Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0270

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali N. Emiliou, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2022.
    A.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-ħaddiema – Rikonoxximent fi Stat Membru ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliema tal-kindergarten – Professjoni rregolata – Dritt ta’ aċċess għall-professjoni abbażi ta’ diploma maħruġa fl-Istat Membru ta’ oriġini – Kwalifika professjonali miksuba f’pajjiż terz.
    Kawża C-270/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:658

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    EMILIOU

    ippreżentati fit‑8 ta’ Settembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑270/21

    A

    (Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

    (Talba għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Dritt li tiġi eżerċitata l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten ibbażat fuq kwalifiki ta’ edukazzjoni superjuri u kompetenza pedagoġika – Professjoni rregolata – Kwalifiki professjonali miksuba minn dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika – Pajjiż terz – Kunċett)

    I. Introduzzjoni

    1.

    A (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) applika mal-Opetushallitus, l-Aġenzija Nazzjonali Finlandiża għall-Edukazzjoni (EDUFI), għar-rikonoxximent tal-kwalifika tiegħu bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten, billi bbaża fuq is-segwenti dokumenti: kwalifika ta’ edukazzjoni sekondarja miksuba fl-1980 fir-Repubblika Soċjalista Sovjetika Estonjana (iktar ’il quddiem l-“ESSR”), jiġifieri, fit-territorju ta’ dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika; żewġ kwalifiki ta’ edukazzjoni superjuri barra l-qasam ta’ edukazzjoni, miskuba fl‑2006 u l-2013 fl-Estonja; u ċertifikat maħruġ mill-Eesti Õpetajate (l-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Estonja) fl‑2017, jikkonferma l-kompetenza pedagoġika ta’ A.

    2.

    L-applikazzjoni ta’ A ġiet miċħuda u d-deċiżjoni tal-EDUFI ġiet ikkonfermata mill-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva, Ħelsinki, il-Finlandja), tikkonferma l-pożizzjoni meħuda mill-EDUFI li, essenzjalment, ir-rikorrent ma’ issodisfax ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali tiegħu skont ir-regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2005/36 . ( 2 )

    3.

    Il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) għandha dubji fir-rigward ta’ żewġ kunċetti użati minn dik id-direttiva. L-ewwel, b’riferiment għal diversi karatteristiċi ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għall-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten fl-Estonja, tistaqsi jekk dik il-professjoni, kif ittrattata fl-Estonja, tistax tiġi kkunsidrata bħala “professjoni regolata”, fis-sens tat-tifsira tad-Direttiva 2005/36, peress li dak il-kunċett jippresupponi, essenzjalment, li l-aċċess għal professjoni partikolari huwa suġġett għall-pussess ta’ “kwalifiki professjonali speċifiċi”. It-tieni, dik il-qorti tistaqsi jekk il-kwalifika professjonali mogħtija minn dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika tistax tiġi kkunsidrata bħala li nkisbet f’pajjiż terz.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    4.

    Skont l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, “professjoni regolata” tfisser “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; […]”

    5.

    Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tad-Direttiva 2005/36:

    “1.   Jekk l-aċċess għal professjoni regolata jew it-twettiq tagħha fi Stat Membru ospitanti jkunu kontinġenti fuq il-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha tippermetti lill-applikanti jkollhom aċċess għal dik il-professjoni u jwettquha, bl-istess kondizzjonijiet li japplikaw għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, jekk għandhom attestazzjoni ta’ livell ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11, meħtieġa minn Stat Membru ieħor sabiex jiksbu aċċess għal dik il-professjoni jew għat-twettiq tagħha fit-territorju tiegħu.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza jew il-provi ta’ kwalifiki formali għandhom jinħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula skont il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru.

    2.   L-aċċess għal u l-eżerċitar tal-professjoni kif deskritt fil-paragrafu 1 għandhom jiġu awtorizzati wkoll għal applikanti li eżerċitaw il-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena jew għal perjodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time matul l-għaxar snin preċedenti fi Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni, u li jippossjedu attestazzjoni waħda jew aktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn Stat Membru ieħor li ma jirregolax dik il-professjoni.

    L-attestazzjonijiet ta’ livell ta’ kompetenza u l-prova ta’ kwalifiki formali għandhom jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    inħarġu minn awtorità kompetenti fi Stat Membru, magħżula il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ dak l-Istat Membru;

    (b)

    jikkonfermaw li d-detentur ġie ppreparat għall-eżerċitar tal-professjoni kkonċerata.

    Is-sena ta’ esperjenza professjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu ma tistax, madankollu, tkun meħtieġa jekk il-prova ta' kwalifiki formali li jippossjedi l-applikant tiċċertifika edukazzjoni u taħriġ regolati.”

    B.   Id‑dritt Finlandiż

    6.

    Laki ammattipätevyyden tunnustamisesta (1384/2015; il-Liġi dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, Nru 1384/2015; iktar 'il quddiem il-“Liġi dwar il-Kwalifiki Professjonali”) tipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1 tagħha, li jiggverna r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi skont id-Direttiva 2005/36. L-Artikolu 6 ta’ dik il-liġi jispeċifika iktar il-kundizzjonijiet għal tali rikonoxximent.

    C.   Id‑dritt Estonjan

    7.

    Il-kwalifiki mitluba għal għalliema ta’ skola tal-kindergarten fl-Estonja huma rregolati mill-Koolieelse lasteasutuse pedagoogide kvalifikatsiooninõuded, Riigi teataja (ir-Regolament tal-Ministru għall-Edukazzjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2002, dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten (iktar ’il quddiem ir-“Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten”) adottat mill-Ministru għall-Edukazzjoni. Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dak ir-regolament, l-ekwivalenza tal-kwalifiki rikjesti rregolati f’dak ir-regolament u l-kapaċità tal-impjegat sabiex jaħdem fil-professjoni inkwistjoni għandhom jiġu evalwati mill-persuna li timpjega.

    8.

    Skont l-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament, il-kwalifiki rikjesti għal għalliema ta’ skola tal-kindergarten huma kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri u kompetenzi pedagoġiċi. L-Artikolu 37 jipprevedi li l-kwalifiki rikjesti rregolati minn dak l-istrument ma japplikawx għal persuni li ħadmu bħala għalliema ta’ skola tal-kindergarten qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 u li, skont id-dispożizzjonijiet tal-istess regolament li kienu fis-seħħ qabel dik id-data, huma kkwalifikati jew meqjusa li għandhom il-kwalifiki xierqa għal rwol simili.

    III. Il‑fatti, il‑proċeduri nazzjonali u d‑domandi preliminari

    9.

    A applika ma’ EDUFI għar-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali tiegħu bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten, billi bbaża fuq: (i) ċertifikat jikkonferma l-ksib ta’ kwalifika “Koolieelsete lasteasutuste kasvataja” (Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal) fl‑1980 (iktar ’il quddiem id-“diploma tal‑1980”); (ii) ċertifikat jikkonferma l-ksib ta’ kwalifika “Rakenduskõrghariduse tasemele vastava hotellimajanduse eriala õppekava” (Kurrikulu Speċjalizzat għal Ġestjoni ta’ Lukanda li tikkorrispondi għal-livell ta’ edukazzjoni superjuri) fl‑2006 (iktar ’il quddiem id-“Diploma tal-2006”); u (iii) ċertifikat jikkonferma l-ksib ta’ kwalifika “Ärijuhtimise magistri kraad” (Master fl-Amministrazzjoni tan-Negozju) – Turismieetevõtlus ja teeninduse juhtimine (Turiżmu u Ġestjoni tas-Servizz) fl‑2013 iktar ’il quddiem id-“Diploma tal-2013”). Barra minn hekk, A hemeż mal-applikazzjoni ċertifikat “Kutsetunnistus Õpetaja, tase 6” (Ċertifikat Professjonali Għalliem, Livell 6), maħruġ fl-2017 mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema tal-Estonja) (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat tal-2017”).

    10.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Marzu 2018, EDUFI ma aċċettatx l-applikazzjoni ta’ A.

    11.

    Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ April 2019, il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva, Helsinki) ċaħdet l-appell ta’ A kontra d-deċiżjoni ta’ EDUFI. Dik il-qorti ddeċidiet li l-kwalifiki u l-esperjenza professjonali ta’ A ma ssodisfawx ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ kwalifika professjonali skont il-Liġi dwar il-Kwalifiki Professjonali.

    12.

