EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0283

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. N. Emiliou, ippreżentati l-5 ta’ Ottubru 2023.
VA vs Deutsche Rentenversicherung Bund.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Pensjoni għal inkapaċità totali għax-xogħol – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru ieħor – Applikabbiltà – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini – Rabta suffiċjenti bejn dawn il-perijodi għat-trobbija u l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni.
Kawża C-283/21.

Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:736

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

EMILIOU

ippreżentati fil‑5 ta’ Ottubru 2023 (1)

Kawża C283/21

VA

vs

Deutsche Rentenversicherung Bund,

partijiet magħquda:

RB

(Talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti – Koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 987/2009 – Artikolu 44(2) – Kamp ta’ applikazzjoni – Benefiċċji ta’ invalidità – Kalkolu – Teħid inkunsiderazzjoni tal-‘perijodi għat-trobbija tat-tfal’ imwettqa fi Stati Membri oħra – Kundizzjonijiet – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu taċ-ċittadini”






I.      Introduzzjoni

1.        Iċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jistgħu jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri differenti tul ħajjithom. Jistgħu wkoll jieħdu pawżi fil-karriera u jiddedikaw ħinhom għat-trobbija ta’ wliedhom. Persuna tista’ tibda l-karriera professjonali tagħha fi Stat Membru (“Stat Membru A”), imbagħad tieqaf taħdem biex trabbi lil uliedha fi Stat Membru ieħor (“Stat Membru B”), qabel ma terġa’ tkompli l-karriera tagħha fi Stat Membru A. F’sitwazzjoni bħal din, id-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li, għall-fini tal-għoti ta’ pensjoni lill-persuna kkonċernata, l-Istat Membru A japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u jqishom bħallikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu?

2.        Din il-mistoqsija kienet fil-qalba tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi fil-kawżi Elsen (2), Kauer (3) u Reichel-Albert (4), fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (5), li ġie mħassar u sostitwit bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (6) u Nru 987/2009 (7), kif ukoll, iktar reċentement, fis-sentenza Pensionsversicherungsanstalt (“perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa barra mill-pajjiż) (8), li, bħal fil-kawża preżenti, kienet tikkonċerna sitwazzjoni rregolata minn dawn iż-żewġ regolamenti tal-aħħar.

3.        Fis-sentenza Pensionsversicherungsanstalt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni issa kien adotta dispożizzjoni speċifika dwar it-teħid inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru A tal-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B, jiġifieri l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nr987/2009, din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika esklużivament.  Għalhekk, is-soluzzjoni ġudizzjarja li hija kienet żviluppat fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fi żmien meta l-leġiżlatur tal-Unjoni kien għadu ma adotta ebda dispożizzjoni dwar din il-kwistjoni, baqgħet rilevanti. Abbażi ta’ dan, hija ddeċidiet li, f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma kinux issodisfatti, b’tali mod li l-persuna kkonċernata ma setgħetx tinvoka din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru A xorta waħda kien meħtieġ, skont l-Artikolu 21 TFUE, li jipproteġi l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni, li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u li jikkunsidra tali perijodi bħallikieku twettqu fit-territorju tiegħu, sakemm ikun hemmrabta stretta jew suffiċjenti” ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa mill-persuna kkonċernata f’dak l-Istat Membru. Dan ikun il-każ jekk din il-persuna tkun ħadmet u ħallset kontribuzzjonijiet esklużivament fl-Istat Membru A, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tar-residenza tagħha fl-Istat Membru B (9).  

4.        Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kemxejn differenti. VA, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, lestiet dawk li nifhem li huma perijodi li jistgħu jiġu assimilati għal “perijodi ta’ assigurazzjoni” fil-Ġermanja, kemm qabel kif ukoll wara li rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, hija bdiet tħallas il-kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja Ġermaniża biss diversi snin wara li waqfet tiddedika ħinha għat-trobbija ta’ wliedha.

5.        F’dan l-isfond, il-qofol tal-kwistjoni f’din il-kawża hija jekk il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha huwiex issodisfatt f’sitwazzjoni fejn il-persuna kkonċernata ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Istat Membru A qabel ma tkun ħadet iż-żmien biex trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jien tal-fehma li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, din iċ-ċirkustanza ma tipprevjenix, fiha nnifisha, milli tiġi stabbilita “rabta stretta jew suffiċjenti” bejn il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fi Stat Membru A.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 883/2004

6.        It-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Determinazzjoni ta’ liema leġislazzjoni tapplika” jinkludi, b’mod partikolari, l-Artikolu 11, li jistipula:

“1.      Il-persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. Din il-leġislazzjoni għandha tkun determinata skond dan it-Titolu.

[…]

3.      Bla ħsara għall-Artikolu 12 sa 16:

(a)      persuna li twettaq attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru;

[…]

(e)      kull persuna oħra li għaliha ma japplikawx is-subparagrafi (a) sa (d) għandha tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru fejn għandha r-residenza tagħha: dan iżda mingħajr ħsara għal disposizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament li jiggarantixxu benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stati Membri oħra.”

2.      Ir-Regolament Nru 987/2009

7.        Ir-Regolament Nru 987/2009 jistabbilixxi l-proċedura ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004, skont l-Artikolu 89 ta’ dan l-aħħar regolament.

8.        Skont il-premessa 14 tar-Regolament Nru 987/2009:

“Ċerti regoli u proċeduri speċifiċi huma meħtieġa biex tkun definita l-leġislazzjoni applikabbli biex jittieħed kont ta’ perijodi li matulhom persuna assigurata iddedikat iż-żmien tagħha għat-trobbija ta’ tfal f’diversi Stati Membri.”

9.        L-Artikolu 44 tar-Regolament jipprevedi:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ għandha tirriferi għal kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi u jekk jakkumulawx matul iż-żmien tat-trobbija tat-tfal jew jiġux rikonoxxuti retroattivament.

2.      Fejn, taħt il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li huwa kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, ma jittieħed kont ta’ ebda “perijodu għat-trobbija tat-tfal”, l-istituzzjoni tal-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu, taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku, kienet applikabbli għall-persuna kkonċernata abbażi li hu jew hi kienu qed iwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha fid-data meta, taħt dik il-leġislazzjoni, beda jittieħed kont tal-“perijodu għat-trobbija tat-tfal” għat-tfal konċernati, għandha tibqa’ responsabbli sabiex jittieħed kont ta’ dak il-perijodu bħala ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ taħt il-leġislazzjoni tagħha, daqslikieku t-trobbija tat-tfal seħħet fit-territorju proprju tagħha.

[…]”

B.      Iddritt nazzjonali

10.      L-Artikolu 56 tas-Sozialgesetzbuch Sechstes Buch (il-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali; iktar ’il quddiem is-“SGB VI”), kif emendat bil-Liġi tat‑28 ta’ Novembru 2018 (BGB1. I., p. 2016), jipprevedi:

“(1)      ‘perijodu għat-trobbija tat-tfal’ huwa perijodu ddedikat għat-trobbija tat-tfal matul l-ewwel tliet snin tal-ħajja tat-tarbija. Perijodu ta’ trobbija tat-tfal huwa kkreditat għal wieħed mill-ġenituri tal-minuri […] jekk:

1.      il-perijodu għat-trobbija tat-tfal għandu jiġi attribwit lil dak il-ġenitur,

2.      it-trobbija tat-tfal tkun saret fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew tista’ tiġi ttrattata bħala li saret hemmhekk; u

3.      dak il-ġenitur ma jkunx ipprojbit milli jiġi kkreditat b’dak il-perijodu.

[…]

(3)      Trobbija tkun saret fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jekk il-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild. Ikun hemm assimilazzjoni ma’ trobbija fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja meta l-ġenitur responsabbli għal din it-trobbija kien jirrisjedi abitwalment mal-wild tiegħu barra mill-pajjiż u, ikun kiseb perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja matul il-perijodu għat-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tal-wild minħabba l-attività bħala impjegat jew bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa hemmhekk. […]

(5)      Il-perijodu tat-trobbija tat-tfal għandu jibda fl-aħħar tax-xahar li matulu twieled il-wild u għandu jintemm wara 36 xahar kalendarju […]”

11.      Il-paragrafu 249(1) tas-SGB VI, kif immodifikat bil-Liġi tat‑23 ta’ Ġunju 2014 (BGB1. I, p. 787), jipprevedi:

“Għal minuri mwieled qabel l‑1 ta’ Jannar 1992, il-perijodu għat-trobbija jintemm 24 xahar wara t-tmiem tax-xahar li matulu jkun twieled il-minuri.”

