EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0446

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-25 ta’ April 2024.


ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:366

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

RANTOS

ippreżentati fil‑25 ta’ April 2024 (1)

Kawża C446/21

Maximilian Schrems

vs

Meta Platforms Ireland Limited, li kienet Facebook Ireland Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Networks soċjali – Artikolu 5(1)(b) – Prinċipju ta’ ‘limitazzjoni tal-fini’ – Artikolu 5(1)(e) – Prinċipju ta’ ‘minimizzazzjoni tad-data’ – Artikolu 9(1) u (2)(e) – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data – Reklamar personalizzat – Data dwar l-orjentazzjoni sesswali”






 Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) fil-kuntest ta’ kawża bejn Maximilian Schrems (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), utent tan-network soċjali “Facebook”, u Meta Platforms Ireland Limited, li kienet Facebook Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Meta Platforms Ireland” jew il-“konvenuta”), dwar l-ipproċessar allegatament illegali, minn din il-kumpannija, tad-data personali tiegħu.

2.        Id-domandi preliminari magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża jikkonċernaw, minn naħa, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “minimizzazzjoni tad-data” previst fl-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 (2) u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data” imsemmi fl-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(b) tal-imsemmi regolament, li jintroduċi l-prinċipju tal-“limitazzjoni tal-fini”. Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data jippermettix li d-data personali tiġi pproċessata mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew skont in-natura tad-data u, min-naħa l-oħra, jekk il-kummenti ta’ persuna, dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha stess, magħmula matul diskussjoni fi grupp jawtorizzax l-ipproċessar ta’ data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna għall-finijiet tar-reklamar personalizzat .

 Ilkuntest ġuridiku

3.        L-Artikolu 4 tal-GDPR, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 11 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(11)      ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu”.

4.        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali” jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Id-data personali għandha:

(a)      tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

b)      tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […]

c)      tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[...]

2.      Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

5.        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Legalità tal-ipproċessar” jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.      L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

[…]

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

[…]

3.      Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)      il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)      il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

[…]

[...] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta' interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex”.

6.        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Kondizzjonijiet għal kunsens”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

[…]

3.      Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jirtira l-kunsens tiegħu fi kwalunkwe ħin. L-irtirar tal-kunsens ma għandux jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq kunsens qabel ma dan jiġi rtirat. Qabel ma jagħti l-kunsens, is-suġġett tad-data għandu jiġi informat b’dan. Għandu jkun faċli li jiġi rtirat kunsens daqs kemm li dan jingħata.

4.      Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt”.

7.        L-Artikolu 9(1) u (2) tal-GDPR, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.      L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.      Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

a)      is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

b)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta' Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta’ Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[…]

e)      l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

[…]”.

8.        L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament, dwar l-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

(c)      l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)      fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

[…]”

 Ilkawża prinċipali, iddomandi preliminari u lkawża quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

9.        Meta Platforms Ireland, kumpannija rregolata mid-dritt Irlandiż, tiġġestixxi n-network ta’ komunikazzjoni magħluq “Facebook”, li jikkostitwixxi, essenzjalment, network soċjali online ta’ kondiviżjoni ta’ kontenuti (3). Il-mudell ekonomiku tagħha għandu l-għan ewlieni li joffri servizzi ta’ network soċjali b’xejn lill-utenti privati tiegħu u li jbigħ reklamar online, inkluż reklamar immirat għall-utenti tiegħu (4). Dan ir-reklamar huwa bbażat prinċipalment fuq l-istabbiliment awtomatizzat ta’ profili relattivament dettaljati tal-utenti ta’ dan in-network soċjali (5).

10.      Matul is-sena 2018, wara d-dħul fis-seħħ tal-GDPR, Meta Platforms Ireland ippreżentat kundizzjonijiet ġodda għall-użu ta’ Facebook lill-utenti tagħha fl-Unjoni Ewropea sabiex jinkiseb il-kunsens tagħhom, li huwa, barra minn hekk, neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jirreġistra jew jaċċedi għall-kontijiet u għas-servizzi pprovduti minn Facebook (6). Dawn il-kundizzjonijiet ġodda għall-użu jippermettu wkoll lill-utenti jkollhom ħarsa ġenerali u kontroll fuq id-data maħżuna (7).

11.      Ir-rikorrent huwa utent ta’ Facebook li aċċetta l-kundizzjonijiet ġodda għall-użu imposti minn Facebook. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa kien iddikjara pubblikament l-omosesswalità tiegħu, iżda qatt ma semma l-orjentazzjoni sesswali tiegħu u ma ppubblika ebda data sensittiva fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook (8). Ir-rikorrent lanqas ma kien jawtorizza lill-konvenuta tuża, għall-finijiet ta’ reklamar immirat, l-oqsma tal-profil tiegħu li għandhom x’jaqsmu mas-sitwazzjoni romantika tiegħu, il persuna li timpjegah, l-impjieg tiegħu jew it-taħriġ tiegħu.

12.      Madankollu, ir-rikorrent allegatament irċieva reklam għal politikanta mara, u dan ir-reklam ġie indirizzat lilu abbażi ta’ analiżi li kien jixbah lil “klijenti” oħra li għamlulha “like”; hu allegatament irċieva regolarment reklami mmirati lejn persuni omosesswali u stediniet għal avvenimenti korrispondenti, anki għalkemm qabel qatt ma kien interessat f’dawn l-avvenimenti u lanqas biss kien jaf il-postijiet li seħħew fihom. Dawn ir-reklami jew stediniet ma humiex ibbażati direttament fuq l-orjentazzjoni sesswali tar-rikorrent u l-“ħbieb” tiegħu fuq in-network soċjali, iżda fuq analiżi tal-interessi tagħhom (9). Barra minn hekk, Meta Platforms Ireland tirreġistra d-data kollha li tikkonċerna lir-rikorrent, inkluża dik miksuba permezz ta’ terzi jew ta’ plugins, biex iżżommhom għal perjodu indeterminat.

