Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0423

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-20 ta’ Ottubru 2022.


    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:818

    Edizzjoni Provviżorja

    KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fl‑20 ta’ Ottubru 2022 (1)

    Kawża C423/21

    Grand Production d.o.o.

    vs

    GO4YU GmbH,

    DH,

    GO4YU d.o.o,

    MTEL Austria GmbH

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur fis-soċjetà tal-informazzjoni – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Pjattaforma ta’ streaming – Aċċess għall-kontenut protett permezz ta’ network virtwali privat (VPN) – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 7(2) – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt”






     Introduzzjoni

    1.        Minn perspettiva teknika, l-internet huwa mezz ta’ komunikazzjoni ta’ portata mondjali: huwa possibbli li wieħed ikollu aċċess minn kull parti tal-globu għal kull sit jew li jibgħat messaġġ lil persuna li tkun tinsab fi kwalunkwe post ieħor. Madankollu, mill-perspettiva ġuridika s-sitwazzjoni hija differenti. L-internet, bħal kull forma ta’ attività mwettqa mill-bniedem, huwa suġġett għar-regoli ġuridiċi, u dawn ir-regoli huma, min-natura tagħhom, territorjali: il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jiddependi mill-portata tal-ġurisdizzjoni territorjali tal-awtorità li tagħmel ir-regoli inkwistjoni. Barra minn hekk, diversi attivitajiet eżerċitati fuq l-internet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ drittijiet ta’ proprjetà jew ta’ drittijiet personali, li jistgħu, huma wkoll, jew l-eżerċizzju tagħhom, ikunu limitati territorjalment.

    2.        Għaldaqstant teżisti kontradizzjoni fundamentali bejn, minn naħa, in-natura transkonfinali u dinjija tal-internet u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet u l-obbligi territorjalment limitati li jirriżultaw minn diversi attivitajiet eżerċitati permezz tiegħu. Wieħed jista’ jipprova jsolvi din il-kontradizzjoni b’żewġ modi: it-“territorjalizzazzjoni” tal-internet bl-għajnuna tal-“imblokkar ġeografiku tal-aċċess” (bl-Ingliż “geoblocking”), jew billi titwessa’ l-ġurisdizzjoni territorjali tal-awtoritajiet għal numru ikbar ta’ Stati, biex b’hekk ikunu jistgħu jirregolaw l-attivitajiet eżerċitati fuq l-internet fuq livell globali.

    3.        Fil-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja ser tittratta kwistjonijiet dwar iż-żewġ modi ta’ riżoluzzjoni ta’ din il-kontradizzjoni.

     Ilkuntest ġuridiku

    4.        L-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (2) jipprovdi:

    “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

    5.        Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament:

    “Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha […] tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

    6.        Finalment, l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

    “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

    […]

    2)      fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

    […]”

    7.        L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (3) jipprovdi s-segwenti:

    “L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

     Ilfatti li wasslu għallkawża, ilproċedura filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

    8.        Grand Production d.o.o., kumpannija rregolata mid-dritt Serb, tipproduċi programmi awdjoviżivi ta’ divertiment imxandra fit-territorju Serb mill-korp tax-xandir Serb Prva Srpska Televizija.

    9.        GO4YU d.o.o Beograd, ukoll kumpannija rregolata mid-dritt Serb, tmexxi pjattaforma ta’ streaming online li fuqha, skont il-kuntratti konklużi ma’ Prva Srpska Televizija, il-programmazzjoni tal-imsemmi korp tax-xandir tiġi trażmessa mill-ġdid. Din il-pjattaforma hija aċċessibbli kemm fit-territorju Serb, kif ukoll barra minnu.

    10.      GO4YU GmbH (iktar ’il quddiem “GO4YU (Awstrija)”) u MTEL Austria GmbH, kumpanniji rregolati mid-dritt Awstrijak, jipprovdu fl-Awstrija servizzi ta’ promozzjoni tal-pjattaforma ta’ streaming li tappartjeni lill-kumpannija GO4YU Beograd u ta’ tmexxija tar-relazzjonijiet mal-klijenti, inkluż il-konklużjoni tal-kuntratti u l-ġbir tal-ħlasijiet. MTEL Austria hija sussidjarja ta’ GO4YU Beograd. DH hija l-president tal-bord tad-diretturi u l-uniku azzjonista ta’ GO4YU (Awstrija).

    11.      GO4YU Beograd ma għandhiex id-dritt li tittrażmetti online, barra mit-territorju tas-Serbja u tal-Montenegro, programmi ta’ divertiment prodotti mill-kumpannija Grand Production. Għalhekk, hija obbligata timblokka l-aċċess għall-imsemmija programmi għall-utenti tal-internet li jinsabu barra mit-territorju ta’ dawn iż-żewġ Stati. Madankollu, dawn l-utenti jistgħu jevitaw dan l-imblokk billi jużaw l-hekk imsejjaħ servizz ta’ network privat virtwali (VPN). Dan is-servizz jippermetti lil utent jaqbad mal-internet permezz ta’ server apposta (iktar ’il quddiem is-“server VPN”), li jaħbi l-indirizz IP u, għalhekk, il-pożizzjoni ġeografika tal-utent (4). Billi jużaw dan is-servizz, l-utenti li ma jkunux preżenti fit-territorju tas-Serbja jew tal-Montenegro jistgħu għalhekk “jissimulaw” li jinsabu f’dawn l-Istati, u għaldaqstant jevitaw l-imblokk tal-aċċess applikat mill-kumpannija GO4YU Beograd.

    12.      Skont Grand Production, il-kumpannija GO4YU Beograd taf li l-imbblokkar ġeografiku tal-aċċess li hija tapplika jista’ jiġi evitat permezz tas-servizz VPN. Barra minn hekk, matul il-perijodu ta’ bejn it‑30 ta’ April 2020 u l‑15 ta’ Ġunju 2020, il-programmi ta’ divertiment tar-rikorrenti kienu aċċessibbli fl-Awstrija permezz tal-pjattaforma ta’ streaming tal-kumpannija GO4YU Beograd mingħajr ma ġie mbblokkat l-aċċess.

