This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0284
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 21 June 2022.#European Commission v Anthony Braesch and Others.#Appeal – State aid – Articles 107 and 108 TFEU – Restructuring aid – Banking sector – Preliminary examination stage – Decision declaring the aid compatible with the internal market – Restructuring plan – Commitments given by the Member State concerned – Burden-sharing measures – Conversion of subordinated debts into equity – Bondholders – Action for annulment – Admissibility – Fourth paragraph of Article 263 TFEU – Locus standi – Natural or legal person directly and individually concerned – Breach of the procedural rights of interested parties – Failure to initiate the formal investigation procedure – Article 108(2) TFEU – Concept of ‘parties concerned’ – Regulation (EU) 2015/1589 – Article 1(h) – Concept of ‘interested party’ – National measures taken into account by the European Commission – Inadmissibility of the action.#Case C-284/21 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-21 ta’ Ġunju 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Anthony Braesch et.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Settur bankarju – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Pjan ta’ ristrutturazzjoni – Impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat – Miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri – Konverżjoni ta’ djun subordinat f’kapital – Detenturi ta’ bonds – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment ikkonċernata – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett ta’ ‘interessat’ – Regolament (UE) Nru 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Miżuri nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Inamissibbiltà tar-rikors.
Kawża C-284/21 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-21 ta’ Ġunju 2022.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Anthony Braesch et.
Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikoli 107 u 108 TFUE – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Settur bankarju – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Pjan ta’ ristrutturazzjoni – Impenji meħuda mill-Istat Membru kkonċernat – Miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri – Konverżjoni ta’ djun subordinat f’kapital – Detenturi ta’ bonds – Rikors għal annullament – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Persuna fiżika jew ġuridika direttament u individwalment ikkonċernata – Ksur tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Nuqqas ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett ta’ ‘interessat’ – Regolament (UE) Nru 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’ – Miżuri nazzjonali meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea – Inamissibbiltà tar-rikors.
Kawża C-284/21 P.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:490
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2022 ( 1 )
Kawża C‑284/21 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Anthony Braesch,
Trinity Investments DAC,
Bybrook Capital Master Fund LP,
Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP,
Bybrook Capital Badminton Fund LP
“Appell – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni – Settur bankarju – Fażi ta’ eżami preliminari – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Ammissibbiltà – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Locus standi – Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett ta’ ‘interessat’ – Regolament (UE) 2015/1589 – Artikolu 1(h) – Kunċett ta’ ‘parti interessata’”
Introduzzjoni
1. |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑24 ta’ Frar 2021, Braesch et vs Il‑Kummissjoni ( 2 ), li ddikjarat ammissibbli rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li ma tqajjimx oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2015/1589 ( 3 ) li permezz tiegħu l-Kummissjoni Ewropa, skont il-fażi ta’ eżami preliminari u fuq il-bażi tal-impenji offruti mill-awtoritajiet Taljani, kienet iddikjarat għajnuna mill-Istat mogħti mir-Repubblika Taljana favur Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem “BMPS”) ( 4 ). |
2. |
Din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà ta’ rikors kontra deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar partikolari, il-kundizzjonijiet li skonthom il-persuni, li ma humiex kompetituri ta’ benefiċjarju ta’ din il-miżura u li lanqas ma jippretendu li huma affettwati b’din fuq is-suq, jistgħu jkunu kklassifikati bħala “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE jew “partijiet interessati” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 ( 5 ), sabiex jipprevalixxu ruħhom mil-locus standi kontra din id-deċiżjoni. |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
3. |
Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza huma, għal dak li jikkonċerna l-ewwel wieħed ( 6 ), rappreżentant ta’ detenturi ta’ bonds imsejħa “Floating Rate Equity-Linked Subordinated Hybrid-FRESH” 2008 (iktar ’il quddiem il-“bonds FRESH”) u, għal dak li jikkonċerna r-rikorrenti oħrajn ( 7 ), detenturi ta’ dawn il-bonds. |
4. |
L-imsemmija bonds inħarġu, matul is-sena 2008, fil-kuntest tat-tranżazzjoni segwenti:
|
5. |
Matul is-sena 2016, l-awtoritajiet Taljani adottaw id-Digriet‑Liġi Nru 237/2016 ( 9 ), li jistabbilixxi l-kuntest legali tal-għajnuna ta’ likwidità u tar-rikapitalizzazzjonijiet preventivi ( 10 ) u nnotifikaw lill-Kummissjoni, matul is-sena 2017, għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni ta’ BMPS ta’ ammont ta’ EUR 5.4 biljun (iktar ’il quddiem l-“għajnuna kontenzjuża” ( 11 )), flimkien ma’ pjan ġdid ta’ ristrutturazzjoni u ta’ impenji ġodda ( 12 ). |
6. |
Il-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien jipprevedi, b’mod partikolari, miżuri ta’ kondiviżjoni ta’ oneri, li permezz tagħhom, il-kapital, it-titoli ibridi u t-titoli ta’ dejn subordinati kkontribwixxew biex jagħmlu tajjeb għat-telf eventwali ta’ BMPS qabel ma tingħatalha l-għajnuna mill-Istat. Dawn il-miżuri inkludew l-annullament tal-kuntratti FRESH. |
7. |
Fid-deċiżjoni kontenzjuża, li ġiet adottata fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għajnuna kontenzjuża kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ( 13 ), fid-dawl, b’mod partikolari, tal- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill‑1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) ( 14 ) u tad-Direttiva 2014/59/UE ( 15 ). |
8. |
Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża mal-Komunikazzjoni dwar il-Banek, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-kondiviżjoni tal-oneri tad-detenturi tal-azzjonijiet u ta’ titoli subordinati kienet adegwata, inkwantu llimitat l-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni u l-ammont tal-għajnuna għall-minimu, skont ir-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni dwar il-banek ( 16 ). |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata
9. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. |
