This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0181
Opinion of Advocate General Collins delivered on 15 December 2022.#G. and Others v M.S. and X.#Requests for a preliminary ruling from the Sąd Okręgowy w Katowicach and Sąd Okręgowy w Krakowie.#Reference for a preliminary ruling – Article 267 TFEU – Possibility for the referring court to take account of the preliminary ruling of the Court – Interpretation sought by the referring court necessary to enable it to give judgment – Independence of the judiciary – Conditions for the appointment of judges of the ordinary courts – Possibility of challenging an order which has definitively ruled on an application for the grant of interim measures – Possibility of removing a judge from a panel of judges of the court – Inadmissibility of the requests for a preliminary ruling.#Joined Cases C-181/21 and C-269/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
G. et vs M.S. u X.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach u Sąd Okręgowy w Krakowie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. M. Collins, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
G. et vs M.S. u X.
Talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach u Sąd Okręgowy w Krakowie.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Possibbiltà għall-qorti tar-rinviju li tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja – Neċessità tal-interpretazzjoni mitluba biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha – Indipendenza tal-imħallfin – Kundizzjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji – Possibbiltà li jitqiegħed inkwistjoni digriet li ta deċiżjoni definittiva dwar talba għall-għoti ta’ miżuri kawtelatorji – Possibbiltà li mħallef jiġi eskluż minn kulleġġ ġudikanti – Ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.
Kawżi magħquda C-181/21 u C-269/21.
Court reports – general
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:990
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
COLLINS
ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )
Kawżi magħquda C‑181/21 u C‑269/21
G.
vs
M.S.,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Praw Obywatelskich,
Prokuratura Okręgowa w Katowicach
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja))
u
BC,
DC
vs
X,
fil-preżenza ta’:
Rzecznik Praw Obywatelskich,
Prokuratura Okręgowa w Krakowie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stat tad-dritt – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1)TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji – Rwol ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-ħatra tal-imħallfin – Nuqqas ta’ indipendenza tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) – Ġurisdizzjoni tal-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tas-Sąd Najwyższy) (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Kwistjoni dwar jekk din l-awla tissodisfax il-kriterji ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita minn qabel bil-liġi”
Werrej
I. Introduzzjoni |
|
II. Il‑kuntest ġuridiku – id‑dritt Pollakk |
|
A. Il‑Kostituzzjoni |
|
B. Il‑Liġi dwar il‑KRS |
|
C. Il‑Liġi Emendata dwar il‑Qorti Suprema |
|
D. Il‑Liġi dwar l‑Organizzazzjoni tal‑Qrati Ordinarji |
|
E. Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili |
|
III. Il‑kuntest fattwali tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari |
|
A. Kawża C‑181/21 |
|
B. Kawża C‑269/21 |
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja |
|
V. Ammissibbiltà |
|
Osservazzjonijiet sottomessi |
|
Analiżi |
|
VI. Fuq il‑mertu |
|
A. Osservazzjonijiet preliminari |
|
B. Fuq l‑ewwel domanda |
|
1. Fuq it‑tieni fattur |
|
2. Fuq l‑ewwel fattur |
|
3. Fuq it‑tielet fattur |
|
VII. Konklużjoni |
I. Introduzzjoni
1. |
Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ ċerti aspetti tar-riforma reċenti tas-sistema ġudizzjarja Pollakka fil-kuntest ġdid tal-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja. Huma intiżi biex jaċċertaw jekk kulleġġ ġudikanti josservax ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), fejn uħud mill-membri tiegħu jkunu nħatru skont proċedura eżenti mill-parteċipazzjoni ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura; fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, iktar ’il quddiem il-“KRS”) fil-kompożizzjoni tiegħu ta’ wara l-2018 ( 2 ) u fejn il-kandidati eliminati ma għandhomx iktar dritt ta’ appell quddiem qorti li tissodisfa r-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi. Il-qrati tar-rinviju jistaqsu dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Straordinarja”) sabiex tistħarreġ il-legalità tal-ħatriet ġudizzjarji fil-qrati ordinarji peress li din l-awla hija komposta esklużivament minn imħallfin maħtura wara proċedura simili għal dik użata għall-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji. Skont il-qrati tar-rinviju, l-Awla Straordinarja ma tistax, fi kwalunkwe każ, teżamina kwalunkwe oġġezzjoni fir-rigward tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità ta’ dan l-imħallef biex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Fid-dawl tal-assenza ta’ rimedji fid-dritt Pollakk sabiex tinstab soluzzjoni għall-ħatra irregolari tal-imħallfin, il-qrati tar-rinviju jistaqsu wkoll jekk huma għandhomx, sabiex jiżguraw l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, japplikaw ex officio regoli nazzjonali dwar ir-rikuża awtomatika tal-imħallfin (iudex intabiliti) b’analoġija u b’hekk jeskludu lill-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji bi proċedura illegali milli jisimgħu kawżi. |
II. Il‑kuntest ġuridiku – id‑dritt Pollakk
A. Il‑Kostituzzjoni
2. |
L-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jipprevedi li l-President tar-Repubblika għandu, fuq proposta tal-KRS, jaħtar l-imħallfin għal żmien indeterminat. Skont l-Artikolu 180(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, l-imħallfin huma irremovabbli. Skont l-Artikolu 186(1) il-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin. |
B. Il‑Liġi dwar il‑KRS
3. |
L-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS jipprevedi li “parteċipant fil-[proċedura ta’ ħatra fil-qrati ordinarji] jista’ jappella quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fuq il-bażi tal-illegalità tar-riżoluzzjoni tal-[KRS], sakemm ma jkunx previst mod ieħor minn dispożizzjonijiet separati. […]” |
C. Il‑Liġi Emendata dwar il‑Qorti Suprema
4. |
L-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ( 3 ), stabbilixxiet l-“Izba Dyscyplinarna” (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) u l-Awla Straordinarja bħala awli fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Sa fejn huwa rilevanti għal dawn il-proċeduri, l-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”) ( 4 ) introduċiet il-paragrafi 2 u 3 fl-Artikolu 26 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema b’effett mill‑14 ta’ Frar 2020. |
5. |
L-Artikolu 26(1) sa (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevedi: “1. Għandhom jaqgħu fil-kompetenza tal-[Awla Straordinarja] ir-rikorsi straordinarji, it-tilwimiet fil-qasam elettorali u l-kontestazzjonijiet tal-validità ta’ referendum nazzjonali jew ta’ referendum kostituzzjonali, il-konstatazzjoni tal-validità tal-elezzjonijiet u tar-referendums, il-kawżi l-oħra relatati mad-dritt pubbliku, inkluż il-kontenzjuż dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni, tar-regolamentazzjoni tal-enerġija, tat-telekomunikazzjonijiet u tat-trasport ferrovjarju, kif ukoll ir-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-Przewodniczy Krajowej Rady Radiofonii i Telewizji (il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Radju u tat-Televiżjoni, il-Polonja), jew li jikkontestaw it-tul eċċessiv tal-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji u militari, kif ukoll quddiem is-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. 2. L-[Awla Straordinarja] għandha ġurisdizzjoni biex tieħu konjizzjoni tat-talbiet jew dikjarazzjonijiet dwar ir-rikuża ta’ mħallef jew il-ħatra tal-qorti li quddiemha għandha ssir proċedura, li jinvolvu lmenti bbażati fuq l-assenza ta’ indipendenza tal-qorti jew tal-imħallef. Il-qorti adita bil-kawża għandha tibgħat immedjatament talba lill-President tal-[Awla Straordinarja] sabiex din tiġi ttrattata konformement mar-regoli stabbiliti minn dispożizzjonijiet distinti. Is-sottomissjoni ta’ talba lill-President tal-[Awla Straordinarja] ma tissospendix il-proċedura pendenti. 3. It-talba msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex tiġi eżaminata jekk din tkun tirrigwarda l-konstatazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-leġittimità tiegħu sabiex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.” |
D. Il‑Liġi dwar l‑Organizzazzjoni tal‑Qrati Ordinarji
6. |
Il-Liġi Emendatorja ħassret l-Artikolu 58(2) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji”) tas‑27 ta’ Lulju 2001 ( 5 ). Barra minn hekk, hija emendat l-Artikolu 58(1) tagħha biex jaqra kif ġej: “1. Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja battala, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea. […]” |
7. |
Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja fl‑14 ta’ Frar 2020, l-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji kien jipprevedi li: “1. Jekk ikun hemm iktar minn kandidatura waħda għal pożizzjoni ġudizzjarja battala, il-kandidaturi kollha għandhom jiġu eżaminati fl-istess laqgħa tal-assemblea. 2. L-assemblea ġenerali tal-imħallfin tal-appell jew l-assemblea ġenerali tal-imħallfin reġjonali għandha tiddeċiedi dwar il-kandidati permezz ta’ vot u għandha tittrażmetti l-kandidaturi kollha, b’indikazzjoni tan-numru ta’ voti miksuba, lill-President tas-[sąd apelacyjny (il-Qorti tal-Appell)] jew tas-[sąd okręgowy (il-Qorti Reġjonali)], skont il-każ. […] 4. Il-president tal-qorti kompetenti għandu jissottometti lill-KRS, permezz tas-sistema elettronika, il-kandidaturi evalwati bil-mod previst fil-paragrafu 2, flimkien mal-evalwazzjoni tal-kwalifiki u l-opinjoni tal-kulleġġ tal-qorti kompetenti, kif ukoll l-informazzjoni miksuba mill-Kap tal-Pulizija tal-Provinċja jew il-Kap tal-Pulizija Metropolitana ta’ Varsavja, kif imsemmi fil-paragrafu 3, u dokumenti oħra relatati mal-proċedura inkwistjoni li jirrigwardaw il-ħatra għall-eżerċizzju ta’ funzjoni ġudizzjarja, miġbura fis-sistema elettronika. […]” |
E. Il‑Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili
8. |
Permezz tal-Artikolu 48 tal-ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tas‑17 ta’ Novembru 1964 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”) ( 6 ): “1. Imħallef jiġi rrikużat ipso iure:
[…]
[…]” |
9. |
L-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jiddikjara li “l-qrati tat-tieni istanza għandhom jeżaminaw il-kawżi b’kulleġġ ta’ tliet imħallfin. In camera, il-qorti għandha tiddeċiedi b’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku, ħlief meta tagħti sentenza”. Skont il-punt 4 tal-Artikolu 379 tiegħu, il-proċeduri jkunu invalidi “jekk il-kompożizzjoni tal-qorti adita ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet legali jew jekk il-kawża tkun instemgħet fil-preżenza ta’ mħallef suġġett għal rikuża ipso jure […]”. |