    13.      Fit‑28 ta’ Settembru 2020, fuq talba tal-kumpannija Grand Production, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) tat, permezz ta’ digriet, miżura b’urġenza fir-rigward ta’ GO4YU Beograd u ta’ MTEL Austria li tikkonsisti fl-impożizzjoni tal-projbizzjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, fit-territorju Awstrijak, tal-programmi ta’ divertiment prodotti mill-ewwel kumpannija. Madankollu, din il-qorti ċaħdet it-talba għal miżura b’urġenza simili fir-rigward tal-imsemmija żewġ kumpanniji sa fejn din kienet tikkonċerna atti mwettqa barra mit-territorju Awstrijak, kif ukoll, fl-intier tagħha, it-talba diretta kontra ż-żewġ konvenuti l-oħra fil-kawża prinċipali (jiġifieri DH u GO4YU (Awstrija)).

    14.      Dan id-digriet ġie parzjalment emendat, b’digriet tat‑28 ta’ Jannar 2021, mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), li ċaħdet it-talba ta’ Grand Production fl-intier tagħha sa fejn din kienet tikkonċerna lil MTEL Austria. Għalhekk baqgħet fis-seħħ biss il-miżura b’urġenza adottata fir-rigward ta’ GO4YU Beograd, limitata għat-territorju Awstrijak.

    15.      Grand Production ippreżentat rikors għal reviżjoni kontra din l-aħħar miżura quddiem il-qorti tar-rinviju, billi talbet li tingħata fir-rigward tal-konvenuti kollha fil-kawża prinċipali, miżura b’urġenza li tikkonsisti fl-impożizzjoni tal-projbizzjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fuq livell dinji tal-programmi prodotti minn din il-kumpannija.

    16.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-kawża u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

    “1.      Il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li din titwettaq minn operatur dirett (f’dan il-każ mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea) ta’ pjattaforma ta’ streaming, liema operatur

    –        jiddeċiedi waħdu dwar il-kontenut u l-oskurazzjoni ta’ emissjonijiet televiżivi trażmessi minnu u jimplimentahom mil-lat tekniku,

    –        għandu d-drittijiet amministrattivi esklużivi għall-pjattaforma ta’ streaming,

    –        jista’ jinfluwenza liema programmi televiżivi jistgħu jiġu rċevuti mill-utenti finali permezz tas-servizz, mingħajr ma jista’ madankollu jinfluwenza l-kontenut tal-progammi,

    –        u huwa l-punt ta’ kontroll esklużiv li jiddetermina liema programmi u liema kontenut jintwerew f’liema mument u f’liema territorji,

    meta, f’kull każ

    –        l-utent ikollu mhux biss aċċess għall-kontenut tat-trażmissjoni li l-użu online tiegħu ġie awtorizzat mill-proprjetarji tad-drittijiet rispettivi, iżda wkoll għal kontenut protett li fir-rigward tiegħu ma hemmx awtorizzazzjoni tad-drittijiet korrispondenti, u

    –        l-operatur dirett tal-pjattaforma ta’ streaming għandu għarfien tal-fatt li r-riċezzjoni ta’ kontenut ta’ trażmissjoni protett hija wkoll possibbli permezz tas-servizz tiegħu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarji tad-drittijiet abbażi tal-fatt li l-utenti jużaw servizzi VPN li jagħtu l-impressjoni li l-indirizz IP u t-tagħmir tal-utent finali jinsabu f’żoni li fir-rigward tagħhom inkiseb kunsens mill-proprjetarji tad-drittijiet, iżda

    –        ir-riċezzjoni ta’ kontenut ta’ trażmissjoni protett permezz tal-pjattaforma ta’ streaming mingħajr kunsens mill-proprjetarji tad-drittijiet kienet effettivament possibbli matul diversi ġimgħat anki mingħajr VPN tunnelling?

    2.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

    Il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din titwettaq ukoll minn terzi (f’dan il-każ b’sede fl-Unjoni) marbuta kuntrattwalment jew bid-dritt kummerċjali mal-operatur tal-pjattaforma msemmi fl-ewwel domanda, li, mingħajr ma jinfluwenzaw huma stess l-oskurazzjonijiet u l-programmi u l-kontenut tat-trażmissjonijiet miġjuba fuq il-pjattaforma ta’ streaming,

    –        jippromwovu l-pjattaforma ta’ streaming tal-operatur u s-servizzi tagħha, u/jew

    –        jikkonkludu ma’ konsumaturi abbonamenti ta’ prova li jintemmu awtomatikament wara 15-il jum, u/jew

    –        jipprovdu sostenn għall-konsumaturi tal-pjattaforma ta’ streaming b’servizz ta’ klijentela, u/jew

    –        joffru, fuq is-sit internet tagħhom, abbonamenti bi ħlas għall-pjattaforma ta’ streaming tal-operatur dirett u sussegwentement jaġixxu bħala parti kontraenti tal-konsumaturi u bħala destinatarju tal-ħlas, fejn l-abbonamenti bi ħlas jinħolqu b’mod li ssir referenza espressa għall-indisponibbiltà ta’ ċerti programmi biss jekk, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, il-konsumatur jindika espliċitament li huwa jixtieq jara dawn il-programmi, iżda fin-nuqqas ta’ tali indikazzjoni espliċita jew konkreta mill-konsumaturi, dawn ma jiġux informati b’dan minn qabel?

    3.      L-Artikolu 2(a) u (e) kif ukoll l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati, li huma protetti mill-Istat Membru tal-qorti adita, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni biss fir-rigward tad-dannu kkawżat fit-territorju tal-Istat Membru tal-imsemmija qorti, peress li l-prinċipju ta’ territorjalità jipprekludi l-poter ta’ konjizzjoni ta’ qrati nazzjonali fir-rigward ta’ ksur imwettaq barra mill-pajjiż, jew inkella din il-qorti tista’ jew għandha tiddeċiedi wkoll dwar reati mwettqa barra minn dan it-territorju (fid-dinja kollha) kif allegat mill-awtur li fir-rigward tiegħu seħħ il-ksur?”