13.       F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rikorrent ippreżenta, quddiem il-Landesgericht für Zivilsachen Wien (il-Qorti Reġjonali għal Kwistjonijiet Ċivili ta’ Vjenna, l-Awstrija), rikors għal eżekuzzjoni, għall-konstatazzjoni u waqfien immirat għall-ipproċessar allegatament illegali tad-data personali tiegħu minn Meta Platforms Ireland (10).

14.      Sussegwentement, waqt diskussjoni fi grupp, organizzata mir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fi Vjenna (l-Awstrija) (11), u li saret fit-12 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent semma l-orjentazzjoni sesswali tiegħu waqt intervent li kellu l-għan li jiddenunzja l-ipproċessar allegatament illegali, minn Meta Platforms Ireland, ta’ data dwar din l-orjentazzjoni sesswali(12).

15.      Peress li r-rikors ġie miċħud, fl-ewwel istanza, b’sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2020 u, fl-appell, mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), b’sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2020 (13), ir-rikorrent ippreżenta appell għal Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema), il-qorti tar-rinviju.

16.      F’dan il-kuntest, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja erba’ domandi preliminari (14). Peress li l-ewwel u t-tielet domandi preliminari ġew irtirati wara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (15), din il-kawża għandha bħala suġġett it-tieni u r-raba’ domandi, li huma fformulati fit-termini segwenti:

“2)      L-Artikolu 5(1)(c) tar-RĠPD (minimizzazzjoni tad-data) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-data personali kollha miżmuma minn pjattaforma bħal dik fil-kawża prinċipali (b’mod partikolari permezz tal-persuni kkonċernati jew ta’ terzi fi jew barra mill-pjattaforma) tista’ tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għall-finijiet ta’ reklamar immirat mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew ta’ tip ta’ data?

4)      L-Artikolu 5(1)(b) flimkien mal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD għandu jiġi interpretat fis-sens li dikjarazzjoni dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna għall-finijiet ta’ diskussjoni fi grupp tawtorizza l-ipproċessar ta’ data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali għall-finijiet tal-aggregazzjoni u tal-analiżi ta’ data minħabba reklamar personalizzat?”

17.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent, Meta Platforms Ireland, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u l-Gvern Portugiż, kif ukoll mill-Kummissjoni. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rikorrent, Meta Platforms Ireland, il-Gvern Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali li nżammet fit‑8 ta’ Frar 2024.

 Analiżi

 Fuq it-tieni domanda preliminari

18.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, għandux jiġi interpretat fis-sens li d-data personali kollha li għandu network bħal Facebook, b’mod partikolari permezz tas-suġġett tad-data jew ta’ terzi fuq u barra minn din il-pjattaforma, tistax tiġi aggregata, analizzata u pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat, mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew skont in-natura tad-data.

19.      Preliminarjament, għandu jitfakkar li kull ipproċessar ta’ data personali għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar l-ipproċessar tad-data stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet relatati mal-legalità tal-ipproċessar, elenkati fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament (16).

20.      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data personali, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data li jinsab fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR jipprevedi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata, li jirrifletti, essenzjalment, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (17). Għalhekk, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data għandu l-għan li jimminimizza l-limitazzjonijiet għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali kkawżati mill-ipproċessar inkwistjoni.

21.      F’dan il-każ, jidhirli li huwa evidenti li l-eventwali assenza ta’ kwalunkwe limitazzjoni, kif preżunta mill-qorti tar-rinviju, tmur, mid-definizzjoni tagħha stess, kontra l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data. Issa, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta ebda element li jista’ jikkonferma jew jeskludi tali suppożizzjoni, li, fi kwalunkwe każ, hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju. Madankollu, ser nipprova nipprovdi lill-qorti tar-rinviju xi indikazzjonijiet utli dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni eżaminata, li ser ikunu jistgħu jippermettulha tiddeċiedi dwar il-kawża pendenti quddiemha.

22.      Fir-rigward, minn naħa, tal-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali fiż-żmien, inqis li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward fil-GDPR, il-qorti tal-Unjoni ma tistax tistabbilixxi, b’mod imperattiv, perijodu massimu għaż-żamma ta’ din id-data. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li anki pproċessar inizjalment legali ta’ data eżatta jista’ jsir, biż-żmien, inkompatibbli b’mod partikolari mal-Artikolu 5(1)(c) sa (e) tal-GDPR meta din id-data ma tkunx għadha neċessarja fid-dawl tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata (18). Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità (19), sa fejn il-perijodu ta’ żamma ta’ data personali minn Meta Platforms Ireland huwa ġġustifikat fid-dawl tal-għan leġittimu ta’ pproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tar-reklamar personalizzat.

23.      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-limitazzjoni tal-ipproċessar tad-data personali skont in-natura tad-data, hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina , fiċ-ċirkustanzi tal-każ, liema hija d-data personali li l-ipproċessar tagħha jista’ jitqies li huwa leġittimu, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

24.      Barra minn hekk, ir-riferimenti, fil-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, għal kundizzjonijiet ġeneriċi ħafna, bħall-“adegwatezza”, ir-“rilevanza” u n-“neċessità” juru, fil-fehma tiegħi, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, peress li dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu interpretati biss każ b’każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

