Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0137

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Richard de la Tour, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
    Il-Parlament Ewropew vs Il-Kummissjoni Ewropea.
    Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Regolament (UE) 2018/1806 – Il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan l-obbligu – Prinċipju ta’ reċiproċità – Stedina għall-adozzjoni ta’ att delegat li jissospendi provviżorjament l-eżenzjoni mill-viża għal perijodu ta’ tnax-il xahar għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika.
    Kawża C-137/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:989

     KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

    RICHARD DE LA TOUR

    ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑137/21

    Il‑Parlament Ewropew

    vs

    Il‑Kummissjoni Ewropea

    “Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni – Regolament (UE) 2018/1806 – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri – Lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan l-obbligu – Prinċipju ta’ reċiproċità – Obbligu li jiġi adottat att delegat li jissospendi provviżorjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal perijodu ta’ tnax‑il xahar fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika”

    I. Introduzzjoni

    1.

    Permezz ta’ dan ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, il-Parlament Ewropew jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, li billi ma adottatx att delegat, kif previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806 ( 2 ), il-Kummissjoni Ewropea naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-Trattat FUE.

    2.

    Wara li nistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tadotta jew ma tadottax l-att mitlub mill-Parlament, ser nuri li l-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni ta’ dan tal-aħħar saret f’terminu raġonevoli, iżda li l-Kummissjoni ħadet pożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, li rrendiet din l-azzjoni inammissibbli. Sussidjarjament, ser neżamina fil-mertu l-kwistjoni tan-nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    A.   Ir‑Regolament (KE) Nru 539/2001

    3.

    Qabel l-emenda tiegħu, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 ( 3 ) kien jistabbilixxi:

    “Fil-każ ta’ l-istabbiliment tal-ħtieġa ta’ viża għal ċittadini ta’ Stat Membru minn pajjiż terz elenkat fil-lista ta’ l-Anness II, għandhom isiru applikabbli d-dispożizzjonijiet li ġejjin, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ xi ftehim li l-[Unjoni] setgħet ikkonkludiet ma dak il-pajjiż:

    a)

    l-Istat Membru jista jinnotifika bil-kitba lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-fatt li l-pajjiż terz ikunu stabbilixxa il-ħtieġa tal-viża.

    b)

    Fil-każ ta’ tali notifika, l-obbligu tal-Istati Membrili jimponu fuq iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikonċernat il-ħtieġa tal-viża għandu jkun stabbilit proviżjonalment għal 30 jum minn wara n-notifika sakemm il-Kunsill, li jaġixxi bil-quddiem b’maġġoranza kwalifikata, ma jiddeċiedix mod ieħor;

    ċ)

    l-introduzzjoni proviżorja tal-ħtieġa għall-viża għandha tkun ippubblikata mill-Kunsill, fil-Ġurnal Uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea], qabel ma din tidħol fis-seħħ;

    d)

    il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe talba mressqa mill-Kunsill jew minn Stat Membru li din għandha tressaq proposta lejn il-Kunsill li temenda l-Annessi ta’ dan ir-Regolament sabiex ikun inkluż il-pajjiż terz ikkonċernat fl-Anness I jew li jkun imneħħi mill-Anness II;

    e)

    jekk, qabel l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ tali emenda għll-Annessi ta’ dan ir-Regolament, il-pajjiż terz iħassar id-deċiżjoni tiegħu li jistabbilixxi l-ħtieġa għall-viża, l-Istat Membru ikkonċernat għandu immedjetament jinnotifika bil-kitba lill-Kummissjoni u lill-Kunsill skond kif xieraq;

    f)

    tali notifika għandha tkun ippubblikata mill-Kunsill fil-Ġurnal Uffiċjali [tal-Unjoni Ewropea]. L-introduzzjoni proviżorja tal-ħtieġa għal viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandha tkun imħassra 7 tijiem wara d-data tal-publikazzjoni.”

    4.

    L-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1289/2013 ( 4 ) emenda, b’effett mid‑9 ta’ Jannar 2014, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001 kif ġej:

    “Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    […]

    d)

    Il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    […]

    f)

    Jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat skont l-Artikolu 4b li jissospendi l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta’ 12-il xahar għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. L-att iddelegat għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għandha ssir b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f’qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża rigward dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni.

    Mid-data meta s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat tidħol fis-seħħ jew meta oġġezzjoni għall-att iddelegat tiġi espressa skont l-Artikolu 4b(5), kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-punt (e) fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz għandu jiskadi.

    Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva kif imsemmi fil-punt (h), il-perijodu ta’ sospensjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt għandu jiġi estiż b’sitt xhur. In-nota ta’ qiegħ il-paġna li hemm referenza għaliha f’dak is-subparagrafu għandha tiġi emendata kif xieraq.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta’ dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att iddelegat għandhom ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

    […]”

    B.   Ir‑Regolament 2018/1806

    5.

    Peress li r-Regolament Nru 539/2001 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament 2018/1806, b’effett mit‑18 ta’ Diċembru 2018, ir-referenzi għar-Regolament Nru 539/2001 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għar-Regolament 2018/1806 u jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV ta’ dan tal-aħħar ( 5 ).

    6.

    Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament 2018/1806:

    “Dan ir-Regolament jiddetermina l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżenti, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ ta’ diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza reġjonali u reċiproċità.”

    7.

    L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej:

    “Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II jimponi ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    a)

    fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tal-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika b’dan lill-Parlamet […], lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub.

    Dik in-notifika għandha:

    i)

    tispeċifika d-data ta’ implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

    ii)

    tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat Membru kkonċernat ħa bil-ħsieb li jiżgura l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha.

    L-informazzjoni dwar dik in-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-informazzjoni dwar id-data tal-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

    Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-ħtieġa tal-viża qabel it-tmiem tal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-punt, in-notifika m’għandhiex issir jew inkella għandha tkun rtirata u l-informazzjoni m’għandhiex tiġi ppubblikata;

    b)

    il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u f’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid jew introdott l-ivvjaġġar mingħajr viża u għandha tinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill mingħajr dewmien b’dawk il-passi;

    c)

    jekk fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mil-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. Meta Stat Membru jagħmel tali talba, għandu jinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill dwarha;

    d)

    il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    e)

    jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u sussegwentement f’intervalli li ma jaqbżux sitt xhur f’perijodu totali li ma jistax jestendi lil hinn mid-data li fiha l-att delegat imsemmi fil-punt (f) jidħol fis-seħħ jew jiġi oġġezzjonat:

    i)

    tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta’ implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Meta tadotta atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista’ testendi l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni b’aktar perijodi ta’ mhux aktar minn sitt xhur u tista’ timmodifika l-kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalihom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6, matul il-perijodi ta’ sospensjoni l-kategoriji kollha ta’ ċittadini tal-pajjiż terz imsemmi fl–att ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri; jew

    ii)

    tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11(1) rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tinforma lill-Parlament […] u lill-Kunsill b’dan.