    17.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Lulju 2021. Fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifiki mill-Qorti tal-Ġustizzja, li waslet għandha fil-11 ta’ Lulju 2022, il-qorti tar-rinviju emendat l-ewwel domanda preliminari billi ssostitwixxiet fl-inċiż ta’ qabel tal-aħħar ta’ din id-domanda, il-kelma “iżda” bil-kelma “jew”. Għalhekk, finalment, l-ewwel domanda preliminari hija fformulata hekk:

    “Il-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE […], għandu jiġi interpretat fis-sens li din titwettaq minn operatur dirett (f’dan il-każ mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea) ta’ pjattaforma ta’ streaming, liema operatur

    –        jiddeċiedi waħdu dwar il-kontenut u l-oskurazzjoni ta’ emissjonijiet televiżivi trażmessi minnu u jimplimentahom mil-lat tekniku,

    –        għandu d-drittijiet amministrattivi esklużivi għall-pjattaforma ta’ streaming,

    –        jista’ jinfluwenza liema programmi televiżivi jistgħu jiġu rċevuti mill-utenti finali permezz tas-servizz, mingħajr ma jista’ madankollu jinfluwenza l-kontenut tal-progammi,

    –        u huwa l-punt ta’ kontroll esklużiv li jiddetermina liema programmi u liema kontenut jintwerew f’liema mument u f’liema territorji,

    meta, f’kull każ

    –        l-utent ikollu mhux biss aċċess għall-kontenut tat-trażmissjoni li l-użu online tiegħu ġie awtorizzat mill-proprjetarji tad-drittijiet rispettivi, iżda wkoll għal kontenut protett li fir-rigward tiegħu ma hemmx awtorizzazzjoni tad-drittijiet korrispondenti, u

    –        l-operatur dirett tal-pjattaforma ta’ streaming għandu għarfien tal-fatt li r-riċezzjoni ta’ kontenut ta’ trażmissjoni protett hija wkoll possibbli permezz tas-servizz tiegħu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarji tad-drittijiet abbażi tal-fatt li l-utenti jużaw servizzi VPN li jagħtu l-impressjoni li l-indirizz IP u t-tagħmir tal-utent finali jinsabu f’żoni li fir-rigward tagħhom inkiseb kunsens mill-proprjetarji tad-drittijiet, [jew (5)]

    –        ir-riċezzjoni ta’ kontenut ta’ trażmissjoni protett permezz tal-pjattaforma ta’ streaming mingħajr kunsens mill-proprjetarji tad-drittijiet kienet effettivament possibbli matul diversi ġimgħat anki mingħajr VPN tunnelling?”

    18.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-partijiet fil-kawża prinċipali u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet wieġbu wkoll, bil-miktub, għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din tal-aħħar iddeċidiet li tiddeċiedi l-kawża mingħajr seduta għas-sottomissjonijiet orali.

     Analiżi

    19.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju għamlet tliet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel waħda tirrigwarda l-portata tar-responsabbiltà tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming (6) għall-komunikazzjoni lill-pubbliku, fuq din il-pjattaforma, ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet. It-tieni domanda tirrigwarda r-responsabbiltà eventwali tal-entitajiet li jikkollaboraw ma’ dan l-operatur. Finalment, it-tielet domanda tirrigwarda l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tal-ksur tad-drittijiet tal-awtur. Ngħaddi għall-analiżi ta’ dawn id-domandi fl-ordni li saru fih.

     Fuq lewwel domanda preliminari

    20.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming li jittrażmetti mill-ġdid programm televiżiv fuq l-internet jikser id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku stabbilit minn din id-dispożizzjoni , f’sitwazzjoni fejn:

    a)      l-utenti jevitaw l-imblokk ġeografiku tal-aċċess, billi jużaw is-servizz VPN, b’tali mod li x-xogħlijiet protetti jkunu aċċessibbli fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, li fuqhom l-operatur tal-pjattaforma inkwistjoni ma jkollux l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur;

    b)      ix-xogħlijiet protetti kienu aċċessibbli fuq din il-pjattaforma mingħajr limitazzjonijiet fit-territorju tal-Unjoni, mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

    21.      Din id-domanda tqajjem żewġ kwistjonijiet fundamentali, jiġifieri, l-ewwel, jekk l-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming, li fuqha jiġi trażmess mill-ġdid programm televiżiv, iwettaqx komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u, it-tieni, jekk l-operatur ta’ din il-pjattaforma huwiex responsabbli għall-fatt li l-utenti, billi jevitaw il-miżuri li jillimitaw l-aċċess applikati minn dan l-operatur, jiksbu l-aċċess għal kontenut protett. Ser nibda billi neżamina l-ewwel kwistjoni.

     Fuq ittrażmissjoni millġdid fuq linternet ta’ xandira televiżiva bħala komunikazzjoni lillpubbliku

    22.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiddeċiedi li “l-kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri trażmissjoni mill-ġdid tax-xogħlijiet inklużi f’xandira televiżiva terrestri

    –        li ssir minn organizzazzjoni differenti mix-xandar oriġinali,

    –        permezz ta’ fluss Internet li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-abbonati ta’ din l-organizzazzjoni li jistgħu jirċievu din it-trażmissjoni mill-ġdid billi jagħmlu konnessjoni mas-server tagħha,

    –        minkejja li dawn l-abbonati jkunu jinsabu fiż-żona ta’ riċezzjoni tal-imsemmija xandira televiżiva terrestri u jistgħu jirċivuha legalment fuq riċevitur tat-televiżjoni” (7).

    23.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li r-riżerva li tinsab fl-aħħar inċiż ta’ dan il-punt tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-abbonati tal-operatur tas-servizz ta’ trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet fiż-żona ta’ riċezzjoni ta’ xandir televiżiv terrestri, ma tfissirx li din id-deċiżjoni tapplika biss għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni. Din il-preċiżazzjoni kienet neċessarja sabiex tingħata tweġiba għall-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ hekk imsejjaħ pubbliku ‘ġdid’, jiġifieri ta’ pubbliku differenti minn dak li għalih kien intiż ix-xandir televiżiv oriġinali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din iċ-ċirkustanza ma kinitx rilevanti, peress li t-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet titwettaq permezz ta’ mezzi tekniċi differenti mix-xandir televiżiv oriġinali (8). Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn it-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet tkun aċċessibbli anki barra miż-żona ta’ riċezzjoni tax-xandir televiżiv oriġinali (9), din tkun neċessarjament immirata għal pubbliku iktar wiesa’ meta mqabbla max-xandir televiżiv inkwistjoni. Konsegwentement, a fortiori, din it-trażmissjoni mill-ġdid tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

    24.      Huwa wkoll irrilevanti li t-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet tkun simultanja u ma tinbidilx meta mqabbla max-xandir televiżiv oriġinali (“live streaming”), kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147), jew jekk, pereżempju, tiġi ddifferita fiż-żmien. Il-kriterju biex din it-trażmissjoni mill-ġdid titqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 huwa, fil-fatt, dak tal-mezz tekniku li ssir permezz tiegħu u l-fatt li din issir minn entità differenti mill-korp ta’ xandir televiżiv oriġinali.