    Skont dik il-qorti, ma rriżultax li ċ-ċertifikat tal‑2017 kien ibbażat fuq studji kkompletati u esperjenza professjonali miksuba fl-Estonja. Il-kwalifika professjonali ta’ A, għalhekk, ma setgħetx titqies f’kull aspett bħala li ġiet miksuba fl-Estonja. Dik il-qorti qalet li, minħabba l-mod kif il-kompetenza pedagoġika bħala kwalifika mitluba għal għalliema ta’ skola tal-kindergarten għandha tintwera skont id-dritt Estonjan, dik il-professjoni għandha titqies bġala mhux irregolata fl-Estonja. Dik il-qorti qalet ukoll li l-esperjenza professjonali miksuba minn A fl-ESSR u l-Finlandja ( 3 ) ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, peress li ma ġewx miksuba fi “Stat Membru ieħor”.

    13.

    Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, A ssottometta li kiseb it-taħriġ meħtieġ f’pajjiżu, fejn kien ġie wkoll mogħti ċertifikat ta’ kompetenza pedagoġika. Huwa qal li l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten hija professjoni rregolata fl-Estonja minkejja l-fatt li s-sodisfazzjon tar-rekwiżiti rilevanti għandha tiġi evalwata mill-persuna li timpjega u li l-kompetenza pedagoġika tista’ tinkiseb u tingħata l-prova tagħha f’diversi modi.

    14.

    A kompla jargumenta li minkejja l-ewwel kwalifika tiegħu fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal inkisbet fl-ESSR, dik il-kwalifika ġiet assimilata għal kwalifiki miksuba fl-Estonja permezz ta’ liġi tal-2005. Hu kiseb ukoll iċ-ċertifikat tal‑2017 u għalhekk għandu, fil-fehma tiegħu, żewġ kwalifiki fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal minn “Stat Membru ieħor”.

    15.

    EDUFI qalet li l-professjoni inkwistjoni ma tistax titqies bħala rregolata fl-Estonja, peress li l-leġiżlazzjoni Estonjana ma torbotx ir-rekwiżit ta’ kompetenza pedagoġika mal-prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza jew esperjenza professjonali. Pjuttost, is-sodisfazzjon tar-rekwiżit ta’ kompetenza pedagoġika għandha tiġi evalwata mill-persuna li timpjega.

    16.

    Il-qorti tar-rinviju hija fid-dubju dwar jekk il-professjoni inkwistjoni, kif ittrattata fl-Estonja, għandha titqies bħala “professjoni regolata” fis-sens tat-tifsira tad-Direttiva 2005/36. Min-naħa waħda, il-kwalifiki mitluba huma stabbiliti fir-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten u jikkonsistu fi kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri u kompetenza pedagoġika, li hija ddefinita bħala livell professjonali adottat minn kunsill responsabbli għall-professjoni assoċjata. Dik il-qorti tinnota wkoll li r-Repubblika tal-Estonja kellha l-professjoni inkwistjoni mdaħħla fid-database tal-professjonijiet irregolati stabbilita mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ir-regolament nazzjonali inkwistjoni jħalli għad-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega l-evalwazzjoni jekk individwu jissodisfax il-kwalifiki rikjesti, u ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni jew dokument ieħor li jirregolaw kif tista’ tintwera l-eżistenza tal-kompetenza pedagoġika rikjesta.

    17.

    Fil-każ li l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten tiġi kkunsidrata bħala “professjoni regolata” fl-Estonja, il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta dwar in-natura taċ-ċertifikat tal‑2017, meta jitqies il-fatt li nħareġ, kont il-qorti tar-rinviju, fuq il-bażi ta’ esperjenza professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u fil-Finlandja, l-Istat ospitanti.

    18.

    Fl-aħħar, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra neċessarju li tevalwa jekk il-kwalifiki professjonali tar-rikorrent miskuba fl-ESSR għandhomx jitqiesu bħala li nkisbu f’pajjiż terz.

    19.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    “(1)

    L-Artikolu 3(1)(a) tad-[Direttiva 2005/36] għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha titqies bħala professjoni rregolata, professjoni li fir-rigward tagħha, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika huma ddefiniti f’regolament adottat mill-Ministru għall-Edukazzjoni ta’ Stat Membru, il-kontenut ta’ kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa fir-rigward ta’ għalliem ta’ kindergarten huwa ddefinit f’liġi professjonali u dan l-Istat Membru inkluda l-professjoni ta’ għalliem ta’ kindergarten f’bażi ta’ data ta’ professjonijiet irregolati miżmuma mill-Kummissjoni, iżda li fir-rigward tagħha, min-naħa l-oħra, il-kliem tar-regolament dwar il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika meħtieġa għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ din il-professjoni tagħti lill-persuna li timpjega setgħa diskrezzjonali li tevalwa jekk il-kundizzjonijiet ta’ kwalifika, b’mod partikolari l-kundizzjoni dwar il-kompetenza pedagoġika, humiex issodisfatti, u l-modalitajiet li jippermettu li jiġi attestat il-pussess ta’ din il-kompetenza pedagoġika ma humiex irregolamentati f’dan ir-regolament u lanqas f’liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi oħra?

    (2)

    Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun fl-affermattiv, attestazzjoni dwar il-kompetenza professjonali mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, li l-kisba tagħha hija suġġetta għal esperjenza professjonali fil-professjoni inkwistjoni, għandha titqies bħala attestazzjoni ta’ kompetenza jew bħala ċertifikat ta’ taħriġ fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36 meta l-esperjenza professjonali li fuq il-bażi tagħha huwa fondat l-għoti ta’ din l-attestazzjoni tkun ġiet miskuba, minn naħa, fl-Istat Membru tal-oriġini f’perijodu li fih kienet Repubblika Soċjalista Sovjetika u, min-naħa l-oħra, fl-Istat Membru ospitanti, iżda mhux fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?

    (3)

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li kwalifika professjonali bbażata fuq diploma li nkisbet fi stabbiliment ta’ tagħlim li jinsab fit-territorju ġeografiku ta’ Stat Membru f’perijodu li fih dan l-Istat Membru ma kienx Stat indipendenti, iżda Repubblika Soċjalista Sovjetika, u fuq esperjenza professjonali li nkisbet abbażi ta’ din id-diploma fl-imsemmija Repubblika Soċjalista Sovjetika qabel l-imsemmi Stat Membru sar indipendenti mill-ġdid, għandha titqies bħala kompetenza professjonali miksuba f’pajjiż terz, b’mod li, sabiex tiġi invokata din il-kwalifika professjonali, għandha barra minn hekk tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni ta’ esperjenza professjonali ta’ tliet snin miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini wara li sar indipendenti mill-ġdid?”

    20.

    Sottomissjonijiet bil-miktub ġew sottomessi mill-Gvern Estonjan, Spanjol, tal-Pajjiżi l-Baxxi u Finlandiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Gvern Estonjan wieġeb ukoll għall-mistoqsijiet għal tweġiba bil-miktub indirizzati lilu mill-qorti tal-Ġustizzja.

    IV. Analiżi

    21.

    Ser nibda b’kummenti preliminari dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 għall-kawża prinċipali (A). Imbagħad ser nindirizza r-reġim ta’ rikonoxximent stabbilit f’dik id-direttiva (B). Ser inkompli bl-analiżi billi neżamina l-ewwel domanda kkonċernata bil-kunċett ta’ “professjoni regolata” (C) u wara ndur għat-tielet domanda li tistaqsi dwar jekk il-kwalifika professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika għandhiex tiġi kkunsidrata bħala miksuba f’pajjiż terz (D). It-tieni domanda tfittex li tistabbilixxi r-relevanza taċ-ċertifikat tal‑2017 u titqajjem biss fil-każ li l-ewwel waħda kellha tiġi mwieġba fl-affermattiv. Peress li r-risposta ssuġġerita minni għall-ewwel domanda hija li l-professjoni inkwistjoni ma tistax titqies bħala “regolata”, it-tieni domanda ssir irrilevanti. Madankollu, ser nindirizzaha bħala parti mill-ewwel domanda, sa fejn ir-relevanza taċ-ċertifikat tal-2017 ikun wieħed mill-fatturi li ser nikkunsidra f’dak il-kuntest. Sabiex nikkonkludi, ser infakkar l-applikabbiltà awtomatika tad-dritt primarju tal-Unjoni jekk il-qorti tar-rinviju ssib li d-Direttiva 2005/36 ma tapplikax għall-kawża prinċipali (E).

    A.   L‑applikabbiltà tad-Direttiva 2005/36 għall‑kawża prinċipali

    22.

    Waħda mill-kundizzjonijiet bażiċi sabiex tapplika d-Direttiva 2005/36 hija li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħha għandha tikkwalifika għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni f’pajjiżha ( 4 ). Ninnota li fil-kawża prinċipali, jeżistu dubji f’dak ir-rigward.

    23.