III. Ilfatti, ilproċeduri nazzjonali u ddomandi preliminari

12.      VA, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija ċittadina Ġermaniża, imwielda fl‑1958. Mill‑1962 sal‑2010, hija għexet f’Vaals (il-Pajjiżi l-Baxxi), belt li tinsab madwar 5 kilometri ’l bogħod minn Aachen (il-Ġermanja) (10). Waqt li kienet tgħix hemmhekk, hija attendiet l-iskola f’Aachen, imbagħad f’Awwissu 1975, hija bdiet titħarreġ hemmhekk bħala edukatur iċċertifikat mill-Istat.

13.      Fl‑1 ta’ Awwissu 1978, VA bdiet perijodu ta’ prova ta’ sena f’kindergarten li jinsab f’Aachen. F’ċirkustanzi normali, din is-sena kienet titqies bħala perijodu ta’ impjieg fil-Ġermanja, suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja. Madankollu, peress li ma kienx hemm biżżejjed pożizzjonijiet bi ħlas disponibbli, hija temmet il-perijodu ta’ prova tagħha mingħajr ma tħallset u, għalhekk, kienet eżentata minn tali assigurazzjoni. Għalhekk, hija ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

14.      Meta VA spiċċat l-perijodu ta’ prova tagħha f’Awwissu 1979, hija reġgħet bdiet it-taħriġ tagħha bħala edukatriċi ċċertifikata mill-Istat f’Aachen u lestiet il-Fachhochschulreife (il-baċellerat professjonali), filwaqt li kompliet tgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi. Meta temmet it-taħriġ tagħha, f’Lulju tal‑1980, ma baqgħet twettaq l-ebda attività professjonali fil-Ġermanja jew fil-Pajjiżi l-Baxxi.

15.      Sussegwentement VA welldet żewġt itfal. Fiż-żmien meta twieldu, VA kienet għadha ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja. Hija rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

16.      Bejn Settembru 1993 u Awwissu 1995 u, sussegwentement, bejn April 1999 u Ottubru 2012, hija kienet impjegata fil-Ġermanja. L-impjieg tagħha, peress li kien meqjus bħala “minuri” skont id-dritt Ġermaniż, kien eżentat mill-assigurazzjoni obbligatorja.

17.      VA marret lura l-Ġermanja fl‑2010. Wara Ottubru 2012, hija bdiet tagħmel attività bi ħlas u saret suġġetta għall-assigurazzjoni obbligatorja. Hija bdiet tħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Ġermanja.

18.      VA ilha minn Marzu 2018 tirċievi pensjoni mill-Ġermanja minħabba tnaqqis sħiħ tal-kapaċità tagħha ta’ qligħ. Fil-kalkolu tal-ammont ta’ din il-pensjoni, id-Deutsche Rentenversicherung Bund, il-konvenuta fil-kawża prinċipali, qieset li, minbarra l-perijodi li matulhom VA kkontribwixxiet għall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja Ġermaniża (il-perijodu mill‑2012), il-perijodi rilevanti, kienu jinkludu dawk li matulhom hija kienet għaddejja minn taħriġ professjonali fil-Ġermanja (bejn Awwissu 1975 u Lulju 1978, u bejn Awwissu 1979 u Lulju 1980), kif ukoll il-“perijodu għat-trobbija tat-tfal” bejn l‑1 ta’ April u l‑1 ta’ Ġunju 1999, li matulu rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi waqt li kienet taħdem bħala impjegata fil-Ġermanja (mingħajr ma kienet suġġetta għal assigurazzjoni obbligatorja).

19.      VA ssostni li d-Deutsche Rentenversicherung Bund naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni bħala perijodi rilevanti l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li hija għamlet fil-Pajjiżi l-Baxxi bejn il‑15 ta’ Novembru 1986 u l‑31 ta’ Marzu 1999, li matulu ma wettqet l-ebda attività professjonali (iktar ’il quddiem il-“perijodi inkwistjoni”). Hija kkontestat dan ir-rifjut quddiem qorti tal-ewwel istanza. Ir-rikors tagħha ġie miċħud.

20.      VA appellat mid-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza fil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja).

21.      Dik il-qorti tosserva li l-fatt li, matul il-perijodi inkwistjoni, iż-żewġt itfal ta’ VA ma trabbewx fil-Ġermanja jipprekludi li dawn il-perijodi jiġu kkreditati taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI. Il-perijodi inkwistjoni lanqas ma jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI peress li, sabiex dan ikun possibbli, VA kellha toqgħod abitwalment barra l-pajjiż ma’ wliedha u, matul jew immedjatament qabel dawn il-perijodi, kellha twettaq perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja fil-Ġermanja bis-saħħa ta’ attività mwettqa barra mill-pajjiż (jiġifieri, fil-Pajjiżi l-Baxxi) bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha. Hija tfakkar ukoll li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma humiex issodisfatti minħabba li VA ma kinitx impjegata jew taħdem għal rasha fil-Ġermanja meta twieldu wliedha, fiż-żmien meta l-perijodi inkwistjoni bdew jiddekorru.

22.      Dan premess, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż, b’mod partikolari, fil-kawża Reichel-Albert, il-perijodi inkwistjoni għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mid-Deutsche Rentenversicherung Bund għall-finijiet tal-għoti ta’ pensjoni lil VA, peress li jeżistu ċerti fatturi li jissuġġerixxu l-eżistenza ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed”, fuq il-bażi tal-Artikolu 21 TFUE. F’dan ir-rigward, hija tinnota, minn naħa, li s-sitwazzjoni ta’ VA hija differenti minn dik li wasslet għal dik is-sentenza; tabilħaqq, qabel it-twelid ta’ wliedha, VA ma kienet suġġetta għal ebda assigurazzjoni obbligatorja fil-Ġermanja. Għalhekk, hija ma ħallsitx kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja ta’ dak l-Istat Membru. Barra minn hekk, hija mhux sempliċement ittrasferixxiet ir-residenza tagħha fi Stat Membru differenti (il-Pajjiżi l-Baxxi). Fil-fatt, hija għexet hemm fuq bażi permanenti.

23.      Min-naħa l-oħra, hija tfakkar li l-istorja kollha ta’ impjieg ta’ VA hija marbuta mal-Ġermanja, li hija attendiet l-iskola esklużivament fil-Ġermanja, li hija għamlet hemmhekk il-perijodu ta’ prova ta’ sena li kien ikun suġġett għal assigurazzjoni obbligatorja li kieku ma kienx għall-fatt li kien hemm numru insuffiċjenti ta’ pożizzjonijiet bi ħlas li kienu disponibbli fiż-żmien rilevanti, u li s-snin l-oħra li matulhom VA wettqet taħriġ professjonali kienu rreġistrati bħala “perijodi rilevanti għall-pensjonijiet”. Barra minn hekk ulied VA attendew l-iskola fil-Ġermanja u hija u l-familja tagħha marru joqogħdu fil-Pajjiżi l-Baxxi qrib ħafna tal-fruntiera mal-Ġermanja.

24.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li l-perijodi inkwistjoni ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fid-dritt nazzjonali huwiex kompatibbli mal-Artikolu 21 TFUE.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      Skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, bħala l-Istat Membru responsabbli taħt it-Titolu II tar-Regolament bażiku [ir-Regolament Nru 883/2004] - perijodu għat-trobbija tat-tfal fis-sens tal-Artikolu 44(2) [tar-Regolament Nru 987/2009], għandu jiġi kkunsidrat mill-fatt li l-perijodu tat-trobbija tat-tfal fil-Pajjiżi l-Baxxi, purament bħala perijodu ta’ residenza, jistabbilixxi drittijiet għall-pensjoni?

(2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

L‑Artikolu 44(2) tar-[Regolament Nru 987/2009], insegwitu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Elsen u Reichel-Albert - għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’ fis-sens li jfisser li l-Istat Membru responsabbli għandu jqis ukoll il-perijodu tat-trobbija tat-tfal jekk il-persuna li trabbi t-tfal, qabel u wara l-perijodu tat-trobbija tat-tfal, għandha perijodi ta’ drittijiet għall-pensjoni minħabba taħriġ jew impjieg biss taħt l-iskema ta’ dan l-Istat, iżda ma għamlitx kontribuzzjonijiet f’din l-iskema immedjatament qabel jew wara li rabbiet it-tfal?”

26.      It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata 23 ta’ April 2021, ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Mejju 2021. Il-Gvern Ġermaniż, Ċek u dak Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet interessati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ċek, kienu rrappreżentati fis-seduta li saret fil‑11 ta’ Mejju 2023.

