EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CC0007

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Pikamäe, ippreżentati l-10 ta’ Marzu 2022.
LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG vs CB et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Notifika u komunikazzjoni tal-atti – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8(1) – Terminu ta’ ġimgħa sabiex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat Membru li tipprevedi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Terminu għal oppożizzjoni li jibda jiddekorri fl-istess żmien tat-terminu previst għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rifjut ta’ riċezzjoni tal-att – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Dritt għal rimedju effettiv.
Kawża C-7/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2022:185

 KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fl‑10 ta’ Marzu 2022 ( 1 )

Kawża C‑7/21

LKW WALTER Internationale Transportorganisation AG

vs

CB,

DF,

GH

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali – Notifika u kommunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji – Regolament (KE) Nru 1393/2007 – Artikolu 8 – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 45(1)(b) u Artikolu 46 – Digriet mogħti fi Stat Membru u nnotifikat fi Stat Membru ieħor fil-lingwa tal-ewwel Stat Membru biss – Leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru li tipprovdi terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra dan id-digriet – Dritt għal smigħ xieraq – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija) skont l-Artikolu 267 TFUE għandha bħala suġġett l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 ( 2 ) kif ukoll tal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 3 ), moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 4(3) TUE.

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn LKW Walter Internationale Transportorganisation AG (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) u CB et (iktar ’il quddiem il-“konvenuti”), tliet soċji ta’ azjenda ta’ avukati Awstrijaka li rrappreżentaw lir-rikorrenti fi proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fis-Slovenja. Peress li dawn ma ressqux oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, innotifikat lir-rikorrenti, fit-terminu ta’ tmint ijiem kif previst mil-leġiżlazzjoni Slovena, dan id-digriet sar definittiv u eżegwibbli b’mod li r-rikorrenti kellha tonora d-dejn ikkonstatat fid-digriet iċċitat iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra l-konvenuti quddiem il-qorti tar-rinviju billi invokat il-fatt li dawn tal-aħħar kienu responsabbli, bħala avukati, għaċ-ċaħda mill-qrati Sloveni tal-oppożizzjoni li huma ppreżentaw tardivament. Fuq din il-bażi, ir-rikorrenti talbet ir-rimbors tal-ammont li hija kellha tħallas wara l-proċedura ta’ eżekuzzjoni. Insostenn tad-difiża tagħhom, il-konvenuti jallegaw li l-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba li ma tiżgurax ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ att ġudizzjarju. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li din il-leġiżlazzjoni hija diskriminatorja għaliex tippermetti, fl-opinjoni tagħhom, li partijiet stabbiliti fis-Slovenja jieħdu vantaġġ inġust mill-karatteristiċi ta’ din il-leġiżlazzjoni meta mqabbla ma’ partijiet stabbiliti fi Stati Membri oħra.

3.

Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u, b’mod partikolari, fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji li għandhom jiġu nnotifikati fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tinterpreta r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnhom, jiġifieri li titjieb l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji u li tiġi żgurata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, mingħajr madankollu ma jiddgħajjef ir-rispett effettiv lejn id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti ġudizzjarji inkwistjoni ( 4 ). Peress li l-imsemmija regolamenti ma humiex intiżi sabiex iwasslu għall-uniformità tal-proċedura ċivili fl-intier tagħha, iżda huma bbażati fuq il-proċeduri diġà stabbiliti mill-Istati Membri bis-saħħa tal-awtonomija proċedurali tagħhom sabiex jiżguraw it-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina l-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni hijiex konformi mar-rekwiżiti imposti mid-dritt tal-Unjoni.

II. Il‑kuntest ġuridiku

A. Id‑dritt tal‑Unjoni

1.   Ir‑Regolament Nru 1393/2007

4.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, intitolat “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument”, jipprovdi li:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

(a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju;

jew

(b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.   Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti […] u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista’ tkun rimedjata permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u n-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.

5.   Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), […] l-awtorità jew il-persuna, meta n-notifika issir skont l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw [għandha tinforma] lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.”

5.

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-data tan-notifika”, jipprevedi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 8, id-data tan-notifika ta’ dokument skont l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha l-att jiġi nnotifikat skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat.

2.   Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u n-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.”

6.

L-Anness I tal-imsemmi regolament jinkludi, b’mod partikolari, dikjarazzjoni ta’ twettiq jew nuqqas ta’ twettiq tan-notifika jew komunikazzjoni tal-atti, fejn il-punt 12.3 jindika:

“Id-destinatarju tad-dokument ġie infurmat bil-miktub li hu jew hi jista’/tista’ jirrifjuta/tirrifjuta li jaċċetta/taċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub jew ikollu miegħu traduzzjoni jew b’lingwa li hu jew hi jifhimha/tifhimha jew il-lingwa jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika.”

7.

Il-formola standard, intitolata “Informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt li jirrifjuta li jaċċetta dokument” li tinsab fl-Anness II tal-istess regolament, tinkludi din id-dikjarazzjoni għall-attenzjoni tad-destinatarju tal-att:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibgħatu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

8.

Din il-formola standard tinkludi wkoll “Dikjarazzjoni tad-destinatarju” li għandu jiffirma d-destinatarju jekk huwa jirrifjuta li jaċċetta l-att ikkonċernat, u li hija fformulata kif ġej:

“Jien nirrifjuta li naċċetta d-dokument mehmuż għaliex mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li nifhem jien jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika.”

9.

Finalment, l-imsemmija formula standard tipprevedi li, f’dan l-istess każ, id-destinatarju għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi li jifhem minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.

10.

Ir-Regolament Nru 1393/2007 tħassar bir-Regolament (UE) 2020/1784 ( 6 ), applikabbli biss mill‑1 ta’ Lulju 2022.

2.   Ir‑Regolament Nru 1215/2012

11.

Taħt it-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, tal-Kapitolu III, intitolat “Rikonoxximent u eżekuzzjoni”, l-Artikolu 36(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.”

12.

It-Taqsima 2, intitolata “Eżekuzzjoni”, ta’ dan il-Kapitolu III tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 39 li jipprovdi:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.”

13.

It-Taqsima 3, intitolata “Rifjut tar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni”, tal-imsemmi Kapitolu III tinkludi s-Subtaqsima 1, imsejħa “Rifjut tar-rikonoxximent”, u s-Subtaqsima 2, imsejħa “Rifjut tal-eżekuzzjoni”.

14.

F’din is-Subtaqsima 1, l-Artikolu 45 jipprovdi:

“1.   Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:

[...]

b)

meta s-sentenza tingħata b’kontumaċja, jekk il-konvenut ma kienx ġie notifikat bid-dokument li jkun fetaħ il-proċedimenti jew b’dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti u b’tali manjiera li dan ikun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jibda l-proċedimenti biex jikkontesta s-sentenza meta kien possibli għalih li jagħmel hekk;

[...]”

15.

F’din is-Subtaqsima 2, l-Artikolu 46 jipprevedi:

“Fuq it-talba tal-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, l- eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata meta jinstab li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45.”

B. Id‑dritt nazzjonali

1.   Id‑dritt Awstrijak

16.

L-Artikolu 1295 tal-Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”) huwa fformulat kif ġej:

“(1) Kull persuna għandha dritt titlob kumpens għal danni mingħand dak li jkun ikkawżalha tali dannu bi ħtija tiegħu; id-dannu jista’ jiġi kkawżat minn ksur ta’ obbligu kuntrattwali jew jista’ ma jkollux rabta ma’ kuntratt.

(2) Kull min intenzjonalment jikkawża dannu billi jmur kontra l-prinċipji aċċettati tal-moralità huwa wkoll responsabbli, iżda jekk tali dannu huwa kkawżat fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ dritt, huwa jkun responsabbli biss jekk jeżerċita tali dritt bl-intenzjoni ċara li ssir ħsara lill-persuna l-oħra.”

17.

Skont l-Artikolu 1299 tal-ABGB:

“Kull min jeżerċita pubblikament funzjoni, arti, professjoni jew sengħa, jew kull min jieħu ħsieb xogħol li jeżiġi għarfien artistiku jew diliġenza speċjali, ikun qed juri li huwa jqis ruħu kapaċi li jaħdem bid-diliġenza neċessarja u bl-għarfien meħtieġ; għaldaqstant, huwa għandu jwieġeb għan-nuqqas ta’ tali għarfien u diliġenza. Madankollu, jekk il-persuna li tkun fdatlu x-xogħol kienet taf bin-nuqqas ta’ esperjenza tiegħu jew setgħet, b’attenzjoni normali, tkun taf b’tali nuqqas, hija jkollha ħtija wkoll.”

18.

