Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TO0198(01)

    Digriet tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tat-8 ta’ Ġunju 2021.
    Harry Shindler et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
    Rikors għal annullament – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom – Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ – Ċittadini tar-Renju Unit – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Att mhux regolatorju – Inammissibbiltà.
    Kawża T-198/20.

    ECLI identifier: ECLI:EU:T:2021:348

     DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

    8 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

    “Rikors għal annullament – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni u mill-Euratom – Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ – Ċittadini tar-Renju Unit – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Nuqqas ta’ inċidenza individwali – Att mhux regolatorju – Inammissibbiltà”

    Fil-Kawża T‑198/20,

    Harry Shindler, residenti f’Porto d’Ascoli (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness ( 1 ), irrappreżentati minn J. Fouchet, avukat,

    rikorrenti,

    vs

    Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer, R. Meyer u J. Ciantar, bħala aġenti,

    konvenut,

    li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, totali jew parzjali, minn naħa, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7) u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat‑30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1).

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

    komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi), G. Hesse u M. Stancu, Imħallfin,

    Reġistratur: E. Coulon,

    tagħti l-preżenti

    Digriet

    Il-fatti li wasslu għall-kawża

    1

    Ir-rikorrenti, Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, huma ċittadini tar-Renju Unit residenti fl-Irlanda, fi Spanja, fi Franza u fl-Italja.

    2

    Fit‑23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotaw f’referendum favur il-ħruġ ta’ pajjiżhom mill-Unjoni Ewropea.

    3

    Fid‑29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50(2) TUE.

    4

    Fl‑24 ta’ Jannar 2020, ir-rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-ħruġ”).

    5

    Fit‑30 ta’ Jannar 2020, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/135 (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1). Bis-saħħa tal-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-Ftehim dwar il-ħruġ ġie approvat f’isem l-Unjoni u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    6

    Fil‑31 ta’ Jannar 2020, ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Fl‑1 ta’ Frar 2020, il-Ftehim dwar il-ħruġ daħal fis-seħħ.

    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

    7

    B’rikors irreġistrat fit‑30 ta’ Marzu 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

    8

    Fil‑21 ta’ April 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw nota intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fit‑28 ta’ April 2020, il-President tal-Qorti Ġenerali ddeċieda li ma jinkludix din in-nota fil-proċess.

    9

    Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

    10

    Fil‑21 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    11

    Fil-frattemp, b’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2020, il‑Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill indika li ma għandu l-ebda osservazzjoni x’jagħmel dwar dan.

    12

    B’att ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑6 ta’ Awwissu 2020, British in Europe, assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Franċiż, talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑26 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill iħalli għad-diskrezzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ammissjoni eventwali ta’ dan l-intervent.

    13

    Permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla), abbażi tal-Artikolu 130(7) tar-Regoli tal-Proċedura, għaqdet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mal-mertu u rriżervat l-ispejjeż.

    14

    Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali bagħtet il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż, konformement mal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura.

    15

    Il-Kunsill ippreżenta r-risposta tiegħu fit‑18 ta’ Jannar 2021. Fil‑11 ta’ Frar 2021, il-President tal-Għaxar Awla Estiża ddeċieda li ma jinnotifikax din in-nota lir-rikorrenti.

    16

    Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fid‑19 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti talbu s-sospensjoni tal-proċedura f’din il-kawża taħt l-Artikolu 69(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru fit‑8 ta’ Frar 2021, il-Kunsill ppreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq din it-talba għal sospensjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Frar 2021, il-President tal-Għaxar Awla Estiża ċaħad l-imsemmija talba għal sospensjoni.