    B’mod iktar speċifiku, id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi għal informazzjoni mogħtija mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u Riċerka Estonjan, li tgħid li A huwa intitolat li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni fl-Estonja fuq il-bażi tad-diplomas tal‑2006 u l‑2013, kif ukoll iċ-ċertifikat tal‑2017. Madankollu, il-qorti tar-rinviju staqsiet EDUFI sabiex tikseb kjarifika mill-awtoritajiet Estonjani dwar jekk A huwiex ikkwalifikat għall-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten fl-Estonja, b’mod iktar preċiż fuq il-bażi tad-diploma tal‑1980, meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li A kien ħadem bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten fl-ESSR mill‑1980 sal‑1984. Staqsiet ukoll lill-EDUFI sabiex tfittex kjarifika dwar jekk A jaqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjoni transitorja li tinsab fl-Artikolu 37 tar- Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten. Skont dik id-dispożizzjoni, il-kwalifiki rikjesti stabbiliti fir-regolament ma japplikawx għal persuni li ħadmu bħala għalliema ta’ skola tal-kindergarten qabel l‑1 ta’ Settembru 2013 u li huma kkwalifikati jew meqjusa li huma kkwalifikati b’mod xieraq għal rwol simili skont id-dispożizzjonijiet tal-istess regolament fis-seħħ qabel dik id-data. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta li ntbagħtet mill-awtoritajiet Estonjani tħalli dawk il-kwistjonijiet mhux ċari.

    24.

    Kif tinnota l-Kummissjoni, il-mistoqsija jekk A huwiex ikkwalifikat sabiex jeżerċita l-professjoni inkwistjoni fl-Estonja għandha tiġi investigata iktar fil-kawża prinċipali sabiex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 2005/36 tapplikax. Is-segwenti analiżi hija bbażata fuq il-preżunzjoni li dan huwa verament il-każ. Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi mod ieħor, is-sitwazzjoni tar-rikorrent tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet applikabbli tat-Trattat, jiġifieri l-Artikoli 45 u 49 TFUE, u prinċipji naxxenti mil-linja ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Vlassopoulou ( 5 ). Dak l-aspett ser jiġi ttrattat fil-qosor fit-Taqsima E ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    B.   Is‑sistema ta’ rikonoxximent stabbilita mid‑Direttiva 2005/36

    25.

    Id-Direttiva 2005/36 timmira li tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru wieħed (imsejjaħ l-Istat Membru tal-oriġini) sabiex jippermetti lill-applikanti jaċċessaw, fi Stat Membru ieħor (imsejjaħ l-Istat Membru ospitanti) ( 6 ), bl-intendiment li l-professjonijiet inkwistjoni fl-Istati Membri kemm tal-oriġini kif ukoll dak ospitanti jkunu identiċi, analogi jew “sempliċement ekwivalenti, f’termini ta’ attivitajiet koperti minnhom” ( 7 ).

    26.

    Sabiex tapplika d-Direttiva 2005/36, il-professjoni inkwistjoni għandha tiġi “regolata” fl-Istat Membru ospitanti ( 8 ) (inkella l-kwistjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva). Il-kunċett ta’ “professjoni regolata”, li huwa l-element ewlieni tad-direttiva kollha u mfisser fl-Artikolu 3(1)(a) tagħha, ser jiġi analizzat fid-dettall fit-Taqsima C ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, huwa utli li jiġi nnotat, f’dan l-istadju, li dan jimplika essenzjalment, li l-aċċess mogħti lil professjoni partikolari u l-eżerċizzju tagħha huma subordinati fuq il-pussess ta’ “kwalifiki professjonali speċifiċi”.

    27.

    Sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi tliet sistemi ta’ rikonoxximent.

    28.

    L-ewwel, il-hekk imsejħa sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku jikkonċerna professjonijiet magħżula li għalihom rekwiżiti minimi ta’ taħriġ huma stabbiliti fid-Direttiva 2005/36 ( 9 ). It-tieni, sistema ta’ rikonoxximent ta’ esperjenza professjonali speċifika tikkonċerna professjonijiet fl-artiġjanat, snajja’ u industrija ( 10 ). It-tielet, is-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali tikkonċerna l-professjonijiet l-oħrajn kollha ( 11 ).

    29.

    Kif innotat mill-Gvern Estonjan u mill-Kummissjoni, il-każ inkwistjoni jaqa’ taħt is-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali.

    30.

    L-operat speċifiku ta’ dik is-sistema tiddependi b’mod fundamentali fuq jekk il-professjoni inkwistjoni hijiex irregolata mhux biss fl-Istat Membru ospitanti (kif diġà nnotajt li għandu dejjem ikun il-każ) iżda wkoll fl-Istat Membru tal-oriġini.

    31.

    L-ewwel, fejn il-professjoni hija wkoll irregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, l-Istat Membru ospitanti għandu jippermetti, skont l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2005/36, aċċess għal, jew eżerċizzju ta’, dik il-professjoni, bl-istess kundizzjonijiet kif rikjest għaċ-ċittadini tiegħu, lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jipposjedu attestazzjoni ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali rikjesta mill-Istat Membru ospitanti.

    32.

    It-tieni, u b’kuntrast, fejn il-professjoni inkwistjoni ma hijiex irregolata fl-Istat Membru tal-oriġini, isegwi mill-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 li l-obbligu ta’ rikonoxximent simili, min-naħa tal-Istat Membru ospitanti, jeżisti biss jekk l-applikant ikun eżerċita l-professjoni inkwistjoni fuq bażi full-time għal sena waħda (jew għal perijodu globali ekwivalenti fuq bażi part-time) matul l-10 snin preċedenti fi Stat Membru ieħor, u jekk jippossjedi attestazzjoni waħda jew iktar ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifiki formali maħruġa mill-Istat Membru tal-oriġini. Madankollu, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36, ir-rekwiżit relatat mal-prattika ma japplikax meta l-applikant jippossjedi prova ta’ kwalifiki formali li jikkonfermaw “edukazzjoni u taħriġ regolat”, idddefinit fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2005/36.

    33.

    B’hekk, filwaqt li s-sistema ġenerali hija bbażata fuq rikonoxximent reċiproku tad-diplomi u l-kwalifiki professjonali miksuba fl-Istat Membru tal-oriġini, tinvolvi wkoll eżami individwali ta’ applikazzjonijiet u tippreżerva l-possibbiltà għall-Istat Membru ospitanti sabiex jirrikjedi “miżuri kompensatorji”, fi kliem ieħor li jiġi kkompletat perijodu ta’ adattament jew li għadda minn eżami ta’ kompetenza ( 12 ).

    34.

    In casu, il-qorti tar-rinviju tosserva li fil-Finlandja, fejn A jrid jikseb ir-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali tiegħu, il-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten hija “professjoni regolata” peress li l-leġiżlazzjoni Finlandiża titlob li jiġi kkompletat taħriġ speċifiku ( 13 ). Dak il-punt huwa paċifiku. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha bżonn tiddetermina jekk l-istess professjoni hijiex irregolata wkoll fl-Estonja, sabiex tiddetermina jekk l-applikazzjoni ta’ A għandhiex tiġi evalwata skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) jew pjuttost taħt dawk tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36.

    C.   Il‑professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten, kif irregolata fl‑Estonja, hija “professjoni regolata” fis-sens tat-tifsira tad‑Direttiva 2005/36?

    35.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk il-kunċett ta’ “professjoni regolata” tapplika fejn: (i) ir-rekwiżiti applikabbli għall-professjoni inkwistjoni huma ddefinita f’regolament adottat minn Ministru għall-Edukazzjoni u r-Riċerka; (ii) il-kontenut tal-kompetenza pedagoġika huwa ddefinit b’livell professjonali stabbilit minn kunsill kompetenti għall-professjoni partikolari; (iii) l-Istat Membru daħħal il-professjoni inkwistjoni fid-database tal-Kummissjoni tal-professjonijiet irregolati, iżda (iv) id-dispożizzjonijiet nazzjonali jħallu għad-diskrezzjoni tal-persuna li timpjega sabiex tevalwa jekk persuna partikolari tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kwalifiki; u (v) in-natura tal-prova li turi kompetenza pedagoġika ma ġietx speċifikata.

    36.

    Sabiex nindirizza dik id-domanda, ser neżamina l-kunċett ta’ “professjoni regolata” fis-sens tat-tifsira tad-Direttiva 2005/36 (1) qabel indur għall-elementi indikati mill-qorti tar-rinviju (2).

    1. Il‑kunċett ta’ “professjoni regolata” skont id‑Direttiva 2005/36

    37.