10. |
Insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti invokaw ħames motivi, li l-ewwel wieħed fosthom kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108(2) u (3) TFUE, tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament 2015/1589 kif ukoll tad-drittijiet proċedurali tagħhom, billi l-Kummissjoni ma kinitx tat bidu għall-proċedura ta’ investigazzjoni formali, minkejja li kienu jeżistu dubji serji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li kienu jifformaw parti mill-għajnuna kontenzjuża ( 17 ). |
11. |
Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑16 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din l-eċċezzjoni fl‑10 ta’ Lulju 2018 u t-trattazzjoni tal-partijiet kif ukoll it-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub u orali tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ Lulju 2020. |
12. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma ddeċidiet fuq il-mertu, ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni ( 18 ). Wara li kkonstatat, fil-punti 35 sa 41 ta’ dik is-sentenza, li r-rikorrenti kellhom il-kwalità ta’ “interessati” u ta’ “parti interessata” fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn kellhom, min-naħa, interess ġuridiku ( 19 ), u, min-naħa l-oħra, il-locus standi, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonċernahom direttament u individwalment bħala “interessati” u “partijiet interessati” ( 20 ). |
Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal-partijiet
13. |
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza appellata, tiddeċiedi hija stess ir-rikors fl-ewwel istanza, filwaqt li tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli, u tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż. |
14. |
Il-partijiet rikorrenti fl-ewwel istanza u appellati fl-appell jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
15. |
Il-partijiet irrispondew ukoll għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta li nżammet fis‑7 ta’ April 2022. |
Analiżi
16. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza kien ammissibbli inkwantu huma kellhom interess ġuridiku u locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għal dak li jikkonċerna, b’mod iktar partikolari, il-locus standi, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza ġew ikkunsidrati bħala li jistgħu jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża bħala “partijiet interessati” u sabiex jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali li huma għandhom taħt l-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2015/1589. |
17. |
Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq aggravju uniku bbażat fuq li l-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat lir-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala “partijiet interessati”. |
18. |
Fl-analiżi tal-appell, jien ser nirripproduċi, essenzjalment, l-istruttura tal-argumenti fi tliet punti segwita mill-partijiet. Ser nittratta, l-ewwel, il-kunċett ta’ locus standi tal-“partijiet interessati” fid-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, biex neżamina, imbagħad, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “partijiet interessati” mis-sentenza appellata, li hija s-suġġett ta’ aggravju uniku tal-appell, u, finalment, nittratta fil-qosor l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq in-nuqqas ta’ rilevanza tal-proċeduri mressqa quddiem il-qrati nazzjonali għall-finijiet tal-locus standi tal-partijiet konvenuti. |
Fuq il‑locus standi bħala “parti interessata” fid‑dritt tal‑Unjoni u l‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal‑Ġustizzja fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat
19. |
Fl-ewwel lok, infakkar li, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, meta l-Kummissjoni tqis li proġett ta’ għajnuna ma jkunx kompatibbli mas-suq intern, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni “wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom”. |
20. |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1589 jipprevedi fażi preliminari ta’ eżami tal-miżuri tal-għajnuna, li għandha bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tifforma l-ewwel opinjoni fuq in-natura ta’ dawn il-miżuri bħala għajnuna mill-Istat u fuq il-kompatibbiltà eventwali tagħha mas-suq intern. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, jekk il-Kummissjoni ssib li miżura, sa fejn din taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma tqajjimx dubji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern, hija tadotta deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ( 21 ). |
21. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ rikors kontra tali deċiżjoni, minn naħa, nirrileva li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni paragrafi ta’ dan l-artikolu, tressaq appell, b’mod partikolari, kontra l-atti li jirrigwardawha direttament u individwalment. |
22. |
Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, kull parti interessata fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2105/1589, hija direttament u individwalment ikkonċernata minn deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet adottata skont l-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il‑benefiċjarji tal-garanziji proċedurali previsti fl-Artikolu 108(2) TFUE u fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament jistgħu jiksbu biss l-osservanza tagħhom jekk huma għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw tali deċiżjoni quddiem il-qorti tal-Unjoni ( 22 ). |
23. |
Għaldaqstant, f’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kontenzjuża hija deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet u peress li r-rikorrenti fl-ewwel istanza invokaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom ( 23 ), huwa biżżejjed li juru li huma għandhom il-kwalità ta’ partijiet interessati biex huma jkunu jistgħu jitqiesu bħala li għandhom il-locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
24. |
Fit-tielet lok, infakkar li, skont l-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589, il-kliem “parti interessata” jfissru, b’mod partikolari, kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna u, b’mod partikolari l-benefiċjarju tal-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ ( 24 ). Dawn huma għaldaqstant grupp indeterminat ta’ destinatarji ( 25 ). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, biex persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi jitqiesu li huma “parti interessata” jeħtieġ li hija tipprova, b’mod suffiċjenti fid‑dritt, li l‑għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is‑sitwazzjoni tagħha jew fuq dik tal‑persuni li hija tirrappreżenta ( 26 ). |
25. |
F’dan il-każ, l-appellati ma jaqgħux taħt il-“partijiet interessati” espliċitament imsemmija, bħala eżempju, fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 ( 27 ). Għaldaqstant il-kwistjoni hija dwar jekk l-għajnuna kontenzjuża jistax ikollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom. |