    25.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet ta’ xandira televiżiva oriġinali għandha, mill-perspettiva teknika, natura sekondarja u dderivata meta mqabbla max-xandir inkwistjoni, mill-perspettiva ġuridika, l-att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku li tikkostitwixxi din it-trażmissjoni mill-ġdid huwa ta’ natura distinta u indipendenti mill-imsemmi xandir oriġinali. Konsegwentement, il-fatt li x-xandir televiżiv oriġinali huwa intiż għal żona li tinsab barra mit-territorju tal-Unjoni u, għalhekk, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix li t-trażmissjoni mill-ġdid fuq l-internet ta’ dan ix-xandir titqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, sa fejn din it-trażmissjoni mill-ġdid hija aċċessibbli mit-territorju fejn tapplika din id-direttiva.

    26.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni li, fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 20(b) ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri, meta x-xogħlijiet protetti, li huma s-suġġett ta’ xandir televiżiv oriġinali barra mill-Unjoni, ikunu aċċessibbli, mingħajr limitazzjonijiet, fit-territorju tal-Unjoni, fuq pjattaforma bl-internet li fuqha dan ix-xandir jiġi trażmess mill-ġdid, l-operatur tal-pjattaforma inkwistjoni jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet, komunikazzjoni li taqa’ taħt id-dritt esklużiv stabbilit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Din il-komunikazzjoni lill-pubbliku, jekk issir mingħajr il-kunsens tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, tikkostitwixxi għalhekk ksur tad-dritt esklużiv inkwistjoni.

     Fuq irresponsabbiltà għallevażjoni, millutenti, talmiżuri li jillimitaw laċċess fuq linternet għaxxogħlijiet protetti middrittijiet talawtur

    27.      Issa ser nindirizza suġġett iktar kumpless, jiġifieri l-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming fis-sitwazzjoni deskritta fil-punt 20(a) ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’din is-sitwazzjoni, l-operatur tal-pjattaforma ta’ streaming, fl-osservanza tad-drittijiet tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, japplika mblokkar ġeografiku tal-aċċess fit-territorju li għalih ma ġietx awtorizzata l-komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet protetti, fil-kawża ineżami fit-territorju kollu tal-Unjoni, iżda l-utenti jevitaw dan l-imblokkar billi jużaw servizz VPN, li jippermettilhom jiksbu l-aċċess għax-xogħlijiet bħallikieku kienu jinsabu fit-territorju kopert mill-awtorizzazzjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, jiġifieri t-territorju tas-Serbja jew tal-Montenegro.

    28.      L-imblokki ġeografiċi tal-aċċess jifformaw parti mill-istrumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali (“digital rights management”) (10). Dawn l-istrumenti jiġbru fihom diversi forom ta’ protezzjoni intiżi biex jipprekludu l-użu ta’ kontenut f’format diġitali (elettroniku) kuntrarjament għar-rieda tal-fornitur tal-kontenut. Dawn il-garanziji huma intiżi biex “jikkorreġu” l-karatteristiċi tal-format diġitali tad-data, li ma humiex mixtieqa mill-perspettiva tal-fornituri tal-kontenut, jiġifieri l-possibbiltà li jinħolqu, prattikament mingħajr l-ebda spiża, kwalunkwe numru ta’ kopji perfetti u li jitqassmu (b’mod partikolari permezz tal-internet) fuq kwalunkwe distanza. Fir-rigward tal-istrumenti ta’ ġestjoni ta’ drittijiet diġitali ta’ kontenut imxandar fuq l-internet, bħall-imblokkar ġeografiku tal-aċċess, dawn jistgħu jservu wkoll sabiex tiġi limitata n-natura globali ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni u tiġi permessa s-subdiviżjoni virtwali tiegħu f’żoni ġeografiċi, kif semmejt fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    29.      L-istrumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali jintużaw b’mod wiesa’ sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-awtur, billi jipprekludu l-użu illegali, jew sempliċement mhux mixtieq mid-detenturi tad-drittijiet inkwistjoni, tax-xogħlijiet protetti ddistribwiti f’format diġitali. Dawn jintużaw ukoll bħala strument għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq tali xogħlijiet, sa fejn jagħmlu possibbli l-ġbir ta’ remunerazzjoni separata skont il-forom differenti ta’ distribuzzjoni tal-istess xogħol, it-tqassim tas-suq kif ukoll l-hekk imsejħa “diskriminazzjoni tal-prezzijiet” fiż-żoni differenti tiegħu, jew, finalment, il-ġbir tal-korrispettiv għall-kontenut imqiegħed disponibbli fuq is-siti tal-internet.

    30.      L-istrumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali, li jservu għall-protezzjoni u għall-ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur, huma wkoll protetti mid-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29 jimponi fuq l-Istati Membri li jipprovdu protezzjoni ġuridika għal kull “miżura teknoloġika effettiva”, li, skont id-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, tkopri l-istrumenti ta’ ġestjoni ta’ drittijiet diġitali.

    31.      Anki l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-istrumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali jista’ jkollhom effetti legali fid-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk relatati mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, aspett partikolarment interessanti mill-perspettiva ta’ din il-kawża.

    32.      Fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “l-provvista fuq sit internet ta’ links li tikklikkja fuqhom li jwasslu għal xogħlijiet liberament disponibbli fuq sit internet ieħor ma tikkostitwixxix att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku” (11). Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li sit aċċessibbli liberament huwa intiż għall-utenti kollha tal-internet, b’mod li ħolqa li tikklikkja fuqha li tiħdok għal xogħol li jinsab fuq dan is-sit, ma tagħmilx ix-xogħol inkwistjoni disponibbli għal pubbliku ġdid (12).

    33.      Min-naħa l-oħra, sit tal-internet protett minn miżuri li jillimitaw l-aċċess (13) huwa intiż biss għall-abbonati, jiġifieri, għall-persuni li legalment kisbu l-aċċess għas-sit inkwistjoni. L-evażjoni ta’ dawn il-miżuri restrittivi u t-tqegħid tax-xogħlijiet protetti għad-dispożizzjoni ta’ persuni oħra, anki permezz ta’ ħolqa preżenti fuq sit ieħor, tippermetti l-għoti ta’ aċċess għal pubbliku ġdid u tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (14). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-użu tal-istrumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali fuq l-internet jista’ jiddefinixxi ċ-ċirku ta’ persuni (il-pubbliku) li għalihom huwa intiż att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (15).

    34.      Fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken (C‑174/15, EU:C: 2016:856), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-possibbiltà li d-deroga għal-libreriji pubbliċi prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2006/115/KE tkopri s-self ta’ kopja ta’ ktieb f’format diġitali (16), sa fejn jiġu applikati strumenti ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali li jagħmlu s-self ta’ kopji elettroniċi simili għas-self ta’ kopji stampati (17).

