EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0022

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali G. Pitruzzella, ippreżentati l-10 ta’ Marzu 2022.
SRS u AA vs Minister for Justice and Equality.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38/KE – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ ‘membru ieħor tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li jibbenefika mid-dritt primarju ta’ residenza’ – Kriterji ta’ evalwazzjoni.
Kawża C-22/21.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:183

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑22/21

SRS,

AA

vs

Minister for Justice and Equality

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Benefiċjarji – Membri oħra tal-familja – Membru tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni – Prim kuġin ċittadin ta’ Stat terz li jirrisjedi ma’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea – Dipendenza – Kundizzjonijiet – Eżami mill-awtoritajiet nazzjonali – Kriterji – Marġni ta’ diskrezzjoni – Limiti”

I. Introduzzjoni

1.

SRS twieled fl‑1978 u joriġina mill-Pakistan. Kien jirrisjedi mal-familja tiegħu fir-Renju Unit sa mill‑1997. Fl‑2013, huwa kiseb in-nazzjonalità Brittanika. AA, ċittadin Pakistani li twieled fl‑1986, huwa prim kuġin tiegħu. Wara li attenda l-università fil-Pakistan, fl‑2010 AA kompla l-istudji tiegħu fir-Renju Unit. Dak iż-żmien kellu viża għall-studji li skadiet fit‑28 ta’ Diċembru 2014. Matul ir-residenza kollha tiegħu fir-Renju Unit, AA għex Londra ma’ SRS kif ukoll mal-ġenituri ta’ dan tal-aħħar u ma’ membri oħra tal-familja tiegħu f’akkomodazzjoni li tappartjeni lil ħu SRS. SRS kien iħallas kera lil ħuh. Fl‑11 ta’ Frar 2014, SRS u AA kkonkludew kuntratt ta’ kiri konġunt ta’ sena ma’ ħu SRS.

2.

F’Jannar 2015, SRS mar joqgħod l-Irlanda għal raġunijiet professjonali. F’Marzu 2015, AA ngħaqad miegħu fit-territorju Irlandiż u ilu jgħix miegħu minn dak iż-żmien. Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, filwaqt li kien jirrisjedi mingħajr viża fit-territorju Irlandiż, AA talab lill-awtoritajiet Irlandiżi l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza bħala membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea skont il-European Communities (Free Movement of Persons) (No. 2) Regulations 2006 (ir-Regolament Irlandiż tal‑2006 dwar il-moviment liberu tal-persuni fil-Komunitajiet Ewropej) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Irlandiż tal‑2006”) ( 2 ), li ttraspona fid-dritt Irlandiż id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE ( 3 ). L-Artikolu 7 tar-Regolament Irlandiż tal‑2006 kien jipprovdi, fil-fatt, li l-“membru tal-familja awtorizzat” ta’ ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fl-Irlanda għal iktar minn tliet xhur seta’ jitlob permess ta’ residenza.

3.

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Irlandiż tal‑2006 kien jiddefinixxi l-“membri tal-familja awtorizzati” ta’ ċittadin tal-Unjoni bħala “kwalunkwe membru tal-familja, tkun xi tkun in-nazzjonalità tiegħu, li ma jkunx membru rrikonoxxut tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni u li, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, fil-pajjiż li fih jirrisjedi abitwalment jew f’dak li fih kien jirrisjedi preċedentement a) huwa dipendenti miċ-ċittadin tal-Unjoni, b) huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni, c) għal raġunijiet serji ta’ saħħa, jeħtieġ imperattivament li ċ-ċittadin tal-Unjoni jieħu ħsiebu personalment”.

4.

Għaldaqstant, AA ma allegax li jaqa’ taħt il-kategorija tal-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni li huma previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 ( 4 ). Għall-kuntrarju, AA sostna li huwa dipendenti minn SRS u, fi kwalunkwe każ, li huwa membru tad-dar ta’ SRS.

5.

Issa, taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, “[m]ingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin: kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

6.

Fil‑21 ta’ Diċembru 2015, il-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda) ċaħad it-talba ta’ AA, billi qies, essenzjalment, li AA ma kienx ipproduċa provi suffiċjenti li huwa kien dipendenti minn SRS jew li kien membru tal-familja tiegħu. Il-Ministru qies b’mod partikolari li l-perijodu ta’ koabitazzjoni effettiva fir-Renju Unit bejn SRS u AA, mill-akkwist min-naħa ta’ SRS tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, kien inqas minn sentejn, li ħuh u oħtu kienu jikkondividu l-istess indirizz f’Londra u li minkejja li rriżulta li AA kien joqgħod f’dan l-indirizz, dan ma kienx suffiċjenti sabiex jitqies li huwa kien membru tad-dar ta’ SRS. Skont il-Ministru, f’dak li jirrigwarda d-dipendenza finanzjarja ta’ AA fir-rigward ta’ SRS, din ma kinitx suffiċjentement iddokumentata.

7.

Wara li pproduċew provi addizzjonali, SRS u AA talbu l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza. Fil‑21 ta’ Diċembru 2016, dan tal-aħħar ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu tal‑21 ta’ Diċembru 2015 għall-istess motivi u qies li, minkejja li kienu jirrisjedu fl-istess indirizz fir-Renju Unit, ma kienx ġie stabbilit li SRS kien effettivament il-“kap tad-dar” meta AA kien jgħix miegħu f’Londra, kif kien jeżiġi l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

8.

AA u SRS ippreżentaw rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda). Quddiem dik il-qorti, SRS, mill-ġdid, ta dettalji dwar l-appoġġ finanzjarju mogħti lill-prim kuġin tiegħu matul il-koabitazzjoni tagħhom f’Londra u ddikjara li kien l-unika persuna attiva fid-dar tiegħu fid-dawl tal-età avvanzata tal-ġenituri tiegħu u tar-residenza estiża ta’ ħuh fil-Pakistan. F’sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, il-High Court (il-Qorti Għolja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn SRS u AA minħabba l-fatt li AA la seta’ jitqies li kien dipendenti minn SRS u lanqas li kien membru ta’ dar li l-kap tagħha huwa SRS, filwaqt li rrikonoxxiet li dan kien kunċett li ftit li xejn kien ċar u li ma kien iddefinit imkien.

9.