    17

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    prinċipalment, tannulla totalment il-Ftehim dwar il-ħruġ u d-Deċiżjoni 2020/135;

    sussidjarjament, tannulla parzjalment il-Ftehim dwar il-ħruġ u d-Deċiżjoni 2020/135, “sa fejn dawn l-atti jagħmlu distinzjoni b’mod awtomatiku u ġenerali, […] bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit”, u tannulla għalhekk, b’mod partikolari, is-sitt paragrafu tal-preambolu u l-Artikoli 9, 10 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ;

    tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, “inklużi l-ispejjeż tal-avukat li jammontaw għal [EUR] 5000”.

    18

    Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-Kunsill jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

    tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

    Id-dritt

    Fuq il-possibbiltà li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet

    19

    Bis-saħħa tal-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenuta titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. B’applikazzjoni tal-Artikolu 130(6) ta’ dawn ir-regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

    20

    Skont il-ġurisprudenza, il-possibbiltà li rikors jiġi miċħud bħala inammissibbli permezz ta’ digriet motivat, u għalhekk mingħajr ma tinżamm seduta, ma hijiex eskluża mill-fatt li l-Qorti Ġenerali kienet preċedentement adottat digriet li jgħaqqad mal-mertu eċċezzjoni ppreżentata abbażi tal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Frar 2008, Tokai Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑262/07 P, mhux ippubblikat, EU:C:2008:95, punti 26 sa 28).

    21

    F’dan il-każ, minkejja li permezz ta’ digriet tal‑5 ta’ Novembru 2020 iddeċidiet li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill tingħaqad mal-mertu, il-Qorti Ġenerali issa tqis li hija suffiċjentement informata mid-dokumenti tal-proċess sabiex tiddeċiedi permezz ta’ digriet dwar din l-eċċezzjoni.

    Fuq is-suġġett tar-rikors

    22

    Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti jitolbu, sussidjarjament, l-annullament parzjali tal-Ftehim dwar il-ħruġ u tad-Deċiżjoni 2020/135, “sa fejn dawn l-atti jagħmlu distinzjoni b’mod awtomatiku u ġenerali, […] bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini tar-Renju Unit”, u tannulla għalhekk, b’mod partikolari, is-sitt paragrafu tal-preambolu u l-Artikoli 9, 10 u 127 tal-Ftehim dwar il-ħruġ (it-tieni inċiż tal-punt 17, iktar ’il fuq).

    23

    F’dan ir-rigward, mis-sottomissjonijiet bil-miktub kollha tar-rikorrenti jirriżulta li, permezz tat-talba tagħhom għal annullament parzjali, huma jitolbu, essenzjalment, l-annullament tal-atti msemmija fil-punt 22 iktar ’il fuq, sa fejn dawn l-atti jċaħħdu liċ-ċittadini tar-Renju Unit, u b’mod partikolari dawk fosthom li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fl-Unjoni u li ma ġewx awtorizzati jivvotaw matul ir-referendum tat‑23 ta’ Ġunju 2016, mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus.

    24

    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti jitolbu l-annullament, totali jew parzjali, mhux biss tad-Deċiżjoni 2020/135, iżda wkoll tal-Ftehim dwar il-ħruġ innifsu.

    25

    Madankollu, il-Ftehim dwar il-ħruġ ma huwiex att unilaterali tal-Unjoni, iżda att tad-dritt internazzjonali konvenzjonali konkluż bejn l-Unjoni, minn naħa, u r-Renju Unit, min-naħa l-oħra.

    26

    F’tali każ, l-istħarriġ tal-legalità li għandu jiġi żgurat mill-qorti tal-Unjoni jirrigwarda l-att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni intiż sabiex jimplimenta l-ftehim internazzjonali inkwistjoni, u mhux lil dan tal-aħħar bħala tali, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 286). Madankollu, dan l-istħarriġ jista’ jirrigwarda l-legalità ta’ dan l-att fid-dawl tal-kontenut stess tal-ftehim internazzjonali inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punt 51).

    27

    Huwa għalhekk li, meta tiġi adita b’rikors dirett kontra ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, il-qorti tal-Unjoni tikklassifika mill-ġdid ir-rikors bħala, fir-realtà, dirett kontra d-deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Awwissu 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑327/91, EU:C:1994:305, punti 13 sa 17).