Skont l-Artikolu 1300 tal-ABGB:

“Espert huwa wkoll responsabbli meta jagħti, bi żball u bi ħlas, parir detrimentali fl-oqsma tal-arti tiegħu jew tax-xjenza tiegħu. Ħlief f’dan il-każ, konsulent huwa responsabbli biss għad-danni li jkun ikkawża intenzjonalment lil ħaddieħor bil-parir tiegħu.”

2.   Id‑dritt Sloven

19.

L-Artikolu 9 taż-zakon o izvršbi in zavarovanju (il-Liġi dwar il-Proċeduri ta’ Eżekuzzjoni, iktar ’il quddiem iż-“ZIZ”) li jittratta r-rimedji ġudizzjarji u l-kompetenza territorjali tal-qorti tal-appell fil-qasam ta’ eżekuzzjoni abbażi ta’ dokument awtentiku, jipprovdi:

“Digriet tal-ewwel istanza jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Ir-rikors disponibbli lid-debitur kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata li jilqa’ t-talba huwa meqjus bħala oppożizzjoni.

Ir-rikors u l-oppożizzjoni għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ 8 ijiem min-notifika tad-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza, sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

Ir-rikors li huwa ppreżentat fi żmien xieraq u li huwa ammissibbli, għandu jiġi nnotifikat lill-parti avversarja għal risposta jekk din tal-aħħar tkun irċeviet ukoll notifika jew komunikazzjoni tad-digriet tal-qorti tal-ewwel istanza li kontrih huwa ppreżentat ir-rikors.

Id-digriet maħruġ dwar l-oppożizzjoni jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors.

Ir-rikors u l-oppożizzjoni ma għandhomx effett sospensiv, ħlief jekk il-liġi tipprovdi mod ieħor.

Id-deċiżjoni dwar ir-rikors għandha tkun finali.

[...]”

20.

Skont l-Artikolu 53 taż-ZIZ, intitolat “L-oppożizzjoni bħala l-uniku rimedju ġudizzjarju tad-debitur”:

“Id-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata wara t-talba għal eżekuzzjoni forzata jista’ jkun is-suġġett ta’ oppożizzjoni min-naħa tad-debitur, sakemm ma jikkontestax biss id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

L-oppożizzjoni għandha tkun motivata. Fl-oppożizzjoni, id-debitur għandu jindika l-fatti li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tiegħu u għandu jipproduċi l-provi, u fin-nuqqas ta’ dan, l-oppożizzjoni titqies li ma hijiex motivata.

[...]”

21.

Taħt it-titolu “Oppożizzjoni kontra d-digriet mogħti fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku”, l-Artikolu 61 taż-ZIZ jipprevedi:

“L-oppożizzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħtija abbażi ta’ dokument awtentiku hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 53 u 54 ta’ din il-liġi [...]

Jekk l-oppożizzjoni msemmija fil-paragrafu preċedenti għandha l-għan li tikkontesta l-parti tad-digriet ta’ eżekuzzjoni li tordna lid-debitur iħallas id-dejn, din l-oppożizzjoni titqies li hija mmotivata fuq dan il-punt jekk id-debitur jesponi l-fatti li fuqhom huwa jibbaża l-oppożizzjoni tiegħu u jipproduċi provi li jistabbilixxu l-fatti li huwa jsemmi fl-oppożizzjoni.

[...]”

III. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

22.

Ir-rikorrenti hija kumpannija rreġistrata fir-reġistru Awstrijak tal-kumpanniji u hija attiva fil-qasam tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija. Il-konvenuti huma s-soċji ta’ azjenda ta’ avukati li għandha s-sede tagħha fi Klagenfurt (l-Awstrija), u li rrappreżentat lir-rikorrenti matul il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata fis-Slovenja.

23.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-kumpannija Transport Gaj d.o.o. talbet is-sekwestru ta’ 25 debiti li r-rikorrenti kellha fuq diversi kumpanniji Sloveni. Fit‑30 ta’ Ottubru 2019, l-Okrajno sodišče v Ljubljana (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana, is-Slovenja) innotifikat lir-rikorrenti, bil-posta, b’digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, redatt bil-lingwa Slovena, għas-somma ta’ EUR 17610. Dan id-digriet inħareġ biss fuq il-bażi ta’ fatturi u mingħajr ma nġabru minn qabel l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.

24.

Kien biss fl‑4 ta’ Novembru 2019 li l-imsemmi digriet intbagħat, permezz tas-sistema postali interna tar-rikorrenti, lid-dipartiment legali tagħha. Fil‑5 ta’ Novembru 2019, wara skambju ta’ informazzjoni bejn ir-rikorrenti u l-konvenuti dwar in-natura u l-konsegwenzi tad-digriet ikkomunikat, ir-rikorrenti talbet lill-konvenuti sabiex iressqu oppożizzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata. Fost id-dokumenti li r-rikorrenti bagħtet lill-konvenuti kien hemm il-kopja tal-envelop li turi li hija kienet effettivament irċeviet id-digriet fit‑30 ta’ Ottubru 2019.

25.

Fil‑11 ta’ Novembru 2019, il-konvenuti ressqu oppożizzjoni motivata kontra dan id-digriet quddiem l-Okrajno sodišče v Ljubljana (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana) .

26.

Fit‑12 ta’ Novembru 2019, il-konvenuti rċevew mingħand din il-qorti stedina għall-ħlas, fi żmien tmint ijiem, tal-ispejjeż legali li jammontaw għal EUR 55, obbligu li ġie onorat fi żmien xieraq.

27.

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Diċembru 2019, l-imsemmija qorti ċaħdet bħala tardiva l-oppożizzjoni mressqa, minħabba li din ġiet ippreżentata iktar minn tmint ijiem wara n-notifika tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata.

28.

Il-konvenuti sussegwentement ippreżentaw, f’isem ir-rikorrenti, rikors kontra din id-deċiżjoni fejn huma invokaw l-antikostituzzjonalità tat-terminu ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni u indikaw li terminu daqstant qasir ma kienx kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rikors ġie miċħud mill-Višje sodišče v Maribor (il-Qorti tal-Appell ta’ Maribor, is-Slovenja). Peress li d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata b’hekk sar definittiv u eżegwibbli, ir-rikorrenti ħallset id-dejn kollu.

29.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Bezirksgericht v Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg) rikors kontra l-konvenuti billi invokat ir-responsabbiltà tagħhom, bħala avukati, għall-fatt li ġiet miċħuda l-oppożizzjoni mressqa kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mill-qrati Sloveni u billi talbet, abbażi ta’ dan, ir-rimbors tal-ammont imħallas wara l-proċedura ta’ eżekuzzjoni, jiġifieri EUR 22 168.09, li jikkorrispondi għall-valur tad-dejn prinċipali, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż tal-kawża.

30.

Fl‑10 ta’ Lulju 2020, din il-qorti ħarġet ordni ta’ ħlas kontra l-konvenuti għall-ammont mitlub.

31.

Dawn ressqu oppożizzjoni kontra din l-ordni.

32.

Insostenn tad-difiża tagħhom, il-konvenuti jallegaw li t-terminu ta’ tmint ijiem previst fil-leġiżlazzjoni Slovena sabiex titressaq oppożizzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, mal-Artikolu 8 u mal-Artikolu 19(4) tar-Regolament Nru 1393/2007, mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta. Barra minn hekk, huma jispeċifikaw li l-informazzjoni dwar il-possibbiltà li tiġi rrifjutata n-notifika jew il-komunikazzjoni tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, minkejja li kienet annessa bil-lingwa Ġermaniża mad-digriet, kienet imqassma mat‑12-il paġna ta’ dan id-digriet. Barra minn hekk, l-imsemmi digriet ma huwiex eżegwibbli barra mis-Slovenja, fis-sens tal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, il-fatt li d-digriet huwa eżegwibbli fis-Slovenja jikkostitwixxi diskriminazzjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE, kontra r-rikorrenti minħabba l-post tas-sede tagħha.

33.

Skont il-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ tmint ijiem previst fil-leġiżlazzjoni Slovena sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti wara proċedura sommarja ta’ eżekuzzjoni fejn ir-rikors huwa ppreżentat b’mod elettroniku abbażi ta’ dokument awtentiku – f’dan il-każ, fatturi – jista’ jwassal għar-riskju li l-konvenut ma jkunx f’pożizzjoni li jressaq fi żmien xieraq oppożizzjoni motivata kontra tali digriet. Dan ir-riskju jeżisti iktar u iktar meta l-konvenut ikun stabbilit fi Stat ieħor. Għalhekk, dan it-terminu jista’ jmur kontra l-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Li kieku ġiet ikkonstatata tali inkompatibbiltà, il-qrati Sloveni ma kienx ikollhom bżonn jieħdu inkunsiderazzjoni dan it-terminu fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata. F’dan il-każ, l-oppożizzjoni kienet tkun mressqa mill-konvenuti fi żmien xieraq.

