protezzjoni, minħabba l-fatt li waqt l-użu prinċipali ta’ rota, jiġifieri waqt li wieħed isuq rota, is-sarġ huwa kompletament mgħotti bil-parti tal-ġisem tal-utent li sservi sabiex wieħed ipoġġi, bl-eċċezzjoni tan-naħa ta’ taħt ta’ dan is-sarġ li, madanakollu, xorta ma tkunx viżibbli.

27.

Konxja minn dan ir-riżultat, il-qorti tal-ewwel istanza fil-kawża prinċipali inkludiet fil-kunċett ta’ “użu normali” il-fatt li wieħed jirkeb u jinżel minn fuq ir-rota. Madankollu hija eskludiet minn dan il-kunċett, b’mod partikolari, il-ħażna u t-trasport tar-rota, bħala atti ta’ użu preliminari jew sussegwenti tagħha. Dan ir-raġunament ma huwiex konvinċenti, għaliex jekk wieħed jikkunsidra bħala “użu normali” ta’ rota biss il-fatt li wieħed isuq din ir-rota, allura l-irkib u l-inżul minn fuq ir-rota huma wkoll atti preliminari jew sussegwenti, l-istess bħall-ħażna u t-trasport. Jidhirli li d-distinzjoni bejn dawn l-azzjonijiet hija għalhekk arbitrarja.

28.

Madankollu jidhirli li dan l-approċċ iwassal għal definizzjoni wisq restrittiva ta’ “użu normali”, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, billi jillimita b’mod mhux ġustifikat il-protezzjoni tad-disinni applikati għall-partijiet komponenti tal-prodotti kumplessi.

29.

Huwa fatt magħruf li r-raġuni għal-leġiżlazzjoni speċifika fid-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-disinni applikati għal partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi tinsab fil-għan li jiġi evitat il-monopolju, permezz tad-dritt tad-disinni, tas-suq għal partijiet li jinqalgħu. Madankollu, tali leġiżlazzjoni ġiet ikkritikata b’mod qawwi minn kittieba akkademiċi ( 12 ), sa fejn din tikkostitwixxi limitazzjoni mhux ġustifikata tal-protezzjoni mogħtija lid-disinni applikati għal partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi meta mqabbla ma’ dik mogħtija lid-disinni applikati lil prodotti oħra.

30.

Din il-kritika ma hijiex infondata. Id-disinni applikati għall-prodotti li ma humiex maħsuba sabiex jiġu inkorporati fi prodotti kumplessi huma protetti irrispettivament minn jekk humiex viżibbli jew le “matul l-użu normali”. Issa, id-disinn, definit bħala d-dehra ta’ prodott kollu “jew parti minnu” ( 13 ), jista’ jibbenefika mill-protezzjoni tad-disinni applikati għal partijiet tal-prodotti li ma humiex viżibbli waqt l-użu tal-prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu, bħall-pettijiet ta’ żraben, jew l-inforra ta’ ġakketta ( 14 ).

31.

Ċertament, il-monopolju tas-suq ta’ prodott permezz tad-drittijiet mogħtija lid-disinni jikkostitwixxi abbuż li għandu jiġi evitat sa fejn ikun possibbli. Dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq b’mod partikolari permezz tar-rekwiżiti ta’ novità u ta’ karattru individwali li disinn għandu jissodisfa, kif previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/71. Għall-kuntrarju, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat b’mod li ma jillimitax bla bżonn il-protezzjoni tad-disinni applikati għall-partijiet li jinqalgħu. Issa, il-portata ta’ tali limitazzjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni tiddependi fil-parti l-kbira mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “użu normali”.

32.

Skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, l-“użu normali” ifisser l-użu mill-utent finali, bl-eċċezzjoni tal-manutenzjoni, tas-servis u tat-tiswija. Dan jimplika b’mod ċar, qabelxejn, użu. Iż-żarmar jew id-distruzzjoni ta’ prodott ma jikkostitwixxux l-użu tiegħu. Huwa fid-dawl ta’ din ir-riżerva li għandhom jinqraw l-argumenti li ġejjin.

33.

