EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0204

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.


Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:991

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

Kawża C‑204/21

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Artikolu 258 TFUE – Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-imħallfin – Protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 267 TFUE – Stħarriġ tal-konformità mar-rekwiżit tal-Unjoni li qorti tkun indipendenti u imparzjali – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) – Indipendenza tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Dritt għar-rispett tal-ħajja privata – Dritt għall-protezzjoni tad-data personali – Regolament (UE) 2016/679”

Werrej

 

I. Il-portata tar-rikors

 

II. Il‑kuntest ġuridiku – Id‑dritt Pollakk

 

A. Il-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema

 

B. Il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

 

C. Il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi

 

D. Il-Liġi Emendatorja – Dispożizzjonijiet Tranżitorji

 

III. Il-proċedura prekontenzjuża

 

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V. Il-kuntest ġuridiku

 

VI. Analiżi ġuridika

 

A. It-tieni ilment – Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja biex teżamina lmenti u kwistjonijiet ta’ dritt dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Ammissibbiltà

 

b) Fil-mertu

 

B. L-ewwel ilment – Il-projbizzjoni fuq il-qrati nazzjonali li jistħarrġu l-konformità mar-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Ammissibbiltà

 

b) Fil-mertu

 

1) Rimarki preliminari – Il-portata tal-ewwel u t-tieni lment tal-Kummissjoni

 

2) Id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi

 

C. It-tielet ilment – L-eżami ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi isir meqjus bħala reat dixxiplinari

 

1. L‑argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

a) Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tat-tieni u t-tielet ilment tal-Kummissjoni

 

b) Proċeduri dixxiplinari

 

D. Ir-raba’ lment – Il-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari biex tisma’ u tiddetermina kawżi li jkollhom impatt dirett fuq l-istatus tal-imħallfin u l-imħallfin apprendisti u t-twettiq tal-kariga tagħhom

 

1. L-argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

E. Il-ħames ilment – Ksur tad-dritt fundamentali tal-imħallfin għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

 

1. L‑argumenti tal-partijiet

 

2. Evalwazzjoni

 

VII. Fuq l-ispejjeż

 

VIII. Konklużjoni

I. Il-portata tar-rikors

1.

Dan ir-rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE jirriżulta mill-promulgazzjoni fl‑20 ta’ Diċembru 2019 tal-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u ċerti liġijiet oħra) ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”) mir-Repubblika tal-Polonja. Essenzjalment, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Emendatorja jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 267 TFUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2.

Ir-rikors tal-Kummissjoni jikkonsisti f’ħames ilmenti.

3.

L-ewwel tliet ilmenti, li huma konnessi, jallegaw li l-Liġi Emendatorja tillimita jew teskludi l-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tiżgura li individwi li jinvokaw drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea jkollhom aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, u għalhekk tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 267 TFUE. L-ewwel żewġ ilmenti jsostnu wkoll li l-Liġi Emendatorja tikser il-prinċipju ta’ supremazija. F’każijiet li għandhom x’jaqsmu mal-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw ir-rispett tad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Meta jiġi allegat li dan id-dritt ġie miksur, l-individwi għandhom, bħala prinċipju, ikunu jistgħu jressqu dan l-ilment quddiem qorti nazzjonali. Minn dan isegwi li, f’kawżi li jinvolvu drittijiet individwali fid-dritt tal-Unjoni, kwalunkwe qorti nazzjonali għandha tkun tista’ tivverifika jekk kienx hemm ksur tad-dritt tal-individwi li l-kawża tagħhom tinstema’ minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Kwalunkwe limitazzjoni jew esklużjoni tal-possibbiltà għal qorti nazzjonali li tissodisfa lilha nnifisha li individwi li jinvokaw drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jkollhom aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi tikkostitwixxi ksur tal-obbligi maħluqa mid-dispożizzjonijiet imsemmija qabel. ( 4 )

4.

Ir-raba’ lment jirrigwarda l-ġurisdizzjoni li l-Liġi Emendatorja tat lill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja; iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema”) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) dwar kwistjonijiet relatati mal-istatus tal-imħallfin. Il-Kummissjoni ssostni li peress li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax l-istandards meħtieġa ta’ indipendenza u imparzjalità ġudizzjarja, il-liġi inkwistjoni taffettwa l-indipendenza tal-imħallfin li l-istatus tagħhom huwa suġġett għal stħarriġ mill-Awla Dixxiplinari u għalhekk tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

5.

Il-ħames ilment jirrigwarda l-obbligu li l-Liġi Emendatorja timponi fuq l-imħallfin li jipprovdu informazzjoni dwar l-attivitajiet pubbliċi u soċjali tagħhom f’assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, inkluża s-sħubija f’partit politiku, qabel il-ħatra tagħhom, u l-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-obbligi huma sproporzjonati u jiksru d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

II. Il‑kuntest ġuridiku – Id‑dritt Pollakk

A. Il-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema

6.

L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ( 5 ) stabbilixxiet żewġ awli ġodda fi ħdan il-Qorti Suprema: l-Awla Dixxiplinari u l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi; iktar ’il quddiem l-“Awla Straordinarja”).

7.

Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, il-Liġi Emendatorja emendat il-Liġi dwar il-Qorti Suprema billi daħħlet il-paragrafi 2 sa 6 fl-Artikolu 26, il-punt 1a fl-Artikolu 27(1), il-paragrafu 3 fl-Artikolu 45, il-paragrafi 2 sa 5 fl‑Artikolu 82 u biddlet l-Artikolu 29 u l-Artikolu 72(1).

8.

L-Artikolu 26(2) sa (6) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprovdi:

“2.   L-[Awla Straordinarja] għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ talbiet jew dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw l-esklużjoni ta’ mħallef jew id-deżinjazzjoni tal-qorti li quddiemha jridu jitmexxew il-proċeduri, inklużi lmenti li jallegaw nuqqas ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti li tittratta l-każ għandha tressaq talba minnufih lill-President tal-[Awla Straordinarja] sabiex il-kawża tkun tista’ tiġi ttrattata skont ir-regoli stabbiliti f’dispożizzjonijiet separati. It-tressiq ta’ talba lill-President tal-[Awla Straordinarja] ma għandux iwaqqaf il-proċeduri li jkunu għaddejjin.

3.   It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk tikkonċerna l-istabbiliment jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità tiegħu biex iwettaq funzjonijiet ġudizzjarji.

4.   L-[Awla Straordinarja] għandu jkollha ġurisdizzjoni biex tisma’ rikorsi għal dikjarazzjoni li sentenzi finali tal-[Qorti Suprema], il-qrati ordinarji, il-qrati militari u l-qrati amministrattivi, inklużi n-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja)], huma illegali, jekk l-illegalità tikkonsisti f’li jiġi kkontestat l-istatus tal-persuna maħtura għal kariga ġudizzjarja li ddeċidiet fil-kawża.

5.   Id-dispożizzjonijiet relatati ma’ konstatazzjoni li sentenza finali hija illegali għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-proċeduri fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u d-dispożizzjonijiet relatati mal-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri ġudizzjarji magħluqa b’sentenza finali għandhom japplikaw għal każijiet kriminali. Ma għandux ikun meħtieġ li tiġi stabbilita l-probabbiltà jew l-okkorrenza ta’ ħsara kkawżata mill-għoti tas-sentenza li tifforma s-suġġett tal-azzjoni.

6.   Rikors għal dikjarazzjoni li sentenza finali hija illegali, imsemmija fil-paragrafu 4, jista’ jiġi ppreżentat quddiem l-[Awla Straordinarja] mingħajr ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti li tat is-sentenza kkontestata, anki meta parti ma tkunx eżawriet ir-rimedji disponibbli, inkluż rikors straordinarju quddiem il-[Qorti Suprema].”

9.

L-Artikolu 27(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprovdi:

“Il-każijiet li ġejjin għandhom jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

[…]

(1a)

każijiet relatati mal-awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin, imħallfin apprendisti, prosekuturi u prosekuturi assoċjati jew biex jitqiegħdu f’detenzjoni provviżorja.

(2)

kawżi relatati mad-dritt tal-impjiegi u tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw lill-imħallfin tal-[Qorti Suprema];

(3)

kawżi relatati mal-irtirar obbligatorju ta’ mħallef tal-[Qorti Suprema].”

10.

L-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jgħid:

“2.   Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-[Qorti Suprema] jew tal-korpi tagħha, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità tal-qrati, il-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew il-korpi responsabbli għall-istħarriġ u l-protezzjoni tal-liġi.

3.   Il-[Qorti Suprema] jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji li tirriżulta minn din il-ħatra.”

11.

L-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprovdi:

“Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 88a tal-[Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] għandha tiġi ppreżentata mill-imħallfin tal-[Qorti Suprema] lill-Ewwel President tal-[Qorti Suprema], u mill-Ewwel President tal-[Qorti Suprema] lill-[Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura; iktar ’il quddiem ‘il-KRS’)]”.

12.

Permezz tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema:

“Imħallef tal-[Qorti Suprema] għandu jkun responsabbli, fil-livell dixxiplinari, għal ksur ta’ obbligi professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inkluż f’każijiet ta’:

(1)

ksur manifest u flagranti tal-liġi;

(2)

atti jew ommissjonijiet ta’ tali tip li jipprevjenu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja;

(3)

atti li jpoġġu f’dubju l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.”

13.

Skont l-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi, l-Awla Dixxiplinari hija l-qorti dixxiplinari tat-tieni (u l-aħħar) istanza għall-imħallfin tal-qrati ordinarji u l-qorti dixxiplinari tal-ewwel u t-tieni istanza għall-imħallfin tal-Qorti Suprema.

14.

L-Artikolu 82 tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprovdi kif ġej:

“[…]

2.   Meta teżamina każ li fih tqum kwistjoni ta’ liġi relatata mal-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti, il-[Qorti Suprema] għandha tissospendi l-proċeduri u tirreferi din il-kwistjoni lil formazzjoni komposta mill-membri kollha tal-[Awla Straordinarja].

3.   Jekk, meta teżamina rikors imsemmi fl-Artikolu 26(2), il-[Qorti Suprema] ikollha dubji serji dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li għandhom jifformaw il-bażi tad-deċiżjoni, din tista’ tissospendi l-proċeduri u tirreferi kwistjoni ta’ dritt lil formazzjoni komposta mill-membri kollha tal-[Awla Straordinarja].

4.   Meta tadotta deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2 jew 3, l-[Awla Straordinarja] ma għandhiex tkun marbuta bid-deċiżjoni ta’ formazzjoni differenti tal-[Qorti Suprema], sakemm din id-deċiżjoni ma tkunx kisbet is-saħħa ta’ prinċipju legali.

5.   Deċiżjoni adottata mill-membri kollha tal-[Awla Straordinarja] fuq il-bażi tal-paragrafu 2 jew 3 għandha torbot lill-formazzjonijiet kollha tal-[Qorti Suprema]. Kwalunkwe devjazzjoni minn deċiżjoni li kisbet is-saħħa ta’ prinċipju legali għandha teħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ġdida mill-[Qorti Suprema] f’sessjoni plenarja, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni tkun teħtieġ il-preżenza ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-imħallfin ta’ kull waħda mill-awli. L-Artikolu 88 ma għandux japplika.”

B. Il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji

15.

Il-Liġi Emendatorja emendat l-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 ( 6 ), inter alia, billi daħħlet l-Artikolu 42a, daħħlet il-paragrafu 4 fl-Artikolu 55, u emendat l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 110(2a).

16.

It-test tal-Artikolu 42a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji huwa kif ġej:

“1.   Fil-kuntest tal-attivitajiet tal-qrati jew tal-korpi tal-qrati, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità tal-qrati, il-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew il-korpi responsabbli għar-reviżjoni u l-protezzjoni tal-liġi.

2.   Qorti ordinarja jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji li tirriżulta minn din il-ħatra.

[…]”

17.

L-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“L-imħallfin jistgħu jiddeċiedu fil-każijiet kollha fil-post fejn ikunu assenjati u wkoll fi qrati oħra fil-każijiet iddefiniti mil-liġi (ġurisdizzjoni tal-imħallef). Id-dispożizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-kawżi u mal-ħatra u l-modifika tal-formazzjonijiet tal-qorti ma għandhomx jillimitaw il-ġurisdizzjoni ta’ mħallef u ma jistgħux jikkostitwixxu bażi biex jiġi ddeterminat li formazzjoni tmur kontra l-liġi, li qorti hija komposta b’mod mhux xieraq jew li persuna mhux awtorizzata jew kompetenti biex tiddeċiedi tagħmel parti minn din il-qorti.”

18.

Bl-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji l-imħallfin Pollakki ( 7 ) kollha għandhom jiżvelaw ċerta informazzjoni għal pubblikazzjoni sussegwenti fil-Biuletyn Informacji Publicznej (Bulettin ta’ Informazzjoni Pubblika):

“1.   Imħallef għandu jkun meħtieġ li jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub li ssemmi:

(1)

is-sħubija tiegħu f’assoċjazzjoni, inkluż l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-assoċjazzjoni, il-karigi miżmuma u l-perijodu tas-sħubija;

(2)

il-pożizzjoni miżmuma fi ħdan korp ta’ fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, inkluż l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-fondazzjoni u l-perijodu li matulu nżammet il-pożizzjoni;

(3)

is-sħubija tiegħu f’partit politiku qabel il-ħatra tiegħu għal kariga ta’ mħallef u s-sħubija tiegħu f’partit politiku matul il-mandat tiegħu qabel id‑29 ta’ Diċembru 1989, inkluż l-isem tal-partit, il-karigi miżmuma u l-perijodu tas-sħubija.

2.   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu sottomessi mill-imħallfin lill-president tal-qorti tal-appell kompetenti u mill-presidenti tal-qrati tal-appell lill-[Minister Sprawiedliwości (il-Ministru għall-Ġustizzja)].

3.   Id-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ppreżentati fi żmien 30 jum mid-data li fiha l-imħallef jieħu l-kariga u fi żmien 30 jum mid-data tal-okkorrenza jew il-waqfien taċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 1.

4.   L-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun pubblika u tkun disponibbli fil-Bullettin ta’ Informazzjoni Pubblika msemmi fil-Liġi tas‑6 ta’ Settembru 2001 dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni Pubblika mhux iktar tard minn 30 jum mid-data li fiha tiġi sottomessa d-dikjarazzjoni lill-korp awtorizzat.”

19.

Skont l-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji:

“Imħallef għandu jkun responsabbli, fil-livell dixxiplinari, għal ksur ta’ obbligi professjonali (nuqqasijiet dixxiplinari), inkluż f’każijiet ta’:

[…]

(2)

atti jew ommissjonijiet ta’ tali tip li jipprevjenu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja;

(3)

atti li jpoġġu f’dubju l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja;

[…]”

20.

L-Artikolu 110(2a) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprovdi li:

“Il-qorti dixxiplinari li fit-territorju tagħha l-imħallef li qiegħed jaffaċċja l-proċeduri jwettaq id-doveri tiegħu għandu jkollha ġurisdizzjoni ratione territoriae biex tisma’ u tiddetermina l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 37(5) u fil-punt 3 tal-Artikolu 75(2). Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 80 u l-Artikolu 106zd, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għandha tkun, fl-ewwel istanza, il-[Qorti Suprema] sedenti bħala mħallef uniku tal-Awla Dixxiplinari u, fit-tieni istanza, il-[Qorti Suprema] sedenti f’formazzjoni ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.”

C. Il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi

21.

Il-Liġi Emendatorja emendat l-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal‑25 ta’ Lulju 2002 ( 8 ), inter alia, billi daħħlet il-paragrafi 1a u 1b fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2 fl-Artikolu 8 u billi emendat l-Artikolu 29(1) u l-Artikolu 49(1).

22.

L-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jgħid:

“1a.   Fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ qorti amministrattiva jew tal-organi tagħha, ma għandux ikun permissibbli li titqiegħed f’dubju l-leġittimità tal-qrati, il-korpi kostituzzjonali tal-Istat jew il-korpi responsabbli għall-istħarriġ u l-protezzjoni tal-liġi.

1b.   Qorti amministrattiva jew awtorità oħra ma tistax tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji li tirriżulta minn din il-ħatra.”

23.

L-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jipprovdi li:

“Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 88a tal-[Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] għandha tiġi ppreżentata mill-imħallfin ta’ [wojewódzki sąd administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali)] lill-president kompetenti ta’ qorti amministrattiva reġjonali, mill-president ta’ qorti amministrattiva reġjonali u l-imħallfin tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] lill-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)], u mill-President tan-[Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] lill-[KRS]”.

24.

Skont l-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi, ir-reati dixxiplinari previsti fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji għandhom japplikaw ukoll għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi.

25.

Skont l-Artikolu 49(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, ir-reati dixxiplinari previsti fl-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema għandhom japplikaw ukoll għall-imħallfin tan-Naczelny Sąd Administracyjny (“il-Qorti Amministrattiva Suprema”).

D. Il-Liġi Emendatorja – Dispożizzjonijiet Tranżitorji

26.

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji japplika għal kawżi mibdija jew mitmuma qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, jiġifieri l‑14 ta’ Frar 2020.

27.

Permezz tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-[Liġi dwar il-Qorti Suprema], fil-verżjoni li tirriżulta minn din il-Liġi, għandhom japplikaw ukoll għal kawżi li jistgħu jiġu eżaminati mill-[Awla Straordinarja] li nbdew u ma ġewx mitmuma b’sentenza finali, inkluża deċiżjoni dwar appell, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi.

2.   Il-qorti li tittratta kawża msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirreferiha immedjatament, u mhux iktar tard minn sebat ijiem wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, lill-[Awla Straordinarja], li tista’ tirrevoka l-atti li saru qabel sa fejn dawn jipprevjenu l-eżami tal-kawża milli jipproċedi skont il-liġi.

3.   Atti mwettqa mill-qrati u mill-partijiet jew parteċipanti fil-proċeduri fil-kawżi msemmija fil-paragrafu 1 wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, bi ksur tal-paragrafu 2, ma għandhomx jipproduċu effetti proċedurali.”

III. Il-proċedura prekontenzjuża

28.

Peress li qieset li, bl-adozzjoni tal-Liġi Emendatorja, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet magħquda stabbiliti fil-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fid‑29 ta’ April 2020 il-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet b’ittra ddatata d‑29 ta’ Ġunju 2020, li biha kkontestat l-allegazzjonijiet kollha li hija kienet kisret id-dritt tal-Unjoni.

29.

Fit‑30 ta’ Ottubru 2020, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet l-argument tagħha li l-Liġi Emendatorja kisret id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni.

30.

Fit‑3 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ intimazzjoni supplimentari fir-rigward tal-attivitajiet ġudizzjarji tal-Awla Dixxiplinari f’kawżi relatati mal-istatus ta’ mħallfin u mħallfin apprendisti skont l-Artikolu 27(1)(1a), (2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema kif imdaħħla mil-Liġi Emendatorja.

31.

Fir-risposta tagħha tat‑30 ta’ Diċembru 2020 għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Ottubru 2020, ir-Repubblika tal-Polonja ċaħdet il-ksur allegat. Fl‑4 ta’ Jannar 2021, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni supplimentari tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Diċembru 2020, fejn sostniet li l-ilmenti dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari kienu infondati.

32.

Fis‑27 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata supplimentari fir-rigward tal-attivitajiet ġudizzjarji tal-Awla Dixxiplinari f’kawżi relatati mal-istatus ta’ mħallfin u mħallfin apprendisti. B’ittra tas‑26 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika tal-Polonja wieġbet li l-ilment li jinsab fl-opinjoni motivata supplimentari kien infondat.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33.

Permezz ta’ att ippreżentat fl‑1 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ippreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Il-Kummissjoni titlob ħames dikjarazzjonijiet li:

“-

bl- adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 55(4) tal-[Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji], l‑Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-[Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema], l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi], u l‑Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, li jipprojbixxu lil kull qorti nazzjonali milli teżamina l-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta], fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem [iktar ’il quddiem il-‘il-Qorti EDB’] dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 [il-‘KEDB’], u taħt l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

- […]

bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li jqiegħdu l-eżami ta’ lmenti u kwistjonijiet ta’ dritt li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-[Awla Straordinarja], ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal‑Artikolu 47 tal-Karta, u skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni;

- […]

bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, li taħthom l-eżami tal-konformità mar-rekwiżiti mal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita qabel mil-liġi jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘reat dixxiplinari’, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u skont l-Artikolu 267 TFUE;

- […]

bl-għoti lill-[Awla Dixxiplinari], li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, tal-ġurisdizzjoni biex tisma’ u tiddeċiedi kawżi li jkollhom impatt dirett fuq l-istatus ta’ mħallfin u mħallfin apprendisti u t-twettiq tal-kariga tagħhom, bħal, fl-ewwel lok, talbiet għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti jew biex jinżammu taħt arrest u, fit-tieni lok, kawżi relatati mad-dritt tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw imħallfin tal-Qorti Suprema u kawżi relatati mal-irtirar obbligatorju ta’ dawn l-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

- […]

bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-[GDPR].”

34.

Il-Kummissjoni titlob ukoll li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

35.

Fir-risposta tagħha, ippreżentata fis‑17 ta’ Ġunju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors bħala infondat fl-intier tiegħu u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

36.

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja ppreżentaw replika u kontroreplika fit‑28 ta’ Lulju 2021 u fis‑7 ta’ Settembru 2021, rispettivament.

37.

Permezz ta’ att separat ippreżentat fl‑1 ta’ April 2021, il-Kummissjoni ppreżentat rikors għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE, fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu ta’ dawn il-proċeduri, sabiex tissospendi l-applikazzjoni ta’ numru mid-dispożizzjonijiet introdotti mil-Liġi Emendatorja.

38.

B’digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 ( 9 ), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq il-proċeduri preżenti u rriżerva l-ispejjeż ( 10 ).

39.

Fis‑16 ta’ Awwissu 2021, ir-Repubblika tal-Polonja, billi kkunsidrat li s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tal‑14 ta’ Lulju 2021, mogħtija fil-Kawża P 7/20 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), Kawża P 7/20”) kienet tikkostitwixxi bidla fiċ-ċirkustanzi, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tħassar id-digriet tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021 skont l-Artikolu 163 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dan l-Istat Membru talab ukoll li l-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja teżamina r-rikors ( 11 ).

40.

B’digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021 ( 12 ), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja u rriżervat l-ispejjeż. Fid-digriet tagħha, il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jeħtieġ li l-korpi kollha tal-Istati Membri jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni u li d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jippreġudika l-effett mogħti lil dawn id-dispożizzjonijiet. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li huwa ċar, preċiż u inkondizzjonat, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-qrati li jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u, konsegwentement, għal miżuri provviżorji intiżi għas-sospensjoni tagħhom f’dak il-kuntest. Din l-evalwazzjoni ma hijiex mibdula mill-fatt li qorti kostituzzjonali nazzjonali tiddikjara tali miżuri provviżorji kuntrarji għall-ordinament kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. Bis-saħħa tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, Stat Membru ma jistax jinvoka regoli tad-dritt nazzjonali, anki ta’ ordni kostituzzjonali, biex jimmina l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

41.

Sadanittant, fis‑7 ta’ Settembru 2021, il-Kummissjoni sostniet li, mill-informazzjoni li r-Repubblika tal-Polonja kienet ipprovdiet permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Awwissu 2021, ma kienx evidenti li hija kienet adottat il-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri provviżorji stabbiliti fid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021. Il-Kummissjoni argumentat li, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021, l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u l-konformità mal-prinċipji tal-Istat tad-dritt u l-integrità tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kien meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas pagamenti penalità ta’ kuljum f’ammont li x’aktarx jinkoraġġixxi lil dan l-Istat Membru biex jagħti effett sħiħ lill-miżuri provviżorji msemmija kemm jista’ jkun malajr. Ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li kienet adottat il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tad-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021.

42.

B’digriet tas‑27 ta’ Ottubru 2021 ( 14 ), il-Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja ordnat lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità perijodika ta’ EUR 1000000 kuljum, mid-data tan-notifika ta’ din id-digriet sakemm dan l-Istat Membru jikkonforma mal-obbligi li jirriżultaw mid-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 jew, jekk jonqos milli jagħmel dan, sad-data tal-għoti tas-sentenza li tagħlaq il-proċeduri preżenti u rriżervat l-ispejjeż.

43.

B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Settembru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta permess lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Isvezja sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Dawn l-Istati Membri ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja.

44.

B’deċiżjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta lil din il-kawża trattament prijoritarju skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

45.

Fit‑28 ta’ Ġunju 2022 saret seduta li fiha r-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ppreżentaw argumenti orali u wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V. Il-kuntest ġuridiku

46.

Bl-għan li jiġu riżolti l-kwistjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dai l-azzjoni għal ksur, għandu jsir riferiment għall-propożizzjonijiet ta’ dritt stabbiliti sew li ġejjin.

47.

L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq valuri komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn il-ġustizzja tipprevali ( 15 ). Il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom, hija bbażata fuq il-premessa li huwa kondiviż sett ta’ valuri komuni. Minn dan isegwi li l-konformità ta’ Stat Membru mal-valuri sanċiti fl-Artikolu 2 TUE hija kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru ( 16 ).

48.

L-osservanza tal-Istat tad-dritt hija waħda minn dawn il-valuri komuni, li l-Artikolu 19(1) TUE huwa manifestazzjoni konkreta tagħha. It-tieni subparagrafu tiegħu jeħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu rimedji biżżejjed biex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. L-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li tirrifletti l-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tipprovdi wkoll li kulħadd għandu dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ( 17 ). Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom effett dirett u jagħtu drittijiet lill-individwi li jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali. ( 18 )

49.

Huma l-Istati Membri ( 19 ) li għandhom jistabbilixxu sistema ta’ azzjonijiet legali u proċeduri biex jiżguraw protezzjoni legali effettiva ( 20 ) fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni fejn il-qrati fi ħdan din is-sistema li jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 21 ). L-Istati Membri għalhekk għandhom il-kompitu li jinnominaw il-qrati u/jew l-istituzzjonijiet li għandhom is-setgħa li jirrevedu l-validità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jippreskrivu rimedji legali u proċeduri biex jikkontestaw il-validità tagħhom u, fejn azzjoni tkun fondata sew, li jħassruhom u li jiddeterminaw l-effetti tagħhom ( 22 ). Ħlief fejn id-dritt tal-Unjoni jipprovdi mod ieħor, dan ma jimponi ebda mudell ġudizzjarju partikolari ( 23 ) fuq l-Istati Membri, u lanqas ma jeħtieġ li dawn jadottaw xi sistema speċifika ta’ rimedji, sakemm ir-rimedji disponibbli jikkonformaw mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u effettività ( 24 ). Meta jeżerċitaw din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni ( 25 ). Dan l-approċċ jirrifletti l-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità fl-Artikolu 5 TUE u l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri ( 26 ).

50.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jnaqqsu l-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, b’mod partikolari, il-garanziji tal-indipendenza ġudizzjarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, iddeċidiet li Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu sabiex inaqqas il-protezzjoni tal-Istat tad-dritt. L-Istati Membri għandhom għalhekk jastjenu milli jadottaw regoli li jimminaw l-indipendenza tal-ġudikatura ( 27 ).

51.