    Il-kunċett ta’ professjoni rregolata jikkostitwixxi l-element ewlieni tad-Direttiva 2005/36. Kif diġà msemmi, l-ewwel, id-direttiva tapplika biss meta rikonoxximent huwa mfittex fi Stat Membru fejn il-professjoni inkwistjoni hija “regolata”; ( 14 ) it-tieni, jekk il-professjoni hijiex ukoll irregolata fl-Istat Membru tal-oriġini jiddetermina liema mill-kundizzjonijiet speċifiċi għar-rikonoxximent, stabbiliti fiż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2005/36, rispettivament, huma applikabbli.

    38.

    Skont l-Artikolu 3(1)(a) ta’ dik id-direttiva, il-kliem “professjoni regolata” jirreferu għal “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta kwalifiki professjonali speċifiċi; […]” ( 15 ). Barra minn hekk, il-kliem “kwalifiki professjonali” huma mfissra fl-Artikolu 3(1)(b) tad-direttiva bħala “kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali”. Isegwi, għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, li sabiex professjoni tkun “regolata”, l-aċċess għaliha għandu jkun suġġett, permezz ta’ liġi, għall-pussess ta’ “kwalifiki professjonali speċifiċi”. Fl-istess ħin, kif tinnota l-Kummissjoni, liġi nazzjonali għandha wkoll tirrikjedi, għal tali “professjoni regolata”, “prova ta’ kwalifiki formali”, “attestazzjoni ta’ kompetenza”, “u/jew esperjenza professjonali”.

    39.

    B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 (li kien, b’formulazzjoni kemxejn differenti, diġà preżenti fid-Direttivi 89/48 ( 16 ) u 92/51 ( 17 ) li ġew sostitwiti mid-Direttiva 2005/36) li sabiex professjoni tkun “regolata”, aċċess għaliha għandu jkun espressament irriżervat għal persuni li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u hija pprojbita għal dawk li ma jissodisfawhomx ( 18 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet ukoll li l-kwalifiki professjonali rikjesti sabiex ċerta professjoni tiġi kkunsidrata bħala “regolata” ma jkoprux “kull kwalifika attestata minn grad ta’ formazzjoni ta’ natura ġenerali, iżda għal dik li tikkorrispondi għal grad ta’ formazzjoni mfassal speċifikament sabiex iħejji lid-detenturi tiegħu għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari” ( 19 ). Għal dik ir-raġuni, kif il-Kummissjoni essenzjalment tenfasizza, il-kliem “kwalifiki professjonali speċifiċi” użati fid-definizzjoni ta’ “professjoni regolata” fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 għandhom ikunu differenti mill-kunċett usa’ ta’ kwalifika akkademika ( 20 ).

    40.

    Permezz ta’ diversi eżempji, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet mill-kunċett ta’ kwalifika professjonali speċifika prova ta’ kwalifiki formali (bħal lawrja fil-liġi) li jagħtu aċċess għal firxa wiesgħa ta’ karrieri iktar milli jippreparaw id-detenturi tagħhom għal pożizzjoni speċifika ( 21 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll il-professjoni ta’ ġeologu bħala mhux “regolat” peress li aċċess għal dik il-professjoni ma kienx suġġett, fil-Ġermanja, għal kwalunkwe regola legali anki jekk, bħala stat ta’ fatt, persuni biċ-ċertifikat ta’ edukazzjoni superjuri “Diplom-Geologe” eżerċitaw tali impjieg. Dan kien għaliex, kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni ta’ jekk professjoni hijiex irregolata tiddependi mis-sitwazzjoni legali fl-Istat Membru ospitanti u mhux fuq il-kundizzjonijiet prevalenti fuq is-suq tal-impjieg ( 22 ).

    41.

    B’kuntrast, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala “regolata” il-professjoni ta’ direttur ta’ sptar fis-servizz pubbliku Franċiż. Dik id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li aċċess għal dik il-professjoni kien irriżervat bil-liġi għal dawk li kkompletaw kors mal-Ecole nationale de la santé publique (l-Iskola Nazzjonali tas-Saħħa, Franza) u jkunu għaddew l-aħħar eżami li jiċċertifika l-kompetenzi prattiċi u teoretiċi meħtieġa sabiex wieħed jaħdem fil-ġestjoni ta’ sptar (minkejja li dak it-taħriġ ma kienx ippruvat permezz ta’ kwalunkwe diploma jew dokument ieħor) ( 23 ). Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset il-professjoni ta’ medjatur bħala “regolat”, peress li aċċess għalih kien suġġett, skont liġi nazzjonali, li jiġi kkompletat taħriġ orjentat lejn il-kisba ta’ kwalifika professjonali u stat li speċifikament jippermetti lid-detentur tiegħu li jeżerċita dik il-professjoni ( 24 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-professjoni ta’ tekniku dentali f’Malta, peress li aċċess għal dik il-professjoni kien suġġett għal prova ta’ taħriġ universitarju rikjest sabiex wieħed ikun jista’ jkollu aċċess għal professjonijiet kumplimentari għall-mediċina. Tali taħriġ kien immirat speċifikament sabiex jipprepara kandidati jeżerċitaw tali professjonijiet, bil-professjoni ta’ tekniku dentali elenkata espressament fosthom ( 25 ).

    42.

    Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, ser indur issa għall-karatteristiċi speċifiċi tal-professjoni inkwistjoni kif ittrattati mil-liġi Estonjana.

    2. Il‑fatturi speċifiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

    43.

    Il-qorti tar-rinviju tiċċita diversi fatturi għall-finijiet ta’ evalwazzjoni jekk il-professjoni inkwistjoni hijiex “regolata” fl-Estonja. Ser indur l-ewwel għas-sinjifikat tad-dħul tal-professjoni inkwistjoni fid-database tal-Kummissjoni tal-professjonijiet irregolati (a) u wara nħares lejn l-elementi ulterjuri msemmija mill-qorti tar-rinviju (b).

    a) Dħul fid‑database tal‑professjonijiet irregolati tal‑Kummissjoni

    44.

    L-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36, intitolat “Konsultazzjoni”, jitlob l-Istati Membri sabiex jinnotifikaw lill-Kummissjoni lista ta’, inter alia, professjonijiet irregolati eżistenti. Il-formulazzjoni preżenti (u titolu ta’ dik id-dispożizzjoni, imdaħħla mid-Direttiva 2013/55/UE ( 26 ), tispeċifika li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm database pubblikament disponibbli ta’ professjonijiet irregolati, u tispeċifika rekwiżiti relatati mal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri f’dan il-kuntest.

    45.

    Madankollu, id-definizzjoni ta’ “professjoni regolata” fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36 ma tirreferix fil-fatt għall-kontenut tad-databases tal-Kummissjoni, jew għal-liġi domestika tal-Istati Membri. Ninnota wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament saħqet illi d-definizzjoni ta’ “professjoni regolata” hija “kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni” ( 27 ). Għaldaqstant, il-lista tal-Kummissjoni għandha titqies bħala indikattiva ( 28 ).

    46.

    Għaldaqstant, u kif ġie argumentat kemm mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni, il-fatt li Stat Membru, bħalma huwa r-Repubblika tal-Estonja f’dan il-każ, jikkunsidra professjoni bħala “regolata” għall-finijiet sabiex idaħħalha fid-database tal-Kummissjoni ma huwiex, per se, determinanti ta’ jekk dik il-professjoni hija “regolata” fis-sens tat-tifsira tad-Direttiva 2005/36. Il-karatteristiċi tar-regolament nazzjonali għandhom jiġu ttestjati mal-livell stabbilit f’dan ir-rigward minn dik id-direttiva.

    b) Il‑karatteristiċi speċifiċi tar‑regolament nazzjonali inkwistjoni

    47.

    Fir-rigward tal-karatteristiċi tar-regolament nazzjonali applikabbli msemmi speċifikament mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-mistoqsija tagħha jekk il-professjoni inkwistjoni hijiex “regolata”, infakkar li skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten, ir-rekwiżiti tal-kwalifiki applikabbli huma (i) kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri u (ii) kompetenzi pedagoġiċi.

    48.

    Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fl-Estonja, ir-rekwiżit ta’ kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri ma tirreferix għal qasam partikolari, bħal edukazzjoni, iżda tista’ tkun fi kwalunkwe qasam.

    49.

    Meta jittieħed kont tan-natura ġenerali tar-rekwiżit ta’ kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri, naqbel mal-Gvern Finlandiż, dak tal-Pajjiżi l-Baxxi u mal-Kummissjoni li dak l-element ma jistax jiġi invokat sabiex il-professjoni inkwistjoni titqies bħala “regolata”, peress li ma tidhirx li tirrigwarda kwalifika orjentata lejn l-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika fis-sens tat-tifsira tas-sentenza Brouillard.

    50.