AA u SRS appellaw quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) billi sostnew li l-qorti tal-ewwel istanza kienet adottat interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ “membru tal-familja li huwa membru tad-dar” ta’ ċittadin tal-Unjoni. F’sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, filwaqt li mill-ġdid enfasizzat id-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell) madankollu ddeċidiet li s-sempliċi koabitazzjoni fl-istess indirizz ma setgħetx titqies li kienet suffiċjenti sabiex jitqies li AA u SRS kienu membri tal-istess dar li SRS kien il-kap tagħha. Hija indikat li, sabiex membru tal-familja jitqies li huwa membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni, huwa kellu jagħmel parti integrali miċ-ċellola tal-familja u jibqa’ jagħmel parti minnha għal żmien fil-futur prevedibbli jew raġonevolment prevedibbli. Barra minn hekk, huwa ma kellux jikkoabita maċ-ċittadin tal-Unjoni għal sempliċi raġunijiet ta’ konvenjenza iżda kellu jagħmel dan ukoll għal raġunijiet ta’ konnessjoni emozzjonali u soċjali.

10.

Peress li kienu għadhom ma kisbux suċċess, AA u SRS għalhekk iddeċidew li jadixxu l-qorti tar-rinviju b’appell aħħari, li ġie awtorizzat fl‑20 ta’ Lulju 2020 speċifikament dwar il-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “membru tal-familja li huwa membru tad-dar” ta’ ċittadin tal-Unjoni u dwar il-kwistjoni jekk għandux ikun meħtieġ li dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun effettivament il-kap ta’ din id-dar ( 5 ).

11.

Dwar il-kundizzjoni li wieħed ikun membru tad-dar li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun il-kap tagħha, il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza jkompli jsostni li s-sempliċi koabitazzjoni tal-membru tal-familja, eventwalment flimkien ma’ appoġġ finanzjarju mogħti miċ-ċittadin tal-Unjoni, ma hijiex suffiċjenti sabiex jitqies li dan il-membru hekk akkomodat u megħjun huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni. Il-Ministru jfakkar li r-residenza ta’ AA fit-territorju tal-Unjoni kienet limitata għall-istudji u li l-kiri konkluż ma’ ħu SRS għall-okkupazzjoni tad-dar tiegħu kien ukoll limitat. Għalhekk ma hemm ebda indizju li jista’ jagħti x’jifhem li l-ħajja komuni kellha ddum lil hinn mill-istudji ta’ AA. Barra minn hekk, il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu l-effett ta’ eventwali deċiżjoni ta’ rifjut ta’ permess ta’ residenza fuq l-eżerċizzju effettiv tal-libertà ta’ moviment li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni. Issa, huwa stabbilit li SRS iċċaqlaq lejn l-Irlanda mingħajr AA. Għandha wkoll tiġi żgurata ċerta koerenza interpretattiva b’mod li, fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, wieħed ma jistax jasal għal sitwazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar tkun iktar favorevoli għall-membri tal-familja previsti f’din id-dispożizzjoni – li madankollu huma bħala prinċipju inqas protetti permezz ta’ din id-direttiva – minn dik tal-membri tal-familja nukleari previsti fl-Artikolu 2(2) ta’ dik id-direttiva.

12.

Min-naħa tagħhom, AA u SRS isostnu li l-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jaqblux u li l-verżjoni Ingliża tinkludi kundizzjoni addizzjonali marbuta mal-kwalità ta’ “kap” tad-dar li ma hijiex preżenti fil-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Barra minn hekk, huma jkomplu jsostnu qrubija żviluppata mill-iċken età tagħhom meta t-tnejn li huma kienu għadhom jirrisjedu fil-Pakistan u jsemmu rabtiet tal-familja mill-qrib li għandhom ikunu suffiċjenti sabiex AA jiġi rrikonoxxut bħala “membru tal-familja” ta’ SRS fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mingħajr ma jkun meħtieġ, barra minn hekk, li jiġi stabbilit li SRS huwa l-kap tad-dar.

13.

Min-naħa tagħha, il-qorti tar-rinviju tiddubita kemm huwa possibbli li tiġi adottata definizzjoni universali tal-kunċett ta’ “membru tal-familja li huwa membru tad-dar” ta’ ċittadin tal-Unjoni. Hija tirrikonoxxi li l-użu tal-kunċett ta’ “kap tad-dar” jippermetti li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet ta’ sempliċi abitazzjoni komuni f’dar waħda, pereżempju, u sitwazzjonijiet eqreb ta’ ħajja tal-familja iżda tammetti, fl-istess ħin, li dan huwa kunċett diffiċli li jiġi ddefinit. Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jidhrux li jinkludu tali riferiment. Għalhekk hija tistaqsi dwar it-tifsira li għandha tingħata lil dan il-kunċett f’kuntest fejn wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll is-sitwazzjoni tal-membri tal-familja previsti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38. Fl-aħħar nett, hija ssemmi l-għan li d-Direttiva 2004/38 tfittex li tilħaq u tistaqsi kif dan l-għan jista’ effettivament jiċċara l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, fl-ipoteżi li definizzjoni universali ma tkunx possibbli, il-qorti tar-rinviju tipproponi serje ta’ kriterji li l-qrati nazzjonali jistgħu jibbażaw ruħhom fuqhom sabiex jaslu għal interpretazzjoni uniformi tal-imsemmi kunċett. Fost dawn il-kriterji hemm b’mod partikolari t-tul tal-għixien fid-dar kif ukoll l-iskop tiegħu. Hija tqis, fi kwalunkwe każ, li għandha tingħata kjarifika fuq il-livell tal-Unjoni.

14.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u, permezz ta’ deċiżjoni tar-rinviju li waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Jannar 2021, li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lil din tal-aħħar:

“1.

Jista’ t-terminu ta’ membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni, kif użat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva [2004/38], jiġi ddefinit sabiex ikun ta’ applikazzjoni universali fl-Unjoni u, jekk iva, x’inhi din id-definizzjoni?

2.

Jekk dan it-terminu ma jistax jiġi ddefinit, abbażi ta’ liema kriterji għandhom l-Imħallfin iħarsu lejn l-evidenza sabiex il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jiddeċiedu skont lista ta’ fatturi deċiżi min hu jew min ma huwiex membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-iskopijiet tal-moviment liberu?”

15.

SRS u AA, il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, il-Gvern Ċek, il-Gvern Daniż, il-Gvern Olandiż u l-Gvern Norveġiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

II. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

16.

Qabel ma ngħaddi sabiex neżamina ż-żewġ domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, għandi nispeċifika żewġ punti dwar il-kawża prinċipali.