    35.      Finalment, fis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst (C‑392/19, EU:C:2021:181), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens [tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29] l-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, f’paġna internet ta’ terz, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu permezz tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’sit internet ieħor, meta din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni adottati jew imposti minn dan id-detentur” (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, bl-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni ta’ xogħol protett li jiġi mqiegħed għad-dispożizzjoni fuq l-internet, jillimita ċ-ċirku ta’ persuni li għalihom ikun aċċessibbli dan ix-xogħol għall-utenti tas-sit li fuqu inizjalment ġie kkomunikat (19).

    36.      Fil-fehma tiegħi, jista’ jiġi applikat raġunament simili għall-imblokk ġeografiku tal-aċċess inkwistjoni fil-kawża ineżami. Jekk id-detentur tad-drittijiet tal-awtur (jew il-persuna liċenzjata tiegħu) applika tali mblokkar, ix-xandiriet tiegħu huma intiżi biss għall-persuni li jaċċedu għall-kontenut protett mit-territorju indikat minn dan id-detentur (jiġifieri, mit-territorju fejn l-aċċess ma huwiex imblokkat). Għaldaqstant id-detentur tad-dritt ma jwettaqx komunikazzjoni lill-pubbliku fil-bqija tat-territorju.

    37.      Għalhekk, għalkemm fuq il-pjattaforma ta’ streaming li tappartjeni lil GO4YU Beograd, il-programmi ta’ divertiment prodotti mill-kumpannija Grand Production huma suġġetti għal imblokkar ġeografiku tal-aċċess, b’tali mod li l-aċċess għalihom huwa possibbli biss, bħala prinċipju, mit-territorju tas-Serbja u tal-Montenegro, GO4YU Beograd ma twettaqx komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn il-programmi fit-territorju tal-Unjoni.

    38.      Madankollu, kif huwa magħruf, la fid-dinja virtwali u lanqas fid-dinja reali ma jeżistu miżuri ta’ protezzjoni li ma jistgħux jiġu evitati jew miksura. Dan jista’ jkun biss iktar jew inqas diffiċli. L-istess japplika għall-imblokk ġeografiku tal-aċċess. Diversi tipi ta’ mezzi tekniċi, fosthom is-servizzi VPN, jippermettu li jiġi evitat dan l-imblokkar, b’mod partikolari billi tinbidel virtwalment il-lokalizzazzjoni tal-utent. Għalkemm jeżistu mezzi tekniċi għall-ġlieda kontra tali prattiki, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ma humiex, u probabbilment qatt ma huma ser ikunu, kompletament effettivi, peress li l-progress tat-tekniki ta’ ksur dejjem ikunu pass ’il quddiem meta mqabbel mal-progress tal-mekkaniżmi ta’ protezzjoni.

    39.      Madankollu, dan ma jfissirx li l-entità, li l-imblokkar ġeografiku tal-aċċess tagħha għal xogħol protett jiġi evitat mill-utenti, twettaq komunikazzjoni lill-pubbliku fit-territorju fejn l-aċċess għall-imsemmi xogħol jiġi mblokkat. Din il-konklużjoni tirrendi impossibbli kull ġestjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet fuq livell territorjali, u kull komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol fuq l-internet għandu jkollha neċessarjament, bħala prinċipju, natura globali.

    40.      Fil-fehma tiegħi, hawnhekk għandu jiġi adottat approċċ simili għal dak adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi relatati mal-hyperlinks. Meta hyperlink ikollha l-effett li tevita l-miżuri li jillimitaw l-aċċess għall-kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur, ir-responsabbiltà għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan il-kontenut lil pubbliku ġdid taqa’ fuq il-persuna li tinserixxi l-hyperlink, u mhux fuq l-operatur tas-sit internet li fuqu tkun saret il-komunikazzjoni inizjali u li l-miżuri tiegħu li jillimitaw l-aċċess ikunu ġew miksura.

    41.      L-element speċifiku tal-kawża ineżami huwa l-assenza ta’ terzi li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti l-programmi prodotti mill-kumpannija Grand Production bi ksur tal-imblokkar ġeografiku tal-aċċess applikat minn GO4YU Beograd. Huma l-istess utenti li jevadu dan l-imblokkar, billi jiksbu l-aċċess għal dawn il-programmi mingħajr intermedjarju (20).

    42.      Madankollu, ma jidhirlix li din hija raġuni suffiċjenti biex GO4YU Beograd titqies bħala responsabbli għal din is-sitwazzjoni. Grand Production probabbilment għandha raġun issostni li GO4YU Beograd kienet taf bil-fatt li l-imblokk ġeografiku tal-aċċess tagħha jiġi evitat permezz tas-servizz VPN. Madankollu anki Grand Production kienet taf b’dan il-fatt. L-evażjoni minn tipi differenti ta’ miżuri ta’ protezzjoni mill-utenti tikkostitwixxi riskju inerenti għad-distribuzzjoni f’forma diġitali, b’mod partikolari fuq l-internet, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Grand Production, li tippermetti lil GO4YU Beograd tikkomunika lill-pubbliku l-programmi tagħha fuq pjattaforma ta’ streaming f’territorju partikolari, kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ċertu numru ta’ utenti setgħu jiksbu l-aċċess għalihom barra minn dan it-territorju.

    43.      Madankollu, dan ma jimplikax li GO4YU Beograd hija responsabbli għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dawn il-programmi lill-imsemmija utenti. Skont il-loġika tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata iktar ’il fuq, iċ-ċirku previst ta’ persuni li lilhom tkun indirizzata komunikazzjoni lill-pubbliku huwa ddeterminat mill-intenzjoni tal-entità li twettaq din il-komunikazzjoni, li hija dedotta mill-miżuri tekniċi ta’ protezzjoni applikati.