34.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tressaq il-punt li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:711, iktar ’il quddiem is-“sentenza Profi Credit Polska”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward ta’ strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, li terminu ta’ erbatax‑il jum sabiex titressaq oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas maħruġa abbażi ta’ ċedola kif ukoll l-modalitajiet proċedurali meħtieġa għal dan il-għan taħt piena ta’ inammissibbiltà, iwasslu għar-riskju mhux negliġibbli li konsumatur ma jkunx jista’ jressaq oppożizzjoni jew li din tirriżulta inammissibbli.

35.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni kontra l-att nnotifikat jew ikkomunikat. F’dan ir-rigward, hija tqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dritt għal azzjoni legali kienx eżerċitat fit-terminu stabbilit mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li wettaq in-notifika, huwa meħtieġ li wieħed jistenna li jgħaddi t-terminu ta’ ġimgħa li fih l-att nnotifikat jista’ jiġi rritornat.

36.

Il-qorti tar-rinviju tiddubita wkoll il-kompatibbiltà, mal-Artikolu 18 TFUE, tat-terminu previst mil-leġiżlazzjoni Slovena sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, dejjem sakemm tali leġiżlazzjoni taffettwa iktar lil konvenuti stabbiliti fi Stati Membri oħra, li huma obbligati jieħdu passi addizzjonali marbuta mat-traduzzjoni tal-atti nnotifikati.

37.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

L-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament [Nru 1215/2012], moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-[Karta] kif ukoll mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-uniku rimedju kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti minn qorti mingħajr proċedura kontradittorja minn qabel u mingħajr titolu eżekuttiv, u biss fuq il-bażi tal-allegazzjonijiet tal-parti li qiegħda titlob l-eżekuzzjoni, huwa oppożizzjoni, li għandha ssir fil-lingwa ta’ dan l-Istat Membru fi żmien [tmint] ijiem, inkluż meta d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jiġi nnotifikat fi Stat Membru ieħor, f’lingwa li d-destinatarju ma jifhimx u, meta l-oppożizzjoni ssir fi żmien [tnax‑il] jum, din tiġi miċħuda bħala tardiva?

2.

L-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru 1393/2007], moqri flimkien mal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali li tipprevedi li n-notifika tal-formola standard li tinsab fl-Anness II, li tinforma lid-destinatarju rigward id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jirċievi l-att fi żmien ġimgħa, tiskatta wkoll id-dekorrenza tat-terminu ta’ [tmint] ijiem għall-preżentata ta’ rikors kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata li huwa nnotifikat simultanjament?

3.

L-Artikolu 18(1) [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi bħala rimedju kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata l-oppożizzjoni, li għandha ssir u tiġi mmotivata fi żmien [tmint] ijiem, u li dan it-terminu japplika wkoll meta d-destinatarju tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-imsemmi digriet ma jkun redatt la fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih dan id-digriet jiġi nnotifikat, u lanqas f’lingwa li d-destinatarju tad-digriet jifhem?”

IV. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

38.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, datata s‑6 ta’ Novembru 2020, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Jannar 2021.

39.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fit-terminu stabbilit skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

40.

Skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-Gvern Sloven, fid‑9 ta’ Novembru 2021, sabiex iwieġeb għal xi mistoqsijiet. It-tweġibiet bil-miktub għal dawn il-mistoqsijiet ġew ippreżentati fit-terminu stabbilit.

41.

Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma żżommx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

V. Analiżi ġuridika

A. Kummenti preliminari

42.

In-notifika tal-att promotur hija essenzjali fil-kuntest ta’ proċedura ċivili, għaliex tiddependi fuq li jiġi informat il-konvenut. F’kawżi transkonfinali, id-differenzi lingwistiċi u d-disparità tas-sistemi proċedurali jikkostitwixxu ostakoli għall-informar xieraq tal-konvenut u, għaldaqstant, għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet. Konxju minn dawn il-problemi, il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola n-notifika tal-atti promoturi sabiex tali proċedura tkun iktar effettiva ( 7 ). Għalhekk, minkejja li d-dritt tal-Unjoni huwa intiż sabiex jiżgura t-trażmissjoni ta’ atti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja billi jserraħ fuq il-proċeduri diġà stabbiliti mill-Istati Membri, ċerti aspetti madankollu kellhom ikunu suġġetti għal uniformità speċifika bil-għan li jintlaħqu soluzzjonijiet xierqa għall-problemi msemmija iktar ’il fuq ( 8 ).

43.

Dan huwa il-każ fir-rigward tad-dritt tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta att għal raġunijiet marbutin mal-fatt li huwa ma jkunx jifhem il-lingwa li biha d-dokumenti inkwistjoni jkunu redatti, previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, li jikkostitwixxi mekkaniżmu ta’ valur għas-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju. F’dan il-kuntest, għandu jissemma wkoll id-dritt li jiġi rrifjutat ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċizjoni, imsemmi fl-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, meta l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx nnotifikat lill-konvenut fi żmien xieraq u b’tali manjiera li jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu. Sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet ta’ dritt sekondarju huma intiżi sabiex jiggarantixxu d-difiża effettiva tad-destinatarju ta’ att ġudizzjarju ( 9 ), huwa neċessarju li dawn jiġu interpretati fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-possibbiltà tar-rilevanza tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE tirriżulta mill-ħtieġa li jiġu rrimedjati l-iżvantaġġi marbuta mad-diversità tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-proċedura ċivili fi ħdan l-Unjoni. L-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet hija s-suġġett tat-tliet domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju.

44.

Difiża effettiva tiddependi b’mod partikolari fuq iż-żmien li jkun hemm disponibbli għaliha, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu stabbiliti termini raġonevoli. Huwa preċiżament f’dan il-kuntest li tinħoloq il-problema dwar it-terminu ta’ tmint ijiem previst mil-leġiżlazzjoni Slovena. Kif ġie indikat fl-introduzzjoni ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 10 ), hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk dan it-terminu, kif ukoll ir-regoli għall-kalkolu tiegħu, jissodisfawx ir-rekwiżiti li jimponi l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 11 ). Sa fejn it-tieni domanda preliminari tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-bidu tad-dekorrenza tat-terminu, filwaqt li l-ewwel domanda tirrigwarda wkoll it-tul tat-terminu, inqis li għandha tiġi eżaminata qabel kollox it-tieni domanda preliminari.

B. Fuq it‑tieni domanda preliminari

45.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, jibda jiddekorri min-notifika jew mill-kommunikazzjoni ta’ tali att. Jekk fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għandu jibda jiddekorri biss mill-iskadenza tat-terminu ta’ ġimgħa, previst fl-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li fih ir-rifjut li att jiġi aċċettat għandu jiġi kkomunikat.

46.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda tista’ tiġi dedotta mill-qari tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1393/2007, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ser nispjega iktar ’il quddiem.

47.

L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1393/2007 jiddefinixxi l-kriterji dwar id-data li għandha tiġi kkunsidrata fir-rigward tan-notifika jew komunikazzjoni ta’ att. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistabbilixxi l-prinċipju li d-data tan-notifika jew komunikazzjoni hija dik li fiha tali notifikazzjoni jew komunikazzjoni sseħħ skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat mitlub, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-destinatarju. Minn din id-dispożizzjoni (“mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8”) jirriżulta b’mod ċar li tali prinċipju japplika meta d-destinatarju ta’ att ma jkunx għamel użu mid-dritt tiegħu li jirrifjuta skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007.

48.

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 joffri l-possibbiltà lid-destinatarju li jinnotifika jew jikkomunika r-rifjut tal-aċċettazzjoni ta’ att meta dan ma jkunx redatt jew akkumpanjat bi traduzzjoni f’lingwa li d-destinatarju jifhem, jew inkella fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru mitlub jew, jekk jeżistu diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni. Skont din id-dispożizzjoni, hija l-aġenzija li tirċievi li għandha tinforma lid-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament. Il-kundizzjonijiet li taħthom dan id-dritt jiġi mgħarraf lid-destinatarju għandhom ikunu indikati skont iċ-ċertifikat tan-notifika jew komunikazzjoni, jew tan-nuqqas tagħhom, tal-atti li jinsabu fl-Anness I tal-imsemmi regolament. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jippreċiża wkoll il-modalitajiet tar-rifjut tal-aċċettazzjoni ta’ att, jiġifieri, jew fil-mument tan-notifika jew tal-komunikazzjoni, inkella billi l-att jintbagħat lura lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa.

