Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0045

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati l-31 ta’ Marzu 2022.
Banka Slovenije vs Državni zbor Republike Slovenije.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Upravno sodišče Republike Slovenije.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea ta’ banek ċentrali – Bank Ċentrali nazzjonali – Direttiva 2001/24/KE – Riorganizzazzjoni u stralċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni – Artikolu 123 TFUE u Artikolu 21.1 tal-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju tal-Istati Membri taż-żona tal-euro – Artikolu 130 TFUE u Artikolu 7 ta’ dan il-protokoll – Indipendenza – Żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
Kawża C-45/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:241

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil‑31 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑45/21

Banka Slovenije

parti oħra:

Državni zbor Republike Slovenije (il-Parlament tar-Repubblika tas-Slovenja)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Ustavno sodišče Republike Slovenije (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tas-Slovenja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Stabbiltà tas-sistema finanzjarja – Riorganizzazzjoni u riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-interess pubbliku – Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) – Bank ċentrali nazzjonali (BĊN) bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni – Żvalutazzjoni u kanċellazzjoni ta’ strumenti kapitali fil-kuntest tar-riorganizzazzjoni jew riżoluzzjoni sovrani ta’ istituzzjoni ta’ kreditu – Prinċipju “l-ebda kreditur f’pożizzjoni agħar” – Responsabbiltà tal-BĊN – Kumpens mill-BĊN lill-azzjonisti u kredituri kkonċernati – Artikolu 123 TFUE – Projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat – Regolament (KE) Nru 3603/93 – Artikolu 130 TFUE – Prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali – Pubblikazzjoni u aċċess għal dokumenti relatati mar-riżoluzzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu fl‑2013 u fl‑2014 – Direttivi 2006/48/KE u 2013/36/KE – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interfaċċja bejn il-politika monetarja Ewropea u r-riżoluzzjoni bankarja. Il-mistoqsija ewlenija hija dwar jekk il-piżijiet tal-finanzjament tar-riżoluzzjoni, fil-każ li jiġu sostnuti minn bank ċentrali nazzjonali (iktar ’il quddiem il-“BĊN”) bħala l-awtorità tar-riżoluzzjoni, jistgħux jirriżultaw fi ksur tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat skont l-Artikolu 123 TFUE jew ifixklu l-indipendenza tal-banek ċentrali ggarantita mill-Artikolu 130 TFUE.

2.

Il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat sa issa okkupat lill-Qorti tal-Ġustizzja prinċipalment b’rabta mal-miżuri tal-politika monetarja meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem il-“BĊE”) ( 2 ). B’mod ġenerali, madankollu, l-Artikolu 123 TFUE jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jkollhom l-obbligazzjonijiet tagħhom lil partijiet terzi ffinanzjati mill-BĊE jew mill-BĊN rispettiv tagħhom ( 3 ).

3.

Il-kawża prinċipali tikkonċerna s-sitwazzjoni legali qabel l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni fil-livell tal-Unjoni Ewropea fl‑2014 u l-introduzzjoni assoċjata ta’ fond ta’ riżoluzzjoni fl-Unjoni kollha kif ukoll nazzjonali ( 4 ). Dak iż-żmien, il-bank ċentrali Sloven, Banka Slovenije, ġie fdat, skont id-dritt nazzjonali, bil-kompitu li jwettaq ir-riorganizzazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-banek fis-Slovenja li l-insolvenza tagħhom tkun ta’ theddida għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ( 5 ).

4.

Madankollu, taħt il-leġiżlazzjoni Slovena qadima, ma kien hemm l-ebda mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-ispejjeż tar-riżoluzzjoni bankarja. Pjuttost, liġi li daħlet retrospettivament fis-seħħ fl-aħħar tal‑2019 tobbliga lill-Banka Slovenije jikkumpensa lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ banek li kienu affettwati minn miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew riżoluzzjoni sovrani fl‑2013 u l-2014 mill-fondi tiegħu stess taħt ċerti ċirkustanzi.

5.

Banka Slovenije jara dan bħala ksur tal-projbizzjoni taħt l-Artikolu 123 TFUE. Billi d-djun li jistgħu jaffettwawh jistgħu jkunu estensivi ħafna taħt ċerti ċirkustanzi, jibża’ wkoll li l-indipendenza finanzjarja tiegħu tista’ tiġi mhedda.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

1.   It‑Trattat Dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea (TFUE)

6.

L-Artikolu 123(1) TFUE jinkludi l-hekk imsejħa projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat. Dan jistabbilixxi kif ġej:

“Faċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu mill-[BĊE] jew il-[BĊN] favur istituzzjonijiet, korpi u organi ta’ l-Unjoni, gvernijiet ċentrali, reġjonali jew awtoritajiet lokali jew pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri, għandhom ikunu pprojbiti kif għandu ukoll ikun pprojbit ix-xiri dirett mingħand dawn ta’ strumenti ta’ debitu mill-[BĊE] jew il-[BĊN].”

7.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 131 TFUE jipprovdi dan li ġej:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, inkluż l-istatuti tal-[BĊN] tiegħu, tkun kumpatibbli mat-Trattati u ma’ l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.”

8.

L-Artikolu 127 TFUE jgħid dan li ġej:

“(1)   L-għan primarju tas-[SEBĊ] għandu jkun li żżomm l-istabbiltà fil-prezzijiet. Mingħajr preġudizzju għall-mira ta’ l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandha wkoll tagħti appoġġ lil-linji politiċi ekonomiċi ġenerali […]

(2)   Il-ħidmiet bażiċi li jridu jiġu mwettqa permezz tas-SEBĊ jkunu:

li tiġi definita u implimentata l-politika monetarja ta’ l-Unjoni;

li jitwettqu operazzjonijiet ta’ kambju konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 219;

li żżomm in depożitu u tamministra r-riservi barranin uffiċjali ta’ l-Istati Membri;

li tippromwovi l-funzjonament regolari tas-sistemi tal-pagamenti.

[…]

(5)   Is-SEBĊ għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija bla ostakoli ta’ kull politika segwita mill-awtoritajiet kompetenti relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

Il-Kunsill li jaġixxi b’ mod unanimu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jagħti missjonijiet speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew li jirrigwardaw politika relatata mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra, bl-eċċezzjoni ta’ l-impriżi ta’ assigurazzjoni.”

9.

L-Artikolu 282(3) TFUE jipprovdi:

“Il-[BĊE] għandu jkollu personalità ġuridika. Hu biss jista’ jawtorizza l-ħruġ ta’ l-euro. Dan għandu jkun indipendenti fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu u fl-amministrazzjoni tal-finanzi tiegħu. L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni kif ukoll il-gvernijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jirrispettaw din l-indipendenza.”

2.   L‑Istatuti tas‑SEBĊ u tal‑BĊE

10.

Il-Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (iktar ’il quddiem, l-“Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE”) ( 6 ) jipprevedi fl-Artikolu 14.4. tiegħu:

“Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jwettqu funzjonijiet oħra li ma jkunux dawk indikati f’dan l-Istatut kemm-il darba l-Kunsill Regolatorju ma jiddeċidiex, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti, li dawn ikunu qed ifixklu l-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ. Dawn il-funzjonijiet jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi tal-banek ċentrali nazzjonali u m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ.”

11.

L-Artikolu 28 ta’ dawn l-istatuti jipprevedi:

“28.1.   Il-kapital tal-BĊE ikun ta’ 5000 miljun EUR. Il-kapital jista’ jiżdied b’dawk l-ammonti li l-Kunsill Regolatorju jista’ jiddeċiedi waqt li jaġixxi bil-maġġoranza kkwalifikata msemmija fl-Artikolu 10.3, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stipulati mill-Kunsill skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 41.

28.2.   Il-banek ċentrali nazzjonali jkunu l-uniċi sottoskriventi u detenturi tal-kapital tal-BĊE. Is-sottoskrizzjoni fil-kapital tkun skond il-kjavi stabbilita fl-Artikolu 29.

[…]”

12.

L-Artikolu 32 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jipprevedi dan li ġej:

“32.1.   L-introjtu li jakkumula għad-dispożizzjoni tal-banek ċentrali nazzjonali fit-twettiq tal-funzjoni tal-politika monetarja tas-SEBĊ (iżjed ’il quddiem imsemmi bħala ‘introjtu monetarju’) jiġi allokat fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

32.2.   L-ammont ta’ l-introjtu monetarju ta’ kull bank ċentrali nazzjonali jkun daqs l-introjtu annwali tiegħu derivat mill-assi tiegħu kontra l-flus fiċ-ċirkulazzjoni u l-passiv fid-depożiti għal istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dawn l-assi għandhom jiġu riżervati mill-banek ċentrali nazzjonali skond linji direttivi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill Regolatorju.

[…]”

13.

Skont l-Artikolu 33.1. ta’ dawn l-istatuti, il-profitt nett li jifdal tal-BĊE wara t-trasferiment ta’ ċertu ammont jitqassam lill-BĊN skont l-iskema kapitali tal-parteċipazzjoni tiegħu. L-Artikolu 33.2. jipprevedi li f’każ ta’ telf min-naħa tal-BĊE, l-iżbilanċ jista’ jitpaċa mill-fond ta’ riżerva ġenerali tal-BĊE u, jekk ikun meħtieġ, wara deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Regolatorju, kontra l-introjtu monetarju tas-sena finanzjarja relevanti fi proporzjon u sal-ammonti allokati lill-banek ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 32.5.

14.

L-Artikolu 35.3 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE jgħid:

“Il-BĊE ikun suġġett għall-kondizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà li hemm provdut dwarhom fl-Artikolu 340 fit-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali ikunu responsabbli skond il-liġijiet rispettivi tagħhom.”

3.   Ir-Regolament Nru 3603/93

15.

L-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament Nru 3603/93 ( 7 ) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kull tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu” li jinsab fl-Artikolu 123 TFUE bħala “kull finanzjament ta’ l-obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi”.

4.   Id-Direttiva 2001/24

16.

Id-Direttiva Nru 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2001/24”) ( 8 ) li skont l-Artikolu 1(1) tagħha “għandha tapplika għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-friegħi tagħhom mwaqqfa fl-Istati Membri tagħhom li ma jkunux dawk fejn jinsabu l-uffiċċji prinċipali, kif definiti fil-punti (1) u (3) ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/12/KE [ ( 9 )], bla ħsara għall-kondizzjonijiet u eżenzjonijiet provduti fl-Artikolu 2(3) ta’ dik id-Direttiva.”

17.

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24, “awtoritajiet kompetenti” fis-sens ta’ din id-direttiva jistgħu jkunu kemm awtoritajiet fis-sens tal-Artikolu 4(1) Nru 40 tar-Regolament Nru 575/2013 ( 10 ) kif ukoll awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(1)(18) tal-BRRD ( 11 ).

18.

Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24:

“Il-persuni kollha meħtieġa li jirċievu jew jagħtu informazzjoni konnessa mal-proċeduri ta’ informazzjoni jew konsultazzjoni provduti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 għandhom ikunu marbuta bis-segretezza professjonali skond ir-regoli u l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2000/12/KE [ ( 12 )], bl-eċċezzjoni ta’ kull awtorità gudizzjarja li għalihom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali eżistenti.”

19.

Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 4, 5, 8, 9, 11 u 19 jikkonċernaw l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-awtoritajiet ta’ Stati Membri oħra jew Stati terzi li fihom tinsab il-fergħa ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li hija s-suġġett ta’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni fl-Istat Membru li fih jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha.

5.   Id‑Direttiva 2006/48 (BRRD)

20.

Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/48”) ( 13 ) tistabbilixxi skont l-Artikolu 1((1) tagħha “r-regoli li jikkonċernaw il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzjonijiet ta’ kreditu, u s-superviżjoni prudenti tagħhom.”

21.

Għall-finijiet ta’ din id-direttiva “awtoritajiet kompetenti” skont l-Artikolu 4(4) “tfisser l-awtoritajiet nazzjonali li huma awtorizzati bil-liġi jew b’regolament biex iwettqu superviżjoni fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu.”

22.

L-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva kien jipprevedi, bħala l-ewwel dispożizzjoni tat-taqsima “Skambju ta’ informazzjoni u s-segretezza professjonali”, dan li ġej:

“(1)   L-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-persuni kollha li jaħdmu jew li kienu ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isem l-awtoritajiet kompetenti, għandhom ikunu marbuta bl-obbligu tas-segretezza professjonali.

L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li huma jistgħu jirċievu fil-kors tad-doveri tagħhom ma tkun tista’ tiġi żvelata lil ebda persuna jew awtorità, ħlief f’forma ta’ sommarju jew kollettiva, hekk li l-istituzzjonijiet individwali ma jistgħux ikunu identifikati, bla ħsara għal każi koperti bil-liġi kriminali.

Madankollu, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun ġiet iddikjarata falluta jew tkun sfurazata għax-xoljiment, informazzjoni kunfidenzjali li ma tkunx tikkonċerna partijiet terzi involuti fi sforz biex isalvaw din l-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tkun żvelata fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali.

(2)   Il-paragrafu 1 m’għandux iwaqqaf lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri varji mill-iskambju ta’ l-informazzjoni skond din id-Direttiva u d-Direttivi l-oħra applikabbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet tas-segretezza professjonali stipulati fil-paragrafu 1.”

23.

L-Artikolu 158 tad-Direttiva 2006/48 kien jipprovdi:

“(1)   Id-Direttiva 2000/12/KE kif emendata bid-Direttivi stabbiliti fl-Anness XIII, il-Parti A, hija b’hekk imħassra bla ħsara għall-obbligi ta’ l-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni ta’ l-imsemmija Direttivi elenkati fl-Anness XIII, il-Parti B.

(2)   Ir-referenzi għad-Direttivi imħassra għandhom jinftehmu bħala li qed isiru għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness XIV.”

6.   Id‑Direttiva 2013/36 (DRK IV)

24.

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2013/36”) ( 14 ) tirregola, skont l-Artikolu 1 tagħha, l-aċċess għall-attività ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kif ukoll is-setgħat superviżorji u l-istrumenti għas-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu.

25.

L-Artikolu 3(1) Nru 36 tad-Direttiva 2013/36 jirreferi għall-Artikolu 4(1) Nru 40 tar-Regolament 575/2013 għad-definizzjoni ta’ “awtorità kompetenti” ( 15 ).

26.

L-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2013/36 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-funzjonijiet ta’ superviżjoni skont din id-Direttiva u r-Regolament (UE) Nru 575/2013 u kwalunkwe funzjoni oħra tal-awtoritajiet kompetenti jkunu separati u indipendenti mill-funzjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-ABE dwarhom, filwaqt li jindikaw kwalunkwe separazzjoni tad-dmirijiet.”