    44.      Is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk GO4YU Beograd kienet tapplika intenzjonalment imblokk ġeografiku tal-aċċess ineffettiv biex effettivament tippermetti lill-persuni li jinsabu barra mit-territorju li fih hija awtorizzata tikkomunika lill-pubbliku l-programmi prodotti minn Grand Production li jaċċedu għall-programmi inkwistjoni, b’mod iffaċilitat meta mqabbel mal-possibbiltajiet oġġettivament eżistenti fuq l-internet, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi VPN ġeneralment disponibbli. F’dan il-każ, għandu jitqies li GO4YU Beograd għandha, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tagħhom, tadotta miżuri intiżi biex jiżguraw lill-klijenti tagħha l-aċċess għax-xogħol protett, b’mod partikolari fejn, fl-assenza tal-imsemmija miżuri, il-klijenti tagħha ma jkunux jistgħu, bħala prinċipju, ikollhom aċċess għax-xogħol inkwistjoni (21). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha taċċerta ruħha minn din iċ-ċirkustanza. Min-naħa l-oħra, il-partijiet fil-kuntratt ta’ liċenzja jistgħu jipprevedu, fil-kuntratt bejniethom, obbligi iktar wiesgħa fir-rigward tal-miżuri li jillimitaw l-aċċess għall-kontenut li huwa s-suġġett tal-kuntratt.

     Risposta għallewwel domanda preliminari

    45.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming li jittrażmetti mill-ġdid programm televiżiv fuq l-internet ma jiksirx id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, f’sitwazzjoni fejn l-utenti, bl-użu tas-servizz VPN, jevitaw l-imblokkar ġeografiku tal-aċċess, b’tali mod li xogħlijiet protetti jkunu aċċessibbli fit-territorju tal-Unjoni, li għalih l-operatur ta’ din il-pjattaforma ma għandux l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi operatur jikser l-imsemmi dritt, fejn, fuq din il-pjattaforma, ikunu aċċessibbli xogħlijiet protetti mingħajr ebda limitazzjoni fit-territorju tal-Unjoni, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

     Fuq ittieni domanda preliminari

    46.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li twettaq komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni wkoll entità marbuta ma’ operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming li fuqha jiġu mqiegħda għad-dispożizzjoni x-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li tippromwovi din il-pjattaforma, tikkonkludi mal-klijenti l-kuntratti dwar is-servizzi pprovduti mill-operatur tagħha u li tipprovdi appoġġ lill-imsemmija klijenti, iżda li ma teżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq il-pjattaforma u lanqas fuq il-miżuri li jillimitaw l-aċċess applikati għaliha, intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-awtur ta’ terzi.

    47.      Ir-risposta għal din id-domanda tista’, fil-fehma tiegħi, tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija sa issa fil-qasam tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

    48.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4), diġà kelli l-okkażjoni nirrileva li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, ikkonkludiet li teżisti komunikazzjoni lill-pubbliku f’diversi ċirkustanzi li jmorru lil hinn mill-kuntest tas-sempliċi trażmissjoni diretta ta’ xogħol, xorta jibqa’ l-fatt li l-karatteristika komuni ta’ dawn is-sitwazzjonijiet kollha kienet l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-intervent tal-utent u x-xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur . Din ir-rabta tirrappreżenta l-element ċentrali li mingħajru ma jistax jingħad li hemm att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet imsemmija (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet il-proposta tiegħi għar-risposta għad-domanda preliminari f’dik il-kawża, u ddikjarat li l-kiri ta’ vetturi bil-mutur mgħammra b’settijiet tar-radju ma jikkostitwixxix komunikazzjoni lill-pubbliku, b’mod partikolari, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (23).

    49.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jitpoġġewx indiskussjoni mill-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. B’mod partikolari, fis-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls iwettaq (bi ksur tad-drittijiet tal-awtur) komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet protetti biss meta dan l-operatur ikollu għarfien konkret tal-provvista illegali ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma tiegħu u jastjeni milli jħassarha jew jimblokka l-aċċess għaliha b’mod immedjat, jew meta l-imsemmi operatur, minkejja li jaf jew għandu jkun jaf li, b’mod ġenerali, kontenut protett ikun tqiegħed illegalment għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz tal-pjattaforma tiegħu minn utenti tagħha, jastjeni milli jimplimenta l-miżuri tekniċi xierqa li wieħed jistenna minn operatur normalment diliġenti fis-sitwazzjoni tiegħu sabiex jikkumbatti b’mod kredibbli u effettiv il-ksur tad-drittijiet tal-awtur fuq din il-pjattaforma, jew meta jipparteċipa fl-għażla ta’ kontenut protett ikkomunikat illegalment lill-pubbliku, jipprovdi fuq il-pjattaforma tiegħu għodod speċifikament maħsuba għall-kondiviżjoni illegali ta’ tali kontenut jew xjentement jippromwovi tali kondiviżjoni (24). Min-naħa l-oħra, is-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet ta’ pjattaforma li tippermetti d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-operatur ta’ tali pjattaforma jwettaq komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk, mingħajr il-pjattaforma inkwistjoni, l-utenti ma kinux ikunu jistgħu jiddistribwixxu l-imsemmija xogħlijiet (25).

    50.      Fil-kawża ineżami, ma teżisti l-ebda rabta diretta bejn l-attività tal-entitajiet ikkonċernati mit-tieni domanda preliminari u x-xogħlijiet ikkomunikati lill-pubbliku fuq il-pjattaforma ta’ streaming ta’ GO4YU Beograd, inklużi l-programmi ta’ divertiment prodotti minn Grand Production. Dawn l-entitajiet jikkontribwixxu mingħajr dubju għall-funzjonament ta’ din il-pjattaforma, billi jiżguraw is-servizz ta’ intermedjarju bejn il-pjattaforma u l-klijenti tagħha. Wieħed jista’ jikkunsidra wkoll li l-attività tagħhom hija indispensabbli sabiex tali klijenti jkunu jistgħu jiksbu l-aċċess għall-kontenut ippubblikat fuq il-pjattaforma inkwistjoni, peress li dan l-aċċess jeħtieġ li jiġi konkluż kuntratt ta’ abbonament. Min-naħa l-oħra, dawn il-persuni ma jeżerċitaw ebda influwenza fuq il-kontenut imxandar fuq l-imsemmija pjattaforma u lanqas ma għandhom il-possibbiltà li jipprevjenu ksur possibbli tad-drittijiet tal-awtur.

    51.      Iċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda tagħha, li l-klijenti ma humiex informati minn qabel dwar il-fatt li ċertu kontenut, b’mod partikolari l-programmi ta’ divertiment prodotti minn Grand Production, ma huwiex disponibbli fuq il-pjattaforma, bl-ebda mod ma jbiddel din il-konklużjoni. In-nuqqas ta’ informazzjoni tal-klijenti dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ ċertu kontenut fuq il-pjattaforma ma jbiddilx il-fatt li din l-indisponibbiltà teżisti. Fil-fehma tiegħi, lanqas ma teżisti rabta kawżali evidenti bejn in-nuqqas ta’ informazzjoni tal-klijenti dwar l-indisponibbiltà tal-kontenut inkwistjoni u t-tendenza tiegħu li jevita l-imblokkar ġeografiku tal-aċċess li huwa l-kawża tal-imsemmija indisponibbiltà. Barra minn hekk, kif indikajt preċedentement, fil-fehma tiegħi, l-operatur tal-pjattaforma ta’ streaming u, għalhekk, a fortiori, entitajiet oħra marbuta miegħu ma humiex responsabbli għall-evażjoni, mill-utenti, tal-miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għax-xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur.