    F’dak ir-rapport għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħal dawk imsemmijin fil-punt (d). Il-Parlament […] u l-Kunsill jista’ jkollhom diskussjoni politika abbażi ta’ dak ir-rapport;

    f)

    jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt(a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat skont l-Artikolu 10 li jissospendi b’mod temporanju l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal perijodu ta’ 12-il xahar għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż terz. L-att delegat għandu jistabilixxi data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tieħu effett, b’kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f’qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża fir-rigward ta’ dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta’ dik is-sospensjoni.

    […]

    h)

    jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat imsemmi fil-punt (f), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I;

    […]”

    8.

    L-Istati Uniti tal-Amerika tinsab fil-“[l]ista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum”, li hija s-suġġett tal-Anness II tar-Regolament 2018/1806.

    III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża

    9.

    Fit‑12 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika tal-viżi ( 6 ). Fost il-pajjiżi msemmija li fir-rigward tagħhom kien għadu jippersisti n-nuqqas ta’ reċiproċità kien hemm l-Istati Uniti tal-Amerika.

    10.

    Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat sitt komunikazzjonijiet ta’ segwitu dwar is-sitwazzjoni ( 7 ). Sa mill-komunikazzjoni tax-xahar ta’ Diċembru 2017, l-uniku każ ta’ nuqqas ta’ reċiproċità li kien baqa’ kien għadu jirrigwarda lill-Istati Uniti tal-Amerika, li rrifjutat li tilqa’ mingħajr viża ċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja, tar-Repubblika ta’ Ċipru u tar-Rumanija.

    11.

    Fid-dawl tal-obbligu impost mill-Istati Uniti tal-Amerika fir-rigward taċ-ċittadini ta’ dawn l-Istati Membri, il-Parlament, b’riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017 ( 8 ), sejjaħ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, billi tadotta att delegat skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 1289/2013, intiż għas-sospensjoni b’mod temporanju tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorn qasir għaċ-ċittadini Amerikani u Kanadiżi minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni ta’ reċiproċità.

    12.

    Bi tweġiba għal din is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, il-Kummissjoni, b’komunikazzjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017 ( 9 ), ħadet pożizzjoni dwar ir-riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017, billi qieset li l-adozzjoni ta’ att delegat intiż għas-sospensjoni b’mod temporanju tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini Amerikani u Kanadiżi tkun kontroproduttiva u ma tikkontribwixxix sabiex jintlaħaq l-għan tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

    13.

    Fit‑22 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament, permezz ta’ riżoluzzjoni ġdida ( 10 ), sejjaħ għat-tieni darba lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, billi tadotta att delegat kif previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 intiż għas-sospensjoni b’mod temporanju tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorn qasir għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerika fid-dawl tal-ħtieġa ta’ viża imposta minn din tal-aħħar fuq iċ-ċittadini Bulgari, Kroati, Ċiprijotti u Rumeni.

    14.

    B’komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 ( 11 ), il-Kummissjoni esponiet mill-ġdid ir-raġunijiet li għalihom hija ma qisitx neċessarju f’dak il-mument li tadotta att delegat fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

    IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja u t‑talbiet tal‑partijiet

    15.

    Permezz ta’ att tal‑4 ta’ Marzu 2021, il-Parlament ippreżenta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, billi qies li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 ma jippermettix li l-Kummissjoni ma tadottax att delegat meta l-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ tali att ikunu ssodisfatti.

    16.

    Il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

    tikkonstata li billi ma adottatx l-att delegat skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806, il-Kummissjoni kisret it-Trattat; u

    tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

    17.

    Il-Kummissjoni titlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Parlament jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

    18.

    Permezz ta’ att separat tat‑18 ta’ Mejju 2021, il-Kummisjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Il-Parlament ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni fit‑28 ta’ Ġunju 2021.

    19.

    Fil‑21 ta’ Settembru 2021, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi eżaminata flimkien mal-mertu.

    20.

    Dwar l-ammissibbiltà, il-Kummissjoni tesponi li hija ħadet pożizzjoni b’mod validu, b’reazzjoni għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni magħmula mill-Parlament, billi adottat il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 bil-għan li twieġeb għal din is-sejħa. Hija targumenta, li billi ppreżenta t-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni matul is-sena 2020 li kellha l-istess kontenut bħal dik tas-sena 2017, il-Parlament evita t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 265 TFUE, li huwa ta’ ordni pubbliku. Hija żżid li jekk, skont l-interpretazzjoni tal-Parlament, hija kellha l-obbligu li tadotta att delegat sa mis-sena 2017, ma jistax ikun hemm it-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni minħabba r-riżultati tal-mezz diplomatiku użat u lanqas nuqqas kontinwu li tittieħed azzjoni li jiġġustifika azzjoni mibdija f’terminu raġonevoli matul is-sena 2020.

    21.

    Għall-kuntrarju, il-Parlament iqis li l-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, peress li hija rriproduċiet biss elementi mill-komunikazzjonijiet preċedenti tagħha. Barra minn hekk, huwa ppreċiża li t-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni tiegħu hija ammissibbli peress li l-Kummissjoni hija l-awtriċi ta’ nuqqas kontinwu li tittieħed azzjoni u li t-tieni sejħa hija differenti mill-ewwel waħda fil-kontenut tagħha. Huwa jżid li wara elezzjonijiet, il-kompożizzjoni tiegħu nbidlet bejn iż-żewġ riżoluzzjonijiet.

    22.

    Fuq il-mertu, il-Parlament isostni li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 ma jagħtix lill-Kummissjoni marġni ta’ manuvra la fir-rigward tal-possibbiltà li tadotta att delegat u lanqas fir-rigward tal-għażla tal-mument li fih dan l-att delegat intiż għas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini Amerikani għandu jiġi adottat, ladarba l-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Fil-fehma tiegħu, l-unika kundizzjoni sabiex tittieħed azzjoni hija l-kundizzjoni oġġettiva marbuta mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 24 xahar wara l-pubblikazzjoni tan-notifika prevista fil-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806. Din il-kundizzjoni unika ma hijiex ikkontestata mill-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament li ma tistax titqies bħala prerekwiżit għall-adozzjoni tal-att delegat, ħlief billi jiġi kkontestat, contra legem, l-obbligu li l-Kummissjoni għandha li tadotta dan l-att delegat fi tmiem it-terminu ta’ 24 xahar kif ukoll li l-Parlament u l-Kunsill jiġu mċaħħda mir-rwol tagħhom fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità billi dan il-mekkaniżmu jitwaqqaf fl-ewwel stadju tiegħu. Il-Parlament iżid li l-Kummissjoni ma tistax tinħeles mill-obbligu tagħha li tieħu azzjoni bl-assenza ta’ talba li jiġi adottat att delegat mill-Istati Membri kkonċernati.

    23.