27.

L-Artikolu 53(1) ta’ din id-direttiva jinkludi dispożizzjoni dwar is-segretezza professjonali essenzjalment identika għall-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48. Il-paragrafu 3 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti milli jippubblikaw l-eżitu tal-ittestjar għal stress imwettaq skont l-[Artikolu] 100 ta’ din id-Direttiva jew l-[Artikolu] 32 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 [ ( 16 )] jew milli jittrasmettu l-eżitu tal-ittestjar għal stress lill-ABE għall-fini tal-pubblikazzjoni mill-ABE tar-riżultati tal-ittestjar għal stress fl-Unjoni kollha.”

28.

L-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2013/36 jistabbilixxi:

“Minkejja l-Artikoli 53(1) u l-Artikolu 54, l-Istati Membri jistgħu, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi nazzjonali, jawtorizzaw l-iżvelar ta’ ċerta informazzjoni lil dipartimenti oħra tal-amministrazzjonijiet tal-gvern ċentrali tagħhom li jkunu responsabbli għal-liġi dwar is-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet, istituzzjonijiet finanzjarji u impriżi tal-assigurazzjoni u lill-ispetturi li jaġixxu f’isem dawk id-dipartimenti.

Madankollu, dan l-iżvelar jista’ jsir biss meta jkun meħtieġ u għal raġunijiet ta’ superviżjoni prudenzjali u prevenzjoni u riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet li jkunu qegħdin ifallu. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta’ segretezza professjonali tal-inqas ekwivalenti għal dawk imsemmija fl-Artikolu 53(1).

[…]”

29.

Skont l-Artikolu 163 tagħha, id-Direttiva 2013/36 tħassar id-Direttivi 2006/48 u 2006/49 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

B. Id-dritt Sloven

1.   Iż-ZBan-1

30.

Iż-Zakon o bančništvu (il-Liġi dwar is-Sistema Bankarja, iktar ’il quddiem iż-“ZBan-1”) tipprevedi fl-Artikolu 253a tagħha li Banka Slovenjie, bħala l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jista’ jordna l-iżvalutazzjoni jew it-tħassir ta’ obbligazzjonijiet eliġibbli ta’ istituzzjoni ta’ kreditu f’diffikultà jekk dan ikun meħtieġ fl-interess pubbliku sabiex tiġi evitata l-insolvenza ta’ din l-istituzzjoni u b’hekk tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

31.

L-Artikolu 261a(5) taż-ZBan-1 jistabbilixxi l-hekk imsejjaħ prinċipju “l-ebda kreditur f’pożizzjoni agħar” (iktar ’il quddiem il-“prinċipju NCWO”), li skontu azzjonisti jew kredituri ma jistgħux jitqiegħdu f’pożizzjoni agħar permezz ta’ miżura skont l-Artikolu 253a taż-ZBan-1 milli kienu jkunu fil-każ tal-insolvenza tal-istituzzjoni kkonċernata.

32.

Skont l-Artikolu 350a(1) taż-ZBan-1, l-azzjonisti u l-kredituri ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu, taħt il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 223a taż-ZBan-1, jitolbu kumpens għad-dannu li jkunu sofrew bħala riżultat ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni jew ta’ riorganizzazzjoni ordnata minn Banka Slovenije. L-Artikolu 223a jipprevedi li Banka Slovenije għandu jiġi preżunt li aġixxa b’negliġenza jekk, fiż-żmien tad-deċiżjoni, huwa jew il-persuni li l-azzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu attribwiti lil Banka Slovenije abbażi ta’ fatti u ċirkustanzi li kienu magħrufa jew kellhom ikunu magħrufa lilhom, ma setgħux raġonevolment ikollhom għarfien tal-fatt li d-deċiżjoni kienet legali.

2.   Iż-ZPSVIKOB

a)   Regoli dwar kumpens għad‑detenturi ta’ strumenti kapitali kkanċellati jew żvalutati

33.

Iż-Zakon o postopku sodnega in izvensodnega varstva nekdanjih imetnikov kvalificiranih obveznosti bank (il-Liġi dwar il-Proċedura għall-Protezzjoni Legali Ġudizzjarja u Extraġudizzjarja ta’ Ex Detenturi ta’ Dejn Bankarju Kkwalifikat, iktar ’il quddiem iż-“ZPSVIKOB”) tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-infurzar ta’ talbiet għal kumpens li l-investituri f’istituzzjoni ta’ kreditu jistgħu jinvokaw skont l-Artikolu 350a (1) taż-ZBan-1 minħabba l-miżuri ta’ riorganizzazzjoni u riżoluzzjoni ordnati minn Banka Slovenije fl‑2013 u l-2014.

34.

Skont l-Artikolu 31 taż-ZPSVIKOB, tali talba għal kumpens tkun teżisti jekk Banka Slovenije ma jistax jipproduċi provi li l-miżura kienet neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 253a taż-ZBan-1, jew li l-prinċipju NCWO stabbilit fl-Artikolu 261a(5) taż-ZBan-1 ma ġiex osservat.

35.

Barra minn hekk, l-Artikoli 4 sa 7 taż-ZPSVIKOB jipprevedu possibbiltà ta’ kumpens b’rata fissa esklużivament għal ċerti investituri żgħar ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-istrumenti kapitali tagħhom ġew ikkanċellati jew żvalutati. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-investituri li d-dħul gross annwali tagħhom ma jaqbiżx ċertu ammont ( 17 ) jistgħu jitolbu kumpens fl-ammont ta’ 80 % tal-valur nominali tal-istrumenti kapitali tagħhom (massimu ta’ EUR 20000) mingħajr ma jkollhom għalfejn jipproduċu prova li fil-każ tal-insolvenza tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata huma jirċievu dan l-ammont. Kumpens fl-ammont tal-valur tal-insolvenza abbażi tal-Artikolu 350a moqri flimkien mal-Artikolu 261a taż-ZBan-1 huwa wkoll eskluż.

36.

Fir-rigward tal-finanzjament taż-żewġ tipi ta’ kumpens, l-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB l-ewwel jipprovdi li Banka Slovenije għandu joħloq riżervi speċjali għal dan il-għan. Dawn huma pprovduti mill-profitt magħmul minn Banka Slovenije mill‑1 ta’ Jannar 2019 (iddefinit bħala l-eċċess tad-dħul fuq l-ispejjeż), li normalment jiġi allokat 25 % għall-baġit tal-Istat Sloven skont l-Artikolu 50(1) taż-Zakon o Banki Slovenije (il-Liġi dwar il-Banka Slovenije, iktar ’il quddiem iż-“ZBS-1”) u 75 % jintużaw għall-ħolqien tar-riżervi ġenerali.

37.

Skont iż-ZPSVIKOB, jekk l-ammont ta’ ħlasijiet ta’ kumpens jaqbeż l-ammont tar-riżervi speċjali maħluqa b’dan il-mod, ir-riżervi ġenerali ta’ Banka Slovenije maħluqa sal‑1 ta’ Jannar 2019 jistgħu mbagħad jintużaw għall-finanzjament. Madankollu, minn dawn jistgħu jintmessu biss sa limitu ta’ 50 %.

38.

Sabiex tkopri kwalunkwe żbilanċ li jkun fadal, iż-ZPSVIKOB fl-aħħar tipprevedi l-possibbiltà li l-Istat Sloven jagħti self tranżitorju lil Banka Slovenije. Dan is-self imbagħad jitħallas lura mill-profitti futuri ta’ Banka Slovenije, li jfisser li, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet taż-ZBS-1, dawn ma jistgħux jintużaw biex jinħolqu r-riżervi ġenerali sakemm jitħallas lura kompletament.

b)   Dispożizzjonijiet dwar il‑pubblikazzjoni u l‑aċċess għad‑dokumenti

39.

L-Artikoli 10 u 22 taż-ZPSVIKOB jeżiġu li Banka Slovenije jippubblika ċerti dokumenti f’forma mqassra fuq is-sit internet tiegħu jew jipprovdi lil rikorrenti potenzjali f’tilwim ta’ kumpens jew lill-avukati tagħhom b’aċċess għalihom fi spazju tad-data virtwali. Id-dokumenti jikkonsistu, b’mod partikolari, fl-eżitu tat-testijiet tal-istress imwettqa f’istituzzjoni finanzjarja taħt riżoluzzjoni, rapporti dwar il-kwalità tal-assi ta’ tali istituzzjoni (Asset Quality Review, iktar ’il quddiem ir-“Rapporti dwar l-AQR”) kif ukoll il-valutazzjoni tal-assi li jservu bħala l-bażi għad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni.

III. Il‑fatti u l‑kawża prinċipali

40.

Fil-kawża prinċipali, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) hija adita bir-reviżjoni astratta tal-kostituzzjonalità ta’ xi dispożizzjonijiet taż-ZPSVIKOB u taż-ZBan-1 fuq talba ta’ Banka Slovenije.

41.

Dawn l-atti jirregolaw il-kundizzjonijiet sostantivi u l-infurzar ġudizzjarju tat-talbiet ta’ responsabbiltà u kumpens li jappartjenu lill-azzjonisti u l-kredituri ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li l-istrumenti kapitali tagħhom ġew żvalutati jew tħassru bħala parti mill-miżuri ordnati fl‑2013 u l-2014 minn Banka Slovenije fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni. Minn naħa, huwa previst kumpens jekk dawn il-miżuri jiksru l-prinċipju NCWO u, min-naħa l-oħra, kumpens b’rata fissa għal ċerti investituri żgħar. Skont iż-ZPSVIKOB, Banka Slovenije hija responsabbli għal dawn it-talbiet.

42.

Il-liġi l-aħħar iċċitata tinkludi wkoll dispożizzjonijiet dwar il-pubblikazzjoni jew l-aċċess għad-dokumenti, b’mod partikolari t-testijiet tal-istress, ir-rapporti dwar l-AQR u l-valutazzjonijiet tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji kkonċernati li huma intiżi sabiex jagħmluha aktar faċli li jiġi ppruvat li l-kundizzjonijiet għall-kumpens huma ssodisfatti.

43.

Il-leġiżlatur adotta ż-ZPSVIKOB fi tmiem l-2019 bħala reazzjoni għal sentenza preċedenti mill-Qorti Kostituzzjonali. F’din is-sentenza, il-qorti qieset il-possibbiltajiet għal kumpens u r-rekwiżiti proċedurali għall-infurzar tagħhom taħt is-sitwazzjoni legali Slovena l-qadima bħala insuffiċjenti u għalhekk antikostituzzjonali.

44.

Banka Slovenije jqis li r-regoli dwar l-obbligu tiegħu li jikkumpensa lid-detenturi ta’ strumenti kapitali kkanċellati jew żvalutati, inter alia, imorru kontra l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat skont l-Artikolu 123 TFUE u kontra l-prinċipju tal-indipendenza finanzjarja tal-banek ċentrali taħt l-Artikolu 130 TFUE. Kumpens għal azzjonisti jew kredituri ta’ istituzzjoni finanzjarja inadempjenti li ġew esproprjati jew li d-drittijiet għall-proprjetà tagħhom ġew ristretti fl-interess pubbliku huwa obbligu oġġettiv tal-Istat. Dan tal-aħħar ma jistax jiddelega r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji inadempjenti, li inevitabbilment tinvolvi tali interventi, lil BĊN mingħajr finanzjament xieraq. Il-finanzjament tal-ħlasijiet ta’ kumpens previst miż-ZPSVIKOB iwassal għal tnaqqis fir-riżervi ġenerali ta’ Banka Slovenije b’mod li jipperikola t-twettiq tal-kompiti tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni fil-qafas tas-SEBĊ.

45.

Skont il-Gvern Sloven, ma hemm l-ebda ksur tal-Artikolu 123 TFUE, peress li l-kumpens jitħallas primarjament mill-profitti ġġenerati minn Banka Slovenije, li parti minnhom normalment tiġi allokata għall-baġit tal-Istat xorta waħda. Barra minn hekk, il-livell minimu speċifikat ta’ riżervi ġenerali, li ma jistax jiġi mnaqqas bl-obbligu għal kumpens, jikkostitwixxi salvagwardja suffiċjenti kontra theddida għall-indipendenza finanzjarja ta’ Banka Slovenije. Jekk dan ma jintlaħaqx, l-Istat Sloven jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni permezz ta’ self tranżitorju.

46.

Fir-rigward tal-pubblikazzjoni jew id-disponibbiltà ta’ ċerti dokumenti li tfasslu b’rabta mal-miżuri ta’ riżoluzzjoni jew servew bħala l-bażi tagħhom, Banka Slovenije jqis li dan jikser l-obbligi tas-sigriet professjonali stabbiliti fid-Direttivi 2006/48 u 2013/36. Barra minn hekk, l-għarfien tal-kontenut ta’ dawn id-dokumenti ma huwiex meħtieġ għal azzjoni legali effettiva mill-azzjonisti u l-kredituri kkonċernati. Madankollu, mill-perspettiva tal-Gvern Sloven, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn id-direttivi ma humiex applikabbli fil-kawża prinċipali la f’termini ratione temporis u lanqas ratione materiae.

IV. It‑talba għal deċiżjoni preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

47.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:

“(a)

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil BĊN li huwa membru tas-SEBĊ [i]ġarrarb responsabbiltà li jħallas kumpens mir-riżorsi tiegħu stess lil detenturi preċedenti ta’ strumenti finanzjarji li kienu ġew imħassra permezz ta’ deċiżjoni ta’ dan il-bank ċentrali fl-eżerċizzju tas-setgħa legali tiegħu stess li jadotta miżuri straordinarji fl-interess pubbliku sabiex jipprevjeni theddid għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fil-każ li waqt proċeduri legali sussegwenti jirriżulta li, fil-kuntest tat-tħassir ta’ strumenti finanzjarji, kien hemm nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju li ebda detentur ta’ strument finanzjarju ma għandu jitqiegħed f’pożizzjoni agħar minn dik li kien ikun fiha li kieku l-miżura straordinarja ma kinitx ġiet adottata, fejn, f’dan il-kuntest, il-BĊN huwa responsabbli: (1) għad-dannu li seta’ jipprevedi mill-fatti u miċ-ċirkustanzi kif kienu fil-mument tad-deċiżjoni tiegħu u li kien ħa inkunsiderazzjoni jew li kellu jieħu inkunsiderazzjoni, u (2) għad-dannu li jirriżulta mill-aġir ta’ individwi li, fl-eżerċizzju ta’ tali setgħat tal-bank ċentrali, aġixxew abbażi ta’ struzzjonijiet tiegħu fejn, f’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom jew li misshom kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom fid-dawl tas-setgħat mogħtija, dawk l-individwi ma aġixxewx bid-diliġenza ta’ espert prudenti?