26. |
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat biss, bħala partijiet interessati, ir-rikorrenti li wrew li l-għajnuna mill-Istat kontenzjuża seta’ jkollha effett konkret “b’rabta mal-kompetizzjoni” fuq is-sitwazzjoni tagħhom, filwaqt li l-appellati jirribattu li għalkemm, sabiex juri l-istatus tiegħu bħala “parti interessata”, rikorrent għandu juri li l-miżura kontenzjuża għandha effett li jista’ jikkawża preġudizzju fuq is-sitwazzjoni tiegħu, ma huwiex meħtieġ li dan l-effett ikun ta’ natura kompetittiva. |
27. |
Nosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’diversi okkażjonijiet, li effett konkret fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent tista’ tkun il-konsegwenza tal-effett fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dan, anki fl-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta mal-benefiċjarju tal-miżura kontenzjuża, kif dan kien b’mod partikolari l-każ fis-sentenzi 3F vs Il‑Kummissjoni ( 28 ) u Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex ( 29 ), invokati mill-Kummissjoni. |
28. |
B’mod iktar preċiż, fis-sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, l-ewwel nett, il-Qorti affermat li “mhuwiex eskluż li sindakat ta’ ħaddiema għandu jitqies li huwa ‘parti interessata’ skont l-Artikolu 88(2) KE [li sar l-Artikolu 108(2) TFUE] meta juri li l-interessi tiegħu stess jew tal-membri tiegħu jistgħu eventwalment jiġu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna” u li “[m]adankollu dan is-sindakat għandu jipprova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu jew fuq dik tal-baħħara li huwa jirrappreżenta” ( 30 ), mingħajr ma ppreċiżat ulterjorment dan il-kunċett ta’ “effett konkret”. Imbagħad, meta applikat dan il-prinċipju għall-każ inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, b’mod partikolari, li “l-appellant [kellu] dejjem juri, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati bl-għoti tal-għajnuna, ħaġa li [seta’] jagħmel billi jistabilixxi li [kien], fil-fatt, f’pożizzjoni kompetittiva fir-rigward tas-sindakati l-oħra li joperaw fuq l-istess suq” ( 31 ). |
29. |
Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, l-ewwel, il-prinċipju stabbilit fil-punt 33 tas-sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, li jgħid li, sabiex tkun ikklassifikata bħala parti interessata, “l-impriża trid turi, suffiċjentement fid-dritt, li l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħha” u applikat, sussegwentement, dan il-prinċipju għas-sitwazzjoni inkwistjoni, billi kkonkludiet li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta kienet iddeċidiet li r-rikorrenti kellhom il-kwalità ta’ partijiet interessati fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 659/99 [li ġie ssostitwit bl-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589] minħabba li, essenzjalment, dawn ir-rikorrenti kienu stabbilixxew suffiċjentement fid-dritt l-eżistenza ta’ rabta ta’ kompetizzjoni kif ukoll li l-pożizzjoni tagħhom fis-suq setgħet tiġi potenzjalment affettwata minħabba l-għoti tal-għajnuna kkontestata ( 32 ). |
30. |
Madankollu, għalkemm minn dawn iż-żewġ sentenzi jirriżulta li l-effett fuq il-pożizzjoni fis-suq ta’ rikorrent, kemm jekk ikun kompetitur dirett tal-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat preżunta u kemm jekk le, huwa suffiċjenti biex dan ikun ikklassifikat bħala “parti interessata”, minn dan ma jistax jiġi dedott li dan l-effett huwa wkoll neċessarju sabiex din il-klassifikazzjoni tinżamm. |
31. |
Din l-interpretazzjoni jidhirli, ukoll, li hija kkonfermata mis-sentenza iktar reċenti tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni ( 33 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li ssegwi l-proposta tal-Avukat Ġenerali ( 34 ), ċaħdet espliċitament l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-kwalità ta’ “parti interessata” tippreżupponi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni, billi stabbilixxiet b’mod partikolari li korp li ma huwiex kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni jista’ wkoll jiġi rrikonoxxut li għandu din il-kwalità ta’ “parti interessata”, sakemm huwa jkun wera li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu affettwati mill-għoti ta’ din l-għajnuna, ħaġa li tirrikjedi li jiġi stabbilit li l-imsemmija għajnuna jista’ jkollha “effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu” ( 35 ). |
32. |
Issa, għalkemm minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwalità ta’ “parti interessata” ma hijiex ibbażata neċessarjament fuq l-eżistenza ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent b’rabta mal-kompetizzjoni, imma fuq l-eżistenza ta’ effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu li jista’ jkun ikbar, għad irid jiġi stabbilit x’inhi l-portata u fejn huma l-limiti ta’ tali effett konkret. |
33. |
Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ “parti interessata” ma jistax, fil-fehma tiegħi, jiġi estiż sabiex jinkludi kull parti li tista’ tiddeplora d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni materjali tagħha b’sempliċi paragun ta’ din is-sitwazzjoni qabel u wara d-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, mingħajr ma din id-deċiżjoni, jew b’mod iktar preċiż l-għajnuna mill-Istat li hija tiddikjara kompatibbli, tkun fl-oriġini tal-imsemmija sitwazzjoni, ħaġa li twassal, de facto, għall-introduzzjoni ta’ “actio popularis”. Għaldaqstant jeħtieġ, biex jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “parti interessata”, li jsir riferiment għal interess speċifiku, jiġifieri l-interess marbut mal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u li jikkonċernaw għalhekk l-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna ( 36 ). Jekk jiġi adottat approċċ iktar wiesa’ ikun hemm ir-riskju, fil-fehma tiegħi, li r-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat jiddawru lejn għanijiet oħra. |
34. |
Fil-fehma tiegħi, tali interess speċifiku, jiġifieri marbut mal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna, jista’ jiġi kkonstatat meta r-rikorrent ikun (jew jista’ jkun) affettwat mill-għoti tal-għajnuna kontenzjuża, jiġifieri meta din l-għajnuna, kif approvata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet ( 37 ), tista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu ( 38 ), indipedentement minn kull relazzjoni ta’ kompetizzjoni (attwali u potenzjali) fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mal-benefiċjarju tal-għajnuna jew kull effett marbut mal-kompetizzjoni ( 39 ). |
35. |
F’dan ir-rigward, jidhirli utli li tissemma s-sentenza reċenti tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Settembru 2021, CAPA et vs Il‑Kummissjoni ( 40 ), li fiha l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx il-kwalità ta’ “partijiet interessati” lir-rikorrenti, bħalma hija kooperattiva ta’ sajjieda u ta’ impriżi tas-sajd jew kaptani ta’ vapuri tas-sajd, li kkontestaw deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet iddikjarat il-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ sitt proġetti Franċiżi tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta, li jinsabu ġewwa żoni marittimi operati għas-sajd mis-sajjieda rikorrenti. |