10. |
Il-punt 1 tal-Artikolu 401 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi li huwa possibbli li jintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta’ invalidità “jekk tkun ipparteċipat fil-kulleġġ ġudikanti persuna mhux awtorizzata jew jekk imħallef irrikużat ipso jure jkun ta deċiżjoni u l-parti ma setgħetx tinvoka r-rikuża qabel ma s-sentenza kisbet l-awtorità ta’ res judicata.” |
III. Il‑kuntest fattwali tal‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
A. Kawża C‑181/21
11. |
Il-proċeduri quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) jirrigwardaw tilwima bejn konsumatur u negozjant dwar kuntratt ta’ self irregolat mid-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur ( 7 ). Wara trasferiment tad-drittijiet tan-negozjant, ir-rikorrent ippreżenta azzjoni kontra l-konsumatur għall-ħlas ta’ somma ta’ 16 000.40 zloty Pollakki (PLN) (madwar EUR 3420), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Is-Sąd Rejonowy w Dąbrowie Górniczej (il-Qorti Distrettwali ta’ Dąbrowa Górnicza, il-Polonja) ordnat il-ħlas tas-somom mitluba u ċaħdet il-kontestazzjoni tal-konsumatur kontra dan id-digriet. Għalhekk, il-konsumatur ippreżenta azzjoni quddiem is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) kontra dan it-tieni digriet. Din l-azzjoni ġiet assenjata għal kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin. |
12. |
Fit‑18 ta’ Marzu 2021, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), sedenti in camera u komposta minn imħallef uniku bħala mħallef relatur, esprimiet dubji dwar il-kapaċità ta’ din il-qorti, b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni minħabba l-preżenza tal-Imħallef A.Z. f’dan il-kulleġġ ġudikanti. B’eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni tagħha taħt l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, is-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice), komposta minn imħallef uniku, iddeċidiet li tagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
13. |
Mill‑1996, l-Imħallef A.Z. kien imħallef f’qorti inferjuri qabel ma kkandida ruħu għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). Il-Kolegium Sądu Apelacyjnego (il-Kulleġġ tal-Qorti tal-Appell) ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. għal din il-pożizzjoni. L-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice, il-Polonja) ma tatx l-opinjoni tagħha dwar il-kandidatura tal-Imħallef A.Z. minħabba tħassib dwar l-istatus tal-KRS u l-mod kif dan ħadem fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istatus tal-KRS. |
14. |
Skont il-qorti tar-rinviju, waqt il-kompetizzjoni ta’ ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) li fiha pparteċipa l-Imħallef A.Z., id-dritt Pollakk kien josserva prinċipju kostituzzjonali li kien jimponi l-parteċipazzjoni ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-proċess ta’ ħatra. L-assemblea rilevanti tar-rappreżentanti tal-imħallfin ma kinitx ipparteċipat fil-proċess li wassal għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. Ir-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura juru li hija qagħdet lura milli tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-kandidati sakemm l-istatus tal-KRS jiġi solvut minn korpi kompetenti biex jagħmlu dan, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja l-adozzjoni tal-imsemmija riżoluzzjonijiet, il-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice), li ppresjeda l-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Ġudikatura u li kien ġie maħtur mill-Ministru għall-Ġustizzja attwali, beda l-proċedura quddiem il-KRS għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. ( 8 ). Wara riżoluzzjoni tal-KRS il-President tar-Repubblika tal-Polonja sussegwentement ħatar lill-Imħallef A.Z. għas-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice). |
15. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva li fid-dritt Pollakk qorti ordinarja tiddeċiedi f’kulleġġ ġudikanti ta’ mħallef uniku ħlief meta tagħti sentenza. Hija tqis li d-domandi fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha huma ammissibbli minkejja li jista’ jkun li l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin ta’ din il-qorti ma huwiex qorti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk hija tqis li l-qorti tar-rinviju, sedenti in camera u komposta minn imħallef uniku, tagħmel parti mill-ordinament ġuridiku Pollakk f’“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
B. Kawża C‑269/21
16. |
Billi bbażaw ruħhom fuq is-sentenza Dziubak ( 9 ), ir-rikorrenti talbu l-kundanna tal-konvenut quddiem is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) għall-ħlas ta’ PLN 104 537.48 u 74 582.19 frank Svizzeru (CHF) (madwar EUR 76000) – flimkien mal-interessi u l-ispejjeż – kif ukoll għall-annullament ta’ kuntratt ta’ self immobiljari. Din it-talba oriġinat wara ftehim ta’ self li r-rikorrenti, bħala konsumaturi, kienu kkonkludew ma’ bank. Il-ftehim ta’ self huwa rregolat mid-dritt nazzjonali li ttraspona d-Direttiva 93/13. Ir-rikorrenti talbu wkoll miżuri provviżorji, inter alia, għas-sospensjoni ta’ pagamenti ta’ kull xahar tal-ammonti stipulati fil-ftehim ta’ self. Skont il-qorti tar-rinviju, is-sospensjoni tal-ftehim ta’ self, li huwa rregolat minn proċedura inċidentali, hija parti integrali mill-kawża prinċipali peress li kwalunkwe ordni ta’ sospensjoni ta’ pagamenti taffettwa l-portata tat-talba tar-rikorrenti. |
17. |
Fid‑9 ta’ Ottubru 2020, is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), ippresjeduta minn imħallef uniku, laqgħet it-talba għal miżuri provviżorji. Fl‑1 ta’ Diċembru 2020, il-bank konvenut appella minn dan id-digriet quddiem l-istess qorti, issa b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin. Dan il-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tas-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), li kien jinkludi lill-Imħallef A.T. li kienet qiegħda taġixxi bħala mħallef relatriċi u presidenta, laqa’ l-appell tal-konvenut u ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji. Din id-deċiżjoni tal-aħħar, li hija definittiva, intbagħtet lura quddiem is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). Is-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, tqis li l-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin tal-istess qorti li inkludiet l-Imħallef A.T. jista’ jkun inkompatibbli mad-dritt nazzjonali u mad-dritt tal-Unjoni b’tali mod li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji tista’ tkun invalida. |
18. |
Skont il-qorti tar-rinviju, mill‑2009 l-Imħallef A.T. kienet imħallef fis-Sąd Rejonowy dla Krakowa – Krowodrzy w Krakowie (il-Qorti Distrettwali ta’ Kraków – Krowodrza, Kraków, il-Polonja) qabel ma kkandidat ruħha għall-pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) ( 10 ) fejn kienet l-unika kandidata għal din il-pożizzjoni. Fl‑1 ta’ Ġunju 2020, il-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja) ta opinjoni favorevoli dwar il-kandidatura tagħha ( 11 ). Il-maġġoranza tal-membri tal-Kolegium Sądu Okręgowego w Krakowie (il-Kulleġġ tal-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) huma presidenti tas-sądy rejonowe (il-Qrati Distrettwali) u ta’ sądy okręgowe (il-Qrati Reġjonali) li jinħatru mill-Ministru għall-Ġustizzja f’dawn il-pożizzjonijiet. Iż-Zgromadzenie Sędziów Sądu Okręgowego (l-Assemblea tal-Ġudikatura tal-Qorti Reġjonali) ma eżaminatx il-kandidatura tal-Imħallef A.T. peress li l-opinjoni ta’ din l-assemblea ma kinitx għadha meħtieġa wara l-emenda tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji permezz tal-Liġi Emendatorja. Fl‑4 ta’ Frar 2021, wara riżoluzzjoni tal-KRS tas‑7 ta’ Lulju 2020, il-President tar-Repubblika ħatar lill-Imħallef A.T. fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków). |
19. |
Il-qrati tar-rinviju josservaw li l-kwistjonijiet imqajma fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 jirrigwardaw il-proċeduri li jirregolaw il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji fil-Polonja. Sal-lum, lill-Qorti tal-Ġustizzja sarulha domandi dwar il-legalità tal-proċeduri tal-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Għaldaqstant, il-qrati tar-rinviju ddeċidew li jissospendu l-proċeduri quddiemhom u li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
20. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja għaqqad flimkien il-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 għall-finijiet tal-proċedura orali u bil-miktub, kif ukoll tas-sentenza. Il-qrati tar-rinviju kienu talbu wkoll proċedura mħaffa għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari fiż-żewġ kawżi skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tal-istess deċiżjoni tal‑5 ta’ Mejju 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ċaħad dawn it-talbiet. |
21. |
Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Ombudsman”), il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tad‑29 ta’ Ġunju 2022, il-partijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-Prokuratura Okręgowa w Katowicach (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Katowice) u l-Prokuratura Okręgowa w Krakowie (il-Prosekutur Reġjonali ta’ Kraków), irrappreżentati mill-Prokurator Generalny (il-Prosekutur Pubbliku Ġenerali), il-Gvern tad-Danimarka u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi ressqu argumenti orali u wieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
V. Ammissibbiltà
Osservazzjonijiet sottomessi
22. |
Il-Gvern Pollakk jinvoka tmien motivi ta’ inammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari. |
23. |
L-ewwel, il-Gvern Pollakk iqis li r-riforma kontinwa tas-sistema ġudizzjarja tagħha taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ dan l-Istat Membru. Huwa jsostni li s-sentenza f’Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) ( 14 ) tixbah att leġiżlattiv. Din il-pożizzjoni hija riflessa sa ċertu punt fis-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) tal‑14 ta’ Lulju 2021 fil-Kawża P 7/20, li fiha hija ddeċidiet, inter alia, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 279 TFUE, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 2 u 7, mal-Artikolu 8(1) u mal-Artikolu 90(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(1) tagħha. It-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) għalhekk ikkunsidrat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet ultra vires meta adottat miżuri provviżorji li jikkonċernaw lir-Repubblika tal-Polonja dwar l-organizzazzjoni u l-ġurisdizzjoni tal-qrati Pollakki u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti quddiemhom. |
24. |