(b)

L-Artikolu 123 TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu lil BĊN, membru tas-SEBĊ, milli jħallas kumpens finanzjarju speċjali fuq fondi proprji lil parti mill-ex detenturi (skont il-kriterju tar-relazzjonijiet patrimonjali) minħabba l-annullamenti li huwa kien suġġett għalihom fl-eżerċizzju tal-kompetenza legali mogħtija lilu sabiex jadotta miżuri eċċezzjonali fl-interess ġenerali sabiex jipprevjeni t-tpoġġija fil-perikolu tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, peress li huwa mifhum li l-prinċipju ta’ kumpens ma kienx suffiċjenti għal dan l-għan.

(c)

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li bank ċentrali nazzjonali jiġi obbligat iħallas kumpens għal dannu li jirriżulta mill-eżerċiżżju tas-setgħat legali tiegħu f’ammonti li jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-bank li jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv? F’dan il-kuntest, sabiex jiġi stabbilit jekk inkisirx il-prinċipju ta’ indipendenza finanzjarja tal-bank ċentrali nazzjonali, huma rilevanti l-kundizzjonijiet legal li taħthom tiġġarrab tali responsabbiltà?

(d)

L-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36/UE jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48/KE li jiggarantixxu l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn iż-żewġ direttivi jiggarantixxu wkoll il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja tal-banek sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, fejn it-theddid għas-solvenza u għal-likwidità tal-banek ma setax jiġi eliminat permezz ta’ miżuri normali ta’ superviżjoni prudenzjali u fejn tali miżuri kienu meqjusa bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/24/KE?

(e)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), l-Artikoli 53 sa 62 tad-Direttiva 2013/36 jew l-Artikoli 44 sa 52 tad-Direttiva 2006/48, li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali miksuba jew iġġenerata fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali tal-banek, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-finijiet tal-protezzjoni li huma jagħtu, id-Direttiva 2013/36, li hija d-direttiva sussegwenti, hija applikabbli anki fir-rigward tal-informazzjoni miksuba jew iġġenerata matul il-perijodu meta kienet tapplika d-Direttiva 2006/48, fejn tali informazzjoni għandha tiġi żvelata matul il-perijodu meta tapplika d-Direttiva 2013/36?

(f)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew l-ewwel subparagrafu tal-Arikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta tad-domanda preċedenti) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-bank ċentrali nazzjonali fil-kapaċità tiegħu bħala awtorità ta’ sorveljanza li saret informazzjoni pubblika ċertu żmien wara li nħolqot, jew l-informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet professjonali iżda li għandha ħames snin jew iktar u li, minħabba ż-żmien li għadda, bħala prinċipju hija meqjusa bħala informazzjoni storika li ma għadhiex kunfidenzjali, ma tibqax informazzjoni kunfidenzjali li għaliha japplika l-obbligu tas-sigriet professjonali? Fil-każ ta’ informazzjoni storika li għandha ħames snin jew iktar, iż-żamma tal-kunfidenzjalità tiddependi fuq jekk il-kunfidenzjalità tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet differenti minn dik tas-sitwazzjoni kummerċjali tal-banek li qegħdin taħt sorveljanza jew dik ta’ impriżi oħra?

(g)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta għad-domanda (e)) għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx it-terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni ta’ kreditu iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti fil-kuntest ta’ azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti għandhom jiġu żvelati awtomatikament, diġà qabel il-bidu ta’ proċeduri ġudizzjarji, mingħajr ma l-ewwel tkun stabbilita proċedura speċifika għad-determinazzjoni każ b’każ tan-natura ġustifikata tal-iżvelar ta’ kull dokument individwali lil kull wieħed mid-destinatarji, u mingħajr ibbilanċjar tal-interessi kuntrarji f’kull każ individwali, u dan anki fil-każ ta’ informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru strumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

(h)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda (d), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 (jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48, skont ir-risposta għad-domanda (e)) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti l-pubblikazzjoni fuq sit tal-internet, b’mod aċċessibbli għal kulħadd, ta’ dokumenti kunfidenzjali jew estratti ta’ dokumenti kunfidenzjali li ma jikkonċernawx lil terzi involuti fit-tentattivi ta’ salvataġġ ta’ istituzzjoni finanzjarja iżda li huma legalment rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-qorti f’azzjoni ġudizzjarja ċivili għal danni kontra l-awtorità ta’ sorveljanza prudenzjali kompetenti, fil-każ li dawn id-dokumenti jkun fihom informazzjoni dwar istituzzjonijiet ta’ kreditu li ma ġewx iddikjarati falluti jew li ma humiex fi stralċ obbligatorju iżda li rċevew għajnuna mill-Istat fi proċedura li fiha tħassru l-istrumenti finanzjarji miżmuma minn azzjonisti jew minn kredituri subordinati tal-istituzzjonijiet finanzjarji, fejn tkun prevista l-oskurazzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kollha qabel il-pubblikazzjoni tagħha fuq l-internet?”

48.

Banka Slovenije, il-Gvern Sloven, il-BĊE u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew kummenti bil-miktub dwar dawn il-kwistjonijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-partijiet interessati kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2022.

V. L‑analiżi ġuridika

49.

Bl-ewwel u bit-tieni domanda tagħha, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) l-ewwel tixtieq issir taf jekk l-iskema ta’ kumpens prevista miż-ZPSVIKOB u ż-ZBan-1 tiksirx il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju mill-Istat taħt l-Artikolu 123 TFUE. It-tielet domanda preliminari mbagħad tikkonċerna l-ammissibbiltà ta’ din l-iskema fir-rigward tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali stabbilit mill-Artikolu 130 TFUE u mill-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Finalment, ir-raba’ sat-tmien domanda preliminari huma intiżi li jiċċaraw jekk l-obbligu li jinsab fiż-ZPSVIKOB li jiġu ppubblikati ċerti dokumenti jew li jsiru aċċessibbli huwiex kompatibbli mad-Direttivi 2006/48 u 2013/36.

50.

L-ewwel sat-tielet domanda għandhom jitqiesu li huma relatati f’termini sostantivi. Ir-raġuni għal dan hija li l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat hija marbuta mill-qrib mal-prinċipju ta’ indipendenza tal-banek ċentrali u jappoġġjah b’diversi modi.

51.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-ewwel parti ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser jiġu eżaminati flimkien l-ewwel sat-tielet domanda preliminari (taħt l-ittra A.), bl-ewwel jiġi ttrattat il-prinċipju ta’ indipendenza u mbagħad il-projbizzjoni ta’ finanzjament monetarju mill-Istat. Fit-tieni parti, imbagħad nindirizza l-eżami tar-raba’ sat-tmien domanda preliminari (taħt l-ittra B.).

A. L‑ewwel sat‑tielet domanda preliminari

1.   Fuq il‑ksur tal‑prinċipju ta’ indipendenza tas‑SEBĊ stabbilit mill‑Artikolu 130 TFUE (it-tielet domanda preliminari)

52.

Bit-tielet domanda preliminari tagħha, li għandha tiġi eżaminata l-ewwel, l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) essenzjalment tistaqsi jekk il-mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-ħlasijiet ta’ kumpens previst fl-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB jistax jikkomprometti l-indipendenza tal-banek ċentrali.

53.

B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB jipprevedi li, l-ewwel, il-profitti kollha magħmula mill‑1 ta’ Jannar 2019 sad-deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-ħlasijiet ta’ kumpens għandhom jintużaw sabiex jinħolqu r-riżervi speċjali. għaldaqstant, minn naħa, matul dan il-perijodu l-Istat Sloven jirrinunzja għas-sehem tiegħu tal-profitti (jiġifieri sa 25 %) previst fl-Artikolu 50 taż-ZBS-1, min-naħa l-oħra, il-profitt li jifdal ma jintużax sabiex jinħolqu r-riżervi ġenerali sa dan il-mument. It-tieni, sa 50 % tar-riżervi ġenerali maħluqa qabel sal‑1 ta’ Jannar 2019 ser jintużaw ukoll sabiex jiffinanzjaw il-ħlasijiet ta’ kumpens jekk ir-riżervi speċjali maħluqa sad-deċiżjoni ġudizzjarja ma jkunux biżżejjed. It-tielet, kwalunkwe bilanċ li jifdal ser ikun iffinanzjat minn self tranżitorju mill-istat Sloven. Il-ħlas lura, min-naħa tiegħu, isir mill-profitti sussegwentement magħmula minn Banka Slovenije, li lanqas jistgħu jintużaw biex jinħolqu r-riżervi ġenerali sakemm is-self jiġi mħallas ( 18 ).

54.

Il-prinċipju ta’ indipendenza, li huwa stabbilit fl-Artikolu 130 TFUE u mtenni fl-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, jipprojbixxi lill-BĊE, kif ukoll lill-BĊN u lill-membri tal-korpi deċiżjonali tagħhom milli jitolbu jew jaċċettaw istruzzjonijiet, inter alia, mingħand gvernijiet tal-Istati Membri u espressament jipprojbixxi lil tali gvernijiet milli jippruvaw jinfluwenzaw il-membri tal-korpi deċiżjonali tal-BĊN fil-qadi ta’ dmirijiethom.

55.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-protezzjoni tal-BĊE kontra l-influwenza esterna stabbilita fl-Artikolu 130 TFUE fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja tiegħu hija żgurata, inter alia, mill-fatt li l-BĊE għandu r-riżorsi tiegħu u l-baġit tiegħu stess ( 19 ). F’dan ir-rigward, l-oriġini ta’ din in-norma turi wkoll li l-indipendenza ma għandhiex dimensjoni funzjonali, istituzzjonali u personali biss, iżda wkoll dimensjoni finanzjarja ( 20 ).

56.

Din ir-rabta hija ovvja: Jekk bank ċentrali jkun dipendenti fuq il-provvista ta’ riżorsi finanzjarji minn gvern, ikun hemm ir-riskju inerenti li dan l-appoġġ iġib miegħu, b’mod espliċitu jew impliċitu, ċerti kundizzjonijiet fuq il-politika monetarja ta’ dak il-bank ċentrali u b’hekk tiġi kompromessa l-indipendenza tiegħu ( 21 ).

57.

L-awturi tat-Trattati kellhom dan ir-riskju f’moħħhom. Għalhekk, fl-Artikolu 282(3) TFUE ġie stipulat li l-BĊE jkollu l-baġit tiegħu stess. Dan ma huwiex ipprovdut minn fondi tal-Unjoni. Pjuttost, l-Artikoli 28 sa 33 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kapital proprju, ir-riżervi monetarji u l-profitti tal-BĊE, li jiżguraw li huwa stess jista’ jiffinanzja l-kompiti tiegħu u għalhekk finanzjarjament la jiddependi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas mill-gvernijiet tal-Istati Membri. Skont l-Artikolu 28.2 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, l-azzjonisti tagħhom ma humiex l-Istati Membri iżda l-BĊN. Il-BĊE jista’ jżid il-kapital proprju mħallas mill-BĊN permezz ta’ deċiżjoni tiegħu stess (ara l-Artikolu 28.1. tal-Istatuti). Anke fil-każ ta’ telf, huwa ma jiddependix minn korpi pubbliċi oħra (ara b’mod partikolari l-Artikolu 33.2. tal-Istatuti).

58.

L-indipendenza tal-BĊE u tal-BĊN ma hijiex għan fiha nnifisha, iżda hija maħsuba li tiżgura li jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod xieraq u effettiv u b’hekk jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-SEBĊ ( 22 ).

59.

Għalhekk, skont il-BĊE, l-Artikolu 130 TFUE jimplika li l-BĊN iridu jkunu f’pożizzjoni anki f’termini tar-riżorsi finanzjarji tagħhom, li jissodisfaw il-kompiti u l-obbligi assenjati lilhom mid-dritt tal-Unjoni fil-qafas tas-SEBĊ b’indipendenza sħiħa.

a)   Il‑ħtieġa li l‑BĊN ikollu biżżejjed riżorsi finanzjarji sabiex jissodisfa ċerti obbligi taħt is‑SEBĊ

60.

F’dan il-kuntest, il-BĊE jenfasizza b’mod partikolari l-obbligu tal-BĊN, skont l-Artikolu 28.2. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE li jikkontribwixxi għal żieda possibbli fil-kapital tal-BĊE. Il-qorti tar-rinviju tidher ukoll li tassumi li l-użu tal-profitti futuri kollha ta’ Banka Slovenije u ta’ 50 % tar-riżervi ġenerali tiegħu biex jiffinanzja l-ħlasijiet ta’ kumpens jista’ jwassal sabiex ma jibqax ikollu l-fondi meħtieġa sabiex jissodisfa dan l-obbligu.

61.

Madankollu, fil-prattika, żieda fil-kapital titwettaq permezz ta’ trasferiment bit-TARGET u ma tinġabarx mill-fondi proprji attwali tal-BĊN ( 23 ). TARGET (li tfisser Trans-European Automated Real-time Gross settlement Express Transfer System) hija s-sistema ta’ pproċessar ta’ pagamenti mingħajr flus kontanti bejn il-banek ċentrali (u l-banek kummerċjali) tal-Eurosistema. Fi kliem sempliċi, din is-sistema hija bbażata fuq kontijiet li l-BĊN tal-Eurosistema jżommu fil-BĊE. Ma’ kull trasferiment transkonfinali, il-bilanċ tal-kont tal-BĊN tal-Istat Membru kkonċernat mal-BĊE jiżdied jew jonqos – skont jekk bank kummerċjali ta’ Stat Membru huwiex ir-riċevitur jew l-inizjatur ta’ dan it-trasferiment. Madankollu, b’differenza fil-każ tal-banek kummerċjali, il-kontijiet tal-BĊN tal-Eurosistema ma għandhomx għalfejn jiġu bbilanċjati fl-aħħar tal-ġurnata tan-negozju. Fl-aħħar tal-ġurnata, pereżempju, BĊN jista’ jkollu obbligazzjoni lejn il-BĊE.

62.

Fil-każ ta’ żieda fil-kapital, dan ifisser li anki jekk debitu diġà jintwera għal BĊN lill-BĊE fis-sistema TARGET, dan jiżdied biss bit-trasferiment korrispondenti għall-fini taż-żieda fil-kapital. Madankollu, il-BĊN fil-fatt ma għandux għalfejn jiġbor jew jibbilanċja dan l-ammont billi juża l-fondi tiegħu stess – pereżempju mill-profitti tiegħu. Konsegwentement, l-użu ta’ profitt ta’ BĊN għal skopijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaffettwax fil-prattika l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-obbligu tiegħu li jżid il-kapital tal-BĊE stabbilit fl-Artikolu 28.2. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 24 ). Fil-fatt, l-ammont meħtieġ għaż-żieda tal-kapital jirriżulta pjuttost permezz tal-ġenerazzjoni tal-flus.