17.

Fl-ewwel lok, nirrileva li ċ-ċittadin tal-Unjoni li jixtieq isegwi ċerta ħajja komuni mal-prim kuġin tiegħu għandu n-nazzjonalità Brittanika. Madankollu, peress li l-fatti seħħew qabel il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni, il-qorti tar-rinviju, ladarba l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat is-sentenza preliminari tagħha, ser ikollha tevalwa l-legalità tad-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza u tivverifika l-kompatibbiltà tal-evalwazzjonijiet imwettqa f’din id-deċiżjoni mad-dritt tal-Unjoni sabiex tikkonkludi li AA, fil-mument tad-dħul tiegħu fit-territorju Irlandiż fl‑2015, ma kienx membru tad-dar ta’ SRS fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Għaldaqstant, AA ser ikollu jitqies li jagħmel parti mill-“persuni li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2004/38] li applikaw għall-faċilitazzjoni tad-dħul u r-residenza qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni” ( 6 ). F’dan il-każ, u li kieku l-awtoritajiet Irlandiżi kellhom jiddeċiedu li jiffaċilitaw retroattivament ir-residenza ta’ AA għall-perijodu mill‑2015 sal‑2020, infakkar li dan tal-aħħar iżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu, anki wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni skont l-Artikolu 10(3) tal-Ftehim dwar il-ħruġ ( 7 ).

18.

Fit-tieni lok, ġie sostnut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-awtoritajiet nazzjonali, fl-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ AA fid-dawl tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, xjentement ma ħadux inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ koabitazzjoni ta’ SRS u ta’ AA li seħħ qabel l-akkwist taċ-ċittadinanza tal-Unjoni minn SRS. Minn dan dawn il-partijiet jiddeduċu li, għaldaqstant, fl-ipproċessar tat-talbiet għal residenza mressqa mill-membri tal-familja tagħhom, li għandhom jinftiehmu fis-sens wiesa’, abbażi tad-Direttiva 2004/38, iċ-ċittadini tal-Unjoni nnaturalizzati jinsabu f’pożizzjoni inqas favorevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ persuni mwielda ċittadini tal-Unjoni. Min-naħa tiegħu, il-konvenut isostni li ebda motiv dwar il-kwistjoni tal-koabitazzjoni preċedenti u tad-determinazzjoni tal-bidu tad-dekorrenza ta’ din il-koabitazzjoni ma tqajjem quddiem il-qrati nazzjonali involuti fil-kuntest tal-kontestazzjoni tad-deċiżjoni tal‑21 ta’ Diċembru 2015. Kif irrilevat il-Kummissjoni, din l-oppożizzjoni bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni jekk il-ħajja tal-familja li seħħet qabel l-akkwist taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tistax jew għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Għandu madankollu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita b’din il-kwistjoni, tkun kemm tkun interessanti ( 8 ). Il-kunsiderazzjonijiet segwenti għalhekk ser jirrigwardaw esklużivament iż-żewġ domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma dawn ikunu jistgħu jiġu interpretati bħala konferma jew invalidazzjoni ta’ din il-prassi deċiżjonali nazzjonali li skontha l-ħajja tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni u tal-membru tal-familja tiegħu, fis-sens wiesa’, li jitlob permess ta’ residenza tittieħed inkunsiderazzjoni biss mill-akkwist tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

B.   Fuq id‑domandi preliminari

19.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk il-kunċett ta’ “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja […] li […] huma […] membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, jistax jiġi ddefinit b’mod li jkun “ta’ applikazzjoni universali” u, fil-każ ta’ risposta negattiva, tindikalha l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk membru tal-familja għandux jitqies li “huwa membru tad-dar” taċ-ċittadin tal-Unjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

1. L‑impossibbiltà li d‑definizzjoni tal‑membru tal‑familja li huwa membru tad‑dar taċ‑ċittadin tal‑Unjoni tkun waħda universali

20.

F’dak li jirrigwarda eventwali definizzjoni ta’ applikazzjoni universali tal-kunċett ta’ “membru tal-familja […] li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, minbarra l-fatt li dak li jitqies li huwa universali jista’ malajr jirriżulta li jkun, barra minn hekk, assolutament relattiv, jidhirli li tali definizzjoni la hija fattibbli u lanqas mixtieqa. Il-formulazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 hija ħafna iktar miftuħa – sabiex ma ngħidx mhux preċiża – minn dik tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva li, fil-paragrafu 2 tiegħu, jiddefinixxi l-membri tal-familja “nukleari” taċ-ċittadin tal-Unjoni. Dan in-nuqqas ta’ preċiżjoni huwa spjegat mill-fatt li l-membri tal-familja li huma previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jikkostitwixxu kategorija residwa ta’ membri tal-familja li għalihom id-dħul u r-residenza għandhom biss jiġu ffaċilitati mill-Istati Membri. Billi l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront ta’ dawn il-membri tal-familja huma inqas intensi milli għall-membri tal-familja nukleari ( 9 ), id-definizzjoni ta’ din l-ewwel kategorija ta’ membri tal-familja ma għandhiex bżonn tkun daqstant preċiża bħal dik prevista għat-tieni waħda. Fil-fehma tiegħi, tali konstatazzjoni tapplika għall-ipoteżijiet kollha previsti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Il-fatt li l-limiti tal-kunċett ta’ “membru tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” tħallew vagi jista’ jkun vantaġġuż peress li jawtorizza ċerta flessibbiltà fid-definizzjoni ta’ dan il-kunċett. It-tentattiv li jiġi ddefinit b’mod universali kunċett daqstant varjabbli, kemm soċjoloġikament kif ukoll kulturalment, bħal dak ta’ “membru tal-familja […] li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” jista’ mhux biss ikun riskjuż iżda wkoll, kif irrileva l-konvenut fil-kawża prinċipali, imur kontra l-għan li d-Direttiva 2004/38 tfittex li tilħaq fid-dawl tal-inkapaċità li tittieħed inkunsiderazzjoni r-realtà multidimensjonali u multiformi kollha tad-diversi suriet li tista’ tieħu ħajja tal-familja fis-sens wiesa’.

21.

Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ membru tal-familja li huwa membru tad-dar ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jistax jingħata definizzjoni universali.

22.