It-tieni, skont il-Gvern Pollakk, id-domandi magħmula ma humiex neċessarji, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, peress li d-dritt tal-Unjoni la jeħtieġ li l-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura jagħtu opinjoni dwar il-kandidati għal karigi ġudizzjarji u lanqas ma jipprevedi dritt ġenerali ta’ appell mid-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ħatra ġudizzjarji. |
25. |
It-tielet, il-Gvern Pollakk josserva li l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġu li l-Istati Membri jiżguraw li individwu jkollu aċċess għal qorti indipendenti. Għalkemm id-dritt tal-individwu għal rimedju effettiv għandu importanza fundamentali kemm taħt il-Kostituzzjoni tal-Polonja kif ukoll taħt id-dritt tal-Unjoni, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja taqa’ fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat b’mod inekwivoku u eżawrjenti l-kwistjonijiet kollha mqajma mid-domandi magħmula, b’tali mod li l-qrati tar-rinviju jistgħu jiddeduċu mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex jagħtu sentenza ( 15 ). |
26. |
Ir-raba’, skont l-Artikolu 365 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, it-talba għal miżuri provviżorji fil-Kawża C‑269/21 ġiet deċiża b’mod definittiv permezz ta’ digriet li jorbot lill-qorti tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju la għandha ġurisdizzjoni biex “tirrikuża” mħallef li ta deċiżjoni finali u lanqas li tikkontesta d-digriet ta’ ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji. Parti tista’, fi kwalunkwe każ, tressaq talba ġdida għal miżuri provviżorji li fil-kuntest tagħha hija tista’ titlob ir-rikuża ta’ mħallef minħabba nuqqas ta’ imparzjalità. Id-domandi magħmula fil-Kawża C‑269/21 ma jsolvux tilwima reali u huma, bħala tali, ipotetiċi ( 16 ). |
27. |
Il-ħames, minkejja li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ddettaljati ħafna, il-motivazzjonijiet li wasslu lill-qrati tar-rinviju sabiex jitolbu l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mit-talba lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa jekk ċerti qrati humiex “stabbiliti minn qabel bil-liġi”. Fil-fehma tal-Gvern Pollakk, dan ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jikkonsistu fi kwistjonijiet ta’ natura ġenerali fuq ċerti riformi tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, minkejja l-fatt li dawn ir-riformi ma biddlux il-kwalifiki meħtieġa mill-kandidati għal pożizzjonijiet ġudizzjarji. Id-data li fiha l-imħallfin jinħatru fil-qrati ordinarji għalhekk ma għandha ebda relazzjoni mal-kapaċitajiet tagħhom, mar-regoli wara l-eżerċizzju tad-dmirijiet jew mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, inkluża l-indipendenza tagħhom. Il-Gvern Pollakk jenfasizza li d-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jipprovdu ebda eżempju konkret ta’ nuqqas ta’ indipendenza ta’ mħallef jew ta’ pressjoni eżerċitata fuq l-imħallfin maħtura fil-kuntest tas-sistema ta’ wara r-riforma. Id-domandi huma, għalhekk, ta’ natura ipotetika. |
28. |
Is-sitt, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑181/21 u C‑269/21 huma “eċċessivament ġenerali”. Ma hemm ebda relazzjoni bejn is-suġġett tad-domandi magħmula u l-azzjonijiet fil-kawżi prinċipali, li jirrigwardaw id-dritt nazzjonali tal-konsumatur li jittrasponi d-Direttiva 93/13. Il-qrati tar-rinviju jindikaw ukoll diversi drabi li s-“sitwazzjoni tmur lil hinn mill-kuntest fattwali tal-kawża”. |
29. |
Is-seba’, il-Gvern Pollakk iqis li s-suġġett tal-kawżi prinċipali ma huwiex direttament marbut mad-domandi dwar l-istatus tal-KRS jew jekk l-Awla Straordinarja hijiex “qorti” fis-sens tal-Artikolu 2, l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 6(1) sa (3) TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Lanqas ma teżisti rabta diretta bejn is-suġġett tal-kawża prinċipali u d-dritt tal-parteċipanti fi proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja għal rimedju effettiv. Il-portata tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk inaċċettabbilment wiesgħa. |
30. |
It-tmien, il-Gvern Pollakk iqis li fil-Kawża C‑269/21 hija biss il-qorti tar-rinviju b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin, iktar milli b’imħallef uniku, li għandha ġurisdizzjoni biex tagħmel domanda preliminari. Dan huwa partikolarment evidenti peress li t-talba saret wara li d-digriet tal-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin għaċ-ċaħda tat-talba għal miżuri provviżorji kien sar definittiv. Fil-Kawża C‑181/21, hija ssostni li hija biss il-qorti tar-rinviju b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin jew il-President tagħha ( 17 ) li kellha ġurisdizzjoni biex titlob deċiżjoni preliminari. Il-fatti tat-talba għal deċiżjoni preliminari huma spjegati b’mod tant lakoniku li huwa impossibbli li jsir magħruf jekk l-imħallef relatur tal-kawża, li għamel it-talba, huwiex ukoll president tal-kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin. Il-qorti tar-rinviju għalhekk invokat l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili bl-għan uniku li tagħmel domanda preliminari. |
31. |
Fis-seduta, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-ammissibbiltà tad-domandi fil-Kawża C‑269/21. Hija tqis li l-qorti tar-rinviju ma indikatx għalfejn kienet neċessarja, għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawżi prinċipali, deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.T. |
Analiżi
32. |
Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha ( 18 ). |
33. |
Huwa ċar kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE li qorti nazzjonali ma tistax tressaq kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari sakemm il-kawża ma tkunx pendenti quddiemha, li fil-kuntest tagħha hija għandha tagħti deċiżjoni li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni preliminari. Rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jkun neċessarju għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima. Ma huwiex intiż li jiffaċilita l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi ( 19 ). |
34. |
Permezz tal-ewwel ilment tagħha għall-ammissibbiltà, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin nazzjonali. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tagħhom. Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma madankollu obbligati li josservaw l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, fir-rigward tar-regoli nazzjonali dwar il-ħatra tal-imħallfin u, jekk ikun il-każ, l-istħarriġ ġudizzjarju disponibbli fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ta’ ħatra ( 20 ). Konsegwenza tad-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi hija li kulħadd ikollu l-possibbiltà li dan id-dritt jiġi invokat ( 21 ). Fejn l-eżistenza ta’ qorti indipendenti u imparzjali tiġi kkontestata fuq bażi li fil-bidu ma tidhirx li hija manifestament nieqsa minn kunsiderazzjoni ( 22 ), kull qorti ( 23 ) għandha l-obbligu li tivverifika jekk, fil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxix tali qorti. Din il-ġurisdizzjoni hija neċessarja sabiex tinżamm il-fiduċja li l-qrati f’soċjetà demokratika għandhom jispiraw f’dawk li huma suġġetti għad-deċiżjonijiet tagħhom. Tali verifika tikkostitwixxi għalhekk rekwiżit proċedurali essenzjali li l-osservanza tiegħu hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku u għandha tiġi vverifikata meta titqajjem mill-partijiet jew ex officio mill-qorti ( 24 ). L-Artikolu 2 TUE, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u r-rekwiżiti stabbiliti fis-sentenza Simpson huma ta’ natura trażversali u japplikaw kull darba li qorti jista’ jkollha tiddeċiedi dwar kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ tali rinviji għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant nipproponi li l-ewwel ilment tal-Gvern Pollakk jiġi miċħud. |
35. |
It-tieni u t-tielet ilment għall-ammissibbiltà mqajma mill-Gvern Pollakk jirrigwardaw il-mertu tad-domandi preliminari u l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati tar-rinviju qegħdin jitolbu. Tali lmenti huma, min-natura tagħhom stess, inadegwati biex jiġġustifikaw konstatazzjoni tal-inammissibbiltà ta’ dawn id-domandi ( 26 ). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li hija tista’ tirrispondi d-domandi magħmula billi tirreferi għall-ġurisprudenza stabbilita tagħha, hija tista’ tagħmel użu mill-fakultà prevista fl-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tagħmel dan permezz ta’ digriet motivat. |
36. |
Permezz tar-raba’ u t-tmien ilment tagħha għall-ammissibbiltà, il-Gvern Pollakk jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-rinviju bħala kwistjoni ta’ dritt intern sabiex iressqu t-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Hija ssostni wkoll li t-talbiet ma jirriflettux ir-realtà u li l-qrati tar-rinviju setgħu jressquhom legalment biss bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin ( 27 ). |
37. |
Fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, fid-dawl tat-tqassim tal-funzjonijiet bejnha u l-qorti tar-rinviju, tiddetermina jekk id-deċiżjoni tar-rinviju saritx skont ir-regoli tad-dritt nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura tagħhom. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata tirrispondi għal deċiżjoni tar-rinviju minn qorti ta’ Stat Membru sa fejn din ma tkunx ġiet irrevokata fuq il-bażi ta’ rimedju previst mid-dritt nazzjonali ( 28 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li talba għal deċiżjoni preliminari mill-president ta’ kulleġġ ġudikanti ta’ qorti dwar ir-regolarità tal-kompożizzjoni tiegħu hija ammissibbli ( 29 ). |
38. |
Fi kwalunkwe każ, għalkemm fil-Kawża C‑181/21, il-Gvern Pollakk isostni li ma huwiex ċar jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqitx mill-president tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin u li l-qorti tar-rinviju – in camera u komposta minn imħallef uniku – artifiċjalment invokat l-Artikolu 367(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili sabiex tagħmel it-talba tagħha, huwa ma weriex li l-qorti tar-rinviju ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan. |
39. |
Fil-Kawża C‑269/21, il-qorti tar-rinviju, ippresjeduta minn imħallef uniku, tindika r-raġunijiet għalfejn hija tqis li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti, b’kulleġġ ġudikanti ta’ tliet imħallfin li jisma’ appell dwar miżuri provviżorji, jista’ jkollha impatt fuq il-kawża prinċipali li għandha tiġi deċiża minn dan il-kulleġġ ġudikanti bi mħallef uniku. Hija tenfasizza li d-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin ġiet irrinvijata lilha u li għandha dubji raġonevoli dwar jekk dan il-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin josservax ir-rekwiżiti tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-validità tad-deċiżjoni dwar miżuri provviżorji hija essenzjali sabiex tiġi ddeterminata s-sitwazzjoni ġuridika tal-konsumatur. Iċ-ċertezza dwar il-validità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li sema’ u ddeċieda dan l-appell hija għalhekk essenzjali għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali ( 30 ). |
40. |