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att nnotifikat jew ikkomunikat tirriżulta min-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, konformement mar-rekwiżiti tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż, primarjament, għat-titjib tal-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajjef, b’xi mod jew ieħor, ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni ( 12 ).

50.

Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet l-importanza tal-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat, tant li kklassifikat tali possibbiltà bħala “dritt” tad-destinatarju ( 13 ). Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat il-fatt li “l-aġenzija li tirċievi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni”, li tinforma lid-destinatarju b’dan “billi tuża sistematikament għal dan il-għan il-formola standard”. Il-komunikazzjoni tal-formola standard tikkostitwixxi skont il-Qorti tal-Ġustizzja “rekwiżit proċedurali sostanzjali” ( 14 ). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li n-nuqqas tal-komunikazzjoni tal-formola standard ma hijiex raġuni għal invalidità, hija madankollu indikat li tali nuqqas jikkostitwixxi difett proċedurali li l-persuna li qiegħda tibgħat għandha tirrimedja billi tibgħat it-traduzzjoni tal-att f’lingwa li d-destinatarju jifhem jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru mitlub ( 15 ). Dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1393/2007.

51.

Konsegwentement, mill-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 9 tar-Regolament Nru 1393/2007, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, jirriżulta li, fis-sitwazzjoni fejn id-destinatarju tal-att innotifikat jew ikkomunikat ma jagħmilx użu mid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, it-terminu sabiex jeżerċita d-dritt għal azzjoni legali kontra l-att innotifikat jew ikkomunikat jibda jiddekorri mid-data tat-twettiq validu ta’ tali notifika jew komunikazzjoni.

52.

Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li ma huwiex neċessarju li jiġi pospost it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li toħroġ minn att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat skont ir-Regolament Nru 1393/2007 sabiex jiġi żgurat ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ att ġudizzjarju. Jidhirli li dawn id-drittijiet huma diġà suffiċjentement protetti mill-possibbiltà, għad-destinatarju, li jirrifjuta li jaċċetta att li ma huwiex redatt b’lingwa li hija infurzabbli kontrih ( 16 ). Sakemm l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament jitlob biss li d-destinatarju “jirreaġixxi” fil-mument tan-notifika jew tal-komunikazzjoni jew li jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi f’terminu ta’ ġimgħa, ma jistax jiġi affermat b’mod leġittimu li huma imposti fuq d-destinatarju rekwiżiti sproporzjonati sabiex jitħarsu l-interessi tiegħu.

53.

Ma jidhirlix li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jiġġustifikaw xi evalwazzjoni differenti. Minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat, jiġifieri d-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, wasal għand ir-rikorrenti, imbagħad għand il-konvenuti, bis-Sloven u li r-rikorrenti ġiet informata bid-dritt tagħha li tirrifjuta li tirċievi tali digriet permezz tal-formola bil-lingwa Ġermaniża li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat il-fatt li r-rikorrenti, irrappreżentata mill-konvenuti, ma għażlitx li tagħmel użu minn dan id-dritt, b’tali mod li d-data tan-notifika ta’ dan digriet għandha tiġi kkunsidrata, skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, bħala d-data li fiha r-rikorrenti effettivament daħlet fil-pussess tal-imsemmi digriet, jiġifieri fit‑30 ta’ Ottubru 2019.

54.

Fil-fatt, għalkemm il-partijiet fil-kawża prinċipali jallegaw li allegat żball ta’ komunikazzjoni wassal, għall-ewwel, sabiex jemmnu li d-digriet kien ġie nnotifikat fl‑4 ta’ Novembru 2019, xorta ma jikkontestawx il-fatt li, wara li wettqu verifika interna, huma setgħu jistabbilixxu li d-digriet ta’ eżekuzzjoni ġie effettivament aċċettat fit‑30 ta’ Ottubru 2019.

55.

Għaldaqstant, jidhirli li r-rikorrenti, irrappreżentata mill-konvenuti bħala mandatarji legali, intenzjonalment irrinunzjat għad-dritt kruċjali li jagħtiha r-Regolament Nru 1393/2007 ( 17 ). Konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax validament tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża għar-raġuni biss li t-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni kontra d-digriet ta’ eżekuzzjoni beda jiddekorri min-notifika tal-imsemmi digriet ( 18 ). Fid-dawl tal-fatt li dan l-argument huwa manifestament kuntrarju għall-aġir adottat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, inqis li dan għandu jiġi miċħud skont il-prinċipju tad-dritt li ħadd ma jista’ jikkontradixxi lilu nnifsu għad-detriment ta’ ħaddieħor (“venire contra factum proprium non valet”) ( 19 ).

56.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament Nru 1393/2007, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ kundanna li tipprovdi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li toħroġ minn att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat konformement mar-Regolament Nru 1393/2007 jibda jiddekorri min-notifika jew mill-komunikazzjoni tal-att inkwistjoni, u mhux biss wara li jiskadi l-perijodu ta’ ġimgħa li fih tista’ tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ dan l-att, kif previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

C. Fuq l‑ewwel domanda preliminari

1.   Ammissibbiltà

57.

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, adita b’azzjoni għad-danni kontra l-konvenuti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 sabiex tkun taf jekk it-terminu ta’ tmint ijiem previst mil-leġiżlazzjoni Slovena sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jippermettix l-eżerċizzju b’mod effettiv tad-dritt tad-difiża jew jekk dan it-terminu għandux iwassal, minħabba t-tul tiegħu u l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura Slovena ta’ oppożizzjoni, għar-rifjut tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ tali digriet.

58.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza b’tali mod li ma huwiex possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrifjuta li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, ħlief meta, b’mod partikolari, jidher manifestament li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika ( 20 ).

59.

Issa, għalkemm il-kwistjoni tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni tad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata fl-Awstrija ma tqumx peress li r-rikorrenti diġà ħallset id-dejn stabbilit permezz ta’ dan id-digriet, l-ewwel domanda tidher li tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza sa fejn il-qorti tar-rinviju għandha tkun tista’ teżamina l-mertu tal-argumenti mressqa mill-konvenuti insostenn tad-difiża tagħhom.

60.

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat, bi qbil mal-Kummissjoni, li, anki jekk formalment il-qorti tar-rinviju tirreferi, fl-ewwel domanda tagħha, għall-Artikoli 36 u 39 tar-Regolament Nru 1215/2012, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-dubji tagħha jirrigwardaw essenzjalment il-motiv tar-rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja fil-każ fejn l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat jew ikkomunikat lill-konvenut fi żmien xieraq għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża skont l-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament.

61.

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża ( 21 ), l-ewwel domanda magħmula għandha tinftiehem fis-sens li tirreferi għall-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament.

62.

Konsegwentement, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li jiġu rrifjutati r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija wara proċedura mhux kontradittorja, meta rikors kontra tali deċiżjoni għandu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ tmint ijiem, f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn il-konvenut jirrisjedi, jew inkella f’lingwa li jifhem il-konvenut.

2.   Fuq l‑eżistenza ta’ dritt li jiġu rrifjutati r‑rikonoxximent u l‑eżekuzzjoni tad‑digriet mogħti mill‑qrati Sloveni

63.

Kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien, tal-Artikolu 45(1)(b) u tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-każ fejn deċiżjoni tingħata b’kontumaċja, jekk l-att promotur jew att ekwivalenti ma jkunx ġie nnotifikat jew ikkomunikat lill-konvenut fi żmien xieraq u b’tali manjiera li jkun jista’ jħejji għad-difiża tiegħu, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjoni ma humiex meħtieġa, sakemm il-konvenut ma jkunx naqas milli jikkontesta d-deċiżjoni, meta kien possibbli li jagħmel hekk.

a)   L‑eżistenza ta’ “att promotur jew att ekwivalenti”

64.

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi eżaminat, qabel kollox, il-punt dwar jekk id-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata mogħti mill-qrati Sloveni fil-kuntest ta’ proċedura mhux kontradittorja jistax jiġi kklassifikat bħala “att promotur jew att ekwivalenti” fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

65.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, iffirmata fi Brussell fis‑27 ta’ Settembru 1968 ( 22 ), fejn id-dispożizzjonijiet tagħha huma, essenzjalment, ekwivalenti għar-Regolament Nru 1215/2012, li l-kunċett ta’ “att promotur” jew ta’ “att ekwivalenti” jindika att jew atti li huma debitament innotifikati jew ikkomunikati lill-konvenut fi żmien xieraq, b’tali mod illi l-konvenut ikun jista’ jinvoka d-drittijiet tiegħu qabel ma tingħata sentenza eżegwibbli fl-Istat ta’ oriġini ( 23 ).

66.

