This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62020TN0174
Case T-174/20: Action brought on 4 April 2020 — Comune di Stintino v Commission
Kawża T-174/20: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2020 – Comune di Stintino vs Il-Kummissjoni
Kawża T-174/20: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2020 – Comune di Stintino vs Il-Kummissjoni
ĠU C 175, 25.5.2020, p. 34–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
25.5.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 175/34 |
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2020 – Comune di Stintino vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-174/20)
(2020/C 175/45)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrent: Comune di Stintino (rappreżentant: G. Machiavelli, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla:
— |
id-dispożizzjoni msemmija fin-nota tal-Kummissjoni Ewropea Ref. Ares(2020)734033-05/02/2020, Direttorat Ġenerali tal-Ambjent, Servizz AENV. A – Politika, Koordinament, LIFE, Gvernar u Riżorsi, ENV. A.4. – Iggvernar ta’ LIFE, Amministrazzjoni, IT u Servizzi ta’ Sostenn fl-Unità, li biha ġie stabbilit it-tnaqqis tal-finanzjament mogħti lill-Comune di Stintino għall-programm “LIFE10 NAT/IT/000244 – ST.e.R.N.A.” u ġie ordnat l-irkupru tas-somom diġà mħallsa b’eċċess; |
— |
in-nota ta’ debitu tal-Kummissjoni Ewropea Nru 3242002652 tal-24 ta’ Frar 2020, li biha l-Comune di Stintino ntalab li jħallas is-somma ta’ € 447 078,63, bħala restituzzjoni ta’ somom li rriżultaw li ma kinux dovuti b’riżultat tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq; |
— |
id-dispożizzjoni msemmija fin-nota tal-Kummissjoni Ewropea Ref. Ares(2019)6551262-23/10/2019, Direttorat Ġenerali tal-Ambjent, Servizz AENV. A – Politika, Koordinament, LIFE, Gvernar u Riżorsi, ENV. A.4. – Iggvernar ta’ LIFE, Amministrazzjoni, IT u Servizzi ta’ Sostenn fl-Unità, li biha ġiet stabbilita l-kwota tal-ispejjeż mhux ammissibbli b’rabta mal-finanzjament imsemmi iktar ’il fuq, li tagħti lill-Comune di Stintino t-terminu ta’ 30 ġurnata biex iqajjem l-oġġezzjonijiet tiegħu (dok. NruoR3); |
— |
kull att ieħor jew dispożizzjoni oħra bbażat, konsegwenti u/jew b’xi mod ieħor konness. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka sitt motivi.
1. |
Pjan ta’ azzjoni ġenerali: Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, Ksur tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Finanzjament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: Nuqqas ta’ motivazzjoni, għaliex ma huwiex spjegat kif ġiet iddeterminata l-perċentwali tat-tnaqqis applikat; |
2. |
Pjan ta’ azzjoni ġenerali: Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għaliex it-tnaqqis ma huwiex proporzjonali mal-azzjonijiet imwettqa; |
3. |
Pjan ta’ azzjoni ġenerali: Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għaliex twettqet perċentwali tal-proġett ikbar minn dik applikata għat-tnaqqis; |
4. |
Xiri ta’ art u riġenerazzjoni ambjentali tal-laguna, tal-kanal u tal-fetħiet: Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 35.1 tad-Dispożizzjonijiet Komuni li jirregolaw il-finanzjament, kif ukoll ksur tal-aspettattivi leġittimi, għaliex l-atti allegati jiksru r-regoli msemmija iktar ’il fuq, u għaliex ma huwiex ikkontestat li l-azzjoni ġiet imwettqa b’mod sħiħ; |
5. |
Monitoraġġ taż-żona u edukazzjoni ambjentali u Network ekoloġika aċċessibbli: Ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 18 tad-Dispożizzjonijiet Komuni li jirregolaw il-finanzjament, kif ukoll ksur tal-aspettattivi leġittimi, għaliex l-azzjoni ġiet eżegwita b’mod sħiħ u d-dewmien ilmentat ma jippreġudikax it-twettiq fit-tul tal-attività ta’ divulgazzjoni. Fil-fatt, l-azzjoni twettqet b’mod sħiħ għall-parti fejn kien possibbli fid-dawl tar-rekwiżiti ambjentali; |
6. |
Koordinazzjoni tal-proġett: Ksur tal-aspettattivi leġittimi, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll ksur tal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, nuqqas ta’ motivazzjoni, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 18 tad-Dispożizzjonijiet Komuni li jirregolaw il-finanzjament, għaliex ma jistax jinftiehem kif ġiet iddeterminata l-perċentwali ta’ tnaqqis u, f’kull każ, dik li ġiet applikata ma hijiex proporzjonali mal-attività mwettqa. |