IV.    Analiżi

27.      Sabiex tiġi kkalkulata pensjoni (11), l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri tipikament jibbażaw lilhom innifishom fuq in-numru ta’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” jew ta’ “perijodi ta’ residenza” mwettqa mill-persuna kkonċernata (12). Fid-dawl tal-għan ġenerali tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, li huwa “li tkun ippreparata biss sistema ta’ kordinazzjoni” u, għalhekk, li jiġu rrispettati l-karatteristiċi speċjali tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali (13), huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dak li jgħodd bħala “perijodu ta’ assigurazzjoni” jew “perijodu ta’ residenza” jew dak li jista’ jiġi assimilat għal perijodi bħal dawn (14), sakemm il-leġiżlazzjoni tiegħu tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat‑TFUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tat‑TFUE (15).

28.      Xi Stati Membri – iżda mhux kollha – ipprevedew “perijodi għat-trobbija tat-tfal” li għandhom jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ assigurazzjoni” jew “perijodi ta’ residenza” u, għalhekk, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-fini tal-għoti ta’ pensjoni.

29.      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 jintroduċi regola speċjali, maħsuba biex tiddetermina, f’sitwazzjoni fejn persuna tkun ħadmet u rabbiet lil uliedha fi Stati Membri differenti, iċ-ċirkustanzi li fihom l-Istat Membru A (l-Istat Membru fejn il-persuna tkun ħadmet) għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li jkunu twettqu fl-Istat Membru B u li jeħtieġ, fejn dan ikun il-każ, li dawk il-perijodi jiġu ttrattati bħallikieku twettqu fl-Istat Membru A (16). Dik il-kompetenza tal-Istat Membru A hija sussidjarja għall-kompetenza tal-Istat Membru B. Fil-fatt, l-obbligu tal-Istat Membru A li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-“perijodi ta’ trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B japplika biss jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B tippermetti diġà li jitqiesu l-perijodi tat-trobbija tat-tfal.

30.      Kif jispjega l-Gvern Ċek, l-għan tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ma huwiex li jiġi żgurat li benefiċjarju jkollu l-iktar leġiżlazzjoni vantaġġuża applikata għas-sitwazzjoni tiegħu, u lanqas li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni “perijodi għat-trobbija tat-tfal” bħala “perijodi ta’ assigurazzjoni” jew “perijodi ta’ residenza” rilevanti taħt il-leġiżlazzjoni tagħhom; pjuttost, l-għan huwa biex jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn perijodi bħal dawn ma jiġux ikkreditati taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-uniku raġuni li jkunu saru fi Stat Membru differenti. F’dan is-sens, din id-dispożizzjoni għalhekk tirrifletti l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 883/2004 jipprova jikkodifika (17), u li jirriżulta direttament mill-Artikolu 21 TFUE.

31.      Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (18), jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A tapplikax, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, għal “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B jiddependi minn jekk it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin jiġux issodisfatti b’mod kumulattiv:

–        ma jittieħed inkunsiderazzjoni ebda perijodu għat-trobbija tal-ulied skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B;

–        il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A kienet qabel applikabbli għall-persuna kkonċernata minħabba li l-persuna kienet twettaq attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha f’dak l-Istat Membru; u

–        dik il-persuna ssoktat tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A minħabba tali attività fid-data meta, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-istess Stat Membru, il-perijodu ta’ trobbija tal-ulied ikun beda jittieħed inkunsiderazzjoni għall-wild ikkonċernat (19).

32.      Mill-informazzjoni fil-proċess u mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju nifhem li VA naqset milli tissodisfa t-tieni u t-tielet kundizzjoni elenkata iktar ’il fuq minħabba li ma kinitx impjegata jew taħdem għal rasha fl-Istat Membru A (il-Ġermanja) u, għalhekk, ma ħallsitx kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja fil-Ġermanja f’xi żmien qabel it-twelid ta’ wliedha, għalkemm fil-fatt lestiet it-taħriġ professjonali tagħha u wettqet perijodu ta’ prova ta’ sena f’kindergarten hemmhekk.

33.      Ninnota, madankollu, li, fis-sentenza tagħha fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 “ma jirregolax b’mod esklużiv it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi għat-trobbija tat-tfal” (20). Il-persuna kkonċernata f’dik il-kawża wkoll naqset milli tissodisfa t-tielet (għalkemm mhux it-tieni) kundizzjoni elenkata fil-punt 31 iktar ’il fuq. Kif diġà għidt fil-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, għalkemm dik il-persuna ma setgħetx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tinvoka l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, l-Istat Membru A xorta kien marbut li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u biex li inkunsiderazzjoni dawk il-perijodi bħallikieku twettqu fit-territorju tiegħu stess. Hija bbażat din il-konklużjoni fuq l-Artikolu 21 TFUE u fuq il-fatt li teżisti “rabta mill-qrib biżżejjed” bejn dawn il-perijodi u “perijodi ta’ assigurazzjoni” (f’dan il-każ, perijodi ta’ impjieg jew ta’ xogħol ta’ min jaħdem għal rasu) imwettqa fl-Istat Membru A (21).

34.      Fid-dawl ta’ din is-sentenza, it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed”, elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha abbażi mhux tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, iżda tal-Artikolu 21 TFUE, huwiex issodisfatt f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Id-dubji tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward jirriżultaw mill-fatt li, għall-kuntrarju tar-rikorrenti fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li teżisti tali “rabta mill-qrib biżżejjed”, VA ma ħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni statutorja tal-Ġermanja u lanqas ma setgħet tiġi kkunsidrata, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, bħala “impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” fil-Ġermanja, qabel ma rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi.

35.      Ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, dan il-fatt, fih innifsu, ma jeħlisx lill-Istat Membru A (il-Ġermanja) mill-obbligu li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B (il-Pajjiżi l-Baxxi). Madankollu, qabel ma ngħaddi għal din il-kwistjoni, ser nirrispondi għall-ewwel domanda dwar l-interpretazzjoni tal-ewwel kundizzjoni deskritta fil-punt 31 iktar ’il fuq, li sabiex l-Istat Membru A ikun suġġett għal tali obbligu, li l-ebda “perijodu għat-trobbija tat-tfal” ma għandu jittieħed inkunsiderazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B. F’dan ir-rigward, ninnota li l-Kummissjoni ssostni li din id-domanda ma għandha ebda rilevanza f’dan il-każ, peress li t-tieni u t-tielet kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, fi kwalunkwe każ, ma ġewx issodisfatti. Naqbel li, fil-kawża prinċipali, VA ma tistax tinvoka din id-dispożizzjoni. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li l-kwistjoni dwar jekk l-Istat Membru B (hawnhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi) jonqosx milli jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi inkwistjoni hija irrilevanti. Tabilħaqq, nikkunsidra li, f’sitwazzjoni fejn ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 japplikaw ratione temporis (kif inhu l-każ hawnhekk), l-ewwel kundizzjoni elenkata mill-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 tapplika mutatis mutandis fejn il-kwistjoni dwar jekk il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” humiex ikkunsidrati hija rregolata mhux minn din id-dispożizzjoni, iżda mill-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” elaborat mill-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 21 TFUE.

A.      L‑ewwel domanda: “perijodu għat‑trobbija tat-tfal’ meta jittieħed inkunsiderazzjoni mil‑leġiżlazzjoni tal‑Istat Membru B?

36.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel kundizzjoni, deskritta fil-punt 31 iktar ’il fuq, hijiex issodisfatta meta, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B (hawnhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi), tali perijodu jagħti lok għal drittijiet tal-pensjoni mhux għax huwa assimilat ma’ “perijodu ta’ assigurazzjoni”, iżda għax jingħadd bħala “perijodu ta’ residenza”.

37.      Mill-bidu nett, nixtieq nagħmel żewġ punti ċari ħafna. Fl-ewwel lok, nixtieq nispjega għalfejn, kif diġà indikajt fil-punt 35 iktar ’il fuq, din il-kundizzjoni, li hija stabbilita fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, tapplika mutatis mutandis meta l-persuna kkonċernata ma tistax tibbaża t-talba tagħha fuq dik id-dispożizzjoni u trid, minflok, tistrieħ fuq l-Artikolu 21 TFUE u t-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt.

38.      F’dan ir-rigward, infakkar qabelxejn li, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (22), wieħed mill-prinċipji kardinali tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 huwa li l-persuni li għalihom japplikaw dawn ir-regolamenti “ikunu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss” (23).

39.      Fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju kardinali għandu jiġi rrispettat mhux biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu  44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, iżda wkoll meta jiġi applikat il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” abbażi tal-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, persuna li trabbi lil uliedha barra mill-pajjiż jaf tkun tista’, taħt dan it-test, tieħu inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti kemm mill-Istat Membru A kif ukoll mill-Istat Membru B (għadd doppju) jew tagħżel liema leġiżlazzjoni, dik tal-Istat Membru A jew tal-Istat Membru B, hija iktar favorevoli għaliha, peress li ż-żewġ leġiżlazzjonijiet jistgħu jkunu applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha. Ir-riżultat ikun li t-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” ma jistax, bħall-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, jitqies li jintroduċi sempliċi kompetenza sussidjarja min-naħa tal-Istat Membru A (24). Pjuttost, għandu jitqies li jintroduċi kompetenza doppja (fir-rigward kemm tal-Istat Membru A kif ukoll tal-Istat Membru B).