Dan huwa preċiżament il-każ fil-kawża prinċipali. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, id-digriet dwar l-eżekuzzjoni forzata adottat mill-qrati Sloveni kontra r-rikorrenti ma ngħatax abbażi ta’ titolu eżekuttiv definittiv, iżda abbażi biss ta’ fatturi u mingħajr ma nġabru minn qabel l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. In-notifika effettiva ta’ dan id-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata tagħti bidu għad-dekorrenza tat-terminu li matulu r-rikorrenti tista’ tressaq oppożizzjoni u tippreżenta l-eċċezzjonijiet tad-difiża tagħha.

67.

Konsegwentement, bħall-atti involuti fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑474/93, EU:C:1995:243), id-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata fil-kawża prinċipali għandu jiġi kklassifikat bħala “att promotur jew att ekwivalenti” fis-sens tal-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012.

68.

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tas‑27 ta’ Settembru 1968 jibqa’ applikabbli meta l-konvenut ikun oppona deċiżjoni li ngħatat b’kontumaċja u meta qorti tal-Istat ta’ oriġini tiddikjara l-oppożizzjoni bħala inammissibbli minħabba li t-terminu sabiex issir tali oppożizzjoni jkun skada. Peress li ċ-ċaħda tal-oppożizzjoni bħala inammissibbli tfisser li d-deċiżjoni mogħtija b’kontumaċja ma tiġix affettwata, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-għan ta’ dan l-artikolu jeżiġi li l-qorti li ġiet mitluba tipproċedi għall-eżami stabbilit mill-imsemmija dispożizzjoni ( 24 ).

b)   L‑eżerċizzju tad‑drittijiet tad‑difiża magħmul eċċessivament diffiċli

69.

Fil-kuntest ta’ din l-analiżi tqum, sussegwentement, il-kwistjoni dwar jekk it-terminu ta’ tmint ijiem previst mil-leġiżlazzjoni Slovena sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jagħtix lid-destinatarju ż-żmien neċessarju sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu, skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012.

70.

Dan ir-rekwiżit għandu jiġi interpretat fid-dawl tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta u, fl-istess waqt, tal-prinċipju ta’ effettività.

71.

Minn naħa, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi terminu fiss ta’ tmint ijiem sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata tista’, bħala prinċipju, tkun iġġustifikata peress li tiggarantixxi kemm ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru b’mod rapidu u sempliċi, kif ukoll iċ-ċertezza legali previsti fir-Regolament Nru 1215/2012. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm l-istrumenti tad-dritt tal-proċedura ċivili huma intiżi, l-ewwel nett, sabiex itejbu l-effikaċja u l-ħeffa tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajfu, b’xi mod jew ieħor, id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni ( 25 ).

1) Kriterji ġenerali żviluppati mill‑ġurisprudenza

72.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura ġudizzjarja tmurx kontra d-dritt għal rimedju effettiv, huwa neċessarju li jiġi stabbilit jekk il-modalitajiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni li jipprevedi d-dritt nazzjonali jwasslux għal riskju mhux żgħir li l-partijiet ikkonċernati ma jressqux l-oppożizzjoni meħtieġa ( 26 ). B’mod partikolari, it-terminu sabiex wieħed jipprepara u jippreżenta rikors effettiv għandu jkun materjalment suffiċjenti ( 27 ). Peress li l-proċeduri jistgħu jvarjaw, b’mod sinjifikattiv, minn ordinament ġuridiku nazzjonali għal ieħor, għandu jitfakkar li fost il-kriterji li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk terminu jiggarantixxix is-salvagwardja tad-drittijiet tad-difiża, hemm, fost oħrajn, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu kif ukoll il-kumplessità tal-proċeduri ( 28 ).

73.

F’dak li jirrigwarda din il-kawża, nikkunsidra li jekk destinatarju jiġi ppreżentat b’ordni ta’ ħlas, dan jinvolvi riskji kunsiderevoli għaliex tali deċiżjoni ġudizzjarja tolqot direttament l-interessi patrimonjali tiegħu. Din il-kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar meta l-ordni ta’ ħlas tkun, bħal f’dan il-każ, tikkonċerna somma għolja. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li, minbarra dan ir-riskju patrimonjali, jeżistu raġunijiet oħra konvinċenti u leġittimi, li jistgħu jiġġustifikaw il-ħtieġa li wieħed jiddefendi ruħu quddiem qorti, jiġifieri li jiġi evitat kull dannu għar-reputazzjoni marbut ma’ tali proċedura. Fil-fatt, kif tindika r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija kienet kostretta tħallas id-dejn għar-raġuni biss li hija kellha pretensjonijiet fuq debituri oħra fis-Slovenja, li setgħu jiġu rkuprati, u r-reputazzjoni tagħha kienet iġġarrab dannu kunsiderevoli li kieku tali dejn kien suġġett għal proċedura ta’ eżekuzzjoni. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, jidhirli li ma hemmx dubju li r-rikorrenti għandha interess ċar li tiddefendi ruħha kontra d-digriet mogħti mill-Okrajno sodišče v Ljubljana (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana). L-importanza tal-proċedura inkwistjoni għar-rikorrenti ma tistax għaldaqstant tiġi kkontestata.

74.

Fir-rigward tal-kumplessità tal-proċedura inkwistjoni, inqis li t-tressiq ta’ oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jeżiġi li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex, minn naħa, jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi li fihom ikun inħoloq id-dejn u, min-naħa l-oħra, jiġu invokati argumenti legali li jistgħu jikkontestaw il-validità ta’ dan id-dejn jew l-eżiġibbiltà tiegħu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli tal-proċedura ċivili dwar l-oneru tal-prova. Skont iċ-ċirkustanzi, kompitu bħal dan jista’ jkun partikolarment kumpless u, għalhekk, jeħtieġ l-assistenza ta’ konsulent legali, avukat jew professjonist legali ieħor.

75.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li dan l-aħħar aspett jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv l-evalwazzjoni ta’ jekk terminu proċedurali jistax jitqies suffiċjenti sabiex jiggarantixxi difiża effettiva ( 29 ). Sa fejn persuna li ma tkunx imħarrġa fil-qasam legali ġeneralment issib ruħha f’diffikultajiet kbar – li ma huwiex il-każ għal persuna li jkollha l-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza meħtieġa – hija jkollha bżonn terminu iktar ġeneruż. Madanakollu, peress li r-regoli kollha ta’ proċedura, b’mod ġenerali, ma jagħtu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-qorti nazzjonali għall-iffissar tat-termini, anki sabiex dawn jiġu estiżi, tali possibbiltà ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Konsegwentement, id-destinatarju ta’ att ġudizzjarju huwa marbut li josserva t-terminu stabbilit mingħajr ma jkun jista’ jibbenefika minn trattament iktar favorevoli.

76.

Fi kwalunkwe każ, jiena konvint li l-kumplessità ta’ proċedura ma tistax tiġi evalwata biss b’mod astratt. Huwa pjuttost neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet tal-proċedura inkwistjoni kollha kemm huma, kif jidher, bħala eżempju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ser nesponi iktar ’il quddiem.

2) Ix‑xebh mal‑kawża Profi Credit Polska

77.

F’dan ir-rigward, irrid nirrileva li fis-sentenza Profi Credit Polska, li kienet tikkonċerna sitwazzjoni komparabbli mal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE ( 30 ), li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas għandha titressaq f’terminu ta’ ġimagħtejn u li l-konvenut għandu jsemmi, fin-notifika ta’ oppożizzjoni tiegħu, il-motivi u l-eċċezzjonijiet imqajma kif ukoll jippreżenta l-fatti u l-provi li jippermettu lill-qorti tevalwa n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, twassal għar-riskju li l-konsumatur ma jressaqx oppożizzjoni jew li din tkun inammissibbli ( 31 ).

78.

Għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet, essenzjalment, il-proposta għal deċiżjoni li l-Avukata Ġenerali Kokott kienet ifformulat f’dik il-kawża, billi rreferiet iktar minn darba għall-analiżi legali li tinsab fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali. Jidhirli li dawn il-konklużjonijiet huma ta’ rilevanza partikolari f’din il-kawża, sa fejn dawn jgħinu sabiex wieħed jifhem aħjar ir-raġunijiet li wasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonkludi li l-modalitajiet proċedurali inkwistjoni setgħu jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt li titressaq oppożizzjoni ta’ ordni ta’ ħlas. B’mod iktar konkret, l-Avukata Ġenerali qieset li terminu ta’ ġimagħtejn “lanqas ma huwa wisq qasir jekk il-konsumatur irid biss isir attiv f’dan it-terminu”, u li tali terminu huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ effettività biss jekk il-konsumatur “ma jkollux għalfejn jissottometti l-fatti u l-provi li fuqhom huwa bbażat l-eżami tan-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt ta’ self” ( 32 ).