    28

    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala li huwa dirett biss kontra d-Deċiżjoni 2020/135 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

    Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà

    29

    Il-Kunsill isostni li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti ma għandhomx locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, l-ewwel, ir-rikorrenti ma humiex destinatarji ta’ din id-deċiżjoni. It-tieni, ir-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni. It-tielet, id-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, tinkludi miżuri ta’ implimentazzjoni u, min-naħa l-oħra, ma hijiex att regolatorju.

    30

    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Huma jsostnu, minn naħa, li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, li din id-deċiżjoni hija att regolatorju li jikkonċernahom direttament u li ma jinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni.

    31

    Għandu jitfakkar li, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni paragrafi, tressaq rikors għal annullament kontra tliet tipi ta’ atti, jiġifieri, l-ewwel, l-atti indirizzati lilha, it-tieni, l-atti li jirrigwardaha direttament u individwalment u, it-tielet, l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni.

    32

    F’dan il-każ, fid-dawl tal-klassifikazzjoni parzjali mill-ġdid tar-rikors (punt 28 iktar ’il fuq), il-locus standi tar-rikorrenti għandu jiġi evalwat fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata biss. Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza (punt 26 iktar ’il fuq), għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-kontenut tal-Ftehim dwar il-ħruġ.

    33

    Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la huma destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas tal-Ftehim dwar il-ħruġ. Minn dan isegwi li huma ma għandhomx dritt għal azzjoni abbażi tal-ewwel parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fatt li, barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat.

    34

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhomx dritt għal azzjoni abbażi ta’ waħda jew l-oħra mill-każijiet previsti mit-tieni u mit-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fid-dawl tat-tieni parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

    35

    Għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet tal-interess dirett, minn naħa, u tal-interess individwali, min-naħa l-oħra, previsti mit-tieni parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huma kumulattivi (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 7576 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    36

    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, hemm lok li qabel kollox jiġi eżaminat jekk it-tieni kundizzjoni, marbuta mal-interess individwali tar-rikorrenti, hijiex issodisfatta.

    37

    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex titqies li hija individwalment ikkonċernata minn att li tiegħu hija ma hijiex destinatarja, persuna fiżika jew ġuridika għandha tiġi ppreġudikata minn dan l-att minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzaha bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju ta’ deċiżjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 223, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Chemical, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 93).

    38

    Konsegwentement, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, peress li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2001, Antillean Rice Mills vs Il‑Kunsill, C‑451/98, EU:C:2001:622, punt 52, u tat‑13 ta’ Marzu 2018, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni, C‑384/16 P, EU:C:2018:176, punt 94).

    39

    Bl-istess mod, il-fatt li att normattiv jista’ jkollu effetti konkreti differenti għad-diversi individwi li għalihom japplika ma huwiex ta’ natura li jikkaratterizzahom meta mqabbla mal-persuni kkonċernati l-oħra kollha, peress li l-applikazzjoni ta’ dan l-att issir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettivament determinata (sentenza tat‑22 ta’ Frar 2000, ACAV et vs Il‑Kunsill, T‑138/98, EU:T:2000:45, punt 66, u d-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2008, RSA Security Ireland vs Il‑Kummissjoni, T‑227/06, EU:T:2008:547, punt 59).

    40

    Madankollu, il-fatt li dispożizzjoni għandha min-natura u l-portata tagħha natura ġenerali, sa fejn tapplika għall-ġeneralità tal-persuni kkonċernati, ma jeskludix madankollu li din tista’ tikkonċerna individwalment lil uħud minnhom (sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il‑Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, EU:C:2006:416, punt 58, u tat‑23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il‑Kummissjoni, C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 29).