40.      Barra minn hekk , ninnota li l-Artikolu 21(1) TFUE jipprevedi li “Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq” (25). B’hekk, inkun inklinat li niċħad interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tmur kontra l-loġika ġenerali jew kontra wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom huma bbażati dawn iż-żewġ regolamenti (26).

41.      F’dan ir-rigward, infakkar u koll li, filwaqt li l-Artikolu 21 TFUE għandu l-għan li jiżgura, b’mod partikolari, li ċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu ma jiġux iddiskriminati u, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, li ma jkunux skoraġġuti milli jeżerċitaw dan id-dritt minħabba ostakoli għal din il-libertà, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex li jiggarantixxi li jitqegħdu f’pożizzjoni vantaġġuża minħabba l-fatt li jeżerċitaw dan id-dritt. Naturalment, jekk persuna li eżerċitat id-dritt tagħha għall-moviment liberu kienet intitolata li l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li hija tkun wettqet barra mill-pajjiż jitqiesu kemm mill-Istat Membru A kif ukoll mill-Istat Membru B jew li tagħżel liema leġiżlazzjoni għandha tkun applikabbli għal perijodi bħal dawn, pjuttost milli tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A biss jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma tkunx diġà tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni “perijodi għat-trobbija tat-tfal”, tali persuna ssib ruħha f’sitwazzjoni iktar vantaġġuża minn persuna li ħajjitha tkun ġiet limitata għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed. Riżultat bħal dan imur lil hinn minn dak li jimponi l-Artikolu 21 TFUE.

42.      Fl -aħħar nett, ninnota li l-Istati Membri kollha li aġixxew bħala “Stat Membru B” fis-sentenzi fil-kawżi Elsen, Kauer u Reichel-Albert, kif ukoll, iktar reċentement, fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (jiġifieri, Franza, il-Belġju u l-Ungerija) ma ħadux inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tagħhom stess. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, applikat it-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” biss f’kuntest fejn kien ċar li l-Istat Membru B ma ħax inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti (27).

43.      Isegwi , fil-fehma tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, li “rabta mill-qrib biżżejjed” bejn “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u “perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fl-Istat Membru A ma tistax tiġi stabbilita sakemm ma jkunx ċar li l-Istat Membru B ma jiħux inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” skont il-leġiżlazzjoni tiegħu stess. Din il-kundizzjoni, li ddaħħlet espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 għandha, fil-kuntest fejn l-Istati Membri huma obbligati li jikkonformaw kemm ma’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mal-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” elaborat minn il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 21 TFUE, titqies bħala li tapplika mutatis mutandis meta wieħed jinvoka dak it-test.

44.      Dan premess, nixtieq, fit-tieni lok, niċċara li f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 ikunu ssodisfatti, l-Istat Membru B jista’ jitqies bħala li jieħu l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tiegħu stess, anki meta dawn il-perijodi jiġu assimilati ma’ “perijodi ta’ residenza”, pjuttost milli “perijodi ta’ assigurazzjoni”. Fil-fatt, l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 987/2009 jgħid li “perijodu għat-trobbija tat-tfal” jirreferi għal “kwalunkwe perijodu li huwa kreditat taħt il-leġislazzjoni tal-pensjonijiet ta’ Stat Membru jew li jipprovdi suppliment għal pensjoni espliċitament għal raġuni li persuna tkun rabbiet tifel/tifla, irrispettivament mill-metodu użat biex tikkalkula dawk il-perijodi […]”.

45.      Minn din id-definizzjoni wiesgħa jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” jittiħdux inkunsiderazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B, skont it-tifsira tal-Artikolu 44(2) ta’ dan ir-regolament, jeħtieġ biss li jiġi vverifikat jekk tali perijodi humiex ikkreditati (jew meqjusa bħala li jipprovdu suppliment għal pensjoni) taħt il-leġiżlazzjoni tal-pensjoni ta’ dak l-Istat Membru. Eżattament kif jiġu kkreditati dawn il-perijodi, inkluż jekk jiġux ikkreditati bħala “perijodu ta’ assigurazzjoni” jew “perijodu ta’ residenza”, huwa immaterjali.

46.      Fil-fehma tiegħi, u skont l-istess loġika wżata fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, din id-definizzjoni tapplika mutatis mutandis fil-kuntest tal-applikazzjoni tat-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” żviluppat abbażi tal-Artikolu 21 TFUE. Fil-fatt, fil-każ kuntrarju, persuna tkun intitolata li l-perijodu ddedikat għat-trobbija tat-tfal jiġi kkunsidrat darbtejn (taħt il-leġiżlazzjoni kemm tal-Istat Membru A kif ukoll tal-Istat Membru B), sakemm l-Istat Membru B jieħu inkunsiderazzjoni tali perijodu biss bħal “perijodu ta’ residenza” u mhux bħala “perijodu ta’ assigurazzjoni” (28). Tali riżultat imur kontra l-loġika ġenerali tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 u lil hinn minn dak li jeħtieġ l-Artikolu 21 TFUE. Fl-istess waqt, riżultat bħal dan jista’ wkoll ikun ta’ detriment għad-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw il-libertà tal-moviment tagħhom, peress li – fix-xenarju oppost – ċittadin ma jkunx intitolat li jkollu l-ħin li qatta’ jrabbi lil uliedu fl-Istat Membru B meħud inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru A jekk, skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan tal-aħħar , tali perijodu kellu jitqies bħala “perijodu ta’ residenza” pjuttost milli “perijodu ta’ assigurazzjoni”. F’dan ir-rigward, infakkar li mis-sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt jirriżulta li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009, huwa esprima b’mod konkret uħud biss mill-obbligi li jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “perijodi għat-trobbija tat-tfal” li jirriżultaw mill-Artikolu 21 TFUE. Billi dawn l-obbligi għandhom portata usa’ minn dawk stabbiliti f’dan l-istrument sekondarju, jidhirli li d-definizzjoni tal-kunċett ta’ “perijodi għat-trobbija tat-tfal” ma tistax tkun idjaq taħt l-Artikolu 21 TFUE milli taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 987/2009.

47.      Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi jekk il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” humiex diġà meħuda inkunsiderazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B (il-Pajjiżi l-Baxxi). Bla ħsara għall-verifika li għandha ssir minn din il-qorti, infakkar li t-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċerna d-dritt ta’ VA għal benefiċċji ta’ invalidità, mhux għal pensjoni tax-xjuħija (29). Il-Gvern Olandiż spjega fis-seduta li d-dritt nazzjonali tiegħu ma jippermettix li jingħataw benefiċċji ta’ invalidità lil persuni li jaħdmu għal rashom bħal VA u li huwa biss għall-fini li tingħata tip differenti ta’ pensjoni, jiġifieri pensjoni tax-xjuħija, li “perijodi għat-trobbija tat-tfal” huma assimilati ma’ “perijodi ta’ residenza”. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li, sa fejn il-kawża prinċipali tikkonċerna biss l-għoti ta’ benefiċċji ta’ invalidità, għandu jiġi kkunsidrat li l-ebda perijodu għat-trobbija tat-tfal ma jittieħed inkunsiderazzjoni taħt il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru (30).

48.      Wara li għamilt dawn l-osservazzjonijiet li jagħtu risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, issa ser nittratta l-punt dwar jekk il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Elsen, Kauer u Reichel-Albert, kif ukoll, iktar reċentement, fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, huwiex rilevanti f’din il-kawża.

B.      Ittieni domanda: x’jikkostitwixxi “rabta mill‑qrib biżżejjed”?

49.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-obbligu, taħt l-Artikolu 21 TFUE, li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” għall-Istat Membru A (hawnhekk, il-Ġermanja) japplikax ukoll fejn, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, il-persuna inkwistjoni tkun ħallset kontribuzzjonijiet minħabba l-“impjieg” jew ix-“xogħol ta’ min jaħdem għal rasu” tagħha f’dak l-Istat Membru biss wara li rabbiet lil uliedha fi Stat Membru wieħed jew iktar, u mhux qabel it-twelid ta’ wliedha. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment espliċitu għas-sentenzi fil-kawżi Elsen, Kauer u Reichel-Albert, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ħolqot u żviluppat il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed”.

