Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0268

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali T. Ćapeta, ippreżentati fis-6 ta’ Ottubru 2022.
    Norra Stockholm Bygg AB vs Per Nycander AB.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Högsta domstolen.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Artikolu 6(3) u (4) – Legalità tal-ipproċessar – Produzzjoni ta’ dokument li jinkludi data personali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja ċivili – Artikolu 23(1)(f) u (j) – Protezzjoni tal-indipendenza tal-ġustizzja u tal-proċeduri ġudizzjarji – Eżekuzzjoni ta’ talbiet irregolati mid-dritt ċivili – Rekwiżiti li għandhom jiġu osservati – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tas-suġġetti tad-data – Ponderazzjoni tal-interessi kunfliġġenti preżenti – Artikolu 5 – Minimizzazzjoni tad-data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 7 – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Artikolu 8 – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Artikolu 47 – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
    Kawża C-268/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:755

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

    ĆAPETA

    ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑268/21

    Norra Stockholm Bygg AB

    vs

    Per Nycander AB,

    partijiet magħquda:

    Entral AB

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja))

    “Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) 2016/679 – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 6(3) u (4) – Ipproċessar ta’ data personali – Artikolu 23(1)(f) – Protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u tal-proċeduri ġudizzjarji – Talba tal-konvenut fi proċeduri ċivili sabiex l-appellant jiġi ordnat jipproduċi informazzjoni dwar is-sigħat maħduma mill-impjegati tiegħu”

    1. 

    Il-privatezza tiegħek hija importanti għalina. Aħna nużaw il-cookies sabiex intejbu l-esperjenza tal-utent. Jekk jogħġbok stħarreġ il-preferenzi tal-privatezza. Naċċetta kollox/Konfigurazzjonijiet. Ikkontrolla l-politika tal-privatezza u l-politika tal-cookies tagħna ( 2 )” [traduzzjoni libera].

    2. 

    Meta wieħed iżur kwalunkwe sit internet, jitfaċċa messaġġ ta’ natura simili.

    3. 

    Dan huwa r-riżultat tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (iktar ’il quddiem ir-“il-GDPR” ( 3 )), li sar l-istrument prinċipali għall-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea.

    4. 

    Il-GDPR jitfaċċa wkoll quddiem il-qrati nazzjonali? B’mod iktar speċifiku, huwa japplika għall-obbligi ta’ żvelar fi proċedura ċivili quddiem qorti nazzjonali? Jekk iva, x’obbligi joħloq għal dawn il-qrati? Dawn huma l-kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna li tiċċara fil-kawża ineżami.

    I. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

    5.

    Dawn il-kwistjonijiet tqajmu f’kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja). Il-fatti tal-kawża ineżami jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej. Norra Stockholm Bygg AB (iktar ’il quddiem “Fastec”), l-appellanti fil-kawża prinċipali, wettqet il-kostruzzjoni ta’ binja ta’ uffiċċji f’isem Per Nycander AB (iktar ’il quddiem “Nycander”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali. Il-persuni li jwettqu x-xogħol taħt dan il-kuntratt irreġistraw il-preżenza tagħhom f’reġistru tal-persunal elettroniku għall-finijiet fiskali. Ir-reġistru tal-persunal ġie pprovdut minn Entral AB, li taġixxi f’isem Fastec.

    6.

    Il-kawża prinċipali bdiet b’tilwima dwar il-kumpens dovut għax-xogħol imwettaq. Nycander ikkontestat it-talba għal ħlas ta’ Fastec (li tammonta għal ftit iktar minn 2 miljun krone Svediż (SEK), billi sostniet li l-ammont ta’ ħin iddedikat għax-xogħol minn Fastec kien inqas mill-perijodu li għalih Fastec qiegħda titlob il-ħlas.

    7.

    Sabiex tipprova li dan huwa l-każ, Nycander talbet lil Entral biex tipproduċi r-reġistru tal-persunal miżmum minnha f’isem Fastec. Fastec topponi din it-talba billi ssostni li tali żvelar jikser il-GDPR peress li d-data mitluba kienet inġabret għal għan ieħor u ma tistax tintuża bħala prova fil-kawża prinċipali.

    8.

    It-tingsrätt (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, l-Isvezja) ordnat lil Entral tipproduċi r-reġistru, u din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-iSvea hovrätt (il-Qorti tal-Appell, Stokkolma, l-Isvezja).

    9.

    Fastec appellat mid-deċiżjoni tas-Svea hovrätt (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma) quddiem il-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja) u talbet lil din il-qorti tiċħad it-talba għal żvelar min-naħa ta’ Nycander jew, sussidjarjament, tordna l-produzzjoni ta’ verżjoni anonimizzata tar-reġistru tal-persunal. Huwa fil-kuntest ta’ din il-proċedura li l-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema) ressqet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi segwenti:

    “1)

    Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jikkonċernaw ukoll ir-regoli proċedurali nazzjonali relattivi għall-obbligi fil-qasam tal-obbligu li jiġu kkomunikati provi?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jimplika li, waqt l-evalwazzjoni tal-punt jekk għandhiex tiġi ordnata l-komunikazzjoni ta’ att li fih data personali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-interessi tal-persuni kkonċernati [suġġetti tad-data]? F’dan il-każ, id-dritt tal-Unjoni jimponi kundizzjonijiet relattivi għall-metodi ta’ din l-evalwazzjoni?”

    10.

    Matul il-proċedura, tressqu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja minn Fastec, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern Svediż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Inżammet seduta fis‑27 ta’ Ġunju 2022 fejn Nycander, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Svediż, kif ukoll il-Kummissjoni għamlu argument orali.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Id‑dritt tal‑Unjoni

    11.

    L-Artikolu 5 tal-GDPR jiddetermina l-prinċipji li kull ipproċessar ta’ data personali għandu josserva:

    “1.   Id-data personali għandha:

    (a)

    tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (legalità, ġustizzja u trasparenza’);

    (b)

    tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; f’konformità mal-Artikolu 89(1), l-ipproċessar ulterjuri għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika ma għandux jitqies bħala inkompatibbli mal-finijiet inizjali (‘limitazzjoni tal-fini’);

    (c)

    tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

    (d)

    tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jsir dak kollu raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali li ma tkunx eżatta, b’kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tissewwa mingħajr dewmien (‘preċiżjoni’);

    (e)

    tinżamm f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar żmien milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data personali tkun qed tiġi pproċessata; id-data personali tista’ tinħażen għal perijodi itwal sakemm id-data personali tiġi pproċessata biss għall-finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għall-finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) soġġett għall-implimentazzjoni tal-miżuri tekniċi u organizzattivi adatti meħtieġa minn dan ir-Regolament sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data (‘limitazzjoni tal-ħażna’);

    (f)

    tiġi pproċessata b’mod li jiżgura sigurtà xierqa tad-data personali, inkluża l-protezzjoni mill-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (‘integrità u kunfidenzjalità’).