Fid-dawl tar-rabta diretta li l-qorti tar-rinviju tiddeskrivi bejn id-deċiżjoni tal-kulleġġ ġudikanti bi tliet imħallfin fl-appell sabiex ma jingħatawx miżuri provviżorji u l-kawża prinċipali, inqis li, kuntrarjament għall-oġġezzjonijiet tal-Gvern Pollakk u tal-Kummissjoni, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula lilha fil-Kawża C‑269/21 tista’ tkun neċessarja biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ ssolvi kwistjonijiet ta’ dritt proċedurali nazzjonali quddiemha qabel ma tiddeċiedi fuq il-mertu tat-tilwima pendenti quddiemha. |
41. |
Fir-rigward tal-ħames u s-sitt ilment tal-Gvern Pollakk għall-ammissibbiltà, li jissovrapponu sa ċertu punt, inqis li l-qrati tar-rinviju ddeskrivew, b’mod suffiċjenti fid-dritt, il-fatti tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli u d-dubji tagħhom fir-rigward tal-konformità tal-proċeduri li wasslu għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. mad-dritt tal-Unjoni. Huwa minnu li r-raġunijiet li għalihom il-qrati tar-rinviju qiesu li hija neċessarja risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tas-sentenzi li huma għandhom jagħtu fil-kawżi pendenti quddiemhom jagħmlu biss ftit riferiment għat-tilwim sottostanti fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur. Huwa madankollu ċar li dawn il-qrati jfittxu li jaċċertaw, qabel ma jiddeċiedu dwar dan it-tilwim fil-qasam tad-dritt tal-konsumatur, jekk il-kulleġġ ġudikanti tal-qrati tar-rinviju li fihom kienu sedenti l-Imħallfin A.Z. u A.T. josservax ir-rekwiżit ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” skont id-dritt tal-Unjoni u, fil-każ li le, liema huma l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni. B’mod partikolari, huma jixtiequ jkunu jafu jekk il-qrati tar-rinviju, ippresjeduta minn imħallef uniku, jistgħux jirrikużaw ex officio lill-Imħallfin A.Z. u A.T. Il-fatt li l-effett tal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qrati tar-rinviju jista’ jestendi lil hinn mill-fatti tal-kawżi pendenti quddiemhom hija għalhekk irrilevanti għall-ammissibbiltà tad-domandi magħmula minnhom ( 31 ). |
42. |
Għaldaqstant nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ilmenti kollha dwar l-ammissibbiltà tad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju. |
VI. Fuq il‑mertu
A. Osservazzjonijiet preliminari
43. |
Is-suġġett tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ( 32 ) fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) ( 33 ) parzjalment jissovrapponi ma’ dawn it-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari. Filwaqt li azzjonijiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u talbiet għal deċiżjonijiet preliminari huma proċeduri differenti li għandhom effetti legali distinti ( 34 ), ser nirreferi, fejn ikun xieraq, għall-konklużjonijiet tiegħi f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li ser jiġu ppreżentati fl-istess data bħal dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari l-punti 46 sa 60 tagħhom, li jistabbilixxu proposti ta’ dritt stabbiliti sew li jidhirli li huma rilevanti għas-soluzzjoni ta’ dawn il-proċeduri. |
44. |
Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qrati tar-rinviju jfittxu li jiksbu interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi ta’ qorti rrikonoxxut mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għaldaqstant għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju esklużivament fid-dawl ta’ dan il-prinċipju. |
45. |
Skont il-Kummissjoni, ir-rwol kostituzzjonali u l-influwenza eżerċitata mill-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), meta mqabbla mal-imħallfin tal-qrati ordinarji, flimkien mar-riskju inferjuri ta’ ndħil mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv fil-ħatriet ta’ dawn il-qrati, jiġġustifikaw evalwazzjoni differenti tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Fil-fehma tal-Kummissjoni, din l-evalwazzjoni tal-ħatra ta’ mħallef ta’ qorti ordinarja għandha ssir każ b’każ, b’kuntrast ma’ approċċ sistemiku fir-rigward tal-ħatriet fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). L-Ombudsman u l-Kummissjoni jirrilevaw li, permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, l-Awla Ċivili, l-Awla Kriminali u l-Awla Industrijali u tal-Assigurazzjoni Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ( 35 ) għamlu distinzjoni bejn l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-imħallfin tal-qrati ordinarji għall-finijiet tal-eżami tal-indipendenza u tal-imparzjalità tagħhom. Ir-riżoluzzjoni kkunsidrat li l-proċedura għall-ħatra tal-imħallfin tal-qrati ordinarji hija illegali meta din twassal, “fiċ-ċirkustanzi partikolari”, għal ksur tar-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità skont l-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Għalhekk is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li fost iċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu eżaminati hemm b’mod partikolari dawk relatati mal-parteċipazzjoni tal-imħallfin innifishom fil-proċeduri ta’ ħatra quddiem il-KRS u man-natura tal-kawżi li dawn l-imħallfin individwali jittrattaw jew ikunu ttrattaw ( 36 ). B’kuntrast, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma rrikjedietx it-twettiq ta’ tali eżami individwali fir-rigward tal-ħatra tal-imħallfin f’din il-imsemmija qorti ( 37 ). |
46. |
Id-domandi magħmula jirrigwardaw ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi, u mhux l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati li l-imsemmija riżoluzzjoni indirizzat. Peress li dawn il-kriterji kollha huma intrinsikament marbuta u jissovrapponu b’mod kunsiderevoli ( 38 ), għandu jiġi enfasizzat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jagħmilx distinzjoni bejn il-qrati supremi tal-Istati Membri u l-qrati l-oħra fl-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom. Ir-rekwiżiti fundamentali ta’ indipendenza ( 39 ), imparzjalità u stabbiliment minn qabel bil-liġi japplikaw mingħajr distinzjoni għall-qrati kollha tal-Istati Membri, irrispettivament mill-portata tal-ġurisdizzjoni tagħhom jew mill-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija ġudizzjarja ta’ dan l-Istat. Kieku kien mod ieħor, l-istandard ta’ protezzjoni ġudizzjarja jkun jista’ jvarja skont il-pożizzjoni ġerarkika tal-qorti fis-sistema ġudizzjarja li taqa’ taħtha. Bħala prinċipju, din it-teżi hija manifestament żbaljata. Huwa pjuttost il-każ li peress li l-esperjenza diretta tal-maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom hija limitata għall-qrati ordinarji, l-obbligu korrispondenti għall-qrati ordinarji li jirrispettaw il-fiduċja ta’ dawn iċ-ċittadini fl-applikazzjoni tal-Istat tad-dritt huwa partikolarment kbir. L-argument huwa ulterjorment assurd fid-dawl tal-iżvilupp tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iffaċilitat ħafna mir-rwol importanti li kellhom il-qrati allegatament “inferjuri” fl-ordinamenti ġuridiċi tal-Istat Membru ( 40 ). It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jeħtieġ standard uniformi li japplika indipendentement mil-livell li fih hija eżerċitata l-ġurisprudenza f’sistema legali nazzjonali. Evalwazzjoni dwar jekk dawn ir-rekwiżiti fundamentali humiex issodisfatti teħtieġ għalhekk eżami tal-fatturi rilevanti kollha, jekk ikunu ta’ natura sistemika u/jew ta’ natura individwali jew le. |
B. Fuq l‑ewwel domanda
47. |
L-ewwel domanda tfittex li tistabbilixxi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat li jfisser li qorti ordinarja hija “qorti stabbilita bil-liġi” fejn imħallef f’kulleġġ ġudikanti adit b’kawża jkun inħatar permezz ta’ proċedura fejn: (a) l-opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura dwar l-adegwatezza tal-kandidati tkun ġiet imwarrba, kuntrarjament għad-dritt nazzjonali jew, wara bidla fid-dritt nazzjonali, tkun ingħatat opinjoni dwar l-adegwatezza ta’ kandidat mill-kulleġġ tal-qorti kompost primarjament minn individwi maħtura mill-Ministru għall-Ġustizzja; (b) il-kandidati ġew maħtura f’karigi fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-KRS; u (c) il-parteċipanti fil-kompetizzjoni ma kellhomx dritt ta’ appell quddiem qorti fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-dritt tal-Unjoni ( 41 ). |
48. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif żviluppata fid-dawl ta’ dik tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), jirriżulta li l-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin hija element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi” peress li din il-proċedura għandha implikazzjonijiet fundamentali fuq il-funzjonament tajjeb u l-leġittimità tal-ġudikatura fi Stat demokratiku rregolat mill-Istat tad-dritt ( 42 ). Fis-sentenza Getin Noble Bank ( 43 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li irregolarità fil-ħatra ta’ mħallfin tikser ir-rekwiżit li qorti tkun stabbilita bil-liġi, b’mod partikolari meta din l-irregolarità tkun ta’ natura u ta’ gravità tali li hija toħloq riskju reali li fergħat oħra tal-poter tal-Istat, b’mod partikolari l-eżekuttiv, ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra u b’hekk tiżra’ dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallef jew tal-imħallfin ikkonċernati. Dan huwa l-każ meta jkunu inkwistjoni regoli fundamentali li jagħmlu parti integrali mill-istabbiliment u mill-funzjonament ta’ din is-sistema ġudizzjarja. Mhux kull żball fil-proċedura għall-ħatra ta’ mħallef neċessarjament iqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef u, għaldaqstant, dwar jekk tali kulleġġ ġudikanti li jinkludi tali mħallef huwiex, bħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”. |
49. |
Sabiex jiġi kkonstatat il-ksur tar-rekwiżit ta’ qorti stabbilita minn qabel bil-liġi u l-konsegwenzi ta’ dan, hija meħtieġa evalwazzjoni ġenerali ta’ numru ta’ fatturi li, meħuda flimkien, joħolqu dubji raġonevoli dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin f’din il-qorti ( 44 ). Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw il-proċeduri ta’ ħatra inkwistjoni joħolqux, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemhom meta jinħatru. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-kundizzjonijiet u modalitajiet proċedurali għandhom jitfasslu b’mod li jeskludu mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll kull tip ta’ influwenza indiretta li jista’ jkollha effett fuq id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati ( 45 ). |