36. |
F’dik il-kawża, ir-rikorrenti, li ma invokawx relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna inkwistjoni, invokaw l-eżistenza ta’ riskju ta’ effett konkret tal-għajnuniet kontenzjużi fuq is-sitwazzjoni tagħhom minħabba, b’mod partikolari, il-limitazzjonijiet regolatorji għan-navigazzjoni kkontemplata fiż-żoni kkonċernati minn dawn il-proġetti u l-impatt potenzjalment negattiv tal-imsemmija proġetti fuq l-ambjent tal-baħar u fuq ir-riżorsi tas-sajd ( 41 ). Il-Qorti Ġenerali, madankollu, ikkunsidrat li r-rikorrenti ma kinux urew ir-riskju ta’ effett konkret tal-imsemmija għajnuna fuq is-sitwazzjoni fattwali tagħhom minħabba li, essenzjalment, il-mekkaniżmu tal-għoti tal-għajnuna ma kienx juri li kellu xi rabta mal-impatt allegat tal-proġetti inkwistjoni fuq l-attivitajiet tas-sajjieda rikorrenti ( 42 ). |
37. |
Mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet tiegħi fl-imsemmija kawża, attwalment taħt appell ( 43 ), is-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’din l-istess kawża tidher li tikkonferma li, illum, il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, filwaqt li taċċetta, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ “parti interessata”, il-possibbiltà li jiġi invokat l-effett konkret fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent mhux neċessarjament marbut mal-pożizzjoni fis-suq tiegħu, teskludi l-possibbiltà li din il-klassifikazzjoni tiġi estiża għal sitwazzjonijiet fejn dan l-effett ma jkunx direttament marbut mal-għajnuna inkwistjoni – inkluż kull element rilevanti għall-kompatibbiltà tagħha – u għaldaqstant mad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ din tal-aħħar. |
38. |
Bħala konklużjoni, jidhirli li l-kwalità ta’ “parti interessata” teħtieġ li jintwera effett konkret fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-parti, marbut mal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat u, b’mod iktar preċiż, mal-għoti ta’ għajnuna mill-Istat. Fi kliem ieħor, jekk din l-għajnuna, kif approvata mid-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, tkun l-oriġini tal-effett fuq ir-rikorrent, dan jista’ jiġi kklassifikat bħala “parti interessata”. |
39. |
Fil-fehma tiegħi, indizji importanti f’dan is-sens jistgħu jinstiltu mid-deċiżjoni kontenzjuża nnifisha. Fil-fatt, fejn minn din jirriżulta li l-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat, tkun ħadet inkunsiderazzjoni l-interessi ta’ ċerti partijiet jew l-implikazzjonijiet ta’ din l-għajnuna fuq partijiet oħra (li huwa l-każ fir-rigward tal-impenji), dan il-fatt jikkontribwixxi biex jiġi identifikat ċirku ristrett ta’ persuni li l-interessi tagħhom huma affettwati b’din id-deċiżjoni ( 44 ). |
Fuq il‑kwalità ta’ “partijiet interessati” tar‑rikorrenti fl‑ewwel istanza
40. |
Permezz tal-aggravju uniku tal-appell, il-Kummissjoni, essenzjalment, tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet li r-rikorrenti kellhom il-locus standi skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, billi kklassifikathom bħala “partijiet interessati” sempliċiment minħabba t-telf ekonomiku li huma kienu allegatament sofrew bħala detenturi tal-bonds FRESH, minħabba l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri applikati mir-Repubblika Taljana fuq il-kredituri subordinati ta’ BMPS. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali segwiet interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-kunċett ta’ “parti interessata”, fejn inkludiet mhux biss lill-entitajiet li fuqhom l-għajnuna mill-Istat tista’ jkollha effetti kompetittivi, imma wkoll lill-entitajiet li kkontestaw aspetti oħra minn din l-għajnuna, li ma għandhom ebda rabta mal-kompetizzjoni. |
41. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrenti, minħabba l-fatt li huma kienu “partijiet interessati” ( 45 ) u li huma kienu invokaw il-ksur tad-drittijiet proċedurali tagħhom ( 46 ). Essenzjalment, mingħajr ma kklassifikat lir-rikorrenti bħala kompetituri attwali jew potenzjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna kontenzjuża u mingħajr ma irrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża setgħet ikollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom “b’rabta mal-kompetizzjoni”, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-għajnuna seta’ jkollha tali effett minħabba li l-impenji tal-awtoritajiet Taljani, u b’mod partikolari l-pjan ta’ ristrutturazzjoni li wassal għall-allegat telf ekonomiku, kienu jifformaw parti integrali mill-imsemmija għajnuna u, bħala tali, kienu ġew eżaminati fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-Kummissjoni, irrispettivament minn jekk ir-rikorrenti kkontestawx il-kompatibbiltà fiha nnifisha ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern ( 47 ). |
42. |
Id-diffikultà prinċipali ta’ din il-kawża qiegħda fil-fatt li r-rikorrenti fl-ewwel istanza kienu affettwati mhux bil-miżuri inkwistjoni, jiġifieri bl-għajnuna ta’ likwidità u bir-rikapitalizzazzjoni favur BMPS, imma pjuttost bil-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li jifformaw parti mill-impenji adottati mill-awtoritajiet Taljani għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża u li jifformaw il-grupp ta’ miżuri nnotifikati minn dawn l-awtoritajiet u approvati mill-Kummissjoni. |
43. |
Issa, fid-dawl tal-ġurisprudenza eżaminata fil-punti 22 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jidhirli li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li ċ-ċirkustanzi msemmija kienu suffiċjenti biex jikklassifikaw lir-rikorrenti bħala “partijiet interessati”. |
44. |
Fil-fatt, huwa minnu, l-ewwel nett, li l-annullament tal-kuntratti FRESH, li involva t-telf tal-ħlas tal-kupuni marbutin mal-bonds FRESH miżmuma mir-rikorrenti, huwa l-konsegwenza tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet Taljani li jikkontemplaw kondiviżjoni tal-oneri fir-rigward tal-azzjonisti u kredituri subordinati ta’ BMPS fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ din. Huwa minnu wkoll li, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx, fil-prinċipju, il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern. |
45. |
Madankollu, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali ( 48 ), il-miżuri inkwistjoni u l-impenji għandhom natura inseparabbli, inkwantu dawn tal-aħħar jikkundizzjonaw id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà ( 49 ). Fil-fatt, mill-punti 41, 43 u 44 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jirriżulta li l-qsim ġust tal-piżijiet li għaliha l-imsemmija komunikazzjoni tissuġġetta l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jimplika, bħala prijorità, l-assorbiment tat-telf mill-kapital, sussegwentement, bħala prinċipju, kontribuzzjoni tal-kredituri subordinati ( 50 ). |
46. |