    Il-Kummissjoni timmilita favur l-assenza ta’ obbligu inkundizzjonat li tieħu azzjoni minħabba l-kundizzjoni preliminari stabbilita fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 li timponilha, meta tikkunsidra miżuri ġodda skont il-punti (e), (f) jew (h) ta’ dan l-artikolu, li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, il-passi meħudin minnha stess fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, fid-dawl tal-istabbiliment mill-ġdid jew tal-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, kif ukoll il-konsegwenzi tas-sospensjoni ta’ din l-eżenzjoni fuq ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat. Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-formulazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 u mal-intenzjoni ta’ 21 Stat Membru espressa matul l-adozzjoni tar-Regolament 1289/2018 li stabbilixxa l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità. Hija żżid li l-mezz diplomatiku kien ta’ suċċess għaċ-ċittadini Pollakki u Kroati u li ebda wieħed mill-Istati Membri li għadhom ikkonċernati ma talabha l-adozzjoni tal-att delegat inkwistjoni.

    V. Analiżi

    A.   Osservazzjonijiet preliminari

    24.

    Sabiex jiġi trattat dan ir-rikors, jidhirli li huwa neċessarju li tiġi indirizzata kwistjoni ta’ interpretazzjoni ġenerali tar-Regolament 2018/1806 dwar il-marġni ta’ manuvra li l-Kummissjoni għandha fil-każ ta’ użu tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst fil-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tippermetti li wieħed jifhem ir-raġunijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni li jirrigwardaw, minn naħa, in-natura tardiva tar-rikors marbut mal-eżistenza ta’ sejħa għal teħid ta’ azzjoni preċedenti tal-Parlament matul is-sena 2017 li għandha kontenut simili ħafna għal dik sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors, u min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni tal-Kummissjoni li temm il-proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni.

    25.

    Infakkar li, billi jirriproduċi, dwar dan il-punt, il-progress introdott mir-Regolament Nru 1289/2013 fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001, ir-Regolament 2018/1806 jipprovdi passi gradwali meta pajjiż terz jimponi viżi għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha jew parti minnhom, filwaqt li huwa jkollu eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tiegħu stess min-naħa tal-Istati Membri kollha: dan huwa l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità.

    26.

    L-ewwel miżura possibbli tikkonsisti fl-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni li jissospendi għal sitt xhur, rinnovabbli, l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat ( 12 ).

    27.

    It-tieni miżura prevedibbli hija l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att delegat li jissospendi għal 12‑il xahar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ dan il-pajjiż terz ( 13 ).

    28.

    Fl-aħħar, jekk tibqa’ meħtieġa viża mill-pajjiż terz ikkonċernat wara sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan l-att delegat, il-Kummissjoni tista’ tippreżenta proposta leġiżlattiva intiża li temenda r-Regolament 2018/1806 sabiex temenda l-isem ta’ dan il-pajjiż terz ikkonċernat mil-lista ta’ pajjiżi eżentati mill-ħtieġa tal-viża prevista fl-Anness II ta’ dan ir-regolament għal dik tal-pajjiżi suġġetti għall-ħtieġa tal-viża prevista fl-Anness I tiegħu ( 14 ).

    29.

    Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex tadotta l-att delegat li jissospendi għa tnax‑il xahar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz jirriżulta mill-formulazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 li jistabbilixxi li, meta hija tqis li timplimenta waħda mill-miżuri msemmija fil-punti (e), (f) jew (h) ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni:

    l-effetti tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiżgura l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    il-passi meħuda mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid jew introdotta l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża ( 15 ), u

    il-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat.

    30.

    Il-Kummissjoni tqis li mill-formulazzjoni tal-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 jirriżulta li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni għaliex hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn it-tliet elementi li jikkostitwixxu kundizzjoni preliminari għall-adozzjoni tal-att delegat li jissospendi għal tnax‑il xahar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta’ dan il-pajjiż terz.

    31.

    Għall-kuntrarju, il-Parlament iqis li l-applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni preliminari u li l-unika marġni ta’ manuvra li għandha l-Kummissjoni tirrigwarda d-data li fiha jieħu effett l-att delegat li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża li għandha tieħu inkunsiderazzjoni r-riżorsi tal-konsulati tal-Istati Membri.

    32.

    Jidhirli li għall-kuntrarju ta’ dak li jargumenta l-Parlament, mill-qari konġunt tal-punti (d) u (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 jirriżulta li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni doppju, minkejja li l-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 jippreċiża li “l-Kummissjoni għandha tadotta att delegat”. Minn naħa, abbażi tal-prinċipju tal-użu tal-att delegat, hija għandha, qabel ma tadotta tali att, tieħu inkunsiderazzjoni elementi stabbiliti f’dan il-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7, u min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ meta jieħu effett l-att delegat, hija tista’ tistabbilixxi data fi żmien perijodu ta’ 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex tieħu inkunsiderazzjoni r-riżorsi tal-konsulati, kif irrikonoxxut mill-Parlament.

    33.

    Fil-fatt, waqt l-ewwel stadju tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, il-punt (e)(ii) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 jipprovdi li jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tissospendix l-eżenzjoni tal-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini għal sitt xhur, hija tippreżenta rapport lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-regolament li fih hija tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturii rilevanti kollha, fosthom dawk imsemmija fil-punt (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

    34.

    Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-iżvilupp ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, bl-adozzjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni jew att delegat li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċertu żmien waqt il-proċedura ta’ reviżjoni tar-Regolament Nru 539/2001, mibdija waqt is-sena 2011 ( 16 ), jimmilitaw ukoll f’dan is-sens għal nuqqas ta’ din is-sospensjoni tal-eżenzjoni awtomatika.

    35.

    Fil-fatt, dawn l-atti delegati jew dawn l-atti ta’ implimentazzjoni, li jikkorrispondu għall-ewwel jew it-tieni stadju tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, ma kinux previsti fil-Proposta tal‑2011 li kienet tindika biss, fir-raġunijiet tal-abbozz tagħha, li “[l]-mekkaniżmu ta’ reċiproċità inizjalment previst mir-Regolament [Nru 539/2001] kien jinkludi diġà ċertu proċess awtomatizzat: in-notifika f’każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità ma kinitx obbligatorja; l-Istat Membru kkonċernat kien jiddeċiedi b’mod liberu jinnotifikahomx jew le. Iżda jekk in-notifika kienet issir, l-Istati Membri kienu mbagħad ikunu marbutin li jimponu l-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat, provviżorjament u awtomatikament, 30 jum wara n-notifika, ħlief fil-każ ta’ deċiżjoni kuntrarju tal-Kunsill. Dan il-proċess awtomatizzat kien ikkunsidrat bħala l-punt dgħajjef tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità inizjali u għalhekk ġie abbandunat fl‑2005, peress li kien meqjus kontroproduttiv. Xejn ma jippermetti li wieħed jaħseb li huwa jkun iktar effettiv illum. Il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità attwali, kif emendat fl‑2005, huwa meqjus bħala globalment effettiv, u l-każijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità tnaqqsu kunsiderevolment. Il-każijiet residwi jikkorrispondu essenzjalment għal sitwazzjonijiet li fihom pajjiżi terzi jikkunsidraw li ċerti Stati Membri ma jissodisfawx il-kriterji oġġettivi ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dawn il-pajjiżi” ( 17 ). Għalhekk, waqt il-proċedura ta’ reviżjoni tar-Regolament Nru 539/2001, il-Kummissjoni ħadet b’mod ċar in-naħa favur iż-żamma ta’ nuqqas ta’ proċess awtomatizzat u pproponiet emenda tal-Artikolu 1(4)(ċ) ta’ dan ir-regolament sempliċement sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tat-Trattat ta’ Lisbona.