Ir-rekwiżit li l-qrati jkunu indipendenti, li huwa inerenti fil-kompitu ta’ aġġudikazzjoni, huwa kostitwenti tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li min-naħa tiegħu jagħmel parti mid-dritt fundamentali għal smigħ xieraq li għalih jipprovdi l-Artikolu 47 tal-Karta. Meta titqies f’dan il-kuntest, l-indipendenza tal-imħallfin tal-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 28 )

52.

Ir-rekwiżit li l-qrati jkunu indipendenti għandu żewġ aspetti. L-ewwel wieħed, ta’ natura esterna, jeħtieġ li qorti teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda restrizzjoni ġerarkika jew subordinata għal xi korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors li jkun, u b’hekk tkun protetta minn interventi esterni jew pressjoni li jistgħu jfixklu l-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-imparzjalità. Dan jrid jiżgura li, fir-rigward tas-suġġett tal-proċeduri legali, il-qrati jżommu distanza ugwali mill-partijiet u l-interessi rispettivi tagħhom. Dan l-aspett ta’ indipendenza jeħtieġ li l-qrati jkunu oġġettivi u ma jkollhom l-ebda interess fl-eżitu tal-proċeduri għajr l-applikazzjoni stretta tal-Istat tad-dritt ( 29 ).

53.

Ir-rekwiżit ta’ imparzjalità għandu wkoll żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, il-membri tal-qorti jridu huma stess ikunu suġġettivament imparzjali, jiġifieri, ħadd minnhom ma jista’ juri preġudizzju jew preġudizzju personali. Fl-assenza ta’ prova kuntrarja tapplika preżunzjoni ta’ imparzjalità personali. Fit-tieni lok, il-qorti għandha tkun oġġettivament imparzjali, jiġifieri għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex teskludi kull dubju leġittimu f’dan ir-rigward ( 30 ).

54.

Fl-aħħar nett, billi jeżiġi li qorti tkun “stabbilita minn qabel bil-liġi”, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu l-għan li jiżgura li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tkun irregolata mil-liġi li toħroġ mil-leġiżlatura b’konformità mar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tas-setgħa tagħha, u għalhekk tipprekludi li tali organizzazzjoni titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv. Dan ir-rekwiżit ikopri mhux biss il-bażi legali għall-eżistenza stess ta’ qorti, iżda wkoll kull dispożizzjoni oħra tad-dritt domestiku li, jekk tinkiser, tirrendi l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami ta’ kawża irregolari, bħal regoli li jirregolaw il-kompożizzjoni ta’ bord li jisma’ kawża ( 31 ).

55.

Ir-rekwiżit li qorti tiġi stabbilita bil-liġi huwa miksur meta irregolarità mwettqa waqt il-ħatra tal-imħallfin ( 32 ) tkun ta’ tali tip u ta’ gravità li toħloq riskju reali li friegħi oħra tal-Istat, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw influwenza żejda biex jimminaw l-integrità tal-proċess tal-ħatra. Dan huwa l-każ meta inkwistjoni jkun hemm l-applikazzjoni ta’ regoli fundamentali li jiffurmaw parti integrali mill-istabbiliment u l-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja ( 33 ). Tali irregolarità tista’ tagħti lok għal dubju raġonevoli fl-imħuħ tal-individwi dwar l-indipendenza ( 34 ) u l-imparzjalità tal-imħallef jew imħallfin hekk maħtura.

56.

Ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, imparzjalità u ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi huma marbuta b’mod inerenti u jikkoinċidu. Ksur ta’ wieħed minn dawn ir-rekwiżiti jista’ jinvolvi ksur ta’ ieħor jew tabilħaqq ta’ kollha ( 35 ).

57.

L-Istati Membri, b’mod partikolari, il-friegħi ġudizzjarji tagħhom, għandhom jipproteġu d-drittijiet mogħtija lill-individwi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta b’żewġ modi.

58.

Fl-ewwel lok, huwa korollarju tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita qabel mil-liġi li kulħadd għandu l-possibbiltà li jinvoka dan id-dritt ( 36 ). Barra minn hekk, meta l-eżistenza ta’ qorti indipendenti u imparzjali tiġi kkontestata għal raġuni li ma jidhirx immedjatament li hija manifestament nieqsa minn mertu ( 37 ), kull qorti ( 38 ) hija obbligata tivverifika jekk, kif komposta, tikkostitwixxix tali qorti. Din il-ġurisdizzjoni hija meħtieġa biex tiġi sostnuta l-fiduċja li l-qrati f’soċjetà demokratika għandhom jispiraw f’dawk suġġetti għad-deċiżjonijiet tagħhom. Tali verifika hija għalhekk rekwiżit proċedurali essenzjali, li l-osservanza tiegħu hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata jew meta titqajjem mill-partijiet jew ex officio ( 39 ). F’każijiet eċċezzjonali l-qrati ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jiġu msejħa biex jevalwaw jekk id-dritt fundamentali ta’ persuna għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ġiex miksur fi Stat Membru ieħor ( 40 ).

59.

Fit-tielet lok, il-qrati għandhom josservaw il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 41 ). Fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni li ngħatatilhom, il-qrati msejħa biex japplikaw id-dritt tal-Unjoni huma obbligati jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dritt tal-Unjoni jkun kompletament effettiv, jekk ikun hemm bżonn billi ma tiġi applikata ebda dispożizzjoni nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ( 42 ). Sabiex ma tapplikax dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, il-qorti fdata mid-dritt nazzjonali bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tevalwa u tistabbilixxi jekk dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tmurx kontra d-dritt tal-Unjoni. Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 43 ), hemm distinzjoni ċara bejn l-eżerċizzju ta’ setgħa li ma tiġix applikata, f’każ speċifiku, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali meqjusa kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u s-setgħa li titħassar tali dispożizzjoni, bil-konsegwenza li din id-dispożizzjoni ma tibqa’ valida għal ebda skop ( 44 ).

60.

Fir-rigward tar-rwol tal-kostituzzjonijiet nazzjonali u tal-qrati kostituzzjonali nazzjonali msemmi fil-kontroreplika ( 45 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Unjoni għandha tirrispetta l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4(2) TUE. Id-dritt tal-Unjoni ma jeħtieġx li l-Istati Membri jagħżlu mudell kostituzzjonali partikolari. Madankollu, l-ordinamenti kostituzzjonali rispettivi tal-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza tal-qrati tagħhom. Sakemm qorti kostituzzjonali tkun tista’ tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ma jipprekludix regoli nazzjonali li bihom il-qrati ordinarji ta’ Stat Membru ikunu marbuta b’deċiżjoni ta’ qorti kostituzzjonali li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konsistenti mal-kostituzzjoni ta’ dan l-Istat Membru. L-istess ma jistax jingħad fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli nazzjonali timpedixxi lil tali qrati ordinarji milli jevalwaw il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru sabet li hija konsistenti ma’ dispożizzjoni kostituzzjonali nazzjonali li tipprovdi għas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Bis-saħħa ta’ dan l-aħħar prinċipju, Stat Membru ma jistax jinvoka regoli tad-dritt nazzjonali, anki ta’ ordni kostituzzjonali, sabiex jimmina l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jorbot l-emanazzjonijiet kollha tal-Istati Membri, u d-dritt domestiku, inklużi d-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tiegħu, ma jistax jkun ta’ ostaklu għal dan. Hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiċċara l-portata tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha li tagħti interpretazzjonijiet definittivi tad-dritt tal-Unjoni ( 46 ).

61.

F’dawn il-konklużjonijiet l-ewwel ser nindirizza t-tieni lment tal-Kummissjoni, li jirrigwarda allegat monopolju ta’ ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ indipendenza f’qorti u għalhekk biex jiġi ddeterminat id-dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti. Dan l-ilment għandu portata iżgħar mill-ewwel wieħed, li jirrigwarda d-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, id-deċiżjoni proposta fir-rigward tat-tieni lment jista’ jkollha konsegwenzi għal dik li għandha tittieħed fir-rigward tal-ewwel ilment.

VI. Analiżi ġuridika

A. It-tieni ilment – Il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja biex teżamina lmenti u kwistjonijiet ta’ dritt dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef

1.   L-argumenti tal-partijiet

62.

Permezz tat-tieni ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi poġġiet l-eżami ta’ lmenti u kwistjonijiet ta’ dritt dwar in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, taħt l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. L-ilment huwa bbażat fuq l-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u tal-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, fil-verżjoni li tirriżulta mill-Liġi Emendatorja, kif ukoll l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja.

63.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat li tqis li l-Awla Straordinarja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tistħarreġ kwistjonijiet dwar l-indipendenza tal-qrati, il-formazzjonijiet tal-qrati u l-imħallfin. Hija ddikjarat li tali kwistjonijiet ma jistgħux jiġu eżaminati fl-appell quddiem qrati oħra. Il-Kummissjoni osservat ukoll li l-monopolju fuq l-istħarriġ ta’ indipendenza mill-Awla Straordinarja huwa estremament limitat peress li l-Artikolu 26(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprovdi li l-Awla Straordinarja ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni biex tistħarreġ kwistjonijiet ta’ indipendenza relatati mal-ħatra ta’ mħallef jew l-awtorità tiegħu biex iwettaq funzjonijiet ġudizzjarji. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll li l-ewwel tliet ilmenti ma jikkontradixxux lil xulxin, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, peress li d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Pollakk jiżguraw li ma jkunx possibbli li tiġi mistħarrġa l-proċedura għall-ħatra ta’ mħallef.

64.

It-tieni lment jikkonsisti f’erba’ partijiet. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja biex tiddeċiedi dwar rikorsi għar-rikuża ta’ mħallfin minn, u d-deżinjazzjoni ta’ qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu, kawża fejn ikun allegat li qorti jew imħallef ma għandhomx indipendenza. Qorti li quddiemha jsir rikors bħal dan għandha tirreferi dan ir-rikors lill-Awla Straordinarja mingħajr dewmien. Id-deċiżjoni tal-Awla Straordinarja torbot lil din il-qorti irrispettivament minn jekk dik l-Awla għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża.

65.

Fil-punt 166 tas-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti li tisma’ tilwima li, skont id-dritt nazzjonali, għandha tiġi eżaminata minn qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew imparzjalità, għandha l-obbligu li ma tapplikax dik id-dispożizzjoni nazzjonali sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta u tippermetti li din it-tilwima tiġi solvuta minn qorti li tissodisfa dawn ir-rekwiżiti.

66.

Billi jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja biex tiddetermina dawn il-kwistjonijiet, l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jċaħħad lill-qrati nazzjonali, ħlief lill-Awla Straordinarja, mid-dritt li jirreferu domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE dwar ir-rekwiżit ta’ indipendenza fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevjeni lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw, ex officio ( 47 ) jew wara talba ta’ parti fil-proċeduri ( 48 ), jekk imħallef li qiegħed jisma’ kawża rregolata mid-dritt tal-Unjoni jissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. L-indipendenza ta’ qorti jew imħallef hija kwistjoni orizzontali li tista’ tqum fi kwalunkwe kawża u kwalunkwe qorti li qiegħda tisma’ kawża li tikkonċerna d-dritt tal-Unjoni għandha tkun tista’ teżaminaha. Lanqas l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva biex jiġu ddeterminati tali kwistjonijiet ma huwa ġġustifikat mill-ħtieġa li jiġu stabbiliti qrati speċjalizzati għal dan l-għan.

67.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni targumenta li, skont l-Artikolu 82(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Straordinarja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ dritt f’kawżi pendenti quddiem il-Qorti Suprema dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew qorti. Skont l-Artikolu 82(3) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, f’dawn il-każijiet l-Awla Straordinarja, sedenti f’formazzjoni plenarja, tadotta deċiżjoni li torbot lill-formazzjonijiet kollha tal-Qorti Suprema u tista’ tiġi mibdula biss b’deċiżjoni tal-formazzjoni plenarja tal-Qorti Suprema meħuda minn mill-inqas żewġ terzi tal-imħallfin ta’ kull waħda mill-awli tagħha. Meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, l-Awla Straordinarja ma hija marbuta b’ebda deċiżjoni oħra tal-Qorti Suprema, ħlief fejn din tal-aħħar għandha l-istatus ta’ “deċiżjoni ta’ prinċipju”. Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet preċedenti jċaħħdu lill-awli l-oħra tal-Qorti Suprema milli jiddeċiedu fuq tali kwistjonijiet u għalhekk jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

68.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 26(4) sa (6) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jikser dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni wkoll, peress li dan jagħti lill-Awla Straordinarja ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ rikorsi li jitolbu dikjarazzjoni li deċiżjonijiet jew sentenzi finali ta’ kwalunkwe qorti Pollakka, inklużi l-awli l-oħra tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema, huma illegali fejn l-allegata illegalità hija relatata mal-istatus tal-imħallef li ddeċieda l-kawża. Tali azzjonijiet jistgħu jsiru quddiem l-Awla Straordinarja mingħajr ma jinstemgħu mill-qorti li tat is-sentenza inkwistjoni, irrispettivament minn jekk parti tkunx eżawriet xi rimedji disponibbli oħra.

69.

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja wkoll jiksru d-dritt tal-Unjoni. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-qrati Pollakki kienu meħtieġa jirreferu lill-Awla Straordinarja, qabel il‑21 ta’ Frar 2020, il-kawżi pendenti fl‑14 ta’ Frar 2020 li kienu jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja skont l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (4) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema. Wara r-rinviju ta’ kawżi bħal dawn, l-Awla Straordinarja, “tista’ tirrevoka atti preċedenti sa fejn dawn jimpedixxu eżami ulterjuri tal-kawża skont il-liġi”. Il-Liġi Emendatorja barra minn hekk iċċaħħad atti mwettqa f’tali kawżi wara l‑14 ta’ Frar 2020, b’mod partikolari mill-imħallfin, minn effett proċedurali.

70.

Il-Kummissjoni tqis li s-setgħat tal-Awla Straordinarja msemmija iktar ’il fuq jiksru l-Artikolu 267 TFUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Huma wkoll kuntrarji għall-obbligu tal-qrati nazzjonali li japplikaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

71.

Il-Kummissjoni tenfasizza li, fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-indipendenza tal-imħallfin u l-qrati, il-qrati nazzjonali kollha għandhom ikunu jistgħu japplikaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta sabiex jiggarantixxu lill-individwi d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv. Fil-kuntest ta’ tilwima quddiemha, qorti ta’ Stat Membru li taġixxi fil-ġurisdizzjoni tagħha għandha l-obbligu li tapplika t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u li ma tapplika ebda dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jċaħħdu lill-qrati Pollakki kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awla Straordinarja, mid-dritt li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet inċidentali, bħar-rikuża ta’ mħallef fil-formazzjoni ta’ qorti u d-deżinjazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevjenu wkoll lill-qrati nazzjonali milli jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva permezz tan-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu ġurisdizzjoni, f’kawżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, lill-qrati u lill-imħallfin li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

72.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li, mill‑14 ta’ Frar 2020, id-dispożizzjonijiet ikkontestati f’dawn il-proċeduri jċaħħdu qrati nazzjonali oħra mid-dritt tagħhom u, fil-każ tal-qrati tal-aħħar istanza, mill-obbligu tagħhom, li jagħmlu domandi għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE fir-rigward tal-interpretazzjoni tar-rekwiżiti tal-indipendenza u l-imparzjalità ta’ qorti bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-qrati nazzjonali minbarra l-Awla Straordinarja huma mċaħħda mill-opportunità li jsolvu dawn il-kwistjonijiet. Lanqas l-Artikolu 26(4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (4) tal-Liġi tal-Qorti Suprema ma huma limitati għal kwistjonijiet inċidentali peress li jagħtu ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja. Dan id-dritt u dan l-obbligu huma inerenti fis-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, u għad-dmirijiet li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE jagħti lil imħallef inkarigat mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

73.

Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tranżitorji fl-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja jiksru wkoll l-Artikolu 267 TFUE peress li jimpedixxu lill-qrati nazzjonali milli jżommu domandi magħmula f’talba għal deċiżjoni preliminari qabel l‑14 ta’ Frar 2020. L-Artikolu 10(2) tal-Liġi Emendatorja jippermetti lill-Awla Straordinarja tirrevoka atti mwettqa minn qorti nazzjonali u, b’mod partikolari, tirtira domandi li din tal-aħħar kienet għamlet f’talba għal deċiżjoni preliminari. Diġà huwa ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħat li l-Artikolu 267 TFUE jagħti lil qorti nazzjonali, hija għandha tkun tista’ iżżomm talba għal deċiżjoni preliminari.

74.

Ir-replika tenfasizza li l-Kummissjoni ma tiddubitax id-dritt tal-leġiżlaturi nazzjonali li jagħmlu liġijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati. Pjuttost, hija tikkontesta l-monopolju mogħti lill-Awla Straordinarja biex teżamina l-konformità ta’ qorti jew imħallef mar-rekwiżit ta’ indipendenza taħt id-dritt tal-Unjoni meta tali kwistjonijiet jistgħu jqumu quddiem il-qrati nazzjonali kollha. Il-Kummissjoni ma ssostnix li qorti adita bi kwistjoni dwar ir-rekwiżit ta’ indipendenza skont id-dritt tal-Unjoni għandha dejjem teżaminaha. Fi Stat Membru b’10 000 imħallef, il-ġurisdizzjoni għall-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta ma tistax, madankollu, tkun irriżervata għal awla ta’ 20 imħallef. Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-Awla Straordinarja ġiet stabbilita skont il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017 u li l-membri tagħha nħatru wara l-proposta tal-KRS. Minħabba li r-rwol tal-KRS fil-ħatra tal-imħallfin spiss jagħti lok għal talbiet għar-rikuża tagħhom, l-Awla Straordinarja nnifisha tista’ ma tkunx imparzjali u oġġettiva fi kwistjonijiet ta’ indipendenza ġudizzjarja ( 49 ).

75.

Waqt is-seduta, il-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat li l-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef ma tistax titqajjem quddiem qorti superjuri fl-appell. L-Awla Straordinarja għalhekk għandha ġurisdizzjoni esklużiva fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef.

76.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li t-tieni lment huwa infondat u għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

77.

Fir-rigward tal-allegat ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni tinterpreta s-sentenza A. K b’mod ħażin. Minn din is-sentenza jirriżulta li jekk kawża li tinvolvi d-dritt tal-Unjoni tkun ntbagħtet quddiem qorti li ma għandhiex ġurisdizzjoni u parti ssostni li l-eżami tal-kawża minn qorti li jkollha ġurisdizzjoni jikser id-drittijiet tagħha taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti li ma jkollhiex ġurisdizzjoni tista’ tilqa’ din l-oġġezzjoni u tirreferi l-kawża lil qorti indipendenti oħra li jkollha ġurisdizzjoni kieku ma kienx għar-regoli li rriżervaw il-ġurisdizzjoni lil qorti li ma hijiex indipendenti. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, is-sentenza A. K. ma tiddeċidix li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati. Barra minn hekk, il-pożizzjonijiet rispettivi ta’ qorti li għandha tirreferi kawża lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tismagħha, u dik ta’ qorti li hija adita b’rikors għal rikuża diretta kontra l-imħallef, meta tkun affaċċjata bi kwistjoni ta’ dritt jew dubju dwar il-legalità ta’ deċiżjoni finali, huma fundamentalment differenti. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni tkun tirriżulta fi ksur tad-dritt għal qorti stabbilita bil-liġi u, f’każijiet li jikkonċernaw ir-rikuża ta’ mħallef, tad-dritt għal qorti indipendenti. L-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni lill-qrati fil-każijiet kollha li jiġu quddiemhom hija sine qua non ta’ aċċess għal qorti stabbilita bil-liġi.

78.

Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva li jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom. Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni ma tistax tirregola l-allokazzjoni tal-ġurisdizzjoni bejn il-qrati nazzjonali. Ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-indipendenza tal-Awla Straordinarja. It-tieni lment għalhekk huwa bbażat fuq affermazzjoni li l-qrati nazzjonali għandhom dritt li jisimgħu ċerti kategoriji ta’ kawżi, liema dritt, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jippreġudika l-ġurisdizzjoni sostantiva mogħtija lil qrati oħra. F’dan ir-rigward, hija tosserva li l-qrati tar-rinviju involuti fil-kawża li tat lok għas-sentenza A. K. ma kellhomx ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq il-mertu tal-kawżi quddiemhom u ttrasferixxewhom lil qorti li kellha ġurisdizzjoni biex tagħmel dan. Dan it-trasferiment huwa rregolat mill-Artikolu 200(1)(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jipprovdi li kull qorti għandha teżamina jekk għandhiex ġurisdizzjoni u, jekk le, tirrinvija l-kawża lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi din il-kwistjoni.

79.

Fir-rigward tal-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema dwar ir-rikuża tal-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li mħallef jew formazzjoni ta’ qorti aditi b’rikors għar-rikuża tagħhom għandhom jirreferu dan ir-rikors lil formazzjoni oħra jew lil qorti superjuri. L-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema għalhekk ma jċaħħadx lill-imħallef, formazzjoni jew qorti xierqa mill-ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu fuq kwistjonijiet inċidentali bħal dawn. Waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat li l-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef tista’ titqajjem fl-appell.

80.

Fl-opinjoni tar-Repubblika tal-Polonja, rikors għal dikjarazzjoni li sentenza finali hi illegali skont l-Artikolu 26(4) sa (6) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ma huwiex kwistjoni preliminari jew inċidentali, iżda għandu jitressaq quddiem qorti speċjalizzata b’ġurisdizzjoni biex tiddetermina din il-kwistjoni. Il-proċedura tinbeda permezz ta’ rikors straordinarju kontra sentenza finali li parti tallega li kisret il-liġi sostantiva jew ir-regoli proċedurali u kkawżatilha dannu. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-għoti lil kull persuna tal-possibbiltà li tqajjem tali kwistjoni quddiem kwalunkwe qorti fi kwalunkwe proċedura jkun jippreġudika, inter alia, il-prinċipji ta’ res judicata u ta’ ċertezza legali. Huwa ovvju li l-qorti li tat is-sentenza kkontestata ma tistax tilqa’ tali rikors. Lanqas ma huwa evidenti mis-sentenza A. K. għaliex il-Kummissjoni tqis li, sabiex ikun hemm rimedju effettiv fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-qorti li tat is-sentenza s-suġġett ta’ din il-kontestazzjoni għandha tisma’ tali rikors. L-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil awla speċjalizzata biex tisma’ kwistjonijiet bħal dawn isaħħaħ is-salvagwardji proċedurali tal-partijiet u ma jimminax id-dritt għal qorti.

81.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-kompetenza tal-Awla Straordinarja dwar kwistjonijiet ta’ dritt relatati mal-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti huma infondati. Skont l-Artikolu 1(1)(a) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, il-Qorti Suprema għandha ġurisdizzjoni li tadotta riżoluzzjonijiet li jsolvu l-kwistjonijiet kollha tad-dritt fil-kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jagħti ġurisdizzjoni lill-Awla Straordinarja biex tinterpreta d-dritt. Għalhekk ma tillimitax id-dritt ta’ qrati oħra li jevalwaw il-fatti. Barra minn hekk, il-qrati għandhom dritt, iżda mhux obbligu, li jissottomettu tali kwistjonijiet lill-Awla Straordinarja.

82.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja ma jillimitawx il-ġurisdizzjoni tal-qrati li jirreferu domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Fi kwalunkwe każ, l-Awla Straordinarja hija qorti tal-aħħar istanza li, skont l-Artikolu 267 TFUE, hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fil-każ ta’ dubju dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

83.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li peress li l-Kummissjoni naqset milli tispjega kif id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fit-tieni lment jiksru l-prinċipju ta’ supremazija, din l-eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda ( 50 ).

84.

Fir-rigward tal-miżuri tranżitorji fl-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din id-dispożizzjoni diġà skadiet. Il-Kummissjoni ma pproduċiet ebda prova, ibbażata la fuq it-test ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas fuq il-prattika tal-Awla Straordinarja, li turi li din l-Awla għandha jew tista’ tuża din id-dispożizzjoni sabiex tirtira talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa minn qrati Pollakki oħra jew biex timmina l-effettività tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-Artikolu 200(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 35(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li l-Kummissjoni ma kkontestatx il-legalità tagħhom, jirregolaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati.

85.

Il-kontroreplika tfakkar li t-talbiet tal-Kummissjoni kif deskritti fil-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Straordinarja ma kinux inklużi fir-rikors. Bħala eċċezzjonijiet ġodda, dawn għandhom jiġu miċħuda skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

2.   Evalwazzjoni

a)   Ammissibbiltà

86.

L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Straordinarja minħabba l-involviment tal-KRS fil-ħatra tal-imħallfin sedenti f’din l-awla u r-riżorsi umani limitati tagħha minħabba l-fatt li hija tikkonsisti minn 20 imħallef biss ( 51 ) tqajmu għall-ewwel darba fir-replika ( 52 ).

87.

Biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-proċeduri ħlief jekk ikun ibbażat fuq elementi ta’ dritt jew ta’ fatt li rriżultaw matul il-proċedura.

88.

Matul l-istadju prekontenzjuż ta’ dawn il-proċeduri, u fiż-żmien meta ppreżentat dan ir-rikors, il-Kummissjoni kienet taf ( 53 ) li l-Awla Straordinarja kienet ġiet stabbilita skont il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017. Għalhekk il-Kummissjoni kienet taf in-numru ta’ mħallfin sedenti f’dik l-awla u l-mod ta’ ħatra tagħhom, b’mod partikolari r-rwol tal-KRS. Sa fejn l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-kwistjonijiet, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

89.

Is-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin ( 54 ) iddeċidiet li kien hemm dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-KRS u r-rwol tiegħu fil-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan, flimkien ma’ fatturi oħra, wassal għal dubji raġonevoli fl-imħuħ ta’ individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din l-Awla Dixxiplinari. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li, billi naqset milli tiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

90.

Filwaqt li l-ommissjoni tal-Kummissjoni li tressaq talba analoga fir-rigward tal-Awla Straordinarja fi kwalunkwe stadju ta’ dawn il-proċeduri hija kwistjoni tagħha, tidher xi ftit sorprendenti. F’dan il-kuntest, jista’ jiġi osservat li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-nuqqas tar-Repubblika tal-Polonja li tiggarantixxi l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari kienet ibbażata fuq numru ta’ fatturi mhux limitati għal dubji dwar l-indipendenza tal-KRS ( 55 ). Għalhekk anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni tagħha dwar l-indipendenza tal-KRS fis-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin ( 56 ), dan fih innifsu ma jkunx biżżejjed biex jiġġustifika konstatazzjoni f’dawn il-proċeduri li l-Awla Straordinarja ma hijiex indipendenti ( 57 ).

91.