50.      Minn naħa, ser nispjega għaliex, fil-fehma tiegħi, f’kuntest fejn ir-Regolamenti Nru  883/2004 u Nru 987/2009 japplikaw ratione temporis, wieħed għandu jirreżisti t-tentazzjoni li r-“rabta mill-qrib biżżejjed” tinfirex wisq u, min-naħa l-oħra, għaliex inqis li tista’ teżisti tali rabta anki jekk persuna ma tkunx ħallset kontribuzzjonijiet minħabba l-“impjieg” jew “l-attività għal rasha” tagħha fl-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Istat Membru A qabel ma tkun irrilokat fl-Istat Membru B biex trabbi lil uliedha.

1.      It‑test tar‑rabta millqrib biżżejjed” wara ssentenza filkawża Pensionsversicherungsanstalt

51.      Kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt  (31), jidhirli li, meta adotta l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel għażla konxja li ma jirreferix għat-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” ifformulat mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt is-sistema applikabbli preċedentement (jiġifieri, f’kuntest li fih ir-Regolament Nru 1408/71 kien japplika ratione temporis). Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni ġiet ippromulgata wara s-sentenzi fil-kawżi Elsen u Kauer (għalkemm mhux fil-kawża Reichel-Albert), il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jadottaha expressis verbis, kieku xtaq jagħmel dan, b’tali mod li jintegra b’mod sħiħ dan it-test fid-dritt sekondarju tal-Unjoni. Madankollu, forsi minħabba l-fatt li dak it-test ma huwiex intrinsikament ċar daqs (u huwa fformulat b’mod iktar miftuħ minn) it-tliet kundizzjonijiet iddefiniti b’mod ċar u stabbiliti fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, u li din id-dispożizzjoni kellha l-għan li tintroduċi eċċezzjoni (limitata u delineata b’mod ċar) għar-regoli ta’ kompetenza li jinsabu fit-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004, huwa għażel li ma jagħmilx dan (32).

52.      Huma dawn l-istess raġunijiet, kif ukoll ċerti oħrajn addizzjonali (33), li jwassluni biex nikkunsidra li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja issa ddeċidiet, kuntrarjament għas-suġġeriment tiegħi (34), li l-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” jibqa’ rilevanti f’sitwazzjoni fejn ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 (minflok ir-Regolament Nru 1408/71) japplikaw ratione temporis, wieħed għandu jirreżisti t-tentazzjoni li jinkoraġġixxi li firxa dejjem usa’ ta’ sitwazzjonijiet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-test tar-“rabta mill-qrib biżżejjed” abbażi mhux ta’ dawk ir-regolamenti, iżda tal-Artikolu 21 TFUE.

53.      Diversi fatturi jistgħu jikkontribwixxu għal dan il-fenomenu. L-ewwel, kif għadni kif spjegajt, dak li jikkostitwixxi “rabta mill-qrib biżżejjed” ma huwiex ċar. Min-natura tiegħu, it-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” huwa miftuħ u jiddependi fuq x’jistgħu jitqiesu bħala ċirkustanzi rilevanti f’kull każ. Fatturi differenti, inkluż il-fatt li r-rikorrenti kienu ħadmu esklużivament fl-Istat Membru A jew li kienu jikkontribwixxu esklużivament f’dan l-Istat Membru, ġew enfasizzati fis-sentenzi fil-kawżi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt, mingħajr ma l-ebda waħda minnhom kienet identifikata bħala determinanti (35). It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja, sal-lum, dejjem ikkonkludiet li kienet teżisti “rabta mill-qrib biżżejjed”, u qatt ma sabet li kienet assenti. Fil-fatt, sentenzi tal-passat li fihom ġie applikat dan it-test juru t-tendenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tespandi iktar milli tillimita n-numru ta’ sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru A jista’ jkun obbligat japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għal “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B. Pereżempju, filwaqt li kemm fil-kawża Elsen kif ukoll fil-kawża Kauer, ir-rikorrenti kienet baqgħet suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A sakemm bdew jiddekorru l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa barra mill-pajjiż (36), dan ma kienx il-każ għar-rikorrenti fis-sentenzi Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt (37) u, madankollu, dan ma waqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tikkonkludi li kienet teżisti “rabta mill-qrib biżżejjed”.

54.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ma huwiex sorprendenti li, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju semmiet diversi ċirkustanzi (bħall-fatt li l-istorja kollha ta’ impjieg ta’ VA hija marbuta mal-Ġermanja, li hija attendiet l-iskola esklużivament fil-Ġermanja, li hija bdiet tirresjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi ftit mijiet ta’ kilometri biss ’il bogħod mill-fruntiera tal-Ġermanja u li wliedha attendew l-iskola fil-Ġermanja) bħala potenzjalment rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ rabta mill-qrib biżżejjed” (38).

55.      Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nipprova niċċara l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan it-test. Se nibda billi nelenka (a) il-kunsiderazzjonijiet li, fil-fehma tiegħi, ma humiex rilevanti biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta qabel indur fuq (b) dawk li jien inqis, għall-kuntrarju, bħala determinanti.

a)      Ku nsiderazzjonijiet irrilevanti

56.      L-ewwel, peress li t-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” ġie elaborat f’kawżi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat żewġ kwistjonijiet (jiġifieri, minn naħa waħda, jekk l-Istat Membru A kienx obbligat japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi għat-trobbija tat-tfal imwettqa fi Stat Membru B u, min-naħa l-oħra, fejn dan kien il-każ, jekk din il-leġiżlazzjoni ttrattatx dawk il-perijodi bħallikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu u kinitx, għalhekk, kompatibbli mal-Artikolu 21 TFUE (39)), wieħed jista’ jitħajjar iqis il-ġurisprudenza rilevanti għat-tieni waħda minn dawn il-kwistjonijiet bħala rilevanti wkoll għall-ewwel waħda.

57.      F’dan ir-rigward, ninnota li, fis-sentenza tagħha fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, pereżempju, li leġiżlazzjoni nazzjonali li tqiegħed fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor għandha titqies li tagħti lok għal inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-prinċipji li fuqhom huwa bbażat l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu (40). Naqbel li, f’dan il-każ, kieku VA rabbiet lil uliedha fil-Ġermanja, il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti kienu awtomatikament jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli (jiġifieri taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 56(3) tas-SGB VI). B’hekk, bħar-rikorrenti fis-sentenzi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt, VA kienet tqiegħdet fi żvantaġġ għall-unika raġuni li rabbiet lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi, pjuttost milli fil-Ġermanja.

58.      Madankollu, nikkunsidra li l-fatt li persuna bħal VA fil-kawża prinċipali tiġi żvantaġġata minħabba li l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li hija tkun wettqet barra mill-pajjiż jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru A ma huwiex, fih innifsu, rilevanti għall-kwistjoni ta’ jekk teżistix “rabta mill-qrib biżżejjed” bejn il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B u l-“perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fl-Istat Membru A. Pjuttost, din tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A hijiex kompatibbli mal-Artikolu 21 TFUE.

59.      Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ domandi huma distinti u ma jistgħux jingħaqdu flimkien. Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (41). B’hekk, is-sempliċi fatt li persuna bħal VA tiġi żvantaġġata minħabba li l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li hija wettqet fl-Istat Membru B ma għandhomx jiġu kkunsidrati mill-Istat Membru A ma jistax jiġi invokat biex ikabbar il-firxa ta’ sitwazzjonijiet li fihom teżisti “rabta mill-qrib biżżejjed” (42).

60.      It-tieni , ninnota li l-biċċa l-kbira tal-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż matul is-seduta ffukaw fuq il-fatt li VA għandha rabtiet iktar b’saħħithom mal-Pajjiżi l-Baxxi milli mal-Ġermanja. Fil-fehma ta’ dak il-gvern, il-Ġermanja, għal din ir-raġuni, ma tkunx obbligata tapplika l-leġiżlazzjoni tagħha għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li VA wettqet fil-Pajjiżi l-Baxxi.

61.      Jien ma naqbilx ma ’ din l-analiżi. Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li l-persuna kkonċernata għandha wkoll rabtiet mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru B matul il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti (pereżempju, peress li dan l-individwu huwa suġġett għal assigurazzjoni obbligatorja f’dan l-Istat Membru matul dawn il-perijodi) ma jipprevjenix il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A milli tapplika għal tali perijodi. Kif spjegajt fir-risposta tiegħi għall-ewwel domanda, l-għan tat-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” ma huwiex li jiddetermina, skont ma’ liema sistema ta’ sigurtà soċjali r-rikorrent għandu l-eqreb rabtiet, liema leġiżlazzjoni tapplika (jew dik tal-Istat Membru A jew dik tal-Stat Membru B). Pjuttost, dan it-test għandu l-għan li jintroduċi kompetenza sussidjarja (residwa) għall-Istat Membru A, li hija mingħajr preġudizzju għall-fatt li, jekk il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” jitqiesu taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B, b’hekk hija biss il-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru illi tapplika.