Għaldaqstant ma jistax jitqies, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri fil-kuntest tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni ta’ BMPS kienu indipendenti mill-għajnuna mill-Istat u kienu jikkostitwixxu għażla libera tal-awtoritajiet Taljani. Fil-fatt, infakkar li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri kienu jifformaw parti integrali mill-għajnuna kontenzjuża, kif innotifikata mill-awtoritajiet Taljani u approvata mill-Kummissjoni u li kellhom rwol importanti fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri mas-suq intern ( 51 ). |
47. |
Għaldaqstant, b’kuntrast mal-argumenti tal-Kummissjoni, ma jidhirlix li l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri jikkostitwixxu sempliċi “ipoteżi fattwali” tal-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, imma pjuttost kundizzjoni, imposta minn din, fil-Komunikazzjoni dwar il-banek, għall-finijiet tal-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata ( 52 ). |
48. |
Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ kondiviżjoni tal-oneri ta’ din il-komunikazzjoni kienet suffiċjenti, imma mhux neċessarja biex din tiddikjara l-għajnuna kontenzjuża kompatibbli mas-suq intern u li Stat Membru huwa liberu li ma jipproponilhiex il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri previsti fl-imsemmija komunikazzjoni jekk ikollu ideat oħra, għandu jiġi kkonstatat li huwa diffiċli li wieħed jimmaġina liema “ideat oħra” jew miżuri “ppersonalizzati” imsemmija minn din l-istituzzjoni jistgħu jissostitwixxu l-prinċipju ċentrali tal-kondiviżjoni tal-oneri, li għandu rwol fundamentali fis-sistema introdotta mill-istess komunikazzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, speċjalment fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ fejn l-intervent tal-awtoritajiet Taljani biex jevitaw il-falliment ta’ BMPS u n-neċċesità, konsegwentement, ta’ approvazzjoni mill-Kummissjoni kellhom natura eċċezzjonalment urġenti. |
49. |
Imbagħad, huwa minnu wkoll, kif tirrileva l-Kummissjoni b’mod sussidjarju, li r-rikorrenti ma kellhomx huma stess azzjonijiet Fresh (maħruġa minn BMPS u sottoskritti minn JPM) u ma humiex kontraenti fil-kuntratti FRESH (konklużi bejn BMPS u JPM), li ġew annullati wara l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri, imma huma detenturi ta’ bonds FRESH (maħruġa minn MUFJ biex jagħtu lil JPM il-fondi neċessarji għas-sottoskrizzjoni tal-azzjonijiet FRESH). |
50. |
Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, meħud kont tal-interdipendenza bejn id-diversi rabtiet kuntrattwali li fuqhom huma bbażati l-istrumenti FRESH, l-annullament tal-kuntratti FRESH seta’ jikkawża telf ekonomiku lir-rikorrent fl-ewwel istanza, fid-dawl tat-telf ta’ ħlas ta’ kupuni marbutin mal-bonds FRESH u, għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża seta’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tagħhom. Għaldaqstant jidhirli li l-għajnuna kontenzjuża, kif innotifikata mill-awtoritajiet Taljani u ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mid-deċiżjoni kontenzjuża, jekk wieħed jinkludi l-impenji meħudin mill-awtoritajiet Taljani fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà, tippreġudika lir-rikorrenti ( 53 ). |
51. |
Finalment, jien tal fehma li d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il‑Kummissjoni ( 54 ) u s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni ( 55 ), invokati mill-Kummissjoni, ma jbiddlu xejn minn din l-evalwazzjoni ( 56 ). Fil-fatt, fid-digriet Adorisio et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proprjetarji ta’ bonds subordinati ta’ bank, esproprjati fil-kuntest ta’ miżura ta’ nazzjonalizzazzjoni tal-istess bank, ma kellhomx interess ġuridiku kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna nnotifikati fil-kuntest ta’ din in-nazzjonalizzazzjoni ( 57 ), evalwazzjoni li hija irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kundizzjoni, differenti, tal-locus standi ( 58 ). Fis-sentenza BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-proprjetarji ta’ bonds subordinati ta’ bank, li l-valur tagħhom kien naqas wara li dan il-bank kien suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, ma kellhomx locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fil-konfront ta’ miżura ta’ għajnuna nnotifikata fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ( 59 ). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tnaqqis fil-valur tal-bonds inkwistjoni kien ġej mid-deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li jissuġġettaw lill-bank għal proċedura ta’ riżoluzzjoni – li, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi ta’ defiċit ta’ dan il-bank, ma kienx hemm alternattiva ‑ u mhux mill-għoti tal-għajnuna kontenzjuża, b’kuntrast ma’ din il-kawża, fejn l-annullament tal-kuntratti FRESH huwa l-konsegwenza tal-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri li jagħmlu parti integrali mill-għajnuna kontenzjuża li ġiet innotifikata u approvata. |
52. |
Bħala konklużjoni, jidhirli li l-Kummissjoni ma wrietx li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, filwaqt li ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn din tal-aħħar, hija ddikjarat ir-rikors ammissibbli. |
Fuq in‑nuqqas ta’ rilevanza tal-proċeduri mressqa quddiem il‑qrati nazzjonali għall‑finijiet tal‑locus standi tal‑appellati
53. |
Mingħajr ma ressqet aggravju separat, il-Kummissjoni tippreċiża li l-fatt li l-appellati bdew proċedura quddiem il-qrati Lussemburgiżi kontra t-terminazzjoni minn BMPS tal-kuntratti FRESH ma jippermettilhomx li jitqiesu li huma “partijiet interessati” u ma jagħtihomx il-locus standi biex jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-proċeduri huma rilevanti biss għall-finijiet tal-eżami tal-interess ġuridiku tal-appellati, li huwa rekwiżit distint minn dak tal-locus standi, li huwa s-suġġett ta’ dan l-appell. |
54. |
Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-Qorti Ġenerali ma siltet ebda konsegwenza mill-imsemmija proċeduri għal dak li jikkonċerna l-kwalità tal-appellati bħala “partijiet interessati”, fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589. |
55. |
Dan l-argument huwa għaldaqstant irrilevanti f’dan il-każ, u għaldaqstant ineffettiv. |
Fuq l-ispejjeż
56. |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, li applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, kull parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
57. |
Peress li l-Kummissjoni tilfet, nipproponi li din tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż. |
Konklużjoni
58. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) T‑161/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2021:102.
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9).
( 4 ) Deċiżjoni C(2017) 4690 final tal‑4 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.47677 (2017/N) – L-Italja, għajnuna ġdida u pjan ta’ ristrutturazzjoni mmodifikat tal-Banca Monte dei Paschi di Siena (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).