Barra minn hekk, fis-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Novembru 2021 Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja ( 58 ), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) iddeċidiet unanimament li r-Repubblika tal-Polonja kienet kisret l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) peress li l-Awla Straordinarja ma kinitx “tribunal […] mwaqqaf b’liġi” ( 59 ). Sabiex waslet għal dik il-konklużjoni, il-Qorti EDB bbażat ruħha b’mod estensiv fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riformi reċenti tal-ġudikatura fil-Polonja. Id-deċiżjoni tal-Qorti EDB kienet ibbażata fuq konstatazzjoni li kien hemm ksur manifest tad-dritt domestiku li affettwa ħażin it-tħaddim tar-regoli fundamentali ta’ proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin fl-Awla Straordinarja. Dawn l-irregolaritajiet fil-proċess tal-ħatra kkompromettew il-leġittimità tal-Awla Straordinarja sa tali punt li ma kellhiex l-attributi ta’ “tribunal” li huwa “mwaqqaf b’liġi” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) KEDB. F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB iddikjarat b’mod inekwivoku li“r-rakkomandazzjoni tal-kandidati għall-ħatra ġudizzjarja għall-[Awla Straordinarja] – kundizzjoni sine qua non għall-ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Polonja ( 60 ) – ġiet fdata lill-[KRS], korp li ma kellux biżżejjed garanziji ta’ indipendenza mil-leġiżlatur u l-eżekuttiv.” ( 61 )

92.

Is-sentenza tal-Qorti EDB ma torbotx lill-Qorti tal-Ġustizzja peress li l-Unjoni ma aderixxietx mal-KEDB. Madankollu, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni tagħha tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tissalvagwardja livell ta’ protezzjoni li ma jaqax taħt dak stabbilit fl-Artikolu 6(1) KEDB, kif interpretat mill-Qorti EDB ( 62 ). L-istandard stabbilit mis-sentenza finali f’Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja ( 63 ) jista’ għalhekk ikun rilevanti fi kwalunkwe proċeduri futuri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jista’ jiġi osservat ukoll fil-qosor li, skont l-Artikolu 46 KEDB, ir-Repubblika tal-Polonja għandha tosserva s-sentenza finali f’Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja ( 64 ) u tieħu l-miżuri xierqa biex tikkonforma magħha malajr ( 65 ).

b)   Fil-mertu

93.

Il-Kummissjoni tibbaża ruħha ħafna fuq is-sentenza A. K sabiex tissostanzja t-tieni ilment tagħha. F’dik il-kawża, il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Dixxiplinari li tisma’ rikorsi mressqa minn imħallfin nazzjonali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni ( 66 ) ġiet iddubitata minħabba l-allegat nuqqas ta’ indipendenza u imparzjalità ta’ din l-awla b’riferiment għall-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Peress li hemm nuqqas ta’ qbil kunsiderevoli bejn il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ din is-sentenza, niċċita l-punti 165 u 166 tagħha:

“[…] dispożizzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kompetenza esklużiva sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tilwima li fiha individwu jallega, bħal f’dan il-każ, ksur tad-drittijiet li joħorġu minn regoli tad-dritt tal-Unjoni lil istanza partikolari li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li joħorġu mill-Artikolu 47 tal-Karta ċċaħħad lill-individwu kkonċernat minn kull rimedju effettiv, fis-sens ta’ dan l-artikolu u tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78, u tonqos milli tosserva l-kontenut essenzjali tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta […] Minn dan isegwi li, meta jidher li dispożizzjoni nazzjonali tirriżerva l-kompetenza sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ tilwima bħat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali lil istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mill-Artikolu 47 tal-Karta, istanza oħra adita b’tali tilwima hija obbligata, sabiex tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 47, u konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, tħalli mhux applikata din id-dispożizzjoni nazzjonali, b’tali mod li din it-tilwima tkun tista’ tinqata’ minn qorti li tissodisfa dawn l-istess rekwiżiti u li kien ikollha kompetenza fil-qasam ikkonċernat li kieku l-imsemmija dispożizzjoni ma kinitx tostakola dan, jiġifieri, bħala regola ġenerali, il-qorti li kienet kompetenti, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ, qabel saret l-emenda leġiżlattiva li attribwixxiet din il-kompetenza lill-istanza li ma tissodisfax l-imsemmija rekwiżiti.” ( 67 )

94.

Huwa evidenti minn dak li ntqal iktar ’il fuq li s-sentenza A. K. ma kkontestatx il-ġurisdizzjoni esklużiva li d-dritt nazzjonali ta lill-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi kawżi mressqa mill-imħallfin fir-rigward tad-drittijiet mogħtija taħt id-Direttiva 2000/78. Pjuttost, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt nazzjonali ma jistax jirriżerva ġurisdizzjoni esklużiva għal qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 68 ). Huwa ċar ukoll mis-siltiet iċċitati qabel li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li kwalunkwe qorti nazzjonali oħra li ssodisfat dawn ir-rekwiżiti kellha jew kellu jkollha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddeċidiet li l-qorti li kellha ġurisdizzjoni taħt id-dritt nazzjonali biex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet bħal dawn taħt leġiżlazzjoni preċedenti kellha ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża ( 69 ).

95.

Is-sentenza A. K. tikkonferma d-dritt ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li jiddefinixxi l-arkitettura ġudizzjarja tiegħu stess u li jistabbilixxi regoli proċedurali għal azzjonijiet li jippermettu lill-individwi jissalvagwardjaw id-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni. Minbarra r-rekwiżit stabbilit li l-qrati nazzjonali għandhom ikunu indipendenti, imparzjali u stabbiliti minn qabel bil-liġi ( 70 ), ir-regoli li jirregolaw tali azzjonijiet għandhom josservaw il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività. Ir-rekwiżiti li joħorġu minn dawn il-prinċipji japplikaw għad-deżinjazzjoni tal-qrati li għandhom ġurisdizzjoni biex jisimgħu u jiddeterminaw rikorsi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għar-regoli proċedurali li jirregolaw tali kawżi. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi analizzata b’riferiment għar-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċedura meqjusa kollha kemm hi, għall-iżvolġiment ta’ din il-proċedura u għall-karatteristiċi partikolari ta’ dawn ir-regoli quddiem il-qrati nazzjonali ( 71 )

96.

Il-Kummissjoni ma argumentatx li l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja ma jikkonformawx mal-prinċipju ta’ ekwivalenza. Pjuttost, l-ilment tal-Kummissjoni jiffoka fuq il-prinċipju ta’ effettività u b’mod partikolari fuq id-dritt għal rimedju effettiv. Hija ssostni, bħala prinċipju, li kwistjonijiet relatati mal-indipendenza ta’ qorti jew imħallef huma kwistjonijiet orizzontali li jistgħu jqumu f’kull każ u li l-qrati nazzjonali kollha li jisimgħu kawża dwar id-dritt tal-Unjoni għandhom ikunu jistgħu jeżaminawhom. Il-ġurisdizzjoni biex jiġu ddeterminati dawn il-kwistjonijiet għalhekk ma għandhiex tkun irriżervata għal qrati speċjalizzati.

97.

Eżami tal-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jiżvela li dan jagħti lill-Awla Straordinarja ġurisdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi fuq ilmenti li jallegaw, inter alia, in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ mħallef jew qorti u biex tipprovdi rimedju f’dan il-kuntest. Il-qrati kollha, inklużi dawk li jittrattaw każ li jikkonċerna d-dritt tal-Unjoni, għandhom għalhekk jittrasferixxu lment ( 72 ) li jallega nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef lill-President tal-Awla Straordinarja. Dan it-trasferiment ma jwaqqafx il-proċeduri quddiem il-qorti li tisma’ l-kwistjoni ( 73 ).

98.

Il-frażi “għandu jkollha ġurisdizzjoni” fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema huwa inekwivoku u, fil-fehma tiegħi, hu biżżejjed biex jiżgura li l-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef tkun fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja ( 74 ). It-test ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk ma jidhirx li jsostni l-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li kwistjonijiet dwar l-indipendenza jistgħu jitqajmu fl-appell. Barra minn hekk, meta l-Qorti tal-Ġustizzja qajmet din il-kwistjoni waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tipproduċi provi konvinċenti li tali punti jistgħu jiġu ttrattati kif suppost fil-proċeduri ta’ appell. Wara li dan ġie ppreċiżat, il-Kummissjoni ma sostnietx, u lanqas ma jidher mill-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, li l-kwistjoni tal-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti għandha titressaq quddiem l-Awla Straordinarja b’azzjoni separata u indipendenti. Pjuttost, kwistjoni skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema hija ttrattata bħala inċident proċedurali jew mozzjoni quddiem l-Awla Straordinarja. Il-Kummissjoni ma argumentatx li r-rekwiżit tat-trasferiment ta’ tali inċident proċedurali jew mozzjoni lill-Awla Straordinarja huwa tant ta’ piż li jdgħajjef l-effettività sħiħa tad-drittijiet mogħtija lill-individwi taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Lanqas ma hemm ebda prova li tissuġġerixxi li t-trasferiment ta’ dawn il-kwistjonijiet lill-Awla Straordinarja joħloq żvantaġġi proċedurali li jistgħu jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jagħtu lill-individwi. Filwaqt li jista’ jkun il-każ li kwistjonijiet relatati mal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef huma kwistjonijiet orizzontali li ma jeħtiġux li jinstemgħu quddiem qrati speċjalizzati, ma hemm xejn illegali li dawn jiġu ddeterminati minn qorti jew formazzjoni oħra. Prattika bħal din tista’ anki tippromwovi l-applikazzjoni msaħħa u uniformi tar-regoli applikabbli, u għalhekk tiżgura protezzjoni legali effettiva f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni b’rispett sħiħ tal-prinċipju ta’ supremazija.

99.

Jekk ir-regola nazzjonali inkwistjoni timmina l-effettività tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal‑Artikolu 47 tal-Karta ( 75 ) billi, pereżempju, tagħti monopolju biex tingħata deċiżjoni dwar l-indipendenza ta’ qorti lil qorti oħra li hija stess ma jkollhiex indipendenza, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jkun jeħtieġ li l-qorti adita b’tali rikors ( 76 ) tadotta l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jkunu kompletament effettivi billi, jekk ikun meħtieġ, ma tapplikax dispożizzjonijiet nazzjonali jew ġurisprudenza nazzjonali kuntrarji għalihom ( 77 ).

100.

Fin-nuqqas ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ekwivalenza jew ta’ effettività, jien għalhekk inqis li r-regoli ġurisdizzjonali nazzjonali li jillimitaw jew jirrestrinġu l-qrati jew il-formazzjonijiet li jistgħu jiddeċiedu fuq kwistjonijiet ta’ indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef, ma jiksrux it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jew il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

101.

Minn dan isegwi li l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ma jipprekludix lill-qrati nazzjonali milli jeżaminaw jekk jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ indipendenza fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 78 ). Dan sempliċement jagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja biex tiddeċiedi dwar l-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef mat-trasferiment lilha ta’ tali kwistjoni.

102.

L-argumenti tal-Kummissjoni miġbura fil-qosor fil-punti 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 26(4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema sempliċement jiddeskrivu l-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ( 79 ). Kif inhu ċar mill-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kummissjoni ssostni, bħala prinċipju, li d-domandi dwar l-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati huma ta’ natura orizzontali. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta billi jċaħħdu lill-qrati Pollakki kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awla Straordinarja, mid-dritt li jiddeċiedu dwar kwistjonijiet dwar l-indipendenza tal-qrati jew tal-imħallfin li jinqalgħu fi proċeduri li għalihom jirreferu dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali. Il-Kummissjoni, madankollu, ma wrietx li dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali u l-proċeduri u r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti fihom jippreġudikaw l-effettività sħiħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jew il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Anzi naqset milli tirribatti l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja li t-trattament ta’ tali proċeduri minn qorti speċjalizzata huwa konformi mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

103.

Fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jiksru l-Artikolu 267 TFUE, minbarra l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jirreferu għal dan l-artikolu, hija ma wrietx li dawn jipprevjenu jew ifixklu, fid-dritt jew fil-fatt ( 80 ), qorti nazzjonali, għajr għall-Awla Straordinarja, adita b’kawża fejn titqajjem il-kwistjoni ta’ indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef, milli tressaq talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE ( 81 ).

104.

F’dan ir-rigward, huwa ċar kemm mit-test kif ukoll mill-iskema tal-Artikolu 267 TFUE li qorti nazzjonali ma għandhiex is-setgħa ġġib kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bħala rinviju għal deċiżjoni preliminari sakemm ma jkunx hemm kawża pendenti quddiemha li fiha tintalab tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din id-deċiżjoni preliminari ( 82 ).

105.

Minn dan isegwi li, lil hinn mill-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni esklużiva li l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) ( 83 ) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jagħtu lill-Awla Straordinarja, il-kwistjoni tal-indipendenza tal-qrati, il-formazzjonijiet u l-imħallfin hija kwistjoni orizzontali li tista’ tqum quddiem kwalunkwe qorti, kif ġustament issottomettiet il-Kummissjoni. Qorti adita bi kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef fi proċeduri quddiemha tista’, fejn meħtieġ, titlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja.

106.

L-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-ikbar setgħa diskrezzjonali biex jirreferu l-kwistjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja meta jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem mistoqsijiet li jinvolvu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni meħtieġa għas-soluzzjoni tal-kawża ta’ quddiemhom. Il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din is-setgħa diskrezzjonali fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri li huma jqisu li hu xieraq ( 84 ). Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, anki meta d-dritt nazzjonali jeħtieġ li qorti ssegwi d-deċiżjonijiet ta’ qorti oħra, dan il-fatt waħdu ma jċaħħadx lill-ewwel qorti mid-dritt li tagħmel domandi dwar l-interpretazzjoni u l-validità tad-dritt tal-Unjoni f’talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. L-ewwel qorti hija ħielsa, b’mod partikolari fejn tqis li deċiżjoni ta’ qorti oħra tista’ titlobha tagħti sentenza kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, li tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 85 ). Barra minn hekk, sentenza li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari torbot lill-qorti nazzjonali fir-rigward tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni għall-finijiet tad-deċiżjoni fil-kawża prinċipali ( 86 ).

107.

Jirriżulta minn dak li ntqal qabel li l-qrati tar-Repubblika tal-Polonja jistgħu jirreferu lill-Qorti tal-Ġustizzja kull domanda li huma jqisu meħtieġa għal deċiżjoni preliminari, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura li jqisu xieraq, anki fi tmiem proċedura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema. Jistgħu wkoll jadottaw kull miżura meħtieġa biex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja provviżorja tad-drittijiet mogħtija taħt id-dritt tal-Unjoni u ma japplikawx, fi tmiem il-proċedura, id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali inkwistjoni jew is-sentenza tal-Awla Straordinarja jekk iqisu li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni. Bħala qorti tal-aħħar istanza, l-Awla Straordinarja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja taħt it-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE meta titqajjem quddiemha kwistjoni relatata mal-interpretazzjoni tat-TFUE.

108.

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-miżuri tranżitorji fl-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni li kienet tipprevali fi tmiem il-perijodu għall-eżekuzzjoni stabbilit fl-opinjoni motivata ( 87 ). L-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja daħal fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020. Il-Kummissjoni, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, ikkonfermat li ma kellha ebda prova li din id-dispożizzjoni baqgħet tipproduċi effetti wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑30 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk hija aċċettat li l-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja kien “skada” sa dik id-data. Minn dan isegwi li l-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja huwa inammissibbli.

109.

Fi kwalunkwe każ, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe prova li tista’ tiddubita l-leġittimità tat-trasferiment tal-ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja biex tiddeċiedi fuq il-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef skont l-Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l-Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, it-talbiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżuri tranżitorji li jinsabu fl-Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li sempliċement jipprovdu għall-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet imsemmija qabel, ma jistgħux jirnexxu.

110.

Il-Kummissjoni titlob ukoll dikjarazzjoni li, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati f’dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Polonja kisret is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-allegazzjoni fir-rigward tas-supremazija tikkonċerna l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk ma hijiex kap ta’ talba separat u ma huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwaru ( 88 )

111.

Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad it-tieni ilment.

B. L-ewwel ilment – Il-projbizzjoni fuq il-qrati nazzjonali li jistħarrġu l-konformità mar-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi

1.   L-argumenti tal-partijiet

112.

Il-Kummissjoni ssostni li, billi tipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jistħarrġu l-konformità mar-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) KEDB u skont l-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

113.

L-ewwel, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, jipprojbixxu lil dawk il-qrati nazzjonali milli jistħarrġu l-legalità tal-ħatra tal-imħallfin jew il-leġittimità tal-korpi ġudizzjarji fir-Repubblika tal-Polonja, u għalhekk jekk qorti li fiha jippresjedi mħallef ġietx stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tal-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti EDB, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda ( 89 ). Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li t-test tad-dispożizzjonijiet iċċitati tad-dritt Pollakk ma jidhirx li jiddistingwi bejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-att tal-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika u l-istħarriġ ġudizzjarju sabiex jiġi żgurat li l-garanziji pprovduti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jkunu ssodisfatti. L-adegwatezza tal-proċedura li twassal għall-ħatra ta’ mħallef taffettwa mhux biss il-validità tal-att tal-ħatra iżda wkoll l-applikazzjoni tar-rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Il-punt 134 tas-sentenza A. K. iddikjara li huwa meħtieġ li jiġi żgurat li kemm il-kundizzjonijiet sostantivi kif ukoll ir-regoli proċedurali ddettaljati għall-ħatra tal-imħallfin ma jistgħux jagħtu lok għal dubji raġonevoli, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ dawn l-imħallfin għal fatturi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom dwar l-interessi li jkollhom quddiemhom.

114.

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jipprevjeni lill-qrati Pollakki milli jevalwaw jekk membri ta’ formazzjoni jistgħux leġittimament jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji. Dan jipprojbixxi lill-qrati milli jikkonstataw, sew ex officio jew fuq talba tal-partijiet, fuq il-bażi tad-“dispożizzjonijiet relatati mal-allokazzjoni tal-kawżi u mal-ħatra u l-modifika tal-formazzjonijiet tal-qorti”, li formazzjoni tal-qorti tkun kontra l-liġi, li ma jkollhiex biżżejjed persunal jew li persuna ma tkunx awtorizzata jew tkun inkompetenti biex tiġġudika. Din id-dispożizzjoni għalhekk tipprevjeni lill-qrati milli jivverifikaw, permezz tal-istħarriġ tal-legalità ta’ sentenza, jekk qorti hijiex qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u għalhekk jekk kellhiex ġurisdizzjoni biex tisma’ l-kawża. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji japplika wkoll għall-kawżi pendenti. Ir-replika ċċarat li, skont l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, ladarba imħallef jinħatar skont ir-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kawżi, dan l-imħallef jitqies li għandu ġurisdizzjoni biex jiddeċiedi legalment f’kawża. Dan jipprevjeni r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi milli jiġu eżaminati f’appell minn sentenza.

115.

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija iktar ’il fuq jipprevjenu qorti Pollakka milli tosserva l-obbligu tagħha li tivverifika, sew ex officio jew wara talba ta’ parti, jekk, minħabba l-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprevjenu lill-qrati milli jaċċertaw, fejn din il-kwistjoni hija importanti għas-sentenza tagħhom stess (pereżempju, rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni minħabba l-kompożizzjoni irregolari ta’ qorti), jekk qorti oħra tikkonformax mar-rekwiżiti tal-Unjoni ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, moqri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) KEDB, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi dwar il-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp ġudizzjarju.

116.

Skont il-Kummissjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti stabbilita bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta ma jeħtieġx l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu speċifiku għal dan l-għan. Lanqas ma jeħtieġ neċessarjament li imħallef nazzjonali jannulla l-att tal-ħatra ta’ mħallef jew ikeċċi l-persuna maħtura. Għalhekk huwa irrilevanti li, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-att tal-ħatra ta’ mħallef ma jistax jiġi kkontestat. Hija l-qorti nazzjonali li tisma’ l-kwistjoni li għandha tiddetermina l-konsegwenzi ta’ kwalunkwe ksur tar-rekwiżit ta’ qorti indipendenti stabbilita minn qabel bil-liġi, fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, filwaqt li tqis kif xieraq l-effettività tad-dritt tal-Unjoni u kwistjonijiet bħall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

117.

Ir-Repubblika tal-Polonja tistqarr li l-Kummissjoni ma sostnietx it-talba tagħha dwar l-allegat ksur tal-Artikolu 267 TFUE u l-prinċipju ta’ supremazija. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni ma rreferietx għall-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema u ma spjegatx kif din id-dispożizzjoni tikser id-dritt tal-Unjoni.

118.

Ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel distinzjoni ċara bejn l-istħarriġ ġudizzjarju tal-att tal-ħatra ta’ mħallef u l-effetti tiegħu u l-istħarriġ ġudizzjarju tas-salvagwardji li qorti għandha tiżgura skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Id-dritt Pollakk ma jawtorizzax l-ewwel forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju u l-Qorti tal-Ġustizzja ma kellha l-ebda oġġezzjoni għal dan fis-sentenza tagħha A. K ( 90 ). Skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-ġurisprudenza konsistenti tal-qrati Pollakki, is-setgħa li jinħatru mħallfin hija prerogattiva tal-President tar-Repubblika. Din is-setgħa ma hijiex, u qatt ma kienet, suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju għar-raġuni li l-awtorizzazzjoni ta’ tali kontestazzjonijiet tippreġudika l-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin. Dan huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tgħid li l-kundizzjonijiet għat-tkeċċija ta’ mħallef għandhom ikunu previsti mil-liġi, iġġustifikati u proporzjonati. Dan huwa konsistenti wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, li skont din l-organizzazzjoni tal-ġustizzja ma għandhiex titħalla għad-diskrezzjoni tal-ġudikatura. Min-naħa l-oħra, id-dritt Pollakk jipprevedi stħarriġ ġudizzjarju tad-dritt għal qorti indipendenti u tal-għoti tal-garanziji pprovduti mid-dritt tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja żżid tgħid li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza.

119.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar il-qrati ordinarji, l-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi ma jirrestrinġux is-setgħa tal-qrati nazzjonali li jeżaminaw id-disponibbiltà tal-garanzija mogħtija lill-individwi mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

120.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva, minn naħa, li, fil-każ ta’ dubju dwar l-imparzjalità ta’ mħallef, ir-rikuża tiegħu tista’ tintalab skont l-Artikoli 48 sa 54 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili ( 91 ), l-Artikoli 40 sa 44 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ( 92 ) jew l-Artikoli 18 sa 24 tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva ( 93 ).

121.

It-tieni, kawża fejn il-ġurisdizzjoni ta’ qorti partikolari tiġi kkontestata jew jitqajmu dubji dwar id-dritt ta’ individwu għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita mil-liġi tista’ tiġi rriferita lil qorti oħra li jkollha ġurisdizzjoni taħt id-dritt nazzjonali ( 94 ) li tikkonforma mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

122.

It-tielet, jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita kienet kuntrarja għal-liġi jew jekk imħallef rikużat ippresjieda kawża, il-qorti tal-appell hija meħtieġa li tannulla l-proċeduri ex officio u tannulla din is-sentenza skont l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, l-Artikolu 349(1)(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u l-Artikolu 183(2)(4) tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva, rispettivament. Konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tista’ twassal biex qorti tal-appell tannulla l-proċeduri u twarrab sentenza għar-raġuni li ma ngħatatx minn qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Il-qorti tal-appell ma tistax, madankollu, tikkontesta l-mandat jew il-ġurisdizzjoni tal-imħallef li ta s-sentenza kkundannata.

123.

Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li l-għan tal-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi emendata dwar il-Qrati Ordinarji, tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u tal-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi huwa li jipprevjeni li l-mandati tal-imħallfin jew ir-relazzjonijiet tal-impjieg jiġu kkontestati fi proċeduri għajr dawk previsti mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-liġijiet li jimplimentawha. L-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, it-trattati internazzjonali u l-Karta barra minn hekk jiggarantixxu d-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kollha. Irregolaritajiet fil-ħatra ta’ mħallef jew ksur tad-dritt għal qorti stabbilita minn qabel bil-liġi ma jinvolvux l-annullament tal-att tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-proċeduri li fihom ipparteċipa dan l-imħallef ( 95 ).

124.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni interpretat ħażin l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Hija ssostni li din id-dispożizzjoni ma tipprevjenix stħarriġ dwar jekk qorti hijiex komposta b’mod korrett. Hija sempliċement tikkodifika l-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema li tipprovdi li, meta kawża tiġi ttrattata bi ksur tad-dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kawżi bejn l-imħallfin tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, dan ma jikkostitwixxix raġuni għal stħarriġ straordinarju taħt l-Artikolu 387 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-Artikolu 439(1)(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali li jkun iwassal għall-annullament tal-proċeduri u s-sentenza ineżami. Ksur ta’ din in-natura jista’, madankollu, jikkostitwixxi raġuni għal stħarriġ ordinarju. Parti tista’ għalhekk titlob l-annullament ta’ sentenza fuq il-bażi li ksur tar-Regoli ta’ Proċedura applikabbli affettwa b’mod negattiv l-eżitu tal-kawża mill-perspettiva tagħha. Barra minn hekk, parti tista’ titlob ir-rikuża ta’ mħallef jekk il-parteċipazzjoni tagħha fil-kawża tikser id-dritt għal qorti imparzjali.

125.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-punt 114 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ma jirriferixxix għall-istħarriġ mill-qrati tal-kwistjoni dwar jekk qorti li tat sentenza kinitx qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-konsegwenzi ta’ ksur tar-regoli dwar l-allokazzjoni tal-kawżi u l-kompożizzjoni tal-qrati. Minn dan isegwi li l-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, li jipprovdi li l-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji japplika wkoll għall-kawżi pendenti, għandu jiġi miċħud ukoll.

2.   Evalwazzjoni

a)   Ammissibbiltà

126.

Ir-Repubblika tal-Polonja tissottometti li l-ksur tal-Artikolu 267 TFUE u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni allegat fl-ewwel ilment tal-Kummissjoni ma huwiex sostnut. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprovdi xi ġustifikazzjoni jew prova li l-Artikolu 26(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema kiser id-dritt tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis ukoll li l-Kummissjoni pproduċiet l-ispjegazzjonijiet jew il-provi tagħha insostenn ta’ dawn l-allegazzjonijiet tard u l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tikkunsidrahom.

127.

Fi proċeduri magħmula taħt l-Artikolu 258 TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li obbligu ma ġiex issodisfatt billi tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex din tkun tista’ tistabbilixxi dan il-fatt, u l-Kummissjoni ma hija intitolata tistrieħ fuq ebda preżunzjoni ( 96 ). Bis-saħħa tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ir-rikors taħt l-Artikolu 258 TFUE għandu jindika l-ilmenti speċifiċi li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi u, għall-inqas f’forma sommarja, id-dettalji legali u fattwali li fuqhom huma bbażati dawn l-ilmenti ( 97 ). Il-mertu ta’ rikors skont l-Artikolu 258 TFUE għalhekk għandu jiġi eżaminat esklużivament b’riferiment għat-talbiet imressqa fir-rikors.

128.

Fl-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni sempliċement rreferiet għall-Artikolu 267 TFUE mingħajr ma spjegat, anki f’forma sommarja, kif id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk li hija identifikat kisru din id-dispożizzjoni. Li l-Kummissjoni, fl-opinjoni motivata tagħha tat‑30 ta’ Ottubru 2020, spjegat ir-rilevanza tal-Artikolu 267 TFUE fil-kuntest ta’ dan l-ilment ma huwiex biżżejjed għall-finijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 120(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-pretensjoni fir-replika, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tippreżumi l-eżistenza ta’ “rabta funzjonali” bejn l-allegat ksur tal-Artikolu 267 TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk inkwistjoni. Sa fejn il-Kummissjoni setgħet spjegat din ir-“rabta funzjonali” fil-kuntest tat-tieni ilment tagħha, dan l-ilment isir fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet differenti tad-dritt Pollakk.