79.

Jidhirli li dan ir-raġunament huwa loġiku u applikabbli f’din il-kawża, fid-dawl tax-xebh li jeżisti bejn ir-regoli tal-proċedura eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Profi Credit Polska u dawk inkwistjoni f’din il-kawża. Sabiex wieħed jifhem aħjar l-analiżi, ser nesponi l-kriterji li fuqhom ibbażat ruħha l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq u li, fil-fehma tiegħi, huma ssodisfatti f’dan il-każ. Wara li nuri x-xebh bejn iż-żewġ kawżi, ser nispjega liema għandhom ikunu, fil-fehma tiegħi, il-konklużjonijiet li għandhom jirriżultaw fir-rigward tat-trattament ta’ din il-kawża.

i) L‑oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas

80.

Qabelxejn, għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li ż-żewġ kawżi għandhom bħala suġġett id-dritt li titressaq oppożizzjoni kontra digriet dwar ordni ta’ ħlas. Is-sitwazzjoni proċedurali tad-destinatarju tal-att ġudizzjarju f’dawn iż-żewġ kawżi hija, essenzjalment, l-istess fis-sens li d-destinatarju huwa mġiegħel jiddefendi ruħu kontra deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fl-assenza ta’ proċedura kontradittorja minn qabel u mingħajr titolu eżekuttiv, abbażi biss tal-allegazzjonijiet tar-rikorrent li jkun qiegħed jitlob l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni, filwaqt li l-funzjonijiet tal-qorti adita bil-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas huma limitati għall-verifika tar-regolarità formali tad-dokumenti li jiċċertifikaw l-eżistenza ta’ dejn ( 33 ).

ii) L‑obbligu tad‑destinatarju tal‑att ġudizzjarju li jimmotiva l‑oppożizzjoni tiegħu

81.

Bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża Profi Credit Polska, il-leġiżlazzjoni Slovena li qiegħda tiġi eżaminata f’din il-kawża teżiġi li l-oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata għandha tkun immotivata u, b’mod partikolari, għandhom jiġu ppreżentati ċerti fatti u provi insostenn tagħhom ( 34 ). Għaldaqstant, ir-rekwiżiti proċedurali imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fiż-żewġ kawżi huma relattivament stretti sa fejn ma huwiex biżżejjed li d-destinatarju tal-att ġudizzjarju “jirreaġixxi” għad-digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, pereżempju, billi jesprimi, inizjalment, ix-xewqa li jiddefendi ruħu, billi jkun awtorizzat jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub fi stadju ulterjuri tal-proċedura fejn it-terminu applikabbli jkun itwal.

82.

Fil-fatt, f’din il-kawża, id-destinatarju tal-att ġudizzjarju huwa obbligat jippreżenta risposta “kompleta”, li tinkludi l-punti kollha ta’ fatt u ta’ prova rilevanti, f’terminu li jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet, li jimplika sforz kunsiderevoli, kif diġà spjegajt ( 35 ). Fid-dawl tal-fatt li tali kompitu ma jistax jitwettaq fil-każijiet kollha mingħajr mad-destinatarju jibbenefika minn pariri legali ta’ avukat jew ta’ professjonist legali ieħor, huwa loġiku li jiġi konkluż li tali rekwiżit iwassal għar-riskju li d-destinatarju tal-att ġudizzjarju ma jkunx jista’ jressaq l-oppożizzjoni jew li din tkun inammissibbli.

iii) It‑terminu sabiex titressaq oppożizzjoni huwa ta’ inqas minn ġimagħtejn

83.

Huwa ġeneralment irrikonoxxut fil-prattika legali li l-fatt li wieħed jiddisponi minn żmien xieraq jikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għall-preparazzjoni xierqa tad-difiża legali. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, bħala wieħed mill-elementi li jikkaratterizzaw is-smigħ xieraq, il-garanzija tad-dritt għal żmien xieraq għall-preparazzjoni tad-difiża hija espressjoni tal-Istat tad-dritt ( 36 ). Għal dawn ir-raġunijiet, huwa loġiku li jiġi preżunt li, iktar ma jkun twil it-terminu sabiex jintlaħaq att proċedurali, iktar il-preparazzjoni tkun tista’ ssir bir-reqqa.

84.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, irrid nirrileva li, f’din il-kawża, it-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni għal digriet ta’ eżekuzzjoni forzata huwa ta’ tmint ijiem biss, li ma jistax jiġi estiż, filwaqt li fil-kawża Profi Credit Polska dan it-terminu kien ta’ ġimagħtejn ( 37 ). Għandu jiġi rrilevat ukoll li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Sloven fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din il-leġiżlazzjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni l-vaganzi pubbliċi jew mhux maħduma, sakemm dawn ma jaqgħux fl-aħħar jum tat-terminu. F’każ bħal dan, it-terminu jiskadi fit-tmiem tal-ewwel jum ta’ xogħol sussegwenti. Il-leġiżlazzjoni Slovena inkwistjoni hija għalhekk ħafna iktar restrittiva u tqajjem, minħabba f’hekk, iktar diffikultajiet għad-difiża. Konsegwentement, il-kritika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-qosor tat-terminu previst fiċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza Profi Credit Polska għandha tgħodd iktar u iktar f’din il-kawża.

iv) L‑obbligu li jitħallsu l‑ispejjeż legali

85.

Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Slovena hija simili għal-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni fil-kawża Profi Credit Polska sa fejn din teżiġi il-ħlas tal-ispejjeż legali. Fil-fatt, konformement mal-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-konvenuti rċevew mingħand l-Okrajno sodišče v Ljubljana (il-Qorti Distrettwali ta’ Ljubljana) talba għall-ħlas, f’terminu ta’ tmint ijiem, tal-ispejjeż legali, obbligu li ġie onorat fil-ħin ( 38 ).

86.

Għalkemm l-ammont imħallas f’dan il-każ ma jidhirx li huwa partikolarment għoli, ma għandux jiġi injorat il-fatt li l-obbligu tal-ħlas tal-ispejjeż legali jikkostitwixxi, fi kwalunkwe każ, rekwiżit amministrattiv li għandu jiġi osservat. Barra minn hekk, ma jistax jiġi eskluż li jeżistu każijiet oħra fejn id-destinatarju ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jkun obbligat iħallas ammonti iktar sinjifikattivi. Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li huwa raġonevoli li jiġi preżunt, għall-finijiet ta’ din l-analiżi, li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni, li timponi l-obbligu li jitħallsu l-ispejjeż legali f’terminu partikolarment qasir, tista’ tiddisswadi lid-destinatarju tal-att ġudizzjarju milli jressaq oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas, kif korrettament qieset il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ċċitata iktar ’il fuq ( 39 ).

v) Il‑livell ta’ diliġenza mistenni minn individwu fir‑relazzjonijiet legali tiegħu

87.

Differenza ta’ natura fattwali bejn iż-żewġ kawżi, li tikkonċerna l-istatus tad-destinatarju tal-att ġudizzjarju rispettiv, teħtieġ xi osservazzjonijiet min-naħa tiegħi. Jiena konxju dwar il-fatt li l-imprendituri huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ diliġenza iktar stretti mill-konsumaturi fir-rigward tar-relazzjonijiet legali tagħhom. Kumpannija ġeneralment ikollha ċerta għarfien u esperjenza fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali mal-imsieħba kummerċjali u mal-klijenti tagħha, li jippermettulha taġixxi b’aktar kapaċità fid-dinja tan-negozju. Sa fejn dan ma huwiex ovvjament il-każ għal konsumatur, dan tal-aħħar għandu t-tendenza li jiġi kkunsidrat bħala partikolarment jixraqlu l-protezzjoni. Din l-idea hija espressa fil-ġurisprudenza estensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-Direttiva 93/13 ( 40 ), li fiha wieħed isib is-sentenza Profi Credit Polska. Fil-fatt, l-istudju ta’ din is-sentenza juri raġunament ġuridiku mmexxi mill-għan li jiġu protetti l-konsumaturi, peress li, kif tindika l-Qorti tal-Ġustizzja, dawn jinsabu f’sitwazzjoni inferjuri meta mqabbla mal-kummerċjanti ( 41 ).

88.

Madanakollu, ma naħsibx li dan il-fatt huwa, fih innifsu, ta’ natura li jinfluwenza l-analiżi b’mod determinanti. Indipendentement mill-fatt li f’din il-kawża l-ordni ta’ ħlas hija indirizzata lil kumpannija attiva fil-qasam tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija, jiġifieri lil kummerċjant, jidhirli li terminu ta’ tmint ijiem huwa qasir wisq sabiex wieħed ikun jista’ jeżerċita b’mod sħiħ id-dritt għal difiża effettiva. Konsegwentement, f’dan l-istadju tal-analiżi għandu jitqies li, anki jekk tiġi applikata diliġenza rigoruża, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tissodisfax ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni.