50. |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari u d-domandi preliminari jqajmu tħassib ta’ natura ġenerali jew sistemika ( 46 ). Dawn ma jirrigwardawx biss il-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) rispettivament iżda b’implikazzjoni jirrigwardaw il-proċeduri ta’ ħatra ta’ diversi imħallfin oħra fil-qrati ordinarji. Xejn ma jindika li l-proċeduri li wasslu għall-ħatra tal-Imħallfin A.Z. u A.T. kienu sostanzjalment differenti minn dawk użati biex isiru ħatriet reċenti oħra fil-qrati ordinarji ( 47 ) jew li dawn l-imħallfin aġixxew b’mod mhux xieraq jew irregolari. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li kemm l-Imħallef A.Z. kif ukoll l-Imħallef A.T. servew bħala mħallfin tal-qrati ordinarji sa mill-ħatra tagħhom rispettivament fl‑1996 u fl‑2009. Il-kawżi ineżami ma jqegħdux inkwistjoni l-legalità tal-proċeduri li wasslu għall-ħatra inizjali tagħhom bħala mħallfin. Barra minn hekk, il-kwalifiki u l-esperjenza professjonali tagħhom, u għalhekk il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw il-funzjonijiet il-ġodda tagħhom fis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków), ma humiex inkwistjoni. |
51. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li t-tliet fatturi invokati mill-qrati tar-rinviju, kif stabbiliti fil-punt 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom qabel kollox jiġu evalwati individwalment qabel ma jkun jista’ jiġi evalwat l-effett kumulattiv tagħhom jew l-effett ġenerali tagħhom. Minkejja li fattur wieħed jew iktar li għalihom jirreferu l-qrati tar-rinviju jistgħu, meħuda individwalment, ma jimminawx ir-rekwiżiti li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, meta jittieħdu flimkien u jiġu evalwati fil-kuntest tal-iżvolġiment ta’ din il-proċedura ta’ ħatra, dawn il-fatturi jistgħu jqiegħdu f’dubju l-leġittimità ta’ din il-proċedura u l-osservanza tagħha ta’ dawn ir-rekwiżiti ( 48 ). |
52. |
Għall-konvenjenza, sejjer l-ewwel neżamina t-tieni fattur, li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tal-KRS fil-proċeduri ta’ ħatra. |
1. Fuq it‑tieni fattur
53. |
Skont il-qrati tar-rinviju, il-KRS fil-kompożizzjoni attwali tiegħu ma josservax ir-rwol kostituzzjonali tiegħu ta’ difiża tal-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati ( 49 ). F’dan ir-rigward, huma jirreferu b’mod wiesa’ għall-bidla fil-kompożizzjoni tal-KRS u għar-rwol tiegħu fil-proċedura ta’ ħatra sa mill‑2018 ( 50 ). |
54. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jnaqqsu, fl-Istat Membru kkonċernat, il-protezzjoni tal-valur tal-istat tad-dritt, b’mod partikolari l-garanziji tal-indipendenza tal-imħallfin. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-influwenza msaħħa tal-leġiżlattiv u tal-eżekuttiv fuq l-għażla tal-membri tal-KRS sa mill‑2018 qajmet dubji leġittimi u serji fir-rigward tal-indipendenza tiegħu, tar-rwol tiegħu fil-ħatra tal-imħallfin u, konsegwentement, l-indipendenza tal-imħallfin hekk maħtura u tal-qrati li fihom huma sedenti ( 51 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fid-dawl tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-KRS għandu rwol determinanti fil-ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ( 52 ). Mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari huwa ċar li l-KRS għandu rwol daqstant determinanti fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji. |
55. |
Minkejja dan it-tnaqqis fil-protezzjoni tal-istat tad-dritt mill‑2018, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-involviment ta’ korp bħall-KRS ( 53 ) fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin, fih innifsu, ma joħloq ebda dubju dwar l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun differenti meta l-parteċipazzjoni ta’ korp bħall-KRS, flimkien ma’ fatturi oħra rilevanti u l-kundizzjonijiet li fihom tkun saret l-għażla tal-imħallfin, twassal biex jitqajmu tali dubji ( 54 ). Din l-evalwazzjoni tapplika wkoll għar-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi invokat fil-kawżi ineżami, notevolment peress li l-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin skont l-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja. |
2. Fuq l‑ewwel fattur
56. |
Iċ-ċirkustanzi fattwali fil-Kawża C‑181/21 u fil-Kawża C‑269/21 huma differenti fir-rigward tal-applikazzjoni tal-ewwel fattur, dwar l-assenza ta’ parteċipazzjoni ta’ korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura fil-proċedura ta’ ħatra. |
57. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 tindika li, fiż-żmien rilevanti, id-dritt Pollakk kien jipprevedi espressament għall-parteċipazzjoni ta’ assemblea tal-ġudikatura fil-proċedura ta’ ħatra ( 55 ). Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ddikjarat li l-assemblea tal-ġudikatura kellha s-setgħa esklużiva li tiftaħ il-proċedura quddiem il-KRS u li l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin kienet fundamentali ( 56 ) fid-dawl tal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jirriżulta mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja ( 57 ). Hija tqis li l-esklużjoni tal-parteċipazzjoni tal-assemblea tal-ġudikatura għalhekk tagħmel il-proċedura ta’ ħatra inkompatibbli mal-ordinament ġuridiku u kostituzzjonali nazzjonali li twassal għalhekk għall-kompożizzjoni illegali tal-qorti rilevanti bħala kwistjoni tad-dritt Pollakk. |
58. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 jidher li l-assemblea tal-ġudikatura astjeniet temporanjament milli tagħti opinjoni dwar il-kandidati quddiemha minħabba t-tħassib tagħha dwar l-istatus tal-KRS. Il-proċedura ta’ ħatra saret minkejja din l-astensjoni u r-raġunijiet għaliha. Għalkemm l-assemblea tal-ġudikatura għalhekk ma ġietx eskluża mill-proċedura ta’ ħatra iżda pjuttost astjeniet milli tagħti l-opinjoni tagħha, jidher, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, minkejja n-natura kemxejn miftuħa ta’ din l-astensjoni u kwalunkwe dewmien konsekuttiv għall-ħatriet ġudizzjarji, li fil-mument rilevanti kien kuntrarju għad-dritt nazzjonali li ssir proċedura ta’ ħatra mingħajr ma ġew aċċertati l-fehmiet tal-assemblea tal-ġudikatura. Ma hemm ebda indikazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li kien hemm jew setgħet tittieħed xi azzjoni legali sabiex il-fehma tal-assemblea tiġi mwarrba legalment jew li kien hemm xi urġenza li kienet teħtieġ il-ħatra immedjata tal-imħallfin mingħajr stennija għall-għoti ta’ din l-opinjoni. |
59. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-parteċipazzjoni ta’ korp, bħal assemblea tal-ġudikatura, fil-proċess ta’ ħatra ġudizzjarja tista’, bħala prinċipju, tikkontribwixxi biex tiżdied l-oġġettività ta’ dan il-proċess, dejjem bil-kundizzjoni li l-imsemmi korp innifsu jkun suffiċjentement indipendenti mil-leġiżlatur u mill-eżekuttiv u mill-awtorità li quddiemha jkun meħtieġ jagħti l-opinjoni tiegħu ( 58 ). Iċ-ċirkustanzi li fihom l-assemblea tal-ġudikatura fil-Kawża C‑181/21 astjeniet milli tagħti opinjoni u l-azzjonijiet tal-President tas-Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell), li jippresjedi din l-assemblea u li ġie maħtur mill-Ministru għall-Ġustizzja, jistgħu jqajmu tħassib. F’dan ir-rigward, inqis li l-azzjonijiet tal-President tas-Sąd Apelacyjny (il-Qorti tal-Appell), li aġixxa kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-assemblea inkwistjoni, ma humiex sodisfaċenti, peress li dawn potenzjalment jesponu dan l-istadju fil-proċess ta’ ħatra għal kritika minħabba perċezzjoni possibbli mill-pubbliku ta’ indħil illegali mill-eżekuttivi. Fis-sentenza Getin Noble Bank ( 59 ), il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li t-terminu “stabbilita bil-liġi” jirrifletti l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma tiddependix mid-diskrezzjoni tal-eżekuttiv, iżda li tkun irregolata minn liġi li tirriżulta mill-organu leġiżlattiv. Madankollu, fil-mument li fih kienet għaddejja l-proċedura ta’ ħatra fil-Kawża C‑181/21, jidher li r-rwol tal-assemblea tal-ġudikatura ġie mmarġinalizzat minħabba r-rwol determinanti tal-KRS fil-proċess ta’ ħatra ( 60 ). Għal din ir-raġuni, ma naħsibx li l-ewwel fattur, ikkunsidrat waħdu, huwa serju biżżejjed sabiex iqiegħed inkwistjoni l-legalità tal-ħatra ġudizzjarja fil-Kawża C‑181/21. Madankollu, din hija finalment kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju. |
60. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 huwa ċar li, wara li ġiet emenda l-liġi ( 61 ), opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura rilevanti dwar il-kandidati ma kinitx għadha meħtieġa fi żmien il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju indikat li din il-liġi ġiet emendata minħabba l-prattika tal-assemblej tal-ġudikatura li jastjenu mill-għoti ta’ opinjonijiet dwar il-kandidati. Il-kulleġġ tal-qorti rilevanti ta l-opinjoni tiegħu dwar il-kandidata unika fil-proċedura – l-Imħallef A.T. – kif obbligat il-Liġi Emendatorja, u dan l-aspett tal-proċedura għalhekk osserva d-dritt Pollakk. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kulleġġ, li jikkonsisti mill-presidenti tal-qrati inkwistjoni, li nofshom jinħatru mill-Ministru għall-Ġustizzja ( 62 ), ma baqax korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura. Il-Liġi Emendatorja għalhekk neħħiet il-korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura mill-proċedura ta’ ħatra ( 63 ). Skont il-qorti tar-rinviju, din it-tneħħija tmur kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri b’tali mod li qorti komposta minn imħallef maħtur mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ tali korpi tkun komposta b’mod irregolari. Il-qorti tar-rinviju żżid li l-assenza ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura hija partikolarment dannuża peress li l-KRS fil-kompożizzjoni tiegħu wara l‑2018 ma għadux jaġixxi bħala korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura. |
61. |
Fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti fil-proċedura ta’ ħatra, isegwi mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Land Hessen ( 64 ) li l-fatt li l-Ministru għall-Ġustizzja jagħżel nofs il-membri ta’ tali korp ma jwassalx, minnu nnifsu, għal nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. |
62. |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 huwa ċar li r-rwol imnaqqas tal-assemblea tal-ġudikatura u l-parteċipazzjoni tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti fil-proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja huma marbuta mill-qrib mar-rwol imsaħħaħ tal-KRS f’din il-proċedura sa mill‑2018, u b’hekk jikkostitwixxu tnaqqis ulterjuri tal-protezzjoni tal-istat tad-dritt fil-Polonja ( 65 ). Madankollu, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-KRS huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, u mhux xi assemblea tal-ġudikatura jew kulleġġ tal-qorti. Peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari huwa evidenti li r-rwol imnaqqas tal-assemblea tal-ġudikatura fil-proċess ta’ ħatra u r-rwol tal-kulleġġ tal-qorti rilevanti jagħmel parti minn strateġija leġiżlattiva li qiegħda tevolvi mħaddma flimkien mar-ristrutturazzjoni tal-KRS u r-rwol imsaħħaħ tiegħu fil-proċess tal-ħatra, b’mod partikolari sa mill‑2018, dawn l-elementi għandhom jiġu evalwati flimkien. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) ( 66 ) dwar il-KRS u r-rwol determinanti tiegħu fil-proċess ta’ ħatra sa mill‑2018, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja, inqis li l-ewwel fattur ma jwassalx bħala tali għall-invalidità tal-proċedura ta’ ħatra kkontestata fil-Kawża C‑269/21. Din hija, għal darba oħra, finalment kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju. |