    36.

    Huwa matul id-diskussjonijiet mal-Kunsill li ħarġet l-idea li l-Kummissjoni tkun tista’, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, jew wara li jgħaddi ċertu terminu, fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fir-rigward ta’ reċiproċità, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi fuq ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, li essenzjalment jikkorrispondi għall-ewwel stadju tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità finalment adottat ( 18 ).

    37.

    F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni tenniet li l-proċess awtomatizzat tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża jkun kontroproduttiv u ċerti Stati Membri argumentaw opinjonijiet varji. B’hekk, Stat Membru qies din il-proposta ta’ kompromess interessanti, għaliex tippermetti li turi solidarjetà bejn Stat Membri vis‑à‑vis l-estern. Ieħor argumenta li rapport tal-Kummissjoni ma jistax ikun sinjal suffiċjenti għall-pajjiż terz u li l-Kummissjoni għandha tkun obbligata ssib soluzzjoni kemm fil-qasam tal-viżi kif ukoll f’qasam ieħor bħall-kummerċ jew it-trasport. Stat Membru aħħari kkritika l-approċċ sostnut bħala twil wisq u kumpless ( 19 ).

    38.

    Fir-realtà, l-Artikolu 1(4)(d) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 1289/2013, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċerti elementi qabel tieħu ċerti miżuri kif ukoll il-qsim tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità fi tliet stadji jirriżultaw essenzjalment minn emendi tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, għall-Ġustizzja u għall-Affarijiet Interni waqt l-eżami fil-Parlament tal-Proposta tal‑2011 ( 20 ), ibbażati fuq l-analiżi tar-relatur tiegħu li l-funzjonament tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità ma kienx sodisfaċenti ( 21 ). Madankollu, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament, li ntalab pożizzjoni, kien ħa pożizzjoni fl‑24 ta’ Novembru 2011 favur l-istatus quo dwar il-kwistjoni tal-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, billi adotta l-pożizzjoni inizjali tal-Kummissjoni ( 22 ).

    39.

    Minn dawn id-dibattiti jirriżulta li l-pożizzjonijiet relattivi għall-mekkaniżmu ta’ reċiproċità, il-proċess awtomatizzat tiegħu, l-istadji tiegħu, in-natura tal-atti adottati mill-Kummissjoni, it-termini li fihom jiġu adottati u l-possibbiltà li jinbdew negozjati f’oqsma oħra kienu differenti ħafna.

    40.

    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa importanti li jiġi nnotat, fl-ewwel lok, l-iżvilupp tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(4)(d) tar-Regolament Nru 539/2001 bejn l-emenda tal-Parlament li invoka biss: “meta tqis miżuri oħra, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tal-miżuri” u l-formulazzjoni finali li ġejja: “il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri”.

    41.

    Fit-tieni lok, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ 21 Stat Membru waqt l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1289/2013 li permezz tagħha indikaw li “[l]-emendi magħmula lir-Regolament [Nru 539/2001], b’mod partikolari dik li tirrigwarda l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità (Artikolu 1(1)) u dik relatata mal-klawżola sospensiva (Artikolu 1(2)), jista’ jkollhom konsegwenzi serji għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għalhekk, ninsistu fuq il-fatt li skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni għandhom, qabel l-adozzjoni ta’ kull proposta jew deċiżjoni, jeżaminaw bir-reqqa u jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi politiċi potenzjalment ħżiena li dawn il-proposti jew deċiżjonijiet jista’ jkollhom għar-relazzjonijiet esterni kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Dan japplika b’mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni mal-imsieħba strateġiċi. Inqisu li l-Kunsill għandu jiżgura li, sa fejn jirrigwardah, dawn l-obbligi jkunu osservati bis-sħiħ” ( 23 ).

    42.

    Barra minn hekk, inqis li l-pożizzjoni sostnuta mill-Kummissjoni, fl-okkażjoni tar-rikors tagħha għal annullament ippreżentat, b’mod partikolari, kontra l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1289/2013, li jemenda, fost oħrajn, l-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001 ( 24 ), li tipprovdi li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni kważi nulla sabiex tadotta l-att delegat, li kellu jwassal lill-Unjoni tagħżel att ta’ implimentazzjoni, ma hijiex deċiżiva f’dan ir-rikors.

    43.

    Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din il-kwistjoni ma kinitx rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni jaqax taħt l-Artikolu 290 TFUE jew taħt l-Artikolu 291 TFUE ( 25 ).

    44.

    Min-naħa l-oħra, sa mill-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat in-natura ta’ att delegat tal-att adottat abbażi tal-Artikolu 1(4)(f) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 1289/2013 [li sar il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806], il-Kummissjoni tista’ tuża l-marġni ta’ diskrezzjoni mħolli mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

    45.

    Għalhekk, huwa waqt li jittieħed inkunsiderazzjoni dan il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni li għandhom jiġu eżaminati r-raġunijiet ta’ inammissibbiltà.

    B.   Fuq l‑ammissibbiltà

    46.

    Il-Kummissjoni qajmet żewġ raġunijiet ta’ inammissibbiltà li jirrigwardaw, waħda, il-possibbiltà li tinbeda t-tieni proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni, minkejja li l-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni ma kinitx segwita minn kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u l-oħra, l-eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni li ttemm il-proċedura.

    1. Il‑possibbiltà ta’ sejħa għal teħid ta’ azzjoni ġdida wara li l-ewwel sejħa ma wasslitx għal kawża mressqa quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

    47.

    Fl-ewwel lok, ma hemmx dubju li r-riżoluzzjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑22 ta’ Ottubru 2020, bl-eċċezzjoni taż-żieda ta’ żewġ premessi ( 26 ) fit-tieni waħda, huma identiċi. L-ewwel premessa miżjuda (premessa J) ta’ din l-aħħar riżoluzzjoni ssaħħaħ biss l-argumenti mressqa fil-bqija tar-riżoluzzjoni (solidarjetà bejn Stati Membri ( 27 ), ċaħda ta’ drittijiet tal-Parlament u tal-Kunsill ( 28 )) mingħajr ma tressaq argument ġdid. Fir-rigward tat-tieni premessa miżjuda (premessa K), hija tfakkar biss il-funzjoni ta’ għassiesa tat-trattati tal-Kummissjoni u r-riskju li n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha jdgħajjef din il-funzjoni. Ma jidhirlix li din it-tfakkira ġenerali tista’ titqies bħala argument addizzjonali. Għalhekk, fiż-żewġ riżoluzzjonijiet, il-Parlament jikkritika lill-Kummissjoni l-istess nuqqas li tittieħed azzjoni għall-istess raġunijiet.

