This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0237
Opinion of Advocate General Richard de la Tour delivered on 14 July 2022.#Generalstaatsanwaltschaft München v S.M.#Request for a preliminary ruling from the Oberlandesgericht München.#Reference for a preliminary ruling – Citizenship of the European Union – Articles 18 and 21 TFEU – Request sent to a Member State by a third State for the extradition of a Union citizen who is a national of another Member State and who has exercised his right to free movement in the first of those Member States – Request made for the purpose of enforcing a custodial sentence – Prohibition on extradition applied solely to own nationals – Restriction of freedom of movement – Justification based on the prevention of impunity – Proportionality.#Case C-237/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Generalstaatsanwaltschaft München vs S.M.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri – Talba mressqa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
Kawża C-237/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-14 ta’ Lulju 2022.
Generalstaatsanwaltschaft München vs S.M.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht München.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba indirizzata lil Stat Membru minn Stat terz, intiża għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri – Talba mressqa għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità.
Kawża C-237/21.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:574
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
RICHARD DE LA TOUR
ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022 ( 1 )
Kawża C‑237/21
Generalstaatsanwaltschaft München
fil-preżenza ta’
S.M.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija – Stat Membru rikjest li jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bil-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat – Proporzjonalità – Obbligu ta’ estradizzjoni skont konvenzjoni internazzjonali”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE. Hija tressqet fil-kuntest ta’ talba għal estradizzjoni indirizzata mill-awtoritajiet tal-Bosnja‑Ħerzegovina lill-awtoritajiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fir-rigward ta’ S.M., ċittadin Serb, tal-Bosnja‑Ħerzegovina u Kroat, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. |
2. |
Din it-talba taqa’ fil-kuntest tal-ġurisprudenza mibdija mis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin ( 2 ), dwar l-estradizzjoni, lejn Stati terzi, ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi Stati Membri oħra tal-Unjoni minbarra f’dawk li tagħhom għandhom in-nazzjonalità, meta f’dawn l-Istati Membri teżisti regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħhom stess barra mill-Unjoni. Huwa possibbli li ssir distinzjoni fost il-kawżi li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja bejn, minn naħa, dawk relatati ma’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, li taw lok għas-sentenza Petruhhin u għas-sentenzi tal‑10 ta’ April 2018, Piscotti ( 3 ), tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija ( 4 ), tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) ( 5 ), kif ukoll għad-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner ( 6 ), u min-naħa l-oħra, dik li tirrigwardaw talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius ( 7 ). |
3. |
Permezz ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat fil-qasam tal-estradizzjoni dak li ddeċidiet fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk ( 8 ), jiġifieri li “ċ-ċittadinanza ta’ l-Unjoni hija intiża sabiex tkun l-istat fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, u tippermetti lil dawk li jkunu fl-istess sitwazzjoni jingħataw, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku” ( 9 ). Dan wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ li Stat Membru li ma jawtorizzax l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess jivverifika l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi għall-estradizzjoni meta tiġi indirizzata lilu talba għal estradizzjoni minn Stat terz li tirrigwarda ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkun uża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu. |
4. |
Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar kif għandha tinftiehem is-sentenza Raugevicius kif ukoll dwar kif din is-sentenza għandha tiġi rrikonċiljata mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957 ( 10 ). |
5. |
F’din l-aħħar sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni, imressqa minn Stat terz, ta’ ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, mhux għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, iżda tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, l-Istat Membru rikjest, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u li jipprevedi l-possibbiltà li tali piena mogħtija barra mill-pajjiż tiġi skontata fit-territorju tiegħu, għandu l-obbligu li jiżgura li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, fil-mument li dan iċ-ċittadin jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu, jirċievi trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu fil-qasam tal-estradizzjoni ( 11 ). |
6. |
Għandu jiġi ppreċiżat li fil-kawża li tat lok għas-sentenza Raugevicius, l-Istat Membru rikjest, jiġifieri il-Finlandja, kienet għamlet dikjarazzjoni fil-kuntest tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni li tippermettilha li tirrifjuta l-estradizzjoni mhux biss taċ-ċittadini tagħha stess, iżda wkoll ta’ ċittadini ta’ Stati oħra li jirrisjedu fit-territorju tagħha. Bid-differenza għar-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni li tillimita t-terminu “ċittadini”, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru biss. Hija din id-differenza fil-kuntest li tqajjem il-mistoqsija tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni f’din il-kawża tas-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Raugevicius, sa fejn, fid-dawl tal-portata limitata tad-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-kuntest tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, rifjut minn dan l-Istat Membru li jestradixxi ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu jista’ jidħol f’kunflitt ma’ din il-konvenzjoni. |
7. |
Sabiex tingħata risposta lil din id-domanda, f’dawn il-konklużjonijiet ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li s-sentenza Raugevicius ma għandhiex tinftiehem bħala li timponi fuq l-Istat Membru rikjest li jirrifjuta b’mod awtomatiku u assolut l-estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu, b’kontradizzjoni ma’ dak li timponi fuqu l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Fil-fatt, dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza jimplika pjuttost, fil-fehma tiegħi, li l-Istat Membru rikjest għandu, skont l-Artikoli 18 u 21 TFUE, jistabbilixxi b’mod attiv jekk teżistix miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza li minnu jibbenefika ċ-ċittadin tal-Unjoni suġġett ta’ talba għal estradizzjoni. Ladarba, minkejja l-passi meħuda mill-Istat Membru rikjest mal-Istat terz rikjedenti, ma tistax tinstab miżura alternattiva għall-estradizzjoni, dawn l-istess artikoli ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jiġu interpretati bħala li jipprekludu lill-Istat Membru rikjest milli jipproċedi bl-estradizzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni. |
II. Il‑kuntest ġuridiku
A. Il‑Konvenzjoni Ewropea dwar l‑Estradizzjoni
8. |
L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni jipprovdi: “Il-partijiet kontraenti għandhom jikkonsenjaw lil xulxin, skont ir-regoli u taħt il-kundizzjonijiet iddeterminati mill-artikoli segwenti, l-individwi suġġetti ta’ proċeduri minħabba reat jew rikjesta għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena jew miżura ta’ sigurtà mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-parti rikjedenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
9. |
L-Artikolu 6 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Estradizzjoni ta’ ċittadini”, jipprevedi: “1.
