This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62021CC0124
Opinion of Advocate General Rantos delivered on 15 December 2022.#International Skating Union v European Commission.#Appeal – Competition – Rules introduced by an international sports association – Skating – Private law entity vested with regulatory, control and decision-making powers, and the power to impose sanctions – Rules on the prior approval of competitions, the participation of athletes in those competitions and the arbitration rules governing conflicts – Parallel pursuit of economic activities – Organisation and marketing of competitions – Article 101(1) TFEU – Decision by an association of undertakings adversely affecting competition – Concepts of anticompetitive ‘object’ and ‘effect’ – Justification – Conditions.#Case C-124/21 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
International Skating Union vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Regoli stabbiliti minn federazzjoni sportiva internazzjonali – Pattinaġġ fuq is-silġ – Entità rregolata mid-dritt privat li għandha setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni tal-atleti f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll l-arbitraġġ tat-tilwim – Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet ekonomiċi – Organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet.
Kawża C-124/21 P.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali A. Rantos, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
International Skating Union vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell – Kompetizzjoni – Regoli stabbiliti minn federazzjoni sportiva internazzjonali – Pattinaġġ fuq is-silġ – Entità rregolata mid-dritt privat li għandha setgħat regolatorji, ta’ kontroll, ta’ deċiżjoni u ta’ sanzjoni – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni tal-atleti f’dawn il-kompetizzjonijiet kif ukoll l-arbitraġġ tat-tilwim – Eżerċizzju parallel ta’ attivitajiet ekonomiċi – Organizzazzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet – Artikolu 101(1) TFUE – Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li għandha effett ħażin fuq il-kompetizzjoni – Kunċetti ta’ ‘għan’ u ta’ ‘effett’ antikompetittivi – Ġustifikazzjoni – Kundizzjonijiet.
Kawża C-124/21 P.
Court reports – general – 'Information on unpublished decisions' section
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:988
KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI
RANTOS
ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )
Kawża C‑124/21 P
International Skating Union
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Appell – Kompetizzjoni – Regoli stabbiliti minn federazzjoni sportiva internazzjonali li teżerċita b’mod parallel setgħa regolatorja u attività ekonomika – Regoli dwar l-awtorizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet, il-parteċipazzjoni tal-atleti fihom u l-arbitraġġ tat-tilwim – Artikolu 101(1) TFUE – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Ġustifikazzjoni”
I. Introduzzjoni
1. |
Permezz tal-appell tagħha, l-International Skating Union (l-Unjoni Internazzjonali ta’ Pattinaġġ, iktar ’il quddiem l-“UIP” jew l-“appellanti”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑16 ta’ Diċembru 2020, International Skating Union vs Il-Kummissjoni (T‑93/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:610), li permezz tagħha din il-qorti ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2017) 8230 final tal-Kummissjoni Ewropea tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT/40208 – Regoli ta’ Eliġibilità tal-Unjoni Internazzjonali tal-Pattinaġġ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”). |
2. |
B’mod parallel, ġie ppreżentat appell inċidentali intiż ukoll sabiex jinkiseb l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, miż-żewġ atleti li l-ilment oriġinali tagħhom wassal lill-Kummissjoni tiftaħ il-proċedura kontra l-UIP, jiġifieri s-Sur Tuitert u s-Sur Kerstholt, kif ukoll mill-European Elite Athletes Association (l-Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Atleti Elit), intervenjenti fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem l-“intervenjenti” u l-“appellanti fl-appell inċidentali”). |
3. |
L-istess bħall-Kawża C‑333/21, European Super League, li l-konklużjonijiet tiegħi qegħdin jiġu ppreżentati fl-istess jum, din il-kawża tinsab fil-qalba tal-problema ta’ relazzjonijiet u tar-rabta bejn id-dritt tal-kompetizzjoni u l-isport u tqajjem kwistjonijiet li, minbarra n-natura oriġinali ta’ wħud minnhom fuq il-livell ġuridiku, jippreżentaw ukoll importanza kbira minn perspettiva “eżistenzjali” għall-federazzjonijiet sportivi. |
II. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
4. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 37 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-bżonnijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, jinġabru fil-qosor kif ġej. |
A. Il‑kuntest fattwali
5. |
L-UIP hija l-unika federazzjoni sportiva internazzjonali rrikonoxxuta mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali fil-qasam tal-pattinaġġ artistiku u tal-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ. Hija komposta minn assoċjazzjonijiet (federazzjonijiet) nazzjonali ta’ pattinaġġ, li tagħhom klabbs u pattinaturi huma membri. |
6. |
L-Unjoni twettaq funzjoni doppja sa fejn, minn naħa, hija għandha l-għan li tirregola, torganizza, tamministra u tippromwovi l-pattinaġġ artistiku u l-pattinaġġ veloċi fuq is-silġ fuq skala dinjija, u min-naħa l-oħra, li teżerċita attività ekonomika konsistenti fl-organizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ. |
7. |
Fil-kuntest tal-funzjonijiet “regolatorji” tagħha, l-UIP ħarġet numru ta’ regoli, kodiċi u komunikazzjonijiet, fosthom ir-regoli segwenti. Ir-regoli ġenerali tal-UIP jinkludu regoli magħrufa bl-isem ta’ “regoli ta’ eliġibbiltà”, li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom atleti jistgħu jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ fuq is-silġ. Dawn ir-regoli ta’ eliġibbiltà jipprovdu li tali kompetizzjonijiet għandhom, minn naħa, ikunu ġew awtorizzati mill-UIP jew mill-membri tagħha, u min-naħa l-oħra, josservaw ir-regoli stabbiliti minn din il-federazzjoni. |
8. |
Fil-verżjoni tagħhom adottata matul is-sena 2014, l-imsemmija regoli ta’ eliġibbiltà kienu jinkludu, b’mod partikolari, ir-Regola 102(2)(ċ), ir-Regola 102(7) u r-Regola 103(2), li minnhom kien jirriżulta li fil-każ ta’ parteċipazzjoni ta’ atleta f’kompetizzjoni mhux awtorizzata mill-UIP jew minn wieħed mill-membri ta’ din il-federazzjoni, il-parti interessata kienet tesponi ruħha għal sanzjoni ta’ esklużjoni permanenti minn kull kompetizzjoni organizzata minnha. |
9. |
Huma kienu jinkludu wkoll ir-Regola 102(1)(a)(i), li tipprovdi li persuna “għandha l-privileġġ li tipparteċipa fl-attivitajiet u fil-kompetizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UIP jekk din il-persuna tosserva l-prinċipji u l-politiki [tagħha] kif ifformulati fl-istatuti [tagħha]”, u r-Regola 102(1)(a)(ii) li kienet tistipula li “l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura l-protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi u oħrajn tal-UIP, li tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi […] kif ukoll għas-sostenn jew għall-benefiċċju tal-membri [tagħha] u tal-pattinaturi tagħhom”. |
10. |
Matul is-sena 2016, ir-regoli ta’ eliġibbiltà kienu s-suġġett ta’ reviżjoni. |
11. |
Skont ir-Regola 102(7), kif tirriżulta minn din ir-reviżjoni, is-sanzjonijiet previsti fil-każ ta’ parteċipazzjoni ta’ atleta f’kompetizzjoni mhux awtorizzata mill-UIP huma ddeterminati skont il-gravità tal-ksur imwettaq u jinkludu twissija fil-każ tal-ewwel ksur, esklużjoni sa 5 snin fil-każ ta’ parteċipazzjoni negliġenti f’kompetizzjoni mhux awtorizzata, esklużjoni sa 10 snin fil-każ ta’ parteċipazzjoni konxja f’tali kompetizzjoni u esklużjoni permanenti fil-każ ta’ ksur meqjus “serju ħafna”. |
12. |
Barra minn hekk, ir-Regola 102(1)(a)(ii), kif tirriżulta mill-imsemmija reviżjoni, ma baqgħetx tirreferi għall-protezzjoni adegwata tal-interessi ekonomiċi tal-UIP u minflok, tistabbilixxi li “l-kundizzjoni għall-eliġibbiltà hija maħsuba sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-valuri etiċi, tal-għanijiet statutorji u ta’ interessi leġittimi oħra” ta’ din il-federazzjoni, li “tuża d-dħul finanzjarju tagħha għall-amministrazzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi […] kif ukoll għas-sostenn jew għall-benefiċċju tal-membri [tagħha] u tal-pattinaturi [tagħhom]”. |
13. |
B’mod parallel għal dawn ir-regoli differenti, l-Artikolu 25 tal-istatuti tal-UIP, kif applikabbli sa mit‑30 ta’ Ġunju 2006, jipprevedi l-possibbiltà, għall-atleti li għandhom l-intenzjoni jikkontestaw deċiżjoni ta’ ineliġibbiltà li tikkonċernahom, li jippreżentaw, b’mod esklużiv, rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (iktar ’il quddiem il-“QAS”) stabbilita f’Lausanne (l-Isvizzera). |
14. |
Fil‑25 ta’ Ottubru 2015, l-UIP ippubblikat il-Komunikazzjoni Nru 1974 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Nru 1974”), intitolata “Kompetizzjonijiet Internazzjonali Miftuħa”, li tiddefinixxi l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni internazzjonali ta’ pattinaġġ fuq is-silġ u li hija applikabbli kemm għall-membri ta’ din il-federazzjoni kif ukoll għall-organizzaturi terzi. |
15. |
Din il-komunikazzjoni tistabbilixxi li dawn il-kompetizzjonijiet kollha għandhom ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mill-UIP u jiġu organizzati konformement mar-regoli stabbiliti minn din il-federazzjoni. L-imsemmija komunikazzjoni telenka, barra minn hekk, sensiela sħiħa ta’ rekwiżiti ġenerali, finanzjarji, tekniċi, sportivi u etiċi li kull organizzatur ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ fuq is-silġ huwa obbligat jikkonforma ruħu magħhom. Dawn jipprovdu, b’mod partikolari, li kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn informazzjoni teknika u sportiva (post tal-kompetizzjoni, l-ammont ta’ premjijiet li ser jingħataw, pjanijiet finanzjarji, baġit u kopertura televiżiva, eċċ.), li kull organizzatur għandu jippreżenta dikjarazzjoni li tikkonferma li jaċċetta l-kodiċi tal-etika tal-UIP u li din tal-aħħar tista’ titlob informazzjoni addizzjonali dwar dawn l-elementi differenti. Kif jirriżulta mill-Artikolu 4(h) tal-Kodiċi tal-Etika tal-UIP, kif applikabbli sa mill‑25 ta’ Jannar 2012, kull organizzatur għandu b’mod partikolari “joqogħdu lura milli jipparteċipaw [joqgħod lura milli jipparteċipa] fi kwalunkwe forma ta’ mħatri jew milli jappoġġjaw [jappoġġja] kwalunkwe forma ta’ mħatri jew ta’ logħob tal-ażżard marbut ma’ kwalunkwe kompetizzjoni jew attività li taqa’ taħt il-kompetenza” ta din il-federazzjoni. |
16. |
B’mod korrelattiv, il-Komunikazzjoni Nru 1974 tawtorizza lill-UIP taċċetta jew tiċħad applikazzjoni għal awtorizzazzjoni abbażi kemm tar-rekwiżiti msemmija f’din il-komunikazzjoni kif ukoll tal-għanijiet fundamentali mfittxija minn din il-federazzjoni, kif iddefiniti b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tal-istatuti tagħha. F’każ ta’ ċaħda, l-organizzatur jista’ jappella quddiem il-QAS, skont ir-regoli proċedurali tal-UIP. |
17. |
Fl-aħħar nett, din il-komunikazzjoni tipprovdi li kull organizzatur ta’ kompetizzjoni ta’ pattinaġġ fuq is-silġ għandu jħallas kontribuzzjoni ta’ solidarjetà lill-UIP, li l-ammont tagħha huwa ddeterminat każ b’każ u hija intiża għall-promozzjoni u għall-iżvilupp tad-dixxiplini sportivi fuq imsemmija minn din il-federazzjoni. |
B. Il‑proċedura amministrattiva u d‑deċiżjoni kontenzjuża
18. |
Fit‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li tirrigwarda kemm ir-regoli tal-UIP adottati matul is-sena 2014 kif ukoll dawk li jirriżultaw mir-reviżjoni li seħħet matul is-sena 2016. |
19. |
F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, iddefinixxiet is-suq ikkonċernat bħala s-suq dinji tal-organizzazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ. Din l-istituzzjoni rrilevat ukoll li l-UIP kellha l-kapaċità li tħalli impatt sostanzjali fuq il-kompetizzjoni f’dan is-suq minħabba l-kwalità doppja tagħha ta’ entità li għandha s-setgħa li tawtorizza l-kompetizzjonijiet internazzjonali relatati miegħu u ta’ entità responsabbli mill-organizzazzjoni tal-iktar kompetizzjonijiet importanti. |
20. |
Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li l-UIP setgħet tiġi meqjusa bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi u li r-regoli adottati minnha kienu jikkostitwixxu deċiżjoni li toriġina minn tali assoċjazzjoni ta’ impriżi, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. |
21. |
Fit-tielet lok, din l-istituzzjoni qieset li r-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti mill-UIP kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għar-raġuni, essenzjalment, li l-eżami tal-kontenut ta’ dawn ir-regoli, tal-għanijiet tagħhom kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jaqgħu, wera li setgħu jintużaw sabiex jipprekludu l-organizzaturi potenzjali ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali ta’ pattinaġġ veloċi fuq is-silġ kompetituri tal-UIP milli jaċċedu għas-suq ikkonċernat u li kienu ta’ natura li jirrestrinġu l-possibbiltajiet, għall-pattinaturi veloċi professjonali, li jipparteċipaw liberament f’tali kompetizzjonijiet kif ukoll iċaħħdu l-organizzaturi potenzjali tagħhom mis-servizzi tal-atleti li l-preżenza tagħhom hija neċessarja sabiex dawn isiru. |