    2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’)”.

    12.

    L-Artikolu 6 tal-GDPR, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi s-segwenti, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

    “1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

    […]

    (c)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

    […]

    (e)

    l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

    […]

    3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

    (a)

    il-liġi tal-Unjoni, jew

    (b)

    il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

    Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Dik il-bażi legali jista’ jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi biex tiġi adattata l-applikazzjoni ta’ regoli ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-legalità tal-ipproċessar mill-kontrollur; it-tipi ta’ data li huma soġġetti għall-ipproċessar; is-suġġetti tad-data kkonċernati; l-entitajiet li lilhom, jew li għalihom, tista’ tiġi żvelata d-data personali; il-limitazzjoni tal-fini; il-perijodi tal-ħażna u attivitajiet ta’ pproċessar u proċeduri ta’ pproċessar, inklużi miżuri li jiżguraw ipproċessar legali u ġust bħal dawk għal sitwazzjonijiet speċifiċi oħrajn ta’ pproċessar kif previst fil-Kapitolu IX. Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.

    4.   Fejn l-ipproċessar għal finijiet differenti minn dak li għalih id-data personali tkun inġabret ma jkunx ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data jew fuq liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika biex tissalvagwardja l-objettivi msemmija fl-Artikolu 23(1), il-kontrollur għandu, sabiex jaċċerta jekk l-ipproċessar għal fini ieħor huwiex kompatibbli mal-fini li għalih tkun inġabret id-data personali inizjalment, jieħu kont, fost l-oħrajn, ta’:

    (a)

    kwalunkwe rabta bejn il-fini li għalih tkun inġabret id-data personali u l-fini tal-ipproċessar ulterjuri li jkun maħsub;

    (b)

    il-kuntest li fih inġabret id-data personali, b’mod partikolari fir-rigward tar-relazzjoni bejn is-suġġetti tad-data u l-kontrollur;

    (c)

    in-natura tad-data personali, b’mod partikolari jekk jiġux ipproċessati kategoriji speċjali ta’ data personali, skont l-Artikolu 9, jew jekk tiġix ipproċessata data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati, skont l-Artikolu 10;

    (d)

    il-konsegwenzi possibbli għas-suġġetti tad-data tal-ipproċessar ulterjuri maħsub;

    (e)

    l-eżistenza ta’ salvagwardji xierqa, li jistgħu jinkludu kriptaġġ jew psewdonimizzazzjoni.”

    13.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 23(1) tal-GDPR jirregola r-restrizzjonijiet għad-drittijiet u għall-obbligi taħt il-GDPR:

    “1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

    […]

    (f)

    il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;

    […]”

    B.   Id‑dritt Svediż

    14.

    L-ewwel subparagrafu tal-Kapitolu 38(2) tar-rättegångsbalken (il-Kodiċi tal-Proċedura Ġudizzjarja; iktar ’il quddiem ir-“RB”) jipprevedi li kull persuna li jkollha dokument bil-miktub li jista’ jitqies li għandu valur probatorju għandha tipproduċi dan id-dokument. It-tieni subparagrafu tal-istess dispożizzjoni jistabbilixxi eċċezzjonijiet għal tali obbligu, inklużi avukati, tobba, psikologi, qassisin u uffiċjali oħra li ġew fdati b’informazzjoni fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom jew tal-ekwivalenti. Il-Kapitolu 38(4) tar-RB mbagħad jagħti lil qorti s-setgħa li tordna l-iżvelar ta’ dokument bil-miktub bħala evidenza.

    15.

    Skont il-qorti tar-rinviju, hija u tikkunsidra jekk persuna għandhiex tiġi obbligata tipproduċi dokument, il-qorti għandha tibbilanċja r-rilevanza tal-evidenza mal-interess tal-parti opposta li ma tiżvelax din l-informazzjoni. Madankollu, kif tispjega l-qorti tar-rinviju, dan ma jinvolvix it-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura privata tal-informazzjoni li tkun qiegħda tiġi żvelata.

    III. Analiżi

    A.   Il‑kuntest

    16.

    Il-GDPR huwa l-att prinċipali tal-Unjoni li jirregola l-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Kuntrarjament għall-predeċessur tiegħu, id-Direttiva 95/46 ( 4 ), il-GDPR ġie adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 16 TFUE ( 5 ). Din il-bażi legali kienet tawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipproteġi d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali, previst fl-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) ( 6 ).

    17.

    Waqt l-ipproċessar ta’ data personali, il-GDPR iqiegħed ir-responsabbiltà għall-osservanza ta’ dan l-att fuq il-“kontrollur tad-data” ( 7 ). F’kull każ ta’ pproċessar ta’ data personali, huwa, għalhekk, importanti li jiġi stabbilit min huwa l-kontrollur tad-data.

    18.

    Skont l-Artikolu 4(7) tal-GDPR, il-kontrollur tad-data għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali.

    19.

    Fil-kawża ineżami, saru żewġ istanzi separati ta’ pproċessar ta’ data personali. L-ewwel ipproċessar jikkonċerna r-reġistru elettroniku tal-persunal miżmum minn Entral f’isem Fastec, fejn din tal-aħħar hija suġġetta għal obbligu, previst mid-dritt Svediż, li tiġbor data fuq is-sigħat ta’ xogħol imwettqa għal finijiet fiskali. F’dan il-kuntest, Fastec hija l-kontrollur u Entral hija l-proċessur ( 8 ).

    20.

    Huwa paċifiku li dan l-ewwel ipproċessar kien konformi mal-GDPR. B’mod speċifiku, l-Artikolu 6(1)(c) tiegħu jippermetti l-ipproċessar ta’ data personali meħtieġ għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, li fil-kawża ineżami huwa Fastec ( 9 ). Ċertament, kieku dan l-ewwel ipproċessar kellu jiġi ddikjarat illegali taħt il-GDPR, l-ipproċessar bi skop ġdid ta’ tali data jkun, b’estensjoni, illegali wkoll ( 10 ).