    Għadu jrid jiġi kkunsidrat, madankollu, jekk il-professjoni inkwistjoni tistax xorta tiġi kkunsidrata bħala “regolata” permezz tar-rekwiżit ta’ “kompetenzi pedagoġiċi”, li huwa t-tieni rekwiżit skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten.

    51.

    Jien ma nemminx hekk.

    52.

    Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju u r-risposta mogħtija mill-Gvern Estonjan għall-mistoqsija mressqa lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-kompetenzi pedagoġiċi huma mfissra f’livell professjonali ( 29 ), jiġifieri l-livell professjonali Õpetaja tase 6 (“Livell ta’ Għalliem 6”), li kienet approvata bid-deċiżjoni Nru 10 tal-Hariduse Kutsenõukogu (il-Kunsilli tal-Kwalifiki Okkupazzjonali: Edukazzjoni, Estonja) fil‑25 ta’ April 2017 ( 30 ).

    53.

    Nifhem li l-aċċess għall-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten huwa, għalhekk, irriżervat għal dawk li, inter alia, jippossjedu l-kompetenzi pedagoġiċi fis-sens tat-tifsira tal-livell professjonali inkwistjoni. Madankollu mill-informazzjoni fil-proċess jidher li konformità b’dak il-livell ma huwiex suġġett għal xi mekkaniżmu ta’ kontroll vinkolanti u ma għandux għalfejn jiġi mmanifestat b’xi mod partikolari. Pjuttost mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten isegwi li l-konformità hija evalwata, f’kull każ, mill-persuna li timpjega. Fid-dawl ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, ir-rekwiżit tal-kompetenzi pedagoġiċi ma jidhirx li huwa marbut ma’ xi forma li fih “kwalifiki professjonali” għandhom jintwerew u li huma elenkati fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2005/36, kif diġà osservajt fil-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiġifieri “prova ta’ kwalifiki formali”, “attestazzjoni ta’ kompetenza”“u/jew esperjenza professjonali”.

    54.

    Huwa minnu li, fil-kawża prinċipali, A jibbaża wkoll fuq iċ-ċertifikat tal‑2017 li nħareġ mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Estonjani.

    55.

    Il-Gvern Estonjan spjega li meta l-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Estonjani joħroġ ċertifikati professjonali ta’ għalliema ta’ skola tal-kindergarten (“Kutsetunnistus, Õpetaja tase 6”), bħaċ-ċertifikat tal-2017, jaġixxi bħala l-korp ta’ ċertifikazzjoni professjonali skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar Professjonijiet. Ġie wkoll spjegat li ċ-ċertifikat tal-2017 inħareġ fuq il-bażi tal-livell professjonali Õpetaja tase 6 (“Għalliem, Livell 6”), li għalih hemm riferiment fil-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    56.

    Madankollu, il-proċess jikkontjeni diversi fehmiet rigward in-natura preċiża ta’ dak iċ-ċertifikat u r-relevanza tiegħu għall-aċċess għal professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten fl-Estonja.

    57.

    Il-qorti tar-rinviju tiddeduċi, mill-fatti disponibbli għaliha, li l-ħruġ ta’ tali ċertifikat huwa fakultattiv u suġġett għal miżata. Il-qorti tikkonkludi li tali ħruġ huwa bbażat fuq il-pussess ta’ diploma ta’ edukazzjoni superjuri u l-evalwazzjoni dwar jekk kompetenzi miksuba qabel jikkonformawx mal-livell professjonali. Skont dik il-qorti, il-ħruġ taċ-ċertifikat inkwistjoni jippreżumi, de facto, esperjenza professjonali bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten.

    58.

    Min-naħa tiegħu, il-Gvern Estonjan indika fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu li dak iċ-ċertifikat jikkonferma l-fatt li: (i) id-detentur ġie ammess għall-professjoni ta’ għalliem u (ii) il-kompetenza tiegħu diġà ġie evalwat fil-proċess li jingħata aċċess għal dik il-professjoni. Fit-tweġiba għall-mistoqsija magħmula lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-gvern osserva, essenzjalment, li ċ-ċertifikat inkwistjoni jixhed, skont l-Artikolu 21(1) tal-Liġi dwar il-Professjonijiet, għall-fatt li l-kompetenzi tad-detentur jikkorrispondu għar-rekwiżiti stabbiliti fil-livell professjonali.

    59.

    F’dak ir-rigward, ninnota, l-ewwel, li l-proċess ma jinkludix xi informazzjoni ulterjuri fuq proċess tal-għoti ta’ aċċess għall-professjoni inkwistjoni lil hinn mill-obbligu tal-kandidat li jkollu kwalifika ta’ edukazzjoni superjuri u l-kompetenzi pedagoġiċi, dawn l-aħħar ikunu evalwati mill-persuna li timpjega, kif jidher mill-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten. It-tieni, u indipendentement mill-klassifika eżatti taċ-ċertifikat tal‑2017 għall-finijiet tad-direttiva, nikkunsidraha deċiżiva li l-pussess ta’ dak iċ-ċertifikat ma hijiex prekundizzjoni għall-aċċess tal-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten, kif ġie spjegat mill-Gvern Estonjan b’referenza għall-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar Professjonijiet.

    60.

    Madankollu, il-Gvern Estonjan osserva li, meta ppreżentat b’ċertifikat maħruġ mill-Assoċjazzjoni tal-Għalliema Estonjana, il-persuna li timpjega ma għandha l-ebda raġuni sabiex jiddubita l-kompetenzi pedagoġiċi tal-kandidat. Fl-istess ħin, madankollu, dak il-gvern ikkonferma li l-leġiżlazzjoni Estonjana ma tinkludix xi regola f’dak is-sens. Nifhem għalhekk li, anki meta ppreżentat b’tali ċertifikat, huwa xorta waħda f’idejn il-persuna li timpjega sabiex tevalwa jekk il-kandidat partikolari jissodisfax ir-rekwiżiti relatati mal-kompetenzi pedagoġiċi, kif iddikjarat fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament Regolament Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten.

    61.

    Nixtieq nenfasizza li, kontra l-pożizzjoni apparentement meħuda mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma huwiex ovvju li l-evalwazzjoni magħmula mill-persuna li timpjega tikkonċerna l-adegwatezza tal-kandidat, pereżempju, fid-dawl tal-bżonnijiet speċifiċi tal-persuna li timpjega jew tal-kompetenzi li għandhom il-kandidati li qegħdin jikkompetu. Tali evalwazzjoni tassew għadha ssir fil-kuntest ta’ kwalunkwe proċess ta’ rekrutaġġ, kemm jekk il-professjoni inkwistjoni hijiex irregolata jew le. B’kuntrast għal dak, nifhem li l-evalwazzjoni, fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Kwalifiki Rikjesti għal Għalliema ta’ Skola tal-Kindergarten, tikkonċerna l-kriterji proprji ta’ kwalifika li jippermettu lill-kandidat aċċess għall-professjoni. Nifhem li l-pussess ta’ tali attestazzjoni, bħaċ-ċertifikat tal‑2017, jista’ jiffaċilità l-evalwazzjoni iżda ma jaffettwax id-diskrezzjoni li l-persuna li timpjega tidher li tgawdi f’dak il-kuntest.

    62.

    Dan ifisser ukoll li l-kompetenzi pedagoġiċi jistgħu jintwerew b’modi varji u l-ebda waħda minnhom ma hija mandatorja. B’hekk, il-konklużjoni dwar jekk il-kandidati speċifiċi jissodisfawx ir-rekwiżit tad-“dħul” mitlub sabiex ikollhom aċċess għall-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten tidher li hija nieqsa minn bażi uniformi vinkolanti, kif osservat, essenzjalment, mill-Gvern Spanjol.

    63.

    F’dawk iċ-ċirkustanzi, nikkonkludi, bi qbil mal-Gvern Finlandiż u dak Spanjol, kif ukoll mal-Kummissjoni, li l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten, kif irregolata fl-Estonja, ma tistax titqies bħala “regolata” fis-sens tat-tifsira tad-Direttiva 2005/36, fejn aċċess għal dik il-professjoni u l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett, min-naħa waħda, għal diploma ta’ edukazzjoni superjuri, mhux speċifikament orjentata lejn l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni u, min-naħa l-oħra, għal kompetenzi pedagoġiċi li huma ddefiniti f’livell professjonali iżda li l-eżistenza tagħhom hija evalwata f’kull każ mill-persuna li timpjega.

    D.   Is‑sinjifikat tal‑kwalifika professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l‑Unjoni Sovjetika

    64.