25.      Wara li ġie ppreċiżat dan, inqis, kif tosserva l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ċerti distinzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti skont gradi ta’ ndħil li d-diversi forom ta’ pproċessar jippreżentaw fid-drittijiet tas-suġġett tad-data. Il-qorti tar-rinviju tista’ għalhekk, meta tqis li huwa xieraq, minn naħa, tagħmel distinzjoni bejn l-użu ta’ data “statika” tas-suġġett tad-data (bħall-età (20) jew is-sess) u l-użu ta’ data “komportamentali” (bħall-monitoraġġ tad-drawwiet ta’ navigazzjoni tal-utenti), peress li dan l-aħħar użu huwa, bħala regola ġenerali, iktar intrużiv fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data. F’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, id-data “komportamentali”, tista’ ssir distinzjoni ulterjuri bejn il-ġbir ta’ data li tirrigwarda mġieba “attiv[a]” (bħall-azzjoni li wieħed jikklikkja fuq il-buttuna “like”) u l-ġbir ta’ data li tirrigwarda mġieba “passiv[a]” (bħas-sempliċi żjara f’sit internet), peress li din tal-aħħar normalment tkun iktar intrużiva għall-utent. Min-naħa l-oħra, tista’ ssir ukoll distinzjoni bejn l-ipproċessar tad-data personali miġbura fuq il-pjattaforma Facebook u barra minnha, jiġifieri fuq paġni internet, applikazzjonijiet li ma humiex Facebook jew fuq l-apparati tal-utenti, peress li dan tal-aħħar huwa iktar intrużiv mill-ewwel wieħed (21).

26.      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, huwa importanti wkoll, fil-fehma tiegħi, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data (22).

27.      Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR, fejn l-ipproċessar tad-data miġbura barra mill-pjattaforma Facebook ma kienx ibbażat fuq il-kunsens iżda pjuttost fuq in-natura neċessarja tal-ipproċessar tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan ir-regolament (23), għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni stretta li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil din id-dispożizzjoni (24). Konsegwentement, huwa importanti, kif jenfasizza l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jiġi evitat li interpretazzjoni wiesgħa tal-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data skont l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament tkun tista’ tippermetti lill-kontrolluri li jestendu l-kategoriji ta’ data personali kkunsidrati bħala neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-istess regolament.

28.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li data personali tkun tista’ tiġi pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew skont in-natura tad-data u li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-perijodu taż-żamma tad-data u l-kwantità ta’ data pproċessata huma ġġustifikati fir-rigward tal-għan leġittimu ta’ pproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tar-reklamar personalizzat.

 Fuq ir-raba’ domanda preliminari

29.      Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5(1)(b) u tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li persuna tkun esprimiet ruħha dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha fil-kuntest ta’ diskussjoni fi grupp jippermettix l-ipproċessar minn Meta Platforms Ireland ta’ data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħha sabiex tipproponilha reklamar personalizzat. B’mod iktar ġenerali, dik il-qorti tistaqsi dwar il-portata ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u tqajjem, b’mod iktar preċiż, il-kwistjoni dwar b’liema mod il-pubbliku għandu jkun kiseb id-data sensittiva ta’ din il-persuna sabiex l-Artikolu 9(2) tal-GDPR ikun applikabbli.

 Fuq ir-rilevanza tad-domanda preliminari

30.      Meta Platforms Ireland ippreċiżat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, mingħajr ma l-partijiet l-oħra kkontestawha waqt is-seduta, li, matul il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, hija fl-ebda mument ma invokat l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR bħala bażi legali għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni (25).

31.      Issa, f’każ bħal dan, ir-raba’ domanda preliminari tidher b’mod ċar irrilevanti, peress li din l-eċċezzjoni ma hijiex applikabbli f’din il-kawża (26).

32.      Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest tal-qafas regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha stess (27), u li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (28).

33.      Għalhekk, fil-punti li ġejjin, ser nipproponi risposta għar-raba’ domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju, mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rilevanza ta’ din id-domanda.

 Fuq il-mertu tad-domanda preliminari

34.      Preliminarjament, infakkar li, skont l-Artikolu 5(1)(b) tal-GDPR, li jistabbilixxi l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-fini, id-data personali għandha tinġabar għal għanijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u ma għandhiex tiġi pproċessata iktar b’mod inkompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna, b’mod partikolari, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huwa pprojbit, sakemm dan l-ipproċessar ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament (29).

35.      B’mod aktar speċifiku, bis-saħħa tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, il-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva ma tapplikax jekk l-ipproċessar jikkonċerna data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data. Kif irrimarkajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu ta’ network soċjali) (30), l-użu, fil-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, tal-avverbju “b’mod ċar” u l-fatt li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni ġenerali tal-ipproċessar ta’ data personali sensittiva jeħtieġ applikazzjoni partikolarment stretta ta’ din l-eċċezzjoni, minħabba r-riskji sinjifikattivi li jaqgħu fuq id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet fundamentali tas-suġġetti tad-data (31). Sabiex tapplika din l-eċċezzjoni, l-utent irid, fl-opinjoni tiegħi, ikun kompletament konxju li, b’att espliċitu, qed jagħmel id-data personali li tikkonċernah aċċessibbli għal kulħadd (32).

36.      Fil-kawża prinċipali, , id-data sensittiva dwar l-orjentazzjoni sesswali tar-rikorrent ġiet żvelata, barra mill-pjattaforma Facebook (“barra s-sit”) u barra minn kull pjattaforma jew applikazzjoni informatika oħra, fil-qafas ta’ diskussjoni fi grupp organizzata mill-Kummissjoni (33) u bl-għan li jiġi ddenunzjat l-ipproċessar allegatament illegali minn Meta Platforms Ireland ta’ data dwar din l-orjentazzjoni sesswali (34).