62.      F’dan ir-rigward, infakkar li, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-test ta’ “ rabta mill-qrib biżżejjed” ġie żviluppat għall-ewwel darba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-kawża Elsen, dwar ħaddiem fruntalier. Il-ħaddiema fruntalieri inevitabbilment għandhom rabtiet kemm mal-Istat Membru fejn jaħdmu kif ukoll mal-Istat Membru fejn joqogħdu. Bħala tali, huwa ċar li s-sempliċi fatt li persuna għandha rabtiet mal-Istat Membru B ma jipprevjenix lil tali persuna milli jkollha wkoll “rabta mill-qrib biżżejjed” mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru A.

63.      I t-tielet, wieħed jista’ jargumenta wkoll li, sabiex tiġi stabbilita “rabta mill-qrib biżżejjed”, ir-rikorrent irid ikun ħadem esklużivament fi Stat Membru (Stat Membru A) wieħed matul ħajtu. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat dan l-element fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Elsen, Kauer, Reichel-Albert u Pensionsversicherungsanstalt.

64.      Madankollu, nara żewġ problemi f’dan l-approċċ. Fl-ewwel lok, din tkun ta’ żvantaġġ għaċ-ċittadini tal-Unjoni li ħadmu f’diversi Stati Membri u li, għalhekk, eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE. Persuna tista’, pereżempju, tkun ħadmet biss fl-Istat Membru A kemm qabel kif ukoll immedjatament wara li tkun rabbiet wild fl-Istat Membru B. Tali persuna għandha tiġi mċaħħda mill-opportunità li tistrieħ fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li hija tkun wettqet fl-Istat Membru B sempliċement għax minn hemm ’il quddiem hija taħdem fl-Istat Membru Ċ jew fl-Istat Membru B, u mhux iktar fl-Istat Membru A?

65.      Fit-tieni lok, dan l-approċċ jista’ wkoll jirriżulta f’obbligi sproporzjonati fuq l-Istat Membru A. Immaġina jekk il-persuna kkonċernata ma kellha ebda rabta mal-Istat Membru A qabel ma rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B iżda hija sussegwentement baqgħet taħdem fl-Istat Membru A biss. Dan l-Istat Membru għandu jkun meħtieġ japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” li jkunu twettqu fl-Istat Membru B, minkejja li l-persuna kkonċernata bdiet taħdem biss fit-territorju tiegħu ħafna snin wara, għall-unika raġuni li jista’ jingħad li din tkun ħadmet esklużivament hemmhekk?

66.      Fl-aħħar nett, ma nemminx li l-eżistenza ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” tista’ tkun ibbażata, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, fuq is-sempliċi fatt li l-ħajja tal-persuna kkonċernata hija, wara t-twelid ta’ wliedha, “orjentata b’mod predominanti” lejn is-sistema legali, ekonomika u soċjali tal-Istat Membru A (pereżempju, minħabba li t-tfal jattendu l-iskola fl-Istat Membru A jew minħabba li hija kienet tirrisjedi biss ftit kilometri ’l bogħod mill-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru). Dan il-kriterju huwa wisq inċert u imprevedibbli u jonqos milli jagħmel it-test ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” iktar ċar.

67.      Wara li għamilt dawn il-kjarifiki, jifdal biss li nispjega liema kunsiderazzjonijiet huma determinanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed”.

b)      Kunsiderazzjonijiet determinanti

68.      Fil-fehma tiegħu huwa ċar li l-fattur determinanti għall-istabbiliment ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” huwa li l-persuna kkonċernata tkun wettqet “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel, (iżda mhux neċessarjament wara), li tkun rabbiet lil uliedha fi Stat Membru B (l-ewwel kundizzjoni). Fil-fehma tiegħi, il-fatt li l-persuna kkonċernata marret lura għax-xogħol fl-Istat Membru A wara li jkunu ntemmu l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B jista’ jsaħħaħ il-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżisti “rabta mill-qrib biżżejjed”. Madankollu, ma hijiex prekundizzjoni għall-eżistenza ta’ tali rabta.

69.      Fil-fatt, jekk il-persuna kkonċernata tkun meħtieġa, sabiex tibbenefika mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A, terġa’ taħdem jew li tlesti iktar “perijodi ta’ assigurazzjoni” f’dak l-Istat Membru wara li trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B, hija tiġi, realistikament, affettwata fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tmur minn post għal ieħor u li tirrisjedi liberament fi Stati Membri oħra taħt l-Artikolu 21 TFUE (billi, ħlief fil-każ ta’ ħaddiema fruntalieri, il-persuna kkonċernata tkun effettivament meħtieġa li terġa’ tirriloka fl-Istat Membru A biex tlesti “perijodi ta’ assigurazzjoni” oħra bħal dawn).

70.      Barra minn hekk, inqis li, għalkemm il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” imwettqa fl-Istat Membru A ma għandhomx għalfejn jiġu immedjatament qabel il-perijodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal, l-Istat Membru A għandu jkun l-aħħar Stat Membru li fih il-persuna kkonċernata tkun wettqet “perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel ma trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B (it-tieni kundizzjoni). Tabilħaqq, fil-fehma tiegħi, jekk persuna twettaq “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A u, imbagħad, fl-Istat Membru Ċ, qabel trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B, allura l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru tal-aħħar għandhom jitqiesu li huma marbuta iktar mill-qrib mal-“perijodi ta’ assigurazzjoni” kompluti fl-Istat Membru Ċ milli ma’ dawk imwettqa fl-Istat Membru A. F’sitwazzjoni bħal din , l-Istat Membru Ċ, pjuttost milli l-Istat Membru A, għandu japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu (43).

71.      Inżid li din it-tieni kundizzjoni hija konformi mar-regola, stabbilita fl-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 987/2009, li tipprovdi li l-obbligu għall-Istat Membru A li jieħu inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fl-Istat Membru B skont il-leġiżlazzjoni tiegħu stess ma jibqax japplika “jekk il-persuna kkonċernata hija, jew issir, suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minħabba attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha”.

72.      Minn dan isegwi li l-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” għandu, fil-fehma tiegħi, ikun ibbażat fuq żewġ komponenti essenzjali. L-ewwel, il-persuna kkonċernata trid tkun wettqet “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A qabel (iżda mhux neċessarjament wara) li trabbi lil uliedha fl-Istat Membru B. It-tieni, l-Istat Membru A għandu jkun l-aħħar Stat Membru li fih il-persuna kkonċernata tkun wettqet tali “perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel ma rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B.

2.      Applikazzjoni għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni filkawża prinċipali

73.      Fid-dispożittiv tas-sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat espressament li l-persuna kkonċernata, kienet ħallset kontribuzzjonijiet esklużivament fl-Istat Membru A, kemm qabel kif ukoll wara t-trasferiment tal-post tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor fejn rabbiet uliedha. Fid-dawl ta’ din il-formulazzjoni, wieħed jista’ jistaqsi, kif tagħmel il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, jekk il-kriterju ta’ “rabta mill-qrib biżżejjed” huwiex issodisfatt f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha VA lestiet dak li jidher li huma perijodi li jistgħu jiġu assimilati għal “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-Istat Membru A (il-Ġermanja) qabel ma rabbiet lil uliedha fl-Istat Membru B (il-Pajjiżi l-Baxxi), iżda bdiet tħallas biss kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni statutorja ta’ dak l-ewwel Stat Membru diversi snin wara li waqfet tiddedika ħinha għat-trobbija ta’ wliedha.

74.      Fil-fehma tiegħi, kif diġà sostnejt fil-punt 35 iktar ’il fuq, din iċ-ċirkustanza ma tistax, fiha nnifisha, tipprevjeni l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A (il-Ġermanja) għall-perijodi inkwistjoni.

75.      F’dan ir-rigward, irrid nammetti li jagħmel sens, bħala prinċipju, li d-dritt ta’ persuna għal pensjoni jiddependi mill-fatt li l-persuna kkonċernata tkun ħallset kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja tal-Istat Membru responsabbli għall-għoti ta’ tali pensjoni. B’hekk, nista’ nifhem għalfejn xi Stati Membri jistgħu jkunu jridu jillimitaw dak li għandu jitqies bħala “perijodu ta’ assigurazzjoni” għal perijodi li matulhom il-persuna kkonċernata effettivament ħallset kontribuzzjonijiet minħabba l-“impjieg” jew “attività għal rasha” tagħha. Madankollu, dan ma jbiddilx il-fatt li Stati Membri oħra, inkluż il-Ġermanja, jippermettu li ċerti perijodi tal-ħajja ta’ persuna, li matulhom ma tkun ħallset l-ebda kontribuzzjoni bħal din u ma tkunx “impjegata” jew “persuna li taħdem għal rasha” (u ma tkunx, għalhekk, suġġetta għal assigurazzjoni obbligatorja) jiġu assimilati għal “perijodi ta’ assigurazzjoni”.