( 5 ) Kif ser nispjega, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, jikkoinċidi ma’ dak tal-“parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 2015/1589 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, fejn ma hemmx bżonn issir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti, ser nuża, b’mod ġenerali, l-espressjoni “parti(jiet) interessata(i)”.
( 6 ) Anthony Braesch.
( 7 ) Trinity Investments DAC, Bybrook Capital Master Fund LP, Bybrook Capital Hazelton Master Fund LP u Bybrook Capital Badminton Fund LP.
( 8 ) Dawn iż-żewġ kuntratti huma suġġetti għad-dritt Lussemburgiż.
( 9 ) Decreto-legge n. 237 – Disposizioni urgenti per la tutela del risparmio nel settore creditizio (Digriet-Liġi Nru 237, li jistabbilixxi Dispożizzjonijiet Urġenti għall-Protezzjoni tat-Tfaddil fis-Settur tal-Kreditu), tat‑23 ta’ Diċembru 2016 (GURI Nru 299, tat‑23 ta’ Diċembru 2016), li ġie kkonvertit f’liġi u emendat bil-legge di conversione (il-Liġi ta’ Konverżjoni), tas‑17 ta’ Frar 2017 (GURI Nru 43, tal‑21 ta’ Frar 2017).
( 10 ) Dan l-intervent tal-leġiżlatur Taljan seħħ wara test ta’ stress magħmul fuq skala Ewropea mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) matul is-sena 2016, li kienet irrileva b’mod partikolari defiċit ta’ kapital ta’ BMPS fil-kuntest tax-xenarju sfavorevoli. Preċedentement, għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika Taljana lil BMPS, li tieħu inkunsiderazzjoni pjan ta’ ristrutturazzjoni u tal-impenji, kienet diġà ġiet approvata mill-Kummissjoni matul is-sena 2013 u kienet ġiet irrimborsata kompletament minn BMPS fl‑2015.
( 11 ) Din l-għajnuna kienet ikkostitwita minn żewġ miżuri ta’ għajnuna favur BMPS (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”). L-ewwel waħda kienet tikkonsisti f’għajnuna ta’ likwidità fl-ammont ta’ ħmistax il-biljun Ewro fil-forma ta’ garanzija tal-Istat fuq id-dejn tal-ewwel grad u t-tieni waħda kienet tikkonsisti f’għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni preventiva ta’ BMPS fl-ammont ta’ 5.4 biljun Ewro, imsemmija fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Din in-notifika saret wara talba għal appoġġ finanzjarju pubbliku eċċezzjonali fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni preventiva skont id-Digriet-Liġi 237/2016, ippreżentata minn BMPS wara tentattiv fallut biex toħloq kapital ġdid privat. Preċedentement, dejjem matul is-sena 2016, wara dikjarazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tgħid li BMPS kienet solventi, il-Kummissjoni kienet approvat temporanjament għajnuna ta’ likwidità individwali fl-ammont ta’ ħmistax-il biljun Ewro favur BMPS, fuq il-bażi tal-impenji offruti mill-awtoritajiet Taljani, li kienu impenjaw ruħhom li jippreżentaw pjan ta’ ristrutturazzjni f’terminu ta’ xahrejn b’effett mill-għoti tal-garanziji, sakemm l-għajnuna ma tiġix irrimborsata f’dan l-istess terminu.
( 13 ) Skont din id-dispożizzjoni, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern, b’mod partikolari, l-għajnuna intiża li tirrimedja perturbazzjoni gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru.
( 14 ) ĠU 2013, C 216, p. 1 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-banek”).
( 15 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kundizzjonijiet li taħthom ingħataw il-miżuri ta’ għajnuna kienu konformi mal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 32(4)(d) ta’ din id-direttiva.
( 16 ) Għall-bqija, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-pjan ta’ ristrutturazzjoni kien adattat li jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ BMPS u kien fih suffiċjentement miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri kif ukoll garanziji suffiċjenti biex jillimita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni indebiti. Hija rrilevat ukoll li kienet żgurata s-sorveljanza adegwata tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni.
( 17 ) L-ewwel erba’ motivi kienu bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1) u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni; it-tieni wieħed, fuq li l-Kummissjoni eżiġiet illegalment l-annullament tal-kuntratti FRESH; it-tielet wieħed, fuq li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet diskriminatorja lejn id-detenturi tal-bonds FRESH u, r-raba’, fuq li l-Kummissjoni, meta approvat l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri għall-istrumenti FRESH, kienet kisret id-drittijiet ta’ proprjetà tad-detenturi tal-bonds FRESH.
( 18 ) Filwaqt li ddeċidiet fuq l-ammissibbiltà tar-rikors b’sentenza, il-Qorti Ġenerali, evidentement, riedet li d-deċiżjoni tagħha sservi bħala preċedent.
( 19 ) Sentenza appellata, punti 43 sa 55.
( 20 ) Sentenza appellata, punti 56 sa 63.
( 21 ) Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, fejn il-Kummissjoni ssib li miżura nnotifikata tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, hija obbligata tadotta deċiżjoni biex jinbdew proċeduri ta’ investigazzjoni formali. Skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, tali deċiżjoni tistieden lill-Istat Membru kkonċernat u lill-partijiet interessati l-oħra, sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’terminu partikolari.
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex (C‑83/09 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, EU:C:2011:341, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni adottata mill-Kummisjoni ttieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tkun fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u b’hekk tikser id-drittijiet proċedurali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 59). Min-naħa l-oħra, jekk ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, is-sempliċi fatt li huwa jkun jista’ jitqies bħala interessat fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE ma jistax ikun suffiċjenti biex tintlaqa’ l-ammissibbiltà tar-rikors. Huwa jkollu għaldaqstant juri li għandu status partikolari fis-sens tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), li tgħid li l-persuni li ma jkunux id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma individwalment ikkonċernati ħlief jekk din id-deċiżjoni taffettwahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għalihom jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tikkaratterizzahom fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tidentifikahom b’mod individwali b’mod analogu bħalma jkun identifikat b’mod individwali d-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 32 u l-ġuriprudenza ċċitata). Fuq l-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza fil-qasam tal-ammissibbiltà tar-rikorsi ta’ terzi kontra deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, ara, b’mod partikolari, Nehl, H. P., “Direct Actions and Judicial Review before the Union Courts”, State Aid Law of the European Union, Oxford, 2016, p. 419.