    41

    Fil-fatt, meta att jolqot grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fil-mument meta ttieħed dan l-att u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn dan l-att minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ persuni. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-imsemmi att ibiddel id-drittijiet miksuba minn dawn il-persuni qabel l-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 7172 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Frar 2014, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

    42

    F’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li huma direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata sa fejn din iċċaħħadhom mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, b’mod partikolari d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorji tal-Istati Membri u d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali tal-Istat Membru ta’ residenza tagħhom.

    43

    B’mod iktar speċifiku, sabiex jiġġustifikaw l-interess individwali tagħhom, ir-rikorrenti jispjegaw li huma jagħmlu parti mill-ewwel ċirku ristrett ta’ ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni (2 % tal-“popolazzjoni Brittanika ġenerali”). Barra minn hekk, huma jagħmlu parti wkoll mit-tieni ċirku iktar ristrett ta’ ċittadini tar-Renju Unit li, barra minn hekk, irrisjedew għal iktar minn ħmistax‑il sena barra mir-Renju Unit u li, minħabba f’hekk, ġew imċaħħda mid-dritt għall-vot fl-elezzjonijiet leġiżlattivi fir-Renju Unit kif ukoll matul ir-referendum tat‑23 ta’ Ġunju 2016 skont ir- “regola ta’ 15‑il sena” (15 years rule) (1.2 % tal-“popolazzjoni Brittanika”). Din iċ-ċaħda tad-dritt tal-vot kienet tipprekludihom milli jipparteċipaw fl-iskrutinji determinanti għaż-żamma tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni.

    44

    Ir-rikorrenti jispjegaw ukoll li kull wieħed minnhom huwa affettwat b’mod importanti u partikolari mit-telf tal-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta miegħu. F’dan ir-rigward, huma jinvokaw il-konsegwenzi li għandhom għalihom it-telf tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus minħabba kwalitajiet differenti, bħal, b’mod partikolari:

    dik ta’ veteran tat-Tieni Gwerra Dinjija (rikorrent wieħed);

    dik ta’ “vittmi tar-‘regola ta’ 15‑il sena’” (ħames rikorrenti);

    dik ta’ persuni li ġew impediti milli jivvotaw jew li jkunu kandidati fl-elezzjonijiet muniċipali Franċiżi tal‑2020 (ħames rikorrenti);

    dik ta’ persuna li ser tiġi assenjata fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha f’Ġibiltà (rikorrenti waħda);

    dik ta’ persuni li l-ħajja privata u tal-familja tagħhom hija affettwata (żewġ rikorrenti);

    dik ta’ persuni li d-dritt għall-proprjetà tagħhom ikun affettwat (erba’ rikorrenti);

    dawk ta’ persuni li huma suġġetti għal taxxa soċjali jew fiskali ġdida fuq il-pensjonijiet tagħhom ta’ rtirar imħallsa mir-Renju Unit (sebgħa mir-rikorrenti);

    dik ta’ persuni li ser ikunu suġġetti għal formalitajiet ġodda sabiex jidħlu jew jirrisjedu fit-territorju tal-Unjoni (tlieta mir-rikorrenti).

    45

    Għandu jiġi kkonstatat qabel kollox li l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex jiġi stabbilit il-locus standi tagħhom skont it-tieni parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huwa bbażat fuq il-premessa li d-deċiżjoni kkontestata twassal għat-“telf” jew it-“tneħħija” tal-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus.

    46

    F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li la d-deċiżjoni kkontestata u lanqas il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jipproċedu espressament għat-tneħħija tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus.