129.

B’kuntrast għal dan, inqis li l-punt 75 tar-rikors jispjega fil-qosor għaliex il-Kummissjoni kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk identifikati fl-ewwel ilment tagħha jiksru l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 26(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema essenzjalment jirrepeti l-Artikolu 29(3) tagħha ( 98 ), kien biżżejjed li l-Kummissjoni tirreferi għall-Artikolu 26(3) fl-ewwel ilment tagħha peress li dan jista’ jiġi dedott b’mod ċar mit-termini li fihom ġie espress dan l-ilment, meħud kollu kemm hu, għaliex qieset li din l-aħħar dispożizzjoni tikser id-dritt tal-Unjoni.

130.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad, bħala inammissibbli, l-argumenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 267 TFUE fil-kuntest tal-ewwel ilment.

b)   Fil-mertu

1) Rimarki preliminari – Il-portata tal-ewwel u t-tieni lment tal-Kummissjoni

131.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-motivi mqajma fit-tieni ilment tal-Kummissjoni huma inkonsistenti u jikkontradixxu l-ewwel ilment tagħha. Il-Kummissjoni tqis li din it-talba hija bla bażi.

132.

It-tieni ilment jirrigwarda l-ġurisdizzjoni esklużiva li d-dritt nazzjonali jagħti lill-Awla Straordinarja sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet dwar l-indipendenza tal-qrati, il-formazzjonijiet tal-qrati u l-imħallfin. L-ewwel ilment jikkritika, inter alia, il-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali kollha, inkluża l-Awla Straordinarja ( 99 ), milli jistħarrġu l-legalità tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja. L-ewwel ilment għalhekk isostni li l-ebda qorti fil-Polonja ma għandha ġurisdizzjoni biex tistħarreġ il-legalità tal-ħatra tal-imħallfin fil-Polonja skont id-dritt tal-Unjoni. Għalhekk inqis li l-ewwel żewġ ilmenti tal-Kummissjoni huma konsistenti ma’ xulxin.

2) Id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi

133.

Ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li l-qrati ordinarji, il-Qorti Suprema u l-qrati amministrattivi għandhom josservaw it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) KEDB u l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija ma tikkontestax li l-qrati inkwistjoni għandhom jivverifikaw ir-rispett tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi skont is-sentenza Simpson. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-dispożizzjonijiet nazzjonali identifikati mill-Kummissjoni sempliċement jipprevjenu l-att ta’ ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika milli jiġi kkontestat. F’dan il-kuntest, tenfasizza għadd ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Pollakk li jagħtu lill-imħallfin il-possibbiltà li jivverifikaw ir-rispett tal-aċċess għal qorti imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi.

134.

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, f’din il-kawża, il-Kummissjoni la tikkontesta l-prerogattiva tal-President tar-Repubblika li jaħtar imħallfin u lanqas li l-att tal-ħatra ta’ mħallef ma jistax jiġi kkontestat taħt id-dritt Pollakk ( 100 ).

135.

Fil-punt 133 tas-sentenza A. K, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-fatt li l-President tar-Repubblika jaħtar l-imħallfin ma joħloqx relazzjoni ta’ subordinazzjoni ta’ dawn tal-aħħar lejn tal-ewwel jew dubji dwar l-imparzjalità tal-persuni hekk maħtura, jekk, ladarba jinħatru, l-imħallfin ikunu ħielsa minn influwenza. Barra minn hekk, il-punti 129 sa 136 tas-sentenza A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) ( 101 ) jgħidu li, għalkemm jista’ ma jkunx possibbli li jiġi eżerċitat dritt għal rimedju legali fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal karigi ġudizzjarji f’qorti suprema nazzjonali, dan jista’ ma joħloqx problemi għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni, sakemm ikunu disponibbli rimedji ġudizzjarji effettivi oħra. Il-pożizzjoni tista’ tkun differenti fejn ir-rimedji ġudizzjarji li kienu jeżistu qabel ikunu ġew aboliti u fatturi rilevanti oħra li jikkaratterizzaw proċess ta’ ħatra f’kuntest legali u fattwali nazzjonali speċifiku jagħtu lok għal dubji sistemiċi fl-imħuħ tal-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt dak il-proċess ( 102 ).

136.

L-ewwel ilment tal-Kummissjoni għalhekk huwa limitat għall-allegazzjoni li l-qrati ordinarji kollha, il-qrati amministrattivi kollha u l-Qorti Suprema, inkluża l-Awla Straordinarja ( 103 ), huma pprojbiti milli jeżaminaw, sew ex officio jew wara talba ta’ parti, jekk qorti tiżgurax id-dritt ta’ individwi għal rimedju effettiv f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni quddiem qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ( 104 ). Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom mill-inqas żewġ effetti perniċjużi. Fl-ewwel lok, huma jipprevjenu lill-qrati milli jistħarrġu tali kwistjonijiet, irrispettivament min-natura u l-portata tar-rimedju li jista’ jkun disponibbli fid-dritt nazzjonali. Fit-tieni lok, huma jipprevjenu wkoll lill-qrati milli ma japplikawx dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

137.

Il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja ma jaqblux dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni fl-ewwel ilment.

138.

It-test tal-Artikolu 42a(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikoli 26(3) u 29(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 5(1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jipprojbixxi espliċitament lill-qrati inkwistjoni milli jistabbilixxu jew jevalwaw il-“legalità tal-ħatra ta’ mħallef”. Dawn l-istess dispożizzjonijiet jipprojbixxu wkoll lil dawn il-qrati milli jistabbilixxu jew jevalwaw is-“setgħa li jeżerċita[w] funzjonijiet ġudizzjarji li tirriżulta minn din il-ħatra”.

139.

L‑Artikolu 42a(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 29(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 5(1a) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi wkoll jipprevedu li dawk il-qrati ma jistgħux “[iqiegħdu]f’dubju l-leġittimità tal-qrati […] jew il-korpi responsabbli għall-istħarriġ u l-protezzjoni tal-liġi.” L-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja ( 105 ) jipprevjenu dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-kawżi u l-ħatra u l-modifika tal-formazzjonijiet ta’ qorti milli jiġu invokati sabiex tiġi limitata l-ġurisdizzjoni ta’ mħallef jew biex jiġi kkonstatat li formazzjoni hija kontra l-liġi, li qorti tkun komposta ħażin jew li persuna mhux awtorizzata jew kompetenti biex tiġġudika tkun parti minn din il-qorti.

140.

It-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma huwiex, mad-daqqa ta’ għajn, limitat għall-prevenzjoni ta’ qorti milli jkollha ġurisdizzjoni biex tħassar, erga omnes, l-att tal-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika. Minflok, dan jipprekludi b’mod ċar lill-qrati Pollakki kollha, sew ex officio jew wara talba ta’ parti, milli jqajmu jew jindirizzaw, fi kwalunkwe ċirkustanza u għal kwalunkwe raġuni, jekk imħallef ikunx inħatar legalment jew jistax jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji irrispettivament min-natura tal-illegalità allegata, l-att jew il-proċedura kkontestati jew ir-rimedju disponibbli. It-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa għalhekk tant wiesa’ li jneħħi l-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jeżaminaw kwistjonijiet dwar l-indipendenza tal-kompożizzjoni ta’ qorti kif titlob is-sentenza Simpson ( 106 ).

141.

Minkejja l-fatt li l-qrati nazzjonali huma obbligati li jirreferu kwistjonijiet dwar l-indipendenza ta’ mħallef jew ta’ qorti lill-Awla Straordinarja taħt l-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, l-Artikolu 26(3) ta’ din il-liġi espliċitament jeskludi lill-Awla Straordinarja milli tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew l-awtorità tiegħu li jwettaq funzjonijiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 42a(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 29(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l‑Artikolu 5(1a) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, l-ebda qorti Pollakka ma tista’ tpoġġi f’dubju l-leġittimità ta’ qorti. L-applikazzjoni ta’ rimedji korrispondenti taħt id-dritt nazzjonali hija għalhekk ugwalment ċirkoskritta.

142.

Barra minn hekk, filwaqt li l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja jistgħu, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, f’ħafna każijiet jikkonċernaw kwistjonijiet purament organizzattivi inkluża l-ġestjoni tal-kawżi u l-ammont ta’ xogħol, jista’ jkun ugwalment il-każ li tali kwistjonijiet jagħtu lok għal tħassib dwar jekk qorti ġietx stabbilita minn qabel bil-liġi jew jekk hijiex imparzjali. Projbizzjoni ġenerali li saħansitra jitqajmu jew jiġu indirizzati tali kwistjonijiet fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-leġiżlazzjoni kkontestata testendi lil hinn minn dak li r-Repubblika tal-Polonja tiddikjara li huma l-għanijiet iddikjarati ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u tfixkel id-disponibbiltà ta’ rimedji ġudizzjarji biex jiġi rrimedjat tali ksur. Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni huma tant wesgħin fit-termini tagħhom li jirregolaw l-aspetti kollha tal-istħarriġ tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ggarantit mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

143.

Ir-Repubblika tal-Polonja pproduċiet bħala prova, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, numru kbir ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali li jipprevedu, inter alia, ir-rikuża tal-imħallfin, ir-rinviju ta’ kawża lil qorti oħra u l-annullament ta’ proċeduri minn qrati tal-appell fuq il-bażi li dawn il-proċeduri ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta. Pereżempju, l-Artikolu 48 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikolu 40 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdu għar-rikuża awtomatika tal-imħallfin f’ċerti ċirkostanzi speċifikati. Skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Artikoli 41 u 42 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, imħallef jista’ jitlob li jiġi rikużat jew parti tista’ titlob ir-rikuża ta’ mħallef. Skont l-Artikolu 379(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l-Artikolu 439 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-parteċipazzjoni ta’ mħallef li jkun suġġett għal rikuża awtomatika twassal għall-annullament tal-proċeduri rilevanti.

144.

F’dan il-kuntest, jista’ jiġi osservat li r-Repubblika tal-Polonja indikat li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) illimitat, f’diversi okkażjonijiet, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar ir-rikuża tal-imħallfin. L-Artikolu 49 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili għalhekk skada fid‑9 ta’ Ġunju 2020, sa fejn dan ippermetta r-rikuża ta’ mħallef abbażi tal-ħatra irregolari tiegħu mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS ( 107 ). Din l-istess dispożizzjoni skadiet parzjalment ukoll fit‑28 ta’ Frar 2022, sa fejn irrikonoxxiet, bħala ċirkustanza li x’aktarx tagħti lok għal dubju leġittimu dwar l-imparzjalità ta’ mħallef f’kawża partikolari, il-proċedura għall-ħatra tiegħu mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS ( 108 ). L-Artikolu 41(1) u l-Artikolu 42(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali skadew fit‑12 ta’ Marzu 2020 sa fejn dawn ippermettew l-eżami ta’ rikors għar-rikuża ta’ mħallef minħabba irregolarità fil-ħatra tiegħu mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS ( 109 ). Din il-ġurisprudenza timponi restrizzjonijiet ċari fuq il-possibbiltà li mħallef jiġi rrikużat minħabba irregolarità fil-ħatra tiegħu, b’mod differenti mill-kontestazzjoni tal-att tal-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika.

145.

Id-diversi dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk dwar ir-rikuża tal-imħallfin lanqas ma jnaqqsu mill-fatt li l-lingwaġġ tal-Artikolu 42a(1) u (2) u tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, l‑Artikolu 5(1a) u (1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi u l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja huwa wiesa’ ħafna u ma huwiex limitat għal proċeduri mmirati biex jikkontestaw l-att tal-ħatra ta’ mħallef. Minflok, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jipprevjenu li qorti tagħmel reviżjoni tal-kompożizzjoni tal-ġudikatura jew kwalunkwe att li jwassal għall-ħatra ta’ mħallef, u għalhekk tiġi miċħuda d-disponibbiltà ta’ kwalunkwe rimedju legali fil-każ ta’ ksur tar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

146.

Anki kieku wieħed jaċċetta li dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jidher li jippermettu lill-qrati li jistħarrġu, għall-inqas sa ċertu punt, il-konformità mal-garanziji pprovduti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 il-Karta ( 110 ), il-koeżistenza tagħhom mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li l-Kummissjoni kkontestat fl-ewwel ilment tagħha u l-limitazzjonijiet li l-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) imponiet fuq l-applikazzjoni tagħhom toħloq inċertezza legali konsiderevoli, u għalhekk iddgħajjef il-possibilitajiet għall-qrati u l-partijiet li jaċċedu għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, kuntrarjament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Kummissjoni titlob ukoll dikjarazzjoni li, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li tirreferi għalihom f’dan l-ilment, ir-Repubblika tal-Polonja kisret is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Kif indikat fir-risposta tiegħi għat-tieni ilment ( 111 ), it-talba fir-rigward tas-supremazija ma hijiex kap ta’ talba separat u ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni dwarha bħala tali.

147.

Jien għalhekk nagħti l-parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fl-ewwel ilment jistgħu jippreġudikaw il-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki li jeżaminaw l-osservanza mar-rekwiżiti relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u għalhekk jiksru dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

C. It-tielet ilment – L-eżami ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi isir meqjus bħala reat dixxiplinari

1.   L‑argumenti tal-partijiet

148.

Dan l-ilment jirrigwarda ż-żieda ta’ żewġ reati dixxiplinari fil-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ( 112 ) u l-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ( 113 ), flimkien mal-Liġi Emendatorja li ddaħħal fil-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema reat dixxiplinari li jikkonsisti fi “ksur manifest u flagranti tal-liġi”. Skont il-Kummissjoni, il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 72(1)(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jqisu l-evalwazzjoni minn qorti nazzjonali tal-indipendenza ta’ mħallef jew korp ġudizzjarju ieħor u l-istatus tagħhom bħala “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” bħala reat dixxiplinari. Dan jammonta għal nuqqas mir-Repubblika tal-Polonja li tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u skont l-Artikolu 267 TFUE.

149.

Il-Kummissjoni tibda mill-pożizzjoni li qorti nazzjonali ma tistax tiġi kkunsidrata li wettqet reat dixxiplinari u li tinsab f’riskju li tbati miżuri dixxiplinari meta tikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta.

150.

Skont il-Kummissjoni, l-ewwel reat dixxiplinari li jinsab fid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 148 ta’ dawn il-konklużjonijiet jikkonċerna atti jew ommissjonijiet li jipprekludu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja. It-tieni jikkonċerna atti li jpoġġu f’dubju l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.

151.

Imħallfin tal-qrati ordinarji u amministrattivi li jwettqu dawn ir-reati huma f’riskju li jitkeċċew jew jiġu ttrasferiti f’qorti oħra. Imħallef jista’ jiġi mmultat jew imneħħi mill-kariga għal dawk li huma deskritti bħala reati minuri ( 114 ). L-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema huma suġġetti għal tkeċċija mingħajr kundizzjonijiet għal tali reati ( 115 ). Il-Kummissjoni tosserva li, skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-iskop tar-reati dixxiplinari inkwistjoni huwa li tiġi żgurata l-“effettività” tal-Artikolu 42a u tal-Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal-Artikolu 29(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ( 116 ), u biex jiggarantixxu li l-qrati nazzjonali jikkonformaw mas-setgħat il-ġodda li ngħataw lill-Awla Straordinarja esklużivament ( 117 ).

152.

Il-Kummissjoni ssostni li eżami minn qorti ta’ kemm hi xierqa l-proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin skont is-sentenza Simpson ( 118 ) jista’ jiġi kklassifikat bħala att “li jpoġġi f’dubju l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef [jew] l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef” skont il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u għalhekk jingħata lok għal proċeduri dixxiplinari.

153.

Barra minn hekk, kif indikat fil-kuntest tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li l-qrati nazzjonali kollha jkunu jistgħu jevalwaw l-indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef li jisimgħu kawża partikolari. Dik l-evalwazzjoni bħalissa hija rriżervata lill-kompetenza esklużiva tal-Awla Straordinarja. Kwalunkwe qorti nazzjonali li tikser id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali msemmija fit-tieni ilment billi tinvoka l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni tista’ tkun suġġetta għal proċeduri dixxiplinari skont il-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, jiġifieri, għal att jew ommissjoni li jipprevjenu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja.

154.

Konstatazzjoni minn qorti li qorti ma tkunx stabbilita minn qabel bil-liġi minħabba irregolaritajiet fil-proċedura li wasslet għall-ħatra ta’ mħallef tista’ tikkostitwixxi att li jikkontesta “l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef” u għalhekk tiġi kklassifikata bħala reat skont il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji jew il-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema.

155.

Ir-reati dixxiplinari maħluqa mill-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u mill-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jolqtu wkoll il-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jevalwaw l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef jew qorti oħra jew l-istatus ta’ qorti “stabbilita minn qabel bil-liġi”. Din is-sitwazzjoni tmur kontra s-sentenza tal-Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) ( 119 ) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indipendenza ġudizzjarja teħtieġ li s-sistema dixxiplinari ma tintużax bħala sistema ta’ kontroll politiku fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

156.

L-istess dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jiffaċilitaw ukoll it-trattament bħala reati dixxiplinari ta’ talbiet minn qorti għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta li jirriżultaw minn dubji dwar il-legalità tal-ġurisdizzjoni ta’ qorti ( 120 ).

157.

Il-Kummissjoni tqis li dawn ir-reati dixxiplinari ma jikkonformawx mas-sentenza A. K., kif issostni r-Repubblika tal-Polonja. Jekk l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punti 132 sa 154 ta’ din is-sentenza twassal għall-konklużjoni li qorti ma hijiex indipendenti u imparzjali skont l-Artikolu 47 tal-Karta, qorti nazzjonali għandha tastjeni milli tapplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu ġurisdizzjoni lil qorti bħal din. Imġiba ta’ dan it-tip tista’ titqies li tikkostitwixxi reat dixxiplinari skont il-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema peress li tista’ tammonta għal att jew ommissjoni li x’aktarx tipprevjeni, jew tipperikola serjament, il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fil-punt 133 tas-sentenza A. K. li l-ħatra ta’ mħallfin mill-President tar-Repubblika ma tistax tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li s-sempliċi fatt li mħallef jinħatar mill-President tar-Repubblika ma huwiex tali li jwassal għal dubji dwar l-imparzjalità tiegħu, jekk, ladarba tinħatar, il-persuna kkonċernata ma tkunx suġġetta għal pressjoni esterna u ma tirċevix struzzjonijiet fil-qadi ta’ dmirijietu.

158.

Il-Liġi Emendatorja daħħlet fil-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema reat dixxiplinari li jikkonsisti fi “ksur manifest u flagranti tal-liġi”. Dan ir-reat dixxiplinari diġà kien japplika għall-imħallfin tal-qrati ordinarji skont il-punt 1 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Is-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin eżaminat il-kompatibbiltà ta’ din l-aħħar dispożizzjoni mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Ir-reat dixxiplinari ta’ “ksur manifest u flagranti tal-liġi” huwa kunċett vag li kapaċi jirrestrinġi l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Ma jistax jiġi eskluż li l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, meta moqri fil-kuntest taż-żieda fl-attività tal-uffiċjali dixxiplinari u l-pressjoni eżekuttiva fuq l-attività tal-korpi dixxiplinari wara l-emendi skont il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ( 121 ), jista’ tintuża biex jiġi eżerċitat kontroll politiku fuq l-attività ġudizzjarja tal-imħallfin tal-Qorti Suprema.

159.

Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li t-tielet ilment jirrigwarda l-kontenut u t-termini tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni iktar milli l-apprezzament ġudizzjarju tagħhom jew l-applikazzjoni tagħhom. Fis-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin ( 122 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli li jiddefinixxu, b’mod ċar u preċiż biżżejjed, il-forom ta’ mġiba li jistgħu jwasslu għar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tagħhom u biex jiġi evitat li jiġu esposti għar-riskju li r-responsabbiltà dixxiplinari tista’ tiġi attivata biss minħabba d-deċiżjonijiet li jieħdu. Il-kliem “atti li jpoġġu f’dubju” fil-punt 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ma huwiex limitat għal kontestazzjoni tal-att tal-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika.

160.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li r-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax ix-xebh bejn il-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-punt 1 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Ir-raġunament fis-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin japplika a fortiori għall-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema.

161.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tielet ilment huwa infondat peress li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-oneru tal-prova skont l-Artikolu 258 TFUE. Hija tinnota, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq it-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni u ma pproduċiet ebda prova la fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom u lanqas tal-ġurisprudenza li tinterpretahom.

162.

Il-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema huma bbażati fuq id-dritt Franċiż ( 123 ). Il-Kummissjoni qatt ma kkontestat il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ma jistax jiġi dedott minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li dawn japplikaw għal każijiet li fihom id-dritt tal-Unjoni, inkluż l-Artikolu 19(1)TUE, jiġi applikat. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex att jew ommissjoni li tipprevjeni jew timmina serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja.

163.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema hija wkoll ikkontradetta mill-għan imfittex minn dawn id-dispożizzjonijiet, li huwa li jiġi żgurat li l-imħallfin li huma membri ta’ professjoni bbażata fuq il-fiduċja pubblika ma jaġixxux b’mod inkompatibbli mad-dinjità tal-kariga tagħhom. Peress li huwa dmir tal-qorti li tapplika l-liġi u li tressaq talbiet għal deċiżjoni preliminari, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li dawn l-atti jistgħu jikkostitwixxu reat dixxiplinari hija żbaljata. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jippermettu l-istħarriġ ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji jew l-impożizzjoni ta’ responsabbiltà dixxiplinari fuq imħallef bħala konsegwenza tal-eżami dwar jekk id-dritt għal qorti huwiex iggarantit. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għalhekk hija infondata minn pożizzjoni lingwistika, loġika u empirika u l-ġurisprudenza nazzjonali ma ssostnihiex.

164.

Fir-rigward tal-punt 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ( 124 ), ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni tħawwad l-istħarriġ minn qorti nazzjonali tal-konformità mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, mal-effett ta’ dan l-istħarriġ, li jikkonsisti f’li jiġi ddubitat l-eżerċizzju mill-President tar-Repubblika tal-prerogattivi tiegħu sabiex jaħtar imħallef partikolari.

165.

Ir-reati dixxiplinari inkwistjoni ma jikkonsistux f’eżami dwar jekk id-dritt ta’ individwu għal qorti ġiex irrispettat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali minflok jipprekludu qorti li tiddubita l-validità ta’ ħatra ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċedura differenti minn dik prevista mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jew minn dispożizzjonijiet adottati abbażi tagħha.

166.

Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ma jipprekludux id-disponibbiltà ta’ rimedji sabiex jiġi indirizzat ksur tad-drittijiet ta’ parti taħt l-Artikolu 47 tal-Karta, bħall-annullament ta’ sentenza, ir-rikuża ta’ mħallef jew ir-rinviju ta’ kawża lil qorti oħra li tikkonforma ma’ din id-dispożizzjoni tal-Karta skont is-sentenza A. K. Dawn id-dispożizzjonijiet lanqas ma jipprevjenu talbiet għal deċiżjonijiet preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. Sa mill-adozzjoni tagħhom, il-qrati Pollakki ressqu numru ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Il-Kummissjoni ma ssostnix li xi waħda mill-qrati li ressqu dawn it-talbiet kienet suġġetta għal proċeduri dixxiplinari u r-Repubblika tal-Polonja tikkonferma li dan huwa l-każ.

167.

Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonferma wkoll li l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jikkorrispondi mal-punt 1 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, li jipprovdi li mħallef ikollu responsabbiltà dixxiplinari għal “ksur manifest u flagranti tal-liġi”. Din l-aħħar dispożizzjoni ilha fis-seħħ, mingħajr tibdil, mill‑1 ta’ Ottubru 2001. Sa issa ma tat lok għal ebda oġġezzjoni. Il-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema għalhekk sempliċement jistandardizza d-definizzjoni ta’ mġiba ħażina dixxiplinari diġà applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, ikun inaċċettabbli li kieku l-leġiżlatur jeżenta lill-imħallfin tal-Qorti Suprema – li jridu jilħqu l-ogħla standards ta’ mġiba u għarfien legali – milli jkunu responsabbli fi proċeduri dixxiplinari għal reati li jikkonsistu fi ksur manifest u flagranti tal-liġi.

168.

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema, ksur tar-regoli legali huwa “manifest u flagranti” meta “l-iżball tal-qorti huwa faċli li jiġi stabbilit, ikun sar fir-rigward tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għalkemm it-tifsira ta’ din dispożizzjoni ma għandhiex tagħti lok għal dubji anki min-naħa ta’ persuni bi kwalifika legali medja u l-applikazzjoni tagħha ma teħtieġx iktar analiżi” ( 125 ) jew “fejn, f’moħħ kwalunkwe avukat, mingħajr iktar kunsiderazzjonijiet, ma tagħti lok għal ebda dubju dwar il-fatt li kien hemm ksur ta’ regola tad-dritt” ( 126 ). Għalhekk jirriżulta kemm mit-test tal-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema kif ukoll mill-ġurisprudenza dwaru li l-osservanza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 267 TFUE ma tikkostitwixxix ksur manifest u flagranti tal-liġi.

169.

Il-kontroreplika tfakkar li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fil-punt 159 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 127 ) titlob li evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-applikazzjoni tagħha fil-prattika, inkluża kwalunkwe ġurisprudenza nazzjonali dwar l-interpretazzjoni tagħha.

2.   Evalwazzjoni

a)   Osservazzjonijiet preliminari dwar il-portata tat-tieni u t-tielet ilment tal-Kummissjoni

170.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-motivi mqajma mill-Kummissjoni fit-tieni lment tagħha huma inkonsistenti u jikkontradixxu t-tielet ilment tagħha. Il-Kummissjoni tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad din it-talba. It-tieni lment jikkonċerna l-ġurisdizzjoni esklużiva li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali jagħtu lill-Awla Straordinarja biex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet dwar l-indipendenza tal-qrati, il-formazzjonijiet u l-imħallfin. It-tielet ilment huwa li l-eżami minn qorti tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi huwa kklassifikat bħala reat dixxiplinari. Dawn iż-żewġ ilmenti huma ovvjament differenti. Għalhekk ma naqbilx li hemm kontradizzjoni ovvja bejniethom u nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-oġġezzjoni mressqa mir-Repubblika tal-Polonja f’dan ir-rigward.

b)   Proċeduri dixxiplinari

171.

Bħala konsegwenza tar-rekwiżiti dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin għandha tipprovdi garanziji neċessarji sabiex tipprevjeni kwalunkwe riskju li tintuża bħala sistema biex teżerċita kontroll politiku fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, il-forom ta’ mġiba li jikkostitwixxu reati dixxiplinari u l-penalitajiet applikabbli għalihom, li jipprevedu l-involviment ta’ korp indipendenti skont proċedura li tissalvagwardja bis-sħiħ id-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, notevolment id-drittijiet tad-difiża, u li jipprevedu l-possibbiltà li jiġu kkontestati deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari permezz ta’ proċeduri legali, jikkostitwixxu sett ta’ garanziji li huma essenzjali biex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura ( 128 ).

172.