    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kwalifika professjonali bbażata fuq diploma miksuba f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika (jiġifieri, id-diploma tal‑1980 li A ssottometta flimkien maċ-ċertifikat tal‑2017 u dokumenti oħra lill-awtoritajiet Finlandiżi) għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li nkisbet f’pajjiż terz fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36, bir-riżultat li, sabiex tali kwalifika tiġi rrikonoxxuta fil-Finlandja, A jkollu jeżerċita l-professjoni inkwistjoni għal tliet snin fl-Estonja (1).

    65.

    Nifhem li dik id-domanda saret lill-Qorti tal-Ġustizzja għaliex, kif joħroġ ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tipprevedi wkoll il-possibbiltà li d-diploma tal‑1980 tista’ tikkostitwixxi prova ta’ “edukazzjoni u taħriġ regolat” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2005/36, peress li dak ikun iwassal għar-rikonoxximent tal-kwalifika professjonali ta’ A bbażat fuq it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ dik id-direttiva (2) ( 31 ).

    1. Il‑kwalifika professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l‑Unjoni Sovjetika hija kwalifika miksuba f’“pajjiż terz”?

    66.

    Is-sistema ta’ rikonoxximent stabbilita mid-Direttiva 2005/36 tassumi, essenzjalment, li sabiex tiġi rrikonoxxuta l-kwalifika professjonali inizjali din għandha tinkiseb f’wieħed mill-Istati Membri. Dan isegwi mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/36 ( 32 ). Permezz ta’ deroga għal din ir-regola, l-Artikolu 2(2) ta’ dik id-direttiva jgħid li “Kull Stat Membru jista’ jippermetti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn li għandhom prova ta’ kwalifiki professjonali mhux miksuba fi Stat Membru sabiex jeżerċitaw professjoni regolata skond id-definizzjoni ta' l-Artikolu 3(1)(a) fit-territorju tiegħu, skond ir-regoli tiegħu.”

    67.

    Meta dak jiġri, kwalifika formali maħruġa f’pajjiż terz tkun valida għall-finijiet tas-sistema ta’ rikonoxximent komuni biss wara tliet snin ta’ prattika fl-Istat Membru li rrikonoxxiha. Dan isegwi mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 li jgħid li: “Prova ta’ kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta’ kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-professjoni konċernata fit-territorju ta’ l-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta’ kwalifiki formali skond l-Artikolu 2(2), iċċertifikata minn dak l-Istat Membru.”

    68.

    Il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk dwar is-sinjifikat tat-terminu “pajjiż terz” użat f’dik id-dispożizzjoni sabiex tiddetermina, kif diġà ġie innotat, jekk il-kundizzjoni ta’ tliet snin prattika tapplika għal A jew le.

    69.

    Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li d-diploma tal‑1980 hija diploma ta’ edukazzjoni sekondarja fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal, li A kiseb f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u li ġiet assimilata, permezz ta’ liġi tal‑2005, għal diploma ta’ edukazzjoni sekondarja miksuba fl-Estonja.

    70.

    Dak, fil-fehma tiegħi, iwieġeb it-tielet domanda fis-sens li d-diploma tal‑1980 ma titqies bħala li nħarġet minn pajjiż terz.

    71.

    Għall-kuntrarju tal-fehma mressqa mill-Gvern Finlandiż, ma nikkunsidrax li l-oppost jista’ jiġi inferit mill-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36, li għaliha sar riferiment fil-punt 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dik il-formulazzjoni hija miftuħa u ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar kif sitwazzjonijiet bħalma hija din tal-kawża prinċipali għandha tiġi kkaratterizzata.

    72.

    Fil-fatt, id-Direttiva 2005/36 ma fiha ebda dispożizzjoni dwar dik il-kwistjoni fir-rigward tas-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali. Bla dubju, dik l-assenza tikkuntrasta ma’ riferiment speċifiku f’dak is-sens taħt is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku ( 33 ).

    73.

    Fil-fatt, fir-rigward tal-Estonja speċifikament, l-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/36 dwar “drittijiet miksuba” jindirizza l-kwistjoni ta’ prova ta’ kwalifiki ta’ professjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema awtomatika bħal tobba, infermiera jew periti u miksuba qabel l‑20 ta’ Awwissu 1991, jiġifieri, f’dik li kienet qabel l-Unjoni Sovjetika. Minn dik id-dispożizzjoni jsegwi li prova ta’ kwalifiki formali relatati mal-professjonijiet li jaqgħu taħt is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku għandha tiġi rrikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra, fejn l-awtoritajiet Estonjani jattestaw li tali prova għandha l-istess validità legali fit-territorju tagħha bħall-prova li huma joħorġu ( 34 ).

    74.

    Partijiet oħra tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/36 jagħmlu dispożizzjoni simili fir-rigward ta’ kwalifiki professjonali miksuba fit-territorju ta’ Stati preċedenti oħra, jiġifieri r-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja (Artikolu 23(2)), iċ-Ċekoslovakkja (Artikolu 23(3)) u Jugoslavja (Artikolu 23(5)).

    75.

    Isegwi li r-responsabbiltà għad-deċiżjoni tal-validità legali kontinwa ta’ kwalifiki formali maħruġa minn dawn l-Istati preċedenti rigward il-professjonijiet suġġetti għas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku hija espliċitament irrikonoxxuta li hija tal-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat.

    76.

    Issegwi konklużjoni differenti mill-assenza ta’ regoli simili fir-rigward tas-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali li biha hija kkonċernata l-kawża prinċipali? Ma naħsibx.

    77.

    Il-fatt li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa espressament il-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-validità kontinwa ta’ kwalifiki miksuba fl-Istati preċedenti kkonċernati, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li huma fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku, jista’ jiġi spjegat, kif il-Kummissjoni tissuġġerixxi essenzjalment, bil-fatt li dik is-sistema tmur id f’id ma’ regoli ddettaljati dwar ir-rekwiżiti professjonali minimi. F’dak il-kuntest, l-aspett temporali kellu jiġi indirizzat flimkien ma’ aspetti oħra.

    78.

    B’kuntrast, is-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali ma fiha ebda tali armonizzazzjoni minima ta’ rekwiżiti professjonali, li, b’hekk, jibqgħu taħt il-kontroll tal-Istati Membri, suġġetti għal konformità mad-dritt tal-Unjoni ( 35 ). Huwa għalhekk għall-Istati Membri li jiddeterminaw dak li għandu jiġi rrikonoxxut bħala prova ta’ kwalifiki formali fit-territorju tagħhom.

    79.

    Bl-istess mod, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2005/36 jirrikonoxxi l-possibbiltà tal-Istati Membri (tal-oriġini) li jippreżervaw id-drittijiet akkwistati fir-rigward ta’ kwalifiki professjonali akkwistati taħt regoli li ma għadhomx iktar fis-seħħ, inkluż meta r-rekwiżiti sadanittant saru iktar stretti. F’tali sitwazzjonijiet, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis, għall-finijiet tas-sistema ta’ rikonoxximent ġenerali skont l-Artikolu 13 tad-direttiva ( 36 ), it-taħriġ miksub qabel (fl-Istat Membru tal-oriġini) bħala li jikkorrispondi għal-livell ta’ dak ġdid ( 37 ).

    80.

    Naħseb li l-istess għandu jiġi konkluż, mutatis mutandis, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ Stat Membru, bħall-Estonja, li tiddetermina jekk il-kwalifiki professjonali miksuba fit-territorju tiegħu meta dak it-territorju kien jifforma parti minn Stat ieħor, jissodisfawx il-livell minimu ta’ kwalifika rikjesti mir-regoli fis-seħħ preżentement.

    81.

    Dik il-konklużjoni hija, fil-fehma tiegħi, ikkonfermata mill-għan segwit mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36. Ir-rekwiżit ta’ tliet snin ta’ prattika professjonali stabbilita hemm timmira, fil-fehma tiegħi, u bl-istess mod ir-rekwiżit ta’ sena waħda skont l-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36 ( 38 ), sabiex tiżgura li l-kwalifiki professjonali “deħlin” fis-sistema ta’ rikonoxximent komuni ġew ittestjati kontra r-realtà tas-suq professjonali relevanti. Tista’ titqies ukoll bħala garanzija kontra l-evitar tar-rekwiżiti ta’ kwalifiki professjonali fis-seħħ fl-Istati Membri.

    82.

    Madankollu, ma hemm l-ebda ħtieġa simili fir-rigward ta’ kwalifiki professjonali miksuba fit-territorju ta’ Stat Membru fiż-żmien li dak it-territorju kien jifforma parti minn Stat ieħor. Dak li jirriżulta, storikament, f’dak ir-rigward hija, l-ewwel nett, kwistjoni ta’ validità legali kontinwa ( 39 ) fl-Istat ikkostitwit (jew irrikostitwit) ġdid (flimkien mal-validità ta’ elementi oħra tal-ordinament ġuridiku). Darba tittieħed deċiżjoni dwar il-validità kontinwa ta’ kwalifika professjonali, issir parti mill-ordinament ġuridiku ta’ dak l-Istat Membru u mbagħad tkun tibbenefika mis-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/36.