3. Fuq it‑tielet fattur
63. |
It-tielet fattur tal-ewwel domanda u t-tieni domanda huma marbuta sa fejn dawn it-tnejn jinvolvu d-dritt tal-kandidati eliminati li jikkontestaw proċedura li twassal għall-ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji quddiem qorti li tosserva r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 67 ). |
64. |
Fir-rigward tat-tielet fattur tal-ewwel domanda, il-qrati tar-rinviju jsostnu li l-kandidati għall-ħatra ġudizzjarja fil-qrati ordinarji ma għandhomx dritt ta’ appell quddiem qorti li tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huma jirrilevaw li l-Awla Straordinarja, li għandha l-kompetenza biex tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS fir-rigward tal-ħatriet ġudizzjarji skont l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, ma hijiex konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti. |
65. |
Il-qrati tar-rinviju jirrilevaw ukoll li l-ħatra ta’ mħallfin ġodda fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluż fl-Awla Straordinarja tagħha, hija vvizzjata peress li a) il-Prim Ministru ma ffirmax l-att tal-ħatra previst fl-Artikolu 144(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja; b) il-KRS ma eżaminax il-kandidaturi, iżda minflok għamel evalwazzjoni superfiċjali tal-kandidati fuq il-bażi ta’ numru żgħir ta’ dokumenti, fil-biċċa l-kbira sottomessi mill-kandidati stess; c) l-interess politiku u l-influwenza tal-eżekuttiv fil-proċess ta’ għażla kienu evidenti peress li l-KRS ippropona biss il-kandidati li kellhom l-appoġġ tal-gvern; d) ir-riżoluzzjoni tal-KRS li pproponiet il-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ġiet appellata quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) minn ċerti kandidati eliminati u għalhekk ma kinitx legalment vinkolanti. Minkejja li din l-aħħar qorti ssospendiet ċerti riżoluzzjonijiet tal-KRS, il-President tar-Repubblika ħatar lill-kandidati proposti mill-KRS. Min-naħa tagħhom, dawn l-individwi aċċettaw il-ħatra tagħhom meta kienu jafu li l-proċedura ta’ ħatra kienet ġiet sospiża. Dawn il-fatti jaffettwaw kemm il-kompetenza professjonali kif ukoll l-integrità morali tal-persuni kkonċernati. Finalment, il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kienx suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv, la qabel u lanqas wara li l-President tar-Repubblika ħatar lil imħallfin f’din il-qorti ( 68 ). |
66. |
Minkejja l-konstatazzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ibbażata fuq is-sentenza A. K ( 69 ), li d-deċiżjonijiet ta’ dawn l-imħallfin huma invalidi, l-Awla Straordinarja tkompli tiddeċiedi l-kawżi. Barra minn hekk, skont il-qrati tar-rinviju, sa mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tagħha tat‑8 ta’ Jannar 2020 ( 70 ), l-Awla Straordinarja ma teżaminax jekk ir-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, ġiex osservat fil-kawżi mressqa quddiemha ( 71 ). Il-qrati tar-rinviju jikkunsidraw għalhekk li l-proċedura ta’ stħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS mill-Awla Straordinarja hija ineffettiva. Fl-assenza ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv quddiem l-Awla Straordinarja fil-każ ta’ dubji dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji, dawn il-qrati ma humiex stabbiliti skont il-liġi. |
67. |
Permezz tat-tieni domanda tagħhom, il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Awla Straordinarja, komposta biss minn persuni maħtura bil-mod indikat fl-ewwel domanda, biex tistħarreġ il-legalità ta’ ħatriet ġudizzjarji fil-qrati ordinarji. Skont il-qrati tar-rinviju, konformement mal-Artikolu 26(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Straordinarja għandha ġurisdizzjoni esklużiva biex tisma’ rikorsi dwar ir-“rikuża” ta’ mħallfin jew dwar il-ħatra tal-qrati li quddiemhom għandhom jitmexxew il-proċeduri li jinvolvu lmenti li jallegaw nuqqas ta’ indipendenza ta’ qorti jew ta’ mħallef. L-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jipprevedi madankollu li talba skont l-Artikolu 26(2) tagħha ma għandhiex tiġi eżaminata jekk tirrigwarda l-istabbiliment jew l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tal-awtorità tiegħu biex jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Il-qrati tar-rinviju jikkunsidraw għalhekk li l-Awla Straordinarja mhux biss ma tosservax hija nnifisha r-rekwiżit ta’ stabbiliment minn qabel bil-liġi, iżda wkoll li hija ma teżaminax il-mistoqsijiet dwar jekk qorti oħra tosservax dan ir-rekwiżit ( 72 ). Il-qrati tar-rinviju jqisu għalhekk li huma obbligati li jannullaw l-Artikolu 26(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. L-annullament ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, madankollu, ma jsolvix il-kwistjoni tal-approċċ proċedurali li għandha tieħu qorti fis-sitwazzjoni deskritta fl-ewwel domanda sabiex tiġi żgurata l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk il-qrati tar-rinviju jistaqsu jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-esklużjoni awtomatika tal-imħallfin (iudex inhabiliti) ( 73 ) għandhomx japplikaw b’analoġija, u b’hekk jippermettu lil imħallef jeskludi, ex officio mħallef li jkun ġie maħtur b’tali mod f’qorti ordinarja milli jisma’ kawża ( 74 ). |
68. |
Suġġett għall-verifika mill-qrati tar-rinviju, jidher li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja tal‑14 ta’ Frar 2020, ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji setgħu jiġu kkontestati quddiem l-Awla Straordinarja skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. |
69. |
Kif jindikaw il-punti 93 sa 111 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja straordinarja biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-indipendenza ta’ qorti, kulleġġ ġudikanti jew ta’ mħallef skont l-Artikolu 26(2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, bħala prinċipju, jikser, inter alia, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta biss jekk din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u l-proċeduri u r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti fiha jimminaw l-effettività sħiħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni. Din l-analiżi tapplika, fil-fehma tiegħi, b’analoġija, għall-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u għall-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Għaldaqstant inqis li l-għoti ta’ ġurisdizzjoni esklużiva lill-Awla Straordinarja skont l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) u (2) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema ma huwiex, bħala prinċipju, kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni. |
70. |
Għalkemm l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jidhru li jibqgħu fis-seħħ, il-formulazzjoni, inter alia, tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja tipprojbixxi espliċitament lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluża l-Awla Straordinarja tagħha, milli tistabbilixxi jew tevalwa l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef. Hija tipprojbixxi wkoll lil din il-qorti milli tikkonstata jew tevalwa s-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra ( 75 ). Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija għalhekk tant wiesgħa li tneħħi l-possibbiltà għas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li teżamina kwistjonijiet relatati, inter alia, mal-istabbiliment minn qabel bil-liġi ta’ qorti kif teżiġi s-sentenza Simpson ( 76 ). |
71. |
Kemm mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari kif ukoll mid-domandi magħmula f’dawn il-kawżi huwa ċar li l-qrati tar-rinviju jqisu li l-Awla Straordinarja ma tistax teżamina kwalunkwe oġġezzjonijiet legali għall-ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika jew jekk qorti hijiex stabbilita skont il-liġi ( 77 ). Għalhekk, filwaqt li jidher ( 78 ) li l-Awla Straordinarja għad għandha s-setgħa li tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS fir-rigward ta’ ħatriet ġudizzjarji tal-qrati ordinarji, il-portata ta’ dan l-istħarriġ ġiet ristretta ħafna u, fil-fehma tiegħi, illegalment ( 79 ). |
72. |
Fir-rigward tal-Kawża C‑269/21 ( 80 ), l-Imħallef A.T. ġiet maħtura fis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) wara riżoluzzjoni tal-KRS tas‑7 ta’ Lulju 2020, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema. Il-kwistjoni f’din il-kawża dwar jekk l-Awla Straordinarja hijiex konformi mar-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, hija dibattibbli peress li din il-qorti ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tistħarreġ ir-riżoluzzjoni rilevanti tal-KRS bħala kwistjoni ta’ dritt nazzjonali sabiex tistabbilixxi l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew is-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra. |
73. |
Huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi evalwat jekk l-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS li wasslu għall-ħatra ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji, flimkien mar-rwol determinanti li għandu l-KRS fil-proċedura ta’ ħatra u r-rwol ridott tal-assemblej tal-ġudikatura, hijiex ta’ natura li toħloq dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi dwar l-impermeabbiltà ta’ mħallef bħal A.T. għal fatturi esterni u għan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi quddiemha. |
74. |
Isegwi mis-sentenza A. B. ( 81 ) li, peress li l-KRS ma joffrix garanziji ta’ indipendenza suffiċjenti, huwa neċessarju li l-kandidati eliminati għal karigi ġudizzjarji jingħataw il-possibbiltà li jikkontestaw ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS meta l-fatturi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw il-proċess ta’ ħatra huma ta’ natura li joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji sistemiċi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt dan il-proċess ( 82 ). |
75. |
Fil-Kawża C‑269/21, il-qorti tar-rinviju ma ressqet ebda evidenza speċifika, la ta’ natura sistemika, minbarra t-tliet fatturi li għalihom hija tirreferi, u lanqas ta’ natura individwali, sabiex tissostanzja l-eżistenza ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji taħt il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni, inkluża l-Imħallef A.T. ( 83 ). |
76. |
Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, ma nqisx li t-tliet fatturi li għalihom hija tirreferi huma fihom innifishom suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra ta’ mħallef bħall-Imħallef A.T. fil-qrati ordinarji skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Minbarra l-elementi invokati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 128, 129 u 136 tas-sentenza A. B., l-uniku element ġdid fil-Kawża C‑269/21 huwa l-assenza ta’ korpi ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura mill-proċedura ta’ ħatra. Fid-dawl tar-rwol ċertament determinanti li l-KRS għandu fil-proċedura ta’ ħatra, ma nikkunsidrax li dan il-fattur ieħor huwa minnu nnifsu suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.T. ( 84 ). |