    21.

    Madankollu, l-interess tal-kawża ineżami huwa t-tieni pproċessar (bi skop ġdid) tal-istess data inizjalment miġbura għal finijiet fiskali. L-għan il-ġdid huwa l-iżvelar, minn Entral, tar-reġistru tal-persunal bħala evidenza fil-proċeduri ċivili bejn Fastec u Nycander. Il-produzzjoni ta’ dan ir-reġistru għall-użu tiegħu fil-proċeduri ċivili neċessarjament timplika l-ipproċessar ta’ data personali.

    22.

    Fil-kuntest ta’ dan it-tieni pproċessar, ir-rwoli tal-GDPR jinbidlu meta mqabbla mal-ewwel ipproċessar. Fuq kollox, billi tagħti l-ordni lil Entral biex tipproduċi r-reġistru tal-persunal (iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ żvelar”), il-qorti nazzjonali hija l-entità li tiddetermina l-finijiet u l-mezzi tat-tieni pproċessar ta’ data ( 11 ). Din il-qorti, għaldaqstant, issir il-kontrollur tad-data ( 12 ).

    23.

    F’dan it-tieni pproċessar, Fastec setgħet titqies li baqgħet il-kontrollur, jew li biddlet ir-rwol: fejn issa saret ir-riċevitur tad-data, flimkien ma’ Nycander ( 13 ). Madankollu, anki jekk Fastec tibqa’ l-kontrollur flimkien mal-qorti nazzjonali ( 14 ), dan ma jinfluwenzax l-obbligi tal-qorti nazzjonali bħala kontrollur ( 15 ). Finalment, ir-rwol ta’ Entral ma jinbidilx. Hija tibqa’ l-proċessur u tkompli tipproċessa l-istess data personali iżda issa f’isem il-kontrollur il-ġdid – il-qorti tar-rinviju.

    24.

    Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-qorti nazzjonali tistax fil-fatt issir kontrollur skont il-GDPR, u jekk, f’dan il-każ, dan ir-regolament jimponix rekwiżiti fuq il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali relatati mas-setgħat u l-obbligi tal-qrati fil-proċeduri ċivili. Jekk il-GDPR japplika u l-qorti nazzjonali hija l-kontrollur, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni domanda tagħha, kif tali qorti għandha tiddeċiedi dwar l-iżvelar ta’ data personali meta din ikollha sservi ta’ prova fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili.

    25.

    Sabiex nirrispondi għad-domandi tal-qorti tar-rinviju, ser nipproċedi bil-mod segwenti. L-ewwel ser nispjega għalfejn nikkunsidra l-GDPR applikabbli għall-proċeduri ċivili quddiem il-qrati tal-Istati Membri u kif dan jinfluwenza l-leġiżlazzjoni proċedurali eżistenti tal-Istati Membri (B). Sussegwentement, ser nittratta l-metodoloġija li l-qrati nazzjonali bħala kontrolluri tad-data għandhom japplikaw sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-GDPR (C).

    B.   Il‑GDPR huwa applikabbli għall‑proċeduri ċivili quddiem il‑qrati nazzjonali u jikkumplimenta r‑regoli proċedurali tal‑Istati Membri

    26.

    L-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-GDPR japplikax għall-proċeduri ġudizzjarji ċivili u x’influwenza għandu fuq ir-regoli proċedurali rilevanti. B’mod iktar speċifiku, hija tistaqsi jekk huwa jaffettwax dawn ir-regoli nazzjonali li jirregolaw is-setgħat u l-obbligi tal-qrati meta dawn jordnaw l-iżvelar ta’ provi dokumentali. Ser nirrispondi għal din id-domanda fi tliet stadji.

    1. Il‑GDPR ma jeskludix l‑attivitajiet tal‑qrati nazzjonali fi proċeduri ċivili

    27.

    Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tiegħu u għandu approċċ funzjonali, pjuttost milli wieħed istituzzjonali. Huwa x-xiex (l-attività ta’ pproċessar ta’ data personali) pjuttost milli l-min, li jiskatta l-applikabbiltà tal-GDPR ( 16 ).

    28.

    Is-sitwazzjonijiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, elenkati fl-Artikolu 2(2) tiegħu, għandhom ukoll natura funzjonali. Peress li dawn jirrappreżentaw l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dawn għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 17 ).

    29.

    Għaldaqstant, l-attivitajiet tal-awtoritajiet pubbliċi ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR bħala tali, iżda huma pjuttost esklużi biss fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 2(2) tal-GDPR ( 18 ). F’dan ir-rigward, dan l-artikolu ma jeskludix l-attivitajiet ġudizzjarji fil-proċeduri ċivili mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.

    30.

    Il-konklużjoni li l-GDPR japplika għall-attivitajiet ġudizzjarji hija kkorroborata mill-premessa 20 tal-GDPR ( 19 ), li tiddikjara li dan l-att japplika għall-attivitajiet tal-qrati u ta’ awtoritajiet ġudizzjarji oħra ( 20 ).

    31.

    L-esklużjoni tal-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji fir-rigward tal-qrati meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, stabbilita fl-Artikolu 55(3) tal-GDPR, ma taffettwax il-konklużjoni preċedenti. Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, din id-dispożizzjoni tikkonferma li l-qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom huma suġġetti għall-obbligi imposti mill-GDPR. Hija tiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom billi tipprojbixxi s-sorveljanza mill-organu ta’ superviżjoni tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tagħhom.

    32.

    Il-kawża ineżami tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, li taqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR. Il-ħolqien u ż-żamma tar-reġistru tal-persunal elettroniku jirrigwardaw l-ipproċessar tad-data personali ( 21 ). Bl-istess mod, l-ordni tal-iżvelar ta’ tali data personali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili huwa istanza ta’ pproċessar ta’ din id-data ( 22 ). Għalhekk, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR.

    33.

    Xi jfisser dan għall-operazzjoni ta’ regoli proċedurali nazzjonali, bħar-RB?

    2. Id‑dritt nazzjonali huwa l‑kundizzjoni għal‑legalità tal‑ipproċessar tad‑data mill‑qrati nazzjonali

    34.