    47

    Madankollu, mill-kliem u mill-istruttura tal-Ftehim dwar il-ħruġ, u b’mod partikolari mis-sitt paragrafu tal-preambolu tiegħu, mill-punti (b) sa (d) tal-Artikolu 2 tiegħu, mill-Artikolu 10(1)(a) sa (d) tiegħu, u, b’mod iktar ġenerali, mit-tieni parti kollha tiegħu intitolata “Drittijiet taċ-ċittadini”, jirriżulta b’mod ċar li dan il-ftehim jittratta ċ-ċittadini tar-Renju Unit, inklużi dawk li kienu ċittadini tal-Unjoni fid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, bħala persuni li ma għandhomx, jew li ma għandhomx iktar, minn din id-data, il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, l-imsemmi ftehim ma jipprevedix iż-żamma tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni għaċ-ċittadini tar-Renju Unit u tad-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus.

    48

    Issa, għandu jiġi enfasizzat li, inkontestabbilment, it-telf jew in-nuqqas ta’ żamma tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jista’ jaffettwa b’mod kunsiderevoli d-drittijiet ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jirtira mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 64). Iċ-ċittadini ta’ tali Stat Membru, li jgħixu fi Stat Membru ieħor, jistgħu iktar u iktar jiġu affettwati bil-ħruġ mill-Unjoni tal-Istat Membru li minnu joriġinaw, minħabba rabtiet maħluqa xi drabi għal żmien twil, mill-perspettiva kemm personali kif ukoll dik professjonali u ekonomika (digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2020, Walker et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑383/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:269, punt 41).

    49

    Madankollu, fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ interess individwali u konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 37 iktar ’il fuq, huma r-rikorrenti li għandhom jiġġustifikaw li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn iċċaħħadhom mill-istatus tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom bl-istess mod bħal destinatarji.

    50

    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa stabbilit li l-Ftehim dwar il-ħruġ, b’mod partikolari sa fejn ma jipprevedix iż-żamma tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit, japplika għaċ-ċittadini kollha ta’ dan l-Istat u għalhekk għandu portata ġenerali.

    51

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata, li ddaħħal il-Ftehim dwar il-ħruġ fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni hija fiha nnifisha att ta’ portata ġenerali u, għal dan il-għan, tilħaq lir-rikorrenti minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ ċittadini tar-Renju Unit.

    52

    Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 43 iktar ’il fuq u bbażati fuq l-appartenenza għal kategoriji partikolari ta’ ċittadini tar-Renju Unit li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni u, għal uħud minnhom, kienu barra minn hekk imċaħħda mid-dritt tal-vot tagħhom fl-iskrutinji organizzati minn dan l-Istat Membru ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti jagħmlu parti minn ċirku ristrett ta’ persuni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq.

    53

    Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata, sa fejn iċċaħħad liċ-ċittadini tar-Renju Unit mill-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, minn naħa, ma ttieħditx abbażi ta’ kriterji speċifiċi għall-persuni membri mill-kategoriji partikolari ta’ ċittadini tar-Renju Unit invokati mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, ma ċċaħħadx lil dawn il-persuni minn dritt miksub li huwa speċifiku jew esklużiv għall-membri ta’ dawn il-kategoriji. Għall-kuntrarju, minn dak li ġie rrilevat fil-punt 51 iktar ’il fuq jirriżulta li t-telf allegat tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus japplika għal grupp oġġettivament speċifiku ta’ persuni, jiġifieri ċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit indipendentement mill-Istat ta’ residenza tagħhom (ara, b’analoġija, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2020, Walker et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑383/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:269, punti 5253).

    54

    F’dawn iċ-ċirkustanzi u konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 u 39 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanzi, minn naħa, li n-numru, jew l-identità, tal-persuni li jagħmlu parti mill-kategoriji ta’ ċittadini tar-Renju Unit invokati mir-rikorrenti jistgħu jiġu ddeterminati bi ftit jew wisq preċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn il-persuni jkunu iktar affettwati mit-telf allegat tal-istatus ta’ ċittadini tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus miċ-ċittadini l-oħra tar-Renju Unit ma humiex, fihom infushom, ta’ natura li jagħmlu dawn il-persuni individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2020, Walker et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑383/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:269, punti 43, 4546).