77. |
Fil-Kawża C‑181/21, l-Imħallef A.Z. ġie maħtur mill-President tar-Repubblika fis‑26 ta’ Novembru 2020, wara riżoluzzjoni KRS tas‑7 ta’ Mejju 2019. Għaldaqstant jidher, għal darba oħra suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-riżoluzzjoni tal-KRS inkwistjoni setgħet, bħala prinċipju, tiġi kkontestata quddiem l-Awla Straordinarja ( 85 ) peress li din ir-riżoluzzjoni kienet tippreċedi kemm id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja ( 86 ) kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Awla Straordinarja tat‑8 ta’ Jannar 2020 ( 87 ). |
78. |
Bħal fil-Kawża C‑269/21, fil-Kawża C‑181/21, il-qorti tar-rinviju ma pprodiċiet ebda evidenza speċifika ta’ natura sistemika, minbarra t-tliet fatturi deskritti fl-ewwel domanda, jew ta’ natura individwali, sabiex tissustanzja l-eżistenza ta’ dubji leġittimi u serji, f’moħħ l-individwi, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura fil-qrati ordinarji taħt il-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni, inkluż l-Imħallef A.Z. Peress li, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ma nqisx li t-tliet fatturi li għalihom tirreferi huma minnhom innifishom suffiċjenti sabiex titqiegħed inkwistjoni l-proċedura li wasslet għall-ħatra tal-Imħallef A.Z. fil-qrati ordinarji skont ir-rekwiżiti tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, jiena tal-parir li d-domanda dwar jekk l-Awla Straordinarja tissodisfax dawn ir-rekwiżiti hija dibattibbli. |
VII. Konklużjoni
79. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice, il-Polonja) u mis-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków, il-Polonja): It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li: Qorti ma tikkostitwixxix “qorti stabbilita bil-liġi” meta mħallef tal-kulleġġ ġudikanti jkun inħatar wara proċedura li fiha a) l-opinjoni ta’ korp ta’ awtoregolamentazzjoni tal-ġudikatura ma nstemgħetx; b) il-kandidati nħatru fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni ta’ korp bħall-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja); u c) il-kandidati fil-kompetizzjoni ma setgħux jikkontestaw il-proċedura ta’ ħatra quddiem qorti li tosserva r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u dawn l-elementi, flimkien ma’ kull fattur rilevanti ieħor li jikkaratterizza din il-proċedura, huma ta’ natura li jqajmu dubji sistemiċi f’moħħ l-individwi fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt dan il-proċess. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Ara l-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. of 2011, Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3) li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018 u mill-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem “il-Liġi dwar il-KRS”).
( 3 ) Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5; din daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.
( 4 ) Dz. U. tal‑2020, pożizzjoni 190.
( 5 ) Dz. U. tal‑2001, Nru 98, pożizzjoni 1070.
( 6 ) Dz. U. tal‑1964, Nru 43, pożizzjoni 296.
( 7 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
( 8 ) Ara l-Artikolu 58(4) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja tal-Qrati Ordinarji.
( 9 ) Sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019 (C‑260/18, EU:C:2019:819).
( 10 ) Wara l-komunikazzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja tas‑6 ta’ Ġunju 2019 fuq il-pożizzjonijiet vakanti tal-imħallfin, ippubblikata fil-Monitor Polski (il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika tal-Polonja).
( 11 ) 12‑il vot “favur”, 6 voti “kontra” u 2 astensjonijiet.
( 12 ) Din il-parti tad-domanda tirrigwarda l-Kawża C‑181/21.
( 13 ) Din il-parti tad-domanda tirrigwarda l-Kawża C‑269/21.
( 14 ) Sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, (C‑791/19, EU:C:2021:596).
( 15 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586); tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535) u tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311).
( 16 ) Digrieti tal‑24 ta’ Marzu 2009, Nationale Loterij (C‑525/06, EU:C:2009:179, punti 9 u 10) u tat‑23 ta’ Marzu 2016, Overseas Financial u Oaktree Finance (C‑319/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:268, punt 33).
( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:403, punti 48 sa 65).
( 18 ) Sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 20).
( 19 ) Sentenzi tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten (C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 38), u tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť (C‑470/12, EU:C:2014:101, punti 28 u 29).
( 20 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim et (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-Ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 55).
( 22 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46).
( 23 ) Ara s-sentenza Simpson (punt 57) u s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2022, Wagenknecht vs Il‑Kummissjoni (C‑130/21 P, EU:C:2022:226, punt 15) fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali. Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 126 sa 131) fir-rigward tal-qrati u tribunali tal-Istati Membri.
( 24 ) Sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost vs UFEX et (C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 46) u s-sentenza Simpson (punti 55 u 57).
( 25 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 29, 36 u 37).
( 26 ) Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 27 ) Il-Gvern Pollakk ma jikkontestax li s-Sąd Okręgowy w Katowicach (il-Qorti Reġjonali ta’ Katowice) u s-Sąd Okręgowy w Krakowie (il-Qorti Reġjonali ta’ Kraków) jikkostitwixxu “qorti” ta’ dan l-Istat Membru għall-finijiet tal-Artikolu 267 TFUE. Il-qrati tar-rinviju jaqgħu taħt is-sistema ġudizzjarja Pollakka fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għalhekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Prokuratura Rejonowa w Mińsku Mazowieckim (C‑748/19 sa C‑754/19, EU:C:2021:931, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 30 ) Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-miżuri provviżorji huma validi, il-konsumatur għandu jkompli jħallas il-pagamenti mensili tas-self. In-nuqqas li dan isir jista’ jkollu konsegwenzi gravi ħafna għall-konsumatur, inkluża l-affidabbiltà kreditizja tiegħu, l-impożizzjoni ta’ interessi punittivi jew it-terminazzjoni tas-self. Il-qorti tar-rinviju indikat ukoll li l-validità tad-digriet għal miżuri provviżorji għandha effett dirett fuq l-ammont mitlub fit-tilwima li għandha quddiemha.
( 31 ) Ir-rekwiżiti imposti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huma trasversali u japplikaw irrispettivament min-natura tal-proċeduri inkwistjoni. Huwa biżżejjed li l-ġurisdizzjoni inkwistjoni tista’ tintalab tiddeċiedi dwar kawżi “fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”.
( 32 ) Skont l-Artikolu 258 TFUE.
( 33 ) ĠU 2021, C 252, p. 9.
( 34 ) L-effetti differenti tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikoli 258 u 267 TFUE ma għandhomx jiġu enfasizzati żżejjed. Bħala eżempju, fis-sentenza tagħha tal‑10 ta’ Marzu 2022, Grossmania (C‑177/20, EU:C:2022:175) il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeskriviet il-mod kif is-sentenzi tagħha fil-kuntest taż-żewġ proċeduri għandhom effetti konġunti.
( 35 ) Ref. BSA 1-4110-1/20.
( 36 ) Ara l-punt 47 tar-riżoluzzjoni.
( 37 ) Skont l-Ombudsman, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ibbażat din id-distinzjoni fuq il-funzjonijiet differenti tal-qrati ordinarji u tal-funzjonijiet tagħha nnifisha, il-varjazzjoni kbira fl-iskala ta’ irregolaritajiet li jaffettwaw il-proċeduri ta’ kompetizzjoni għall-pożizzjonijiet tal-qrati ordinarji, meta mqabbla mas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-possibbiltà li tiġi mistħarrġa l-osservanza mill-imħallfin tal-qrati ordinarji tal-prinċipji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità. L-Ombudsman iqis li din l-aħħar possibbiltà hija illużorja minħabba l-Liġi Emendatorja li tipprekludi lill-Awla Straordinarja milli twettaq tali stħarriġ. Huwa jirrileva wkoll li r-riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020 tindirizza l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin minflok l-istabbiliment minn qabel ta’ qorti bil-liġi.
( 38 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata) fir-rigward tal-Artikolu 6(1) KEDB. Ara wkoll, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 115 sa 120).
( 39 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17) dwar il-kunċett ta’ qorti indipendenti ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 267 TFUE. Fil-fehma tiegħi, dan il-kunċett u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa kunċett uniku, uniformi u awtonomu tad-dritt tal-Unjoni.
( 40 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mit-Tariefcommissie, il-Pajjiżi l-Baxxi); is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, EU:C:1964:66) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Giudice conciliatore di Milano, l-Italja) u s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Pretura di Susa, l-Italja).
( 41 ) L-Ombudsman iqis li t-tliet fatturi li jiddeskrivu l-qrati tar-rinviju jikkostitwixxu erożjoni serja tal-Istat tad-dritt fil-Polonja peress li, bħala riżultat, l-imħallfin ma jinħatrux iktar fil-qrati ordinarji skont id-dritt Pollakk, l-Artikolu 19(1) TUE jew l-Artikolu 6(1) KEDB. Dan iwassal għall-perċezzjoni li l-qrati la huma indipendenti u lanqas imparzjali. Qorti tista’ għalhekk, fid-dawl tal-effett dirett tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, teskludi mħallef maħtur skont tali proċedura illegali milli jiddeċiedi dwar kawżi f’oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.
( 42 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punti 57 u 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 231 u 233), il-Qorti EDB iddeċidiet li d-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi”, żgurat fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt indipendenti strettament marbut mal-garanziji ta’ “indipendenza” u ta’ “imparzjalità”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Din il-qorti ddeċidiet ukoll li l-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin jikkostitwixxi neċessarjament element inerenti għall-kunċett ta’ “qorti stabbilita bil-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Ara s-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 227 u 232).
( 43 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022 (C‑132/20, EU:C:2022:235, punti 122 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 44 ) Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa taħt id-dritt tal-Unjoni jitolbu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, il-ħatra, it-tul tal-kariga kif ukoll il-motivi għal astensjoni, rikuża u tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2014:311, punt 53).