37.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar l-użu ta’ data “barra mis-sit”, fil-qafas ta’ pjattaformi oħra, fis-sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (35). F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar ta’ data imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR , huwa ma jagħmilx b’mod ċar pubbliku, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, id-data dwar din il-konsultazzjoni, miġbura mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online permezz ta’ “cookies” jew teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili u, meta jintroduċi data f’tali siti internet jew f’tali applikazzjonijiet jew meta huwa jattiva buttuni ta’ selezzjoni integrati f’dawn is-siti u f’dawn l-applikazzjonijiet, bħall-buttuni “like” jew “share” jew il-buttuni li jippermettu lill-utent jidentifika ruħu f’dawn is-siti jew dawn l-applikazzjonijiet billi juża l-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont tiegħu ta’ utent tan-network soċjali, in-numru tat-telefown tiegħu jew l-indirizz elettroniku tiegħu, tali utent ma jagħmilx pubbliku b’mod ċar, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, id-data hekk imdaħħla jew li tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ dawn il-buttuni sakemm ma jkunx esprima b’mod espliċitu l-għażla tiegħu minn qabel, jekk ikun il-każ abbażi ta’ parametraġġ individwali, mwettaq b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jirrendi d-data li tikkonċernah pubblikament aċċessibbli għal numru illimitat ta’ persuni (36).

38.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju qieset neċessarju li żżomm ir-raba’ domanda preliminari tagħha minħabba li l-atti eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik l-aħħar kawża kienu jirrigwardaw il-konsultazzjoni ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet kif ukoll l-attivazzjoni ta’ buttuni li huma integrati fihom, filwaqt li, f’dan il-każ, din hija dikjarazzjoni magħmula mis-suġġett tad-data dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu fl-okkażjoni tad-diskussjoni fi grupp. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tqis li minn tali dikjarazzjoni ma jistax jiġi dedott kunsens fis-sens tal-imsemmi Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR.

39.      F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa opportun li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, il-kwistjoni preliminari dwar jekk id-dikjarazzjoni tar-rikorrent dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu tikkostitwixxix att li permezz tiegħu huwa jagħmel b’mod ċar pubbliku din l-orjentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, dik dwar jekk il-fatt li l-orjentazzjoni sesswali tiegħu sar b’mod ċar pubbliku jawtorizzax l-ipproċessar ta’ data dwar din l-orjentazzjoni sesswali għall-finijiet tar-reklamar personalizzat fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament.

40.      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwalifikazzjoni li għandu jkollha d-dikjarazzjoni tar-rikorrent fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR , fl-assenza ta’ indikazzjonijiet utli li jirriżultaw mill-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u tal-applikazzjoni ġurisprudenzjali tagħha (37), nirrileva li l-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament teħtieġ, essenzjalment, li żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti b’mod kumulattiv, jiġifieri, kundizzjoni “oġġettiva”, skont liema d-data personali inkwistjoni għanda “b’mod ċar tkun saret pubblika” u, min-naħa l-oħra, kundizzjoni “suġġettiva” skont liema huwa s-“suġġett tad-data” li għandu jagħmel b’mod ċar din id-data pubblika.

41.      Fil-kawża prinċipali, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidhirli li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Fil-fatt, għalkemm żvelata b’mod inċidentali fil-qafas ta’ diskors iktar wiesa’ u kritiku meta mqabbel mal-ipproċessar ta’ data sensittiva min-naħa ta’ Meta Platforms Ireland, inqis li d-dikjarazzjoni magħmula mir-rikorrent tikkostitwixxi att li permezz tiegħu, b’għarfien sħiħ tal-fatti, b’mod ċar jagħmel l-orjentazzjoni sesswali tiegħu pubblika.

42.      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, jidhirli li huwa probabbli ħafna li, minħabba n-natura miftuħa tad-diskussjoni fi grupp, imxandra live imbagħad imxandra mill-ġdid bi streaming (38), kif ukoll l-interess tal-pubbliku fit-tema li ġiet diskussa, id-dikjarazzjoni tar-rikorrent setgħet laħqet udjenza indefinita, ferm ikbar minn dik li kienet preżenti fis-salla (39).

43.      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, fil-fehma tiegħi, huwa kompletament possibbli li jiġi preżunt li, billi jsemmi apertament l-orjentazzjoni sesswali tiegħu fiċ-ċirkustanzi tal-każ (b’mod partikolari fil-qafas ta’ avveniment miftuħ u aċċessibbli għall-istampa), ir-rikorrent kellu, jekk mhux l-intenzjoni, tal-inqas kien kompletament konxju li jagħmel din l-orjentazzjoni “b’mod ċar […] pubblika” fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet (40).

44.      Barra minn hekk, l-għan tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 9(1) tal-GDPR huwa, fil-fehma tiegħi, li jiġi evitat li s-suġġett tad-data jkun espost għal konsegwenzi dannużi (bħal b’mod partikolari it-tmaqdir pubbliku jew atti diskriminatorji) li jirriżultaw, b’mod partikolari, minn perċezzjoni negattiva, minn perspettiva soċjali jew ekonomika, tas-sitwazzjonijiet li huma elenkati fih (41). Din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk protezzjoni partikolari ta’ din id-data personali permezz ta’ projbizzjoni fil-prinċipju mhux assoluta, li l-applikazzjoni tagħha għall-każ inkwistjoni hija suġġetta għall-evalwazzjoni tas-suġġett tad-data, li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwa l-konsegwenzi dannużi li jistgħu jirriżultaw mill-iżvelar tad-data inkwistjoni u li jista’, jekk ikun il-każ, jirrinunzja għal din il-protezzjoni jew ma jinvokahiex, b’kull għarfien tal-fatti, billi jirrendi b’mod ċar pubblika, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament, is-sitwazzjoni tiegħu, u b’mod partikolari l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

45.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami tal-konsegwenzi, li jirriżultaw mill-fatt li l-orjentazzjoni sesswali tiegħu b’mod ċar tkun saret pubblika, f’termini tal-ipproċessar ta’ din id-data sensittiva minn Meta Platforms Ireland fis-sens tal-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR, inqis li l-fatt li data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament b’mod ċar tkun saret pubblika ma jippermettix, waħdu, twettiq ta’ ipproċessar ta’ din id-data fis-sens tar-regolament imsemmi.