    55

    Fit-tielet lok, il-kwalitajiet differenti invokati, b’mod personali, minn kull wieħed mir-rikorrenti u elenkati fil-punt 44 iktar ’il fuq jistgħu, l-iktar l-iktar, jistabbilixxu l-effetti konkreti, differenti u, jekk ikun il-każ, importanti li jista’ jkollu għal kull wieħed minnhom it-telf allegat tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus. Għall-kuntrarju, l-ebda waħda minn dawn il-kwalitajiet ma hija ta’ natura li turi li t-telf ta’ dan l-istatus u tad-drittijiet marbuta mal-imsemmi status ikollu għalihom konsegwenzi tant partikolari u tant speċifiċi li jindividwalizzahom meta mqabbla ma’ kull persuna oħra, bħalma huma d-destinatarji, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 37 iktar ’il fuq.

    56

    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ma pproduċew ebda element li jista’ jistabbilixxi li huma kkonċernati individwalment minn aspetti tad-deċiżjoni kkontestata minbarra t-telf allegat tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u tad-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus.

    57

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk dawn tal-aħħar humiex direttament ikkonċernati minn din id-deċiżjoni, huma ma għandhomx locus standi fir-rigward tat-tieni parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    Fuq il-locus standi tar-rikorrenti fid-dawl tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

    58

    Għandu jitfakkar li l-kundizzjonijiet marbuta, l-ewwel, man-natura regolamentari tal-att ikkontestat, it-tieni, mal-interess dirett tar-rikorrenti u, it-tielet, mal-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni previsti mit-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad‑19 ta’ Novembru 2020, Buxadé Villalba et vs Il‑Parlament, T‑32/20, mhux ippubblikat, EU:T:2020:552, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    59

    Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, għandu l-ewwel jiġi eżaminat jekk l-ewwel kundizzjoni, dwar in-natura regolatorja tad-deċiżjoni kkontestata, hijiex issodisfatta.

    60

    Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu portata iktar limitata minn dak ta’ “atti”, użat fl-ewwel u fit-tieni parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jistax ikopri l-atti kollha ta’ portata ġenerali, iżda jirrigwarda kategorija iktar ristretta ta’ atti ta’ din in-natura (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punt 58).

    61

    Konsegwentement, il-kunċett ta’ “atti regolatorji”, minn naħa, jirreferi għal atti ta’ portata ġenerali u, min-naħa l-oħra, ma jinkludix l-atti leġiżlattivi (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 6061).

    62

    F’dan il-każ, fl-ewwel lok, il-partijiet jaqblu, ġustament, sabiex jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata hija att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali.

    63

    Fil-fatt, minn naħa, huwa stabbilit li d-deċiżjoni kkontestata hija att ta’ portata ġenerali (punt 51 iktar’ il fuq).

    64

    Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li att legali jista’ jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv tal-Unjoni biss jekk ikun ġie adottat abbażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirreferi espressament jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew għall-proċedura leġiżlattiva speċjali (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Is‑Slovakkja u L‑Ungerija vs Il‑Kunsill, C‑643/15 u C‑647/15, EU:C:2017:631, punt 62). F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 50(2) TUE. Issa, għandu jiġi kkonstatat li għalkemm din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-ħruġ ta’ Stat Membru jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament, hija ma tirreferix espressament la għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas għall-proċedura leġiżlattiva speċjali. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv.

    65

    Fit-tieni lok, il-partijiet ma jaqblux fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali. Skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni tista’ tkun biss att regolatorju. Skont il-Kunsill, l-imsemmija deċiżjoni la hija att leġiżlattiv u lanqas att regolatorju.

    66

    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fis-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625), il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li l-kunċett ta’ “atti regolatorji” kien jinkludi l-atti mhux leġiżlattivi kollha ta’ portata ġenerali.

    67

    Ċertament, għandu jitfakkar li, f’sentenza sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-interpretazzjoni li tgħid li jeżistu atti mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-kunċett ikopri l-atti kollha mhux leġiżlattivi ta’ portata ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punti 2428).