Is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin taqa’ taħt l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u, għalhekk, fil-kompetenza tal-Istati Membri. Skont il-mod li bih Stat Membru jimponiha, ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin tista’ tikkontribwixxi għar-responsabbiltà u l-effettività tas-sistema ġudizzjarja. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni billi jissalvagwardjaw, inter alia, l-indipendenza tal-qrati mitluba jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-individwi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeħtieġ ( 129 ).

173.

Is-salvagwardja ta’ din l-indipendenza ma teskludix għal kollox kwalunkwe possibbiltà li r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef tista’, f’każijiet rari ħafna u għal kollox eċċezzjonali, tiġi attivata mid-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu jew tagħha. Ir-rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex intiż biex jipproteġi forom ta’ mġiba totalment mhux skużabbli min-naħa tal-imħallfin, li jikkonsistu fi ksur, jew deliberat u b’mala fide, jew minħabba negliġenza partikolarment serja u gravi, tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni li huma suppost japplikaw, jew jaġixxu b’mod arbitrarju jew jiċħdu l-ġustizzja meta jintalbu jiddeċiedu fit-tilwim ( 130 ).

174.

Sabiex tiġi ppreservata l-indipendenza ġudizzjarja u sabiex jiġi evitat li sistema dixxiplinari tiġi ddevjata mill-għan leġittimu tagħha, huwa essenzjali li l-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja jista’ jkun fiha żball fl-interpretazzjoni u/jew fl-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali u/jew tad-dritt tal-Unjoni, jew fl-evalwazzjoni tal-fatti u l-evalwazzjoni tal-provi, fih innifsu huwa inkapaċi li jattiva ir-responsabbiltà dixxiplinari ( 131 ).

175.

L-invokazzjoni tar-responsabbiltà dixxiplinari għandha għalhekk tkun irregolata minn kriterji oġġettivi u verifikabbli bbażati fuq ir-rekwiżiti essenzjali ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u minn garanziji intiżi sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, u għalhekk jgħinu biex jitneħħa, minn moħħ l-individwi, kull dubju raġonevoli dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati u n-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi ta’ quddiemhom ( 132 ). Għal dan l-għan, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli li jiddefinixxu, b’mod ċar u preċiż biżżejjed, il-forom ta’ mġiba li jistgħu jattivaw ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tagħhom u sabiex jiġi evitat li jesponuhom għar-riskju li jattivaw responsabbiltà dixxiplinari minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet tagħhom ( 133 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-fatt li l-imħallfin nazzjonali ma jkunux esposti għal proċeduri dixxiplinari jew għal miżuri talli eżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali tagħhom li jagħmlu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE jikkostitwixxi garanzija essenzjali għall-indipendenza tagħhom ( 134 ).

176.

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma s-suġġett ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha, bħala regola ġenerali, tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni li tawhom il-qrati nazzjonali ( 135 ). Meta ressqet it-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni tallega li t-termini tad-dispożizzjonijiet nazzjonali nnifishom jiksru b’mod ċar dispożizzjonijiet identifikabbli tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk ma huwiex meħtieġ li ssir investigazzjoni dwar il-mod kif dawn id-dispożizzjonijiet huma applikati fil-prattika ( 136 ). Peress li l-Kummissjoni għażlet li tippreżenta l-każ tagħha b’dan il-mod, ma nara l-ebda raġuni loġika għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tilqgħu u tiddeċiedi fuq din il-bażi, bir-riskju li l-Kummissjoni tonqos milli tirnexxi fuq din il-kwistjoni.

177.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-test tal-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema huwa simili għal dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt Franċiż u tosserva li l-Kummissjoni qatt ma kkontestat il-validità ta’ dawn tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma jagħtix marġni ta’ diskrezzjoni ikbar lill-korp inkarigat li jiddeċiedi fuq tilwima minn dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-dritt Belġjan, Daniż u Olandiż.

178.

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat li dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma diretti kontra r-Repubblika tal-Polonja. Peress li l-legalità tar-regoli fis-seħħ fi Stati Membri oħra ma hijiex quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-Istat Membru ma jistax jinvokahom sabiex juri li ma kisirx id-dritt tal-Unjoni ( 137 ).

179.

Safejn jikkonċerna l-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, it-tielet ilment tal-Kummissjoni huwa marbut mill-qrib mat-tieni wieħed tagħha. Il-Kummissjoni tqis li l-qrati nazzjonali kollha għandhom ikunu jistgħu jevalwaw jekk ir-rekwiżiti ta’ indipendenza, imparzjalità u stabbiliment minn qabel bil-liġi humiex issodisfatti. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija qabel hija li tali evalwazzjoni tista’ titqies li tikkostitwixxi att li jimmina serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja jew li jqiegħed fid-dubju l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef jew l-effettività tal-ħatra tiegħu.

180.

Kif indikat fir-risposta proposta tiegħi għat-tieni ilment, nikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ekwivalenza jew effettività, ir-regoli ġurisdizzjonali nazzjonali li jillimitaw jew jirrestrinġu l-qrati jew il-formazzjonijiet tagħhom li jistgħu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet fuq l-indipendenza ta’ qorti, ta’ formazzjoni jew ta’ mħallef, bħala prinċipju, ma jiksrux it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Sakemm ir-regoli tal-ġurisdizzjoni jkunu ċari u preċiżi, fl-andament tas-soltu tal-proċeduri, qorti, formazzjoni jew imħallef ma għandhomx jużurpaw is-setgħat mogħtija lil ġurisdizzjoni oħra.

181.

Fil-fehma tiegħi, it-test tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) u tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema huwa tant wiesa’ u impreċiż li huwa raġonevolment miftuħ għal interpretazzjoni li eżami minn imħallef tal-konformità ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta ta’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi ( 138 ) jista’ jikkostitwixxi reat dixxiplinari. Jista’ jiġi argumentat b’mod kredibbli li qorti, li taġixxi fil-ġurisdizzjoni tagħha, li teżamina jekk hi, jew qorti oħra, tikkonformax mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jew tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE ( 139 ), tista’ titqies li ppreveniet jew imminat serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja jew iddubitat l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef.

182.

Il-punt 2 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 2 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jirreferu għal atti jew ommissjonijiet li jistgħu jipprevjenu jew jimminaw serjament il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja. Huma ma jispeċifikawx li dawk l-atti jew ommissjonijiet għandhom ikunu illegali taħt id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni. L-allegazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja li att imwettaq fil-limiti, u fl-applikazzjoni, tal-liġi ma jistax jikkostitwixxi reat dixxiplinari skont dawn id-dispożizzjonijiet għalhekk jidher li huwa insostenibbli. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni lanqas ma jippermettu lill-qarrej jaċċerta l-eżistenza ta’ reat dixxiplinari, jew f’dan il-każ, l-assenza allegata tiegħu, biċ-ċarezza u l-preċiżjoni meħtieġa mid-dritt.

183.

Il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punt 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jirreferu wkoll għal atti li jikkontestaw l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja. Dawn id-dispożizzjonijiet huma mfassla b’mod tant wiesa’ li jdaħħlu fil-kamp tagħhom kwistjonijiet li jmorru lil hinn mill-kontestazzjoni tal-att tal-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika. It-test jiġbor, fil-fehma tiegħi, it-tentattivi kollha biex jiġi kkontestat kwalunkwe aspett tal-proċedura li jwassal għall-ħatra ta’ mħallef inkluż ( 140 ), pereżempju, jekk ir-rekwiżit li qorti tkun stabbilita minn qabel bil-liġi kienx osservat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta. Minħabba l-portata tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, hemm riskju ċar li t-tressiq ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tinvolvi dawk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jista’ jitqies reat dixxiplinari.

184.

L-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw għall-eżami tal-imparzjalità ta’ qorti. Filwaqt li d-dritt Pollakk fih bosta dispożizzjonijiet dwar ir-rikuża tal-imħallfin, is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) llimitaw il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet b’mod kunsiderevoli ( 141 ). Eżami ta’ talba għar-rikuża ta’ mħallef ibbażata fuq irregolarità fil-proċedura li twassal għall-ħatra tiegħu jidher għalhekk li jista’ jikkostitwixxi reat dixxiplinari.

185.

Fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, ma hemmx kontestazzjoni li t-test, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huma l-istess bħall-punt 1 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi Emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Fil-punti 140 u 141 tas-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni. Wara li eżaminat l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl, inter alia, tal-ġurisprudenza domestika li kienet ressqet ir-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-terminu “ksur manifest u flagranti tal-liġi” ma kienx jipprekludi r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin milli tiġi attivata biss minħabba l-kontenut allegatament żbaljat tad-deċiżjonijiet tagħhom filwaqt li żgurat li tali responsabbiltà tkun limitata għal sitwazzjonijiet għalkollox eċċezzjonali.

186.

F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti Suprema dwar l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji sabiex turi li l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ma jistax jiġi interpretat bħala li jimponi sanzjonijiet dixxiplinari bħala konsegwenza tal-konformità mar-rekwiżiti imposti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

187.

Il-ġurisprudenza fuq l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ċċitata mir-Repubblika tal-Polonja, li l-iktar reċenti hija tal‑2015 ( 142 ), ġiet adottata mill-awla tal-Qorti Suprema li eżerċitat il-ġurisdizzjoni qabel ir-riforma ta’ din il-qorti bil-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ( 143 ), u mhux mill-Awla Dixxiplinari fil-forma attwali tagħha.

188.

Barra minn hekk, kif tindika r-replika, fis-sentenza is-Sistema dixxiplinari tal-Imħallfin ( 144 ) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, f’deċiżjoni reċenti ( 145 ), l-Awla Dixxiplinari attwali kienet adottat interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji li tbiegħdet mill-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti Suprema u naqqset il-protezzjoni tal-istat tad-dritt ( 146 ). Hija ġurisprudenza stabbilita li, fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji differenti, li wħud minnhom japplikaw din il-leġiżlazzjoni f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u oħrajn li ma jagħmlux dan, tali leġiżlazzjoni ma hijiex, tal-inqas, ċara u preċiża biżżejjed biex jiġi żgurat li ser tiġi applikata f’konformità mad-dritt tal-Unjoni ( 147 ).

189.

Skont l-Artikolu 73(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Dixxiplinari hija l-qorti dixxiplinari tat-tieni (u tal-aħħar) istanza għall-imħallfin tal-qrati ordinarji u l-qorti dixxiplinari tal-ewwel u t-tieni istanza għall-imħallfin tal-Qorti Suprema. Peress li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 148 ), hemm riskju ikbar li l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ( 149 ) jiġi interpretat sabiex jiffaċilita l-użu tas-sistema dixxiplinari biex jiġu influwenzati deċiżjonijiet ġudizzjarji ( 150 ).

190.

Peress li qiegħed nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li, meta ppromulgat l-punt 1 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, nipproponi li din tilqa’ t-tielet ilment.

D. Ir-raba’ lment – Il-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari biex tisma’ u tiddetermina kawżi li jkollhom impatt dirett fuq l-istatus tal-imħallfin u l-imħallfin apprendisti u t-twettiq tal-kariga tagħhom

1.   L-argumenti tal-partijiet

191.

Permezz tar-raba’ lment tagħha, li jirrigwarda numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE billi tat lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 151 ), ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus u l-prestazzjoni fil-kariga tal-imħallfin u l-imħallfin apprendisti.

192.

Il-Kummissjoni tqis li evalwazzjoni globali ta’ numru ta’ elementi li jikkonċernaw il-kompożizzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari, il-kundizzjonijiet li taħthom inħatru l-membri tagħha, b’mod partikolari r-rwol tal-KRS, il-korp kostituzzjonali responsabbli biex jiżgura l-indipendenza tal-qrati u l-imħallfin, u l-fatt li l-miżuri ġew adottati simultanjament taħt id-dritt Pollakk, jiżvelaw “qasma sistemika” mis-sistema preċedenti. Dan iqajjem mhux biss dubji leġittimi dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari, l-impermeabbiltà tagħha għall-fatturi esterni u l-imparzjalità tagħha fir-rigward tal-interessi involuti fil-kawżi li fihom hija għandha ġurisdizzjoni, iżda jimmina wkoll direttament l-indipendenza tal-imħallfin taħt ġurisdizzjoni tagħha.

193.

Il-Kummissjoni tosserva li l-Awla Dixxiplinari li kienet għadha kif inħolqot kienet fdata b’ċerti kategoriji ta’ kawżi dwar l-istatus ta’ mħallfin li qabel kienu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ordinarji jew ta’ qrati oħra. Barra minn hekk, il-membri kollha tal-Awla Dixxiplinari nħatru taħt proċedura li kienet tinvolvi l-KRS li kien għadu kif ġie kompost. F’dan ir-rigward, il-mandat ta’ erba’ snin tal-15‑il membru tal-KRS intemm ħesrem u l-proċedura għall-għażla tal-membri futuri ġiet emendata sabiex tiżdied l-influwenza tas-Sejm fuq il-kompożizzjoni tiegħu. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-fatt li ddaħħlu l-paragrafi 1b u 4 fl-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KRS ( 152 ) illimita l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li jressqu kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef fil-Qorti Suprema lill-President tar-Repubblika ( 153 ). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreferi wkoll għaż-żieda fl-awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja tal-Awla Dixxiplinari meta mqabbla mal-erba’ awli l-oħra tal-Qorti Suprema.

194.

Ir-raba’ lment huwa dirett lejn tliet dispożizzjonijiet. L-ewwel waħda, l-Artikolu 27(1)(1a) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti jew biex jinżammu arrestati. It-tieni waħda, l-Artikolu 27(1)(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema dwar il-liġi dwar l-impjieg u s-sigurtà soċjali applikabbli għall-Imħallfin tal-Qorti Suprema. It-tielet waħda, l-Artikolu 27(1)(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema li tirregola l-irtirar obbligatorju tal-imħallfin.

195.

Skont il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-indipendenza ġudizzjarja tfisser li r-regoli li jirregolaw is-sistema dixxiplinari ta’ dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu fuq it-tilwim għandhom jipprovdu l-garanziji neċessarji sabiex jipprevjenu kwalunkwe riskju li din is-sistema dixxiplinari tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Regoli li jiddefinixxu l-aġir li jammonta għal reati dixxiplinari u l-penalità applikabbli, li jipprevedu l-involviment ta’ korp indipendenti skont proċedura li tissalvagwardja bis-sħiħ id-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li jinbdew proċeduri legali li jikkontestaw id-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari, jikkostitwixxu sett ta’ garanziji essenzjali għas-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja ( 154 )

196.

Il-Kummissjoni ssostni li meta l-Awla Dixxiplinari tiddeċiedi fl-ewwel u fit-tieni istanza li tneħħi l-immunità ġudizzjarja ta’ mħallef qabel il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontrih, hija għandha teżamina jekk hemmx motivi raġonevoli biex tissusspetta li l-allegat reat ġie kommess. L-Awla Dixxiplinari għandha tiddeċiedi wkoll fuq miżuri addizzjonali, inkluża s-sospensjoni tal-imħallef f’dan il-kuntest. Meta tagħmel dan, l-Awla Dixxiplinari tinterferixxi direttament fl-eżerċizzju tal-attività ġudizzjarja ta’ dan l-imħallef. Peress li s-sospensjoni ta’ mħallef tista’ ddum għal perijodu ta’ żmien indefinit, li matulu r-remunerazzjoni tiegħu titnaqqas b’bejn 25 % u 50 %, il-prospett li dawn il-miżuri addizzjonali jistgħu jittieħdu jista’ jkun mezz ta’ pressjoni fuq l-imħallfin, u għalhekk jiġi affettwat il-kontenut tas-sentenzi tagħhom.

197.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Dixxiplinari fuq id-dritt tax-xogħol, l-assigurazzjoni soċjali u l-kawżi ta’ rtirar, inklużi kwistjonijiet relatati ma’ remunerazzjoni, leave u assenzi, raġunijiet ta’ mard, allowances u rtirar għal raġunijiet ta’ mard jew indeboliment fiżiku jew mentali, għandha influwenza diretta fuq il-kundizzjonijiet li taħthom l-imħallfin tal-Qorti Suprema jeżerċitaw l-attivitajiet ġudizzjarji tagħhom.

198.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-Awla Dixxiplinari tqis li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ kawżi li jiddeterminaw ir-relazzjoni ta’ impjieg tal-imħallfin tal-Qorti Suprema fi proċeduri mressqa skont l-Artikolu 189 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Bħal fil-każ ta’ proċeduri dixxiplinari u deċiżjonijiet biex titneħħa l-immunità tal-imħallfin, il-Kummissjoni tqis li huwa importanti li qorti indipendenti tadotta jew tirrevedi tali deċiżjonijiet sabiex tipproteġi lill-imħallfin minn pressjoni mhux ġustifikata u inċertezzi li jistgħu jaffettwaw l-indipendenza tagħhom.

199.

Ir-replika tadotta r-raġunament fil-paragrafi 88 sa 110 tas-sentenza Sistema dixxiplinari għall-Imħallfin, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi ma ggarantixxietx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja kienet imminat l-indipendenza tal-imħallfin tal-qrati ordinarji u tal-Qorti Suprema, u għalhekk naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar l-immunità ġudizzjarja, dawn ir-regoli ma jistgħux joperaw sabiex jimminaw l-indipendenza ġudizzjarja. Il-Kummissjoni żżid tgħid li, fis-sentenza Reczkowicz vs Il‑Polonja ( 155 ), il-Qorti EDB iddeċidiet li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx “tribunal […] mwaqqaf b’liġi”.

200.

Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-raba’ lment. Il-fatt li awtorità eżekuttiva taħtar l-imħallfin ma jissubordinax lil dawn tal-aħħar għal dawk tal-ewwel jew jagħti lok għal dubji dwar l-imparzjalità tal-imħallfin, jekk, ladarba jinħatru, ikunu ħielsa minn influwenza jew pressjoni meta jaqdu l-funzjonijiet tagħhom ( 156 ). Evalwazzjoni globali tal-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u s-sistema ta’ salvagwardji li tipproteġihom wara l-ħatra tagħhom turi li ma hemm l-ebda possibbiltà li tiġi eżerċitata pressjoni esterna fuqhom.

201.

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kostituzzjoni tagħha tistabbilixxi l-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin kollha, inklużi dawk tal-Awla Dixxiplinari. Skont l-Artikolu 179, moqri flimkien mal-Artikolu 144(3)(17), tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-President tar-Repubblika jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-KRS, għal perijodu indefinit. Il-ħatra tal-imħallfin hija prerogattiva stabbilita sew tal-President tar-Repubblika eżerċitata, skont l-Artikolu 31 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, wara li jikseb l-opinjoni tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema. Il-President tar-Repubblika jippubblika avviż fil-Monitor Polski, il-Gazzetta Uffiċjali Pollakka, biex iħabbar in-numru ta’ postijiet ġudizzjarji vakanti li għandhom jimtlew f’kull awla tal-Qorti Suprema. L-Artikolu 30 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi lista eżawrjenti tal-kundizzjonijiet li l-kandidati għall-pożizzjoni ta’ mħallef fil-Qorti Suprema jridu jissodisfaw ( 157 ). Fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż, kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet biex issir imħallef tal-Qorti Suprema tista’ tapplika mal-KRS għall-pożizzjoni ta’ mħallef fl-awla identifikata fl-avviż. Wara li jkun stabbilixxa li l-kandidati jissodisfaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti formali, il-President tal-KRS, skont l-Artikolu 31(1) tal-Liġi tat‑12 ta’ Mejju 2011 dwar il-KRS, jaħtar grupp ta’ mill-inqas tliet membri tal-korp li huma responsabbli għall-ħruġ ta’ opinjoni dwar l-applikazzjonijiet sottomessi. Wara li jkun ikkunsidra l-applikazzjonijiet sottomessi taħt din il-proċedura, il-KRS jressaq proposta għall-ħatra ta’ mħallfin għall-postijiet vakanti fil-Qorti Suprema lill-President tar-Repubblika. Filwaqt li l-proposta tal-KRS ma torbotx lill-President tar-Repubblika, huwa ma jistax jaħtar persuna li l-KRS ma pproponiex bħala mħallef. B’dan il-mod ir-rwol tal-KRS ma jvarjax minn dak ta’ kunsilli ġudizzjarji fi Stati Membri oħra.

202.

Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-indipendenza tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari tirriżulta mhux biss mill-proċedura tal-ħatra tagħhom, iżda fuq kollox mis-sistema estensiva ta’ salvagwardji li tiżgura li l-imħallfin kollha tal-Awla Dixxiplinari jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom ħielsa għal kollox minn pressjoni esterna. Skont l-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-imħallfin jinħatru għal perijodu indefinit. L-Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprovdi li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew. Imħallef ma jistax jitkeċċa, jiġi sospiż mill-kariga, imċaqlaq għal ġurisdizzjoni oħra jew funzjoni oħra kontra r-rieda tiegħu ħlief skont deċiżjoni ġudizzjarja u biss f’każijiet previsti mil-liġi. Imħallef jirtira wara li jilħaq l-età statutorja u jista’, skont ir-regoli stabbiliti mil-liġi, jiġi rtirat minħabba mard jew infermità fejn ma jkunx jista’ jwettaq dmirijietu. Skont l-Artikolu 181 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, imħallef igawdi immunità minn kawżi u għalhekk ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli jew jiġi mċaħħad mil-libertà tiegħu mingħajr il-kunsens minn qabel ta’ qorti speċifikata mil-liġi. Barra minn hekk, l-imħallfin huma meħtieġa jibqgħu apolitiċi skont l-Artikolu 178(3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. Skont l-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin ta’ din il-qorti (inklużi dawk tal-Awla Dixxiplinari tagħha) ma jistgħux, bħala prinċipju, jokkupaw kariga oħra. Fl-istess ħin, l-imħallfin tal-Qorti Suprema jibbenefikaw minn kundizzjonijiet materjali xierqa, maħsuba biex jikkumpensaw għall-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet imposti fuqhom. L-Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari huma intitolati għal remunerazzjoni addizzjonali li tammonta għal 40 % tas-salarju bażiku totali u għal allowance għat-twettiq tad-dmirijiet (ħlief fejn l-imħallef ikollu kariga bħala għalliem xjentifiku jew xjenzat, għall-perijodu mid-data ta’ dħul f’din il-kariga sat-tmiem ta’ din il-kariga) minħabba r-regoli dwar l-inkompatibbiltà ta’ eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra.

203.

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni ma spjegatx kif l-awtonomija tal-Awla Dixxiplinari tagħti lok għall-possibbiltà li tiġi eżerċitata pressjoni fuq l-imħallfin sedenti f’din l-awla. It-twaqqif tal-Awla Dixxiplinari kien iġġustifikat mill-ineffiċjenza tal-proċeduri dixxiplinari u l-inabbiltà tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li jiddixxiplinaw imġiba ġudizzjarja ħażina. L-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari fi ħdan il-Qorti Suprema, flimkien man-nuqqas ta’ kwalunkwe dipendenza fuq setgħat oħra, turi n-natura infondata tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li t-trasferiment tal-ġurisdizzjoni lill-Awla Dixxiplinari huwa marbut mal-organizzazzjoni tal-ġudikatura, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Tabilħaqq, f’xi Stati Membri ( 158 ), l-imħallfin ma jibbenefikawx minn immunità. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-immunità ġudizzjarja hija rekwiżit tad-dritt tal-Unjoni, hija għandha tirrikjedi dan mill-Istati Membri kollha.

204.

Ir-Repubblika tal-Polonja tissottometti li l-proċedura għall-ħatra ta’ mħallfin fl-Awla Dixxiplinari toffri garanziji ta’ indipendenza ferm ogħla mill-proċeduri li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jissodisfaw l-istandards stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 159 ). Din tinsisti li ma kien hemm l-ebda “ksur sistemiku” u li l-Kummissjoni qiegħda tapplika b’mod sfaċċat standards doppji. Il-Kummissjoni ma spjegatx il-kunċett ta’ “ksur sistemiku”, li ma huwiex kunċett legali u ma huwiex magħruf fil-ġurisprudenza internazzjonali. Ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja lanqas ma hi marbuta ma’ xi “ksur”. Għall-kuntrarju, l-Awla Dixxiplinari twettaq il-funzjonijiet ta’ qorti dixxiplinari fl-ewwel jew fit-tieni istanza.

2.   Evalwazzjoni

205.

Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja, inklużi r-regoli li jirregolaw il-proċeduri kriminali kontra l-imħallfin, taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fejn Stat Membru jistabbilixxi regoli speċifiċi li jirregolaw il-proċeduri kriminali kontra l-imħallfin, dawn ir-regoli għandhom – skont ir-rekwiżit tal-indipendenza, u sabiex jitwarrab kull dubju raġonevoli fl-imħuħ tal-individwi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin għal fatturi esterni, b’mod partikolari għal kwalunkwe influwenza diretta jew indiretta tal-leġiżlatur jew tal-eżekuttiv li jista’ jkollha effett fuq id-deċiżjonijiet tagħhom – ikunu ġġustifikati minn rekwiżiti oġġettivi u verifikabbli relatati mal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Tali regoli għandhom, bħal dawk dwar ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, jipprovdu l-garanziji meħtieġa biex jiżguraw li l-proċeduri kriminali ma jkunux jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ kontroll politiku fuq l-attività ta’ dawn l-imħallfin u jissalvagwardjaw bis-sħiħ id-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ( 160 ).

206.

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati li jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 161 ). Huwa evidenti min-natura tagħhom stess li kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari skont l-Artikolu 27(1)(1a), (2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema jista’ jkollhom impatt immedjat, dirett u profond fuq l-istatus tal-imħallfin u l-prestazzjoni tagħhom fil-kariga ( 162 ). Minħabba l-impatt serju li tali miżuri jista’ jkollhom fuq ħajjithom u l-karrieri tagħhom, huwa imperattiv li miżuri adottati skont l-Artikolu 27(1)(1a), (2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema fir-rigward tal-imħallfin li jistgħu jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jiġu mistħarrġa minn korp li hu stess jissodisfa r-rekwiżiti inerenti għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 163 ).

207.

Minn dan isegwi li l-Awla Dixxiplinari, li għandha ġurisdizzjoni biex tapplika l-Artikolu 27(1)(1a), (2) u (3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, għandha toffri l-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tagħha sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju li miżuri adottati skont dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jintużaw bħala mezz ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan il-kuntest huwa irrilevanti li Stati Membri oħra għandhom sistema differenti ta’ immunità ġudizzjarja mill-prosekuzzjoni ( 164 ).

208.

Fis-sentenza tagħha Sistema dixxiplinari għall-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet kategorikament, b’riferiment għal numru ta’ fatturi, li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha b’mod estensiv fuq il-fatturi li kienet diġà indikat fis-sentenza A. K. li għaliha jirreferi r-rikors. Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Ġunju 2021, jiġifieri madwar xahar qabel l-għoti tas-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin. Filwaqt li r-replika tat‑28 ta’ Lulju 2021 ibbażat ruħha fuq din is-sentenza sabiex issaħħaħ ir-raba’ lment, il-kontroreplika ppreżentata fis‑7 ta’ Settembru 2021 ma għamlet l-ebda osservazzjoni dwar dan l-ilment.

209.