63.

Huwa minnu li l-obbligazzjoni TARGET li tista’ tinħoloq b’dawn iċ-ċirkustanzi tidher fin-naħa tal-obbligazzjonijiet tal-karta tal-bilanċ tal-BĊN rilevanti. Fl-istess ħin, madankollu, żieda fil-valur hija rreġistrata fuq in-naħa tal-assi fl-ammont tal-parteċipazzjoni tal-BĊN rilevanti fil-BĊE, li żdied bl-istess ammont ( 25 ). Għalhekk, hemm biss estensjoni tal-karta tal-bilanċ. Jekk il-BĊN ikkonċernat ikollu bilanċ TARGET, iż-żieda fil-kapital tirrappreżenta sempliċement skambju tal-assi (bilanċ TARGET għal parteċipazzjoni fil-BĊE).

64.

L-issodisfar tal-obbligi finanzjarji l-oħra tal-BĊN imsemmija mill-BĊE, jiġifieri l-obbligu taħt l-Artikolu 30.4 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE biex fuq talba iħallas iktar riżervi monetarji jew skont l-Artikolu 33.2 ipaċi t-telf tal-BĊE, jekk jiġi analizzat iktar mill-qrib, ma jiddependix mill-fatt li BĊN għandu biżżejjed fondi proprji.

65.

Minn naħa, ma jistax jiġi dedott mid-deċiżjoni tar-rinviju li r-riżervi monetarji ta’ Banka Slovenije setgħu jintużaw biex jiffinanzjaw il-ħlasijiet ta’ kumpens ( 26 ). Waqt is-seduta, il-Gvern Sloven ikkonferma wkoll li dan ma huwiex il-każ.

66.

Min-naħa l-oħra, hemm obbligu li jiġi assorbit it-telf b’mod knformi mal-Artikolu 33.2. skont l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE b’massimu biss tal-ammont tad-dħul monetarju li għandu jitqassam ( 27 ). Id-dħul monetarju tal-BĊN kollha huwa rrappurtat fl-aħħar tas-sena skont l-Artikolu 32.1. tal-Istatut fl-ewwel stadju u mbagħad fit-tieni stadju jitqassam lill-BĊN skont rata ta’ distribuzzjoni speċifika li tirrifletti l-parteċipazzjoni tagħhom fil-BĊE (ara l-Artikolu 32.5. tal-Istatut). Sa fejn il-BĊE għamel telf, dan jitnaqqas minn qabel mid-dħul monetarju li jrid jitqassam skont l-Artikolu 32.5. moqri flimkien mal-Artikolu 33.2. tal-Istatut. Madankollu, ma hemm l-ebda obbligu ieħor għall-BĊN biex jassorbu t-telf – pereżempju mill-fondi tagħhom stess ( 28 ).

b)   Ħtieġa ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex tinżamm il‑kredibbiltà u l-fiduċja fis-SEBĊ

67.

Fil-fehma tiegħi, il-punt deċiżiv fir-rigward tal-indipendenza tal-BĊN huwa pjuttost dan li ġej: Il-mekkaniżmu ta’ finanzjament previst fl-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB ser iċaħħad lil Banka Slovenije mis-setgħat kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rigward l-użu tal-fondi tiegħu għal diversi snin u għalhekk il-possibbiltà li jżomm riżervi fl-ammont li jidhirlu xieraq.

68.

Minn naħa, dan ifisser li l-gvern sempliċement qiegħed jinvoka dritt ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet li l-BĊN kien jeżerċita b’indipendenza sħiħa.

69.

Min-naħa l-oħra, madankollu, hemm raġunijiet validi għaliex BĊN irid ikun jista’ jiddeċiedi bir-responsabbiltà tiegħu stess kemm għandu jżomm riżervi. Tabilħaqq, din id-deċiżjoni tirrifletti l-valutazzjoni tar-riskju tal-BĊN fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu.

70.

Ir-riżervi ġenerali jirrappreżentaw riżervi għar-riskji finanzjarji inerenti f’dawn l-operazzjonijiet ( 29 ). Jekk bank ċentrali jqis li huwa meħtieġ li jinbigħu, pereżempju, titoli għal raġunijiet ta’ politika monetarja, għall-irtirar tal-likwidità mis-suq, jagħmel dan, huwa jagħmel dan anki jekk jirriżulta f’telf. L-istess japplika għall-bejgħ ta’ muniti barranin li jista’ jkun meħtieġ sabiex tiġi rregolata r-rata tal-kambju iżda jista’ jkun li jwassal għal telf f’sitwazzjoni ta’ apprezzament tal-munita tiegħu stess. Fl-istess ħin, madankollu, f’każijiet bħal dawn BĊN jipprova joħloq riżervi ogħla b’mod proattiv sabiex jassorbi dan it-telf.

71.

Livelli adegwati ta’ riżervi li kapaċi jassorbu telf potenzjali minn operazzjonijiet tal-politika monetarja għalhekk jirriflettu li l-BĊN rilevanti ppreveda u kkontrolla l-impatt tal-azzjonijiet tiegħu.

72.

Madankollu, l-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB jipprevjeni lil Banka Slovenije milli joħloq riżervi ġodda għal diversi snin u anki jipprevedi l-irtirar tar-riżervi sa livell ta’ 50 %. Dan ifisser li hemm riskju li jekk iseħħ telf b’rabta mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja, il-kapital proprju nett tiegħu jkun inqas mill-kapital tiegħu jew saħansitra negattiv.

73.

Din is-sitwazzjoni hija problematika għal mill-inqas tliet raġunijiet.

74.

L-ewwel, huwa ta’ detriment għas-settur bankarju f’termini ta’ mudell eżemplari ta’ bank ċentrali, li min-naħa tiegħu jrid jikkonforma ma’ rekwiżiti dwar il-kapital proprju dejjem iktar stretti.

75.

It-tieni, lis-swieq jista’ jagħtihom l-impressjoni li l-BĊN ikun iġġudika ħażin jew tilef il-kontroll tal-impatt tal-azzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu. Fi kwalunkwe każ, Banka Slovenije jitlef il-kontroll ta’ assorbiment adegwat ta’ kwalunkwe telf minħabba d-dispożizzjoni tal-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB.

76.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE jenfasizza ġustament li r-rappurtar ta’ kapital proprju baxx jew saħansitra negattiv fuq perijodu itwal ta’ żmien jista’ jagħmel ħsara lill-kredibbiltà u l-fiduċja fil-BĊN u għalhekk lis-SEBĊ kollha kemm hi. Madankollu, f’sistemi ta’ muniti ta’ kors legali moderni, jiġifieri f’sistemi monetarji li fihom il-munita ma hijiex marbuta mal-valur ta’ ċerti kommoditajiet bħad-deheb, il-fiduċja fl-abbiltà tal-banek ċentrali li jżommu l-istabbiltà tal-prezzijiet permezz tal-użu ta’ miżuri ta’ politika monetarja kkontrollati u effettivi hija essenzjali.

77.

Il-BĊE qiegħed speċifikament jindirizza r-rabta li tista’ ssir bejn is-sitwazzjoni tal-kapital proprju dgħajjef ta’ bank ċentrali u l-kapaċità tiegħu li jsegwi l-objettiv li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet b’mod effettiv u b’indipendenza sħiħa, jiġifieri billi jieħu inkunsiderazzjoni biss il-kunsiderazzjonijiet tal-politika monetarja ( 30 ).

78.

Fil-fatt, jekk bank ċentrali jitqiegħed f’sitwazzjoni fejn ikollu kapital proprju baxx ħafna jew negattiv għal perijodu itwal ta’ żmien, bħala riżultat ta’ restrizzjoni legali fuq il-kapaċità tiegħu li joħloq riżervi suffiċjenti, jista’ jkun sfurzat jirrikorri għal operazzjonijiet ta’ politika monetarja bl-iskop li jiġġenera dħul sabiex jikkontrobatti l-perċezzjoni ta’ instabbiltà u tinżamm il-fiduċja fis-suq. Miżuri bħal dawn spiss ikollhom tendenzi inflazzjonarji ( 31 ). Fi kliem ċar, żieda fl-inflazzjoni żżid il-ħtieġa tal-popolazzjoni għall-flus kontanti, li żżid ukoll id-dħul tal-bank ċentrali mill-ħruġ tagħhom. Madankollu, dan ovvjament imur kontra l-objettiv primarju li tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet.

79.

Huwa minnu li l-BĊN tal-Eurosistema għandhom marġni ta’ diskrezzjoni inqas fl-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja tagħhom, peress li d-deċiżjonijiet ewlenin jittieħdu mill-BĊE. L-iktar tard, madankollu, jekk diversi Stati Membri kellhom jipperikolaw is-solidità finanzjarja tal-BĊN tagħhom permezz ta’ dispożizzjonijiet legali bħal dawn, il-BĊE jista’ jsib ruħu maqbud fil-kunflitt ta’ għanijiet deskritti bejn l-iżgurar tal-istabbiltà tal-prezzijiet u ż-żieda tad-dħul għas-SEBĊ. Fi kwalunkwe każ, tista’ tinħoloq l-impressjoni li l-isfera tal-influwenza tal-BĊE fil-politika monetarja hija ddeterminata jew ristretta minn dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB. F’dan ir-rigward teżisti evidenza empirika li l-livell ta’ fiduċja pubblika fil-kapaċità ta’ bank ċentrali li jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet huwa dipendenti ħafna fuq l-indipendenza perċepita tal-bank ċentrali ( 32 ).

80.

Inkella, l-alternattiva tkun li jitlob lill-gvern tal-Istat Membru kkonċernat għal miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni. Huwa ovvju li għajnuna bħal din tista’ tkun marbuta ma’ kundizzjonijiet u għalhekk tista’ tkun assoċjata mar-riskju ta’ influwenza politika fuq il-politika monetarja ( 33 ).

81.

It-tielet, fil-każ estrem, fondi proprji insuffiċjenti għal BĊN tal-Eurosistema jistgħu saħansitra jwasslu għal problema ta’ likwidità. Meta mqabbla ma’ banek ċentrali oħra, il-BĊN tal-Eurosistema għandhom il-karatteristika speċjali li l-kapaċità tagħhom li jiġġeneraw il-flus hija llimitata skont l-Artikolu 128(1) TFUE, peress li kull ħruġ ta’ euro jeħtieġ l-approvazzjoni tal-BĊE. Huwa minnu li l-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB jipprovdi biss għall-użu tad-dħul żejjed, li jibqa’ wara t-tnaqqis tal-ispejjeż kollha, għall-finanzjament ta’ ħlasijiet ta’ kumpens. Madankollu, jekk id-dħul ikun inqas mill-ispejjeż għal perijodu itwal ta’ żmien u r-riżervi li jifdal huma diġà użati, Banka Slovenije, pereżempju, ma jistax sempliċement jiġġenera l-flus biex ikopri l-ispejjeż operattivi u amministrattivi tiegħu minħabba l-Artikolu 128(1) TFUE. Jekk il-BĊE jintervjeni f’każ bħal dan jew japprova l-ġenerazzjoni tal-flus addizzjonali għal dan il-għan, dan imbagħad ikun problematiku mil-lat ta’ reputazzjoni.

82.

Dispożizzjoni bħall-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB għalhekk x’aktarx li tippreġudika l-indipendenza u għalhekk il-funzjonalità tal-BĊN.

c)   Konklużjoni

83.

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE għandhom għalhekk jiġu interpretati bħala li jipprekludu regola nazzjonali dwar l-użu tal-profitti ta’ BĊN li, għal diversi snin, ippreveniet kompletament lill-BĊN milli jsostni r-riżervi ġenerali tiegħu u li skontha r-riżervi eżistenti ta’ dan il-BĊN jistgħu jintużaw ukoll sa ċertu ammont biex jiffinanzjaw kompiti pubbliċi. Tali regola ġġorr ir-riskju li, fil-każ ta’ telf b’rabta mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja, il-kapital proprju nett ta’ dan il-BĊN ikun inqas mill-ammont tal-kapital tiegħu għal perijodu twil ta’ żmien jew saħansitra jkun negattiv.

2.   Fuq il‑projbizzjoni tal‑finanzjament monetarju mill‑Istat skont l‑Artikolu 123 TFUE (l‑ewwel u t‑tieni domanda)

84.

Fid-dawl tas-sottomissjonijiet iktar ’il fuq, issa jrid jiġi eżaminat jekk l-obbligu ta’ Banka Slovenije li jikkumpensa lill-investituri ta’ banek riżolti jew li ġew sovranament irristrutturati mir-riżorsi tiegħu stess jikkostitwixxix ukoll ksur tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat.

85.

L-Artikolu 123 TFUE jipprojbixxi “[f]aċilitajiet ta’ overdraft jew ta’ xi tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu” mal-BĊE jew il-BĊN għall-gvernijiet ċentrali, reġjonali jew awtoritajiet lokali jew pubbliċi oħra, jew korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku, jew impriżi pubbliċi ta’ Stati Membri. L-Artikolu 1(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 3603/93 jiddefinixxi t-terminu “kull tip ieħor ta’ faċilità ta’ kreditu” bħala “kull finanzjament ta’ l-obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi”.

86.

Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni ta’ finanzjament monetarju mill-Istat, l-ewwel ħaġa li għandha tiġi eżaminata hija jekk il-kumpens li Banka Slovenije jista’ jkollu jħallas lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ istituzzjoni finanzjarja inadempjenti skont iż-ZBan-1 u ż-ZPSVIKOB huwiex “l-obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” (ara l-punt (a)).

87.

It-tieni, fid-dawl tal-fatt li l-finanzjament huwa pprovdut permezz ta’ profitti minn Banka Slovenije, li xi wħud minnhom normalment imorru għall-baġit tal-Istat xorta waħda, għandu jiġi eżaminat jekk dan jikkostitwixxix “finanzjament” ipprojbit minn BĊN fis-sens tal-Artikolu 1(1) ittra b, ii) tar-Regolament Nru 3603/93 (ara l-punt (b)).

a)   Fuq il‑kunċett tal‑“obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi”

88.