Uħud mill-partijiet li pparteċipaw fil-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja interpretaw l-ewwel domanda preliminari fis-sens li l-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk il-kunċett ta’ “membru tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. Ma nifhimx l-ewwel domanda preliminari, li l-formulazzjoni tagħha, barra minn hekk, hija ċara biżżejjed, b’dan il-mod. Barra minn hekk, li kieku din kellha tinftiehem kif jissuġġerixxu dawn il-partijiet, din l-ewwel domanda tirriżulta li tkun iktar kumplessa milli tidher prima facie, minkejja li ma jidhirlix li r-riżoluzzjoni tagħha hija neċessarja sabiex tgħin lill-qorti tar-rinviju tirriżolvi t-tilwima pendenti quddiemha.

23.

Għalhekk ser nillimita ruħi li nfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “jirriżulta kemm mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espliċitu għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li jiġu stabbiliti t-tifsira u l‑portata tagħha normalment għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha” ( 10 ).

24.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jinkludi riferiment espliċitu għad-drittijiet nazzjonali u li l-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn hekk, diġà rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ meta jkollhom jevalwaw jekk sitwazzjoni individwali suġġetta għall-eżami tagħhom taqax taħt waħda mis-sitwazzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ( 11 ). Il-Kummissjoni ssostni l-pożizzjoni opposta, billi tindika li r-riferiment għad-drittijiet nazzjonali magħmul f’dan l-Artikolu 3(2) jirrigwarda biss il-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u mhux id-definizzjoni nnifisha ta’ dawn il-persuni.

25.

Is-sitwazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddedikata għal din id-dispożizzjoni tidher li hija kkuntrastata, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-marġni kunsiderevoli li din id-dispożizzjoni tħalli għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri, marġni li ser nerġa’ ndur fuqu ftit iktar ’il quddiem ( 12 ). Fil-fatt, tqum diffikultà b’mod manifest mill-qari tas-sentenza Rahmanli et, fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[f]il-kuntest [tal‑]eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant [għal permess ta’ residenza bbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38], huwa l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ, bħall-grad ta’ dipendenza ekonomika jew fiżika u r-relazzjoni [l-grad] ta’ parentela bejn il-membru tal-familja u ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa jkun jixtieq jakkumpanja jew jingħaqad miegħu” ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi żżid li, “[f]id-dawl kemm ta’ nuqqas ta’ regoli iktar preċiżi fid-Direttiva 2004/38 u tal-użu tal-kelmiet ‘skond il-leġislazzjoni nazzjonali’ fl-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma ‘jiffaċilita’ kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użati fl-imsemmi Artikolu 3(2) u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni” ( 14 ).

26.

Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jikkuntrastaw b’mod ċar, pereżempju, mal-asserzjonijiet li jinsabu fis-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) fir-rigward tal-punt 2(ċ) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38 li skonthom din id-dispożizzjoni “ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-drittijiet tal-Istati Membri” ( 15 ), u b’hekk jiftħu t-triq għal interpretazzjoni uniformi tal-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni inkluż fih ( 16 ). Madankollu huwa wkoll minnu li din is-sentenza rrepetiet biss parzjalment il-punt 24 tas-sentenza Rahman et, billi ma rriproduċietx ir-riferiment għat-termini relatati mad-dipendenza ( 17 ).

27.

Fi kwalunkwe każ, u kif indikajt iktar ’il fuq, ma jidhirlix li d-domanda jekk il-kunċett ta’ “membru tal-familja […] li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni hija dik magħmula mill-qorti tar-rinviju u lanqas ma jidhirli li din hija determinanti għar-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għat-tieni domanda magħmula lilha ( 18 ). Fil-fatt, b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha Rahman et u SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), il-Qorti tal-Ġustizzja, mingħajr ma ħadet pożizzjoni fuq il-fatt jekk il-kunċetti li jinsabu fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 kinux kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, setgħet tassisti utilment lill-qrati nazzjonali li kienu adixxewha, billi ċċarat it-tifsira normali tad-dispożizzjonijiet li kienet intalbet l-interpretazzjoni tagħhom.

2. Il-membru li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni bħala t-tielet ipoteżi ta’ dipendenza prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38

28.

Wara l-konstatazzjoni tal-impossibbiltà li d-definizzjoni tkun waħda universali, u anki jekk jitqies li dan ma huwiex kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħlusa mid-dmir tagħha li tassisti lill-qorti tar-rinviju u li tiċċara dak li għandu jinftiehem b’“membru tal-familja […] li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Sabiex dan isir, wieħed għandu jerġa’ jdur ftit b’mod iktar ġenerali fuq is-sistema stabbilita minn din id-direttiva.

a) Il‑portata tal‑obbligu tal‑Istati Membri skont il‑punt (a) tal‑ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 2004/38

29.

Id-Direttiva 2004/38 għandha “bħala għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u b’mod partikolari għandha bħala għan li ssaħħaħ dan id-dritt […]. Fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38 […] għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’” ( 19 ). Kif semmejt iktar ’il fuq, din is-sistema, li tfittex ukoll li tiffaċilita r-riunifikazzjoni tal-familja bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membri tal-familja tiegħu, hija bbażata fuq dikotomija fundamentali.

30.

Il-membri tal-familja tal-eqreb ċirku, iddefiniti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 għandhom, b’mod awtomatiku, dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni. Id-dħul u r-residenza tal-membri “oħrajn” tal-familja – dawk previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 – għandhom biss jiġu ffaċilitati minn dan l-Istat Membru ( 20 ).

31.