L-ewwel, għalkemm din id-definizzjoni konċiża tirreferi għall-utent finali, fil-fehma tiegħi huwa żbaljat li jiġi konkluż, kif tagħmel il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi ċċitati fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless għandha tiġi evalwata biss mill-perspettiva tal-utent finali ta’ dan il-prodott. L-użu “mill-utent finali” jiddeskrivi biss is-sitwazzjonijiet li fihom din il-viżibbiltà għandha tiġi evalwata, billi jiġu esklużi dawk is-sitwazzjonijiet li ma għandhomx rabta mal-utent finali, bħall-fabbrikazzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u, eventwalment, id-distruzzjoni jew ir-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja tal-prodott. Huwa wkoll taħt l-istess raġunament li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71 jeskludi espressament mill-kunċett ta’ “użu normali” il-manutenzjoni, is-servis u t-tiswija, atti li jseħħu waqt l-użu ta’ prodott mill-utent finali tiegħu, iżda li spiss jitwettqu minn terzi.

34.

Konsegwentement, għalkemm l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71, moqri flimkien mal-Artikolu 3(4) tal-istess direttiva, jeżiġi li l-parti komponenti ta’ prodott kumpless tkun viżibbli waqt l-użu ta’ tali prodott mill-utent finali tiegħu, din id-dispożizzjoni ma tistax għall-kuntrarju tinftiehem li teżiġi li din il-parti komponenti tkun viżibbli għall-imsemmi utent finali. Il-viżibbiltà tal-parti komponenti għal terzi hija wkoll importanti. Barra minn hekk, jekk l-iskop tad-disinn huwa li jattira lix-xerrejja għal prodotti, dan huwa wkoll permezz tal-kapaċità tiegħu li jippermetti lil dawn ix-xerrejja jimpressjonaw lil oħrajn ( 15 ).

35.

Barra minn hekk, li kieku l-perspettiva tal-utent finali kellha tkun determinati, huwa neċessarju li jiġi identifikat preċiżament min huwa dan l-utent finali. Għalkemm tali identifikazzjoni tista’ tkun relattivament faċli fil-każ ta’ prodott bħal rota, hija tista’ tkun ħafna iktar diffiċli f’sitwazzjonijiet oħra. Biex nieħdu eżempju, min huwa l-utent finali ta’ xarabank: ix-xufier, il-passiġġieri, il-persunal tal-impriża tat-trasport li topera x-xarabank? Dawn il-persuni kollha għandhom perspettiva differenti u diversi partijiet tax-xarabank jistgħu jkunu viżibbli għalihom, b’mod partikolari waqt l-użu ta’ dan ix-xarabank fil-funzjoni prinċipali tiegħu, jiġifieri matul il-vjaġġ.

36.

Bl-istess mod, wieħed ma għandux ifixkel il-kunċett ta’ “utent finali” ta’ prodott kumpless, imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71, u dak ta’ “utent informat”, imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva ( 16 ). Dan it-tieni kunċett jirrigwarda l-persuna fittizja li sservi bħala punt ta’ referenza waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, filwaqt li l-“utent finali” huwa biss il-figura ipotetika li għaliha huwa intiż il-prodott kumpless li jinkludi parti komponenti li għal din tal-aħħar ġie applikat disinn. Il-kapaċità ta’ dan l-utent finali li jiddistingwi l-karattru individwali tad-disinn u, għalhekk, il-kwalità tiegħu ta’ utent informat hawnhekk ma hija ta’ ebda importanza.

37.

Fl-aħħar nett, li tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-perspettiva tal-utent finali, timplika loġikament li l-kunċett ta’ “użu normali” għandu jkopri biss l-użu ta’ prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu. Fil-fatt, f’sitwazzjonijiet oħra ta’ użu ta’ prodott, l-utent ma jadottax perspettiva differenti minn dik ta’ terzi. Issa, kif ser nargumenta fil-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, tali interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “użu normali” hija daqstant inġustifikata daqs l-adozzjoni tal-perspettiva tal-utent finali biss.

38.

Fil-fatt, it-tieni, fil-fehma tiegħi huwa żbaljat, kif tosserva wkoll il-Kummissjoni, li l-użu normali ta’ prodott jiġi assimilat mal-funzjoni prinċipali li għaliha huwa intiż dan il-prodott. Fil-prattika, l-użu ta’ prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu spiss jeħtieġ atti differenti li jistgħu jseħħu qabel jew wara li l-prodott ikun wettaq il-funzjoni prinċipali tiegħu, bħall-ħażna u t-trasport tal-prodott. Meta l-prodott jikkostitwixxi mezz ta’ trasport, jiżdiedu l-atti ta’ rkib u nżul, iżda wkoll ta’ tagħbija u ħatt ta’ bagalji jew merkanzija.