    68

    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il‑Kummissjoni, Il‑Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il‑Kummissjoni vs Ferracci (C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873), l-att kontenzjuż kien deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat. Għalkemm għandha portata ġenerali minħabba l-fatt li hija kienet tiddeċiedi dwar skemi nazzjonali, din id-deċiżjoni kienet ta’ natura amministrattiva u kienet ġiet adottata mill-Kummissjoni biss, mingħajr intervent mill-Kunsill u mill-Parlament. F’dan il-kuntest, l-argument imressaq mill-Kummissjoni li l-imsemmija deċiżjoni kienet att mhux leġiżlattiv ta’ portata ġenerali li ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “atti regolatorji” ma għandu l-ebda bażi fil-formulazzjoni, l-oriġini jew l-għan tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 24 sa 27 ta’ din is-sentenza.

    69

    Għall-kuntrarju, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-okkażjoni li teżamina jekk id-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, u b’mod partikolari d-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-ħruġ minn Stat Membru, għandhomx jiġu kklassifikati bħala atti regolatorji fis-sens tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    70

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-kunċett ta’ “atti regolatorji” ikoprix ukoll tali deċiżjonijiet.

    71

    F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, bħal kull ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni, ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-ħruġ ta’ Stat Membru jorbot lill-istituzzjonijiet tagħha u jipprevali fuq l-atti li huma jadottaw (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

    72

    Minn din is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi tad-dritt sekondarju jirriżulta li l-Ftehim dwar il-ħruġ għandu, fil-ġerarkija tar-regoli, grad ogħla minn dak ta’ atti oħra ta’ portata ġenerali, kemm leġiżlattivi kif ukoll regolamentari.

    73

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tintroduċi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni regoli, li jinsabu fil-Ftehim dwar il-ħruġ, li jipprevalu fuq l-atti leġiżlattivi u regolatorji u li, għaldaqstant, ma jistgħux huma stess ikunu ta’ natura regolatorja.

    74

    It-tieni, fid-dawl tal-proċedura ta’ adozzjoni tiegħu u f’konformità ma’ ftehimiet internazzjonali oħra konklużi mill-Unjoni, il-Ftehim dwar il-ħruġ jista’ jitqies li huwa, fuq livell estern, l-ekwivalenti ta’ dak li huwa att leġiżlattiv fuq livell intern. (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 146).

    75

    Fil-fatt, il-Ftehim dwar il-ħruġ ġie konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, wara l-approvazzjoni tal-Parlament, skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 50(2) TUE. Sa fejn din tinvolvi lill-Kunsill u l-Parlament, din il-proċedura tixbah lill-proċeduri leġiżlattivi ordinarji u speċjali ddefiniti fl-Artikolu 289(1) u (2) TFUE u msemmija fl-Artikolu 21(2) u (3), fl-Artikolu 22(1) u (2), fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u fl-Artikolu 228(4) TFUE li abbażi tagħhom dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

    76

    Minn dan isegwi li d-deċiżjoni kkontestata tintroduċi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni regoli, li jinsabu fil-Ftehim dwar il-ħruġ, li huma kkaratterizzati minn leġittimità demokratika partikolarment għolja, bħal dawk li jidhru f’att leġiżlattiv. Issa, hija preċiżament il-leġittimità demokratika partikolarment għolja tal-leġiżlazzjoni adottata skont proċedura li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Kunsill u tal-Parlament li tiġġustifika l-assenza ta’ flessibbiltà tal-kundizzjonijiet li fihom l-individwi jistgħu jippreżentaw rikorsi għal annullament kontra l-atti leġiżlattivi (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 38).