Minn dan is-sempliċi obbligu li “jiġu ffaċilitati” id-dħul u r-residenza ta’ dawn il-membri “oħrajn” tal-familja jirriżulta li d-Direttiva 2004/38 għalhekk ma tobbligax lill-Istati Membri jilqgħu kull talba għal dħul jew għal residenza mressqa minn persuni li juru li huma membri tal-familja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva ( 21 ). Tali interpretazzjoni, barra minn hekk, hija kkorroborata mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 ( 22 ), li minnha jirriżulta li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsisti fiż-żamma tal-unità tal-familja fis-sens wiesa’ ( 23 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat l-obbligi tal-Istati Membri ospitanti meta jeżaminaw talba għal dħul jew għal residenza bbażata fuq il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Għalkemm ma hemmx obbligu li dawn il-membri tal-familja estiża jingħataw dritt ta’ dħul jew ta’ residenza, “xorta jibqa’ l-fatt […] li [l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 j]imponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet magħmula minn persuni li għandhom rabta ta’ dipendenza partikolari fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla mat-talbiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi” ( 24 ). Dan il-vantaġġ jinsab essenzjalment fl-obbligu impost fuq l-Istati Membri li “jipprevedu l-possibbiltà li […] jiksbu [tinkiseb] deċiżjoni dwar it-talba tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni għandha tkun motivata” ( 25 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tindika li l-Istati Membri huma obbligati “tieħu [jieħdu] inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ, bħall-grad ta’ dipendenza ekonomika jew fiżika u r-relazzjoni [l-grad] ta’ parentela bejn il-membru tal-familja u ċ-ċittadin tal-Unjoni” ( 26 ). Mill-bqija, in-nuqqas ta’ preċiżjoni tad-Direttiva 2004/38 flimkien mar-riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali iwassal għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ “marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’” ( 27 ) fir-rigward tal-għażla tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għandu madankollu jiġi eżerċitat b’limitu doppju: l-osservanza tat-tifsira normali tat-terminu “jiffaċilita” u tat-termini relatati mad-dipendenza li jinsabu fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, minn naħa, u ż-żamma tal-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, min-naħa l-oħra ( 28 ). Fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jipprevedu “rekwiżiti partikolari fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar in-natura u t-tul ta’ żmien tad-dipendenza u dan sabiex jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari, li din is-sitwazzjoni ta’ dipendenza hija reali, stabbli u ma ġietx ikkawżata biss bl-għan li jinkisbu d-dħul u r-residenza fl-Istat Membru ospitanti” ( 29 ). Fl-aħħar nett, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu jiġi eżerċitat “fid-dawl u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea” ( 30 ).

32.

Għalkemm il-portata tal-obbligi tal-Istati Membri skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 setgħet għaldaqstant tiġi speċifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett innifsu ta’ “membru li huwa membru tad-dar tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għadu ma tax lok għal interpretazzjoni.

b) Interpretazzjoni letterali neċessarjament ikkompletata b’analiżi kuntestwali u teleoloġika

33.

Il-qorti tar-rinviju enfasizzat li waħda mid-diffikultajiet imqajma fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 tirrigwarda d-diverġenzi bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi disponibbli. B’mod partikolari, il-verżjoni bl-Ingliż (“members of the household of the Union citizen”) tissuġġerixxi, bħall-verżjoni bil-Franċiż, li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru l-ieħor tal-familja huma, tal-inqas, membri tal-istess dar. Dan l-element wassal lill-awtoritajiet Irlandiżi sabiex jinterpretaw din il-kundizzjoni fis-sens li ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu jkun il-kap tad-dar li l-membru l-ieħor huwa wkoll membru tagħha. Għall-kuntrarju, pereżempju, jidher li l-verżjoni Taljana (“convive”) tikkuntenta ruħha b’sempliċi ħajja komuni ( 31 ). Għalhekk minn paragun ħafif u mhux eżawrjenti ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi jirriżulta li mhux kollha jinkludu dan ir-rekwiżit imsaħħaħ relatat mal-kondiviżjoni tad-“dar” taċ-ċittadin tal-Unjoni, għaliex jidher li wħud minnhom jillimitaw ruħhom li jeżiġu sempliċi koabitazzjoni.

34.

Għalkemm hemm manifestament disparitajiet bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, diġà jidhirli li l-kundizzjoni prevista fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma tistax tiġi interpretata, kif jagħmlu l-awtoritajiet Irlandiżi, fis-sens li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat għandu jkun neċessarjament il-kap tad-dar. Minbarra li jidhirli li din il-funzjoni ta’ “kap tad-dar” tirrifletti ġerarkija tal-familja partikolarment obsoleta u totalment skaduta, għaliex ġeneralment hija okkupata mir-raġel, ikkonċepit bħala l-epiċentru fiss ta’ mudell konjugali u tal-familja patrijarkali ( 32 ), il-fatt li jkun meħtieġ li l-membru l-ieħor tal-familja jkun membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni li, barra minn hekk, dan tal-aħħar ikun il-kap tagħha, jammonta għal żieda ta’ kundizzjoni addizzjonali mhux prevista mid-Direttiva, lanqas, fil-fehma tiegħi, fil-verżjoni tagħha bl-Ingliż ( 33 ).

35.

Barra minn hekk, infakkar li minn ġurisprudenza magħrufa sewwa tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew tingħata prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha u tal-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti ( 34 ).

36.

F’dan l-istadju tal-analiżi, mill-kliem tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta, fi kwalunkwe każ, li l-membru tal-familja li huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni jista’ tal-inqas jiġi ddefinit b’mod negattiv: huwa evidenti li ma huwiex membru tal-familja tal-eqreb ċirku, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38; barra minn hekk, ma huwiex dipendenti minn perspettiva materjali biss (kundizzjoni marbuta mad-dipendenza materjali u finanzjarja), lanqas ma jbati minn kundizzjonijiet serji ta’ saħħa (kundizzjoni marbuta mad-dipendenza fiżika), u lanqas ma huwa s-sieħeb stabbli mhux irreġistrat tal-imsemmi ċittadin. Din l-analiżi letterali tgħallimna, barra minn hekk, li l-karatteristika komuni tat-tliet ipoteżijiet previsti fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 hija l-eżistenza ta’ forma ta’ dipendenza ( 35 ), kemm jekk tkun materjali (“dipendenti”) kemm jekk tkun fiżika (“[għal] raġunijiet serji ta’ saħħa”). Il-membru li “huma […] membri tad-dar [huwa membru tad-dar]” taċ-ċittadin tal-Unjoni għalhekk jinsab f’sitwazzjoni ta’ “dipendenza partikolari” ( 36 ) fir-rigward tiegħu, ħaġa li tikkonferma l-analiżi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ), iżda dipendenza li għalhekk la hija purament materjali u lanqas umanitarja biss u li għad trid tiġi ddefinita.

37.