[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
10. |
Waqt il-preżentazzjoni tal-istrument ta’ ratifika, fit‑2 ta’ Ottubru 1976, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmija konvenzjoni, fit-termini segwenti: “L-estradizzjoni ta’ ċittadini Ġermaniżi, mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja lejn pajjiż barrani, hija prekluża mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(2) [tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland (il-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja) ( 12 ), tat‑23 ta’ Mejju 1949] u għalhekk għandha tkun irrifjutata fil-każijiet kollha. It-terminu ‘ċittadini’, fis-sens tal-Artikolu 6(1)[(b)] tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, jinkludi l-Ġermaniżi kollha fis-sens tal-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.” |
B. Id‑dritt Ġermaniż
1. Il‑Liġi Fundamentali tar‑Repubblika Federali tal‑Ġermanja
11. |
L-Artikolu 16(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jipprovdi: “Ebda Ġermaniż ma jista’ jiġi estradit lejn pajjiż barrani. Regola derogatorja tista’ tiġi stabbilita b’liġi għall-estradizzjoni lejn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew lejn qorti internazzjonali sakemm il-prinċipji tal-Istat tad-dritt ikunu ggarantiti.” |
12. |
L-Artikolu 116(1) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jistabbilixxi: “It-terminu ‘Ġermaniż’ fis-sens ta’ din il-liġi fundamentali, mingħajr ħsara għal kwalunkwe dispożizzjoni legali kuntrarja, ifisser kull min għandu ċittadinanza Ġermaniża jew li, bħala refuġjat jew persuna spostata li tappartjeni lill-poplu Ġermaniż jew bħala konjuġi jew dixxendent ta’ din tal-aħħar, ġiet aċċettata fit-territorju tal-Istat Ġermaniż skont il-fruntieri tiegħu tal‑31 ta’ Diċembru 1937.” |
2. Il‑Liġi dwar l‑Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali fil‑Qasam Kriminali
13. |
Il-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar l-Assistenza Ġudizzjarja Internazzjonali fil-Qasam Kriminali) ( 13 ), tat‑23 ta’ Diċembru 1982, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti ( 14 ), tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-assistenza ġudizzjarja għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi barranin fil-Ġermanja. |
14. |
L-Artikolu 48 tal-IRG jipprovdi: “L-assistenza ġudizzjarja tista’ tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ proċedura kriminali taħt il-forma tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ kwalunkwe sanzjoni oħra imposta f’pajjiż barrani permezz ta’ sentenza definittiva […]” |
15. |
Skont l-Artikolu 57(1) tal-IRG, l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja tal-piena mogħtija f’sentenza barranija tista’ titwettaq biss jekk u sa fejn l-Istat li jagħti l-kundanna jagħti l-kunsens tiegħu. |
III. Il‑fatti tal‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
16. |
Fil‑5 ta’ Novembru 2020, abbażi tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, l-awtoritajiet tal-Bosnja-Ħerzegovina talbu lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja testradixxi lil S.M. għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur imposta minħabba korruzzjoni minn sentenza tal-Qorti Muniċipali ta’ Bosanska Krupa (il-Bosnja‑Ħerzegovina), tal‑24 ta’ Marzu 2017. Il-qorti tar-rinviju tindika li l-awtoritajiet Kroati ġew informati mill-awtoritajiet Ġermaniżi b’din it-talba. |
17. |
S.M. huwa ċittadin Serb, tal-Bosnja‑Ħerzegovina u Kroat li ilu jgħix fil-Ġermanja mal-mara tiegħu sa mill‑2017. Ilu jaħdem hemm sa mit‑22 ta’ Mejju 2020 u nħeles wara li kien tqiegħed taħt arrest għal estradizzjoni. |
18. |
Il-Generalstaatsanwaltschaft München (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München, il-Ġermanja) talab, billi rrefera għas-sentenza Raugevicius, li l-estradizzjoni ta’ S.M. tiġi ddikjarata inammissibbli. |
19. |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-fondatezza ta’ din it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München tiddependi fuq il-punt dwar jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni anki jekk, fid-dawl tat-trattati internazzjonali, l-Istat Membru rikjest għandu jipproċedi bl-estradizzjoni tiegħu. |
20. |
Din il-qorti tqis li din il-kwistjoni ma ngħatatx tweġiba fis-sentenza Raugevicius, peress li fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, l-Istat Membru rikjest, jiġifieri r-Repubblika tal-Finlandja, kellha d-dritt, fir-rigward tal-Istati terzi, f’dan il-każ il-Federazzjoni Russa, li ma testradixxix il-persuna mfittxija. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Finlandja kellha, kif jipprovdi l-Artikolu 6(1)(a) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, il-fakultà li tirrifjuta l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha. Skont il-possibbiltà miftuħa mill-Artikolu 6(1)(b) ta’ din il-konvenzjoni, dan l-Istat Membru kien għażel li jiddefinixxi, fid-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni tiegħu tat‑12 ta’ Mejju 1971, it-terminu “ċittadini” fis-sens tal-imsemmija konvenzjoni, bħala li jfisser “iċ-ċittadini tal-Finlandja, tad-Danimarka, tal-Islanda, tan-Norveġja u tal-Isvezja kif ukoll il-barranin iddomiċiljati f’dawn l-Istati”. Peress li l-persuna mfittxija kienet taqa’ taħt din id-definizzjoni, ir-Repubblika tal-Finlandja setgħet tirrifjuta li testradixxi lil din il-persuna mingħajr ma tikser l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-trattati internazzjonali fir-rigward tal-Istati terzi li għamlu t-talba għal estradizzjoni. |
21. |
Issa, il-qorti tar-rinviju għandha quddiemha sitwazzjoni differenti fir-rigward tad-dritt internazzjonali. Fil-fatt, skont il-possibbiltà miftuħa mill-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, waqt il-preżentazzjoni tal-istrument ta’ ratifika tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 1976, għamlet dikjarazzjoni li tillimita t-terminu “ċittadini” għall-persuni li għandhom iċ-ċittadinanza Ġermaniża biss, mingħajr ma estendietu għall-persuni li għandhom ir-residenza permanenti tagħhom fit-territorju tagħha. |