    83.

    Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nikkonkludi, bi qbil mal-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni, li kwalifika professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u assimilata mir-Repubblika tal-Estonja, permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha, għal kwalifika miksuba f’dak l-Istat Membru, għandha titqies bħala li nkisbet f’dak l-Istat Membru u mhux f’pajjiż terz.

    2. Id‑diploma tal‑1980 tattesta għal “edukazzjoni u taħriġ regolat”?

    84.

    Kif diġà osservajt, isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta jekk id-diploma tal-1980 tistax tiġi meqjusa bħala prova ta “edukazzjoni u taħriġ regolat” fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2005/36. Jekk iva, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(2) ta’ dik id-direttiva jsegwi li r-rikorrent ma jistax jiġi rikjest li jkun akkwista, matul l‑10 snin ta’ qabel, sena waħda ta’ esperjenza professjonali bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten fi Stat Membru ieħor sabiex ikollu l-kwalifika professjonali tiegħu rrikonoxxuta fil-Finlandja.

    85.

    L-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2005/36 jiddefinixxi “edukazzjoni u taħriġ regolat” bħala “kull taħriġ li huwa speċifikatament intiż għall-eżerċizzju ta’ professjoni speċifika u li jkun fih kors jew korsijiet komplimentati, fejn jixraq, b’taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali”. It-tieni sentenza żżid li “l-istruttura u l-livell tat-taħriġ professjonali, il-prattika bi prova jew professjonali għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istat Membru konċernat jew evalwat jew approvat mill-awtorità maħtura għal dan l-iskop”.

    86.

    Nammetti li din id-definizzjoni ma hijiex faċli sabiex tinftiehem peress li l-ewwel, “taħriġ professjonali, jew bi prattika bi prova jew professjonali” tidher li tifforma parti minn “edukazzjoni u taħriġ regolat” biss “fejn xieraq” u, it-tieni, ir-rekwiżit relatat ma’ “l-istruttura u l-livell” stabbiliti mir-regoli nazzjonali jidhru li jirrigwardaw biss tali parti (prattika) mit-taħriġ għall-kuntrarju tal-parti teoretika ( 40 ).

    87.

    Madankollu, naqbel mal-Kummissjoni li l-livell u struttura ta’ taħriġ rikjest kif stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali għandhom japplikaw għall-partijiet kemm teoretiċi u prattiċi ta’ tali edukazzjoni, inkella ma iniex ċert kif “l-edukazzjoni u taħriġ regolat”, indirizzati minn dik id-definizzjoni, jistgħu tassew jitqiesu fl-intier tagħhom bħala rregolati.

    88.

    Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li tiddetermina jekk: (i) id-diploma tal‑1980 tikkostitwixxix prova tal-ikkompletar ta’ edukazzjoni u taħriġ li kien orjentat lejn l-eżerċizzju tal-professjoni speċifika inkwisjoni; (ii) l-istruttura u livell ta’ tali taħriġ kienx iddeterminat permezz ta’ liġijiet nazzjonali, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi jew issorveljati jew approvati mill-awtorità maħtura għal dak il-għan, kif jingħad fl-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 2005/36 u; (iii) tali prova nħarġet minn awtorità kompetenti, maħtura skont il-liġijiet, regolament jew dispożizzjonijiet amministrattivi, u tattesta li d-detentur kien ġie ppreparat għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/36.

    89.

    Jekk dak huwa l-każ, u meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dik id-diploma ġiet assimilata mir-Repubblika tal-Estonja għal diplomas maħruġa minn dak l-Istat Membru, jien tal-fehma li dik il-kwalifika professjonali għandha tiġi rrikonoxxuta, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti li jitolbu miżuri ta’ kumpens fis-sens tat-tifsira (u fil-limiti) tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36.

    E.   Kummenti finali dwar l‑applikabbiltà (awtomatika) tad‑dritt primarju

    90.

    Kif fakkret repetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, meta każ ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux iwaqqfu l-evalwazzjoni tagħhom iżda għandhom ikomplu dik l-evalwazzjoni fid-dawl tal-libertajiet bażiċi ggarantiti mit-TFUE ( 41 ). Fil-fatt, “d-direttivi dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, u b’mod partikolari d-Direttiva 2005/36, ma għandhomx bħala għan u ma jistax ikollhom l-effett li jirrendu iktar diffiċli r-rikonoxximent ta’ diplomi, ta’ ċertifikati u ta’ provi oħra ta’ kwalifiki formali fis-sitwazzjonijiet mhux koperti minnhom” ( 42 ).

    91.

    B’hekk, meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki personali li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36, l-Artikoli 45 u 49 TFUE japplikaw. B’hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-kwalifiki professjonali tal-persuna kkonċernata billi jqabblu l-kwalifiki ċċertifikati permezz tad-diplomi, ċertifikati u kwalifiki formali oħra tiegħu u bl-esperjenza professjonali rilevanti tiegħu kontra l-kwalifiki professjonali rikjesti skont ir-regoli nazzjonali rilevanti għall-eżerċizzju tal-professjoni inkwistjoni, kif stabbilit fis-sentenza Vlassoupoulou u l-linja ta’ ġurisprudenza sussegwenti ( 43 ).

    92.

    Isegwi minn dawk il-prinċipji li l-Istat Membru kkonċernat għandu jivverifika, fuq bażi oġġettiva, jekk id-diploma barranija tiċċertifikax li d-detentur tagħha għandu għarfien u kwalifiki li huma għall-inqas ekwivalenti għal dawk attestati mid-diploma nazzjonali u, jekk iva, jirrikonoxxi dik id-diploma bħala li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu. Fil-każ ta’ differenzi sostanzjali, huma jistgħu jistabbilixxu miżuri kumpensatorji li jridu jikkonformaw b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, wara li jivverifikaw xorta waħda jekk l-għarfien diġà akkwistat mill-applikant, inluż fl-Istat Membru ospitanti, jistax jittieħed inkunsiderazzjoni bil-għan li jkun hemm il-prova tal-pussess tal-għarfien rikjest mill-Istat Membru ospitanti ( 44 ).

    93.

    B’hekk, u kif il-Kummissjoni targumenta fil-prinċipju, meta jitwettaq l-eżami fid-dawl tal-Artikoli 45 jew 49 TFUE, il-kwalifiki tar-rikorrent għandhom jiġu evalwati fil-fond u għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diplomi tiegħu, esperjenza professjonali akkwistata f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika u fil-Finlandja ( 45 ), kif ukoll iċ-ċertifikat tal‑2017, sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx ekwivalenza bejn il-kwalifiki tiegħu u l-kwalifiki professjonali rikjesti, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru, għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten u sabiex jiġi stabbilit jekk kapaċitajiet li setgħu kienu neqsin ġewx fil-fatt akkwistati.

    V. Konklużjoni

    94.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) kif ġej:

    L-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:

    il-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “regolata” fis-sens tat-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni fejn aċċess għal dik il-professjoni u l-eżerċizzju tagħha huma suġġetti, l-ewwel, għal diploma ta’ edukazzjoni superjuri mhux speċifikament orjentata lejn l-eżerċizzju ta’ dik il-professjoni u, it-tieni, il-kompetenzi pedagoġiċi li huma ddefiniti f’livell professjonali iżda l-eżistenza tagħhom huma evalwati f’kull każ mill-persuna li timpjega.

    L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li:

    Kwalifika professjonali miksuba f’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, assimilata mill-Estonja, permezz tal-leġiżlazzjoni tagħha, għal kwalifika miksuba f’dak l-Istat Membru, għandha titqies bħala li nkisbet f’dak l-Istat Membru u mhux pajjiż terz.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28 u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115).) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2005/36”). Kien hemm diversi emendi għal din id-direttiva.

    ( 3 ) Isegwi mid-deċiżjoni tar-rinviju li A eżerċita l-professjoni ta’ għalliem ta’ skola tal-kindergarten fl-ESSR bejn l‑1980 u l‑1984, u fil-Finlandja matul il-perijodu tal‑2016 u l‑2017.

    ( 4 ) Ara f’dak is-sens, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/36, u s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (C‑330/03, EU:C:2006:45, punt 19), jew tat‑8 ta’ Lulju 2021, Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 26).