Skont it-tifsira normali, li hija dik li għandha titfittex kif teżiġi l-Qorti tal-Ġustizzja ( 38 ), dar normalment tindika koppja li tgħix flimkien u li tikkostitwixxi komunità domestika. Minn perspettiva etimoloġika, it-terminu “dar”, bil-Franċiż, huwa marbut mal-kelma Latina mansio li tfisser dar ( 39 ). Jekk wieħed isegwi din id-definizzjoni, ir-riferiment għal dan il-kunċett ta’ “dar” b’mod partikolari fil-verżjonijiet bl-Ingliż u bil-Franċiż tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jkunx daqstant imbiegħed mill-verżjonijiet lingwistiċi li jikkuntentaw ruħhom li jeżiġu sempliċi ħajja komuni, fis-sens unikament ġeografiku tat-terminu, filwaqt li tiġi madankollu introdotta sfumatura addizzjonali relatata mal-komunità domestika, li tista’ mhux neċessarjament teżisti fil-każ ta’ sempliċi koabitazzjoni taħt l-istess saqaf. Fil-fatt, analiżi tat-test tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, arrikkita bl-analiżi kuntestwali u sistematika tad-Direttiva 2004/38, tippermetti li tiġi eskluża definittivament it-teżi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li skontha s-sempliċi kondiviżjoni tal-istess post ta’ abitazzjoni hija suffiċjenti sabiex jitqies li l-membru tal-familja inkwistjoni “huwa membru tad-dar” taċ-ċittadin tal-Unjoni ( 40 ). Huwa minnu li l-kondiviżjoni tal-istess akkomodazzjoni hija kundizzjoni neċessarja iżda din ma hijiex suffiċjenti sabiex wieħed jista’ jallega li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni ipoteżi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

38.

Għalkemm it-tifsira normali tat-terminu “dar” tirreferi għall-kunċett ta’ “koppja” u għal dak ta’ “komunità domestika”, jidhirli madankollu li, mifhuma fil-kuntest tad-Direttiva 2004/38, din id-definizzjoni għandha neċessarjament tiġi estiża, billi l-komponenti tal-koppja huma, bħala prinċipju, diġà koperti fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/38. Id-“dar” għalhekk għandha tinftiehem hawnhekk b’mod iktar wiesa’, pjuttost fis-sens ta’ “dar estiża” ( 41 ). Il-membri ta’ din id-dar estiża jikkontribwixxu għall-ħajja domestika tagħha b’modi differenti.

39.

Id-dar jew id-dar estiża huma kunċetti li jwasslu, b’żieda ma’ rieda purament prammatika li tiġi organizzata ħajja komuni u li wieħed jipparteċipa fiha, għal sentiment ta’ appartenenza, għal emozzjoni partikolari li jorbtu bejniethom lill-persuni li jikkomponuhom. Huma, pereżempju, dan is-sentiment u din l-emozzjoni li jippermettu li ssir distinzjoni bejn sitwazzjoni ta’ sempliċi abitazzjoni komuni f’dar waħda u l-appartenenza reali għad-dar jew għad-dar estiża.

40.

Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni, il-membru l-ieħor tal-familja għandu jkollu, mid-definizzjoni tiegħu stess, rabta ta’ parentela ma’ dan iċ-ċittadin li jgħix miegħu. Barra minn hekk, bejn it-tnejn għandha teżisti rabta emozzjonali kkonsolidata ( 42 ) matul koabitazzjoni ta’ tul kunsiderevoli organizzata għal raġunijiet li ma jkunux ta’ sempliċi konvenjenza. Fil-fehma tiegħi, din ir-rabta emozzjonali għandha tkun ta’ tali intensità li jekk il-membru tal-familja kkonċernat kellu ma jibqax ikun membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni, dan tal-aħħar jiġi affettwat b’mod personali ( 43 ), b’mod li wieħed jista’ jitkellem dwar sitwazzjoni ta’ dipendenza reċiproka ta’ natura emozzjonali.

41.

Huma għaldaqstant l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jevalwaw l-istabbiltà tar-relazzjoni, billi jevalwaw, b’mod partikolari iżda mhux esklużivament, it-tul tal-ħajja komuni, kif ukoll l-intensità tas-sentiment ta’ familja espress fil-kuntest ta’ ħajja komuni li jkollha l-karatteristiċi ta’ ħajja tal-familja ( 44 ). L-istil tal-ħajja kollu tal-istruttura li allegatament għandha n-natura ta’ familja estiża għandu jiġi evalwat b’mod globali, każ b’każ, skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull konfigurazzjoni abbażi tal-fatti rilevanti kollha.

42.

Għall-kuntrarju, fil-fehma tiegħi, l-intenzjonijiet tal-membru tal-familja kkonċernat ma jagħmlux parti minn dawn il-fatti rilevanti. Minn naħa, dak li ser iseħħ fil-futur huwa dejjem diffiċli li jiġi pprovat. Min-naħa l-oħra, dawn l-intenzjonijiet jistgħu jvarjaw u xejn ma jista’ verament iżommhom milli jagħmlu dan. Fl-aħħar nett, dan ma huwiex konformi mal-ġurisprudenza ( 45 ).

43.

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda sitwazzjoni li fiha membri tal-familja estiża jkollhom rabtiet tal-familja stretti u stabbli maċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi marbuta mal-appartenenza għall-istess dar bħaċ-ċittadin. Din l-appartenenza tintwera permezz ta’ ħajja komuni stabbli, installata fl-istess akkomodazzjoni, iggwidata minn rieda ta’ għixien flimkien u li jkollha l-karatteristiċi ta’ ħajja tal-familja. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu eżami fid-dettall, każ b’każ, ta’ kull sitwazzjoni individwali billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti bħalma huma l-grad ta’ parentela, it-tul tal-ħajja komuni, il-qrubija tar-relazzjoni u l-intensità tar-rabta emozzjonali. Fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti partikolari relatati mat-turija tal-appartenenza għad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jiżguraw ruħhom mir-realtà u mill-istabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali suġġetta għall-eżami tal-awtoritajiet tagħhom, bil-kundizzjoni doppja, madankollu, li dawn ir-rekwiżiti jibqgħu konformi mat-tifsira normali tal-verb “jiffaċilita” u tal-espressjoni “huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” u ma jċaħħdux il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 mill-effett utli tiegħu.

III. Konklużjoni

44.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda) għandha tkun kif ġej:

Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda sitwazzjoni li fiha membri tal-familja estiża jkollhom rabtiet tal-familja stretti u stabbli maċ-ċittadin tal-Unjoni Ewropea kkonċernat minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi marbuta mal-appartenenza għall-istess dar bħaċ-ċittadin. Din l-appartenenza tintwera permezz ta’ ħajja komuni stabbli, installata fl-istess akkomodazzjoni, iggwidata minn rieda ta’ għixien flimkien u li jkollha l-karatteristiċi ta’ ħajja tal-familja.

Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom iwettqu eżami fid-dettall, każ b’każ, ta’ kull sitwazzjoni individwali billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti bħalma huma l-grad ta’ parentela, it-tul tal-ħajja komuni, il-qrubija tar-relazzjoni u l-intensità tar-rabta emozzjonali.

Fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti partikolari relatati mat-turija tal-appartenenza għad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni sabiex jiżguraw ruħhom mir-realtà u mill-istabbiltà tas-sitwazzjoni fattwali suġġetta għall-eżami tal-awtoritajiet tagħhom, bil-kundizzjoni doppja, madankollu, li dawn ir-rekwiżiti jibqgħu konformi mat-tifsira normali tal-verb “jiffaċilita” u tal-espressjoni “huwa membru tad-dar taċ-ċittadin tal-Unjoni” u ma jċaħħdux il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 mill-effett utli tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) S.I. Nru 656 tal‑2006.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46.

( 4 ) Fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat taċ-ċittadin tal-Unjoni, id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti miċ-ċittadin tal-Unjoni, kif ukoll dawk tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, u, fl-aħħar nett, l-axxendenti diretti taċ-ċittadin tal-Unjoni li huma dipendenti minnu kif ukoll dawk tal-konjuġi tiegħu jew tas-sieħeb irreġistrat tiegħu, għandhom jitqiesu li huma “membri tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni. Dawn huma l-membri tal-familja li jissejħu “irrikonoxxuti” fis-sens tal-leġiżlazzjoni Irlandiża.

( 5 ) Il-kwistjoni jekk AA għandux jitqies li huwa “dipendenti” fis-sens tal-ewwel ipoteżi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma tagħmilx parti mid-dibattiti quddiem il-qorti tar-rinviju (ara l-punt 21 tat-talba għal deċiżjoni preliminari).

( 6 ) Artikolu 10(3) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2019, C 384I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”).

( 7 ) Moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) ta’ dan il-ftehim.

( 8 ) Il-konvenut fil-kawża prinċipali saħansitra jikkontesta li dan huwa motiv ta’ rifjut tat-talba mill-Ministru (ara l-punt 44 tal-osservazzjonijiet tal-konvenut fil-kawża prinċipali). Għall-finijiet ta’ kompletezza assoluta, għandu madankollu jiġi osservat li s-sunt tal-motivi tad-deċiżjoni ta’ rifjut fil-konfront ta’ AA li jinsab fil-punt 6 tat-talba għal deċiżjoni preliminari tabilħaqq jinkludi, fil-punt 2 tiegħu, riferiment għar-regola nazzjonali li skontha “għandu jiġi evalwat l-istil tal-ħajja taċ-ċittadin tal-Unjoni minn mindu jkun sar ċittadin tal-Unjoni, irrispettivament mill-post fejn dan ikun seħħ”.

( 9 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et (C‑83/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rahman et”, EU:C:2012:519, punti 18, 1921).

( 10 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja (C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, fl-istess sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (C‑129/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), EU:C:2019:248, punt 50).

( 11 ) Ir-Renju tad-Danimarka jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu b’mod partikolari fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi Rahman et u SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina).

( 12 ) Diġà kelli l-okkażjoni nenfasizza dan il-marġni wiesa’ mħolli għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri: ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:681, punti 57 sa 62). Barra minn hekk, ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 13 ) Sentenza Rahman et (punt 23). Huwa utli li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja hawnhekk kienet mistiedna tispeċifika l-interpretazzjoni tal-ewwel ipoteżi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u li jissemmiex il-fatt li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni. A contrario, f’kuntest ieħor iżda dejjem fir-rigward tal-kunċett li wieħed ikun “dipendenti”, ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 4445).

( 14 ) Sentenza Rahman et (punt 24). Korsiv miżjud minni.

( 15 ) Sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 50).

( 16 ) Ara s-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punti 50 et seq.).

( 17 ) Huwa wkoll interessanti li jiġi osservat li, fl-argumenti ddedikati, fis-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), għall-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet lura milli tispeċifika ma’ liema ipoteżi prevista fl-imsemmija dispożizzjoni setgħet tintrabat is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza).

( 18 ) Fil-fatt, tista’ wkoll tiġi sostnuta triq intermedja, li tikkonsisti fir-rikonoxximent tan-natura awtonoma tal-kunċett inkwistjoni, filwaqt li jibqa’ jiġi rrikonoxxut – ħaġa li jidhirli li hija inevitabbli fid-dawl tan-natura tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 – li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-mument li fih jistabbilixxu r-rekwiżiti partikolari sabiex il-kriterju ta’ eliġibbiltà stabbilit b’mod ġenerali mid-dispożizzjoni inkwistjoni jitqies li jkun issodisfatt.

( 19 ) Sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa tagħha, jidher li s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-familja – Oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 49) tenfasizza l-għan intiż “sabiex jiġi żgurat jew imħeġġeġ, fl-Istat Membru ospitanti, ir-riunifikazzjoni tal-familja taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew ta’ pajjiżi oħra li jirrisjedu fih legalment”. Ara, dwar il-limiti għall-interpretazzjoni wiesgħa tad-Direttiva 2004/38, is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 55).

( 20 ) Ara s-sentenza Rahman et (punt 19).

( 21 ) Ara s-sentenza Rahman et (punt 18).

( 22 ) Li skontha “[s]abiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”.

( 23 ) Ara s-sentenza Rahman et (punt 32). Ara wkoll is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 60).

( 24 ) Sentenza Rahman et (punt 21). Korsiv miżjud minni. Ara wkoll is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 61).

( 25 ) Sentenza Rahman et (punt 22). Ara wkoll is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 62). Dan diġà jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 26 ) Sentenza Rahman et (punt 23). Il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika ftit iktar ’il quddiem li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza, ikkostitwita mill-eżistenza ta’ rabtiet tal-familja mill-qrib u stabbli minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi, bħal dipendenza ekonomika, bħall-fatt li l-membru tal-familja kkonċernat huwa membru tad-dar jew bħal raġunijiet serji ta’ saħħa, għandha teżisti, fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa dipendenti minnu (ara s-sentenza Rahman et (punti 32 u 33)).

( 27 ) Sentenza Rahman et (punt 24). Ara wkoll is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 63).

( 28 ) Sentenza Rahman et (punt 24). Ara wkoll is-sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 63).

( 29 ) Sentenza Rahman et (punt 38).