    77

    Barra minn hekk, f’diversi verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-kunċett ta’ “atti regolatorji” jevoka iktar l-atti tas-setgħa eżekuttiva minn dawk tas-setgħa leġiżlattiva (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:21, punt 41). Issa, deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali jew ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ ħruġ ta’ Stat Membru, bħad-deċiżjoni kkontestata, ma tistax tiġi assimilata ma’ att tal-poter eżekuttiv.

    78

    It-tielet, ikun inkoerenti u paradossali li jittaffew il-kundizzjonijiet li fihom l-individwi jistgħu jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata billi jikklassifikawha bħala att regolatorju. Fil-fatt, tali flessibbiltà jkollha l-konsegwenza li l-individwi jkunu jistgħu iktar faċilment jikkontestaw regola legali partikolari meta din tkun tinsab fi ftehim internazzjonali, bħall-Ftehim dwar il-ħruġ, u sussegwentement jiġi introdott fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni permezz ta’ deċiżjoni li tapprova l-konklużjoni tal-ftehim inkwistjoni, bħad-deċiżjoni kkontestata, milli meta l-istess regola ġuridika tkun tinsab f’att leġiżlattiv li jkollu kontenut identiku u jokkupa pożizzjoni inferjuri fil-ġerarkija tar-regoli.

    79

    Ir-raba’, mill-oriġini tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-awturi tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa u sussegwentement dawk tat-Trattat ta’ Lisbona ma kellhomx l-intenzjoni li jtaffu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi tal-individwi diretti kontra d-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħal, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-ħruġ ta’ Stat Membru. B’mod partikolari, ix-xogħlijiet preparatorji tal-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa, u b’mod partikolari tal-Artikolu III‑365(4) tiegħu, li l-kontenut tiegħu ġie riprodott f’termini identiċi fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, bl-ebda mod ma juri li l-imsemmija awturi xtaqu li tali deċiżjonijiet jiġu kklassifikati bħala “atti regolatorji” fis-sens ta’ dawn iż-żewġ artikoli.

    80

    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “atti regolatorji” fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix id-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali, bħal, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet li japprovaw il-konklużjoni ta’ ftehim li jistabbilixxi l-modalitajiet tal-irtirar ta’ Stat Membru.

    81

    Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala att regolatorju fis-sens tat-tielet parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    82

    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata taffettwax direttament lir-rikorrenti u jekk din tinkludix miżuri ta’ implimentazzjoni, dawn tal-aħħar ma għandhomx locus standi fir-rigward tat-tielet parti tas-sentenza fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

    83

    Minn dan isegwi li l-Kunsill huwa fondat meta jsostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi. Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tintlaqa’ u r-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

    Fuq it-talbiet għal intervent

    84

    Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent jitlef l-għan tiegħu fil-każ li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli. F’dan il-każ, peress li r-rikors ġie miċħud bħala inammissibbli, ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għal intervent imressqa mill-Kummissjoni u minn British in Europe.

    Fuq l-ispejjeż

    85

    Fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati, minbarra għall-ispejjeż tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kunsill, konformement mat-talbiet ta’ dan tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

    86

    Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk l-istanza fil-kawża prinċipali tingħalaq qabel tingħata deċiżjoni dwar talba għal intervent, min ressaq it-talba għal intervent u l-partijiet prinċipali għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mat-talba għal intervent. F’dan il-każ, ir-rikorrenti, il-Kunsill, il-Kummissjoni u British in Europe għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

     

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

    tordna li:

     

    1)

    Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

     

    2)

    Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ British in Europe.

     

    3)

    Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati, minbarra għall-ispejjeż tagħhom, għal dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni ta’ dawk relatati mat-talbiet għal intervent.

     

    4)

    H. Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, il-Kunsill, il-Kummissjoni u British in Europe għandhom ibatu kull wieħed l-ispejjeż tagħhom relatati mat-talbiet għal intervent.

     

    Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑8 ta’ Ġunju 2021.

    Reġistratur

    E. Coulon

    President

    A. Kornezov


    ( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

    ( 1 ) Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.

    Top