    ( 5 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 1991, Vlassopoulou (C‑340/89, EU:C:1991:193, iktar 'il quddiem is-“sentenza Vlassopoulou”; punti 15 sa 21). Għal applikazzjoni iktar reċenti ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Psikoterapisti) (C‑577/20, EU:C:2022:467, (iktar 'il quddiem is-“sentenza Valvira-Psikoterapisti”. punti 40 sa 43).

    ( 6 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36 li jgħid li dik l-istrument “tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi (minn hawn il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ospitanti’) għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘l-Istat Membru ta' l-oriġini’) u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni. […]”

    ( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Malta Dental Technologists Association u Reynaud (C‑125/16, EU:C:2017:707; iktar 'il quddiem “Malta Dental Technologists Association”, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 8 ) Ara l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36 ikkwotat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6 jew l-Artikolu 2(1) li jgħid li d-Direttiva 2005/36 tapplika għal “ċittadini kollha ta’ Stat Membru […] li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali, fuq bażi ta’ xogħol għal rashom jew bħala impjegati. […]”. Korsiv miżjud minni.

    ( 9 ) Tabib, tabib speċjalizzat, infermier responsabbli mill-kura ġenerali, dentist, dentist speċjalizzat, kirurgu veterinarju, spiżjar, perit u qabla. Ara l-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36.

    ( 10 ) Il-lista li hija stabbilita fl-Anness IV għad-Direttiva 2005/36. Ara l-Kapitolu II tat-Titolu III ta’ dik id-direttiva.

    ( 11 ) Kapitolu I tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36 u l-Artikolu 10 tiegħu.

    ( 12 ) Skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36. Ara l-premessa 11 ta’ dik id-direttiva u, pereżempju, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑729/17, EU:C:2019:534, punt 91) (iktar 'il quddiem “Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja”).

    ( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-rekwiżit ta’ kwalifika tikkonsisti mill-inqas minn lawrja fix-xjenzi edukattivi, li tinkludi taħriġ bħala għalliem ta’ skola tal-kindergarten, jew kwalifika vokazzjonali fil-qasam tas-saħħa u kura soċjali, li tinkludi speċjalizzazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal u pedagoġija soċjali.

    ( 14 ) Ara pereżempju, l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2005/36, ikkwotati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 6 u 8 iktar 'il fuq.

    ( 15 ) Dik it-tifsira żżid ukoll li “l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju”. L-aħħar sentenza tal-istess dispożizzjoni tirreferi għal professjonijiet li huma pprattikati mill-membri ta’ assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2005/36 u tispeċifika li dawk il-professjonijiet “għand[hom] jiġ[u] trattat[i] bħala professjoni regolata”. Dawk l-elementi tat-tifsira ma humiex rilevanti għal dan il-każ.

    ( 16 ) L-Artikolu 1(c) u (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal‑21 ta’ Diċembru 1988 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 5, Vol. 1, p. 337).

    ( 17 ) L-Artikolu 1(e) u (f) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/51/KEE tat‑18 ta’ Ġunju 1992 dwar it-tieni sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali sabiex tiġi ssupplimenta d-Direttiva 89/48/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap 5, Vol 2, p. 47).

    ( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 1996, Aranitis (C‑164/94, EU:C:1996:23; iktar 'il quddiem “Aranitis”, punt 19), jew tat‑8 ta’ Mejju 2008, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑39/07, EU:C:2008:265, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 19 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:652; iktar 'il quddiem is-“sentenza Brouillard”, punt 38).

    ( 20 ) Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:408, iktar 'il quddiem “Konklużjonijiet fil-kawża Brouillard”; punti 54 u 55).

    ( 21 ) Il-każ kien jikkonċerna l-professjoni ta’ segretarju legali fil-Cour de cassation Belġjan (il-Qorti tal-Kassazzjoni, il-Belġju); Brouillard, punt 39.

    ( 22 ) Aranitis, punti 22 u 23.

    ( 23 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Burbaud (C‑285/01, EU:C:2003:432, punti 44 sa 53).

    ( 24 ) Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, punt 88.

    ( 25 ) Malta Dental Technologists Association, punt 36.

    ( 26 ) Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 2013/55”).

    ( 27 ) Għal dikjarazzjoni iktar reċenti, ara Malta Dental Technologists Association, punt 34.

    ( 28 ) Kif diġà ġie osservat fil-konklużjonijiet fil-kawża Brouillard, punt 50.

    ( 29 ) Fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 5 tal-Kutseseadus (il-“Liġi fuq Professjonijiet”), RT I, 13.03.2019, 10, li jgħid li, kif spjega l-Gvern Estonjan, livell professjonali huwa dokument li jiddeskrivi l-professjoni u jispeċifika l-kompetenzi meħtieġa.

    ( 30 ) Il-Gvern Estonjan ipprovda s-segwenti sors tal-livell professjonali inkwistjoni: https://www.kutseregister.ee/ctrl/et/Standardid/vaata/10640560.

    ( 31 ) Ara l-punt 32 iktar 'il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 32 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 iktar 'il fuq.

    ( 33 ) Kif spjegat iktar ’il fuq, is-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku hija waħda mit-tliet sistemi previsti mid-Direttiva 2005/36 u tirrigwarda ċerti professjonijiet speċifiċi bħal tobba, infermieri jew periti. Ara iktar ’il fuq il-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 34 ) U dik l-attività inkwistjoni kienet qiegħda tiġi pprattikata mill-persuni rispettivi fit-territorju tagħhom għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi matul il-ħames snin qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat. Ara s-subparagrafu ta’ qabel tal-aħħar tal-Artikolu 23(4) tad-Direttiva 2005/36.

    ( 35 ) Ara l-premessa 11 tad-Direttiva 2005/36. Ara wkoll is-sentenzi Vlassopoulou, punt 9 jew Malta Dental Technologists Association, punti 47 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 36 ) Ippreżentati iktar ’il fuq fil-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Ara wkoll, fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Beuttenmüller (C‑102/02, EU:C:2004:264, punt 45).

    ( 38 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 89/48, li “l-ħtieġa ta’ esperjenza professjonali ta’ dan it-tul ta’ żmien b’hekk tirreferi għal jekk huwiex verament possibbli għall-applikant li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni fl-Istat Membru tal-oriġini”. Sentenza tal‑5 ta’ April 2011, Toki (C‑424/09, EU:C:2011:210, punt 31).

    ( 39 ) Ninnota li d-dispożizzjonijiet imsemmija qabel tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2005/36 jużaw it-terminu ta’ validità legali tal-kwalifiki professjonali kkonċernati.

    ( 40 ) Ninnota li eżempji ta’ “edukazzjoni u taħriġ regolat” ġew mogħtija fl-Anness III għall-verżjoni tal-bidu tad-Direttiva 2005/36 iżda dak l-anness ġie mħassar mill-Artikolu 1(52) tad-Direttiva 2013/55, preżumibbilment bħala riżultat tal-intenzjoni li jiġi mwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak il-kunċett. Ara Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u r-Regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern; SEC(2011) 1558 final, punt 6.4.2; p. 33. Il-proposta tad-direttiva tal-Kummissjoni fissret “taħriġ regolat” bħala, inter alia, “speċifikament dirett għall-prattika ta’ professjoni partikolari”. Proposta għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali, COM/2002/0119 final (ĠU 2002, C 181 E, p. 183, abbozz ta’ Artikolu 11(4) (b), (5) u (6) u Artikolu 13(2), it-tielet subparagrafu.

    ( 41 ) Ara, għal dikjarazzjoni reċenti, Valvira-Psikoterapisti, punti 35 sa 44.

    ( 42 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Sosiaali- ja terveysalan lupa- ja valvontavirasto (Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina) (C‑634/20, EU:C:2022:149, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 43 ) Is-sentenza Vlassopoulou ġiet deċiża fuq fatti li għalihom l-ebda mill-istrumenti tad-dritt sekondarju dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali ma kienu għadhom japplikaw u l-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk ibbażat il-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq id-dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat (in casu l-Artikolu 52 Trattat KEE, issa l-Artikolu 49 TFUE. Minkejja dik il-kawża kienet tirrigwarda l-libertà tal-istabbiliment, ir-raġunament tagħha japplika wkoll għal-libertà tal-moviment ta’ ħaddiema. Ara, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenzi Valvira - Psikoterapisti, punti 40 sa 41 u Valvira - Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina, punt 38 tal-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 44 ) Ara pereżempju s-sentenza Valvira - Taħriġ tal-ewwel grad fil-mediċina, punti 42 sa 46 u l-ġurisprudenza ċċitata.

    ( 45 ) Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2021, BB vs Lietuvos Respublikos sveikatos apsaugos ministerija (C‑166/20, EU:C:2021:554, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tar-relevanza ta’ esperjenza akkwistata fl-Istat Membru ospitanti.

    Top