Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0148

Kawża T-148/20: Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2020 – FC vs EASO

ĠU C 175, 25.5.2020, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/29


Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Marzu 2020 – FC vs EASO

(Kawża T-148/20)

(2020/C 175/40)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: FC (rappreżentant: Β. Christianós, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-EASO tat-18 ta’ Diċembru 2019, Nru EASO/ED/2019/509, li tiċħad l-ilment magħmul mir-rikorrenti fil-5 ta’ Settembru 2019 abbażi tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”),

tannulla d-deċiżjoni tal-EASO tas-7 ta’ Ġunju 2019, li tiċħad ir-revoka, tat-23 ta’ Mejju 2019, mir-rikorrenti, tar-riżenja tagħha fl-1 ta’ Marzu 2019,

tikkundanna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens flimkien mal-interessi, l-ammont li jikkorrispondi għar-remunerazzjoni li din kienet tirċievi li kieku baqgħet fil-kariga tagħha li kellha fi ħdan l-EASO, jiġifieri mill-1 ta’ Ġunju 2019 u sal-ħatra mill-ġdid fil-kariga tagħha mal-EASO, jew inkella sat-tmiem tal-kuntratt tagħha mal-EASO jew sal-ħatra f’kariga oħra b’remenerazzjoni korrispondenti, l-ammont ekwivalenti għal EUR 7 534,03 fix-xahar (sal-15 ta’ Lulju 2019) u għal EUR 7 777,25 fix-xahar (mis-16 ta’ Lulju 2019),

tikkundanna lill-EASO jħallas lir-rikorrenti l-ammont totali ta’ EUR 250 000 bħala kumpens għad-dannu morali u d-dannu għas-saħħa li hija sofriet sal-lum, u

tikkundanna lill-EASO għall-ispejjeż kollha tal-kawża subiti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata Nru EASO/ED/2019/509 hija vvizzjata minħabba r-raġunijiet segwenti:

ksur tad-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iktar 'il quddiem il-“Karta”), taħt il-profil tal-prinċipju ta’ imparzjalità, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-prinċipju ta’ oġġettività kif ukoll tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (l-ewwel raġuni ta’ annullament f’dak li jikkonċerna l-ewwel motiv),

ksur tad-dritt tar-rikorrenti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tagħha mill-amministrazzjoni, li jirriżulta mid-dritt għal amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta) u tad-dmir ta’ premura (Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal) (it-tieni raġuni ta’ annullament f’dak li jikkonċerna l-ewwel motiv),

dawn il-prassi u omissjonijiet illegali tal-EASO huma vvizjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni, żball ta’ liġi u motivazzjoni insuffiċjenti (it-tielet raġuni ta’ annullament f’dak li jikkonċerna l-ewwel motiv).

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestesta Nru EASO/ED/2019/509 hija vvizzjata minħabba r-raġunijiet segwenti:

vizzji li jirriżultaw minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, żball ta’ liġi u motivazzjoni insuffiċjenti b’riferiment, b’mod partikolari, għar-riżenja abbażi tal-Artikolu 47(b)(ii) tal-Kundizzjonijiet tal-impieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, u għall-possibbli revoka ta’ din ir-riżenja (l-ewwel raġuni ta’ annullament f’dak li jikkonċerna t-tieni motiv),

ksur tad-dritt tar-rikorrenti għall-amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta) u tad-dmir ta’ premura (Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija), b’mod partikolari taħt il-profil tad-dritt tagħha li jittieħed inkunsiderazzjoni l-interess tagħha mill-amministrazzjoni (it-tieni raġuni ta’ annullament f’dak li jikkonċerna t-tieni motiv).


Top