22. |
Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni osservat li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti tar-regoli inkwistjoni fuq il-kompetizzjoni, qabel ma esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li dawn ir-regoli kellhom ukoll effetti antikompetittivi. |
23. |
Fil-ħames lok, hija qieset, essenzjalment, li l-imsemmija regoli ma setgħux jitqiesu li jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għar-raġuni li kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi u proporzjonati għal dawn tal-aħħar, b’tali mod li għandhom jiġu kklassifikati, fid-dawl tal-għan tagħhom kif ukoll tal-effetti antikompetittivi tagħhom, bħala restrizzjonijiet ipprojbiti minn din id-dispożizzjoni. |
24. |
Fis-sitt lok, il-Kummissjoni qieset li r-regoli adottati mill-UIP fil-qasam tal-arbitraġġ ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda li f’dan il-każ, huma kienu jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li kienet tirriżulta mir-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ awtorizzazzjoni stabbiliti minn din il-federazzjoni. |
25. |
Fis-seba’ u l-aħħar lok, hija qieset li dawn ir-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ awtorizzazzjoni ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 101(3) TFUE sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni skont din id-dispożizzjoni, li kienu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li kellhom effetti kemm fl-Unjoni kif ukoll fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u li kien neċessarju li l-UIP tiġi ordnata ttemm il-ksur hekk ikkaratterizzat taħt piena ta’ pagament ta’ penalità, mingħajr madankollu ma imponitilha multa fid-dawl, b’mod partikolari, tal-assenza ta’ “preċedent” deċiżjonali f’dan il-qasam. |
26. |
Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kontenzjuża jinkludi Artikolu 1, li jipprovdi li l-UIP “kisret l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] meta adottat u applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari r-Regoli 102 u 103 tar-Regoli Ġenerali […] tal‑2014 u tal‑2016, għall-pattinaġġ veloċi”. Huwa jinkludi wkoll Artikolu 2 li jordna lil din il-federazzjoni ttemm dan il-ksur u tastjeni milli tirrepetih, kif ukoll Artikolu 4 li jipprovdi l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-ordnijiet. |
C. Il‑proċedura ġudizzjarja u s‑sentenza appellata
27. |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Frar 2018, l-UIP talbet l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija invokat tmien motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni sal-ħames, fuq il-ksur tal-Artikolu 101 TFUE sa fejn dan l-artikolu ġie applikat għar-regoli ta’ eliġibbiltà u awtorizzazzjoni tagħha ( 2 ), is-sitt, fuq il-ksur tal-imsemmi artikolu sa fejn dan ġie applikat għar-regoli tagħha fil-qasam tal-arbitraġġ, u s-seba’ u t-tmien, fuq in-natura illegali tal-ordnijiet kif ukoll tal-pagamenti ta’ penalità imposti fuqha. |
28. |
Fis‑16 ta’ Diċembru 2020, il-Qorti Ġenerali adottat is-sentenza appellata, li fiha ddeċidiet, essenzjalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ivvizzjata b’illegalità sa fejn kienet tirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà u ta’ awtorizzazzjoni tal-UIP iżda li hija kienet illegali sa fejn kienet tikkonċerna r-regoli stabbiliti minn din il-federazzjoni fil-qasam tal-arbitraġġ. |
D. It‑talbiet tal‑partijiet
1. It‑talbiet relatati mal‑appell
29. |
Permezz tal-appell tagħha, l-UIP titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
30. |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u UIP tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
31. |
L-intervenjenti jitolbu li l-appell jiġi miċħud. |
2. It‑talbiet relatati mal‑appell inċidentali
32. |
Permezz tal-appell inċidentali tagħhom, l-appellanti fl-appell inċidentali jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
33. |
Il-Kummissjoni titlob li l-appell inċidentali jintlaqa’ u li UIP tiġi kkundannata għall-ispejjeż. |
34. |
L-UIP titlob li l-appell inċidentali jiġi miċħud u li l-intervenjenti jiġu kkundannati għall-ispejjeż. |
III. Analiżi tal‑appell
A. Osservazzjonijiet preliminari
35. |
Qabel ma nipproċedi bl-eżami tal-appell, jidhirli li huwa utli li jiġi ċċarat il-kuntest analitiku li għandu jiġi applikat waqt l-analiżi ta’ regoli maħruġa minn federazzjonijiet sportivi fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
1. Fuq l‑applikazzjoni tal‑Artikolu 101(1) TFUE għar‑regoli adottati minn federazzjonijiet sportivi
36. |
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżerċizzju tal-isport jaqa’ taħt ir-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni sa fejn jikkostitwixxi attività ekonomika ( 3 ). Minn dan isegwi li r-regoli ta’ korpi governattivi tal-isport bħal dawk tal-UIP ma humiex esklużi, bħala prinċipju, mill-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ( 4 ). |
37. |
Madankollu, kull miżura meħuda minn federazzjoni sportiva li jista’ jkollha effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni ma taqax neċessarjament taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal każ partikolari, qabelxejn, għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest globali li fih din il-miżura ttieħdet jew għandha l-effetti tagħha, u b’mod partikolari, tal-għanijiet tagħha ( 5 ). |
38. |
Għalhekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni għar-regoli stabbiliti minn federazzjonijiet sportivi, ir-riferimenti għall-karatteristiċi speċifiċi tal-isport li jinsabu fl-Artikolu 165 TFUE jistgħu jirriżultaw rilevanti, b’mod partikolari għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ eventwali ġustifikazzjonijiet ta’ restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 6 ). |
39. |
Għalhekk, meta l-effetti restrittivi li jirriżultaw minn regola kontenzjuża ta’ federazzjoni sportiva setgħu jitqiesu raġonevolment bħala neċessarji sabiex jiżguraw għan leġittimu “sportiv” u jekk l-imsemmija effetti ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tiġi żgurata t-tfittxija ta’ dan l-għan, dawn il-miżuri ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) TFUE ( 7 ). |
40. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-analiżi ta’ restrizzjonijiet anċillari u l-kwistjoni dwar jekk aġir partikolari huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE għar-raġuni li huwa proporzjonat għall-għan leġittimu li huwa jfittex hija distinta minn dik dwar jekk dan l-aġir għandux l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Kif jirriżulta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss wara li tkun ikkonstatat, fl-ewwel stadju, li miżura tista’ tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE – mingħajr madankollu ma tkun waslet għal konstatazzjoni espliċita ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew ir-riżultat tagħha – li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina, fit-tieni stadju, jekk l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni, humiex inerenti għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi u proporzjonati, sabiex tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE ( 8 ). |
41. |
Għall-kuntrarju tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni fi-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat flimkien it-tieni motiv tar-rikorrenti, li jirrigwarda l-konstatazzjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u t-tielet u r-raba’ motiv, relatati mal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hijiex inerenti u proporzjonata għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi ( 9 ). |
42. |
Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “restrizzjoni anċillari” ma timplikax l-ibbilanċjar ta’ effetti prokompetittivi u antikompetittivi, peress li din l-analiżi tista’ ssir biss fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 101(3) TFUE ( 10 ). Isegwi li t-teorija ta’ restrizzjonijiet anċillari tista’ tirriżulta partikolarment rilevanti fil-każ ta’ regoli maħruġa minn federazzjonijiet sportivi sa fejn il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE donnhom huma iktar diffiċli li jiġu ssodisfatti minn dawk previsti fis-sentenza Meca‑Medina ( 11 ). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sabiex tibbenefika minn eżenzjoni individwali abbażi tal-Artikolu 101(3) TFUE, miżura għandha tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi previsti f’dan l-artikolu u li hija l-parti li allegatament kisret ir-regoli ta’ kompetizzjoni li għandha turi li effetti prokompetittivi fil-forma ta’ żidiet fl-effiċjenza, marbuta prinċipalment ma’ vantaġġi ekonomiċi – bħall-ħolqien ta’ żieda fil-valur permezz ta’ tnaqqis tal-ispiża ta’ produzzjoni jew it-titjib u l-ħolqien ta’ prodott ġdid – jegħlbu l-effetti restrittivi ta’ ftehim. |
43. |
Fl-aħħar nett, meta r-restrizzjonijiet imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiżguraw it-twettiq tal-għan leġittimu mfittex, għandhom jiġu analizzati l-effetti fuq il-kompetizzjoni skont l-analiżi klassika tal-Artikolu 101(1) TFUE, mingħajr l-esklużjoni tal-possibbiltà ta’ eventwali ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE ( 12 ). |
2. Fuq l‑obbligi li għandha federazzjoni sportiva li għandha setgħa ta’ awtorizzazzjoni u monopolju ta’ organizzazzjoni ta’ avvenimenti sportivi
44. |
Fid-dawl tar-rwol tradizzjonalment mogħti lill-federazzjonijiet sportivi, dawn huma esposti għal riskju ta’ kunflitt ta’ interessi li jirriżultaw mill-fatt li, minn naħa, huma għandhom setgħa regolatorja, u li min-naħa l-oħra u fl-istess waqt, huma jiżguraw attività ekonomika. |
45. |
Minħabba dan, meta din is-setgħa ma tkunx suġġetta għal limiti, obbligi jew stħarriġ, il-federazzjoni sportiva li għandha l-imsemmija setgħa tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni billi tirrifjuta l-aċċess ta’ operaturi oħra fis-suq ikkonċernat billi tiffavorixxi l-kompetizzjoni(jiet) li hija torganizza. Issa, sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni tista’ tiġi ggarantita biss jekk tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-possibbiltà bejn l-operaturi ekonomiċi differenti ( 13 ). |
46. |
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi, billi enfasizzat in-neċessità li dan il-kumulu jiġi ssuġġettat għal serje ta’ limiti u stħarriġ, b’mod partikolari billi tillimita l-possibbiltà li federazzjoni sportiva tuża s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sanzjoni tagħha permezz ta’ kriterji trasparenti, oġġettivi, nondiskriminatorji u proporzjonati sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu mhux etiku billi tiffavorixxi l-attività ekonomika tal-persuna interessata jew tisfavorixxi dik tal-kompetituri tagħha, jiġifieri teskludi kull kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija prinċipalment ibbażata fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meħuda mis-sentenzi MOTOE u OTOC ( 14 ). |
47. |
F’dan il-każ, peress li l-UIP torganizza hija stess kompetizzjonijiet u għandha wkoll is-setgħa li tawtorizza l-kompetizzjonijiet organizzati minn terzi, bilfors għandu jiġi kkonstatat li din is-sitwazzjoni tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, li jimplika li din il-federazzjoni tkun suġġetta għal ċerti obbligi fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji tagħha sabiex ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
48. |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li ċ-ċirkustanza waħedha li l-istess entità teżerċita fl-istess waqt il-funzjonijiet ta’ regolatur u ta’ organizzatur ta’ kompetizzjonijiet sportivi ma timplikax, fiha nnifisha, ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, u mingħajr ma huwa neċessarju li ssir separazzjoni strutturali bejn dawn iż-żewġ funzjonijiet, jirriżulta li l-obbligu prinċipali li għandha federazzjoni sportiva li tinsab fil-pożizzjoni tal-UIP huwa li tiżgura li dawn it-terzi ma jkunux indebitament imċaħħda minn aċċess għas-suq sal-punt li tinħoloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. |
49. |
Għalhekk, il-federazzjonijiet sportivi jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jirrifjutaw l-aċċess għas-suq lil terzi, mingħajr ma dan jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, sakemm dan ir-rifjut ikun iġġustifikat minn għanijiet leġittimi u l-miżuri meħuda minn dawn il-federazzjonijiet ikunu proporzjonati meta mqabbla mal-imsemmija għanijiet. |
B. Fuq l‑ewwel aggravju tal‑appell prinċipali u fuq it‑tieni aggravju tal‑appell inċidentali
1. Osservazzjonijiet preliminari
50. |
Permezz tat-tliet partijiet tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-UIP tikkontesta l-parti tas-sentenza appellata li tikkonferma l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan mhux iġġustifikata, fir-rigward tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u tal-klawżola ta’ esklużività akkumpanjata minn sanzjonijiet stabbiliti mir-regoli tagħha. B’mod iktar partikolari, hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali:
|
51. |
Permezz tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali tagħhom, l-intervenjenti jikkontestaw ukoll il-parti tas-sentenza msemmija mit-tielet parti tal-ewwel aggravju, minn angolu differenti, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li l-aġir tal-UIP li tfittex li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha stess ma għandux għan antikompetittiv fih innifsu. |
52. |
Il-kwistjoni prinċipali mqajma minn dawn l-aggravji, li għandhom diversi elementi li jikkoinċidu, hija essenzjalment, dik dwar jekk il-Qorti Ġenerali interpretatx l-Artikolu 101(1) TFUE mingħajr żball ta’ liġi, billi kkonfermat id-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet ikkonkludiet l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
53. |
Għalhekk ser neżamina dawn l-aggravji u partijiet flimkien, filwaqt li nindika fl-analiżi li ġejja, fejn neċessarju, il-punti speċifiċi għal uħud minn dawn l-aggravji jew partijiet. |
2. Fuq l‑ammissibbiltà
54. |
Qabel ma nipproċedi bl-analiżi tal-ewwel aggravju, għandhom, qabelxejn, jiġu miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti fir-rigward tal-ewwel parti u ta’ parti mit-tielet parti tal-ewwel aggravju. |
55. |
Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu dawn il-partijiet, l-argument tal-UIP ma jikkostitwixxix talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti ppreżentata bħala allegati żbalji ta’ liġi. Fil-fatt, dan l-argument jirrigwarda kwistjoni ta’ liġi u, b’mod iktar preċiż, l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-Artikolu 101(1) TFUE, sa fejn l-UIP issostni li l-Qorti Ġenerali sostniet kriterju legali żbaljat għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet relatati mal-konstatazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. |
56. |
Imbagħad, għal raġunijiet analogi, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UIP fir-rigward tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali. Fil-fatt, l-argument tal-intervenjenti ma jirrigwardax kwistjoni fattwali iżda evalwazzjoni purament legali mwettqa mill-Qorti Ġenerali. Kif ippreċiżat fil-punt 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-intervenjenti jinvokaw żball ta’ liġi, billi jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-UIP tinsab f’sitwazzjoni differenti minn kull impriża oħra u għalhekk il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tagħha kienet leġittima. |
57. |
Fl-aħħar nett, għandha tiġi miċħuda t-talba tal-UIP li dan l-aggravju jiġi ddikjarat bħala ineffettiv għar-raġuni li, indipendentement mill-problema invokata mill-intervenjenti, il-Qorti Ġenerali kkonfermat fl-aħħar mill-aħħar il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Fil-fatt, it-tieni aggravju tal-appell inċidentali jirrigwarda kwistjoni marbuta mal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ din il-kawża, u mal-problema iktar ġenerali tal-prevenzjoni tar-riskju ta’ kunflitt ta’ interessi. |
3. Fuq il‑mertu: il‑konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal‑kompetizzjoni minħabba l‑għan
a) Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l‑isfumaturi tal‑kunċett ta’ “għan antikompetittiv” fis‑sens tal‑Artikolu 101(1) TFUE
58. |
Sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma għandu jkollha “bħala għan jew riżultat” li tipprekludi, tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
59. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan u l-effett antikompetittiv ta’ ftehim huma kundizzjonijiet mhux kumulattivi, iżda alternattivi sabiex jiġi evalwat jekk tali ftehim jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-bżonn li jiġi kkunsidrat qabelxejn l-għan stess tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih huwa għandu jiġi applikat ( 16 ). |
60. |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jiżvelaw grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex ikun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju ( 17 ). Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni ( 18 ). |
61. |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-effetti ta’ ftehim meta jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ dan tal-aħħar ( 19 ). Fl-ipoteżi fejn l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni, ikun jaqbel, għall-kuntrarju, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tkun ipprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li effettivament kien hemm jew prevenzjoni jew restrizzjoni jew inkella distorsjoni kunsiderevoli tal-kompetizzjoni ( 20 ). |
62. |
Sabiex jiġi evalwat jekk deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi tippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jiġi kkunsidrat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tagħha, l-għanijiet li hija maħsuba li tilħaq kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li tkun teżisti fih ( 21 ). |
63. |
Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, għandha issa tiġi indirizzata l-analiżi magħmula mill-Qorti Ġenerali, sabiex jiġi ddeterminat jekk din tal-aħħar ikkunsidratx, ġustament, li r-regoli tal-UIP jilħqu grad ta’ dannu tali li l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni setgħu jiġu preżunti. |
b) Fuq l‑evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ restrizzjoni minħabba l‑għan f’dan il‑każ
64. |
Nipproponi li jiġi segwit il-qafas ta’ analiżi “klassiku” għall-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, billi tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali tal-kontenut (Taqsima 1) u tal-għanijiet (Taqsima 2) tar-regoli ta’ eliġibbiltà, li ser twassalni għal konklużjoni preliminari (Taqsima 3) qabel ma nindirizza, fit-tieni lok, l-argumenti mressqa mill-appellanti relatati mal-iżbalji allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-kuntest ġuridiku (Taqsima 4) u ekonomiku (Taqsima 5) u r-rifjut li tieħu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni tal-partijiet. |
1) Fuq l‑analiżi tal‑kontenut tar‑regoli ta’ eliġibbiltà
65. |
Għandu jitfakkar, preliminarjament, li mill-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-regoli tal-UIP li kienu fis-seħħ qabel l-modifiki introdotti matul is-sena 2016 u l-pubblikazzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974 ma kienu jipprevedu ebda kriterju ta’ awtorizzazzjoni għall-kompetizzjonijiet li terzi kellhom l-intenzjoni jorganizzaw u li kwalunkwe parteċipazzjoni f’avvenimenti ta’ terzi kienet suġġetta għal sanzjoni ta’ esklużjoni permanenti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li qabel il-pubblikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni, l-appellanti kienet tgawdi diskrezzjoni totali sabiex tirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ tali kompetizzjonijiet ( 22 ). |
66. |
L-adozzjoni tal-Komunikazzjoni Nru 1974 immodifikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà billi stabbilixxiet il-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex organizzatur terz ikun jista’ jikseb l-awtorizzazzjoni li jorganizza kompetizzjoni fil-kuntest tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel, billi introduċiet, għal dan il-għan, ċertu numru ta’ rekwiżiti ta’ natura ġenerali, finanzjarja, teknika, sportiva u etika ( 23 ). Minkejja l-modifiki magħmula minn din il-komunikazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li s-setgħa diskrezzjonali tal-UIP ma kinitx immodifikata sostanzjalment. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li l-UIP tkompli tgawdi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li jippermettilha tirrifjuta l-aċċess għas-suq ta’ kull kompetitur abbażi ta’ kundizzjonijiet deskritti b’mod vag, inkluż għal raġunijiet mhux espliċitament previsti fir-regoli ta’ eliġibbiltà jew fil-Kodiċi tal-Etika, li jista’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut għal raġunijiet illeġittimi ( 24 ). Barra minn hekk, l-UIP timponi, jew thedded li timponi, sanzjonijiet severi fuq il-pattinaturi li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet organizzati minn kompetituri li ma humiex awtorizzati. |
67. |
Huwa abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, peress li l-analiżi tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja kkonċentrat, minn naħa, fuq il-kriterji ta’ awtorizzazzjoni ( 25 ) u, min-naħa l-oħra, fuq is-severità tas-sanzjonijiet previsti minn dawn ir-regoli ( 26 ), liema aspetti ser neżamina separatament hawn taħt. |
i) Fuq il‑kriterji ta’ awtorizzazzjoni previsti mir‑regoli ta’ eliġibbiltà
68. |
Qabelxejn, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kriterju ġuridiku essenzjali sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jinsab fil-konstatazzjoni li ftehim għandu, fih innifsu, grad suffiċjenti ta’ dannu għall-kompetizzjoni sabiex jitqies li ma hemmx bżonn li jitfittxu l-effetti tiegħu ( 27 ). Għalhekk, tali konstatazzjoni għandha tkun limitata għall-forom ta’ koordinazzjoni li jistgħu jitqiesu, minħabba n-natura tagħhom stess, bħala ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni ( 28 ) u li n-natura dannuża tagħhom hija faċilment identifikabbli ( 29 ), li jimponi interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” ( 30 ). |
69. |
Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li sabiex jiġi ġġustifikat li ftehim jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, mingħajr ma tkun neċessarja analiżi tal-effetti konkreti tiegħu, għandha tkun teżisti esperjenza solida u affidabbli biżżejjed sabiex ikun jista’ jitqies li dan il-ftehim huwa, min-natura tiegħu stess, dannuż għall-funzjonament tal-kompetizzjoni ( 31 ). |
70. |
Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ssostni li l-għan antikompetittiv tar-regoli tal-UIP jista’ jiġi dedott mill-fatt li din tal-aħħar kellha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tirrifjuta kompetizzjonijiet proposti minn terzi, li seta’ jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rifjut għal raġunijiet illeġittimi. Għalhekk, skont il-Qorti Ġenerali, ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kienet tirriżulta mis-setgħa diskrezzjonali tal-UIP – u għalhekk mill-kapaċità ta’ din il-federazzjoni – li tirrifjuta avvenimenti organizzati minn terzi. |
71. |
Billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza T‑Mobile Netherlands et ( 32 ), il-Kummissjoni tiddefendi din il-pożizzjoni, billi targumenta li l-għan antikompetittiv jista’ jiġi dedott, f’dan il-każ, mill-fatt li r-regoli tal-UIP huma “xierqa” sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni. |
72. |
Madankollu, jidhirli li hemm dubju li wieħed jista’ jqis li l-kapaċità teoretika ta’ preġudizzju għall-kompetizzjoni abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li minnu tista’ tibbenefika federazzjoni sportiva tista’ tkun suffiċjenti sabiex tistabbilixxi għan antikompetittiv, iktar u iktar meta l-effetti antikompetittivi li, bħala prinċipju, għandhom ikunu jistgħu jiġu preżunti jkunu inċerti u, fi kwalunkwe każ, ma jirriżultawx mill-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, peress li din tal-aħħar ikkuntentat b’interpretazzjoni astratta tar-regoli inkwistjoni tal-UIP mingħajr ma eżaminat ebda eżempju konkret tal-implimentazzjoni tagħhom. |
73. |
Nirrileva wkoll, li l-eżistenza nnifisha ta’ mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel li jippermetti lil organizzaturi terzi jitolbu l-aċċess għas-suq – indipendentement mis-setgħa diskrezzjonali li għandha l-UIP li tirrifjuta tali awtorizzazzjoni – għandha tkun suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tqajjem mistoqsijiet dwar in-natura suffiċjentement dannuża tar-regoli tal-UIP mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-mekkaniżmu stabbilit huwiex, fil-fatt, suffiċjenti sabiex jiżgura kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat jew jekk jirrestrinġix il-kompetizzjoni tista’ tiġi stabbilita biss, fil-fehma tiegħi, abbażi ta’ analiżi tal-effetti antikompetittivi. |
74. |
Barra minn hekk, meta wieħed jeżamina l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-analiżi tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà sabiex tistabbilixxi l-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-UIP, jidhirli li wieħed jista’ jikkontesta li dawn l-elementi jista’ jkollhom in-natura dannuża meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ( 33 ). F’dan ir-rigward, infakkar li fil-kuntest tal-analiżi tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, minbarra s-sanzjonijiet, l-assenza ta’ rabta diretta bejn, minn naħa, ir-regoli ta’ eliġibbiltà, u min-naħa l-oħra, għanijiet leġittimi jew kompetizzjoni jew serje ta’ kompetizzjonijiet organizzati mill-appellanti. |
75. |
Bħala eżempju, il-fatt li federazzjoni sportiva ma tiddefinixxix b’mod suffiċjentement preċiż l-għanijiet imfittxija minn dawn ir-regoli billi tuża biss “espressjonijiet vagi” jew li ma tipprovdix lista eżawrjenti tar-rekwiżiti meħtieġa għall-awtorizzazzjoni ta’ kompetizzjoni terza (billi tirriżerva d-dritt li titlob lill-organizzaturi informazzjoni addizzjonali marbuta mad-diversi rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq), kif tikkonstata l-Qorti Ġenerali fil-punti 85 u 87 tas-sentenza appellata, jista’ effettivament jindika n-natura wiesgħa, u saħansitra eċċessiva, tar-regoli ta’ eliġibbiltà u l-marġni ta’ diskrezzjoni importanti li għandha din il-federazzjoni, iżda dan jibqa’ ’l bogħod milli juri n-natura dannuża mill-perspettiva tal-kompetizzjoni jew għan antikompetittiv ( 34 ). L-istess japplika għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata għal dak li jirrigwarda l-assenza ta’ rabta bejn ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-appellanti u kompetizzjoni jew serje ta’ kompetizzjonijiet organizzati minnha. |
76. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat, kif barra minn hekk tirrileva l-UIP, li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha prinċipalment fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-kawżi li jirrigwardaw restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba r-riżultat sabiex tikkonkludi restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
77. |
B’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-Komunikazzjoni Nru 1974, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li din ma kinitx tinkludi “kriterji ta’ awtorizzazzjoni ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji, verifikabbli u li jistgħu jiggarantixxu lill-organizzaturi ta’ kompetizzjonijiet aċċess effettiv għas-suq rilevanti” fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza OTOC ( 35 ). L-assenza ta’ tali kriterji fir-regoli tal-UIP kienet, skont il-Qorti Ġenerali, element rilevanti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
78. |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza OTOC, sostniet li l-fatt li ma pprevedietx il-kriterji fuq imsemmija jista’ jwassal għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni, hija ma qisitx li l-assenza ta’ tali kriterji kienet twassal awtomatikament għall-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan iżda pjuttost bħala indikazzjoni tal-effetti restrittivi li kienu jirriżultaw minn regola li ma tipprovdix tali kriterji ( 36 ). |
79. |
Madankollu, minkejja l-fatt li l-Qorti Ġenerali stess irrikonoxxiet espressament, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li r-regola inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza OTOC kienet ikklassifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala restrizzjoni minħabba r-riżultat, madankollu, hija ddeċidiet li din iċ-ċirkustanza ma tostakolax li din il-ġurisprudenza (kif ukoll dik ibbażata fuq is-sentenza MOTOE) tista’ tiġi applikata fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni minħabba l-għan. Sabiex tiġġustifika l-approċċ tagħha, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq is-sentenza Generics (UK) et ( 37 ), u b’mod partikolari fuq il-punt 84 tagħha, li, skont il-Qorti Ġenerali, kienet tippermetti li jitqies li ftehim jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan f’kuntest partikolari filwaqt li, f’kuntesti oħra, analiżi tal-effetti tal-ftehim tkun neċessarja. |
80. |
Issa, minkejja li ma huwiex ikkontestat li, skont il-kuntest li fih jaqa’, ftehim jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni minħabba l-għan f’ċerti każijiet, filwaqt li, f’oħrajn, l-effetti tiegħu għandhom jiġu analizzati, dan ma jfissirx li l-kriterji bbażati fuq is-sentenza OTOC (jew is-sentenza MOTOE) jistgħu jkunu direttament trasposti għal din il-kawża sabiex tiġi stabbilita restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
81. |
F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali la tispjega liema huwa l-“kuntest partikolari” li jiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u lanqas, b’mod partikolari, kif dan il-kuntest huwa distint minn dak inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza OTOC sabiex tiġġustifika klassifikazzjoni differenti fir-rigward tar-restrizzjoni kkonstatata. |
ii) Fuq is‑severità tas‑sanzjonijiet previsti mir‑regoli ta’ eliġibbiltà
82. |
Fir-rigward tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista mir-regoli ta’ eliġibbiltà, l-UIP targumenta li l-livell ta’ sanzjonijiet imposti fuq il-pattinaturi li jipparteċipaw f’avveniment organizzat minn terz ma għandu, fih innifsu, ebda rilevanza sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà tagħha għandhomx għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, għaliex dawn is-sanzjonijiet jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni biss jekk ir-rifjut li jiġi awtorizzat dan l-avveniment ikun ibbażat fuq raġunijiet illeġittimi. |
83. |
Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti u minkejja l-fatt li sanzjonijiet jistgħu, fi stadju ulterjuri, jiġu ġġustifikati minn għanijiet leġittimi (li jista’ jeskludihom mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE), xorta jibqa’ l-fatt li n-natura repressiva ta’ regola u l-importanza tas-sanzjonijiet applikabbli f’każ ta’ ksur huma elementi partikolarment rilevanti fl-analiżi tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà peress li dawn jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Fil-fatt, kif ikkonstatat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 91 u 95 tas-sentenza appellata, is-severità tas-sanzjonijiet stabbiliti tista’ tiskoraġġixxi lill-atleti milli jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati mill-appellanti, u konsegwentement, tista’ teskludi mis-suq lill-kompetituri potenzjali li jiġu mċaħħda mill-parteċipazzjoni tal-atleti meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni sportiva. |
84. |
Madankollu, l-effett tagħha fuq il-kompetizzjoni ma jistax jiġi analizzat b’mod astratt mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest globali li fih taqa’ s-sistema ta’ sanzjonijiet. Kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 89 u 95 tas-sentenza appellata, l-għan antikompetittiv allegat tar-regoli tal-UIP ma jistax jiġi dedott biss abbażi ta’ evalwazzjoni iżolata tas-severità tas-sanzjonijiet, iżda għandu pjuttost jiġi evalwat fil-kuntest (iktar ġenerali) tal-konstatazzjoni li l-UIP kellha “marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’” sabiex tirrifjuta li tawtorizza l-kompetizzjonijiet proposti minn terzi ( 38 ). |
85. |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, inqis li l-elementi sostnuti mill-Qorti Ġenerali fl-analiżi tagħha tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà ma jippermettux li tiġi konkluża l-eżistenza ta’ tali esperjenza għal dak li jirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UIP. |
2) Fuq l‑analiżi tal‑għanijiet imfittxija mir‑regoli ta’ eliġibbiltà
86. |
Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-regoli tal-UIP, infakkar li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali kkonċentrat, minn naħa, fuq il-protezzjoni ta’ għanijiet leġittimi ( 39 ), u min-naħa l-oħra, fuq il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-UIP ( 40 ), aspetti li ser neżamina separatament iktar ’il quddiem. |
i) Fuq il‑kwistjoni tal‑protezzjoni tal‑interessi leġittimi mfittxija mill-UIP
87. |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tal-appell tagħha, l-UIP tikkritika li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ksur ġdid li jikkonsisti f’restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan differenti minn dak identifikat fid-deċiżjoni kontenzjuża. B’mod iktar preċiż, l-UIP targumenta li l-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, billi bbażat ruħha prinċipalment fuq l-elementi diskussi fit-Taqsima 8.5 tad-deċiżjoni kontenzjuża (intitolata “Ir-regoli ta’ eliġibbiltà jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat”), minkejja li dawn l-elementi ma kinux inklużi fit-Taqsima 8.3 (intitolata “Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”) li kienet tirrigwarda l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur minħabba l-għan. |
88. |
L-appellanti tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-kwistjoni tal-protezzjoni tal-interessi leġittimi tal-UIP ma kinitx eżaminata fid-dettall mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tar-restrizzjoni minħabba l-għan (Taqsima 8.3 tad-deċiżjoni kontenzjuża) ( 41 ), iżda kienet indirizzata fit-Taqsima 8.5 ta’ din id-deċiżjoni li fiha l-Kummissjoni eżaminat jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. |
89. |
Għall-kuntrarju tal-approċċ segwit mill-Kummissjoni li jagħmel distinzjoni bejn dawn iż-żewġ kuntesti ta’ analiżi, il-Qorti Ġenerali qieset opportun, kif iddikjarat hija stess fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li teżamina flimkien it-tieni motiv (dwar il-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan) u t-tielet u r-raba’ motiv (dwar l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hijiex inerenti u proporzjonata sabiex jintlaħaq l-għan ta’ protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ minn imħatri sportivi) ( 42 ). B’hekk, il-Qorti Ġenerali daħħlet il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-identifikazzjoni tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
90. |
Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tipproċedi b’analiżi “magħquda” jew “parallela” tal-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u tal-assenza ta’ natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din ir-restrizzjoni. |
91. |
Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li dan l-approċċ tal-Qorti Ġenerali huwa l-oriġini ta’ ċerta konfużjoni peress li jirriżulta f’nuqqas ta’ kjarezza dwar in-natura tal-analiżi segwita. Għalhekk, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali segwiet l-approċċ klassiku tal-identifikazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, billi l-ewwel analizzat il-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà. Madankollu, imbagħad, waqt l-eżami tal-għanijiet ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali donnha teżamina dawn tal-aħħar fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mis-sentenza Meca‑Medina, billi sostniet li l-għan imressaq mill-UIP li jgħid li r-regoli kienu intiżi sabiex jipproteġu l-integrità tal-pattinaġġ kontra l-imħatri, minkejja li huwa effettivament leġittimu, ma jiġġustifikax ir-restrizzjonijiet ikkonstatati, li ma humiex inerenti għall-għan tagħha u huma meqjusa sproporzjonati. Għalhekk, il-konstatazzjoni li r-regoli tal-UIP huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija kienet twassal, skont il-Qorti Ġenerali, kemm għall-inapplikabbiltà tal-“eċċezzjoni ta’ restrizzjoni anċillari” kif ukoll għall-klassifikazzjoni awtomatika tagħhom bħala restrizzjoni minħabba l-għan. |
92. |
Qabel ma nieħu pożizzjoni dwar l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) TFUE, l-għanijiet imfittxija minn ftehim jew minn deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jista’ jkollhom rwol taħt żewġ aspetti tal-analiżi. |
93. |
Minn naħa, l-għanijiet oġġettivi li ftehim huwa intiż li jilħaq huma rilevanti u għandhom it-tendenza li jiddeterminaw jekk dan jaqax taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE ( 43 ). Dawn l-għanijiet oġġettivi, li għandhom jirriżultaw b’mod ċar mill-miżuri inkwistjoni, ma għandhomx jitħalltu mal-intenzjonijiet suġġettivi ta’ restrizzjoni jew le tal-kompetizzjoni, jew inkella mal-għanijiet leġittimi eventwalment imfittxija mill-impriżi previsti ( 44 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-fatt li miżura titqies bħala li għandha għan leġittimu ma jeskludix li l-imsemmija miżura tista’ titqies bħala li għandha għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 45 ). Għalhekk, fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-analiżi tal-għanijiet hija intiża sabiex tistabbilixxi (insostenn ta’ elementi oħra bħall-kontenut ta’ ftehim u l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu) l-għan u n-natura antikompetittiva u suffiċjentement dannuża ta’ ftehim. Għalhekk, f’dan l-istadju tal-analiżi, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni għanijiet leġittimi, minkejja li dawn jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, għall-finijiet li tinkiseb eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. |
94. |
Min-naħa l-oħra, l-għanijiet imfittxija minn ftehim għandhom rwol fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjonijiet anċillari, intiża sabiex tiddetermina jekk l-effetti restrittivi tal-kompetizzjoni li jirriżultaw minn miżura partikolari humiex inerenti u proporzjonati għat-tfittxija ta’ għan leġittimu. Meta dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti, il-ftehim li jinkludi l-miżura inkwistjoni jevita totalment il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. F’dan il-kuntest, l-identifikazzjoni ta’ dan l-għan u r-rikonoxximent tal-leġittimità tiegħu jikkostitwixxu l-ewwel stadju ta’ din l-analiżi. |
95. |
Minkejja li ċerti aspetti ta’ dawn iż-żewġ analiżi, li bħala prinċipju huma distinti, jistgħu jikkoinċidu, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżami tal-għanijiet tal-miżuri inkwistjoni huwa kunċettwalment differenti fiż-żewġ każijiet. L-istess japplika għall-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn dawn iż-żewġ analiżi. |
96. |
Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li donnha ssostni l-Qorti Ġenerali, in-natura sproporzjonata ta’ miżura meta mqabbla ma’ għan leġittimu ma twassalx awtomatikament għall-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. B’mod iktar preċiż, il-fatt li miżura ma tissodisfax il-kriterji tat-test preskritt mis-sentenza Meca‑Medina jfisser biss li din għandha tkun (jew tibqa’) suġġett għall-“analiżi klassika” fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE, inkluż għall-eżami tal-benefiċċju eventwali minn eżenzjoni skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Għaldaqstant, minkejja li huwa, effettivament, probabbli li miżura kklassifikata bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” tkun – min-natura tagħha – sproporzjonata meta mqabbla ma’ għan leġittimu mfittex, il-kuntrarju ma huwiex neċessarjament il-każ. |
97. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 110 u 111 tas-sentenza appellata, li s-sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-UIP tista’ titqies bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan peress li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiżgura li l-kompetizzjonijiet sportivi jkunu konformi ma’ standards komuni. |
98. |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li minkejja li l-elementi eżaminati mill-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi li r-regoli ta’ eliġibbiltà huma sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet leġittimi mfittxija, ma jistgħux ikunu l-bażi tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, madankollu huma jistgħu jirriżultaw rilevanti sabiex tiġi kkonstatata restrizzjoni minħabba r-riżultat jekk jintużaw sabiex jiġu esklużi b’mod mhux iġġustifikat organizzaturi terzi ta’ avvenimenti, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Meca‑Medina ( 46 ) u OTOC ( 47 ). |
99. |
Fl-aħħar nett, nirrileva li l-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda kemm l-interpretazzjoni tal-kontenut tar-regoli tal-UIP kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha li tipprovdi li n-natura sproporzjonata tar-regoli tal-UIP meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija kienet suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, twassal għal twessiegħ tal-kunċett ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan” li jmur kontra ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li timponi interpretazzjoni restrittiva ta’ dan il-kunċett ( 48 ). |
ii) Fuq il‑kwistjoni tal‑protezzjoni tal‑interessi ekonomiċi tal‑UIP
100. |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, għall-kuntrarju ta’ dak li kienet sostniet il-Kummissjoni fil-premessa 169 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 108 u 109 tas-sentenza appellata, li, jekk jiġi preżunt li jirriżulta li r-regoli ta’ eliġibbiltà adottati matul is-sena 2016 kellhom ukoll għan ta’ protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-appellanti, il-fatt li federazzjoni tfittex li tipproteġi l-interessi ekonomiċi tagħha ma huwiex fih innifsu antikompetittiv. |
101. |
Din l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali hija kkontestata mill-intervenjenti fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali, li nipproponi li għandu jiġi eżaminat f’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi għar-raġunijiet iċċitati fil-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
102. |
L-intervenjenti jikkritikaw, b’mod iktar preċiż, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonkludiet li t-twettiq mill-UIP tal-interessi ekonomiċi tagħha stess ma huwiex antikompetittiv fih innifsu. Skont l-intervenjenti, il-prinċipju li impriża hija, b’mod ġenerali, awtorizzata twettaq l-interessi ekonomiċi tagħha ma jistax japplika għall-UIP fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tagħha. Fil-fatt, ir-rwol doppju tal-UIP, li hija kemm korp regolatorju u entità ekonomika, għandu jipprekludiha milli twettaq interessi ekonomiċi marbuta mar-rwol tagħha ta’ korp regolatorju, jiġifieri li tawtorizza jew tirrifjuta avvenimenti organizzati minn terzi għad-detriment tal-kompetituri tagħha. L-essenza ta’ din il-kawża jinsab għalhekk fil-fatt li r-regoli ta’ eliġibbiltà jippermettu lill-UIP tirrifjuta l-aċċess għas-suq lill-kompetituri. Għaldaqstant, dawn ir-regoli u d-deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà li jirriżultaw minnhom għandhom ukoll effett negattiv fuq l-interessi (ekonomiċi) ta’ pattinaturi veloċi professjonali u ta’ organizzaturi terzi ta’ kompetizzjonijiet. Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina, skont l-intervenjenti, jekk impriża tistax twettaq b’mod leġittimu l-interessi ekonomiċi tagħha stess. Il-Kummissjoni taqbel ukoll ma’ din il-pożizzjoni. |
103. |
Għar-raġunijiet li ġejjin, jiena tal-fehma li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ivvizzjata minn żball ta’ liġi u li l-argumenti mressqa mill-intervenjenti insostenn tat-tieni aggravju tal-appell inċidentali għandhom jiġu miċħuda. |
104. |
Kif ġie espost fil-punti 44 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, minkejja li l-federazzjonijiet sportivi għandhom ċerti obbligi sabiex jillimitaw is-setgħat li huma għandhom u jikkontrollaw l-eżerċizzju tajjeb tagħhom, il-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi ta’ federazzjoni sportiva bħall-UIP ma tkunx problematika mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ħlief fl-ipoteżi li din iċċaħħad b’mod inġustifikat l-aċċess għas-suq lil kompetitur. |
105. |
Jekk tiġi sostnuta l-interpretazzjoni tal-intervenjenti, din twassal għall-preklużjoni ta’ kull attività ekonomika lill-federazzjonijiet sportivi li jinsabu fl-istess sitwazzjoni tal-UIP, sitwazzjoni diffiċilment konċiljabbli mal-fatt li, minkejja l-karatteristiċi partikolari tagħhom, dawn huma fl-istess ħin impriżi li fir-rigward tagħhom, bħal kull impriża oħra, it-tfittxija ta’ għanijiet ekonomiċi hija inerenti għall-attività tagħhom. Barra minn hekk, l-attivitajiet ekonomiċi li jwettqu dawn il-federazzjonijiet huma, f’diversi każijiet, mhux biss marbuta, iżda interdipendenti fuq l-attivitajiet sportivi tagħhom u minħabba f’hekk ma jistgħux jiġu sseparati. |
106. |
Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li t-twettiq minn federazzjoni sportiva, bħall-UIP, tal-interessi ekonomiċi tagħha stess ma huwiex antikompetittiv fih innifsu u għalhekk ma jistax jintuża bħala element li jindika għan antikompetittiv fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. |
107. |
Fl-aħħar nett, ninnota li l-Qorti Ġenerali hija stess irrikonoxxiet li r-regoli tal-UIP kellhom għanijiet leġittimi għal dak li jirrigwarda l-protezzjoni kemm tal-interessi ekonomiċi tal-appellanti kif ukoll ta’ dawk marbuta mal-isport, li kellu jwassalha sabiex tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni tagħha li tgħid li l-għan tar-regoli tagħha stess huwa, min-natura tiegħu stess, ta’ dannu għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni ( 49 ). |
3) Konklużjoni preliminari fuq l‑analiżi tal‑kontenut u tal‑għanijiet imfittxija mir‑regoli ta’ eliġibbiltà
108. |
L-analiżi preċedenti tal-kontenut tar-regoli ta’ eliġibbiltà u tal-għanijiet imfittxija minnhom hija, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi dwar il-klassifikazzjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UIP bħala restrizzjoni(jiet) tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mill-appellanti sabiex tikkontesta l-analiżi magħmula minnha, minn naħa, tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, u min-naħa l-oħra, tal-intenzjoni tal-partijiet. Madankollu, għall-kompletezza, ser nieħu pożizzjoni fil-qosor dwar dawn iż-żewġ punti li tqajmu mill-UIP, b’mod partikolari fid-dawl tar-rilevanza eventwali tagħhom fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti antikompetittivi li potenzjalment jirriżultaw mir-regoli tal-UIP. |
4) Fuq l‑analiżi tal‑kuntest ġuridiku u ekonomiku tar‑regoli ta’ eliġibbiltà
109. |
Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 115 sa 123 tas-sentenza appellata, li l-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih kienu jaqgħu r-regoli ta’ eliġibbiltà u tal-awtorizzazzjoni tal-UIP ma kienx ta’ natura li jikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, b’tali mod li ma kienx neċessarju li jiġu eżaminati, ukoll, l-effetti attwali jew potenzjali ta’ dawn ir-regoli fuq il-kompetizzjoni. |
110. |
F’dan ir-rigward, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-analiżi tagħha tas-suq rilevanti fir-rigward tal-kuntest tiegħu. B’mod partikolari, hija tqis li l-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat li tieħu inkunsiderazzjoni l-kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ artistiku li hija kienet approvat. B’mod iktar preċiż, hija tikkritika li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza CB vs Il-Kummissjoni li tipprovdi li, fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjoni minħabba l-għan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull element rilevanti, billi titqies, b’mod partikolari, in-natura tas-servizzi inkwistjoni kif ukoll il-kundizzjonijiet reali ta’ funzjonament u tal-istruttura tas-swieq, relattiva għall-kuntest ekonomiku jew ġuridiku li fih taqa’ l-imsemmija koordinazzjoni, mingħajr ma jkun rilevanti jekk tali element jaqax jew le fis-suq rilevanti ( 50 ). |
111. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali qieset li għalkemm, fil-kawża li tat lok għal din il-ġurisprudenza, kienu jeżistu interazzjonijiet bejn is-suq rilevanti u suq konness distint, tali elementi ma kinux stabbiliti f’dan il-każ. Skont il-Qorti Ġenerali, il-fatt li l-appellanti setgħet tapprova kompetizzjonijiet ta’ pattinaġġ artistiku, anki jekk jiġi preżunt li dawn kienu kompetizzjonijiet realment indipendenti, huwa irrilevanti għall-analiżi tal-kuntest li fih jaqgħu r-regoli ta’ eliġibbiltà peress li ma jqiegħedx inkwistjoni l-konklużjoni li r-regoli ta’ eliġibbiltà tal-appellanti jippermettulha toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti billi tiffavorixxi l-kompetizzjonijiet tagħha stess għad-detriment tal-kompetizzjonijiet proposti minn terzi u, għaldaqstant, dawn ir-regoli ma jiżgurawx aċċess effettiv għal dan is-suq ( 51 ). |
112. |
Il-Kummissjoni ssostni li l-argument dwar l-interpretazzjoni allegatament żbaljata tas-sentenza CB vs Il-Kummissjoni huwa ineffettiv, sa fejn anki kieku l-Qorti Ġenerali kienet ħawdet dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ippreżentat f’din is-sentenza bħala eżempju ta’ sitwazzjoni speċifika li fiha huwa rilevanti li jittieħed inkunsiderazzjoni element relatat ma’ suq differenti mis-suq inkwistjoni, ma’ regola ġenerali, dan ma jqiegħedx inkwistjoni r-raġunament deċiżiv deskritt fil-paragrafu preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet. |
113. |
F’dan ir-rigward, inqis li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, il-fatt li jiġi aċċettat – anki fuq livell teoretiku biss, kif għamlet il-Qorti Ġenerali – li l-UIP setgħet tapprova kompetizzjonijiet indipendenti ta’ pattinaġġ artistiku jista’ jqajjem mistoqsijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. |
114. |
Minkejja li huwa minnu li l-analiżi mwettqa mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CB vs Il-Kummissjoni taqa’ f’kuntest fattwali partikolari (jiġifieri l-eżistenza ta’ interazzjonijiet bejn iż-żewġ aspetti ta’ sistema b’żewġ lati, u bejn is-suq rilevanti u suq konness distint), xorta jibqa’ l-fatt li l-prassi deċiżjonali tal-UIP fil-kuntest tal-pattinaġġ artistiku tista’ tirriżulta rilevanti waqt l-analiżi tal-kuntest ġuridiku tar-regoli inkwistjoni. |
115. |
Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dawn iż-żewġ dixxiplini (jiġifieri l-pattinaġġ artistiku u l-pattinaġġ veloċi), minkejja l-karatterizzazzjoni tagħhom bħala swieq distinti mill-Kummissjoni – definizzjoni ta’ suq li ma hijiex ikkontestata mill-appellanti – huma rregolati mill-istess qafas regolatorju – u, għalhekk, l-istess regoli ta’ awtorizzazzjoni minn qabel u sanzjonijiet dixxiplinari jiġu applikati għaż-żewġ dixxiplini – u, min-naħa l-oħra, li huwa l-istess korp, jiġifieri l-UIP, li għandu jawtorizza jew jirrifjuta l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti indipendenti għal dawn iż-żewġ dixxiplini. |
116. |
Issa, dan l-element jista’ jikkostitwixxi ċirkustanza partikolari li tista’ tnissel dubju dwar id-dannu preżunt tar-regoli tal-UIP jekk jirriżulta li din tal-aħħar kienet awtorizzat kompetizzjonijiet indipendenti ta’ pattinaġġ artistiku. Għalhekk, inqis li jekk waqt l-eżami tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ ftehim preżunt li għandu għan antikompetittiv, xi elementi jqajmu dubji dwar il-grad ta’ dannu meħtieġ jew jidhru kontradittorji, analiżi tal-effetti tiegħu ssir neċessarja. |
117. |
Minkejja li huwa minnu li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih taqa’ miżura għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju, mingħajr ma tinkludi analiżi tal-effetti tal-miżura inkwistjoni ( 52 ), jidhirli li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi deċiżjonali tal-UIP, fil-kuntest iktar globali tal-analiżi tar-rwol tagħha u tas-setgħat attribwiti lilha, ma teċċedix il-limiti tal-kuntest analitiku ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. |
118. |
Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat, f’dan il-każ, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-prassi deċiżjonali tal-UIP fis-suq tal-pattinaġġ artistiku ser jiddependi mill-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja la hija intiża li tiddeċiedi u lanqas għandha l-elementi neċessarji sabiex tagħmel dan, peress li dawn ma kinux evalwati mill-Qorti Ġenerali ( 53 ). |
5) Fuq l‑analiżi tal‑intenzjonijiet tal‑partijiet
119. |
Billi rreferiet għal ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li elementi ta’ intenzjonalità ma humiex neċessarji sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ( 54 ), u billi qieset, barra minn hekk, li l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kienet suffiċjentement sostnuta mill-eżami tal-kontenut u tal-għanijiet tar-regoli ta’ eliġibbiltà kif ukoll mill-kuntest li fih dawn jaqgħu, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa mill-appellanti kontra din il-parti tal-eżami tar-restrizzjoni minħabba l-għan huma ineffettivi. |
120. |
L-appellanti tirrifjuta din l-evalwazzjoni kemm fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha kif ukoll f’parti mit-tielet parti tiegħu, billi tikkritika, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali ma eżaminat ebda wieħed mill-argumenti tagħha li jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-fatti insostenn tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan kif din tirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża. |
121. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-elementi fattwali li fuqhom il-Kummissjoni kienet ibbażat l-analiżi tagħha u li l-Qorti Ġenerali kienet naqset milli teżamina – li l-appellanti tikkontesta, barra minn hekk, mingħajr madankollu ma tqajjem żnaturament tal-fatti – kollha jirrigwardaw eżempji ta’ kompetizzjonijiet indipendenti li juru, skont il-Kummissjoni, l-intenzjoni tal-UIP li tirrifjuta d-dħul ta’ kompetituri fis-suq rilevanti ( 55 ). |
122. |
Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, li permezz tagħha nipproponi li jintlaqa’ l-ewwel aggravju tal-appell u li tiġi annullata s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, jiena tal-fehma li dawn l-elementi fattwali jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tar-regoli tal-UIP. Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, rigward il-fondatezza tal-motivazzjoni, inqis ukoll li ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat l-aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. |
4. Konklużjoni fuq l‑ewwel aggravju
123. |
Fil-każ fejn restrizzjoni minħabba l-għan ma hijiex stabbilita b’mod ċar, għandha ssir analiżi sħiħa tal-effetti tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE. Tali analiżi għandha l-għan li jiġi ddeterminat l-effett fuq il-kompetizzjoni li l-ftehim jista’ jkollu fis-suq ikkonċernat. F’dan il-każ, huwa biss eżami tal-mod kif ir-regoli huma interpretati u applikati fil-prattika mill-UIP li ser jippermetti li jiġi ddeterminat jekk dawn ir-regoli jirriskjawx li jippreġudikaw il-kompetizzjoni. Fi kliem ieħor, għandu jiġi analizzat jekk, skont is-setgħa diskrezzjonali li għandha l-UIP, din il-federazzjoni setgħetx tirrestrinġi l-kompetizzjoni billi tirrifjuta l-aċċess għas-suq rilevanti, eżami li, bħala prinċipju, għandu jkun jista’ jsir biss meta l-effetti (konkreti) tal-miżura inkwistjoni jittieħdu inkunsiderazzjoni. |
124. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju tal-appell għandu jintlaqa’. |
C. Fuq it‑tieni aggravju tal‑appell
125. |
Permezz tat-tieni aggravju tal-appell tagħha, l-UIP issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx ir-raba’ motiv tar-rikors tagħha, li permezz tiegħu ddikjarat li d-deċiżjoni tagħha li ma tapprovax kompetizzjoni terza intitolata “Icederby” li kellha sseħħ f’Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) (iktar ’il quddiem l-“avveniment f’Dubai”) ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE peress li din id-deċiżjoni kellha, fil-fehma tagħha, għan leġittimu u konformi mal-Kodiċi ta’ Etika tagħha, li jipprojbixxi kull forma ta’ sostenn għall-imħatri. |
126. |
Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-intervenjenti, li tipprovdi li filwaqt li tallega formalment l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi, l-UIP titlob fir-realtà lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod inammissibbli, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti mingħajr madankollu ma tallega li l-Qorti Ġenerali żnaturathom. Fil-fatt, jidhirli li, permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-UIP tikkritika lill-Qorti Ġenerali b’nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet naqset milli twieġeb għal parti ċentrali mill-argument tagħha ( 56 ). |
127. |
Fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell tagħha, l-UIP ma ssostnix li r-regoli ta’ eliġibbiltà ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE iżda sempliċement li d-deċiżjoni tagħha li ma tapprovax l-avveniment f’Dubai għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni kellha għan leġittimu. |
128. |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la d-deċiżjoni kontenzjuża u lanqas is-sentenza appellata ma jsemmu speċifikament id-deċiżjoni ta’ rifjut relatata mal-avveniment f’Dubai. Fil-fatt, minkejja li r-rifjut marbut ma’ dan l-avveniment donnu huwa l-oriġini tal-investigazzjoni li nbdiet mill-Kummissjoni (wara l-ilment magħmul quddiemha mis-Sur Tuitert u mis-Sur Kerstholt) u li wassal għad-deċiżjoni kontenzjuża – u li dan ir-rifjut jidher li kien intuża, flimkien ma’ eżempji ta’ kompetizzjonijiet oħra, sabiex juri l-mod kif dawn ir-regoli kienu applikati fil-prattika – xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni kontenzjuża tirrigwarda r-regoli ta’ eliġibbiltà li kienu adottati mill-UIP u l-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn ir-regoli kienu suffiċjenti fihom infushom bħala bażi tal-konklużjoni li dawn kienu rriżultaw problematiċi mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni, indipendentement mill-eżami speċifiku inkwistjoni ( 57 ). |
129. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, l-inklużjoni tal-kelma “applikazzjoni” fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża ma tistax tiġi interpretata bħala li tirrigwarda l-avveniment f’Dubai iżda tirriżulta pjuttost mill-konstatazzjoni mill-Kummissjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan jew ir-riżultat (li hija esposta fit-Taqsimiet 8.3 u 8.4 tad-deċiżjoni kontenzjuża) ( 58 ). |
130. |
Fit-tieni lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx milli teżamina r-raba’ motiv tar-rikors iżda dan ġie eżaminat flimkien mat-tieni u t-tielet motiv, fil-punt 64 et seq. tas-sentenza appellata ( 59 ). |
131. |
Fir-rigward tal-kwistjoni iktar ġenerali dwar jekk ir-regoli ta’ eliġibbiltà jistgħux jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE bħala restrizzjonijiet anċillari, wara li rrikonoxxiet, fl-ewwel lok, il-leġittimità tal-għanijiet imfittxija mill-UIP – u b’mod partikolari dak relatat mal-protezzjoni tal-integrità tal-pattinaġġ veloċi minn riskji marbuta mal-imħatri ( 60 ) – u li sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel maħsuba sabiex tiżgura li kwalunkwe organizzatur josserva l-istandards komuni kienet tikkostitwixxi mekkaniżmu li kapaċi jiżgura t-tilħiq ta’ għanijiet marbuta mal-ispeċifiċità tal-isport ( 61 ), il-Qorti Ġenerali qieset, sussegwentement, li n-natura arbitrarja u sproporzjonata tar-regoli ta’ eliġibbiltà u b’mod partikolari tas-sanzjonijiet stabbiliti f’dan il-każ mill-UIP kienu jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet fis-sens tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet anċillari u b’mod partikolari s-sentenza Meca‑Medina ( 62 ). |
132. |
Fl-aħħar lok, għandu jiġi miċħud l-argument li permezz tiegħu l-appellanti tikkritika li l-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma ħadux inkunsiderazzjoni l-iżviluppi leġiżlattivi fil-Korea (pajjiż ta’ oriġini tal-kunċett Icederby) għal dak li jirrigwarda l-imħatri, peress li dan l-element kien irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tar-regoli tal-UIP fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, inqis li huwa ġust li dan l-argument ma ttiħidx inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali. |
133. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li hemm lok li t-tieni aggravju tal-appell jiġi miċħud. |
D. Fuq it‑talba għal evokazzjoni tal‑kawża u fuq it-talba sabiex il‑kawża tintbagħat lura quddiem il‑Qorti Ġenerali
134. |
Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell huwa fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Tista’ allura jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha. |
135. |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-UIP għamlet talba għal evokazzjoni tal-kawża billi qieset li, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun f’pożizzjoni li tevoka t-tilwima kollha. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-aggravji li jiġġustifikaw l-annullament tas-sentenza appellata ma humiex ta’ natura li jwasslu għall-annullament totali tad-deċiżjoni kontenzjuża. Fil-fatt, dawn l-aggravji jimplikaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni sa fejn din tikkonstata biss li l-miżuri inkwistjoni għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk, kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-ftehimiet inkwistjoni għandhomx “l-effett” li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE. |
136. |
Issa, dan l-aspett tat-tilwima jimplika l-eżami ta’ kwistjonijiet fattwali abbażi ta’ elementi li ma kinux evalwati mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, peress li din qieset li tali eżami kien superfluwu, peress li qieset li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet żball billi kkonkludiet, fid-deċiżjoni kontenzjuża, li l-miżuri inkwistjoni kellhom għan antikompetittiv. Minkejja li ċerti aspetti fattwali kienu fil-fatt diskussi waqt il-proċedura bil-miktub u orali quddiem il-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li hija din tal-aħħar biss li hija kompetenti sabiex tevalwa l-fatti. Barra minn hekk, peress li l-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ma ġewx diskussi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża ma hijiex, dwar dan il-punt, fi stat li tiġi deċiża. |
137. |
Għaldaqstant, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-ispejjeż jiġu rriżervati. |
IV. Analiżi tal‑ewwel aggravju tal‑appell inċidentali
138. |
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti fl-appell inċidentali jikkontestaw il-parti tas-sentenza appellata li fiha l-Qorti Ġenerali qieset li l-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ esklużiv u obbligatorju stabbilit mill-UIP ma jistax jitqies bħala “li jsaħħaħ” ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikkaratterizzata mill-Kummissjoni. |
139. |
B’mod iktar preċiż, l-appellanti fl-appell inċidentali jargumentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi, fit-Taqsima 8.7 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li r-regoli ta’ arbitraġġ tal-UIP kienu jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan ikkawżata mir-regoli ta’ eliġibbiltà ( 63 ). |
140. |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset, kollox ma’ kollox, għall-kuntrarju tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, ir-regoli stabbiliti mill-UIP li jipprovdu l-użu tal-arbitraġġ fil-qasam sportiv bħala leġittimi ( 64 ) – regoli li hija eżaminat bħala “ċirkustanza aggravanti” u analizzat fir-rigward tal-kalkolu tal-multi ( 65 ) – u l-possibbiltà li l-atleti leżi jduru lejn il-qrati nazzjonali sabiex jitolbu d-danni u l-imgħaxijiet ex post jew jippreżentaw ilment quddiem l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni nazzjonali u l-Kummissjoni, suffiċjenti sabiex jiżguraw l-effettività tar-regoli ta’ kompetizzjoni tal-Unjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ( 66 ). |
A. Fuq l‑ammissibbiltà u n‑natura effettiva tal‑ewwel aggravju
141. |
Qabelxejn, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-UIP għar-raġuni li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali jimmodifika s-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali. Minkejja li, fil-fatt, ċerti elementi msemmija mill-appellanti fl-appell inċidentali, bħall-kwistjoni tal-indipendenza u l-imparzjalità tal-QAS, jinsabu lil hinn mill-kuntest ddeterminat mid-deċiżjoni kontenzjuża u mis-sentenza appellata, u għandhom għalhekk jiġu esklużi minn din l-analiżi, il-parti l-kbira tal-argumenti mressqa minn dawn il-partijiet ġew diskussi matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, u issa huma invokati b’mod validu sabiex jikkontestaw is-sentenza appellata. |
142. |
Barra minn hekk, l-UIP tqis li dan l-aggravju huwa ineffettiv, peress li kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punti 132 u 137 tas-sentenza appellata, fid-deċiżjoni kontenzjuża l-Kummissjoni kkonkludiet biss b’mod superfluwu li r-regoli adottati minn din il-federazzjoni fil-qasam tal-arbitraġġ kienu jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan li tirriżulta minn regoli oħra stabbiliti minnha, jiġifieri r-regoli ta’ eliġibbiltà u awtorizzazzjoni. Minħabba f’hekk, la l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li jikkonstata l-eżistenza ta’ ksur, u lanqas il-parti tas-sentenza appellata li tiċħad il-motivi tar-rikors tal-UIP relatati ma’ dan l-artikolu ma kienu bbażati, b’xi mod, fuq l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Qorti Ġenerali li jirrigwardaw l-imsemmija regoli. |
143. |
Madankollu, bilfors għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu deċiżi superfluwi sa fejn ma jagħmlux parti minn dawk li huma l-bażi tal-konstatazzjoni ta’ ksur li tinsab fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal dawn l-evalwazzjonijiet (kif barra minn hekk irrikonoxxiet l-UIP stess fl-osservazzjonijiet tagħha) sabiex tannulla parzjalment l-Artikoli 2 u 4 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħhom il-Kummissjoni ordnat lil din il-federazzjoni ttemm il-ksur ikkonstatat billi timmodifika dawn ir-regoli (inkluż dawk li jirrigwardaw l-arbitraġġ), taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità ( 67 ). |
144. |
Għalhekk, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet imwettqa fil-punt 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li dan l-aggravju għandu jiġi jitqies ammissibbli u effettiv. |
B. Fuq il‑mertu
1. Osservazzjonijiet preliminari
145. |
Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li l-użu tat-termini “ċirkustanza aggravanti” mill-Qorti Ġenerali sabiex tirreferi għar-regoli stabbiliti mill-UIP fil-qasam tal-arbitraġġ u l-analiżi ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-kalkolu tal-multi jwassal għal ċerta konfużjoni ( 68 ). L-istess japplika għall-klassifikazzjoni tar-regoli ta’ arbitraġġ mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, bħala “element ta’ tisħiħ” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. |
146. |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kunċett ta’ “ċirkustanza aggravanti” użat mill-Qorti Ġenerali, kif hija tirrileva, ġustament, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni kontenzjuża ma tużax dan il-kunċett u ma tirreferix għal-Linji Gwida tal‑2006 għall-kalkolu tal-multi ( 69 ). F’dan il-kuntest, huwa diffiċli li wieħed jifhem kif il-Qorti Ġenerali setgħet tqis, fil-punt 148 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni “[kienet] kkunsidrat b’mod żbaljat li r-regoli ta’ arbitraġġ tar-rikorrenti kienu jikkostitwixxi ċirkustanza aggravanti fis-sens tal-Linji Gwida tal‑2006”. |
147. |
Din il-konfużjoni toħroġ ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet. Filwaqt li l-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li għamlet ir-raġunament tagħha abbażi tal-Linji Gwida tal‑2006, minkejja li fid-deċiżjoni kontenzjuża hija ma qisitx li r-regoli ta’ arbitraġġ kienu jikkostitwixxu ċirkustanza aggravanti fis-sens ta’ dawn il-linji gwida, l-appellanti fl-appell inċidentali, meta jagħmlu riferiment għad-deċiżjoni kontenzjuża, ma jużawx it-termini “element ta’ tisħiħ” sostnuti mill-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni iżda dawk ta’ “ċirkustanza aggravanti” u jsostnu li l-Kummissjoni kklassifikat (fil-fehma tagħhom, ġustament) ir-regoli ta’ arbitraġġ bħala “ċirkustanza aggravanti”. |
148. |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li t-termini “ċirkustanza aggravanti” jintużaw fil-punt 28 tal-imsemmija linji gwida sabiex jirreferu għal ċerti każijiet li jiġġustifikaw iż-żieda ta’ multa imposta fuq entità li twettaq ksur mill-Kummissjoni, li fosthom hemm l-aġir reċedivist, ir-rifjut ta’ kooperazzjoni, l-ostakolu matul l-iżvolġiment tal-investigazzjoni jew inkella r-rwol ta’ mexxej jew istigatur li entità għandha fil-kuntest ta’ ksur ( 70 ). |
149. |
Issa, għalkemm iċ-ċirkustanzi aggravanti inklużi fil-lista li tinsab fil-punt 28 tal-Linji Gwida tal-2006 ma humiex eżawrjenti, kif ġustament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 152 tas-sentenza appellata, iċ-ċirkustanzi aggravanti inklużi f’din il-lista kollha jiddeskrivu aġir jew ċirkustanzi illegali li jrendu r-reat iktar dannuż u li jiġġustifikaw kundanna speċifika li tirriżulta f’żieda fis-sanzjoni imposta fuq l-impriża responsabbli. Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jifhem kif l-inklużjoni ta’ klawżola ta’ arbitraġġ fl-istatuti ta’ federazzjoni sportiva – li l-leġittimità tagħha fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni ma huwiex barra minn hekk ikkontestat mill-Kummissjoni – tista’ tagħmel parti minn din il-klassifikazzjoni. |
150. |
Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ regola ta’ arbitraġġ min-naħa tal-Kummissjoni bħala “element ta’ tisħiħ” ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, dan l-approċċ iqajjem ukoll mistoqsijiet kemm dwar il-qasam tad-dritt sostantiv kif ukoll mill-perspettiva metodoloġika. B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni għaliex il-Kummissjoni kkaratterizzat l-eżistenza ta’ elementi ta’ natura li jsaħħu restrizzjoni tal-kompetizzjoni u li jinfluwenzaw il-ġustifikazzjoni possibbli tagħha, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxu ksur fihom infushom. Barra minn hekk, nistaqsi liema huwa l-valur ġuridiku u l-iskop ta’ tali klassifikazzjoni mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ladarba din issir b’mod superfluwu. |
151. |
Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika l-mekkaniżmu ta’ użu esklużiv u obbligatorju tal-arbitraġġ bħala “element ta’ tisħiħ” tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ analiżi iżolata u separata tal-konstatazzjoni tal-ksur tidher jekk xejn singulari ( 71 ). F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jistaqsi għaliex il-Kummissjoni ma inkludietx sempliċement l-eżami tal-klawżoli ta’ arbitraġġ fl-analiżi tagħha tar-regoli maħruġa mill-UIP, jekk hija qieset li tali regoli jistgħu b’mod jew ieħor jippreġudikaw il-kompetizzjoni. Dan huwa iktar sorprendenti peress li l-Kummissjoni donnha analizzat ir-regoli kollha (jew l-“ekosistema” normattiva) stabbilita mill-UIP sabiex tikkonstata li dawn kienu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 72 ). |
152. |
Wara li saru dawn il-kjarifiki, għandu issa jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali qisitx, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-mekkaniżmu ta’ użu esklużiv u obbligatorju tal-arbitraġġ ma setax jiġi kklassifikat bħala “element ta’ tisħiħ” tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li ġiet stabbilita. |
2. Fuq l‑ewwel parti tal‑ewwel aggravju tal‑appell inċidentali
153. |
Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fl-appell inċidentali jikkritikaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji fl-analiżi tagħha relatata mal-ġustifikazzjoni tal-ġurisdizzjoni esklużiva tal-QAS għat-tilwim li jirrigwarda l-aspetti antikompetittivi tad-deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà tal-UIP. |
154. |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi nnotat li l-argument tal-appellanti fl-appell inċidentali huwa bbażat prinċipalment fuq distinzjoni li huma jistabbilixxu bejn il-kawżi marbuta mal-partikolarità tal-isport li għalihom, bħala prinċipju, l-arbitraġġ tal-QAS jista’ jiġi ġġustifikat b’interessi leġittimi u kawżi li għandhom dimensjoni ekonomika mingħajr rabtiet evidenti mal-isport u li minħabba f’hekk, ma għandhomx ikunu suġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-QAS. |
155. |
Fil-fehma tiegħi, dan l-argument ftit huwa konvinċenti, peress li huwa bbażat fuq distinzjoni li tidher “artifiċjali”. Fil-fatt, minkejja li d-distinzjoni bejn kawżi “purament sportivi” (jew li jirrigwardaw aspetti mhux ekonomiċi tal-isport) u oħrajn “purament ekonomiċi” tista’ eventwalment tiġi stabbilita fuq livell teoretiku f’ċerti każijiet, din id-dikotomija hija ’l bogħod minn evidenti fil-prattika, sa fejn huwa diffiċli li dawn iż-żewġ aspetti jiġu diżassoċjati. |
156. |
Nieħu l-eżempju mogħti mill-appellanti fl-appell inċidentali insostenn tal-argument tagħhom, jiġifieri dak ta’ deċiżjoni individwali ta’ ineliġibbiltà li tirrigwarda atleta bbażata fuq regoli ta’ eliġibbiltà li jistgħu jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni. M’iniex ċert li nsegwi r-raġunament ta’ dawn il-partijiet meta huma jsostnu li tali deċiżjoni tikkostitwixxi prinċipalment kwistjoni ta’ dritt tal-kompetizzjoni u li l-fatt li l-kawża rriżultat fil-kuntest tal-isport professjonali huwa biss element ċirkustanzjali. Il-fatt li regoli maħruġa minn federazzjoni sportiva jkunu kkontestati mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jfissirx neċessarjament li deċiżjoni individwali ta’ ineliġibbiltà (adottata abbażi ta’ dawn ir-regoli) li tirrigwarda atleta ma tirrigwardax kwistjoni li hija (purament) sportiva. Għalhekk, il-fatt li regoli maħruġa minn federazzjoni sportiva li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ atleti f’ċerti kompetizzjonijiet sportivi jistgħu jkunu sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet imfittxija u jirriskjaw li jkollhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni ma jfissirx li l-għanijiet “sportivi” mfittxija ma humiex, huma wkoll, leġittimi. |
157. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kontenzjuża, kif ukoll il-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, irrikonoxxew ġustament li l-użu ta’ mekkaniżmu ta’ arbitraġġ esklużiv u obbligatorju kien metodu ġeneralment aċċettat ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim u li l-fatt li tkun ġiet konkluża klawżola ta’ arbitraġġ fih innifsu ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni ( 73 ). Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem waslet għall-istess konklużjoni, billi qieset li, f’kuntest sportiv, huwa leġittimu li t-tilwim jiġi sottomess għal qorti tal-arbitraġġ internazzjonali speċjalizzat, bħall-QAS, sa fejn tali mekkaniżmu jiżgura l-uniformità proċedurali, iċ-ċertezza legali kif ukoll deċiżjonijiet malajr u ekonomiċi, filwaqt li barra minn hekk irrikonoxxiet l-indipendenza u l-imparzjalità tal-QAS ( 74 ). |
158. |
Fil-fatt, huwa diffiċli li wieħed ifassal l-organizzazzjoni jew l-iżvolġiment ta’ kwalunkwe dixxiplina jew kompetizzjoni sportiva jekk kull parteċipant (atleta jew klabb sportiv) ikollu l-possibbiltà li jikkontesta aspett jew ieħor ta’ tali avveniment fuq kwalunkwe bażi legali quddiem qrati nazzjonali jew istanzi ġudizzjarji oħra, dan, b’mod partikolari, fil-preżenza ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali li minnhom infushom, jimplikaw potenzjalment għadd ta’ qrati nazzjonali, li jwassal awtomatikament għal frammentazzjoni tas-sistema attwali. |
159. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, naqbel mal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 156 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li n-natura obbligatorja tal-arbitraġġ u l-fatt li r-regoli ta’ arbitraġġ jagħtu lill-QAS ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tieħu konjizzjoni tat-tilwim dwar id-deċiżjonijiet ta’ ineliġibbiltà jistgħu jkunu ġġustifikati minn interessi leġittimi marbuta mal-ispeċifiċità tal-isport. Għalhekk, inqis li mekkaniżmu mhux statali li jirregola kunflitti fl-ewwel u fit-tieni istanza, bħall-QAS, b’possibbiltà ta’ rikors, limitat kif inhu, quddiem qorti statali, tal-aħħar istanza, huwa adegwat fil-qasam tal-arbitraġġ sportiv internazzjonali. |
160. |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandha tiġi miċħuda. |
C. Fuq it‑tieni parti tal‑ewwel aggravju tal‑appell inċidentali
161. |
Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti fl-appell inċidentali jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li r-regoli ta’ arbitraġġ ma jikkompromettux l-effettività sħiħa tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. F’dan ir-rigward, dawn l-appellanti jqajmu serje ta’ kwistjonijiet li kienu diskussi matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, u li issa huma invokati sabiex jikkontestaw is-sentenza appellata. B’mod iktar preċiż, dawn il-partijiet jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali għal dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-“esterjorità” tal-QAS u tal-Qorti Federali Svizzera meta mqabbla mas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni u l-limiti tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni minn dawn iż-żewġ istanzi, imbagħad, in-natura de facto obbligatorja, għall-isportivi, tal-mekkaniżmu ta’ arbitraġġ inkwistjoni, u fl-aħħar nett, in-natura frammentata, limitata u fl-aħħar mill-aħħar ineffikaċi tal-possibbiltajiet ta’ stħarriġ tal-attività dixxiplinari tal-UIP u tas-sentenza arbitrali korrispondenti mill-qrati nazzjonali ( 75 ). |
162. |
Fl-ewwel lok, infakkar li l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa bbażat fuq sistema ġudizzjarja li tiżgura l-koerenza u l-uniformità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja jiżguraw applikazzjoni sħiħa u effettiva tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt ( 76 ), inkluż fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ( 77 ). F’dan il-kuntest, l-użu tal-arbitraġġ jista’ jnaqqas l-effettività u l-uniformità sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-possibbiltà li tinkiseb protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta tribunal arbitrali ma jagħmilx parti mis-sistema tal-Unjoni u ma huwiex suġġett għal stħarriġ komplet tal-osservanza tad-dritt tal-Unjoni mill-qrati nazzjonali ( 78 ). |
163. |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, it-trattati konklużi mal-Istati Membri, li fihom l-arbitraġġ huwa impost fuq il-partijiet privati u huwa intiż sabiex ineħħi t-tilwim mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess u, min-naħa l-oħra, l-arbitraġġ kummerċjali, li huwa r-riżultat tal-volontà liberament espressa tal-partijiet kkonċernati li jirrigwarda t-tilwim bejn partijiet fuq livell ugwali ( 79 ). |
164. |
Insostenn tal-appell inċidentali tagħhom, l-appellanti jsostnu li r-regoli ta’ arbitraġġ inkwistjoni ma jikkostitwixxux arbitraġġ kummerċjali proprju u għandhom jiġu evalwati fuq l-istess bażi tal-kawżi Achmea u PL Holdings, sa fejn il-kompetenza esklużiva tal-QAS imposta fuq l-atleti hija simili għal dik li l-Istati Membri jimponu lill-partijiet privati fil-kuntest tat-trattati ta’ investimenti bilaterali. Madankollu, jiena tal-fehma li r-raġunament sostnut f’dawn il-kawżi ma huwiex, fi kwalunkwe każ, trasponibbli għar-regoli ta’ arbitraġġ inkwistjoni f’dan il-każ, b’mod partikolari, fid-dawl tad-diverġenza tal-proċeduri tal-arbitraġġ. |
165. |
Bid-differenza għall-kawżi Achmea u PL Holdings, li kienu jirrigwardaw trattat (bilaterali ta’ investiment) konkluż ma’ Stat Membru u li kienu jirrigwardaw il-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri, li kien jipprekludi lil dawn l-Istati Membri milli jawtorizzaw lill-partijiet privati milli jissottomettu tilwim lil korp li ma kienx jifforma parti mis-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni ( 80 ), l-arbitraġġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali japplika fir-relazzjonijiet bejn partijiet privati u federazzjoni sportiva internazzjonali (u mhux Stat Membru). Għalhekk, kif indikat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 162 tas-sentenza appellata, il-kostituzzjoni tal-QAS ma toriġinax minn trattat li permezz tiegħu l-Istati Membri taw il-kunsens tagħhom li jeskludu mill-ġurisdizzjoni tal-qrati tagħhom stess tilwim li jista’ jirrigwarda l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. Għaldaqstant, applikazzjoni b’analoġija tal-prinċipji li jirriżultaw minn dawn is-sentenzi għandha tiġi eskluża għar-raġunijiet preċedenti. |
166. |
Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li kemm l-appellanti fl-appell inċidentali kif ukoll il-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-modalitajiet konkreti tal-arbitraġġ sportiv, u b’mod partikolari, il-fatt li huwa ma jikkostitwixxix arbitraġġ ekonomiku proprju, liberament maqbul bejn iż-żewġ partijiet, iżda arbitraġġ impost b’mod unilaterali u b’mod esklużiv mill-UIP lill-atleti, b’theddida ta’ projbizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet organizzati minn din il-federazzjoni u għalhekk impossibbiltà, għalihom, li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom. |
167. |
Minkejja li fil-fatt, teżisti eventwalment “asimetrija ta’ setgħat” bejn federazzjoni sportiva u l-atleti, li jista’ jwassal sabiex jitqies li dawn tal-aħħar ma għandhom ebda għażla oħra ħlief li jikkonformaw mar-regoli ta’ din il-federazzjoni ( 81 ), jiena tal-fehma li peress li, minn naħa, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-QAS ma humiex ikkontestati, u li, min-naħa l-oħra, l-użu tal-arbitraġġ tal-QAS jista’ jiġi ġġustifikat minn interessi leġittimi marbuta mar-rekwiżit li tilwim sportiv ikun sottomess għal istanza ġudizzjarja speċjalizzata ( 82 ), tali argument ma jistax jirnexxi. |
168. |
Għalhekk, inqis, bħall-Qorti Ġenerali, li r-regoli ta’ arbitraġġ inkwistjoni ma jistgħux, b’mod konkret u waħedhom, isaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-UIP. |
169. |
Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jiena tal-fehma li l-ewwel aggravju tal-appell inċidentali għandu jiġi miċħud. |
V. Konklużjoni
170. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) It-tieni motiv tar-rikorrenti kien jirrigwarda l-konstatazzjoni ta’ restrizzjoni minħabba l-għan u t-tielet u r-raba’ motiv kienu jirrigwardaw l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hijiex inerenti u proporzjonata għat-tfittxija ta’ għanijiet leġittimi.
( 3 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept (C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 4 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni (C‑519/04 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza Meca-Medina, EU:C:2006:492, punti 29 sa 34).
( 5 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 97).
( 6 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais (C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 40).
( 7 ) Ara s-sentenza Meca-Medina (punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u l-punt 45).
( 8 ) Ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Frar 2002, Wouters et (C‑309/99, EU:C:2002:98, punt 110); tal‑4 ta’ Settembru 2014, API et (C‑184/13 sa C‑187/13, C‑194/13, C‑195/13 u C‑208/13, EU:C:2014:2147, punti 43 u 49), kif ukoll tat‑23 ta’ Novembru 2017, CHEZ Elektro Bulgaria u FrontEx International (C‑427/16 u C‑428/16, EU:C:2017:890, punti 51 u 57).
( 9 ) Ara l-punti 87 sa 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Ara l-premessi 29 u 30 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Linji Gwida dwar l-Applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat (ĠU 2004, C 101, p. 97).
( 11 ) Ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas (C‑1/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza OTOC, EU:C:2013:127, punti 101 sa 103).
( 13 ) Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2008, MOTOE (C‑49/07, iktar ’il quddiem is-“sentenza MOTOE, EU:C:2008:376, punt 51), u OTOC (punt 88).
( 14 ) Ara s-sentenzi MOTOE (punti 49 sa 52) u OTOC (punti 69 sa 92).
( 15 ) B’mod iktar speċifiku, l-UIP ssostni li l-eżami mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kontenut tar-regoli li hija stess stabbilixxiet, tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jiffurmaw parti u tal-għanijiet li jsegwu ma jiżvelax il-grad ta’ dannu meħtieġ għal kwalifika ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.
( 16 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 17 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2021, Visma Enterprise, C‑306/20, EU:C:2021:935, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 18 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza CB vs Il-Kummissjoni, EU:C:2014:2204, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 19 ) Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et (C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 28 u 30).
( 20 ) Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 21 ) Ara s-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ING Pensii (C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 22 ) Ara l-punt 86 tas-sentenza appellata.
( 23 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Ara l-punti 89 u 95 tas-sentenza appellata.
( 25 ) Ara l-punti 84 sa 89 u 96 sa 98 tas-sentenza appellata.
( 26 ) Ara l-punti 90 sa 95 tas-sentenza appellata.
( 27 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (punt 50), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 39).
( 29 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 56) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punt 42).
( 30 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 31 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2019:678, punti 54 u 63 sa 73).
( 32 ) Sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009 (C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 31).
( 33 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Dawn l-elementi jistgħu, madankollu, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi ta’ restrizzjonijiet anċillari sabiex juru n-natura sproporzjonata tar-regoli tal-UIP.
( 35 ) Ara s-sentenza OTOC (punt 99).
( 36 ) Ara s-sentenza OTOC (punti 70 sa 100).
( 37 ) Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52).
( 38 ) Ara l-punti 89 u 95 tas-sentenza appellata.
( 39 ) Ara l-punti 100 sa 104 tas-sentenza appellata.
( 40 ) Ara l-punti 105 sa 114 tas-sentenza appellata.
( 41 ) Fil-fatt, minkejja li l-Kummissjoni tagħmel riferiment, fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kontenzjuża, għall-assenza ta’ rabtiet diretti tar-regoli tal-UIP mal-għanijiet leġittimi, element li kien prinċipalment analizzat fil-kuntest tal-eżami tal-kontenut ta’ dawn ir-regoli, il-premessa 171 ta’ din id-deċiżjoni ma tħalli ebda dubju dwar l-approċċ segwit mill-Kummissjoni li jeskludi kull teħid inkunsiderazzjoni ta’ għanijiet leġittimi fl-istadju tal-analiżi tal-għan antikompetittiv.
( 42 ) Ara l-punti 99 sa 114 tas-sentenza appellata.
( 43 ) Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 44 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża CB vs Il-Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:1958, punt 117).
( 45 ) Ara s-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Budapest Bank et (C‑228/18, EU:C:2020:265, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 46 ) Punt 47 ta’ dik is-sentenza.
( 47 ) Punti 70 sa 100 ta’ dik is-sentenza.
( 48 ) Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 49 ) Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (punt 75).
( 50 ) Ara s-sentenza CB vs Il-Kummissjoni (punt 78).
( 51 ) Ara l-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata.
( 52 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, Toshiba Corporation vs Il-Kummissjoni (C‑373/14 P, EU:C:2016:26, punt 29).
( 53 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-informazzjoni dwar il-kompetizzjonijiet li l-UIP kienet aċċettat fil-qasam tal-pattinaġġ artistiku hija s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet diverġenti bejn il-Kummissjoni u l-UIP.
( 54 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, EU:C:2006:229, punt 77).
( 55 ) Ara l-premessi 175 sa 177 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 56 ) Ara s-sentenza tal‑11 ta’ April 2013, Mindo vs Il-Kummissjoni (C‑652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41).
( 57 ) Din il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali donnha hija kkonfermata wkoll mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, fil-premessi 251 sa 266 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li tirrigwarda l-proporzjonalità ta’ dawn ir-regoli fir-rigward tal-għanijiet imfittxija, mingħajr ma din l-analiżi tirrigwarda speċifikament l-avveniment f’Dubai.
( 58 ) F’dan ir-rigward, l-UIP issostni, l-argument imressaq fil-kuntest tal-ewwel parti u ta’ parti mit-tielet parti tal-ewwel aggravju, li l-Kummissjoni kienet ibbażat ruħha fuq l-avveniment f’Dubai sabiex tikkonkludi, fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kontenzjuża, li hija kisret l-Artikolu 101 TFUE “[billi adottat] u billi applikat ir-regoli ta’ eliġibbiltà” (enfasi miżjuda minni).
( 59 ) Ara l-punt 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 60 ) Ara l-punti 100 sa 104 tas-sentenza appellata.
( 61 ) Ara l-punt 108 tas-sentenza appellata.
( 62 ) Fost l-elementi li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat b’mod partikolari li fil-punt 97 tas-sentenza appellata, hija ddeċidiet li r-regoli ta’ eliġibbiltà jippermettu lill-appellanti timponi sanzjonijiet ta’ ineliġibbiltà fuq l-atleti fil-każ ta’ parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet mhux awtorizzati, anki jekk il-kalendarju tal-appellanti ma jipprevedi ebda kompetizzjoni fl-istess ħin u anke jekk l-atleti inkwistjoni ma jistgħux, għal kwalunkwe raġuni, jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet organizzati mill-appellanti.
( 63 ) Ara l-punti 131 sa 164 tas-sentenza appellata.
( 64 ) Ara l-punti 154 sa 156 tas-sentenza appellata.
( 65 ) Punti 142 sa 153 tas-sentenza appellata.
( 66 ) Ara l-punti 157 sa 161 tas-sentenza appellata.
( 67 ) Ara l-punti 138 u 145 tas-sentenza appellata.
( 68 ) Ara l-punti 142 sa 153 tas-sentenza appellata.
( 69 ) Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑2006”).
( 70 ) Ara l-punti 150 sa 152 tas-sentenza appellata.
( 71 ) L-evalwazzjonijiet li jikkonċernaw ir-regoli ta’ arbitraġġ jidhru f’taqsima sussegwenti għall-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, jiġifieri fit-Taqsima 8.7 tad-deċiżjoni kontenzjuża. F’din it-taqsima, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li r-regoli tal-arbitraġġ kienu jikkostitwixxu ksur awtonomu tal-liġi tal-kompetizzjoni, iżda sempliċement li saħħew ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni maħluqa mir-regoli ta’ eliġibbiltà.
( 72 ) Bħala eżempju, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni C(2018) 4761 final tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.40099 – Google Android), il-Kummissjoni eżaminat “elementi ta’ tisħiħ” tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkonstatata fit-taqsima tad-deċiżjoni ddedikata lil din il-konstatazzjoni (premessi 1132 sa 1145) u mhux f’taqsima separata u sussegwenti għal din il-konstatazzjoni.
( 73 ) Ara l-punt 154 tas-sentenza appellata u l-premessa 269 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 74 ) Ara l-Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs l-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punti 98 u 159.
( 75 ) Ara l-premessi 270 u 286 tad-deċiżjoni kontenzjuża.
( 76 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 77 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Frar 2022, Sped-Pro vs Il-Kummissjoni (T‑791/19, EU:T:2022:67, punt 91).
( 78 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings (C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 58 sa 60 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
( 79 ) Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 80 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings (C‑109/20, EU:C:2021:875, punti 45 sa 47), u tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punti 58 sa 60).
( 81 ) Ara l-Qorti EDB, 2 ta’ Ottubru 2018, Mutu u Pechstein vs l-Isvizzera, CE:ECHR:2018:1002JUD004057510, punti 113 sa 115.
( 82 ) Ara l-punti 157 sa 159 ta’ dawn il-konklużjonijiet.