Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0080

    Kawżi Magħquda C-80/21 sa 82/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie – il-Polonja) – E.K., S.K. vs D.B.P. (C-80/21), u B.S., W.S. vs M. (C-81/21), u B.S., Ł.S. vs M. (C-82/21) (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) – Kuntratti ta’ kreditu ipotekarju – Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola – Preskrizzjoni – Prinċipju ta’ effettività)

    ĠU C 408, 24.10.2022, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 408/15


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tat-8 ta’ Settembru 2022 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie – il-Polonja) – E.K., S.K. vs D.B.P. (C-80/21), u B.S., W.S. vs M. (C-81/21), u B.S., Ł.S. vs M. (C-82/21)

    (Kawżi Magħquda C-80/21 sa 82/21) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Artikolu 6(1) u Artikolu 7(1) - Kuntratti ta’ kreditu ipotekarju - Effetti tal-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola - Preskrizzjoni - Prinċipju ta’ effettività)

    (2022/C 408/17)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Sąd Rejonowy dla Warszawy – Śródmieścia w Warszawie

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: E.K., S.K. (C-80/21), B.S., W.S. (C-81/21), B.S., Ł.S. (C-82/21)

    Konvenuti: D.B.P. (C-80/21), M. (C-81/21), M. (C-82/21)

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’ tikkonstata n-natura inġusta, mhux tal-klawżola kollha ta’ kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, iżda biss tal-elementi tagħha li jagħtuha natura inġusta, b’tali mod li din il-klawżola tibqa’, wara t-tħassir ta’ tali elementi, parzjalment effettiva, meta tali tħassir jkollu l-effett ta’ reviżjoni tal-kontenut tal-imsemmija klawżola billi jaffettwa s-sustanza tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

    2)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tikkonstata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li ma twassalx għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi din il-klawżola b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari.

    3)

    L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li l-qorti nazzjonali tista’, wara li tkun ikkonstatat in-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur li twassal għan-nullità ta’ dan il-kuntratt fl-intier tiegħu, tissostitwixxi l-klawżola annullata jew b’interpretazzjoni tar-rieda tal-partijiet sabiex jiġi evitat l-annullament tal-imsemmi kuntratt, jew b’dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari, minkejja li l-konsumatur ikun ġie informat bil-konsegwenzi tan-nullità tal-istess kuntratt u jkun aċċettahom.

    4)

    Id-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività,

    għandha tiġi interpretata fis-sens li:

    tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tipprovdi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin tal-azzjoni tal-konsumatur intiża sabiex jinkiseb ir-rimbors ta’ ammonti mħallsa indebitament lil bejjiegħ jew fornitur b’eżekuzzjoni ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt ta’ kreditu jibda jiddekorri mid-data ta’ kull ħlas eżegwit mill-konsumatur, minkejja li dan tal-aħħar ma kienx f’pożizzjoni, f’din id-data, li jevalwa huwa stess in-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali, jew ma kienx jaf bin-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, u mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li dan il-kuntratt kellu tul ta’ rimbors, f’dan il-każ ta’ tletin sena, ħafna itwal mit-terminu ta’ preskrizzjoni legali ta’ għaxar snin.


    (1)  ĠU C 242, 21.06.2021.


    Top