L-importanza tas-sentenza Sistema dixxiplinari għall-imħallfin ( 165 ) għall-evalwazzjoni tar-raba’ lment hija tali li ser niġbor fil-qosor il-paragrafi rilevanti tagħha ( 166 ). B’riferiment għad-diversi kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 89 sa 110 ta’ din is-sentenza, iktar milli kwalunkwe fattur individwali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika tal-Polonja kienet kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE peress li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità ( 167 ). Hija bbażat ruħha, inter alia, fuq il-fatt li l-ħolqien tal-Awla Dixxiplinari ex nihilo b’ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ ċerti kawżi dixxiplinari kien jikkoinċidi mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li dgħajfet l-irremovibbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Hija osservat li l-Awla Dixxiplinari kienet tgawdi minn grad partikolarment għoli ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja fi ħdan il-Qorti Suprema, meta mqabbla ma’ awli oħra ta’ din il-qorti. Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari teċċedi b’madwar 40 % dik tal-imħallfin assenjati lill-awli l-oħra tal-Qorti Suprema mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Mat-twaqqif tagħha, l-Awla Dixxiplinari kienet meħtieġa li tikkonsisti esklużivament minn imħallfin ġodda maħtura mill-President tar-Repubblika fuq proposta mill-KRS ( 168 ).

210.

Qabel ma saru dawn il-ħatriet, il-KRS kien ġie rristrutturat b’mod komprensiv ( 169 ). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali bidliet setgħu joħolqu riskju, fin-nuqqas tal-proċedura ta’ għażla kif imħaddma qabel, li l-leġiżlatur u l-eżekuttiv ikollhom influwenza ikbar fuq il-KRS u jimminaw l-indipendenza ta’ dan il-korp. Barra minn hekk, il-KRS li kien għadu kif ġie ikkostitwit twaqqaf billi tnaqqas il-mandat ta’ erba’ snin ta’ dawk il-membri tiegħu li kienu jikkostitwixxu dan il-korp sa dak iż-żmien. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li r-riforma leġiżlattiva tal-KRS kienet twettqet fl-istess ħin li ġiet ippromulgata Liġi ġdida dwar il-Qorti Suprema ( 170 ), li implimentat riforma estensiva ta’ dak il-ġurisdizzjoni ( 171 ).

211.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-fatturi kollha taw lok għal dubji raġonevoli fl-imħuħ ta’ individwi fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari għal fatturi esterni, b’mod partikolari l-influwenza diretta jew indiretta tal-leġiżlatura u l-eżekuttiv Pollakki, u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi ta’ quddiemha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-fatturi setgħu jwasslu biex l-Awla Dixxiplinari ma titqiesx bħala indipendenti jew imparzjali, u dan x’aktarx jippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika rregolata mill-istat tad-dritt għandha tispira f’dawn l-individwi ( 172 )

212.

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, evalwazzjoni globali tal-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u l-kundizzjonijiet li fihom topera din l-awla ma jeskludux l-eżistenza ta’ dubji raġonevoli dwar il-possibbiltà li pressjoni esterna tista’ tiġi eżerċitata fuqhom. Fil-mument tal-kitba, id-dubji leġittimi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari deskritti fis-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) ( 173 ) u s-sentenza A. K. jippersistu.

213.

Minn dan isegwi li, meta tat lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, ġurisdizzjoni biex tisma’ u tiddetermina kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus tal-imħallfin u l-imħallfin apprendisti u t-twettiq tal-kariga tagħhom, bħal rikorsi sabiex tawtorizza l-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti jew biex jinżammu taħt arrest, kawżi relatati mad-dritt tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw lill-imħallfin tal-Qorti Suprema u kawżi relatati mal-irtirar obbligatorju tagħhom, jiena nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

E. Il-ħames ilment – Ksur tad-dritt fundamentali tal-imħallfin għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali

1.   L‑argumenti tal-partijiet

214.

Billi tobbliga lil kull imħallef jagħti, fi żmien 30 jum minn meta jirċievi l-avviż tal-ħatra tiegħu, informazzjoni dwar is-sħubija f’korp jew assoċjazzjoni professjonali, il-funzjonijiet li huwa wettaq fi ħdan fondazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, u sħubija f’partit politiku, u billi tippubblika din l-informazzjoni fil-Bulettin ta’ Informazzjoni Pubblika qabel ma dan l-imħallef jieħu l-kariga, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt fundamentali tal-imħallfin għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

215.

L-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jeħtieġu li l-imħallfin jipprovdu dikjarazzjoni bil-miktub fir-rigward tas-sħubija tagħhom fil-korpi msemmija fil-punti 1 sa 3 tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fil-Bullettin ta’ Informazzjoni Pubblika mhux iktar tard minn 30 jum mid-data ta’ sottomissjoni ta’ din id-dikjarazzjoni ( 174 ). Il-Kummissjoni tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw l-ipproċessar ta’ data personali kif iddefinit fl-Artikolu 4(1) tal-GDPR, jiġifieri, informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Peress li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 88a(1)(3) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji tirrigwarda l-opinjonijiet politiċi ta’ mħallef qabel il-ħatra tiegħu bħala mħallef ( 175 ), jew twemmin filosofiku marbut mas-sħubija ta’ assoċjazzjoni jew fondazzjoni ( 176 ) din tkun fil-kategoriji speċjali ta’ data personali għall-finijiet tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

216.

Skont il-Kummissjoni, peress li l-ipproċessar tad-data personali tal-imħallfin huwa suġġett għall-GDPR, l-eċċezzjoni fl-Artikolu 2(2)(a) tiegħu li r-Repubblika tal-Polonja trid tibbaża ruħha fuqha hija inapplikabbli. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-premessa 20 ( 177 ) u l-Artikolu 37(1)(a) tal-GDPR, li, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura, jipprovdu deroga għall-GDPR biss fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet superviżorji fuq il-qrati li jeżerċitaw il-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

217.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-obbligu ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-sħubija ma’ partit politiku qabel il-ħatra ta’ mħallef u dwar l-attivitajiet pubbliċi u soċjali ta’ mħallef f’assoċjazzjoni jew fondazzjoni huma inkompatibbli mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, peress li la huma xierqa u lanqas meħtieġa biex jintlaħaq l-għan iddikjarat tar-Repubblika tal-Polonja li tiżdied l-imparzjalità tal-imħallfin. Għalhekk huma inkompatibbli kemm mal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta kif ukoll mal-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR. L-obbligi inkwistjoni jillimitaw id-dritt tal-imħallef għar-rispett tal-ħajja privata ( 178 ) u d-dritt tiegħu għall-protezzjoni tad-data personali li tikkonċernah ( 179 ). Ir-restrizzjonijiet permessi fuq dawn id-drittijiet għandhom, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. Suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom ikunu meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

218.

Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 6(3) tal-GDPR, il-liġi tal-Istat Membru li tipprovdi l-bażi legali għall-ipproċessar ta’ data personali meħtieġa għall-osservanza ta’ obbligu legali jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur għandha tilħaq għan ta’ interess pubbliku u jkunu proporzjonati mal-għan leġittimu segwit ( 180 ). Barra minn hekk, l-ipproċessar ta’ data sensittiva li tiżvela l-opinjonijiet politiċi ta’ mħallef qabel il-ħatra tiegħu, kif ukoll it-twemmin filosofiku relatat mas-sħubija tiegħu f’assoċjazzjoni jew fondazzjoni għandu jkun iġġustifikat b’waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 9(2) GDPR.

219.

Skont il-Kummissjoni, għalhekk ma jistax jiġi eskluż li l-korpi responsabbli biex jiżguraw li l-imħallfin jikkonformaw mal-istandards etiċi u professjonali, jew għall-ħatra ta’ bordijiet ta’ mħallfin, jistgħu jiġu infurmati b’attivitajiet li jwettqu barra mid-dmirijiet tagħhom li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi f’każ partikolari. Madankollu, l-ipproċessar ta’ tali informazzjoni għandu jkun strettament limitat għal dan l-għan u, b’mod partikolari, ma għandux jintuża għal skopijiet oħra li jistgħu jirriżultaw f’li imħallef isir l-oġġett ta’ diskriminazzjoni, jew li jkollu pressjoni esterna eżerċitata fuqu, jew influwenza fuq il-karriera ġudizzjarja tiegħu.

220.

Il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni huma sproporzjonati peress li ma humiex limitati għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, anki jekk japplikaw biss għall-kontroll intern ta’ kunflitti ta’ interess eventwali. B’mod partikolari, is-sħubija fil-passat f’partit politiku tirrigwarda l-ħajja ta’ mħallef qabel il-ħatra, u għalhekk ma taffettwax direttament l-eżerċizzju tal-kariga tiegħu. Fir-rigward tas-sħubija f’partit politiku u l-pożizzjoni miżmuma f’dan il-partit qabel id‑29 ta’ Diċembru 1989, huwa insostenibbli li jiġi affermat li tali informazzjoni tista’ tintuża biex tiġi evalwata l-imparzjalità ta’ mħallef f’kawżi mressqa quddiemu iktar minn 30 sena wara. Lanqas ma hemm rabta bejn l-aċċess għal tali data u l-proċedura tal-ħatra peress li din tiġi ppreżentata wara li l-imħallef ikun ħa l-kariga.

221.

Fi kwalunkwe każ, l-għan li jiġi żgurat li l-kawżi jiġu ġġudikati minn imħallef imparzjali jista’ jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi bħar-rikuża ta’ mħallef f’każijiet fejn jitqajmu dubji dwar l-imparzjalità tiegħu. Ir-replika tgħid li l-imħallfin jieħdu ġurament meta jieħdu l-ħatra tagħhom biex jamministraw il-ġustizzja b’mod imparzjali u kuxjenzjuż. Skont l-Artikolu 82(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-imħallfin huma obbligati wkoll iħarsu d-dinjità tal-pożizzjoni tagħhom.

222.

Ir-replika tosserva wkoll li l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja teħtieġ li l-imħallfin ikunu apolitiċi u imparzjali. Ir-Repubblika tal-Polonja ma ġġustifikatx il-ħtieġa li tadotta l-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit. L-informazzjoni dwar is-sħubija f’assoċjazzjoni, il-funzjoni mwettqa f’fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u s-sħubija f’partit politiku hija indikattiva tal-opinjonijiet politiċi jew it-twemmin reliġjuż jew filosofiku ta’ mħallef fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR. Barra minn hekk, peress li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” skont l-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ma huwiex definit, dan japplika għas-sħubija f’assoċjazzjonijiet reliġjużi, u għalhekk jobbliga lill-imħallfin jiżvelaw it-twemmin tagħhom f’dan il-kuntest. Skont il-Kummissjoni, din id-dispożizzjoni ġiet introdotta sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni miġbura u pproċessata taħtha tintuża għal skopijiet oħra bħall-eżerċizzju ta’ pressjoni fuq l-imħallfin jew it-tqanqil ta’ suspett ta’ nies li ma għandhomx l-istess fehmiet bħalhom.

223.

Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-ħames ilment għandu jiġi miċħud peress li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR. Hija tistrieħ fuq l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR biex issostni l-proposta li l-GDPR ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali waqt attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, peress li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, il-GDPR ma japplikax għal din l-attività.

224.

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni huma konformi mal-GDPR. Informazzjoni relatata ma’ ċerti attivitajiet ta’ mħallfin barra mill-isfera ġudizzjarja jista’ jkollha effett fuq l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u mal-eżistenza ta’ raġunijiet għar-rikuża f’kawża partikolari. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, is-sħubija preċedenti f’partit politiku tista’ tħalli impatt fuq l-attivitajiet ġudizzjarji attwali ta’ mħallef u fuq l-eżistenza ta’ raġunijiet għar-rikuża f’kawża partikolari. L-għan ta’ dawn l-obbligi huwa li jipprovdu informazzjoni lil parti u jippermettulha tressaq talba motivata għar-rikuża. L-iskop tagħhom ma huwiex li jipprevjenu mħallef milli jwettaq attivitajiet inkompatibbli mal-indipendenza ġudizzjarja ( 181 ), iżda pjuttost li jagħmluha possibbli li jiġi vverifikat ad casum li mħallef involut f’kawża ma kienx involut f’attivitajiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li ma huwiex għal kollox oġġettiv. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali huma għalhekk proporzjonati mal-għan tat-tisħiħ tal-imparzjalità u n-newtralità politika tal-imħallfin, li l-Kummissjoni stess taċċetta li huwa l-għan tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

225.

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-għan li tinkiseb informazzjoni dwar l-affiljazzjoni ma’ partit politiku qabel id‑29 ta’ Diċembru 1989 sabiex tiġi evalwata l-imparzjalità ta’ imħallef li jiddeċiedi f’kawżi iktar minn 30 sena wara huwa kompletament leġittimu peress li l-politiċizzazzjoni tal-ġudikatura kienet karatteristika tar-reġimi Komunisti preċedenti fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

226.

Ir-Repubblika tal-Polonja tinnota li l-Kummissjoni ma teskludix li l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ fondazzjoni jew organizzazzjoni mingħajr skop ta’ lukru jista’ jkollha effett dirett fuq l-attivitajiet attwali ta’ mħallef, li ma jistgħux jiġu ekwiparati mal-attivitajiet ta’ persuni privati. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ipproċessar tal-informazzjoni mitluba huwa limitat esklużivament għat-tisħiħ tal-fiduċja pubblika fl-imparzjalità u n-newtralità politika tal-imħallfin. Tali data ma tistax tintuża għal skopijiet oħra, inklużi dawk li jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni kontra, pressjoni esterna, jew influwenza, fuq il-karriera professjonali ta’ mħallef. Il-Kummissjoni ma tipprovdi ebda prova insostenn tal-argument tagħha u l-affermazzjonijiet tagħha huma għalhekk purament ipotetiċi.

227.

Ir-Repubblika tal-Polonja tiċħad ukoll l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali jistgħu jintlaħqu b’mezzi inqas restrittivi. L-għan ta’ dawn l-obbligi huwa li l-partijiet fil-proċeduri jkun jista’ jkollhom biżżejjed informazzjoni biex jitolbu lil imħallef biex jirrikuża ruħu fil-mument xieraq. Dan l-għan ma jistax jintlaħaq bil-mezzi li tiddeskrivi l-Kummissjoni. L-argument tal-Kummissjoni li l-informazzjoni inkwistjoni tista’ tintuża esklużivament fil-kuntest ta’ eżami intern ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali, ikkomunikat biss lil dawk responsabbli sabiex jiġi żgurat li l-imħallfin jikkonformaw mal-istandards etiċi u professjonali u lil dawk responsabbli biex jiddeterminaw il-kompożizzjoni ta’ bordijiet ta’ mħallfin, għandu għalhekk jiġi miċħud.

228.

L-ipproċessar ta’ data dwar is-sħubija tal-imħallfin f’fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew partiti politiċi għalhekk jissodisfa l-kriterju ta’ proporzjonalità meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jissodisfaw ukoll il-kriterji tas-sentenza finali tal-Artikolu 6(3), moqrija flimkien mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3)(b) u l-Artikolu 6(1)(c) u (e) tal-GDPR. Barra minn hekk, id-data kkonċernata ma taqax fil-kategorija ta’ data personali speċifika li għaliha jirreferi l-Artikolu 9(1) GDPR. Għalhekk ma hemmx bżonn li jitwettaq it-test ta’ proporzjonalità mressaq mill-Kummissjoni. L-obbligi inkwistjoni ma humiex immirati li jeħtieġu lil imħallef jippreżenta dikjarazzjoni li jkun fiha informazzjoni relatata mal-opinjonijiet politiċi jew reliġjużi tiegħu jew it-twemmin filosofiku tiegħu. Skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-imħallfin, bħal ċittadini oħra, għandhom id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, twemmin, assoċjazzjoni u għaqda ( 182 ) sakemm, meta jgawdu dawn id-drittijiet, huma jaġixxu bir-rispett dovut għad-dinjità tal-funzjoni tagħhom u l-imparzjalità u l-indipendenza tal-ġudikatura.

2.   Evalwazzjoni

229.

Filwaqt li t-talba tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta hija fil-qosor u tibbaża ruħha fuq l-istess argumenti li tqajjem fir-rigward tal-ksur allegat tal-GDPR, inqis li hija tallega ksur awtonomu tal-Karta mir-Repubblika tal-Polonja ( 183 ).

230.

L-Artikolu 51(1) tal-Karta jindirizza d-dispożizzjonijiet tagħha lill-Istati Membri biss meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. L-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta jispeċifikaw li d-dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti fit-Trattati. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk ma għandha l-ebda ġurisdizzjoni biex teżamina l-kompatibbiltà mal-Karta ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 184 ).

231.

Fil-punt 21 tas-sentenza tagħha Åkerberg Fransson ( 185 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma jeżistux sitwazzjonijiet koperti b’dan il-mod mid-dritt tal-Unjoni fejn dawn id-drittijiet fundamentali ma japplikawx. L-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għalhekk tinvolvi l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta. Minn dan isegwi li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni u li għandhom, għalhekk, jiġu rrispettati fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Biex il-Karta tapplika, jeħtieġ ukoll li, fil-qasam ikkonċernat, id-dritt tal-Unjoni jimponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni ( 186 ).

232.

Il-GDPR jimponi obbligi speċifiċi fuq l-Istati Membri meta jipproċessaw data personali. L-informazzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi tirrigwarda persuna fiżika identifikata jew identifikabbli ( 187 ) skont l-Artikolu 4(1) tal-GDPR. Il-ġbir u l-pubblikazzjoni sussegwenti tagħha jikkostitwixxu pproċessar għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) tal-GDPR ( 188 ). Bil-preżunzjoni li l-ipproċessar tad-data personali tal-imħallfin inkwistjoni f’dan l-ilment jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR, u għalhekk huwa rregolat mid-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni biex tevalwa jekk l-adozzjoni mir-Repubblika tal-Polonja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiksirx l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta. Fir-rigward tal-pretensjoni tar-Repubblika tal-Polonja li l-GDPR ma japplikax għall-organizzazzjoni u/jew l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Stat Membru, peress li din l-attività taqa’ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li filwaqt li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri hija kwistjoni fil-kompetenza tagħhom, meta jeżerċitaw din is-setgħa huma meħtieġa jikkonformaw mal-obbligi tagħhom tad-dritt tal-Unjoni ( 189 ). Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-GDPR huwa wiesa’ ħafna. L-Artikolu 2(1) tiegħu jipprovdi li dan “japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun intenzjonata sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”. L-Artikolu 2(2)(a) sa (d) tal-GDPR jeskludi l-ipproċessar tad-data mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament f’ċerti każijiet. Fost dawn l-esklużjonijiet hemm l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR fejn dan l-ipproċessar iseħħ waqt attività li taqa’ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 190 ).

233.

Fis-sentenza tagħha f’Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) ( 191 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ( 192 ) ddeċidiet li l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR, moqri fid-dawl tal-premessa 16 tiegħu ( 193 ), jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-ipproċessar ta’ data personali li jitwettaq mill-awtoritajiet tal-Istat waqt attività maħsuba biex tissalvagwardja s-sigurtà nazzjonali jew attività li tista’ tiġi kklassifikata biss f’dik il-kategorija. Il-fatt li attività hija karatteristika tal-Istat jew ta’ awtorità pubblika huwa għalhekk insuffiċjenti biex din l-eċċezzjoni tapplika awtomatikament għaliha. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR ma jeskludix l-organizzazzjoni u/jew l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali ta’ dan ir-regolament ( 194 ).

234.

Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li numru ta’ derogi speċifiċi fil-GDPR jillimitaw l-applikazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ “qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” ( 195 ). Il-GDPR għalhekk ma jeskludix l-organizzazzjoni tal-ġustizzja jew l-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu per se iżda pjuttost jillimita l-applikazzjoni ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu f’numru ta’ każijiet speċifiċi.

235.

Għaldaqstant, l-organizzazzjoni u/jew l-amministrazzjoni tal-ġustizzja fi Stat Membru ma hijiex attività li taqa’ ’il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR ( 196 ). Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprovdu għall-ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-GDPR għandhom jikkonformaw magħhom u, b’implikazzjoni, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali sanċiti fil-Karta. Fid-dawl tal-għan stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-GDPR li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, sakemm il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-ipproċessar legali ta’ data personali taħt dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, tali ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ( 197 ).

236.

Kif huwa evidenti mill-premessa 10 tiegħu, wieħed mill-għanijiet tal-GDPR huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi fl-Unjoni. Għal dan l-għan, dan ifittex li jiżgura l-applikazzjoni konsistenti u omoġenja tar-regoli għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ tali individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom fl-Unjoni kollha. Kif tindika l-premessa 4 tal-GDPR, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex assolut iżda għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra skont il-prinċipju tal-proporzjonalità.

237.

Suġġett għad-derogi permessi mill-Artikolu 23 tal-GDPR, kwalunkwe ipproċessar ta’ data personali għandu josserva l-prinċipji li jirregolawh u d-drittijiet tal-persuna kkonċernata kif stabbiliti, rispettivament, fil-Kapitoli II u III tiegħu. B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali għandu, fl-ewwel lok, jikkonforma mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR u, fit-tieni lok, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tiegħu ( 198 ).

238.

Id-data personali għandha, skont l-Artikolu 5(1)(a), (b), (c) u (d) tal-GDPR, tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data; tinġabar għal skopijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi; tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet; u tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata.

239.

Il-Kummissjoni ma ssostnix li r-Repubblika tal-Polonja kisret xi wieħed mill-prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-GDPR ( 199 ). Fir-rigward tal-Artikolu 6 tal-GDPR, is-sentenza Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) ( 200 ) tippreċiża li din id-dispożizzjoni fiha lista eżawrjenti u restrittiva tal-każijiet fejn l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies legali. Ipproċessar legali tad-data għandu għalhekk jaqa’ f’wieħed mill-każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ( 201 ).

240.

L-ipproċessar tad-data huwa legali skont l-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR biss jekk ikun meħtieġ li jkun hemm konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur ( 202 ). Tali ipproċessar huwa legali taħt l-Artikolu 6(1)(e) tiegħu biss jekk ikun meħtieġ biex jitwettaq kompitu magħmul fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali vestita fil-kontrollur ( 203 ). Minħabba li l-ipproċessar tad-data fil-proċeduri preżenti huwa previst mil-liġi, il-legalità tiegħu għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR. Skont l-Artikolu 6(3) tal-GDPR, il-bażi legali għall-ipproċessar li għalih jirreferi l-Artikolu 6(1)(c) tiegħu għandha tkun stabbilita fid-dritt tal-Unjoni jew fid-dritt tal-Istat Membru li għalih hu suġġett il-kontrollur ( 204 ), liema bażi legali tiddetermina l-iskop ta’ tali pproċessar. Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tal-GDPR jipprovdi li d-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali għandu jilħaq għan ta’ interess pubbliku u jkun proporzjonat mal-għan leġittimu segwit b’dan. Il-premessa 39 tal-GDPR tiddikjara li d-data personali għandha tiġi pproċessata biss jekk l-iskop ta’ dan l-ipproċessar ma jistax jiġi ssodisfatt b’mod raġonevoli b’mezzi oħra.

241.

Id-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u fil-GDPR lanqas huma assoluti u japplikaw fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà ( 205 ). Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kull limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet irrikonoxxuti minnha, bħad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, għandha tiġi prevista mil-liġi u tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet. Suġġett għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-limitazzjonijiet huma ġġustifikati biss fejn huma meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li leġiżlazzjoni li tinvolvi indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali għandha tistabbilixxi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-applikazzjoni tagħha ( 206 ).

242.

Il-ħames ilment tal-Kummissjoni jiffoka fuq il-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Il-Kummissjoni ma ssostnix li l-għan li jiġi żgurat aċċess għal qorti imparzjali ma huwiex fl-interess pubbliku ( 207 ) u li l-ipproċessar ma jikkonformax mal-Artikoli 6(1)(c) u l-Artikolu 6(3) tal-GDPR u l-Artikolu 52(1) tal-Karta fuq dik il-bażi ( 208 ). Biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 209 ). Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali huma illegali peress li la huma xierqa u lanqas meħtieġa biex jintlaħaq l-għan iddikjarat tar-Repubblika tal-Polonja, li huwa li tiġi żgurata l-imparzjalità ġudizzjarja.

243.

L-Artikolu 9(1) tal-GDPR jipprojbixxi espliċitament l-ipproċessar ta’ ċerta data personali speċifikata meqjusa bħala partikolarment sensittiva ( 210 ). L-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji ( 211 ) jrid informazzjoni li tikkonċerna (i) is-sħubija tal-imħallfin f’assoċjazzjoni ( 212 ) inklużi l-kariġi li kellhom u l-perijodu tas-sħubija tagħhom, (ii) il-kariga tal-imħallfin fi ħdan korp ta’ fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru u t-tul fih u (iii) is-sħubija tal-imħallfin f’partit politiku qabel il-ħatra tagħhom għall-kariga ta’ mħallef jew waqt l-eżerċizzju ta’ din il-kariga qabel id‑29 ta’ Diċembru 1989. Sħubija f’assoċjazzjoni jew kariga miżmuma fil-korp ta’ fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru tista’ tirreferi għal sħubija ta’ jew kariga miżmuma fil-korp ta’ sindakat, organizzazzjoni sportiva, komunità filosofika jew klabb soċjali. It-termini “sħubija” jew “pożizzjoni miżmuma” ma humiex iddefiniti u jistgħu jirreferu għal sħubija jew kariga formali jew informali. It-terminoloġija użata fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li qegħdin jiġu eżaminati hija tant wiesgħa u impreċiża li potenzjalment tinkludi kważi kull forma ta’ assoċjazzjoni bejn in-nies. Barra minn hekk, ħlief għall-Artikolu 88a(3) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jimponu ebda limitu temporali fuq id-data meħtieġa. Imħallef jista’ potenzjalment ikollu jiddikjara s-sħubija tiegħu f’assoċjazzjoni sportiva tad-dilettanti li tmur lura għat-tfulija bikrija tiegħu.

244.

Il-firxa tad-dispożizzjonijiet ikkontestati hija għalhekk wiesgħa ħafna. Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta dikjarazzjoni bil-miktub dwar is-sħubija ta’ partit politiku, assoċjazzjoni jew kariga miżmuma fil-korp ta’ fondazzjoni mingħajr skop ta’ lukru fuq perijodu ta’ żmien illimitat, u l-pubblikazzjoni ta’ din id-data tista’ tikkostitwixxi l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin filosofiku jew is-sħubija f’sindakati ta’ imħallef.

245.

L-Artikolu 9(1) tal-GDPR jipprojbixxi l-ġbir u l-pubblikazzjoni ta’ data personali sensittiva li tiżvela, inter alia, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija f’sindakati. L-Artikolu 9(2) tal-GDPR jipprovdi ċerti eċċezzjonijiet għal, u derogi minn, din il-projbizzjoni. Dawn jinkludu l-Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR, li jgħid li tali data personali tista’ tiġi pproċessata fejn “ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data” ( 213 ).

246.

Jista’ jiġi osservat ukoll li r-Repubblika tal-Polonja ma indikat ebda miżuri li ħadet biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-imħallfin, skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta, jew skont il-GDPR, b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 9 tagħha, kif jeħtieġ l-Artikolu 9(2)(g) ta’ dan ir-regolament, sabiex jittaffa l-impatt tad-dispożizzjonijiet li adottat.

247.

Fuq din il-bażi biss ir-Repubblika tal-Polonja tidher li kisret id-dritt fundamentali tal-imħallfin għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom u d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

248.