( 23 ) Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħhom fl-ewwel istanza.
( 24 ) Għall-fini ta’ eżawriment, nippreċiża li l-kunċett ta’ “parti interessata” iddefinit fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 huwa riprodott minn dak ta’ “interessati” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/99 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 33) (it-test li ppreċeda lir-Regolament 2015/1589), l-“interessati” fis-sens tal-Artikolu 93(2) KEE (li sar l-Artikolu 108(2) TFUE), li setgħu, għaldaqstant, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 173 KEE (li sar ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE) jippreżentaw rikors għal annullament bħala persuni kkonċernati direttament u individwalment, kienu l-persuni, impriżi jew assoċjazzjonijiet eventwalment affettwati fl-interessi tagħhom mill-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri b’mod partikolari l-impriżi kompetituri tal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni, (323/82, EU:C:1984:345, punt 16), kif ukoll tat‑2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 41)).
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il‑Kummissjoni (323/82, EU:C:1984:345, punt 16), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 63.
( 26 ) Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni (C‑319/07 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, EU:C:2009:435, punt 33), kif ukoll Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punt 65.
( 27 ) Din id-dispożizzjoni tirreferi, “b’mod partikolari”, għall-kategoriji ta’ persuni msemmija, jiġifieri l-benefiċjarju tal-għajnuna kontenzjuża, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.
( 28 ) F’din il-kawża, ir-rikorrent kien sindakat ta’ ħaddiema li nnegozja t-termini u l-kundizzjonijiet li taħthom kienet ipprovduta l-ħidma tal-impjegati lill-impriżi u li sostna li l-miżuri ta’ għajnuna intiżi, essenzjalment, biex jiffavorixxu lill-baħħara impjegati fuq vapuri rreġistrati fir-reġistru internazzjonali Daniż tal-vapuri setgħu jaffettwaw il-pożizzjoni kompetittiva tiegħu meta mqabbla ma’ sindakati oħra tal-baħħara li l-membri tagħhom kienu l-benefiċjarji ta’ dawn il-miżuri.
( 29 ) F’din il-kawża, ir-rikorrenti kienu impriżi li kienu jixtru l-istess materja prima bħall-benefiċjarju tal-għajnuna, jiġifieri l-injam industrijali, u li kienu jsostnu li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil dan tal-aħħar setgħet taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fuq dan is-suq tal-injam industrijali.
( 30 ) Sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, punt 33.
( 31 ) Sentenza 3F vs Il‑Kummissjoni, punt 59. Barra minn hekk, ma huwiex ċert jekk, f’dan it-test, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferietx għall-“pożizzjoni kompetittiva” fis-sens indikat mill-Kummissjoni, jiġifieri kompetizzjoni vera fuq is-suq intern fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
( 32 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, punti 65 sa 71.
( 33 ) C‑647/19 P, EU:C:2021:666.
( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (C‑647/19 P, EU:C:2021:347, punti 30 u 31, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 35 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ma jidhirlix lanqas li, kif tallega l-Kummissjoni, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-punt hija mmotivata mill-fatt li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti setgħu jitqiesu bħala kompetituri potenzjali tal-benefiċjarju tal-għajnuna kontenzjuża. Fil-fatt, huwa minnu li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, kif għamlet il-Qorti Ġenerali fis-sentenza kontenzjuża, li r-rikorrenti kienet assoċjazzjoni li l-għan tagħha (ta’ interess ġenerali) kien inkompatibbli ma’ dak (ta’ massimizzazzjoni tal-profitti) tal-benefiċjarju tal-għajnuna. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx intenzjonata tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali, imma pjuttost tiġġustifika l-fatt li l-għoti tal-għajnuna lill-benefiċjarju inkwistjoni seta’ “jaffettwa l-interessi” (mhux neċessarjament ekonomiċi, għal dak li jirrigwarda assoċjazzjoni li għandha interess ġenerali) tar-rikorrenti u tal-membri tagħha (punti 66 u 67 tas-sentenza msemmija). Fi kwalunkwe każ, fil-punt 57 tal-istess sentenza (li jirriproduċi l-punt 30 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella fil-kawża Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni, C‑647/19 P, EU:C:2021:347), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li korp li ma huwiex kompetitur tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni jista’ wkoll jiġi rrikonoxxut li għandu l-kwalità ta’ “parti interessata” u dan jeżiġi li huwa juri li din l-għajnuna jista’ jkollha effett konkret fuq is-sitwazzjoni tiegħu, mingħajr ma ppreċiżat dan il-kunċett ta’ “effett konkret”. Bl-istess mod, fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali jindika b’mod ċar li “[…]l-kwalità ta’ ‘parti interessata’ ma tippreżupponix neċessarjament l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni” u jeskludi kull żball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali meta din ikklassifikat lill-appellanti bħala “parti interessata”, filwaqt li kkonstatat ukoll li l-appellanti “b’ebda mod ma kienet attiva fis-swieq ikkonċernati mill-miżuri inkwistjoni”.
( 36 ) Hija fil-fatt din iċ-ċirkustanza li tirrendi utli l-informazzjoni u l-argumenti li din il-parti tista’ possibbilment tressaq matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.
( 37 ) U dan għalhekk jinkludi mhux biss il-miżuri ta’ għajnuna tal-Istat fis-sens strett, iżda wkoll kull element rilevanti għad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna.
( 38 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Ja zum Nürburgring vs Il‑Kummissjoni (C‑647/19 P, EU:C:2021:666, punt 57).
( 39 ) Ċertament, peress li sal-lum il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għada ma ċċaratx dan il-punt, fil-fehma tiegħi, huwa possibbli li tiġi aċċettata l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid, essenzjalment, li peress li l-għan imfittex mir-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat (u li jiġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam) huwa dak li jippreżerva l-kompetizzjoni u li l-kwalità bħala “parti interessata” hija biss espressjoni partikolari tal-kriterju tal-effett dirett u individwali stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, huwa biss l-effett b’rabta mal-kompetizzjoni li huwa rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-locus standi ta’ rikorrent. Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tinvolvi applikazzjoni eċċessivament restrittiva tar-rekwiżiti għall-ammissibbiltà tar-rikorsi kontra deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, jidhirli li jekk il-kunċett ta’ effett introdott mill-ġurisprudenza u traspost fl-Artikolu 1(h) tar-Regolament 2015/1589 jiġi marbut mal-eżistenza ta’ effett fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrent b’rabta mal-kompetizzjoni, dan ikun jinvolvi, de facto, il-prova ta’ effett fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (anki jekk dan ikun fuq suq differenti minn dak affettwat mill-allegata għajnuna mill-Istat), ħaġa li, indipendentement mill-kumplessità tagħha, tista’ tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju (u suffiċjenti) għall-finijiet tal-eżami dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors u tippreġudika, sa ċertu punt, l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dan (tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-effetti tal-għajnuna preżunta fuq is-suq).