39.

L-ebda element mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71 ma jimponi l-esklużjoni ta’ tali atti mill-kunċett ta’ “użu normali”. Għall-kuntrarju, id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab f’din id-dispożizzjoni sempliċement issemmi l-“użu min minn jagħmel użu finali”. Ma hemmx għalfejn li wieħed ifittex karatteristika addizzjonali ta’ użu sabiex jiġi kkwalifikat bħala “normali”. Konsegwentement, l-atti kollha li jistgħu jitwettqu mill-utent finali ta’ prodott fil-kuntest tal-użu tal-prodott għandhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu normali”, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li huma espressament esklużi ( 17 ).

40.

L-għan tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71 lanqas ma jimmilita favur l-esklużjoni mill-kunċett ta’ “użu normali” ta’ atti oħra għajr dawk relatati mal-funzjoni prinċipali tal-prodott. Dan sabiex jiġi evitat il-monopolju, permezz tal-protezzjoni tad-disinni, tas-suq tal-partijiet li jinqalgħu li huma inviżibbli ladarba inkorporati fil-prodott kumpless, sakemm disinn possibbilment applikat għal tali parti ma jikkontribwixxix, jew jikkontribwixxi biss ftit, għad-dehra ta’ dan il-prodott kumpless. Issa, id-dehra ta’ prodott ma tirriżultax biss waqt l-użu tal-prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu, iżda wkoll meta jitwettqu atti preċedenti u sussegwenti għal dan l-użu u huma marbutin miegħu. L-inklużjoni ta’ dawn l-atti fil-kunċett ta’ “użu normali” ma tmurx kontra l-għan li jiġi evitat il-monopolju tas-suq.

41.

Fl-aħħar, it-tielet, għalkemm l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71 jeskludi espressament il-manutenzjoni, is-servis u t-tiswija mill-kunċett ta’ “użu normali”, din l-esklużjoni ma għandhiex madankollu, fl-opinjoni tiegħi, tiġi interpretata b’mod wiesa’ żżejjed. Ċertu atti li għandhom x’jaqsmu, b’mod partikolari, mal-manutenzjoni, jagħmlu parti intrinsika mill-użu ta’ ċertu prodotti. Qiegħed naħseb hawn, fl-ewwel lok, għall-ħasil u t-tindif. Fil-fehma tiegħi, l-esklużjoni tal-ħasil u tat-tindif mill-kunċett ta’ “użu normali” tmur kontra kull loġika, b’mod partikolari għaliex fil-każ ta’ ċertu prodotti, it-tindif regolari huwa kundizzjoni għall-użu tagħhom ( 18 ). Fit-tieni lok, hemm atti ta’ manutenzjoni li jseħħu b’mod rikorrenti li normalment jitwettqu mill-utent finali ta’ prodott u li ta’ spiss jikkundizzjonaw ukoll l-użu tiegħu, bħas-sostituzzjoni ta’ konsumabbli u ta’ likwidi operattivi, l-ippumpjar tat-tajers tal-vetturi jew ukoll il-mili tar-riżerva tal-karburant f’prodotti mgħammra b’magna tal-kombustjoni. Fl-aħħar u fit-tielet lok, hemm it-tneħħija ta’ ħsarat żgħar, bħall-imblukkar tal-karta f’printer. Dawn l-atti kollha huma indispensabbli fil-kuntest tal-użu ta’ prodott mill-utent finali u għalhekk għandhom jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “użu normali”.

42.

Għall-kuntrarju, l-atti esklużi minn dan il-kunċett huma atti mwettqa b’mod addizzjonali għall-użu tal-prodott, bħal spezzjonijiet tekniċi, manutenzjoni perjodika jew ukoll tiswijiet ( 19 ). Dawn l-atti, minn naħa, normalment ma jitwettqux mill-utent finali tal-prodott, iżda minn persuni speċjalizzati u, min-naħa l-oħra, jistgħu jimplikaw iż-żarmar parzjali ta’ prodott kumpless jew l-osservazzjoni tiegħu minn angolu mhux tas-soltu, fejn jistgħu jidhru partijiet komponenti li normalment jibqgħu inviżibbli waqt l-użu tal-prodott. Dawn iż-żewġ partikolaritajiet jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ dawn l-atti mill-kunċett ta’ “użu normali”.