76.      Fuq dan il-punt, infakkar li, skont l-Artikolu 1(t) tar-Regolament Nru 883/2004, it-terminu “perjodu ta’ assigurazzjoni” ma huwiex limitat għal “perjodi ta’ kontribuzzjoni, impjieg jew impjieg għal rashom […]”. Dan it-terminu japplika wkoll għall-“perijodi kollha […] fejn il-leġislazzjoni msemmijja tqishom bħala ekwivalenti għal perjodi ta’ assigurazzjoni”. Minn dan isegwi li “perijodi ta’ assigurazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jitwettqu minn persuna fi Stat Membru, minkejja li hija ma tħallasx kontribuzzjonijiet lill-iskema ta’ assigurazzjoni statutorja ta’ (u ma tkunx impjegata jew taħdem għal rasha) f’dak l-Istat Membru.

77.      F’dan il-każ, il-Gvern Ġermaniż jidher li jindika li l-perijodi ta’ taħriġ professjonali li VA wettqet fil-Ġermanja qabel ma kompliet trabbi lil uliedha fil-Pajjiżi l-Baxxi huma assimilati għal “perijodi ta’ assigurazzjoni” taħt il-Paragrafu 58(1) tal-SGB VI. Il-qorti tar-rinviju tagħmel dikjarazzjoni simili fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, hija tinnota li “perijodi ta’ kreditu” jew “perijodi rilevanti għall-pensjoni” korrispondenti ġew irreġistrati fir-rekords tal-assigurazzjoni ta’ VA, għall-perijodi li matulhom hija wettqet dan it-taħriġ professjonali.

78.      Barra minn hekk, il-Ġermanja hija l-aħħar Stat Membru li fih VA lestiet “perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel ma marret fil-Pajjiżi l-Baxxi.

79.      Konsegwentement, u bla ħsara għall-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, inkun inklinat li nikkunsidra, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li enfasizzajt fil-punti 68 sa 72 iktar ’il fuq, li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A (il-Ġermanja) tapplika għall-perijodi inkwistjoni u li dan l-Istat Membru huwa obbligat, skont l-Artikolu 21 TFUE, li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku kienu twettqu fit-territorju tiegħu (44).

V.      Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari mressqa mil-Landessozialgericht Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Superjuri għall-Kwistjonijiet Soċjali, Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) kif ġej:

L-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali

għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni huwa obbligat li japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu u li jieħu inkunsiderazzjoni “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fi Stat Membru ieħor bħallikieku dawn il-perijodi kienu twettqu fit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 21 TFUE, sakemm, minn naħa, il-persuna kkonċernata tkun wettqet “perijodi ta’ assigurazzjoni” fl-ewwel Stat Membru qabel ma tkun għamlet dawn il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” u, it-tieni, li dan l-Istat Membru jkun l-aħħar Stat Membru li fih hija tkun wettqet dawn il-“perijodi ta’ assigurazzjoni” qabel tali trasferiment. L-obbligu għall-ewwel Stat Membru li jqis il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa fit-tieni Stat Membru ma japplikax jekk dak l-Istat Membru diġà jieħu dawn il-perijodi inkunsiderazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tiegħu stess. “Perijodu ta’ assigurazzjoni” jista’ jinkludi perijodu assimilat għal “perijodu ta’ assigurazzjoni” taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru responsabbli għall-ħlas tal-pensjoni li matulu ma tkun tħallset l-ebda kontribuzzjoni lill-iskema ta’ assigurazzjoni tal-pensjoni statutorja ta’ dak l-Istat Membru.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Sentenza tat‑23 ta’ Novembru 2000 (C‑135/99, EU:C:2000:647; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Elsen”).


3      Sentenza tas‑7 ta’ Frar 2002 (C‑28/00, EU:C:2002:82; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Kauer”).


4      Sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012 (C‑522/10, EU:C:2012:475; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Reichel-Albert”).


5      Ir-Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35).


6      Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).


7      Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1).


8      Sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, (C‑576/20, EU:C:2022:525; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt”).


9      Ibid., punt 63.


10      Il-qorti tar-rinviju tindika li VA għexet fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq bażi intermittenti bejn l‑1962 u l‑1975. Hija bdiet tgħix hemmhekk fuq bażi full-time fl‑1975.


11      Skont l-Artikolu 1(w) tar-Regolament Nru 883/2004, it-terminu “pensjoni” huwa ddefinit bħala li jkopri “mhux biss pensjonijiet imma wkoll benefiċċji mogħtija bħala somma waħda f’daqqa li jistgħu jingħataw minflok il-pensjoni u ħlas fil-forma ta’ ħlas lura ta’ kontribuzzjonijiet u, mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, żidied fuq bażi ta’ valutazzjoni mill-ġdid jew allowances supplimentarji”. Hija tinkludi l-għoti ta’ benefiċċji marbutin mal-invalidità bħal dawk li VA ssostni li hija intitolata għalihom f’dan il-każ (ara l-Kapitolu 4, intitolat “Benefiċċji marbutin mal-invalidità”). Ara wkoll l-Artikolu 31(c) ta’ dan ir-regolament, li jippreċiża li dan l-istrument japplika mhux biss għall-benefiċċji marbuta mal-età, iżda wkoll għall-benefiċċji marbutin mal-invalidità.


12      Ara, f’dan il-każ, l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 883/2004, li jagħmilha ċara li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tagħmel il-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji kundizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni jew residenza.


13      Ara, b’mod partikolari, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 883/2004.


14      Għad-definizzjoni ta’ “perijodu ta’ assigurazzjoni” u “perijodu ta’ residenza”, ara l-Artikolu 1(t) u (v) tar-Regolament Nru 883/2004 rispettivament. Iż-żewġ kunċetti huma ddefiniti b’riferiment għal-“leġislazzjoni li taħtha kienu magħmulin jew meqjusin bħala magħmulin”.


15      Ara s-sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16      B’mod konkret, dan ifisser li, sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ġeneralment tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni “perijodi għat-trobbija tat-tfal” għall-fini tal-għoti ta’ pensjoni, dik il-leġiżlazzjoni ma tistax tittratta “perijodi għat-trobbija tat-tfal” imwettqa f’wieħed jew diversi Stati Membri oħra b’mod differenti minn dawk kompluti fil-livell nazzjonali.


17      Ara wkoll, f’dan is-sens, il-premessa 5 tal-aħħar regolament.


18      C‑576/20, EU:C:2022:75, punt 32.


19      Ninnota, obiter, li l-Artikolu 44(3) tar-Regolament Nru 987/2009 jagħmilha ċara li l-obbligu previst fil-paragrafu 2 ta’ dan artikolu ma għandux japplika jekk il-persuna kkonċernata hija, jew issir, suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru ieħor minħabba attività bħala impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha.


20      Ara s-sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, punt 55.


21      Ibid., punt 66.


22      C‑576/20, EU:C:2022:75, punti 64 u 65.


23      Ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 883/2004. Is-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita minn dan ir-regolament u mir-Regolament Nru 987/2009 għandha għan doppju, li huwa, minn naħa, li tiżgura li l-persuni koperti mir-Regolament Nru 883/2004 ma jitħallewx mingħajr kopertura tas-sigurtà soċjali minħabba l-fatt li l-ebda leġiżlazzjoni ma tkun applikabbli għalihom u, min-naħa l-oħra, biex tiġi evitata l-applikazzjoni simultanja ta’ għadd ta’ sistemi leġiżlattivi nazzjonali u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, Pensionsversicherungsanstalt) (Benefiċċju ta’ riabilitazzjoni) (C‑135/19, EU:C:2020:177, punt 46)).