46.      Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni għandha sempliċement il-konsegwenza li tneħħi l-“protezzjoni speċjali” mogħtija lil ċerta data personali partikolarment sensittiva. Ladarba din il-protezzjoni intenzjonalment titwarrab mis-suġġett tad-data nnifsu (li b’mod ċar ikun għamilha pubblika), din id-data personali, oriġinarjament “protetta”, ssir data “ordinarja” (jiġifieri mhux sensittiva), li, bħal kull data personali oħra, tista’ tkun is-suġġett ta’ proċessar legali biss fil-kundizzjonijiet previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 7 tal-GDPR u fl-osservanza tal-prinċipji stabbiliti b’mod partikolari fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament (42), inkluż tal-prinċipju ta’ limitazzjoni tal-fini stabbilit fl-Artikolu 5(1)(b), ta’ dan ir-regolament, li jimponi li d-data personali tinġabar għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, ħaġa li l-kontrollur huwa obbligat juri, skont il-paragrafu 2 tad-dispożizzjoni inkwistjoni (43).

47.      Għalhekk, il-fatt li r-rikorrent tkellem dwar l-orjentazzjoni sesswali tiegħu fil-qafas ta’ diskussjoni fi grupp, għalkemm dan jista’ jwassal għall-konklużjoni li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, din il-persuna “b’mod ċar [għamlet] pubblika” din id-data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, ma tistax, fiha nnifisha, tiġġustifika l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna(44).

48.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi li nwieġeb għar-raba’ domanda preliminari li d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(b) u tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li wieħed ikun esprima l-orjentazzjoni sesswali tiegħu stess għall-finijiet ta’ diskussjoni fi grupp, liema diskussjoni tkun miftuħa għall-pubbliku, filwaqt li x’aktarx jikkostitwixxi att li bih is-suġġett tad-data jkun “b’mod ċar [għamel] pubblika” din id-data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament ma jawtorizzax, fih innifsu, l-ipproċessar tal-imsemmija data jew data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna bil-ħsieb -tal-aggregazzjoni u tal-analiżi tad-data għal finijiet ta’ reklamar personalizzat.

 Konklużjoni

49.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni u r-raba’ domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, Awstrija) kif ġej:

1)      L-Artikolu 5(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data),

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        jipprekludi li data personali tkun tista’ tiġi pproċessata għal finijiet ta’ reklamar immirat mingħajr limitu f’termini ta’ żmien jew skont in-natura tad-data u

–        hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u billi tapplika l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn il-perijodu taż-żamma tad-data u l-kwantità ta’ data pproċessata huma ġġustifikati fir-rigward tal-għan leġittimu ta’ pproċessar ta’ din id-data għall-finijiet tar-reklamar personalizzat.

2)      Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 9(2)(e) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        il-fatt li wieħed ikun esprima l-orjentazzjoni sesswali tiegħu stess għall-finijiet ta’ diskussjoni fi grupp, liema diskussjoni tkun miftuħa għall-pubbliku, filwaqt li x’aktarx jikkostitwixxi att li bih is-suġġett tad-data jkun “b’mod ċar [għamel] pubblika” din id-data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ dan ir-regolament ma jawtorizzax, fih innifsu, l-ipproċessar tal-imsemmija d-data jew data oħra dwar l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna bil-ħsieb tal- aggregazzjoni u tal-analiżi tad-data għal finijiet ta’ reklamar personalizzat.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018 L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


3      Dan in-network soċjali jippermetti t-tniżżil u l-kondiviżjoni tal-kontenut b’mod personalizzat, skont il-parametri magħżula minn qabel mill-utent, kif ukoll il-komunikazzjoni diretta ma’ utenti oħra jew l-iskambju ta’ data magħhom.


4      B’mod partikolari, dan ir-reklamar għandu l-għan li jippreżenta lill-utent il-prodotti u s-servizzi li jistgħu jinteressawh, b’mod partikolari, skont l-attitudnijiet personali tiegħu għall-konsum, l-interessi tiegħu, il-kapaċità tal-akkwist tiegħu u s-sitwazzjoni personali tiegħu (post, età, sess, eċċ.). Fl-istess ħin, il-“Facebook business tools” (għodod Facebook għall-impriżi) jippermettu lil dawk li jirreklamaw jiżviluppaw reklami mmirati u jivverifikaw l-effikaċja tar-reklamar tagħhom permezz ta’ sistemi ta’ analiżi bbażati fuq algoritmi li jfittxu korrelazzjonijiet u mudelli biex jiddeduċu l-konsegwenzi korrispondenti.


5      Għal dan l-għan, il-konvenuta tuża teknoloġiji bħall-“cookies” (xhieda), li jippermettu l-użu ta’ “social plug-ins” (moduli ta’ estensjoni soċjali, bħall-buttuna “like”) jew ta’ “pixels”, li huma għodod tal-informatika installati fis-sit ta’ Facebook, is-siti internet u l-applikazzjonijiet terzi. Dawn l-għodod jippermettu, essenzjalment, li tinġabar ċerta data ta’ utent li jara tali siti internet jew li juża tali applikazzjonijiet li jkunu fihom u li jaggrega, u b’hekk joħloq profil tal-utent, li minnu huwa possibbli li jiġi propost reklamar personalizzat.