3) Sinteżi tal‑analiżi

89.

Din il-kunsiderazzjoni tax-xebh bejn iż-żewġ kawżi turi l-ostakoli li jaffaċċja d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. F’dan il-każ, huwa ċar li r-rekwiżiti imposti mir-regoli tal-proċedura nazzjonali jinjoraw il-fatt li d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju li jkollu l-karatteristiċi ta’ digriet ta’ eżekuzzjoni forzata, li ma jużax id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta n-notifika jew il-kommunikazzjoni tal-imsemmi att, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, għandu bżonn ċertu żmien sabiex isir familjari mal-kontenut tad-dokumenti trażmessi, ifittex parir legali mingħand avukat jew professjonist legali ieħor, iħallas l-ispejjeż legali kollha meħtieġa mil-liġi, sabiex jipprepara d-difiża tiegħu ( 42 ), iwettaq kwalunkwe traduzzjoni tad-dokumenti u jibgħat ir-risposta li jkun fiha l-fatti u l-evidenza rilevanti kollha lill-qorti adita mill-kreditur li jkollha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor.

90.

Il-kunsiderazzjonijiet esposti f’dawn il-konklużjonijiet juru li huwa imperattiv li jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-aspetti kollha waqt l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk it-terminu sabiex issir oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata jippermettix li jiġi eżerċitat b’mod effettiv id-dritt tad-difiża. Fl-aħħar mill-aħħar, in-natura dissważiva ta’ tali terminu hija ir-riżultat ta’ bosta fatturi marbuta mar-rekwiżiti proċedurali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Minn din il-perspettiva, nikkunsidra li, jekk jiġi stabbilit li t-terminu inkwistjoni jippreġudika l-imsemmi dritt tad-difiża minħabba t-tul tiegħu u l-karatteristiċi partikolari tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, din il-konstatazzjoni għandha twassal għar-rifjut tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni ta’ tali digriet, għaliex huwa l-uniku mod kif tista’ tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata.

91.

Peress li, fil-kawża prinċipali, il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Slovena għall-eżerċizzju ta’ oppożizzjoni kontra ordni ta’ ħlas huma daqstant u saħansitra iktar restrittivi minn dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Pollakka fil-kawża Profi Credit Polska, inqis li dawn jistgħu, fl-intier tagħhom, jagħmlu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt li titressaq oppożizzjoni skont l-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta ( 43 ).

92.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nosserva li – bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-kriterji msemmija fil-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet – il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tad-difiża ma hijiex iggarantita f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali. Konsegwentement, inqis li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ digriet dwar ordni ta’ ħlas mogħtija f’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu rrifjutati.

3.   Risposta għall‑ewwel domanda preliminari

93.

Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari tkun li l-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 1215/2012, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li ma tkunx ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja għandhom jiġu rrifjutati meta rikors kontra d-deċiżjoni jkollu jiġi ppreżentat f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-konvenut jirrisjedi jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn jirrisjedi, u li, skont id-dritt tal-Istat Membru li fih id-deċiżjoni ngħatat, it-terminu mhux rinnovabbli sabiex wieħed jippreżenta r-rikors ikun biss ta’ tmint ijiem kalendarji.

D. Fuq it‑tielet domanda preliminari

94.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata għandha tkun immotivata u titressaq f’terminu ta’ tmint ijiem, indipendentement mill-fatt li d-destinatarju ta’ dan id-digriet ikun stabbilit fi Stat Membru ieħor u meta l-imsemmi digriet ma jkun redatt la f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru mitlub, u lanqas f’lingwa li d-destinatarju tad-digriet jifhem.

95.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, għandu jitfakkar, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li dan l-artikolu huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni ( 44 ).

96.

Skont l-Artikolu 18 TFUE, hija pprojbita kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li tinkludi diversi forom ta’ diskriminazzjoni indiretta, pereżempju permezz tal-użu ta’ sistemi lingwistiċi speċifiċi ( 45 ). F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna r-Regolament Nru 1393/2007, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 8 jipprojbixxi d-diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa tal-partijiet fil-kawża, b’tali mod li ma hemmx lok li tingħata interpretazzjoni awtonoma tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE.

97.

Għal dak li jirrigwarda r-Regolament Nru 1215/2012, għandu jingħad li, f’kawża li ttrattat il-kwistjoni dwar jekk il-karatteristiċi tad-dritt Kroat fil-qasam ta’ digrieti ta’ eżekuzzjoni forzata maħruġa minn nutara fil-Kroazja fuq il-bażi ta’ dokument awtentiku, liema digrieti la setgħu jiġu rrikonoxxuti u lanqas eżegwiti fi Stat Membru ieħor abbażi ta’ dan ir-regolament, humiex diskriminatorji skont l-Artikolu 18 TFEU, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod awtonomu tali artikolu, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra dwar in-nondiskriminazzjoni fil-kuntest tal-imsemmi regolament ( 46 ).

98.

L-Artikolu 18 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u jipprojbixxi dawk il-miżuri kollha li jimponu fuq ċittadin ta’ Stat Membru ieħor trattament differenti li jqiegħed tali persuna f’sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt żvantaġġuża meta mqabbla maċ-ċittadini tal-Istat Membru. Dan l-artikolu għaldaqstant jgħin sabiex jiġi evitat, fil-qasam tad-dritt tal-Unjoni, it-trattament divers ta’ sitwazzjonijiet komparabbli u viċe versa.

99.

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, irrappreżentata mill-konvenuti, iddeċidiet li ma teżerċitax id-dritt tagħha li tirrifjuta n-notifika jew il-komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 47 ). Għaldaqstant, hija qiegħdet lilha nnifisha fl-istess sitwazzjoni bħaċ-ċittadini Sloveni, fir-rigward tat-terminu sabiex titressaq oppożizzjoni kontra digriet ta’ eżekuzzjoni forzata. Barra minn hekk, il-Gvern Sloven ġibed l-attenzjoni wkoll għal dan il-punt fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu. Għalhekk, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni Slovena tistabbilixxi trattament differenti skont in-nazzjonalità.

100.

Sa fejn, l-ewwel, japplikaw regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni għall-każ inkwistjoni u li, it-tieni, id-destinatarju tal-att ġudizzjarju rrinunzja volontarjament milli jiġi ttrattat b’mod differenti miċ-ċittadini Sloveni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni, ma narax kif għandu jiġi applikat l-Artikolu 18 TFUE. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għalhekk ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Madankollu nqis li huwa xieraq li nindika dan b’mod espliċitu lill-qorti tar-rinviju, sabiex ikun hemm ċarezza u jinftehmu aħjar ir-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħti għad-domandi preliminari magħmula minnha.

101.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju rrinunzja milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-imsemmi att skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.

VI. Konklużjoni

102.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bezirksgericht Bleiburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Bleiburg, l-Awstrija) kif ġej:

1)

L-Artikolu 8(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat ta’ kundanna li tipprovdi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li toħroġ minn att ġudizzjarju nnotifikat jew ikkomunikat konformement mar-Regolament Nru 1393/2007 jibda jiddekorri min-notifika jew mill-komunikazzjoni tal-att inkwistjoni, u mhux biss wara li jiskadi l-perijodu ta’ ġimgħa li fih tista’ tiġi rrifjutata l-aċċettazzjoni ta’ dan l-att, kif previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.

2)

L-Artikolu 45(1)(b) u l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li hemm lok li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li ma tkunx ingħatat fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja għandhom jiġu rrifjutati meta rikors kontra d-deċiżjoni jkollu jiġi ppreżentat f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-konvenut jirrisjedi jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dan l-Istat Membru, f’lingwa li ma hijiex il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn jirrisjedi, u li, skont id-dritt tal-Istat Membru li fih id-deċiżjoni ngħatat, it-terminu mhux rinnovabbli sabiex wieħed jippreżenta r-rikors ikun biss ta’ tmint ijiem kalendarji.

3)

L-Artikolu 18 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal sitwazzjoni li fiha d-destinatarju ta’ att ġudizzjarju rrinunzja milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-imsemmi att skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 393/2007.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, rettifika fil-ĠU 2015, L 68, p. 91).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 4 ) Reig Fabado, I., “Los Documos Privados y el Reglamento 1393/2007 de notificaciones y traslado”, Cuadernos de Derecho Transnacional, 2017, Vol. 9, Nru 2, p. 678, jispjega li, jekk ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern u li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, tali regolament jagħti importanza partikolari għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-destinatarju ta’ att ġudizzjarju.