    Il-bażi legali għall-adozzjoni tad-digriet ta’ żvelar inkwistjoni fil-kawża ineżami huwa r-RB.

    35.

    Fil-fatt, il-GDPR jeżiġi li l-ipproċessar ta’ data f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża ineżami jkollu d-dritt ta’ Stat Membru (jew tal-Unjoni) bħala bażi legali ( 23 ).

    36.

    Inizjalment miġbura u pproċessata għal finijiet fiskali, skont id-digriet ta’ żvelar fil-kawża ineżami, id-data inkwistjoni issa għandha tiġi pproċessata għal għan probatorju fi proċeduri ġudizzjarji.

    37.

    L-Artikolu 6(4) tal-GDPR jippermetti l-għoti ta’ skop ġdid għall-ipproċessar tad-data jekk dan ikun ibbażat fuq id-dritt tal-Istat Membru – miżura neċessarja f’soċjetà demokratika sabiex jiġu ssalvagwardjati l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 23(1) tal-GDPR. Fost dawn l-għanijiet, l-Artikolu 23(1)(f) jelenka “l-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji”.

    38.

    Il-parteċipanti kollha għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jaqblu li l-Artikolu 23(1)(f) tal-GDPR huwa d-dispożizzjoni xierqa li għandha tiġi invokata sabiex tiġġustifika l-għoti ta’ skop ġdid għall-ipproċessar ta’ data fuq il-bażi tar-RB ( 24 ).

    39.

    Ir-RB jagħti s-setgħa lill-qrati nazzjonali biex jordnaw l-iżvelar ta’ dokumenti jekk dawn ikollhom valur probatorju fi proċedura ċivili. Kif ġie spjegat, jekk dokument li għandu jiġi żvelat ikun jinkludi data personali, il-qorti li tordna tali żvelar issir il-kontrollur tad-data skont il-GDPR.

    40.

    Kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, il-qorti nazzjonali hija biss sa ċertu punt kontrollur ordinarju. B’mod speċifiku, il-qrati nazzjonali jistgħu jipproċessaw biss data fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tagħhom.

    41.

    Meta l-ipproċessar tad-data jseħħ waqt l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali ( 25 ), l-Artikolu 6(3) tal-GDPR jeħtieġ li dan ikun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    42.

    Għaldaqstant, kemm l-Artikolu 6(4) tal-GDPR (li jippermetti l-ipproċessar bi skop ġdid), u l-Artikolu 6(3) tiegħu (li jippermetti l-ipproċessar ta’ data fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali), jeħtieġu l-eżistenza tad-dritt nazzjonali (jew tal-Unjoni) bħala bażi legali għall-ipproċessar ( 26 ).

    43.

    Għalhekk, ir-RB li jagħti s-setgħa lill-qorti biex tadotta d-digriet ta’ żvelar huwa kundizzjoni neċessarja għal-legalità tal-ipproċessar inkwistjoni.

    3. Il‑GDPR jikkumplimenta r‑regoli proċedurali nazzjonali

    44.

    Jekk teżisti l-bażi legali meħtieġa mill-GDPR, u jekk id-digriet li jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jiġi adottat konformement ma’ dan id-dritt tal-Istat Membru, jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-GDPR għall-ipproċessar legali?

    45.

    Fil-fehma tiegħi, l-eżistenza ta’ bażi legali fid-dritt nazzjonali, għalkemm neċessarja, ma hijiex biżżejjed sabiex id-digriet ta’ żvelar ikun konformi mal-GDPR.

    46.

    Il-qorti tar-rinviju spjegat li skont ir-RB, bħala prinċipju ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura privata tal-informazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-iżvelar ta’ provi. Il-qrati huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi taż-żewġ partijiet opposti, iżda l-liġi nnifisha ma ssemmix li l-interessi tas-suġġetti tad-data għandhom rwol.

    47.

    Ir-RB huwa inkompatibbli mal-GDPR peress li dan ma jobbligax espliċitament lill-qrati, meta jsiru kontrolluri tad-data, biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw id-data personali tagħhom?

    48.

    Fil-fehma tiegħi, dan ma huwiex il-każ. Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li atti nazzjonali differenti li jservu ta’ bażi legali għall-ipproċessar ta’ data ma ġewx adottati speċifikament fl-implimentazzjoni tal-GDPR, iżda għandhom l-għanijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-GDPR huwa direttament applikabbli fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri u ma jeħtieġx implimentazzjoni. Għalhekk, dak li huwa importanti huwa li, meta jissussistu r-regoli proċedurali nazzjonali u dawk tal-GDPR, tal-ewwel jipprovdu spazju għall-applikazzjoni simultanja tat-tieni.

    49.

    Waqt is-seduta, il-Gvern Svediż ikkonferma li r-RB ma jeħtieġx, iżda li lanqas ma jipprojbixxi, li l-qrati jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data. Għaldaqstant huwa ma jipprekludix l-applikazzjoni diretta tal-GDPR għall-proċedura ġudizzjarja rregolata minn dan il-kodiċi.

    50.

    Il-qrati nazzjonali huma għalhekk suġġetti għar-regoli proċedurali interni u għall-GDPR b’mod parallel, peress li dan tal-aħħar jikkompleta r-regoli nazzjonali jekk l-attivitajiet proċedurali tal-qrati jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali.

    51.

    Biex nikkonkludi, leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex għalfejn tirreferi espressament għall-GDPR jew tobbliga lill-qrati jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data. Huwa biżżejjed li tali leġiżlazzjoni tippermetti l-applikazzjoni kumplimentari tal-GDPR. Huwa biss kieku dan ma kienx il-każ li l-att nazzjonali jkun kuntrarju għall-GDPR. Madankollu, ir-RB jidher li jippermetti applikazzjoni kumplimentari tal-GDPR ( 27 ).

    52.

    Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, nikkonkludi għalhekk li l-Artikoli 6(3) u 6(4) tal-GDPR jimponu rekwiżiti fuq il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali relatati ma’ obbligi ta’ żvelar, kull fejn din tinvolvi l-ipproċessar tad-data personali. Leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali ma tistax tipprekludi, f’każ bħal dan, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tas-suġġetti tad-data. Dawn l-interessi jiġu ssalvagwardjati jekk il-qrati nazzjonali josservaw ir-regoli tal-GDPR meta jiddeċiedu dwar l-iżvelar tal-provi dokumentali f’kawża individwali.