Iż-ZBan-1 u ż-ZPSVIKOB jipprovdu żewġ tipi ta’ ħlasijiet ta’ kumpens: l-ewwel, il-kumpens ta’ investituri f’bank fl-ammont tal-valur tal-insolvenza tal-istrumenti kapitali tagħhom jekk sussegwentement jirriżulta li l-prinċipju NCWO ma ġiex osservat fl-iżvalutazzjoni jew il-kanċellazzjoni tagħhom minħabba nuqqas ta’ diliġenza dovuta min-naħa ta’ Banka Slovenije (l-ewwel domanda) ( 34 ). Nota: Skont dan il-prinċipju, l-ebda investitur ma jista’ jitqiegħed f’pożizzjoni agħar bħala riżultat ta’ intervent mill-Istat li jikkostitwixxi riżoluzzjoni milli kien ikun kieku twettqu proċedimenti normali ta’ insolvenza. Fi kliem ieħor, l-investituri rikorrenti fil-kawżi ta’ kumpens bħalissa pendenti quddiem il-qrati Sloveni qegħdin isostnu li kieku l-banek likwidati fallew, kienu jirċievu aktar minn dak li rċevew matul ir-riżoluzzjoni jew ir-riorganizzazzjoni minn Banka Slovenije.

89.

It-tieni, hemm kumpens b’rata fissa għall-investituri bi dħul iktar baxx, li jammonta għal 80 % tal-valur nominali tal-istrumenti kapitali b’ammont massimu ta’ kumpens ta’ EUR 20000, irrispettivament minn jekk dan il-valur setax jintlaħaq fl-insolvenza jew le (it-tieni domanda) ( 35 ).

90.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk dawn l-obbligi ta’ ħlas jikkostitwixxux “obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b)(ii) tar-Regolament Nru 3603/93, il-partijiet kollha fil-proċeduri, anki jekk b’riżultati differenti, kienu tal-fehma li l-fattur deċiżiv kien jekk kinitx kwistjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq ħtija jew indipendenti mill-ħtija. Sa fejn ir-responsabbiltà hija marbuta ma’ ħtija min-naħa ta’ Banka Slovenije, id-djun li jirriżultaw huma obbligazzjonijiet “proprji” ta’ Banka Slovenije u mhux “obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi”.

91.

Skont il-Gvern Sloven, ir-responsabbiltà għal ksur ta’ obbligu minn BĊN hija rregolata mill-Artikolu 35.3. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE esklużivament skont id-dritt nazzjonali rispettiv. Barra minn hekk, fir-rigward tal-BĊE, din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 340(3) TFUE jkunu jipprevedu wkoll li l-BĊE huwa responsabbli lejn terzi għad-danni kkawżati minnu jew mill-impjegati tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

92.

Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, dan japplika wkoll jekk ir-responsabbiltà bbażata fuq il-ħtija tiġi skattata fl-issodisfar tal-kompiti pubbliċi nazzjonali, peress li BĊN “jinvolvu [jinvolvi] responsabbiltà u l-obbligi” proprji fl-eżerċizzju ta’ tali funzjonijiet skont l-Artikolu 14.4. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE.

93.

Banka Slovenije u l-BĊE ma opponewx b’mod espliċitu dan l-argument. Madankollu, huma kienu tal-fehma li l-obbligi ta’ ħlas inkwistjoni fi kwalunkwe każ ma humiex kwistjoni ta’ responsabbiltà bbażata fuq ħtija, iżda ta’ responsabbiltà oġġettiva.

94.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kumpens b’rata fissa, dan jidher li huwa inkontestabbli. Fl-istess ħin, madankollu, ma huwiex ikkontestat ukoll li l-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens skont il-prinċipju NCWO de lege lata huwa marbut ma’ nuqqas ta’ diliġenza dovuta min-naħa ta’ Banka Slovenije u għalhekk ma’ element ta’ ħtija. Madankollu, Banka Slovenije u l-BĊE essenzjalment jargumentaw li l-obbligu ta’ ħlas ta’ kumpens skont il-prinċipju NCWO jirriżulta direttament mid-dritt fundamentali għall-proprjetà taħt l-Artikolu 17(1) tal-Karta u għalhekk anki de lege feranda ma għandux isir dipendenti fuq element ta’ ħtija. Konsegwentement, dan huwa fi kwalunkwe każ “obbligu tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b), ii) tar-Regolament Nru 3603/93.

1) Irrelevanza tan‑natura tar‑responsabbiltà li hija l‑bażi tal‑ħtija

95.

Madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ma huwiex determinanti għall-kwistjoni tal-ksur tal-Artikolu 123 TFUE jekk l-obbligu ta’ ħlas tal-BĊN huwiex dovut għall-ksur tal-obbligu tiegħu stess jew le.

96.

Pjuttost, il-klassifikazzjoni bħala obbligu “proprju” tal-BĊN jew bħala “obbligu tas-settur pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b), ii) tar-Regolament Nru 3603/93 tista’ tiddependi biss fuq jekk ir-responsabbiltà li jwettaq il-kompiti ta’ BĊN fil-qafas tas-SEBĊ jew li jwettaq kompiti pubbliċi oħra fis-sens tal-Artikolu 14.4. l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE ( 36 ).

97.

Inkella, Stat Membru jista’ jevadi l-obbligi finanzjarji tiegħu billi jiddelega lill-BĊN tiegħu kompiti li huma meħtieġa b’mod urġenti fl-interess pubbliku iżda li huma partikolarment intrużivi u għaljin ( 37 ). Dan japplika b’mod partikolari għal kompiti li huma assoċjati ma’ riskji ta’ responsabbiltà, u b’mod partikolari jekk ir-responsabbiltà tiġi skattata minn nuqqas ta’ diliġenza dovuta jew saħansitra mill-indipendenza mill-ħtija.

98.

Jekk tali kompiti jiġu ddelegati lil xi korp pubbliku ieħor, ir-riżultat ikun li l-Istat iħallas għal kwalunkwe ħsara kkawżata; fil-każ ta’ delega lil BĊN, madankollu, l-obbligi li jirriżultaw jibqgħu newtrali, bħala prinċipju, għat-teżor minħabba s-separazzjoni stretta bejn il-baġit tal-Istat u l-baġit tal-bank ċentrali ( 38 ). Kif ġie spjegat iktar ’il fuq, il-baġits separati huma element essenzjali biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-banek ċentrali ( 39 ). Għalhekk, piż fuq il-baġit tal-bank ċentrali ma jistax jiġi ekwiparat ma’ piż fuq it-teżor.

99.

Madankollu, piż bħal dan fuq il-BĊN proprju ma huwiex kompatibbli mat-tifsira u l-għan tal-Artikolu 123 TFUE. Dan huwa maħsub biex jipprevjeni kwalunkwe appoġġ finanzjarju mis-SEBĊ għall-benefiċċju tal-Istati Membri ( 40 ). Id-delega ta’ kompiti pubbliċi oħra lil BĊN mingħajr finanzjament korrispondenti għandu għalhekk, bħala prinċipju, jitqies bħala appoġġ finanzjarju tal-Istat Membru kkonċernat jekk dawn il-kompiti tipikament jinvolvu spejjeż li, bħala riżultat tad-delega, issa jitħallsu mill-BĊN minflok mill-Istat Membru.

100.

Ma jirriżulta xejn ieħor mill-Artikolu 14.4. l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, li skonthom il-BĊN jeżerċitaw kompiti nazzjonali “jinvolvu responsabbiltà u l-obbligi” tagħhom stess. Din id-dipożizzjoni ma tagħmel l-ebda dikjarazzjoni dwar min finanzjarjament għandu jħallas għal attività, iżda jispeċifika biss min hu responsabbli għaliha. Għaldaqstant, l-Artikolu 14.4., barra minn hekk, jistqarr espressament li l-kompiti li BĊN iwettaq fir-responsabbiltà u l-obbligu tiegħu stess “m’għandhomx jitqiesu bħala parti mill-funzjonijiet tas-SEBĊ”.

2) Il‑finanzjament tar‑riżoluzzjoni bħala kompitu pubbliku ieħor fis‑sens tal‑Artikolu 14.4. l‑Istatuti tas‑SEBĊ u tal‑BĊE

101.

Ir-riorganizzazzjoni sovrana u r-riżoluzzjoni ordnata tal-banek ma humiex kompitu ta’ BĊN fil-qafas tas-SEBĊ, iżda kompitu pubbliku differenti ( 41 ). Il-kompiti tas-SEBĊ huma finalment stabbiliti fl-Artikolu 127 TFUE u jikkonsistu essenzjalment fl-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni ( 42 ).

102.

Il-miżuri ta’ riżoluzzjoni u riorganizzazzjoni ordnati minn Banka Slovenije fl-2013 u l-2014 kienu saħansitra għadhom jitqiesu bħala kompiti purament nazzjonali f’dak iż-żmien, peress li twettqu qabel l-armonizzazzjoni tad-dipożizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni ta’ banek fil-livell tal-Unjoni permezz tar-Regolament SRM u r-Regolament BRRD.

103.

Iżda anki wara l-istabbiliment tal-unjoni bankarja, ir-riżoluzzjoni bankarja ma tkunx ikklassifikata bħala kompitu tas-SEBĊ. Skont l-Artikolu 127(5) TFUE, is-SEBĊ tikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja.

104.

Madankollu, ma jistax jiġi konkluż minn dan li r-riżoluzzjoni bankarja hija kompitu tas-SEBĊ. Dan jirriżulta mill-formulazzjoni fl-Artikolu 127(5) TFUE, li skontu s-SEBĊ tappoġġja “l-awtoritajiet kompetenti” fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u hija nnifisha ma hijiex responsabbli għal dawn il-miżuri. L-Artikolu 3(3) BRRD jippermetti lill-Istati Membri jinnominaw lill-BĊN tagħhom bħala l-awtorità ta’ riżoluzzjoni taħt is-sitwazzjoni legali attwali ( 43 ). Madankollu, din id-dispożizzjoni tiċċara li s-setgħat tal-amministrazzjoni pubblika huma ddelegati lill-BĊN f’dan il-każ.

105.

Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 127(5) TFUE u l-Artikolu 3(3) BRRD juru biss li d-delega ta’ dawn il-kompiti lil BĊN ma hijiex fundamentalment inkompatibbli mal-għanijiet u l-kompiti tas-SEBĊ (ara t-tieni sentenza tal-Artikolu 14.4. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE). Madankollu, id-delega tal-kompitu tar-riżoluzzjoni bankarja lil BĊN ma ssirx kompitu tas-SEBĊ. Inċidentalment, fil-livell tal-Unjoni, ma huwiex il-BĊE li huwa responsabbli għar-riżoluzzjoni bankarja, iżda aġenzija maħluqa speċifikament għal dan il-għan, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni Single Resolution Board akronimu (SRB) ( 44 ).

106.

Konsegwentement, fl‑2013 u fl‑2014 Banka Slovenije, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni, wettaq kompitu pubbliku differenti fis-sens tal-Artikolu 14.4. l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Dan ma huwiex kompitu tas-SEBĊ u għalhekk għandu essenzjalment jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri.

107.

Ir-rekwiżit ta’ finanzjament suffiċjenti huwa partikolarment importanti peress li r-riorganizzazzjoni jew ir-riżoluzzjoni ta’ bank inevitabilment jinvolvu interferenza estensiva fid-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti u l-kredituri tiegħu. Id-dritt Sloven l-antik għamel ukoll l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali rilevanti prerekwiżit għal miżura ta’ riorganizzazzjoni bl-użu ta’ fondi pubbliċi ( 45 ).

108.

Fl-istess ħin, issa l-liġi tal‑2019 minn naħa tipprovdi għal obbligu ta’ kumpens b’rata fissa lil ċerti investituri skont l-Artikoli 4 sa 7 taż-ZPSVIKOB. Min-naħa l-oħra, skont iż-ZBan-1 u ż-ZPSVIKOB Banka Slovenije huwa responsabbli għal ksur tal-prinċipju NCWO, li skontu nuqqas ta’ diliġenza dovuta skont l-Artikolu 223a taż-ZBan-1 huwa biżżejjed għall-iskattar ta’ din ir-responsabbiltà. Skont din id-dispożizzjoni, dan huwa l-każ jekk id-dannu (f’dan il-każ il-ksur tal-prinċipju NCWO) ikun ir-riżultat ta’ nuqqas li jitqiesu fatti u ċirkustanzi li Banka Slovenije kellu għad-dispożizzjoni tiegħu jew li seta’ jiddisponi minnhom meta ħa d-deċiżjoni tiegħu.

109.

Madankollu, nuqqas ta’ diliġenza dovuta ddefinit b’dan il-mod jista’ jseħħ relattivament malajr jekk jiġi kkonstatat ksur tal-prinċipju NCWO.

110.

Il-portata tal-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni meħtieġa tal-istrumenti kapitali huwa ddeterminat qabel id-deċiżjoni li jiġi riżolt bank abbażi ta’ valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu. Din il-valutazzjoni tipprova wkoll tiddetermina x’inhuwa l-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet f’xenarju ta’ insolvenza. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, madankollu, din l-evalwazzjoni trid titwettaq taħt pressjoni ta’ żmien estremament għolja, ġeneralment ikun hemm tmiem il-ġimgħa biss disponibbli għar-riżoluzzjoni nnifisha, u limitata għall-assi u l-obbligazzjonijiet l-aktar importanti tal-bank. Għalhekk ma huwiex improbabbli li valutazzjoni mwettqa wara r-riżoluzzjoni, b’kont meħud tad-data kollha disponibbli, tasal għall-konklużjoni li ċerti strumenti kapitali jkunu akkwistaw valur ogħla fix-xenarju ta’ insolvenza. F’dan il-każ, japplika l-prinċipju NCWO ( 46 ).

111.

L-Istat Membru għalhekk għandu jistenna definittivament l-okkorrenza ta’ tali każ ta’ responsabbiltà. Jekk jiġi ttrasferit lil kwalunkwe korp ieħor ta’ Stat Membru, il-baġit tal-Istat ikun mgħobbi b’dawn il-ħlasijiet. Banka Slovenije jinġieb biss fis-sitwazzjoni li jkollu jħallas il-kumpens korrispondenti mir-riżorsi tiegħu stess billi jiġi nnominat bħala l-awtorità tar-riżoluzzjoni. Din iċ-ċirkustanza hija saħansitra aktar ovvja fil-każ tal-obbligu li jitħallas kumpens b’rata fissa l-skont l-Artikoli 4 sa 7 taż-ZPSVIKOB.

3) Konklużjonijiet intermedjarji

112.

Konsegwentement, iż-żewġ tipi ta’ ħlasijiet ta’ kumpens għandhom jitqiesu bħala “obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” fis-sens tal-Artikolu 1(1)(b), ii) tar-Regolament Nru 3603/93.