6      Meta Platforms Ireland ippreċiżat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħha, li, matul il-perijodu ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-GDPR, minn naħa, l-ipproċessar għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat tad-data personali miġbura fuq il-pjattaforma tagħha ma kienx ibbażat fuq il-kunsens tar-rikorrent iżda prinċipalment fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-fatt li l-ipproċessar ta’ din id-data kien neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, u, min-naħa l-oħra, l-ipproċessar tad-data personali miġbura fuq siti jew applikazzjonijiet barra min-network tagħha kien ibbażat fuq il-kunsens tal-utent, b’tali mod li dan tal-aħħar seta’ jeskludi din id-data tal-aħħar mill-ipproċessar, mingħajr madankollu ma jirrinunzja għas-servizzi ta’ Facebook. F’dan il-każ, din il-kumpannija ma pproċessatx data personali tar-rikorrent miġbura barra mill-pjattaforma tagħha, minħabba li, fil-waqt tar-reġistrazzjoni tiegħu fin-network soċjali Facebook matul is-sena 2008, ir-rikorrent ma tax il-kunsens tiegħu f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, mid-dħul fis-seħħ tal-GDPR, Facebook ġabar il-kunsens għall-ipproċessar għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat ta’ data personali miġbura jew fuq in-network tagħha, jew fuq siti jew applikazzjonijiet esterni u, fl-assenza ta’ dan il-kunsens, ippermettiet lill-utent li ma jawtorizzax l-ipproċessar tad-data kollha tiegħu għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat inkambju għall-ħlas ta’ tariffa. Jidher li l-legalità tal-kundizzjonijiet ġodda għall-użu skont il-GDPR bħalissa hija suġġetta għal eżami mill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data ta’ ċerti Stati Membri.


7      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, Meta Platforms Ireland ma tagħtix aċċess għad-data kollha pproċessata iżda biss għal dik li, skont l-evalwazzjoni tagħha, hija ta’ interess u ta’ rilevanza għall-utenti. Barra minn hekk, din il-kumpannija tippermetti li jitneħħa ċertu kontenut (bħal messaġġi, ritratti jew pubblikazzjonijiet) minn kont Facebook.


8      Barra minn hekk, huma biss il-“ħbieb” tiegħu, li l-lista tagħhom ma hijiex ippubblikata, li setgħu jaraw il-kontribuzzjonijiet li jidhru fuq id-djarju jew il-kontribuzzjonijiet futuri tiegħu.


9      Ir-rikorrent allegatament kellu analiżi mwettqa fuq id-deduzjonijiet li jistgħu jittieħdu mil-lista ta’ ħbieb tiegħu u rriżulta minn dan li kien għamel is-servizz ċivili tiegħu mas-Salib l-Aħmar f’Salzburg (l-Awstrija) u li kien omosesswali. Il-lista tas-siti li kien interessat fihom, minbarra Facebook, tinkludi, fost affarijiet oħra, applikazzjonijiet jew siti internet ta’ dating għall-omosesswali kif ukoll sit elettroniku ta’ partit politiku Awstrijak. Fost id-data maħżuna tar-rikorrent jidher b’mod partikolari indirizz elettroniku ineżistenti u ieħor li mhux indikat fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, iżda li kien uża biex iressaq talbiet lill-konvenuta.


10      Essenzjalment, ir-rikorrent talab lill-qorti tal-ewwel istanza, fl-ewwel lok, li tiġi imposta fuq il-konvenuta l-konklużjoni ta’ kuntratt bil-miktub dwar l-użu tad-data personali tiegħu fuq in-network Facebook u, sussidjarjament, li tkun kkonstatata l-assenza ta’ tali kuntratt u l-kunsens tiegħu għall-kundizzjonijiet għall-użu; fit-tieni lok, li jiġi impost fuq il-konvenuta li tastjeni milli tipproċessa d-data personali tiegħu għall-finijiet ta’ reklamar personalizzat jew ta’ aggregazzjoni u ta’ analiżi tad-data għal skopijiet ta’ reklamar; fit-tielet lok, biex tiġi kkonstatata l-assenza ta’ kunsens validu għall-ipproċessar għall-finijiet deskritti fil-verżjoni l-antika tal-linji gwida dwar l-ipproċessar tad-data, fir-rigward tad-data personali tiegħu li l-konvenuta kisbet mingħand terzi, u, fir-raba’ lok, li timponi fuq il-konvenuta biex tastjeni milli tuża jew tipproċessa d-data tiegħu relatata maż-żjara u l-użu ta’ paġni ta’ terzi fin-nuqqas ta’ kunsens validu għall-ipproċessar. Essenzjalment, ir-rikorrent argumenta li l-aċċettazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu kif ukoll tal-linji gwida assoċjati relatati mal-użu tad-data ma tikkostitwixxix kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali mogħtija b’mod validu lill-kontrollur. Huwa irrileva wkoll li Meta Platforms Ireland tipproċessa data sensittiva dwaru, bħal data relatata mat-twemmin politiku u l-orjentazzjoni sesswali tiegħu, għalkemm din id-data ma tissemmiex fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.


11      Kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tal-partijiet, din id-diskussjoni madwar mejda kienet aċċessibbli għall-pubbliku, li seta’ jikseb biljett mingħajr ħlas, fil-limitu tal-postijiet disponibbli, mingħand il-pjattaforma Eventbrite (finalment kienu inkitbu 189 persuna), u xxandret b’mod dirett. Barra minn hekk, reġistrazzjoni tagħha ġiet sussegwentement ippubblikata fil-forma ta’ podcast, kif ukoll fuq il-kanal YouTube tal-Kummissjoni.


12      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mis-sottomissjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrent, dan għamel id-dikjarazzjoni li ġejja: “issa nagħtik eżempju banali ħafna: tista’ tiddeduċi l-orjentazzjoni sesswali tiegħi mil-lista ta’ ħbieb tiegħi. Jien qatt ma semmejt fuq Facebook li jiena gay. Minn meta kelli 14‑il sena, hija ħaġa li ‘ssuperajt’ u li m’għadha tistressjani xejn. Imma ma hijiex xi ħaġa li ngħidha kullimkien u l-ħin kollu fil-pubbliku għax ngħid bejni u bejn ruħi, ħeq, aħjar nitkellem fuq il-protezzjoni tad-data minflok inkella nerġa’ nispiċċa b’din it-tikketta. U dan jaljena l-attenzjoni mill-protezzjoni tad-data”.