43.

Waqt l-evalwazzjoni tal-viżibbiltà ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless, il-fatt li tiġi ammessa l-perspettiva ta’ persuni oħra barra dik unika tal-utent finali ta’ dan il-prodott kumpless, kif ukoll li jiġu inklużi fil-kunċett ta’ “użu normali” atti oħra barra s-sempliċi użu ta’ prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu, jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni perspettivi rilevanti wkoll sabiex tiġi żvelata d-dehra ta’ prodott bħal dik adottata mill-utent waqt l-użu tal-prodott fil-funzjoni prinċipali tiegħu. Mhux biss, fil-fehma tiegħi, dan ir-riżultat ma huwiex kuntrarju għall-kliem u għall-għan tal-Artikolu 3(3) u (4) tad-Direttiva 98/71, iżda, fil-fehma tiegħi, huwa kompletament iġġustifikat. Jekk disinn applikat taħt il-pett ta’ żarbun jista’ jibbenefika minn protezzjoni taħt din id-direttiva ( 20 ), ma narax għalfejn disinn applikat taħt sarġ ta’ rota, bħal f’dan il-każ, ma jistax. L-unika raġuni li tista’ tiġġustifika din id-differenza hija li s-sarġ jista’ jinqala’ minn mar-rota ( 21 ), filwaqt li l-pett ma jistax ikun (daqshekk faċilment) maqlugħ miż-żarbuna.

44.

Huwa minnu li tali interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “użu normali” tinkludi kważi s-sitwazzjonijiet kollha ta’ użu ta’ prodott, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jimplikaw iż-żarmar tal-prodott sakemm dan l-att ma jagħmilx parti mill-użu normali. Għalhekk wieħed jista’ jistaqsi jekk ma jkunx iktar sempliċi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari fis-sens ta’ evalwazzjoni in abstracto tal-viżibbiltà tal-parti komponenti li għaliha jiġi applikat disinn, mingħajr rabta ma’ xi sitwazzjoni konkreta ta’ użu tal-prodott kumpless inkwistjoni.

45.

Nammetti li d-differenza hija prinċipalment kunċettwali. Hija xorta waħda għandha konsegwenzi prattiċi, sa fejn interpretazzjoni waħda jew l-oħra tibdel l-oneru tal-prova fuq il-persuna li tixtieq tibbenefika mill-protezzjoni ta’ disinn applikat għal parti komponenti ta’ prodott kumpless. Barra minn hekk, parti komponenti ta’ prodott kumpless, għalkemm viżibbli f’termini assoluti minħabba li ma tkunx mgħottija, tista’ ma tidhirx fl-ebda sitwazzjoni ta’ użu normali ta’ dan il-prodott ( 22 ). Barra minn hekk, kif osservajt fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda preliminari, l-interpretazzjoni msemmija fil-punt preċedenti tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71.

46.

Għalhekk nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “użu normali” jirreferi għas-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu raġonevolment iseħħu waqt l-użu ta’ prodott kumpless mill-utent finali.

Konklużjoni

47.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disniji

għandu jiġi interpretat fis-sens li,

sabiex disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless (ikun jista’) jibbenefika mill-protezzjoni skont din id-direttiva, il-parti komponenti inkwistjoni għandha tkun viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

2)

L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71

għandu jiġi interpretat fis-sens li

il-kliem “użu normali” jirreferi għas-sitwazzjonijiet kollha li jistgħu raġonevolment iseħħu waqt l-użu ta’ prodott kumpless mill-utent finali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Is-settur tal-vetturi bil-mutur huwa distint, minn naħa, minħabba l-prezzijiet għoljin tal-partijiet li jinqalgħu u, min-naħa l-oħra, minħabba r-rata relattivament għolja ta’ danni kkawżati minn inċidenti tat-traffiku. Is-suq tal-partijiet li jinqalgħu f’dan is-settur jinvolvi partikolarment għalhekk qligħ kbir.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120.

( 4 ) BGBl. I, p. 122.