22. |
Din il-qorti żżid li l-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni għall-finijiet tal-estradizzjoni ta’ S.M. huma ssodisfatti u ma jeżistix ostakolu għal din l-estradizzjoni. B’mod partikolari, l-imsemmija estradizzjoni u l-atti li fuqha hija bbażata josservaw ir-regoli minimi tad-dritt internazzjonali applikabbli fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u ma jiksrux il-prinċipji kostituzzjonali imperattivi jew il-livell imperattiv ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. |
23. |
Madankollu, l-imsemmija qorti għandha dubji dwar jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE jimponux li S.M. ma jiġix estradit lejn il-Bosnja‑Ħerzegovina, peress li din il-persuna ma taqax fil-kunċett ta’ “ċittadini”, fis-sens tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, u għalhekk jekk huwiex possibbli li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tapplika s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Raugevicius mingħajr ma tikser l-obbligi tagħha li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni fir-rigward tal-Bosnja‑Ħerzegovina. |
24. |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li eżekuzzjoni fil-Ġermanja tal-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Qorti Muniċipali ta’ Bosanska Krupa (il-Bosnja‑Ħerzegovina) hija possibbli. Peress li S.M. diġà jinsab fit-territorju Ġermaniż, il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kundannati ( 15 ), li kienet irratifikata kemm mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll mill-Bosnja‑Ħerzegovina, ma hijiex rilevanti. Għalhekk, din l-eżekuzzjoni hija rregolata mill-Artikoli 48 et seq. tal-IRG u ma teħtieġx la li l-persuna kkonċernata tkun ċittadina Ġermaniża u lanqas li hija tagħti l-kunsens tagħha. |
25. |
Madankollu, skont l-Artikolu 57(1) tal-IRG, l-eżekuzzjoni fil-Ġermanja tal-piena ta’ priġunerija mogħtija mill-Qorti Muniċipali ta’ Bosanska Krupa (il-Bosnja‑Ħerzegovina) hija possibbli biss jekk u sa fejn l-Istat terz tal-kundanna jagħti l-kunsens tiegħu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li dan ma huwiex il-każ, tal-inqas attwalment, peress li l-awtoritajiet tal-Bosnja‑Ħerzegovina talbu l-estradizzjoni ta’ S.M. u mhux li l-awtoritajiet Ġermaniżi jieħdu r-responsabbiltà tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fil-konfront ta’ dan tal-aħħar. |
26. |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Il-prinċipji stabbiliti fis-[sentenza Raugevicius] dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, jeżiġu li talba mressqa minn Stat terz għall-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena, abbażi tal-[Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni], tiġi miċħuda anki fil-każ li l-Istat Membru rikjest ikun marbut jestradixxi ċ-ċittadin tal-Unjoni abbażi ta’ din il-konvenzjoni fid-dawl tat-trattati internazzjonali, peress li jkun iddefinixxa t-terminu ‘ċittadini’ fl-Artikolu 6(1)(b) tal-[imsemmija] Konvenzjoni fis-sens li jirreferi għaċ-ċittadini tiegħu u mhux ukoll għal ċittadini oħra tal-Unjoni?” |
27. |
Il-Gvern Spanjol, Kroat, Litwan u Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Inżammet seduta fis‑26 ta’ April 2022, li matulha nstemgħu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali ta’ München, il-Gvern Ġermaniż, Ċek u Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni. |
IV. Analiżi
28. |
Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tas-sentenza tagħha Raugevicius f’sitwazzjoni fejn l-assenza ta’ estradizzjoni tal-persuna mitluba tkun, skont din l-istess qorti, kontradittorja għall-obbligu li l-Istat Membru rikjest għandu, skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, li jestradixxi lil din il-persuna. |
29. |
Din il-mistoqsija hija fil-parti l-kbira marbuta mad-differenza tal-kuntest bejn il-kawża li tat lok għas-sentenza Raugevicius u din il-kawża għal dak li jirrigwarda l-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Kif indikajt preċedentement, din id-differenza tirrigwarda d-definizzjoni tat-terminu “ċittadini”, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, li hija iktar restrittiva fil-kuntest ta’ din il-kawża, peress li hija limitata biss għall-persuni li għandhom ċittadinanza Ġermaniża, skont id-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-imsemmija konvenzjoni. Għalhekk, bid-differenza għal dak li kien il-każ fil-kawża li tat lok għas-sentenza Raugevicius, rifjut tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li testradixxi lil S.M. lejn il-Bosnja‑Ħerzegovina jista’ jkun kontradittorju għall-obbligi li l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni timponi fuq dan l-Istat Membru. |
30. |
Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, sabiex tingħata tweġiba għal talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz għall-eżekuzzjoni ta’ piena mogħtija f’dan l-Istat, iċ-ċittadini ta’ Stat Membru minbarra dawk tal-Istat Membru rikjest għandhom jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni minn dan tal-aħħar taċ-ċittadini tiegħu stess, u dan minkejja l-obbligu ta’ estradizzjoni li l-Istat Membru rikjest għandu skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. |
31. |
Minkejja li l-mistoqsija ta’ din il-qorti titlaq mill-premessa li tista’ teżisti inkompatibbiltà bejn il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni li użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi Stat Membru minbarra dak li tiegħu għandhom iċ-ċittadinanza u d-dikjarazzjoni magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, li tipprovdi li ċ-ċittadini Ġermaniżi biss jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra l-estradizzjoni, ser nuri, għall-kuntrarju, li ma teżisti ebda kontradizzjoni f’dan is-sens. |
32. |