    C.   Fuq l‑obbligi tal‑qorti nazzjonali li jirrigwardaw l‑interessi tas‑suġġetti tad‑data

    53.

    Bħala suġġetti tal-GDPR, il-qrati nazzjonali bħala kontrolluri tad-data għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġetti tad-data. Kif għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-interessi meta tiġi adottata deċiżjoni konkreta li tikkonċerna l-iżvelar? Din hija essenzjalment it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju.

    1. Proporzjonalità

    54.

    L-interessi ta’ suġġetti tad-data jkunu protetti meta l-ipproċessar tad-data personali tagħhom ikun konformi mal-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR ( 28 ). Biex nikkwota lill-Avukat Ġenerali Pikamäe, konformità mal-Artikoli 5 u 6 tal-GDPR tiżgura l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u għall-familja kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali, kif żgurati rispettivament mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 29 ).

    55.

    L-għanijiet leġittimi tal-ipproċessar huma elenkati fl-Artikolu 6 tal-GDPR ( 30 ). Kif ġie spjegat fit-taqsima preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ipproċessar fil-kawża ineżami jfittex li jilħaq għan leġittimu peress li l-qorti eżerċitat l-awtorità uffiċjali tagħha meta ordnat żvelar fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali li sservi sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment ordnat tal-proċeduri ġudizzjarji. Madankollu, kemm l-Artikolu 6 kif ukoll l-Artikolu 5 tal-GDPR ma jeħtiġux biss għan leġittimu iżda wkoll li l-ipproċessar speċifiku jkun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

    56.

    Il-GDPR jeħtieġ għalhekk li l-qorti twettaq analiżi ta’ proporzjonalità meta tiddetermina jekk l-iżvelar ta’ data personali f’sitwazzjoni konkreta huwiex neċessarju għall-għan probatorju fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji ( 31 ).

    57.

    F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(4) tal-GDPR jeħtieġ li d-dritt nazzjonali li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar bi skop ġdid ikun miżura neċessarja u proporzjonata sabiex jiġi ssalvagwardjat wieħed mill-għanijiet elenkati fl-Artikolu 23(1) tal-GDPR – fil-kawża ineżami l-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u tal-proċeduri ġudizzjarji. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tal-GDPR jeħtieġ li l-ipproċessar waqt l-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali jkun neċessarju għall-eżerċizzju ta’ tali awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur.

    58.

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li sservi bħala bażi għall-ipproċessar tista’, in abstracto, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 6(3) u (4) tal-GDPR. Madankollu, il-legalità ta’ kull ipproċessar individwali (inkluż digriet speċifiku ta’ żvelar ta’ qorti) tiddependi mill-ibbilanċjar konkret tal-interessi kollha involuti, b’kunsiderazzjoni tal-għan leġittimu li għalih jintalab l-iżvelar ( 32 ). Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi jekk u sa fejn huwa neċessarju l-iżvelar.

    59.

    Għaldaqstant huwa ċar li l-GDPR jeħtieġ analiżi ta’ proporzjonalità. Il-GDPR joffri xi għajnuna ulterjuri biex tingħata tweġiba dwar liema passi konkreti għandha tieħu l-qorti f’tali analiżi?

    2. Miżuri konkreti li għandhom jittieħdu mill‑qorti nazzjonali

    60.

    L-analiżi tal-proporzjonalità, kif ġie spjegat, għandha ssir f’kull każ individwali, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi kollha involuti. F’sitwazzjonijiet bħal din fil-kawża ineżami, l-interessi li taw lok għall-iżvelar għandhom jiġu bbilanċjati mal-indħil fid-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ( 33 ).

    61.

    L-interessi favur l-iżvelar jirriflettu d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (l-Artikolu 47 tal-Karta). L-interessi tas-suġġetti tad-data, li magħhom id-dritt preċedenti huwa f’kunflitt, jirriflettu d-dritt għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7 tal-Karta) u d-dritt għall-protezzjoni tad-data (l-Artikolu 8 tal-Karta). Huma dawn id-drittijiet li għandhom jiġu bbilanċjati sabiex jiġi deċiż jekk l-iżvelar tad-data personali huwiex neċessarju.

    62.

    Fil-kunsiderazzjonijiet segwenti, ser noffri ċerti suġġerimenti li jikkonċernaw il-passi konkreti li l-qorti nazzjonali tista’ tkun mistennija li tieħu.

    63.

    Qabel kollox, l-interessi tas-suġġetti tad-data li ma tawx il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar jistgħu dejjem jitqiesu li jixtiequ jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Għalhekk din hija l-pożizzjoni inizjali standard għall-qorti nazzjonali: li tiġġustifika għalfejn għandu jkun hemm indħil f’dan l-interess.

    64.

    Wara kontroll iktar fil-fond, jistgħu jinstabu istruzzjonijiet għat-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni fl-Artikolu 5 tal-GDPR, li jinkludi l-prinċipji li l-kontrollur tad-data għandu josserva meta jipproċessa d-data personali.

    65.

    F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data, mislut mill-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, huwa ta’ importanza kardinali. Dan ir-rekwiżit huwa, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja ( 34 ), espressjoni ta’ proporzjonalità. Dan jeħtieġ li d-data personali tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li huwa neċessarju fir-rigward tal-għanijiet li għalihom din hija pproċessata.

    66.

    L-ewwel mistoqsija li trid issir hija, għalhekk, jekk id-data fir-reġistru tal-persunal miżmum minn Entral hijiex adegwata. Din tkun adegwata għall-għan li għalih għandha tiġi żvelata jekk hija fil-fatt turi n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa mill-impjegati ta’ Fastec fis-sit ta’ kostruzzjoni.

    67.

    It-tieni mistoqsija li għandha ssir hija jekk id-data fir-reġistru tal-persunal miżmum minn Entral hijiex rilevanti għall-għan li għalih intalbet. L-għan jidher li huwa l-interess ta’ Nycander li tipprova l-argument tagħha li l-impjegati ta’ Fastec ħadmu inqas sigħat minn dak indikat fuq il-fattura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reġistru tal-persunal ikun rilevanti jekk ikun jista’ effettivament jipprova jew jiċħad tali pretensjoni. Il-qorti nazzjonali għandha tevalwa r-rilevanza tagħha fid-dawl ta’ fatti oħra tal-każ (pereżempju, id-dikjarazzjoni ta’ Fastec li r-reġistru tal-persunal jinkludi biss porzjon mis-sigħat ta’ xogħol rilevanti, filwaqt li oħrajn twettqu barra mis-sit ta’ kostruzzjoni).