( 30 ) Sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 64). Konsegwentement, l-id tal-awtoritajiet nazzjonali li jkollhom jiddeċiedu dwar talba għal dħul jew għal residenza mressqa minn “membri oħrajn tal-familja”, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, tkun iggwidata bi ftit iktar direzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja li tistenna minnhom, b’mod partikolari f’każ fejn l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittjiet Fundamentali jkun irid jittieħed inkunsiderazzjoni, li “iwettqu evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha tal-każ, b’kunsiderazzjoni tal-interessi involuti kollha u, b’mod partikolari, tal-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat” (sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 68)). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kriterji li għandhom jiġu evalwati kif ukoll l-evalwazzjoni tar-riskji involuti. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri jisfaxxa fix-xejn meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li jekk, fi tmiem tali analiżi, jirriżulta li l-membri tal-familja inkwistjoni, li għalhekk jinkludu wild, ikunu intiżi sabiex ikollhom ħajja tal-familja effettiva u li l-wild jiddependi mit-tuturi tiegħu ċittadini tal-Unjoni, f’dan il-każ “ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, jeħtieġu, bħala prinċipju, l-għoti ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza lill-imsemmi wild bħala membru ieħor tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38” (sentenza SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina) (punt 71). Korsiv miżjud minni.)

( 31 ) Jidher li dan huwa wkoll il-każ tal-verżjonijiet bl-Ispanjol (“viva con el ciudadano”), bil-Ġermaniż (“oder der mit ihm im Herkunftsland in häuslicher Gemeinschaft gelebt hat”), bl-Olandiż (“inwonen”) jew ukoll bil-Portugiż (“com este viva em comunhão de habitacão”).

( 32 ) Ara, pereżempju, dwar l-użu tal-kunċett ta’ “kap tad-“dar” fl-istatistika u dwar id-diffikultajiet li jqajjem tali kunċett, De Saint Pol, T., Deney, A., u Monso, O., “Ménage et chef de ménage: deux notions bien ancrées”, Travail, genre et sociétés, 2004, Vol. 1, Nru 11, p. 63 sa 78.

( 33 ) Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, l-espressjoni “household of the Union citizen” tista’ tabilħaqq tindika li ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa sempliċi membru tad-dar. Barra minn hekk, kif irrilevat ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-“kap tal-familja” huwa sikwit ikkonċepit bħala dak li jipprovdi l-appoġġ materjali lil dawk ta’ madwaru. Issa, l-ipoteżi tal-“membru tal-familja li huwa membru tad-dar” taċ-ċittadin tal-Unjoni hija ipoteżi tabilħaqq distinta minn dik tal-membru tal-familja “dipendenti” mill-imsemmi ċittadin.

( 34 ) Ara, fost ġurisprudenza abbundanti, is-sentenzi tat‑3 ta’ April 2008, Endendijk (C‑187/07, EU:C:2008:197, punti 22 et seq.); tat‑18 ta’ Settembru 2019, VIPA (C‑222/18, EU:C:2019:751, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll tal‑25 ta’ Frar 2021, Bartosch Airport Supply Services (C‑772/19, EU:C:2021:141, punt 26).

( 35 ) Ħaġa li jikkonferma l-punt 21 tas-sentenza Rahman et.

( 36 ) Sentenza Rahman et (punt 21).

( 37 ) Ara s-sentenza Rahman et (punti 36, 38, 39).

( 38 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza Rahman et (punt 24).

( 39 ) Sors: dizzjunarju Larousse li jista’ jiġi kkonsultat online (www.larousse.fr/dictionnaires/francais/ménage/50418).

( 40 ) Huwa minnu li ma jidhirx li l-atti preċedenti li kkodifikat id-Direttiva 2004/38 jinkludu dan ir-riferiment għad-“dar”, iżda iktar jirreferu għar-rekwiżit ta’ “għajxien taħt l-istess saqaf” (ara, pereżempju, l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15) jew l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1973 dwar l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta’ Stati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 167)). Minn dan ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiddeduċi li d-Direttiva 2004/38, skont il-premessa 3 tagħha li tindika li hija tfittex li “jissimplifikaw u jsaħħu [tissemplifika u ssaħħaħ] d-dritt ta’ moviment liberu u residenza taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni”, ma tistax tiġi interpretata b’mod iktar restrittiv meta mqabbla mal-istat tad-dritt qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

( 41 ) Fil-fehma tiegħi, il-kunċett ta’ dar estiża jirrifletti iktar din l-idea ta’ familja estiża miġbura flimkien taħt l-istess saqaf.

( 42 ) Ma jidhirlix li bilfors huwa possibbli li jiġi preżunt li r-rabta ta’ parentela twassal neċessarjament għal emozzjoni bejn iż-żewġ membri tal-istess familja, mingħajr verifika ulterjuri, sakemm ma tiġix sostnuta interpretazzjoni partikolarment ġeneruża tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 43 ) Minħabba d-dikotomija fundamentali msemmija fil-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma iniex konvint li għandu jiġi pprovat li, fil-każ ta’ rifjut ta’ dħul u ta’ residenza tal-“membri oħrajn tal-familja” taċ-ċittadin tal-Unjoni, dan tal-aħħar jirrinunzja għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu. Tali kundizzjoni twassal, barra minn hekk, għal interpretazzjoni partikolarment restrittiva tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38.

( 44 ) Naħseb, pereżempju, fis-sitwazzjoni taċ-ċittadin tal-Unjon li jkun tilef il-ġenituri tiegħu u li jkun ġie fdat fil-kura liz-ziju u liz-zija tiegħu. Din il-komunità tal-ħajja tista’ testendi sal-età adulta, mingħajr ma jkun jista’ jitqies li ċ-ċittadin tal-Unjoni huwa dipendenti minn dan iz-ziju u din iz-zija, jekk huma jkollhom awtonomija materjali. Madankollu, fid-dawl tal-involviment b’mod partikolari emozzjonali tagħhom, dawn il-membri “oħrajn” tal-familja għandhom jitqiesu li huma membri tad-dar fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Naħseb ukoll fis-sitwazzjoni tad-dixxendent dirett taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkollu iktar minn 21 sena u li jkun ekonomikament indipendenti iżda li għaldaqstant jibda ħajja professjonali filwaqt li jkompli jirrisjedi fid-dar tal-ġenituri tiegħu.

( 45 ) Infakkar li, skont il-punt 33 tas-sentenza Rahman et, “[i]s-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha […] teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni” (ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2014, Reyes (C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 30)).

Top