Għal dan il-għan, ser infakkar kif il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tippermetti li ċ-ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jista’ jkun protett mill-estradizzjoni lejn Stat terz, ma stabbilixxietx dritt awtomatiku u assolut, għal dan iċ-ċittadin, li ma jiġix estradit ’il barra mit-territorju tal-Unjoni, iżda pjuttost stabbilixxiet obbligu, għall-Istat Membru rikjest, li jistabbilixxi b’mod attiv l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza li minnu jibbenefika l-imsemmi ċittadin meta dan ikun suġġett ta’ talba għal estradizzjoni. Ser nikkonkludi li l-partikolarità tad-dritt konvenzjonali, kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ma tqigħedx lill-Istat Membru rikjest f’inkonsistenza la fir-rigward tal-obbligu li jestradixxi lill-persuna kkundannata skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni u lanqas fir-rigward tal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Artikoli 18 u 21 TFUE, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
33. |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li fis-sentenza tagħha Petruhhin, li tirrigwarda, bħal f’din il-kawża, talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim dwar l-estradizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li minkejja li r-regoli fil-qasam ta’ estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri fl-assenza ta’ tali ftehim, is-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, kif mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE ( 16 ). |
34. |
Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċittadin ta’ Stat Membru, li għandu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li juża d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 17 ). Għalhekk, minħabba l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru b’residenza fi Stat Membru ieħor għandu d-dritt jinvoka l-Artikolu 21(1) TFUE u jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE, li jinkludi l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità ( 18 ). |
35. |
Din il-konstatazzjoni bl-ebda mod ma hija affettwata mill-fatt li l-persuna mitluba għandha wkoll in-nazzjonalità tal-Istat terz li jitlob l-estradizzjoni tagħha ( 19 ). |
36. |
Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrizulta li r-regoli nazzjonali ta’ estradizzjoni ta’ Stat Membru li jintroduċu differenza fit-trattament skont jekk il-persuna mitluba tkunx ċittadina ta’ dan l-Istat Membru jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor, sa fejn dawn iwasslu sabiex ma jagħtux liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istat Membru rikjest il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni li minnha jgawdu iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, jistgħu jaffettwaw id-dritt tal-ewwel ċittadini tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri ( 20 ). Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament li tikkonsisti fil-fatt li tiġi permessa l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru rikjest, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE ( 21 ). |
37. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament imfittex mid-dritt nazzjonali ( 22 ). |
38. |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat għandu jitqies li huwa leġittimu fid-dritt tal-Unjoni u jippermetti li tiġi ġġustifikata miżura restrittiva ta’ libertà fundamentali, bħal dik prevista fl-Artikolu 21 TFUE, bil-kundizzjoni li din il-miżura tkun neċessarja għall-protezzjoni tal-interessi li tixtieq tiggarantixxi u biss sa fejn dawn l-għanijiet ma jkunux jistgħu jintlaħqu permezz ta’ miżuri inqas restrittivi ( 23 ). |
39. |
Minkejja li huwa possibbli li ssir distinzjoni fost il-kawżi sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja bejn dawk li jirrigwardaw talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali u dawk li jirrigwardaw talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, madankollu, is-sentenzi kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja huma mmarkati minn fattur komuni, jiġifieri l-istabbiliment ta’ obbligu fuq l-Istat Membru rikjest li jivverifika l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza taċ-ċittadin tal-Unjoni mitlub, qabel ma jkun jista’, fin-nuqqas ta’ tali miżura, jipproċedi bl-estradizzjoni ta’ dan tal-aħħar. |
40. |
Għalhekk, fir-rigward ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka li jeżistu fil-qasam kriminali bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, miżura alternattiva li tippreġudika inqas id-dritt ta’ moviment liberu mill-estradizzjoni lejn Stat terz li miegħu l-Unjoni ma kkonkludietx ftehim dwar l-estradizzjoni u li tippermetti għalhekk li l-għan tal-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuna li tkun wettqet reat kriminali, jintlaħaq b’mod daqstant ieħor effettiv ( 24 ). |
41. |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandu jingħata privileġġ lill-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità bil-għan, jekk ikun il-każ, li tingħata lill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-opportunità li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali. Dan huwa dak li ġie maqbul li jissejjaħ il-“mekkaniżmu Petruhhin”. Għalhekk, meta Stat Membru ieħor, li fih din il-persuna tirrisjedi legalment, jiġi indirizzat talba għal estradizzjoni minn Stat terz, huwa għandu jinforma lill-Istat Membru li tiegħu l-imsemmija persuna għandha n-nazzjonalità, u jekk ikun il-każ, fuq talba tiegħu, jikkonsenjalu lil din l-istess persuna, skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri ( 25 ), kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 ( 26 ). |
42. |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà li l-“mekkaniżmu Petruhhin” jostakola talba għal estradizzjoni lejn Stat terz billi jagħti prijorità lil mandat ta’ arrest Ewropew ma hijiex ta’ natura awtomatika ( 27 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja takkumpanja dan il-mekkaniżmu b’ċertu numru ta’ kundizzjonijiet u ta’ limiti intiżi sabiex jiżguraw li l-implimentazzjoni tiegħu ma tippreġudikax l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuni li wettqu reat. |
43. |
Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li sabiex jiġi ppreżervat dan l-għan, l-implimentazzjoni tal-“mekkaniżmu Petruhhin” tippreżupponi li l-Istat Membru li tiegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni suġġett ta’ talba għal estradizzjoni huwa ċittadin, ikollu ġurisdizzjoni, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, li jressaq proċeduri kriminali kontra din il-persuna għal fatti mwettqa barra mit-territorju nazzjonali tiegħu ( 28 ). Barra minn hekk, il-mandat ta’ arrest Ewropew eventwalment maħruġ mill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, għandu jirrigwarda tal-inqas l-istess fatti bħal dawk li l-imsemmija persuna hija akkużata bihom fit-talba għal estradizzjoni ( 29 ). Barra minn hekk, bil-kundizzjoni li l-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, ikun informat mill-Istat Membru rikjest bl-elementi kollha ta’ liġi u ta’ fatt ikkomunikati mill-Istat terz rikjedenti fil-kuntest tat-talba għal estradizzjoni, l-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’terminu raġonevoli mill-ewwel minn dawn l-Istati Membri tista’ tirrendi possibbli l-estradizzjoni ta’ din il-persuna mit-tieni ( 30 ). |
44. |
Għalhekk, l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma jipprekludux li l-Istat Membru rikjest jistabbilixxi distinzjoni abbażi ta’ regola ta’ dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u li huwa jawtorizza l-estradizzjoni ta’ dawn tal-aħħar għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, minkejja li ma jippermettix l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, sakemm huwa jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens ( 31 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħolqitx mekkaniżmu li jippermetti lill-Istat Membru rikjest jirrifjuta, fi kwalunkwe ċirkustanza, li ċ-ċittadin tal-Unjoni, li jkun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu, jiġi estradit lejn Stat terz għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, iżda żviluppat ir-rekwiżit li dan l-Istat Membru jikkoopera b’mod effettiv mal-Istat Membru ta’ oriġini ta’ dan iċ-ċittadin sabiex dan tal-aħħar jitqiegħed f’pożizzjoni li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew. |
45. |
Fil-qosor, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Tanchev, fis-sentenza Petruhhin, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat “id-disponibbiltà ta’ alternattiva li tagħti garanziji kontra l-impunità sal-istess grad jew sa grad simili bħall-estradizzjoni” ( 32 ). Għalhekk, il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni li ċittadin tal-Unjoni li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fl-Istat Membru rikjest jista’ jislet mill-Artikoli 18 u 21 TFUE, tapplika biss sa fejn dan l-Istat Membru jista’ jikkonstata l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni li tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv bħall-estradizzjoni l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ persuni li wettqu reat. Jekk tali miżura tkun nieqsa, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax jipprekludi l-estradizzjoni taċ-ċittadin tal-Unjoni mitlub. |
46. |
Il-loġika li l-Istat Membru rikjest ifittex l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni li tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv bħall-estradizzjoni l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat għandha, fil-fehma tiegħi, tkun l-istess meta tkun inkwistjoni talba għal estradizzjoni mhux għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, iżda għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Fil-fehma tiegħi, dan għandu jwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-portata tas-sentenza tagħha Raugevicius li, sal-lum, hija l-unika li tirrigwarda talba għal estradizzjoni li tappartjeni lil din l-aħħar kategorija. |
47. |
Fil-fatt, dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari juri li l-eżistenza ta’ tensjoni eventwali bejn id-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali hija bbażata fuq qari tas-sentenza Raugevicius li minnu jirriżulta li ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest għandu b’mod awtomatiku u assolut jibbenefika mill-istess protezzjoni kontra l-estradizzjoni bħal dik li minnha jibbenefikaw iċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru. Madankollu, dan il-qari tas-sentenza Raugevicius jidhirli li huwa żbaljat, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat il-protezzjoni kontra l-estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali li għandha tingħata lil ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest għall-kundizzjoni li dan iċ-ċittadin jista’ jiskonta l-piena tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u dan sabiex ma jiġix ippreġudikat l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna mitluba. |
48. |
Fil-fatt, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja telqet mill-konstatazzjoni li, preżunt li D. Raugevicius jista’ jitqies bħala ċittadin barrani li jirrisjedi b’mod permanenti fil-Finlandja, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fuq l-eżekuzzjoni ta’ ċerti sanzjonijiet kriminali ( 33 ), minn din il-leġiżlazzjoni jirriżulta li D. Raugevicius jista’ jiskonta fit-territorju Finlandiż il-piena li għaliha kien ikkundannat fir-Russja, sa fejn dan l-aħħar Stat kif ukoll D. Raugevicius innifsu jagħtu l-kunsens tagħhom ( 34 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ukoll li, fid-dawl tal-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità, iċ-ċittadini Finlandiżi, minn naħa, u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li b’hekk juru livell ta’ integrazzjoni ċerta fis-soċjetà ta’ dan l-Istat, min-naħa l-oħra, jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ( 35 ). |
49. |
Huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad iddeċidiet li l-Artikoli 18 u 21 TFUE jeħtieġu li ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja u li huma s-suġġett ta’ talba għal estradizzjoni minn Stat terz, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, jibbenefikaw mir-regola li tipprojbixxi l-estradizzjoni applikata għaċ-ċittadini Finlandiżi, u jkunu jistgħu, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawn tal-aħħar, jiskontaw il-piena tagħhom fit-territorju Finlandiż ( 36 ). Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fil-Finlandja jippreżentaw livell tali ta’ integrazzjoni f’dan l-Istat Membru ta’ akkoljenza li għandhom dritt jibbenefikaw, l-istess bħaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru, mir-regola li tippermetti lil dawn tal-aħħar jiskontaw il-piena tagħhom mogħtija fi Stat terz fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ( 37 ). |
50. |
Barra minn hekk, mis-sentenza Raugevicius jirriżulta li meta tkun inkwistjoni talba għal estradizzjoni mressqa minn Stat terz għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija, il-miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fl-Istat Membru rikjest, tikkonsisti fil-possibbiltà li din il-piena tiġi eżegwita fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. B’dan il-mod, l-għan li tiġi inċentivata r-reintegrazzjoni soċjali tal-persuni kkundannati wara li l-piena tagħhom tkun ġiet eżegwita jingħaqad mal-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minbarra l-Istat Membru rikjest. F’dan ir-rigward, nirrileva li fid-dispożittiv tas-sentenza tagħha Raugevicius, il-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-eżistenza ta’ obbligu tal-Istat Membru rikjest li jiżgura, skont l-Artikoli 18 u 21 TFUE, lil ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu trattament identiku għal dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu stess fil-qasam tal-estradizzjoni, għall-kundizzjoni li dan l-Istat Membru jipprovdi l-possibbiltà li piena ta’ priġunerija mogħtija fi Stat terz tiġi skontata fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ( 38 ). |
51. |
Peress li, kif kien il-każ tad-dritt Finlandiż, id-dritt tal-Istat Membru rikjest jissuġġetta l-eżekuzzjoni fit-territorju tiegħu tal-piena ta’ priġunerija mogħtija fl-Istat terz rikjedenti għall-kisba tal-kunsens ta’ dan l-Istat terz, l-eżistenza ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuni li wettqu reat ma tistax tiġi kkonstatata ħlief bil-kundizzjoni li l-imsemmi Stat terz jagħti effettivament tali kunsens. Is-soluzzjoni sostnuta mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Raugevicius għandha għalhekk, fil-fehma tiegħi, tinftiehem bħala li tinkludi intrinsikament u neċessarjament tali kundizzjoni sabiex l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità tal-persuna mitluba jkun jista’ jintlaħaq b’mod reali u effettiv. |
52. |
F’din il-perspettiva, għandu jiġi ppreċiżat li l-Istat Membru rikjest li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu stess kontra l-estradizzjoni ma jistax jibqa’ passiv meta jiġi indirizzat b’talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tirrigwarda ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu. Ladarba d-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jipprovdi l-possibbiltà li piena ta’ priġunerija mogħtija minn Stat terz tiġi skontata fit-territorju tiegħu bil-kundizzjoni li dan l-Istat terz jagħti l-kunsens tiegħu, l-Artikoli 18 u 21 TFUE jimponu lill-Istat Membru rikjest li jfittex b’mod attiv il-kunsens tal-imsemmi Stat terz billi juża għal dan il-għan il-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam kriminali li huwa għandu fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ dan l-istess Stat terz. |
53. |
Jekk, minkejja l-implimentazzjoni ta’ dawn il-mekkaniżmi, l-Istat terz rikjedenti ma jagħtix il-kunsens tiegħu sabiex il-piena ta’ priġunerija inkwistjoni tiġi skontata fit-territorju tal-Istat Membru rikjest, l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma jipprekludux imbagħad li dan l-Istat Membru jipproċedi bl-estradizzjoni tal-persuna mitluba, b’konformità mal-obbligi li għandu skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni ( 39 ). |
54. |
Għalhekk, l-obbligu li l-Artikoli 18 u 21 TFUE jimponu fuq l-Istat Membru rikjest li jiżgura lil ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu trattament identiku għal dak li minnu jibbenefikaw iċ-ċittadini tiegħu stess fil-qasam tal-protezzjoni kontra l-estradizzjoni, isib il-limitu tiegħu meta, fin-nuqqas ta’ kunsens min-naħa tal-Istat terz rikjedenti, il-piena ta’ priġunerija li ngħatat minn dan l-Istat terz ma tkunx tista’ tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. Id-differenza fit-trattament li tirriżulta bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ċittadini hija, f’dan il-każ, iġġustifikata mill-għan tal-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuni li wettqu reat. |
55. |
Tali soluzzjoni hija ta’ natura li tevita li l-obbligi li għandu l-Istat Membru rikjest skont id-dritt tal-Unjoni jidħlu f’kunflitt ma’ dawk li dan l-istess Stat Membru għandu skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. Fil-fatt, fil-każ fejn l-Istat terz rikjedenti jagħti l-kunsens tiegħu sabiex il-piena ta’ priġunerija inkwistjoni tiġi eżegwita fit-territorju tal-Istat Membru rikjest it-talba għal estradizzjoni li huwa jkun għamel taqa’. Fil-każ kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Istat Membru rikjest jipproċedi bl-estradizzjoni tal-persuna mitluba wara li jkun fittex b’mod attiv il-kunsens tal-Istat terz rikjedenti ( 40 ). Għalhekk, din is-soluzzjoni tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni internazzjonali effettiva u bbażata fuq rabta ta’ fiduċja mal-Istati terzi fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità. |
56. |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ analiżi li għandu jiġi ddeterminat jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhiex, skont id-dritt tal-Unjoni, tirrifjuta l-estradizzjoni ta’ S.M. lejn il-Bosnja‑Ħerzegovina, minkejja li ma għandhiex il-possibbiltà li tipprekludi tali rifjut lil dan l-Istat terz skont l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni. |
57. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-eżekuzzjoni fit-territorju Ġermaniż tal-piena mogħtija fil-Bosnja‑Ħerzegovina fil-konfront ta’ S.M. tidher prevista mid-dritt Ġermaniż ( 41 ). Fil-fatt, mill-Artikolu 48 u mill-Artikolu 57(1) tal-IRG jirriżulta li piena mogħtija f’pajjiż barrani tista’ tiġi eżegwita fit-territorju Ġermaniż jekk l-Istat terz li fih ingħatat din il-piena jagħti l-kunsens tiegħu. Għalhekk, S.M. jista’ jiskonta fit-territorju Ġermaniż il-piena li għaliha ġie kkundannat fil-Bosnja‑Ħerzegovina, sakemm dan l-aħħar Stat jagħti l-kunsens tiegħu. |
58. |
L-applikazzjoni ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċiżżju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ S.M., hija għalhekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ikkundizzjonata mill-kisba tal-kunsens tal-Bosnja‑Ħerzegovina. |
59. |
L-Artikoli 18 u 21 TFUE jimponu fuq l-awtoritajiet kompetenti l-obbligu li jużaw il-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam kriminali li huma għandhom fil-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom ma’ dan l-Istat terz sabiex jiksbu l-kunsens ta’ dan tal-aħħar sabiex il-piena ta’ priġunerija mogħtija fl-imsemmi Stat terz tiġi eżegwita fit-territorju Ġermaniż. B’hekk, dawn l-awtoritajiet jaġixxu b’mod li jippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ S.M., filwaqt li jevitaw, sa fejn huwa possibbli, ir-riskju li, fin-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ din il-piena, ir-reat li ta lok għall-kundanna inkwistjoni jibqa’ mhux issanzjonat ( 42 ). L-imsemmija awtoritajiet jinċentivaw, fl-istess waqt, l-għan ta’ reintegrazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata wara li hija tkun eżegwiet il-piena tagħha ( 43 ). |
60. |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, jekk il-Bosnja‑Ħerzegovina tagħti l-kunsens tagħha sabiex il-piena mogħtija fil-konfront ta’ S.M. tiġi eżegwita fit-territorju Ġermaniż, it-talba għal estradizzjoni inizjali taqa’ u tiġi ssostitwita minn talba għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena fit-territorju Ġermaniż. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tibqax obbligata, skont il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, li tipproċedi bl-estradizzjoni ta’ S.M. lejn il-Bosnja‑Ħerzegovina. |
61. |
Jekk, għall-kuntrarju, il-Bosnja‑Ħerzegovina ma tagħtix il-kunsens tagħha sabiex il-piena mogħtija fil-konfront ta’ S.M. tiġi eżegwita fit-territorju Ġermaniż, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jkollhom ebda miżura alternattiva għall-estradizzjoni li tippermetti li jintlaħaq b’mod daqstant effettiv l-għan li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma jipprekludux li S.M. jiġi estradit lejn dan l-Istat terz, b’konformità ma’ dak li tipprovdi l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni ( 44 ). |
62. |
Finalment, nippreċiża li l-Artikoli 18 u 21 TFUE ma għandhomx, fil-fehma tiegħi, jiġu interpretati b’tali mod li t-tfittxija mill-Istat Membru rikjest ta’ miżura alternattiva għall-estradizzjoni, li tippreġudika inqas l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, twassal sabiex iġġiegħel lil dan l-Istat Membru jimmodifika d-dikjarazzjoni li huwa għamel skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, b’mod li ċ-ċittadini ta’ Stat Membri oħra li jirrisjedu b’mod permanenti fl-imsemmi Stat Membru jibbenefikaw fil-każijiet kollha mill-istess protezzjoni bħal dik mogħtija liċ-ċittadini tiegħu. Id-dibattiti li seħħew quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wrew ukoll li l-possibbiltà ta’ tali modifika tidher ġuridikament dubjuża ( 45 ). Barra minn hekk, kif diġà indikajt preċedentement, ma jidhirlix li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikoli 18 u 21 TFUE bħala li jimponu fuq l-Istat Membru rikjest l-obbligu li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu kontra l-estradizzjoni li jiżgura b’mod awtomatiku u assolut tali protezzjoni liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dawn l-artikoli bħala li jobbligaw lill-Istat Membru rikjest juża l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam kriminali li huwa għandu, skont jekk hijiex talba għal estradizzjoni għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jew għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena, mal-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità jew mal-Istat terz rikjedenti, sabiex ifittex b’mod attiv jekk teżistix miżura alternattiva għall-estradizzjoni li tippermetti li jiġi żgurat b’mod daqstant effettiv l-għan li tiġi evitata l-impunità tal-persuna mitluba. |
V. Konklużjoni
63. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) kif ġej: L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li, fil-preżenza ta’ talba għal estradizzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tal-Istat Membru rikjest, dan l-Istat Membru, li d-dritt nazzjonali tiegħu jipprojbixxi l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu barra mill-Unjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena u jipprovdi l-possibbiltà li tali piena mogħtija f’pajjiż barrani tiġi skontata fit-territorju tiegħu bil-kundizzjoni li l-Istat terz rikjedenti jagħti l-kunsens tiegħu, jipproċedi bl-estradizzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, skont l-obbligi li huwa għandu b’applikazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali, ladarba ma jkunx jista’ jieħu responsabbiltà tal-eżekuzzjoni ta’ din il-piena b’mod effettiv. Għalhekk, l-Istat Membru rikjest jista’ jipproċedi b’din l-estradizzjoni biss meta, wara li jkun issodisfa l-obbligu, impost fuqu mill-Artikoli 18 u 21 TFUE, li jfittex b’mod attiv il-kunsens tal-Istat terz rikjedenti billi juża għal dan il-għan il-mekkaniżmi kollha ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza fil-qasam kriminali li huwa għandu fil-kuntest tar-relazzjonijiet tiegħu ma’ dan l-Istat terz, dan ma jagħtix il-kunsens tiegħu sabiex il-piena inkwistjoni tiġi skontata fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) C‑182/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Petruhhin, EU:C:2016:630.
( 3 ) C‑191/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Piscotti, EU:C:2018:222.