    68.

    Sabiex jiġi ssodisfatt it-tielet rekwiżit ta’ minimizzazzjoni tad-data, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk id-data kollha jew biss parti minnha li hija inkluża fir-reġistru hijiex suffiċjenti għal finijiet probatorji. Barra minn hekk, jekk jeżistu mezzi oħra sabiex jintwera l-istess fatt, il-minimizzazzjoni tad-data teħtieġ li jintużaw dawn il-mezzi l-oħra. Pereżempju, il-qorti nazzjonali tista’ tkun teħtieġ li tevalwa l-pretensjoni ta’ Fastec li s-sigħat effettivi maħduma jistgħu jiġu vverifikati b’riferiment għal dokumenti li diġà jagħmlu parti mill-proċess quddiem il-qorti tar-rinviju. Jekk hija tikkonstata li din il-pretensjoni hija minnha, il-qorti tar-rinviju ma tistax tordna l-iżvelar ta’ data personali fir-reġistru tal-persunal.

    69.

    Il-qorti tar-rinviju għandha tistabbilixxi liema tipi ta’ data personali mir-reġistru huma suffiċjenti sabiex il-fatti rilevanti jiġu pprovati jew invalidati. F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data jeħtieġ li tiġi żvelata biss id-data strettament neċessarja għall-kwistjoni kkonċernata. Għalhekk jista’ jkun neċessarju li Entral, bħala l-proċessur, tibdel b’mod jew ieħor ir-reġistru tal-persunal sabiex tillimita d-data personali għall-minimu neċessarju filwaqt li tippermetti li tinsilet konklużjoni fuq is-sigħat effettivament maħduma.

    70.

    F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk huwiex neċessarju li l-persuni li d-data tagħhom tinsab fir-reġistru jkunu identifikabbli sabiex l-iżvelar ikollu valur probatorju (pereżempju, jekk huwiex neċessarju li jissemmew ħaddiema individwali sabiex jintalbu jixhdu). Inkella, jista’ jkun biżżejjed li jkun hemm informazzjoni dwar in-numru totali ta’ sigħat imwettqa fuq is-sit ta’ kostruzzjoni u/jew in-numru ta’ persuni li ħadmu dawn is-sigħat.

    71.

    Skont it-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet preċedenti, il-qorti tista’ tiddeċiedi li titlob l-iżvelar ta’ data psewdonimizzata jew anonimizzata ( 35 ).

    72.

    Skont il-premessa 26 tal-GDPR, id-data li ġiet suġġetta għall-psewdonimizzazzjoni tibqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-GDPR. Dan huwa l-każ għaliex jibqa’ possibbli li tiġi ttraċċata l-identità ta’ persuna li minnha oriġina l-psewdonimu. L-oppost japplika għad-data anonimizzata, li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Il-mod ta’ żvelar finalment ordnat mill-qorti nazzjonali jkollu għalhekk ukoll effett fuq l-applikabbiltà ulterjuri tal-GDPR ( 36 ).

    73.

    Fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina l-valur probatorju tal-verżjonijiet differenti tar-reġistru tal-persunal sabiex tiddeċiedi liema tip ta’ minimizzazzjoni tad-data, jekk xejn, hija neċessarja għat-tmiem xieraq tal-proċeduri ġudizzjarji quddiemha.

    74.

    Minbarra l-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, prinċipji oħra inklużi fl-Artikolu 5 tal-GDPR jorbtu wkoll lill-qorti nazzjonali u huma rilevanti għall-metodu ta’ adozzjoni tad-digriet ta’ żvelar.

    75.

    Pereżempju, l-Artikolu 5(1)(a) tal-GDPR, minbarra li jirreferi għall-prinċipju ta’ legalità (elaborat ulterjorment fl-Artikolu 6 tiegħu), isemmi wkoll il-prinċipju ta’ trasparenza. Fil-fehma tiegħi, dan il-prinċipju jeżiġi li l-qorti nazzjonali tispjega b’mod ċar id-deċiżjoni tagħha li tordna l-iżvelar ta’ data personali, billi, inter alia, tiddikjara kif ibbilanċjat l-interessi u l-argumenti differenti tal-partijiet relatati mal-iżvelar.

    76.

    Motivazzjoni xierqa tad-digriet ta’ żvelar tissodisfa wkoll ir-rekwiżit tal-Artikolu 5(2) tal-GDPR li l-kontrollur tad-data jkun kapaċi juri l-osservanza tal-prinċipji ddikjarati fl-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament.

    77.

    Il-mod ta’ kif jiġu osservati l-prinċipji tal-Artikolu 5 tal-GDPR jista’ wkoll jinqara mill-premessa 31 tal-GDPR. Dan jeħtieġ li “talbiet għal żvelar li jintbagħtu mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom dejjem ikunu bil-miktub, motivati u okkażjonali u m’għandhomx jikkonċernaw sistema sħiħa ta’ arkivjar jew iwasslu għall-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ arkivjar”.

    78.

    Il-Gvern Pollakk qajjem tħassib relatat mal-evalwazzjoni tal-proporzjonalità mill-qorti nazzjonali: jekk il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-valur probatorju tar-reġistru tal-persunal jew ta’ prova oħra fil-proċeduri quddiemha, hija ma tkunx qiegħda ssir wisq involuta f’dak li għandu jibqa’ r-rwol tal-partijiet, jiġifieri li tipprova tirbaħ argument li jirrigwarda l-valur probatorju nnifsu ta’ tali provi?

    79.

    Fil-fehma tiegħi, l-evalwazzjoni tal-valur probatorju, li jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data, ma timplikax iktar indħil fil-kawża milli l-evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ kwalunkwe prova oħra fi proċeduri ċivili ( 37 ).

    80.

    Il-livell ta’ ndħil tal-qorti nazzjonali jiddependi min-natura ovvja tal-valur probatorju tal-provi li tagħhom huwa mitlub l-iżvelar fiċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. Il-grad sa fejn l-iżvelar jista’ jinterferixxi mal-interessi tas-suġġetti tad-data dejjem ikun marbut mal-każ individwali.

    81.