    52.      Il-persuni marbuta mal-operatur ta’ din il-pjattaforma jistgħu, jekk ikun il-każ, jinżammu responsabbli b’mod anċillari talli ffaċilitaw il-ksur tad-drittijiet tal-awtur jew ikkollaboraw ma’ dan, jekk jiġi kkonstatat ksur ta’ dawn id-drittijiet. Madankollu, din ir-responsabbiltà ma hijiex armonizzata fid-dritt tal-Unjoni u taqa’ esklużivament taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri.

    53.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li entità marbuta mal-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming, li fuqha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li tippromwovi din il-pjattaforma, tikkonkludi mal-klijenti l-kuntratti dwar is-servizzi pprovduti minn dan l-operatur kif ukoll tipprovdi appoġġ lill-imsemmija klijenti, iżda ma teżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq il-pjattaforma u lanqas fuq l-applikazzjoni fuqha ta’ miżuri li jillimitaw l-aċċess intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, ma twettaq ebda komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata.

     Fuq ittielet domanda preliminari

    54.      It-tielet domanda preliminari tirrigwarda l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri f’materji ta’ delitt u kważi-delitt. Skont il-formulazzjoni ta’ din id-domanda mill-qorti tar-rinviju, din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u (e) kif ukoll tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, moqri flimkien mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012.

    55.      Il-qorti tar-rinviju tispjega li din id-domanda toriġina mid-dubji li għandha abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, f’każ ta’ ksur allegat ta’ drittijiet tal-awtur żgurati mill-Istat Membru tal-qorti adita, din tal-aħħar ikollha ġurisdizzjoni, fuq il-bażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu (“Erfolgsort” bil-Ġermaniż), li tieħu konjizzjoni ta’ kawża għad-danni għal ksur ta’ dawn id-drittijiet minħabba t-tpoġġija fuq l-internet ta’ xogħolijiet protetti fuq sit tal-internet aċċessibbli fil-ġurisdizzjoni tagħha, iżda biss fir-rigward tad-dannu kkawżat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (26).

    56.      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha, tista’ tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni, għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti u għall-għoti ta’ kumpens għat-totalità tad-dannu subit quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha. Min-naħa l-oħra, din il-persuna ma tistax, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija jew kienet aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti (27).

    57.      F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali, li ma huwiex talba għad-danni, iżda talba għall-adozzjoni ta’ miżura b’urġenza fil-forma ta’ projbizzjoni ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fuq l-internet ta’ xogħlijiet li l-kumpannija rikorrenti għandha drittijiet fuqhom, il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita għandhiex tiġi ddeterminata skont l-ewwel sentenza, jiġifieri, b’mod li l-ġurisdizzjoni tkun limitata għat-territorju Awstrijak, jew konformement mat-tieni sentenza, bil-konsegwenza li l-qrati Awstrijaċi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jadottaw miżuri kawtelatorji b’portata dinjija.

    58.      Madankollu, għandi dubji dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda preliminari, peress li nqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha. Barra minn hekk, dawn id-dubji jidhru li huma kondiviżi mill-partijiet fil-kawża prinċipali.

    59.      Fl-ewwel lok, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra iktar ’il fuq ġiet żviluppata fuq il-bażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 (28), li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih ukoll fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha. Din id-dispożizzjoni tipprevedi, f’materji ta’ delitt u ta’ kważi delitt, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt dannuż. Kien f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat il-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fil-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli fil-kawża prinċipali ineżami.

    60.      Fir-rigward ta’ GO4YU Beograd, din għandha s-sede tagħha fis-Serbja, jiġifieri barra mit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija limitata biss għall-konvenuti ddomiċiljati (jew li għandhom is-sede tagħhom) fl-Istati Membri. Min-naħa tagħha, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru f’dak li jirrigwarda t-talbiet imressqa kontra persuna li ma hijiex iddomiċiljata fi Stat Membru hija rregolata, skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru.

    61.      Fir-rigward ta’ konvenuti oħra fil-kawża prinċipali, dawn huma stabbiliti jew iddomiċiljati fl-Awstrija, jiġifieri fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati Awstrijaċi fil-kawżi kontra dawn il-konvenuti ma hijiex iddeterminata mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, peress li din id-dispożizzjoni tapplika għall-persuni mressqa quddiem il-qrati ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat li fih huma ddomiċiljati, iżda mill-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-persuni ddomiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat. Il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandha natura ġenerali u ma hijiex, fil-prinċipju, limitata u, fi kwalunkwe każ, ma hijiex limitata mir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni (29). Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 55 u 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet għalhekk ma tistax tiġi applikata fil-kawża ineżami.

    62.      Bl-istess mod, din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli jekk il-qrati Awstrijaċi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tat-talba mressqa kontra GO4YU Beograd, b’applikazzjoni, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka, fid-dawl tar-rabta bejn din it-talba u t-talba mressqa kontra konvenuti oħra (30). Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-portata tal-ġurisdizzjoni għandha tkun simili għal dik li tirriżulta mill-Artikolu 4(1) tal-istess regolament. Fi kwalunkwe każ, din hija kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali (31).

    63.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tispjega kif l-applikazzjoni tar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja adottat fis-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766) għandha tiddetermina l-ġurisdizzjoni illimitata tal-qrati Awstrijaċi.

    64.      Fil-fatt, minn naħa, xejn ma jippermetti li jiġi dedott li ċ-ċentru tal-interessi ta’ Grand Production kien jinsab fl-Awstrija u mhux fis-Serbja, fejn din il-kumpannija għandha s-sede tagħha. Barra minn hekk, il-partijiet fil-kawża prinċipali jaffermaw huma stess, b’risposta għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-duttrina dwar iċ-ċentru tal-interessi ma hijiex applikabbli fil-kawża ineżami.