    48.

    F’dan ir-rigward, ftit huwa importanti li l-kompożizzjoni tal-Parlament inbidlet bejn iż-żewġ sejħiet għal teħid ta’ azzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, peress li dan huwa rikors istituzzjonali li jappartjeni fih innifsu għal kull istituzzjoni kkonċernata.

    49.

    Barra minn hekk, il-fatt li jeżisti, kif indikajt preċedentement, marġni ta’ manuvra għall-benefiċċju tal-Kummissjoni ma jippermettix li tiġi applikata b’analoġija l-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tikkonstata nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni għax ma jkunx ġie adottat att delegat, peress li l-obbligu li jiġi adottat tali att, mhux iktar tard mid-data indikata mill-att leġiżlattiv, kien ċar, preċiż u inkundizzjonat ( 29 ).

    50.

    Fil-fatt, fis-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni ( 30 ), il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 ( 31 ), li jistabbilixxi li “[m]hux aktar tard mit‑13 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati […] waqt li tispeċifika kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali”, sabiex tiddeċiedi li “[b]ilfors għandu jiġi kkonstatat li minn din id-dispożizzjoni jirriżulta espliċitament li l-Kummissjoni għandha obbligu ċar, preċiż u inkundizzjonat li tadotta atti delegati sabiex tispeċifika kriterji xjentifiċi għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, u dan mhux iktar tard mit‑13 ta’ Diċembru 2013” ( 32 ).

    51.

    Paradossalment, f’dan il-każ, il-Parlament jibbaża ruħu fuq din il-ġurisprudenza sabiex jikkritika lill-Kummissjoni għal nuqqas ta’ azzjoni tagħha, iżda mingħajr ma jislet konsegwenzi mill-abbandun jew min-nuqqas ta’ impenn fl-ewwel proċedura tiegħu għal nuqqas li tittieħed azzjoni, li seħħ wara t-tweġiba tal-Kummissjoni għas-sejħa tiegħu għal teħid ta’ azzjoni. Li kieku l-Kummissjoni kellha l-obbligu li tieħu azzjoni peress li dan tal-aħħar kien ċar, preċiż u inkundizzjonat, il-Parlament kien ikollu jsegwi l-proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni u jressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-terminu previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, mingħajr ma s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni ġdida tiegħu setgħet titqies bħala devjazzjoni ta’ dan it-terminu.

    52.

    Peress li f’dan il-każ l-obbligu li tittieħed azzjoni ma huwiex ċar, preċiż u inkundizzjonat għar-raġunijiet li ser ninvoka, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-terminu eżistenti bejn iż-żewġ sejħiet għal teħid ta’ azzjoni huwiex rilevanti fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors, u min-naħa l-oħra, jekk sejħa għal teħid ta’ azzjoni ġdida, simili għal waħda preċedenti kinitx possibbli.

    53.

    Fir-rigward tat-terminu għas-sejħa għal teħid ta’ azzjoni, fl-ewwel lok, jidher neċessarju li jsiru xi tfakkiriet kronoloġiċi.

    54.

    Fil-fatt, il-pubblikazzjoni prevista fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament Nru 539/2001, kif emendat mir-Regolament Nru 1289/2013 [li sar it-tielet subparagrafu tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806], seħħet fit‑12 ta’ April 2014 ( 33 ). Huwa minn din id-data li għandu jibda għaddej it-terminu ta’ sentejn li fi tmiem tiegħu l-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat skont il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806. Għalhekk, sa mill‑11 ta’ April 2016, il-Kummissjoni setgħet tadotta att delegat.

    55.

    Issa, il-Kummissjoni kkonkludiet il-komunikazzjoni tagħha tat‑12 ta’ April 2016 bi stedina lill-Parlament u lill-Kunsill “sabiex b’mod urġenti jniedu diskussjonijiet u biex jieħdu pożizzjoni dwar l-aħjar triq ’il quddiem, fid-dawl tal-valutazzjoni pprovduta minn din il-komunikazzjoni. Il-Parlament […] u l-Kunsill huma mistiedna jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom sa mhux aktar tard mit‑12 ta’ Lulju 2016”.

    56.

    Għalhekk, fl-iskadenza tat-terminu ta’ 24 xahar, il-Kummissjoni wriet b’mod ċar li hija ma kinitx tqis li tadotta att delegat fl-immedjat, iżda għall-kuntrarju, li hija kienet qed tistenna lill-Parlament u l-Kunsill jieħdu pożizzjoni dwar din il-kwistjoni qabel data preċiża.

    57.

    Fit‑13 ta’ Lulju 2016, u mbagħad fil‑21 ta’ Diċembru 2016 ( 34 ), il-Kummissjoni adottat żewġ komunikazzjonijiet ta’ segwitu ġodda għal dik tat‑12 ta’ April 2016 li fihom hija kkonstatat sforzi diplomatiċi magħmula sabiex tasal għall-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kkonċernati li jixtiequ jmorru fl-Istati Uniti.

    58.

    Kien biss fit‑2 ta’ Marzu 2017 li l-Parlament ivvota għall-ewwel riżoluzzjoni li tinkludi sejħa għal teħid ta’ azzjoni fir-rigward tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ att delegat.

    59.

    Infakkar li, l-Artikolu 265 TFUE ma jipprovdi ebda terminu bejn il-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ azzjoni u s-sejħa għal teħid ta’ azzjoni sabiex titressaq kawża għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, taħt piena ta’ dekadenza tar-rikors, is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni għandha tkun indirizzata lill-istituzzjoni kompetenti f’terminu raġonevoli wara l-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ azzjoni ( 35 ).

    60.

    Minkejja li huwa manifest li l-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni saret f’terminu raġonevoli, madankollu hija ma kiniet segwita minn ebda att min-naħa tal-Parlament, li kien kuntent bil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017 ( 36 ) li tfakkar l-isforzi diplomatiċi magħmula kif ukoll ir-riżultati miksuba u tindika li l-adozzjoni ta’ att delegat “tkun kontroproduċenti f’dan il-mument u ma sservix biex jintlaħaq l-objettiv ta’ vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-[Unjoni]”. Għalhekk, l-għażla tal-mezz diplomatiku sabiex tipprova ssolvi d-diffikultà kienet – tal-inqas b’mod impliċitu – approvata mill-Parlament. Madankollu, din l-aċċettazzjoni tal-mezz diplomatiku għad-detriment tal-adozzjoni ta’ att delegat hija definittiva?

    61.

    Jekk wieħed jibqa’ biss fuq il-kwistjoni tat-terminu, jidhirli li f’dan il-każ, tista’ tinsilet tagħlima mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tindika li r-rikorrent ma jistax jiġi kkritikat li ma aġixxiex f’terminu raġonevoli jekk, matul il-perijodu kkonċernat kollu, il-partijiet kellhom kuntatti frekwenti, b’tali mod li seta’ jaħseb li l-problema kienet ser tirċievi soluzzjoni favorevoli ( 37 ).