    Pereżempju, ċerti każijiet jistgħu jinvolvu data sensittiva b’sistema speċjali ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 9 tal-GDPR, jew sanzjonijiet kriminali marbuta mas-sistema tal-Artikolu 10 tiegħu. F’tali sitwazzjonijiet, l-interess tas-suġġetti tad-data neċessarjament ikollu iktar piż waqt l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar ( 38 ). Bl-istess mod, l-interess fl-iżvelar jista’ jkun differenti bejn kawżi individwali. Għalkemm kultant ikun ċar li r-rilevanza tal-prova mitluba hija marġinali, f’sitwazzjonijiet oħra din tkun ċentrali għad-determinazzjoni tal-eżitu tal-kawża. F’dan ir-rigward, jagħmel sens il-punt tal-Kummissjoni li l-qorti nazzjonali għandu jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta tagħmel tali evalwazzjonijiet. Madankollu, hija qatt ma għandha tinħeles mill-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data.

    82.

    Il-Gvern Ċek esprima tħassib ieħor: l-impożizzjoni fuq il-qrati nazzjonali ta’ obbligi ta’ teħid inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data kull darba li jordnaw l-iżvelar ta’ provi dokumentali tista’ tostakola l-operazzjoni regolari tal-proċeduri ġudizzjarji. Fil-fatt, il-GDPR jintroduċi obbligu addizzjonali ( 39 ) għall-qrati sabiex iwettqu l-istħarriġ tal-proporzjonalità qabel ma jordnaw l-iżvelar ta’ provi dokumentali li jinkludu data personali. Madankollu, l-ibbilanċjar tal-interessi lanqas ma huwa eżerċizzju intellettwali mhux tas-soltu għall-qrati, bħalma l-oneru li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali lanqas ma huwa differenti minn dak impost fuq kull kontrollur tad-data mill-GDPR.

    83.

    Sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali tagħhom, konformement mal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni kif espressa fil-GDPR, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tas-suġġetti tad-data ma jistax jitqies li huwa piż eċċessiv fuq il-qrati tal-Istati Membri.

    84.

    Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej it-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju: meta tiddeċiedi dwar id-digriet ta’ żvelar fi proċeduri ċivili li jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, il-qorti nazzjonali għandha twettaq analiżi ta’ proporzjonalità li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data li d-data personali tagħhom għandha tiġi pproċessata u tibbilanċjahom fir-rigward tal-interess tal-partijiet fil-proċedura li jiksbu l-provi. Din l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità hija ggwidata mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR inkluż il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data.

    IV. Konklużjoni

    85.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari magħmula mill-Högsta domstolen (il-Qorti Suprema, l-Isvezja):

    (1)

    L-Artikolu 6(3) u (4) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jimponi rekwiżiti fuq il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali relatati mal-obbligi ta’ żvelar kull darba li l-iżvelar jimplika pproċessar ta’ data personali. Il-leġiżlazzjoni proċedurali nazzjonali għandha tippermetti, f’każ bħal dan, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tas-suġġetti tad-data. Dawn l-interessi jiġu ssalvagwardjati jekk il-qrati nazzjonali josservaw ir-regoli tal-GDPR meta jiddeċiedu dwar l-iżvelar tal-provi dokumentali f’kawża individwali.

    (2)

    Meta tiddeċiedi dwar id-digriet ta’ żvelar fi proċeduri ċivili li jinvolvu l-iżvelar ta’ data personali, il-qorti nazzjonali għandha twettaq analiżi ta’ proporzjonalità li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tas-suġġetti tad-data li d-data personali tagħhom għandha tiġi pproċessata u tibbilanċjahom fir-rigward tal-interess tal-partijiet fil-proċedura li jiksbu l-provi. Din l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità hija ggwidata mill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR, inkluż il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Dan il-messaġġ partikolari jidher fuq https://eulawlive.com/.

    ( 3 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

    ( 4 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Id-Direttiva 95/46/KE ġiet adottata fuq il-bażi legali tas-suq intern. Għall-ewwel analiżi tal-bidliet introdotti mill-GDPR, ara B. Van Alsenoy, “Liability under EU Data Protection Law. From Directive 95/46 to the General Data Protection Regulation”, Journal of Intellectual Property, Information Technology and Electronic Commerce Law, 2016, vol. 7, 271-288.

    ( 5 ) Minkejja d-differenza fil-bażi legali tagħhom, il-ġurisprudenza li tinterpreta d-Direttiva 95/46 hija rilevanti sabiex jinftiehem il-GDPR. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M. (C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 107). Għalhekk ser nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 95/46 fejn rilevanti. Bl-istess mod, sa fejn tipprovdi soluzzjonijiet analogi għar-restrizzjonijiet għad-dritt tal-protezzjoni tad-data, ser nirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-interpretazzjoni tar-restrizzjonijiet għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/58 għandha tapplika, mutatis mutandis, għall-interpretazzjoni tal-GDPR. Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 209 sa 211).

    ( 6 ) Ara l-premessa 1 tal-GDPR.

    ( 7 ) Ara l-Artikolu 5(2) tal-GDPR.

    ( 8 ) L-Artikolu 4(8) tal-GDPR jiddefinixxi l-proċessur bħala: “persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur”.

    ( 9 ) Skont l-Artikolu 6(3) tal-GDPR, meta l-ipproċessar isir għall-finijiet tal-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur tad-data, din il-bażi għandha tiġi stabbilita mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt tal-Istati Membri li jissodisfa l-għan ta’ interess ġenerali u li huwa proporzjonat għall-għan leġittimu li għandu jintlaħaq. L-osservanza tal-leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali ġiet ikkunsidrata bħala għan leġittimu fis-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punti 60 sa 63).

    ( 10 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44).

    ( 11 ) Id-determinazzjoni tal-għan u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali huma l-attivitajiet ċentrali li jiddeterminaw min huwa l-kontrollur. Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 68). Ara wkoll Bygrave, L. A. u Tossoni, L., “Article 4(7). Controller” f’Kuner, C., Bygrave, L. A., Docksey, C. U Drechsler, L. (edituri), The EU General Data Protection Regulation (GDPR): A Commentary, OUP, Oxford, 2021, p. 150.