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ser neżamina jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni humiex xierqa jew neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan iddikjarat tar-Repubblika tal-Polonja li tiżgura l-imparzjalità ġudizzjarja. L-iżgurar tal-aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali huwa raġuni ta’ interess ġenerali sostanzjali ( 214 ) għall-finijiet tal-Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR. Iktar trasparenza fir-rigward tas-sħubija preċedenti tal-imħallfin f’fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet eċċ. tista’, bħala prinċipju, issaħħaħ il-fiduċja tal-pubbliku fl-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura.

249.

Ma ġiex stabbilit li l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li huma suppost li jsegwu. Fl-ewwel lok, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jindikawx ir-raġunijiet għall-adozzjoni tagħhom. Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ma wriet l-ebda ħtieġa bħal din matul dawn il-proċeduri. Hija ma indikatx li, qabel l-adozzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti dwar l-imparzjalità ġudizzjarja u r-rikuża tal-imħallfin kienu inadegwati jew li kien hemm xi nuqqas ta’ fiduċja tal-pubbliku fl-imparzjalità tal-ġudikatura fil-Polonja. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jidhru li huma bbażati fuq suppożizzjoni li l-pubbliku jipperċepixxi l-ġudikatura bħala ppreġudikata. Dan huwa partikolarment evidenti fir-rigward tar-rekwiżit fl-Artikolu 88a(3) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji fir-rigward tas-sħubija ta’ mħallef f’partit politiku matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu qabel id‑29 ta’ Diċembru 1989. Fis-sentenza tagħha Getin Noble Bank ( 215 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħatra ta’ mħallef meta r-Repubblika Popolari Pollakka kienet Stat Komunista ma tistax per se tagħti lok għal dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji xi 30 sena wara.

250.

Fir-rigward ta’ jekk l-għan tal-ipproċessar ma jistax jiġi ssodisfatt b’mod raġonevoli b’mezzi oħra, filwaqt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jippermettu, kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, li jiġi vverifikat ad casum li mħallef li jeżamina kawża ma jkunx ġie involut f’attivitajiet li jistgħu jagħtu l-impressjoni li ma huwiex għal kollox oġġettiv, jippermettu lill-pubbliku inġenerali aċċess għal data personali sensittiva ( 216 ). L-iskop iddikjarat tad-dispożizzjonijiet nazzjonali seta’ ntlaħaq b’mezzi ferm inqas invażivi billi, pereżempju, l-avukati tal-partijiet f’kawża jitħallew ikollhom aċċess għad-data inkwistjoni u jiġi limitat kwalunkwe żvelar pubbliku sussegwenti ta’ data mhux relatata mal-għan speċifiku u ċirkoskritt li tiġi żgurata imparzjalità ġudizzjarja.

251.

L-ipproċessar tad-data personali sensittiva inkwistjoni jikkostitwixxi limitazzjoni serja tad-dritt tal-imħallfin għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u l-GDPR li jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnu.

252.

Għalhekk nagħti parir lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, jiksru l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u l-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

VII. Fuq l-ispejjeż

253.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

254.

F’din il-kawża, il-Kummissjoni u r-Repubblika tal-Polonja talbu, rispettivament, li l-parti l-oħra fil-kawża tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

255.

Peress li l-Kummissjoni talbet għall-ispejjeż u peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, ħlief fir-rigward tat-tieni lment, hemm lok li din tal-aħħar tiġi kkundannata tbati erbgħa minn ħamsa tal-ispejjeż, inklużi erbgħa minn ħamsa tal-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

256.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom għalhekk jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

VIII. Konklużjoni

257.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 42a(1) u (2) u l-Artikolu 55(4) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji) tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. tal‑2001, Nru 98, punt 1070), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Diċembru 2019 (Dz. U. tal‑2020, punt 190; iktar ’il quddiem “il-Liġi Emendatorja”) (iktar ’il quddiem “il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”), l-Artikolu 26(3) u l-Artikolu 29(2) u (3) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 5), kif emendata mil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem “il-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema”), l-Artikolu 5(1a) u (1b) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) tal‑25 ta’ Lulju 2002 (Dz. U. tal‑2002, punt 1269), kif emendata mil-Liġi Emendatorja (iktar ’il quddiem “il-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi”), u l-Artikolu 8 tal-Liġi Emendatorja, li jipprojbixxu lil kwalunkwe qorti nazzjonali milli tisħarreġ il-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni dwar qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem “il-Karta”), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950;

tiddikjara li bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema, li taħthom l-eżami tal-konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi jista’ jiġi kklassifikat bħala “reat dixxiplinari”, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, u taħt l-Artikolu 267 TFUE;

tiddikjara li bl-għoti lill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, ġurisdizzjoni biex tisma’ u tiddeċiedi kawżi li għandhom impatt dirett fuq l-istatus tal-imħallfin u tal-imħallfin apprendisti u t-twettiq tal-kariga tagħhom, bħal, fl-ewwel lok, talbiet għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin u mħallfin apprendisti jew biex jinżammu taħt arrest u, fit-tieni lok, kawżi relatati mad-dritt tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u kawżi relatati mal-irtirar obbligatorju ta’ dawn l-imħallfin, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

tiddikjara li bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 8(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(1)(c) u (e), l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data);

tordna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas erbgħa minn ħamsa tal-ispejjeż, inklużi erbgħa minn ħamsa tal-ispejjeż relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji;

tordna lir-Renju tal-Belġju, lir-Renju tad-Danimarka, lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, lir-Repubblika tal-Finlandja u lir-Renju tal-Isvezja jħallsu l-ispejjeż tagħhom.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Dz. U. tal-2020, punt 190. Il-Liġi Emendatorja daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Frar 2020.

( 3 ) ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2.

( 4 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982) (iktar ’il quddiem ukoll is-“sentenza A. K.”) u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Review Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232) (iktar ’il quddiem ukoll is-“sentenza Simpson”).

( 5 ) Dz. U. tal‑2018, intestatura 5; din daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

( 6 ) Dz. U. tal‑2001, Nru 98, intestatura 1070.

( 7 ) L-Artikolu 45(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema japplika l-Artikolu 88 tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji għall-Imħallfin tal-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal- ustawa – Prawo o ustroju sądów administracyjnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi) japplika din l-istess dispożizzjoni għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi u tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

( 8 ) Dz. U. tal‑2002, intestatura 1269.

( 9 ) Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, EU:C:2021:593) (iktar ’il quddiem “id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021”).

( 10 ) Ir-Repubblika tal-Polonja kienet meħtieġa, inter alia, li tissospendi:

- l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li taħthom l-Awla Dixxiplinari għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi fuq talbiet għal awtorizzazzjoni biex jinbdew proċeduri kriminali kontra mħallfin jew imħallfin apprendisti;

- l-effetti tad-deċiżjonijiet diġà adottati mill-Awla Dixxiplinari li jawtorizzaw il-bidu ta’ proċeduri kriminali kontra, jew l-arrest ta’, imħallef, u li jastjenu milli jirreferu kawżi lil qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza;

- l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom l-Awla Dixxiplinari għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi f’kawżi relatati mal-istatus ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema u t-twettiq tal-kariga tagħhom u biex tastjeni milli tirreferi dawn il-kawżi lil qorti li ma tissodisfax il-rekwiżiti ta’ indipendenza;

- l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin talli jkunu eżaminaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi;

- l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali sa fejn dawn jipprojbixxu lill-qrati nazzjonali milli jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi u li jissospendu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kompetenza esklużiva tal-Awla Straordinarja biex teżamina lmenti li jallegaw in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ mħallef jew qorti.

( 11 ) F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, inter alia, li t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal‑Artikolu 279 TFUE, huwa inkompatibbli mal‑Artikoli 2 u 7, l‑Artikolu 8(1) u l‑Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, moqrija flimkien mal‑Artikolu 4(1) tagħha. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) qieset li l-Qorti tal-Ġustizzja qabżet il-kompetenzi tagħha stess – u għalhekk iddeċidiet ultra vires – meta imponiet fuq ir-Repubblika tal-Polonja miżuri provviżorji relatati mal-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki, kif ukoll il-proċedura li għandha tiġi segwita quddiem dawn il-qrati. Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑204/21 R‑RAP, EU:C:2021:834, punti 1011).

( 12 ) Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑204/21 R‑RAP, EU:C:2021:834).

( 13 ) Digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑204/21 R‑RAP, EU:C:2021:834, punti 18 sa 24).

( 14 ) Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:878).

( 15 ) Artikolu 2 TUE.

( 16 ) L-Artikolu 49 TUE jipprovdi li kwalunkwe Stat Ewropew li jirrispetta l-valuri msemmija fl‑Artikolu 2 TUE u li huwa impenjat li jippromwovihom jista’ japplika biex isir membru tal-Unjoni. Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 61 sa 63).

( 17 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 122). Filwaqt li l‑Artikolu 47 tal-Karta jgħin biex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ta’ kwalunkwe individwu li jibbaża ruħu, f’każ partikolari, fuq dritt li huwa jislet mid-dritt tal-Unjoni, it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE huwa intiż li jiżgura li s-sistema tal-azzjonijiet legali f’kull Stat Membru tiggarantixxi protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni irrispettivament minn jekk l-Istat Membru huwiex qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta: Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 36, 4552).

( 18 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 145146).

( 19 ) Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, skont is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), Kawża P 7/20, il-Qorti tal-Ġustizzja aġixxiet ultra vires billi adottat miżuri provviżorji skont id-digriet tagħha tal‑14 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, EU:C:2021:593) peress li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri hija kwistjoni tal-kompetenza esklużiva tagħhom. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), tal-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), tal-Ústavní soud (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Repubblika Ċeka), tal-Højesteret (il-Qorti Suprema, id-Danimarka), tal-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja), tat-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja), tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), tal-Corte costituzionale (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Italja) u l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija), b’riferiment għall-prinċipju ta’ identità kostituzzjonali, il-qrati kostituzzjonali tal-Istati Membri “għandhom l-aħħar kelma” dwar is-setgħat ittrasferiti taħt it-Trattati. Is-setgħat tal-Unjoni Ewropea huma ċirkoskritti mill-prinċipju ta’ għoti ta’ kompetenzi li huwa prinċipju tad-dritt tal-Unjoni li jinkludi kemm il-prinċipji kostituzzjonali tal-Istati Membri kif ukoll l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li tirrispetta l-identitajiet nazzjonali rispettivi tagħhom.

( 20 ) Il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni, li għaliha jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri, sanċiti fl-Artikolu 6 u 13 KEDB u affermat mill-ġdid mill-Artikolu 47 tal-Karta. Din l-aħħar dispożizzjoni għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 102 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Fil-proċeduri preżenti huwa stabbilit li l-Qorti Suprema, il-qrati ordinarji u l-qrati amministrattivi fil-Polonja jistgħu jkunu meħtieġa jiddeċiedu dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni f’kawżi quddiemhom, u għalhekk f’kawżi li jaqgħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE: Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 111 sa 114).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Ministru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u Kummissarju ta’ An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 34).

( 23 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza A. K. (punt 130).

( 24 ) L-Istati Membri huma għalhekk responsabbli li jiżguraw li, skont l‑Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jkun protett b’mod effettiv: is-sentenza A. K. (punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1998, IN. CO. GE.’90 et (C‑10/97 sa C‑22/97, EU:C:1998:498, punt 14). Hemm ċertu livell ta’ sovrappożizzjoni bejn il-prinċipju ta’ effettività u d-dritt għal rimedju effettiv skont l‑Artikolu 47. Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek f’An tAire Talmhaíochta Bia agus Mara, Éire agus an tArd-Aighne (C‑64/20, EU:C:2021:14, punt 42). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 46 sa 48).

( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. (punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata). Is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 36), tippreċiża li dan jista’ jkun il-każ fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw il-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura u l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din il-proċedura. Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48).

( 26 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għal data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 42).

( 27 ) Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 sa 65). Ara wkoll, l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 168).

( 28 ) Dan huwa ta’ importanza kardinali bħala garanzija li d-drittijiet kollha li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni jkunu protetti u li l-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl‑Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt, ikunu ssalvagwardjati. Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 48 sa 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 29 ) Sentenza A. K. (punti 120 sa 122).

( 30 ) Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, taħt it-test suġġettiv tal-imparzjalità għandhom jitqiesu l-konvinzjonijiet u l-imġiba personali ta’ mħallef partikolari, jiġifieri billi jiġi eżaminat jekk hu tax xi indikazzjoni ta’ preġudizzju personali jew preġudizzju f’każ partikolari. Skont it-test oġġettiv tal-imparzjalità, għandu jiġi vverifikat jekk il-qorti nnifisha u, fost aspetti oħra, il-kompożizzjoni tagħha, offrewx garanziji suffiċjenti sabiex jeskludu kull dubju leġittimu dwar l-imparzjalità tiegħu. Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk, apparti l-imġiba tal-imħallef, hemmx fatti aċċertabbli li jistgħu jqajmu dubji dwar l-imparzjalità tiegħu. F’dan ir-rigward, anki l-apparenzi jistgħu jkunu ta’ ċerta importanza. Sentenza A. K. (punt 128 u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ċċitata).

( 31 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni jippresupponu regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-korp u l-ħatra, it-tul tas-servizz u r-raġunijiet għall-astensjoni, iċ-ċaħda u t-tkeċċija tal-membri tiegħu, li huma tali li jneħħu kull dubju raġonevoli fl-imħuħ tal-individwi fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ dan il-korp għal fatturi esterni u n-newtralità tiegħu fir-rigward tal-interessi ta’ quddiemu. Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 117).

( 32 ) Il-Qorti EDB iddikjarat fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232), li l-proċess tal-ħatra tal-imħallfin neċessarjament jikkostitwixxi element inerenti tal-kunċett ta’ “tribunal […] mwaqqaf b’liġi.” għall-finijiet tal-Artikolu 6(1) KEDB. L-indipendenza ta’ qorti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tista’ titkejjel, inter alia, mill-mod ta’ ħatra tal-membri tagħha. Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 57 u l-ġurisprudenza iċċitata).

( 33 ) Ara s-sentenza Simpson (punt 75), u s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 130). Ara b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 71 sa 73) dwar il-kollokament tal-imħallfin. Mhux kull żball li għandu x’jaqsam mal-ħatra ta’ mħallef huwa tali li jitfa’ dubji fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu u, għaldaqstant, dwar jekk formazzjoni li tinkludi dak l-imħallef tistax titqies bħala qorti “indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” għall-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni: Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 123). Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punti 71 sa 74).

( 34 ) “L-espressjoni [‘stabbilita bil-liġi’] tirrifletti, b’mod partikolari, il-prinċipju tal-Istat tad-dritt u tirrigwarda mhux biss il-bażi legali tal-eżistenza nfisha tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti f’kull kawża kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt intern li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha tirrendi irregolari l-parteċipazzjoni ta’ mħallef wieħed jew iktar fl-eżami tal-kawża, li jinkludi, b’mod partikolari, dispożizzjonijiet dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membri tal-qorti kkonċernata”. Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 118, 119, 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara pereżempju s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 117 sa 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Is-sentenza Simpson (punt 55).

( 37 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).

( 38 ) Inklużi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati tal-Istati Membri. Ara s-sentenza Simpson (punt 57), u s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 15) fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Ara, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 126 sa 131) fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membri.

( 39 ) Ara s-sentenza Simpson (punti 55 u 57), u s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).

( 40 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 73). Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100)

( 41 ) Sentenza A. K. (punt 157).

( 42 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49, punt 22), u tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 252 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 166). Is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Popławski (C‑573/17, EU:C:2019:530, punt 61), tiddikjara li qorti nazzjonali li tisma’ kawża fil-ġurisdizzjoni tagħha hija, bħala korp ta’ Stat Membru, taħt obbligu li tħalli mhux applikata, f’kawża pendenti quddiemha, kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni b’effett dirett.

( 44 ) Sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality and Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 33). Ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Prokurator Generalny et (Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑508/19, EU:C:2022:201, punt 81), li ddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari fi proċeduri li jfittxu dikjarazzjoni li persuna ma għandhiex relazzjoni ta’ servizz bħala mħallef u, konsegwentement, ma setgħetx tindika legalment il-qorti dixxiplinari li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ proċeduri dixxiplinari miġjuba kontra mħallef ieħor, kienet inammissibbli billi din l-azzjoni tfittex, essenzjalment, li tinvalida l-ħatra tal-imħallef inkwistjoni erga omnes, minkejja li d-dritt Pollakk ma jawtorizzax, u qatt ma awtorizza, kontestazzjonijiet għall-ħatra ta’ mħallef permezz ta’ rikors għall-annullament jew l-invalidazzjoni tal-ħatra tiegħu.

( 45 ) Bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta, il-Kummissjoni tissottometti li l-argumenti mqajma fil-kontroreplika huma kompletament ikkonfutati mis-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, b’mod partikolari, il-punti 19, 39, 40, 53 u 58). Għalhekk, il-qrati Pollakki għandhom ma japplikawx il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) li timmina s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju tal-Belġju jqis li s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali), Kawża P 7/20 hija bbażata fuq premessa żbaljata. Meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja, u mhux il-qrati kostituzzjonali nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni, inkluż il-prinċipju ta’ supremazija. L‑Artikolu 4(2) TUE ma jippermettix lill-qrati kostituzzjonali nazzjonali jivverifikaw jekk id-dritt tal-Unjoni jolqotx l-identità nazzjonali. Barra minn hekk, qorti kostituzzjonali nazzjonali ma tistax tiddeċiedi li l-Qorti tal-Ġustizzja aġixxiet ultra vires u tirrifjuta li tagħti effett lis-sentenzi tagħha. Id-deferenza għar-regoli kostituzzjonali nazzjonali kollha ddgħajjef l-obbligu tal-Unjoni li tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri u l-applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni. Ir-Renju tad-Danimarka jiċħad kull analoġija li r-Repubblika tal-Polonja tagħmel bejn il-ġurisprudenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) u dik tal-Højesteret (il-Qorti Suprema) jew il-qrati kostituzzjonali ta’ Stati Membri oħra billi r-Repubblika tal-Polonja hija waħedha li qiegħda tikkontesta l-prinċipju stess tal-Istat tad-dritt. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li, fis-sentenza tagħha tas‑7 ta’ Mejju 2021, Xero Flor w Polsce sp. z o.o. vs Il‑Polonja, (CE:ECHR:2021:0507JUD000490718), il-Qorti EDB iddeċidiet li t-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi iżda pjuttost korp politiku li s-sentenzi tiegħu ma humiex vinkolanti. Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 44). Skont il-prinċipju ta’ supremazija, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) ma tistax ma tapplikax id-dritt tal-Unjoni jew is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, Stat Membru ma jistax jinvoka l-identità kostituzzjonali rispettiva tiegħu jekk tkun f’kunflitt mal-valuri ewlenin tal-Unjoni fl‑Artikolu 2 TUE: Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑157/21, EU:C:2022:98, punti 264 sa 266). Fl-aħħar nett, nuqqas minn Stat Membru li josserva l-indipendenza ġudizzjarja jaffettwa l-kooperazzjoni tal-Unjoni fuq skala wiesgħa. Ir-Renju tal-Isvezja jqis li l-Istati Membri għandhom jagħtu effett sħiħ lill-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, li huwa ċar, preċiż u inkundizzjonat. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma hijiex relatata ma’ xi kwistjoni tal-identità kostituzzjonali nazzjonali.

( 46 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punti 43 sa 46, 5152). Il-punt 55 ta’ dik is-sentenza jenfasizza li l-konformità mal-prinċipju ta’ supremazija hija meħtieġa biex tiġi żgurata l-osservanza tal-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati, li jipprekludi l-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq miżura unilaterali kontra l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Hija wkoll espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fl‑Artikolu 4(3) TUE, li jeħtieġ in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tista’ tkun kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn meta din id-dispożizzjoni ġiet adottata.

( 47 ) Is-sentenza A. K. (punt 166). Ara wkoll is-sentenza Simpson (punt 57).

( 48 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931).

( 49 ) Ara s-sentenza A. K. (punt 122). Ir-Renju tad-Danimarka jikkunsidra li l-Awla Straordinarja, b’mod simili għall-Awla Dixxiplinari, ma hijiex indipendenti. Iż-żewġ awli ġew stabbiliti bl-istess liġi li biha l-membri tagħhom jinħatru wara proċedura li tinvolvi l-KRS, li huwa stess ma huwiex indipendenti. Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 150, 152153). Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819, punti 353 sa 355), li ddeċidiet li, għall-finijiet tal‑Artikolu 6 tal-KEDB, l-Awla Straordinarja ma hijiex qorti stabbilita bil-liġi.

( 50 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 41).

( 51 ) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tidher li qiegħda tistaqsi jekk id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet idderivati mid-dritt tal-Unjoni jistax jiġi żgurat f’kull każ allokat lill-Awla Straordinarja skont id-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-dritt nazzjonali. Ara b’analoġija, is-sentenza A. K. (punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) La r-rikors u lanqas l-istadju prekontenzjuż tal-proċeduri ma jqajmu dawn il-kwistjonijiet.

( 53 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza A. K.; is-sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596) (iktar ’il quddiem is-“Sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin”), tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798) u tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153). Il-Kummissjoni dehret ukoll f’diversi domandi preliminari li qajmu dawn il-kwistjonijiet u oħrajn analogi.

( 54 ) Ara l-punti 104 sa 108.

( 55 ) Id-dubji fir-rigward tal-indipendenza tal-KRS kienu bbażati fuq numru ta’ fatturi, inkluż li 23 mill‑25 membru tagħha kienu nħatru mill-eżekuttiv jew il-leġiżlatura Pollakki jew kienu membri tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-fatt li korp, bħal kunsill nazzjonali tal-ġudikatura magħmul minn maġġoranza ta’ membri magħżula mil-leġiżlatura, ikun involut fil-proċedura tal-ħatra tal-imħallfin ma jistax, fih innifsu, iqajjem xi dubju dwar l-indipendenza tal-imħallfin hekk maħtura. L-indipendenza ta’ qorti nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-fatturi rilevanti kollha, inklużi l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ħatra tal-membri tagħha. Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 5556).

( 56 ) Ara l-punti 104 sa 108).

( 57 ) Ara wkoll, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita bil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 75).

( 58 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819). Is-sentenza kienet ibbażata fuq żewġ rikorsi ppreżentati fil-Qorti EDB fit‑12 ta’ Settembru 2019 u fit‑22 ta’ Ottubru 2019 rispettivament u għalhekk ħafna qabel il-preżentata tar-rikors. Is-sentenza saret finali taħt l‑Artikolu 44(2) KEDB fit‑8 ta’ Frar 2022.

( 59 ) Il-Qorti EDB applikat it-test ta’ tliet stadji stabbilit fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418).

( 60 ) Iktar ’il quddiem “il-President tar-Repubblika”.

( 61 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819, punt 349). Ara wkoll il-Qorti EDB, tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0722JUD004344719, punt 276, fejn il-Qorti EDB iddeċidiet li l-proċess ta’ ħatriet ġudizzjarji fl-Awla Dixxiplinari kien intrinsikament difettuż minħabba l-involviment tal-KRS. Din is-sentenza saret finali taħt l‑Artikolu 44(2) KEDB fit‑22 ta’ Novembru 2021.

( 62 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819).

( 64 ) Sentenza tal-Qorti EDB tat‑8 ta’ Novembru 2021, Dolińska-Ficek u Ozimek vs Il‑Polonja (CE:ECHR:2021:1108JUD004986819).

( 65 ) Il-punt 368 tas-sentenza tal-Qorti EDB jgħid li huwa inerenti fil-konstatazzjonijiet tagħha li l-ksur tad-drittijiet tar-rikorrenti oriġinaw mill-emendi għal-leġiżlazzjoni Pollakka li ċaħħdu lill-ġudikatura Pollakka mid-dritt li teleġġi membri ġudizzjarji tal-KRS u ppermettew lill-eżekuttiv u lil-leġiżlatura jindaħlu direttament jew indirettament fil-proċedura tal-ħatra ġudizzjarja, u għalhekk jikkompromettu sistematikament il-leġittimità ta’ qorti komposta mill-imħallfin hekk maħtura.

( 66 ) L-imħallfin nazzjonali kkontestaw l-irtirar kmieni tagħhom minħabba d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li allegatament kisret id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 67 ) Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Awla Straordinarja ma hijiex indipendenti, mill-punt 165 tas-sentenza A. K. isegwi li, bl-adozzjoni u ż-żamma fis-seħħ tal‑Artikolu 26(2) u (4) sa (6) u l‑Artikolu 82(2) sa (5) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l‑Artikolu 10 tal-Liġi Emendatorja, li tagħti ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja biex teżamina lmenti u kwistjonijiet ta’ dritt li jikkonċernaw, inter alia, in-nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew imħallef, ir-Repubblika tal-Polonja kienet tkun naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal‑Artikolu 47 tal-Karta.

( 68 ) Il-qrati nazzjonali kollha li jiddeċiedu fuq każijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal‑Artikolu 19(1) TUE u l‑Artikolu 47 tal-Karta. F’dan is-sens, ara s-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punti 6364).

( 69 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 149).

( 70 ) Liema argument il-Kummissjoni naqset milli tressaq fil-ħin f’dawn il-proċeduri.

( 71 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, huma obbligati jiżguraw il-konformità mad-dritt għal rimedju effettiv sanċit fl-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 47 tal-Karta, liema dispożizzjoni tafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva: Sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe (C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 34).

( 72 ) Xejn fl‑Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema ma jissuġġerixxi – u l-Kummissjoni ma argumentatx – li l-qorti li tisma’ kwistjoni ma tistax tressaq ilment dwar nuqqas ta’ indipendenza, li mbagħad tista’ tressaq talba lill-President tal-Awla Straordinarja.

( 73 ) Filwaqt li lment għandu jiġi sottomess lill-Awla Straordinarja minnufih, ma hemm l-ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-liġi tiddeterminax perijodu ta’ żmien li fih l-Awla Straordinarja trid issolvih. Filwaqt li kwistjonijiet bħal dawn għandhom jiġu indirizzati b’ħeffa, l-ilment tal-Kummissjoni huwa sieket dwar dan il-punt.

( 74 ) Ara wkoll b’analoġija, it-test li ġej f’dik id-dispożizzjoni: “il-qorti li tittratta l-każ għandha tressaq talba minnufih lill-President tal-[Awla Straordinarja]”.

( 75 ) U għalhekk id-dritt għal protezzjoni legali effettiva. Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) F’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni.

( 77 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punti 48 sa 50). Ara wkoll is-sentenza A. K. (punt 164), u s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 148149).

( 78 ) Skont is-sentenza Simpson.

( 79 ) Waqt is-seduta, ir-Repubblika tal-Polonja, bi tweġiba għal mistoqsija li saritilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, ikkonfermat li l-Awla Straordinarja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta’ indipendenza fil-kuntest tal- proċeduri msemmija.

( 80 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 222 sa 234) iddeċidiet li r-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal‑Artikolu 267 TFUE billi llimitat id-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-possibbiltà li tali talbiet jagħtu bidu għal proċeduri dixxiplinari. Ara wkoll, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 56 sa 59).

( 81 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza A. K. (punti 110 sa 113), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija ammissibbli talba għal deċiżjoni preliminari mill-Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych (l-Awla tax-Xogħol u l-Assigurazzjoni Soċjali) tal-Qorti Suprema, minkejja li r-Repubblika tal-Polonja sostniet li din l-awla kienet indaħlet fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Dixxiplinari.