13      Dawn iż-żewġ qrati nazzjonali kkunsidraw, essenzjalment, li l-ipproċessar tad-data personali magħmul minn Meta Platforms Ireland kien ikun meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 6(1)(b) tal-GDPR.


14      Infakkar li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju diġà ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja t-talba għal deċiżjoni preliminari li kienet is-suġġett tas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU: C:2018:37).


15      C‑252/21, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali)”, EU:C:2023:537. Din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari ġiet sospiża sakemm tingħata din is-sentenza. Mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju wieġbet li l-imsemmija sentenza tat risposta għall-ewwel u t-tielet domandi preliminari tagħha u li żammet it-talba tagħha fir-rigward tat-tieni u r-raba’ domandi preliminari.


16      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98 u l-ġurisprudenza ċċitata).


18      Dan huwa partikolarment il-każ meta tidher inadegwata, ma hijiex jew ma għadhiex rilevanti jew hija eċċessiva fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet u ż-żmien li jkun għadda (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza għal data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 74 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata)).


19      Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Mingħajr preġudizzju għall-fatt li, skont l-Artikolu 8 tal-GDPR, tfal taħt is-16‑il sena ma jistgħux jagħtu l-kunsens tagħhom huma stess skont l-Artikolu 6(1)(a) ta’ dan ir-regolament fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.


21      F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kuntest tal-kunċett ta’ “kunsens” fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat b’mod partikolari li utent ma jistax raġonevolment jistenna li data differenti minn dik relatata mal-imġieba tiegħu fi ħdan in-network soċjali (f’dan il-każ, Facebook) tiġi pproċessata mill-operatur tiegħu u ddeċidiet li jista’ jingħata kunsens distint għall-ipproċessar ta’ din id-data tal-aħħar, minn naħa, u data differenti minnha, min-naħa l-oħra (sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), punt 151). Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħi fl-istess kawża, esponejt dubji dwar il-fatt li l-ġbir u l-użu tad-data personali barra min-network soċjali Facebook jistgħu jkunu neċessarji għall-provvista tas-servizzi offruti fil-kuntest ta’ dan in-network, b’tali mod li l-kunsens mogħti inizjalment għall-aċċess għall-imsemmi network (jiġifieri l-ħolqien ta’ profil Facebook) jista’ validament ikopri l-ipproċessar tad-data personali tal-utent barra mill-istess network (konklużjonijiet fil-kawża Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2022:704, punt 56, nota ta’ qiegħ il-paġna 81)).


22      Pereżempju, fir-rigward tal-interessi leġittimi tal-kontrollur bħala bażi legali għall-ipproċessar, il-premessa 47 tal-GDPR tippreċiża li l-eżistenza ta’ tali interess leġittimu jenħtieġ li tkun suġġetta għal evalwazzjoni bir-reqqa, b’mod partikolari biex jiġi ddeterminat jekk suġġett tad-data jistax raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li d-data personali tiġi pproċessata għal fini partikolari.


23      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li, indipendentement mill-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali previst minn tali dispożizzjoni jissemma fil-kuntratt, l-element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġustifikazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni huwa li l-ipproċessar inkwistjoni jkun essenzjali sabiex jippermetti l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt konkluż bejn il-kontrollur u s-suġġett tad-data u, għaldaqstant, li ma jeżistux soluzzjonijiet prattiċi oħra u inqas intrużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), punt 99).


25      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Kif jirriżulta mis-seduta, jidher li, fil-kawża prinċipali, Meta Platforms Ireland irreferiet għad-diskussjoni fi grupp sabiex tikkonfuta l-argument tar-rikorrent dwar l-allegat dannu li jirriżulta mill-allegata diffikultà psikoloġika li kien jinsab fiha minħabba r-reklamar personalizzat, u dan sabiex turi li ma kellu ebda diffikultà jiddikjara pubblikament l-omosesswalità tiegħu. Il-qorti tar-rinviju għalhekk għamlet id-domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tal-GDPR, mhux għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni iżda fil-kuntest, kompletament differenti, tal-eżami tad-dannu invokat mir-rikorrent fid-dawl tad-difiża ta’ Meta Platforms Ireland.


26      Fil-fatt, konformement mal-Artikolu 5(2) tal-GDPR, huwa l-kontrollur li għandu l-oneru tal-prova li juri li d-data personali hija pproċessata konformement ma’ dan ir-regolament.


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2023, Glavna direktsia “Pozharna bezopasnost i zashtita na naselenieto” (Xogħol ta’ billejl) (C‑529/21 sa C‑536/21 u C‑732/21 sa C‑738/21, EU:C:2023:374, punt 57).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2023, Ferrovienord (C‑363/21 u C‑364/21, EU:C:2023:563, punti 52 sa 55 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


29      Kif tippreċiża l-premessa 51 tal-istess regolament, id-data personali li min-natura tagħha hija partikolarment sensittiva mill-perspettiva tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika, peress li l-kuntest li fih tiġi pproċessata jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għal dawn id-drittijiet u l-libertajiet.


