Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0116

    Kawża T-116/20: Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2020 – Società agricola Vivai Maiorana et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 129, 20.4.2020, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    20.4.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 129/19


    Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2020 – Società agricola Vivai Maiorana et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-116/20)

    (2020/C 129/24)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Partijiet

    Rikorrenti: Società agricola Vivai Maiorana Ss (Curinga, l-Italja), Confederazione Italiana Agricoltori – CIA (Ruma, l-Italja), MIVA – Moltiplicatori Italiani Viticoli Associati (Faenza, l-Italja) (rappreżentanti: E. Scoccini u G. Scoccini, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 għall-parti segwenti: Anness IV – Partijiet A (żrieragħ tal-pjanti tal-għalf), B (żrieragħ taċ-ċereali), C (dwieli), F (żrieragħ tal-ħxejjex), I (ħxejjex) u J (pjanti tal-frott).

    tiddikjara l-invalidità tar-Regolament (UE) 2016/2031 għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 36, l-Anness I, Taqsima 4, Punt 3 u l-Artikolu 37(2).

    Motivi u argumenti prinċipali

    Dan ir-rikors ġie ppreżentat kontra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 690/2008 u jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2019 għall-parti segwenti: Anness IV – Partijiet A (żrieragħ tal-pjanti tal-għalf), B (żrieragħ taċ-ċereali), C (dwieli), F (żrieragħ tal-ħxejjex), I (ħxejjex) u J (pjanti tal-frott).

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament (UE) 2016/2031, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-eżistenza f’dan il-każ ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

    Ir-rikorrenti jsostnu li l-limitu ta’ preżenza ta’ pesti tal-pjanti rregolati mhux ta’ kwarantina fl-Unjoni (PRMK) fuq il-pjanti għat-tħawwil indiġeni ugwali għal 0 %, stabbilit mill-Kummissjoni fl-Anness IV tar-Regolament (UE) 2019/2072, ġie ffissat mingħajr ma ġie vverifikat, kif jitlob l-Artikolu 36(e) u (f) tar-Regolament (UE) 2016/2031, jekk il-preżenza ta’ PRMK fuq il-pjanti għat-tħawwil għandhiex effett ekonomiku mhux aċċettabbli u jekk jeżistux miżuri fattibbli u effikaċji sabiex tiġi evitata l-preżenza tagħhom.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tat-Trattat Internazzjonali FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura.

    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-introduzzjoni ta’ limitu żero għall-PRMK preżenti fuq ir-riżorsi tal-pjanti indiġeni tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 9 tat- Trattat Internazzjonali FAO dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura ffirmat mill-Unjoni Ewropea u mill-varji Stati tal-Unjoni.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (ĠU 2018, L 150, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2018, L 260, p. 25, fil-ĠU 2018, L 262, p. 90, fil-ĠU 2018, L 270, p. 37, u fil-ĠU 2019, L 305, p. 59).

    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-proċess ta’ selezzjoni u ta’ standardizzazzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ limiti għall-PRMK jikser espressament id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-inkompatibbiltà mal-politika agrikola tal-Unjoni Ewropea.

    Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li l-introduzzjoni ta’ limiti għall-PRMK imur kontra l-politika agrikola tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari:

    id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102);

    ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40);

    ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2013, L 347, p. 487, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 1);

    l-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ĠU 2014, L 227, p. 1).


    Top