( 82 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 28).

( 83 ) Pereżempju, rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni finali skont l‑Artikolu 26(4) sa (6) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema bbażata fuq l-allegat status illegali ta’ mħallef huwa rikors straordinarju quddiem l-Awla Straordinarja. Biżżejjed li jiġi kkonstatat li jekk tali kwistjoni tqajmet quddiem il-qorti li tat is-sentenza finali, din il-qorti għandha, jekk jinqalgħu dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, titlob deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE.

( 84 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 56). L‑Artikolu 267 TFUE jipprekludi kwalunkwe regola jew prattika nazzjonali li tipprevjeni lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw is-setgħa diskrezzjonali jew josservaw l-obbligu, skont il-każ, stabbilit fl‑Artikolu 267 TFUE, li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 260).

( 85 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli (C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 42).

( 86 ) Għaldaqstant, qorti nazzjonali li ressqet talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE ma tistax tiġi prekluża milli tapplika minnufih id-dritt tal-Unjoni skont id-deċiżjoni jew il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, inkella, l-effettività ta’ din id-dispożizzjoni tiġi ppreġudikata: Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 257). Għalhekk, il-qorti nazzjonali għandha, jekk ikun neċessarju, tinjora d-deċiżjonijiet ta’ qorti nazzjonali superjuri jekk tqis, fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dawn id-deċiżjonijiet huma inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni, u jekk ikun meħtieġ tirrifjuta li tapplika regola nazzjonali li teħtieġha tikkonforma mad-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti superjuri. Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 75).

( 87 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑221/04, EU:C:2006:329, punti 24 sa 26).

( 88 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1986, Il‑Kummissjoni vs Franza (220/83, EU:C:1986:461, punti 3031).

( 89 ) Sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418. Ara wkoll is-sentenza Simpson (punt 75).

( 90 ) Ara l-paragrafu 145. Ara wkoll is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 128).

( 91 ) Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U 2020, intestatura 1575, kif emendata).

( 92 ) Ustawa – Kodeks postępowania karnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) tas‑6 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U. 2021, intestatura 534, kif emendata).

( 93 ) Ustawa – Prawo o postępowaniu przed sądami administracyjnymi (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Proċedura Quddiem il-Qrati Amministrattivi) tat‑30 ta’ Awwissu 2002 (Dz. U. 2019, intestatura 2325, kif emendata).

( 94 ) Ara l‑Artikolu 200(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u l‑Artikolu 35(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 95 ) Ara s-sentenza Simpson. Ara wkoll, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda, CE:ECHR:2020:1201JUD002637418.

( 96 ) Sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑398/14, EU:C:2016:61, punt 47).

( 97 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑543/08, EU:C:2010:669, punti 2021 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 98 ) Li min-naħa tiegħu jirrepeti t-test tal‑Artikolu 42a(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u tal‑Artikolu 5(1b) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi.

( 99 ) Ara, inter alia, l‑Artikolu 26(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema.

( 100 ) Ara l‑Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, li jipprovdi li l-President tar-Repubblika għandu jaħtar imħallfin, fuq proposta mill-KRS, għal perijodu indefinit. L‑Artikolu 180 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprovdi li l-imħallfin ma jistgħux jitneħħew. Skont l‑Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-KRS għandu s-setgħa li jiżgura l-indipendenza tal-qrati u l-ġudikatura.

( 101 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021 (C‑824/18, EU:C:2021:153).

( 102 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 156).

( 103 ) Ara l‑Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.

( 104 ) Ara l-paragrafu 62 tar-rikors.

( 105 ) Li jidher li japplika l‑Artikolu 55(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji retrospettivament.

( 106 ) Ara l-punt 55.

( 107 ) Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑2 ta’ Ġunju 2020 (Kawża P 13/19) (Dz. U. tal‑2020, intestatura 1017).

( 108 ) Sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tat‑23 ta’ Frar 2022 (Kawża P 10/19) (Dz. U. tal‑2022, intestatura 480).

( 109 ) Fejn imħallfin jintgħażlu fuq il-bażi tal‑Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-KRS) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal‑2011, Nru 126, punt 714), kif emendata, inter alia, mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, punt 3), u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, punt 1443). Ara, is-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑4 ta’ Marzu 2020 (Kawża P 22/19) (Dz. U. tal‑2020, intestatura 413).

( 110 ) Hawnhekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-imparzjalità u r-rikuża tal-imħallfin.

( 111 ) Ara l-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 112 ) L‑Artikolu 29(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jestendi l-applikazzjoni tal‑Artikolu 107(1)(2) u (3) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji għall-imħallfin tal-qrati amministrattivi.

( 113 ) L‑Artikolu 49(1) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi jestendi l-applikazzjoni tal‑punti 2 u 3 tal-Artikolu 72(1) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema għall-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

( 114 ) Ara l‑Artikolu 109(1a) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 115 ) Jiġifieri, atti jew ommissjonijiet li jipprevjenu, jew jimminaw serjament, il-funzjonament ta’ awtorità ġudizzjarja jew atti li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja. Dawn l-imħallfin huma suġġetti għal penalità finanzjarja jew tneħħija mill-kariga fejn jinstabu li jkunu wettqu reati minuri: l‑Artikolu 75(1)(a) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema.

( 116 ) Ara l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

( 117 ) Ara t-tieni lment tal-Kummissjoni.

( 118 ) Ara l-punt 55). Ara l-ewwel ilment tal-Kummissjoni.

( 119 ) Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018 (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).

( 120 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 55 sa 59).

( 121 ) Kif deskritt fil-kawża li tat lok għas-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin.

( 122 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punt 140).

( 123 ) B’mod partikolari, l‑Artikolu 10 tad-Digriet Nru 58‑1270 tat‑22 ta’ Diċembru 1958 li jistabbilixxi l-liġi organika dwar l-istatus tal-ġudikatura.

( 124 ) Li jikkonċernaw “atti li jpoġġu f’dubju l-eżistenza tar-relazzjoni ta’ impjieg ta’ mħallef, l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef jew il-leġittimità ta’ korp kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Polonja.”

( 125 ) Sentenzi tal-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Marzu 2012 (Kawża SNO 4/12) u tal‑11 ta’ Diċembru 2014 (referenza SNO 61/14).

( 126 ) Sentenza tal-Qorti Suprema tat‑22 ta’ Ġunju 2015 (Kawża SNO 36/15).

( 127 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2020, Sánchez Ruiz et (C‑103/18 u C‑429/18, EU:C:2020:219).

( 128 ) Sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 61 u 134 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 129 ) Sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 136).

( 130 ) Sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 137).

( 131 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 138).

( 132 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 139).

( 133 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 140).

( 134 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 135 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata)

( 136 ) Sabiex jiġu kkonfutati ċerti argumenti mqajma fir-risposta, ir-replika rreferiet fil-qosor għas-sistema dixxiplinari b’mod ġenerali fil-Polonja flimkien man-nuqqas ta’ indipendenza tal-Awla Dixxiplinari. Ir-replika tikkonferma li r-rikors ma qagħadx fuq dawn il-kwistjonijiet.

( 137 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑139/03, mhux ippubblikata, EU:C:2004:461).

( 138 ) Is-sentenza Simpson teħtieġ it-twettiq ta’ tali eżami.

( 139 ) Barra minn hekk, imħallef nazzjonali ma jistax ikun responsabbli mil-lat dixxiplinari għar-raġuni li jkun irrifjuta li japplika d-dritt nazzjonali sabiex jagħti effett lil deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effetti tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 88).

( 140 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 128 et seq. u l-ġurisprudenza ċċitata). Pereżempju, jista’ jiġi affermat li l-eżami tar-rwol tal-KRS fil-proċedura li twassal għall-ħatra ta’ mħallef jikkostitwixxi reat dixxiplinari.

( 141 ) Ara, is-sentenzi tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑4 ta’ Marzu 2020 (Kawża P 22/19) (Dz. U., intestatura 413); tat‑2 ta’ Ġunju 2020 (Kawża P 13/19) (Dz. U., intestatura 1017); u tat‑23 ta’ Frar 2022 (Kawża P 10/19) (Dz. U., intestatura 480), diskussi fil-punt 144 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 142 ) Sentenza tal-Qorti Suprema tat‑22 ta’ Ġunju 2015 (referenza SNO 36/15).

( 143 ) Dz. U. tal‑2018, punt 5. Ara f’dan is-sens, is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 145).

( 144 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 126, 127 u 149 et seq.).

( 145 ) Ara d-Deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2020, II DO 1/20, li fiha l-Awla Dixxiplinari ddeċidiet li mħallef jista’, bħala prinċipju, jiġi akkużat b’reat dixxiplinari fuq il-bażi tal‑Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji talli ordna lis-Sejm, allegatament bi ksur manifest u flagranti tal-liġi, biex jipproduċi dokumenti relatati mal-proċess għall-ħatra tal-membri tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu. Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 150 u 151).

( 146 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 152).

( 147 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 148 ) Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 113 u 147).

( 149 ) Li jiddefinixxi reati dixxiplinari f’termini li la jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u preċiżjoni stabbiliti fil-punt 175 ta’ dawn il-konklużjonijiet u lanqas jiżguraw li r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin minħabba d-deċiżjonijiet tagħhom tkun strettament limitata għal ċirkustanzi eċċezzjonali ħafna, kif deskritt fil-punt 173 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 150 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 145).

( 151 ) Il-punt 171 tas-sentenza A. K. jippreċiża li r-rekwiżiti ta’ qorti indipendenti u imparzjali ma humiex issodisfatti meta ċ-ċirkustanzi oġġettivi li fihom ġiet iffurmata dik il-qorti, il-karatteristiċi tagħha u l-mezzi li bihom jinħatru l-membri tagħha jkunu jistgħu jwasslu għal dubji leġittimi, f’moħħ is-suġġetti tal-liġi, fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ din il-qorti għal fatturi esterni, b’mod partikolari fir-rigward tal-influwenza diretta jew indiretta tal-leġiżlatur u tal-eżekuttiv u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi ta’ quddiemha. Dan jista’ jwassal biex din il-qorti ma titqiesx bħala indipendenti jew imparzjali bil-konsegwenza li tiġi ppreġudikata l-fiduċja li l-ġustizzja f’soċjetà demokratika għandha tispira fis-suġġetti tal-liġi.

( 152 ) Il-KRS hija rregolata mil-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura tat‑12 ta’ Mejju 2011, kif emendata. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 153 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punti 160 sa 164).

( 154 ) Digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 155 ) Sentenza tat‑22 ta’ Lulju 2021, Reczkowicz vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2021:0722JUD004344719.

( 156 ) Ara s-sentenza A. K., punt 133.

( 157 ) L-applikazzjonijiet għandhom ikunu konformi mal‑Artikolu 31(3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

( 158 ) Il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, Franza, Ċipru u l-Finlandja.

( 159 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535), tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-maġistrati Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572) u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311). Ara wkoll, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Settembru 2020, Il‑Kunsill vs Sharpston (C‑424/20 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2020:705).

( 160 ) Sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia Forumul Judecătorilor din Româniaet (C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punti 210 sa 213).

( 161 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikorsi) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 162 ) Ara wkoll id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021 (punt 81).

( 163 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punti 80 u 83).

( 164 ) Naqbel mal-osservazzjoni tar-Repubblika tal-Finlandja fis-seduta li r-Repubblika tal-Polonja għalxejn tenfasizza aspetti individwali tas-sistema dixxiplinari għall-imħallfin fi Stati Membri oħra. Minbarra l-fatt li dawn is-sistemi ma humiex is-suġġett ta’ dawn il-proċeduri, huma għandhom jiġu eżaminati fl-intier tagħhom filwaqt li jitqiesu, inter alia, il-karatteristiċi tal-qorti jew qrati inkwistjoni, il-kuntest li fih ġew stabbiliti u l-proċedura għall-ħatra tal-membri tagħhom.

( 165 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021 (C‑791/19, EU:C:2021:596). Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu hija ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni prevalenti f’dak l-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, f’din il-kawża fis‑17 ta’ Lulju 2019. Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑669/16, EU:C:2018:844, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-opinjonijiet motivati f’din il-kawża huma b’mod ċar sussegwenti għal din id-data. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari japplikaw għal din il-kawża. Għalhekk huwa partikolarment notevoli li r-Repubblika tal-Polonja ma kkonfutatx l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq din is-sentenza.

( 166 ) Fis-sentenzi tagħha tal‑5 ta’ Diċembru 2019 u tal‑15 ta’ Jannar 2020, l-Awla tax-Xogħol u l-Assigurazzjoni Soċjali tal-Qorti Suprema, li ddeċidiet fit-tilwim li ta lok għas-sentenza A. K, l-ewwel iddeċidiet, li l-KRS ma huwiex, kif ikkostitwit bħalissa, korp imparzjali indipendenti mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv u, min-naħa l-oħra, li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti u imparzjali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-ħolqien tagħha, il-portata tas-setgħat tagħha, il-kompożizzjoni tagħha u l-involviment tal-KRS fit-twaqqif tagħha.

( 167 ) Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), il-Qorti tal-Ġustizzja talbet lir-Repubblika tal-Polonja immedjatament u sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq il-proċeduri fil-Kawża C‑791/19, inter alia, li tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat-8 ta’ Diċembru 2017 li tagħti ġurisdizzjoni lill-Awla Dixxiplinari li tiddeċiedi f’kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw imħallfin u li tastjeni milli tirreferi l-kawżi lil din l-awla. Ara wkoll id-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2021; id-digrieti tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (C‑204/21 R, EU:C:2021:834) u tas‑27 ta’ Ottubru 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑204/21 R, mhux ippubblikat, EU:C:2021:878).

( 168 ) Għalhekk tiġi eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ trasferiment ta’ mħallfin fis-servizz tal-Qorti Suprema għal dik l-awla minkejja li tali trasferimenti ta’ mħallfin kienu, bħala prinċipju, permessi.

( 169 ) 23 mill‑25 membru tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu nħatru mill-eżekuttiv jew il-leġiżlatura Pollakka jew huma membri tiegħu. Preċedentement l-imħallfin kienu jagħżlu 15‑il membru tal-KRS minn fosthom stess.

( 170 ) Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017, fil-verżjoni kkonsolidata ppubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal‑2019 (punt 825).

( 171 ) Li kien jinkludi, b’mod partikolari, il-ħolqien ta’ żewġ awli ġodda fi ħdan din il-qorti, waħda tkun l-Awla Dixxiplinari, flimkien mal-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu biex titbaxxa l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-applikazzjoni tiegħu għall-imħallfin fis-servizz ta’ din il-qorti. It-terminazzjoni prematura tal-mandati ta’ ċerti membri tal-KRS u r-riorganizzazzjoni ta’ dan il-korp seħħew f’kuntest li fih kien mistenni li dalwaqt ikunu battala bosta karigi fi ħdan il-Qorti Suprema, u b’mod partikolari fi ħdan l-Awla Dixxiplinari.

( 172 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li tali żvilupp naqqas il-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt. Is-sentenza sistema dixxiplinari għall-imħallfin (punt 112).

( 173 ) Sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019 (C‑619/18, EU:C:2019:531).

( 174 ) Ara l‑Artikolu 88a(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 175 ) L‑Artikolu 178(3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprojbixxi lill-imħallfin milli jappartjenu għal partit politiku.

( 176 ) Ara l‑Artikolu 88a(1)(1) u (2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.

( 177 ) Li tipprovdi li “[f]ilwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b’rabta ma’ tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.”

( 178 ) Artikolu 7 tal-Karta.

( 179 ) Artikolu 8 tal-Karta.

( 180 ) Ara l-aħħar sentenza tal‑Artikolu 6(3), flimkien mal-punt (b) tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 6(3) u l‑Artikolu 6(1)(c) u (e) tal-GDPR.

( 181 ) L‑Artikolu 178(3) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jistabbilixxi tali rekwiżit.

( 182 ) Artikoli 53, 54, 57 u 58.

( 183 ) Is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432) iddeċidiet li l-Ungerija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 63 TFUE flimkien mal‑Artikolu 17 tal-Karta. Il-punt 65 ta’ din is-sentenza ddeċieda li, meta l-Istat Membri joqogħdu fuq eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni sabiex jiġġustifikaw impediment għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, dan jitqies bħala li “qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni” għall-finijiet tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta. Ara wkoll is-sentenzi tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Trasparenza assoċjattiva) (C‑78/18, EU:C:2020:476, punti 101 sa 104) u tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni għolja) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punti 212 sa 216).

( 184 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni) (C‑94/20, EU:C:2021:477, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 185 ) Sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013 (C‑617/10, EU:C:2013:105).

( 186 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2020, NK (Pensjonijiet okkupazzjonali ta’ persunal f’karigi maniġerjali) (C‑223/19, EU:C:2020:753, punti 7879).

( 187 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li l-fatt li l-informazzjoni hija pprovduta bħala parti minn attività professjonali ma jfissirx li ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala data personali. Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni (C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 188 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 3334). Ara wkoll, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar tad-data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punti 33 sa 35). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li jirreferi għal “kwalunkwe attività”, huwa f’termini wesgħin ħafna.

( 189 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 88 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 190 ) L-eċċezzjonijiet fl‑Artikolu 2(2) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar tad-data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 191 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021 (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 192 ) B’riferiment għall‑Artikolu 2(2)(a) tal-GDPR u l‑Artikolu 51(1) tal-Karta, l-Avukat Ġenerali Szpunar qies li l-loġika tal-Karta hija differenti minn dik tal-GDPR. Il-Karta tfittex li tiddomestika l-eżerċizzju tas-setgħa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri meta joperaw fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għall-kuntrarju, tipprovdi tarka għall-individwi biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom. Il-protezzjoni tad-data personali hija, madankollu, iktar minn dritt fundamentali. Skont l‑Artikolu 16 TFUE, il-protezzjoni tad-data hija qasam tal-politika tal-Unjoni fih nnifsu. Il-GDPR għandu l-iskop li jiġi applikat għal kwalunkwe forma ta’ pproċessar ta’ data personali, irrispettivament mis-suġġett involut jew il-partijiet li jwettquha. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2020:1054, punti 50 sa 52).

( 193 ) Li tirreferi għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà nazzjonali u fir-rigward tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni.

( 194 ) Inżid ngħid, għal raġunijiet ta’ kompletezza, li l‑Artikolu 2(2)(b) sa (c) tal-GDPR ma jeskludix l-organizzazzjoni tal-ġustizzja jew l-attività ġudizzjarja mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Ir-Repubblika tal-Polonja ma tistrieħx fuq l-esklużjoni fl‑Artikolu 2(2)(d) tal-GDPR, li tikkonċerna l-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Xejn fil-proċess ma jindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni għandhom bħala għan tagħhom xi wieħed minn dawn l-iskopijiet. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-għan tal-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi huwa li tingħata informazzjoni lil parti biex tiffaċilita t-tressiq ta’ talba motivata għar-rikuża ta’ mħallef.

( 195 ) Ara l‑Artikolu 9(2)(f), l‑Artikolu 37(1)(a) u l‑Artikolu 55(3) tal-GDPR. Ara wkoll id-deroga fl‑Artikolu 23(1)(f) tal-GDPR fir-rigward tal-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċeduri ġudizzjarji.

( 196 ) Kif osservat ir-Repubblika tal-Finlandja waqt is-seduta.

( 197 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 102).

( 198 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 208208 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont l‑Artikolu 23 tal-GDPR, l-Unjoni u l-Istati Membri jistgħu jadottaw “miżuri leġiżlattivi” li jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti, inter alia, fl‑Artikolu 5 tiegħu sakemm dawn jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl‑Artikolu 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun miżura neċessarja u proporzjonata f’soċjetà demokratika. L‑Artikolu 23(1)(f) tal-GDPR jipprovdi li jistgħu jiġu adottati restrizzjonijiet biex jissalvagwardjaw il-“protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji”. Ir-Repubblika tal-Polonja ma tistrieħx fuq din id-dispożizzjoni u tindika speċifikament li l-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni ma jikkonċernawx l-indipendenza ġudizzjarja.

( 199 ) Ma hemmx distinzjoni ċara bejn il-prinċipji stabbiliti fl‑Artikolu 5 tal-GDPR u l-legalità tal-ipproċessar fl‑Artikolu 6 tiegħu u ż-żewġ dispożizzjonijiet jikkoinċidu sa ċertu punt. Il-Kummissjoni ma sostnietx li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni jonqsu milli jikkonformaw mal‑Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR dwar il-minimizzazzjoni tad-data peress li tqis li l-ipproċessar tad-data personali inkwistjoni bil-mod speċifikat fid-dispożizzjonijiet nazzjonali huwa illegali fl-intier tiegħu.

( 200 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021 (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99).

( 201 ) L-Istati Membri la jistgħu jżidu prinċipji ġodda relatati mal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali ma’ dawk fl‑Artikolu 6 tal-GDPR u lanqas jimponu rekwiżiti addizzjonali li jemendaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ wieħed mis-sitt prinċipji stabbiliti fih. Sabiex l-ipproċessar tad-data personali jkun legali, dan għandu għalhekk jaqa’ f’wieħed mis-sitt każijiet fl‑Artikolu 6(1) tal-GDPR. Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociația de Proprietari bloc M5A-ScaraA (C‑708/18, EU:C:2019:1064, punti 3738).

( 202 ) Ir-Repubblika tal-Polonja kkonfermat waqt is-seduta li d-dikjarazzjonijiet tal-imħallfin kollha, ħlief dawk tal-Presidenti tal-qrati tal-appell ordinarji, jintbagħtu lill-President tal-qorti tal-appell ordinarja rilevanti u huma pubblikament disponibbli fuq is-sit internet ta’ dawn il-qrati. Il-Presidenti tal-qrati tal-appell ordinarji jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tagħhom lill-Ministru għall-Ġustizzja: Artikolu 88a(4) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. L‑Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l‑Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-organizzazzjoni tal-qrati amministrattivi jipprovdu, inter alia, li l-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-Qrati Amministrattivi Supremi jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tagħhom lill-Ewwel President tal-Qorti Suprema u lill-Ewwel President tal-Qorti Amministrattiva Suprema rispettivament u dawn tal-aħħar jissottomettu d-dikjarazzjonijiet tagħhom lill-KRS. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-data personali tal-Presidenti tal-qrati tal-appell hija ppubblikata mill-Ministru għall-Ġustizzja, li għalhekk jaġixxi bħala kontrollur skont l‑Artikolu 4(7) tal-GDPR peress li hu jiddetermina l-“mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali”. Il-Presidenti tal-qrati tal-appell ordinarji jaġixxu bħala kontrolluri fir-rigward tad-data personali tal-imħallfin ordinarji. L-Ewwel President tal-Qorti Suprema u l-Ewwel President tal-Qorti Amministrattiva Suprema jaġixxu bħala kontrolluri fir-rigward tad-data personali tal-imħallfin tal-qrati rispettivi tagħhom u l-KRS jaġixxi bħala kontrollur fir-rigward tad-data personali tal-Ewwel Presidenti tal-Qorti Suprema u tal-Qorti Amministrattiva Suprema. L-ipproċessar inkwistjoni huwa meħtieġ għall-Ministru għall-Ġustizzja, il-Presidenti tal-qrati tal-appell, l-Ewwel Presidenti tal-Qorti Suprema u l-Qrati Amministrattivi Supremi u l-KRS biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l‑Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l‑Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l‑Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi. Ara l‑Artikolu 6(1)(c) tal-GDPR.

( 203 ) Nirreferi għal dawn id-dispożizzjonijiet għax il-Kummissjoni qagħdet fuqhom.

( 204 ) Ara wkoll l‑Artikolu 52(1) tal-Karta.

( 205 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems (C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 206 ) Sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105).

( 207 ) L-għan tat-tisħiħ tal-imparzjalità u n-newtralità politika tal-imħallfin u l-fiduċja fl-imparzjalità tagħhom jista’ jidħol fil-kunċett li jiġi żgurat aċċess għal qorti imparzjali.

( 208 ) Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma ssostnix li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma humiex preċiżi u ċari biżżejjed jew ma jirriferixxux għall-għan li jsegwu kif jeħtieġ l‑Artikolu 6(3) tal-GDPR. Għalhekk, filwaqt li l-għan tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni ma jirriżultax mit-termini tagħhom, dan ma huwiex il-bażi li fuqha l-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli tikkonforma mal‑Artikolu 6(3) tal-GDPR.

( 209 ) Ara wkoll l‑Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

( 210 ) Il-premessa 51 tal-GDPR tiddikjara li data personali li hija, min-natura tagħha, partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, jistħoqqilha protezzjoni speċifika peress li l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

( 211 ) Li huwa, għal ħafna għanijiet prattiċi, identiku għall-Artikolu 45(3) tal-Liġi emendata dwar il-Qorti Suprema u l-Artikolu 8(2) tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Amministrattivi.

( 212 ) L-Artikolu 88a tal-Liġi emendata dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji juża t-termini “zrzeszenie” u “stowarzyszenie” li t-tnejn jistgħu jiġu tradotti bl-Ingliż bil-kelma “association”. Filwaqt li t-terminu “stowarzyszenie” huwa ddefinit fil-liġi Pollakka tas‑7 ta’ April 1989 dwar l-Assoċjazzjonijiet, ma teżisti l-ebda definizzjoni tat-terminu “zrzeszenie”, li hu usa’ minn u jinkludi t-terminu “stowarzyszenie”. “Zrzeszenie” tirreferi għall-gruppi kollha ta’ persuni għall-finijiet ta’ għan komuni.

( 213 ) Il-projbizzjoni fl‑Artikolu 9(1) tal-GDPR, suġġetta għall-eċċezzjonijiet previsti fih, tapplika għal kull tip ta’ pproċessar tal-kategoriji speċjali ta’ data li tirreferi għalihom din id-dispożizzjoni u għall-kontrolluri kollha li jwettqu tali ipproċessar: Sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva) (C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 42). Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-privatezza ggarantit mill‑Artikolu 7 u l‑Artikolu 8(1) tal-Karta teżiġi li d-derogi u l-limitazzjonijiet fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali japplikaw biss sa fejn huwa strettament meħtieġ. Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 28) u tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 52). Ara wkoll is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, A et (C‑70/18, EU:C:2019:823, punt 29) dwar l‑Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), li jikkorrispondi mal‑Artikolu 9(1) tal-GDPR.

( 214 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 95). Il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità jeħtieġu l-adozzjoni ta’ regoli sabiex jitneħħa kull dubju raġonevoli fl-imħuħ tal-individwi dwar l-impermeabbiltà tal-ġudikatura għal fatturi esterni u n-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi ta’ quddiemha (punt 119). Peress li l-aċċess għal ġudikatura imparzjali huwa fundamentali għall-Istat tad-dritt, l-għan inkwistjoni ma huwiex biss ta’ interess ġenerali jew pubbliku iżda jissodisfa, fil-fehma tiegħi, l-istandard ogħla stabbilit fl‑Artikolu 9(2)(g) tal-GDPR li jikkostitwixxi raġuni ta’ “interess pubbliku sostanzjali”.

( 215 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022 (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 107).

( 216 ) Persuni bħal dawn jista’ jkollhom aċċess għal data personali sensittiva għal raġunijiet totalment mhux relatati mal-għan ta’ interess ġenerali invokat mir-Repubblika tal-Polonja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 118).

Top