    62.

    Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali aċċettat sejħiet għal teħid ta’ azzjoni 26 jew 47 xahar wara l-preżentazzjoni ta’ lmenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, u kkunsidrat, għalhekk, li l-kalma tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi dawn l-ilmenti ma jistax jippreġudika lir-rikorrenti fir-rigward tat-terminu ( 38 ).

    63.

    Jekk wieħed ma jqisx, għall-finijiet tar-raġuament, l-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017, terminu ta’ iktar minn erba’ snin u nofs bejn il-komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016 – imsemmija fir-rikors tal-Parlament – u r-riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020 jista’, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ħafna tal-kawża, jitqies li jippermetti wkoll il-bidu ta’ kawża għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ħafna jkunu, f’dan il-każ, il-mezz diplomatiku magħżula mill-Kummissjoni li l-effett tagħha jista’ jiġi evalwat biss fuq perijodu pjuttost twil; l-aċċettazzjoni ta’ dan il-mezz bl-assenza ta’ rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni mill-Parlament fl‑2017; l-eżistenza ta’ laqgħat ta’ ħidma tripartiti regolari segwiti minn effetti favur ċerti ċittadini tal-Unjoni; il-komunikazzjonijiet regolari tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi tal-ħidma, kif ukoll il-pandemija tal-COVID‑19 fl‑2020 li rrendiet impossibbli ċ-ċaqliq trans-Atlantiku.

    64.

    Fit-tieni lok, ikolli tendenza nsegwi din l-idea ta’ nuqqas ta’ dekadenza tal-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni fuq kollox f’kuntest fejn is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni ġiet wara l-ewwel sejħa li ma kinitx segwita mill-preżentazzjoni ta’ rikors iktar minn tliet snin u nofs ilu f’dan il-kuntest speċifiku.

    65.

    Fil-fatt, l-ewwel tentattiv tal-Parlament ma jistax jitqies rinunzja impliċita li jaġixxi għal nuqqas li tittieħed azzjoni iktar tard fid-dawl tal-kuntest speċifiku tal-kawża peress li, kif diġà esponejt, il-mezz diplomatiku għas-soluzzjoni tal-kwistjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża huwa mezz li jieħu fit-tul.

    66.

    Fir-realtà, wieħed jista’ jmur ukoll iktar lil hinn billi jieħu bħala punt tat-tluq li jippermetti li jiġi deċiż jekk is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni saritx f’terminu raġonevoli, kull komunikazzjoni ġdida li permezz tagħha l-Kummissjoni tindika lill-Parlament u lill-Kunsill li hija tikkunsidra kontroproduttiva l-adozzjoni ta’ att delegat sabiex tagħti privileġġ lill-mezz diplomatiku.

    67.

    Għalhekk, jiena tal-fehma li t-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni setgħet tittieħed f’terminu raġonevoli fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża mfakkra fil-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kemm jekk wieħed jikkunsidra t-terminu li għadda sa mill-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni kif ukoll sa mill-aħħar komunikazzjoni tal-Kummissjoni fit‑23 ta’ Marzu 2020 ( 39 ) qabel din it-tieni sejħa għal teħid ta’ azzjoni.

    2. L‑eżistenza ta’ teħid ta’ pożizzjoni

    68.

    Fit-tieni lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 tikkostitwixxix teħid ta’ pożizzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

    69.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-adozzjoni mill-istituzzjoni msejħa li tieħu azzjoni ta’ att differenti minn dak li xtaq ir-rikorrent ma tikkostitwixxix nuqqas li tittieħed azzjoni ( 40 ).

    70.

    F’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tirrakkomanda l-użu ta’ mezz diplomatiku minflok l-adozzjoni ta’ att delegat tista’ tammonta għal teħid ta’ pożizzjoni li jirrendi dan ir-rikors inammissibbli.

    71.

    Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-istituzzjoni msejħa li tieħu azzjoni ma hijiex obbligata tadotta att tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE sabiex it-teħid ta’ pożizzjoni jkun validu u r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun inammissibbli ( 41 ). Għal dan il-għan, kull miżura adottata minn din l-istituzzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tiġi assimilata għal teħid ta’ pożizzjoni. F’dan il-każ, mingħajr ħsara għall-osservanza mill-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 tal-kundizzjonijiet sostantivi relatati ma’ dak li jista’ jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni, il-fatt li din il-komunikazzjoni ma hijiex att previst mid-dritt primarju, fir-rigward tal-forma, ma huwiex suffiċjenti sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ( 42 ).

    72.

    Fir-rigward tal-kundizzjonijiet sostantivi li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ “teħid ta’ pożizzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha aċċettazzjoni partikolarment wiesgħa dwar dak li jirrappreżenta teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE. F’dan ir-rigward, għandhom isiru żewġ kummenti.

    73.

    Minn naħa, il-fatt li l-istituzzjoni msejħa li tieħu azzjoni tibda l-proċess ta’ teħid ta’ pożizzjoni, mingħajr ma neċessarjament teħodha, jammonta madankollu għal teħid ta’ pożizzjoni u jirrendi r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni inammissibbli ( 43 ). F’dan il-każ, il-fatt li l-Kummissjoni kienet adottat il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 qabel ma adottat potenzjalment att delegat jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jagħmel parti mill-proċess integrali ta’ teħid ta’ pożizzjoni, u jista’, jekk ikun il-każ, skont il-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni, jiġi kkunsidrat bħala teħid ta’ pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE.

    74.

    Min-naħa l-oħra, anki teħid ta’ pożizzjoni parzjali jew indirett jammonta għal teħid ta’ pożizzjoni fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE ( 44 ). Fi kliem ieħor, jekk l-istituzzjoni mistennija li tadotta att tirregola s-sitwazzjoni parzjalment jew indirettament, mingħajr ma tagħti soluzzjoni kompluta, dan xorta jammonta għal teħid ta’ pożizzjoni, peress li l-att inkwistjoni jista’ jiġi kompletat fi stadju ulterjuri. F’dan il-każ, skont l-interpretazzjoni li ser tingħata lill-kontenut tal-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020, jista’ jkun li anki jekk din tal-aħħar tirregola biss indirettament jew parzjalment il-kwistjoni tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża, mingħajr ma tagħti soluzzjoni preċiża, ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jkun inammissibbli.

    75.

    Inżid żewġ elementi speċifiċi għal dan il-każ li jidhirli li huma importanti.

    76.

    L-ewwel, wara l-ewwel sejħa għal teħid ta’ azzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017, il-Parlament kien kuntent bil-komunikazzjoni tat‑2 ta’ Mejju 2017 ( 45 ) u ma pproċediex bl-azzjoni tiegħu għal nuqqas li tittieħed azzjoni billi ressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, huwa aċċetta, tal-inqas b’mod impliċitu, li din il-komunikazzjoni kienet tammonta għal teħid ta’ pożizzjoni.

    77.

    It-tieni, jeżisti preċedent li fih rikorrent aġixxa għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni minħabba assenza ta’ adozzjoni tal-att delegat previst fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 539/2001.