30      C‑252/21, EU:C:2022:704, punt 42.


31      Ara wkoll, f’dan is-sens, sentenza Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ network soċjali), punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


32      F’dan ir-rigward, nirrileva li, fil-kunċett ta’ “b’mod ċar tkun saret pubblika”, l-użu tal-verb “sar” jimplika mġieba attiva u konxja tas-suġġett tad-data. Skont il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB), “il-kelma [“b’mod ċar”] timplika li jrid ikun hemm limitu għoli biex wieħed jistrieħ fuq din l-eżenzjoni. L-EDPB jinnota li l-preżenza ta’ element wieħed mhux dejjem tista’ tkun biżżejjed biex jiġi stabbilit li d-data ġiet magħmula [“b’mod ċar”] pubblika mis-suġġett tad-data. Fil-prattika, jista’ jkun meħtieġ li tiġi kkunsidrata kombinazzjoni [ta’ elementi] biex il-kontrolluri jkunu jistgħu juru li s-suġġett tad-data jkun wera b’mod ċar l-intenzjoni li jagħmel id-data pubblika, u tkun meħtieġa valutazzjoni każ b’każ” (KEPD, Linji Gwida 8/2020, punt 127). Dan isemmi, bħala eżempju, elementi bħall-parametri prestabbiliti tal-pjattaforma tal-midja soċjali, in-natura tal-pjattaforma tal-midja soċjali, l-aċċessibbiltà tal-paġna fejn tiġi ppubblikata d-data sensittiva, il-viżibbiltà tat-twissija li tirrapporta lis-suġġett tad-data n-natura pubblika tal-informazzjoni li tippubblika, il-fatt li s-suġġett tad-data jkun ippubblika huwa stess id-data sensittiva, jew li, għall-kuntrarju, id-data tkun ġiet ippubblikata minn terz jew tkun ġiet dedotta. Ara wkoll Georgieva, L., u Kuner, C., “Article 9. Processing of special categories of personal data”, The EU General Data Protection Regulation (GDPR), Oxford, 2020, p. 378, li jgħidu: “[i]n this context, ‘making public’ should be construed to include publishing the data in the mass media, putting them on online social network platforms or similar actions. However, the data must have been ‘manifestly’ made public, which requires an affirmative act by the data subject, and that he or she realised that this would be the result” (“f’dan il-kuntest, ‘tkun saret pubblika’ għandha tiġi interpretata bħala li tinkludi l-pubblikazzjoni ta’ data fil-medja, it-tqegħid tagħha online fuq pjattaformi ta’ networks soċjali online jew ta’ azzjonijiet simili. Madankollu, id-data trid tkun ġiet “b’mod ċar” magħmula pubblika, li teħtieġ att affermattiv mill-parti tas-suġġett tad-data, u li fehmet li dan kien se jkun ir-riżultat”).


33      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      C‑252/21, EU:C:2023:537 (punti 84 u 85).


36      Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Meta Platforms et (Kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu ta’ network soċjali) (C‑252/21, EU:C:2022:704, punt 46).


37      Infakkar li d-dispożizzjoni inkwistjoni ġiet riprodotta b’mod identiku fl-Artikolu 8(2)(e) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) u li, barra minn hekk, ma ngħatat ebda spjegazzjoni waqt l-introduzzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-qafas tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 1/95 adottata mill-Kunsill fl‑20 ta’ Frar 1995 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 95/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’…, dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, C 93, p. 1).


38      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Pereżempju, kif jirrikonoxxi r-rikorrent stess fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-dikjarazzjoni tiegħu setgħet titwassal, b’mod kompletament leġittimu, minn artikolu tal-istampa li jkopri l-avveniment inkwistjoni.


40      F’dan ir-rigward, infakkar li r-rikorrent kien il-protagonist ta’ tilwima fit-tul u importanti kontra Meta Platforms Ireland (qabel Facebook) dwar l-applikazzjoni tal-GDPR u li, għaldaqstant, huwa raġonevoli li jiġi preżunt li huwa kien perfettament konxju tal-konsegwenzi tad-dikjarazzjonijiet tiegħu fid-dawl ta’ dan ir-regolament. Dan premess, nirrileva differenza bejn, minn naħa, ir-rieda li jiġi awtorizzat l-ipproċessar ta’ data “sensittiva” li jikkostitwixxi kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data fis-sens tal-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR u, min-naħa l-oħra, l-intenzjoni jew l-għarfien sħiħ li l-imsemmija data ssir b’mod ċar pubblika, li għandha bħala konsegwenza l-inapplikabbiltà tal-projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ din id-data fis-sens tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament iżda, li ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex tawtorizza l-ipproċessar ta’ din id-data, kif ser nispjega fil-punti 45 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Pereżempju, persuna tista’ tiġi ddiskriminata minħabba l-orjentazzjoni politika jew sesswali tagħha jew inkella taffaċċja konsegwenzi ekonomiċi inġusti minħabba s-sitwazzjoni medika tagħha (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-assigurazzjoni għall-mard jew sitwazzjonijiet oħra simili).


42      Fil-fatt, kif imfakkar fil-premessa 51 tal-GDPR, minbarra r-rekwiżiti speċifiċi applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali partikolarment sensittiva, il-prinċipji ġenerali u r-regoli l-oħra ta’ dan ir-regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar. Barra minn hekk, fis-sens tal‑Artikolu 22(4) tal-imsemmi regolament, id-deċiżjonijiet ibbażati esklużivament fuq ipproċessar awtomatizzat ma jistgħux ikunu bbażati fuq il-kategoriji partikolari ta’ data personali msemmija fl-Artikolu 9(1) tal-istess regolament sakemm l-Artikolu 9(2)(a) jew (g) tiegħu ma japplikax u jiġu implimentati miżuri xierqa għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet u tal-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.


43      Il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet fl-istess sens dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(h) tal-GDPR, moqri flimkien mal-Artikolu 5(1)(a) u mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, billi rrilevat li pproċessar ta’ data dwar is-saħħa li huwa bbażat fuq l-ewwel dispożizzjoni għandu josserva, sabiex ikun legali, kemm ir-rekwiżiti li jirriżultaw minnha kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mill-aħħar żewġ dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, jissodisfa mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet ta’ legalità stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2023, Krankenversicherung Nordrhein (C‑667/21, EU:C:2023:1022, punt 78)).


44      Iktar u iktar peress li, fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dikjarazzjoni li saret waqt id-diskussjoni fi grupp inkwistjoni tawtorizzax l-ipproċessar ta’ data personali oħra, b’mod partikolari dik miġbura minn applikazzjonijiet terzi.

Top