4) Sussidjarjament: l‑Artikolu 17(1) tal‑Karta ma jimponi l‑ebda obbligu oġġettiv fuq l‑Istat Membru li jipprovdi kumpens minn fondi pubbliċi skont il‑prinċipju NCWO

113.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-kwistjoni dwar jekk hemmx “obbligu tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” tiddependi fuq jekk ir-responsabbiltà tal-BĊN hijiex ibbażata fuq ħtija jew fuq obbligu oġġettiv, għandu jiġi nnotat dan li ġej: Kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx b’mod espliċitu li l-Artikolu 17(1) tal-Karta assolutament jeħtieġ konformità mal-prinċipju NCWO.

114.

L-idea wara l-prinċipju NCWO hija li fil-każ ta’ inadempjenza (probabbli) ta’ bank mingħajr intervent tal-gvern, l-insolvenza tal-bank hija l-unika alternattiva. Fi kliem ieħor, f’din is-sitwazzjoni, l-istrumenti kapitali tal-azzjonisti u l-kredituri tagħhom ma għadx għandhom valur tas-suq ogħla mill-valur tal-insolvenza ( 47 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iżvalutazzjoni jew it-tħassir tal-istrumenti kapitali ta’ bank (probabbilment) inadempjenti filwaqt li jiggarantixxi l-prinċipju NCWO ma jikkostitwixxix indħil inġustifikat fid-drittijiet għall-proprjetà tal-investituri affettwati ( 48 ).

115.

Bil-maqlub, madankollu, ma jistax jiġi konkluż minn dan li ndħil mhux iġġustifikat huwa inevitabbli jekk dan il-prinċipju ma jiġix osservat.

116.

Huwa minnu li ndħil serju bħal dan fid-drittijiet għall-proprjetà normalment jirrikjedi kumpens xieraq ( 49 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ( 50 ) kumpens taħt il-valur tas-suq jista’ jkun xieraq ukoll f’każijiet individwali għal raġunijiet ta’ interess pubbliku ( 51 ). Kunsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku bħal dawn jistgħu definittivament jidħlu fis-seħħ fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni bankarja f’ċerti każijiet. Dan huwa partikolarment minnu għaliex inkella l-pubbliku ġenerali jkollu jerfa’ dawn il-piżijiet minflok l-investituri tal-bank, minkejja li dawn tal-aħħar biss ibbenefikaw mill-profitti tiegħu fi żminijiet ta’ suċċess ekonomiku. Barra minn hekk, l-abbiltà tal-aġenziji tal-gvern li jaġixxu tista’ tiġi ristretta bla bżonn jekk ikollhom jikkumpensaw lill-investituri f’bank li l-kollass tiegħu jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-ekonomija neċessarjament fil-valur tal-insolvenza fi kwalunkwe każ.

117.

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni issa jipprevedi, jiġifieri taħt is-sitwazzjoni legali l-ġdida wara l-istabbiliment tal-unjoni bankarja, li l-investituri f’bank riżolt jistgħu jitolbu kumpens skont il-prinċipju NCWO. Madankollu, dan ma huwiex iffinanzjat minn fondi pubbliċi, iżda minn dawk tal-Fond ta’ riżoluzzjoni uniku, li huwa ffinanzjat minn kontribuzzjonijiet mill-banek kummerċjali innifishom ( 52 ).

118.

Bħala riżultat, l-Artikolu 17(1) tal-Karta, għaldaqstant, ma jagħtix lil Stat Membru obbligu oġġettiv, jiġifieri wieħed li dejjem jeżisti u li huwa indipendenti minn kwalunkwe ksur ta’ obbligu, li jipprovdi kumpens minn fondi pubbliċi skont il-prinċipju NCWO. Konsegwentement, dan il-kumpens ma huwiex “obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” għal dik ir-raġuni.

119.

Pjuttost, il-klassifikazzjoni tal-kumpens dovut taħt id-dritt Sloven bħala “obbligi tas-settur pubbliku vis-a-vis partijiet terzi” hija dovuta għall-fatt li dawn l-obbligi jirriżultaw biss mid-delega ta’ kompitu pubbliku ieħor, jiġifieri dak ta’ riżoluzzjoni bankarja, lill-BĊN mingħajr finanzjament korrispondenti ( 53 ).

b)   Fuq is‑sors tal‑finanzjament

120.

Fil-pass li jmiss, madankollu, tqum il-mistoqsija dwar jekk kwalunkwe finanzjament ta’ tali obbligu mir-riżorsi ta’ BĊN iwassalx għal ksur tal-Artikolu 123 TFUE.

121.

F’dan il-kuntest, il-Gvern Sloven jidher li jieħu l-pożizzjoni li l-finanzjament dirett biss permezz tal-ġenerazzjoni tal-flus jikser il-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat skont l-Artikolu 123 TFUE. Madankollu, skont l-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB, il-ħlasijiet ta’ kumpens huma ffinanzjati mill-profitti (iddefiniti bħala l-eċċess tad-dħul fuq l-ispejjeż) ta’ Banka Slovenije ( 54 ).

122.

Il-profitti ta’ bank ċentrali jiġu mill-operazzjonijiet tal-politika monetarja tiegħu. Skont l-Artikolu 18.1. tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE esklużivament implimentati biex jiġu ssodisfatti l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 127 TFUE, jiġifieri primarjament biex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-prezzijiet. Il-profitti jistgħu jirriżultaw b’mod partikolari mill-ħruġ ta’ flus kontanti u minn dħul mill-imgħax minn tranżazzjonijiet ta’ rifinanzjament ( 55 ), iżda wkoll minn dħul mit-tranżazzjonijiet ta’ titoli jew il-kummerċ tal-kambju. La l-Artikolu 123 TFUE u lanqas ir-Regolament Nru 3603/93 ma jirregolaw espressament, jekk l-użu ta’ dawn il-fondi għal skopijiet baġitarji għandux jitqies bħala finanzjament mill-Istat ipprojbit jew le.

123.

F’dan il-kuntest, madankollu, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll il-fatt li parti mill-profitti tal-Banka Slovenije, li dan tal-aħħar juża biex joħloq riżervi speċjali, normalment titqassam lill-baġit tal-Istat. Dan iqajjem il-mistoqsija ġġustifikata dwar jekk l-ammissibbiltà tal-mekkaniżmu ta’ kumpens tiddependix minn jekk is-sehem mill-profitti inkwistjoni tal-BĊN huwiex użat biex jitħallas il-kumpens inkwistjoni immedjatament jew biss wara li jkun ġie allokat għall-baġit tal-Istat.

124.

L-użu ta’ parti mill-profitti tal-BĊN għall-finanzjament tal-infiq pubbliku ġenerali huwa prattika komuni fi kważi l-Istati Membri kollha tal-Unjoni ( 56 ). Din hija komparabbli mal-użu ta’ eċċessi minn multi jew penali għal skopijiet baġitarji. Bħala prinċipju, dan ma jitqiesx bħala ksur tal-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat, peress li l-profitti huma sempliċement “prodott sekondarju” tal-miżuri tal-politika monetarja ta’ BĊN u ma humiex ir-riżultat ta’ attivitajiet ekonomiċi orjentati lejn id-dħul għall-Istat ( 57 ).

125.

Madankollu, il-possibbiltà għall-Istat li juża dawn il-profitti ma għandhiex tintuża ħażin. Inkella fl-aħħar mill-aħħar tista’ twassal għal evażjoni tal-projbizzjoni fuq il-finanzjament monetarju mill-Istat ( 58 ).

126.

Tista’ tiġi preżunta miżapproprjazzjoni jekk l-għanijiet tal-politika monetarja ma jingħatawx prijorità sabiex jintlaħqu l-miri ta’ finanzjament. Dan, madankollu, huwa eżattament li twassal għalih id-dispożizzjoni fl-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB.

127.

Skont din id-dispożizzjoni, mhux biss is-sehem tal-profitti li normalment jiġi allokat għall-baġit tal-Istat, iżda wkoll il-parti li hija maħsuba għall-ħolqien ta’ riżervi ġenerali, tintuża għal skopijiet ta’ finanzjament, u għalhekk għal skopijiet oħra għajr il-politika monetarja. Kif diġà ntwera, il-ħolqien ta’ riżervi suffiċjenti b’mod partikolari jservi wkoll biex fl-aħħar mill-aħħar tinżamm il-kapaċità ta’ azzjoni fil-politika monetarja u b’hekk il-funzjonament ta’ bank ċentrali ( 59 ). Dan japplika b’mod partikolari f’sitwazzjoni bħal dik preżenti, li fiha r-riżervi diġà maħluqa jistgħu jintużaw ukoll sa livell ta’ 50 % għal skopijiet ta’ finanzjament u konsegwentement ma jistgħux jibqgħu jintużaw għall-assorbiment tat-telf ( 60 ).

128.

B’mod ġenerali, l-operazzjonijiet tal-politika monetarja ma għandhomx iservu biex jiġġeneraw dħul, iżda għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet tal-Artikolu 127 TFUE. F’dan il-każ, madankollu, id-dispożizzjoni fl-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB tista’ toħloq inċentiv jew, f’każijiet estremi, saħansitra tiġġenera pressjoni politika fl-użu tal-istrumenti tal-politika monetarja bl-intenzjoni li jsir profitt u biex il-motivi tal-politika monetarja ma jingħatawx prijorità. Dan peress li għar-raġunijiet diġà spjegati, il-BĊN għandu interess li jerġa’ jġib il-libertà tal-għażla tiegħu fir-rigward tal-użu tal-profitti tiegħu għall-fini li joħloq riżervi malajr kemm jista’ jkun ( 61 ).

129.

B’dan il-mod, il-projbizzjoni fuq il-finanzjament monetarju mill-Istat tiżgura wkoll l-indipendenza tas-SEBĊ ( 62 ). Din il-projbizzjoni ma hijiex maħsuba biss biex tiżgura ċerta dixxiplina baġitarja fl-Istati Membri ( 63 ). Minn naħa waħda, din hija maħsuba biex tipprevjeni lill-gvernijiet tal-Istati Membri milli jżidu l-bażi monetarja permezz tad-deċiżjonijiet ta’ politika fiskali tagħhom u b’hekk possibbilment jinfluwenzaw il-politika monetarja tas-SEBĊ ( 64 ) Min-naħa l-oħra, billi tipprevjeni lill-gvernijiet tal-Istati Membri milli jkollhom aċċess sħiħ għall-fondi tal-BĊN, din tipprevjeni wkoll lill-gvernijiet milli jimminaw l-indipendenza finanzjarja tal-banek ċentrali tagħhom b’dan il-mod.

130.

Bħala riżultat, l-użu tal-profitti ta’ BĊN jitlef l-iskop tiegħu minn dispożizzjoni bħal dik fl-Artikolu 40 taż-ZPSVIKOB ( 65 ). Din hija evażjoni tal-projbizzjoni fl-Artikolu 123 TFUE.

c)   Konklużjoni

131.

L-Artikolu 123 TFUE għandu għalhekk jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi regola nazzjonali li skontha BĊN, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni, għandu jħallas kumpens lill-investituri ta’ istituzzjoni finanzjarja li l-istrumenti kapitali tagħha jkunu ġew żvalutati jew ikkanċellati bħala parti minn miżura ta’ riorganizzazzjoni jew riżoluzzjoni ordnata mill-BĊN, li hija ffinanzjata kif ġej: L-ewwel, jintużaw l-profitti kollha ta’ dan il-BĊN minn żmien partikolari, kif ukoll parti mir-riżervi diġà eżistenti, u, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, jingħata self mill-Istat Membru kkonċernat, li għall-ħlas lura tiegħu jintużaw ukoll il-profitti futuri kollha tal-BĊN sakemm jintlaħaq l-ammont tat-tifdija.

Dan japplika kemm meta l-obbligu ta’ kumpens skont id-dritt nazzjonali jiġi skattat minn ksur tal-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ “l-ebda kreditur f’pożizzjoni agħar”, li huwa dovut għal ksur tad-diliġenza dovuta mill-BĊN, kif ukoll meta dan l-obbligu oġġettivament jeżisti fir-rigward ta’ klassi speċifika ta’ investituri, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera ksur tal-prinċipju msemmi jew negliġenza min-naħa tal-BĊN.

B. Fuq ir‑raba’ sat‑tmien domanda preliminari

132.

Bir-raba’ sat-tmien domandi tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali fl-aħħar mill-aħħar tistaqsi jekk b’mod partikolari l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/48 jew is-suċċessur tiegħu, li essenzjalment għandu l-istess kontenut, fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 humiex kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 sa 22 taż-ZPSVIKOB.

133.

Id-dispożizzjonijiet l-aħħar imsemmija jobbligaw lil Banka Slovenije biex jippubblika, kompletament jew parzjalment, fuq is-sit internet tiegħu, ċerta informazzjoni u dokumenti li servew bħala l-bażi għad-deċiżjoni tiegħu li jiżvaluta jew iħassar strumenti kapitali fil-kuntest tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni u riorganizzazzjoni ordnati fl‑2013 u fl‑2014 jew jipprovdi l-aċċess għalihom fi spazju tad-data virtwali lil rikorrenti potenzjali f’kawża ta’ kumpens. Speċifikament, dawn jikkostitwixxu l-eżitu tat-testijiet tal-istress u r-rapporti dwar l-asset quality reviews (AQRs) li saru qabel ir-riżoluzzjoni jew ir-riorganizzazzjoni tal-istituzzjoni finanzjarja, kif ukoll il-valutazzjonijiet tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħhom, li fuq il-bażi tagħom Banka Slovenije iddeċieda dwar l-ambitu speċifiku ta’ tħassir jew żvalutazzjoni ta’ strumenti kapitali.

134.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-informazzjoni relatata mal-bank rispettiv hija ppubblikata fuq is-sit internet f’forma aggregata, bid-data personali, l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti kummerċjali kollha redatti, iżda bl-isem tal-istituzzjoni finanzjarja, u hija aċċessibbli għal kulħadd. L-aċċess għal l-ispazju tad-data virtwali jingħata lir-rikorrenti potenzjali kollha f’tilwima dwar kumpens u lill-konsulent legali tagħhom, jiġifieri speċifikament lill-(ex) detenturi ta’ strumenti kapitali żvalutati jew ikkanċellati. Meta jingħata dan l-aċċess id-data personali tiġi redatta, l-informazzjoni kunfidenzjali u s-sigrieti tan-negozju jiġu mmarkati bħala tali.

1.   Fuq l‑applikabbilità ratione materiae tad‑Direttivi 2006/48 u 2013/36

135.

Id-Direttiva 2006/48, magħrufa wkoll bħala “CRD III” (bl-Ingliż il-Capital Requirements Directive), tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati dwar l-aċċess u s-superviżjoni tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Din ġiet sostitwita bid-Direttiva 2013/36, jew “CRD IV”, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014.