( 45 ) Sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika (C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 55 u 57). Ara wkoll is-sentenza Simpson (punti 57 u 71).
( 46 ) Il-Kummissjoni tirrileva li, mill‑2018, madwar 1360 mill‑10 000 imħallef tal-qrati ordinarji fil-Polonja nħatru fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida u emendata tagħha.
( 47 ) Forsi ħlief għall-imġiba tal-President tas-Sąd Apelacyjny w Katowicach (il-Qorti tal-Appell ta’ Katowice) kif ġie indikat fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 48 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 57).
( 49 ) Ara l-Artikoli 179 u 186 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.
( 50 ) Il-punt 210 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) jinkludi ħarsa ġenerali lejn ir-ristrutturazzjoni tal-KRS.
( 51 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 127 u, b’mod partikolari, il-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 104 sa 108).
( 52 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A. B. et (Ħatra ta’ mħallfin fil-Qorti Suprema – Rikors) (C‑824/18, EU:C:2021:153, punt 126).
( 53 ) Li huwa, fil-parti l-kbira, kompost minn membri magħżula mil-leġiżlatur.
( 54 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 55 ) Ara l-Artikolu 58(2) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji.
( 56 ) Iż-żewġ qrati tar-rinviju jiddeskrivu l-opinjoni tal-assemblea tal-ġudikatura bħala s-“sine qua non” għal proċedura ta’ ħatra valida fid-dritt nazzjonali.
( 57 ) Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li dan huwa l-każ b’mod partikolari peress li l-KRS ma għadux jirrappreżenta l-fergħa ġudizzjarja kif jeħtieġu l-Artikolu 179 u l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja.
( 58 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A.K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punti 136 sa 138 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punt 149).
( 59 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 121).
( 60 ) Sentenza A. B. (punt 126). Ara wkoll is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, Openbaar Ministerie (Qorti stabbilita mil-liġi fl-Istat Membru emittenti) (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100 punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 61 ) B’effett mill‑14 ta’ Frar 2020 il-Liġi Emendatorja ħassret il-paragrafu 2 tal-Artikolu 58 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji. Il-Gvern Pollakkisostni, inter alia, li din ir-riforma leġiżlattiva kienet intiża biex assemblea tal-ġudikatura ma tkunx tista’ tibqa’ twaqqaf il-proċedura ta’ ħatra. Ġiet stabbilita proċedura konsultattiva fakultattiva li, jingħad, tiżgura diskussjoni usa’ dwar il-merti tal-kandidati għal karigi ġudizzjarji.
( 62 ) Il-vot tal-President tas-Sąd Okręgowy (il-Qorti Reġjonali) jipprevali fil-każ ta’ voti ndaqs.
( 63 ) Il-Kummissjoni tosserva li r-rwol tal-assemblej tal-ġudikatura ma ġiex imneħħi iżda tnaqqas ħafna.
( 64 ) Sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020 Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 55 u 56).
( 65 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jġib rigress fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa espress b’mod konkret, inter alia, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri huma għalhekk meħtieġa jiżguraw li jevitaw kull rigress, fir-rigward ta’ dan il-valur, fil-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja billi jastjenu milli jadottaw regoli li jwasslu biex tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 u 64).
( 66 ) Sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, (C‑562/21 PPU u C‑563/21 PPU, EU:C:2022:100, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 67 ) L-Ombudsman jittratta dawn il-kwistjonijiet flimkien ukoll. Huwa jqis li l-organu leġiżlattiv Pollakk adotta sensiela ta’ miżuri li jiżguraw li l-ħatriet tal-imħallfin fil-qrati ordinarji ma jkunux suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv anki fil-każ ta’ ksur manifest tal-liġi. L-Ombudsman jirreferi għal tliet fatturi: l-ewwel, il-membri tal-Awla Straordinarja ġew innominati mill-KRS u l-proċedura li wasslet għall-ħatra tagħhom ma kinitx suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju; it-tieni, il-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa tiegħu li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji ma hijiex suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju sa mill-adozzjoni tal-Liġi Emendatorja; u t-tielet, l-Awla Straordinarja għandha l-ġurisdizzjoni esklużiva biex tistħarreġ l-indipendenza tal-imħallfin.
( 68 ) Ara s-sentenza A. B.
( 69 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982).
( 70 ) Ara Ref. I NOZP 3/19, li għandha s-saħħa ta’ “prinċipju ta’ liġi”.
( 71 ) Sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, punt 48) tagħti spjegazzjoni ulterjuri ta’ din ir-riżoluzzjoni.
( 72 ) Il-punt 84 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑181/21 u l-punt 107 tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑269/21 isostnu, fir-rigward tal-Artikolu 26(2) u (3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema, li “l-kwistjonijiet relatati mat-tneħħija tad-dubji tal-qorti tar-rinviju stabbiliti fil-motivi tal-ewwel domanda jaqgħu taħt [il-kompetenza tal-Awla Straordinarja li] fiha nnifisha ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ qorti stabbilita bil-liġi u tqajjem tħassib iġġustifikat dwar l-imparzjalità u l-indipendenza tagħha. Barra minn hekk, il-proċedura quddiem dan il-korp ma jistax ikollha l-effett li tneħħi dawn id-dubji peress li l-kandidaturi li jqajmu dawn il-kwistjonijiet ma jiġux eżaminati.”
( 73 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 48 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.
( 74 ) Il-Gvern Pollakk isostni li tali interpretazzjoni hija contra legem.
( 75 ) Kif jindikaw il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) fil-punti 140 u 141, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex, prima facie, limitata għall-esklużjoni ta’ qorti milli jkollha l-ġurisdizzjoni biex tannulla, erga omnes, l-att ta’ ħatra ta’ mħallef mill-President tar-Repubblika.
( 76 ) Ara l-punt 55. Ara, b’analoġija, il-punti 138 sa 147 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).
( 77 ) Waqt is-seduta, il-Gvern Pollakk ikkonferma li ma huwiex possibbli skont id-dritt Pollakk li l-qrati jeżaminaw jekk qorti hijiex stabbilita skont il-liġi jew il-legalità ta’ ħatra ġudizzjarja.
( 78 ) Din il-kwistjoni hija suġġetta għal verifika mill-qrati tar-rinviju. Fil-punt 104 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Gvern Pollakk irrefera għal diversi statistiċi dwar l-istħarriġ tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS dwar il-ħatra tal-imħallfin fil-qrati ordinarji.
( 79 ) Anki jekk jiġi aċċettat li l-Artikolu 44(1) tal-Liġi dwar il-KRS u l-Artikolu 26(1) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jippermettu lill-Awla Straordinarja tistħarreġ ir-riżoluzzjonijiet tal-KRS, il-koeżistenza tal-imsemmija dispożizzjonijiet mal-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Emendatorja toħloq inċertezza legali kunsiderevoli, b’mod partikolari dwar il-portata ta’ dan l-istħarriġ. L-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema jimmina l-effikaċja tad-dispożizzjonijiet preċedenti tad-dritt nazzjonali, kuntrarjament għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Ara l-punti 133 sa 147 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑204/21, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-ħajja privata tal-imħallfin).
( 80 ) Li, għal finijiet ta’ konvenjenza, ser nindirizza l-ewwel.
( 81 ) Ara l-punti 128 sa 136.
( 82 ) Il-punt 129 tas-sentenza A. B. jistabbilixxi li “l-assenza eventwali tal-possibbiltà li tiġi eżerċitata azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra għal pożizzjonijiet ta’ mħallef ta’ qorti suprema nazzjonali tista’, f’ċerti każijiet, ma tirriżultax problematika fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE”. Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, iddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv ta’ proposti tal-KRS għall-ħatra ta’ mħallfin – inkluż, tal-inqas, eżami dwar kienx hemm ultra vires jew eżerċizzju mhux xieraq tas-setgħa, żball ta’ liġi jew żball manifest ta’ evalwazzjoni – huwa neċessarju fejn jitqajmu f’moħħ l-individwi dubji sistemiċi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura taħt tali proċedura (sentenza A. B., punti 128 sa 136 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 83 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2022, Getin Noble Bank (C‑132/20, EU:C:2022:235, il-punti 129 sa 131). B’kuntrast, ara s-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Sistema dixxiplinari għall-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596, punti 89 sa 94 u 104 sa 107), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeskriviet numru ta’ fatturi, li jinkludu iżda mhux limitati għar-rwol deċiżiv tal-KRS fil-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, bħala li joħolqu f’moħħ l-individwi dubji raġonevoli dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan il-korp. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet, inter alia, għall-fatt li l-ħolqien tal-Awla Dixxiplinari ex nihilo b’ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tisma’ ċerti kawżi dixxiplinari jikkoinċidi mal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li mminat l-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Hija rrilevat li l-Awla Dixxiplinari kienet tgawdi minn livell partikolarment għoli ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja fi ħdan il-Qorti Suprema meta mqabbla ma’ awli oħra ta’ din il-qorti. Ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari taqbeż b’madwar 40 % dik tal-imħallfin assenjati lill-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mingħajr ma ngħatat xi tip ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għal tali trattament preferenzjali. Barra minn hekk, meta nħolqot, l-Awla Dixxiplinari kellha tikkonsisti esklużivament minn imħallfin ġodda maħtura mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS.
( 84 ) Fis-sentenza tagħha A. B. (punti 133 u 135 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja invokat fatturi oħra bħal, inter alia, il-fatt li l-ħatriet fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) seħħew fil-kuntest ta’ tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin u tal-aspettattiva korrispondenti ta’ ħafna pożizzjonijiet ġodda li kienu ser isiru vakanti, liema fatturi ppreġudikaw in-natura tal-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).
( 85 ) Sabiex tiġi stabbilita l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew is-setgħa ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji li jirriżultaw minn din il-ħatra u għalhekk sabiex jiġi evalwat jekk il-proċedura ta’ ħatra osservatx it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.
( 86 ) U għalhekk l-Artikolu 26(3) tal-Liġi Emendata dwar il-Qorti Suprema.
( 87 ) Ma hemm ebda informazzjoni fil-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tali kontestazzjoni tressqitx. F’dan ir-rigward, id-domandi tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward huma a priori ipotetiċi. Madankollu, bħala prinċipju, huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk l-Awla Straordinarja nnifisha tosservax ir-rekwiżiti stabbiliti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li, kieku kien mod ieħor, ikun diffiċli li l-kandidati jingħataw tort talli ma jkunux talbu stħarriġ quddiemha tar-riżoluzzjonijiet tal-KRS.