    78.

    It-tweġiba tal-Kummissjoni, li r-rikorrent qies mhux sodisfaċenti, kienet ibbażata fuq tliet elementi. Qabelxejn, il-Kummissjoni argumentat li hija kienet adottat diversi rapporti u komunikazzjonijiet fil-qasam tar-reċiproċità tat-tneħħija tal-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Membri fir-rigward ta’ diversi pajjiżi terzi, u kienet ukoll impenjat ruħha b’mod attiv sabiex tiżgura din ir-reċiproċità mingħajr limitu mal-Istati Uniti tal-Amerika. Imbagħad, hija esponiet li hija ma kinitx responsabbli mir-restrizzjonijiet ta’ aċċess għall-Istati Uniti sofferti mir-rikorrent u li s-sitwazzjoni tiegħu ma kinitx ser titjib bit-tneħħija tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini Amerikani. Fl-aħħar, il-Kummissjoni kkonkludiet favur l-inammissibbiltà ta’ eventwali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni fil-futur sa fejn l-att delegat mitlub ma kienx jirrigwarda direttament u individwalment lir-rikorrent. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet għalhekk ħadet pożizzjoni li rrendiet l-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni tar-rikorrent inammissibbli ( 46 ).

    79.

    Għalhekk jidhirli li huwa ċar, li f’dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, permezz tal-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020 fuq il-fatt li hija kompliet tagħti privileġġ lill-mezz diplomatiku sabiex tikseb ir-reċiproċità min-naħa tal-Istati Uniti tal-Amerika u li l-adozzjoni tal-att delegat mitlub kienet tkun kontroproduttiva għall-kisba tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jixtiequ jmorru f’dan il-pajjiż.

    80.

    Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li l-azzjoni għal nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Parlament hija inammissibbli.

    C.   Fuq l‑eżistenza ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni

    81.

    Madankollu, jidhirli li huwa neċessarju li jsir, sussidjarjament, eżami tal-kwistjoni tal-mertu tal-eżistenza jew le ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

    82.

    Kif esponejt fil-punti 32 sa 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, nikkunsidra li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tadotta jew le att delegat abbażi tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat bit-tliet kriterji stabbiliti fil-punt (d) ta’ dan l-artikolu.

    83.

    Għalhekk, huwa fid-dawl ta’ dawn it-tliet kriterji li għandha tiġi eżaminata l-eżistenza jew le ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

    84.

    L-ewwel kriterju huwa l-obbligu li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat fid-dawl li jiżgura l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża mal-pajjiż terz ikkonċernat.

    85.

    Il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 hija partikolarment sinjura dwar dan il-punt u tesponi li l-erba’ Stati Membri kkonċernati mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tagħhom b’destinazzjoni fl-Istati Uniti huma issa suġġetti għal pjanijiet ta’ ħidma speċifiċi li jindirizzaw id-dispożizzjonijiet li għandhom jittieħdu minn kull wieħed minnhom sabiex ikunu konformi mal-programm Amerikan ta’ eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

    86.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tippreżenta l-iżviluppi fir-rigward tar-rata ta’ rifjut ta’ viża għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri u tar-rekwiżiti fil-qasam ta’ sigurtà li huma elementi kruċjali għall-Istati Uniti tal-Amerika.

    87.

    It-tieni kriterju huwa l-obbligu li tieħu inkunsiderazzjoni l-passi meħuda mal-Istati Uniti tal-Amerika, b’mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, fid-dawl tal-istabbiliment mill-ġdid jew tal-introduzzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

    88.

    Minn naħa, il-Kummissjoni tikkonstata fid-dettall it-tliet laqgħat ta’ ħidma bilaterali jew tripartiti ta’ matul is-sena 2020, filwaqt li ppreċiżat li l-laqgħa bilaterali tax-xahar ta’ Mejju 2020 seħħet fuq livell ministerjali.

    89.

    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tesponi fil-komunikazzjoni tagħha tat‑22 ta’ Diċembru 2020, li minħabba l-perijodu tranżitorju ta’ wara l-elezzjoni fl-Istati Uniti, u l-istennija tal-istabbiliment tal-amministrazzjoni l-ġdida wara l-investitura tal-President il-ġdid li kienet prevista fl‑20 ta’ Jannar 2021, hija kellha tikkuntenta bl-iżvilupp, konġuntivament mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), ta’ proposta relatata ma’ programm trans-Atlantiku ġdid li jfakkar l-importanza tar-rabtiet trans‑Atlantiċi.

    90.

    B’hekk, il-Kummissjoni tiġġustifika l-passi meħuda fuq livell politiku sabiex tinkiseb l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għall-aħħar erba’ Stati Membri kkonċernati. Mill-banda l-oħra, l-argumenti dwar dan is-suġġetti kontenuti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhomx effett fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ nuqqas li tittieħed azzjoni, għaliex huma sussegwenti għat-teħid ta’ pożizzjoni tagħha dwar is-sejħa għal teħid ta’ azzjoni tal-Parlament.

    91.

    It-tielet kriterju jirrigwarda l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri mal-Istati Uniti tal-Amerika.

    92.

    Bid-differenza għall-komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016, li kienet tindirizza b’mod dettaljat ħafna l-konsegwenzi u l-impatt tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini u l-impriżi tal-Unjoni, il-komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020 għamlet biss rinviju għall-parti ta’ din l-ewwel komunikazzjoni relatata mal-kuntest. Imbagħad, il-Kummissjoni tindika, fil-konklużjonijiet tagħha, li hija tieħu inkunsiderazzjoni tal-fatt li s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini Amerikani “jkollha impatti negattivi sinifikanti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika u setturi, kif ukoll taffettwa b’mod negattiv il-kooperazzjoni trans-Atlantika u r-relazzjonijiet esterni […] ma’ sieħeb strateġiku. Dan jista’ jipperikola wkoll l-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-Istati Uniti għaċ-ċittadini l-oħra kollha tal-[Unjoni], jekk ikun hemm segwitu ripetut għall-indikazzjonijiet min-naħa tal-Istati Uniti, minħabba li s-sempliċi adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att delegat dwar is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tirriżulta minnufih fl-adozzjoni mill-Istati Uniti ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni, bl-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini kollha tal-[Unjoni]”. Għandu jiġi rrilevat li din it-theddida ta’ stabbiliment mill-ġdid tal-ħtieġa tal-viża hija marbuta biss mal-adozzjoni ta’ att delegat mill-Kummissjoni u mhux mad-dħul fis-seħħ tagħha, li huwa kundizzjonat mill-assenza ta’ oġġezzjoni mill-Parlament u mill-Kunsill ( 47 ).

    93.

    Għalhekk, inqis li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li hija kienet osservat id-dispożizzjonijiet tal-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806. Jirriżulta li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni għandu jiġi miċħud fil-mertu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ammissibbli.

    VI. Konklużjoni

    94.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

    Prinċipalment, ir-rikors huwa inammissibbli.