136.

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36 japplikaw għall-attivitajiet tal-awtoritajiet li lilhom il-kompitu tas-superviżjoni bankarja ġie ddelegat ( 66 ) permezz tad-dritt nazzjonali u jordnaw il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li dawn l-awtoritajiet irċevew fil-qadi tad-dmirijiet superviżorji tagħhom.

a)   L‑ebda applikabbiltà diretta għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ fis-sens tad-Direttiva 2001/24

137.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, Banka Slovenije diġà wettaq il-kompitu ta’ sorveljanza bankarja bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/48. Madankollu, il-miżuri straordinarji ordnati fl‑2013 u fl‑2014, li minħabba fihom intużaw l-informazzjoni u d-dokumenti inkwistjoni hawnhekk, ma humiex miżuri superviżorji. Pjuttost, skont l-opinjoni unanima tal-qorti tar-rinviju u tal-partijiet kollha fil-kawża, il-miżuri rilevanti għandhom jitqiesu bħala miżuri ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ stralċ fis-sens tad-Direttiva 2001/24, li Banka Slovenije fil-funzjoni (eżerċitata b’mod parallel) tiegħu ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ordna fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24. Għaldaqstant, l-atturi msemmija qabel jaqblu wkoll li d-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2006/48 u 2013/36 ma humiex direttament applikabbli għal din l-attività ta’ Banka Slovenije.

138.

Madankollu, kemm Banka Slovenije kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li mill-inqas parti mill-informazzjoni, li l-pubblikazzjoni jew d-disponibbiltà tagħha huma previsti mill-l-Artikoli 10 sa 22 taż-ZPSVIKOB, għandha rabta fattwali mas-superviżjoni bankarja.

139.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 48(1)(a) tad-Direttiva 2006/48 u s-subparagrafu 2 tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2013/36 jistabbilixxu li dik l-informazzjoni protetta f’kuntest regolatorju ma titlifx din il-protezzjoni permezz tal-iżvelar jew l-użu tagħha f’kuntest ta’ riżoluzzjoni. Jintqal dan peress li l-ewwel dispożizzjonijiet imsemmija jipprevedu li l-iżvelar lill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni huwa permess, fejn għandu jiġi żgurat li f’dan il-każ ukoll, hemm protezzjoni mill-inqas ekwivalenti għall-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48 jew għall-Artikolu 63 tad-Direttiva 2013/36.

140.

F’dan il-każ, trid issir distinzjoni bejn il-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet biex jiġi ddeterminat il-limitu meħtieġ ta’ żvalutazzjoni u t-tħassir tal-istrumenti kapitali minn naħa u testijiet tal-istress u l-AQRs min-naħa l-oħra.

141.

Il-valutazzjoni hija pass proċedurali essenzjali u tipiku meta tiġi ordnata miżura ta’ riorganizzazzjoni jew riżoluzzjoni sovrana ( 67 ). Kif diġà ġie kkonstatat, dawn il-miżuri ma humiex koperti ratione materiae mid-Direttivi 2006/48 u 2013/36 ( 68 ).

142.

Madankollu, huwa minnu li testijiet tal-istress regolari u l-AQRs huma strumenti superviżorji ( 69 ). Ikkunsidrati flimkien, dawn isir riferiment għalihom bħala l-hekk imsejħa Comprehensive Assessment, li permezz tal-eżitu tagħha ġeneralment tinħoloq trasparenza dwar ir-reżiljenza ta’ bank u b’hekk tissaħħaħ il-fiduċja fis-settur finanzjarju. Għalhekk, l-obbligu tas-sigriet professjonali stabbilit fl-Artikolu 53(1) tad-Direttiva 2013/36 ma jipprekludix direttament il-pubblikazzjoni ta’ testijiet tal-istress skont l-Artikolu 53(3) tagħha.

143.

Jista’ jiġi dedott ukoll mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat rigward il-miżuri straordinarji tas-snin 2013 u 2014 li s-Slovenja wettqet it-testijiet tal-istress ta’ interess hawnhekk, kif ukoll l-AQRs, fuq talba tal-Kummissjoni speċifikament biex tħejji għall-miżuri ta’ riorganizzazzjoni (li essenzjalment kienu jikkonsistu f’rikapitalizzazzjoni statali) kif ukoll l-approvazzjoni tagħhom taħt id-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat ( 70 ). Fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li hemm sitwazzjoni li fiha informazzjoni miġbura f’kuntest superviżorju fis-sens tal-Artikolu 48(1)(a) tad-Direttiva 2006/48 jew tas-subparagrafu 2 tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2013/36 ġiet mgħoddija lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

b)   Applikabbiltà tad-Direttivi 2006/48 u 2013/36 b’riferiment?

144.

Madankollu, l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ miżuri ta’ riorganizzazzjoni u stralċ tal-banek ikkonċernati jinkludi riferiment għas-segretezza professjonali “skond ir-regoli u l-kondizzjonijiet ipprovduti fl-[Artikolu 30] tad-[Direttiva 2000/12]”, li, skont id-dispożizzjoni tranżitorja fl-Artikolu 158(2) tad-Direttiva 2006/48, li tissostitwixxi d-Direttiva 2000/12, għandu jiġi interpretat bħala riferiment għall-Artikoli 44 et seq. Peress li d-Direttiva 2006/48 min-naħa tagħha ġiet irrevokata bid-Direttiva 2013/36, dan ir-riferiment għandu jiġi interpretat bħala riferiment għall-Artikoli 53 et seq. tad-Direttiva 2013/36 wara d-dħul fis-seħħ tagħha (ara l-Artikolu 163 tad-Direttiva 2013/36).

145.

Banka Slovenije tikkonkludi minn dan li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36 b’mod partikolari japplika wkoll għal miżuri ta’ riorganizzazzjoni u ta’ stralċ fis-sens tad-Direttiva 2001/24.

146.

Madankollu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2001/24 ma kinitx intiża biex tarmonizza l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tar-riorganizzazzjoni u l-istralċ tal-istituzzjonijiet finanzjarji ( 71 ). Pjuttost, din id-direttiva kellha tirregola biss ir-rikonoxximent reċiproku ta’ tali miżuri fl-Istati Membri ( 72 ). Għaldaqstant, il-formulazzjoni nnifisha tal-Artikolu 33 ta’ din id-direttiva tirrigwarda biss informazzjoni li tiġi skambjata fil-qafas ta’ proċeduri ta’ informazzjoni jew ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ Stati Membri differenti li jservu preċiżament għall-iskop ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ dawn il-miżuri. Sa fejn jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, madankollu, l-informazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandha l-ebda rabta ma’ tali proċeduri transkonfinali.

147.

B’kuntrast mas-superviżjoni bankarja, li għaliha diġà ġew stabbiliti dispożizzjonijiet legali uniformi mis-sena 2000 ( 73 ), ir-riżoluzzjoni bankarja kienet armonizzata biss mir-Regolament BRRD u SRM fl‑2014, u għalhekk wara l-adozzjoni tal-miżuri ta’ interess fil-kawża inkwistjoni.

148.

Konsegwentement, ir-riferiment li jinsab fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2001/24 ma jistax jiġi intrepretat li permezz tiegħu tiġi ordnata l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ miżura ta’ riorganizzazzjoni jew ta’ riżoluzzjoni li qabel kienet irregolata esklużivament mid-dritt nazzjonali. Dan peress li armonizzazzjoni tar-rekwiżiti għal dawn il-miżuri ma kinitx partikolarment prevista bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/24.

c)   Applikabbiltà tad‑Direttiva 2006/48 fl‑eżerċizzju tal‑attività ta’ sorveljanza u riżoluzzjoni li titwettaq mill‑istess awtorità?

149.

F’dan l-isfond, għandhom jiġu finalment miċħuda wkoll l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2006/48. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kienet qieset li s-sempliċi fatt li s-Slovenja, bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/48, iddelegat il-kompitu ta’ riżoluzzjoni bankarja, li ma huwiex koperta minn din id-direttiva, lill-istess awtorità li kienet responsabbli wkoll għall-kompitu ta’ superviżjoni bankarja, li huwa rregolat mid-Direttiva 2006/48, jimplika li din id-direttiva tapplika wkoll għall-attivitajiet ta’ riżoluzzjoni bankarja.

150.

Madankollu, id-Direttiva 2006/48 ma tipprevedix tali ħaġa. B’kuntrast mad-direttivi suċċessivi ( 74 ), ma tippreskrivi ebda separazzjoni istituzzjonali stretta tas-superviżjoni bankarja u r-riżoluzzjoni bankarja. Madankollu, minn dan ma jsegwix li l-istess regoli japplikaw għas-superviżjoni bankarja u r-riżoluzzjoni bankarja, b’mod partikolari meta wieħed iqis li r-riżoluzzjoni bankarja bl-ebda mod ma kienet armonizzata taħt id-dritt tal-Unjoni meta tapplika d-Direttiva 2006/48 ( 75 ).

151.

Barra minn hekk, ma jistax jiġi konkluż mis-sempliċi delega tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni lill-awtorità superviżorja li l-Istat Membru kkonċernat ried jissottometti ruħu għar-reġim legali armonizzat applikabbli għall-awtoritajiet superviżorji fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Pjuttost, tali preżunzjoni tkun teħtieġ li l-qrati nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru jikkonstataw li l-Istat Membru inkwistjoni jrid ukoll ikun marbut bid-dispożizzjonijiet tad-direttiva f’qasam mhux kopert minnha ( 76 ). L-oppost huwa l-każ hawnhekk, peress li l-Ustavno sodišče (il-Qorti Kostituzzjonali) preċiżament tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-linji gwida tal-liġi superviżorja bankarja fil-perijodu qabel l-istabbiliment tal-unjoni bankarja u l-armonizzazzjoni assoċjata tar-riżoluzzjoni bankarja kinux applikabbli wkoll għall-attività tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni tal-Istati Membri.

d)   Konklużjoni

152.

Konsegwentement, l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48 u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36 ma humiex applikabbli għall-eżitu tat-testijiet tal-istress u r-rapporti dwar l-AQR ta’ istituzzjoni finanzjarja li twettqu għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni jew stralċ fis-sens tad-Direttiva 2001/24 u bl-applikazzjoni unika tagħha, u lanqas applikabbli għall-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ tali istituzzjoni finanzjarja ppreparata f’dan il-kuntest.

153.

Fid-dawl ta’ dan l-eżitu, ma huwiex meħtieġ li tingħata risposta għall-ħames sat-tmien domandi magħmula.

2.   Fuq l‑importanza li jiġu ppubblikati jew li jsiru disponibbli d‑dokumenti rilevanti għal infurzar legali effettiv tal‑(ex) detenturi ta’ strumenti kapitali żvalutati jew ikkanċellati

154.

Dan l-eżitu huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex tipproteġi l-proprjetà. Fid-deċiżjoni tagħha fil-kawża Pintar et vs Is‑Slovenja hija kkonstatat li s-sitwazzjoni legali qabel l-adozzjoni jew l-applikazzjoni taż-ZPSVIKOB fir-rigward tad-drittijiet ta’ (ex) detenturi ta’ strumenti kapitali żvalutati jew ikkanċellati kisret id-dimensjoni proċedurali tad-dritt ta’ proprjetà fundamentali taħt l-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll tal-KEDB.

155.

Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u tad-dokumenti li abbażi tagħhom ittieħdet id-deċiżjoni dwar l-iżvalutazzjoni u tħassir tal-istrumenti kapitali rilevanti timpedixxi lil dawn il-persuni milli jifhmu taħt liema ċirkustanzi seħħ l-indħil fid-drittijiet għall-proprjetà tagħhom u fuq liema raġunijiet kien ibbażat ( 77 ).

156.

Madankollu, l-għarfien ta’ dawn iċ-ċirkustanzi u raġunijiet huwa meħtieġ sabiex, jekk ikun il-każ, jiġi ppreżentat appell kontra l-indħil fid-dritt fundamentali għall-proprjetà. Il-Qorti EDB tenfasizza li l-eżitu tat-testijiet tal-istress u r-rapporti dwar l-AQRs b’mod partikolari huma informazzjoni kruċjali f’dan ir-rigward ( 78 ).

VI. Konklużjoni

157.

Fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Ustavno sodišče (Qorti Kostituzzjonali, is-Slovenja) kif ġej:

1.

L-Artikolu 130 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Protokoll Nru 4 dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jipprekludu regola nazzjonali dwar l-użu tal-profitti ta’ bank ċentrali nazzjonali li, għal diversi snin, ilha kompletament tipprevjeni lill-bank ċentrali nazzjonali milli juża r-riżervi ġenerali tiegħu u li skontha riżervi eżistenti ta’ dan il-bank ċentrali nazzjonali jistgħu jintużaw sa ċertu ammont sabiex jiġu ffinanzjati kompiti pubbliċi. Tali dispożizzjoni ġġorr ir-riskju li, fil-każ ta’ telf b’rabta mal-operazzjonijiet tal-politika monetarja, il-kapital proprju nett ta’ dan il-bank ċentrali nazzjonali ikun inqas mill-ammont tal-kapital tiegħu għal perijodu twil ta’ żmien jew saħansitra jkun negattiv.

2.

L-Artikolu 123 TFUE għandu jiġi interpretat b’tali mod li jipprekludi regola nazzjonali li skontha bank ċentrali nazzjonali, bħala awtorità ta’ riżoluzzjoni, għandu jħallas kumpens lill-investituri ta’ istituzzjoni finanzjarja li l-istrumenti kapitali tagħha ġew żvalutati jew ikkanċellati bħala parti minn miżura ta’ riorganizzazzjoni u riżoluzzjoni ordnata mill-bank ċentrali nazzjonali, li jiġi ffinanzjat kif ġej: L-ewwel, jintużaw l-profitti kollha ta’ dan il-bank ċentrali nazzjonali minn żmien partikolari, kif ukoll parti mir-riżervi diġà eżistenti, u, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, jingħata self mill-Istat Membru kkonċernat, li għall-ħlas lura tiegħu jintużaw ukoll il-profitti futuri kollha tal-bank ċentrali nazzjonali sakemm jintlaħaq l-ammont tat-tifdija.

Dan japplika kemm meta l-obbligu ta’ kumpens skont id-dritt nazzjonali jiġi skattat minn ksur tal-hekk imsejjaħ prinċipju ta’ “l-ebda kreditur f’pożizzjoni agħar”, li huwa dovut għal ksur tad-diliġenza dovuta mill-bank ċentrali nazzjonali, kif ukoll meta dan l-obbligu oġġettivament jeżisti fir-rigward ta’ klassi speċifika ta’ investituri, mingħajr ma jkun meħtieġ li jintwera ksur tal-prinċipju msemmi jew negliġenza min-naħa tal-bank ċentrali nazzjonali.