( 4 ) C‑897/19 PPU, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ruska Federacija, EU:C:2020:262.
( 5 ) C‑398/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina), EU:C:2020:1032.
( 6 ) C‑473/15, EU:C:2017:633.
( 7 ) C‑247/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Raugevicius, EU:C:2018:898.
( 8 ) C‑184/99, EU:C:2001:458.
( 9 ) Punt 31 ta’ din is-sentenza.
( 10 ) Iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni”.
( 11 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 50 u d-dispożittiv).
( 12 ) BGBl 1949 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja”.
( 13 ) BGBl. 1982 I, p. 2071.
( 14 ) Fil-verżjoni ppubblikata fis‑27 ta’ Ġunju 1994 (BGBI. 1994 I, p. 1537), emendata fl-aħħar lok bl-Artikolu 1 tal-Liġi tat‑23 ta’ Novembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 2474), iktar ’il quddiem l-“IRG”.
( 15 ) Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kundannati, miftuħa għall-firem fil‑21 ta’ Marzu 1983 fi Strasbourg, STE Nru 112.
( 16 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Petruhhin (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 28).
( 17 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Extradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Extradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Extradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 20 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Raugevicius (punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Raugevicius (punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Raugevicius (punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 23 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Raugevicius (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 24 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Ruska Federacija (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45.
( 26 ) ĠU 2009, L 81, p. 24. Ara wkoll, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Pisciotti (punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ggwidata mill-volontà tagħha “li tevita paradoss, jiġifieri li l-konsolidazzjoni taż-żona kriminali Ewropea tmur id f’id mat-tisħiħ tal-impunità, filwaqt li kif kien enfasizzat fis-sentenza Petruhhin [punti 36 u 37], l-Unjoni toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda l-kontrolli tal-fruntieri esterni, kif ukoll il-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontra dan il-fenomenu”: ara Lenaerts, K., “L’extradition d’un citoyen de l’Union européenne vers un pays tiers à l’heure de la consolidation de l’espace pénal européen”, Sa Justice – L’Espace de Liberté, de Sécurité et de Justice – Liber amicorum en hommage à Yves Bot, Bruylant, Brussell, 2022, p. 383 u 384.
( 30 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (Estradizzjoni lejn l-Ukraina) (punti 53 sa 55). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fl-assenza ta’ ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew mill-Istat Membru li tiegħu l-persuna mitluba għandha n-nazzjonalità, l-Istat Membru rikjest jista’ jipproċedi bl-estradizzjoni tagħha, dan madankollu bil-kundizzjoni li jkun ivverifika minn qabel, kif teħtieġ il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li din l-estradizzjoni ma tkunx ser tippreġudika d-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (punt 45 ta’ din is-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara s-sentenza Pisciotti (punt 56).
( 32 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:128, punt 100).
( 33 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 41).
( 34 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 42).
( 35 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 46). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħalliet f’idejn il-qorti tar-rinviju sabiex tivverifika li D. Raugevicius kien jaqa’ f’din il-kategorija ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra. Fil-fehma tiegħi, l-istess għandu japplika fir-rigward tal-punt dwar jekk, f’din il-kawża, S.M. jistax jitqies bħala residenti b’mod permanenti fil-Ġermanja.
( 36 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 47).
( 37 ) Ara Lenaerts, K., “L’extradition d’un citoyen de l’Union européenne vers un pays tiers à l’heure de la consolidation de l’espace pénal européen”, Sa Justice – L’Espace de Liberté, de Sécurité et de Justice – Liber amicorum en hommage à Yves Bot, Bruylant, Brussell, 2022, p. 386.
( 38 ) Ara s-sentenza Raugevicius (punt 50 u d-dispożittiv).
( 39 ) Infakkar li dan jippreżupponi li l-Istat Membru rikjest ikun ivverifika preliminarjament li din l-estradizzjoni ma tippreġudikax id-drittijiet previsti fl-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.
( 40 ) Peress li s-soluzzjoni li nissuġġerixxi donnha hija ta’ natura li tinnewtralizza inkompatibbiltà bejn id-dritt tal-Unjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, l-Artikolu 351 TFUE, minkejja li kien invokat waqt is-seduta, ma jidhirlix li huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għal din id-domanda preliminari.
( 41 ) Infakkar li skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn S.M diġà jinsab fit-territorju Ġermaniż, il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment tal-Persuni Kkundannati ma hijiex rilevanti.
( 42 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:616, punt 82).
( 43 ) Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-reintegrazzjoni soċjali taċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru fejn huwa ġenwinament integrat hija fl-interess mhux biss ta’ dan tal-aħħar, iżda wkoll tal-Unjoni b’mod ġenerali: ara b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, B u Vomero (C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 44 ) F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-dawl tad-differenza tal-kontenut tad-dikjarazzjoni li saret mir-Repubblika tal-Finlandja u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont l-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni tat-terminu “ċittadini”, fis-sens ta’ din il-konvenzjoni, dan l-aħħar Stat Membru ma għandux il-marġni ta’ manuvra li għandu l-ewwel Stat Membru għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jirrifjuta l-estradizzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi b’mod permanenti fit-territorju tiegħu.
( 45 ) Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni jirriżulta li d-dikjarazzjoni ssir fil-mument tal-iffirmar jew tal-preżentazzjoni tal-istrument ta’ ratifika jew adeżjoni, mingħajr ma hija prevista modifika ta’ din id-dikjarazzjoni fi stadju ulterjuri. Barra minn hekk, il-modifika tal-imsemmija dikjarazzjoni sabiex tiġi estiża l-protezzjoni kontra l-estradizzjoni għal kategoriji ta’ persuni oħra minbarra ċ-ċittadini tal-Istat inkwistjoni tista’ tmur kontra l-għan imfittex mill-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni.