Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0050

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Szpunar, ippreżentati l-15 ta’ Diċembru 2022.
    Prestige and Limousine, S.L. vs Área Metropolitana de Barcelona et.
    Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña.
    Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Artikolu 107(1) TFUE – Servizz ta’ kiri ta’ vetturi privati bix-xufier (VPX) – Skema ta’ awtorizzazzjoni li tinvolvi l-ħruġ, minbarra awtorizzazzjoni li tippermetti li jiġu pprovduti servizzi urbani u interurbani ta’ trasport fit-territorju nazzjonali kollu, tat-tieni liċenzja ta’ operat sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti servizzi urbani ta’ trasport f’żona metropolitana – Limitazzjoni tan-numru ta’ liċenzji ta’ servizzi ta’ VPX għal liċenzja waħda għal kull tletin liċenzja tas-servizzi tat-taxis.
    Kawża C-50/21.

    Court reports – general

    ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:997

     KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

    SZPUNAR

    ippreżentati fil‑15 ta’ Diċembru 2022 ( 1 )

    Kawża C‑50/21

    Prestige and Limousine, S.L.

    vs

    Área Metropolitana de Barcelona,

    Asociación Nacional del Taxi (ANTAXI),

    Asociación Profesional Elite Taxi,

    Sindicat del Taxi de Catalunya (STAC),

    TAPOCA VTC1 SL,

    Agrupació Taxis Companys

    (talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja))

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‐ Artikoli 49 u 107 TFUE ‐ Vetturi privati bix-xufier (VPX) ‐ Limitazzjoni tan-numru ta’ liċenzji operattivi ta’ VPX meta mqabbel man-numru ta’ liċenzji ta’ taxi ‐ Skema ta’ awtorizzazzjoni li tinvolvi l-kisba tat-tieni liċenzja operattiva)

    I. Introduzzjoni

    1.

    Is-swieq fi tranżizzjoni huma attività delikata għal-leġiżlaturi u għal dawk li qegħdin jinterpretaw u japplikaw il-liġi. Iċ-ċirkustanzi ġeopolitiċi, it-teknoloġija u s-soċjetà u, magħhom, id-domanda tal-konsumaturi jinsabu f’evoluzzjoni kostanti. Fl-istess ħin, qegħdin jidhru plejers, teknoloġiji u fornituri ġodda. Huma jkollhom effett ta’ tfixkil fuq iċ-ċirkustanzi eżistenti. Huma jbiddlu l-istatus quo, xi drabi provviżorjament, ta’ spiss għal dejjem. Jekk suq ikun suġġett għal ċertu livell ta’ regolamentazzjoni, l-operaturi l-ġodda, ta’ spiss permezz ta’ mudelli kummerċjali ġodda, għandhom it-tendenza li jkollhom perspettiva diffiċli.

    2.

    L-attività tat-taxis fl-Ewropa tista’ tipprovdi studju tal-każ ta’ suq fi tranżizzjoni. F’diversi postijiet fl-Unjoni Ewropea, il-fornituri ta’ servizzi tat-taxis tradizzjonalment kienu protetti mill-kompetizzjoni permezz ta’ regolamentazzjoni Statali ( 2 ), filwaqt li l-pjattaformi bbażati fuq l-internet bdew joffru servizzi lokali tat-trasport tal-passiġġieri fuq talba b’livell għoli ta’ ħeġġa, preċiżjoni u effikaċja. Dan ikkontribwixxa mhux biss għal trasparenza ikbar fl-istadji kollha tal-provvista tas-servizzi lokali tat-trasport, fejn il-provvista u d-domanda huma akkumpanjati minn livell ta’ preċiżjoni ogħla minn qabel, iżda żied ukoll kemm il-provvista kif ukoll id-domanda. F’dak li jirrigwarda x-xufiera, illum il-ġurnata huwa ħafna iktar faċli minn qabel biex issir xufier u biex toffri servizzi permezz ta’ pjattaforma, filwaqt li l-konsumaturi għandhom kontroll ikbar fuq il-mod, fejn u l-ispiża sabiex huma jiġu ttrasportati. Barra minn hekk, it-trasport privat lokali sar iktar affordabbli u l-ostaklu ekonomiku għad-dħul tal-konsumaturi tnaqqas kunsiderevolment. Il-persuni li ma setgħux jaffordjaw it-trasport privat qabel issa ta’ spiss huma f’pożizzjoni fejn jaffordjawh. Dan kollu wassal għal sitwazzjoni fejn id-distinzjoni bejn is-servizzi tat-taxis tradizzjonali u l-plejers il-ġodda fis-suq saret vaga u fejn is-servizzi tagħhom jikkonverġu. Barra minn hekk, dan wassal għal ċertu fertilizzazzjoni trasversali fis-sens li l-operaturi tat-taxis tradizzjonali jużaw dejjem iktar applikazzjonijiet ibbażati fuq l-internet sabiex ilaqqgħu l-provvista mad-domanda.

    3.

    Kif taf sew il-Qorti tal-Ġustizzja, iż-Żona Metropolitana ta’ Barcelona (iktar ’il quddiem l-“AMB”) ukoll esperjenzat din it-tendenza, u dan huwa għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġiet ikkonfrontata bil-problema tas-servizzi lokali ta’ trasport tal-passiġġieri fuq talba f’Barcelona qabel illum. B’mod partikolari, fis-sentenza importanti tal-Asociación Profesional Elite Taxi ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ċerti pjattaformi bbażati fuq l-internet jipprovdu servizz fil-qasam tat-trasport, li għandu bħala konsegwenza li la d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123/KE ( 4 ), lanqas dawk tad-Direttiva 2000/31/KE ( 5 ) u lanqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 56 TFUE ma huma applikabbli, u dan jimplika li l-miżuri adottati mill-Istati Membri ma jistgħux jiġu mistħarrġa fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’mod partikolari, tali impriżi ma jistgħux jevadu l-obbligi li jista’ jkollhom bħala impriżi li joffru servizzi ta’ trasport billi “jaħarbu” mir-regolamentazzjoni tal-Istat Membru permezz tad-Direttiva 2000/31, li, mid-definizzjoni tagħha stess, timplika ftit obbligi għall-fornituri ta’ aċċess għall-internet.

    4.

    Fl-istess ħin, huwa magħruf li l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE ma tapplikax għas-servizzi fil-qasam tat-trasport. Dan huwa l-punt ta’ tluq ta’ din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk il-bilanċ, adottat mir-regolatur Spanjol, bejn is-servizzi klassiċi tat-taxis u s-servizzi ta’ trasport ipprovduti permezz ta’ vetturi privati bix-xufier (VPX) ( 6 ) jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 49 TFUE.

    5.

    F’Barcelona wkoll, il-mudell tradizzjonali tat-taxis qiegħed jaffaċċja sfida. Sistema ta’ servizzi lokali ta’ trasport tal-passiġġieri fuq talba żviluppat b’mod parallel mas-suq tradizzjonali tat-taxis u l-VPX bdew jidhru fix-xena. Fi Spanja, il-VPX kienu tradizzjonalment maħsuba sabiex ikopru s-suq tat-trasport interurban, iżda huma sabu posthom fit-trasport intraurban. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ dan l-aħħar aspett, mill-perspettiva tal-klijent b’mod speċifiku, dawn huma taxis għalkemm ma jissejħux hekk, billi huma joffru servizzi ta’ trasport lill-klijenti kontra l-ħlas ta’ tariffa. Fl-istess ħin, fl-AMB, huma għandhom inqas drittijiet (pereżempju l-użu ta’ mogħdijiet tal-karozzi tal-linja u tat-taxis huwa pprojbit) u inqas obbligi (ma teżistix tariffa fissa u ma humiex obbligati jaċċettaw klijent).

    6.

    Peress li l-mudell VPX sar vittma tas-suċċess tiegħu stess u faqqsu iktar fornituri, ir-regolatur Spanjol involva ruħu fuq livell nazzjonali u lokali. Liċenzji speċifiċi kienu meħtieġa għall-AMB u dawn il-liċenzji kienu limitati għal liċenzja waħda għal kull 30 liċenzja tat-taxi. Fil-prattika, peress li n-numru ta’ liċenzji ta’ taxi baqa’ stabbli matul l-aħħar 35 sena, l-operaturi l-ġodda fis-suq VPX huma preklużi milli jaċċedu għal dawn il-liċenzji.

    7.

    F’dawn il-konklużjonijiet, ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sistema, kif teżisti bħalissa fl-AMB, tmur kontra l-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE, sa fejn din tikkonċerna l-proporzjon ta’ liċenzja VPX waħda għal kull 30 liċenzja tat-taxi. Din tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal din il-libertà fundamentali.

    II. Il‑kuntest ġuridiku

    8.

    Skont l-Artikolu 43 tal-Ley 16/1987 de Ordenación de los Transportes Terrestres (il-Liġi 16/1987 li Tirregola t-Trasport fuq l-Art), tat‑30 ta’ Lulju 1987 (BOE Nru 182 tal‑31 ta’ Lulju 1987), kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Irjali 3/2018 tal‑20 ta’ April 2018 (BOE Nru 97 tal‑21 ta’ April 2018) (iktar ’il quddiem il-“LOTT”), l-għoti ta’ liċenzja ta’ trasport pubbliku huwa suġġett għall-produzzjoni ta’ prova, mill-impriża rikorrenti, li, inter alia, hija tissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi oħra meħtieġa għall-eżekuzzjoni korretta tas-servizzi stabbiliti permezz ta’ regolamentazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni.

    9.

    L-Artikolu 48 tal-LOTT jipprovdi kif ġej:

    “1.   L-għoti ta’ liċenzja ta’ trasport pubbliku ma huwiex diskrezzjonali u għalhekk jista’ jiġi rrifjutat biss jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa ma jkunux issodisfatti.

    2.   Madankollu, skont il-liġijiet tal-[Unjoni Ewropea] u kull dispożizzjoni oħra applikabbli, meta l-kunsinna ta’ vetturi għall-kiri pubbliku tkun suġġetta għal limiti kwantitattivi ġewwa l-komunità awtonoma jew fuq il-livell lokali, jistgħu jsiru regolamenti li jiffissaw limiti għan-numru ta’ liċenzji ġodda maħruġa għall-provvista ta’ trasport interurban mill-kategorija ċċitata iktar ’il fuq ta’ vetturi u għall-vetturi privati bix-xufier.

    3.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, sabiex jinżamm bilanċ xieraq fil-provvista taż-żewġ modi ta’ trasport, l-għoti ta’ liċenzji ġodda għal vetturi privati bix-xufier jista’ jiġi rrifjutat meta l-proporzjon tal-permessi eżistenti fit-territorju tal-komunità awtonoma li fiha l-vetturi huma intiżi li jiġu stabbiliti huwa ogħla minn 1 għal kull 30 permess maħruġ għall-vetturi għall-kiri pubbliku.

    Madankollu, dawn il-komunitajiet awtonomi li l-gvern nazzjonali ddelegalhom ir-responsabbiltà fil-qasam tal-liċenzji għall-vetturi privati bix-xufier jistgħu jemendaw ir-regola ta’ proporzjonalità msemmija fil-paragrafu preċedenti, bil-kundizzjoni li r-regola li huma jistabbilixxu tkun inqas restrittiva.”

    10.

    L-Artikolu 91 tal-LOTT jipprovdi li l-liċenzji tat-trasport pubbliku huma validi għall-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali kollu, mingħajr ebda restrizzjoni fir-rigward tal-punt tat-tluq jew tad-destinazzjoni tal-vjaġġ, bl-eċċezzjoni, fost oħrajn, tal-liċenzji għall-vetturi privati għall-kiri, li għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti minn regolamentazzjoni fir-rigward tal-punt tat-tluq, tad-destinazzjoni jew tar-rotta offruti mis-servizzi.

    11.

    Il-LOTT hija implimentata mir-Reglamento de la Ley de Ordenación de los Transportes Terrestres (ir-Regolament li Jimplimenta l-Liġi li Tirregola t-Trasport fuq l-Art, iktar ’il quddiem ir-“ROTT”), li ġie emendat diversi drabi.

    12.

    Parti mir-ROTT hija, min-naħa tagħha, implimentata mill-Orden FOM/36/2008 por la que se desarrolla Sección Segunda del capítulo IV del título V, en materia de arrendamiento de vehículos con conductor, del Reglamento de la Ley de Ordenación de los Transportes Terrestres (id-Digriet FOM/36/2008 li jimplimenta t-Tieni Taqsima tal-Kapitolu IV tat-Titolu V tar-Regolament li Jimplimenta l-Liġi li Tirregola t-Trasport fuq l-Art fir-Rigward tal-Vetturi Privati bix-Xufier) tad‑9 ta’ Jannar 2008 (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-VPX), li mbagħad kienet emendata mid-Digriet FOM/2799/2015 tat‑18 ta’ Diċembru 2015. L-Artikolu 1 tad-Digriet VPX, intitolat “Rekwiżit mandatorju għall-għoti ta’ liċenzji”, jistipula li, “sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ vetturi privati bix-xufier, għandha tinkiseb liċenzja għal kull vettura li ser tintuża għal dawn is-servizzi”.

    13.

    Il-kawża prinċipali hija kontestazzjoni tar-Reglamento de ordenación de la actividad de transporte urbano discreonal de viajeros con conductor en vehículos de hasta nueve plazas que circula íntegramente en el ámbito del Área Metropolitana de Barcelona (ir-Regolament dwar is-Servizzi ta’ Trasport Urban Mhux Regolari Pprovduti permezz ta’ Vetturi Privati bix-Xufier għall-Passiġġieri li għandhom sa Disgħa Siġġijiet li Joperaw biss fl-AMB, iktar ’il quddiem ir-“RVTC”), approvat fis‑26 ta’ Ġunju 2018 mill-Consejo Metropolitano del Área Metropolitana de Barcelona (il-Kunsill Metropolitan tal-AMB) u ppublikat fil-Boletín Oficial de la Provincia de Barcelona (il-Gazzetta Uffiċjali tal-Provinċja ta’ Barcelona) fid‑9 ta’ Lulju 2018 kif ukoll fid-Diari Oficial de la Generalitat de Catalunya (il-Gazzetta Uffiċjali tal-Gvern ta’ Cataluña) numru 7897 tal‑14 ta’ Ġunju 2019, li daħal fis-seħħ fil‑25 ta’ Lulju 2018.

    14.

    Wara li ċċita l-bażijiet legali tar-Regolament fid-dritt nazzjonali u fid-dritt tal-Komunità Awtonoma ta’ Cataluña, il-preambolu tar-RVTC jirrileva li l-mudell ta’ trasport tal-passiġġieri inkwistjoni huwa suġġett għal regolamentazzjoni governattiva permezz tad-diversi tekniki differenti, b’mod kompletament differenti mill-mudelli adottati xi mkien ieħor, li jipprovdu li t-trasport tal-passiġġieri fil-forom differenti tiegħu huwa “liberalizzat” b’mod li jiffavorixxi t-trasport privat. Dan il-mudell huwa ġġustifikat b’riferiment għall-insegwiment tas-sostenibbiltà ambjentali u finanzjarja u għall-provvista ta’ spazji ġodda intiżi għal finijiet pubbliċi minbarra t-traffiku tal-vetturi. Skont il-preambolu, dan huwa inkompatibbli mal-promozzjoni taż-żieda tal-vetturi privati bix-xufier f’postijiet urbani għal użu individwali jew għall-kapaċità totali tal-vettura.

    15.

    L-Artikolu 1 jistabbilixxi li r-RVTC għandu l-għan li jirregola t-trasport urban mhux regolari ta’ persuni mwettaq minn vetturi li għandhom sa disa’ siġġijiet li joperaw biss fl-AMB. L-Artikolu 2 jistabbilixxi li l-kamp ġeografiku tar-regolamenti huwa limitat għall-AMB. Skont l-Artikolu 3, is-servizzi ta’ vetturi privati bix-xufier li għandhom sa disa’ siġġijiet, inkluż is-sewwieq, huma ddefiniti bħala servizzi li huma pprovduti għall-kiri bi ħlas, li ma joperawx skont rotot lineari jew networks ta’ żoni jew f’mumenti predeterminati, u li għalihom il-pagament isir permezz ta’ kuntratt konkluż ma’ utent wieħed jew fir-rigward tal-kapaċità totali tal-vettura. Skont l-Artikolu 5, is-setgħat ta’ intervent amministrattiv f’dawn is-servizzi jaqgħu fuq l-AMB (l-awtorità lokali), li taġixxi permezz tal-Instituto Metropolitano del Taxi (il-Kunsill Metropolitan tat-Taxis, iktar ’il quddiem l-“IMET”).

    16.

    Skont l-Artikolu 6 tar-RVTC, l-AMB hija inkarigata toħroġ l-awtorizzazzjonijiet għall-provvista ta’ tali servizzi, tirrevedi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzji u, jekk ikun xieraq, tirrevoka l-liċenzji. Is-superviżjoni tal-attività tinkludi, fost oħrajn, ir-regolamentazzjoni tal-attività, tas-sistema ta’ għoti ta’ liċenzji u tar-reġim ta’ sanzjonijiet.

    17.

    L-Artikolu 7 tar-RVTC jistipula li, sabiex jiġi żgurat is-servizz imsemmi iktar ’il fuq fil-kuntest taż-żona unitarja ta’ ġestjoni tat-trasport urban li jinkludi t-territorju tal-AMB, għandha l-ewwel tinkiseb liċenzja li tawtorizza lid-detentur tal-liċenzja għal kull vettura li ser tipprovdi s-servizz. Skont l-Artikolu 7(4) u (5), is-servizzi li jibdew u jintemmu f’din iż-żona ġeografika jistgħu jiġu pprovduti biss bis-saħħa ta’ liċenzja maħruġa mill-AMB, u din il-liċenzja għandha tinżamm flimkien ma’ kull liċenzja oħra maħruġa minn awtoritajiet oħra fil-kuntest tas-setgħat tagħhom.

    18.

    L-Artikolu 10 tar-RVTC, intitolat “Determinazzjoni tan-numru ta’ liċenzji”, jistabbilixxi li hija l-AMB li għandha tistabbilixxi n-numru massimu ta’ liċenzji f’kull mument, billi tikkunsidra l-ħtieġa li tiġi żgurata provvista ta’ servizzi ta’ kwalità għolja lill-pubbliku u li tippermetti lill-operaturi li jagħmlu qligħ.

    19.

    Id-dispożizzjoni tranżitorja tar-RVTC tirrikonoxxi l-validità tal-liċenzji maħruġa qabel li kienu għadhom fis-seħħ meta r-RVTC daħlet fis-seħħ, u tistipula li dawn huma rregolati minn u huma suġġetti għar-regolament il-ġdid. Skont l-ewwel dispożizzjoni addizzjonali, in-numru totali ta’ liċenzji huwa limitat għal dawk maħruġa skont id-dispożizzjoni tranżitorja. L-istess dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-IMET huwa inkarigat li jipproponi l-ftuħ tal-proċess ta’ determinazzjoni tan-numru massimu ta’ liċenzji oltre dawk previsti mid-dispożizzjoni tranżitorja, u tistipula li n-numru ta’ liċenzji fis-seħħ f’kull mument ma jistax jaqbeż il-proporzjon ta’ liċenzja waħda VPX għal kull 30 liċenzja tat-taxi.

    III. Il‑fatti, il‑proċedura u d‑domandi preliminari

    20.

    Prestige and Limousine S.L. (iktar ’il quddiem “P&L”) hija detentriċi ta’ liċenzji għall-operat ta’ servizz VPX fl-AMB. Hija tikkontesta quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) u titlob l-annullament tar-RVTC, li huwa intiż sabiex jirregola s-servizzi VPX fl-AMB kollha ta’ Barcelona u li jagħmel użu mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 48(3) tal-LOTT li jillimita n-numru ta’ liċenzji għas-servizzi VPX għal 1 għal kull 30 liċenzja mogħtija għas-servizzi tat-taxis.

    21.

    Hemm diversi kawżi ta’ dan it-tip pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju. Erbatax mill-kumpanniji li kienu diġà jipprovdu servizzi VPX f’din iż-żona, fosthom P&L u kumpanniji marbuta ma’ pjattaformi internazzjonali, iqisu li, fid-dawl tal-limitazzjonijiet u tar-restrizzjonijiet imposti fuqhom mir-RVTC, l-għan waħdieni tal-adozzjoni tiegħu kien li jostakola l-attività tagħhom, u biss biex jipproteġi l-interessi tal-industrija tat-taxis. Għaldaqstant, P&L u dawn il-kumpanniji l-oħra talbu lill-qorti tar-rinviju tiddikjara r-RVTC bħala null u mingħajr effett.

    22.

    It-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) tirrileva li t-taxis u l-VPX jikkompetu bejniethom f’dak li jirrigwarda s-servizz urban ta’ trasport tal-passiġġieri. Is-servizz tat-taxis huwa suġġett għar-regolamentazzjoni u għal-limitazzjoni tan-numru ta’ liċenzji, u t-tariffi tiegħu huma suġġetti għal awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel. It-taxis jistgħu jużaw mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, jiddisponu minn waqfiet fit-toroq u jistgħu jiġbru l-klijenti mit-triq. Għalkemm il-kamp ta’ azzjoni l-iktar karatteristiku tagħhom huwa ż-żona urbana, it-taxis jistgħu xorta waħda jipprovdu servizzi ta’ trasport interurban, bla ħsara għar-rekwiżiti rilevanti.

    23.

    Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, is-servizzi VPX huma limitati min-numru ta’ liċenzji. Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-VPX kienu f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi ta’ trasport interurban u urban fit-territorju nazzjonali kollu bi prezzijiet li ma kinux suġġetti għal awtorizzazzjoni minn qabel, iżda għal sistema ta’ prezzijiet miftiehma li tippermetti lill-klijent ikun jaf minn qabel ‐ u normalment iħallas bl-internet ‐ il-prezz totali tas-servizz. B’differenza mit-taxis, il-VPX ma kinux awtorizzati jużaw mogħdijiet tal-karozzi tal-linja, ma kellhomx waqfiet fit-toroq u ma setgħux jiġbru l-klijenti mit-toroq sakemm is-servizz ma jkunx ġie miftiehem minn qabel permezz tal-applikazzjoni informatika rilevanti.

    24.

    Il-qorti tar-rinviju tispjega li, wara t-tneħħija tal-limitazzjoni legali tan-numru ta’ liċenzji VPX għal 1 għal kull 30 liċenzja tat-taxi fl‑2009, kien hemm żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ fornituri VPX fl-AMB sal‑2015. Huwa dan il-fenomenu li l-Kunsill Metropolitan tal-AMB ried ibiddel permezz tal-adozzjoni tar-RVTC u l-limitazzjoni tal-liċenzji ta’ servizz VPX.

    25.

    Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fl‑2018, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) iddeċidiet li l-proporzjon adottat (1:30) qatt ma kien ġie ġġustifikat minn kunsiderazzjoni oġġettiva. Minn dan hija tikkonkludi li l-Artikolu 48(3) tal-LOTT, li ppermetta lir-RVTC jillimita l-liċenzji tas-servizzi VPX, jista’ jiġi kklassifikat bħala arbitrarju u għalhekk kuntrarju għall-Artikolu 49 TFUE, għaliex irendi prattikament impossibbli, għall-impriżi li joffru servizzi VPX fl-Unjoni, li jistabbilixxu ruħhom fl-AMB, kif ukoll għall-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-ostakolu tal-kummerċ fi ħdan l-Unjoni.

    26.

    It-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) għandha l-istess dubji dwar il-kompatibbiltà ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni tar-reġim ta’ “liċenzja doppja” li l-VPX ġew suġġetti għaliha fl-AMB. Peress li l-Artikolu 91 tal-LOTT u l-Artikolu 182(2) tar-ROTT kienu jipprovdu, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, li l-liċenzji għall-operat ta’ VPX kienu jippermettu l-provvista ta’ “servizzi urbani u interurbani fit-territorju kollu nazzjonali”, iż-żieda mill-Kunsill Metropolitan tal-AMB ta’ rekwiżit għal liċenzja għall-provvista ta’ servizzi VPX urbani fl-AMB, suġġett għal rekwiżiti addizzjonali, setgħet titqies bħala strateġija intiża sabiex inaqqas il-kompetizzjoni mis-servizzi tal-VPX fir-rigward tat-taxis. Dan is-suspett huwa kkorroborat mill-fatt li sussegwentement, abbażi tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 13/2018 tal‑20 ta’ April 2018 (BOE 97 tal‑21 ta’ April 2018), li jemenda l-LOTT, regolament ġdid AMB kien jillimita s-servizzi VPX għat-trasport “interurban” u kien jipprevedi t-tneħħija tas-servizzi urbani jew metropolitani tal-VPX f’terminu ta’ erba’ snin.

    27.

    Il-ġustifikazzjonijiet tar-RVTC invokati mill-AMB huma li, l-ewwel, il-VPX jheddu l-vijabbiltà ekonomika tat-taxis, jipprovdulhom “kompetizzjoni żleali” u jwasslu għal użu intensiv tar-rotot ta’ trasport. It-tieni, l‑10 523 liċenzja tat-taxi metropolitana mogħtija huma suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-popolazzjoni u fl-istess ħin jiżguraw il-profittabbiltà tan-negozju tat-taxis. Fl-aħħar nett, l-AMB invokat il-protezzjoni tal-ambjent.

    28.

    Madankollu, skont il-qorti nazzjonali, kunsiderazzjonijiet ekonomiċi dwar is-sitwazzjoni tat-taxis ma jistgħux jiġġustifikaw il-miżuri tar-RVTC. F’dak li jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu tar-rotot ta’ trasport, l-AMB ma bbilanċjatx l-effett li s-servizzi VPX jista’ jkollhom fuq it-tnaqqis tal-użu tal-karozzi privati. Minbarra dan, il-vetturi VPX ikunu obbligati li jkollhom post għall-ipparkjar u ma jistgħux jipparkjaw fl-awtostradi pubbliċi waqt li jistennew il-klijenti. Bl-istess mod, kunsiderazzjonijiet ambjentali jeskludu t-tekniki eżistenti li jistgħu jiggarantixxu l-provvista tas-servizz permezz ta’ vetturi li ma jniġġsux jew li jniġġsu biss ftit. Barra minn hekk, huwa kurjuż jekk, f’dan il-kuntest, il-flotta tat-taxis tiġi deskritta bħala nadifa mingħajr ebda indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom din id-deskrizzjoni ma testendix għall-flotta VPX.

    29.

    Ir-raġunament għar-RVTC jidher għalhekk li huwa intiż sabiex jaħbi l-għan essenzjali tal-miżura, jiġifieri, preżumibbilment, li jiġu ppreżervati jew protetti l-interessi tas-settur tat-taxis, li ġie mmobilizzat sal-punt li jwassal lil-leġiżlatur sabiex jirrifletti l-klima ta’ tensjoni eżistenti marbuta ma’ sitwazzjoni ta’ kunflitt bejn iż-żewġ oqsma professjonali kkonċernati, it-taxis u l-VPX. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni provviżorja tal-qorti tal-ewwel istanza kienet influwenzata ħafna mir-rapporti kritiċi tar-RVTC stabbiliti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni indipendenti, kemm Spanjoli kif ukoll ta’ Cataluña.

    30.

    Huwa f’dan il-kuntest li, permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Jannar 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Jannar 2021, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin:

    “(1)

    L-Artikoli 49 u 107(1) TFUE jipprekludu dispożizzjonijiet nazzjonali – liġijiet u regolamenti – li mingħajr ebda raġuni plawżibbli jillimitaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ VPX għal awtorizzazzjoni għal kull tletin liċenzja ta’ taxi jew inqas?

    (2)

    L-Artikoli 49 u 107(1) TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li mingħajr ebda raġuni plawżibbli tistabbilixxi t-tieni awtorizzazzjoni u rekwiżiti addizzjonali għall-VPX li jixtiequ joffru servizzi urbani?”

    31.

    Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni ta’ Sindicat del Taxi de Catalunya, mill-Gvern Ċek u mill-Gvern Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-AMB u tal-Gvern Ċek, ipparteċipaw fis-seduta li saret fil‑5 ta’ Ottubru 2022.

    IV. Evalwazzjoni

    32.

    Kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jikkonċentraw l-analiżi tagħhom fuq il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikolu 49 TFUE.

    A. Ammissibbiltà

    33.

    Ċerti partijiet isostnu li d-domandi magħmula ma humiex ammissibbli. L-argumenti tagħhom ser jiġu eżaminati suċċessivament.

    1.   Ir‑rekwiżiti formali tal‑Artikolu 94 tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

    34.

    L-ewwel, l-AMB issostni li l-qorti tar-rinviju ma ssemmix il-leġiżlazzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali kollha applikabbli. Huwa maħsub li r-regoli li jifformaw il-bażi għall-adozzjoni tar-RVTC ma humiex stabbilit korrettament.

    35.

    Jiena ma naqbilx ma’ dan it-tħassib, għaliex jidhirli li huwa ċar liema kwistjonijiet il-qorti tar-rinviju qiegħda titlob li jiġu ċċarati: il-proporzjon ta’ liċenzja VPX waħda għal kull 30 liċenzja tat-taxi u r-rekwiżit tat-tieni liċenzja għall-VPX biex joperaw fl-AMB. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti għall-Qorti tal-Ġustizzja li tkun taf liema huma d-dispożizzjonijiet preċiżi tad-dritt nazzjonali, reġjonali jew lokali li huma applikabbli. Dak li huwa importanti huwa li l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika waħda li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddetermina l-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari ( 7 ), tiddeskrivi b’mod ċar il-kuntest ġuridiku li hija tapplika. Dan sar.

    36.

    It-tieni, P&L għandha riservi simili. Hija ssostni li, sa fejn id-domandi jirreferu għal-liġijiet nazzjonali fis-sens ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari, dawn il-kwistjonijiet ma humiex rilevanti peress li l-kawża li tressqet quddiem il-qorti nazzjonali tirrigwarda (biss) il-legalità tar-RVTC.

    37.

    Għal darba oħra, ma narax ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi f’dan il-każ. Kuntrarjament għal dak li ssostni P&L, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina b’mod preċiż id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-każ inkwistjoni. Minflok, din hija pjuttost kwistjoni ta’ fatt li għandha tkun deċiża mill-qorti tar-rinviju.

    2.   Il‑kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni

    38.

    It-tielet, l-AMB tenfasizza li, fil-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-elementi kollha tat-tilwima jiżvolġu fi Spanja u, għaldaqstant, jikkostitwixxu sitwazzjoni purament interna, bil-konsegwenza li din il-kawża tkun inammissibbli minħabba li l-Artikolu 49 TFUE ma huwiex skattat. Fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni, naħseb li wieħed jista’ jafda b’ċertezza fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ullens de Schooten ( 8 ), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ġabret fil-qosor b’mod preċiż u kklassifikat l-erba’ sitwazzjonijiet li fihom kawżi li jirriżultaw minn sitwazzjonijiet purament interni jkunu madankollu ammissibbli ( 9 ) sabiex tingħata deċiżjoni preliminari. Tnejn minn dawn is-sitwazzjonijiet jistgħu japplikaw għal din il-kawża: (1) meta ma jistax jiġi eskluż li ċ-ċittadini stabbiliti fi Stati Membri oħra kienu jew setgħu ikunu interessati jagħmlu użu minn dawn il-libertajiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fit-territorju tal-Istat Membru li kien adotta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni u, konsegwentement, li din il-leġiżlazzjoni, li tapplika mingħajr distinzjoni għaċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru u għal dawk ta’ Stati Membri oħra, tista’ tipproduċi effetti li ma kinux limitati għal dak l-Istat Membru ( 10 ); u (2) meta l-qorti tar-rinviju tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ proċedura għall-annullament ta’ dispożizzjonijiet li japplikaw mhux biss għaċ-ċittadini tagħha, iżda wkoll għal dawk ta’ Stati Membri oħra, id-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li ser tiġi adottata wara s-sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha wkoll effetti fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra ( 11 ).

    39.

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju hija biss 1 minn 14‑il kawża pendenti quddiem dik il-qorti dwar il-validità tar-RVTC, fejn ċerti kawżi minn dawn ġew ippreżentati minn kumpanniji barranin. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li, għalkemm il-fatti tal-każ speċifiku jistgħu jiġu limitati għal Spanja, is-suġġett inkwistjoni ċertament ma huwiex limitat b’dan il-mod u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha riperkussjonijiet diretti fuq l-operaturi ekonomiċi li ġejjin minn ġewwa l-Unjoni, iżda barra minn Spanja. Għaldaqstant, ma hemm xejn ta’ natura ipotetika dwar dan il-każ fir-rigward tal-operaturi barranin u l-kriterji msemmija iktar ’il fuq f’Ullens de Schooten ( 12 ) huma ssodisfatti.

    40.

    Barra minn hekk, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, il-kriterji ta’ Fremoluc huma ssodisfatti, li skonthom it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiddikjara b’mod ċar fatturi speċifiċi, jiġifieri mhux kunsiderazzjonijiet ipotetiċi, iżda provi speċifiċi, bħal ilmenti jew rikorsi ppreżentati minn operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra jew li jinvolvu ċittadini ta’ dawk l-Istati Membri, sabiex tiġi stabbilita, b’mod pożittiv, l-eżistenza tar-rabta ta’ konnessjoni meħtieġa ( 13 ).

    41.

    Dan sar mill-qorti tar-rinviju.

    42.

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala ammissibbli. Għaldaqstant, issa ser ngħaddi sabiex nipproponi risposti għad-domandi magħmula.

    B. Fuq il‑mertu

    1.   Osservazzjonijiet preliminari dwar it‑trasport lokali privat tal‑passiġġieri

    43.

    It-trasport lokali tal-passiġġieri huwa problema ewlenija li l-muniċipalitajiet, ir-reġjuni, l-Istati Membri u l-Unjoni qegħdin jaffaċċjaw fil-preżent. Huwa għandu rwol kruċjali fil-ħajja kwotidjana taċ-ċittadini u tar-residenti. Huwa strettament marbut ma’ ‐ u jifforma u jiddetermina ‐ kwistjonijiet ta’ politika ekonomika, ambjentali u soċjali u għandu rwol fil-mod kif jiġu rregolati aspetti tal-ħajja tal-persuni. Huwa għandu ramifikazzjonijiet għall-ippjanar tal-ibliet u tal-kampanja, (għall-aċċess għal) akkomodazzjoni u għat-tniġġis tal-arja. Għalhekk, huwa biss naturali li l-Unjoni, l-Istati Membri u entitajiet oħra fil-livell nazzjonali, inklużi l-muniċipalitajiet, jitħabtu ma’ din il-kwistjoni u jfittxu soluzzjonijiet. Il-mistoqsijiet tipiċi f’dan ir-rigward huma: kemm trasport pubbliku huwa pprovdut? Kif inhu ffinanzjat? X’inhu l-livell ta’ intervent tal-Istat fit-trasport privat? Kemm hija densa r-regolamentazzjoni?

    44.

    Is-servizzi lokali tat-trasport tal-passiġġieri fuq talba huma servizzi ta’ trasport b’karozza u xufier li jitwettqu fuq talba tal-passiġġier ( 14 ). Dawn huma tipikament fil-forma ta’ taxis u dawk li jissejħu VPX. Għalkemm il-provvista ta’ servizzi ta’ taxis baqgħet pjuttost stabbli fl-Unjoni kollha, fis-sens li liċenzji ġodda rarament jinħarġu f’dan is-suq irregolat ħafna (u ta’ spiss protett), is-servizzi VPX jikkostitwixxu fenomenu iktar reċenti.

    45.

    B’mod iktar preċiż, servizzi tat-trasport lokali fuq talba tal-passiġġieri, li huma, min-natura tagħhom stess, forma privata ta’ trasport fis-sens li l-fornituri ta’ servizzi ma humiex entitajiet pubbliċi, attwalment ma humiex suġġetti għal armonizzazzjoni fl-Unjoni. Konsegwentement, l-Istati Membri huma liberi li jintervjenu u li jirregolaw sakemm josservaw id-dritt primarju, li jimplika qabel kollox l-osservanza tal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE ( 15 ).

    46.

    It-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-eżistenza ta’ liċenzja, filwaqt li l-ewwel domanda tirrigwarda n-numru ta’ liċenzji li jistgħu jingħataw. Iż-żewġ domandi jirrigwardaw il-kompatibbiltà mal-Artikolu 49 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ser nittrattahom kif ġej: ser ngħaqqadhom fis-sens li, fil-kuntest tal-eżami klassiku skont l-Artikolu 49 TFUE, ser nindirizza l-ewwel nett il-kwistjoni tar-restrizzjoni u mbagħad il-ġustifikazzjoni possibbli tagħha. Fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjoni u tal-ġustifikazzjoni tagħha, ser nindirizza l-ewwel nett il-kwistjoni tal-eżistenza u sussegwentement dik tan-numru ta’ liċenzji, u b’hekk nibdel xi ftit l-ordni tad-domandi preliminari. Barra minn hekk, id-domandi għandhom ikunu fformulati marġinalment mill-ġdid u mifthiema kif ġej ( 16 ): “(1) L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali li jimponu fuq operaturi ekonomiċi li jixtiequ jipprovdu servizzi VPX fil-limiti ta’ żona metropolitana li jiksbu liċenzja relatata, meta dawn l-operaturi jkunu diġà detenturi ta’ liċenzja nazzjonali li tippermettilhom joffru servizzi VPX ‘interurbani’ u ‘urbani’ fit-territorju nazzjonali kollu? (2) L-Artikolu 49 TFUE jipprekludi li n-numru ta’ tali liċenzji VPX ikun limitat għal 1 għal kull 30 liċenzja tat-taxi jew inqas, fl-istess żona metropolitana?”

    47.

    Għalkemm id-domandi, kif ifformulati mill-ġdid, iqumu fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda r-RVTC, jiġifieri r-regolament stabbilit mill-AMB, ċerti partijiet fil-kawża jsostnu li l-qorti tar-rinviju, b’mod inċidentali, tistaqsi wkoll dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mal-Artikolu 49 TFUE, li, fuq livell intern, jiġifieri fl-ordinament ġuridiku Spanjol, huwa ogħla mir-RVTC.

    48.

    Kif diġà esponejt fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ din il-kawża, għalkemm dan jista’ tabilħaqq ikun veru ( 17 ), l-interazzjoni tad-dritt intern Spanjol ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda taħt dik tal-qorti tar-rinviju. Konsegwentement, f’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għall-“miżuri inkwistjoni” sabiex niddeskrivi a) ir-rekwiżit ta’ liċenzja u b) il-proporzjon ta’ liċenzja VPX waħda għal kull 30 liċenzja tat-taxi fl-AMB.

    2.   Restrizzjoni

    49.

    L-Artikolu 49(1) TFUE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Dan japplika wkoll għar-restrizzjonijiet għall-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji miċ-ċittadini ta’ kwalunkwe Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

    50.

    Hija ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 49 TFUE għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment ( 18 ). B’mod partikolari, il-kunċett ta’ restrizzjoni (jew ostakolu) imur lil hinn mid-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità u jkopri l-miżuri meħuda minn Stat Membru li, għalkemm applikabbli mingħajr distinzjoni, jaffettwaw l-aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi ta’ Stati Membri oħra u b’hekk jostakolaw il-kummerċ intra-Komunitarju ( 19 ). Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-libertà ta’ stabbiliment tiddistingwixxi ruħha mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi l-ewwel u qabel kollox minħabba l-istabbiltà u l-kontinwità tal-attività inkwistjoni, meta mqabbla ma’ attività ta’ natura temporanja ( 20 ).

    51.

    Permezz ta’ dawk l-istandards, il-miżuri inkwistjoni jirrestrinġu l-libertà ta’ stabbiliment tal-operaturi ekonomiċi barranin li joffru servizzi VPX, għaliex dawn l-operaturi huma preklużi milli jidħlu fis-suq tas-servizzi VPX fl-AMB. Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju dwar in-natura restrittiva tal-miżuri inkwistjoni u la l-qorti tar-rinviju u lanqas l-intervenjenti bl-ebda mod ma jidhru li jqajmu dubji dwar dan, kif jixhed il-fatt li s-sottomissjonijiet jiffokaw fuq l-istadju segwenti li jikkonsisti f’ġustifikazzjoni possibbli tar-restrizzjoni inkwistjoni nnifisha.

    52.

    Fil-fatt, il-miżuri inkwistjoni effettivament jirrestrinġu l-aċċess għas-suq ta’ kull operatur ġdida, inkluż operatur barrani, li jixtieq jistabbilixxi ruħu fi jew madwar l-AMB u joffri servizzi lokali ta’ trasport ta’ passiġġieri lil klijenti prospettivi.

    53.

    Rekwiżit ta’ liċenzja bħala tali diġà jikkostitwixxi eżempju perfett ta’ restrizzjoni ( 21 ). Fil-fatt, ir-rekwiżiti ta’ liċenzja u ta’ awtorizzazzjoni, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu ipso facto restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (jew, għall-kuntrarju, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi) ( 22 ).

    54.

    Barra minn hekk, billi jiffriżaw l-aċċess għas-suq bil-proporzjon ta’ liċenzja waħda għal kull 30, il-miżuri inkwistjoni għandhom l-effett li jostakolaw lil min jixtieq jistabbilixxi negozju tal-VPX fit-territorju tal-AMB milli jagħmel dan u, għaldaqstant, jostakolaw l-istabbiliment ta’ operaturi ekonomiċi li ġejjin minn Stat Membru ieħor ( 23 ).

    55.

    Bħala konklużjoni, kemm l-obbligu ta’ liċenzja fih innifsu kif ukoll il-proporzjon ta’ liċenzja waħda għal kull 30 jikkostitwixxu restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE.

    3.   Motivazzjoni

    56.

    Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk hija, fl-ewwel lok, isservi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku u, fit-tieni lok, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fis-sens li hija xierqa sabiex tiggarantixxi, b’mod konsistenti u sistematiku, it-twettiq tal-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq ( 24 ).

    57.

    Ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li ġejjin huma invokati bħala ġustifikazzjoni mill-AMB (u mill-Gvern Spanjol): il-garanzija tal-kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà tas-servizzi tat-taxis, peress li dawn is-servizzi allegatament jikkostitwixxu “servizzi ta’ interess pubbliku”; iż-żamma tal-bilanċ ġust bejn it-taxis u l-fornituri tas-servizz VPX; il-ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku u tal-użu tal-ispazju pubbliku; u l-protezzjoni tal-ambjent.

    a)   L‑identifikazzjoni ta’ raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku

    1) Il‑garanzija tal‑kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà tas‑servizzi tat‑taxis

    58.

    Il-partijiet kollha fil-kawża, li toriġina minn Spanja, u b’mod partikolari l-AMB u l-Gvern Spanjol jirreferu għas-settur tat-taxis bħala kruċjali għall-provvista ta’ “servizz ta’ interess pubbliku”. Il-kwistjoni dwar jekk hijiex invokata bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ma hijiex evidenti. Fi kwalunkwe każ, huwa ritenut li, peress li t-taxis jipprovdu servizz ta’ interess pubbliku, huma ipso facto jistħoqqilhom protezzjoni.

    59.

    Sa fejn l-AMB issostni l-eżistenza ta’ interess pubbliku fil-fatt li teżisti sistema ta’ taxis li tiffunzjona, għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

    i) Assenza ta’ motivi purament ekonomiċi ta’ ġustifikazzjoni

    60.

    Għan wieħed ta’ natura purament ekonomika fl-ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku li tiġġustifika restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat ( 25 ). B’hekk, pereżempju, l-għan li tiġi żgurata l-profittabbiltà ta’ servizz kompetitur tal-karozzi tal-linja, bħala raġuni ta’ natura purament ekonomika, ma jistax, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi tali raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ( 26 ).

    61.

    Fil-kawża inkwistjoni, dan jimplika li l-vijabbiltà ekonomika tas-servizzi tat-taxis ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku.

    ii) Servizzi ta’ taxis bħala “servizzi ta’ interess pubbliku”

    62.

    Barra minn hekk, b’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ “servizz ta’ interess pubbliku” ( 27 ) bħala li tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku. Fil-fatt, l-espressjoni “servizz ta’ interess pubbliku” ma hijiex espressjoni użata fid-dritt tal-Unjoni. L-użu ta’ tali espressjoni, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jista’ jwassal għal konfużjoni. Madankollu, jekk il-partijiet jirreferu għal “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”, espressjoni magħrufa sew fid-dritt tal-Unjoni, dan xorta ma jeżentax lill-AMB milli tipprova li l-miżuri inkwistjoni huma adatti għall-użu. Ser nerġa’ nirreferi għal dan il-punt fl-eżami tal-proporzjonalità iktar ’il quddiem.

    iii) “Servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”

    63.

    L-espressjoni “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, li inizjalment tirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE u tidher ukoll (fid-dritt primarju) ( 28 ) fl-Artikolu 14 TFUE ( 29 ), fil-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali ( 30 ) kif ukoll fl-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi. Madankollu, l-espressjoni bħala tali, jiġifieri dak li jikkostitwixxi eżattament “servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”, ma ġietx iddefinita mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod astratt, peress li hija essenzjalment il-prerogattiva tal-Istati Membri li jiddefinixxu dak li huma jikkunsidraw bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 31 ). Madankollu, filwaqt li Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward ta’ dik id-definizzjoni, huwa għandu jiżgura li kull servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jissodisfa ċerti kriterji minimi komuni għall-missjonijiet kollha ta’ tali servizz. Għandu juri li dawn il-kriterji huma ssodisfatti fil-każ partikolari ( 32 ). Dan jirrigwarda, b’mod partikolari, il-preżenza ta’ att tal-awtorità pubblika li tinkariga lill-operaturi inkwistjoni b’servizz ta’ missjoni ta’ importanza ekonomika ġenerali kif ukoll in-natura universali u obbligatorja ta’ din il-missjoni ( 33 ). Barra minn hekk, Stat Membru għandu jindika r-raġunijiet li għalihom iqis li s-servizz inkwistjoni jistħoqqlu, minħabba n-natura speċifika tiegħu, li jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali u li jiġi distint minn attivitajiet ekonomiċi oħra ( 34 ).

    64.

    Dwar id-definizzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, nistgħu nistrieħu fuq dik proposta mill-Avukat Ġenerali Ruiz Jarabo Colomer: “b’mod mhux interrott (kontinwità); għall-benefiċċju tal-utenti kollha u fuq it-territorju kollu kkonċernat (universalità); b’tariffi uniformi u b’kundizzjonijiet ta’ kwalità simili, irrispettivament mis-sitwazzjonijiet partikolari jew mil-livell ta’ qligħ ekonomiku ta’ kull operazzjoni individwali (ugwaljanza)” ( 35 ). Ma’ dan imbagħad żied it-trasparenza u l-affordabbiltà ( 36 ). Id-definizzjoni tal-Kummissjoni, li jiena naqbel magħha perfettament, hija simili: “[Is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali] huma attivitajiet ekonomiċi li jipprovdu riżultati fl-oġġett pubbliku globali li ma jkunux forniti (jew li jkunu forniti skont kondizzjonijiet differenti f’termini ta’ kwalità, sigurtà, affordabbiltà, trattament ugwali jew aċċess universali) mis-suq mingħajr l-intervent pubbliku. L-[obbligi ta’ servizz pubbliku] hu impost fuq il-fornitur permezz ta’ att ta’ fiduċja u fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ interess ġenerali li jiżgura li s-servizz hu pprovdut skont kondizzjonijiet li jippermettulu jwettaq il-missjoni tiegħu.” ( 37 )

    65.

    Barra minn hekk, l-Artikolu 106(2) TFUE huwa invokat tipikament għall-finijiet ta’ deroga mir-regoli tal-kompetizzjoni, minkejja li kien hemm drabi fejn din id-dispożizzjoni kellha wkoll rwol għad-deroga mir-regoli tal-moviment liberu ( 38 ). Dan jirriżulta kemm mill-fatt li din id-dispożizzjoni tinsab fost ir-regoli tal-kompetizzjoni ( 39 ) kif ukoll mill-fatt li hija tirreferi “b’mod partikolari [għal] dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni” ( 40 ).

    66.

    Abbażi tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti preċedenti, huwa dubjuż jekk is-servizzi tat-taxis jistgħux jiġu kkunsidrati bħala servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali. Fil-fatt, id-“definizzjoni tas-suq” adottata mill-AMB tidhirli li hija stretta wisq. Jista’ jkun li t-trasport lokali fit-totalità tiegħu jista’ jikkostitwixxi servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali, iżda mhux is-settur tat-trasport lokali (tradizzjonalment) privat fil-forma ta’ servizzi ta’ taxis. Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li hemm bżonn li l-individwi jkunu jistgħu jivvjaġġaw lokalment permezz ta’ trasport, dan ma huwiex neċessarjament il-każ ta’ vvjaġġar bit-taxi. Biex nispjega l-punt tiegħi b’eżempju: fil-każ fejn il-kura tat-tfal tista’ tiġi kklassifikata, minn Stat Membru, bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, ċertament tali kura tat-tfal ma tikkostitwixxix pretensjoni għall-kura tat-tfal individwali fil-forma ta’ babysitter iddedikat, iżda għall-kura kollettiva tat-tfal fil-forma ta’ nursery (kollettiva). L-istess japplika għat-trasport lokali. Sa fejn dan jista’ jitqies bħala servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, dan ma jimplikax li l-individwi jistgħu jippretendu li belt jew reġjun jistabbilixxi, għalihom, network ta’ taxis li jiffunzjona. Mezzi oħra ta’ trasport, ta’ natura kollettiva, għandhom jagħmlu dan.

    67.

    Barra minn hekk, f’agglomerazzjonijiet kbar bħal Barcelona, għandu jkun hemm modi oħra ta’ trasport għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini. Wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk l-eżistenza ta’ sistema ta’ taxis li tiffunzjona tistax verament titqabbel ma’ servizzi oħra, iktar tradizzjonali, ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jew jeħtieġu investimenti kbar, jew speċjalizzazzjoni għall-provvista (bħall-provvista tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku, tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi postali), jew jikkostitwixxu kompetenzi speċjali (bħall-kura tas-saħħa) jew għandhom element ta’ kollettività (bħall-kura tat-tfal) inerenti fihom.

    68.

    Dan premess, it-trasport lokali privat jista’ ċertament jimla l-lakuna f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, pereżempju biex jiżgura t-trasport rapidu ta’ persuna lejn sptar (anki jekk, f’tali sitwazzjoni, ambulanza tal-isptar tista’ tkun il-mezz ta’ trasport l-iktar xieraq). Madankollu, f’tali sitwazzjoni, iż-żieda fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport lokali ċertament jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ sistema li tiffunzjona. Għaliex tali provvista ma għandhiex, pereżempju, tinkludi l-VPX jibqa’ misteru għalija.

    69.

    Issa, sabiex niġbor fil-qosor, ma nikkontestax ix-xewqa tal-AMB li timplimenta sistema li tiffunzjona ta’ trasport lokali privata li sservi sabiex twassal lill-klijenti fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata fi kwalunkwe post.

    70.

    Fi kwalunkwe każ, huwa dubjuż kemm l-operaturi tat-taxis iwettqu obbligu ta’ servizz pubbliku. Nistgħu nfittxu indikazzjonijiet fid-definizzjoni pprovduta xi mkien ieħor fid-dritt sekondarju, li, skontu, “‘obbligu ta’ servizz pubbliku’ tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens” ( 41 ). Mill-banda l-oħra, sempliċi rekwiżit ta’ liċenzja li permezz tiegħu s-servizzi tat-taxis ikunu universali ma jikkostitwixxix att li jordna obbligu ta’ servizz pubbliku ( 42 ).

    71.

    Bħala konklużjoni, l-AMB tista’ ssegwi r-rieda li tiggarantixxi l-kwalità, is-sigurtà u l-aċċessibbiltà tas-servizzi tat-taxi biss sa fejn din ma ssegwix għanijiet ekonomiċi biex tagħmel dan. Ma huwiex possibbli li tilqa’ lis-servizzi tat-taxis minn kull skrutinju ulterjuri għas-sempliċi raġuni li dawn jistgħu jikkostitwixxu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

    2) Iż‑żamma tal‑bilanċ ġust bejn il-fornituri tas‑servizz VPX u l‑fornituri tas‑servizzi tat‑taxis

    72.

    Sa fejn il-miżuri inkwistjoni huma intiżi sabiex “jinżamm bilanċ” bejn iż-żewġ modi ta’ trasport tat-taxis u tal-VPX, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li huwa dubjuż kemm tali bilanċ għandu jinżamm bejn żewġ servizzi li huma, kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, konverġenti sal-punt li jkunu kważi simili. Barra minn hekk, wieħed jista’ jistaqsi jekk l-aħjar mod li jinżamm il-bilanċ huwiex permezz ta’ sistema li ma hijiex bl-intervent tal-Istat ( 43 ). Fil-loġika tas-suq intern stabbilit mit-TFUE, normalment jinżamm bilanċ permezz ta’ kunċetti li spiss jintesew fid-dibattiti relatati ma’ kawżi bħal dik inkwistjoni: il-provvista u d-domanda.

    73.

    Għaldaqstant, iż-żamma ta’ bilanċ bejn is-servizzi VPX u s-servizzi tat-taxis ma tistax titqies bħala raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku valida. Għall-kuntrarju, jekk l-intenzjoni reali hija l-provvista ta’ sistema adegwata ta’ trasport privat lokali, kif intqal iktar ’il fuq, żieda fil-provvista billi jiġu aċċettati iktar VPX tkun ċertament iktar favorevoli għas-soluzzjoni tal-kwistjoni.

    3) Il‑ġestjoni tat‑trasport lokali, tat‑traffiku u tal‑użu tal‑ispazju pubbliku, il‑protezzjoni tal‑ambjent

    74.

    Sa fejn dawn ir-raġunijiet invokati ma jikkonsistux fl-ilqugħ ekonomiku tas-suq tat-taxis mir-realtajiet tal-ħajja ekonomika, dawn jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku.

    75.

    Għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat ir-raġunijiet imperattivi marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent urban ( 44 ) u man-neċessità li tiġi żgurata s-sigurtà fit-toroq ( 45 ). Dawn ir-raġunijiet ma jikkorrispondux perfettament għal dak li ġie invokat f’dan il-każ. Madankollu, naħseb li l-għanijiet tal-ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku u tal-użu tal-ispazju pubbliku jikkostitwixxu raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku. Huwa kważi ovvju li l-ibliet u l-agglomerazzjonijiet għandhom interess li jipprovdu traffiku ħieles, li jevitaw il-konġestjoni u, b’mod iktar ġenerali, li jipprovdu spazji pubbliċi li jiggarantixxu livell għoli ta’ kwalità tal-ħajja.

    76.

    Barra minn hekk, il-protezzjoni tal-ambjent tista’, bħala prinċipju, tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku ( 46 ).

    b)   Adegwatezza

    77.

    Sussegwentement, il-miżuri inkwistjoni għandhom ikunu xierqa sabiex tintlaħaq ir-raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku allegata, jiġifieri r-rekwiżit ta’ liċenzja u l-proporzjon ta’ 1 għal kull 30 għandhom ikunu adatti sabiex jikkontribwixxu lejn garanzija ta’ kwalità, ta’ sigurtà u ta’ aċċessibbiltà tas-servizzi tat-taxi, il-ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku u tal-użu tal-ispazju pubbliku kif ukoll lejn il-protezzjoni tal-ambjent. Din il-kapaċità timplika wkoll li l-għan allegat jiġi segwit b’mod koerenti u sistematiku. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-adegwatezza tal-miżura. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja u tas-sottomissjonijiet tad-diversi partijiet, minkejja li, bħala prinċipju, ma narax problema b’rekwiżit ta’ liċenzja, jiena nibqa’ pjuttost dubjuż u ma nara ebda argument favur tali adegwatezza sa fejn din tirrigwarda l-proporzjon ta’ 1 għal kull 30.

    1) Ir‑rekwiżit ta’ liċenzja

    78.

    Il-punt ta’ tluq huwa li fid-dritt tal-Unjoni ma jeżisti ebda ostakolu ġenerali li, fil-konfini tal-kompetenza tagħha, entità reġjonali bħall-AMB teżiġi mingħand l-operaturi aspiranti ta’ servizzi VPX li jiksbu liċenzja li tkopri l-ispeċifiċitajiet tar-reġjun inkwistjoni. Fil-każ li l-AMB tikkonstata li hemm kwistjonijiet li ma humiex indirizzati permezz tal-(ewwel) liċenzja nazzjonali, imbagħad, bħala prinċipju, hemm il-libertà li l-operaturi VPX jintalbu jiksbu t-tieni liċenzja. Huwa ċar li s-sitwazzjoni ta’ kull belt jew agglomerazzjoni madwar l-Unjoni hija differenti meta din tirrigwarda kwistjonijiet lokali bħall-konġestjoni u t-tniġġis. Elementi li ma humiex koperti minn jew eżaminati fil-kuntest tal-għoti ta’ liċenzja nazzjonali jistgħu għalhekk, bħala prinċipju, jiġu indirizzati f’liċenzja lokali. Dan huwa eżempju prattiku ta’ “sussidjarjetà” fis-sens letterali, mhux tekniku, tal-kelma.

    79.

    Madankollu, għall-kuntrarju, tali tieni liċenzja għandha tkun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ma humiex indirizzati fl-ewwel liċenzja. Hekk kif ġustament ifakkar il-Gvern Ċek, miżura stabbilita minn Stat Membru ma tistax titqies li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex jekk hija tirdoppja l-kontrolli li jkunu diġà saru fil-kuntest ta’ proċeduri oħra, kemm f’dan l-istess Stat, kif ukoll fi Stat Membru ieħor ( 47 ). Dan jimplika, fil-każ inkwistjoni, li t-tieni liċenzja, fl-ebda każ, ma tista’ teżiġi li l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ joffru servizzi VPX jgħaddu mill-istess kontrolli bħal dawk meħtieġa għall-kisba tal-ewwel liċenzja. F’dan ir-rigward, ninnota li, fl-ebda mument ma ġie sostnut, u wisq inqas ipprovat, li l-offerta ta’ servizzi tat-taxis fin-nuqqas ta’ sistema magħluqa ta’ liċenzji ma tkunx vijabbli. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jargumenta li l-eżempji ta’ bliet u żoni oħra fl-Unjoni, fejn is-servizzi tat-taxis huma regolati biss b’mod limitat ħafna, jindikaw b’mod ċar sens differenti f’dan ir-rigward ( 48 ).

    2) Il‑proporzjon ta’ 1 għal kull 30

    80.

    Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra l-fatt li jissemmew l-għanijiet imfittxija u li jiġu spjegati b’mod astratt, l-AMB ma tipprovdi ebda informazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar għalfejn il-miżuri inkwistjoni huma xierqa sabiex titwettaq il-ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku lokali u tal-użu tal-ispazju pubbliku.

    81.

    Fl-ebda mument ma ġie pprovat mill-AMB li r-restrizzjoni tal-ħruġ tal-liċenzji bil-proporzjon ta’ 1 għal kull 30 liċenzja tat-taxi hija xierqa sabiex tiżgura l-ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku lokali, tal-użu tal-ispazju pubbliku u l-protezzjoni tal-ambjent. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-għan huwa segwit b’mod koerenti u sistematiku. Tali spjegazzjoni insuffiċjenti tar-raġunijiet tagħti iktar mistoqsijiet milli jistgħu jitwieġbu. Għadu ma huwiex ċar għalija kif l-AMB għandha l-intenzjoni tirriforma u tirregola t-trasport lokali mhux pubbliku b’mod koerenti: Għalfejn is-servizzi tat-taxis u s-servizzi VPX huma suġġetti għal sistemi legali differenti meta jissodisfaw l-istess talba waħda (it-trasport lokali individwali privat) u jekk, kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, huma f’kompetizzjoni bejniethom? Għaliex is-sistema tat-taxis ma hijiex indirizzata u, minflok, l-aċċess għas-suq VPX huwa limitat sal-punt li jkun impossibbli? In-numru ta’ liċenzji tat-taxis kien stabbli għall-aħħar għexieren ta’ snin. Għalkemm, kif ġie spjegat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet, iż-żminijiet u s-swieq jinbidlu, is-sistema tat-taxis hija, figurattivament, stabbilita fis-sod u huma biss l-operaturi l-ġodda li għandhom jadattaw ruħhom. Dan jista’ jkollu loġika mill-perspettiva unika tad-dritt Spanjol. Madankollu, din is-sistema ma tissodisfax it-test ta’ adegwatezza previst fl-Artikolu 49 TFUE. Hija l-AMB li għandha tirrispondi għal tali domandi. Issa, hija ma għamlitx dan f’din il-kawża.

    82.

    Waqt is-seduta rriżulta li n-numru ta’ liċenzji tat-taxis ilu stabbli mill-aħħar tas-snin 1980. Ma ngħatat l-ebda liċenzja ġdida. Għall-kuntrarju, ladarba d-detentur ta’ liċenzja jieqaf jeżerċita l-attività tiegħu, il-liċenzja tista’ tinbiegħ fis-suq sekondarju. Filwaqt li l-liċenzji “inizjali”, miksuba direttament mill-Istat f’dak iż-żmien, kienu jiswew inqas minn EUR 100, issa dawn il-liċenzji fis-suq sekondarju jinbiegħu għal iktar minn EUR 100000. Jekk l-AMB kellha l-intenzjoni li tirregola b’mod regolari u koerenti s-suq tat-taxis u tal-VPX, it-tnixxif ta’ dan is-suq sekondarju jista’ jikkostitwixxi punt ta’ tluq xieraq. Barra minn hekk, dan l-istat ta’ fatt juri sewwa li t-tariffi fissi tat-taxis għandhom l-effett li jissussidjaw b’mod trasversali l-imsemmija tariffi għal-liċenzji miksuba fis-suq sekondarju. Fi kliem ieħor, li kieku l-AMB kienet serja fir-rigward tar-riforma tas-sistema, hija kienet tindirizzaha mill-għerq tagħha. Ir-“riforma” bl-“iskuża” tal-VPX hija ekwivalenti għal manipulazzjonijiet. Jista’ jkun komprensibbli li r-riforma u l-liberalizzazzjoni ġenwini tas-sistema kollha tat-taxis u tas-servizzi VPX ipoġġu lil dawk li ħallsu ħafna flus għal liċenzja u li jfittxu li jirkupraw l-ispejjeż bħala spejjeż tat-taxi fissi (għoljin) bi żvantaġġ konsiderevoli. Madankollu, jeżistu possibbiltajiet oħra li jiġi kkumpensat ir-riskju ta’ esklużjoni ta’ dawn il-persuni minflok li jintużaw il-VPX u l-libertà ta’ stabbiliment.

    3) Konklużjoni

    83.

    Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u mill-partijiet matul il-kawża, il-miżuri inkwistjoni, sa fejn jikkonċernaw il-proporzjon ta’ liċenzja VPX waħda għal kull 30 liċenzja tat-taxi, ma humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ ġestjoni tat-trasport lokali, tat-traffiku u tal-użu tal-ispazju pubbliku jew ta’ protezzjoni tal-ambjent u għalhekk jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ stabbiliment prevista fl-Artikolu 49 TFUE.

    V. Konklużjoni

    84.

    Fid-dawl tal-preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Cataluña, Spanja) bil-mod li ġej:

    (1)

    L-Artikolu 49 TFUE

    għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżuri nazzjonali li jimponu fuq operaturi ekonomiċi li jixtiequ jipprovdu servizzi VPX fil-limiti ta’ żona metropolitana li jiksbu liċenzja relatata, meta dawn l-operaturi jkunu diġà detenturi ta’ liċenzja nazzjonali li tippermettilhom jipprovdu servizzi “interurbani” u “urbani” VPX fit-territorju nazzjonali kollu u jekk il-liċenzja inkwistjoni ma teżiġix duplikazzjoni tal-kontrolli diġà mwettqa.

    (2)

    L-Artikolu 49 TFUE

    għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li n-numru ta’ tali liċenzji VPX ikun limitat għal 1 għal kull 30 liċenzja tat-taxi jew inqas, fl-istess żona metropolitana.


    ( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

    ( 2 ) Għal ħarsa ġenerali komprensiva, ara “Study on passenger transport by taxi, hire car with driver and ridesharing in the EU. Final Report”, Brussell, 2016, pp. 8, 31 u 32. L-istudju jinsab hawn: https://transport.ec.europa.eu/system/files/2017-05/2016-09-26-pax-transport-taxi-hirecar-w-driver-ridesharing-final-report.pdf.

    ( 3 ) Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 48). Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għaliex Uber teżerċita kontroll fuq l-aspetti rilevanti kollha ta’ servizz ta’ trasport urban: fuq il-prezz, b’mod evidenti, iżda wkoll fuq il-kundizzjonijiet minimi ta’ sigurtà permezz ta’ rekwiżiti minn qabel fir-rigward tax-xufiera u tal-vetturi, fuq l-aċċessibbiltà tal-provvista ta’ trasport billi tinkoraġġixxi lix-xufiera joperaw fil-mumenti u fil-postijiet ta’ domanda qawwija, fuq l-aġir tax-xufiera permezz ta’ sistema ta’ evalwazzjoni u fuq il-possibbiltà ta’ tneħħija mill-pjattaforma. Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364, punt 51).

    ( 4 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

    ( 5 ) Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

    ( 6 ) Ta’ spiss, il-VPX jissejħu wkoll “KTX”: karozzi (vetturi) għat-turisti (passiġġiera) bix-xufier. Għall-faċilità ta’ riferiment, ser nirreferi għat-terminu “VPX” matul dawn il-konklużjonijiet.

    ( 7 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Centre public d’action sociale de Liège (Irtirar jew sospensjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn) (C‑825/21, EU:C:2022:810, punt 34).

    ( 8 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 53). Għal sommarju komprensiv tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-suġġett inkwistjoni, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-Kawżi magħquda Venturini et (C‑159/12 sa C‑161/12, EU:C:2013:529). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’BONVER WIN (C‑311/19, EU:C:2020:640, punti 33 et seq.).

    ( 9 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi magħquda X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2017:397, punt 115).

    ( 10 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 50).

    ( 11 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51).

    ( 12 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016 (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 50 sa 53).

    ( 13 ) B’mod iktar partikolari, il-qorti tar-rinviju ma tistax sempliċement tissottometti provi lill-Qorti tal-Ġustizzja li jissuġġerixxu li tali rabta ma tistax tiġi eskluża jew li, ikkunsidrati b’mod astratt, jistgħu jikkostitwixxu provi f’dan is-sens, u għandha, għall-kuntrarju, tipprovdi provi oġġettivi u konsistenti li jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-eżistenza ta’ tali rabta. Ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, Fremoluc (C‑343/17, EU:C:2018:754, punt 29).

    ( 14 ) Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar trasport lokali tal-passiġġieri fuq talba li jiffunzjona tajjeb u li huwa sostenibbli (taxis u PHV) (ĠU 2022, C 62, p. 1).

    ( 15 ) Skont l-Artikolu 58(1) TFUE, l-Artikolu 56 TFUE ma huwiex applikabbli għas-servizzi fil-qasam tat-trasport, peress li dawn huma rregolati mill-kapitolu dwar it-trasport fit-TFUE, b’tali mod li l-armonizzazzjoni għandha ssir l-ewwel. L-istess japplika għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 li, fl-Artikolu 2(2)(d), tinkludi dispożizzjoni li tirrifletti dik tal-Artikolu 58(1) TFUE. Ara s-sentenzi tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Trijber and Harmsen (C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 49), kif ukoll tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 36).

    ( 16 ) Dan għandu jikkontradixxi wkoll l-argument ta’ diversi partijiet fil-kawża li d-domandi tal-qorti tar-rinviju huma fformulati b’mod ippreġudikat, li diġà pjuttost jippreġudika r-riżultat.

    ( 17 ) Madankollu, nixtieq insemmi ta’ malajr li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jistrieħ fuq dispożizzjonijiet, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni. It-tqassim intern tal-kompetenzi fi ħdan Stat Membru, bħal dak bejn awtoritajiet ċentrali, reġjonali jew lokali, ma jistax, pereżempju, jeżenta lil dak l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jissodisfa dawn l-obbligi. Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2001, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑417/99, EU:C:2001:445, punt 37), u tat‑8 ta’ Settembru 2010, Carmen Media Group (C‑46/08, EU:C:2010:505, punt 69).

    ( 18 ) Ara, bħala eżempju is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 40), u tas‑7 ta’ Settembru 2022, Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 61).

    ( 19 ) Din il-ġurisprudenza hija stabbilita sa mis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37). Ara, barra minn hekk, fost ħafna, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑565/08, EU:C:2011:188, punt 46). Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France (C‑442/02, EU:C:2004:586, punt 12).

    ( 20 ) Ara l-unika sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punti 25 et seq.). Dwar id-distinzjoni bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u d-dritt ta’ stabbiliment, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón f’Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:568, punti 15 sa 18).

    ( 21 ) Ara, bħala eżempju, Müller-Graff, P.‑Chr., f’Streinz, R. (editur), EUV/AEUV Kommentar, C. H. Beck, München, it-tielet edizzjoni, 2018, Artikolu 49 AEUV, punti 67 et seq., u Forsthoff, U., f’Grabitz, E., Hilf, M., u Nettesheim, M. (edituri), Das Recht der Europäischen Union, 76. EL., aġġornat Mejju 2022, C. H. Beck, München, Artikolu 49 AEUV, punt 104. Ara wkoll Kainer, F. f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U. (edituri), Frankfurter Kommentarr zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikolu 49 AEUV, punt 63, u Wendland, H. M., “Die binnenmarktrechtliche Niederlassungsfreiheit der Selbständigen”, f’Müller-Graff, P.‑Chr. (editur), Europäisches Wirtschaftsordnungsrecht (Enzyklopädie Europarecht, Band 4), Nomos, Baden-Baden, it-tieni edizzjoni, 2021, pp. 177‑234, punt 4.

    ( 22 ) Ara s-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 1991, Säger (C‑76/90, EU:C:1991:331, punt 14); tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, EU:C:1994:310, punt 15); tal‑20 ta’ Frar 2001, Analir et (C‑205/99, EU:C:2001:107, punt 22); tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 29); kif ukoll tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 34).

    ( 23 ) Ara, f’dan is-sens, dwar l-istabbiliment ta’ spiżeriji, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-kawżi magħquda Blanco Pérez u Chao Gómez (C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2009:587, punt 11).

    ( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Frar 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 166); tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Edukazzjoni Ogħla) (C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 178); u tas‑7 ta’ Settembru 2022; Cilevičs et (C‑391/20, EU:C:2022:638, punt 65). Dan jikkostitwixxi, essenzjalment, ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 37).

    ( 25 ) Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et (352/85, EU:C:1988:196, punt 34); tal‑11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 55); u tal‑24 ta’ Marzu 2011; Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 74).

    ( 26 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb (C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 51). Ara wkoll is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 55).

    ( 27 ) Bl-Ispanjol: “un servicio de interés público”.

    ( 28 ) Fid-dritt sekondarju, din l-espressjoni tinsab fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2006/123. Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punti 56 et seq.).

    ( 29 ) Sa mit-Trattat ta’ Amsterdam, kif ikkompletat u emendat bit-Trattat ta’ Lisbona. Fuq l-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni, ara Krajewski, M. f’Pechstein, M., Nowak, C., Häde, U. (edituri), Frankfurter Kommentarr zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikolu 14 AEUV, punti 3 et seq.

    ( 30 ) Ara l-Artikolu 1 tal-Protokoll. Fuq l-oriġini (inqas ċara) tal-Protokoll, anness mat-Trattat ta’ Lisbona, ara Damjanovic, D., de Witte, B.,“Welfare integration through EU law: the overall picture in the light of the Lisbon Treaty” f’Neergaard, U., Nielsen, R., Roseberry, L. (edituri), Integrating welfare functions into EU law – From Rome to Lisbon, DJØF Publishing, Kopenħagen, 2009, pp. 88 u 89.

    ( 31 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 166167). Ara wkoll is-sentenza tal‑20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205, punt 29): “l-Istati Membri huma intitolati, filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni, li jiddefinixxu l-portata u l-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom ta’ interess ekonomiku ġenerali.”

    ( 32 ) Ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172).

    ( 33 ) Ibid.

    ( 34 ) Ibid. Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali Porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27).

    ( 35 ) Ara l-konklużjonijiet f’Federutility et (C‑265/08, EU:C:2009:640, punt 54).

    ( 36 ) Ibid., punt 55.

    ( 37 ) Ara l-Komunikazzjoni tal‑20 ta’ Diċembru 2011 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Qafas ta’ Kwalità għas-Servizzi ta’ Interess Ġenerali fl-Ewropa”, KUMM(2011) 900 finali, p. 3.

    ( 38 ) Ara Martucci, F., Droit du marché intérieur de l’Union européenne, Presses Universitaires de France, Pariġi, 2021, punti 129 u 253.

    ( 39 ) Fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tat-Tielet Parti (Regoli li japplikaw għal impriżi), tat-TFUE.

    ( 40 ) Enfasi miżjuda minni.

    ( 41 ) Ara l-Artikolu 2(e) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

    ( 42 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517, punt 49).

    ( 43 ) Nixtieq nenfasizza li din il-kwistjoni hija indipendenti minn dik dwar jekk u sa liema punt kumpanniji tat-trasport ġodda, permezz ta’ mudelli kummerċjali ġodda li huma joħolqu, mhux biss ilaħħqu l-provvista mad-domanda, iżda wkoll joħolqu l-provvista stess. L-attivitajiet ta’ pjattaformi bħal Uber huma eżempju tajjeb f’dan ir-rigward, ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364, punt 43).

    ( 44 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, De Coster (C‑17/00, EU:C:2001:651, punt 38). Ara wkoll il-punt 8 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123. Tali protezzjoni tinkludi ż-żamma tal-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt ta’ muniċipalità u li jiġi evitat li jkun hemm bini mhux okkupat f’belt, fl-interess ta’ ppjanar tajjeb tal-bliet u tal-kontea. Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2018, X u Visser (C‑360/15 u C‑31/16, EU:C:2018:44, punt 134).

    ( 45 ) Ara s-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et (C‑168/14, EU:C:2015:685, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    ( 46 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 74).

    ( 47 ) Ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C‑390/99, EU:C:2002:34, punt 36), u tal‑10 ta’ Novembru 2005Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑432/03, EU:C:2005:669, punt 45).

    ( 48 ) Fil-fatt, studju mwettaq għall-Kummissjoni minn ditta ta’ avukati u l-Università ta’ Bocconi juri li numru ta’ Stati Membri u bliet kbar ma introduċew l-ebda restrizzjonijiet kwantitattivi. Ara “Study on passenger transport by taxi, hire car with driver and ridesharing in the EU. Final Report”, op. cit. pp. 8, 31 u 32. L-istudju jinsab hawn: https://transport.ec.europa.eu/system/files/2017-05/2016-09-26-pax-transport-taxi-hirecar-w-driver-ridesharing-final-report.pdf.

    Top