3.

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/48/KE u l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/36/UE għandhom jiġu interpretati b’tali mod li ma humiex applikabbli għall-eżitu tat-testijiet tal-istress u r-rapporti dwar l-Asset Quality Review ta’ istituzzjoni finanzjarja li twettqu għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-miżura ta’ riorganizzazzjoni jew stralċ fis-sens tad-Direttiva 2001/24 u bl-applikazzjoni unika tagħha, u lanqas applikabbli għall-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ tali istituzzjoni finanzjarja ppreparata f’dan il-kuntest.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400), u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000).

( 3 ) Ara l-Artikolu 1(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 3603/93 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat (issa l-Artikolu 123 u l-Artikolu 125 TFUE) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 3603/93”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10, Vol 1, p. 27).

( 4 ) L-Artikoli 67 et seq. tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SRM” (ĠU 2014, L 225, p. 1).

( 5 ) Il-kompatibbiltà tal-amministrazzjoni ta’ dawn is-setgħat mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà mill-Artikolu 17(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kienet diġà s-suġġett ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li wasslu għas-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570).

( 6 ) ĠU 2016, C 202, p. 230.

( 7 ) Ara l-prova fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6, Vol. 4, p. 15.

( 9 ) Għar-riferimenti għad-Direttiva 2000/12/KE, ara n-Nru 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 10 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 646/2012 (ĠU 2014, L 176, p. 3, rettifiki fil-ĠU 2013, L 208, p. 68, fil-ĠU 2013, L 321, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 20, p. 2). Skontu, awtorità kompetenti tfisser “awtorità pubblika jew korp rikonoxxut uffiċjalment mid-dritt nazzjonali, li jingħataw is-setgħa mid-dritt nazzjonali li jissorveljaw istituzzjonijiet bħala parti mis-sistema ta’ superviżjoni li tkun operattiva fl-Istat Membru kkonċernat.”

( 11 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190).

( 12 ) Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 6 Vol. 3 p. 272), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/12”). Għat-tifsira tar-riferimenti għad-Direttiva 2000/12 wara t-tħassir tagħha, ara immedjatament il-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) ĠU 2006, L 177, p. 1.

( 14 ) ĠU 2013, L 176, p. 338, rettifika fil-ĠU 2020, L 203, p. 95

( 15 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 16 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE.

( 17 ) B’kollox EUR 18 278.16.

( 18 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 36 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punt 132).

( 20 ) Ara r-Rapport dwar il-Kumitat Monetarju tat‑23 ta’ Lulju 1990 dwar l-unjoni ekonomika u monetarja wara t-tkomplija tal-ewwel fażi (Krägenau, Kumitat Ewropew Ekonomiku u Monetarju, Dok. 36, paragrafu 36), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il‑Kummissjoni vs BĊE(C‑11/00, EU:C:2002:556, punt 154).

( 21 ) Ara Cukierman, Central Bank Finances and Independence – How Much Capital Should a CB Have?, Tel Aviv University, 2006, p. 3.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs BĊE (C‑11/00, EU:C:2003:395, punti 130134), tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 40), u tas‑26 ta’ Frar 2019, Rimšēvičs vs Il‑Latvja (C‑202/18 u C‑238/18, EU:C:2019:139, punt 46).

( 23 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat‑13 ta’ Diċembru 2010, dwar il-ħlas taż-żieda fil-kapital tal-Bank Ċentrali Ewropew mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2010/27) (ĠU 2011, L 11, p. 54).

( 24 ) Langer, f’Siekmann (editur), EWU-Kommentar, Vorbemerkungen zu Art. 28-33 der Satzung des ESZB und der EZB, paragrafu 9.

( 25 ) Langer, f’Siekmann (editur), EWU-Kommentar, Vorbemerkungen zu Art. 28-33 der Satzung des ESZB und der EZB, paragrafu 10.

( 26 ) Jidher ukoll impossibbli li Banka Slovenije jista’ jiġi ordnat mill-mekkaniżmu ta’ finanzjament taż-ZPSVIKOB ibigħ riżervi monetarji għal raġunijiet oħra għajr il-politika monetarja u għalhekk ma jkunx jista’ jibqa’ jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 30.4. Skont l-Artikolu 31 tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE, tali tranżazzjonijiet għandhom jiġu approvati minn qabel mill-BĊE.

( 27 ) Fi kliem ieħor, dħul miċ-ċirkolazzjoni ta’ muniti u d-dħul mill-interessi mill-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament mal-banek kummerċjali.

( 28 ) Siekmann, Die Einstandspflicht der Bundesrepublik Deutschland für die Deutsche Bundesbank und die Europäische Zentralbank, Institute for Monetary and Financial Stability Working Paper Series No. 120 (2017), S. 10; Langer, f’: Siekmann (Hrsg.), EWU-Kommentar, Art. 3 der Satzung des ESZB und der EZB,, paragrafu 9.

( 29 ) Ara, fir-rigward tal-BĊE l-Artikolu 33.2. l-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 125).

( 30 ) Peress li bank ċentrali normalment jista’ jipproduċi valuta legali huwa stess, il-kapital proprju negattiv ma jikkorrispondix għal falliment. Il-kwistjoni dwar jekk il-banek ċentrali ġeneralment jeħtiġux kapital proprju hija għalhekk kontroversjali, ara Adler/Castro/Tovat/Kramer, Does Central Bank Capital Matter for Monetary Policy?, IMF Working Paper, Issue 60 (2012), p. 3; Siekmann, Die Einstandspflicht der Bundesrepublik Deutschland für die Deutsche Bundesbank und die Europäische Zentralbank, Institute for Monetary and Financial Stability Working Paper Series No. 120 (2017), p. 34). Madankollu, il-BĊN tal-Eurosistema għandhom din is-setgħa biss sa ċertu punt, ara f’dan ir-rigward il-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 31 ) Ara Bindseil/Manzanares/Weller, The Role of Central Bank Capital Revisited, ECB Working Paper Series No. 392, September 2004, p. 27; Cukiermann, Central Bank Finances and Independence – How Much Capital Should a CB Have?, Tel Aviv University, 2006, p. 7; Johnson/Zelmer, Implications of New Accounting Standarfs for the Bank of Canada’s Balance Sheet, Bank of Canada Discussion Paper 2007-2, p. 16.

( 32 ) Bindseil/Manzanares/Weller, The Role of Central Bank Capital Revisited, ECB Working Paper Series No. 392, Settembru 2004, p. 24.

( 33 ) Ara f’dan ir-rigward ukoll Cukiermann, Central Bank Finances and Independence – How Much Capital Should a CB Have?, Tel Aviv University, 2006, p. 3.

( 34 ) Ara dwar ir-rekwiżiti ta’ din ir-responsabbiltà l-punti 31, 32 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 35 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) Il-prattika attwali tal-BĊE tmur ukoll f’din id-direzzjoni, ara Convergence Report June 2016, p. 30; Convergence Report June 2020, p. 31; kif ukoll ir-Rapport CON/2015/22, paragrafi 2.3.1. et seq.

( 37 ) Wieħed irid jimmaġina biss il-każ, ċertament improbabbli, li Stat Membru jafda l-BĊN tiegħu bil-bini u l-operat ta’ faċilitajiet infrastrutturali bħal toroq, ferroviji jew ajruporti.

( 38 ) Huwa minnu li f’dan il-każ l-Istat Sloven temporanjament irrinunzja għas-sehem tiegħu mill-profitti ta’ Banka Slovenije u għalhekk mill-fondi tal-baġit; madankollu, dan huwa komponent wieħed biss tal-mekkaniżmu ta’ finanzjament Ara f’dan ir-rigward, il-punti 122 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Ara b’mod partikolari l-punti 55 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 40 ) Sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 132), tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 95), u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 103).

( 41 ) Ir-riżoluzzjoni ordnata jew ir-riorganizzazzjoni sovrana tal-banek huwa fl-interess pubbliku, peress li l-insolvenzi tal-banek jista’ jkollhom effetti serji kemm fuq is-sistema finanzjarja kif ukoll fuq l-ekonomija reali minħabba l-funzjonijiet sistemiċi tal-banek u għalhekk għandhom jiġu evitati jekk possibbli, ara, pereżempju, il-premessi 1 u 2 tal-BRRD, kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Banco de Portugal et (C‑504/19, EU:C:2020:943, punt 1).

( 42 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 94).

( 43 ) Fi 15-il Stat Membru, il-BĊN rispettiv (ukoll) bħalissa jwettaq il-kompiti tal-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, ara https://www.eba.europa.eu/about-us/organisation/resolution-committee/resolution-authorities.

( 44 ) Lanqas is-superviżjoni bankarja wara l-istabbiliment tal-unjoni bankarja ma għandha titqies bħala kompitu tas-SEBĊ, għalkemm il-BĊE jwettaq dan il-kompitu parzjalment fi ħdan il-mekkaniżmu superviżorju uniformi. Il-kompiti superviżorji għandhom ikunu strettament separati mill-kompiti tal-politika monetarja, ara, pereżempju, il-premessi 65 u 66 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 2013, L 287, p. 63). Is-superviżjoni bankarja u r-riżoluzzjoni bankarja għandhom ukoll ikunu strettament separati minn xulxin, ara l-Artikolu 3(3) BRRD.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 26).

( 46 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-importanza u l-funzjonament tad-diversi valutazzjonijiet, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Aeris Invest vs SRB (C‑874/19 P u C‑934/19 P, EU:C:2021:563, punti 57 sa 68, kif ukoll 74 sa 78).

( 47 ) Ara dwar dan, ara fid-dettall, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Aeris Invest vs SRB (C‑874/19 P u C‑934/19 P, EU:C:2021:563, punti 112 sa 118).

( 48 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 7879), u tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising vs Il‑Kummissjoni u BĊE (C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 7374).

( 49 ) Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), punt 87).

( 50 ) Peress li l-Artikolu 17 tal-Karta jikkorrispondi mal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha titqies, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, bħala standard ta’ protezzjoni minima, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2019:432), punt 72).

( 51 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Qorti EDB, sentenza tal‑25 ta’ Marzu 1999, Papachelas vs Il‑Greċja (CE:ECHR:1999:0325JUD003142396, Artikolu 48).

( 52 ) Ara l-Artikolu 75 tal-BRRD u l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament SRM.

( 53 ) Ara l-punti 96 et seq. u l-konklużjoni fil-punt 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara dwar dan fid-dettall il-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 55 ) Dan huwa l-hekk imsejjaħ dħul monetarju, ara l-Artikolu 32.2. tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE.

( 56 ) Fil-każ tal-BĊE, l-Artikolu 33.1.(b) tal-Istatuti tas-SEBĊ u tal-BĊE jistipula li l-profitt nett li jibqa’ wara l-ħolqien ta’ provvedimenti għar-riżervi għandu jiġi allokat lill-BĊN skont is-sehem tal-kapital tiegħu.

( 57 ) Siekmann, Die Verwendung des Gewinns der EZB und der Bundesbank, Institute for Monetary and Financial Stability, Working Paper No. 3 (2006), p. 13 u 14.

( 58 ) Ara dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni tal-premessa 7 tar-Regolament Nru 3603/93 u s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 101).

( 59 ) Ara dwar dan fid-dettall il-punti 77 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara f’dan ir-rigward il-punti 70 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 61 ) Ara dwar dan b’mod partikolari l-punti 78 u 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara, f’dan ir-rigward, bħala introduzzjoni, il-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 63 ) Ara wkoll, dwar dan l-aspett, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 100), u tal‑11 ta’ Diċembru 2018, Weiss et (C‑493/17, EU:C:2018:1000, punt 107).

( 64 ) Dan huwa minnu minkejja li l-politika monetarja tas-SEBĊ, kuntrarjament għal idea mifruxa, ma hijiex immirata primarjament biex tikkontrolla l-bażi monetarja jew il-provvista tal-flus, iżda l-istabbiltà tal-prezzijiet, ara Deutsche Bundesbank, Die Rolle von Banken, Nichtbanken und Zentralbank im Geldschöpfungsprozess, Monatsbericht April 2017, p. 28.

( 65 ) Fir-rapporti annwali ta’ konverġenza tiegħu, il-BĊE regolarment iqis b’mod kritiku l-projbizzjoni tal-finanzjament monetarju mill-Istat meta ammonti fissi jew profitti li għadhom ma humiex miksuba jiġu ppjanati minn qabel għal skopijiet speċifiċi tal-baġit, ara l-Convergence Report June 2016, p. 31; kif ukoll il-Convergence Report June 2020, p. 33.

( 66 ) Ara l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/48 u l-Artikolu 3(1)(36) tad-Direttiva 2013/36.

( 67 ) Ara l-applikazzjoni tas-sitwazzjoni legali attwali tal-Artikolu 20 tar-Regolament SRM u l-Artikolu 36 tal-BRRD. Fuq l-importanza ta’ din il-valutazzjoni fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni, ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-provi fil-punt 46.

( 68 ) Ara l-punti 135 u 137 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 100 tad-Direttiva 2013/36.

( 70 ) Ara l-premessa 9 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.33229 (2012/C) (ex 2011/N) ‑ Ir-Ristrutturar ta’ NLB ‑ is-Slovenja li s-Slovenja qed tippjana li timplimenta għal Nova Ljubljanska banka, d.d. (ĠU 2014, L 246, p. 28). Ara wkoll il-Qorti EDB, sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2021, Pintar et vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2021:0914JUD004996914, l-Artikoli 7 u 9).

( 71 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39), u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 104).

( 72 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, LBI (C‑85/12, EU:C:2013:697, punt 39), u tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et (C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 104).

( 73 ) B’mod partikolari permezz tad-Direttivi 2000/21, 2006/48 u 2013/36 imsemmija qabel.

( 74 ) Ara l-Artikolu 4(1) u (7) tad-Direttiva 2013/36 u l-Artikolu 3(3) BRRD.

( 75 ) Fil-fehma tiegħi, din hija wkoll ir-raġuni għaliex id-Direttiva 2006/48 ma ssemmix ir-riżoluzzjoni bankarja u għalhekk ma tippreskrivi ebda separazzjoni istituzzjonali minn attivitajiet superviżorji.

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punti 5356).

( 77 ) Qorti EDB, sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2021, Pintar et vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2021:0914JUD004996914, § 107).

( 78 ) Qorti EDB, sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2021, Pintar et vs Is‑Slovenja (CE:ECHR:2021:0914JUD004996914, §§ 99 u 100).

Top