    Sussidjarjament, ir-rikors huwa miċħud.

    Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

    ( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU 2018, L 303, p. 39).

    ( 3 ) Regolament tal-Kunsill tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39).

    ( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU 2013, L 347, p. 74).

    ( 5 ) Ara l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

    ( 6 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata “Sitwazzjoni attwali u l-modi possibli ’l quddiem rigward is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ reċiproċità ma’ ċerti pajjiżi terzi fil-qasam tal-politika dwar il-viża” [COM(2016) 221 final], iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tat‑12 ta’ April 2016”.

    ( 7 ) Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ reċiproċità tat‑13 ta’ Lulju 2016 [COM(2016) 481 final]; tal‑21 ta’ Diċembru 2016 [COM(2016) 816 final]; tat‑2 ta’ Mejju 2017 [COM(2017) 227 final]; tal‑20 ta’ Diċembru 2017 [COM(2017) 813 final]; tad‑19 ta’ Diċembru 2018 [COM(2018) 855 final], u tat‑23 ta’ Marzu 2020 [COM(2020) 119 final].

    ( 8 ) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viżi b’konformità mal-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 593/2001 [2016/2986(RSP)], iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat‑2 ta’ Marzu 2017”.

    ( 9 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Kummissjoni wara r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑2 ta’ Marzu 2017 dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża u r-rappurtar dwar il-progress miksub [COM(2017) 227 final].

    ( 10 ) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viżi b’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1806 (2020/2605(RSP)), iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat‑22 ta’ Ottubru 2020”.

    ( 11 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tiddefinixxi il-pożizzjoni tal-Kumissjoni wara r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat‑22 ta’ Ottubru 2020 dwar l-obbligi tal-Kummissjoni fil-qasam tar-reċiproċità tal-viża u r-rapportar dwar il-progress attwali (COM(2020) 851 final), iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2020”.

    ( 12 ) Il-punt (e) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

    ( 13 ) Il-punt (f) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

    ( 14 ) Il-punt (h) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806.

    ( 15 ) Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament 2018/1806 b’rinviju.

    ( 16 ) Ara Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-Kunsill li jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u l-lista ta’ dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn din il-ħtieġa, ippreżentata fl‑24 ta’ Mejju 2011 [COM(2011) 290 final], iktar ’il quddiem il-“Proposta tal‑2011”.

    ( 17 ) Proposta tal‑2011, p. 6.

    ( 18 ) Ara r-rapport tal-laqgħa ta’ ħidma dwar il-viżi tas‑7 ta’ Frar 2012 tal-grupp “Visas”/Kumitat imħallat (UE‑Islanda/Norveġja u Svizzera/Liechtenstein), dokument 6807/12, disponibbli fl-indirezz elettroniku segwenti: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6807-2012-INIT/en/pdf, b’mod partikolari l-emenda proposta tal-Artikolu 1(4)(ċ) tar-Regolament Nru 539/2001 (p. 9).

    ( 19 ) Ara r-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1 (p. 8).

    ( 20 ) Ara r-Rapport dwar il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-Kunsill li jistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u l-lista ta’ dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn din il-ħtieġa (A7-0139/2013), disponibbli fl-interess elettroniku segwenti: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/A-7-2013-0139_FR.html#_section1.

    ( 21 ) Ara l-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament imdaħħla fir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet: “Rigward ir-reċiproċità nnifisha, huwa ċar li, minkejja d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni, is-sistema attwali kif emendata bir-Regolament Nru 851/2005 ma hijiex effikaċi. Minkejja li ma huwiex neċessarju li jerġa’ jiġi stabbilit il-mekkaniżmu inizjali previst mir-Regolament Nru 539/2001, għandha ssir reviżjoni fil-fond tal-mekkaniżmu attwali sabiex tiġi żgurata azzjoni unità u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri. Kunsiderazzjonijiet oħra bħar-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni, ma għandhomx jheddu l-pilastri fundamentali tal-politika komuni ta’ viżi”.

    ( 22 ) Ara l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin dwar il-Proposta tal‑2011 imdaħħla fir-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 23 ) Dikjarazzjoni disponibbli fl-indirizz elettroniku segwenti: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16088-2013-ADD-1-REV-1/fr/pdf.

    ( 24 ) Ara l-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499).

    ( 25 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 32).

    ( 26 ) Premessi J u K, li jfakkru l-kwistjoni ta’ solidarjetà u l-kwistjoni istituzzjonali tan-nuqqas li tittieħed azzjoni tal-Kummissjoni.

    ( 27 ) Ara l-premessa C tar-riżoluzzjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑22 ta’ Ottubru 2020.

    ( 28 ) Ara l-premessa E sa G tar-riżoluzzjonijiet tat‑2 ta’ Marzu 2017 u tat‑22 ta’ Ottubru 2020.

    ( 29 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (T‑521/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:976, punt 53).

    ( 30 ) T‑521/14, mhux ippubblikata,EU:T:2015:976.

    ( 31 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU 2012, L 167, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 280, p. 57).

    ( 32 ) Sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni (T‑521/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:976, punt 53).

    ( 33 ) Informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ notifiki magħmula mill-Istati Membri f’każ ta’ nuqqas ta’ reċiproċità, skont l-Artikolu 1(4)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 emendat mir-Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, C 111, p. 1).

    ( 34 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 35 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 1971, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (59/70, EU:C:1971:77, punt 19).

    ( 36 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 37 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Frar 1993, ENU vs Il-Kummissjoni (C‑107/91, EU:C:1993:56, punt 24). Fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza, it-terminu kien ta’ sittax-il xahar.

    ( 38 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 1998, Gestevisión Telecinco vs Il-Kummissjoni (T‑95/96, EU:T:1998:206, punt 80).

    ( 39 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 40 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ April 1993, Pesqueras Echebastar vs Il-Kummissjoni (C‑25/91, EU:C:1993:131, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tas‑7 ta’ Ottubru 2009, Vischim vs Il-Kummissjoni (T‑420/05, EU:T:2009:391, punt 255 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 41 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il-Kummissjoni (125/78, EU:C:1979:237, punti 1718).

    ( 42 ) Cazet, S., Le recours en carence en droit de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2012, punti 101 u 102, p. 76 sa 78.

    ( 43 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2003, CEVA vs Il-Kummissjoni (T‑344/00 u T‑345/00, EU:T:2003:40, punti 82 sa 84).

    ( 44 ) Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 1962, Acciaierie San Michele et vs L-Awtorità Għolja (5/62 sa 11/62 u 13/62 sa 15/62, EU:C:1962:46, p. 881).

    ( 45 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

    ( 46 ) Digriet tas‑16 ta’ Ottubru 2017, Salehi vs Il-Kummissjoni (T‑773/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:739, punti 5 u 15 sa 18).

    ( 47 ) Ara l-Artikolu 10(7) tar-Regolament 2018/1806: “Att delegat adottat skont il-punt (f) [tal-ewwel paragrafu] tal-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew […] jew mill-Kunsill fi żmien erba’ xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew […] u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew […] u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew […] jew tal-Kunsill”.

    Top