( 40 ) T‑777/19, EU:T:2021:588, li ġiet appellata.
( 41 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19, EU:T:2021:588, punt 53).
( 42 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2021, CAPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑777/19, EU:T:2021:588, punti 97 u 101). Skont il-Qorti Ġenerali, l-effetti invokati mir-rikorrenti kienu inerenti, minn naħa, għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ stabbiliment ta’ dawn il-proġetti fiż-żoni kkonċernati fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ operat tar-riżorsi enerġetiċi u, min-naħa l-oħra, għal-leġiżlazzjoni tal-ispazju pubbliku marittimu u għall-miżuri tekniċi applikabbli għall-imsemmija proġetti.
( 43 ) Kawża C‑742/21, CAPA et vs Il‑Kummissjoni, li ġiet assenjata lili bħala Avukat Ġenerali.
( 44 ) Barra minn hekk, il-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet eżaminati fid-deċiżjoni kontenzjuża fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni jwassal, fil-fehma tiegħi, sabiex jiġi evitat li jitwessa’ ċ-ċirku tal-persuni affettwati b’tali mod li jippreżentaw “actio popularis”.
( 45 ) Sentenza appellata, punt 63.
( 46 ) Sentenza appellata, punti 60 sa 62.
( 47 ) Sentenza appellata, punti 40 u 41.
( 48 ) Ara s-sentenza appellata, punt 40.
( 49 ) F’dan ir-rigward, jeħtieġ, fil-fehma tiegħi, li tiġi miċħuda l-interpretazzjoni tal-appellati li tgħid li huma kienu affettwati biss bil-parti tad-deċiżjoni kontenzjuża li kienet tikkonċerna l-pjan ta’ ristrutturazzjoni. Fil-fatt, f’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni ma ħadet ebda deċiżjoni separata li tikkonċerna l-pjan ta’ ristrutturazzjoni, iżda ppronunzjat ruħha biss fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża, kif innotifikat mill-awtoritajiet Taljani, meħud kont tal-elementi kollha ta’ dawn il-miżuri, inkluż magħhom il-pjan ta’ ristrutturazzjoni u l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri inklużi f’dan il-pjan.
( 50 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 42).
( 51 ) Fil-fatt, il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża (b’mod partikolari l-punti 101 sa 110) twassalni biex inqis li l-Kummissjoni, tal-inqas, ikkunsidrat il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri bħala li kienu importanti ħafna, jekk mhux deċiżivi, għall-finijiet tad-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża. Wieħed jista’, barra minn hekk, jistaqsi jekk l-eventwali verifika tal-effett ta’ dawn il-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-oneri fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna nnotifikata lill-Kummissjoni taqax pjuttost taħt l-evalwazzjoni (fil-mertu) tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, iktar milli taħt l-evalwazzjoni, neċessarjament iktar superfiċjali, tal-ammissibbiltà tar-rikors.
( 52 ) Mhux importanti, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx “deċiżjoni kondizzjonali” fis-sens tal-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 2015/1589, u li hija ma imponietx formalment u ma rrendietx vinkolanti l-impenji inkwistjoni.
( 53 ) Ara b’mod partikolari, il-punti 37 u 39 tas-sentenza appellata.
( 54 ) T‑321/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:175.
( 55 ) T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885.
( 56 ) Barra minn hekk, din is-sentenza, kif ukoll dan id-digriet, ma kinux appellati.
( 57 ) Infakkar li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni, fl-appell tagħha, ma tennietx l-argument tagħha bbażat fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti fl-ewwel istanza.
( 58 ) Fi kwalunkwe każ, jidhirli li l-każ imsemmi li kien is-suġġett ta’ dan id-digriet huwa fundamentalment differenti mill-każ ineżami, inkwantu r-rikorrenti fl-ewwel istanza, proprjetarji tal-bonds subordinati ta’ bank, kienu lmentaw li dawn il-bonds kienu ġew esproprjati fil-kuntest tan-nazzjonalizzazzjoni ta’ dan il-bank, li wettaq ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi b’mod parallel man-notifika ta’ żewġ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat favur l-istess bank. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali, abbażi ta’ motivazzjoni konċiża ħafna, qieset li l-Kummissjoni, fl-eżami tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna kontenzjuża, kienet ħadet inkunsiderazzjoni esklużivament l-esproprjazzjoni bħala element ta’ kuntest u mhux bħala kundizzjoni għall-kompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri (ara d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑321/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:175, punt 25). Barra minn hekk, għalkemm, kif issostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-benefiċjarju tal-għajnuna kontenzjuża (ara d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑321/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:175, punti 44 sa 48), dan għamlitu fil-kuntest tal-eżami ta’ argument ta’ dawn ir-rikorrenti, li kienu invokaw li wħud minnhom kienu wkoll kompetituri tal-benefiċjarji tal-għajnuna (ara d-digriet tas‑26 ta’ Marzu 2014, Adorisio et vs Il‑Kummissjoni, T‑321/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:175, punt 37).
( 59 ) B’mod iktar preċiż, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni inkwistjoni kienet timplika l-ħolqien ta’ istituzzjoni ta’ kreditu temporanja (il-“Bridge Bank”) li lilu kienu ttrasferiti l-attivitajiet kummerċjali sani tal-bank, filwaqt li ħallew it-telf li jirrigwarda l-elementi tal-attiv u l-passiv ittrasferit lil “bank tal-assi ħżiena” u, fil-kuntest tal-impenji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali, kien previst, b’mod partikolari, li ebda assi tad-detenturi ta’ titoli ta’ kreditu subordinati ma setgħu jiġu ttrasferiti lill-Bridge Bank (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, BPC Lux 2 et vs Il‑Kummissjoni, T‑812/14 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:885, punti 7 sa 14).