    65.      Min-naħa l-oħra, li kieku kellha tiġi applikata, b’analoġija, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, fid-dawl tan-natura ubikwitarja tal-informazzjoni u tal-kontenut imqiegħed online fuq sit tal-internet u tal-fatt li l-portata tat-tixrid tagħha hija, bħala regola universali, talba intiża għar-rettifika tal-ewwel u għat-tħassir tat-tieni hija waħda u indiviżibbli u, konsegwentement, tista’ titressaq biss quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-integralità ta’ talba għal kumpens għal dannu (32), it-tielet domanda magħmula fil-kawża ineżami ma jkunx għad għandha skop. Fil-fatt, skont dan l-argument, kull talba intiża għar-rettifika jew għat-tneħħija tal-kontenut ippubblikat fuq l-internet (33) għandha titressaq quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali illimitata, li għandha qabel kollox tiġi indikata fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti, fil-kawża ineżami fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet Awstrijaċi fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Konsegwentement, ma jidhirx iktar neċessarju li tiġi eżaminata l-portata tal-ġurisdizzjoni ta’ din il-qorti.

    66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li t-tielet domanda preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli.

     Konklużjoni

    67.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

    1)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jiksirx id-dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, stabbilit f’din id-dispożizzjoni, l-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming li jittrażmetti mill-ġdid programm televiżiv fuq l-internet, f’sitwazzjoni fejn l-utenti, bl-użu tas-servizz ta’ network privat virtwali (VPN), jevitaw l-imblokkar ġeografiku tal-aċċess, b’tali mod li xogħlijiet protetti jkunu aċċessibbli fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, li għalih l-operatur ta’ din il-pjattaforma ma għandux l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur; min-naħa l-oħra, l-imsemmi operatur jikser l-imsemmi dritt, fejn, fuq il-pjattaforma tiegħu, ikunu aċċessibbli xogħlijiet protetti mingħajr ebda limitazzjoni fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur.

    2)      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29

    għandu wkoll jiġi interpretat fis-sens li:

    entità marbuta mal-operatur ta’ pjattaforma ta’ streaming, li fuqha jitqiegħdu għad-dispożizzjoni xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur, li tippromwovi din il-pjattaforma, tikkonkludi mal-klijenti l-kuntratti dwar is-servizzi pprovduti mill-operatur tagħha kif ukoll tipprovdi appoġġ lill-imsemmija klijenti, iżda ma teżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut imqiegħed għad-dispożizzjoni fuq il-pjattaforma u lanqas fuq l-applikazzjoni fuqha ta’ miżuri li jillimitaw l-aċċess intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-awtur ta’ terzi, ma twettaq ebda komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata.


    1      Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


    2      ĠU 2012, L 351, p. 1.


    3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230.


    4      L-utent jopera fuq l-internet bl-indirizz IP u bil-pożizzjoni tas-server VPN.


    5      Enfasi miżjuda minni. Fil-verżjoni oriġinali “oder”.


    6      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ċċarat, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, li din ma tikkonċernax pjattaforma għall-pubblikazzjoni ta’ kontenut mill-utenti, iżda sit internet li l-operatur tiegħu jiddeċiedi waħdu dwar il-kontenut li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni.


    7      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 1 tad-dispożittiv).


    8      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et (C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 39).


    9      Bħal fil-kawża ineżami, fejn ix-xandir televiżiv intiż għat-territorju tas-Serbja huwa aċċessibbli, permezz tal-internet, ukoll barra minn dan it-territorju, b’mod partikolari fit-territorju tal-Unjoni.


    10      Għal iktar informazzjoni dwar l-imblokkar ġeografiku tal-aċċess u l-effetti ġuridiċi tal-evażjoni tiegħu, ara: Kra-Oz, T., “Geoblocking and the Legality of Circumvention”, IDEA – The Journal of the Franklin Pierce Center for Intellectual Property, Vol. 57 (2017), p. 385 sa 430, u Trimble, M., “Copyright and Geoblocking : The Consequences of Eliminating Geoblocking”, Boston University Journal of Science & Technology Law, Vol. 25 (2019), p. 476 sa 502.


    11      Punt 1 tad-dispożittiv. Enfasi miżjuda minni.


    12      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 27 u 28).


    13      Jiġifieri tip ta’ strument ta’ ġestjoni tad-drittijiet diġitali.


    14      Sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 27 u 31).


    15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke (C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 36).


    16      Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU 2006, L 376, p. 28).


    17      Sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Vereniging Openbare Bibliotheken (C‑174/15, EU:C:2016:856, punti 51 sa 53 u punt 1 tad-dispożittiv).


    18      Dispożittiv. Enfasi miżjuda minni.


    19      Is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2021, VG Bild-Kunst (C‑392/19, EU:C:2021:181, punti 42 u 43).


    20      Naturalment, hemm intermedjarji bħall-amministraturi tas-servizz VPN. Madankollu, dawn huma intermedjarji li jipprovdu aċċess għall-internet, u mhux speċifikament għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur. Dawn huma intermedjarji skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


    21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Stichting Brein (C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 31).


    22      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:4, punti 24 sa 35).


    23      Sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI (C‑753/18, EU:C:2020:268, id-dispożittiv).


    24      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 1 tad-dispożittiv).


    25      Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punti 77 sa 79).


    26      Sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk (C‑441/13, EU:C:2015:28, id-dispożittiv).


    27      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, id-dispożittiv).


    28      Jew fuq il-bażi tal-artikolu korrispondenti, jiġifieri l-Artikolu 5(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1215/2012.


    29      Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Glawischnig-Piesczek (C‑18/18, EU:C: 2019:458, punti 85 u 86 kif ukoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


    30      Fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax fuq liema bażi l-qrati Awstrijaċi qiesu li għandhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu konjizzjoni tat-talba mressqa kontra GO4YU Beograd. Il-possibbiltà li titressaq kawża kontra persuna li għandha s-sede tagħha f’pajjiż terz tidher, madankollu, li teżisti fid-dritt Awstrijak (ara Petz, T., f’Toshiyuki, K., “Intellectual Property and Private International Law: Comparative Perspectives, Bloomsbury Publishing (UK), 2012, p. 310 et seq.).


    31      F’dan il-każ, l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma huwiex applikabbli f’din il-kawża, peress li dan l-artikolu, bħall-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, japplika biss għall-konvenuti ddomiċiljati (jew stabbiliti) fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Sapir et, C‑645/11, EU:C:2013:228, punt 3 tad-dispożittiv).


    32      Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 48).


    33      Għalhekk, b’analoġija, kull talba intiża biex jiġi pprojbit it-tqegħid għad-dispożizzjoni fuq l-internet ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur.

    Top