( 5 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 71), u tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 48).

( 6 ) Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) (ĠU 2020, L 405, p. 40).

( 7 ) Ara Menétrey, S. u Richard, V., “Le silence du défendeur dans le procès international: paroles de droit judiciaire européen”, Les Cahiers de Droit, Vol. 56, Nru 3-4, Settembru-Diċembru 2015, p. 497.

( 8 ) Ara Gascón Inchausti, F., “Service of proceedings on the defendant as a safeguard of fairness in civil proceedings: in search of minimum standards from EU legislation and European case-law”, Journal of Private International Law, Vol. 13, 2017, Nru 3, p. 511.

( 9 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ dokument jirċievi realment id-dokument inkwistjoni, iżda wkoll li jitqiegħed f’pożizzjoni li jieħu konjizzjoni kif ukoll li jifhem b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż, b’tali mod li jista’ jinvoka validatament id-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru li jibgħat” (ara s-sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 32), u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 34)). Enfasi miżjuda minni.

( 10 ) Ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Martínez Santos, A., “Protección efectiva de los derechos del consumidor, acceso a la justicia y control judicial de las cláusulas abusivas en el juicio cambiario: a propósito de un pronunciamiento reciente del Tribunal de Justicia de la Unión Europea”, Revista Española de Derecho Europeo, Nru 71, Lulju-Settembru 2019, p. 122, josserva li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet mill-ġdid b’mod gradwali l-limiti tradizzjonali tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri permezz ta’ stħarriġ dwar il-konformità tad-dispożizzjonijiet proċedurali nazzjonali mal-Artikolu 47 tal-Karta.

( 12 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 3031); tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 51), u tas‑6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe (C‑21/17, EU:C:2018:675, punt 33).

( 13 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49).

( 14 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 58).

( 15 ) Sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 61).

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, Ulrici, B., “Verfahrensrecht: Sprachregelung bei der Zustellung eines europäischen Zahlungsbefehls”, Europäische Zeitschrift für Wirtschaftsrecht, 2018, p. 1004, li jenfasizza l-protezzjoni proċedurali li jibbenefika minnha d-debitur li jkollu ordni għal ħlas, permezz tad-dritt ta’ rifjut stabbilit fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1393/2007. Kif jindika l-awtur, id-drittijiet tad-difiża huma diġà miksura meta n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-formola li tinsab fl-Anness II tkun seħħet b’lingwa li ma hijiex aċċettata u d-debitur ma jkunx ġie informat korrettament bid-dritt tiegħu ta’ rifjut.

( 17 ) Kif tispjega l-Avukata Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet tagħha fil-kawża Weiss und Partner (C‑14/07, EU:C:2007:737, punt 86), huwa possibbli f’ċertu kundizzjonijiet li jiġi validament irrinunzjat id-dritt li tiġi rrifjutata l-aċċettazjoni ta’ att ġudizzjarju.

( 18 ) Ara, f’dan ir-rigward, Okonska, A., Internationaler Rechtsverkehr in Zivil – und Handelssachen, (Geimer, R. u Schütze, R.), Munich, 2021, Artikolu 8 VO (EG) 1393/2007, punt 2, kif ukoll Drehsen, M., “Zustellung gerichtlicher Schriftstücke im Rahmen der EuMahnVO”, Praxis des internationalen Privat – und Verfahrensrechts, 2019, Vol. 5, p. 385, li jispjegaw li l-atti li għandhom jiġu nnotifikati bejn l-Istati Membri ma għandhomx neċessarjament jiġu tradotti, u dan jippermetti li jiġu ffrankati l-ħin u l-flus. Konsegwentement, id-destinatarju jista’ jirċievi dokument li ma huwiex tradott f’lingwa li ma jifhimx. Fid-dawl tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq, huwa għandu l-possibbiltà li jirrifjuta li jaċċetta dan id-dokument fil-mument tan-notifika tiegħu jew li jibgħat tali dokument lura. Jekk id-dokument mhux tradott ma jiġix irrifjutat minkejja li d-destinatarju kien mgħarraf bid-drittijiet tiegħu, in-notifika hija effettiva, irrispettivament mill-kompetenzi lingwistiċi attwali tad-destinatarju.

( 19 ) L-effett legali tad-dritt “venire contra factum proprium non valet” huwa li l-parti li, permezz tar-rikonoxximent tagħha, tar-rappreżentazzjoni tagħha, tad-dikjarazzjoni tagħha, tal-aġir tagħha, jew tas-silenzju tagħha, żammet attitudni manifestament kuntrarja għad-dritt li hija tallega quddiem qorti ma tistax tinvoka dan id-dritt (ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni individwali tal-Viċi President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja Ricardo J. Alfaro fil-“kawża tat-Tempju ta’ Preah Vihear”, Il‑Kambodja vs It‑Tajlandja, Rapporti tal-QIĠ, 1962, p. 6 et seq., kif ukoll Gaillard, E., “L’interdiction de se contredire au détriment d’autrui comme principe général du droit du commerce international”, Revue de l’arbitrage, 1985, p. 241 et seq.).

( 20 ) Sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et (C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 42).

( 21 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 2019, Moro (C‑646/17, EU:C:2019:489, punt 40), u tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia (C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50).

( 22 ) ĠU 1972, L 299, p. 32.

( 23 ) Sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1995, Hengst Import (C‑474/93, EU:C:1995:243, punt 19).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 1981, Klomps (166/80, EU:C:1981:137, punti 1213).

( 25 ) Sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 51).

( 26 ) Sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 39), u Profi Credit Polska (punt 61).

( 27 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 57).

( 28 ) Sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punt 53).

( 29 ) Mis-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Ċaħda ta’ talba sussegwenti – Terminu għall-preżentata ta’ rikors) (C‑651/19, EU:C:2020:681, punti 6263), jirriżulta li l-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn rappreżentanza legali għandha effett deċiżiv fuq l-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk terminu proċedurali jistax jitqies bħala suffiċjenti sabiex jiggarantixxi difiża effettiva.

( 30 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

( 31 ) Sentenza Profi Credit Polska (punti 62 sa 67).

( 32 ) Konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Profi Credit Polska (C‑176/17, EU:C:2018:293, punt 79).

( 33 ) Sentenza Profi Credit Polska (punti 28 u 29).

( 34 ) Sentenza Profi Credit Polska (punt 65).

( 35 ) Ara l-punt 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) L-Artikolu 6(3)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipprovdi li “[k]ull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin: […] li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu” (enfasi miżjuda minni). Minkejja li l-formulazzjoni tal-artikolu tissuġġerixxi rabta unikament mal-proċeduri kriminali, din id-dispożizzjoni ġiet applikata wkoll għall-proċedura amministrattiva u ċivili mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara Qorti EDH, 17 ta’ Marzu 2015, Adorisio et vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, 47315/13 et al., CE:ECHR:2015:0317DEC004731513, dwar terminu qasir għal appell).

( 37 ) Sentenza Profi Credit Polska (punt 66).

( 38 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Sentenza Profi Credit Polska (punti 67 u 68).

( 40 ) Ara is-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Mostaza Claro (C‑168/05, EU:C:2006:675, punti 2526).

( 41 ) Sentenza Profi Credit Polska (punt 40).

( 42 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 48), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar [Titolu Eżekuttiv Ewropew] għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), moqri fid-dawl tal-premessa 12 tiegħu, fejn jirriżulta li d-debitur għandu jiġi informat b’mod xieraq bid-dejn sabiex ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu.

( 43 ) Sladič, J., “Evropska izterjava in zavarovanje terjatev s prikazom postopka v Sloveniji in Avstriji”, Pravosodni bilten, 40 (2019), Vol. 3, p. 27 u 28, jesprimi wkoll dubji dwar il-kompatibbiltà tat-terminu ta’ tmint ijiem previst mil-leġiżlazzjoni Slovena mad-dritt tal-Unjoni billi jirreferi preċiżament għax-xebh li hemm mal-leġiżlazzjoni Pollakka li kienet is-suġġett tal-kawża Profi Credit Polska.

( 44 ) Sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1993, Werner (C‑112/91, EU:C:1993:27, punt 19), tal‑10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach (C‑25/10, EU:C:2011:65, punt 18), tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger (C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25), u tad‑29 ta’ Ottubru 2015, Nagy (C‑583/14, EU:C:2015:737, punt 24).

( 45 ) Sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz (C‑274/96, EU:C:1998:563, punt 31), u tas‑27 ta’ Marzu 2014, Grauel Rüffer (C‑322/13, EU:C:2014:189, punt 27).

( 46 ) Sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2020, Parking u Interplastics (C‑267/19 u C‑323/19, EU:C:2020:351, punt 45).

( 47 ) Ara l-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

Top