24      Ara l-punt 46 ibid.


25      Enfasi tiegħi.


26      Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, jiġifieri, ovvjament, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni nazzjonali ma’ dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni (bħal, f’dan il-każ, l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009), ma għandhiex neċessarjament l-effett li tneħħi l-applikazzjoni ta’ dik il-miżura mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Jeltes et, C‑443/11, EU:C:2013:224, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx b’mod apert, fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Elsen, Kauer, Reichel-Albert jew Pensionsversicherungsanstalt, li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B ma pprovdietx li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” rilevanti, wieħed jista’ jikkonkludi wkoll li dawn is-sentenzi jfissru li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A għandha tapplika għal tali perijodi bl-esklużjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B (ara, insostenn ta’ din l-interpretazzjoni, is-sentenzi fil-kawżi Elsen (punt 28) u Kauer (punti 30 u 31)). Madankollu, fil-fehma tiegħi, din l-interpretazzjoni tkun inkoretta, tal-inqas f’sitwazzjoni fejn ir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 japplikaw ratione temporis (li ma kienx il-każ fis-sentenzi fil-kawżi Elsen, Kauer, Reichel-Albert). Fil-fatt, ikun ifisser li, taħt il-kriterju ta’ “rabta suffiċjenti”, persuna tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A biss, filwaqt li, skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009, din il-persuna tkun tista’ tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B kif ukoll, jekk l-ebda “perijodu għat-trobbija tat-tfal” ma jiġi kkunsidrat taħt dik il-leġiżlazzjoni, fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A (bażikament, hija jkollha ċans doppju li tali perijodi jittieħdu inkunsiderazzjoni). Fil-fehma tiegħi, it-test ta’ “rabta suffiċjenti”, li ġie elaborat abbażi tal-Artikolu 21 TFUE, ma jistax joffri livell ta’ protezzjoni iktar baxx liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea minn dik id-dispożizzjoni.


28      F’xenarju bħal dan, l-Istat Membru B jitqies li ma jippermettix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “perijodi għat-trobbija tat-tfal” taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu. L-Istat Membru A, għalhekk, ikun obbligat japplika l-leġiżlazzjoni tiegħu għall-perijodi ddedikati għat-trobbija tat-tfal fl-Istat Membru B, b’applikazzjoni tat-test ta’ “rabta suffiċjenti”. Madankollu, fil-prattika, dawn il-perijodi xorta jkunu kkreditati bħala “perijodi ta’ residenza” taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B.


29      Ninnota li l-Gvern Ġermaniż isostni li, sabiex il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” jitqiesu bħala “li jittieħdu inkunsiderazzjoni” taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru B, huwa importanti biss li, taħt din il-leġiżlazzjoni, jiġu kkreditati għall-għan li tingħata kwalunkwe tip ta’ pensjoni (kemm jekk tkun pensjoni tax-xjuħija jew tal-invalidità). Jien ma naqbilx. Fil-fehma tiegħi, wieħed irid jikkunsidra jekk jiġux ikkreditati għat-tip ta’ pensjoni speċifika inkwistjoni.


30      Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ninnota li l-Gvern Olandiż jargumenta li, f’dan il-każ, l-Istat Membru kompetenti taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 883/2004 ma huwiex ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, iżda l-Ġermanja, peress li l-l-invalidità ta’ VA seħħet waqt li kienet tgħix u taħdem fil-Ġermanja. Din l-interpretazzjoni hija, fil-fehma tiegħi, ċertament inkoretta. Tabilħaqq, sabiex tiġi ddeterminata liema leġiżlazzjoni għandha tiġi applikata għal perijodu partikolari (bħal, f’dan il-każ, “perijodu għat-trobbija tat-tfal”), wieħed irid jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata matul tali perijodu, mhux id-data meta dik il-persuna saret intitolata għal pensjoni.


31      C‑576/20, EU:C:2022:75, punti 60 sa 63.


32      Ibid., punti 64 u 65.


33      Marbuta, b’mod partikolari, mal-fatt li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrifletti perfettament il-kontenut tal-Artikolu 44(2) tar-Regolament Nru 987/2009 tista’, wara s-sentenza fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt, iċċitata iktar ’il fuq, tiġi kkonstatata li tmur kontra l-Artikolu 21 TFUE, jekk ma tippermettix li jiġu kkunsidrati “perijodi għat-trobbija tat-tfal” f’sitwazzjonijiet oħra (sitwazzjonijiet bħal dawn huma diffiċli biex jiġu antiċipati peress li t-test ta’ “rabta suffiċjenti” intrinsikament ma huwiex ċar).


34      Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt.


35      Pereżempju, fis-sentenza tagħha fil-kawża Elsen, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress li kien hemm “rabta stretta” bejn dawn il-perijodi u l-perijodi ta’ attività ta’ U. Elsen fil-Ġermanja, is-sinjura Elsen ma setgħetx titqies bħala li waqqfet kull “attività professjonali” jew bħala suġġetta għal dik ir-raġuni għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih hija tgħix (Franza). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza tagħha fil-kawża Reichel-Albert, jidhirli li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’xi mod influwenzata minn kunsiderazzjonijiet differenti. L-ewwel, D. Reichel-Albert kienet ħadmet u kkontribwixxiet fi Stat Membru wieħed biss (il-Ġermanja), kemm qabel kif ukoll wara li temporanjament ittrasferixxiet il-post tar-residenza tagħha fi Stat Membru ieħor (il-Belġju) fejn hija qatt ma kienet ħadmet. It-tieni, D. Reichel-Albert kienet marret il-Belġju biss għal raġunijiet relatati mal-familja u direttament mill-Ġermanja, fejn hija kienet impjegata sax-xahar ta’ qabel it-trasferiment tagħha.


36      Ara s-sentenzi fil-kawżi Elsen (punt 26), u Kauer (punt 32).


37      Fil-fatt, f’dawn iż-żewġ kawżi, ir-rikorrenti kienet waqfet milli tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A diversi xhur jew saħansitra iktar minn sena qabel ma bdew jiddekorru tali termini.


38      Ara l-punt 23 iktar ’il fuq.


39      Fil-fatt, kif spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pensionsversicherungsanstalt (C‑576/20, EU:C:2022:75, punt 38), qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif nifhimha jien, kienet iddur ma’ sistema ta’ żewġ stadji msejsa fuq l-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru A għal perijodi għat-trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B sakemm ikun hemm “konnessjoni mill-qrib” jew “konnessjoni biżżejjed mill-qrib” bejn dawk il-perijodi u perijodi ta’ xogħol bi qligħ imwettqa fl-Istat Membru A (l-ewwel stadju); u l-obbligu, li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea biex tali leġiżlazzjoni tittratta l-perijodi għat-trobbija tal-ulied imwettqa fl-Istat Membru B daqslikieku kienu twettqu fl-Istat Membru A (jiġifieri, li tittratta tali perijodi b’mod ugwali) (it-tieni stadju).


40      Ara s-sentenzi fil-kawżi Pensionsversicherungsanstalt (punt 61), u Reichel-Albert (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara, b’mod partikolari, il-punti 63 u 64 ta’ dik is-sentenza.


42      Inżid li, kieku kull darba li persuna teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, l-uniċi kriterji jkunu jekk tali persuna titqegħedx fi żvantaġġ jekk ma tkunx tista’ tkompli tibbaża ruħha fuq il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li qabel kienet applikabbli għaliha, ir-regoli li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita mir-Regolamenti Nru 883/2004 u Nru 987/2009 jsiru kollha superfluwi. Riżultat bħal dan joħloq ħafna inċertezza mhux biss għall-Istati Membri, iżda wkoll għaċ-ċittadini tal-Unjoni nfushom (u għalhekk jista’ fl-aħħar mill-aħħar jippreġudika, iktar milli jiffaċilita, l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-moviment liberu kif protett taħt dawk id-dispożizzjonijiet).


43      F’dan ir-rigward, infakkar ukoll li, fir-rigward tal-Artikolu 45 TFUE, li jikkonċerna l-moviment liberu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li sitwazzjoni, li hija msejsa fuq grupp ta’ ċirkustanzi li huma wisq inċerti u indiretti, ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza l-għażla tal-ħaddiem li jeżerċita l-libertà ta’ moviment tiegħu u ma tistax titqies bħala li hija ta’ natura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2022, MCM (Għajnuna finanzjarja għall-istudenti għal studji barra mill-pajjiż), C‑638/20, EU:C:2022:916, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fehma tiegħi, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE. Għalhekk, il-“perijodi għat-trobbija tat-tfal” ma jistgħux ikunu remoti jew iddistakkati wisq mill-“perijodi ta’ assigurazzjoni” mwettqa fl-Istat Membru A.


44      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex konformi mal-Artikolu 21 TFUE (it-tieni pass li għalih irreferejt fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39 iktar ’il fuq), ninnota li, fis-sentenzi Elsen (punt 34) u Reichel-Albert (punt 39), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ħadet l-opportunità biex tiddikjara, fir-rigward ta’ verżjonijiet preċedenti (identiċi) tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tali dispożizzjonijiet kienu ta’ żvantaġġ għaċ-ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u jirrisjedu liberament fl-Istati Membri, kif iggarantit mill-Artikolu 21 TFUE, u kienu, għalhekk, kuntrarji għal din id-dispożizzjoni. Fil-fehma tiegħi, din il-konklużjoni għadha valida.

Top