Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CA0054

    Kawża C-54/21: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Rabà Awla) tas-17 ta’ Novembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza – il-Polonja) – Antea Polska S.A., Pectore-Eco sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy vs Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie (Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti – Artikolu 18 – Trasparenza – Artikolu 21 – Kunfidenzjalità – Adattament ta’ dawn il-prinċipji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali – Dritt ta’ aċċess għall-kontenut essenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-offerenti dwar l-esperjenzi u r-referenzi tagħhom, dwar il-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u dwar id-disinn tal-proġetti previsti u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni – Artikolu 67 – Kriterji għall-għoti tal-kuntratt – Kriterji dwar il-kwalità tax-xogħlijiet jew servizzi proposti – Rekwiżit ta’ preċiżjoni – Direttiva 89/665/KEE – Artikolu 1(1) u (3) – Dritt għal rimedju effettiv – Rimedju fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dritt minħabba r-rifjut li jingħata aċċess għall-informazzjoni mhux kunfidenzjali)

    ĠU C 15, 16.1.2023, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    16.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 15/11


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Rabà Awla) tas-17 ta’ Novembru 2022 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza – il-Polonja) – Antea Polska S.A., Pectore-Eco sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy vs Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie

    (Kawża C-54/21) (1)

    (Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2014/24/UE - Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti - Artikolu 18 - Trasparenza - Artikolu 21 - Kunfidenzjalità - Adattament ta’ dawn il-prinċipji fil-leġiżlazzjoni nazzjonali - Dritt ta’ aċċess għall-kontenut essenzjali tal-informazzjoni trażmessa mill-offerenti dwar l-esperjenzi u r-referenzi tagħhom, dwar il-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt u dwar id-disinn tal-proġetti previsti u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni - Artikolu 67 - Kriterji għall-għoti tal-kuntratt - Kriterji dwar il-kwalità tax-xogħlijiet jew servizzi proposti - Rekwiżit ta’ preċiżjoni - Direttiva 89/665/KEE - Artikolu 1(1) u (3) - Dritt għal rimedju effettiv - Rimedju fil-każ ta’ ksur ta’ dan id-dritt minħabba r-rifjut li jingħata aċċess għall-informazzjoni mhux kunfidenzjali)

    (2023/C 15/10)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Krajowa Izba Odwoławcza

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Antea Polska S.A., Pectore-Eco sp. z o.o., Instytut Ochrony Środowiska – Państwowy Instytut Badawczy

    Konvenut: Państwowe Gospodarstwo Wodne Wody Polskie

    Fil-preżenza ta’: Arup Polska sp. z o.o., CDM Smith sp. z o.o., Multiconsult Polska sp. z o.o., Arcadis sp. z o.o., Hydroconsult sp. z o.o. Biuro Studiów i Badań Hydrogeologicznych i Geofizycznych

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 21(1), moqrija flimkien mal-Artikolu 50(4) u mal-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

    jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi li teżiġi li, bl-eċċezzjoni biss tas-sigrieti tan-negozju, l-informazzjoni trażmessa mill-offerenti lill-awtoritajiet kontraenti tkun kompletament ippubblikata jew ikkomunikata lill-offerenti l-oħra, kif ukoll prattika tal-awtoritajiet kontraenti li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni sistematika tat-talbiet għal trattament kunfidenzjali bħala sigriet tan-negozju.

    2)

    L-Artikolu 18(1), l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 55(3) tad-Direttiva 2014/24,

    għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti:

    għandha, sabiex tiddetermina jekk hijiex ser tirrifjuta, lil offerent li l-offerta ammissibbli tiegħu tkun ġiet miċħuda, l-aċċess għall-informazzjoni li l-offerenti l-oħra jkunu ppreżentaw dwar l-esperjenza rilevanti tagħhom u r-referenzi relatati magħha, dwar l-identità u l-kwalifiki professjonali tal-persuni proposti għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt jew tas-subappaltaturi, u dwar id-disinn tal-proġetti li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt u l-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tiegħu, tevalwa jekk din l-informazzjoni għandhiex valur kummerċjali li ma huwiex limitat għall-kuntratt pubbliku kkonċernat, peress li l-iżvelar tagħha jista’ jippreġudika interessi kummerċjali leġittimi jew il-kompetizzjoni leali;

    tista’, barra minn hekk, tirrifjuta li tagħti aċċess għal din l-informazzjoni meta, anki jekk din ma jkollhiex tali valur kummerċjali, l-iżvelar tagħha jkun ta’ ostakolu għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew ikun imur kontra interess pubbliku, u

    għandha, meta l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni jiġi rrifjutat, tagħti lill-imsemmi offerent aċċess għall-kontenut essenzjali ta’ din l-istess informazzjoni, b’mod li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv.

    3)

    L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-Artikolu 67(4) tagħha,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    ma jipprekludix li jiġu inklużi, fost il-kriterji għall-għoti tal-kuntratt, id-“disinn tal-iżvilupp tal-proġetti” li t-twettiq tagħhom huwa previst fil-kuntest tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni u d-“deskrizzjoni tal-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni” ta’ dan il-kuntratt, sakemm dawn il-kriterji jkunu akkumpanjati minn preċiżazzjonijiet li jippermettu lill-awtorità kontraenti tevalwa l-offerti ppreżentati b’mod konkret u oġġettiv.

    4)

    L-Artikolu 1(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata bid-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014,

    għandu jiġi interpretat fis-sens li:

    fil-każ ta’ konstatazzjoni, waqt it-trattament ta’ appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, ta’ obbligu għall-awtorità kontraenti li tiżvela lir-rikorrent informazzjoni li b’mod żbaljat kienet ġiet ittrattata bħala kunfidenzjali u ta’ ksur tad-dritt għal rimedju effettiv minħabba n-nuqqas ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni, din il-konstatazzjoni ma għandhiex neċessarjament twassal għall-adozzjoni, minn din l-awtorità kontraenti, ta’ deċiżjoni ġdida ta’ għoti tal-kuntratt, sakemm id-dritt proċedurali nazzjonali jippermetti lill-qorti adita li tadotta, matul il-kawża, miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv jew jippermettilha li tqis li r-rikorrent jista’ jressaq appell ġdid kontra d-deċiżjoni ta’ għoti diġà meħuda. It-terminu għall-preżentata ta’ tali appell għandu jibda jiddekorri biss mill-mument li fih dan ir-rikorrent ikollu aċċess għall-informazzjoni kollha li b’mod żbaljat kienet ġiet ikklassifikata bħala kunfidenzjali.


    (1)  ĠU C 228, 14.6.2021


    Top