    ( 12 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Svediż kif ukoll il-Kummissjoni qablu li dan ir-rwol issa jappartjeni lill-qorti nazzjonali. Nycander sostniet li Fastec tibqa’ l-unika kontrollur fit-tieni pproċessar, filwaqt li r-rwol tal-qorti nazzjonali huwa dak ta’ intermedjarja. Għandu jiġi nnotat li t-terminu “intermedjarja” ma tintuża mkien fil-GDPR.

    ( 13 ) L-Artikolu 4(9) tal-GDPR jiddefinixxi r-riċevituri bħala persuni fiżiċi jew ġuridiċi, awtoritajiet pubbliċi, aġenziji ta’ korpi oħra li lilhom tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament minn jekk ikunux terzi jew le. Bħala partijiet fi proċedura ċivili, kemm Fastec kif ukoll Nycander ser isiru riċevituri ta’ data pproċessata fuq il-bażi tad-digriet ta’ żvelar tal-qorti. Il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li Fastec tibqa’ l-kontrollur pjuttost milli saret ir-riċevitur.

    ( 14 ) L-Artikolu 26(1) tal-GDPR jipprevedi: “Fejn żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, huma għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Huma għandhom b’mod trasparenti jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 13 u 14, permezz ta’ arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalihom il-kontrolluri jkunu soġġetti. L-arranġament jista’ jaħtar punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data.” Ara wkoll is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 67).

    ( 15 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-kunċett ta’ kontrollur huwa wieħed wiesa’ u li operaturi differenti jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti tal-ipproċessar. Sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID (C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 70).

    ( 16 ) Dan tal-aħħar huwa rilevanti biss b’mod eċċezzjonali. Pereżempju, taħt l-Artikolu 2(3) tal-GDPR, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni ma humiex suġġetti għall-GDPR. Madankollu, huma suġġetti għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50).

    ( 17 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 68).

    ( 18 ) L-Artikolu 2(2) tal-GDPR jipprevedi: “Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali: (a) matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni; (b) mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE; (c) minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar; (d) mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

    ( 19 ) Il-premessa 20 tal-GDPR tistabbilixxi s-segwenti: “Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b’rabta ma’ tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.”

    ( 20 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Autoriteit Persoonsgegevens (C‑245/20, EU:C:2022:216, punti 2526).

    ( 21 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li reġistri tal-ħin tax-xogħol b’mod speċifiku jikkostitwixxu data personali fis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Worten (C‑342/12, EU:C:2013:355, punt 19).

    ( 22 ) It-trażmissjoni ta’ dokumenti lill-qorti fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili ġiet ikkunsidrata bħala pproċessar fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona f’Inspektor v Inspektorata kam Visshia sadeben savet (Finijiet tal-ipproċessar ta’ data personali – Investigazzjoni kriminali) (C‑180/21, EU:C:2022:406, punti 8283). Fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, din il-kawża għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

    ( 23 ) Fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-direttiva ma teskludix il-possibbiltà li l-Istati Membri jistabbilixxu obbligu ta’ żvelar ta’ data personali fil-kuntest ta’ proċeduri ċivili. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 53). Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika għall-GDPR.

    ( 24 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li raġuni oħra li tiġġustifika l-għoti ta’ skop ġdid għall-ipproċessar tad-data fil-kawża ineżami tinsab fl-Artikolu 23(1)(i) tal-GDPR (“il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn”). Il-Gvern Pollakk indika l-Artikolu 23(1)(j) tal-GDPR (“l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili”).

    ( 25 ) L-ipproċessar waqt l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali huwa magħmul possibbli mill-Artikolu 6(1)(e) tal-GDPR.

    ( 26 ) L-ipproċessar jista’ wkoll ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

    ( 27 ) Fit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri fir-rigward tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk dan huwiex fil-fatt il-każ.

    ( 28 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2019, Deutsche Post (C‑496/17, EU:C:2019:26, punt 57) u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 208). Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet preċedentement ikkonkludiet l-istess fir-rigward tad-Direttiva 95/46. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2003, Österreichischer Rundfunk et (C‑465/00, C‑138/01 u C‑139/01, EU:C:2003:294, punt 65); u tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 71).

    ( 29 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pikamäe f’Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (Kawża C‑184/20, EU:C:2021:991, punt 36).

    ( 30 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-lista ta’ sitwazzjonijiet ta’ pproċessar legali ta’ data fl-Artikolu 6 tal-GDPR hija eżawrjenti u restrittiva. Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99). Fil-kuntest tad-Direttiva 95/46, il-Qorti tal-Ġustizzja adottat l-istess approċċ ta’ legalità tal-ipproċessar fis-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 25); u tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punti 3738).

    ( 31 ) Ara wkoll il-premessa 39 tal-GDPR, li tispeċifika li: “[…] Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. […] Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli”.

    ( 32 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-ibbilanċjar jiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ partikolari. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 31). Ara wkoll is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2020, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2020:104, punt 32).

    ( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 77).

    ( 34 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 98).

    ( 35 ) Fastec effettivament qiegħda titlob lill-qorti tar-rinviju biex tiċħad it-talba ta’ Nycander għall-produzzjoni tar-reġistru tal-persunal, jew, sussidjarjament, li r-reġistru tal-persunal jiġi prodott biss wara anonimizzazzjoni. Il-Kummissjoni, billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data u billi għamlet riferiment għall-Artikolu 25(1) tal-GDPR, ipproponiet li tista’ tkun ukoll soluzzjoni l-produzzjoni ta’ verżjoni psewdonimizzata tar-reġistru tal-persunal.

    ( 36 ) Pereżempju, l-anonimizzazzjoni tar-reġistru jeħles lill-kontrollur tad-data mill-obbligu li jinforma lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar li normalment ikun meħtieġ taħt l-Artikolu 14 tal-GDPR.

    ( 37 ) Kif spjegat mill-qorti tar-rinviju, skont ir-RB, il-qrati huma diġà marbuta li jibbilanċjaw ir-rilevanza tal-provi mal-interess tal-parti opposta li ma tiżvelax din l-informazzjoni.

    ( 38 ) Fil-kuntest tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li iktar ma tkun kbira l-portata ta’ ndħil fid-dritt tal-protezzjoni tad-data, iktar għandu jkun importanti l-għan ta’ interess pubbliku li għandu jintlaħaq. Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige and Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 115); tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 55); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 131); u tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 32).

    ( 39 ) F’dawk l-ordinamenti ġuridiċi li r-regoli proċedurali tagħhom ma kinux preċedentement jeħtieġu tali stħarriġ.

    Top