( 5 ) Dawn huma atti ta’ manutenzjoni, ta’ servis u ta’ tiswija, esklużi mill-kunċett ta’ “użu normali” skont l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/71.

( 6 ) L-istess japplika, b’mod partikolari, għall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“sigue siendo”), Ġermaniża (“bleibt”), Ingliża (“remains”), Taljana (“rimane”) u Pollakka (“pozostaje”).

( 7 ) Kif ukoll, b’mod partikolari, fil-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola (“durante”), Ġermaniża (“bei”), Ingliża (“during”), Taljana (“durante”), kif ukoll Pollakka (“podczas”).

( 8 ) Huwa fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari, li nifhem il-kliem “użu intenzjonat mill-manifattur tal-komponent jew tal-prodott kumpless”, kif użati mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda preliminari.

( 9 ) “Użu abitwali” skont il-kliem użat tat-tieni domanda preliminari.

( 10 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142).

( 11 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Kwang Yang Motor vs UASI– Honda Giken Kogyo (Magna ta’ kombustjoni interna) (T‑10/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:446, punti 2122); Kwang Yang Motor vs UASI – Honda Giken Kogyo (Magna ta’ kombustjoni interna) (T‑11/08, mhux ippubblikata, EU:T:2011:447, punti 2122), kif ukoll tal‑14 ta’ Marzu 2017, Wessel-Werk vs EUIPO – Wolf PVG (Aċċessorji tat-tindif ta’ magna li tiġbed it-trab) (T‑174/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:161, punt 30) u Wessel-Werk/EUIPO – Wolf PVG (Aċċessorji tat-tindif ta’ magna li tiġbed it-trab) (T‑175/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:160, punt 30).

( 12 ) Ara Hasselblatt, G.N., f’Hasselblatt, G.N. (editur), Community Design Regulation (EC) No 6/2002. A Commentary, C.H. Beck, Munich, 2015, p. 62 u l-letteratura ċċitata.

( 13 ) Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/71.

( 14 ) Peress li dawn il-partijiet ma jinqalgħux, huma ma humiex ikkunsidrati bħala partijiet komponenti tal-prodotti kumplessi fis-sens tal-Artikolu 1(ċ) tad-Direttiva 98/71.

( 15 ) Li “tiftaħar”, kif jingħad fil-ħajja ta’ kuljum.

( 16 ) Huwa l-iżball li jidher li wettqet il-Qorti Ġenerali fis-sentenzi tagħha tal‑14 ta’ Marzu 2017, Wessel-Werk vs EUIPO – Wolf PVG (Aċċessorji tat-tindif ta’ magna li tiġbed it-trab) (T‑174/16, mhux ippublikata, EU:T:2017:161, punt 30) u Wessel-Werk vs EUIPO – Wolf PVG (Aċċessorji tat-tindif ta’ magna li tiġbed it-trab) (T‑175/16, mhux ippublikata, EU:T:2017:160, punt 30), billi tagħmel referenza għall-“użu normali minn utent informat finali, fis-sens tal-Artikolu 4(2)(a) u (3) tar-Regolament Nru 6/2002, ta’ vacuum cleaner jew żennuna ta’ vacuum cleaner għal skopijiet ta’ tindif”.

( 17 ) Jiġifieri l-manutenzjoni, is-servis u t-tiswija.

( 18 ) Magna li taqta’ l-ħaxix, jew magna tal-kafè, sabiex nagħti biss żewġ eżempji.

( 19 ) Madankollu għandu jiġi nnotat li l-użu tad-disinni applikati għal spare parts użati għall-fini tat-tiswija ta’ prodotti kumplessi huwa suġġett għal dispożizzjoni speċjali, imsejħa “klawżola ta’ tiswija”, li tinsab fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71, klawżola analoga tinsab ukoll fl-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002.

( 20 ) Ara, bħala eżempji, id-disinni Komunitarji rreġistrati mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) taħt in-Nri 001918400–0001 u 008434088–0003.

( 21 ) Din iċ-ċirkustanza tattiva r-rekwiżit tal-viżibbiltà msemmi fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 98/71.

( 22 ) Naħseb, b’mod partikolari, fil-parti ta’ taħt tax-xażi ta’ vettura bil-mutur, li jista’ jiġi osservat biss billi tiġi adottata perspettiva mhux tas-soltu waqt l-użu normali.

Top